Brussell, 8.5.2019

JOIN(2019) 8 final

RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong: Rapport Annwali 2018


RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Reġjun Speċjali Amministrattiv ta' Hong Kong: Rapport Annwali 2018

Sommarju

Minn meta Hong Kong għadda f’idejn ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) fl-1997, l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri tagħha segwew mill-qrib l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali (RAS) ta’ Hong Kong taħt il-prinċipju ta’ “pajjiż wieħed, żewġ sistemi”. F’konformità mal-impenn li ngħata lill-Parlament Ewropew fl-1997, jinħareġ rapport annwali dwar l-iżviluppi f’Hong Kong. Dan huwa l-21 rapport, u jkopri l-iżviluppi li saru fl-2018. L-UE taderixxi mal-politika tagħha ta’ “Ċina waħda” u tappoġġa l-prinċipju ta’ “pajjiż wieħed, żewġ sistemi” kif ukoll l-implimentazzjoni tiegħu.

Madankollu, l-2018 kienet sena li rrappreżentat sfida għal Hong Kong. L-iżviluppi politiċi wasslu lill-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli u Viċi President (RGħ/VP) biex joħroġ dikjarazzjonijiet fi tliet okkażjonijiet separati: dwar ir-restrizzjonijiet tad-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet, il-projbizzjoni ta’ partit politiku, u rifjut motivat politikament biex tiġġedded il-viża tax-xogħol għal ġurnalist barrani.

Il-maġġoranza tal-aspetti tal-prinċipju “pajjiż wieħed, żewġ sistemi” jibqgħu jiffunzjonaw tajjeb. Madankollu, matul is-sena li għaddiet, żdied it-tħassib relatat mad-deterjorament ta’ dan il-prinċipju, li huwa l-bażi tas-suċċess ekonomiku ta’ Hong Kong. Hemm tendenza negattiva ċara fir-rigward tad-deterjorament tad-drittijiet ċivili u politiċi. Din it-tendenza tagħti lok għal tħassib leġittimu dwar jekk il-grad għoli ta’ awtonomija ta’ Hong Kong u l-attraenza tiegħu bħala ċentru ta’ negozju internazzjonali huwiex se jibqa’ jinżamm fit-tul. Il-komunità tan-negozju qed issegwi dawn l-iżviluppi u fl-2018 diversi kmamar tal-kummerċ għamlu dikjarazzjonijiet pubbliċi biex jesprimu t-tħassib tagħhom.

Il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-informazzjoni huma ġeneralment irrispettati f’Hong Kong. Madankollu, il-libertà tal-espressjoni qed tiffaċċja sfidi bla preċedent, b’mod partikolari fir-rigward ta’ suġġetti politiċi sensittivi.

L-għadd għoli mhux tas-soltu ta’ mistoqsijiet u rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Hong Kong matul l-eżami perjodiku universali (EPU) tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward taċ-Ċina li twettaq f’Novembru 2018 jirrifletti wkoll it-tħassib tal-komunità internazzjonali fir-rigward tad-deterjorament tad-drittijiet ċivili u politiċi f’Hong Kong fis-snin reċenti. It-titjib tal-protezzjoni ta’ drittijiet tal-bniedem oħra, bħad-drittijiet tal-ħaddiema migranti, tat-tfal u tal-persuni LGBTI, kien ukoll is-suġġett tar-rakkomandazzjonijiet biex tittieħed azzjoni ulterjuri taħt l-EPU.

Minkejja diversi każijiet politikament sensittivi, b’mod ġenerali l-istat tad-dritt kien prevalenti u l-ġudikatura kompliet turi l-indipendenza tagħha u l-aderenza konsistenti tagħha ma’ proċess ġust.

L-istat tad-dritt, il-qafas regolatorju trasparenti, il-livelli baxxi ħafna ta’ korruzzjoni u kriminalità, flimkien ma’ amministrazzjoni pubblika effiċjenti u ġudikatura indipendenti kkontribwew għall-preservazzjoni u t-trawwim tal-klima favorevoli għall-investiment li tinsab fil-qalba tas-suċċess ta’ Hong Kong. Hong Kong baqa’ ċentru kummerċjali u finanzjarju internazzjonali kompetittiv kif ukoll iċ-ċentru ewlieni dinji għall-kummerċ maċ-Ċina kontinentali, u ċentru importanti għaż-żona tal-Asja-Paċifiku. Hong Kong issa jilqa’ fih aktar minn 2 200 kumpanija tal-UE, li madwar nofshom qed jużaw Hong Kong bħala l-kwartieri ġenerali reġjonali jew l-uffiċċji reġjonali tagħhom.

Fl-2018 ġew inawgurati żewġ proġetti ta’ infrastruttura ewlenin li jgħaqqdu lil Hong Kong mal-kontinent: link ferrovjarju b’veloċità għolja li jgħaqqad lil Hong Kong man-netwerk ferrovjarju mifrux fuq 25 000 km tal-kontinent, u l-Pont Hong Kong-Zhuhai-Macao. Kemm il-link ferrovjarju kif ukoll il-pont żiedu l-konnettività tal-ibliet taż-Żona tal-Bajja l-Kbira u se jikkontribwixxu għal integrazzjoni akbar mal-kontinent, filwaqt li jippreżentaw kemm opportunitajiet ġodda kif ukoll sfidi ġodda.

Għalkemm il-proċess jidher li waqaf b’mod indefinit, l-UE tħeġġeġ lir-RAS ta’ Hong Kong u lill-awtoritajiet tal-gvern ċentrali biex ikomplu r-riforma elettorali f’konformità mal-Liġi Bażika, u biex jintlaħaq ftehim dwar sistema elettorali li hija demokratika, ġusta, miftuħa u trasparenti. Il-vot universali jagħti lill-gvern appoġġ pubbliku akbar u leġittimità sabiex jintlaħqu l-għanijiet ekonomiċi ta’ Hong Kong u jiġu indirizzati l-isfidi soċjoekonomiċi tiegħu.

Żviluppi politiċi

L-2018 kienet sena mimlija avvenimenti politiċi. Hong Kong iffaċċja sfidi ġodda fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, bħad-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet u l-libertà ta’ espressjoni jew assoċjazzjoni. Il-Kelliem ħareġ tliet dikjarazzjonijiet 1 f’anqas minn sena, ħaġa li qatt ma kienet saret qabel.

L-ispazju għal oppożizzjoni politika f’Hong Kong qed jonqos. Diversi kandidati tal-oppożizzjoni, inklużi Agnes Chow u l-eks leġiżlatur Lau Siu-Lai, ġew ipprojbiti milli joħorġu għall-elezzjonijiet każwali tal-Kunsill Leġiżlattiv (LegCo) minħabba l-affiljazzjoni politika jew il-fehmiet tagħhom. Dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu mill-uffiċjal elettorali li nħatar mill-Kummissjoni għall-Affarijiet Elettorali, u ġew difiżi sussegwentement mill-gvern. Il-komunità legali f’Hong Kong ikkontestat il-legalità u l-kostituzzjonalità tagħhom. F’Diċembru, il-membru attwali ta’ LegCo Eddie Chu ma tħalliex joħroġ għal elezzjoni rappreżentattiva rurali minħabba l-pożizzjoni politika tiegħu.

Il-kandidati li jiġu rrifjutati jistgħu jressqu petizzjoni elettorali u jitolbu li jsir rieżami ġudizzjarju iżda dan jista’ jdum diversi snin u b’hekk ma jipprovdix rimedju legali effiċjenti. Id-dritt tal-kandidatura f’elezzjoni mingħajr restrizzjonijiet mhux raġonevoli huwa ggarantit mill-Abbozz ta’ Liġi dwar id-Drittijiet ta’ Hong Kong u mill-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) li Hong Kong irratifika. L-UE titlob lir-RAS ta’ Hong Kong biex jirrispetta dawn id-drittijiet.

Fl-aħħar ftit snin, Hong Kong esperjenza it-tfaċċar ta’ moviment lokalista li jitlob awtodeterminazzjoni jew saħansitra indipendenza. Għalkemm l-opinjonijiet favur l-indipendenza ftit li xejn għandhom appoġġ fis-soċjetà u l-ebda appoġġ internazzjonali, dawn iqajmu mistoqsijiet dwar il-konfini bejn il-libertà ta’ espressjoni leġittima u l-inċitament provokanti. Dawn għad iridu jiġu ċċarati legalment. Fl-aħħar sena, il-gvern tar-RAS ta’ Hong Kong, b’sostenn mill-gvern ċentrali, adotta politika ġdida ta’ tolleranza żero fir-rigward ta’ kwalunkwe aċċenn għal “awtodeterminazzjoni” jew “indipendenza”, minħabba raġunijiet relatati mas-sigurtà nazzjonali u l-ksur tal-Liġi Bażika.

Fl-24 ta’ Settembru, is-Segretarju għas-Sigurtà pprojbixxa l-operat jew l-operat kontinwu tal-Partit Nazzjonali ta’ Hong Kong (HKNP). HKNP kien favur l-indipendenza ta’ Hong Kong permezz ta’ mezzi paċifiċi bħad-distribuzzjoni ta’ fuljetti, l-organizzazzjoni ta’ diskussjonijiet pubbliċi u protesti silenzjużi. Is-sħubija tiegħu kienet żgħira ħafna. Din hija l-ewwel darba li ġie pprojbit partit politiku f’Hong Kong. Il-komunità legali ta’ Hong Kong ikkontestat id-deċiżjoni minħabba li ma kellhiex bażi legali, kienet sproporzjonata, u mhux konformi mal-ġurisprudenza internazzjonali dwar tali kwistjonijiet. Hemm probabbiltà kbira li d-deċiżjoni se tħalli effett usa’ dissważiv fuq il-libertà tal-espressjoni u assoċjazzjoni u fuq l-attività politika.

Fil-5 ta’ Ottubru, il-gvern irrifjuta li jġedded il-viża tax-xogħol ta’ Victor Mallet, Editur tal-Financial Times tal-Asja u Viċi President tal-Klabb tal-Korrispondenti Barranin. F’Awwissu, Mallet mexxa diskussjoni li saret mill-attivist favur l-indipendenza Chan Ho-tin tal-HKNP li ssemma hawn fuq meta l-partit kien għadu mhuwiex pprojbit. Fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni alternattiva kredibbli, jidher li d-deċiżjoni li ttieħdet kienet motivata minn raġunijiet politiċi. Tali pressjoni fuq il-ġurnalisti hija bla preċedent f’Hong Kong u tikkawża tħassib serju dwar l-eżerċitar tal-libertà tal-istampa. Qed ikun hemm tħassib dejjem akbar dwar il-fatt li l-ġurnalisti qed jipprattikaw l-awtoċensura. Hong Kong huwa kburi bil-fatt li huwa belt internazzjonali miftuħa fejn il-libertà tal-espressjoni mhijiex ikkontestata u l-libertà tal-istampa u tal-informazzjoni hija rrispettata bis-sħiħ. Ir-restrizzjoni tax-xogħol tal-ġurnalisti, inkluż dak tal-ġurnalisti barranin, tagħmel ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ Hong Kong u l-kredenzjali tiegħu bħala ċentru finanzjarju u kummerċjali.

Barra minn hekk, fit-8 ta’ Novembru Victor Mallet ma ngħatax viża tad-dħul għat-turisti f’Hong Kong. Din kienet it-tieni darba f’sena li Hong Kong irrifjuta d-dħul ta’ ċittadin tal-UE, apparentement minħabba raġunijiet politiċi (wara Benedict Rogers f’Ottubru 2017).

L-istat tad-dritt għadu pjuttost b’saħħtu, il-proċeduri ġudizzjarji u l-proċess ġust huma rrispettati bis-sħiħ. L-indipendenza tal-ġudikatura mhijiex ikkontestata. Fis-snin reċenti kien hemm għadd ta’ każijiet politikament sensittivi, u xi wħud minnhom għadhom għaddejjin 2 . F’diversi okkażjonijiet fl-2018, il-Qorti tal-Appell Finali rrevokat sentenzi ta’ ħabs relatati mal-parteċipazzjoni f’azzjonijiet ta’ protesta. F’Diċembru, il-Qorti neħħiet ir-restrizzjonijiet li ġew imposti fuq żona ta’ dimostrazzjoni popolari barra l-kwartieri ġenerali tal-gvern (magħrufa bħala l-Pjazza Ċivika), filwaqt li fakkret lill-gvern dwar l-importanza tal-libertà ta’ għaqda.

Madankollu, l-isforzi attivi ta’ prosekuzzjoni mill-gvern u l-pożizzjoni iebsa tiegħu fir-rigward ta’ reati relatati ma’ protesti, bħal assemblea illegali, diġà qed iħallu effetti dissważivi fuq is-soċjetà ċivili, l-attiviżmu politiku u fl-aħħar mill-aħħar fuq il-proċess demokratiku.

Xi politiċi kkontestaw ir-rwol tal-imħallfin barranin fil-qrati ta’ Hong Kong, billi sostnew li dawn jistgħu jipperikolaw is-sigurtà nazzjonali. Madankollu, il-Kap Eżekuttiv sostna bil-qawwa li se jiddefendi l-prattika peress li hija ta’ benefiċċju għall-istat tad-dritt ta’ Hong Kong.

Fil-11 ta’ Marzu u fil-25 ta’ Novembru saru elezzjonijiet każwali biex jiġu sostitwiti ħames leġiżlaturi mis-sitta li ġew skwalifikati. L-elezzjonijiet ipproċedew mingħajr ostakoli kbar. Il-pandemokratiċi rebħu lura żewġ siġġijiet biss. Il-leġiżlaturi progovernattivi għad għandhom il-kontroll tagħhom fuq il-leġiżlatura.

L-arranġament ta’ kolokazzjoni tal-ferrovija b’veloċità għolja li qajjem diversi kontroversji ġie approvat minn LegCo u daħal fis-seħħ fl-2018. Il-link ferrovjarju b’veloċità għolja lejn iċ-Ċina beda jopera f’Settembru 2018. Il-ferrovija se ttejjeb il-konnettività bejn Hong Kong u ċ-Ċina iżda l-arranġament ta’ kolokazzjoni stess huwa kontroversjali. L-art kontinentali ngħatat kważi ġurisdizzjoni esklussiva f’żona deżinjata tat-territorju tar-RAS, magħrufa bħala ż-Żona tal-Port Kontinentali. Diversi rieżamijiet ġudizzjarji kkontestaw il-legalità ta’ dan l-arranġament ta’ kolokazzjoni u l-kompatibbiltà tiegħu mal-prinċipju ta’ “pajjiż wieħed, żewġ sistemi” u d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Bażika. Fit-12 ta’ Diċembru, il-Qorti tal-Ewwel Istanza ddeċidiet li l-arranġament huwa kostituzzjonali u jista’ jibqa fis-seħħ; x’aktarx id-deċiżjoni se tiġi appellata.

Il-Konsulati Ġenerali tal-Istati Membri tal-UE f'Hong Kong ġew innotifikati formalment dwar l-arranġamenti l-ġodda fir-rigward tal-għajnuna u l-protezzjoni konsulari fiż-Żona tal-Port Kontinentali biss fit-3 ta' April 2019 3 .

Fl-2017, Gui Minhai, ċittadin Żvediż u l-aħħar wieħed mill-bejjiegħa tal-kotba “nieqsa” (li l-każijiet tagħhom għadhom ma ġewx iċċarati b’mod sodisfaċenti), ġie rilaxxat mill-awtoritajiet kontinentali wara li għeb fl-2015. Madankollu, huwa reġa’ ġie arrestat f’Jannar 2018. Fl-24 ta’ Jannar 2018, il-Kelliem tar-RGħ/VP ħareġ dikjarazzjoni 4 fejn talab ir-rilaxx immedjat tiegħu. Gui Minhai għadu jinżamm taħt detenzjoni. Rappreżentanti għoljin tal-UE qajmu l-każ tiegħu quddiem l-awtoritajiet Ċiniżi f’għadd ta’ okkażjonijiet.

Opportunitajiet indaqs, drittijiet u libertajiet

Hong Kong igawdi livell għoli ta’ libertà. Il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-midja u l-libertà tal-informazzjoni taħt il-prinċipju ta’ “pajjiż wieħed, żewġ sistemi” huma komponenti essenzjali tas-setgħa u tas-suċċess ta’ Hong Kong bħala ċentru kummerċjali globali.

Minkejja li l-midja f’Hong Kong għadha tgawdi livell għoli ta’ libertà, il-problemi ilhom jakkumulaw għal diversi snin. Fl-2018, il-gwardjan internazzjonali tal-libertà tal-istampa Reporters Mingħajr Fruntieri kklassifika lil Hong Kong fis-70 post minn 180, u enfasizza l-indħil dejjem akbar min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi fil-midja. Fir-Rapport Annwali tal-2018 tagħha, l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti ta’ Hong Kong sostniet li l-maġġoranza tal-ġurnalisti qiesu li l-libertà tal-istampa kienet agħar mill-2017. L-aktar kwistjoni ta’ ħsara għal-libertà tal-istampa kienet id-deċiżjoni li ħa l-gvern ta’ Hong Kong biex ma jġeddidx il-viża tax-xogħol tal-editur tal-Financial Times tal-Asja (ara hawn fuq).

Hemm indikazzjonijiet li l-awtoċensura qiegħda dejjem tiżdied, pereżempju d-deċiżjoni li ttieħdet minn ċentru tal-arti biex jikkanċella l-parteċipazzjoni tal-kittieb Ċiniż eżiljat Ma Jian f’festival letterarju minħabba l-fehmiet politiċi tiegħu. Għalkemm iċ-ċentru reġġa’ lura d-deċiżjoni tiegħu aktar tard, l-inċident huwa sintomatiku tar-restrizzjoni l-ġdida u l-awtoċensura li jistgħu jkunu ta’ detriment għal-libertà tal-espressjoni.

Xi suġġetti politiċi, b’mod partikolari l-awtodeterminazzjoni u l-indipendenza, jidhru li saru tabù mingħajr qafas legali xieraq sabiex jiġu kkjarifikati r-restrizzjonijiet. Dan jestendi wkoll għal diskussjonijiet akkademiċi. B’mod ġenerali, Hong Kong kompla jgawdi libertà akkademika iżda hemm sinjali ċari ta’ ndħil politiku dejjem akbar fil-kampusijiet tal-università.

Hong Kong irċieva attenzjoni bla preċedent matul l-eżami perjodiku universali (EPU) tan-NU fir-rigward taċ-Ċina, li twettaq f’Novembru 2018. Kien hemm 12-il pajjiż li uża s-seduta ta’ smigħ tal-EPU biex jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem f’Hong Kong. Il-mistoqsijiet/ir-rakkomandazzjonijiet kienu relatati ma’: (i) l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ “pajjiż wieħed, żewġ sistemi”; (ii) il-każ ta’ Gui Minhai; (iii) l-isfidi għal-libertà tal-espressjoni, tal-istampa u ta’ assoċjazzjoni; (iv) id-drittijiet tal-persuni LGBTI, tal-ħaddiema migranti u tat-tfal. Ħames Stati Membri tal-UE staqsew mistoqsijiet jew għamlu rakkomandazzjonijiet dwar Hong Kong. Għadd ta’ NGOs ta’ Hong Kong iffurmaw koalizzazzjoni bi tħejjija għall-EPU biex iqajmu l-kwistjonijiet b’mod aktar effiċjenti.

Fir-rigward tad-drittijiet tal-persuni LGBTI, Hong Kong ma għandux liġi komprensiva kontra d-diskriminazzjoni li tkopri d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru. Madankollu, tliet kawżi importanti favur l-ugwaljanza tal-persuni LGBTI fl-2018 jistgħu jiffurmaw il-bażi għal tali leġiżlazzjoni. Fl-4 ta’ Lulju, il-Qorti tal-Appell Finali ddeċidiet li l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni jridu jagħtu viżi tal-konjuġi lis-sħab tal-istess sess. Żewġ kawżi oħra għadhom pendenti.

It-traffikar tal-bnedmin jibqa’ kwistjoni ta’ tħassib. Fis-snin reċenti, il-gvern ta’ Hong Kong saħħaħ l-isforzi tiegħu biex jindirizza l-kwistjoni, jiġifieri bl-adozzjoni reċenti ta’ pjan ta’ azzjoni.

F’Marzu 2018, kumitat ta’ tmexxija interbureau/dipartimentali ta’ livell għoli ppresedut mis-Segretarju Ġenerali għall-Amministrazzjoni approva pjan ta’ azzjoni biex jindirizza t-traffikar tal-bnedmin u tejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema domestiċi barranin f’Hong Kong. Il-pjan jiddeskrivi pakkett ta’ miżuri li jkopru l-identifikazzjoni, il-protezzjoni u l-appoġġ lill-vittimi, l-investigazzjoni, l-infurzar, il-prosekuzzjoni u l-prevenzjoni kif ukoll is-sħubija ma’ partijiet ikkonċernati differenti. Il-pjan ta’ azzjoni huwa pass tajjeb iżda ma jistax jissostitwixxi qafas legali komprensiv.

L-UE hija impenjata li tkompli l-kooperazzjoni tagħha ma’ Kong Hong biex tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin. Fl-2018, l-Uffiċċju tal-UE, f’kooperazzjoni mal-Uffiċċju tas-Segretarju għas-Sigurtà ta’ Hong Kong, organizza t-tielet sessjoni ta’ ħidma dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittimi tiegħu.

Il-ħaddiema domestiċi barranin, li f’Hong Kong hemm madwar 370 000 minnhom, komplew isofru minn nuqqas ta’ xogħol u protezzjoni soċjali xierqa. Żewġ liġijiet eżistenti huma ta’ tħassib partikolari, jiġifieri r-rekwiżit ta’ residenza għand l-impjegatur u r-regola ta’ “ġimagħtejn”, skont liema ħaddiema domestiċi barranin għandhom isibu impjieg fi żmien ġimagħtejn wara t-tmiem tal-kuntratt tagħhom jew jiffaċċjaw deportazzjoni. Il-gvern ħa passi biex tittieħed azzjoni serja dwar il-jasar tad-dejn u l-malprassi mill-aġenziji tal-impjiegi. Il-pjan ta’ azzjoni li ssemma hawn fuq biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin u tittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema domestiċi barranin għandu jipprovdi qafas biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema domestiċi barranin. Pereżempju, f’Diċembru 2018, id-Dipartiment tax-Xogħol stabbilixxa hotline ddedikat biex jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema domestiċi barranin fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi relatati mal-impjiegi, it-talbiet għall-għajnuna jew l-ilmenti tagħhom. Il-hotline jopera 24 siegħa kuljum u hemm disponibbli servizzi ta’ interpretazzjoni.

Il-faqar u l-inugwaljanza soċjali: minkejja l-prosperità u s-surplus baġitarju sinifikanti ta’ Hong Kong, madwar 1,37 miljun persuna, wieħed minn kull ħames residenti, issa huma kklassifikati uffiċjalment bħala foqra mill-Kummissjoni għall-Faqar tal-gvern. Il-faqar żdied b’rata kontinwa matul dawn l-aħħar 10 snin, kif żdied ukoll l-għadd ta’ persuni “sinjuri ħafna”. B’riżultat ta’ dan, Hong Kong huwa wieħed mill-aktar bliet inugwali fid-dinja (kif imkejjel skont il-koeffiċjenti Gini tiegħu). Id-distakk qed jikber, bl-10 % tal-aktar unitajiet domestiċi sinjuri jaqilgħu 44 darba aktar mill-ifqar 10 %.

Is-sistema ta’ kontra l-korruzzjoni baqgħet vigoruża u reżiljenti. Hong Kong għandu standards għoljin ħafna ta’ trasparenza u miżuri kontra l-korruzzjoni. L-awtoritajiet u l-mexxejja politiċi u tan-negozju jirrikonoxxu l-fatt li t-trasparenza hija vitali biex tinżamm il-pożizzjoni b’saħħitha ta’ Hong Kong bħala ċentru tal-kummerċ internazzjonali.

Relazzjonijiet bejn Hong Kong u ċ-Ċina kontinentali

Permezz ta’ inizjattivi bħaż-Żona tal-Bajja l-Kbira, Belt and Road, u l-ferrovija b’veloċità għolja, il-pont il-ġdid u bosta inizjattivi ekonomiċi u soċjali oħra, Hong Kong qed jiġi integrat dejjem aktar fl-iżvilupp nazzjonali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Jidher li, wara d-19-il Kungress tal-Partit Komunista Ċiniz (2017), kien hemm fehim ġdid tal-prinċipju ta’ “pajjiż wieħed, żewġ sistemi”, tal-grad għoli ta’ awtonomija ta’ Hong Kong u tal-prinċipju ta’ “Hong Kong amministrat min-nies ta’ Hong Kong”. Il-kunċetti ta’ “ġurisdizzjoni komprensiva”, u “governanza kondiviża”, flimkien ma’ enfasi akbar fuq il-limiti relatati mas-sigurtà nazzjonali u l-integrità territorjali, inisslu tħassib dwar il-futur f’ċerti partijiet tas-soċjetà ta’ Hong Kong.

Id-dokument ta’ politika taċ-Ċina dwar l-Unjoni Ewropea li ġie ppubblikat fit-18 ta’ Diċembru 2018 jiddikjara li “l-gvern ċentrali taċ-Ċina jappoġġja u jħeġġeġ lill-gvernijiet tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong u tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Macao fl-iżvilupp ta’ kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku u ta’ ħbiberija f’tali oqsma bħall-ekonomija, il-kummerċ, il-kultura u t-turiżmu mal-UE u l-Istati Membri tagħha skont il-prinċipju ta’ “pajjiż wieħed, żewġ sistemi” u d-dispożizzjonijiet taż-żewġ Liġijiet Bażiċi. Peress li Hong Kong u l-Macao huma r-reġjuni amministrattivi speċjali taċ-Ċina, l-affarijiet tagħhom jagħmlu parti mill-affarijiet interni taċ-Ċina u ma għandux ikun hemm indħil min-naħa tal-UE.”

Hemm tensjonijiet rikorrenti bejn iċ-ċittadini ta’ Hong Kong u l-viżitaturi mill-art kontinentali, li rriżultaw fi protesti, pereżempju wara l-influss tat-turisti mill-art kontinentali wara l-ftuħ tal-Pont Hong Kong-Zhuhai-Macao. F’Settembru, aktar minn 400 suldat bl-uniformi tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu Ċiniż intbagħtu fil-Park tal-Pajjiż ta’ Hong Kong biex jgħinu jneħħu s-siġar li tqaċċtu matul it-tifun. Il-leġiżlaturi pandemokratiċi u partijiet mis-soċjetà ta’ Hong Kong esprimew tħassib dwar din l-azzjoni bħala sinjal ieħor tad-deterjorament tal-prinċipju ta’ “pajjiż wieħed, żewġ sistemi”.

Żviluppi ekonomiċi

Fil-livell makroekonomiku, ir-ritmu ekonomiku ta’ Hong Kong qed jonqos. Il-bażijiet ekonomiċi tiegħu għadhom sodi. Is-suq tax-xogħol baqa’ b’livell massimu ta’ impjiegi, b’rata tal-qgħad ta’ 2,8 % fl-aħħar tliet xhur tal-2018, l-aktar livell baxx f’aktar minn 20 sena. Il-pressjoni tal-inflazzjoni baqgħet moderata. L-inflazzjoni tal-prezz tal-konsumaturi sottostanti kienet ta’ 2,4 % fl-2018.

Madankollu, ir-ritmu ekonomiku naqas b’mod sinifikanti matul is-sena. L-ekonomija kibret bi 3 % fl-2018 (meta mqabbla ma’ 3,8 % fl-2017) u rreġistrat tnaqqis gradwali minn 4,6 % fl-ewwel tliet xhur tas-sena għal 1,2 % biss fl-aħħar tliet xhur tas-sena. Din il-bidla primarjament tirrifletti tnaqqis kontinwu fiċ-Ċina kontinentali flimkien mal-effetti tal-gwerra kummerċjali li qed teskala bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina. Iż-żewġ fatturi jaffettwaw lis-settur estern u jħallu impatt negattiv fuq in-negozju u l-fiduċja tal-konsumaturi. Ir-ritmu tal-bejgħ bl-imnut naqas b’mod sinifikanti, il-kummerċ estern fil-merkanzija nbidel għal wieħed negattiv lejn l-aħħar tas-sena u s-suq tad-djar beda jbatti fit-tieni nofs. Is-suq tal-istokks irreġistra telf matul il-parti l-kbira tal-2018, iżda reġa’ beda jirkupra fil-bidu tal-2019.

L-inizjattivi tal-gvern għall-iżvilupp ekonomiku: Fid-Diskors Politiku tagħha li għamlet fl-2018, il-Kap Eżekuttiv Carrie Lam tenniet l-impenn tal-gvern lejn ekonomija diversifikata, billi ħabbret aktar finanzjament sinifikanti għall-qasam tar-riċerka, filwaqt li l-istess ħin tiġi ffaċilitata r-rindustrijalizzazzjoni (is-sussidjar ta’ faċilitajiet ta’ manifattura intelliġenti), jiġi promoss it-trasferiment tat-teknoloġija u jitniedu politiki ta’ akkwist tal-gvern favur l-innovazzjoni. Il-gvern huwa ddeterminat li jtejjeb l-istatus ta’ Hong Kong bħala ċentru ta’ kummerċ u ta’ negozju internazzjonali billi jiffirma aktar ftehimiet bilaterali u multilaterali. Dan jemmen li l-parteċipazzjoni fl-Inizjattiva Belt and Road taċ-Ċina u l-iżvilupp taż-Żona tal-Bajja l-Kbira joffru opportunitajiet biex jingħata impetu ġdid lill-ekomomija.

Is-suq immobiljari u s-settur tal-abitazzjoni: Megħjun minn rati baxxi tal-imgħax, likwidità eċċessiva, domanda qawwija mill-investituri u provvista limitata, is-suq immobiljari laħaq livelli rekord fl-2018. B’mod partikolari, għall-ewwel disa' xhur ta-sena, il-prezzijiet tal-proprjetà residenzjali privata żdiedu b’madwar 14 % meta mqabbla mal-2017, li għamlu lil Hong Kong wieħed mill-aktar swieq tad-djar għali fid-dinja. Is-suq immobiljari batta fl-aħħar tas-sena, filwaqt li kkontrobilanċja ż-żieda kollha tal-2018. Madankollu, Hong Kong jibqa’ ċ-ċentru urban l-inqas aċċessibbli fid-dinja għax-xerrejja tad-djar. Id-daqs medju ta’ appartamenti f’binjiet ġodda qiegħed dejjem jiċkien biex ikunu aktar affordabbli għal xerrejja ta’ djar ġodda. Hekk kif il-prezzijiet residenzjali u l-kirjiet fis-settur privat baqgħu jogħlew, id-domanda għall-akkomodazzjoni pubblika żdiedet aktar minn qatt qabel. Iż-żmien medju ta’ stennija għal abitazzjoni pubblika għall-kiri żdied għal 5,3 snin.

Fl-2018, l-awtoritajiet ta’ Hong Kong introduċew sett ta’ inizjattivi biex itejbu s-sitwazzjoni u jżidu l-provvista tad-djar. Dawn jinkludu l-iżvilupp mill-ġdid tal-proprjetà immobbli, ir-riallokazzjoni ta’ siti tad-djar privati għal djar tal-gvern u l-introduzzjoni ta’ rata speċjali fuq unitajiet residenzjali privati vakanti għall-ewwel darba.

In-negozji internazzjonali jsemmu l-prezzijiet għolja tal-proprjetà bħala r-raġuni ewlenija li wasslet biex Hong Kong tilef il-vantaġġ kompettitiv u l-attraenza tiegħu.

Il-politika dwar il-ħarsien tal-ambjent: Il-ħarsien tal-ambjent jibqa’ jippreżenta sfida sostanzjali għal Hong Kong. Dan beda jirċievi attenzjoni politika dan l-aħħar biss. Fid-Diskors Politiku ta’ din is-sena, it-tniġġis tal-arja ssemma biss b’rabta mat-traffiku, u l-miżuri mħabbra jiffukaw esklussivament fuq it-tnaqqis tal-konċentrazzjonijiet fit-toroq tas-sustanzi ewlenin li jniġġsu l-arja. Sabiex tittejjeb il-ġestjoni tal-iskart, sfida sinifikanti u urġenti, ġiet proposta skema li timponi tariffi fuq l-iskart solidu. Il-gvern ħabbar ukoll xi miżuri biex jitnaqqas l-iskart iġġenerat mill-plastik, għalkemm fil-binjiet tal-gvern biss. Sabiex jappoġġja l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli, il-gvern implimenta skema ta’ tariffa “feed-in”, ħabbar it-tnedija ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala kbira u qed jippjana li jnaqqas ir-restrizzjonijiet fuq l-installazzjoni ta’ sistemi fotovoltaċji solari.

Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni: Fid-Diskors Politiku tagħha li għamlet fl-2018, il-Kap Eżekuttiv Carrie Lam wiegħdet li tiżviluppa Hong Kong bħala ċentru internazzjonali tal-innovazzjoni u tat-teknoloġija, bl-istabbiliment ta’ sensiela ta’ miżuri biex jixprunaw l-iżvilupp fl-industriji tal-innovazzjoni u tat-teknoloġija u dawk kreattivi. Il-gvern stabbilixxa wkoll għan li jirdoppja n-nefqa fuq ir-R&Ż bħala perċentwal tal-PDG minn 0,73 % għal 1,5 %. Id-Diskors Politiku tal-2018 ġedded l-impenn lejn dawn l-għanijiet u ħabbar finanzjament addizzjonali għall-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll għar-rindustrijalizzazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġija. Madankollu, l-approċċ għall-innovazzjoni jidher li jiffoka esklussivament fuq l-avvanzi teknoloġiċi u jista’ jibbenefika minn approċċ aktar olistiku u integrat.

Relazzjonijiet ekonomiċi maċ-Ċina kontinentali

Hong Kong huwa pjattaforma importanti għall-art kontinentali: fl-2018, 57 % tal-esportazzjonijiet mill-ġdid ta’ Hong Kong oriġinaw miċ-Ċina kontinentali, u 55 % kienu destinati għaċ-Ċina kontinentali.

Hong Kong huwa l-akbar sors ta’ investiment dirett barrani fiċ-Ċina, kif ukoll id-destinazzjoni ewlenija għall-fluss ta’ ħruġ tal-investiment dirett barrani (IDB) taċ-Ċina. Sal-aħħar tal-2018, 46,3 % tal-proġetti kollha ffinanzjati minn pajjiżi oħra li ġew approvati fiċ-Ċina kontinentali kienu marbuta mal-interessi ta’ Hong Kong. Min-naħa l-oħra, sal-aħħar tal-2017, l-istokk tal-IDB taċ-Ċina dirett lejn Hong Kong kien jammonta għal USD 981 biljun, jew 54,2 % tal-fluss ta’ ħruġ totali tal-IDB. Proporzjon mhux negozjabbli ta’ dan l-investiment huwa l-investiment fit-teknoloġija. Hong Kong kien is-seba’ l-akbar sors ta’ importazzjonijiet tat-teknoloġija għaċ-Ċina fir-rigward tal-valur tal-kuntratt (USD 879 miljun), li ammontaw għal 2,9 % tat-total (data tal-2016).

Hong Kong huwa ċentru essenzjali offshore għall-ġbir tal-kapital għall-kumpaniji Ċiniżi. Minn Diċembru 2018, f’Hong Kong ġew elenkati 1 137 kumpanija kontinentali, b’kapitalizzazzjoni tas-suq totali ta’ madwar USD 2,6 triljun, jew 68 % tat-total tas-suq.

Hong Kong kompla jiżviluppa r-relazzjoni tiegħu mal-art kontinentali skont il-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv Ċina-Hong Kong (CEPA). Fl-14 ta’ Diċembru 2018, Hong Kong u ċ-Ċina ffirmaw Ftehim dwar il-Kummerċ tal-Merkanzija taħt is-CEPA. Mill-1 ta’ Jannar 2019, il-merkanzija li toriġina minn Hong Kong importata fl-art kontinentali se tibbenefika minn żero tariffi. Il-ftehim il-ġdid jintroduċi wkoll aktar impenji biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ mal-art kontinentali u kapitolu ġdid li jirrigwarda speċifikament miżuri li jiffaċilitaw il-kummerċ fiż-Żona tal-Bajja l-Kbira Guangdong-Hong Kong-Macao. Tħabbru wkoll żewġ miżuri ġodda għall-kummerċ fis-servizzi taħt is-CEPA, li se jiġu implimentati mill-1 ta’ Marzu 2019.

Iż-Żona tal-Bajja l-Kbira (GBA) Guangdong-Hong Kong-Macao kompliet tikber b’mod prominenti. Il-Pjan ta’ Azzjoni li kien ilu tant mistenni għall-GBA finalment inħareġ fi Frar 2019 u identifika Hong Kong bħala waħda mill-erba’ bliet ewlenin fir-reġjun (flimkien ma’ Shenzhen, Guangzhou u l-Macao). Hong Kong għandu jaqdi rwol essenzjali fl-iżvilupp tal-GBA permezz tal-konsolidazzjoni tal-pożizzjoni tiegħu bħala ċentru tas-servizzi finanzjarji, tat-trasport u tal-kummerċ internazzjonali; l-istabbiliment tal-belt bħala ċ-ċentru għas-servizzi legali u ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim internazzjonali; it-tisħiħ tal-istatus tiegħu bħala ċentru tar-renminbi offshore globali; u l-iżvilupp tal-innovazzjoni u tat-teknoloġija. Tlestew xi proġetti ta’ infrastruttura impressjonanti li jgħaqqdu lill-ibliet tal-GBA. Fl-2018 saret l-inawgurazzjoni tal-link ferrovjarju b’veloċità għolja maċ-Ċina kontinentali u tal-Pont Hong Kong-Zhuhai-Macao b’distanza ta’ 55 km, l-aktar pont twil fid-dinja li jaqsam il-baħar.

Politika kummerċjali

F’Novembru 2018, fid-WTO saret ir-Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali ta’ Hong Kong. Kien hemm rikonoxximent unanimu li Hong Kong għadu wieħed mill-aktar ekonomiji miftuħa, li jħarsu ’l barra u liberali fid-dinja, b’xi wħud mill-ogħla pożizzjonijiet fl-indikaturi tad-dinja għal-libertà ekonomika, il-kompetittività u l-iffaċilitar tat-twettiq tan-negozju. Il-klima ta’ investiment favorevoli għan-negozju ta’ Hong Kong, il-lok, il-fornituri tas-servizzi esperjenzati, l-istat tad-dritt, l-ambjent regolatorju mhux strett u l-pożizzjoni unika tiegħu skont il-prinċipju ta’ “pajjiż wieħed, żewġ sistemi” tqiesu bħala s-sors tas-suċċess tiegħu u l-fattur essenzjali għall-kompetittività tiegħu fil-futur.

Hong Kong qed isegwi aktar ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u ta’ investiment, filwaqt li kkonkluda rekord ta’ ħames ftehimiet ta’ kummerċ ħieles fl-aħħar 18-il xahar. Fl-2018, Hong Kong iffirma ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Georgia f’Ġunju, u kkonkluda negozjati mal-Maldivi u mal-Awstralja f’Novembru. Hong Kong għandu sitt ftehimiet dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-investimenti li n-negozjati tagħhom tlestew u l-iffirmar għadu pendenti (l-Awstralja, il-Bahrain, il-Maldivi, il-Messiku, il-Myanmar, u l-EGħM). Barra minn hekk, bħalissa għaddejjin negozjati mar-Russja u mal-Iran.

Relazzjonijiet bilaterali u kooperazzjoni bejn l-UE u Hong Kong fl-2018

Skont l-aktar stħarriġ reċenti li twettaq mill-gvern tar-RAS ta’ Hong Kong (2018), aktar minn 2 200 kumpanija tal-UE stabbilew in-negozji tagħhom f’Hong Kong u madwar nofshom qed jużaw Hong Kong bħala l-kwartieri ġenerali reġjonali jew l-uffiċċji reġjonali tagħhom. Il-preżenza tan-negozji tal-UE tkopri varjetà wiesgħa ta' setturi, prinċipalment fis-servizzi finanzjarji u tan-negozju, fil-kummerċ, fil-loġistika, fil-kostruzzjoni u fil-bejgħ bl-imnut. Il-kumpaniji tal-UE huma atturi ewlenin f’firxa ta’ setturi tal-ekonomija ta’ Hong Kong, inklużi s-setturi bankarji, tal-assigurazzjoni u tat-titoli.

Fl-2018, Hong Kong kien l-20 l-akbar sieħeb kummerċjali fil-merkanzija tal-UE u kklassifika bħala t-tmien sieħeb kummerċjali tal-UE fl-Asja. L-esportazzjonijiet tal-merkanzija tal-UE lejn Hong Kong ammontaw għal EUR 36,6 biljun filwaqt li l-importazzjonijiet minn Hong Kong ammontaw għal EUR 9,9 biljun (tnaqqis ta’ 10,7 % sena wara sena), li rriżultaw f’surplus sostanzjali ta’ EUR 25,8 biljun, għall-UE, ir-raba’ l-ogħla surplus kummerċjali bilaterali tagħha. L-esportazzjonijiet ewlenin tal-UE tal-merkanzija lejn Hong Kong jinkludu makkinarju u tagħmir, ġojjellerija, ħwejjeġ, oġġetti lussużi, ikel, nbid, u karozzi.

Fl-2018, l-UE żammet il-pożizzjoni tagħha bħala t-tieni l-akbar sieħba kummerċjali ta’ Hong Kong wara ċ-Ċina kontinentali. L-UE kienet it-tieni l-akbar destinazzjoni tal-esportazzjonijiet ta’ Hong Kong u r-raba’ l-akbar fornitur tal-importazzjonijiet matul is-sena.

Hong Kong huwa pjattaforma importanti għall-kummerċ bejn iċ-Ċina u l-UE: fl-2017, kważi EUR 10 biljun tal-importazzjonijiet tal-art kontinentali mill-UE għaddew minn Hong Kong, filwaqt li l-esportazzjonijiet mill-ġdid tal-merkanzija li oriġinat mill-art kontinentali lejn l-UE ammontaw għal EUR 33 biljun.

Hong Kong huwa l-ħames sieħeb kummerċjali fis-servizzi l-aktar importanti tal-UE fl-Asja, wara ċ-Ċina, il-Ġappun, Singapore u l-Indja. Fl-2017 (l-aktar sena reċenti li dwarha hemm data disponibbli), il-kummerċ bilaterali fis-servizzi ammonta għal EUR 26,6 biljun. L-importazzjonijiet tal-UE ta’ servizzi minn Hong Kong laħħqu t-EUR 13,2-il biljun, filwaqt li l-esportazzjonijiet lejn Hong Kong laħħqu t-EUR 13,4-il biljun, li wassal għal surplus ta’ EUR 233 miljun għall-UE.

Il-flussi bidirezzjonali fl-investiment bejn l-UE u Hong Kong żdiedu b’mod sinifikanti:

Skont il-Eurostat, fl-2017, Hong Kong kien it-tielet l-aktar destinazzjoni popolari tal-IDB għall-UE (bi EUR 17,9-il biljun). L-istatistika ta’ Hong Kong turi li, bl-esklużjoni taċ-ċentri offshore, l-UE hija t-tieni l-akbar investitur barrani f’Hong Kong (wara ċ-Ċina kontinentali), b’total ta’ EUR 149 biljun, filwaqt li kkontribwiet 10 % tal-istokk totali tal-IDB sal-aħħar tal-2016 (l-aħħar data disponibbli). Il-preżenza ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kwalità għolja u l-ambjent regolatorju prevedibbli u l-istat tad-dritt ta’ Hong Konf huma fost ir-raġunijiet ewlenin għal dan.

Min-naħa tiegħu, fl-2017 Hong Kong sar l-akbar sors ta’ IDB fl-UE 5 (b’EUR 51,6 biljun). Il-pożizzjoni prominenti ta’ Hong Kong fir-relazzjonijiet ta’ investiment mal-UE hija parzjalment dovuta għall-fatt li proporzjon imdaqqas ta’ dak li jiġi rreġistrat statistikament bħala “IDB ta’ Hong Kong” fil-fatt joriġina mill-art kontinentali. Tabilħaqq, skont il-Kunsill ta’ Hong Kong għall-Iżvilupp fil-Kummerċ, aktar minn 60 % tal-investiment barrani Ċiniż huwa dirett lejn Hong Kong jew jgħaddi minnu. Bl-istess mod, perċentwal sinifikanti mill-IDB tal-UE fiċ-Ċina jgħaddi minn Hong Kong.

It-12-il laqgħa tad-Djalogu Strutturat annwali bejn l-UE u Hong Kong saret fi Brussell fis-7 ta’ Diċembru 2018. L-UE u Hong Kong qablu li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fid-WTO, filwaqt li wiegħdu li jaħdmu flimkien u jappoġġjaw l-isforzi kontinwi biex jirriformaw l-organizzazzjoni. Saru wkoll diskussjonijiet kostruttivi dwar l-eliminazzjoni tal-ostakoli fir-rigward tal-kummerċ bilaterali. Iż-żewġ naħat ħadu rendikont tal-progress li sar taħt il-Pjan ta’ Azzjoni kontinwu bejn l-UE u Hong Kong dwar il-Kooperazzjoni fl-Infurzar Doganali tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali u stennew bil-ħerqa kollaborazzjoni ulterjuri potenzjali taħt l-inizjattiva. Sar skambju tekniku dwar is-servizzi finanzjarji fil-marġini tad-Djalogu Strutturat. Din is-sena, għall-ewwel darba, sar ukoll skambju ddedikat dwar l-ekonomija ċirkolari. B’ħarsa ’l quddiem, l-UE u Hong Kong identifikaw l-ekonomija ċirkolari (inkluż l-iskart iġġenerat mill-plastik) bħala qasam importanti għal kooperazzjoni futura. L-UE tilqa’ l-inizjattivi l-ġodda tal-gvern ta’ Hong Kong f’dan il-qasam u tħeġġeġ lil Hong Kong iqis approċċ aktar ambizzjuż u komprensiv fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-ambjent. Il-kooperazzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari tista’ tkun kontribut pożittiv f’dan il-qasam.

Matul l-2018, l-UE u Hong Kong komplew jaħdmu flimkien fil-qasam tad-dwana, taħt pjan ta’ azzjoni biex tittejjeb il-protezzjoni tad-DPI ffinanzjat permezz tal-Qafas ewlieni tal-PI. Din is-sena, għall-ewwel darba, sar ukoll skambju ta’ żjarat minn uffiċjali doganali. Fir-rigward tal-valur tal-qbid, fir-Rapport tal-2017 tal-UE dwar l-infurzar doganali tad-DPI (li nħareġ fl-2018), Hong Kong għadu l-provinċija ewlenija ta’ oġġetti li jiksru d-DPI. Iż-żewġ naħat qed jirriflettu dwar kif jistgħu jtejbu aktar il-kooperazzjoni f’dan il-qasam.

F’Ottubru 2018, l-awtoritajiet ta’ Hong Kong ippubblikaw sejħa ġdida għal fondi biex jappoġġjaw lill-parteċipanti ta’ Orizzont 2020 mir-Reġjun Amministrattiv Speċjali (RAS). Ir-riċerkaturi, il-kumpaniji, l-istituzzjonijiet u l-universitajiet ta’ riċerka mir-RAS jistgħu jingħaqdu flimkien ma’ sħab Ewropej biex jieħdu sehem fi proġetti taħt Orizzont 2020 u jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni. Baġit totali ta’ HK$ 9 miljun (madwar EUR 1 miljun) huwa riżervat għall-eżerċizzju tal-2018/2019. Se jitqiesu proġetti kemm ta’ riċerka bażika kif ukoll ta’ riċerka applikata b’mertu akkademiku għoli.

Matul l-2018, l-UE mmonitorjat l-implimentazzjoni tal-impenji mwettqa minn Hong Kong fl-2017, li fuq din il-bażi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qabel li ma jqisx lil Hong Kong bħala ġurisdizzjoni mhux kooperattiva għall-finijiet tat-taxxa. B’mod partikolari, l-UE laqgħet l-estensjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Amministrattiva fil-Qasam Fiskali għar-RAS ta’ Hong Kong u l-attivazzjoni tal-ftehimiet meħtieġa dwar l-iskambju tal-informazzjoni mir-RAS ta’ Hong Kong. L-UE approvat il-valutazzjoni tal-OECD dwar it-tliet reġimi (iċ-Ċentri tat-Teżor Korporattiv, ir-Riassigurazzjoni Offshore u l-Assigurazzjoni Kaptiva Offshore) wara l-emendi li saru lil dawn ir-reġimi mir-RAS ta’ Hong Kong biex ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-OECD. Fi Frar 2019, Hong Kong emenda ż-żewġ reġimi li jifdal għal Fondi Offshore u Fondi ta’ Ekwità Privata Offshore sabiex jindirizza t-tħassib tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-karatteristiċi ta’ delimitazzjoni tagħhom. Abbażi ta’ dan, f’Marzu 2019, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qabel li Hong Kong kien wettaq l-impenji tiegħu fir-rigward tal-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa.

L-UE u Hong Kong komplew jaħdmu flimkien biex jiżdiedu l-kuntatti bejn il-persuni, b’mod partikolari fl-oqsma tal-kooperazzjoni akkademika, il-mobilità tal-istudenti, il-kultura u l-industriji kreattivi.

L-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea f’Hong Kong u fil-Macao, il-missjonijiet diplomatiċi tal-UE u l-istituti kulturali ħadmu flimkien biex itejbu l-profil tal-UE u involvew ruħhom ma’ sħab lokali fir-rigward ta’ diversi attivitajiet bejn il-persuni. Eżempji jinkludu l-Festival tal-Films tal-UE, il-parteċipazzjoni tal-UE fil-Fiera tal-Ktieb ta’ Hong Kong għat-tieni darba, il-Jum tal-Lingwi tal-UE, kompetizzjoni ta’ films qosra animati b’tema tal-UE ma’ skejjel lokali, kampanja dwar id-drittijiet tal-bniedem mifruxa fuq xahar biex jiġi kkommemorat is-70 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u diversi seminars iffokati fuq id-drittijiet tal-bniedem. L-UE tittama li tibni fuq dan ir-ritmu sabiex tkompli l-ħidma tagħha mal-gvern, mas-soċjetà ċivili u man-negozji ta’ Hong Kong biex tippromwovi l-iskambji dwar id-drittijiet u l-libertajiet.

L-ewwel żjara uffiċjali tal-Kap Eżekuttiv Carrie Lam fi Brussell saret f’Ġunju 2018. Il-Kap Eżekuttiv kellha diskussjonijiet produttivi mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, ir-Rappreżentant Għoli u Viċi President Federica Mogherini, u l-Kummissarju Cecilia Malmström.

Fl-2018, saru diversi żjarat ta’ livell għoli mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Membri tal-Parlament Ewropew f’Hong Kong. Ta’ min jinnota b’mod partikolari ż-żjarat li saru f’Ottubru mill-President tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, is-Sur Steven Maijoor li jirrappreżenta lill-UE fil-Forum Finanzjarju tal-Asja u mill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew. Fil-11 ta’ Lulju, il-Parlament Ewropew adotta rapport dwar l-istat tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina li jinkludi parti dwar Hong Kong. Il-Parlament Ewropew itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-prinċipju ta’ “pajjiż wieħed, żewġ sistemi” u jaqbel mal-valutazzjoni tar-rapport annwali tal-2017 tal-UE dwar id-deterjorament gradwali tiegħu.

(1)

 1) Id- Dikjarazzjoni tad-29 ta’ Jannar 2018 dwar id-deċiżjoni biex Agnes Chow ma titħalliex toħroġ għal elezzjoni każwali tal-Kunsill Leġiżlattiv  

2) Id- Dikjarazzjoni tal-24 ta’ Settembru 2018 dwar id-deċiżjoni biex jiġi pprojbit il-Partit Nazzjonali ta’ Hong Kong

3) Id- Dikjarazzjoni tat-8 ta’ Ottubru 2018 dwar ir-rifjut għal tiġdid ta’ viża għal ġurnalist barrani f’Hong Kong .

(2)

 Pereżempju, il-proċess tad-disa’ mexxejja ta’ Occupy Central li ġew akkużati b’inċitament għal fastidju pubbliku u akkużi simili ntemm f’Diċembru; is-sentenza hija mistennija li tingħata f’April 2019.

(3)

Fil-31 ta’ Jannar 2019, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina bagħat nota verbali lill-ambaxxati tal-Istati Membri f’Beijing biex jinfurmahom dwar l-arranġamenti ġodda.

(4)

https://eeas.europa.eu/headquarters/headquarters-homepage_en/38678/Statement%20on%20the%20detention%20of%20Gui%20Minhai.

(5)

 Bl-esklużjoni taċ-ċentri offshore.