IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.10.2019
COM(2019) 494 final
2019/0241(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea waqt id-disgħa u tletin laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Ferjali Ewropea u tal-Abitati Naturali, fir-rigward tal-emendi għall-Appendiċijiet II u III ta’ dik il-Konvenzjoni
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni, waqt it-disgħa u tletin laqgħa annwali tal-Kumitat Permanenti għall-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali, fi Strasburgu, Franza, bejn it-3 u s-6 ta’ Diċembru 2019, b’rabta mal-adozzjoni prevista mill-Kumitat Permanenti ta’ deċiżjoni li tikkonċerna żewġ emendi tal-Appendiċi II u tal-Appendiċi III tal-Konvenzjoni.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali
Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali (“il-Konvenzjoni”) għandha bħala għan il-konservazzjoni tal-fawna u tal-flora selvaġġa Ewropej u tal-ħabitats naturali tagħhom, speċjalment dawk li l-konservazzjoni tagħhom teħtieġ il-kooperazzjoni ta’ diversi Stati Membri. Hija trattat intergovernattiv, konkluż taħt l-awspiċi tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 1982.
L-Unjoni Ewropea ilha Parti Kontraenti għal din il-Konvenzjoni mill-1 ta’ Settembru 1982. Bħalissa hemm 51 Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE.
2.2.Il-Kumitat Permanenti
Il-Kumitat Permanenti huwa l-korp li jieħu d-deċiżjonijiet tal-Konvenzjoni bis-setgħat li jevalwa l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u, sussegwentement, li jrrevedi l-elenkar tagħhom fl-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni. Il-funzjonijiet tiegħu huma enumerati fl-Artikoli 13-15 tal-Konvenzjoni. Dan jiltaqa’ mill-anqas darba kull sentejn u kull meta maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti hekk titlob. Saret drawwa għall-Kumitat Permanenti li jiltaqa’ kull sena.
F’konformità mal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni, emenda għall-Appendiċijiet għandha tiġi adottata b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti.
2.3.L-att previst tal-Kumitat Permanenti
Bejn it-3 u s-6 ta’ Diċembru 2019, waqt id-disgħa u tletin laqgħa annwali tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni fi Strasburgu, Franza, mistennija tiġi adottata deċiżjoni dwar emendi tal-Appendiċi II u tal-Appendiċi III tal-Konvenzjoni (“l-att previst”).
L-għan tal-att previst huwa li jiġu emendati l-Appendiċi II u l-Appendiċi III tal-Konvenzjoni, kif previst fl-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni.
F’konformità mal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni, l-att previst għandu jidħol fis-seħħ għall-Partijiet kollha tliet xhur wara li jiġi adottat mill-Kumitat Permanenti, dment li terz mill-Partijiet Kontraenti ma jkunux innotifikaw xi oġġezzjonijiet. Kwalunkwe emenda tidħol fis-seħħ għal dawk il-Partijiet Kontraenti li ma jkunux innotifikaw oġġezzjonijiet.
3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni
In-Norveġja ressqet proposta biex iċċaqlaq il-Wiżża Artika (Branta leucopsis) mill-Appendiċi II (speċijiet ta’ fawna strettament protetti) għall-Appendiċi III (speċijiet ta’ fawna protetti – regolamentazzjoni possibbli). Il-ġustifikazzjoni li tappoġġa l-proposta hija li d-daqs tal-popolazzjoni totali tal-Wiżża Artika mmultiplika b’aktar minn għaxar darbiet mis-snin tmenin sal-2010 (minn 112 000 għal 1 319 000) inkluż minħabba l-intensifikazzjoni tal-agrikoltura li ppermettiet li jkun hemm kwantitajiet kbar ta’ għalf disponibbli. Għalhekk, ma għadx hemm il-ħtieġa ta’ protezzjoni stretta għal din l-ispeċi fil-firxa kollha tagħha.
Is-suġġett tad-deċiżjoni prevista tal-Kumitat Permanenti tikkonċerna qasam ta’ kompetenza esterna esklużiva tal-UE skont l-Artikolu 3(2) tat-TFUE minħabba li jaqa’ f’qasam diġà kopert fil-maġġor parti minn regoli komuni interni (jiġifieri d-Direttiva dwar l-Għasafar). Għalhekk jeħtieġ li l-Kunsill jieħu deċiżjoni bil-għan li jkunu stabbiliti l-pożizzjonijiet li jridu jiġu adottati f’isem l-Unjoni waqt id-disgħa u tletin laqgħa tal-Kumitat Permanenti rigward l-att previst.
Din il-proposta hija konformi mal-istat ta’ protezzjoni legali attwali tal-Wiżża Artika skont id-Direttiva dwar l-Għasafar minħabba li mhijiex elenkata fl-Anness II tagħha (speċijiet soġġetti għall-kaċċa). L-ispeċi hija elenkata fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-Għasafar (jiġifieri li jeħtieġu d-deżinjazzjoni ta’ Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali).
Waqt is-seba’ Laqgħa tal-Partijiet tal-Ftehim dwar l-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewroasjatiċi (AEWA) f’Diċembru 2018, ġie adottat abbozz ta’ Pjan ta’ Ġestjoni ta’ Speċi Unika għall-Wiżża Artika, biex jindirizza ż-żieda rapida ferm fil-popolazzjoni, b’mod partikolari l-problemi li jirriżultaw ikkawżati mill-ispeċi (dannu agrikolu u riskji għas-sikurezza tal-ajru). Il-Pjan jipprovdi qafas biex jgħin fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fl-istati tal-firxa dwar l-applikazzjoni ta’ derogi, inkluża valutazzjoni regolari tal-impatt kumulattiv tad-derogi, il-monitoraġġ tal-istat tal-popolazzjoni kif ukoll l-evoluzzjoni tad-dannu agrikolu jew tar-riskji għas-sikurezza tal-ajru. Jenħtieġ li jiffaċilita l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u potenzjalment il-koordinazzjoni tal-miżuri ta’ deroga fost l-istati tal-firxa biex tiżdied l-effiċjenza tagħhom u biex jiġu evitati effetti mhux intenzjonati fil-livell tar-rotta tal-ispeċijiet migratorji.
Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-proposta għal emenda tan-Norveġja biex tiġi indirizzata ż-żieda rapida ferm tal-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi, b’mod partikolari l-problemi li jirriżultaw ikkawżati mill-ispeċi (dannu agrikolu u riskji għas-sikurezza tal-ajru), sabiex il-partijiet li mhumiex fl-UE għall-Konvenzjoni jkunu jistgħu japplikaw miżuri għall-ġestjoni tal-popolazzjoni, inkluża l-kaċċa ta’ din l-ispeċi kif meħtieġ. Madankollu, billi emenda tal-Annessi tad-Direttiva dwar l-Għasafar bħalissa mhijiex prevista jew mhijiex possibbli fiż-żmien qasir meħtieġ mill-Konvenzjoni (90 jum), l-Unjoni se jkollha tindika li, għalissa, se tapplika miżuri ta’ protezzjoni aktar stretti, kif previst fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi Deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni f'sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-UE”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat Permanenti huwa korp imwaqqaf permezz tal-Konvenzjoni.
L-att li l-Kumitat Permanenti huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni.
L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni.
Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma marbuta mal-ambjent.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1).
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 192(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Billi l-att tal-Kumitat Permanenti se jemenda l-Appendiċijiet II u III tal-Konvenzjoni, jixraq li wara l-adozzjoni tiegħu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2019/0241 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea waqt id-disgħa u tletin laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Ferjali Ewropea u tal-Abitati Naturali, fir-rigward tal-emendi għall-Appendiċijiet II u III ta’ dik il-Konvenzjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali (“il-Konvenzjoni”) kienet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1982.
(2)Skont l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni, il-Kumitat Permanenti jista’ jadotta l-emendi għall-appendiċijiet tal-Konvenzjoni.
(3)Waqt id-disgħa u tletin laqgħa tiegħu bejn it-3 u s-6 ta’ Diċembru 2019, il-Kumitat Permanenti jrid jadotta deċiżjoni dwar l-emendi proposti għall-Appendiċi II u l-Appendiċi III tal-Konvenzjoni.
(4)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Permanenti, billi d-deċiżjoni tiegħu se tkun vinkolanti għall-Unjoni.
(5)In-Norveġja ressqet proposta biex iċċaqlaq il-Branta leucopsis mill-Appendiċi II għall-Appendiċi III tal-Konvenzjoni.
(6)Fid-dawl taż-żieda rapida ferm fil-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi fil-firxa kollha tagħha, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa din il-proposta. Madankollu, il-proposta mhijiex allinjata mal-istat ta’ protezzjoni attwali tal-Branta leucopsis skont id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Billi emenda tad-Direttiva 2009/147/KE mhijiex prevista u mhijiex possibbli fil-limitu ta’ żmien ta’ tliet xhur wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti, stabbilita fil-Konvenzjoni, għalissa l-Unjoni jeħtieġ li tapplika miżuri ta’ konservazzjoni aktar stretti, kif previst fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni waqt id-disgħa u tletin laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali, għandha tkun li tappoġġa l-proposta li l-Branta leucopsis tiċċaqlaq mill-Appendiċi II għall-Appendiċi III tagħha u li tindika lill-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni li, għalissa, l-Unjoni beħsiebha tapplika miżuri ta’ konservazzjoni aktar stretti għal din l-ispeċi, kif previst fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President