Brussell, 14.1.2020

COM(2020) 14 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

EWROPA SOĊJALI B'SAĦĦITHA GĦAL TRANŻIZZJONIJIET ĠUSTI



















1. Insaħħu l-Ewropa Soċjali

 “In-nies jimpurtahom mill-futur tat-tfal tagħna u mis-soċjetà tagħna, u mill-ġustizzja u l-ugwaljanza f’kull sens tal-kelma.”

- il-President Ursula von der Leyen

Fl-Ewropa, aħna għandna fost l-ogħla standards tal-għajxien, l-aqwa kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol u l-iktar protezzjoni soċjali effettiva fid-dinja. Li tkun Ewropej illum ifisser li għandek l-opportunità li tirnexxi u d-dritt għal ħajja diċenti. Il-ġustizzja soċjali hija s-sinsla tal-ekonomija tas-suq soċjali Ewropew u hija fil-qalba tal-Unjoni tagħna. Il-ġustizzja soċjali ssostni l-idea li l-ekwità soċjali u l-ġid huma l-pedament li fuqu tinbena soċjetà reżiljenti bl-ogħla standards ta’ benesseri fid-dinja, kif jidher ukoll fl-ambizzjoni tal-Ewropa biex tilħaq bis-sħiħ l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. L-Ewropa tal-lum hija post uniku fejn il-ġid, l-ekwità u l-futur sostenibbli huma kollha għanijiet ta’ importanza ugwali.

Wasal iż-żmien għall-bidla. It-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali se jġiegħluna nadattaw l-ekonomija u l-industrija tagħna, il-mod ta’ kif nivjaġġaw u naħdmu, dak li nixtru u x’nieklu. Bil-wasla tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Ewropa wriet l-ambizzjoni tagħha li ssir l-ewwel kontinent b’newtralità klimatika sal-2050. Din hija l-istrateġija l-ġdida tagħna ta’ tkabbir għall-għaxar snin li ġejjin, strateġija li se toħloq aktar negozji, aktar impjiegi u li se twassal għal aktar investiment. Għandha tiżgura li l-Ewropa tibqa’ l-post fejn insibu l-aktar sistemi avvanzati tal-protezzjoni soċjali u li tkun ċentru ewlieni għall-innovazzjoni u għall-intraprenditorija kompetittiva. Din l-istrateġija se tagħti lill-Ewropa l-mezzi sabiex tkun tista’ timxi ’l quddiem fir-rigward tal-konverġenza ’l fuq, l-ekwità soċjali u l-kondiviżjoni tal-ġid.

L-ekonomija diġitali tal-lum u ta’ għada għandha tħares l-ewwel u qabel kollox lin-nies. Huwa mistenni li fil-5 snin li ġejjin, l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika se joħolqu madwar 60 miljun impjieg ġdid madwar id-dinja, filwaqt li ħafna impjiegi se jinbidlu jew saħansitra jisparixxu. Teknoloġiji ġodda se jiġġeneraw opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u jippermettu li jkun hemm arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli, però rridu niżguraw li dawn ikunu impjiegi ta’ kwalità u li n-nies ikunu mgħammra bil-ħiliet it-tajba biex ikunu kapaċi jidħlu għal dawn l-impjiegi. L-ekonomija diġitali ma tistax toqgħod fuq il-kotba ta’ regoli legali u soċjali tas-seklu 20; wasal iż-żmien li fid-dinja l-ġdida tax-xogħol tiġi adottata u garantita l-protezzjoni soċjali, u li jiġu adottati r-regoli tat-taxxa sabiex jipi aċċertat li kulħadd ikun qed jagħti sehmu.

Id-demografija tal-Ewropa qiegħda tinbidel; grazzi għall-progress fil-mediċina u fis-saħħa pubblika, illum il-ġurnata qegħdin ngħixu ħajja itwal u iktar b’saħħitha. Fl-istess ħin, qegħdin jixirfu ħtiġijiet u opportunitajiet ġodda. L-ekonomija tal-anzjani u l-ekonomija tal-kura jipprovdu impjiegi ġodda għal ħafna nies, filwaqt li jiżguraw li l-anzjani jibqgħu attivi jew jirċievu l-kura li jeħtieġu. Minħabba it-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-moviment tan-nies lejn l-ibliet, il-popolazzjonijiet f’ħafna żoni rurali fl-Ewropa qegħdin jonqsu. Id-diviżjoni urbana/rurali qed tikber u ma nistgħux nibqgħu nagħmluha tabirruħna li xejn mhu xejn. Minkejja li l-bidla teknoloġika u t-tranżizzjoni tal-enerġija jġibu magħhom l-opportunitajiet, dawn waħedhom mhumiex biżżejjed biex jagħmlu tajjeb għad-distakk ta’ bejn is-sinjur u l-fqir, sakemm ma niħdux azzjoni biex niżguraw li r-reġjuni l-foqra jlaħħqu maż-żoni aktar sinjuri.

L-Ewropej għandu jkollhom l-istess opportunitajiet sabiex jirnexxu — irridu nħarsu, nadattaw u ntejbu dak li diġà fasslu missirijietna. Illum, 241 miljun ruħ fl-UE għandhom xogħol – l-ogħla rekord. Madankollu, dan in-numru jikxef biss parti mir-realtà. Fil-verità, l-inugwaljanza għadha tippersisti, u mhux kulħadd qed jibbenefika minn dawn l-iżviluppi pożittivi. Ħafna nies għadhom ibatu biex ilaħħqu mal-ħajja jew isibu l-bsaten fir-roti minħabba inugwaljanzi. Bosta tfal u żgħażagħ, li ħafna drabi jkunu ġejjin minn sfond soċjoekonomiku żvantaġġat, ma għandhomx aċċess għall-edukazzjoni jew għall-kura tas-saħħa ta’ kwalità. Għad hawn ħafna anzjani li ma għandhomx aċċess għas-servizzi tal-kura. L-inugwaljanza hija ostaklu għat-tkabbir u theddida għall-koeżjoni soċjali. Irridu nieħdu azzjoni minnufih sabiex it-tfal u n-neputijiet tagħna kollha jkollhom il-possibbiltà li jibbenefikaw minn ġejjieni li jkun ġust, li jkun favur l-ambjent u li joffri l-ġid, u biex niżguraw li jkun hemm ekwità bejn il-ġenerazzjonijiet.

Dawn il-bidliet, opportunitajiet u sfidi jaffettwaw lill-pajjiżi u lill-Ewropej kollha. Ikun xieraq li ningħaqdu biex nindirizzaw dawn l-isfidi u l-opportunitajiet, u biex ma nibżgħux naffrontaw il-bidla flimkien.

Biex nilħqu dawn l-ambizzjonijiet importanti, it-triq tal-Ewropa hija l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Dan il-Pilastru huwa l-istrateġija soċjali tagħna biex niżguraw li t-tranżizzjonijiet marbuta man-newtralità klimatika, id-diġitalizzazzjoni u l-bidla demografika, ikunu soċjalment ekwi u ġusti.

L-għan tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa li l-ekwità tkun preżenti fil-ħajja ta’ kull ċittadin, jekk dan ikunx qed jistudja, ikunx qed jaħdem, ikunx qed ifittex xogħol jew irtirat; ikunx qed jgħix f’belt jew f’żona rurali; irrispettivament mill-ġeneru, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Ipproklamati mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE fl-2017, l-20 prinċipju tal-Pilastru għandhom l-għan li jtejbu l-opportunitajiet indaqs u l-impjiegi għal kulħadd, kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi u l-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-prinċipji turi kif qegħdin insostnu l-impenn, li sar fuq l-ogħla livell, biex minkejja l-bidla, in-nies ikunu fil-qofol ta’ dan kollu, u li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. 

Issa wasal iż-żmien biex, filwaqt li nkomplu nibnu fuq ix-xogħol li diġà sar fil-passat, inkomplu nsarrfu l-impenji tagħna f’azzjoni. Il-kapijiet tal-Istat u tal-gvern talbu sabiex dan il-Pilastru jiġi implimentat kemm fil-livell tal-UE u kemm fil-livell tal-Istati Membri, bl-attenzjoni dovuta għall-kompetenzi rispettivi 1 . Il-Parlament Ewropew saħaq fuq l-importanza li dawn l-20 prinċipju jiġu implimentati. Il-President von der Leyen enfasizzat li għandha determinazzjoni qawwija biex tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni u biex twettqu. Biex jirnexxi, dan il-Pjan ta’ Azzjoni jiddependi mill-azzjoni tal-parteċipanti kollha fil-livelli kollha: fil-livell Ewropew, dak nazzjonali, dak reġjonali u dak lokali.

Din il-Komunikazzjoni twitti t-triq lejn Pjan ta’ Azzjoni biex jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Din tippreżenta inizjattivi fil-livell tal-UE li huma favur l-implimentazzjoni tal-Pilastru u tniedi diskussjoni wiesgħa mal-pajjiżi kollha tal-UE, mar-reġjuni, u mal-partijiet kollha . Il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jirrappreżentaw in-nies tal-Ewropa. Il-Kunsill u l-gvernijiet nazzjonali jirrappreżentaw il-pajjiżi tal-Ewropa. L-imsieħba soċjali jirrappreżentaw l-impjegaturi u l-impjegati. Is-soċjetà ċivili tirrappreżenta l-vuċi kruċjali dwar l-isfidi li ċ-ċittadini tagħna jimpurtahom ħafna minnhom.

Bil-kontribuzzjoni tal-parteċipanti kollha, fil-bidu tal-2021 se nippreżentaw Pjan ta’ Azzjoni li l-għan tiegħu huwa li d-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Pilastru jsiru realtà.

Is-Semestru Ewropew dwar il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika se jkompli jissorvelja l-progress tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Sa minn din is-sena, is-Semestru se jintegra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex is-sostenibbiltà u l-benesseri taċ-ċittadini ikunu fil-qofol tal-politika ekonomika u tal-governanza. F’dan ir-rigward, l-Istrateġija Annwali tat-Tkabbir Sostenibbli tistabbilixxi l-istrateġija tal-politika tal-ekonomija u tal-impjiegi għall-UE, b’konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Din l-Istrateġija tiġbor flimkien l-istabbiltà makroekonomika, il-produttività, l-ekwità u s-sostenibbiltà ambjentali. L-istruttura tat-tassazzjoni għandha tkun waħda li tgħin l-impjiegi u t-tkabbir, u fl-istess ħin tkun tapplika mal-objettivi favur il-klima, l-ambjent u s-soċjetà. Tassazzjoni mhux ġusta, inkluż fuq livell globali, timmina l-kapaċità tal-pajjiżi biex jilħqu l-ħtiġijiet tal-ekonomija tagħhom u tal-poplu tagħhom.

Flimkien, aħna se naġġornaw l-ekonomija tas-suq soċjali tal-Ewropa biex din tkun adattata għall-opportunitajiet u l-isfidi tal-lum u ta’ għada, u biex niżguraw tranżizzjoni ġusta għal kulħadd.

2. Opportunitajiet Indaqs u Impjiegi għal Kulħadd

Nagħtu segħta lin-nies b’edukazzjoni ta’ kwalità, bit-taħriġ u bil-ħiliet

Il-ħiliet huma essenzjali għall-futur. Minħabba l-kambjamenti regolari tax-xogħol li qed isiru iktar ta’ spiss, u minħabba mudelli ta’ xogħol flessibbli, dejjem hemm il-bżonn li nitgħallmu u nkomplu nitgħallmu sabiex nirnexxu. Meta n-nies ikunu mgħammra bil-ħiliet, ikunu jistgħu jgawdu mill-benefiċċji ta’ dinja tax-xogħol li dejjem qed tinbidel. Fil-ħames snin li ġejjin, nofs il-forza tax-xogħol attwali se jkollha taġġorna l-ħiliet tagħha. Iżda llum ħafna żgħażagħ ma għandhomx ħiliet bażiċi fejn jidħlu l-kompetenzi diġitali, u huma ftit wisq dawk li għandhom iċ-ċans li jagħmlu tajjeb għal dan in-nuqqas wara li jispiċċaw l-iskola. F’xahar (ikun liema jkun) huwa adult 1 biss minn 10 li jibda jitħarreġ f’xi qasam , u minħabba miljun post vakanti għal speċjalisti tal-ICT, l-investimenti fil-bidla diġitali għadhom lura. Aktar minn 50 % tal-kumpaniji li bdew jimpjegaw jew li ppruvaw jimpjegaw speċjalisti tal-ICT fl-2018 irrappurtaw li sabuha diffiċli biex jimlew il-postijiet vakanti.

L-edukazzjoni u t-taħriġ huma essenzjali għall-ħiliet. L-Istati Membri għandhom jaddattaw l-edukazzjoni nazzjonali u s-sistemi ta’ taħriġ madwar l-Ewropa biex jipprovdu, minn età bikrija, taħriġ u edukazzjoni li jkunu inklużivi u ta’ kwalità għolja, u biex jgħinu lin-nies li jassumu r-responsabbiltà għall-iżvilupp kontinwu tagħhom matul il-karriera. Hemm bżonn aktar sforzi biex jiġu vvalidati ħiliet u kompetenzi li jinkisbu barra mis-sistemi formali ta’ edukazzjoni u mis-sistemi ta’ taħriġ. Il-ħiliet u l-esperjenzi miksuba fuq il-post tax-xogħol, permezz ta’ volontarjat jew kwalunkwe kuntest informali, jekk jiġu rikonoxxuti u jitqies il-valur tagħhom, jistgħu jkunu ta’ vantaġġ għan-nies li jkunu qegħdin ifittxu xogħol ġdid.

Biex inkunu nafu x’ħiliet għandna bżonn, il-gvernijiet nazzjonali u reġjonali jridu jaħdmu ma’ dawk li jifhmu l-aktar f’dan il-qasam: l-impjegaturi, il-ħaddiema, l-għalliema u min iħarreġ. Peress li s-suq tax-xogħol qiegħed dejjem jinbidel, huwa importanti ferm li n-nies ikollhom kompetenzi ewlenin wiesgħa li jservu bħala għodda tajba biex ikunu kapaċi jaddattaw ruħhom. Barra minn hekk, biex dawn ikunu jafu x’għandhom jitgħallmu u kif, ikun ta’ ġid jekk ikun hemm sħubiji b’saħħithom bejn dawk li jkunu qegħdin ifittxu talenti ġodda u dawk li jkunu qegħdin jedukawhom u jħarrġuhom, flimkien ma’ tekniki ta’ tbassir modern u stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati. Dawk l-aktar fil-bżonn huma r-reġjuni fejn il-popolazzjoni qiegħda tonqos u fejn l-impjegaturi ma jistgħux isibu aktar ħaddiema tas-sengħa. Dan kollu huwa neċessarju wkoll għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), li huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna. Kwart tal-SMEs Ewropej jirrappurtaw li jsibuha diffiċli immens biex isibu persunal u maniġers b’esperjenza. U b’mod aktar ġenerali, dan kollu huwa bżonjuż kull fejn għandhom x’jaqsmu t-tranżizzjonijiet diġitali u dawk ekoloġiċi peress li dawn jirrikjedu ħiliet ġodda. L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll l-apprendistat jistgħu jgħinu l-impjegabbiltà kemm taż-żgħażagħ u kemm tal-adulti, u anki jissodisfaw il-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tan-negozji. Investiment ta’ dan it-tip fit-titjib u fit-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet se jkollu kost, u din ir-responsabbiltà trid titqassam bejn is-settur pubbliku, l-impjegaturi u l-individwi kkonċernati. Biex il-Kummissjoni tagħti prijorità lill-ħiliet, l-impjegabbiltà u lill-kapital uman, se taġġorna l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa fl-ewwel kwart tal-2020, inkluż proposta għall-rakkomandazzjoni għal Netwerk Ewropew għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET). Qegħdin jiġu esplorati wkoll soluzzjonijiet innovattivi sabiex in-nies ikunu jistgħu jikkontrollaw it-tagħlim u l-karriera tagħhom, bħal pereżempju permezz ta’ profil individwali għat-tagħlim għal persuni fl-età tax-xogħol.

Edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità joħolqu opportunitajiet indaqs, u jistgħu jwaqqfu ċ-ċiklu ta’ rata baxxa ta’ kisbiet. Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, li se ssir realtà sal-2025, se tagħmilha iktar faċli għall-istudenti biex jiċċaqalqu minn pajjiż għall-ieħor fl-Ewropa u se ttejjeb l-aċċess għal edukazzjoni u taħriġ inklużivi u ta’ kwalità. Fit-tielet kwart tal-2020, il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa l-objettivi għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u tistabbilixxi qafas ġdid għall-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u fit-taħriġ mal-Istati Membri, inkluż iktar ħarsien biex tiżgura li ż-żgħażagħ ilestu tal-anqas l-edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell u jkollhom ċertu ħiliet bażiċi li jkunu jafu jużaw. Erasmus+ se jkompli jgħin u jsaħħaħ l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport fl-Ewropa, b’baġit ħafna ikbar għall-perjodu 2021-2027. L-għan għall-futur huwa li dan il-programm ikun aktar inklussiv, billi jsir aktar aċċessibbli għaż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet. Iktar ma nifirxu l-użu tal-Erasmus+ fost l-għalliema, fost min iħarreġ u fost l-akkademiċi, iktar il-programm se jkompli jgħin biex iqarreb is-sistemi tagħna lejn xulxin, u nkunu nistgħu nibbenefikaw mill-iskambju tal-aħjar prassi. Il-Programm Diġitali Ewropew se jkun qed jgħin fl-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali avvanzati li jippermettu l-użu ta’ dawn it-teknoloġiji fl-ekonomija kollha, u se jsaħħaħ il-kapaċitajiet diġitali tal-fornituri tal-edukazzjoni. Billi tgħin lill-Istati Membri fl-azzjoni tagħhom, fit-tieni kwart tal-2020, il-Kummissjoni se taġġorna wkoll il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Edukazzjoni Diġitali biex tagħti spinta lill-ħiliet diġitali kemm taż-żgħażagħ u kemm tal-adulti, u biex tiżgura li kull organizzazzjoni edukattiva tkun adattata għall-era diġitali.

Iż-żgħażagħ tagħna huma l-futur tal-Ewropa u jixirqilhom ġejjieni sabiħ. Naturalment, il-ġenituri jkunu jixtiequ li t-tfal tagħhom ikollhom xogħol tajjeb u prospetti ta’ karriera. Iżda xorta waħda ħafna miż-żgħażagħ ta’ spiss isibu xogħol temporanju u mhux standard b’paga baxxa, u b’hekk ma jkunux jistgħu jiżviluppaw it-talenti tagħhom u jippjanaw il-futur tagħhom. Iż-żgħażagħ b’diżabbiltà, dawk bi sfond migratorju u l-ġenituri żgħażagħ huma saħansitra f’riskju akbar li jaqgħu lura. Biex inżidu l-isforzi tagħna fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, fit-tieni kwart tal-2020, il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposti tagħha biex issaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ li diġà qed tgħin lil 3,5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa kull sena sabiex jirċievu t-taħriġ, l-edukazzjoni u xogħol. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ il-ġdida se tagħti daqqa t’id liż-żgħażagħ, billi tgħinhom jiżviluppaw il-ħiliet u jiksbu esperjenza ta’ xogħol, b’mod partikolari dawk rilevanti għat-tranżizzjonijiet diġitali u ambjentali.

Nappoġġaw il-mobilità professjonali u r-rikonverżjoni ekonomika

Sabiex kulħadd fl-Ewropa, żgħar jew kbar, ikollhom ċans aqwa li jsibu xogħol jew jiftħu negozju, għandu jkollhom aċċess għal appoġġ f’waqtu u li jkun magħmul apposta, inkluż l-aċċess għat-taħriġ. Kważi kull adult kien qed ifittex xogħol f’xi ħin matul ħajtu/ħajjitha. Uħud isibu triqithom mill-ewwel wara li jitilqu mill-iskola, u jmorru minn xogħol għall-ieħor bla problemi ta’ xejn grazzi għal netwerk b’saħħtu u rekord irreġistrat ta’ xogħol. Għal oħrajn, huwa ferm aktar diffiċli. Dawn jaf ma jkollhomx informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ xogħol, jaf ma jkunux jistgħu jsibu xogħol li jikkorrispondi mal-ħiliet u l-esperjenza tagħhom, jew ikollhom sitwazzjonijiet personali u familjari diffiċli. Is-servizzi tal-impjieg pubbliċi u privati jeħtieġ li mhux biss jkunu ta’ spalla għal dawk li ma għandhomx xogħol, iżda aktar u aktar għal dawk li qegħdin f’riskju li jitilfu xogħolhom minħabba ħiliet li ma għadhomx jintużaw.

Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli – il-Pjan ta’ Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew li ġie ppreżentat illum se jikkontribwixxi b’mod finanzjarju biex niffaċċjaw it-tranżizzjoni li għaddejja minnha l-Ewropa bħalissa. It-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika x’aktarx li jkollha impatt akbar f’ċertu reġjuni u setturi minn oħrajn. Parti integrali ta’ dan il-Pjan huwa Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, inkluż Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta speċifiku, li se jgħin reġjuni mistennija li jkunu l-aktar milquta mit-tranżizzjoni, u b’hekk jgħin jiżgura li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. Dan juri l-impenn tal-UE li tara li s-sostenibbiltà ambjentali u soċjali jimxu id f’id. L-investimenti se jiġġeneraw attivitajiet ekonomiċi ġodda u joħolqu impjiegi ġodda, se jnaqqsu mill-impronta tal-karbonju tagħna, jiżguraw li jkollna enerġija li kulħadd jiflaħ iħallas għaliha u jinkoraġġixxu l-kisba ta’ ħiliet ġodda. Barra minn hekk, il-Fond għall-Modernizzazzjoni se jwassal sabiex ikun hemm tranżizzjoni ġusta fir-reġjuni li jiddependu mill-karbonju, billi jservi ta’ għajnuna għar-rilokazzjoni tal-ħaddiema, għat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, għall-edukazzjoni, għat-tfittxija tal-impjiegi u għan-negozji l-ġodda. Fl-aħħar mill-aħħar, biex nuru solidarjetà mal-ħaddiema mogħtija s-sensja u mal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, u biex noffrulhom l-appoġġ tagħna, nistgħu ngħinuhom permezz tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni.

Noħolqu aktar impjiegi

L-ekonomija Ewropea bħalissa qiegħda fis-seba’ sena konsekuttiva ta’ tkabbir. L-ekonomija hija mistennija tkompli tikber fl-2020 u fl-2021, anke jekk il-prospetti ta’ tkabbir iddgħajfu. Is-swieq tax-xogħol għadhom b’saħħithom u l-qgħad qed ikompli jonqos, però b’pass aktar bil-mod.

L-Ewropa trid tkompli tibni fuq dan il-pedament sod biex tiżgura li fis-snin li ġejjin l-Ekonomija tas-Suq Soċjali tal-Ewropa tkompli toħloq aktar impjiegi u impjiegi aħjar għal kulħadd. Fil-qalba ta’ din it-trasformazzjoni se jkun hemm strateġija industrijali li se tiġi ppreżentata fl-ewwel kwart tal-2020, b’pedamenti sodi fis-Suq Uniku, li tippermetti lin-negozji tagħna joħorġu b’innovazzjonijiet u jiżviluppaw teknoloġiji ġodda, li jagħtu spinta liċ-ċirkolarità u joħolqu swieq ġodda. Parti integrali tal-istrateġija hija li nindirizzaw l-aspetti soċjali u dawk li għandhom x’jaqsmu mal-impjiegi, u dan se jippermetti li ċ-ċittadini, in-negozji, ir-reġjuni u l-bliet kollha jibbenefikaw mit-trasformazzjoni industrijali. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll strateġija speċifika għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fl-ewwel kwart tal-2020. Dawn jirrappreżentaw 85 % tal-impjiegi l-ġodda li nħolqu f’dawn l-aħħar ħames snin. Biex noħolqu l-impjiegi fl-Ewropa, huwa importanti ferm li nippromwovu l-innovazzjoni, niżguraw il-finanzjament u nnaqqsu mill-burokrazija għall-SMEs.

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-Fond ta’ Koeżjoni se jkollhom rwol importanti fejn tidħol l-għajnuna għall-koeżjoni soċjali u territorjali fl-Istati Membri, fir-reġjuni u ż-żoni rurali tagħna biex ikunu jistgħu jlaħħqu mat-trasformazzjonijiet diġitali u ekoloġiċi tad-dinja tagħna. Il-proposta tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss stabbiliet allokazzjoni globali ta’ EUR 373 biljun bil-prezzijiet attwali għall-politika ta’ koeżjoni tal-2021-2027. Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd se jikkontribwixxu wkoll lejn il-koeżjoni territorjali. Il-proposta tal-Kummissjoni tappella wkoll għall-Programm InvestEU, li huwa mistenni jimmobilizza EUR 650 biljun f’investimenti, fejn EUR 50 biljun minnhom se jmorru għal proġetti ta’ infrastruttura soċjali u investimenti soċjali fl-edukazzjoni u fil-ħiliet, fl-intraprenditorija soċjali u fil-mikrofinanzi. L-InvestEU se jintroduċi mudelli ta’ sħubija, kif ukoll mudelli ġodda ta’ negozju u ta’ finanzi sabiex ikollna riżultati soċjali aħjar, li jwasslu għall-isfruttar tal-potenzjal ta’ kapital tal-investituri u dak filantropiku.

Il-ħolqien tal-impjiegi mhuwiex biss dwar it-tkabbir. Dan huwa minnu l-aktar fejn tidħol l-ekonomija soċjali, li taqdi l-ħtiġijiet soċjali. Madwar 13,6-il miljun ruħ jaħdmu fl-ekonomija soċjali fl-Ewropa. Intrapriżi u organizzazzjonijiet soċjali jistgħu jiġġeneraw impenn, inizjattivi u r-ritorn lejn il-kommunitajiet lokali filwaqt li javviċinaw in-nies lejn is-suq tax-xogħol. L-ekonomija soċjali tipprovdi soluzzjonijiet innovattivi fl-edukazzjoni, fil-kura tas-saħħa, fit-tranżizzjoni tal-enerġija, fl-akkomodazzjoni u fil-provvista tas-servizzi soċjali. Din tista’ tkun ukoll pijuniera fil-patti ekoloġiċi lokali billi toħloq alleanzi f’territorji li jinvolvu ċittadini u intrapriżi fit-tranżizzjoni klimatika. Fl-2021, il-Kummissjoni se tniedi pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija soċjali sabiex iżżid l-investiment soċjali u l-innovazzjoni soċjali, u sabiex tagħti spinta lill-intrapriżi soċjali u biex toħloq l-impjiegi, inkluż għal dawk li huma l-aktar maqtugħin mis-suq tax-xogħol. Akkwist pubbliku li huwa soċjalment responsabbli jista’ jiżgura wkoll li l-fondi eżistenti jintefqu b’tali mod li jgħinu l-inklużjoni billi, pereżempju, jipprovdu opportunitajiet ta’ xogħol għal persuni b’diżabilità jew li huma f’riskju ta’ faqar.

Inrawmu l-ugwaljanza

L-Unjoni tagħna tissaħħaħ u tingħaqad permezz tad-diversità tagħha — tan-nies, tal-kultura u tat-tradizzjonijiet. Iżda l-Ewropa tista’ timxi ’l quddiem biss jekk tuża l-assi, it-talenti u l-potenzjal kollha tagħha. Dan ifisser li tinħoloq soċjetà aktar ġusta fejn dawk kollha li għandhom l-istess aspirazzjonijiet, ikollhom l-istess opportunitajiet biex iwettquhom. Għalkemm fl-Unjoni tagħna nsibu fost l-aktar soċjetajiet ekwi fid-dinja, xorta għad fadal xi jsir. L-Ewropa trid iżżid l-impenn tagħha fejn jidħlu l-inklużjoni u l-ugwaljanza f’kull aspett, irrispettivament mill-ġeneru, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. L-ugwaljanza hija prijorità fl-aġenda politika ta’ din il-Kummissjoni, fejn qed naraw għall-ewwel darba portafoll għall-Ugwaljanza u Task Force speċjali.

Is-sitwazzjoni tan-nisa jistħoqqilha attenzjoni partikolari. Livelli baxxi ta’ impjieg ma jagħmlux ġid lill-ekonomija u wisq anqas lin-nisa. Minkejja livelli aktar ogħla ta’ nisa li jilħqu livell edukattiv, meta nitkellmu dwar karriera, in-nisa għandhom karriera iqsar u aktar interrotta meta kkumparata mal-karriera tal-irġiel, u dan l-aktar minħabba r-responsabbiltajiet tan-nisa biex jieħdu ħsieb id-dar jew it-tfal. Għalkemm in-nisa jgħixu aktar fit-tul, il-karriera tagħhom tiżviluppa aktar bil-mod u d-dħul u l-pensjoni tagħhom huma aktar baxxi. F’ċertu oqsma, ma hemmx biżżejjed rappreżentanza ta’ nisa. Dan huwa l-każ fil-professjonijiet diġitali, fejn lanqas wieħed minn kull ħames speċjalisti tal-ICT ma huma nisa. Bħala medja, in-nisa jirċievu biss żewġ terzi tal-pensjoni li jirċievu l-irġiel wara li jirtiraw, distakk ħafna ikbar mid-differenza li teżisti bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Huwa importanti li niġġieldu kontra l-isterjotipi fid-dinja tax-xogħol biex niżguraw li n-nisa jkunu jistgħu javvanzaw fil-karriera tagħhom u jirċievu paga ġusta. Sabiex jiġi żgurat li r-responsabbiltajiet ta’ kura jiġu kondiviżi b’mod aktar ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, parti mis-soluzzjoni tinsab fit-titjib tas-servizzi ta’ indukrar tat-tfal u s-servizzi ta’ kura fit-tul. Fl-ewwel kwart tal-2020, il-Kummissjoni se tipproponi Strateġija Ewropea ġdida għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, biex, flimkien ma’ miżuri vinkolanti ta’ trasparenza, tagħmel pass ’il quddiem f’ħidmietha biex telimina d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa, u d-diskrepanzi fil-pensjoni, sabiex tippromwovi l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol u żżid in-numru ta’ nisa f’karigi għolja fin-negozji u l-organizzazzjonijiet. 

Ekonomija li taħdem għan-nies hija ekonomija li taħdem għal persuni b’diżabilità. L-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà se jġib opportunitajiet biex jiġu żviluppati prodotti u servizzi aċċessibbli. It-teknoloġija, flimkien ma’ xogħol u postijiet tax-xogħol addattati, jistgħu jiftħu opportunitajiet għall-persuni b’diżabilità u għal nies u negozji, billi dawn jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom. Madankollu, il-persuni b’diżabilità għadhom qegħdin isibuha diffiċli biex ikollhom aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ, l-impjieg, is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u l-kura tas-saħħa. Il-persuni b’diżabilità jsibuha diffiċli wkoll biex jieħdu sehem b’mod attiv fil-ħajja politka jew kulturali tal-komunitajiet tagħhom. Il-Kummissjoni se tkun qed twettaq l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà. Il-Kummissjoni se tippreżenta strateġija b’saħħitha għad-diżabilità fl-2021, li se tibni fuq ir-riżultati tal-evalwazzjoni li għaddejja dwar l-Istrateġija Ewropea għad-Diżabilità 2010-2020.

Ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jibbenefikaw direttament minn integrazzjoni mgħaġġla u aktar effettiva, kif ukoll mis-suq tax-xogħol u mis-soċjetà kollha kemm hi. Ħafna Stati Membri jistgħu jagħmlu użu aħjar tal-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom u jippermettu lilhom infushom aċċess għall-inklużjoni u għall-edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità. Abbażi tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2016 dwar l-Integrazzjoni, il-Kummissjoni se żżid l-għajnuna tagħha fir-rigward ta’ miżuri mill-Istati Membri u partijiet interessati ewlenin oħra bħall-awtoritajiet reġjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali.

3. Kundizzjonijiet tax-Xogħol Ġusti

Il-ħaddiema fl-Ewropa għandu jkollhom paga minima ġusta li tippermettilhom jgħixu ħajja diċenti. Dan ma jfissirx li għandna nistabbilixxu l-istess paga minima għal kull ħaddiem fl-UE. Il-pagi minimi għandhom jiġu stabbiliti skont it-tradizzjonijiet nazzjonali, permezz ta’ ftehimiet kollettivi jew dispożizzjonijiet legali. Mod effettiv ta’ kif jistgħu jiġu stabbiliti pagi minimi adegwati u ġusti huwa permezz ta’ negozjar kollettiv li jaħdem tajjeb bejn l-impjegaturi u l-unions, minħabba li l-ħaddiema u l-impjegaturi huma dawk li jafu l-aktar is-settur u r-reġjun tagħhom. Illum, il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni tal-ewwel stadju tal-imsieħba soċjali dwar kif tista’ tiżgura pagi minimi ġusti għall-ħaddiema kollha fl-Unjoni.

Ix-xogħol mhuwiex biss dwar li taqla’ l-ħobża ta’ kuljum. Ix-xogħol jagħtik l-opportunità li toħloq relazzjonijiet soċjali u jagħtik post fis-soċjetà, kif ukoll opportunitajiet għall-iżvilupp personali u professjonali. Madankollu, dan huwa biss minnu sakemm dak li jkun ikun qed jibbenefika minn kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi u dinjitużi. Tipi ġodda ta’ xogħol qed jiżviluppaw b’rata mgħaġġla, l-iktar grazzi għat-teknoloġija diġitali. Dawn jgħinu għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u jixprunaw servizzi innovattivi, u hekk jipprovdu l-flessibilità u opportunitajiet għall-ħaddiema, għal dawk li jaħdmu għal rashom, għall-klijenti u għan-negozji. Madankollu, dawn jistgħu anke jwasslu għal tipi ġodda ta’ prekarjetà. Biex nibnu l-fiduċja fit-trasformazzjoni diġitali u biex nifhmu bis-sħiħ il-potenzjal tagħha, il-mudelli ta’ negozju għandu jkollhom regoli aktar ċari li jipprevjenu l-abbużi, iżommu standards għolja għas-saħħa u s-sigurtà, u jiżguraw kopertura ta’ protezzjoni soċjali. L-innovazjoni teknoloġika għandha timxi id f’id mal-innovazzjoni soċjali. Il-mod Ewropew huwa mod uman, mod etiku, u dan għandu jkompli jsawwar il-ġejjieni tagħna. 

B’mod partikolari, jeħtieġ li għat-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija tal-pjattaformi jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi. L-Att il-ġdid dwar is-Servizzi Diġitali li se jiġi ppreżentat waqt it-tieni semestru tal-2020, se jaġġorna r-regoli tagħna dwar ir-responsabbiltà u s-sikurezza tal-pjattaformi diġitali, tas-servizzi u tal-prodotti, u jikkompleta is-Suq Uniku Diġitali tagħna. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se torganizza wkoll Pjattaforma dwar il-Laqgħa għolja tax-Xogħol biex jiġu diskussi sfidi importanti u soluzzjonijiet possibbli għalihom, inkluż pereżempju l-istatus tal-impjieg, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-aċċess għal protezzjoni soċjali tal-ħaddiema tal-pjattaforma diġitali, l-aċċess għal rappreżentazzjoni kollettiva, in-negozjar, kif ukoll l-aspetti transkonfinali tax-xogħol tal-pjattaforma.

Id-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda qegħdin ibiddlu l-post tax-xogħol. Ħaddiema fl-UE jgawdu minn standards għoljin ta’ saħħa u sigurtà. Ir-robots kif ukoll l-għodod diġitali jistgħu jagħmlu dak ix-xogħol li għal bniedem huwa prekarju jew monotonu. Fl-istess ħin, il-bidla tista’ ġġib magħha wkoll xi tħassib. Ritmi ġodda ta’ xogħol – li nkunu konnessi l-ħin kollu, iż-żieda fix-xogħol li jsir online jew tat-telexogħol, l-interfaċċji bniedem-magna, il-monitoraġġ, ir-reklutaġġ u l-ġestjoni tal-ħaddiema li jsiru permezz tal-algoritmi, biex nagħtu ftit eżempji – jistgħu jżidu fil-produttività li hija vitali għat-titjib ġenerali tal-istandards tal-għajxien, però dawn għandhom jiġu żviluppati b’tali mod li ma jagħtux lok għal tendenzi ġodda ta’ diskriminazzjoni jew esklużjoni jew riskji ġodda għas-saħħa fiżika u mentali tal-ħaddiema. Sabiex iżżomm l-istandards għoljin tagħha, il-Kummissjoni se tirrevedi l-istrateġija tagħha dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u se tindirizza dawn ir-riskji l-ġodda flimkien ma’ riskji li ilhom jeżistu, bħall-esponiment għal sustanzi perikolużi u r-riskju ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol. 

Meta nitkellmu dwar kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, nitkellmu wkoll dwar djalogu soċjali b’saħħtu: meta l-ħaddiema u l-impjegaturi jsibu soluzzjonijiet konġunti li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom bl-aħjar mod possibbli. Organizzazzjonijiet rappreżentattivi b’saħħithom, kif ukoll l-involviment f’waqtu tagħhom fit-tfassil tal-politika, kemm fil-livell nazzjonali u dak Ewropew, huma ta’ importanza kbira. Il-Kummissjoni se tesplora modi ta’ kif tista’ tinkoraġġixxi d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv u żżid il-kapaċità tal-unions u tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, kemm fil-livell tal-UE u kemm dak nazzjonali. Huwa wkoll kruċjali li jkun hemm djalogu soċjali fil-livell tal-kumpanija, speċjalment meta l-kumpaniji jkunu qegħdin jiġu ristrutturati jew ikunu għaddejjin minn tibdil sinifikanti. Illum il-kumpaniji qegħdin dejjem jaħdmu aktar minn naħa għall-oħra tal-fruntiera, u għandna nagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti eżistenti dwar l-involviment tal-ħaddiema, bħall-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, biex nippromwovu l-kultura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema.

Kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għaċ-ċittadini Ewropej li bħalissa qegħdin jgħixu jew jaħdmu f’pajjiż ieħor tal-UE, huma garanzija ta’ mobilità ġusta. Meta mqabbel ma’ għaxar snin ilu, illum il-ġurnata jgħixu jew jaħdmu d-doppju tan-nies f’pajjiż ieħor tal-UE. Miljuni ta’ negozji, speċjalment l-SMEs, joperaw minn naħa għall-oħra tal-fruntiera. Dawn jibbenefikaw mis-Suq Uniku, magna importanti li tiġġenera t-tkabbir u l-impjiegi. Ir-regoli tal-UE għandhom ikunu xierqa għall-iskop tagħhom biex jiggarantixxu li dan kollu jsir b’mod ġust u trasparenti, u jiżguraw kompetizzjoni ġusta fost in-negozji u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema, u biex jiġu evitati kontribuzzjonijiet doppji u dumping soċjali. L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA), li għadha kemm inħolqot, se tkun għodda essenzjali biex tiffaċilita l-applikazzjoni u l-infurzar tar-regoli tal-UE f’dan il-qasam, u biex ittejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku. Din l-Awtorità se tagħmilha aktar faċli għall-individwi u għall-impjegaturi biex jaċċessaw informazzjoni dwar kif wieħed jaħdem jew jopera f’pajjiż ieħor tal-UE, u tagħti wkoll sostenn għall-kooperazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali, issaħħaħ l-ispezzjonijiet, tindirizza xogħol mhux iddikjarat u tiġġieled kontra l-frodi.

4. Protezzjoni Soċjali u Inklużjoni

Nassiguraw protezzjoni soċjali għolja

Biex il-kuntratt soċjali ikun wieħed jiflaħ għal kollox, dan irid iħaddan bis-sħiħ is-solidarjetà. Irridu nagħmlu iktar biex inkunu ta’ sostenn għal dawk li jitilfu xogħolhom minħabba fatturi esterni li jaffettwaw l-ekonomija tagħna, u rridu nippromwovu t-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet u nerġgħu nintegrawhom fis-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni se tipproponi Skema Ewropea ta’ Riassigurazzjoni tal-Benefiċċji tal-Qgħad biex nipproteġu ċ-ċittadini tagħna u nnaqqsu mill-piż fuq il-finanzi pubbliċi waqt l-interruzzjonijiet minħabba fatturi esterni. 

Hemm bżonn li l-istandards tagħna għall-protezzjoni soċjali jiġu adattati biex jirriflettu r-realtajiet il-ġodda tad-dinja tax-xogħol, kif ukoll il-vulnerabbiltajiet u l-aspettativi l-ġodda miċ-ċittadini. F’ħafna Stati Membri, uħud minn dawk li jaħdmu għal rashom u n-nies li għandhom impjieg mhux standard, ma għandhomx aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata. L-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali se tiżgura li, irrispettivament mill-istatus fl-impjieg, kulħadd jiġi protett fil-perjodi tal-qgħad, tal-mard, tax-xjuħija, tal-invalidità jew f'każ ta' xi inċident fuq il-post tax-xogħol.

Li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura jfisser ukoll li għandu jkun hemm aċċess għall-kura tas-saħħa li kulħadd jiflaħ iħallas għaliha. Nies foqra jispiċċaw jgħixu 6 snin anqas minn dawk aktar sinjuri. Biex ikollna kura tas-saħħa ta’ kwalità tajba għal kulħadd u li nkunu nifilħu nħallsu għaliha, irridu nippromwovu stili ta’ ħajja tajbin, miżuri preventivi aħjar u servizzi tas-saħħa li jkunu apposta għall-bżonnijiet tal-pazjent. Biex infasslu sistemi ta’ protezzjoni soċjali li jħaddnu l-valuri u l-prinċipji tal-UE tal-universalità, is-solidarjetà u l-ġustizzja, hemm bżonn li niżviluppaw mudelli ġodda u integrati ta’ kura tas-saħħa u ta’ kura soċjali. Dan se jwassal sabiex inkunu nistgħu niżviluppaw innovazzjonijiet li huma kosteffiċjenti u nindirizzaw il-ħtiġijiet attwali tas-saħħa pubblika. Approċċ li huwa bbażat fuq il-bżonnijiet tal-pazjent se jgħin biex niksbu riżultati aħjar, bħal pereżempju li ma jkunx hemm dewmien sakemm tirċievi t-trattament, u li tkun tista’ taċċessa l-kura faċilment. Ambizzjoni importanti f’dan il-qasam huwa li niżguraw li l-Ewropa tiġġieled kontra l-kanċer, waħda mill-aktar problemi tas-saħħa ta’ tħassib ta’ dan is-seklu u li tipperikola ħajjet miljuni ta’ Ewropej. L-Ewropa hija impenjata bis-sħiħ biex tkun minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-kanċer. Fi Frar 2020, il-Kummissjoni se tniedi dibattitu mifrux mal-Ewropa bil-għan li tippreżenta, fir-raba kwart tas-sena, il-pjan ambizzjuż magħruf bħala l-Pjan tal-Ewropa biex negħlbu l-Kanċer biex ngħinu nnaqqsu mit-tbatija li tikkawża din il-marda.

Il-maturazzjoni tisfida l-adegwatezza tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħna. Il-pensjonijiet jistgħu jsiru s-sors ewlieni tal-introjtu għall-maġġoranza tal-Ewropej. Li ngħixu ħajja aktar twila għandu fl-istess ħin ifisser li n-nies għandhom jaħdmu għal iktar żmien. Dan jista’ jkun possibbli b’livelli ogħla tas-saħħa u aktar attenzjoni għall-bżonnijiet ta’ ħaddiema li huma akbar fl-età fuq il-post tax-xogħol. Dan jikkontribwixxi wkoll biex inżommu s-sostenibilità fis-sistema tal-pensjonijiet, kif ukoll għat-tisħiħ tal-pensjonijiet tax-xogħol u tat-tielet pilastru. Madankollu, fost dawk in-nies li jikbru fl-età, se jkun hemm uħud li se jkollhom bżonn kura speċifika. Biex niżguraw li nies kbar fl-età jgħixu ħajja dinjituża, huwa essenzjali li nassiguraw l-aċċess għall-kura fit-tul, ta’ kwalità u li jkunu jifilħu jħallsu għaliha, filwaqt li naħtfu l-opportunità li toffri l-ekonomija tal-kura għall-ħolqien tal-impjiegi.

Il-maturazzjoni mhix l-unika sfida għad-demografija. Mudelli ġodda ta’ akkommodazzjoni bħal pereżempju n-numru kbir ta’ akkomodazzjonijiet għal persuna mhux miżżewġa, jew il-mobilità lejn l-ibliet, qegħdin iwasslu għad-depopolazzjoni taż-żoni rurali, għall-eżodu ta’ mħuħ jew anke saħansitra għall-fluss migratorju li se jikkontribwixxu lejn mudell demografiku li dejjem qed jinbidel fl-UE. Biex tagħti rendikont tas-sitwazzjoni attwali, il-Kummissjoni se tippreżenta Rapport dwar l-impatt tal-biddla demografika fl-ewwel kwart tas-sena 2020. Ir-rapport se jkun segwit minn Green Paper dwar il-maturazzjoni fir-raba kwart tal-2020 biex tniedi dibattitu dwar l-impatti fit-tul tal-maturazzjoni, b’mod partikolari dwar il-kura u l-pensjonijiet, u dwar kif nistgħu nrawmu tixjiħ attiv. Billi iqis kif it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi, diġitali u demografiċi jaffettwaw nies differenti b’mod differenti, dan ir-rapport demografiku se jkun segwit ukoll minn viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali fl-2021. Din il-viżjoni fit-tul għandha l-għan li tgħin liż-żoni rurali jindirizzaw l-isfidi uniċi tagħhom, mit-tixjiħ u d-depopolazzjoni għall-konnettività, ir-riskju tal-faqar u l-aċċess limitat għas-servizzi, il-protezzjoni soċjali u l-kura tas-saħħa.

Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni

Li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura f'era fejn kollox qed jinbidel ifisser li rridu negħlbu l-faqar. F’dawn l-aħħar għaxar snin, miljuni ta’ nies ingħataw ċans ġdid u ma għadhomx jgħixu fil-faqar madwar l-UE. Iżda minkejja l-għanijiet kollettivi tagħna tal-UE biex nagħtu ċans ieħor lill-20 miljun ruħ biex jgħixu ħajja mingħajr faqar sal-2020, iktar minn persuna waħda minn ħamsa fl-UE għadhom f’riskju ta’ faqar. Li tgħix ħajja dinjituża jfisser li tingħata l-appoġġ biex issib xogħol, biex ikollok aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità u li tiflaħ tħallas għaliha, opportunitajiet diċenti ta’ edukazzjoni u taħriġ, akkomodazzjoni li tiflaħ tħallas għaliha u aċċess għall-oġġetti essenzjali u servizzi li tkun tiflaħ tħallas għalihom, inkluż l-ilma, id-dawl, it-trasport u l-kommunikazzjoni diġitali. Għal dawk li mhumiex fis-suq tax-xogħol, skemi minimi ta’ dħul, flimkien ma’ servizzi ta’ sostenn, joffru ċans ieħor biex jiżguraw li dawn in-nies jgħixu ħajja dinjituża. Il-prezzijiet tal-proprjetà immobbli żdiedu madwar l-Unjoni u dan ifisser li l-maġġoranza tan-nies ma jifilħux iħallu għall-akkomodazzjoni u għall-ispejjeż tal-akkomodazzjoni. Dawk l-aktar milquta ħażin miż-żieda fil-prezzijiet tal-propjetà huma dawk mingħajr saqaf fuq rashom, kundizzjoni li qiegħda ssir aktar komuni fl-Istati Membri. Faqar enerġetiku u d-diffikultà biex ninvestu f’soluzzjonijiet moderni li jiffrankaw il-flus juru l-ħtieġa li rridu noqogħdu attenti għal sfidi ġodda li ġejjin mit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju 2 . Għal dawn ir-raġunijiet kollha, irridu nirriflettu sew u nikkunsidraw l-kawżi multipli u relatati tal-faqar, irridu nirriflettu dwar l-impatt tal-istrumenti differenti tal-politika u nerġgħu naħsbu dwar it-triq ’il quddiem.

Il-faqar jaffettwa lill-membri kollha tal-familja, kemm il-ġenituri u kemm it-tfal. It-tfal ġejjin minn familji fqar jibdew ħajjithom żvantaġġjati. Dawn jaffaċċjaw aktar riskji ta’ problemi tas-saħħa u rata baxxa ta’ suċċess fl-edukazzjoni iktar tard fil-ħajja, fejn eventwalment jerġgħu jaqgħu lura fil-faqar. Biex inwaqqfu dan iċ-ċiklu negattiv, irridu ninvestu f’edukazzjoni bikrija għat-tfal li tkun inklużiva u ta’ kwalità, u niżguraw l-aċċess għal kura tas-saħħa, għall-ikel u post diċenti fejn jgħixu. Fl-2021, il-Kummissjoni se tippreżenta Garanzija għat-Tfal biex tiżgura li t-tfal ikollhom aċċess għas-servizzi li jkollhom bżonn u jingħataw appoġġ sakemm jikbru u jsiru adulti. 

Ħafna Rom li jgħixu fl-UE huma vittmi ta’ preġudizzji u ta’ esklużjoni soċjali, minkejja l-fatt li l-pajjiżi tal-UE pprojbixxu d-diskriminazzjoni. L-esklużjoni tar-Rom tirrikjedi impenji fit-tul fil-livelli kollha. Il-Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020 wera ċertu riżultati pożittivi. Inizjattiva ta’ segwitu dwar l-ugwaljanza u l-inklużjoni tar-Rom se tiġi ppreżentata fir-raba’ kwart tal-2020, u se tibni fuq is-sejbiet tal-valutazzjoni tal-qafas. 

5. Nippromwovu valuri Ewropej madwar id-dinja

L-Ewropa għandha tuża l-influwenza politika u ekonomika tagħha biex trawwem il-ġustizzja soċjali fil-kumplament tad-dinja. Il-kooperazzjoni u l-iżvilupp internazzjonali tagħna, flimkien mal-politika ta’ kummerċ, joħolqu t-tkabbir, l-impjiegi u l-ġid – kemm fl-Ewropa u kemm mal-imsieħba tagħna. Il-kummerċ ma jirrigwardax biss l-iskambju ta’ oġġetti u servizzi. Il-kummerċ huwa wkoll assi strateġiku għall-Ewropa. Dan jippermettilna nibnu s-sħubija, nipproteġu s-suq tagħna minn prattiki inġusti u niżguraw ir-rispett għall-istandards maqbula internazzjonalment. Il-Kummissjoni se taħdem fuq aġenda għall-kummerċ li tkun ġusta, b’saħħitha u trasparenti. Kull ftehim bilaterali komprensiv se jinkludi fih kapitlu dwar l-iżvilupp sostenibbli u dwar l-ogħla standards tal-klima, tal-ambjent u tal-protezzjoni tax-xogħol, b’politika ta’ tolleranza żero fuq it-tħaddim tat-tfal, sabiex niżguraw li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi u xierqa għall-imsieħba kummerċjali tagħna. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll id-djalogu b’mod speċifiku bejn il-Balkani tal-Punent biex issawwar l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali f’dan ir-reġjun.

L-Ewropa għandha wkoll tieħu pożizzjoni iebsa fil-konfront tal-infurzar ta’ ftehimiet eżistenti jew ftehimiet ta’ kummerċ biex tippromwovi u tipproteġi l-istandards maqbula internazzjonalment dwar id-drittijiet tax-xogħol. Il-Kummissjoni se taħtar Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ biex jagħmel monitoraġġ tal-ftehimiet kummerċjali tagħna u biex itejjeb il-konformità tagħna ta’ dawn il-ftehimiet, u li se jaħdem mal-imsieħba kummerċjali tiegħu biex jiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-impenji. Għalhekk, l-UE se ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-klima, tal-protezzjoni ambjentali u tal-protezzjoni tax-xogħol li hemm minquxin fil-ftehimiet kummerċjali tagħna, b’approċċ ta’ tolleranza żero għat-tħaddim tat-tfal.

6. Naħdmu Flimkien

Din il-Kummissjoni tniedi diskussjoni wiesgħa mal-pajjiżi kollha tal-UE, mar-reġjuni, u mal-imsieħba kollha. Billi tagħmel dan, il-Kummissjoni se tkun qed tistabbilixxi numru ta’ inizjattivi li se jittieħdu fil-livell tal-UE fix-xhur li ġejjin, u b’hekk tikkontribwixxi lejn l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Iżda l-azzjoni fil-livell tal-UE mhix biżżejjed. Meta l-impatti tat-teknoloġiji l-ġodda jsiru aktar ċari, ir-riżultati tal-azzjoni klimatika jinħassu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, u l-piż demografiku jitqal, irridu nadattaw u nsaħħu b’mod kontinwu r-reazzjoni tagħna għal dan kollu fil-livelli kollha. Is-soluzzjoni għas-suċċess ħafna mid-drabi tinsab f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll għand l-imsieħba soċjali u l-partijiet kkonċernati rilevanti fil-livelli kollha, b’hekk irridu naħdmu flimkien fil-livell tal-UE biex niksbu s-suċċess.

B’hekk il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet u l-imsieħba kollha tal-UE, dawk nazzjonali, reġjonali u lokali biex sa Novembru 2020 jippreżentaw il-fehma tagħhom dwar x’azzjoni għandha tkompli tittieħed u biex jikkonfermaw l-impenn konkret tagħhom biex nimplimentaw il-Pilastru. Matul l-2020, il-Kummissjoni se tkun qed titlob għall-impenn attiv u l-parteċipazzjoni tal-imsieħba tagħna kollha: il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-fehmiet u l-impenji jistgħu jintbagħtu permezz tal-paġna web “yoursay-socialeurope” 3 .

L-objettiv huwa li nibnu flimkien Pjan ta’ Azzjoni li jirrifletti l-kontribuzzjonijiet kollha u li jiġi propost għall-approvazzjoni fl-ogħla livell politiku.

(1)

Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew – Aġenda Strateġika Ġdida 2019-2024 [referenza], Ġunju 2019.

(2)

Kif imħabbar fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni se tippreżenta gwida dwar il-faqar enerġetiku fl-2020.

(3)

https://ec.europa.eu/social/yoursay-socialeurope

 


Brussell, 14.1.2020

COM(2020) 14 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

EWROPA SOĊJALI B’SAĦĦITHA GĦAL TRANŻIZZJONIJIET ĠUSTI



Anness: Inizjattivi tal-Kummissjoni

L-ewwel kwart tal-2020

konsultazzjoni tal-ewwel stadju mas-sħab soċjali dwar il-pagi minimi

il-pjan ta’ investiment għal Ewropa sostenibbli – il-pjan ta’ investiment tal-patt ekoloġiku Ewropew

il-fond għal tranżizzjonijiet ġusti

l-istrateġija Ewropea għall-ugwaljanza bejn is-sessi, segwita minn miżuri vinkolanti dwar it-trasparenza fil-pagi

aġenda aġġornata tal-ħiliet għall-Ewropa

l-istrateġija industrijali

l-istrateġija tal-SMEs

rapport dwar id-demografija

It-tieni kwart tal-2020

il-garanzija għaż-żgħażagħ imsaħħa

pjan ta’ azzjoni aġġornat dwar l-edukazzjoni diġitali

It-tielet kwart tal-2020

summit dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi diġitali

iż-żona Ewropea tal-edukazzjoni

Ir-raba’ kwart tal-2020

l-att dwar is-servizzi diġitali

green paper dwar ix-xjuħija

il-pjan Ewropew dwar il-kanċer

l-inizjattiva dwar l-ugwaljanza u l-inklużjoni tar-Rom

l-iskema Ewropea tar-riassigurazzjoni għall-qgħad

L-2021

il-pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tal-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali

il-garanzija għat-tfal

il-pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija soċjali

l-istrateġija għad-diżabbiltà

viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali