Brussell, 25.9.2019

COM(2019) 423 final

2019/0199(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Amministrattiv tal-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv stabbilit mill-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri (“il-Konvenzjoni fuq l-Armonizzazzjoni”) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ emendi għall-Artikolu 7 tal-Anness 8 tal-Konvenzjoni fuq l-Armonizzazzjoni fir-rigward tal-frekwenza tal-mekkaniżmu ta’ rappurtar.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri

Il-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri (“il-Konvenzjoni fuq l-Armonizzazzjoni”) għandha l-għan li tiffaċilita, u b’hekk tiżviluppa, il-kummerċ internazzjonali permezz tal-armonizzazzjoni (fejn tkun xierqa) tad-diversi kontrolli fil-fruntieri li jiġu applikati għaċ-ċaqliq tal-merkanzija. Il-Konvenzjoni fuq l-Armonizzazzjoni, iffirmata f’Ġinevra fil-21 ta’ Ottubru 1982, ġiet approvata f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1262/84 tal-10 ta’ April 1984 1 li daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Settembru 1987. Attwalment, il-Konvenzjoni għandha 58 Parti Kontraenti, inkluż l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

2.2.Il-Kumitat Amministrattiv

Il-Kumitat Amministrattiv jaġixxi fil-qafas tal-Konvenzjoni fuq l-Armonizzazzjoni. Ir-rwol tiegħu huwa li jikkunsidra u jadotta emendi għall-Konvenzjoni fuq l-Armonizzazzjoni. Issir votazzjoni rigward il-proposti u kull Stat, li huwa Parti Kontraenti u li jkun irrappreżentat f’sessjoni tal-Kumitat Amministrattiv, għandu vot wieħed.

L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tad-dwana rregolata mill-Konvenzjoni fuq l-Armonizzazzjoni. L-Unjoni, bħala organizzazzjoni ekonomika reġjonali, fil-każ ta’ votazzjoni għandu jkollha numru ta’ voti biss daqs it-total ta’ voti allokati lill-Istati Membri tagħha li huma wkoll Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni. Peress li l-Istati Membri kollha tal-UE huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni, l-Unjoni għandha 28 vot.

L-emendi għall-Konvenzjoni fuq l-Armonizzazzjoni jiġu adottati b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti u li jivvutaw. Sabiex tittieħed deċiżjoni, huwa meħtieġ kworum ta’ mhux inqas minn terz tal-Istati li huma Partijiet.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Amministrattiv

Fit-tnax-il sessjoni tiegħu, il-Kumitat Amministrattiv x’aktarx jieħu deċiżjoni dwar l-adozzjoni tal-emendi proposti għall-Konvenzjoni fuq l-Armonizzazzjoni (“l-att previst”).

Il-fini tal-att previst huwa li jnaqqas il-frekwenza tal-mekkaniżmu ta’ rappurtar dwar il-progress li jkun sar biex jittejbu l-proċeduri tal-qsim tal-fruntieri għat-trasport internazzjonali bit-triq. Attwalment, kull Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni hija mitluba timla u tibgħat lis-segretarjat tan-NU/KEE, abbozz ta’ kwestjonarju dwar l-implimentazzjoni tal-Anness 8 tal-Konvenzjoni (il-pubblikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali, l-infrastruttura, l-applikazzjoni, eċċ.). L-att previst se jbiddel l-iskeda ta’ żmien għar-rappurtar minn sentejn għal ħames snin, li jfisser li se jħalli biżżejjed żmien biex jinkiseb riżultat interessanti.

L-att previst se jsir vinkolanti għall-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni fuq l-Armonizzazzjoni. L-Artikolu 22 jikkonċerna l-emendi proposti għall-Konvenzjoni u jistipula: “Kwalunkwe emenda proposta kkomunikata skont il-paragrafu preċedenti għandha tidħol fis-seħħ fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti kollha tliet xhur wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ 12-il xahar wara d-data tal-komunikazzjoni tal-emenda proposta, matul liema perjodu l-ebda oġġezzjoni għall-emenda proposta ma tkun ġiet komunikata lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti minn Stat li huwa Parti Kontraenti jew minn organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali, li hi stess tkun Parti Kontraenti, li mbagħad taġixxi skont il-kondizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 16(2) ta’ din il-Konvenzjoni.”

3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

L-Unjoni tikkondividi l-objettiv ta’ approċċ raġonevoli għall-frekwenza tal-mekkaniżmu ta’ rappurtar dwar il-progress li jkun sar biex jittejbu l-proċeduri tal-qsim tal-fruntieri għat-trasport internazzjonali bit-triq. Attwalment, l-istħarriġ globali jseħħ kull sentejn, li jfisser li kull sentejn kull Parti Kontraenti (inkluż l-Unjoni Ewropea) ikollha tirrapporta dwar il-progress li jkun sar. Il-frekwenza attwali tal-mekkaniżmu ta’ rappurtar hija piż għall-Partijiet Kontraenti minħabba li l-kwestjonarju ħafna drabi jkun jirrikjedi koordinazzjoni interministerjali bejn l-awtoritajiet doganali u tat-trasport fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, kif ġie diskuss u kkoordinat fil-Grupp ta’ Esperti Doganali għat-TIR mal-Istati Membri, huwa mistenni li l-istħarriġ iwassal għal riżultati simili meta jitwettaq kull ħames snin.

Għalhekk, qed jiġi propost li l-Unjoni tappoġġa l-proposta għal emenda tal-Artikolu 7 tal-Anness 8 tal-Konvenzjoni fuq l-Armonizzazzjoni, li għandha l-għan li testendi l-frekwenza tal-mekkaniżmu ta’ rappurtar minn sentejn għal ħames snin.

Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv, peress li l-emendi se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi Deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament jekk l-Unjoni tkunx membru tal-korp jew tkunx Parti għall-ftehim 2 .

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat Amministrattiv huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri.

L-att li l-Kumitat Amministrattiv mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri.

L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika doganali u mal-politika tal-kummerċ barrani.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-att tal-Kumitat Amministrattiv se jemenda l-Anness 8 tal-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri, jixraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2019/0199 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Amministrattiv tal-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri (“il-Konvenzjoni”), tal-1982, ġiet approvata permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1262/84 4 .

(2)Skont l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni, il-Kumitat Amministrattiv jista’ jadotta emendi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti preżenti u li jivvutaw.

(3)Il-Kumitat Amministrattiv, fit-tnax-il sessjoni tiegħu, irid jadotta emenda għall-Artikolu 7 tal-Anness 8.

(4)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv, peress li l-emendi għall-Konvenzjoni se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.

(5)L-Unjoni tappoġġa l-Artikolu 7 il-ġdid tal-Anness 8 tal-Konvenzjoni fuq l-Armonizzazzjoni peress li bis-saħħa tat-tnaqqis tal-frekwenza tal-mekkaniżmu ta’ rappurtar dwar il-progress li jkun sar biex jittejbu l-proċeduri tal-qsim tal-fruntieri għat-trasport internazzjonali bit-triq, l-Istati Membri jkollhom inqas formalitajiet amministrattivi.

(6)Għalhekk, il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv tal-Konvenzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ emendi mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tnax-il sessjoni jew f’sessjoni sussegwenti tal-Kumitat Amministrattiv għandha tkun ta’ appoġġ għall-abbozz ta’ emendi mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Bidliet editorjali fl-abbozz ta’ emendi msemmi fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentant tal-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 126, 12.5.1984, p. 1-2.
(2)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, il-Kawża C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafu 64.
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, il-Kawża C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(4)    ĠU L 126, 12.05.1984, p. 1.

Brussell, 25.9.2019

COM(2019) 423 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Amministrattiv tal-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri


ANNESS

Emenda għall-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri

L-Artikolu 7 tal-Anness 8

Minflok sentejn issostitwixxi b’ħames snin