Brussell, 3.6.2019

JOIN(2019) 11 final

RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobilità Militari


I.INTRODUZZJONI

1.It-titjib tal-mobilità militari huwa inizjattiva ewlenija tal-UE li tnediet fl-10 ta’ Novembru 2017 1 . Dan se jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ Unjoni Ewropea għad-Difiża, kif appella li għandu jsir il-President Juncker fl-Indirizz tal-Istat tal-Unjoni fl-2017 2 . Barra minn hekk, jikkontribwixxi għat-twettiq tal-livell ta’ ambizzjoni fis-sigurtà u d-difiża kif miftiehem mill-Kunsill fl-14 ta’ Novembru 2016 3 , wara l-preżentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà 4 . Il-mobilità militari qed tiġi implimentata f’koerenza mal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti, inkluż fil-livell tal-proġett, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-miżuri konkreti meħuda mill-Istati Membri tal-UE fil-25 ta’ Ġunju 2018 5 . Barra minn hekk, hija prijorità ewlenija għall-kooperazzjoni UE-NATO fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjonijiet Konġunti 6 u d-Djalogu Strutturat stabbilit dwar il-mobilità militari fil-livell ta’ bejn il-persunal.

2. Din l-inizjattiva tisfrutta s-sinerġiji ċivili-militari biex ittejjeb il-mobilità tal-persunal, il-materjal u t-tagħmir militari għal attivitajiet ta’ rutina u għal matul il-kriżijiet u l-kunflitti, fl-UE u lil hinn minnha, bil-modi kollha tat-trasport u fid-direzzjonijiet strateġiċi kollha. Dan se jippermetti lill-Istati Membri tal-UE jaġixxu b’mod aktar mgħaġġel u aktar effettiv fil-kuntest tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, u tal-attivitajiet nazzjonali u multinazzjonali.

3.Fit-28 ta’ Marzu 2018, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni ppreżentaw il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari (Pjan ta’ Azzjoni) 7 . F’Ġunju 2018, il-Kunsill laqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni u appella għall-implimentazzjoni rapida tiegħu f’kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha 8 . Barra minn hekk, fid-19 ta’ Novembru 2018 il-Kunsill laqa’ l-progress u pprovda gwida ulterjuri rigward il-passi li jmiss 9 . Minbarra, u b’komplementarjetà ma’, dan ir-Rapport ta’ Progress, fit-13 ta’ Mejju 2019 il-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża laqa’ l-ewwel rapport annwali tal-Aġenzija dwar il-mobilità militari.

4.Il-Pjan ta’ Azzjoni jiddeskrivi passi u skedi ta’ żmien konkreti, u jiffoka fuq il-valur miżjud tal-Unjoni biex jgħin u jiffaċilita l-isforzi tal-Istati Membri tal-UE biex itejbu l-mobilità militari. B’mod partikolari, l-Unjoni tista’ tikkontribwixxi billi tidentifika sinerġiji ċivili-militari u tixpruna l-politiki u l-istrumenti eżistenti fi tliet oqsma ewlenin – l-infrastruttura tat-trasport, kwistjonijiet regolatorji u proċedurali, u temi oħra trażversali. Permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib u kontinwa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna inkluż l-Persunal Militari tal-UE, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-involviment sħiħ tal-Istati Membri tal-UE f’approċċ globali minn kull livell tal-gvern, b'rispett għass-sovranità nazzjonali u t-teħid tad-deċiżjonijiet, sar progress kbir fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni.

5.Il-Pjan ta’ Azzjoni jesiġi l-ewwel Rapport ta’ Progress sas-sajf tal-2019 10 . Dan ir-Rapport jiddeskrivi l-progress sostanzjali u tanġibbli miksub s’issa u t-triq ’il quddiem.

II.REKWIŻITI MILITARI GĦALL-MOBILITÀ MILITARI FL-UE U LIL HINN MINNHA

A.Definizzjoni tar-Rekwiżiti Militari

6.Il-punt tat-tluq tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni kienet id-definizzjoni tar-Rekwiżiti Militari għall-Mobilità Militari fl-UE u lil hinn minnha (Rekwiżiti Militari). Ir-Rekwiżiti Militari ġew żviluppati mill-Persunal Militari tal-UE, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-aġenziji u l-korpi rilevanti tal-Unjoni, inkluża l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, u f’konsultazzjoni man-NATO kif xieraq, u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Barra minn hekk, b'approċċ li jinvolvi kull livell tal-gvern, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti, lil hinn mill-Ministeri tad-Difiża ġew mistiedna mill-Kunsill biex jipparteċipaw f’dan il-proċess.

7.Ir-Rekwiżiti Militari ġew miftiehma mill-Kumitat Militari tal-UE u sussegwentement ġew approvati mill-Kunsill: il-parti ġenerali ta’ livell għoli fil-25 ta’ Ġunju 2018 u l-annessi fid-19 ta’ Novembru 2018. Ir-Rekwiżiti Militari mbagħad ġew ikkonsolidati fit-28 ta’ Novembru 2018 11 .

8.Ir-Rekwiżiti Militari għandhom l-għan li jtejbu l-moviment tal-forzi militari (persunal, materjal u assi) fl-UE u lil hinn minnha. Huma faċilitatur strateġiku u operattiv għall-azzjoni militari, billi jappoġġjaw l-awtonomija strateġika tal-UE u jiffaċilitaw l-iskjerament, l-iskjerament mill-ġdid u s-sostenn tal-forzi tal-Istati Membri tal-UE biex jintlaħqu l-partijiet rilevanti tal-Livell ta’ Ambizzjoni tal-UE kif ukoll ir-rekwiżiti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE.

9.Ir-Rekwiżiti Militari jipprovdu l-prinċipji meħtieġa u l-aspetti ewlenin tal-moviment militari, u jqisu b’mod komprensiv il-fatturi kollha li jikkundizzjonaw il-moviment militari. Dawn jinkludu diversi oqsma ewlenin: appoġġ għall-ippjanar u t-twassil, l-infrastruttura tat-trasport, aspetti legali u regolatorji, aċċess għar-riżorsi tat-trasport u appoġġ, koordinazzjoni u skambju ta’ informazzjoni, konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà, taħriġ, u ambjentali. Parti essenzjali mid-dokument hija d-definizzjoni tal-ambitu ġeografiku tal-infrastruttura tat-trasport kollha madwar l-Unjoni li l-Istati Membri tal-UE identifikaw bħala meħtieġa għall-moviment militari. Barra minn hekk, il-parametri tal-infrastruttura ġenerika tan-NATO, kif trażmessi mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO f’Mejju 2018, huma riflessi fir-Rekwiżiti Militari, li jikkontribwixxu biex tiġi żgurata l-koerenza bejn is-settijiet rispettivi ta’ rekwiżiti militari li huma l-bażi tax-xogħol taż-żewġ organizzazzjonijiet f’dan il-qasam.

B.Aġġornament Parzjali tar-Rekwiżiti Militari

10.L-approvazzjoni tar-Rekwiżiti Militari wasslet għat-tlestija tal-Analiżi tad-Diskrepanzi bejn ir-rekwiżiti tal-infrastruttura militari u tat-trasport ċivili 12 (ara l-punti 17-21). Wara l-preżentazzjoni tal-Analiżi tad-Diskrepanzi lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà, fit-8 ta’ Mejju 2019 il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà stieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna/Persunal Militari tal-UE biex jipprovdu aġġornament tal-parametri tal-infrastruttura tat-trasport u d-data ġeografika tar-Rekwiżiti Militari, filwaqt li titqies l-Analiżi tad-Diskrepanzi. Il-Persunal Militari tal-UE ħejja l-abbozzi tal-aġġornamenti f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, u f’koordinazzjoni man-NATO kif xieraq fil-livell ta’ bejn il-persunal, fid-dawl tal-approvazzjoni mill-Kunsill tar-Rekwiżiti Militari aġġornati sas-sajf 2019. Wara impenn mal-persunal tan-NATO fi ħdan id-Djalogu Strutturat, in-NATO ttrażmettiet il-parametri aġġornati tal-infrastruttura ġenerika tagħha lill-UE fit-22 ta’ Marzu 2019.

III.INFRASTRUTTURA TAT-TRASPORT

11.Qed jiġu indirizzati l-ostakli għall-infrastruttura sabiex tinkiseb mobilità aħjar tal-forzi fl-UE u lil hinn minnha. F’dan il-kuntest, iż-żieda fis-sinerġiji bejn il-ħtiġijiet tad-difiża u n-netwerk tat-trasport trans-Ewropew hija pilastru ewlieni tal-Pjan ta’ Azzjoni.

12.Inkiseb progress sostanzjali f’dan il-qasam mill-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni, u l-azzjonijiet previsti sa issa tlestew kollha.

A.Finanzjament ta’ infrastruttura tat-trasport ta’ użu doppju

13.Fit-2 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta’ mobilità militari ta’ EUR 6.5 biljun bħala parti mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021-2027 biex tiffinanzja proġetti ċivili-militari ta’ użu doppju. Dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-finanzjament tal-infrastruttura tat-trasport ta’ użu doppju ddaħħlu fir-Regolament propost 13 . Fis-7 ta’ Marzu 2019, il-koleġiżlaturi laħqu ftehim komuni dwar it-test propost tar-Regolament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021-2027 bid-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-finanzjament ta’ proġett b’użu doppju stabbiliti 14 , u minn dakinhar it-test propost tar-Regolament ġie approvat mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. L-allokazzjonijiet finanzjarji għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021-2027 se jiġu ffinalizzati bħala parti min-negozjati tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027.

14.Kif propost, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa se tikkontribwixxi wkoll għall-iffinanzjar ta’ proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport sabiex tissodisfa aħjar ir-rekwiżiti militari. Għalhekk din il-kontribuzzjoni tal-UE għandha tippermetti lill-Istati Membri jiżviluppaw taqsimiet tal-infrastruttura li jservu kemm l-għanijiet tad-difiża kif ukoll tat-trasport ċivili.

Rekwiżiti militari

15.L-approvazzjoni tar-Rekwiżiti Militari mill-Kunsill ipprovdiet il-punt tat-tluq għall-ħidma fuq aspetti tal-infrastruttura tat-trasport tal-mobbiltà militari (ara l-punti 6 sa 9 hawn fuq).

Analiżi tad-Diskrepanzi

16.L-azzjoni li kien imiss lejn il-finanzjament ta’ proġett ta’ użu doppju kienet l-identifikazzjoni tad-diskrepanzi bejn il-ħtiġijiet militari u dawk ċivili. L-Analiżi tad-Diskrepanzi hija paragun tal-istandards tal-infrastruttura militari u l-ambitu ġeografiku tan-netwerk militari tar-Rekwiżiti Militari minn naħa, u l-ħtiġijiet tekniċi attwali u l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-infrastruttura tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew min-naħa l-oħra, inklużi miżuri prattiċi ta’ mitigazzjoni identifikati f’oqsma fejn jeżistu diskrepanzi.

17.L-Analiżi tad-Diskrepanzi ġiet trażmessa lill-Kunsill fit-3 ta’ Mejju 2019 fil-forma ta’ Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal Konġunt 15 .

18.B’mod ġenerali, il-valutazzjoni hija pożittiva: fir-rigward tar-rekwiżiti tal-infrastruttura, parti kbira mill-istandards militari fil-prinċipju jitqiesu bħala kompatibbli mar-rekwiżiti tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew; u rigward id-data ġeografika (in-netwerk militari), 94 % tal-infrastruttura identifikata bħala rilevanti għal skopijiet militari tikkoinċidi mal-ambitu ġeografiku tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew. Barra minn hekk, ġew identifikati miżuri prattiċi ta’ mitigazzjoni f’dawk il-każijiet fejn id-diskrepanzi bejn ir-rekwiżiti militari u dawk tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew huma sostanzjali.

19.Ir-riżultati tal-Analiżi tad-Diskrepanzi għandhom żewġ implikazzjonijiet importanti. L-ewwel nett, l-identifikazzjoni tal-koinċidenza bejn in-netwerk tal-mobilità militari u l-ambitu ġeografiku tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew se tiddefinixxi l-kopertura ġeografika għall-proġetti ta’ użu doppju tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa mill-pakkett tal-mobilità militari minħabba li huma biss proġetti li huma parti kemm min-netwerk ġeografiku tal-mobilità militari u n-netwerk tat-trasport trans-Ewropew li se jkunu eliġibbli. Il-koinċidenza ta’ 94 % bejn l-infrastruttura tat-trasport identifikata mill-Istati Membri tal-UE bħala rilevanti għall-mobbiltà militari u n-netwerk tat-trasport trans-Ewropew turi li jeżistu sinerġiji bejn trasport ċivili u militari.

20.It-tieni nett, kif intqal qabel, fid-dawl tar-riżultati tal-Analiżi tad-Diskrepanzi, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà stieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna/Persunal Militari tal-UE biex jaġġornaw ir-Rekwiżiti Militari bil-ħsieb li jiġu approvati mill-Kunsill sas-sajf 2019. L-aġġornament huwa mistenni li jnaqqas aktar id-diskrepanza bejn ir-rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport militari u ċivili kif ukoll id-diskrepanza eventwali bejn ir-rekwiżiti militari u dawk ta’ użu doppju (ara hawn taħt). Ladarba r-Rekwiżiti Militari jiġu aġġornati, l-Analiżi tad-Diskrepanzi tiġi riveduta wkoll.

Rekwiżiti ta’ użu doppju

21.Ir-Regolament propost tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021-2027 jistipula li l-Kummissjoni se tadotta att ta’ implimentazzjoni li jispeċifika, fejn meħtieġ, b’mod partikolari r-rekwiżiti tal-infrastruttura applikabbli għal ċerti kategoriji ta’ azzjonijiet ta’ infrastruttura ta’ użu doppju. Il-Kummissjoni se tinvolvi lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-Istati Membri tal-UE u l-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-proċess. Il-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati bdiet f’nofs April 2019.

22.L-Analiżi tad-Diskrepanzi stabbiliet il-pedament għad-definizzjoni tar-rekwiżiti ta’ użu doppju, u huma mistennija li jitħejjew sal-aħħar tal-2019 biex ikunu lesti għall-adozzjoni sa meta jiġi adottat ir-Regolament dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021-2027.

Pjanijiet ta’ proġetti ta’ użu doppju

23.Ladarba l-Istati Membri tal-UE jidentifikaw l-aġġornamenti neċessarji tal-infrastruttura eżistenti u l-possibbiltajiet ta’ proġetti ta’ infrastruttura ġdida, u wara li jiġu ddefiniti r-rekwiżiti ta’ użu doppju, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna se jaħdmu mal-Istati Membri tal-UE u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fuq pjanijiet indikattivi ta’ proġetti ta’ użu doppju. Dan se jiġi implimentat sal-2020.

B.Reviżjoni tar-Regolament dwar in-netwerk tat-trasport trans-Ewropew

24.Il-Kummissjoni antiċipat ir-rieżami tar-Regolament dwar in-Netwerk tat-Trasport trans-Ewropew 16 , li għandha titlesta fl-ewwel semestru tal-2020. Il-Kummissjoni se tinkludi ċerti rekwiżiti militari u/jew ta’ użu doppju fil-proċess ta’ reviżjoni.

C.Is-sistema tal-informazzjoni tat-TENtec

25.TENtec hija s-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Kummissjoni biex tikkoordina u tappoġġja l-politika tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew.

26.Diġà tat prova tal-utilità tagħha għall-iskopijiet tal-mobilità militari peress li ppermettiet il-konverżjoni tad-data ġeografika identifikata fir-Rekwiżiti Militari f’format viżiv u li jinħoloq Viewer Interattiv tal-Mapep tal-Mobilità tat-TENtec 17 . Il-viewer jipprovdi mod viżiv biex jiġi analizzat in-netwerk tal-Mobilità Militari, biex jitwettqu diversi kalkoli fir-rigward tat-tul tan-netwerk tal-Mobilità Militari u l-koinċidenza tiegħu man-netwerk tat-trasport trans-Ewropew, kif ukoll biex jiġu ffaċilitati l-konnessjonijiet transfruntiera.

27.Barra minn hekk, it-TENtec qed jiġi mtejjeb fuq bażi kontinwa: pereżempju, aġġornament tat-TENtec tal-parametri tekniċi, li se jinkludi kunsiderazzjonijiet bażiċi ta’ mobilità militari, huwa mistenni sas-sajf 2019.

Fl-aħħar nett, il-Pjan ta’ Azzjoni jirreferi għal konnessjoni possibbli ta’ bażijiet tad-data militari u ċivili. Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet rilevanti fir-rigward tal-fattibbiltà ta’ tali azzjoni se jibdew fl-2020.

IV.TRASPORT TA’ OĠĠETTI PERIKOLUŻI

28.It-trasport ta’ oġġetti perikolużi fil-qasam militari huwa qasam ieħor fejn l-azzjoni tal-UE tista’ tipprovdi valur miżjud. L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni, kkonkludiet stħarriġ li jindirizza r-regoli eżistenti applikabbli għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi fis-settur militari.. F’April 2019, is-sejbiet ġew ippreżentati lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u lill-Istati Membri tal-UE li pparteċipaw u se jiġu kkunsidrati aktar fil-fond.

29.L-istħarriġ jimmarka l-oqfsa leġiżlattivi nazzjonali b’enfasi fuq l-ostakli u r-restrizzjonijiet għall-moviment ta’ oġġetti perikolużi. Il-proċeduri nazzjonali dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi fis-settur militari iddaħħlu f'inventarju, u ġie stabbilit kwestjonarju li ntbagħat lill-Istati Membri tal-UE fit-8 ta’ Ottubru 2018.

30.Barra minn hekk, fil-qafas tad-Djalogu Strutturat UE-NATO dwar il-Mobilità Militari, l-UE u n-NATO analizzaw sinerġiji possibbli fl-azzjonijiet rispettivi tagħhom relatati mat-trasport ta’ oġġetti perikolużi. F’dan ir-rigward, ir-rilaxx tal-Ftehim rilevanti dwar l-Istandardizzazzjoni tan-NATO kif ukoll dokumenti oħra ta’ referenza lill-UE se jiffaċilita l-allinjament tal-isforzi tagħhom kemm fit-trasport ta’ oġġetti perikolużi u oqsma oħra marbuta mal-mobilità militari.

31.Is-servizzi tal-Kummissjoni qed janalizzaw diversi għażliet, li jistgħu jtejbu t-trasport ta’ oġġetti perikolużi u b’hekk itejbu l-mobilità militari. Ir-riżultati ta’ din l-analiżi se jiġu kkunsidrati fl-iżvilupp ulterjuri tal-programmi u l-inizjattivi rilevanti tal-UE, inkluż fil-kuntest tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża. Barra minn hekk, l-eżitu tal-istħarriġ tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, li huwa mistenni sas-sajf 2019, se jgħin biex tiġi vvalutata l-fattibbiltà u l-ħtieġa għal aktar azzjonijiet fil-livell tal-UE f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni.

32.L-azzjonijiet relatati mat-trasport ta’ oġġetti perikolużi huma żviluppati f’kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna/il-Persunal Militari tal-UE. Il-Kumitat għat-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi li jikkonsisti minn esperti ċivili 18 huwa mgħarraf regolarment.

V.ID-DWANA U T-TAXXA FUQ IL-VALUR MIŻJUD

A.Dwana

33.Il-Pjan ta’ Azzjoni identifika wkoll azzjonijiet speċifiċi sabiex itejjeb l-effiċjenza u jissimplifika l-formalitajiet doganali għal movimenti militari transfruntiera filwaqt li jiżgura sinerġiji man-NATO. Il-leġiżlazzjoni doganali attwali fl-UE, li ilha fis-seħħ minn Mejju 2016, tipprevedi l-possibbiltà li tintuża l-Formola 302, li hija forma doganali speċifika stabbilita min-NATO, bħala dikjarazzjoni doganali għal proċeduri ta’ tranżitu biss. Din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi emendata biex il-Formola 302 tiġi estiża għal ċerti proċeduri doganali oħra għajr it-tranżitu, bħall-importazzjoni u l-esportazzjoni (din tal-aħħar issir fuq bażi temporanja).

34.B’mod parallel, il-ħolqien ta’ Formola 302 tal-UE jissimplifika l-movimenti militari transfruntiera barra l-umbrella tan-NATO. Din il-formola tista’ tintuża wkoll minn Stati Membri tal-UE li mhumiex tan-NATO. Bl-allinjament tal-Formola 302 tan-NATO u l-Formola 302 tal-UE sa fejn huwa possibbli – bil-għan li jintużaw forom identiċi, il-proċessi doganali relatati jiġu ssimplifikati fl-UE kollha, li jiżgura wkoll trattament uniformi tal-movimenti militari mid-dwana fl-Istati Membri kollha tal-UE.

35.L-Istati Membri tal-UE wrew appoġġ wiesa’ fil-livell tekniku għall-abbozzi ta’ emendi legali meħtieġa għas-simplifikazzjoni tal-formalitajiet doganali relatati mal-movimenti militari transfruntiera, kif ukoll għall-introduzzjoni ta’ Formola 302 tal-UE. L-iżvilupp ta’ mudell għal Formola 302 tal-UE ġie ffaċilitat mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża fil-qafas tal-programm ad-hoc tagħha dwar id-dwana, u kien kondiviż man-NATO mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża. L-allinjament sħiħ tal-Formola 302 bejn in-NATO u l-UE jiddependi fuq il-valutazzjoni tan-NATO tal-Formola 302 riveduta. Il-bażi ġuridika għall-użu tal-Formola 302 tal-UE se tinħoloq billi jiġi inkluż il-mudell għal din il-formola fil-leġiżlazzjoni doganali tal-UE.

36.Il-bidliet legali jirrikjedu serje ta’ emendi għal żewġ Regolamenti tal-Kummissjoni: l-Att Delegat 19 u l-Att ta’ Implimentazzjoni 20 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 21 . L-abbozzi ta’ emendi għall-Att Delegat 22 għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni fil-ħarifa 2019, u l-abbozz ta’ emenda għall-Att ta’ Implimentazzjoni 23 għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni fil-bidu tal-2020 mill-aktar fis possibbli.

B.Taxxa fuq il-Valur Miżjud

37.Riżultat ieħor importanti miksub mill-Kummissjoni huwa l-adozzjoni tal-proposta tagħha għal emendi tat-taxxa fuq il-valur miżjud u t-trattament tad-dazju tas-sisa tal-isforz ta’ difiża fil-qafas tal-Unjoni 24 fl-24 ta’ April 2019. Peress li l-provvisti lill-forzi armati li jipparteċipaw fi sforz ta’ difiża tan-NATO waqt li jkunu barra minn pajjiżhom jistgħu diġà jibbenefikaw minn eżenzjonijiet bħal dawn, il-proposta għandha l-għan li tiżgura trattament ugwali tal-isforzi ta’ difiża taħt il-qafas tan-NATO u l-UE billi teżenta l-provvisti lil forzi armati mit-taxxa fuq il-valur miżjud u dazji meta dawn il-forzi jiġu skjerati barra l-Istat Membru tagħhom stess u jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża taħt il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni. Billi tallinja t-trattament fiskali indirett taż-żewġ sforzi ta’ difiża, l-inizjattiva tirrikonoxxi l-importanza dejjem tikber tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni u l-mobilità militari.

38.Il-proposta ġiet ippreżentata lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar Mistoqsijiet tat-Taxxa fis-16 ta’ Mejju 2019. Id-diskussjonijiet se jkomplu taħt il-Presidenza Finlandiża tal-UE. Il-Kummissjoni tilqa’ l-adozzjoni tal-proposta mill-Kunsill malajr kemm jista’ jkun.

VI.Il-permess tal-moviment transfruntier

39.L-attivitajiet f’dan il-qasam ġew żviluppati aktar fi ħdan l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, b’mod partikolari fil-qafas tal-Programm dwar “L-Ottimizzazzjoni tal-Proċeduri tal-Permess għall-Moviment Transfruntier fl-Ewropa”, iċ-Ċentru tat-Trasport Multimodali tal-UE u l-Arranġament Tekniku dwar l-Approvazzjoni Diplomatika għat-trasport bl-ajru. 23 Stat Membru tal-UE ssieħbu fl-Arranġament tal-Programm tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dwar “L-Ottimizzazzjoni tal-Proċeduri tal-Permess għall-Moviment Transfruntier fl-Ewropa”, iffirmat fil-marġini tal-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża tal-14 ta’ Mejju 2019. Billi jarmonizza u jissimplifika l-proċeduri transfruntiera b’enfasi fuq il-movimenti fuq l-art u dawk tal-ajru, flimkien ma’ proċeduri ta’ approvazzjoni diplomatika, dan il-programm se jtejjeb u jiffaċilita l-moviment militari tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri tal-UE għal operazzjonijiet, eżerċizzji, u attivitajiet ta’ kuljum.

40.Hu u jikkomplementa dawn l-attivitajiet, il-proġett taċ-Ċentru tat-Trasport Multimodali tal-UE, stabbilit fl-2013, ikkontribwixxa biex jiġi stabbilit netwerk ġeografiku li jiffaċilita l-moviment tat-truppi. 14-il Stat Membru tal-UE issa qed jipparteċipaw fil-proġett. Bħalissa, Arranġament Tekniku dwar il-Qsim tal-Fruntieri u l-moviment tat-Trasport fuq l-Art qed jistenna li jiġi ffirmat fi ħdan il-proġett taċ-Ċentru tat-Trasport Multimodali tal-UE. Fir-rigward tal--Arranġament Tekniku dwar l-Awtorizzazzjonijiet Diplomatiċi, huwa jipprevedi approvazzjoni minn qabel għall-awtorizzazzjoni diplomatika għat-trasport bl-ajru. Wara l-bidu tiegħu fl-2012, 20 Stat Membru tal-UE issa ffirmaw l-arranġament. Ir-riżultati kemm tal-proġett dwar iċ-Ċentru tat-Trasport Multimodali tal-UE kif ukoll dwar l-awtorizzazzjonijiet Diplomatiċi se jkomplu jikkontribwixxu għall-attivitajiet li qed jiġu implimentati fil-kuntest tal-programm tal-Permess għall-Moviment Transfruntier.

VII.Kwistjonijiet oħra

41.Il-Pjan ta’ Azzjoni rrefera wkoll għal ċerti aspetti legali bħall-impatt possibbli tal-Ftehim dwar l-Istatus tal-Forzi tal-UE fuq il-mobilità militari. Il-Ftehim dwar l-Istatus tal-Forzi tal-UE ġie ffirmat fl-2003 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2019 25 , wara t-tlestija tal-proċess ta’ ratifika tiegħu mill-Irlanda. Il-Ftehim ikopri l-istatus tal-persunal militari u dak ċivili ssekondat lill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll tal-kwartieri ġenerali u l-forzi li jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-UE fil-kuntest tat-tħejjija u l-eżekuzzjoni tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 42 tat-TUE, inklużi l-eżerċizzji.

42.L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża wettqet stħarriġ biex tfassal oqfsa leġiżlattivi nazzjonali b’enfasi fuq il-limitazzjonijiet u r-restrizzjonijiet fuq il-moviment u l-interpretazzjoni nazzjonali ta’ strumenti u proċeduri internazzjonali. Ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ se jinfurmaw aktar xogħol tas-servizzi tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża.

43.Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Azzjoni rrikonoxxa l-importanza li tiġi riflessa r-rilevanza tal-mobilità militari fil-kuntest ta’ kwistjonijiet trażversali oħra bħall-ġlieda kontra t-theddid ibridu. Matul l-implimentazzjoni tat-22 Azzjoni ta’ Qafas Konġunt dwar il-Ġlieda kontra t-Theddid Ibridu 26 , żewġ azzjonijiet tqiesu rilevanti għall-mobilità militari: Azzjoni 3 – Komunikazzjonijiet Strateġiċi, u Azzjoni 7 – Protezzjoni ta’ infrastruttura kritika għat-trasport. L-implimentazzjoni taż-żewġ azzjonijiet għadha għaddejja u referenza diretta għall-mobilità militari tista’ tiġi stabbilita f’reviżjoni futura possibbli tal-Qafas Konġunt bl-iskop li telabora fuq it-theddid potenzjali f’dawn iż-żewġ oqsma.

VIII.Konklużjonijiet u t-triq ’il quddiem

44.Mit-tnedija tal-Pjan ta’ Azzjoni, sar progress sostanzjali u tanġibbli fl-oqsma kollha, u d-dokumenti ewlenin, jiġifieri r-Rekwiżiti Militari, l-Analiżi tad-Diskrepanzi u l-proposta għal emendi tat-taxxa fuq il-valur miżjud, ġew imwassla. Barra minn hekk, l-iffirmar minn 23 Stat Membru tal-UE tal-Arranġament tal-Programm tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dwar proċeduri ta’ Permess għall-Moviment Transfruntier fl-Ewropa huwa kisba tanġibbli. Sar progress sostanzjali wkoll f’oqsma bħat-trasport ta’ oġġetti perikolużi u d-dwana.

45.Dan il-progress ma kienx ikun possibbli mingħajr l-involviment tal-gvernijiet kollha tal-Istati Membri tal-UE, b'rispett għas-sovranità nazzjonali u t-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom, kif ukoll kooperazzjoni mill-qrib u kontinwa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna inkluż il-Persunal Militari tal-UE u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża. Id-Djalogu Strutturat UE-NATO se jkompli jtejjeb il-kooperazzjoni dwar il-mobilità militari. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jilqgħu dan l-approċċ u huma impenjati li jkomplu jaħdmu bl-istess mod u bl-istess pass.

46.Ir-Rapport ta’ Progress li jmiss se jiġi ppreżentat sa tmiem is-sajf tal-2020.

(1)

Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar It-Titjib tal-Mobbiltà Militari

fl-Unjoni Ewropea {JOIN(2017) 41 final}.

(2)

Id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2017 tal-President Jean-Claude Juncker, it-13 ta’ Settembru 2017, http://europa.eu/rapid/press-release_SPEECH-17-3165_mt.htm

(3)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE fil-qasam tas-Sigurtà u d-Difiża, l-14 ta’ Novembru 2016, https://www.consilium.europa.eu/media/22459/eugs-conclusions-st14149en16.pdf

(4)

Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b’Saħħitha, Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, Ġunju 2016, http://eeas.europa.eu/archives/docs/top_stories/pdf/eugs_review_web.pdf

(5)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sigurtà u d-Difiża fil-kuntest tal-Istrateġija Globali tal-UE, il-25 ta’ Ġunju 2018, paragrafu 18, http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10246-2018-INIT/mt/pdf

(6)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni UE-NATO mill-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, https://www.nato.int/cps/en/natohq/official_texts_133163.htm.

(7)

Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari

{JOIN(2018)05 final}, p. 10.

(8)

Laqgħa tal-Kunsill Ewropew (it-28 ta’ Ġunju 2018) - Konklużjonijiet, it-28 ta’ Ġunju 2018,

https://www.consilium.europa.eu/media/35936/28-euco-final-conclusions-en.pdf

(9)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sigurtà u d-Difiża fil-kuntest tal-Istrateġija Globali tal-UE (13978/18), id-19 ta’ Novembru 2018, http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-13978-2018-INIT/mt/pdf

(10)

Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari {JOIN(2018)05 final}, p. 10.

(11)

Rekwiżiti Militari għall-Mobilità Militari fl-UE u lil hinn minnha (ST 14770/18), it-28 ta’ Novembru 2018.

(12)

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal Konġunt, Rekwiżiti militari u netwerk tat-trasport trans-Ewropew: analiżi tad-diskrepanzi, {SWD(2019) 175 final}

(13)

Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014, is-6 ta’ Ġunju 2018.

(14)

Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 - Rapport ta’ progress, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 2018/0228, 2018/0228(COD), it-13 ta’ Marzu 2019, https://www.consilium.europa.eu/media/38507/st07207-re01-en19.pdf

(15)

Ara n-nota 11 ta’qiegħ il-paġna ta’ hawn fuq.

(16)

Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

(17)

L-aċċess għall-viewer interattiv huwa pprovdut fuq il-bażi tal-ħtieġa tat-tagħrif billi tikkuntattja move-tentec@ec.europa.eu

(18)

Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).

(19)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

(20)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(21)

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(22)

Ara n-nota 18 ta’qiegħ il-paġna ta’ hawn fuq.

(23)

Ara n-nota 19 ta’qiegħ il-paġna ta’ hawn fuq.

(24)

COM(2019)192/F1 – Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u d-Direttiva 2008/118/KE dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa fir-rigward ta’ sforz ta’ difiża fi ħdan il-qafas tal-Unjoni.

(25)

Il-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea dwar l-istatus tal-persunal militari u ċivili ssekondat lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, tal-kwartieri ġenerali u l-forzi li jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tat-tħejjija u l-eżekuzzjoni tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 17(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inklużi l-eżerċizzji, u tal-persunal militari u ċivili tal-Istati Membri li qegħdin għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea biex taġixxi f'dan il-kuntest (UE SOFA) (ĠU C 321, 31.12.2003 p. 6)

(26)

Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Qafas Konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu – reazzjoni tal-Unjoni Ewropea {JOIN/2016/018 final}.