Brussell, 15.5.2019

JOIN(2019) 9 final

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-UE u l-Asja Ċentrali: Opportunitajiet Ġodda għal Sħubija Aktar b’Saħħitha


Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

L-UE u l-Asja Ċentrali: Opportunitajiet Ġodda għal Sħubija Aktar b’Saħħitha:

INTRODUZZJONI

L-Unjoni Ewropea (UE) u l-ħames pajjiżi tal-Asja Ċentrali (il-Każakistan, ir-Repubblika Kirgiża, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan) għandhom relazzjoni li ilha teżisti bbażata fuq interessi reċiproċi qawwija.

L-Istrateġija tal-UE dwar l-Asja Ċentrali tal-2007 1 għenet lill-UE u l-Asja Ċentrali biex jilħqu livell bla preċedent ta’ kooperazzjoni. Il-lokalità ġeografika strateġika tal-Asja Ċentrali f’salib it-toroq tal-Ewropa u l-Asja, sehemha fl-importazzjonijiet tal-enerġija fl-UE u l-potenzjal tas-suq ta’ sebgħin miljun abitant, kif ukoll l-interess tal-UE fis-sigurtà reġjonali, għamlu lill-Asja Ċentrali sieħeb dejjem aktar importanti għall-UE.

Xi wħud mill-iżviluppi tal-lum fl-Asja Ċentrali komplew fetħu opportunitajiet ġodda biex is-sħubija bejn l-UE u l-Asja Ċentrali tieħu pass ’il quddiem. Il-proċessi ta’ riforma fir-reġjun skattaw sejħiet għal rikonoxximent politiku u sostenn għall-modernizzazzjoni mill-UE. Il-momentum il-ġdid fil-kooperazzjoni reġjonali, muri mill-ewwel Summit informali tal-mexxejja tal-Asja Ċentrali ta’ Marzu 2018 f’Astana, tejjeb ir-rilevanza tal-esperjenza tal-UE biex issib soluzzjonijiet kooperattivi għal sfidi komuni. L-isforzi mġedda biex tiġi promossa l-konnettività Ewro-Asjatika żiedu l-interess għall-approċċ tal-UE għal konnettività sostenibbli. Il-kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-Asja Ċentrali u l-Afganistan stabbilixxiet parametri ġodda għall-isforzi tal-UE stess biex tiġi promossa l-paċi fil-pajjiż. Barra minn hekk, l-ambizzjoni l-ġdida espressa minn xi wħud mill-istati tal-Asja Ċentrali biex jaqdu rwol aktar attiv fl-affarijiet globali u reġjonali qiegħda żżid il-potenzjal għal kooperazzjoni mal-UE dwar objettivi komuni.

L-involviment tal-UE fir-reġjun jista’ jibni fuq assi sinifikanti. Il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali jistgħu jafdaw lill-UE bħala donatur ewlieni u sieħeb impenjat fir-riforma u fil-proċess ta’ tranżizzjoni ekonomika tagħhom, sostenitur ewlieni tal-integrazzjoni tagħhom fis-sistema kummerċjali dinjija, sors ta’ investiment ta’ kwalità u teknoloġiji tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, u sostenitur naturali tal-isforzi tagħhom ta’ kooperazzjoni reġjonali.

Din il-Komunikazzjoni Konġunta għandha l-għan li tibni sħubija aktar b’saħħitha, moderna u mhux esklussiva mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali sabiex ir-reġjun jiżviluppa bħala spazju ekonomiku u politiku sostenibbli, aktar reżiljenti, għani u interkonness mill-qrib. Din se tibni fuq it-tagħlim miksub mill-involviment tal-UE fir-reġjun, billi jiġu kkunsidrati strateġiji rilevanti oħra li jinkludu l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea 2 , il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-Ġdid 3 , l-Istrateġija tal-UE dwar il-Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja 4  u l-Istrateġija tal-UE dwar l-Afganistan 5 , u se tiġi ggwidata mill-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli 6 .

L-Istrateġija tal-UE se tiffoka fuq tliet prijoritajiet interkonnessi u li jsaħħu lil xulxin:

ØSħubija għal Reżiljenza

L-UE se tissieħeb mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali sabiex tantiċipa u tindirizza l-isfidi li jaffettwaw l-għanijiet soċjoekonomiċi u s-sigurtà tagħhom u sabiex ittejjeb il-ħila tagħhom biex jilqgħu r-riforma u l-modernizzazzjoni. Din se tippromwovi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, se tintensifika l-kooperazzjoni fuq l-implimentazzjoni tal-impenji klimatiċi ta’ Pariġi u se tindirizza sfidi ambjentali transreġjonali biex tibdilhom f’opportunitajiet, u se ssaħħaħ il-kooperazzjoni fir-rigward tal-migrazzjoni.

ØSħubija għal Prosperità

L-UE se tissieħeb mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali sabiex tiftaħ il-potenzjal ta’ tkabbir sinifikanti tagħhom billi trawwem l-iżvilupp ta’ settur privat kompetittiv u tippromwovi ambjent ta’ investiment sod u miftuħ. Din se tikkoopera fl-iżvilupp ta’ ħiliet, riċerka u innovazzjoni, b’attenzjoni speċjali fuq iż-żgħażagħ. Din se taħdem biex tindirizza l-limiti strutturali fuq il-kummerċ u l-investiment intrareġjonali, se tappoġġja l-adeżjoni tal-istati tal-Asja Ċentrali li jibqa’ għall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u se tippromwovi konnettività sostenibbli.

ØNaħdmu Flimkien Aħjar

L-UE se taħdem flimkien mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali biex issaħħaħ l-istruttura tas-sħubija, se tintensifika d-djalogu politiku u se tiftaħ spazju għal parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. Din se tibqa’ involuta bħala sieħeb tal-iżvilupp ewlieni għar-reġjun. Din se ssaħħaħ id-diplomazija pubblika biex tenfasizza l-benefiċċji tas-sħubija għar-reġjun u għaċ-ċittadini tiegħu.

Filwaqt li tirrispetta l-aspirazzjonijiet u l-interessi ta’ kull wieħed mis-sħab tal-Asja Ċentrali tagħha, kif ukoll waqt li żżomm il-ħtieġa li tiddistingwi bejn sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, l-UE se tfittex li tapprofondixxi l-involviment tagħha ma’ dawk il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali li jridu u jistgħu jintensifikaw ir-relazzjonijiet. L-UE se tfittex li taħdem ma’ pajjiżi terzi u organizazzjonijiet internazzjonali fejn involviment usa' bħal dan jikkontribwixxi għall-objettivi ġenerali tal-UE u din l-Istrateġija. Il-Ftehimiet Imsaħħa ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (EPCAs) bilaterali ta’ ġenerazzjoni ġdida, li kkonkludiet l-UE u li tista’ tikkonkludi ma’ pajjiżi individwali tal-Asja Ċentrali 7 , se jibqgħu pedament tal-involviment tal-UE. Din il-Komunikazzjoni Konġunta għandha l-għan li timmobilizza s-sett wiesa’ ta’ politiki u strumenti tal-UE, li se jintużaw biex tittejjeb is-sħubija bejn l-UE u l-Asja Ċentrali, u se jiggwidaw ukoll il-programmazzjoni tal-kooperazzjoni u tal-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp.

***

Prijorità Trażversali: Investiment fil-Kooperazzjoni Reġjonali fl-Asja Ċentrali

L-UE għandha interess qawwi li tara l-Asja Ċentrali tiżviluppa bħala reġjun ta’ kooperazzjoni u konnettività bbażati fuq ir-regoli milli ta’ kompetizzjoni u rivalità. L-UE hija ddeterminata li tinvesti fl-opportunitajiet ġodda u l-potenzjal ta’ tkabbir għal kooperazzjoni fi ħdan u mar-reġjun kollu.

Jenħtieġ li l-kooperazzjoni reġjonali tippermetti lill-istati tal-Asja Ċentrali biex jimmaniġġjaw aħjar l-interdipendenza tagħhom, jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet u t-tħassib kondiviż tagħhom, jiftħu l-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku tagħhom, iżidu l-influwenza fl-affarijiet internazzjonali u jippreservaw l-indipendenza u l-identitajiet tagħhom. Filwaqt li hija r-responsabbiltà tal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali li jidentifikaw modi ta’ kif javvanzaw forom volontarji ta’ kooperazzjoni reġjonali bil-pass tagħhom stess, l-UE se tappoġġja dawn il-proċessi, abbażi tal-esperjenza tagħha tal-benefiċċji li jistgħu jrendu l-mekkaniżmi ta’ integrazzjoni u konnettività akbar.

Id-djalogi bejn l-UE u l-Asja Ċentrali u l-programmi reġjonali ffinanzjati mill-UE se jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet kooperattivi fil-livell reġjonali f’oqsma bħall-ambjent, l-ilma, it-tibdil fil-klima u l-enerġija sostenibbli; l-edukazzjoni, l-istat tad-dritt; il-konnettività sostenibbli; il-politika dwar id-drogi, is-sigurtà u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni; il-ġestjoni tal-fruntieri u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ intrareġjonali.

Kull meta jkunu utli għall-UE u l-Asja Ċentrali, u skont il-kwistjonijiet, id-djalogi u l-programmi ta’ kooperazzjoni mal-istati tal-Asja Ċentrali għandhom jiġu estiżi għall-istati tal-viċinat, bħal pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, l-Afganistan u oħrajn. L-Asja Ċentrali u l-Afganistan saru dejjem aktar rilevanti għal xulxin minħabba l-interess komuni tagħhom fis-sigurtà u l-istabbiltà, il-ġestjoni tal-ilma u l-bini ta’ rabtiet ta’ konnettività effettivi. Għalhekk, l-integrazzjoni tal-Afganistan kif xieraq fil-laqgħat ta’ djalogu u fil-programmi reġjonali rilevanti bejn l-UE u l-Asja Ċentrali, u l-appoġġ lejn proġetti ta’ kooperazzjoni aktar trilaterali mas-sħab tal-Afganistan u tal-Asja Ċentrali, se jibqgħu prijorità.

1.    SĦUBIJA GĦAL REŻILJENZA

Huwa fl-interess strateġiku tal-UE li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-Asja Ċentrali, tal-istati u tas-soċjetajiet tagħha. Dan jeħtieġ li tissaħħaħ il-ħila tagħhom biex jantiċipaw u jirreżistu pressjonijiet esterni u interni, biex iħaddnu r-riformi, u biex jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni, it-tkabbir rapidu tal-popolazzjoni, it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, il-pressjoni fuq l-ilma u r-riżorsi tal-enerġija, il-migrazzjoni tal-ħaddiema u t-theddid ġdid għas-sigurtà. Minħabba d-differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali fl-istadji u l-mudelli tagħhom ta’ żvilupp soċjoekonomiku, l-UE se tiffoka fuq l-aktar vulnerabbiltajiet akuti, billi tibni fuq il-punti pożittivi eżistenti u tikkonċentra l-isforzi fuq dawk l-oqsma fejn tista’ tagħmel differenza. Il-promozzjoni ta’ opportunitajiet rilevanti għall-popolazzjoni żagħżugħa li dejjem qed issir aktar konnessa u aspirazzjonali tal-Asja Ċentrali u l-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet se jibqgħu prijoritajiet ewlenin għall-UE.

1.1.    Il-Promozzjoni tad-Demokrazija, id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt

Il-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u l-istabbiliment ta’ strutturi ta’ governanza politiċi u ekonomiċi aktar inklużivi, il-promozzjoni tal-istat tad-dritt, it-tisħiħ tar-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet pubbliċi u l-iżgurar tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma kundizzjonijiet ewlenin għas-suċċess tal-iżvilupp sostenibbli tal-Asja Ċentrali. Għalhekk, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem se jibqa’ element essenzjali tar-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-pajjiżi tar-reġjun.

L-UE se tkompli tippromwovi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem f’konformità ma’ standards internazzjonali, b’fokus fuq il-libertà tal-espressjoni (inkluż il-pluraliżmu tal-midja), il-libertà tal-assoċjazzjoni, id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-minoranzi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, u l-prevenzjoni u l-qerda tat-tortura. L-UE se tfittex ukoll li tibni sħubiji, pereżempju fil-kuntest tal-Inizjattiva ta’ Stejjer Pożittivi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

L-UE se tħeġġeġ lill-istati tal-Asja Ċentrali biex jikkooperaw aktar mal-korpi, mal-aġenziji u l-Proċeduri Speċjali tat-Trattat tan-NU. Din se tippromwovi l-kooperazzjoni f’fora tad-drittijiet tal-bniedem multilaterali, bħal Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u t-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU. Din se tikkoopera biex jiġu rratifikati u implimentati l-konvenzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ewlenin tax-xogħol, billi tuża għal dan il-għan l-Arranġament ta’ Inċentiv Speċjali għal Żvilupp Sostenibbli u Governanza Tajba (GSP+) għal pajjiżi eleġibbli fir-reġjun. L-esperjenza tal-Istati Membri tal-UE fl-aġġustamenti legali meħtieġa biex jaderixxu mal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-pajjiżi tal-Asja Ċentrali.

Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi għandha rwol kruċjali x’taqdi biex tiżgura s-sostenibbiltà tal-proċessi ta’ modernizzazzjoni li għaddejjin fl-Asja Ċentrali. L-UE se tippromwovi ambjent legali u politiku abilitanti għas-soċjetà ċivili li jippermetti li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u t-trejdjunjonisti indipendenti u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi joperaw b’mod liberu u sigur. Din se tħeġġeġ djalogu u kooperazzjoni bejn is-soċjetà ċivili u l-amministrazzjonijiet fil-livelli kollha.

L-UE se ssaħħaħ l-isforzi biex tippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u governanza tajba, li huma meħtieġa biex l-istituzzjonijiet pubbliċi jsiru aktar risponsivi u responsabbli għaċ-ċittadini tagħhom kif ukoll biex jiġi attirat l-investiment barrani. L-UE se tibqa’ involuta fil-promozzjoni ta’ proċessi elettorali ġusti u trasparenti. Din se ttejjeb il-kooperazzjoni legali u ġudizzjarja, inkluż mal-Kunsill tal-Ewropa, biex tippromwovi l-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistemi tal-ġustizzja. Peress li l-korruzzjoni għadha kwistjoni ta’ tħassib mifruxa fir-reġjun, l-UE se tagħmel għarfien espert disponibbli għall-pajjiżi li jixtiequ jagħmlu t-tibdil meħtieġ fil-leġiżlazzjoni u fis-sistemi amministrattivi tagħhom u jsaħħu l-istituzzjonijiet ta’ sorveljanza indipendenti tagħhom.

Minħabba t-tixrid pożittiv tagħha f’bosta oqsma li jvarjaw mill-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni sal-iżvilupp tas-settur privat, l-UE se tippromwovi – inkluż permezz tal-integrazzjoni tal-Aġenda tan-NU għan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà fl-aspetti rilevanti tal-kooperazzjoni tal-UE – l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet, li l-potenzjal tagħhom biex jinvolvu ruħhom fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika għadu fil-biċċa l-kbira tiegħu mhux sfruttat fir-reġjun. L-Inizjattiva Spotlight 8 jista’ jkollha rwol importanti f’dan ir-rigward.

Il-promozzjoni ta’ xogħol diċenti u r-rispett għall-istandards tax-xogħol internazzjonali se jibqgħu prijorità. L-UE se tgħin biex tikkonsolida l-progress li sar fi snin riċenti lejn il-konformità mal-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u se tħeġġeġ ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet tal-ILO dwar l-ispezzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. L-UE se tippromwovi l-konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) 9 , inkluż fil-livell lokali, se tibqa’ ewlenija f’dan ir-rigward. L-UE se tippromwovi l-aderenza mal-prinċipji u mal-impenji tal-OSKE u l-implimentazzjoni tagħhom; se ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet awtonomi, l-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissarju Għoli għall-Minoranzi Nazzjonali u r-Rappreżentant għal-Libertà tal-midja; u se tħeġġeġ lill-istati tal-Asja Ċentrali biex isaħħu l-involviment tagħhom stess mal-OSKE u biex jappoġġjaw l-missjonijiet fuq il-post tagħha fir-reġjun.

Fl-aħħar, l-UE se ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi u mal-ILO fil-promozzjoni ta’ ambjenti tan-negozju sodi u l-aġenda ta’ xogħol diċenti.

Jenħtieġ li inizjattivi speċifiċi f’dan il-qasam jinkludu:

ØL-użu tal-programmi reġjonali biex jiġu appoġġjati l-kondiviżjoni ta’ esperjenza fir-riforma legali u ġudizzjarja, id-drittijiet tal-bniedem, l-istandards tax-xogħol internazzjonali, il-governanza tajba, ir-riforma elettorali u l-għoti tas-setgħa lin-nisa bejn l-UE u l-Asja Ċentrali, fost iċ-ċittadini tal-Asja Ċentrali nfushom, u mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant

ØL-iżvilupp ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ħiliet ta’ rappreżentanza għall-attivisti tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni ta’ kuntatti transfruntiera fosthom fir-reġjun, kif ukoll mal-kontropartijiet tagħhom fl-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant

ØL-istabbiliment ta’ djalogu ddedikat dwar l-istandards tax-xogħol u d-drittijiet tan-negozju u tal-bniedem

1.2.    It-Tisħiħ tal-Kooperazzjoni fir-rigward tal-Ġestjoni tal-Fruntieri, il-Migrazzjoni u l-Mobbiltà, u fl-indirizzar tal-Isfidi għas-Sigurtà Komuni

L-UE u l-Asja Ċentrali ilhom żmien twil sħab fil-qasam tas-sigurtà. Il-laqgħat regolari tad-Djalogu Politiku u tas-Sigurtà ta’ Livell għoli bejn l-UE u l-Asja Ċentrali jipprovdu opportunità biex jiġu skambjati fehmiet dwar sfidi tas-sigurtà usa’ u reazzjonijiet tal-politika effettivi. L-UE se tippromwovi approċċ integrat għall-kooperazzjoni fis-sigurtà mar-reġjun u se tintensifika l-kooperazzjoni biex tindirizza l-kawżi ewlenin tal-insigurtà bħall-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-marġinalizzazzjoni, il-parteċipazzjoni politika limitata, id-dgħufija istituzzjonali, il-korruzzjoni u l-ġestjoni ħażina tar-riżorsi naturali. Sabiex tikkontribwixxi għas-sigurtà sostenibbli tal-bniedem, l-UE se timmira li tinvolvi ruħha mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali fis-settur tas-sigurtà u se tikkunsidra kooperazzjoni mmirata lejn il-promozzjoni tar-responsabbiltà tiegħu u l-effettività tar-riforma tiegħu.

It-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali huma multiplikaturi tat-theddida potenzjali. Għalhekk l-UE se tkompli tintegra r-rabta bejn l-ambjent, il-klima u s-sigurtà fid-djalogu tal-politika tagħha, il-prevenzjoni ta’ konflitti, l-iżvilupp u l-azzjonijiet umanitarji u l-istrateġiji għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri madwar l-Asja Ċentrali.

It-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti għadhom sfida fl-UE kif ukoll fl-Asja Ċentrali. Il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni ta’ estremiżmu vjolenti u radikalizzazzjoni, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-indirizzar tal-kwistjoni li jiġu rritornati l-ġellieda terroristi se jibqgħu prijorità tas-sħubija, u se jiġu żviluppati mal-kariga li għadha kif ġiet stabbilita ta’ espert tal-UE fil-oqsma tas-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu b’kompetenza reġjonali għall-Asja Ċentrali, u f’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u b’attenzjoni kontinwa għad-drittijiet tal-bniedem. L-UE se tippromwovi l-iskambju ta’ prattika tajba dwar il-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti, inkluż riċerka dwar l-ixprunaturi tal-estremiżmu vjolenti, miżuri preventivi u kontromessaġġi. Din se tfittex li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-komunitajiet lokali fir-rigward tal-estremiżmu vjolenti filwaqt li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u tkun sensittiva għall-ġeneru, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Estremiżmu Vjolenti.

Billi tibni fuq dak li tgħallmet minn programmi preċedenti fir-reġjun, l-UE se ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Asja Ċentrali fir-rigward ta’ ġestjoni moderna u integrata tal-fruntieri, billi testendi l-isforzi tal-kooperazzjoni reġjonali għall-Afganistan. L-UE se tfittex aktar modi kif tintensifika l-kooperazzjoni mar-reġjun fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, it-traffikar tal-bnedmin u t-traffikar tad-droga. L-UE se tkompli tikkoopera fl-iżvilupp ta’ politiki dwar id-drogi integrati u bbilanċjati.

Bil-għan li ttejjeb il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-mobbiltà fir-reġjun tal-Asja Ċentrali, u li toħloq il-kondizzjonijiet għal kuntatti mtejba bejn il-persuni bejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali u dawk tal-UE u pajjiżi sħab oħra, il-kooperazzjoni msaħħa se tiffoka fuq l-indirizzar tal-migrazzjoni irregolari b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem. Dan se jimplika kooperazzjoni fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri, ir-riammissjoni tal-migranti irregolari u r-riintegrazzjoni tal-persuni rimpatrijati, l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari permezz tal-promozzjoni ta’ taħriġ vokazzjonali, kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti u impjiegi ta’ kwalità fil-pajjiż ta’ oriġini, l-appoġġ lejn il-kanali legali ta’ migrazzjoni, u l-istabbiliment ta’ leġiżlazzjoni u sistemi effettivi biex jassistu lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u l-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali.

Għal dan il-għan, l-UE se tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Asja Ċentrali biex jiżviluppaw politiki tal-migrazzjoni nazzjonali, biex jikkooperaw fil-livell reġjonali, u biex jikkooperaw fir-rigward tal-governanza multilaterali tal-mobbiltà u l-migrazzjoni, billi ssegwi l-prinċipji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti. Fl-istess ħin, l-UE se ttejjeb ukoll id-djalogu bilaterali u l-kooperazzjoni tagħha fir-rigward tal-migrazzjoni u l-mobbiltà mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, b’mod partikolari fil-qafas tal-EPCAs.

L-EU se tinvolvi ruħha mal-istati tal-Asja Ċentrali biex tippromwovi ċiberspazju miftuħ, liberu u sigur u biex ittejjeb iċ-ċibersigurtà.

L-UE se tkompli tikkoopera mar-reġjun dwar in-nonproliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva, kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju, u s-sikurezza u s-sigurtà nukleari, filwaqt li tagħmel użu sħiħ miċ-Ċentru ta’ Eċċellenza ta’ Mitigazzjoni tar-Riskju Kimiku, Bijoloġiku, Radjoloġiku u Nukleari fl-Asja Ċentrali. Din se tinvolvi ruħha fi djalogu aktar mill-qrib mal-istati tal-Asja Ċentrali dwar l-immaniġġjar tal-kriżijiet u ż-żamma tal-paċi.

Huwa wkoll fl-interess tal-UE li tkompli timmonitorja l-iżviluppi fl-istrutturi tas-sigurtà reġjonali bħall-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni ta’ Shanghai u l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva.

Jenħtieġ li inizjattivi speċifiċi f’dan il-qasam jinkludu:

ØL-Użu tad-Djalogu Politiku u tas-Sigurtà ta’ Livell għoli bejn l-UE u l-Asja Ċentrali u l-kariga li għadha kif ġiet stabbilita ta’ espert tal-UE fl-oqsma tas-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu b’kompetenza reġjonali għall-Asja Ċentrali biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni prattika fir-rigward ta’ aġenda tas-sigurtà usa’, inklużi r-riforma u l-governanza tas-settur tas-sigurtà, it-theddid ibridu u r-rabta tal-ilma/tas-sigurtà

ØIt-twettiq ta’ laqgħat ad hoc ta’ esperti tal-UE u l-Asja Ċentrali dwar il-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti u l-ġlieda kontra t-terroriżmu biex tiġi promossa l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera f’konformità mal-impenji internazzjonali rilevanti

ØL-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni u tas-sinerġiji mal-OSKE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-theddid transnazzjonali fl-Asja Ċentrali

ØIl-kontinwazzjoni tal-kooperazzjoni fir-rigward tal-politika dwar id-drogi biex ikomplu jissaħħu l-politiki nazzjonali fit-tnaqqis tad-domanda għad-drogi u biex jiġu indirizzati l-provvista ta’ drogi illegali u l-kriminalità organizzata relatata

ØIl-kondiviżjoni ta’ għarfien espert dwar iċ-ċibersigurtà u theddid ibridu, inkluż l-opportunità biex l-Asja Ċentrali tipparteċipa fl-identifikazzjoni konġunta ta’ theddid ibridu bħala parti mill-Istħarriġ tar-Riskju Ibridu tal-UE

ØIt-tisħiħ tal-kooperazzjoni fir-rigward ta’ ġestjoni tal-fruntieri integrata, billi tibni fuq kooperazzjoni li ilha teżisti bejn l-UE u l-Asja Ċentrali u l-UE u l-Afganistan

ØIt-titjib tad-djalogu u l-kooperazzjoni fir-rigward tal-migrazzjoni u l-mobbiltà fil-qafas tal-EPCAs u tan-Nazzjonijiet Uniti

1.3.    It-Titjib tar-Reżiljenza Ambjentali, tal-Klima u tal-Ilma

L-Asja Ċentrali qed taffaċċja sfidi ambjentali li qed isiru dejjem aktar severi. L-impatt ikkombinat tat-tibdil fil-klima, li beda jnaqqas il-fluss tal-ilma billi jiċkienu l-glaċieri li jagħtu għax-xmajjar tal-Asja Ċentrali, u t-tkabbir rapidu tal-popolazzjoni se jaggravaw xi wħud mit-tħassib ambjentali tar-reġjun, b’implikazzjonijiet potenzjali għall-iżvilupp ekonomiku, is-sigurtà u l-migrazzjoni.

L-UE tista’ tgħin lir-reġjun jibdel dawn l-isfidi f’opportunitajiet. Peress li dawn l-isfidi huma transfruntiera fin-natura tagħhom u jeħtieġu fiduċja reċiproka u soluzzjonijiet kooperattivi, l-UE se tkompli tfittex approċċ reġjonali għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-ambjent, tal-ilma u tat-tibdil fil-klima.

L-UE se tikkoopera mas-sħab tagħha tal-Asja Ċentrali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima 10  u l-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali permezz ta’ miżuri konkreti mmirati lejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament u t-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri.

L-UE se tappoġġja lill-pajjiżi tal-Asja Ċentrali fl-adozzjoni ta’ standards ambjentali għoljin u se tħeġġiġhom jitbiegħdu minn mudelli ta’ produzzjoni lineari għal ekonomija ċirkolari li fiha l-valur tal-prodotti jinżamm għall-itwal perjodu ta' żmien possibbli, l-effiċjenza fl-enerġija u fl-użu tar-riżorsi tiżdied u l-iskart u l-emissjonijiet tal-karbonju u tas-sustanzi niġġiesa jitnaqqsu. Tali bidla għal konsum u produzzjoni sostenibbli tista’ ġġib benefiċċji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem u għall-kwalità tal-ħajja, filwaqt li tgħin biex tiġi promossa d-diversifikazzjoni ekonomika, jinħolqu opportunitajiet tan-negozju ġodda u jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku.

Billi tibni fuq il-potenzjal tar-reġjun fl-enerġija solari, tar-riħ u idroelettrika, l-UE se tħeġġeġ ir-riformi tas-settur tal-enerġija tal-Asja Ċentrali u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Jenħtieġ li d-disponibbiltà tat-teknoloġija u l-għarfien espert tal-UE fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija u l-għoti ta’ pariri dwar riformi regolatorji jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-enerġija tar-reġjun, billi jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tal-klima tiegħu u jinħolqu impjiegi u opportunitajiet tan-negozju fuq iż-żewġ naħat.

L-UE se tippromwovi wkoll governanza ambjentali aħjar u se tappoġġja l-bini ta’ kapaċità tal-istati tal-Asja Ċentrali biex tintegra t-tħassib ambjentali f’politiki oħra u fit-teħid tad-deċiżjonijiet pubbliċi, speċjalment permezz ta’ valutazzjonijiet adegwati dwar l-impatti ambjentali. L-UE se tippromwovi s-sostenibbiltà ambjentali ta’ investimenti fl-infrastruttura tal-konnettività u l-adeżjoni tal-pajjiżi kollha tal-Asja Ċentrali fi ftehimiet ambjentali multilaterali reġjonali u globali.

Il-kondiviżjoni tal-esperjenza fil-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, il-protezzjoni tal-bijodiversità u t-turiżmu ekoloġiku jistgħu jgħinu biex jintlaħqu firxa wiesgħa ta’ objettivi bħall-iżvilupp rurali, il-konservazzjoni tal-ekosistemi u s-sensibilizzazzjoni ambjentali.

F’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Diplomazija fil-qasam tal-Ilma 11 tal-UE, il-promozzjoni ta’ aġenda reġjonali għall-ilma, il-paċi u l-prosperità se tibqa’ prijorità ewlenija fir-reġjun. L-UE se tkompli tħeġġeġ soluzzjonijiet aċċettabbli b’mod reċiproku biex tittejjeb il-kooperazzjoni reġjonali fir-rigward tal-ġestjoni ekwitabbli ta’ riżorsi tal-ilma transfruntiera, f’konsultazzjoni mal-aġenziji rilevanti tan-NU u sħab oħra. Din se tippromwovi l-adeżjoni għall-Konvenzjoni dwar l-Ilma tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti 12 u l-implimentazzjoni tagħha, se tħeġġeġ il-kooperazzjoni madwar il-Baħar Aral u l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar l-istatus legali tal-Baħar Kaspjan 13 .

L-UE se tkompli trawwem il-kooperazzjoni mar-reġjun, inkluż permezz tat-taħriġ ta’ esperti, biex tippromwovi ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma integrata, tnaqqas l-ilma mormi, ittejjeb il-kwalità tal-ilma u timmodernizza l-infrastrutturi u tippromwovi sistemi ta’ irrigazzjoni agrikola moderni.

Peress li r-reġjun huwa partikolarment espost għal perikli naturali u magħmula mill-bniedem, l-UE se tappoġġja sforzi nazzjonali u reġjonali lejn politiki u leġiżlazzjoni ġodda fit-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri. L-UE se tagħmel disponibbli wkoll l-għarfien espert tagħha fil-protezzjoni ċivili u rispons ta’ emerġenza sabiex tħeġġeġ approċċ reġjonali aktar strutturali lejn ir-reżiljenza u t-tħejjija.

L-UE se tkompli tikkoopera fl-appoġġ ta’ miżuri ta’ rimedju ambjentali biex tindirizza l-legat ta’ skart kimiku u radjuattiv tossiku mill-estrazzjoni preċedenti tal-uranju fir-reġjun.

L-UE se tuża l-istrumenti finanzjarji, l-għotjiet u l-garanziji tagħha, b’mod partikolari dawk ipprovduti mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), u f’kooperazzjoni mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u banek ta’ żvilupp multilaterali oħra, biex timmobilizza l-kapital pubbliku u b’mod partikolari l-kapital privat għal proġetti ambjentali u attivitajiet ekonomiċi sostenibbli għall-ambjent. Il-promozzjoni ta’ qafas regolatorju sod se tkun ta’ importanza kruċjali biex jiġi attirat l-investiment privat.

Jenħtieġ li inizjattivi speċifiċi f’dan il-qasam jinkludu:

ØIt-tisħiħ ta’ fora ta’ kooperazzjoni interreġjonali u intrareġjonali u mekkaniżmi fil-qasam tal-ambjent, tal-ilma u tat-tibdil fil-klima

ØL-iżvilupp tal-kondiviżjoni tal-esperjenza u finanzjament innovattiv biex tiġi promossa l-enerġija rinnovabbli

ØIl-promozzjoni tal-kooperazzjoni u r-riċerka xjentifiċi dwar il-ġestjoni tal-ilma kif ukoll data affidabbli b’aċċess miftuħ dwar il-klima u l-ilma li tista’ tinforma politika effettiva

ØIt-tisħiħ tal-kooperazzjoni maċ-Ċentru Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għal Diplomazija Preventiva fl-Asja Ċentrali Reġjonali fir-rigward tar-rabta bejn l-ilma u s-sigurtà

ØL-appoġġ ta’ ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-ekosistemi u l-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità u l-Qafas tal-Bijodiversità Globali ta’ wara l-2020 futur

ØIl-promozzjoni tal-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-kooperazzjoni fir-rigward tal-ekonomija ċirkolari, b’mod partikolari sistemi sostenibbli tal-ġestjoni tal-ilma u l-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja

2.    SĦUBIJA GĦAL PROSPERITÀ

Post li qed issir dejjem aktar strateġiku f’salib it-toroq bejn l-Ewropa u l-Asja, popolazzjoni żagħżugħa 14 , rati ta’ litteriżmu għoljin u riżorsi naturali abbundanti jagħtu lill-Asja Ċentrali potenzjal sinifikanti ta’ tkabbir u żvilupp. Fl-istess waqt, hemm rikonoxximent li qed jiżdied fir-reġjun tal-ħtieġa biex jiġu adottati mudelli ta’ żvilupp ekonomiku ġodda u biex jiġu ddiversifikati l-ekonomiji sabiex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet tal-globalizzazzjoni. L-UE se taħdem mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali biex tgħinhom jipproduċu riżultati dejjiema, li se jfissru l-iżvilupp tas-suq privat, it-titjib tal-klima ta’ investiment, l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u ċirkolari, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjoekonomiċi, l-investiment fil-kapital uman u l-promozzjoni ta’ xogħol diċenti għal kulħadd, l-isfruttament tal-potenzjal għal kummerċ intrareġjonali u interreġjonali u l-promozzjoni ta’ konnettività sostenibbli.

2.1.    Il-Konsolidazzjoni tas-Sħubija għal Riforma Ekonomika

L-UE għandha interess qawwi li tappoġġja t-trasformazzjoni tal-ekonomiji tal-Asja Ċentrali, li attwalment jiddependu wisq fuq il-komoditajiet jew esportazzjonijiet b’valur miżjud baxx 15 kif ukoll rimessi tal-migranti, f’ekonomiji xprunati mis-settur privat diversifikati u kompetittivi li jistgħu joħolqu l-impjiegi, jintegraw f’katini ta’ valur reġjonali u globali, u jipprovdu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u opportunitajiet għall-operaturi ekonomiċi kollha.

L-UE se timmira li tħeġġeġ mudelli ta’ tkabbir aktar sostenibbli u inklużivi fir-reġjun. Jenħtieġ li r-riforma ekonomika u l-modernizzazzjoni jrendu benefiċċji għas-soċjetajiet kollha u jikkontribwixxu biex inaqqsu l-inugwaljanzi kif ukoll id-disparitajiet reġjonali u d-diviżjoni rurali-urbana. L-esperjenza tal-UE fl-iżvilupp rurali, il-politika reġjonali u l-koeżjoni se jkunu partikolarment rilevanti għal dan il-għan.

L-iżvilupp ta’ settur privat kompetittiv u b’mod partikolari ta’ Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs) se jkun prijorità tal-involviment tal-UE minħabba r-rwol importanti li s-settur privat jista’ jaqdi fl-appoġġ tat-tkabbir ekonomiku, l-għoti tas-setgħa lin-nisa, il-promozzjoni ta’ xogħol diċenti u l-ġlieda kontra l-faqar. L-UE se tippromwovi l-iżvilupp ta’ swieq kapitali u t-twessigħ ta’ aċċess għal finanzi għall-SMEs, oqfsa regolatorji u politiki fiskali sodi kif ukoll politiki effettivi kontra l-korruzzjoni. L-iżvilupp tas-settur privat se jibqa’ prijorità ewlenija tal-Faċilità ta’ Investiment tal-UE għall-Asja Ċentrali.

Bħala sors prinċipali tal-investiment privat madwar id-dinja, l-UE tinsab f’pożizzjoni partikolarment tajba biex tintensifika d-djalogu fil-livell strateġiku mal-gvernijiet u mar-rappreżentanti tan-negozju tar-reġjun kif ukoll ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali biex tippromwovi ambjent ta’ politika sod, trasparenti, miftuħ, mhux diskriminatorju u regolatorju b’mod prevedibbli għall-operaturi ekonomiċi Ewropej li jagħmlu kummerċ mal-Asja Ċentrali jew jinvestu fiha.

Jenħtieġ li l-appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat u l-investiment jiffoka bħala prijorità fuq it-tkabbir u s-setturi li jiġġeneraw l-impjieg fejn l-UE għandha għarfien espert partikolari u vantaġġi komparattivi bħas-settur agrikolu u n-negozju agrikolu, l-ambjent u l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-turiżmu sostenibbli. 

L-UE se tippromwovi djalogu u kooperazzjoni minn negozju għal negozju mal-Asja Ċentrali, inkluż fost negozji ġodda u inkubaturi tan-negozju. Din se tgħin biex toħloq fora bilaterali u reġjonali għal djalogu u kooperazzjoni minn negozju għal negozju bħal Kmamar tal-Kummerċ Ewropej f’pajjiżi tal-Asja Ċentrali. L-UE se timmira li tinkludi l-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi u l-ħaddiema tal-Asja Ċentrali fi djalogu dwar kwistjonijiet li jvarjaw mill-klima ta’ investiment sal-edukazzjoni, l-impjegabbiltà (speċjalment tan-nisa u tal-bniet) u r-riforma tas-suq tax-xogħol.

Peress li d-disponibbiltà ta’ statistika ta’ kwalità għolja hija prekondizzjoni għall-iżvilpp ta’ politiki pubbliċi effiċjenti, l-UE se tkompli taħdem fuq l-iżvilupp tas-sistemi tal-istatistika tal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali.

Bħala parti mill-konsultazzjonijiet bilaterali regolari tagħha mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, l-UE se ssaħħaħ l-iskambji u l-kooperazzjoni fir-rigward ta’ riformi makroekonomiċi, politiki finanzjarji, monetarji u fiskali kif ukoll ġestjoni tal-finanzi pubbliċi. Din se tippromwovi strateġiji għall-ġestjoni tad-dejn u swieq ta’ bonds domestiċi u se tiffaċilita riformi tal-oqfsa tal-politika monetarja u superviżjoni tas-sistema finanzjarja.

Jenħtieġ li inizjattivi speċifiċi f’dan il-qasam jinkludu:

ØIl-promozzjoni ta’ titjib fl-ambjent tan-negozju u tal-investiment u l-appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat, b’mod partikolari intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, permezz ta’ djalogu u kooperazzjoni minn negozju għal negozju bejn l-UE u l-Asja Ċentrali, djalogu settorjali u assistenza teknika

ØIl-promozzjoni ta’ ġemellaġġi biex jiġi kondiviż l-għarfien u l-bini tal-kapaċità tal-amministrazzjonijiet tal-Asja Ċentrali f’aspetti ewlenin tar-riformi ekonomiċi

ØIl-kondiviżjoni tal-għarfien dwar l-iżvilupp ta’ sistemi tal-istatistika

2.2.    L-Iffaċilitar ta’ Kummerċ u Investiment Intrareġjonali u Interreġjonali

Jeħtieġ li jsir aktar xogħol flimkien biex jiġu indirizzati l-limiti struttrali li għadhom jillimitaw il-potenzjal għal kummerċ u investiment bejn l-UE u l-Asja Ċentrali 16 , jittejbu l-kummerċ u l-investiment intrareġjonali 17 , u tiġi żgurata integrazzjoni aktar profonda tal-Asja Ċentrali fl-ekonomija globali.

L-UE se tkompli tħeġġeġ u tappoġġja l-adeżjoni fid-WTO tal-istati kollha tal-Asja Ċentrali. L-implimentazzjoni tal-impenji tad-WTO se jgħinu lill-istati tal-Asja Ċentrali biex jiftħu l-ekonomiji tagħhom, isaħħu l-kompetittività internazzjonali tagħhom, jintegraw fil-katini tal-valur globali u jipparteċipaw fl-iffurmar ta’ governanza ekonomika globali. Il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u ż-żieda tal-fiduċja fin-negozju fir-reġjun se jinkludu l-promozzjoni tal-adeżjoni fil-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) tad-WTO.

Billi tibni fuq l-esperjenza tagħha fil-mekkaniżmi ta’ integrazzjoni reġjonali, l-UE se tappoġġja l-isforzi biex jiġu ffaċilitati kummerċ u investiment intrareġjonali fl-Asja Ċentrali, inkluż billi tikkondividi l-esperjenza u l-aħjar prattiki dwar l-indirizzar ta’ ostakoli nontariffarji għall-kummerċ u tippromwovi konverġenza u armonizzazzjoni regolatorja, li l-integrazzjoni tagħhom f’sistema ta’ standardizzazzjoni internazzjonali mmexxija mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni u l-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali u sistema ta’ kwalità solida wrew li huma fondazzjonijiet essenzjali.

L-UE se tuża l-EPCAs u l-programmi ta’ kooperazzjoni teknika biex tippromwovi l-konverġenza jew il-kompatibbiltà ma’ regoli tal-UE u standards tekniċi internazzjonali u Ewropej u biex tneħħi l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ. Dawn l-isforzi se jiffaċilitaw aċċess reċiproku għas-suq u joħolqu opportunitajiet għall-aċċess għas-suq għall-operaturi ekonomiċi tal-Asja Ċentrali fuq l-iskala globali, peress li r-regoli u l-istandards tal-UE huma rikonoxxuti madwar id-dinja. L-intensifikazzjoni tad-djalogu dwar il-miżuri sanitarji u fitosanitarji għat-tisħiħ tas-sistemi tas-sikurezza tal-ikel fil-pajjiżi tal-Asja Ċentrali tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u n-negozji lokali u jiġi ffaċilitat il-kummerċ mal-UE.

L-UE se tkompli tikkoopera mal-istati tal-Asja Ċentrali biex ittejjeb l-aċċess reċiproku għas-suq tal-oġġetti u s-servizzi. L-UE se ssaħħaħ l-isforzi biex tgħin lill-pajjiżi benefiċjarji tal-Asja Ċentrali jagħmlu użu aħjar mill-aċċess preferenzjali unilaterali għas-suq tal-UE pprovdut mill-GSP u GSP+, li jista’ jistimula l-esportazzjonijiet u d-diversifikazzjoni ekonomika kif ukoll standards tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, u jikkumplimenta l-EPCAs b’mod adegwat.

L-UE se ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Asja Ċentrali biex tippromwovi l-konformità ma’ standards doganali internazzjonali tal-UE, l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali u d-WTO biex jiġu avvanzati s-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni ta’ proċeduri doganali. L-UE se ssaħħaħ il-kooperazzjoni mar-reġjun biex tiġġieled il-kummerċ illeċitu, il-frodi transfruntiera u tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ksur fid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Din se tipprowovi aktar skambju ta’ informazzjoni biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Abbażi tal-esperjenza tagħha, l-UE se tkompli tippromwovi l-użu u l-iżvilupp ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi mill-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, li jistgħu jgħinuhom biex jiddiversifikaw il-produzzjoni agrikola tagħhom lejn valur miżjud ogħla.

Jenħtieġ li inizjattivi speċifiċi f’dan il-qasam jinkludu:

ØL-intensifikazzjoni tal-kondiviżjoni tal-esperjenza tal-UE u l-aħjar prattiki dwar l-indirizzar ta’ ostakoli nontariffarji għall-kummerċ u l-promozzjoni ta’ konverġenza u armonizzazzjoni regolatorji

ØL-appoġġ tal-adeżjoni għad-WTO u l-GPA, inkluż permezz ta’ assistenza teknika

ØL-intensifikazzjoni tad-djalogu dwar il-miżuri sanitarji u fitosanitarji għat-tisħiħ tas-sistemi tas-sikurezza tal-ikel.

ØIl-kondiviżjoni tal-esperjenza fir-rigward ta’ standardizzazzjoni u infrastruttura ta’ kwalità biex jiġu ffaċilitati l-kummerċ intrareġjonali u l-kummerċ mal-UE

ØIl-promozzjoni tas-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri doganali u l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ kummerċ elettroniku transfruntiera

ØIt-tisħiħ tal-kooperazzjoni teknika lejn użu aħjar tal-aċċess preferenzjali unilaterali għas-suq tal-UE pprovdut mill-GSP u l-GSP+

ØIl-kondiviżjoni tal-esperjenza dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi biex tgħin fid-diversifikazzjoni tal-produzzjoni agrikola

2.3.    Il-Promozzjoni ta’ Konnettività Sostenibbli

L-iżvilupp ta’ konnettività Ewro-Asjatika għandu l-potenzjal li jrendi benefiċċji sinifikanti għall-Asja Ċentrali permezz ta’ infrastruttura aħjar, diversifikazzjoni ekonomika u integrazzjoni fil-katini tal-valur reġjonali u globali. L-UE għandha interess qawwi fl-iżvilupp ta’ kurituri ta’ kummerċ li jiffunzjonaw bejn l-Ewropa u l-Asja kif ukoll fl-iżgurar li l-konnettività tiżviluppa b’mod sostenibbli, miftuħ, inklużiv u bbażat fuq ir-regoli, b’hekk toħloq ambjent sostenibbli għal investiment sostenibbli u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għan-negozju fl-Asja Ċentrali.

F’konformità mal-Istrateġija dwar il-Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja 18 tagħha u tuża l-oqfsa eżistenti ta’ kooperazzjoni, l-UE se tistabbilixxi, fejn xieraq, sħubiji dwar konnettività sostenibbli mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, billi ssegwi prinċipji tas-suq, tiggarantixxi trasparenza u abbażi ta’ standards internazzjonali. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni f’dan il-qasam tiffoka fuq it-trasport, l-enerġija u l-konnessjonijiet diġitali, kif ukoll il-kuntatti bejn il-persuni. Din se tgħin biex trendi benefiċċji sostenibbli għall-Asja Ċentrali lil hinn mill-vantaġġi assoċjati mal-istatus tagħhom bħala pajjiżi ta’ tranżitu, u se tgħin lill-pajjiżi tal-Asja Ċentrali biex jilħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l-miri tal-klima.

Il-kombinazzjoni tal-investiment privat Ewropew u tal-programmi ta’ kooperazzjoni reġjonali tal-UE li kkontribwixxew għar-rabta tal-Ewropa mal-viċinat tagħha u l-Asja Ċentrali mill-bidu tas-snin disgħin għamlu lill-UE attur ewlieni fil-promozzjoni tal-konnettività Ewro-Asjatika. Sforzi internazzjonali mġedda f’dan il-qasam, inkluż l-estensjoni tan-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) għall-pajjiżi tal-viċinat tal-UE, l-Inizjattiva Belt u Triq taċ-Ċina u inizjattivi oħra, jistgħu joħolqu opportunitajiet sinifikanti biex jindirizzaw il-ħtiġijiet ewlenin tal-Asja Ċentrali.

L-UE u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali se jsaħħu l-kooperazzjoni u jiżguraw sinerġiji fl-ippjanar ta’ konnettività tat-trasport u fl-istipular ta’ oqfsa regolatorji meħtieġa, inkluż biex jikkollegaw il-qafas TEN-T żviluppat tajjeb ma’ netwerks fl-Asja Ċentrali, inklużi permezz tal-Kawkasu tan-Nofsinhar u ma’ netwerks reġjonali 19 . Dan għandu l-għan li jikseb konnessjonijiet tat-trasport bl-art ibbilanċjati u sostenibbli bejn il-Lvant-Punent u t-Tramuntana-Nofsinhar, b’mod partikolari billi jibni fuq ix-xogħol tal-Kooperazzjoni Ekonomika Reġjonali tal-Asja Ċentrali. Biex tilħaq dan l-għan, l-UE tista’ toffri għajnuna teknika u tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ infrastruttura sostenibbli kif xieraq biex tgħin lis-sħab tagħha jippjanaw is-sistemi ta’ trasport tagħhom u tiżgura l-interkonnessjoni tagħhom. L-UE se tikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bl-art billi tippromwovi mobbiltà elettrika, sew fuq l-art jew bil-ferroviji, u se tagħti attenzjoni dovuta għall-iżvilupp ta’ trasport bl-ajru u avjazzjoni ċivili, inkluż kwistjonijiet ta’ sigurtà.

Aktar kooperazzjoni bejn l-UE u l-Asja Ċentrali fil-ġestjoni tal-fruntieri, inkluż kooperazzjoni msaħħa fuq il-ġestjoni tal-fruntieri integrata moderna, kif ukoll il-promozzjoni ta’ sistemi ta’ tranżitu doganali kompatibbli se tappoġġja l-isforzi biex tiġi żviluppata l-konnettività fit-trasport.

L-UE se tkompli tiffoka fuq it-titjib tar-rwol tal-Asja Ċentrali fil-kontribut għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u d-diversifikazzjoni ta’ fornituri, sorsi u rotot tal-UE, inkluż il-valutazzjoni tal-possibbiltà li jinbena l-Pipeline Trans-Kaspjan. L-UE se tikkoopera mal-Asja Ċentrali biex tippromwovi l-oqfsa regolatorji, it-teknoloġiji u l-ħiliet meħtieġa biex jitnaqqsu l-ispejjeż, jiġu żviluppati sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u teknoloġiji tal-iffrankar tal-enerġija u jiġi mmobilizzat l-investiment permezz ta’ taħlit u inċentivi finanzjarji oħra. L-UE se tgħin biex timmodernizza d-distribuzzjoni tal-elettriku permezz ta’ grilji deċentralizzati intelliġenti u reżiljenti u tiżviluppa interkonnessjonijiet bejn il-pajjiżi, biex tistimula l-kummerċ tal-elettriku reġjonali u interreġjonali.

L-UE u l-Asja Ċentrali se jtejbu l-kooperazzjoni fl-ekonomija diġitali, b’fokus fuq il-promozzjoni ta’ aċċess għal konnettività broadband affordabbli, miftuħa u sigura u għal infrastruttura diġitali, inkluż billi jiġu adottati r-riformi regolatorji meħtieġa; jiġi appoġġjat l-iżvilupp u ż-żamma ta’ riċerka ta’ kapaċità għolja u netwerks ta’ edukazzjoni; jiġu promossi l-litteriżmu u l-ħiliet diġitali; titrawwem intraprenditorija diġitali u l-ħolqien tal-impjiegi; u jiġu żviluppati oqsma bħall-Gvern elettroniku u l-Edukazzjoni elettronika. Minħabba n-natura trasversali tagħha, id-diġitalizzazzjoni se tkun aspett ewlieni tal-kooperazzjoni tal-UE mal-Asja Ċentrali f’oqsma bħal ġestjoni integrata tal-fruntieri, riforma tal-amministrazzjoni pubblika, kummerċ, trasport u infrastruttura tal-enerġija kif ukoll appoġġ għall-SMEs. L-UE se ssaħħaħ l-iskambju ta’ esperjenza fil-fora xierqa dwar il-libertà tal-internet u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni.

Il-kooperazzjoni fir-rigward tal-użu tan-navigazzjoni tal-ippożizzjonar bis-satellita Galileo u s-servizzi tal-ħin jistgħu jiffaċilitaw il-konnettività tat-trasport u jipprovdu applikazzjonijiet għall-enerġija u għan-netwerks tat-telekomunikazzjoni.

L-UE se taħdem mill-qrib flimkien mal-pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet reġjonali u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali biex tippromwovi s-sostenibbiltà u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fil-konnettività biex tilħaq l-interessi konġunti tal-Asja Ċentrali u l-UE. L-UE se tfittex sinerġiji ma’ sħab ewlenin oħra involuti fil-promozzjoni tal-konnettività Ewro-Asjatika, inkluż fil-proċess Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM). Jenħtieġ li l-impenn tal-UE biex tappoġġja proġetti ta’ konnettività sostenibbli jikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità globali tal-proġetti ta’ investiment minn atturi oħra fir-reġjun.

L-UE se tuża l-istrumenti finanzjarji, għotjiet u garanziji tagħha u self tal-BEI kif ukoll se taħdem ma’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali u banek ta’ żvilupp multilaterali biex timmobilizza l-kapital pubbliku u b’mod partikolari l-kapital privat għal proġetti ta’ konnettività sostenibbli fl-Asja Ċentrali.

Jenħtieġ li inizjattivi speċifiċi f’dan il-qasam jinkludu:

ØIt-tisħiħ ta’ kooperazzjoni bilaterali u interreġjonali biex tiżgura konnettività sostenibbli effettiva

ØIl-kontribut għall-iżvilupp ta’ kurituri tat-trasport bejn l-UE u l-Asja Ċentrali, abbażi tal-estensjoni tan-netwerks TEN-T.

ØL-intensifikazzjoni ta’ djalogi bilaterali taħt il-Memoranda ta’ Qbil eżistenti dwar il-Kooperazzjoni tal-Enerġija u l-organizzazzjoni kif xieraq ta’ konferenzi reġjonali ad hoc dwar l-enerġija

ØL-użu ta’ finanzjament u taħlit innovattiv biex iħeġġeġ aktar investiment ekoloġiku, b’mod partikolari fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza fl-enerġija

ØL-użu ta’ strumenti tal-UE (bħal għotjiet, taħlit u garanziji) kif ukoll l-intensifikazzjoni ta’ konsultazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali u atturi rilevanti oħra biex jappoġġjaw proġetti ta’ konnettività sostenibbli

2.4.    L-Investiment fiż-Żgħażagħ, fl-Edukazzjoni, fl-Innovazzjoni u fil-Kultura

L-iżvilupp tal-ħiliet se jkun essenzjali għall-kompetittività u l-koeżjoni soċjali tal-Asja Ċentrali. Jenħtieġ li l-promozzjoni ta’ edukazzjoni ta’ kwalità, impjegabbiltà u opportunitajiet ta’ xogħol diċenti għall-popolazzjoni żagħżugħa u għan-nisa tal-Asja Ċentrali jgħinu biex ir-reġjun jissodisfa d-domandi ta’ teknoloġiji li qed jinbidlu b’mod rapidu u jipprovdu l-forza tax-xogħol b’ħiliet meħtieġa biex titwettaq diversifikazzjoni ekonomika u jiġu attirati investituri barranin. L-għoti ta’ edukazzjoni u impjiegi ta’ kwalità, inkluż f’żoni rurali, inkluż għall-bniet u għan-nisa, se jibqa’ kondizzjoni ewlenija biex tiġi evitata l-emigrazzjoni ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet kif ukoll ir-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti.

L-UE se tappoġġja kooperazzjoni interreġjonali u intrareġjonali biex tibni kapaċità u żżid il-kwalità tal-edukazzjoni, edukazzjoni għolja u edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali. Din se tippromwovi sinerġiji bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol kif ukoll edukazzjoni diġitali.

L-UE tista’ tuża l-programm Erasmus+ biex tgħin lill-universitajiet tal-Asja Ċentrali jimmodernizzaw u jilħqu l-miri tal-proċess ta’ Bolonja dwar l-edukazzjoni għolja u l-prinċipji ta’ Torino dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Jenħtieġ li l-UE tfittex li tiżviluppa studji Ewropej fl-universitajiet tal-Asja Ċentrali. Jenħtieġ li l-universitajiet tal-Istati Membri tal-UE jiġu mħeġġa biex jistabbilixxu aktar sħubiji u fergħat ma’ universitajiet tal-Asja Ċentrali kif ukoll jiżviluppaw taħriġ tal-lingwi fir-reġjun.

L-UE se tesplora l-possibbiltà li tgħin lill-Asja Ċentrali tiżviluppa żona ta’ edukazzjoni għolja reġjonali, billi tibbaża fuq l-eżempju ta’ Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA). Din tippermetti lill-pajjiżi tar-reġjun biex jimmodernizzaw is-sistemi ta’ edukazzjoni għolja tagħhom, li jagħmluhom kompatibbli ma’ xulxin filwaqt li jsaħħu l-mekkaniżmi ta’ garanzija tal-kwalità u rikonoxximent tagħhom.

L-UE se ssaħħaħ il-kooperazzjoni fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, f’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, biex tippromwovi l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u ta’ adulti f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja, biex tirrispondi għall-ħtiġijiet tal-ekonomiji li qed jittrasformaw tal-Asja Ċentrali u tal-investituri Ewropej fir-reġjun.

Il-kooperazzjoni tal-UE mal-Asja Ċentrali fir-riċerka u fl-innovazzjoni tista’ tgħin biex tindirizza b’mod aktar effettiv l-isfidi tar-reġjun filwaqt li ttejjeb il-kuntatti bejn il-persuni. L-iskambjar tal-għarfien u teknoloġiji innovattivi fl-indirizzar tal-isfidi tal-klima, l-ilma u l-ambjent kif ukoll is-sigurtà alimentari u l-enerġija nadifa u rinnovabbli jgħin biex javvanza l-kooperazzjoni reġjonali billi l-politiki jiġu infurmati b’evidenza soda, affidabbli u aċċessibbli. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni tar-riċerka fl-agrikoltura, fis-saħħa, fit-trasport ekoloġiku u fl-iżvilupp urban sostenibbli jkun ukoll ta’ benefiċċju reċiproku. Jenħtieġ li l-universitajiet tal-UE u tal-Asja Ċentrali u organizzazzjonijiet ta’ riċerka jkomplu jippromwovu l-mobbiltà tar-riċerkaturi u l-iskambju tal-persunal inkluż permezz tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie.

F’konformità mal-Istrateġija dwar il-Kultura fir-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 20 , u billi tibni fuq il-wirt kulturali tal-Asja Ċentrali tal-kuritur tat-“Triq tal-Ħarir”, l-UE se tiżviluppa kooperazzjoni kulturali mar-reġjun biex tippromwovi sħubiji, koproduzzjonijiet u skambji fl-oqsma ta’ industriji kulturali u kreattivi, djalogu interkulturali u preservazzjoni tal-wirt kulturali. L-UE se ssaħħaħ ix-xogħol mal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura u istituzzjonijiet kulturali Ewropej ewlenin għal dan il-għan. L-UE se tippromwovi l-mobbiltà ta’ artisti u professjonisti tal-kultura permezz ta’ skambji, taħriġ u residenzi, filwaqt li jistgħu jiġu mħeġġa wkoll mobbiltà u skambji fl-isport.

L-UE se tappoġġja riċerka dwar l-Asja Ċentrali u dwar relazzjonijiet bejn l-UE u l-Asja Ċentrali u se tippromwovi aktar opportunitajiet għal interazzjoni bejn riċerkaturi u ħassieba mill-UE u l-Asja Ċentrali.

Jenħtieġ li inizjattivi speċifiċi f’dan il-qasam jinkludu:

ØIż-żieda fl-għadd u d-diversifikazzjoni tal-profil tal-benefiċjarji mill-Asja Ċentrali tal-programmi Horizon, Erasmus+ u Marie Skłodowska-Curie

ØIż-żieda tal-kooperazzjoni fir-riċerka u fl-innovazzjoni interreġjonali u intrareġjonali fl-oqsma tal-ilma, l-ikel u l-ambjent

ØL-istimulazzjoni ta’ mobbiltà intrareġjonali u internazzjonali ta’ studenti, persunal u riċerkaturi, kif ukoll studenti u ħarrieġa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali

ØL-għajnuna lill-Asja Ċentrali biex tiżviluppa skema ta’ kooperazzjoni reġjonali ispirata mill-EHEA

ØL-istabbiliment ta’ djalogu u l-promozzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, l-għoti tas-setgħa lin-nisa u politiki tal-impjieg

ØIl-promozzjoni ta’ djalogu aktar b’saħħtu bejn l-UE, l-awtoritajiet tal-Asja Ċentrali, organizzazzjonijiet tan-negozju u sħab soċjali dwar nuqqasijiet fil-ħiliet u modernizzazzjoni tas-suq tax-xogħol

3.    NAĦDMU FLIMKIEN AĦJAR

L-UE se timmira li tippromwovi approċċ koerenti għall-Asja Ċentrali, billi tiżgura li l-politiki settorjali jgħinu biex jindirizzaw sfidi dejjem aktar interkonnessi. Jenħtieġ li l-Istrateġija l-ġdida tal-UE tiġi implimentata b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri u għandhom jiġu stabbiliti aktar sinerġiji bejn il-punti pożittivi u r-riżorsi rispettivi tagħhom.

3.1.    It-Tisħiħ tal-Istruttura tas-Sħubija u l-Involviment tas-Soċjetajiet Ċivili u l-Parlamenti

L-istabbiliment istituzzjonali attwali tad-djalogu interreġjonali jikkonsisti mil-Laqgħa tal-Ministri Barranin tal-UE u l-Asja Ċentrali annwali, mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi-President tal-Kummissjoni li jirrappreżenta lill-UE, u d-Djalogu Politiku u tas-Sigurtà ta’ Livell Għoli bejn l-UE u l-Asja Ċentrali annwali f’livell ministerjali.

Jenħtieġ li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi-President tal-Kummissjoni u l-Ministri Barranin tal-Asja Ċentrali jiltaqgħu wkoll b’mod informali, kull meta jkun meħtieġ, fuq il-livell tal-laqgħat annwali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNGA), laqgħat tal-Kunsill Ministerjali tal-OKSE u laqgħat u konferenzi internazzjonali oħra.

Biex jikkumplimentaw dan, jistgħu jiġu kkunsidrati Laqgħat tal-Uffiċjali Superjuri tal-UE u l-Asja Ċentrali ad hoc.

Il-qafas istituzzjonali għar-relazzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi tal-Asja Ċentrali se jissaħħaħ hekk kif l-EPCAs jiġu konklużi u jidħlu fis-seħħ, bi djalogi regolari dwar id-drittijiet tal-bniedem li jikkumplimentaw laqgħat regolari f’livell ministerjali jew uffiċjali superjuri.

Peress li l-UE u l-Asja Ċentrali għandhom l-istess impenn għal-liġi internazzjonali u ordni globali bbażata fuq ir-regoli man-NU fil-qofol tagħha, l-UE se ssaħħaħ il-kooperazzjoni f’fora multilaterali u reġjonali.

Minħabba r-rwol kostruttiv li l-Parlament Ewropew kellu fl-arrikkiment tal-aġenda komuni tas-sħubija bejn l-UE u l-Asja Ċentrali, jenħtieġ lijiġi mħeġġeġ aktar djalogu interparlamentari, permezz ta’ żjarat regolari. L-UE se timmira li torganizza aktar żjarat ta’ livell għoli fir-reġjun.

L-UE se tintensifika wkoll l-isforzi biex tippromwovi involviment aktar mill-qrib mas-soċjetà ċivili, gruppi ta’ riflessjoni, gvernijiet lokali, is-settur tan-negozju, sħab soċjali, organizzazzjonijiet kulturali, akkademiċi u żgħażagħ. Il-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili se tkun aspett importanti tal-programmazzjoni tal-kooperazzjoni tal-iżvilupp tal-UE, li se tfittex li ssaħħaħ il-ħila tas-soċjetà ċivili biex tippromwovi responsabbiltà u trasparenza tal-gvern.

Il-laqgħa ministerjali annwali bejn l-UE u l-Asja Ċentrali tista’ tiġi kkumplimentata minn laqgħat ta’ “Forum bejn l-UE u l-Asja Ċentrali” li jlaqqa’ flimkien rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, akkademiċi u ħassieba kif ukoll uffiċjali mill-UE u l-Asja Ċentrali. Dawn il-laqgħat jippermettu lis-soċjetajiet ċivili biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-sħubija bejn l-UE u l-Asja Ċentrali u biex tiżdied il-viżibilità tagħha.

L-UE se tintensifika konsultazzjonijiet dwar l-affarijiet tal-Asja Ċentrali ma’ sħab tal-istess ħsieb u oħrajn rilevanti biex tiżviluppa fehim u kooperazzjoni reċiproka fl-oqsma fejn jikkonverġu l-interessi.

Jenħtieġ li inizjattivi speċifiċi f’dan il-qasam jinkludu:

ØL-organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ uffiċjali superjuri ad hoc bejn il-laqgħat regolari tad-Djalogu Politiku u tas-Sigurtà ta’ Livell Għoli bejn l-UE u l-Asja Ċentrali u l-laqgħat Ministerjali

ØL-organizzazzjoni ta’ konsultazzjonijiet ministerjali informali fuq il-livell ta’ UNGA u l-iżvilupp ta’ fehim komuni u konverġenza ta’ pożizzjonijiet fin-NU u fora multilaterali oħra

ØL-intensifikazzjoni ta’ konsultazzjonijiet dwar l-affarijiet tal-Asja Ċentrali ma’ partijiet terzi

ØL-involviment ulterjuri tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp tas-sħubija bejn l-UE u l-Asja Ċentrali, inkluż billi jiġi stabbilit “Forum bejn l-UE u l-Asja Ċentrali” informali

ØIt-tħeġġiġ ta’ kuntatti u żjarat interparlamentari aktar frekwenti

3.2.    Il-Kooperazzjoni għal Impatt Għoli

Fl-aħħar deċennju, l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu sieħeb ewlieni ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-Asja Ċentrali 21 . L-UE se tkompli tuża l-istrumenti finanzjarji disponibbli biex tappoġġja r-reġjun u tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi u jiġu massimizzati l-opportunitajiet tas-sħubija bejn l-UE u l-Asja Ċentrali. L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Asja Ċentrali se tiggwida l-kooperazzjoni tal-UE mar-reġjun fis-snin li ġejjin. L-impenji tal-laqgħat taħt l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti se jkunu element ewlieni tal-involviment tal-UE. Id-djalogu mas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali se jikkontribwixxi wkoll għad-definizzjoni tal-prijoritajiet tal-UE għall-Asja Ċentrali. Se tkun meħtieġa aktar sinerġija mal-iżvilupp ta’ politiki ta’ kooperazzjoni tal-Istati Membri.

L-iżvilupp tal-kooperazzjoni waħdu mhuwiex se jippermetti li jintlaħqu l-SDGs, u dan se jkun jeħtieġ li jintuża bħala katalist biex jattira kapital privat għat-tkabbir. Jenħtieġ li l-UE tagħmel l-aħjar użu possibbli tas-sett ta’ għodod ta’ assistenza ta’ żvilupp usa’ fir-reġjun, inkluż modalitajiet innovattivi ta’ kooperazzjoni, bħal ġemellaġġi u fokus akbar fuq l-investiment. L-EPCAs se jipprovdu opportunitajiet għal djalogu tal-politika intensifikat mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali f’firxa wiesgħa ta’ setturi li se jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-SDGs.

Il-kooperazzjoni mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali se tkompli taqdi rwol importanti fl-ingranaġġ ta’ finanzjament pubbliku u privat għal żvilupp sostenibbli fl-Asja Ċentrali.

Jenħtieġ li inizjattivi speċifiċi f’dan il-qasam jinkludu:

ØL-organizzazzjoni ta’ djalogi ta’ politika bejn l-UE u l-Asja Ċentrali f’setturi speċifiċi u l-appoġġ għal dawn id-djalogi b’operazzjonijiet ta’ ġemellaġġ

ØL-intensifikazzjoni, fejn xieraq, tal-kooperazzjoni ma’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali

3.3.    It-tisħiħ tal-Profil tas-Sħubija

Sabiex jissaħħaħ il-profil tal-UE fl-Asja Ċentrali, l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jiżviluppaw strateġija ta’ komunikazzjoni aktar dinamika u mmirata aħjar, li tippreżenta r-raġuni għall-involviment tagħha u tissottolinja l-opportunitajiet, li s-sħubija tal-UE u l-Asja Ċentrali tista’ trendi għar-reġjun u għaċ-ċittadini tiegħu. Dan se jeħtieġ b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ messaġġi komuni u l-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ komunikazzjoni, inkluż permezz tal-midja soċjali u teknoloġiji tal-komunikazzjoni ġodda oħra, għall-attenzjoni taż-żgħażagħ tar-reġjun, dawk li jfasslu opinjonijiet, dawk li jinfluwenzaw fuq il-midja soċjali, is-soċjetà ċivili, l-akkademiċi u l-midja ġenerali.

Jenħtieġ li inizjattivi speċifiċi f’dan il-qasam jinkludu:

ØL-iżvilupp ta’ sistema ta’ messaġġi komuni aktar sistematiċi u t-titjib tal-użu ta’ portals tal-web u tal-midja soċjali biex jenfasizza l-benefiċċji tanġibbli tal-involviment tal-UE fir-reġjun



***

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew huma mistiedna jappoġġjaw l-approċċ u l-azzjonijiet ippreżentati f’din il-Komunikazzjoni Konġunta.

(1)

     L-UE u l-Asja Ċentrali: Strateġija għal Sħubija Ġdida, 10113/07 tal-31 ta’ Mejju 2007.

(2)

     Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b’Saħħitha. Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, Ġunju 2016.

(3)

     Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-Ġdid, Id-Dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna, ĠU 2017/C 210/01 tat-30 ta’ Ġunju 2017.

(4)

     Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja – Elementi fundamentali għal Strateġija tal-UE – Konklużjonijiet tal-Kunsill, 13097/18 tal-15 ta’ Ottubru 2018.

(5)

     L-Afganistan – Konklużjonijiet tal-Kunsill, 13098/17 tas-16 ta’ Ottubru 2017.

(6)

     Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, Riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta’ Settembru 2015.

(7)

     L-UE ffirmat EPCA mal-Każakistan. Hemm negozjati tal-EPCA għaddejjin mal-Kirgiżistan u l-Użbekistan. It-Taġikistan esprima interess biex jinvolvi ruħu fin-negozjati tal-EPCA. L-EPCAs joħolqu qafas li mhux esklużiv għall-parteċipazzjoni f’inizjattivi ta’ kooperazzjoni oħrajn, bħal Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles u l-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika, li tagħhom il-Każakstan u l-Kirgiżistan huma membri.

(8)

     L-Inizjattiva Spotlight hija inizjattiva konġunta bejn l-UE u n-NU li għandha l-għan li telimina l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet.

(9)

     Il-pajjiżi kollha tal-Asja Ċentrali huma membri tal-OSKE.

(10)

     Iffirmat fit-12 ta’ Diċembru 2015.

(11)

     Diplomazija fil-qasam tal-Ilma – Konklużjonijiet tal-Kunsill, 13991/18 tad-19 ta’ Novembru 2018.

(12)

     Konvenzjoni fuq il-Protezzjoni u l-Użu ta’ Passaġġi tal-ilma Transkonfinali u Għadajjar Internazzjonali, magħmula f’Helsinki, fis-17 ta’ Marzu 1992.

(13)

     Iffirmat fit-12 ta’ Awwissu 2018 f’Aktau.

(14)

     Nofs il-popolazzjoni tar-reġjun għandha inqas minn 20 sena u l-ekonomiji tal-Asja Ċentrali jeħtieġ li jassorbu miljun parteċipant ġdid fis-suq tax-xogħol kull sena.

(15)

     L-idrokarburi u l-minerali rrappreżentaw kważi 60 % tal-esportazzjonijiet totali tar-reġjun fl-2018.

(16)

     Fl-2018, l-UE kklassifikat fost l-aqwa ħames sħab kummerċjali u ta’ investiment ta’ kull stat tal-Asja Ċentrali iżda l-kummerċ mar-reġjun xorta rrappreżenta inqas minn wieħed fil-mija tal-kummerċ totali tal-UE.

(17)

     Il-kummerċ intrareġjonali ammonta għal 5 % tal-kummerċ totali tar-reġjun fl-2018.

(18)

     Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja – Elementi fundamentali għal Strateġija tal-UE – Konklużjonijiet tal-Kunsill, 13097/18 tal-15 ta’ Ottubru 2018.

(19)

     Pajjiżi tal-Asja Ċentrali se jiġu kkonsultati dwar l-Istudju Konġunt dwar il-Kurituri tat-Trasport Komprensiv Sostenibbli ibbażati fuq ferroviji bejn l-Ewropa u ċ-Ċina kif determinat fil-qafas tal-Pjattaforma ta’ Konnettività UE-Ċina.

(20)

     Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali” JOIN(2016) 29 final tat-8 ta’ Ġunju 2016.

(21)

     L-UE allokat EUR 1.1 biljun biex tiżviluppa kooperazzjoni mal-Asja Ċentrali taħt iċ-ċiklu baġitarju 2014-2020.