11.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 417/86 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1866 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-14 ta’ Mejju 2020
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) għas-sena finanzjarja 2018
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2018, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0066/2020), |
A. |
billi skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2018 kien jammonta għal EUR 106 777 232,65, li jfisser żieda ta’ 23,76 % meta mqabbel mal-2017; billi ż-żieda kienet prinċipalment relatata mal-mandat imsaħħaħ tal-Aġenzija; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa kompletament derivat mill-baġit tal-Unjoni (2); |
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2018 (ir-“rapport tal-Qorti”) stqarret li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
1. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni baġitarja ta’ 99,02 %, li tfisser żieda żgħira ta’ 0,98 % meta mqabbel mal-2017, u li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 92,84 %, li tfisser tnaqqis ta’ 3,41 %; |
Prestazzjoni
2. |
Jinnota li l-Aġenzija tuża għadd ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni speċifiċi biex tkejjel l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tagħha u li l-evalwazzjoni tal-Aġenzija tirrappreżenta l-istrument ewlieni għall-valutazzjoni tal-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha; jirrikonoxxi s-sistema ta’ ġestjoni tal-prestazzjoni tal-Aġenzija li tistabbilixxi kemm objettivi pluriennali kif ukoll indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni trimestrali fil-monitoraġġ perjodiku tal-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali; jinnota li l-Aġenzija tuża biss ir-rata ta’ eżekuzzjoni baġitarja bħala l-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni biex ittejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha; |
3. |
Jinnota li l-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni tal-Aġenzija dwar il-kontinwità u l-kwalità tas-servizzi esterni tagħha laħqu b’mod ġenerali l-miri rispettivi tagħhom, u li s-sistema ta’ kwalità tagħha għal żjarat u spezzjonijiet ġiet estiża; |
4. |
Iħeġġeġ lill-Aġenzija timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti; |
5. |
Jinnota li l-Aġenzija tikkoopera mill-qrib ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni bħall-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għal dak li jikkonċerna l-funzjoni ta’ gwardja tal-kosta Ewropea; iħeġġeġ bil-qawwa ulterjorment lill-Aġenzija biex b’mod attiv tipprova tikseb aktar kooperazzjoni u kooperazzjoni aktar mifruxa mal-aġenziji kollha tal-Unjoni; |
6. |
Jinnota li wara l-approvazzjoni tal-evalwazzjoni esterna indipendenti dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament Fundatur tal-Aġenzija fl-2017, l-Aġenzija ppreżentat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha f’Marzu 2018; jinnota b’sodisfazzjon li ġew identifikati azzjonijiet, riskji potenzjali u miżuri ta’ mitigazzjoni, kif ukoll skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni u impatt baġitarju realistiku; |
7. |
Iħeġġeġ lill-Aġenzija ssegwi d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tagħha; |
8. |
Jinnota li d-dewmien fl-operazzjonijiet tas-sistemi ta’ inġenju tal-ajru ppilotat mill-bogħod (RPAS) marbuta mal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta dovut għal sfidi tekniċi u diffikultajiet kontinwi biex jinkisbu l-permessi għat-titjir minn awtoritajiet nazzjonali wassal għal emenda tal-baġit li naqset is-sussidju tal-UE u għal rimborż ta’ EUR 6 000 000 f’approprjazzjonijiet ta’ pagament lill-Kummissjoni; jinnota li dan it-tnaqqis irriżulta insuffiċjenti minħabba dewmien ulterjuri kkawżat minn problemi tekniċi u temp ħażin, li wassal għal rata ta’ konsum baxxa tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament; jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Bord Amministrattiv li l-Aġenzija għandha tindirizza r-riskju li jirriżulta mill-kwistjoni tal-Permessi għat-Titjir fir-rigward ta’ eżekuzzjoni kompleta tal-baġit; |
9. |
Jilqa’ l-appoġġ dirett tal-Aġenzija favur l-isforzi ta’ infurzar ambjentali tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali, kif ukoll is-servizzi RPAS tal-EMSA li jassistu f’operazzjonijiet ta’ sorveljanza marittima bħat-tniġġis marittimu u l-monitoraġġ tal-emissjonijiet; jemmen li, b’aktar riżorsi, l-Aġenzija tista’ tiżvolġi rwol importanti billi tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex itaffu r-riskji ambjentali relatati mat-trasport marittimu u jtejbu s-sostenibbiltà tas-settur marittimu; |
10. |
Japprezza li l-Aġenzija hi biss fit-tieni sena kompleta tagħha ta’ funzjonament wara l-estensjoni tal-mandat fl-aħħar tas-sena 2016 u li xi fatturi li waslu għall-modifiki baġitarji ma kinux magħrufa fil-mument tal-abbozzar tal-baġit tal-2018; jinnota li l-Aġenzija kellha twettaq il-modifiki baġitarji sabiex tkopri ż-żieda fis-salarji minħabba l-koeffiċjent tal-korrezzjoni għall-Portugall; |
11. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija qed tittestja psewdosatelliti ta’ altitudni għolja (HAPS, High Altitude Pseudo Satellites) u jilqa’ l-fatt li b’hekk qed tixxejjen id-diskrepanza bejn is-satelliti u d-droni; |
12. |
Jilqa’ l-isforzi tal-Aġenzija biex tqiegħed għad-dispożizzjoni servizzi operattivi, analiżijiet, għarfien speċjalizzat u l-aħjar appoġġ tekniku possibbli fl-ambitu tal-proġetti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, kif ukoll għall-utenti tas-settur tat-trasport marittimu; |
13. |
Jistieden lill-Aġenzija tisfrutta bis-sħiħ u, skont il-ħtieġa, tadatta l-possibbiltajiet operattivi li joffru d-droni, il-HAPS u s-satelliti; tisħaq fuq in-natura multifunzjonali tas-sistemi, li jkopru kemm is-salvataġġ fuq il-baħar kif ukoll l-identifikazzjoni bikrija u l-monitoraġġ tat-tniġġis marittimu, kif ukoll l-isforzi indispensabbli relatati mal-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali bħat-traffikar tad-drogi, il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni u s-sajd mhux awtorizzat; |
14. |
Jinnota li f’Novembru 2018 il-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija adotta Qafas ta’ Kontroll Intern ġdid abbażi tal-qafas tal-Kummissjoni tal-2017; |
15. |
Jinnota li, fil-bidu tal-2018, l-Aġenzija wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità ta’ żjarat u spezzjonijiet (V&I QMS) biex tinkludi l-ispezzjonijiet ta’ sikurezza marittima u l-proċess ta’ analiżi orrizontali; jilqa’ l-fatt li l-awditu annwali ta’ verifika tal-QMS estiża twettaq b’suċċess minn TUV Rheinland Portugal mingħajr ebda każ ta’ nuqqas ta’ konformità; |
16. |
Jinnota li fl-2018 ma ġie rrapportat l-ebda każ ta’ kunflitt ta’ interess; jinnota li, b’mod konformi mal-Politika ta’ Ġestjoni tar-Riskji, ir-reġistru tar-riskji ġie aġġornat fl-2018 u li dan l-aġġornament ma rriżultax f’xi riskji kritiċi li setgħu jwasslu għal riżerva formali fir-rigward tad-dikjarazzjoni annwali tal-assigurazzjoni tal-uffiċjal awtorizzanti; josserva wkoll li l-ebda riskju identifikat qabel ma kkonkretizza ruħu fl-2018; |
17. |
Japprezza li l-Aġenzija introduċiet mekkaniżmi ta’ kontroll xierqa dwar il-pagamenti fil-kuntratti tal-Aġenzija; |
18. |
Jinnota li r-riżultati tal-ħames eżerċizzju ta’ valutazzjoni komparattiva fir-rigward tal-persunal huma simili għal dawk tal-2017 fejn 20,20 % (20,42 % fl-2017) tal-postijiet huma assenjati għall-appoġġ amministrattiv ta’ koordinazzjoni, 71,65 % (72,08 %) għall-kompiti operazzjonali u 8,15 % (7,50 %) għal kompiti newtrali; |
Politika dwar il-persunal
19. |
Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2018, it-tabella tal-persunal kienet mimlija b’98,58 %, b’209 uffiċjali u aġenti temporanji maħtura minn total ta’ 212-il uffiċjal u aġenti temporanji awtorizzati fl-ambitu tal-baġit tal-Unjoni (212-il post tax-xogħol awtorizzati fl-2017); jinnota wkoll li, fl-2018, l-Aġenzija ħaddmet 30 aġent kuntrattwali u 17-il espert nazzjonali sekondat; iħeġġeġ lill-Aġenzija tagħmel riċerka dwar is-suġġett tal-kondiviżjoni ta’ persunal fost aġenziji oħra tal-Unjoni, b’enfasi speċjali fuq possibbiltajiet ta’ aktar konnessjoni ta’ persunal amministrattiv ma’ Aġenziji oħra bbażati f’Lisbona, jiġifieri ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga; |
20. |
Jinnota b’sodisfazzjon li kien hemm bilanċ ugwali bejn il-ġeneri fost il-maniġers superjuri (żewġt irġiel u żewġ nisa); jinsab imħasseb, madankollu, li fil-livell tal-bord amministrattiv hemm parteċipazzjoni żbilanċjata ta’ rġiel (44 membru) u nisa (12-il membru); |
21. |
Jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ informazzjoni u dettalji dwar il-“Pjan ta’ Azzjoni għall-Bilanċ bejn is-Sessi fl-EMSA”; |
Akkwisti
22. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li sa tmiem l-2018 l-Aġenzija ma qabblitx sistematikament il-prezzijiet u ż-żidiet debitati mal-istimi u l-fatturi li nħarġu mill-fornitur lill-kuntrattur qafas għall-akkwist tal-liċenzji tas-software; jinnota mir-risposta tal-Aġenzija li l-mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni għal dan il-kuntratt qafas ma kienx jinkludi lista ta’ prezzijiet fissi iżda minflok li l-Kummissjoni ddeċidiet li tagħżel sistema li tapplika ż-żidiet fil-prezz u li l-kuntrattur eżerċita d-drittijiet tiegħu li jittermina l-kuntratt b’effett mit-12 ta’ Ottubru 2019; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u t-trasparenza
23. |
Jirrikonoxxi li l-Aġenzija timpjega u tippubblika dikjarazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess għall-membri tal-bord amministrattiv u l-maniġment superjuri tagħha u li l-Aġenzija ħarġet linji gwida dwar il-kunflitt ta’ interess u implimentat arranġamenti għall-iżvelar tal-informazzjoni, li huma għodda importanti biex jiġu identifikati l-frodi, il-korruzzjoni u l-irregolaritajiet serji; |
Kontrolli interni
24. |
Jieħu nota li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni ħareġ rapport ta’ awditjar dwar iż-żjarat u l-ispezzjonijiet fl-Aġenzija, u kkonkluda li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll imfassla għal dan is-suġġett huma mfassla b’mod adegwat u implimentati b’mod effikaċi u effiċjenti; jirrimarka li l-IAS ħareġ erba’ rakkomandazzjonijiet li l-Aġenzija aċċettat u impenjat ruħha li tindirizza; |
25. |
Jinnota li, fl-2018, l-Aġenzija implimentat il-pjanijiet ta’ azzjoni kollha relatati mal-awditjar tal-IAS dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani tal-EMSA li sar fl-2017; |
Kummenti oħra
26. |
Jinnota l-isforzi tal-Aġenzija biex tippromwovi post tax-xogħol kosteffikaċi u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent; jirrimarka madankollu li l-Aġenzija ma għandhiex miżuri addizzjonali fis-seħħ biex tnaqqas jew tinnewtralizza l-emissjonijiet tas-CO2; |
27. |
Jistieden lill-Aġenzija tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha lill-pubbliku, u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja; |
28. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2020 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 120, 29.3.2019, p. 201.
(2) ĠU C 120, 29.3.2019, p. 202.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0121.