Brussell, 11.7.2019

SWD(2019) 331 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
dwar l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (riformulazzjoni)
and

Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
dwar l-Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) 2021-2027: Nixprunaw it-Talenti u tal-Kapaċità tal-Innovazzjoni tal-Ewropa

{COM(2019) 330 final} - {COM(2019) 331 final} - {SEC(2019) 275 final} - {SWD(2019) 330 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-Impatt dwar il-Proposta għal emenda tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (riformulazzjoni) u tal-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (l-EIT) 2021-2027: Nagħtu spinta lit-Talent tal-Innovazzjoni u l-Kapaċità tal-Ewropa

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

L-iskop tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (l-EIT) huwa li jindirizza l-isfidi ewlenin tas-soċjetà billi jtejjeb il-prestazzjoni tal-innovazzjoni tal-UE permezz tal-integrazzjoni tat-trianglu tar-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni.

L-EIT ġie stabbilit fl-2008 permezz tar-Regolament (KE) Nru 294/2008 (“ir-Regolament tal-EIT”) 1 . Ir-Regolament tal-EIT jistabbilixxi l-missjoni, l-objettivi u l-baġit allokat lill-EIT, u għalhekk jeħtieġ li jkun konformi mal-Programm Qafas applikabbli għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

Il-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Orizzont Ewropa, il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-perjodu 2021–2027, tistabbilixxi l-baġit propost għall-EIT għall-perjodu li jmiss kif ukoll ir-raġunament warajh, il-valur miżjud, l-oqsma ta’ intervent, il-linji ġenerali tal-attività u l-indikaturi tal-prestazzjoni tiegħu. Fil-proposta, l-EIT huwa wieħed mill-komponenti ewlenin tal-pilastru “Ewropa Innovattiva”.

Il-proposta ta’ Orizzont Ewropa nnifisha ma tipprovdix il-bażi ġuridika għat-tkomplija tal-operazzjonijiet tal-EIT lil hinn mill-2020. Għalhekk, jeħtieġ li r-Regolament tal-EIT jiġi emendat.

Barra minn hekk, l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-EIT jirrikjedi li kull seba’ snin il-Kummissjoni tippreżenta proposta għal Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li tistabbilixxi l-prijoritajiet strateġiċi u fit-tul u l-ħtiġijiet finanzjarji tal-EIT li jeħtieġ ikunu konformi mal-Programm Qafas applikabbli għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. L-Innovazzjoni Strateġika attwali tkopri l-perjodu 2014–2020 2 . Għalhekk, flimkien mal-proposta biex jiġi rivedut ir-Regolament tal-EIT, jeħtieġ tiġi ppreżentata proposta għal Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni ġdida tal-EIT għall-2021–2027.

Din l-inizjattiva għandha l-għan li temenda r-Regolament tal-EIT permezz ta’ riformulazzjoni, u tallinja l-ASI ma’ Orizzont Ewropa. Tkopri l-oqsma prijoritarji ġodda tal-EIT kif ukoll il-ħtiġijiet finanzjarji tiegħu. Għandha l-għan ukoll li ttejjeb il-funzjonament tal-EIT filwaqt li tqis it-tagħlimiet miksuba tul dawn l-aħħar snin.

B’mod partikolari, l-inizjattiva tieħu ħsieb tindirizza kwistjonijiet li jaqgħu fi tliet oqsma ewlenin. L-ewwel nett, se tindirizza sfidi relatati mal-mudell ta’ finanzjament tal-EIT. It-tieni nett, se tipproponi soluzzjonijiet biex iżżid l-impatt tal-attivitajiet edukattivi tal-EIT, jiġifieri ttejjeb l-għarfien tal-marka edukattiva tal-EIT u tappoġġa l-kapaċitajiet u l-ħiliet intraprenditorjali u ta’ innovazzjoni fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla. Fl-aħħar nett, l-inizjattiva se tgħin biex tikber is-sensibilizzazzjoni reġjonali tal-EIT permezz ta’ integrazzjoni aħjar tal-KICs fl-ekosistemi lokali tal-innovazzjoni. L-inizjattiva se tiddeskrivi wkoll l-oqsma prijoritarji futuri għall-KICs.

Barra minn hekk, l-inizjattiva se tindirizza għadd ta’ kwistjonijiet tekniċi sabiex tiżdied l-effikaċja, l-effiċjenza u l-koerenza tal-operazzjonijiet tal-EIT. Dan jinkludi s-sens ta’ ftuħ u t-trasparenza tal-KICs, il-governanza tal-EIT u d-dispożizzjonijiet kuntrattwali tal-persunal tal-EIT.

Il-kwistjonijiet identifikati se jiġu indirizzati permezz ta’ emenda fir-Regolament tal-EIT u permezz tal-adozzjoni tal-Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni tal-EIT għall-2021–2027. Il-Valutazzjoni tal-Impatt attwali hija msejsa fuq il-Valutazzjoni tal-Impatt li saret għal Orizzont Ewropa.

X’mistennija tikseb din l-inizjattiva?

Din l-inizjattiva tappoġġa l-implimentazzjoni futura u l-iżvilupp strateġiku tal-politika tal-EIT u se tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tagħha għall-perjodu 2021–2027 kif deskritt fil-proposta ta’ Orizzont Ewropa, jiġifieri li jissaħħu l-ekosistemi sostenibbli tal-innovazzjoni madwar l-Ewropa; li jinstabu soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi globali tas-soċjetà ħalli jiġu kummerċjalizzati u jitrawmu l-innovazzjoni u l-intraprenditorija permezz ta’ edukazzjoni aħjar. B’mod speċifiku, l-EIT u l-KICs huma mistennija

a.jsaħħu l-impatt tal-integrazzjoni tal-KICs u tat-trianglu tal-għarfien permezz ta’ mudell ta’ finanzjament effettiv u effiċjenti tal-EIT;

b.ikabbru l-innovazzjoni u l-kapaċità intraprenditorjali tas-settur tal-edukazzjoni ogħla billi jippromwovu bidla istituzzjonali fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla fl-Ewropa;

c.iżidu s-sensibilizzazzjoni reġjonali tal-EIT ħalli jindirizzaw id-disparitajiet reġjonali fil-kapaċità tal-innovazzjoni madwar l-UE.

Barra minn hekk, l-inizjattiva għandha l-għan li żżid l-effikaċja, l-effiċjenza u l-koerenza tal-operazzjonijiet tal-EIT billi tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin: is-sens ta’ ftuħ u t-trasparenza tal-KICs, il-governanza tal-EIT u l-kuntratti tal-persunal tal-EIT u l-kontinwità tagħhom tas-servizz.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

L-EIT għandu mod uniku kif jibni ekosistemi tal-innovazzjoni madwar l-UE li jorbtu l-edukazzjoni, ir-riċerka, in-negozju u partijiet konċernati oħra. Jimla lakuna fis-sistema tal-appoġġ għall-innovazzjoni pprovduta mill-Istati Membri. L-attivitajiet tal-KICs iwasslu għal żieda fil-kwalità tal-innovazzjoni, fil-ħolqien ta’ networks transfruntieri multidixxiplinari, aktar kooperazzjoni transsettorjali kif ukoll sensibilizzazzjoni ġeografika usa’. Il-programmi tal-edukazzjoni tal-EIT iżidu l-valur ta’ programmi oħra eżistenti, b’mod partikolari bid-dimensjoni intraprenditorjali u ta’ innovazzjoni tagħhom.

B. Soluzzjonijiet

X'għażliet ta' politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex? 

Tqiesu tliet Għażliet li jistgħu jindirizzaw l-isfidi identifikati:

L-Għażla 1 (il-linja bażi) tirrappreżenta l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tal-EIT kif inhuma llum b’aġġustamenti meħtieġa biex jiġu allinjati mal-proposta għal Orizzont Ewropa. L-EIT ikun jikkonforma mal-kriterji ta’ implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni għas-Sħubijiet Ewropej. Jiżviluppa sinerġiji mal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni. Ikun hemm żewġ KICs ġodda.

L-Għażla 2 tibni fuq il-linja bażi u tadotta wkoll għadd ta’ miżuri biex tissaħħaħ l-effettività tal-funzjonament tal-EIT, inkluż l-adattament tal-mudell ta’ finanzjament tiegħu. Tintroduċi azzjoni ġdida tal-EIT biex tappoġġja l-iżvilupp tal-kapaċità intraprenditorjali u tal-iżvilupp tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla (il-HEIs) u ssaħħaħ l-Iskema Reġjonali tal-Innovazzjoni tagħha. Ikun hemm żewġ KICs ġodda.

L-Għażla 3 tibni fuq il-linja bażi u tadotta wkoll għadd ta’ miżuri biex tissaħħaħ l-effettività tal-EIT, bħal fl-Għażla 2. Barra minn hekk, tintroduċi attività ġdida għat-twaqqif ta’ Ċentru tal-EIT f’kull Stat Membru sabiex jikber l-impatt ġenerali tal-EIT. L-EIT jimplimenta b’mod dirett iċ-Ċentri tal-EIT biex irawwem l-integrazzjoni tat-trianglu tal-għarfien permezz ta’ appoġġ għal proġetti kollaborattivi fuq skala iżgħar mill-KICs.

Ikun hemm KIC ġdida.

It-tliet Għażliet kollha għandu jkollhom implikazzjonijiet leġiżlattivi għall-emenda tar-Regolament tal-EIT u l-Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni l-ġdida tal-EIT.

L-għażla ppreferuta hija l-Għażla 2, li tolqot l-aħjar bilanċ fil-kisba tal-objettivi tal-inizjattiva filwaqt li tqis ir-riżorsi disponibbli u toffri l-ikbar impatti ekonomiċi u soċjali.

Liema għażla u min jappoġġaha? 

Il-miżuri individwali previsti taħt l-Għażla 2 sabu livell għoli ta’ appoġġ fost id-diversi partijiet interessati kkonsultati, jiġifieri organizzazzjonijiet tal-kumpanija/tan-negozju, istituzzjonijiet akkademiċi/ta’ riċerka kif ukoll ċittadini tal-UE. B’mod partikolari, hemm qbil qawwi fost il-partijiet konċernati f’dik li hi ħtieġa li jiġi promoss l-iżvilupp tal-kapaċità intraprenditorjali u ta’ innovazzjoni tal-HEIs fl-Ewropa u l-irbit iktar sod tal-attivitajiet tal-EIT u tal-KIC mal-ambjent u l-istrateġiji reġjonali u lokali.

C. L-Impatti tal-Għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-Għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

L-Għażla ppreferuta tinvolvi titjib sinifikanti tal-EIT fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss. Tapprofondixxi l-integrazzjoni tat-trijanglu tal-għarfien, tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-ekosistemi tal-innovazzjoni u żżid l-innovazzjoni u l-kapaċità intraprenditorjali tas-settur tal-edukazzjoni għolja. Tikkontribwixxi wkoll biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet fis-setturi ewlenin tal-ekonomija; Tkabbar il-tixrid tal-għarfien u n-netwerking f’ekosistemi ta’ innovazzjoni; Tippromwovi l-ħolqien effettiv u effiċjenti ta’ negozji ġodda; Tgħolli l-kwalità tal-edukazzjoni għolja intraprenditorjali. Iżżid ukoll il-livelli ta’ investiment privat fil-KICs fuq żmien medju u fit-tul u tappoġġjahom b’mod aktar effettiv biex jilħqu l-objettivi ta’ sostenibbiltà finanzjarja tal-EIT. Fl-aħħar nett, tippermetti lill-EIT biex gradwalment itejjeb u jkabbar is-sensibilizzazzjoni reġjonali tiegħu lejn pajjiżi bi prestazzjoni ta’ innovazzjoni modesta u moderata.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)? 

Meta mqabbel max-xenarju bażi, l-Għażla 2 issarraf f’żieda fil-kostijiet amministrattivi tal-EIT konformi maż-żieda ġenerali fil-baġit tal-EIT matul il-perjodu ta’ programmazzjoni, liema żieda hija dovuta għall-bżonnijiet tal-persunal u t-twaqqif ta’ kapaċità ikbar u għarfien espert usa’ fl-EIT. Il-kostijiet tal-konformità u tal-implimentazzjoni li jiġu mill-adattament tal-mudell ta’ finanzjament huma mistennija jkunu ikbar għall-KICs li ġew stabbiliti fis-snin bikrin tal-EIT, peress li se jkollhom jaġġustaw il-proċessi u s-sistemi ta’ operazzjoni li diġà daħħlu fis-seħħ. Il-kostijiet huma mistennija jkunu relattivament baxxi għall-KICs fil-fażi bikrija tal-operat tagħhom.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

L-Għażla preferuta 2 se tikkontribwixxi għal grupp ta’ individwi bi kwalifiki għoljin li se jkunu ta’ benefiċċju għan-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi. Se jiġu stimulati attivitajiet ġodda għall-ħolqien tan-negozji permezz ta’ aktar sens ta’ ftuħ, trasparenza u proċeduri simplifikati fil-KICs li jwasslu biex jiżdiedu n-negozji ġodda. 

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Le.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

Le.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

L-implimentazzjoni tal-Għażla ta’ politika ppreferuta se tiġi mmonitorjata u evalwata b’mod regolari. Kull sena l-EIT se jwettaq monitoraġġ kontinwu tal-prestazzjoni operazzjonali u tal-kisbiet tal-KICs abbażi ta’ qafas speċifiku ta’ indikaturi tal-impatt. Il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu indipendenti tal-impatti ekonomiċi u soċjetali tal-EIT fl-2024, li se tkun allinjata mal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm Orizzont Ewropa.

(1)

     IR-REGOLAMENT (UE) NRU 1292/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta’ Diċembru 2013; https://eit.europa.eu/sites/default/files/Consolidated%20EIT%20Regulation.pdf .

(2)

     ID-DEĊIŻJONI NRU 1312/2013/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (l-EIT): il-kontribuzzjoni tal-EIT għal Ewropa iktar innovattiva.