2.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 405/8


Avviż dwar l-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Magħquda C-659/13 u C-34/14 C&J Clarks International Ltd u Puma SE fir-rigward tal-miżuri antidumping li jikkonċernaw l-importazzjoni ta’ xedd tas-saqajn li joriġinaw fir-Repubblika tal-Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam

(2019/C 405/07)

A.   SFOND

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1472/2006 (1), il-Kunsill impona dazji antidumping definittivi għal sentejn u li jvarjaw bejn 9,7 % u 16,5 % fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda, li joriġinaw mill-Vjetnam u mir-RPĊ.

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 388/2008 (2) il-Kunsill estenda l-miżuri antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw mir-RPĊ għal importazzjonijiet ikkunsinjati mir-Reġjun Amministrattiv Speċjali (Special Administrative Region, “SAR”) tal-Makaw, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Makaw SAR u kemm jekk le.

Wara rieżami tal-iskadenza mibdi fit-3 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill estenda ulterjorment il-miżuri antidumping għal 15-il xahar permezz tar-Regolament (UE) Nru 1294/2009 (3), jiġifieri sal-31 ta’ Marzu 2011, meta l-miżuri skadew.

Brosmann Footwear (HK) Ltd, Seasonable Footwear (Zhongshan) Ltd, Lung Pao Footwear (Guangzhou) Ltd u Risen Footwear (HK) Co. Ltd, kif ukoll Zhejiang Aokang Shoes Co. Ltd ikkontestaw ir-Regolament (KE) Nru 1472/2006 fil-Qorti tal-Prim’Istanza (issa: il-Qorti Ġenerali).

Permezz tas-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2010 fil-Kawża T-401/06 Brosmann Footwear (HK) u Oħrajn vs il-Kunsill (4) u tal-4 ta’ Marzu 2010 fil-Kawżi Magħquda T-407/06 u T-408/06 Zhejiang Aokang Shoes u Wenzhou Taima Shoes vs il-Kunsill (5). Il-Qorti Ġenerali rrifjutat dawn il-kontestazzjonijiet.

L-applikanti appellaw minn dawn is-sentenzi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Fis-sentenzi tagħha tat-2 ta’ Frar 2012 fil-Kawża C-249/10 P Brosmann Footwear (HK) u Oħrajn vs il-Kunsill u tal-15 ta’ Novembru2012 fil-Kawża C-247/10P Zhejiang Aokang Shoes vs il-Kunsill (“is-sentenzi Brosmann u Aokang”), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat dawn is-sentenzi. Il-Qorti qalet li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinetx meħtieġa teżamina talbiet għal trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) skont l-Artikolu 2(7)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 384/9 (6) minn kummerċjanti mhux fil-kampjun (7).

Il-Qorti mbagħad tat sentenza hi stess fuq din il-kwistjoni. Hija ddeċidiet li “il-Kummissjoni kellha teżamina t-talbiet dokumentati li l-appellanti ppreżentawlha fuq il-bażi tal-Artikolu 2(7)(b) u (c) tar-Regolament bażiku sabiex jibbenefikaw minn SES fil-kuntest tal-proċedura antidumping prevista mir-[Regolament (KE) Nru 1472/2006]. Għandu jiġi kkonstatat li mhuwiex eskluż li eżami bħal dan kien iwassal għall-impożizzjoni, fir-rigward tagħhom, ta’ dazju antidumping definittiv differenti mid-dazju ta’ 16,5 % li huwa applikabbli fir-rigward tagħhom bis-saħħa tal-Artikolu 1(3) tar-[Regolament (KE) Nru 1472/2006]. Minn din l-istess dispożizzjoni jirriżulta li dazju antidumping definittiv ta’ 9,7 % ġie impost fir-rigward tal-operatur uniku taċ-Ċina li jidher fil-kampjun li kiseb it-TES. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 38 tas-sentenza preżenti, kieku l-Kummissjoni kienet ikkonstatat li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq kienu jipprevalu wkoll għall-appellanti, dawn tal-aħħar, meta l-kalkolu ta’ marġni tad-dumping individwali ma kienx possibbli, kellhom jibbenefikaw ukoll minn din l-aħħar imsemmija rata (8)”.

B’konsegwenza ta’ dan, hija annullat ir-Regolament (KE) Nru 1472/2006 sa fejn dan jirrigwarda lill-applikanti kkonċernati.

Tliet importaturi tal-prodott ikkonċernat, C&J Clark International Ltd (“Clark”), Puma SE (“Puma”) u Timberland Europe B.V. (“Timberland”) ikkontestaw il-miżuri antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn miċ-Ċina u mill-Vjetnam u invokaw il-ġurisprudenza msemmija hawn fuq quddiem il-Qrati nazzjonali tagħhom, li rreferew il-kwistjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

Fl-4 ta’ Frar 2016, fil-Kawżi Magħquda C-659/13 C&J Clark International Limited u C-34/14 Puma SE (9), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ir-Regolament (KE) Nru 1472/2006 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1294/2009 bħala invalidi sa fejn il-Kummissjoni Ewropea ma eżaminatx it-TES u t-talbiet għal trattament individwali (“TI”) ippreżentati mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ u l-Vjetnam mhux inklużi fil-kampjun, kuntrarjament għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 2(7)(b) u 9(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96.

Rigward il-Kawża C-571/14, Timberland Europe, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-11 ta’ April 2016 li tħassar il-kawża mir-reġistru wara talba tal-qorti nazzjonali tar-rinviju.

Fid-dawl tal-implimentazzjoni tas-sentenza fil-Kawżi Magħquda C-659/13 C & J Clark International Limited u C-34/14 Puma SE, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223 (10).

Fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tat struzzjoni lill-awtoritajiet tad-dwana nazzjonali biex jibagħtu t-talbiet kollha għar-rimborż tad-dazji antidumping definittivi mħallsa fuq l-importazzjonijiet ta’ xedd tas-saqajn li joriġinaw fiċ-Ċina u fil-Vjetnam magħmula minn importaturi fuq il-bażi tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju u fuq il-bażi li produttur esportatur mhux fil-kampjun kien talab għal TES jew TI fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri definittivi permezz tar-Regolament (KE) Nru 1472/2006.

B’avviż bħal dan, il-Kummissjoni setgħet imbagħad tevalwa t-talba għal TES jew TI relevanti u tippubblika regolament li jimponi mill-ġdid ir-rata tad-dazju antidumping, jekk ikun hemm.

Fuq il-bażi ta’ dan, jenħtieġ li l-awtoritajiet tad-dwana nazzjonali sussegwentement jiddeċiedu dwar it-talba għal ħlas lura u remissjoni tad-dazji antidumping għat-talba kkonċernata.

B.   TALBA GĦAL RIMBORŻ FIL-KAŻ TA’ EUROTRANSIT B.V. U FIRST PRECISE TRADING LIMITED

Fil-25 ta’ Marzu 2019, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223, l-awtoritajiet tad-Dwana Olandiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni t-talba dwar ir-rimborż ta’ dazji antidumping imħallsa fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn importatur wieħed, il-Eurotransit B.V.

Dan l-avviż spjega li Eurotransit B.V. kienet importat il-prodott ikkonċernat minn First Precise Trading Limited. L-avviż ma jindikax jekk din il-kumpanija hijiex produttur esportatur jew kummerċjant. Huwa lanqas ma kien fih indirizz jew speċifikazzjoni dwar jekk din il-kumpanija tinsabx fil-Vjetnam jew fiċ-Ċina.

Wara analiżi bir-reqqa tal-avviż Olandiż, il-Kummissjoni osservat li ma kellhiex rekord ta’ kumpanija bl-isem speċifiku jew simili għall “First Precise Trading Limited” li ppreżentat formola ta’ talba għal TES/TI fl-investigazzjoni oriġinali.

Minn dan isegwi li d-dazji antidumping definittivi imposti mill-miżuri eżistenti kienu applikabbli għall-importazzjonijiet tax-xedd tas-saqajn minn First Precise Trading Limited, sa fejn din il-kumpanija tinsab fil-Vjetnam jew fiċ-Ċina u sa fejn din il-kumpanija effettivament esportat il-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni sottostanti.

Għall-istess raġunijiet, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Magħquda C-659/13 u C-34/14 C & J Clark International Limited u Puma ma setgħetx kellha l-effett li tannulla d-dazji antidumping imposti fuq ċerti xedd tas-saqajn li ġejjin mill-Vjetnam u miċ-Ċina.

Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-talba relevanti għal rimborż ta’ Eurotransit B.V. għandhiex tingħata għaliex id-dazji antidumping definittivi imposti mir-Regolament (KE) Nru 1472/2006 ma kinux annullati għall-First Precise Trading Limited.

C.   IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI WARA D-DIVULGAZZJONI

Ir-riżultati u l-konklużjonijiet ta’ hawn fuq kienu divulgati lill-partijiet interessati kollha, inkluża Eurotransit B.V. Dawn il-partijiet ingħataw żmien raġonevoli biex jikkummentaw.

Eurotransit B.V. biss ippreżentat kummenti wara d-divulgazzjoni. Il-kumpanija ċċarat li First Precise Trading Limited hija kummerċjant li tinsab fiċ-Ċina u li l-prodotti importati oriġinaw mill-Vjetnam.

Il-Kummissjoni nnotat li l-kumpaniji kummerċjanti ma huma intitolati għall-ebda marġini ta’ dumping individwali u għalhekk ma kinux eliġibbli biex jipprovdu talbiet TES/TI matul l-investigazzjoni oriġinali.

F’kull każ, il-Kummissjoni ma kellha ebda rekord li First Precise Trading Limited ippreżentat formola ta’ talba TES/TI fl-investigazzjoni oriġinali.

Eurotransit B.V. iddikjarat li ma kellha ebda għarfien dwar l-identità tal-produttur esportatur ikkonċernat fil-Vjetnam u jekk ipprovdiex jew le talba TRS/TI fl-investigazzjoni oriġinali.

Madankollu, Eurotransit B.V ipprovdiet dettalji ta’ kuntatt ta’ First Precise Trading Limited. Il-Kummissjoni kkuntattjat lil First Precise Trading Limited u stiednet lill-kumpanija biex tipprovdi l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-fornitur tagħha u l-produttur tal-aħħar tax-xedd tas-saqajn fil-Vjetnam. Hija tat lil First Precise Trading Limited żmien ta’ 14-il ġurnata biex twieġeb. First Precise Trading Limited ma tat ebda reazzjoni għal din it-talba.

D.   KONKLUŻJONIJIET

Meta jitqies dan ta’ hawn fuq, kien konkluż li t-talba ta’ rimborż relevanti ta’ ta’ Eurotransit B.V. ma għandhiex tingħata minħabba li d-dazji antidumping definittivi imposta mir-Regolament (KE) Nru 1472/2006 ma ġewx annullati għal First Precise Trading Limited.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006 tal-5 ta’ Ottubru 2006 jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam (ĠU L 275, 6.10.2006, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 388/2008 tad-29 ta’ April 2008 li jestendi l-miżuri antidumping definittivi imposti mir-Regolament (KE) Nru 1472/2006 fuq importazzjonijiet ta’ ċertu xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet tal-istess prodott konsenjati mill-Makaw SAR, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Makaw SAR u kemm jekk le (ĠU L 117, 1.5.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1294/2009 tat-22 ta’ Diċembru 2009 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li ġej mill-Vjetnam u li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda kkonsenjati mill-Makaw SAR, sew jekk dikjarati li joriġinaw fil-Makaw SAR, sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU L 352, 30.12.2009, p. 1).

(4)  EU:T:2010:67.

(5)  EU:T:2010:68.

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1).

(7)  EU:C:2012:53, il-paragrafu 36 u EU:C:2012:710, il-paragrafi 29 u 32.

(8)  EU:C:2012:53, il-paragrafu 42 u EU:C:2012:710, il-paragrafi 36.

(9)  ĠU C 106, 21.3.2016, p. 2.

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/223 tas-17 ta’ Frar 2016 li jistabbilixxi proċedura għall-valutazzjoni ta’ ċerti talbiet għal trattament ta’ ekonomija tas-suq u għal trattament individwali li jsiru minn produtturi esportaturi miċ-Ċina u mill-Vjetnam, u li jimplimentaw is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Magħquda C-659/13 u C-34/14 (ĠU L 41, 18.2.2016, p. 3).