Brussell, 22.1.2020

COM(2020) 27 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

IT-TFASSIL TAL-KONFERENZA DWAR IL-ĠEJJIENI TAL-EWROPA


IT-TFASSIL TAL-KONFERENZA DWAR IL-ĠEJJIENI TAL-EWROPA

IL-KONTRIBUT TAL-KUMMISSJONI EWROPEA

it-22 ta' Jannar 2020

1. SPINTA ĠDIDA GĦAD-DEMOKRAZIJA EWROPEA – ISSA Ż-ŻMIEN

“Nixtieq li l-Ewropej jibnu
l-futur tal-Unjoni tagħna. Għandu jkollhom

sehem ewlieni u attiv

fl-istabbiliment tal-prijoritajiet tagħna u fil-livell

ta’ ambizzjoni tagħna. Irrid li ċ-ċittadini

jsemmgħu leħinhom

f’Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, li tibda fl-2020

u ddum għaddejja għal sentejn.”

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea,
Ursula von der Leyen

Unjoni li tirsisti għal aktar –
L-aġenda tiegħi għall-Ewropa 16 ta’ Lulju 2019

Aktar minn 200 miljun ċittadin Ewropew ivvotaw fl-elezzjonijiet Ewropej ta’ Mejju 2019 – l-ogħla rata ta’ parteċipazzjoni f’għoxrin sena. Dan juri b’mod ċar li l-Ewropej iridu rwol aktar attiv fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Billi t-teknoloġiji diġitali u l-midja soċjali qed jimmodifikaw il-parteċipazzjoni politika u ċivika b’mod sostanzjali, iċ-ċittadini, speċjalment il-ġenerazzjoni żagħżugħa, qed jitolbu aktar involviment fil-mod kif jitfasslu l-politiki, lil hinn mill-votazzjoni kull ħames snin.

Għandna nwieġbu għal din is-sejħa.

Is-sistema demokratika tal-Unjoni Ewropea hija unika. Hija tinkludi 500 miljun persuna u tmur lil hinn mill-fruntieri. Jeħtieġ li nużaw metodi ġodda biex din is-sistema ssir aktar dinamika, interattiva u rilevanti għaċ-ċittadini tagħna. Il-President Ursula von der Leyen wegħdet li tagħmel dan billi tagħti leħen aktar qawwi lill-Ewropej rigward x’tagħmel l-Unjoni u kif taħdem għalihom. Din hija l-premessa ċentrali wara l-idea ta’ Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa.

L-Ewropa gawdiet 10 snin ta’ tkabbir ekonomiku kontinwu wara snin ta’ kriżi, il-qgħad qatt ma kien daqshekk baxx, u għalkemm wieħed ma jistax jiċħad li hemm ċertu livell ta’ ewroxettiċiżmu, l-appoġġ tan-nies lejn l-Unjoni tagħna laħaq wieħed mill-ogħla livelli tiegħu fi kważi 30 sena 1 . Jekk wieħed jibda minn din il-pożizzjoni ta’ forza kollettiva interna, issa nistgħu nħarsu ’l quddiem u nibnu viżjoni għall-futur tagħna. Wasal iż-żmien għal Spinta Ġdida għad-Demokrazija Ewropea

F’dinja dejjem aktar multipolari, ħafna Ewropej għadhom imħassba dwar il-futur tagħhom u l-Unjoni Ewropea trid turi li tista’ tipprovdi tweġibiet għat-tħassib tagħhom. Il-politika Ewropea għandha tgħin liċ-ċittadini u lin-negozji jibbenefikaw mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Din għandha tindirizza l-inugwaljanzi u tiżgura li l-Unjoni Ewropea tkun ekonomija ġusta, sostenibbli u kompetittiva. B’hekk, nistgħu nuru li l-Ewropa tista’ tkun aktar assertiva u tippromwovi l-valuri u l-istandards tagħha fid-dinja.

Bħala eżerċizzju demokratiku pan-Ewropew ewlieni, il-Konferenza se tkun forum pubbliku ġdid għal dibattitu miftuħ, inklużiv u trasparenti u strutturat maċ-ċittadini dwar għadd ta’ prijoritajiet u sfidi ewlenin. Dan se jkun forum minn isfel għal fuq, aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha, minn kull qasam tal-ħajja, u minn kull rokna tal-Unjoni, u għandu jirrifletti d-diversità tal-Ewropa. Se jkun miftuħ għas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet Ewropej u korpi Ewropej oħra, inkluż il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, il-parlamenti u partijiet interessati oħra – li kollha se jikkontribwixxu bħala sħab ugwali. Fl-aħħar mill-aħħar, jittratta dwar it-tisħiħ tar-rabta bejn l-Ewropej u l-istituzzjonijiet li jaqduhom.

Id-definizzjoni tal-kunċett, tal-istruttura, tal-ambitu u taż-żmien tal-Konferenza jridu jkunu sforz tassew konġunt mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea. Din il-kooperazzjoni għandha tieħu l-forma ta’ Dikjarazzjoni Konġunta mit-tliet istituzzjonijiet, li wara tinfetaħ għall-firmatarji inklużi l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjoni u l-partijiet ikkonċernati. Il-parlamenti u l-atturi nazzjonali u reġjonali għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-Konferenza u għandhom jiġu mħeġġa jorganizzaw avvenimenti relatati mal-Konferenza. L-involviment tagħom għandu jiżgura li l-Konferenza tmur ferm lil hinn mill-bliet kapitali tal-Ewropa u tilħaq kull rokna tal-Unjoni.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill bħalissa qed jaħdmu fuq il-kontributi tagħhom għal dan il-proċess. Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu fil-15 ta’ Jannar 2020 2 , laqa’ l-proposta għal Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, fejn talab proċess miftuħ u trasparenti, li jieħu approċċ inklużiv, parteċipattiv u bbilanċjat sew lejn iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati. Il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2019, enfasizza l-interess tiegħu li jmexxi l-Konferenza ’l quddiem billi talab lill-Presidenza Kroata tibda l-ħidma fuq il-pożizzjoni tal-Kunsill 3 . Il-Presidenza Kroata stess elenkat il-Konferenza fost il-Prijoritajiet tal-Presidenza tagħha 4 .

Dan id-dokument huwa l-kontribut tal-Kummissjoni għal dan il-proċess.

2. DISKUSSJONI MIFTUĦA LI TIFFOKA FUQ DAK LI HU IMPORTANTI GĦAĊ-ĊITTADINI

Sabiex id-dibattitu jkun iffokat u biex ikun hemm segwitu effettiv, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li torganizza l-Konferenza fuq żewġ linji paralleli: l-ewwel waħda tiffoka fuq il-politika, u dak li l-Unjoni tagħna għandha tipprova tikseb, u t-tieni waħda tiffoka fuq kwistjonijiet istituzzjonali.

2.1 UNJONI LI TIRSISTI GĦAL AKTAR

Il-Konferenza għandha titfassal madwar l-ambizzjonijiet ewlenin tal-UE, kif stabbiliti fis-sitt Prijoritajiet Politiċi tal-Kummissjoni 5 u fl-Aġenda Strateġika tal-Kunsill Ewropew 6 . Dawn jinkludu l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-isfidi ambjentali, ekonomija li taħdem għan-nies, il-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza, it-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa, il-promozzjoni tal-valuri Ewropej tagħna, it-tisħiħ tal-vuċi tal-UE fid-dinja, kif ukoll il-promozzjoni tal-fondazzjonijiet demokratiċi tal-Unjoni. Filwaqt li dawn is-suġġetti għandhom jinkwadraw id-dibattitu, huma ma għandhomx jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konferenza. Iċ-ċittadini għandhom ikunu liberi li jiffokaw fuq dak li huma jqisu bħala importanti.

2.2 KWISTJONIJIET ISTITUZZJONALI

It-tieni linja għandha tiffoka fuq l-indirizzar ta’ suġġetti speċifikament relatati ma’ proċessi demokratiċi u kwistjonijiet istituzzjonali, speċjalment is-sistema ta’ kandidat prinċpali għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea u listi transnazzjonali għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. It-twaqqif ta’ listi transnazzjonali tal-anqas ikun jeħtieġ bidliet fil-liġi elettorali tal-UE. Dan min-naħa tiegħu jeħtieġ proposta mill-Parlament Ewropew, adottata mill-Kunsill b’unanimità, u l-approvazzjoni mill-Istati Membri skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom. Minħabba li l-Kummissjoni m’għandhiex kompetenza f’dan il-qasam, ir-rwol tagħha għandu jkun dak ta’ faċilitatriċi u ta’ medjatura onesta bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. F’dan ir-rigward, u jekk ikun utli għall-istituzzjonijiet l-oħra, il-Kummissjoni lesta tqiegħed għad-dispożizzjoni għarfien espert legali u istituzzjonali, riċerka dwar proċessi elettorali u għarfien dwar ir-relazzjonijiet interistituzzjonali.

3. NOĦOLQU L-ISPAZJU ĠUST GĦALL-EWROPEJ BIEX ISEMMGĦU LEĦINHOM

3.1 NIBNU FUQ L-ESPERJENZA

Bħala punt ta’ tluq, il-Konferenza għandha tibni fuq id-djalogi taċ-ċittadini stabbiliti sew filwaqt li tintroduċi elementi ġodda sabiex iżżid is-sensibilizzazzjoni tagħhom u ssaħħaħ il-modi biex in-nies ifasslu l-futur tal-Ewropa. L-Unjoni Ewropea għandha tibbaża wkoll fuq l-esperjenza vasta tagħha fil-konsultazzjoni taċ-ċittadini biex jiġi żgurat li l-Konferenza tilħaq l-akbar għadd ta’ Ewropej possibbli. Din l-esperjenza tinkludi:

-Madwar 1,850 djalogu maċ-ċittadini organizzati bejn l-2015 u l-2019, li ġabru 218,700 parteċipant f’650 post fl-Unjoni Ewropea kollha;

-L-ospitar tal-ewwel panel li qatt sar taċ-ċittadini Ewropej dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, li laqqa’ flimkien 100 ċittadin minn madwar l-Unjoni kollha, magħżula permezz ta’ esperti tal-votazzjoni;

-Aktar minn 900 żjara minn Membri tal-Kummissjoni lil parlamenti nazzjonali u reġjonali mill-2014.

Il-Kummissjoni diġà hija impenjata li żżid b’mod sinifikanti s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tagħha, b’mod partikolari lil hinn mill-bliet kapitali. Il-President von der Leyen diġà talbet kull Membru tal-Kummissjoni biex iżur kull Stat Membru fl-ewwel nofs tal-mandat tiegħu. Kull Membru tal-Kulleġġ għandu wkoll jieħu sehem f’avvenimenti relatati mal-Konferenza fl-Ewropa kollha u jinvolvi ruħu maċ-ċittadini, il-politiċi u l-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali.

Il-Konferenza għandha tibni wkoll fuq l-esperjenza utli tal-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE fl-involviment attiv tagħhom maċ-ċittadini Ewropej. Pereżempju, ħafna Membri tal-Parlament Ewropew kienu involuti fi djalogi maċ-ċittadini u f’dibattiti oħra f’dawn l-aħħar snin. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni nedew ukoll inizjattivi ewlenin ta’ sensibilizzazzjoni. Il-Konferenza għandha tislet mill-esperjenza ta’ forom differenti ta’ konsultazzjonijiet taċ-ċittadini u avvenimenti demokratiċi parteċipattivi, bħall-assemblej taċ-ċittadini organizzati fl-Istati Membri. F’dan l-ispirtu, il-parlamenti nazzjonali, kif ukoll is-sħab soċjali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili għandu jkollhom rwol fundamentali matul il-Konferenza.

Bħala parti mill-Konferenza, għandhom jiġu promossi l-għodod eżistenti li jippermettu liċ-ċittadini jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika tal-UE, bħall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej jew il-konsultazzjonijiet pubbliċi “Semma’ Leħnek” 7 . Programmi oħra tal-Unjoni Ewropea bħal Erasmus, Discover EU u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jistgħu jintużaw ukoll biex jippromwovu l-Konferenza permezz ta’ tixrid ta’ informazzjoni dwar kif wieħed għandu jipparteċipa fil-Konferenza dwar is-siti web speċifiċi għall-programm jew, pereżempju, bħala parti mill-itinerarji ta’ DiscoverEU.

3.2 ID-DJALOGI MAĊ-ĊITTADINI JITTIEĦDU GĦAL-LIVELL LI JMISS – FOROM ĠODDA TA’ PARTEĊIPAZZJONI

Il-promozzjoni ta’ forom ġodda ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini żżid il-leġittimità u l-fiduċja fl-Unjoni u tikkomplementa d-demokrazija rappreżentattiva tagħha. Il-Konferenza għandha tindirizza element speċifiku tad-djalogi maċ-ċittadini, jiġifieri r-rabta bejn il-fehimiet taċ-ċittadini u t-tfassil prattiku tal-politika. Dan se juri lill-Ewropej li leħinhom jgħodd.

Il-Kummissjoni hija impenjata tieħu l-azzjonijiet l-aktar effettivi, flimkien mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, biex tiżgura li d-dibattitu taċ-ċittadini jissarraf fi tfassil tal-politika tal-UE.

Il-panels deliberattivi dwar kwistjonijiet speċifiċi u l-esperti għandhom jiltaqgħu f’intervalli regolari matul il-Konferenza. Dawn il-panels jistgħu jisimgħu il-kontributi miġbura fil-qafas tal-Konferenza, kif ukoll il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati u tar-rappreżentanti eletti u mbagħad jirriflettu kif ir-rakkomandazzjonijiet għal azzjoni l-aħjar jiġu segwiti. Il-Kummissjoni hija wkoll lesta li tippromwovi panels deliberattivi aktar estiżi u aktar deċentralizzati. “Panel ta’ ċittadini Ewropej” – li jirrappreżenta l-ġeografija, il-ġeneru, l-età, il-kuntest soċjoekonomiku u/jew il-livell ta’ edukazzjoni taċ-ċittadini – jista’ jiltaqa’ diversi drabi waqt il-Konferenza u jirrapporta lill-Konferenza b’lista ta’ proposti għal rakkomandazzjonijiet.

Minbarra d-djalogi maċ-ċittadini, għandna nkunu miftuħa għal forom ġodda ta’ parteċipazzjoni.

Pjattaforma diġitali multilingwi, pereżempju, tista’ tagħti aċċess permaneti u faċli għall-Konferenza. L-għan tal-pjattaforma jkun li jiġu massimizzati l-parteċipazzjoni, l-aċċessibbiltà u t-trasparenza permezz tal-:

-Inklużjoni tad-dokumentazzjoni kollha relatata mal-konferenza u s-suġġetti diskussi;

-Streaming live ta’ dibattiti;

-Ġbir tal-eżiti tad-dibattiti f’post wieħed;

-Promozzjoni ta’ modi interattivi oħra għad-dibattiti pubbliċi li jsiru bħala parti mill-Konferenza.

Minbarra l-format ta’ djalogu maċ-ċittadini, għandha tiġi organizzata firxa wiesgħa ta’ avvenimenti oħra relatati mal-Konferenza minn sħab lokali, reġjonali u nazzjonali. L-istituzzjonijiet u s-sħab tas-soċjetà ċivili kollha li jixtiequ jipparteċipaw fil-Konferenza għandhom jintalbu jissottoskrivu għall-prinċipji u l-għanijiet iddefiniti fid-Dikjarazzjoni Konġunta.

Għandhom jintużaw forom aktar estiżi, interattivi u kreattivi ta’ parteċipazzjoni, bħal avvenimenti jew festivals sportivi, b’mod partikolari biex jattiraw liż-żgħażagħ. Bl-istess mod, il-“hackathons” relatati mal-Konferenza jistgħu jiġu organizzati biex jinkoraġġixxu mentalità innovattiva dwar temi speċifiċi, kif ukoll inizjattivi oħra li jħeġġu lin-nies biex jieħdu sehem bil-mod tagħhom. Bl-istess mod, huwa importanti li l-ġenerazzjoni anzjana tintlaħaq u li jiġi żgurat li forom tradizzjonali ta’ parteċipazzjoni jirċievu attenzjoni.

L-aktar parti importanti tal-proċess hija l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni l-aktar estiża possibbli u l-inklużjoni ta’ fehimiet mill-Unjoni kollha. L-Ewropej kollha għandhom jingħataw opportunità ugwali biex jinvolvu ruħhom – kemm jekk jgħixu f’żoni rurali kif ukoll jekk f’żoni urbani, u kemm jekk għandhom għarfien dwar l-Unjoni kif ukoll jekk m’għandhomx dan l-għarfien. Huwa essenzjali għad-demokrazija tagħna li l-maġġoranza tal-Ewropej jintlaħqu, jingħataw is-setgħa u l-ispazju biex isemmgħu leħinhom. Id-diversità tal-Ewropa għandha tkun riflessa b’mod konsistenti matul il-proċess b’avvenimenti li jilħqu lin-nies, irrispettivament minn fejn jgħixu fl-Ewropa jew minn xi jkun l-isfond tagħhom. Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, ir-rappreżentanza tal-minoranzi u l-persuni b’diżabbiltà.

4. SENSIBILIZZAZZJONI

Is-suċċess tal-Konferenza se jiddependi ħafna fuq kemm din tiġi kkomunikata b’mod effettiv u mifrux lill-Ewropej. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jingħaqdu ma’ istituzzjonijiet u korpi tal-UE, kif ukoll ma’ rappreżentanti politiċi, istituzzjonijiet u partijiet ikkonċernati lokali, reġjonali u nazzjonali, u jaqsmu r-responsabbiltà li jippromwovu l-Konferenza, filwaqt li jiżguraw li l-azzjonijiet tagħhom jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin. Il-miljun rappreżentant eletti fil-livelli kollha fl-Ewropa huma strumentali għall-promozzjoni u l-arrikkiment tad-dibattitu fil-kostitwenzi respettivi tagħhom. 

L-ambizzjonijiet għandhom jikkorrispondu mal-mezzi adegwati. L-istituzzjonijiet kollha tal-UE għandhom ikunu lesti biex jikkontribwixxu għar-riżorsi, b’mod partikolari dawk finanzjarji, għall-organizzazzjoni u t-tnedija tal-Konferenza.

Il-Membri kollha tal-Kulleġġ se jkollhom il-parti tagħhom fil-komunikazzjoni tal-Konferenza, fejn il-Viċi President Šuica se tmexxi l-ħidma tal-Kummissjoni fuq il-Konferenza, appoġġata mill-Viċi President Jourová mil-lat istituzzjonali, kif ukoll mill-Viċi President Šefčovič mil-lat tal-prospettivi u r-relazzjonijiet interistituzzjonali. Bl-istess mod, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri jistgħu wkoll jaħtru punti ta’ kuntatt biex jaġixxu bħala uċuħ pubbliċi jew bħala ambaxxaturi għad-dibattitu. Dan jista’ jżid il-viżibbiltà u l-impatt fuq il-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

Il-Konferenza għandu jkollha identità unika biex tingħaraf faċilment miċ-ċittadini. Din għandha tinkludi espressjoni viżwali li tintuża u tiġi applikata mis-sħab kollha għall-attivitajiet kollha organizzati taħt il-kappa tal-Konferenza. Il-Kummissjoni tipproponi approċċ komprensiv għall-komunikazzjoni li jimmobilizza l-istituzzjonijiet kollha u r-riżorsi kollettivi tagħhom, biex joħloq sinerġiji u jimmassimizza l-impatt tal-Konferenza. Għandu jiġi stabbilit pjan ta’ promozzjoni konġunt, fejn kull istituzzjoni tikkondividi r-responsabbiltà għas-sensibilizzazzjoni b’suċċess tal-Konferenza.

L-isforzi ta’ komunikazzjoni konġunti u multilingwi għandu jkollhom enfasi partikolari iżda mhux esklussiva fuq iż-żgħażagħ u l-pjattaformi diġitali. Pereżempju, il-Konferenza tista’ timmobilizza l-alumni ta’ Erasmus u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, kif ukoll tikkunsidra netwerks oħra li jinvolvu liż-żgħażagħ, biex dawn jaġixxu bħala ambaxxaturi tal-Konferenza; l-istess għall-mijiet ta’ eluf ta’ persuni li rreġistraw mas-sit web together.eu , li setgħu jaġixxu wkoll bħala ambaxxaturi għall-Konferenza.

Ir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati membri u l-Uffiċċji ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew se jkollhom rwol ewlieni biex iqajmu kuxjenza dwar il-Konferenza, jistimulaw il-parteċipazzjoni ugwali, inklussiva u ġusta, jikkoordinaw l-attivitajiet imwettqa fil-livell nazzjonali u reġjonali u jorganizzaw avvenimenti u diskussjonijiet taħt il-kappa tal-Konferenza.

In-Netwerks tal-UE preżenti fir-reġjuni, u b’mod partikolari n-netwerks ta’ Europe Direct, jistgħu jgħinu biex jiġu stimulati u organizzati l-konversazzjonijiet reġjonali. Pereżempju, ir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni Ewropea jistgħu jidentifikaw għadd ta’ ċentri ta’ kuntatt ta’ Europe Direct biex jaġixxu bħala ċentri reġjonali biex jgħinu jorganizzaw u jsegwu d-dibattiti, jikkoordinaw mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u jorganizzaw l-attivitajiet ta’ involviment tagħhom stess.

Il-midja soċjali għandu jkollha rwol fit-twessigħ tas-sensibilizzazzjoni tal-Konferenza, inkluż permezz ta’ multiplikaturi rilevanti, kemm fil-promozzjoni tal-pjattaforma diġitali kif ukoll fl-għajnuna liċ-ċittadini biex jingħaqdu mad-dibattiti b’mod fiżiku jew online.

Il-komunikazzjoni dwar il-konferenza għandha tkun trasparenti, u tirrifletti l-ħidma li saret fil-kuntest tal-Konferenza. Il-pjattaforma diġitali multilingwi se sservi bħala ċ-ċentru ewlieni għall-informazzjoni u għall-attivitajiet kollha fil-livell nazzjonali u tal-UE. Is-sħab kollha għandhom jużaw il-pjattaforma diġitali u japplikaw l-ogħla standards ta’ trasparenza filwaqt li jikkomunikaw dwar l-avvenimenti tagħhom.

Kalendarju tal-avvenimenti kollha relatati mal-Konferenza għandu jkun disponibbli pubblikament permezz tal-pjattaforma, u l-laqgħat u l-avvenimenti fuq skala kbira għandhom jiġu strimjati fuq l-internet kull meta jkun possibbli. Il-kontribuzzjonijiet u l-materjali ta’ appoġġ, inkluża informazzjoni ċara u edukattiva dwar il-kwistjonijiet ikkonċernati, għandha tiġi ppubblikata online. Se tingħata attenzjoni partikolari lill-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni.

5. SEGWITU TA’ DAK LI JGĦIDU Ċ-ĊITTADINI

Diskussjoni ta’ dan id-daqs se jkollha suċċess biss jekk u meta tiġi segwita b’azzjoni reali u riżultati tanġibbli. Fil-Linji Gwida Politiċi, il-President von der Leyen għalhekk wegħdet li tagħti segwitu għal dak li ġie diskuss u miftiehem waqt il-Konferenza. Dan huwa riżultat ewlieni u novità tal-Konferenza, li fl-aħħar mill-aħħar għandu juri li l-parteċipazzjoni fid-demokrazija hija proċess kostanti li l-iżvilupp tagħha jkompli lil hinn mill-elezzjonijiet.

Mekkaniżmu ta’ feedback għandu jiżgura li l-ideat espressi jirriżultaw f’rakkomandazzjonijiet konkreti għal azzjoni futura tal-UE. Skont it-temi li jirriżultaw, jista’ jieħu diversi forom bħal rapportar mir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni, stħarriġiet tal-opinjoni dwar il-konferenzi, u monitoraġġ espert ta’ diskussjonijiet online u tal-midja soċjali u ta’ data oħra disponibbli. Il-Kummissjoni tista’ tikkontribwixxi għal dan il-proċess, pereżempju permezz ta’ rapporti kull tliet xhur. Dawn ir-rapporti għandhom ikunu disponibbli pubblikament u kkomunikati b’mod proattiv. Tali rapporti se jipprovdu tagħrif siewi u se jkunu marbuta mill-qrib mal-ħidma tal-Kummissjoni dwar it-tbassir, billi jidentifikaw it-tendenzi soċjali, ekonomiċi u politiċi li jistgħu jgħinu biex il-liġijiet Ewropej jibqgħu validi fil-futur.

Bħala parti mill-mekkaniżmu ta’ feedback, se jkun importanti li jiġi ddeterminat kif il-feedback taċ-ċittadini jista’ jiġi integrat f’sett koerenti ta’ rakkomandazzjonijiet. Il-Kummissjoni lesta li tqis il-feedback u l-proposti taċ-ċittadini fit-tfassil tal-aġenda leġiżlattiva tagħha.

6. KRONOLOĠIJA

Il-Kummissjoni tipproponi t-tnedija tal-Konferenza dwar Jum l-Ewropa – id-9 ta’ Mejju 2020. Din is-sena se timmarka s-70 anniversarju mill-iffirmar tad-Dikjarazzjoni ta’ Schumann u s-75 anniversarju mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija. Peress li t-tnedija tikkoinċidi mal-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kroazja tal-Kunsill tal-UE, it-tnedija tista’ ssir f’Dubrovnik.

Jista’ jkun hemm avveniment taħt kull Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill f’lokalitajiet differenti mill-bliet kapitali, li jenfasizza n-natura lokali tal-Konferenza, kif ukoll l-impenn tal-Kunsill li jkoll rwol attiv fiha. Dawn l-avvenimenti jistgħu jipprovdu ċans ieħor għall-preżentazzjoni ta’ riżultati intermedji eventwali.

Fl-ewwel semestru tal-2022, taħt il-Presidenza Franċiża tal-Kunsill, għandhom jiġu ppreżentati l-eżiti u r-rakkomandazjzonijiet tad-dibattiti differenti u għandhom jitqiesu l-passi li jmiss. Huwa importanti li dan l-impenn ta’ segwitu jiġi fformalizzat mill-bidu nett tal-proċess fid-Dikjarazzjoni Konġunta.

Mil-lat istituzzjonali, il-kronoloġija għandha tiġi ddeterminata mill-elezzjonijiet Ewropej li jmiss tal-2024, u qabel l-elezzjonijiet kull bidla potenzjali fil-liġi elettorali għandha tkun operattiva.

7. KONKLUŻJONIJIET

Aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed isir ċar li ċ-ċittadini jridu rwol aktar attiv fil-proċess tat-tfassil tal-politika, inkluż fil-livell tal-UE. Dan jgħodd kemm għall-Ewropa kif ukoll barra mill-fruntieri tagħna. L-għan globali tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa huwa l-inkoraġġiment u l-iffaċilitar liċ-ċittadini Ewropej biex jipparteċipaw fid-demokrazija, lil hinn mill-impenn tagħhom fl-elezzjonijiet Ewropej. Il-Konferenza m’għandhiex tissostitwixxi d-demokrazija rappreżentattiva, iżda sservi bħala mezz biex tikkumplimentaha u ssaħħaħa.

Il-Konferenza ma tistax tkun sempliċi eżerċizzju ta’ inventarju. Trid tkun mod kif iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jfasslu l-politiki tal-UE. Permezz tal-ftuħ ta’ kanali ta’ komunikazzjoni aktar b’saħħithom u aktar kostanti għaċ-ċittadini, u b’varjetà ta’ pjattaformi biex l-Ewropej kollha jsemmgħu leħinhom, nistgħu niżguraw li l-Ewropa tagħti riżultati għall-Ewropej ibbażati fuq dak li jridu.

Il-Konferenza hija opportunità għall-UE biex turi kif tista’ tevolvi aktar fil-ġejjieni permezz ta’ involviment kostruttiv maċ-ċittadini tagħha – eżerċizzju li jista’ jispira partijiet oħra tad-dinja.

Din il-Komunikazzjoni hija l-kontribut tal-Kummissjoni għad-diskussjoni bejn it-tliet istituzzjonijiet bil-għan li l-ambitu, il-format, l-istruttura u l-objettivi tal-Konferenza jiġu stabbiliti f’Dikjarazzjoni Konġunta b’mod konġunt u malajr. Dan għandu mbagħad ikun miftuħ għal firmatarji oħra, inklużi l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-partijiet ikkonċernati. Aktar ma jkun hemm sensibilizzazzjoni, aktar aħjar.

Il-Kummissjoni hija konvinta li sħubija aktar b’saħħitha bejn il-politiċi responsabbli u ċ-ċittadini Ewropej tkun tista’ tamplifika l-ilħna tagħhom u tiggwida t-tfassil tal-politika Ewropea fil-ġejjieni. Filwaqt li nibnu fuq il-momentum u s-suċċess tas-sensibilizzazzjoni riċenti, issa huwa l-waqt li naħtfu l-opportunità u nniedu dan id-dibattitu uniku.

(1)

L- Ewrobarometru tal-ħarifa tal-Parlament Ewropew, Diċembru 2019.

(2)

Il-pożizzjoni tal-Parlament rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2020-0010_MT.html

(3)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, it-12 ta’ Diċembru 2019,  https://www.consilium.europa.eu/media/41768/12-euco-final-conclusions-en.pdf

(4)

https://vlada.gov.hr/UserDocsImages/Vijesti/2019/12%20prosinac/31%20prosinca/web_FINAL_PROGRAMME_EN_FINAL.pdf  

(5)

Unjoni li tirsisti għal aktar – L-aġenda tiegħi għall-Ewropa, https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/political-guidelines-next-commission_mt.pdf

(6)

Aġenda strateġika ġdida għall-UE 2019-2024: https://www.consilium.europa.eu/media/39914/a-new-strategic-agenda-2019-2024.pdf

(7)

  https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say_mt