Brussell, 31.10.2019

COM(2019) 577 final

2019/0249(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tar-reviżjoni tal-Anness 17 (Sigurtà) (Emenda 17) tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali b’konnessjoni mal-adozzjoni prevista tal-Emenda 17 tal-Anness 17 (“Sigurtà”) tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li tipproponi emendi għall-istandards u l-prattiki rakkomandati.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”)

Il-Konvenzjoni ta’ Chicago għandha l-għan li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru. Hija daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947 u stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.

L-Istati Membri kollha tal-UE huma Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.

2.2.L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“ICAO”)

L-ICAO hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti. L-għanijiet tal-ICAO huma li tiżviluppa l-prinċipji u t-tekniki tan-navigazzjoni bl-ajru internazzjonali u li trawwem l-ippjanar u l-iżvilupp tat-trasport internazzjonali bl-ajru.

Il-Kunsill tal-ICAO huwa korp permanenti tal-ICAO bi sħubija ta’ 36 Stat kontraenti eletti mill-Assemblea tal-ICAO għal perjodu ta’ tliet snin. Għall-perjodu 2016-2019, hemm seba’ Stati Membri tal-UE rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.

Il-funzjonijiet obbligatorji tal-Kunsill tal-ICAO, elenkati fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, jinkludu l-adozzjoni ta’ Standards u Prattiki Rakkomandati (“SARPs”) internazzjonali, magħżula bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

Il-Kunsill tal-ICAO jlaqqa’ wkoll l-Assemblea, li hija l-korp sovran tal-ICAO. L-Assemblea tal-ICAO tiltaqa’ mill-inqas darba kull tliet snin u tistabbilixxi d-direzzjoni politika tal-ICAO għall-perjodu tat-tliet snin li jmiss. L-40 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO seħħet mill-24 ta’ Settembru sal-4 ta’ Ottubru 2019 f’Montreal, il-Kanada.

2.3.L-att previst tal-ICAO

F’konformità mal-punt (1) tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO għandu jadotta SARPs. Is-SARPs li jemendaw l-Anness 17 dwar is-Sigurtà jikkonsistu f’diversi Artikoli li għandhom jinbidlu, jitjiebu jew jiġu elevati minn prattiki rrakkomandati għal standards.

Fl-4 ta’ Lulju 2019, l-ICAO ħarġet ittra lill-Istati AS8/2.1-19/48 sabiex tgħarraf lill-Istati Kontraenti tagħha li l-Emenda Proposta 17 tal-Anness 17 ser tiġi ppreżentata lill-Kunsill għall-adozzjoni matul il-218-il Sessjoni tiegħu (mit-18 sad-29 ta’ Novembru 2019), u hija prevista li ssir applikabbli f’Lulju 2020. Hija tinkludi, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet ġodda u/jew riveduti dwar: valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà; kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-Istati u l-partijiet ikkonċernati; programmi ta’ taħriġ u sistemi ta’ ċertifikazzjoni; kontroll tal-aċċess; skrinjar tal-persunal; u emendi editorjali oħrajn. Permezz tal-ittra lill-Istat msemmija hawn fuq, l-ICAO nediet il-fażi ta’ konsultazzjoni tagħha li ser tiskadi fl-4 ta’ Ottubru 2019.

Il-bidliet fl-Anness 17 tħejjew mill-Bord tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni tal-ICAO, li fih huma membri attivi esperti minn tmien Stati Membri tal-UE (il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, in-Netherlands, Spanja u r-Renju Unit), imbagħad ġew sottomessi għall-approvazzjoni fil-217-il sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO. Dawn il-bidliet, wara l-konsultazzjoni li għaddejja, x’aktarx li jiġu approvati mill-Kunsill tal-ICAO waqt il-218-il sessjoni tiegħu.

Ladarba jiġu adottati, il-bidliet previsti ser jorbtu lill-Istati kollha tal-ICAO, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Chicago u fi ħdan il-limiti stabbiliti fiha. L-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jesiġi li l-Istati kontraenti jinnotifikaw lill-ICAO jekk ikollhom l-intenzjoni li jiddevjaw minn standard, skont il-mekkaniżmu tan-notifika tad-differenzi.

2.4.Il-qafas ġuridiku tal-UE u l-Bidliet proposti fl-Anness 17

1)Emenda tad-definizzjoni ta’ kontroll tal-Isfond.

Test oriġinali:

Verifika tal-preċedenti personali. Verifika tal-identità u l-esperjenza preċedenti ta' persuna, inkluż fejn ikun legalment permessibbli, kwalunkwe preċedent kriminali bħala parti mill-valutazzjoni tal-adattabilità ta' individwu sabiex jiġi implimentat kontroll tas-sigurtà u/jew għal aċċess mingħajr skorta għal żona ristretta ta' sigurtà.

Test ġdid:

Verifika tal-preċedenti personali. Verifika tal-identità u l-esperjenza preċedenti ta’ persuna, inklużi l-preċedenti kriminali u kwalunkwe informazzjoni oħra relatata mas-sigurtà rilevanti għall-valutazzjoni tal-adattabilità tal-persuna, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Din il-proposta tindirizza l-ħtieġa li tiġi inkluża l-informazzjoni rilevanti kollha relatata mas-sigurtà fil-verifiki tal-preċedenti personali. Ir-reġim tal-verifiki tal-preċedenti personali tal-UE ssaħħaħ permezz tal-Punt 11.1.3 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/103 tat-23 ta’ Jannar 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 rigward il-kjarifika, l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni, kif ukoll it-tisħiħ ta’ ċerti miżuri speċifiċi tas-sigurtà tal-avjazzjoni 1 .

2)Merkanzija jew posta b’riskju għoli.

Test oriġinali:

Merkanzija jew posta b’riskju għoli. Il-merkanzija jew il-posta ppreżentata minn entità mhux magħrufa jew li turi sinjali ta’ tbagħbis għandha titqies bħala li għandha riskju għoli jekk, barra minn hekk, tissodisfa wieħed mill-kriterji li ġejjin:

a) intelliġenza speċifika tindika li l-merkanzija jew il-posta toħloq theddida għall-avjazzjoni ċivili; jew

b) il-merkanzija jew il-posta turi anomaliji li jagħtu lok għal suspett; jew 

c) in-natura tal-merkanzija jew tal-posta tkun tali li l-miżuri ta’ sigurtà tal-linja bażi weħidhom x’aktarx ma jkunux jistgħu jindividwaw oġġetti pprojbiti li jistgħu jipperikolaw lill-inġenju tal-ajru.

Test ġdid:

Merkanzija jew posta b’riskju għoli. Il-merkanzija jew il-posta għandha titqies li għandha riskju għoli jekk

a) intelliġenza speċifika tindika li l-merkanzija jew il-posta toħloq theddida għall-avjazzjoni ċivili; jew

b) il-merkanzija jew il-posta turi anomaliji jew sinjali ta’ tbagħbis li jagħtu lok għal suspett.

Irrispettivament minn jekk il-merkanzija jew il-posta tkunx ġejja minn entità magħrufa jew mhux magħrufa, l-intelliġenza speċifika ta’ Stat dwar kunsinna tista’ trendiha f’waħda b’riskju għoli.

Din il-proposta tfittex li tipprovdi definizzjoni aktar ċara ta’ merkanzija jew posta b’riskju għoli u hija konsistenti mad-definizzjoni tal-Unjoni Ewropea.

3)Prinċipji Ġenerali

Test oriġinali:

2.1 Objettivi

2.1.4 Rakkomandazzjoni. – Jenħtieġ li kull Stat Kontraenti jiżgura l-protezzjoni xierqa ta’ informazzjoni sensittiva dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni.

Test ġdid:

2.1 Objettivi

2.1.4 Jeħtieġ li kull Stat Kontraenti jiżgura l-protezzjoni xierqa ta’ informazzjoni sensittiva dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni.

Din il-proposta għandha l-għan li tiżgura li jiddaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi xierqa għall-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni minn aċċess jew divulgazzjoni mhux awtorizzati, inkluż fir-rigward tat-theddida minn persuni privileġġati li jiksbu informazzjoni dwar is-sigurtà li huma ma jkunux intitolati li jkollhom aċċess għaliha.

Il-protezzjoni (u t-tixrid ta’ informazzjoni sensittiva dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni) hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi mhux pubbliċi u kklassifikati inklużi fil-leġiżlazzjoni tal-UE huma fi kwalunkwe każ koperti mill-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 2 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) Nru 2015/444 tal-15 ta’ Marzu 2015.

4)Kooperazzjoni Internazzjonali (2.4.1, 2.4.1 bis)

Test oriġinali:

2.4 Kooperazzjoni Internazzjonali

2.4.1 Kull Stat Kontraenti għandu jiżgura li t-talbiet minn Stati Kontraenti oħrajn għal miżuri ta’ sigurtà addizzjonali fir-rigward ta’ titjira speċifika/titjiriet speċifiċi mill-operaturi ta’ tali Stati oħrajn jiġu ssodisfati, sa fejn ikun prattikabbli. L-Istat rikjedenti għandu jikkunsidra miżuri alternattivi tal-Istat l-ieħor li huma ekwivalenti għal dawk mitluba.

Test ġdid:

2.4 Kooperazzjoni Internazzjonali

2.4.1 Kull Stat Kontraenti li jitlob miżuri ta’ sigurtà addizzjonali għal titjira speċifika/titjiriet speċifiċi għandu jiżgura konsultazzjoni xierqa u jikkunsidra miżuri alternattivi tal-Istat l-ieħor li huma ekwivalenti għal dawk mitluba.

2.4.1 bis Kull Stat Kontraenti għandu jiżgura li t-talbiet minn Stati Kontraenti oħrajn għal miżuri ta’ sigurtà addizzjonali fir-rigward ta’ titjira speċifika/titjiriet speċifiċi mill-operaturi ta’ tali Stati oħrajn jiġu ssodisfati, sa fejn ikun prattikabbli.

Il-proposti jfittxu li jenfasizzaw l-importanza ta’ konsultazzjoni xierqa meta Stat jitlob miżuri ta’ sigurtà addizzjonali minn Stat ieħor. L-Istandard eżistenti kien isseparat f’żewġ Standards sabiex jiġu enfasizzati r-rekwiżiti distinti għall-Istati li jitolbu miżuri addizzjonali u l-Istati ospitanti li jirċievu tali talbiet.

L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 jistabbilixxi dispożizzjonijiet fir-rigward tan-notifika lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħtieġa minn pajjiż terz jekk dawn il-miżuri jkunu differenti mill-istandards bażiċi komuni. Fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni u l-applikazzjoni ta’ miżuri alternattivi, dan jista’ jkun kopert u rregolat fi ħdan il-Ftehimiet bilaterali tal-UE (jew ta’ Stat Membru) u ta’ Pajjiż Terz dwar it-Trasport bl-Ajru.

5)Standard 3.1.4 dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Istati u l-partijiet ikkonċernati.

Test oriġinali:

3.1.4 Kull Stat Kontraenti għandu jistabbilixxi u jimplimenta proċeduri sabiex jikkondividi, kif xieraq, mal-operaturi tal-ajruporti, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru, il-fornituri ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru jew entitajiet ikkonċernati oħrajn tiegħu, b’mod prattiku u f’waqtu, informazzjoni rilevanti sabiex tgħinhom iwettqu valutazzjonijiet effettivi tar-riskju għas-sigurtà relatati mal-operazzjonijiet tagħhom.

Test ġdid:

3.1.4 Kull Stat Kontraenti għandu jistabbilixxi u jimplimenta proċeduri sabiex jikkondividi, kif xieraq, mal-operaturi tal-ajruporti, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru, il-fornituri ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru jew entitajiet ikkonċernati oħrajn rilevanti, b’mod prattiku u f’waqtu, informazzjoni rilevanti sabiex tgħinhom iwettqu valutazzjonijiet effettivi tar-riskju għas-sigurtà relatati mal-operazzjonijiet tagħhom.

Din il-proposta għandha l-għan li tiċċara l-Istandard sabiex l-Istati jkollhom aktar flessibbiltà biex jiddeterminaw l-operaturi rilevanti biex jindirizzaw l-informazzjoni meħtieġa sabiex jassistu lill-operaturi fit-twettiq ta’ valutazzjoni effettiva tar-riskji relatata mal-operazzjonijiet tagħhom.

Dan l-istandard kien introdott fil-leġiżlazzjoni tal-UE kollha permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1583 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 tal-5 ta’ Novembru 2015 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni, fir-rigward tal-miżuri taċ-ċibersigurtà 3 .

6)Standard 3.1.8 dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ

Test oriġinali:

3.1.8 Kull Stat Kontraenti għandu jiżgura l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ u sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-istrutturi f’konformità mal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.

Test ġdid:

3.1.8 Kull Stat Kontraenti għandu jiżgura l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ u sistema ta’ ċertifikazzjoni li tiżgura li l-istrutturi jkunu kkwalifikati fis-suġġetti applikabbli f’konformità mal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.

L-emenda proposta hija maħsuba sabiex tiffoka fuq l-eżitu tas-sigurtà li għandu jinkiseb u mhux fuq metodu wieħed. Hija tirrikonoxxi li jenħtieġ li l-attenzjoni tkun fuq ir-“riżultati” ta’ taħriġ mogħti minn esperti kkwalifikati fis-suġġett li għandhom l-għarfien u l-kapaċità li jgħallmu, u speċjalment l-għarfien meħtieġ tas-suġġett li jiġi mgħallem. Bħala tali, jenħtieġ li ċ-ċertifikazzjoni, jew metodi applikati alternattivi oħrajn, jiffokaw fuq iż-żewġ elementi meħtieġa.

Il-prinċipji mfittxija minn din l-emenda (jiġifieri l-istrutturi jkunu kkwalifikati fis-suġġetti applikabbli) huma parti mil-leġiżlazzjoni tal-UE kollha u huma stabbiliti fil-Kapitolu 11 tal-Anness I tar-Regolament (KE) 300/2008 u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu.

7)Elevazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 3.1.11 għal Standard

Test oriġinali:|

3.1.11 Rakkomandazzjoni. - Jenħtieġ li kull Stat Kontraenti jiżgura li l-persunal tal-entitajiet kollha involuti jew responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ diversi aspetti tal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u dawk awtorizzati sabiex ikollhom aċċess mingħajr skorta għal naħiet tal-ajru jirċievu taħriġ perjodiku ta’ għarfien dwar is-sigurtà.

Test ġdid:

3.1.11 Kull Stat Kontraenti għandu jiżgura li l-persunal tal-entitajiet kollha involuti jew responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ diversi aspetti tal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u dawk awtorizzati sabiex ikollhom aċċess mingħajr skorta għal naħiet tal-ajru jirċievu taħriġ inizjali u rikorrenti ta’ għarfien dwar is-sigurtà.

Ir-rakkomandazzjoni 3.1.11 ġiet elevata għal Standard, għalhekk, hija għandha tkun legalment vinkolanti. Kull Stat Kontraenti għandu jiżgura li l-persunal tal-entitajiet kollha involuti jew responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ diversi aspetti tal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u dawk awtorizzati sabiex ikollhom aċċess mingħajr skorta għal naħiet tal-ajru jirċievu taħriġ perjodiku inizjali u rikorrenti ta’ għarfien dwar is-sigurtà. Din il-proposta tirrikonoxxi l-importanza tat-taħriġ ta’ għarfien dwar is-sigurtà, filwaqt li tenfasizza l-ħtieġa għal taħriġ kemm inizjali kif ukoll rikorrenti ta’ għarfien dwar is-sigurtà.

L-obbligi dwar it-taħriġ inizjali u rikorrenti jinsabu fil-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni fl-UE kollha, jiġifieri fil-Punti 11.4.1 u 11.4.3 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1998.

8)3.4 Kontroll tal-kwalità u kwalifiki

Test oriġinali:

3.4.1 Kull Stat Kontraenti għandu jiżgura li l-persuni li jimplimentaw kontrolli tas-sigurtà jkunu soġġetti għal verifiki tal-preċedenti personali u proċeduri tal-għażla.

Test ġdid:

3.4.1 Kull Stat Kontraenti għandu jiżgura li:

a) jitlestew verifiki tal-preċedenti personali fir-rigward tal-persuni li jimplimentaw kontrolli tas-sigurtà, il-persuni b’aċċess mingħajr skorta għal żoni ristretti ta’ sigurtà u l-persuni b’aċċess għal informazzjoni sensittiva dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni qabel ma jibdew jaqdu dmirijiethom jew jiksbu aċċess għal tali żoni jew informazzjoni;

b) jiġu applikati verifiki tal-preċedenti personali rikorrenti għal dawn il-persuni f’intervalli definiti mill-awtorità xierqa; u

c) il-persuni li jinstabu li mhumiex idonei minn kwalunkwe verifika tal-preċedenti personali jiġu mċaħħda minnufih il-kapaċità li jimplimentaw kontrolli tas-sigurtà, l-aċċess mingħajr skorta għal żoni ristretti ta’ sigurtà u l-aċċess għal informazzjoni sensittiva dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni.

Din il-proposta tfittex li tiċċara min jenħtieġ li jkun soġġett għal verifiki tal-preċedenti personali, meta jenħtieġ li jiġu applikati l-verifiki tal-preċedenti personali u x’jenħtieġ li jseħħ jekk individwu jkun instab li mhuwiex idoneu minn kwalunkwe verifika tal-preċedenti personali. B’mod partikolari, l-Istandard issa jippreskrivi l-ħtieġa għal verifiki tal-preċedenti personali rikorrenti u l-azzjonijiet meħtieġa meta persuna tinstab li mhijiex idonea għall-funzjonijiet rilevanti bħala riżultat tal-verifika tal-preċedenti personali. Innota li r-referenza għal “proċeduri tal-għażla” ġiet inkorporata fi 3.4.2.

Il-prinċipji kollha huma diġà inklużi fil-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni fl-UE kollha, jiġifieri fil-Punti 1.2.3.3, 1.2.3.5, 11.1, 11.5.1 u 11.6.3.5(a) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1998, kif emendat bir-Regolament 2019/103 tat-23 ta’ Jannar 2019.

Din il-proposta tikkomplementa l-emenda tal-Istandard 3.4.1. L-Istandard oriġinali 3.4.1 kien jinkludi referenzi kemm għall-verifiki tal-preċedenti personali kif ukoll għall-proċeduri tal-għażla. Billi l-proposta għal 3.4.1 issa tinkludi elementi ulterjuri rigward l-ambitu u r-regolarità tal-verifiki tal-preċedenti personali, din il-proposta żżid l-element dwar il-proċeduri tal-għażla.

Il-kriterji għall-għażla tal-persunal li jimplimentaw il-kontrolli tas-sigurtà u l-funzjonijiet relatati huma inklużi fil-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni fl-UE kollha, jiġifieri fil-Punti 11.1.6, 11.1.7 u 11.1.8 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1998.

9)Elevazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 3.4.9 għal Standard

Test oriġinali:

3.4.9 Rakkomandazzjoni. – Jenħtieġ li kull Stat Kontraenti jiżgura li kull entità responsabbli mill-implimentazzjoni tal-elementi rilevanti tal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili tivverifika perjodikament li l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà esternalizzati lil fornituri ta’ servizzi esterni tkun konformi mal-programm ta’ sigurtà tal-entità.

Test ġdid:

3.4.9 Kull Stat Kontraenti għandu jiżgura li kull entità responsabbli mill-implimentazzjoni tal-elementi rilevanti tal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili tivverifika perjodikament li l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà esternalizzati lil fornituri ta’ servizzi esterni tkun konformi mal-programm ta’ sigurtà tal-entità.

Din ir-Rakkomandazzjoni ġiet elevata għal Standard legalment vinkolanti. Din il-proposta tfittex li tiżgura li l-fornituri ta’ servizzi esterni jkunu konformi mar-regolamenti tal-Istat dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni, sabiex tiġi indirizzata t-theddida minn informazzjoni privileġġata li tista’ tirriżulta minn fornituri ta’ servizzi esterni.

F’konformità mal-politika tal-UE kollha dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni kif stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 300/2008:

Kull Stat Membru għandu jfassal, japplika u jżomm NCASP li jiddefinixxi r-responsabbiltajiet għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni u li jiddeskrivi l-miżuri meħtieġa mill-operaturi u mill-entitajiet.

L-operaturi, il-linji tal-ajru u l-entitajiet koperti fl-NCASP huma meħtieġa li jfasslu, japplikaw u jżommu programm ta’ sigurtà f’konformità mad-dispożizzjonijiet deskritti fih.

Il-programm għandu jiddeskrivi l-metodi u l-proċeduri segwiti mill-operatur, mil-linja tal-ajru jew mill-entità sabiex ikun hemm konformità mal-leġiżlazzjoni u mal-programm tas-sigurtà nnifsu, inklużi l-kontrolli interni tal-kwalità.

Il-miżuri u l-operazzjonijiet ta’ sigurtà mwettqa minn fornituri ta’ servizzi esterni huma mistennija li jkunu koperti fil-programm tas-sigurtà tal-operatur, tal-linja tal-ajru jew tal-entità msemmija hawn fuq, li jżommu r-responsabbiltà għal dawk il-miżuri u l-operazzjonijiet, sakemm il-fornitur tas-servizz estern ma jkunx huwa stess entità rregolata jew approvata għall-attivitajiet li jipprovdi, u b’hekk ikun meħtieġ li jfassal programm ta’ sigurtà tiegħu stess.

L-Istandard huwa inkluż fil-leġiżlazzjoni tal-UE kollha, jiġifieri fl-Artikoli 10.1, 12.1, 13.1 u 14.1 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 u fil-Punti 1.0.1, 3.0.1, 4.0.1, 5.0.1, 6.0.1, 7.0, 8.0.1, 9.0.1, 11.0.1 u 12.0.1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1998. Dispożizzjonijiet addizzjonali huma stabbiliti fil-Punti 6.3.1.1, 6.3.1.2 (a), 6.4.1.2, 6.6.1.1 (c), 6.8.5.1 (a), 6-E, 8.1.3.2 (a), 8.1.4.1, 8.1.4.2, 8.1.4.3, 8.1.4.5, 8.1.4.6, 8.1.5.2, 9.1.3.1, 9.1.3.2, 9.1.3.3, 9.1.3.5, 9.1.3.6 u 9.1.4.2 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1998

10)Elevazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 4.1.2 għal Standard

Test oriġinali:

4.1.2 Rakkomandazzjoni. Jenħtieġ li kull Stat Kontraenti jippromwovi l-użu ta’ miżuri ta’ sigurtà każwali u imprevedibbli. L-imprevedibbiltà tista’ tikkontribwixxi għall-effett ta’ deterrent tal-miżuri ta’ sigurtà.

Test ġdid:

4.1.2 Kull Stat Kontraenti għandu jiżgura l-użu ta’ każwalità u imprevedibbiltà fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà, kif xieraq.

Ir-Rakkomandazzjoni 4.1.2 dwar l-użu ta’ każwalità u imprevedibbiltà ġiet elevata għal Standard legalment vinkolanti. L-objettiv tas-sigurtà segwit mill-Istandard ġdid 4.1.2, sabiex tissaħħaħ il-mitigazzjoni kontra persuni privileġġati, huwa konformi mal-politika tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma ta’:

l-iskrinjar ta’ persuni għajr passiġġieri u l-oġġetti tagħhom ittrasportati;

l-iskrinjar tal-vetturi;

is-sorveljanza u l-għassa kemm fin-naħa tal-art u fin-naħa tal-ajru/SRA u miżuri relatati

l-iskrinjar tal-provvisti

Dan il-prinċipju huwa rifless fil-leġiżlazzjoni tal-UE kollha, jiġifieri fil-Punti 1.3.1, 1.4.1, 1.4.2, 8.1.6 u 9.1.5 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8005.

11)4.2.3 Miżuri relatati mal-kontroll fuq l-aċċess

Test oriġinali:

4.2.3 Kull Stat Kontraenti għandu jiżgura li jiġu stabbiliti sistemi ta’ identifikazzjoni fir-rigward tal-persuni u l-vetturi sabiex jiġi evitat aċċess mhux awtorizzat fin-naħa tal-ajru u żoni ristretti ta’ sigurtà. L-identità għandha tiġi vverifikata fil-punti ta’ kontroll magħżula qabel ma jkun permess l-aċċess fin-naħa tal-ajru u żoni ristretti ta’ sigurtà.

Test ġdid:

4.2.3 Kull Stat Kontraenti għandu jiżgura li jiġu stabbiliti u implimentati sistemi ta’ identifikazzjoni fir-rigward tal-persuni u l-vetturi sabiex jiġi evitat aċċess mhux awtorizzat fin-naħa tal-ajru u żoni ristretti ta’ sigurtà. L-aċċess għandu jingħata biss lil dawk li għandhom ħtieġa operattiva jew raġuni leġittima oħra li jkunu hemmhekk. L-identità u l-awtorizzazzjoni għandhom jiġu vverifikati fil-punti ta’ kontroll magħżula qabel ma jkun permess l-aċċess fin-naħa tal-ajru u żoni ristretti ta’ sigurtà.

L-Istandard 4.2.3 taħt “Miżuri relatati mal-kontroll fuq l-aċċess” huwa maħsub sabiex isaħħaħ il-miżuri relatati mal-kontroll tal-aċċess għal żoni ristretti ta’ sigurtà, billi jintroduċi limitazzjoni li tippermetti l-aċċess biss għal dawk li għandhom ħtieġa operattiva jew leġittima b’mod ieħor li jkunu hemmhekk, kif ukoll jestendi l-ambitu tal-verifika fil-punti ta’ aċċess għall-awtorizzazzjoni flimkien mal-identità.

F’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE kollha, l-aċċess tal-persuni u tal-vetturi għal żoni ristretti ta’ sigurtà jista’ jingħata biss jekk ikollhom raġunijiet leġittimi. Il-karti ta’ Identifikazzjoni tal-Ajruport għandhom jiġu vverifikati qabel ma persuna tingħata aċċess sabiex jiġi żgurat li dawn huma validi u jikkorrispondu għad-detentur. Il-pass tal-vettura għandu jiġi vverifikat qabel ma vettura tingħata aċċess sabiex jiġi żgurat li dan huwa validu u jikkorrispondi għall-vettura. Fil-leġiżlazzjoni tal-UE kollha, dan kien rifless fil-punti 1.2.2.1, 1.2.2.4, 1.2.2.5, 1.2.2.6 u 1.2.6.1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1998.

12)L-Istandard 4.2.6 (“skrinjar 100 % ta’ persuni għajr il-passiġġieri”)

Test oriġinali:

4.2.6 Kull Stat Kontraenti għandu jistabbilixxi miżuri sabiex jiżgura li persuni għajr il-passiġġieri, flimkien mal-oġġetti tagħhom ittrasportati, jiġu skrinjati qabel ma jidħlu f’żoni ristretti ta’ sigurtà tal-ajruport li jservu għal operazzjonijiet tal-avjazzjoni ċivili internazzjonali, kif ukoll ikunu soġġetti għal skrinjar u kontrolli ta’ sigurtà.

Test ġdid:

4.2.6 Kull Stat Kontraenti għandu jistabbilixxi miżuri sabiex jiżgura li persuni għajr il-passiġġieri, flimkien mal-oġġetti tagħhom ittrasportati, jiġu skrinjati qabel ma jidħlu f’żoni ristretti ta’ sigurtà tal-ajruport.

Din il-proposta tfittex li telimina kwalunkwe ambigwità u tagħmilha ċara li l-persuni kollha għajr il-passiġġieri jridu jiġu skrinjati qabel jidħlu f’żona ristretta ta’ sigurtà, sabiex tiġi indirizzata t-theddida minn informazzjoni privileġġata.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE kollha tikkonforma bis-sħiħ mal-formulazzjoni l-ġdida tal-Istandard 4.2.6, jiġifieri fil-Punti 1.3 tal-Annessi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1998 u tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8005.

13)Standard ġdid 4.2.6bis dwar il-kapaċità tal-individwazzjoni ta’ splussivi

Wara 4.2.6 jiżdied it-test ġdid li ġej:

4.2.6bis Kull Stat Kontraenti għandu jiżgura l-użu ta’ metodi ta’ skrinjar xierqa li jkunu kapaċi jindividwaw il-preżenza ta’ splussivi u ta' tagħmir splussiv li jinġarru minn persuni għajr il-passiġġieri fuqhom stess jew fl-oġġetti tagħhom ittrasportati. Meta dawn il-metodi ma jiġux applikati kontinwament, huma għandhom jintużaw b’mod imprevedibbli.

Din il-proposta tirrikonoxxi li l-mitigazzjoni tat-theddid minn persuni privileġġati teħtieġ approċċ ibbilanċjat u kkoordinat bejn il-proċeduri ta’ verifika tal-preċedenti personali u l-miżuri ta’ sigurtà fiżika u tindirizza l-ħtieġa għal metodi ta’ skrinjar xierqa li kapaċi jindividwaw l-isplussivi wkoll fuq persuni għajr passiġġieri.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE kollha teħtieġ skrinjar każwali u imprevedibbli kontinwu addizzjonali fir-rigward ta’ proporzjon ta’ persuni għajr passiġġieri u l-oġġetti tagħhom ittrasportati kemm li jkunu kkawżaw allarm kif ukoll dawk li le. L-objettiv tas-sigurtà ta’ dan l-iskrinjar addizzjonali huwa li jiġu individwati splussivi u tagħmir splussiv. Dan l-iskrinjar għandu jsir bl-użu ta’ mezzi u metodi li min-natura tagħhom jidentifikaw l-isplussivi (Klieb għall-Individwazzjoni tal-Isplussivi, Tagħmir tal-Individwazzjoni tat-Traċċi Splussivi, Tagħmir tal-Individwazzjoni ta’ Splussivi fiż-Żraben u Skeners tas-Sigurtà) jew b’mod alternattiv permezz ta’ tfittxija bl-idejn. Il-metodoloġija attwali meħtieġa fl-UE għat-twettiq ta’ tfittxija bl-idejn fuq il-persuni u l-oġġetti ttrasportati titqies bħala li hija raġonevolment kapaċi tindividwa apparat splussiv moħbi fuq il-ġisem u fl-oġġetti ttrasportati. Barra minn hekk, it-tfittxija bl-idejn ittejjeb il-probabbiltà li jiġu individwati oġġetti mhux metalliċi (u mhux splussivi) pprojbiti oħrajn. Din ġiet trasposta mill-Punt 1.3 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8005.

14)L-Istandard 4.6.5 – referenza għal kunsinnatarju magħruf bħala entità fil-katina tal-provvista sigura

Test oriġinali:

4.6.5 Kull Stat Kontraenti għandu jiżgura li l-operaturi ma jaċċettawx merkanzija jew posta biex jiġu trasportati fuq inġenju tal-ajru involut f’operazzjonijiet kummerċjali ta’ trasport bl-ajru, sakemm l-applikazzjoni tal-iskrinjar jew ta’ kontrolli tas-sigurtà oħrajn ma tkunx ikkonfermata u ġġustifikata minn aġent regolat, jew entità li tkun approvata minn awtorità xierqa. Il-merkanzija u l-posta li ma jistgħux jiġu kkonfermati u ġġustifikati minn aġent regolat, jew entità li tkun approvata minn awtorità xierqa, għandhom ikunu soġġetti għal skrinjar.

Test ġdid:

4.6.5 Kull Stat Kontraenti għandu jiżgura li l-operaturi ma jaċċettawx merkanzija jew posta biex jiġu trasportati fuq inġenju tal-ajru involut f’operazzjonijiet kummerċjali ta’ trasport bl-ajru, sakemm l-applikazzjoni tal-iskrinjar jew ta’ kontrolli tas-sigurtà oħrajn ma tkunx ikkonfermata u ġġustifikata minn aġent regolat, kunsinnatarju magħruf jew entità li tkun approvata minn awtorità xierqa. Il-merkanzija u l-posta li ma jistgħux jiġu kkonfermati u ġġustifikati minn aġent regolat, kunsinnatarju magħruf jew entità li tkun approvata minn awtorità xierqa, għandhom ikunu soġġetti għal skrinjar.

Din il-proposta tfittex li tallinja dan l-Istandard mal-Istandard 4.6.2 u tiżgura li ż-żewġ Standards jagħmlu referenza ċara għal kunsinnatarju magħrufa bħala entità fil-katina tal-provvista sigura.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE kollha tikkonforma bis-sħiħ mal-formulazzjoni l-ġdida tal-Istandard 4.6.5, jiġifieri b’referenza għall-Punt 6.1.1 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 u l-punt 6.1.1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1998.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Is-suġġett tal-att previst jikkonċerna qasam li fir-rigward tiegħu l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva bis-saħħa tal-aħħar parti tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE, peress li l-att previst jista’ “[j]olqot xi regoli komuni jew [i]biddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom”, jiġifieri l-qafas legali tal-UE dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni msemmi hawn taħt. Għalhekk, jeħtieġ li tiġi stabbilita pożizzjoni tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, huwa essenzjali li jiġi rikonoxxut li l-Emenda 17 tal-Anness 17 kif ippreżentata lill-Istati Kontraenti tal-ICAO u sottomessa għall-approvazzjoni tagħha mill-Kunsill tal-ICAO fil-218-il sessjoni tiegħu hija (diġà) riflessa bis-sħiħ fil-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni fl-UE kollha. Madankollu, huwa preferibbli li dawn l-Istandards imsaħħa jiġu applikati globalment.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha se tiġi ddefinita f’konformità mal-qafas legali tal-UE applikabbli dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002, kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 tal-5 ta’ Novembru 2015 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni.

3.1.Bażi ġuridika proċedurali

3.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru tal-korp jew parti għall-ftehim 4 .

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effett legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Huwa jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 5 .

3.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-ICAO huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Chicago.

Kwalunkwe emenda li jmiss tal-Anness 17 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago ser tikkostitwixxi att li jkollu effetti legali.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

3.2.Bażi ġuridika sostantiva

3.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni.

3.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-att previst isegwi objettivi u għandu komponenti fil-qasam tal-politika dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni adottata minn organizzazzjoni internazzjonali li tinfluwenza l-politiki tal-UE dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni.

Għalhekk, jenħtieġ li l-bażi ġuridika sostantiva għad-Deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.

 

3.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2019/0249 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tar-reviżjoni tal-Anness 17 (Sigurtà) (Emenda 17) tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”), li għandha l-għan li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Hija stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

(2)L-Istati Membri tal-Unjoni huma Stati kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, billi l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO, inkluż fl-Assemblea u f’korpi tekniċi oħrajn.

(3)Skont il-punt (1) tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali.

(4)Fl-4 ta’ Lulju 2019, l-ICAO ħarġet ittra lill-Istati AS8/2.1-19/48 sabiex tgħarraf lill-Istati Kontraenti tagħha li l-Emenda Proposta 17 tal-Anness 17 ser tiġi ppreżentata lill-Kunsill għall-adozzjoni matul il-218-il Sessjoni tiegħu (mit-18 sad-29 ta’ Novembru 2019), u hija prevista li ssir applikabbli f’Lulju 2020. Hija tinkludi, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet ġodda u/jew riveduti dwar: valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà; kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-Istati u l-partijiet ikkonċernati; programmi ta’ taħriġ u sistemi ta’ ċertifikazzjoni; kontroll tal-aċċess; skrinjar tal-persunal; u emendi editorjali oħrajn. Permezz tal-ittra lill-Istati msemmija hawn fuq, l-ICAO nediet il-fażi ta’ konsultazzjoni tagħha li skadiet fl-4 ta’ Ottubru 2019.

(5)Il-bidliet fl-Anness 17 tħejjew mill-Bord tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni tal-ICAO, li fih huma membri attivi esperti minn tmien Stati Membri, imbagħad ġew sottomessi għall-approvazzjoni fil-217-il sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO. Dawn il-bidliet, wara l-konsultazzjoni, x’aktarx li jiġu approvati mill-Kunsill tal-ICAO waqt il-218-il sessjoni tiegħu.

(6)Ladarba jiġu adottati, il-bidliet previsti ser jorbtu lill-Istati kollha tal-ICAO, inklużi l-Istati Membri kollha, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Chicago u fi ħdan il-limiti stabbiliti fiha. L-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jesiġi li l-Istati kontraenti jinnotifikaw lill-ICAO jekk ikollhom l-intenzjoni li jiddevjaw minn standard, skont il-mekkaniżmu tan-notifika tad-differenzi.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-Emenda 17 tal-Anness 17 (“Sigurtà”) għall-Konvenzjoni ta’ Chicago hija stabbilita fl-Anness.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, li jaġixxu b’mod konġunt.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 21 24.1.2019
(2)    ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.
(3)    ĠU L 246 26.9.2019, p. 15
(4)    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafu 64.
(5)    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.

Brussell, 31.10.2019

COM(2019) 577 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tar-reviżjoni tal-Anness 17 (Sigurtà) (Emenda 17) tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-"Konvenzjoni ta' Chicago")


ANNESS

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tar-reviżjoni tal-Anness 17 (Sigurtà) (Emenda 17) tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”)

Prinċipji ġenerali

Fi ħdan il-qafas tal-attivitajiet tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tar-reviżjoni tal-Anness 17 (Sigurtà) (Emenda 17) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-iżvilupp ta’ Standards u Prattiki Rakkomandati (SARPs), l-Istati Membri li jaġixxu b’mod konġunt fl-interessi tal-Unjoni, għandhom:

(a)jaġixxu f’konformità mal-objettivi segwiti mill-Unjoni fi ħdan il-qafas tal-politika tas-sigurtà tal-avjazzjoni, b’mod partikolari sabiex jipproteġu lill-persuni u lill-merkanzija fl-Unjoni Ewropea, u biex jipprevjenu interferenzi mhux skont il-liġi mal-inġenji tal-ajru ċivili li jipperikolaw is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.

(b)japplikaw u jinfurzaw regoli komuni stabbiliti biex jissalvagwardjaw l-avjazzjoni ċivili minn interferenzi mhux skont il-liġi li jikkontribwixxu biex iżidu l-livell tas-sigurtà tal-avjazzjoni globalment.

(c)ikomplu jappoġġaw l-iżvilupp mill-ICAO ta’ standards ta’ sigurtà li jissalvagwardjaw l-avjazzjoni ċivili kontra interferenzi mhux skont il-liġi, f’konformità mar-Riżoluzzjoni 2309 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tat-22 ta’ Settembru 2016 1 .

Il-pożizzjoni dwar ir-reviżjoni tal-Anness 17 (Sigurtà) (Emenda 17) L-Istati Membri, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interessi tal-Unjoni, għandhom jappoġġaw l-Emenda 17 tal-Anness 17 proposta.

(1)    Ir-Riżoluzzjoni 2309 (2016) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fis-7775 laqgħa tiegħu, fit-22 ta’ Settembru 2016: Theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi: Sigurtà tal-avjazzjoni.