7.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 192/6


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar approċċ strateġiku tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali u qafas għal azzjoni

(2019/C 192/04)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FILWAQT LI JIBNI FUQ:

1.

il-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali (1);

2.

il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2017 dwar approċċ strateġiku tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali (2);

3.

il-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp: “Id-Dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna” tas-7 ta’ Ġunju 2017 (3);

4.

il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2018 dwar il-ħtieġa li l-wirt kulturali jitpoġġa fuq quddiem fil-politiki kollha tal-UE (4);

5.

il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2018 dwar il-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2019-2022 (5);

FILWAQT LI JILQA’:

6.

il-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli “Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali” tal-2016;

7.

il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura” tal-2018;

FILWAQT LI JIEĦU NOTA TA’:

8.

ir-Rapport dwar l-istat attwali tas-sħubija bejn ir-raggruppamenti tal-Istituti Nazzjonali tal-UE għall-Kultura (EUNIC) u d-delegazzjonijiet tal-UE ta’ Lulju 2018 u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu (6);

9.

il-varar tal-proġett “Djar tal-Kultura Ewropea”, immirat lejn l-ittestjar u l-implimentazzjoni ta’ mudelli innovattivi ta’ kollaborazzjoni bejn l-atturi Ewropej u l-partijiet ikkonċernati lokali f’pajjiżi mhux tal-UE (7);

FILWAQT LI JIRRIKONOXXI LI:

10.

il-politika barranija tal-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq l-iżvilupp ta’ solidarjetà politika reċiproka bejn l-Istati Membri, fuq l-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ interess ġenerali u t-twettiq ta’ konverġenza dejjem akbar tal-azzjonijiet tal-Istati Membri;

11.

l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kultura hija bbażata fuq il-kompetenza tal-UE li twettaq azzjonijiet biex tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri;

12.

id-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali huma parti integrali mill-valuri tal-Unjoni Ewropea u jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà artistika, ir-rispett u t-tolleranza lejn oħrajn, il-fehim reċiproku, il-prevenzjoni tal-kunflitti, ir-rikonċiljazzjoni u l-ġlieda kontra l-estremiżmu u jikkontribwixxu għad-demokratizzazzjoni, governanza tajba u soċjetajiet aktar paċifiċi;

13.

billi l-ewwel u qabel kollox hija valur fiha nnifisha, il-kultura għandha effetti soċjoekonomiċi pożittivi, ittejjeb il-kwalità tal-ħajja, u r-rwol pożittiv tagħha fir-relazzjonijiet esterni kiseb aktar rikonoxximent;

BIL-GĦAN LI:

14.

isaħħaħ l-effettività u l-impatt tal-politika barranija tal-UE billi jintegra r-relazzjonijiet kulturali internazzjonali fil-firxa tal-istrumenti tal-politika barranija tiegħu, speċjalment b’perspettiva fit-tul;

15.

itejjeb il-koerenza tal-pożizzjonijiet u l-azzjonijiet tal-UE fil-livell multilaterali sabiex tiżdied l-effettività tal-UE bħala forza koeżiva fir-relazzjonijiet internazzjonali, inkluż billi jitneħħew l-ostakli għall-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha biex joperaw b’mod effettiv;

16.

irawwem it-tagħlim reċiproku, il-fehim interkulturali u l-fiduċja bejn l-UE u s-sħab tagħha fir-relazzjonijiet esterni, filwaqt li jagħti s-setgħa lis-setturi kulturali lokali bħala magni għal żvilupp inklużiv u sostenibbli u għal progress soċjali u kulturali, kif ukoll irawwem id-diversità kulturali, l-innovazzjoni u r-reżiljenza ekonomika;

17.

isaħħaħ b’mod reċiproku d-dimensjonijiet esterni tal-politiki, programmi u proġetti kulturali kif ukoll id-dimensjoni kulturali u kreattiva tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE u l-Istati Membri tagħha billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni transsettorjali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri u fi ħdanhom;

18.

ifittex sinerġiji u komplementarjetà bejn l-attivitajiet imwettqa mill-UE u l-Istati Membri tagħha f’pajjiżi terzi, inkluż ir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi u konsulari tagħhom u n-netwerk tal-EUNIC;

FILWAQT LI JQIS B’MOD XIERAQ:

19.

l-isferi rispettivi ta’ kompetenza tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-SEAE, kif ukoll il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u komplementarjetà;

FILWAQT LI JIRRISPETTA:

20.

id-diversità kulturali, il-libertà artistika u l-indipendenza tas-settur kulturali;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXI L-ĦTIEĠA GĦAL:

21.

approċċ trasversali għall-kultura li jinkludi l-industriji kulturali u kreattivi, l-arti, ix-xjenza, l-edukazzjoni, it-turiżmu u l-wirt kulturali, eċċ.;

22.

it-tkomplija tal-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ beni kulturali;

23.

l-inklużività: għandu jiġi inkuraġġit u ffaċilitat l-involviment tal-Istati Membri f’pajjiżi terzi, inkluż fejn ma jkollhom l-ebda rappreżentanza diplomatika jew konsulari;

24.

spirtu ġdid ta’ djalogu, fehim reċiproku u tagħlim, li jinvolvi l-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati lokali u mas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha (l-ippjanar, it-tfassil, l-implimentazzjoni) u fuq bażi ugwali, li jimmira lejn approċċ minn isfel għal fuq u bejn il-persuni, l-emanċipazzjoni lokali, il-parteċipazzjoni u l-kokreazzjoni;

25.

approċċ deċentralizzat, li jirrikjedi politiki u proġetti adattati għall-kuntest, il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet lokali;

26.

l-ispjegazzjoni u s-sensibilizzazzjoni, inkluż dwar ir-rwoli rispettivi u l-aspettattivi reċiproċi tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri, flimkien mar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tagħhom, l-istituti u n-netwerks kulturali bħall-EUNIC, kif ukoll partijiet ikkonċernati oħra;

27.

il-flessibbiltà fit-tfassil ta’ għodod finanzjarji u amministrattivi, sabiex jiġu appoġġati wkoll proġetti ta’ daqs żgħir u medju u jitqabblu l-kapaċitajiet lokali;

GĦALHEKK JISTABBILIXXI L-QAFAS LI ĠEJ GĦAL AZZJONI BILLI JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

28.

itejbu, fejn xieraq, il-kollaborazzjoni bejn il-ministeri rilevanti, b’mod partikolari l-ministeri tal-kultura u l-affarijiet barranin;

29.

fejn rilevanti, jiżviluppaw aktar netwerks eżistenti għall-iżvilupp tal-għarfien u l-kompetenza u jinkoraġġixxu l-iskambju bejn l-akkademja u dawk li jaħdmu fil-qasam tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali;

30.

jagħmlu użu, meta jkollhom il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE, mil-laqgħat informali ta’ uffiċjali għolja fil-ministeri tal-kultura u uffiċjali għolja għall-kultura fil-ministeri tal-affarijiet barranin biex janalizzaw u jakkumpanjaw l-implimentazzjoni ta’ dan l-approċċ strateġiku, flimkien ma’ laqgħat tal-Kunsill u l-korpi preparatorji ġeografiċi u tematiċi rilevanti tiegħu, li jibqgħu l-awtorità prinċipali għall-gwida politika, it-tiswir ta’ deċiżjonijiet u t-teħid ta’ deċiżjonijiet;

31.

isaħħu l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ strateġiji u proġetti kulturali lokali komuni f’pajjiżi terzi. Il-EUNIC u l-kooperazzjoni bejn rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari jistgħu jikkontribwixxu għall-kisba ta’ dan l-objettiv;

FILWAQT LI JAPPELLA LILL-KUMMISSJONI U LIR-RAPPREŻENTANT GĦOLI TAL-UNJONI GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U L-POLITIKA TA’ SIGURTÀ BIEX:

32.

jinkorporaw l-prinċipji u l-objettivi ta’ dan l-approċċ strateġiku u jsaħħu l-kollaborazzjoni mal-korpi rilevanti tal-Kunsill fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-oqfsa tematiċi u ġeografiċi eżistenti u futuri, bħal fil-kuntest tat-tkabbir, l-iżvilupp u l-pajjiżi tal-PEV jew sħab strateġiċi;

33.

jiżguraw l-għarfien espert xieraq fil-qasam tar-relazzjonijiet kulturali;

34.

jiddeżinjaw “punti fokali kulturali” u jiżguraw kapaċitajiet adegwati għall-kultura fid-delegazzjonijiet tal-UE;

35.

jistabbilixxu punt ta’ kuntatt uniku fuq l-Internet b’aċċess għal informazzjoni dwar il-politiki, il-programmi u l-azzjonijiet tal-UE mwettqa mill-Kummissjoni u s-SEAE rigward ir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali;

36.

jinkludu l-aspett tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali, fejn xieraq, fir-rappurtar regolari dwar azzjonijiet u programmi ta’ politika barranija, inkluż fil-kuntest tal-Istrateġija Globali;

FILWAQT LI JAPPELLA LILL-ISTATI MEMBRI, LILL-KUMMISSJONI U LIR-RAPPREŻENTANT GĦOLI TAL-UNJONI GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U L-POLITIKA TA’ SIGURTÀ, FL-ISFERI TA’ KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM U B’KUNSIDERAZZJONI XIERQA GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ U L-KUMPLIMENTARJETÀ, BIEX:

37.

issaħħu l-koordinazzjoni, is-sinerġiji u l-gwida strateġika dwar l-aħjar mod biex jiġu promossi r-relazzjonijiet kulturali internazzjonali, b’mod partikolari permezz tal-impenn regolari tal-Kunsill u l-korpi preparatorji u l-gruppi ta’ esperti ddedikati rilevanti tiegħu;

38.

ikomplu jsaħħu r-rwol tal-kultura fil-politiki u l-programmi fi ħdan il-qafas tar-relazzjonijiet esterni, inkluż skont il-PESK;

39.

jippromwovu l-kooperazzjoni skont l-objettivi ta’ dan l-approċċ strateġiku ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari l-Unesco u l-Kunsill tal-Ewropa;

40.

iżidu l-isforzi biex jilħqu pożizzjonijiet komuni tal-UE fil-fora u n-netwerks multilaterali u, fejn xieraq, jitkellmu b’vuċi waħda dwar kwistjonijiet li għandhom impatt fuq ir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali;

41.

jappoġġaw l-isforzi biex jissaħħaħ ir-rwol tal-kultura bħala faċilitatur orizzontali tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli;

42.

jiffaċilitaw, permezz tal-oqfsa istituzzjonali u legali xierqa u l-miżuri ta’ appoġġ, il-mobbiltà tal-artisti u l-professjonisti kulturali bejn l-UE u pajjiżi terzi;

43.

jiżviluppaw sħubiji ma’ organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet internazzjonali li jippromwovu r-rwol tal-kultura u tal-wirt kulturali biex iġibu l-paċi fiż-żoni ta’ konflitt u żoni ta’ wara l-konflitt;

44.

jagħmlu sforz partikolari fl-implimentazzjoni ta’ proġetti komuni u azzjonijiet konġunti f’pajjiżi terzi bbażat fuq viżjoni strateġika komuni żviluppata fil-livell lokali mill-Istati Membri, ir-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tagħhom, l-istituti kulturali tagħhom, il-EUNIC, id-delegazzjonijiet tal-UE u l-partijiet ikkonċernati lokali; għandhom jiġu żviluppati oqfsa u strumenti adegwati għal dak il-għan;

45.

jagħmlu użu aħjar mill-fora, il-mekkaniżmi, in-netwerks u l-bażijiet ta’ data eżistenti għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki tajba, inkluż il-Pjattaforma ta’ Diplomazija Kulturali.

(1)  https://en.unesco.org/creativity/convention

(2)  ĠU C 189, 15.6.2017, p. 38.

(3)  ĠU C 210, 30.6.2017, p. 1.

(4)  ĠU C 196, 8.6.2018, p. 20.

(5)  ĠU C 460, 21.12.2018, p. 12.

(6)  https://www.eunicglobal.eu/news/report-on-the-current-state-of-the-partnership-between-eunic-clusters-and-eu-delegations

(7)  https://www.eunicglobal.eu/european-houses-of-culture


ANNESS

Referenzi politiċi ewlenin

Il-Konvenzjoni tal-Aja għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta’ Konflitt Armat tal-1954;

il-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-Mezzi ta’ Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, tal-Esportazzjoni u tat-Trasferiment Illeċitu tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali tal-1970;

il-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Dinji Kulturali u Naturali tal-1972;

il-Konvenzjoni tal-Unesco għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli tal-2003;

il-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali tal-2005;

l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2015;

il-Konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-kultura, il-wirt arkitettoniku, il-wirt arkeoloġiku, il-valur tal-wirt kulturali għas-soċjetà u l-pajsaġġ;

il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar il-promozzjoni tad-diversità kulturali u tad-djalogu interkulturali fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha;

il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2015 dwar il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE b’attenzjoni fuq il-kultura fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Ottubru 2016 dwar l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-UE