Brussell, 5.6.2019

COM(2019) 252 final

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE sabiex jipprovdi għall-pagament tal-avvanzi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-2020


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, EURATOM) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, fil-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 000 000 (prezzijiet tal-2011), lil hinn mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Il-Punt 11 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 2 , stabbilixxa l-modalitajiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond.

Il-kundizzjonijiet tal-eliġibilità għall-Fond huma ppreżentati fid-dettall fir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Regolament emendatorju tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 3 , li jipprevedi li ammont sa massimu ta’ EUR 50 000 000 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament jiġu inklużi fil-baġit għall-pagament tal-avvanzi.

Il-Kummissjoni tinkludi dawn l-ammonti fl-Abbozz tal-Baġit 2020.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE sabiex jipprovdi għall-pagament tal-avvanzi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-2020

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat/kkunsidrat/kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea 4 , u b'mod partikolari l-Artikolu 4a(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 5 , u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta/kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ("il-Fond") għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b'mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza u li turi solidarjetà mal-popolazzjonijiet ta' reġjuni milquta minn diżastri.

(2)Il-Fond ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 500 000 000 (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 6 .

(3)L-Artikolu 4a(4) tar-Regolament emendat (KE) Nru 2012/2002 jipprevedi li, meta jkun meħtieġ sabiex tkun żgurata d-disponibilità fil-ħin tar-riżorsi baġitarji, il-Fond jista' jiġi mobilizzat għal ammont sa massimu ta' EUR 50 000 000 għall-ħlas ta' avvanzi u li l-approprjazzjonijiet korrispondenti jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

(4)Sabiex tiġi żgurata disponibbiltà fil-ħin ta’ riżorsi baġitarji suffiċjenti fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-2020, il-Fond jenħtieġ li jiġi mobilizzat għal ammont ta’ EUR 50 000 000 għall-ħlas ta’ avvanzi.

(5)Sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun iż-żmien għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-bidu tas-sena finanzjarja 2020,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi s-somma ta' EUR 50 000 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għall-ħlas ta' avvanzi.


Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2020.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(2)    ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(3)    ĠU L 189, 27.6.2014, p. 143.
(4)    ĠU L 189, 27.6.2014, p. 143.
(5)    ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(6)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884