Brussell, 17.12.2019

COM(2019) 650 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT

L-Istrateġija Annwali għall-Iżvilupp Sostenibbli 2020

{SWD(2019) 444 final}


Irrid Ewropa li tirsisti għal aktar f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġustizzja soċjali

u l-prosperità. Din hija l-wegħda li waqqfet lill-Ewropa.

Ursula von der Leyen, is-16 ta’ Lulju 2019

Daħla

It-tkabbir ekonomiku mhux skop fih innifsu L-ekonomija trid tkun ta’ ġid għan-nies u għall-pjaneta. Il-preokkupazzjonijiet fejn jidħlu l-klima u l-ambjent, il-progress tat-teknoloġija u t-tibdil demografiku waslu biex jittrasformaw is-soċjetajiet tagħna b’mod profond. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha issa jridu jirreaġixxu għal dawn it-trasformazzjoni strutturali permezz ta’ mudell ta’ tkabbir ġdid li jkun jirrispetta l-limitazzjonijiet fuq ir-riżorsi naturali tagħna, u jiżgura l-ħolqien tal-impjiegi u prosperità dejjiema għall-futur tagħna.

L-ekonomija Ewropea irnexxielha b’suċċess timxi ’il quddiem wara snin ta’ tmexxija finanzjarja f’atmosfera ta’ kriżi. Waqt li bħalissa tinsab fis-seba’ sena konsekuttiva ta’ tkabbir, il-prospetti esterni u ġeopolitiċi qegħdin jidhru aktar negattivi, l-inċertezza qiegħda tirrenja u l-Ewropa jidher li riesqa lejn perjodu ta’ tkabbir kajman u ta’ inflazzjoni baxxa.

Biex nibqgħu kompetittivi fid-dinja ta’ għada u biex niksbu l-għan tal-Ewropa li tilħaq in-newtralità klimatika, irridu issa nixħtu ħarsitna lejn l-indirizzar tal-isfidi li l-ekonomija għandha għat-tul. Id-dħul fil-kariga ta’ Kummissjoni ġdida b’Patt Ekoloġiku Ewropew ambizzjuż, bi prijoritajiet dwar Ewropa li tkun taħdem għan-nies u Ewropa li tkun lesta għall-era diġitali, huwa mument tajjeb għal bidu ġdid lejn dan il-mudell sostenibbli u ġdid ta’ tkabbir.

Din l-aġenda ekonomika trid tittrasforma l-Unjoni f’ekonomija sostenibbli, b’mod li tkun ta’ għajnuna biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jiksbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti li huma rabtu lilhom infushom magħhom. Trid tkun il-mutur tat-tranżizzjoni doppja, diġitali u klimatika, u takkumpanjaha, b’mod li tittrasforma l-Ekonomija tas-Suq Soċjali tagħna sabiex jiġi żgurat li l-Ewropa tibqa’ d-dar tas-sistemi ta’ benefiċċji soċjali l-aktar avvanzati fid-dinja u tkun ċentru vibranti ta’ innovazzjoni u ta’ imprenditorija kompetittiva.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija l-ġdida tagħna għat-tkabbir. Hija titfa’ s-sostenibbiltà – fis-sensi kollha tagħha – kif ukoll il-benesseri taċ-ċittadini fiċ-ċentru tal-azzjoni tagħna. Dan jirrekjedi l-ġabra flimkien ta’ erba’ dimensjonijiet: l-ambjent, il-produttività, l-istabbiltà u sens ta’ ġustizzja. 

Fil-qalba tal-istrateġija tagħna għat-tkabbir hemm erba’ dimensjonijiet kumplimentari.

L-ewwel nett, l-isforzi tagħna għandhom ikunu ffukati biex imexxu t-tranżizzjoni lejn kontinent b’ambjent favorevoli għan-natura u b’impatt newtrali fejn tidħol il-klima sal-2050, filwaqt li jiġi żgurat li kulħadd ikun jista’ jieħu vantaġġ mill-opportunitajiet li dan iġib miegħu.

It-tieni, billi tiżviluppa teknoloġiji ġodda u soluzzjonijiet sostenibbli, l-Ewropa tista’ tkun fuq quddiem fit-tkabbir ekonomiku fil-futur u ssir mexxej dinji f’dinja dejjem aktar diġitali, inkluż f’oqsma kruċjali li jolqtu is-sovranità teknoloġika tagħha, bħaċ-ċibersigurtà, l-intelliġenza artifiċjali u l-5G. It-teknoloġiji diġitali huma fawtur kruċjali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

It-tielet, l-Unjoni hemm bżonn li tlesti l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħha biex tara li l-għodod ekonomiċi kollha jkunu lesti u disponibbli f’każ li jkun hemm xi xokk ekonomiku negattiv qawwi. Ir-rwol internazzjonali tal-euro irid jissaħħaħ sabiex jikber il-piż tal-Ewropa fid-dinja u fis-swieq dinjija u biex id-ditti, il-konsumaturi u l-gvernijiet Ewropej jitħarsu minn żviluppi esterni sfavorevoli. Unjoni Ekonomika u Monetarja vibranti u reżiljenti, li tkun tistrieħ fuq pedamenti sodi pprovduti mill-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija l-aħjar mod kif tittejjeb l-istabbiltà finanzjarja fl-Ewropa u b’hekk, ir-rwol internazzjonali tal-euro.

Ir-raba’, l-aġenda ekonomika l-ġdida trid tara li t-tranżizzjoni tkun ġusta u inklussiva u li tpoġġi n-nies fl-ewwel post. Trid tagħti attenzjoni partikolari lejn ir-reġjuni, l-industriji u l-ħaddiema li se jkollhom jagħmlu l-akbar tranżizzjonijiet.

Fil-qalba ta’ dan se jkun hemm strateġija industrijali b’pedamenti sodi fis-Suq Uniku li tippermetti lin-negozji tagħna jagħmlu innovazzjoni u li jiżviluppaw teknoloġiji ġodda filwaqt li tingħata spinta liċ-ċirkolarità u jinħolqu swieq ġodda. Dan ifisser iffukar mill-ġdid għat-tul tal-politika ekonomika tal-Ewropa, bl-objettiv ikun dak li l-ġenerazzjonijiet fin-naħat kollha tal-Ewropa jingħataw futur sostenibbli u propseru. Hemm bżonn li nimxu lil hinn minn approċċ inkrimentali lejn wieħed sistemiku, madwar il-politiki kollha, b’approċċ li jinkludi l-ħidma tal-gvern kollha kemm hi. Se jkun hemm bżonn li jkun proċess inklussiv, żviluppat mal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, is-sħab soċjali u dawk kollha involuti. L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli se jkunu fil-qalba tat-tfassil ta’ politika u tal-azzjoni tal-UE. Għal dan il-għan, is-Semestru Ewropew jipprovdi qafas stabbilit sew għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi li huma meħtieġa biex l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jiġu ggwidati lejn dawn it-trasformazzjonijiet, li għandhom implikazzjonijiet fuq l-ekonomija kollha. F’din l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli, il-Kummissjoni tfisser il-prijoritajiet ta’ politika għall-UE fejn jidħlu l-ekonomija u l-impjiegi. Permezz ta’ dan l-approċċ, jistgħu jinħolqu sinerġiji u jiġu indirizzati bilanċi bejn l-erba’ dimensjonijiet tal-aġenda tat-tkabbir, u jiġu ppreżentati soluzzjonijiet.

1.Il-prospettivi ekonomiċi tal-Ewropa

L-ekonomija Ewropea issa tinsab fis-seba’ sena konsekuttiva ta’ tkabbir. L-ekonomija mistennija tkompli tespandi fl-2020 u l-2021, anki jekk il-prospetti tat-tkabbir iddgħajfu. Is-swieq tax-xogħol għadhom qawwija u l-qgħad għadu nieżel, anki jekk b’pass aktar kajman ( 1 ). Il-finanzi pubbliċi għadhom qegħdin jitjiebu, is-sistema bankarja tagħna hija aktar robusta u l-pedamenti tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna huma aktar qawwija. L-investiment u t-tkabbir potenzjali, madankollu, għadhom taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi. Il-bilanċi baġitarji tal-gvern mistennija li jmorru ftit lura bejn l-2019 u l-2021, minħabba l-impatt ta’ anqas tkabbir u minħabba politiki fiskali diskrezzjonarji pjuttost aktar laxki f’xi Stati Membri, inklużi politiki fiskali espansjonarji f’xi wħud minnhom.

Il-prospettiva ekonomika fuq perjodu qasir għandha fuqha d-dell ta’ ambjent ekonomiku u ġeopolitiku li ma jgħinnhiex, kif ukoll inċertezza qawwija. Il-prospetti tat-tkabbir madwar id-dinja huma fraġli. It-tensjonijiet fejn jidħol il-kummerċ fis-settur tal-manifattura u l-inċertezza ġeopolitika qegħdin ikollhom impatt negattiv fuq id-deċiżjonijiet ta’ investiment. It-tnaqqis fl-intensità tal-kummerċ, flimkien ma’ tkabbir baxx fil-produttività, jista’ jkollhom impatt dejjiemi fuq il-pożizzjoni tal-Ewropa f’dinja li aktar ma jmur qiegħda tiġi ddefinita bir-rivalitajiet bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina. B’mod partikolari dan qiegħed jaffettwa s-settur tal-manifattura, li wkoll għaddej minn bidliet strutturali. Bħala riżultat ta’ dan, l-ekonomija Ewropea jidher li riesqa lejn perjodu ta’ tkabbir aktar kajman u ta’ inflazzjoni baxxa. Il-prodott domestiku gross (PDG) taż-żona Euro issa huwa previst li jespandi b’1,1% fl-2019, u b’1,2% fl-2020 u l-2021. Fejn tidħol l-UE kollha kemm hi, il-PDG mistenni li jiżdied b’1,4% kull sena bejn l-2019 u l-2021. 

Il-prospetti ekonomiċi fuq perjodu medju huma mtellfa minn popolazzjoni li qiegħda tixjieħ, tkabbir kajman fil-produttività u l-impatt dejjem jiżdied ta’ degradazzjoni ambjentali. Huwa stmat li, sal-2024, il-popolazzjonijiet li qegħdin jixjieħu se jwasslu biex il-forza lavorattiva fi 11-il Stat Membru tonqos b’aktar minn 3% mqabbla mal-lum 2 . Sal-2060, il-forza lavorattiva tal-UE se tonqos bi 12%. Dan, flimkien ma’ xejra ta’ għexieren ta’ snin li fihom kien hemm it-tendenza ta’ tkabbir fil-produttività li qiegħed inaqqas il-pass se jpoġġi pressjoni fuq il-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija u fuq il-finanzi pubbliċi fil-futur. Barra minn dan, l-impatt tad-degradazzjoni ambjentali mistenni li jkun qiegħed jaffettwa dejjem aktar l-attività ekonomika, permezz ta’ kundizzjonijiet frewkwenti ta’ temp estrem, effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u minħabba aċċess anqas affidabbli għal riżorsi materjali u servizzi tal-ekosistema.

Hekk kif qiegħed jifforma s-sħab fuq l-orizzont, l-Ewropa trid tiżviluppa paradigma ġdid ta’ tkabbir li b’mod effettiv jindirizza l-isfidi għat-tul li qegħdin jittrasformaw is-soċjetà tagħha. Dan il-paradigma ġdid għad ikun ukoll iċ-ċavetta fl-istabbiliment tat-tmexxija politika u ekonomika tal-Ewropa fil-livell dinji. Se jservi wkoll ta’ xprun tat-tkabbir potenzjali, u jgħin lill-Ewropa tibqa’ qawwija quddiem inċertezza dejjem tiżdied fuq perjodu qasir.

2.Paradigma ġdid biex jiġu indirizzati sfidi kruċjali relatati bejniethom

Is-sostenibbiltà kompetittiva dejjem kienet fil-qalba tal-ekonomija tas-suq soċjali tal-Ewropa u jenħtieġ li tibqa l-prinċipju li jiggwidaha anki fil-futur. Il-mixja lejn mudell ekonomiku sostenibbli, abilitat permezz ta’ teknoloġiji diġitali u nodfa, jista’ jitfa’ lill-Ewropa fuq quddiem fejn tidħol it-trasformazzjoni. Sens ta’ tmexxija fejn tidħol il-protezzjoni ambjentali kif ukoll bażi industrijali qawwija u innovattiva jridu jidhru bħala ż-żewġ naħat tal-istess munita, u dan jagħti lill-UE il-vantaġġ kompetittiv tal-innovatur. Ekonomija stabbli, li tippermetti li jkun hemm politiki iffukati għat-tul, kif ukoll tranżizzjoni ġusta għal dawk l-aktar milquta mit-trasformazzjonijiet huma l-prerekwiżit għas-suċċess u jenħtieġ li jikkompletaw il-qafas tagħna.

Is-sostenibbiltà ekonomika, il-kisbiet fil-produttività, is-sens ta’ ġustizzja u l-istabbiltà makroekonomika se jkunu l-erba’ dimensjonijiet tal-politika ekonomika tagħna fis-snin li ġejjin. Dawn id-dimensjonijiet, li huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin u li jsaħħu lil xulxin, jenħtieġ li jiggwidaw ir-riformi strutturali, l-investimenti u l-politiki fiskali responsabbli fl-Istati Membri kollha. 

Dawn l-erba’ dimensjonijiet kruċjali se jkunu importanti ħafna fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals - SDG). L-integrazzjoni tal-objettivi tal-SDGs fis-Semestru Ewropew, b’attenzjoni speċifika fuq l-aspetti ekonomiku u tal-impjiegi, tipprovdi opportunità unika biex in-nies, saħħithom, u l-pjaneta, jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-politika ekonomika. Fil-kuntest ġeopolitiku tal-lum, it-tqegħid tal-SDGs fiċ-ċentru tat-tfassil ta’ politika u l-azzjoni tal-Unjoni jibgħat ukoll messaġġ qawwi dwar l-impenn tal-Ewropa lejn is-sostenibbiltà.

Biex jinkiseb suċċess, il-kosti u l-benefiċċji hemm bżonn li jkunu bbilanċjati sew fil-perjodu qasir kif ukoll għat-tul. Il-benefiċċji jenħtieġ li jiġu kondiviżi u l-kosti ma għandhomx jinġarru minn dawk l-aktar vulnerabbli. Kemm it-tibdil fil-klima nnifsu kif ukoll il-politiki paralleli meħtieġa biex jingħelbu l-isfidi li joħloq għandhom konsegwenzi distribuzzjonali sinifikanti, speċjalment fuq perjodu qasir. Fit-tfassil tal-politika u l-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet għal riformi strutturali, għandna bżonn naraw li jkun hemm l-appoġġ għan-nies l-aktar milquta minn dan it-tibdil soċjatali. Min-naħa l-oħra, it-tranżizzjoni ekoloġika se toħloq ukoll impjiegi ġodda u aktar kuntentizza, pereżempju fil-forma ta’ ambjenti ta’ xogħol u ta’ ħajja li jkunu aktar sani. Anki f’oqsma oħra ta’ politika, teżisti l-ħtieġa ta’ kompromossi għal perjodi qosra. Pereżempju, fit-tfittxija għal tkabbir aktar inklussiv, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ aktar ħaddiema b’ħiliet baxxi tista’ tnaqqas il-produttività medja fuq perjodu qasir. Dan, madankollu, ma jibdilx il-vantaġġ għat-tul li jinkiseb mill-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol li tikkontribwixi għal soċjeta aktar ibbilanċjata u prospera wara li jkun għadda ċertu żmien. Sabiex jiġu mmassimizzati s-sinerġiji bejn id-diversi għanijiet ta’ politika mfissra, se jkun hemm bżonn ta’ investimenti sinifikanti pubbliċi u privati, pereżempju fl-edukazzjoni, it-taħriġ mill-ġdid u l-innovazzjoni.

3.Is-sostenibbiltà ambjentali

L-ilqugħ tal-isfidi klimatiċi u ambjentali huwa l-kompitu li se jiddefinixxi lil din il-ġenerazzjoni. U din is-sitwazzjoni se tibqa’ għas-snin li ġejjin. It-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika tirrikjedu trasformazzjoni profonda tal-ekonomija fi żmien ġenerazzjoni waħda. Dan it-tibdiliet ma jolqtux biss is-setturi tal-enerġija, tal-kostruzzjoni u tat-trasport, iżda wkoll lis-servizzi tal-industrija, l-agrikoltura u s-servizzi. Fl-istess ħin, dawn it-tibdiliet joffru opportunità unika biex jiġi mmodernizzat l-istokk kapitali li qiegħed jiqdiem tal-ekonomija tal-UE u li tiġi impostata mill-ġdid il-kompetittività b’mod sostenibbli bin-nies li jkunu fil-qalba tat-tranżizzjoni.

B’attenzjoni aktar qawwija fuq il-politiki dwar il-klima u l-ambjent, is-Semestru Ewropew jissaħħaħ bħala strument komprensiv għall-politika ekonomika u dwar l-impjiegi. L-opportunitajiet ta’ tkabbir li jirriżulataw minn attenzjoni aktar qawwija fuq is-sostenibbiltà ambjentali huma ċentrali għall-aġenda ekonomika Ewropea. Is-Semestru jista’ jipprovdi gwida speċifika lill-Istati Membri dwar fejn ikunu aktar meħtieġa riformi strutturali u investiment lejn mudell ekonomiku aktar sostenibbli u kompetittiv. Tista’ wkoll tkun ta’ għajnuna biex l-Istati Membri jiġu mgħejjuna jidentifikaw u jindirizzaw kompromessi kruċjali, pereżempju billi jiġu ffaċċjati l-impatti soċjali ta’ prezzijiet tal-enerġija dejjem jiżdiedu permezz ta’ politiki soċjali u fiskali adegwati. L-Ewropa hemm bżonn li taġixxi b’mod deċiżiv f’oqsma bħal ma huma l-ekonomija ċirkolari, l-enerġija rinnovabbli, il-binjiet b’użu effiċjenti tal-enerġija, u t-trasport b’emissjonijiet baxxi. L-industrija tal-UE diġà hija waħda mill-aktar effiċjenti fid-dinja fl-użu tal-enerġija. Hemm bżonn li l-Ewropa tikkapitalizza fuq dan u tipprovdi inċentivi addizzjonali għan-negozji u l-investituri biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiksbu objettivi klimatiċi ambizzjużi. Hemm bżonn li fir-riformi jiġu integrat l-appoġġ għan-nies, għas-setturi u għar-reġjuni li huma l-aktar milquta mit-trasformazzjoni. L-emfażi dejjem aktar profonda tal-politika ta’ koeżjoni fuq l-investment ekoloġiku u diġitali se jkun ta’ kontribut lejn l-istrateġija.

Hemm bżonn li l-Ewropa tinvesti ammonti bla preċedent f’riċerka u innovazzjoni tal-ogħla kwalità, bl-użu ta’ flessibbiltà sħiħa tal-baġit tal-UE li jmiss fl-oqsma li jippromettu l-akbar potenzjal. Jenħtieġ li l-investimenti jkunu diretti lejn assi nodfa li jkunu l-aktar produttivi biex jittaffa t-tibdil fil-klima u lejn sforzi innovattivi fixkiela kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali. Il-kisba tal-miri tal-2030 għall-klima u l-enerġija se tkun tirrekjedi EUR 260 biljun f’investiment addizzjonali fis-sistema tal-enerġija kull sena fl-2021-2030. L-akbar sforz ta’ investiment se jkun meħtieġ biex tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija fis-settur reżidenzjali u dak terzjarju. Barra minn dan, hemm bżonn ta’ investimenti sinifikanti fl-infrastruttura tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u f’dik tad-distribuzzjoni. Il-kollokazzjoni malajr ta’ infrastruttura alternattiva tal-karburanti fi żmien is-sentejn li ġejjin se tkun ta’ importanza kritika biex l-industrija tal-karozzi tkun tista’ tikseb il-miri fejn jidħlu emissjonijiet għal karozzi ġodda.

F’dan il-kuntest, hemm bżonn ta’ tibdil għas-sistemi ta’ taxxa/ta’ sussidju sabiex jiġi żgurat li l-inċentivi jkunu favorevoli għall-klima u l-ambjent, u sabiex jinġabar il-finanzjament neċessarju għall-investsiment. Madankollu, l-iffinanzjar pubbliku waħdu mhux se jkun biżżejjed. Għandna bżonn li nisfruttaw l-investiment privat billi nqiegħdu l-finanzjament ekoloġiku u sostenibbli fil-qalba tal-katina ta’ investiment u tas-sistema tal-finanzi tal-Ewropa.

Permezz tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli, l-Unjoni Ewropea jista’ jkollha rwol ta’ katalist fejn jidħlu l-investimenti ekoloġiċi privati u pubbliċi. Dan il-pjan se jikkombina l-iffinanzjar dedikat f’appoġġ għal investimenti sostenibbli ma’ proposti għal qafas regolatorju mtejjeb, bil-mobilizzazzjoni tal-investiment sostenibbli f’kull rokna tal-UE. Dan jinkiseb billi jiġi ddedikat sehem akbar minn qatt qabel mill-ispejjeż tal-UE għall-klima, billi jinġabar iffinanzjar privat permezz ta’ garanziji, billi jinħoloq ambjent abilitattiv, u billi l-promoturi tal-proġetti jingħataw għajnujna biex jistrutturaw proġetti ekoloġiċi bankabbli. Il-Programm InvestEU se jkun ta’ kontribut sinifikanti hawn. Barra minn dan, il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) se jsir il-bank Ewropew tal-klima billi jirdoppja l-miri klimatiċi tiegħu għal 50%. Skont il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, il-Kummissjoni qiegħda wkoll taħdem mal-Grupp tal-BEI lejn il-mobilizzazzjoni ta’ investimenti sinifikanti għal reġjuni li se jkollhom bżonn għajnuna b’mod partikolari fit-tranżizzjoni ambjentali u klimatika matul il-perjodu tal-QFP li ġej.

Dħul miżjud mis-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-UE (EU Emissions Trading System - ETS) jipprovdi sors addizzjonali għall-iffinanzjar tal-azzjoni klimatika u l-immodernizzar tal-ekonomija. Fl-2018, id-dħul mill-irkanti tal-ETS kien ta’ madwar EUR 14-il biljun. Fl-2019, id-dħul mill-irkanti tal-ETS ta’ UE mistennija li jkunu anki ogħla u matul is-snin li ġejjin, id-dħul annwali se jibqa’ konsiderevoli. Dan il-flus jenħtieġ li jintużaw biex iwieżnu l-kisba tal-miri tal-2030 fejn jidħlu l-klima u l-ambjent u biex isir investiment fit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.

4.It-tkabbir fil-produttività

Fil-kuntest tat-tixjieħ tal-popolazzjoni u ta’ limitazzjonijiet ta’ riżorsi dejjem aktar vinkolanti, it-tkabbir ulterjuri fid-dħul u fl-impjiegi fl-Ewropa se jkun jiddependi b’mod kruċjali fuq aktar produttività u innovazzjoni. It-tkabbir fil-produttività fl-UE għandu anqas, b’mod sinifikanti, mil-livell ta’ parteċipanti dinija oħra. L-Istati Membri ma baqgħux jikkonverġu mal-Istati Uniti sa mis-snin 80. Dan jirrifletti wkoll is-sitwazzjoni globali tad-ditti Ewropej. Fost l-akbar 100 kumpanija kkwotata, illum 23 biss huma Ewropej. Għaxar snin ilu, 40 kienu Ewropej. Fl-istess waqt, id-disparitajiet fi ħdan l-UE żdiedu, hekk kif, kieku kellek telenka r-reġjuni tal-UE skont il-produttività, l-10% tar-reġjuni li huma fuq nett fil-lista jkunu aktar minn sitt darbiet aktar produttivi mill-10% fil-qiegħ tal-lista. L-istabbiliment tal-Bordijiet Nazzjonali tal-Produttività jista’ jkun ta’ kontribut pożittiv lid-dibattiti nazzjonali dwar kif tista’ tiġi xprunata l-produttività billi jipprovdu analiżi ta’ kwalità għolja u indipendenti u billi titjieb is-sjieda nazzjonali tar-riformi strutturali.

Il-kisba ta’ produttività ogħla tirrekjedi strateġija ta’ riċerka u innovazzjoni sistematika u li tħares ’il quddiem. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, żdiedet id-diskrepanza fil-produttività bejn id-ditti bl-aħjar prestazzjoni u dawk li waqgħu lura. Ir-riformi strutturali li għandhom l-għan li jseddqu l-firxa tal-innovazzjoni u jtejbu l-aċċess għall-iffinanzjar jistgħu jippermettu li grupp akbar ta’ ditti jibbenefikaw mill-innovazzjonijiet, biex b’hekk jixprunaw it-tkabbir fil-produttività. L-investiment pubbliku u privat fit-teknoloġiji innovattivi, inkluż teknoloġiji diġitali avvanzati għandhom jiġu mgħejjuna biex jiġi xprunat il-ħolqien ta’ prodotti, servizz u mudelli tan-negozju ġodda. Hemm bżonn ta’ innovaturi aktar żgħażagħ u pronti b’teknoloġiji rivoluzzjonarji, hekk kif kienu l-ġganti teknoloġiċi daqs għaxar snin ilu biss.

It-teknoloġiji diġitali, bħal ma huma l-Intelliġenza Artifiċjali jew l-Internet tal-Oġġetti, kif ukoll l-aċċess għad-data huma kruċjali għal ekonomija aktar produttiva u aktar ekoloġika. Dawn qegħdin jibdlu l-mod kif nikkomunikaw, kif ngħixu u kif naħdmu. Id-dinamiċi dejjem jinbidlu li nħolqu mit-trasformazzjoni diġitali jirrekjedu ambizzjoni akbar fil-livelli tal-UE u dak nazzjonali fejn jidħlu aktar investiment, regolamentazzjoni li twassal għall-innovazzjoni, riformi effettivi kif ukoll approċ iċċentrat fuq il-bniedem ibbażati fuq il-valuri Ewropej. L-Ewropa għandha bżonn bażi industrijali qawwija, mibnija fuq strateġija komuni u ta’ riżorsi miġbura f’setturi kruċjali, sabiex tkun tista’ tipproduċi domestikament it-teknoloġiji li għandha bżonn biex tibqa’ fuq quddiem fil-kompetizzjoni dinija. Hemm bżonn ukoll li l-Ewropa tibqa’ sovrana fejn tidħol it-teknoloġija billi tinvesti f’teknoloġiji innovativi bħal ma huma l-blockchain, il-kompjuters ta’ prestazzjoni qawwija u dawk quantum, l-algoritmi u l-għodod li jippermettu l-kondiviżjoni u l-użu tad-data. Id-Data u l-Intelliġenza Artifiċjali huma muturi ewlenin tal-innovazzjoni li jistgħu jgħinuna nsibu soluzzjonijiet għall-isfidi tas-soċjetà, mis-saħħa għall-biedja u l-produzzjoni tal-ikel, mis-sigurtà għall-manifattura.

Fi żminijiet ta’ tensjonijiet dejjem jiżdiedu madwar id-dinja, is-Suq Uniku tal-UE joffri lill-Istati Membri diversi opportunitajiet għall-espansjoni tal-kummerċ, il-ħolqien tal-impjiegi u biex jiġi xprunat it-tkabbir. Is-Suq Uniku huwa sors ewlieni ta’ reżiljenza għall-ekonomija tal-UE. Il-kompetituri tal-UE huma ekonomiji daqs ta’ kontinent, għalhekk l-UE għandha bżonn ta’ suq uniku tassew, li jkun id-daqs tal-kontinent. Il-benefiċċji huma ċari: l-avanzi teknoloġiċi jinfirxu aktar malajr f’suq unifikat. Is-swieq tal-prodotti u s-servizzi li jaħdmu tajjeb huma mutur kruċjali tat-tkabbir fil-produttività, peress li jippermettu allokazzjoni tar-riżorsi aktar effiċjenti. Madankollu, il-progress fl-integrazzjoni tas-suq huwa irregolari u għandna bżonn imbuttatura ġdida mhux lanqas għas-suq uniku diġitali, in-netwerks Ewropej u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

Fil-qalba tas-Suq Uniku, l-istandardizzazjoni għandha rwol kruċjali biex tiġi mbuttata ’il quddiem l-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli. L-istandards huma essenzjali biex in-negozju jiġi ggwidat lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli hekk kif jaġixxu bħala pontijiet li jorbtu d-dispożizzjonijiet legali mal-prassi teknika konkreta. L-istandards jikkontribwixxu wkoll lejn il-kompetittività billi jitnaqqsu l-kosti tal-produttività u jiżdied id-daqs tas-suq. Għal dawn ir-raġunijiet, l-istandardizzazzjoni tista’ tkun ta’ għajnuna fl-iżvilupp ta’ prodotti innovattivi u ta’ proċessi tal-produzzjoni li, peress li jkunu bbażati fuq progress teknoloġiku reċenti, jkunu ta’ kontribut għall-effiċjenza fl-enerġija, itejbu r-riċiklaġġ u l-produzzjoni sostenibbli. L-eżempji l-aktar ċari tal-rwol tal-istandards fil-promozzjoni tal-aġenda tal-iżvilupp sostenibbli huma l-“Ekodiżinn” u l-qafas ta’ politika tal-ittikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika 3 . Fl-aħħar nett, l-istandards huma wkoll ta’ kontribut għal kompetizzjoni dinjija ġusta.

Kaxxa 1: Il-kontribuzzjoni tas-Suq Uniku u r-Rapport dwar il-Prestazzjoni tas-Suq Uniku 4

Is-Suq Uniku huwa ass ewlieni tal-Unjoni L-integrazzjoni bla preċedenti li kien hemm fl-aħħar 25 sena wasslet għal konnessjonijiet eqreb ekonomiċi u soċjali bejn l-individwi u n-negozji madwar l-Istati Membri. Is-Suq Uniku għandu potenzjal li jipproduċi aktar benefiċċji lill-individwi u lin-negozji.

Is-Suq Uniku jeħtieġ li jiġi kkompletat u implimentat f’dawk l-oqsma fejn ir-riżultati tal-isforzi tal-passat għadhom ma jilħqux l-aspettattivi, u hemm bżonn li jiġi aġġornat il-ħin kollu biex jaffaċċja sfidi ġodda. Dan huwa minnu anki fi-każ ta’ atti legali adottati dan l-aħħar li jaffettwaw in-naħa diġitali tal-ekonomija. Il-kriżi finanzjarja tefgħet attenzjoni fuq l-importanza tal-istabbiltà u l-integrazzjoni fis-swieq kapitali u finanzjarji, fejn il-frammentazzjoni għadha ta’ dannu għat-tkabbir tad-ditti u għall-investiment. L-Enerġija saret element kruċjali ta’ integrazzjoni għall-Unjoni, iżda s-swieq tal-enerġija għadhom ħafna frammentati fil-livell nazzjonali. L-objettivi ambjentali, klimatiċi u infrastrutturali wkoll għandhom importanza kritika biex jiġi żgurat li s-Suq Uniku jġib ruħu f’konformità mal-aspettattivi soċjali. Is-Suq Uniku qiegħed jiġi ttrasformat b’mod profond sabiex id-ditti u l-individwi fl-UE jkunu jistgħu jiksbu l-massimu mill-possibbiltajiet offruti mit-teknoloġiji l-ġodda, bħal ma huma d-diġitalizzazzjoni.

Is-Suq Uniku huwa ċ-ċavetta għas-Semestru Ewropew, u bil-kontra. Ħafna mix-xkiel strutturali li jtellef it-twettiq massimu tal-benefiċċji tas-Suq Uniku huma fil-verità ġejjin mir-regolamenti jew mill-prassi amministrattiva fil-livelli nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jħażżnu l-ambjent tal-negozju u jiskoraġġixxu d-ditti milli koperaw lil hinn mill-fruntieri tagħhom. In-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva jew ta’ persunal kwalifikat professjonali jagħmel ħsara lill-prestazzjoni tas-swieq tal-akkwist pubbliku f’xi Stati Membri.

Dawn il-kostatazzjonijiet huma riflessi fir-Rapport dwar il-Prestazzjoni tas-Suq Uniku, li huwa novità fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew tal-2020, u li jiġi ppubblikat flimkien ma’ din l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli.

L-objettiv tar-rapport huwa biex tiġi evalwata l-prestazzjoni tas-suq tal-ekonomija reali fis-Suq Uniku. Filwaqt li fil-passat, l-isforzi ta’ monitoraġġ kienu ċċentrati l-aktar fuq l-ambjent legali tas-Suq Uniku sabiex jiġi żgurat li kien ikun infurzat kif xieraq, ir-rapport jiffoka l-aktar fuq ir-riżultati u l-kisbiet tas-Suq Uniku.

Ir-rapport l-ewwelnett jieħu f’kunsiderazzjoni l-ostakoli li qegħdin itellfu liċ-ċittadini u n-negozji milli jakkwistaw il-benefiċċji tas-Suq Uniku. It-tieni, huwa jevalwa l-kisbiet tas-Suq Uniku: aktar għażla għall-konsumaturi u n-negeozji, prezzijiet orħos, kif ukoll standards għolja ta’ sigurtà għall-konsumatur u ta’ protezzjoni ambjentali. Fl-aħħar nett, huwa jiskrutinizza firxa wiesgħa ta’ attivitajiet relevanti għall-prestazzjoni tajba tas-Suq Uniku inkluż il-prestazzjoni ambjentali tiegħu u d-diġitalizzazzjoni. Fuq dan l-isfond, ir-Rapport dwar il-Prestazzjoni tas-Suq Uniku għandu l-intenzjoni li jixħet attenzjoni fuq l-importanza ta’ riformi strutturali fil-livell ta’ Stat Membru għal prestazzjoni tajba tas-Suq Uniku.

Attenzjoni aktar mill-qrib fuq kwistjonijiet li jolqtu s-Suq Uniku jkunu wkoll ta’ għajnuna għall-integrazzjoni. Il-benefiċċji tar-riformi strutturali f’suq integrat b’mod prodond se jkunu ta’ benefiċċu għall-konsumaturi domestiċi fil-pajjiż fejn isiru tali riformi, iżda l-effetti tagħhom jinxterdu wkoll lejn il-konsumaturi fi Stati Membri oħra.

Is-settur finanzjarju fl-Ewropa jeħtieġ li jagħti appoġġ kbar lill-innovazzjoni u l-investimenti fl-ekonomija. Hemm bżonn li l-Ewropa tkompli tiżviluppa s-swieq finanzjarji sabiex il-kumpaniji vijabbli kollha jiksbu l-finanzjament biex jinvest fil-ħolqien tal-impjiegi u fit-tkabbir, inkluż fil-kumpaniji innovattivi tal-futur. Jekk jittieħdu miżuri ulterjuri lejn it-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali dan jiżgura li l-kumpaniji jkollhom aċċess għall-finanzi li għandhom bżonn biex jikbru, jkunu innovattivi u biex ikabbru l-operat. Id-ditti, u b’mod partikolari l-SMEs, hemm bżonn li jibbenefikaw bis-sħiħ mill-integrazzjoni f’katini tal-valur li jaqsmu l-fruntieri u mill-koalexxenza bla xkiel tal-industrija u s-servizzi li tikkaratterizza l-era diġitali. Il-baġit tal-UE se jikkontribwixxi għal dan ukoll billi jillibera l-investiment privat f’dawn is-setturi.

Produttività u innovazzjoni għola ma jistgħu jinkisbu mingħajr investiment estiż fl-edukazzjoni u fl-iżvilupp tal-ħiliet. Huwa vitali li l-ħaddiema adulti jingħataw l-appoġġ, b’mod partikolari s-60 miljun adult bi kwalifikazzjoni baxxa, biex jiżviluppaw ġabriet ta’ ħiliet f’livell ogħla. B’mod simili, ir-riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali huma meħtieġa biex tinqaleb ix-xejra ta’ sehem dejjem jiżdied ta’ tfal tal-iskola li ma jmorrux tajjeb daqs kemm imisshom – li issa huma aktar minn 20% fejn jidħlu l-qari, il-matematika u x-xjenza. Hemm bżonn li tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-ħiliet diġitali. Hemm bżonn li l-istrateġiji komprensivi fejn jidħlu l-ħiliet ikunu ffukati fuq il-ħtiġijiet individwali fejn jidħlu t-titjib tal-ħiliet, u l-kisba ta’ ħiliet ġodda, u din hija responsabbiltà kondiviża bejn l-individwi, in-negozji u l-gvernijiet, fil-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.

It-tkabbir u l-produttività hemm bżonn li jkunu appoġġjati minn swieq kompetittivi u effiċjenti u minn riformi strutturali li jneħħu l-istaġnar fl-ambjent tan-negozju. Il-governanza tajba, l-istituzzjonijiet effettivi, is-sistemi tal-ġustizzja indipendenti u effiċjenti, l-amministrazzjonijiet pubbliċi ta’ kwalità tajba, l-oqsfa sodi ta’ kontra l-korruzzjoni, it-twettiq effiċjenti tal-akkwist pubbliku, l-oqsfa effettivi ta’ insolvenza u s-sistemi fiskali effiċjenti huma importanti biex jiġi determinat x’tip ta’ ambjent tan-negozju jkollu Stat Membru. Dawn l-aspetti kollha, inklużi dawk relatati mal-istat tad-dritt jistgħu jkollhom impatt fuq id-deċiżjonijiet ta’ investiment u huma għalhekk importanti biex tiżdied il-produttività u l-kompetittività. Dan huwa minnu b’mod speċjali f’ambjent globalizzat u diġitalizzat fejn il-kapital huwa mobbli ħafna. Dak li jsir magħruf dwar il-prestazzjoni istituzzjonali u amministrattiva tal-Istati Membri, miġbur minn proċessi eżistenzi oħra ta’ governanza, se jinforma lis-Semestru Ewropew u l-evalwazzjoni makroekonomika.

5.Sens ta’ ġustizzja

Sabiex tissaħħaħ il-prestazzjoni ekonomika u soċjali tagħha, l-UE trid l-ewwel nett twettaq il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Filwaqt li l-irkupru ekonomiku kien ta’ għajnuna fit-titjib tar-riżultati fejn jidħlu l-impjiegi, u dawk soċjali, madwar l-Ewropa, hemm bżonn ta’ azzjoni biex jiġi żgurat li jiġu gawduti d-drittijiet soċjali u biex jiġu miġġielda r-riskji ppreżentati minn qasma soċjali dejjem tikber.

Kull ħaddiem fl-Ewropa jixraqlu kundizzjonijiet ġusti tax-xogħol. Il-faqar fost dawk li għandhom impjieg għadu ogħla mil-livelli ta’ żmien il-kriżi fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ta’ UE, b’wieħed (1) minn kull għaxar (10) ħaddiema fl-Ewropa fir-riskju tal-faqar. Filwaqt li qiegħed jonqos, ix-xogħol part-time involuntarju għadu għoli f’diversi Stati Membri, u l-firxa ta’ forom atipiċi ta’ xogħol tikkontribwixxi għas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol. F’din il-perspettiva, huma importanti l-objettivi ta’ politika li jiżguraw li kull ħaddiem jaqla’ paga ġusta, li jiġu promossi t-tranżizzjonijiet lejn kuntratti ta’ xogħol full time bla limitu, kif ukoll l-investiment fin-nies u l-ħiliet tagħhom. Jenħtieġ li jiġi promoss involviment qawwi min-naħa tal-isħab soċjali u aktar appoġġ fil-bini tal-kapaċitajiet tagħhom f’pajjiżi fejn id-djalogu soċjali jkun dgħajjef. Sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema jibqgħu jirċievu l-appoġġ anki fil-każ ta’ xi skoss ekonomiku qawwi, l-istabbiliment ta’ Skema Ewropea ta’ Riassikurazzjoni tal-Benefiċċju tal-Qgħad (European Unemployment Benefit Reinsurance Scheme – SURE), tista’ tkun ta’ kumpliment għal azzjoni nazzjonali. Barra minn dan, jenħtieġ li l-UE tħaffef il-pass tal-isforzi tagħha li tindirizza kull forma ta’ impjieg irregolari li jikkontribwixxu għad-dumping soċjali u l-isfruttar tal-ħaddiema.

In-nisa għadhom fi żvantaġġ fis-suq tax-xogħol. Minkejja riżultati ġeneralment aħjar fl-edukazzjoni fost in-nisa, id-diskrepanza mal-irġiel fejn tidħol ir-rata tal-impjiegi u l-paga baqgħu bejn wieħed u ieħor stabbli fis-snin riċenti. L-għeluq ta’ dawn id-diskrepanzi jkollu impatt pożittiv fuq l-ekonomija u s-soċjetà. Il-promozzjoni ta’ politiki effettivi għall-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, li bihom jiġi żgurat l-aċċess għal servizzi ta’ kwalità għall-kura tat-tfal u biex jiġu indirizzati d-diżinċentivi fejn jidħlu t-taxxa u l-benefiċċji meta wieħed jaħdem huma kruċjali fl-indirizzar tar-rati tal-impjieg tan-nisa u biex tiġi mgħejjuna l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal.

Il-promozzjoni ta’ sens ta’ ġustizzja tirrekjedi l-investiment fil-ħiliet, sistemi ta’ protezzjoni adegwati u sostenibbli kif ukoll ġlieda kontra l-esklużjoni. It-titjib tal-inklussività u l-kwalità tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ huwa kruċjali biex tkun tista’ titmexxa ’il quddiem l-inklużjoni tan-nies kollha fis-soċjetajiet ta’ għada. Hemm bżonn li jitnaqqas il-fenomenu ta’ tluq kmieni mill-iskola, u li tiżdied il-kwalità u l-attrattività tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Madankollu, għad fadal ħafna biex l-investiment fil-ħiliet ikun suffiċjenti. Hemm bżonn li s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jiġu adattati biex jiġu protetti dawk kollha fil-bżonn, irrispettivament jekk ikunux f’impjieg jew le. L-Ewropa jkollha tindirizza b’mod aktar effiċjenti l-inugwaljanzi li jġarrbu l-gruppi f’riskju ta’ esklużjoni, inkluż persuni b’diżabbiltà, ir-Roma u l-migranti, sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu għall-ekonomija, għas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u għas-soċjetà. It-tixjieħ tal-popolazzjoni jfisser li l-investiment fil-kura tas-saħħa u fil-kura għat-tul qiegħed isir dejjem aktar importanti, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistema ta’ protezzjoni soċjali sabiex jiġi żgurat sens ta’ ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet.

Żdiedu l-isfidi għall-koeżjoni madwar u fi ħdan l-Istati Membri. Bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, kibret l-inugwaljanza fejn jidħlu dħul u aċċess għal servizzi bażiċi fl-Istati Membri. Id-differenzi reġjonali fl-Ewropa għadhom ta’ sfida peress li jaffettwaw it-tkabbir b’mod negattiv. Filwaqt li l-aktar reġjuni fqar saru aktar prosperi mill-2010 lil hawn, kiber id-distakk ekonomiku tagħhom mar-reġjuni aktar għonja inkluż bħala riżultat ta’ tnaqqis fl-investiment. F’ċerti każi, it-tibdil teknoloġiku u t-tranżizzjoni tal-enerġija jistgħu jkomplu jżidu dan id-distakk, sakemm ma jittiħdux miżuri xierqa biex tingħata spinta lill-kompetittività reġjonali.

Hemm bżonn li l-UE tibqa’ magna ta’ koeżjoni. Sabiex jiġu indirizzati d-differenzi reġjonali u soċjali, hemm bżonn li jinħolqu opportunitajiet għal dawk li ma jibbenefikawx b’mod dirett mill-ftuħ tas-suq u mit-tibdil teknoloġiku. Dan jinkludi t-titjib tal-ħiliet permezz ta’ edukazzjoni u taħriġ aħjar u billi tiġi garantita l-konverġenza reġjonali kif xieraq fi kwistjonijiet bħal ma huma l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni ta’ kwalità. Hemm bżonn li l-Istati Membri jkomplu bir-riformi tagħhom għal dak il-għan, u jużaw l-appoġġ sħiħ tal-għodda fil-baġit tal-UE. Il-konnettività tar-reġjuni u l-aċċessibbiltà għall-mobbiltà huma kruċjali kemm għall-koeżjoni kif ukoll għall-produttività u hemm bżonn li jkunu appoġġjati minn investiment xieraq.

Meta jkunu qegħdin jitfasslu l-politiki klimatiċi u ambjentali, mhux l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-ibliet kollha jibdew mill-istess punt. Huwa għalhekk li l-politiki dwar il-klima jridu jibqgħu magħluqa f’approċċ koeżiv biex jiġi evitat li l-konverġenza tiġi mminata. Filwaqt li ċ-ċaqlieqa lejn mudell ekonomiku sostenibbli jista’ potenzjalment ikun ta’ xprun għat-tkabbir u għall-impjiegi madwar l-UE fuq perjodu medju, hemm bżonn ta’ miżuri ta’ politika biex jittaffa l-impatt negattiv fuq setturi u reġjuni speċifiċi għal perjodu qasir. Se jkun hemm bżonn li ċerti setturi jittrasformaw lilhom infushom, filwaqt li ħafna setturi oħra se jkollhom jieħdu azzjoni biex iħarsu l-kompetittività tagħhom. L-impatt ta’ dan it-tibdil x’aktarx li se jkun jinħass f’livelli differenti madwar l-Ewropa. Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, stabbilit ġdid, se jipprovdi appoġġ imfassal apposta lin-nies u lir-reġjuni l-aktar milquta u sabiex jiġi ggarantit li ħadd ma jaqa’ lura. Dan se jagħti emfażi partikolari fuq ir-rikonverżjoni tar-reġjuni l-aktar milquta mit-tranżizzjoni lil hinn mill-karburanti fossili.

L-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u t-tiġrija ’l isfel fejn tidħol it-tassazzjoni jimminaw il-ħila tal-pajjiżi li jistabbilixxu politiki tat-taxxa li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-ekonomiji u tan-nies tagħhom. Is-sistemi nazzjonali tat-taxxa u tal-benefiċċji għandhom jiġu ottimizzati biex jissaħħu l-inċentivi għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, biex jiżdiedu s-sens ta’ ġustizzja u t-trasparenza u biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà u l-adekwatezza tas-sistemi tal-benefiċċji soċjali f’dinja tax-xogħol dejjem tinbidel. Is-sistemi tat-taxxa għandhom ukoll jiggarantixxu li jkun hemm dħul suffiċjenti għall-investiment pubbliku, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-benefiċċji soċjali, jiggarantixxu wkoll tqassim ġust tal-piżijiet u jevitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn id-ditti. Il-ġlieda kontra l-prattiċi ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa u t-tassazzjoni ġusta ta’ kumpaniji globalizzati huma essenzjali f’dan ir-rigward. Hemm bżonn urġenti fis-sistemi tat-taxxa korporattiva tal-UE. Dawn mhumiex xierqa għar-realtajiet tal-ekonomija dinjija moderna u ma jaqbdux il-mudelli ta’ negozju l-ġodda fid-dinja diġitali. Fejn jiġu ġġenerati l-profitti, it-taxxi u l-imposti għandhom ukoll jikkontribwixxu għas-sistemi tagħna ta’ sigurtà soċjali, għas-sistemi tagħna ta’ edukazzjoni u ta’ saħħa u għall-infrastruttura tagħna.

6.L-istabbiltà makroekonomika

L-Unjoni Ewropea trid tkompli żżid l-istabbiltà tal-ekonomija tagħha billi tindirizza l-fraġilitajiet li fadal fil-livell nazzjonali u tal-UE. Din hija prekundizzjoni sabiex tiġi żgurata r-reżiljenza kontra xokkijiet futuri u tiffaċilita t-trasformazzjoni. Dan ifisser li għandu jkun hemm politiki responsabbli ekonomiċi, fiskali u finanzjarji fil-livell nazzjonali fuq perjodu qasir, u ppjanar adegwat ta’ politika għat-tul. Dan ifisser ukoll li hemm bżonn li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE sabiex jitlestew ir-riformi kruċjali għat-tisħiħ taż-żona tal-Euro.

Hija meħtieġ l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali nazzjonali, fir-rispett sħiħ tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, bħala appoġġ għall-funzjonament kif xieraq tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Hemm bżonn ta’ politiki fiskali responsabbli u risponsivi, li jwasslu għal finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli sabiex jiġi żgurat li l-politika fiskali tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet kollha tagħha. Il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-Euro hija mistennija li tkun bejn wieħed u ieħor minn newtrali sa kemm kemm espansjonarja fl-2020 u l-2021. Fl-istess ħin, il-politiki fiskali nazzjonali għadhom mhumiex iddifferenzjati b’mod suffiċjenti fid-dawl tal-ispazu fiskali disponibbli fl-Istati Membri. Bis-saħħa tat-tfassil ta’ politiki fiskali prudenti mill-Istati Membri b’livelli għolja ta’ dejn pubbliku, dan id-dejn pubbliku jibda’ t-triq tan-niżla, titnaqqas il-vulnerabbiltà meta jiġu l-iskossi, u tkun tista’ tinkiseb il-funzjonalità sħiħa ta’ stabilizzaturi awtomatiċi fil-każ ta’ xi daqqa ’l isfel għall-ekonomija. Min-naħa l-oħra, aktar xprunar tal-investiment u ta’ infiq produttiv ieħor fl-Istati Membri li għandhom sitwazzjoni baġitarja favorevoli tkun ta’ appoġġ għat-tkabbir fil-perjodu qasir u dak medju, filwaqt li tingħata wkoll għajnuna biex l-ekonomija taż-żona tal-euro tiġi ribilanċjata. Fil-każ ta’ prospetti ħżiena, rispons effettiv tkun sejħa għal pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ fil-livell aggregat, filwaqt li jiġu segwiti politiki fir-rispett sħiħ tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, fil-kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-pajjiż u bl-evitar tal-proċikliċità sa kemm jista’ jkun.

Sabiex tiġi ggarantita l-istabbiltà hemm bżonn li jiġu indirizzati s-sorsi potenzjali tal-iżbilanċi domestiċi u esterni, filwaqt li jiġu protetti l-investimenti fis-sostenibbiltà u l-produttività għall-futur. Kemm l-iżbilanċi domestiċi kif ukoll dawk esterni hemm bżonn li jinżammu taħt kontroll permezz ta’ monitoraġġ u ta riform xierqa. Bl-ambjent ta’ imgħax baxx, l-Istati Membri bi bżonnijiet ta’ żgranaġġ jenħtieġ li jagħmlu proċess malajr biex inaqqsu d-dejn mingħajr ma jipperikolaw l-investiment. Il-livelli għolja li hemm bħalissa fid-dejn pubbliku huma sors ta’ vulnerabbiltà f’xi Stati Membri kif ukoll restrizzjoni fuq il-gvernijiet biex ikunu jistgħu jipprovdu l-istabbilizzazzjoni makroekonomika fejn tkun meħtieġa. It-tnaqqis tad-dejn se jkun ukoll neċessarju biex l-Istati Membri jingħataw spazju fiskali li jkunu jistgħu jagħmlu aġġustamenti biex iħabbtuha ma’ sfidi futuri u jilliberaw il-fondi għall-investiment. Dan huwa speċjalment minnu, meta jitqiesu l-karti tal-bilanċ ristretti tal-banek u l-livell ta’ dejn tas-settur pubbliku. Huwa importanti li jkun hemm aktar korrezzjoni fl-iżbilanċi kbar esterni tal-istokkijiet u t-tnaqqis fid-dejn tal-korporazzjonijiet u dak tal-unitajiet domestiċi biex jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet.

It-titjib tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi huwa importanti biex jiġi xprunat it-tkabbir potenzjali u jingħata appoġġ lit-trasformazzjoni ekonomika marbuta mal-isfidi klimatiċi u diġitali. Għandhom isiru sforzi fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tal-infieq permezz ta’ analiżi regolari tal-infieq, bil-prijorità tingħata lin-nefqa li sseddaq it-tkabbir għat-tul u l-użu ta’ għodod baġitarji ekoloġiċi. Fuq in-naħa tan-nefqa, l-analiżijiet tan-nefqa għandhom isiru b’mod regolari u għandha tingħata prijorità lin-nefqa li tagħti spinta lit-tkabbir għat-tul, b’mod partikolari għall-edukazzjoni, l-impjiegi u l-investiment. Fuq in-naħa tad-dħul, it-taxxi jenħtieġ li jkunu jappoġġjaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, isiru aktar ġusti u jiċċaqalqu lejn sorsi li jagħmlu anqas ħsara lit-tkabbir.

Is-settur finanzjarju hemm bżonn li jkompli jissaħħaħ permezz tat-tlestija tal-Unjoni Bankarja u tas-Swieq Kapitali. Dan għandu jinkiseb, fost affarijiet oħra, billi tiġi stabbilita Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti, bit-tnaqqis ta’ self improduttiv, l-indirizzar tan-nexus sovran-bankarju, bit-titjib tal-liġijiet dwar l-insolvenza tal-banek u bl-adozzjoni ta’ miżuri biex tkompli titmexxa ’l quddiem integrazzjoni finanzjarja akbar. Fl-istess ħin, il-kosti tal-unitajiet lavorattivi dejjem jiżdiedu jew żidiet f’daqqa fil-prezzijiet tal-akkomodazzjoni f’għadd ta’ pajjiżi hemm bżonn li jiġu mmonitorjati mill-qrib, filwaqt li l-oqsfa makroprudenzjali hemm bżonn li jiġu adattati u li jittieħdu miżuri xierqa fejn ikun hemm bżonn biex ma jakkumulawx żbilanċi ġodda. Hu neċessarju li ssir ħidma ulterjuri fuq l-Unjoni tas-Swieq Kapitali biex jiġu ddiversifikati s-sorsi tal-iffinanzjar għall-kumpaniji u l-opportunitajiet ta’ investiment għal dawk li jfaddlu, biex b’hekk tiżdied il-kondiviżjoni tar-riskju privat fiż-żona tal-euro. Is-sistema finanzjarja hemm bżonn ukoll li ssir aktar reżiljenti fejn jidħol it-theddid ċibernetiku u klimatiku.

L-Ewropa għandha bżonn ta’ investimenti immirati tajjeb biex jingħata appoġġ liċ-ċaqlieqa lejn ekonomija b’impatt newtrali fuq il-klima u għal kollox diġitali. Il-flessibbiltà permessa fi ħdan il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir għandha tintuża bis-sħiħ biex tippermetti li jsir l-investiment neċessarju filwaqt li tiġi salvagwardata s-sostenibbiltà fiskali. Dan se jkun ta’ għajnujna għalina biex niksbu pożizzjoni fiskali aktar favorevoli għat-tkabbir fiż-żona tal-euro filwaqt li tiġi salvagwardata r-responsabbiltà fiskali. Adozzjoni malajr tal-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid hija wkoll kruċjali sabiex tiġi ggarantita d-disponibbiltà fil-pront ta’ investiment addizzjonali f’appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali u tal-klima (ara l-Kaxxa 2).

Dan kollu se jkun essenzjali biex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-Euro, abilitatur kruċjali biex tiżdied is-saħħa tal-Ewropa fis-swieq globali. Dan se jgħin lid-ditti, l-konsumaturi u lill-gvernijiet Ewropej jilqgħu għal żviluppi esterni mhux favorevoli u biex jasserixxu r-rwol tal-ekonomija tal-żona tal-euro fuq il-palk dinji. L-urġenza tal-azzjoni saret anki aktar qawwija fil-kuntest preżenti, meta r-rivalitajiet madwar id-dinja, u t-theddid għas-sistema multilaterali qiegħed jagħti lok għal kunflitti ekonomiċi ġodda permezz ta’ kunflitti tal-kummerċ u ta’ munita, u dan hu ta’ riskju biex ħafna mill-benefiċċji tal-globalizzazzjoni jiġu mminati.

Kaxxa 2: Il-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE – il-ħtieġa li jiġi adottat malajr il-qafas finanzjarju pluriennali.

Il-baġit tal-Unjoni Ewropea huwa ċentrali biex l-ambizzjonijiet tagħna jsiru realtà.

Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli, li jibni fuq mekkaniżmi eżistenti u ġodda, se jipproduċi l-investimenti neċessarji biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta se jieħu ħsieb ir-reġjuni l-aktar affettwati u jiżgura li ħadd ma jaqa’ lura.

Il-Programm InvestEU mistenni li jimmobilizza aktar minn EUR 650 biljun f’investiment addizzjonali sal-2027, permezz tal-użu ta’ garanzija tal-UE. Huwa strument kruċjali biex jinġabru riżorsi finanzjarji privati għall-promozzjoni tal-objettivi tal-UE.

Il-fondi tal-politika tal-koeżjoni (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni) għandhom rwol kruċjali fl-għoti ta’ appoġġ għall-koeżjoni soċjali u territorjali fl-Istati Membri, fir-reġjuni u n-naħat rurali tagħna, biex dawn ilaħħqu mat-trasformazzjonijiet diġitali u ekoloġiċi fid-dinja tagħna. Il-proposta tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss stabbiliet l-allokazzjoni komprensiva għall-politika ta’ koeżjoni għall-2012-2027 fil-livell ta’ EUR 374 biljun fi prezzijiet kurrenti.

Il-Programm ta’ Appoġġ għar-Riformi se jespandi l-għodod disponibbli fil-livell tal-UE sabiex jgħin fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali fl-Istati Membri kollha, u jipprovdi kemm appoġġ tekniku kif ukoll finanzjarju. Fi ħdanu, l-Istrument Baġitarju għall-Konverġenza u l-Kompetittività mistenni jipprovdi appoġġ għar-riformi u l-investiment fi Stati Membri taż-żona tal-euro.

Il-baġit tal-UE se jinvesti ammonti bla preċedent f’riċerka u innovazzjoni tal-ogħla kwalità, bl-użu ta’ flessibbiltà sħiħa tal-baġit tal-UE li jmiss fl-oqsma li jippromettu l-akbar potenzjal. Orizzont Ewropa se tipprovai EUR 98 biljun għal investimenti fl-innovazzjoni fl-UE.

Il-baġit tal-UE se jaġixxi bħala katalist biex jingrana l-investiment sostenibbli privat u pubbliku u biex jidderieġi l-appoġġ tal-UE għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa lejn fejn tkun l-aktar meħtieġa. Diġà, taħt il-baġit għat-tul preżenti għall-2014-2020, il-baġit tal-UE żied il-piż tal-ambjent u tal-klima fil-programmi ta’ nfieq tiegħu. It-taffija tal-bidla fil-klima u l-adattament ġew integrati u inkorporati fl-oqsma ta’ nfiq kollha ewlenin tal-UE. Fil-proposta tagħha għal baġit tal-UE ta’ aktar minn EUR 1 triljun bejn l-2021 u l-2027 ( 5 ), il-Kummissjoni Ewropea żiedet l-ambizzjoni tagħha li tonfoq mill-anqas 25% tan-nefqa fuq attivitajiet marbuta mal-klima; dan jirrappreżenta EUR 320 biljun. Bil-politika agrikola komuni tal-futur (CAP), arkitettura ekoloġika ġdida se tagħmel kontribut aktar qawwi biex jittieħed ħsieb tal-ambjent u tal-klima, bl-azzjonijiet taħt il-CAP mistennija li jikkontribwixxu 40% tal-pakkett finanzjarju kumplessiv tal-CAP lejn l-objettivi klimatiċi.

7.Attenzjoni ġdida mis-Semestru Ewropew

L-istrateġija l-ġdida tat-tkabbir bl-attenzjoni tagħha fuq is-sostenibbiltà kompetittiva se tgħinna niksbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals - SDGs). L-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali għandhom relevanza għall-ekonomija kollha kemm hi. Sabiex niksbu suċċess se jkun hemm bżonn ta’ sforzi konsiderevoli fl-oqsma kollha ta’ politika fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali. Fattur kruċjali tas-suċċess huwa l-abbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi li jmexxu l-politiki li jolqtu l-ekonomija, dawk soċjali u fiskali lejn il-kisba tal-SDGs. Il-kontribut tal-livelli differenti ta’ governanza fi ħdan l-UE lejn il-kisba tal-SDGs hija kumplessa minħabba d-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE. Filwaqt li l-isfidi transformazzjonali jiġu kondiviżi b’mod komuni, il-punt tat-tluq huwa differenti: xi Stati Membri aktar esposti għar-riskji ekonomiċi, soċjali u ambjentali jew li għad għandhom jagħmlu aktar progress lejn il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju. Għalhekk huwa neċessarju li jkun hemm politiki differenzjati iżda kkoordinati mill-qrib. Tul l-għaxar snin li għaddew, is-Semestru Ewropew stabbilixxa ruħu bħala l-għodda kruċjali għall-koordinazzjoni ta’ politiki nazzjonali tal-ekonomija u tal-impjieg. Bħala tali, jista’ jkun ta’ għajnuna biex dawn il-politiki jiġu mbuttati lejn il-kisba tal-SDGs billi jiġi mmonitorjat il-progress u tiġi żgurata koordinazzjoni aktar mill-qrib ta’ sforzi nazzjonali fil-qasam tal-politiki tal-ekonomija u tal-impjiegi, biż-żamma tal-attenzjoni fuq kwistjonijiet li għandhom implikazzjonijiet fuq l-ekonomija kollha kemm hi.

L-attenzjoni mill-ġdid tas-Semestru Ewropew diġà bdiet permezz tan-narattiva ekonomika aktar wiesgħa li qiegħda titressaq f’din l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli. Se tkompli bir-rapporti tal-pajjiżi tal-2020, l-analiżi tal-Kummissjoni tas-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tal-Istati Membri. Bħala l-ewwel pass, ir-rapporti tal-2020 se jinkludu analiżi msaħħaħ u monitoraġġ fuq l-SDGs. Dawn se jinkludu taqsima ġdida dedikata li tiffoka fuq is-sostenibbiltà ambjentali li se tiżdied biex tikkumplimenta l-analiżi dwar l-isfidi ekonomiċi u soċjali. L-għan huwa li l-azzjonijiet tal-Istati Membri jingħataw appoġġ billi jiġu identifikati s-sinerġiji u l-kompromessi bejn politiki dwar l-ambjent, dawk soċjali u dwar l-ekonomija fil-livell nazzjonali. L-analiżi tar-rapporti se tappoġġja wkoll l-użu ta’ fondi tal-UE għal investimenti sostenibbli fl-Unjoni Ewropea. B’żieda ma’ din is-sezzjoni l-ġdida, kull rapport tal-pajjiżi se jinkludi wkoll anness ġdid li jkejjel il-prestazzjoni ta’ kull Stat Membri individwali fejn jidħlu l-SDGs. Dan l-anness ġdid se jkun qiegħed jimmonitorja l-progress ta’ kull pajjiż, abbażi fuq is-sett ta’ indikaturi li joħroġ il-Eurostat dwar l-SDGs tal-UE. Barra minn dan, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jikkunsidraw il-progress li sar fuq l-SDGs fil-programmi nazzjonali ta’ riformi tagħhom, bħala kumpliment kwalitattiv għall-monitoraġġ ibbażat fuq l-indikaturi mill-Kummissjoni fi ħdan is-Semestru li se jikkattura l-aspetti tal-politiki relatati li jolqtu l-ekonomija kollha kemm hi L-objettiv mhux dak li jinħoloq piż amministrattiv addizzjonali għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, iżda pjuttost li titkompla l-ħidma abbażi ta’ għodod nazzjonali eżistenti ta’ monitoraġġ, bħal pereżempju l-Analażijiet Nazzjonali Volontarji annwali previsti fil-livell tan-NU sabiex tingħata gwida u koordinazzjoni aktar utli fil-livell tal-UE. Fuq il-bażi tar-rapporti tal-pajjiżi, il-proposti tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-2020 speċifiċi għall-pajjiżi, li għandhom jiġu adottati f’Mejju, se jagħmlu enfażi fuq il-kontribuzzjoni tar-riformi nazzjonali għall-progress lejn SDGs speċifiċi, fejn dan ikun strumentali biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiki u dawk li jolqtu l-impjiegi fuq l-isfidi ekonomiċi u li jkunu suġġett ta’ preokkupazzjoni komuni.

Bl-iżvilupp ta’ dan l-approċċ ġdid f’dan iċ-ċiklu tas-Semestru, u matul is-snin li ġejjin, is-Semestru Ewropew se jkun ta’ appoġġ dirett għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fit-twettiq tal-SDGs madwar il-politiki tagħha dwar l-ekonomija u dwar l-impjiegi u se jiżgura li l-ekonomija tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd u fejn it-tkabbir ikun sostenibbli.

Il-konklużjonijiet u l-passi li jmiss

Biex din l-istrateġija ta’ tkabbir sostenibbli taħdem hemm bżonn ta’ sforz konġunt. Se tkun tirrekjedi l-azzjoni kkombinata u l-impenn tal-atturi Ewropej kollha. Il-Kunsill Ewropew huwa mistieden japprova din l-istrateġija. L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu kont tal-prijoritajiet li identifikat il-Kummissjoni hawnhekk fil-politiki u l-istrateġiji nazzjonali tagħhom, kif imfissra fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni se tipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, li l-Istati Membri eventwalment jadottawhom fil-Kunsill. Fl-aħħar mill-aħħar ikunu b’hekk l-Istati Membri dawk responsabbli għall-kontenut u l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

L-Istati Membri jmisshom jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti disponibbli ta’ politika u ta’ finanzjar tal-UE. Il-Kummissjoni hija lesta li tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom ta’ riforma billi tipprovdi appoġġ tekniku, b’mod partikolari permezz tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi, għall-Istati Membri kollha. Bħala parti minn dan, fil-każ tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, l-Istrument Baġitarju għall-Konverġenza u l-Kompetittività mistenni li jipprovdi inċentivi mfassla apposta kif ukoll appoġġ għar-riformi u l-investiment. Fl-aħħar nett, il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni għandhom rwol kruċjali fl-appoġġ tal-koeżjoni soċjali u territorjali.

Il-governanza ekonomika u r-responsabiltà demokratika iridu jimxu id f’id. Il-Parlament Ewropew jenħtieġ li jkollu vuċi aktar qawwija fejn tidħol il-governanza ekonomika tal-UE. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se timpenja ruħha fi djalogu mal-Parlament Ewropew dwar kif dan jista’ jitmexxa ’l quddiem. Bħala l-ewwel pass, il-Membri tal-Kummissjoni responsabbli minn temi ekonomiċi se jiġu fil-Parlament Ewropew qabel kull stadju kruċjali fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew. Din ir-responsabbiltà demokratika mtejba tas-Semestru Ewropew għandha tkun ta’ għajnuna biex titjieb is-sjieda u għalhekk l-implimentazzjoni tar-riformi. B’mod aktar wiesa’, il-Kummissjoni se tkompli d-djalogu mal-Istati Membri, u tistieden lill-Istati Membri jinvolvu l-parlamenti nazzjonali, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati relevanti kollha.

(1)    Il-Proposta għal Rapport Konġunt dwar l-Impjieg mill-Kummissjoni u l-Kunsill, adottata flimkien mal-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli (COM(2019) 653), tagħti kont dettaljat tas-suq tax-xogħol u l-iżviluppi fil-politika soċjali, inkluż permezz tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali
(2)    Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2018 https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/economy-finance/ip079_en.pdf
(3)

   Sa mill-2009, l-Ekodiżinn kien qiegħed iġib tnaqqis sostanzjali fl-użu tal-enerġija kif ukoll fl-emissjonijiet assoċjati tas-CO2, kif ukoll, dejjem aktar, kien qiegħed iwassal għal aktar effiċjenza fl-użu tal-materjal.

(4)    Ir-Rapport tal-Prestazzjoni tas-Suq Uniku SWD(2019) 443
(5)

   Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027, COM/2018/322