Brussell, 11.12.2019

COM(2019) 640 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew


1.Introduzzjoni — nittrasformaw sfida urġenti f’opportunità unika

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-Patt Ekoloġiku Ewropew għall-Unjoni Ewropea (UE) u ċ-ċittadini tagħha. Tistabbilixxi mill-ġdid l-impenn tal-Kummissjoni li tindirizza l-isfidi relatati mal-klima u l-ambjent li huwa l-kompitu li jiddefinixxi din il-ġenerazzjoni. L-atmosfera qed tisħon u l-klima qed tinbidel ma’ kull sena li tgħaddi. Miljun minn tmien miljun speċi fuq il-pjaneta huma f’riskju li jintilfu. Il-foresti u l-oċeani qed jitniġġsu u jinqerdu 1 .

Il-Patt Ekoloġiku tal-Unjoni Ewropea huwa reazzjoni għal dawn l-isfidi. Hija strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-UE f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-2050 u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. 

Għandha l-għan ukoll li tipproteġi, tippreserva u ssaħħaħ il-kapital naturali tal-UE, u tipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u l-impatti relatati mal-ambjent. Fl-istess ħin, din it-tranżizzjoni trid tkun ġusta u inklużiva. Għandha tpoġġi lin-nies fl-ewwel post, u tagħti attenzjoni lir-reġjuni, lill-industriji u lill-ħaddiema li se jiffaċċjaw l-akbar sfidi. Peress li se ġġib bidla sostanzjali, il-parteċipazzjoni pubblika attiva u l-fiduċja fit-tranżizzjoni huma ta’ importanza kbira jekk il-politiki jridu jaħdmu u jiġu aċċettati. Hemm bżonn ta’ patt ġdid biex ilaqqa’ liċ-ċittadini mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, lokali, mas-soċjetà ċivili u l-industrija mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-UE u l-korpi konsultattivi.

L-UE għandha l-kapaċità kollettiva li tittrasforma l-ekonomija u s-soċjetà tagħha biex tkun fuq perkors aktar sostenibbli. Tista’ tibni fuq il-punti b’saħħithom tagħha bħala mexxejja globali fuq miżuri klimatiċi u ambjentali, fuq il-protezzjoni tal-konsumatur, u fuq id-drittijiet tal-ħaddiema. It-tnaqqis addizzjonali effettiv huwa sfida. Dan se jkun jeħtieġ investiment pubbliku massiv u sforzi akbar biex jidderieġi l-kapital privat lejn azzjoni klimatika u ambjentali, filwaqt li jiġi evitat intrappolament fi prattiki mhux sostenibbli. L-UE trid tkun fuq quddiem nett tal-isforzi internazzjonali ta’ koordinazzjoni biex tibni sistema finanzjarja koerenti li tappoġġa soluzzjonijiet sostenibbli. Dan l-investiment bil-quddiem huwa wkoll opportunità biex l-Ewropa titpoġġa b’mod sod fuq perkors ġdid ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew se jaċċellera u jirfed it-tranżizzjoni meħtieġa fis-setturi kollha.

L-ambizzjoni ambjentali tal-Patt Ekoloġiku mhix se tintlaħaq mill-Ewropa waħedha. L-ixpruni tat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità huma globali u mhumiex limitati mill-fruntieri nazzjonali. L-Unjoni tista’ tuża l-influwenza, il-kompetenza u r-riżorsi finanzjarji tagħha biex timmobilizza l-ġirien u s-sħab tagħha biex jingħaqdu magħha fi triq aktar sostenibbli. L-UE ser tkompli tmexxi l-isforzi internazzjonali u tixtieq tibni alleanzi ma’ dawk bl-istess fehma. Hija tirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa li jinżammu s-sigurtà u l-kompetittività tagħha anke meta oħrajn ma jkunux lesti jaġixxu.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta pjan direzzjonali inizjali tal-politiki u l-miżuri ewlenin meħtieġa biex jinkiseb il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan se jiġi aġġornat hekk kif il-ħtiġijiet jevolvu u t-tweġibiet politiċi jiġu fformulati. L-azzjonijiet u l-politiki kollha tal-UE se jkollhom jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-isfidi huma kumplessi u interkonnessi. Ir-reazzjoni tal-politika għandha tkun kuraġġuża u komprensiva u għandha tfittex li timmassimizza l-benefiċċji għas-saħħa, il-kwalità tal-ħajja, ir-reżiljenza u l-kompetittività. Se tirrikjedi koordinazzjoni intensiva biex jiġu sfruttati s-sinerġiji disponibbli fl-oqsma kollha ta’ politika 2 .

Il-Patt Ekoloġiku huwa parti integrali ta’ din l-istrateġija tal-Kummissjoni biex timplimenta l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli 3 , u l-prijoritajiet l-oħra mħabbra fil-linji gwida politiċi tal-President von der Leyen 4 . Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku, il-Kummissjoni se tiffoka mill-ġdid il-proċess tas-Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni makroekonomika biex tintegra l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, biex fil-qalba tal-politika ekonomika tpoġġi s-sostenibbiltà u l-benesseri taċ-ċittadini, u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli fil-qalba tat-tfassil tal-politika u l-azzjoni tal-UE.

Il-kaxxa ta’ hawn taħt turi d-diversi elementi tal-Patt Ekoloġiku.

Figura 1: Il-Patt Ekoloġiku Ewropew

2.Nittrasformaw l-ekonomija tal-UE għal futur sostenibbli

2.1.It-tfassil ta’ sett ta’ politiki trasformattivi ferm

Biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, hemm bżonn li jitfasslu mill-ġdid il-politiki għall-provvista madwar l-ekonomija kollha tal-enerġija nadifa, l-industrija, il-produzzjoni u l-konsum, l-infrastruttura fuq skala kbira, it-trasport, l-ikel u l-agrikoltura, il-kostruzzjoni it-tassazzjoni u l-benefiċċji soċjali. Biex jinkisbu dawn l-għanijiet, huwa essenzjali li jiżdied il-valur mogħti lill-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi naturali, l-użu sostenibbli tar-riżorsi u t-titjib tas-saħħa tal-bniedem. Dan huwa fejn il-bidla trasformattiva hija l-aktar meħtieġa u potenzjalment l-aktar ta’ benefiċċju għall-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent naturali tal-UE. L-UE għandha wkoll tippromwovi u tinvesti fit-trasformazzjoni diġitali meħtieġa u fl-għodod, peress li dawn huma strumenti essenzjali għat-tibdil.

Filwaqt li dawn l-oqsma għal azzjoni huma interkonnessi sew u jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku, għandha tingħata attenzjoni partikolari meta jkun hemm kompromessi potenzjali bejn l-objettivi ekonomiċi, ambjentali u soċjali. Il-Patt Ekoloġiku se jagħmel użu konsistenti mil-lievi politiċi kollha: ir-regolamentazzjoni u l-istandardizzazzjoni, l-investiment u l-innovazzjoni, ir-riformi nazzjonali, id-djalogu mas-sħab soċjali u l-kooperazzjoni internazzjonali. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se jiggwida l-azzjoni biex jiġi żgurat li ħadd ma jibqa’ lura.

Il-miżuri l-ġodda waħedhom mhumiex se jkunu biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Minbarra t-tnedija ta’ inizjattivi ġodda, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex iżżid l-isforzi tal-UE biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni u l-politiki attwali rilevanti għall-Patt Ekoloġiku jiġu infurzati u implimentati b’mod effettiv.

2.1.1.Inżidu l-ambizzjoni klimatika tal-UE għall-2030 u l-2050

Il-Kummissjoni diġà stabbiliet viżjoni ċara ta’ kif tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 5 . Din il-viżjoni għandha tifforma l-bażi għall-istrateġija fit-tul li l-UE ser tissottometti għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima kmieni fl-2020. Biex tistabbilixxi b’mod ċar il-kundizzjonijiet għal tranżizzjoni effettiva u ġusta, tipprovdi prevedibbiltà għall-investituri, u tiżgura li t-tranżizzjoni tkun irriversibbli, il-Kummissjoni se tipproponi l-ewwel “Liġi dwar il-Klima” Ewropea sa Marzu 2020. Din se tonqox l-objettiv tan-newtralità tal-klima għall-2050 fil-leġiżlazzjoni. Il-liġi dwar il-Klima se tiżgura wkoll li l-politiki kollha tal-UE jikkontribwixxu għall-objettiv tan-newtralità tal-klima u li s-setturi kollha jagħtu sehemhom.

L-UE diġà bdiet timmodernizza u tittrasforma l-ekonomija bl-għan tan-newtralità tal-klima. Bejn l-1990 u l-2018, naqqset l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra bi 23 %, filwaqt li l-ekonomija kibret b’61 %. Madankollu, il-politiki attwali se jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra biss b’60 % sal-2050. Għad fadal ħafna xi jsir, b’azzjoni klimatika aktar ambizzjuża fid-deċennju li ġej.

Sas-sajf tal-2020, il-Kummissjoni se tippreżenta pjan ta’ valutazzioni tal-impatt biex iżżid il-mira tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030 għal mill-inqas 50 % u għal 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 b’mod responsabbli. Sabiex twettaq dan it-tnaqqis addizzjonali fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, il-Kummissjoni, sa Ġunju 2021, se tirrieżamina u tipproponi li tirrevedi fejn meħtieġ, l-istrumenti ta’ politika kollha rilevanti relatati mal-klima. Din ser tinkludi s-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet 6 , inkluża l-possibbiltà ta’ estensjoni tal-iskambju Ewropew tal-kwoti tal-emissjonijiet għal setturi ġodda, il-miri tal-Istati Membri li jnaqqsu l-emissjonijiet f’setturi barra s-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet 7 , u r-regolament dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija 8 . Il-Kummissjoni se tipproponi li temenda l-Liġi dwar il-Klima biex taġġornaha kif xieraq.

Dawn ir-riformi ta’ politika se jgħinu biex jiġi żgurat ipprezzar effettiv tal-karbonju fl-ekonomija kollha. Dan ser jinkoraġġixxi bidliet fl-imġiba tal-konsumaturi u tan-negozju, u jiffaċilita żieda fl-investiment pubbliku u privat sostenibbli. L-istrumenti differenti tal-ipprezzar iridu jikkumplimentaw lil xulxin u jipprovdu qafas ta’ politika koerenti b’mod konġunt. L-iżgurar li t-tassazzjoni tkun allinjata mal-objettivi tal-klima huwa essenzjali wkoll. Il-Kummissjoni se tipproponi li tirrevedi d-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija 9 , li tiffoka fuq kwistjonijiet ambjentali, u tipproponi li jintużaw id-dispożizzjonijiet fit-Trattati li jippermettu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jadottaw proposti f’dan il-qasam permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata aktar milli b’unanimità.

Sakemm ħafna sħab internazzjonali ma jaqsmux l-istess ambizzjoni bħall-UE, hemm ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, jew minħabba li l-produzzjoni tiġi ttrasferita mill-UE lejn pajjiżi oħra b’inqas ambizzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, jew minħabba li l-prodotti tal-UE jiġu sostitwiti b’aktar importazzjonijiet b’użu intensiv ta’ karbonju. Jekk dan ir-riskju jimmaterjalizza, ma jkun hemm l-ebda tnaqqis fl-emissjonijiet globali, u dan ifixkel l-isforzi tal-UE u l-industriji tagħha biex jintlaħqu l-objettivi tal-klima globali tal-Ftehim ta’ Pariġi.

Jekk jippersistu d-differenzi fil-livelli ta’ ambizzjoni mad-dinja, hekk kif l-UE żżid l-ambizzjoni tagħha dwar il-klima, il-Kummissjoni se tipproponi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri għal setturi magħżula biex jitnaqqas ir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju Dan jiżgura li l-prezz tal-importazzjonijiet jirrifletti b’mod aktar preċiż il-kontenut tal-karbonju tagħhom. Din il-miżura se tkun imfassla biex tikkonforma mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u ma’ obbligi internazzjonali oħra tal-Unjoni. Tkun alternattiva għall-miżuri 10 li jindirizzaw ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet.

Il-Kummissjoni se tadotta strateġija ġdida u aktar ambizzjuża tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima. Dan huwa essenzjali, peress li t-tibdil fil-klima se jkompli joħloq stress sinifikanti fl-Ewropa minkejja l-isforzi ta’ mitigazzjoni. It-tisħiħ tal-isforzi dwar il-protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima, il-bini tar-reżiljenza, il-prevenzjoni u t-tħejjija huwa kruċjali. Il-ħidma fuq l-adattament għall-klima għandha tkompli tinfluwenza l-investimenti pubbliċi u privati, inkluż dwar soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. Se jkun importanti li jiġi żgurat li madwar l-UE, l-investituri, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni, il-bliet u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jaċċessaw id-data u jiżviluppaw strumenti li jintegraw it-tibdil fil-klima fil-prattiki tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom.

2.1.2.Il-provvista ta’ enerġija nadifa, affordabbli u sigura    

Id-dekarbonizzazzjoni ulterjuri tas-sistema tal-enerġija hija kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi fl-2030 u l-2050. Il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija fis-setturi ekonomiċi kollha jammontaw għal aktar minn 75 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE. L-effiċjenza enerġetika għandha tingħata prijorità. Għandu jiġi żviluppat settur tal-enerġija li fil-biċċa l-kbira tiegħu jkun ibbażat fuq sorsi rinnovabbli; dan irid jiġi kkomplementat bit-tneħħija rapida tal-faħam u bid-dekarbonizzazzjoni tal-gass. Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-provvista tal-enerġija tal-UE tkun sigura u affordabbli għall-konsumaturi u n-negozji. Sabiex dan iseħħ, huwa essenzjali li jiġi żgurat li s-suq tal-enerġija Ewropew ikun integrat b’mod sħiħ, interkonness u diġitalizzat filwaqt li tiġi rrispettata n-newtralità teknoloġika.

L-Istati Membri se jippreżentaw il-pjanijiet riveduti tagħhom dwar l-enerġija u l-klima sal-aħħar tal-2019. F’konformità mar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika 11 , dawn il-pjanijiet għandhom jistabbilixxu kontribuzzjonijiet nazzjonali ambizzjużi għal miri għall-UE kollha. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ambizzjoni tal-pjanijiet, u l-ħtieġa għal miżuri addizzjonali jekk il-livell ta’ ambizzjoni ma jkunx biżżejjed. Dan se jikkontribwixxi għall-proċess ta’ żieda fl-ambizzjoni klimatika għall-2030, li għalih il-Kummissjoni se tirrieżamina u tipproponi li tirrevedi, fejn meħtieġ, il-leġiżlazzjoni rilevanti dwar l-enerġija sa Ġunju 2021. Meta l-Istati Membri jibdew jaġġornaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija u l-klima fl-2023, għandhom jirriflettu l-ambizzjoni klimatika l-ġdida. Il-Kummissjoni se tkompli tiżgura li l-leġiżlazzjoni rilevanti kollha tiġi infurzata b’mod rigoruż.

It-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa għandha tinvolvi u tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi. Is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli se jkollhom rwol essenzjali. Ser ikun essenzjali li tiżdied il-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta, li tibni fuq il-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri. L-integrazzjoni intelliġenti tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija u soluzzjonijiet sostenibbli oħra fis-setturi kollha se jgħinu biex tinkiseb id-dekarbonizzazzjoni bl-aktar spiża baxxa possibbli. It- tnaqqis rapidu fil-kost ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, flimkien ma’ titjib fid-disinn tal-politiki ta’ appoġġ, diġà naqqas l-impatt fuq il-kontijiet tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni se tippreżenta sa nofs l-2020 miżuri biex tgħin fit-twettiq ta’ integrazzjoni intelliġenti. B’mod parallel, id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-gass se tiġi ffaċilitata, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-appoġġ għall-iżvilupp ta’ gassijiet dekarbonizzati, permezz ta’ disinn li jibqa’ validu fil-futur għal suq tal-gass kompetittiv dekarbonizzat, u billi tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-emissjonijiet tal-metan relatati mal-enerġija.

Ir-riskju tal-faqar enerġetiku jrid jiġi indirizzat għall-unitajiet domestiċi li ma jistgħux jaffordjaw servizzi tal-enerġija ewlenin biex jiżguraw standard bażiku ta’ għajxien. Programmi effettivi, bħall-iskemi ta’ finanzjament għad-djar biex jirrinovaw djarhom, jistgħu jnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija u jgħinu lill-ambjent. Fl-2020, il-Kummissjoni se tipproduċi gwida biex tassisti lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-prekarjetà enerġetika.

It-tranżizzjoni għan-newtralità tal-klima teħtieġ ukoll infrastruttura intelliġenti. Iż-żieda fil-kooperazzjoni transfruntiera u reġjonali se tgħin biex jinkisbu l-benefiċċji tat-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa bi prezzijiet affordabbli. Il-qafas regolatorju għall-infrastruttura tal-enerġija, inkluż ir-Regolament TEN-E 12 , jeħtieġ li jiġi rieżaminat sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-objettiv tan-newtralità klimatika. Dan il-qafas għandu jrawwem l-użu ta’ teknoloġiji u infrastruttura innovattivi, bħal grilji intelliġenti, netwerks tal-idroġenu jew il-ġbir, il-ħżin u l-użu tal-karbonju, il-ħżin tal-enerġija, li jippermetti wkoll l-integrazzjoni tas-settur. Xi infrastruttura u assi eżistenti se jirrikjedu aġġornament biex jibqgħu adattati għall-iskop u reżiljenti għall-klima.

2.1.3.Il-mobilizzazzjoni tal-industrija għal ekonomija nadifa u ċirkolari

Il-kisba ta’ ekonomija newtrali għall-klima u ċirkolari teħtieġ il-mobilizzazzjoni sħiħa tal-industrija. Hemm bżonn 25 sena — żmien ġenerazzjoni — biex wieħed jittrasforma settur industrijali u l-ktajjen ta’ valur kollha. Biex ikunu lesti fl-2050, jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet u azzjonijiet fil-ħames snin li ġejjin.

Mill-1970 sal-2017, l-estrazzjoni globali annwali tal-materjali ttriplat u qed tkompli tikber 13 , u dan joħloq riskju globali kbir. Madwar nofs l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra totali u aktar minn 90 % tat-telf tal-bijodiversità u l-istress tal-ilma jiġu mill-estrazzjoni u l-ipproċessar tar-riżorsi għal materjali, fjuwils u ikel. L-industrija tal-UE bdiet taqleb iżda għadha tirrappreżenta 20 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE. Għadha wisq “lineari”, u tiddependi mill-fluss ta’ materjali ġodda estratti, innegozjati u pproċessati f’oġġetti, u fl-aħħar jintremew bħala skart jew emissjonijiet. Huwa biss 12 % tal-materjal li tuża li jiġi mir-riċiklaġġ 14 .

It-tranżizzjoni hija opportunità biex titwessa’ attività ekonomika sostenibbli u intensiva fl-impjiegi. Hemm potenzjal sinifikanti fis-swieq globali għal teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi, prodotti u servizzi sostenibbli. Bl-istess mod, l-ekonomija ċirkolari toffri potenzjal kbir għal attivitajiet u impjiegi ġodda. Madankollu, it-trasformazzjoni qed isseħħ b’pass kajman wisq u l-progress la huwa mifrux u lanqas uniformi. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew se jappoġġa u jaċċellera t-tranżizzjoni tal-industrija tal-UE lejn mudell sostenibbli ta’ tkabbir inklużiv.

F’Marzu 2020, il-Kummissjoni se tadotta strateġija industrijali tal-UE biex tindirizza l-isfida doppja tat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali. L-Ewropa għandha tisfrutta l-potenzjal tat-trasformazzjoni diġitali li hija faċilitatur ewlieni biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku. Flimkien mal-istrateġija industrijali, pjan ta’ azzjoni ġdid għal ekonomija ċirkolari jkun ta’ għajnuna fl-immodernizzar tal-ekonomija tal-UE u jġib benefiċċji mill-opportunitajiet tal-ekonomija ċirkolari domestikament u globalment. Għan ewlieni tal-qafas ta’ politika l-ġdid se jkun li jistimula l-iżvilupp ta’ swieq ewlenin għal prodotti ċirkolari u newtrali għall-klima.

L-industriji li jużaw ħafna enerġija, bħall-azzar, is-sustanzi kimiċi u s-siment, huma indispensabbli għall-ekonomija tal-Ewropa, peress li jipprovdu diversi katini ta’ valur ewlenin. Id-dekarbonizzazzjoni u l-modernizzazzjoni ta’ dan is-settur huma essenzjali. Ir-rakkomandazzjonijiet ippubblikati mill-Grupp ta’ Livell Għoli tal-industriji li jużaw ħafna enerġija huma xhieda tal-impenn tal-industrija lejn dawn l-objettivi 15 .

Il-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari se jinkludi politika ta’ ‘prodotti sostenibbli’ li tappoġġja t-tfassil ċirkolari tal-prodotti kollha abbażi ta’ metodoloġija u prinċipji komuni. Se jipprijoritizza t-tnaqqis u l-użu mill-ġdid tal-materjali qabel ir-riċiklaġġ. Se jrawwem mudelli ġodda ta’ negozju u jistabbilixxi rekwiżiti minimi biex prodotti li jagħmlu ħsara lill-ambjent ma jitqegħdux fis-suq tal-UE. Ir-responsabbiltà estiża tal-produttur se tissaħħaħ ukoll.

Filwaqt li l-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari se jiggwida t-tranżizzjoni tas-setturi kollha, l-azzjoni se tiffuka b’mod partikolari fuq setturi li jużaw ħafna riżorsi bħat-tessuti, il-kostruzzjoni, l-elettronika u l-plastik. Il-Kummissjoni se ssegwi fuq l-istrateġija tal-2018 dwar il-plastik li tiffoka, fost affarijiet oħra, fuq miżuri biex jiġu indirizzati l-mikroplastiċi miżjuda intenzjonalment u r-rilaxxi mhux intenzjonati tal-plastik minn, pereżempju t-tessuti u l-brix tat-tajers. Il-Kummissjoni se tiżviluppa rekwiżiti li jiżguraw li l-imballaġġ kollu fis-suq tal-UE jista’ jerġa’ jintuża jew jiġi rriċiklat b’mod ekonomikament vijabbli sal-2030, se jiżviluppa qafas regolatorju għall-plastik bijodegradabbli u b’bażi bijoloġika, u se jimplimenta miżuri dwar il-plastik li jintuża darba biss.

Il-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari se jinkludi wkoll miżuri biex jinkoraġġixxu lin-negozji joffru u jippermettu lill-konsumaturi jagħżlu prodotti riużabbli, durabbli u li jistgħu jissewwew. Din se tanalizza l-ħtieġa għal ‘dritt għat-tiswija’, u se trażżan l-obsolenza inkorporata tal-apparati, b’mod partikolari għall-elettronika. Il-politika tal-konsumatur se tgħin biex il-konsumaturi jingħataw aktar setgħa biex jagħmlu għażliet infurmati u jkollhom rwol attiv fit-tranżizzjoni ekoloġika. Mudelli ġodda ta’ negozju bbażati fuq il-kiri u l-kondiviżjoni ta’ oġġetti u servizzi wkoll se jkollhom rwol sakemm ikunu verament sostenibbli u affordabbli.

Informazzjoni affidabbli, komparabbli u verifikabbli wkoll għandha rwol importanti biex ix-xerrejja jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet aktar sostenibbli u tnaqqas ir-riskju ta’ ‘ħasil ekoloġiku’. Il-kumpaniji li jagħmlu ‘asserzjonijiet ekoloġiċi’ għandhom jissostanzjaw dawn kontra metodoloġija standard li tivvaluta l-impatt tagħhom fuq l-ambjent. Il-Kummissjoni se żżid l-isforzi regolatorji u mhux regolatorji tagħha biex tindirizza t-talbiet ekoloġiċi foloz. Id-diġitalizzazzjoni tista’ tgħin ukoll biex titjieb id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-prodotti mibjugħa fl-UE. Pereżempju, passaport ta’ prodott elettroniku jista’ jipprovdi informazzjoni dwar l-oriġini, il-kompożizzjoni, il-possibbiltajiet ta’ tiswija u żarmar ta’ prodott, u l-immaniġġjar ta’ tmiem il-ħajja. L-awtoritajiet pubbliċi, inklużi l-istituzzjonijiet tal-UE, għandhom imexxu bl-eżempju u jiżguraw li l-akkwist tagħhom ikun ekoloġiku. Il-Kummissjoni se tipproponi aktar leġiżlazzjoni u gwida dwar ix-xiri pubbliku ekoloġiku.

Politika dwar il-prodotti sostenibbli għandha wkoll il-potenzjal li tnaqqas l-iskart b’mod sinifikanti. Meta l-iskart ma jkunx jista’ jiġi evitat, il-valur ekonomiku tiegħu irid jiġi rkuprat u jiġi evitat jew minimizzat l-impatt ekonomiku tiegħu fuq l-ambjent u fuq it-tibdil fil-klima. Dan jirrikjedi leġiżlazzjoni ġdida, inkluż miri u miżuri biex jiġi indirizzat il-pakkett żejjed u l-ġenerazzjoni tal-iskart. B’mod parallel, il-kumpaniji tal-UE għandhom jibbenefikaw minn suq uniku robust u integrat għal materja prima sekondarja u prodotti sekondarji. Dan jeħtieġ kooperazzjoni aktar profonda bejn il-ktajjen ta’ valur, bħal fil-każ tal-Alleanza Ċirkolari dwar il-Plastik. Il-Kummissjoni se tikkunsidra r-rekwiżiti legali biex issaħħaħ is-suq ta’ materja prima sekondarja b’kontenut riċiklat obbligatorju (pereżempju għall-ippakkjar, il-vetturi, il-materjali tal-kostruzzjoni u l-batteriji). Biex tissimplifika l-ġestjoni tal-iskart għaċ-ċittadini u tiżgura materjali sekondarji aktar nodfa għan-negozji, il-Kummissjoni se tipproponi wkoll mudell tal-UE għall-ġbir tal-iskart separat. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-UE għandha tieqaf tesporta l-iskart tagħha barra mill-UE u għalhekk se tirrevedi r-regoli dwar il-vjeġġi ta’ skart u l-esportazzjonijiet illegali.

L-aċċess għar-riżorsi huwa wkoll kwistjoni ta’ sigurtà strateġika għall-ambizzjoni tal-Ewropa li twassal il-Patt Ekoloġiku. Għalhekk, l-iżgurar ta’ provvista sostenibbli ta’ materja prima, b’mod partikolari materja prima kritika meħtieġa għal teknoloġiji nodfa, applikazzjonijiet diġitali, spazjali u tad-difiża, permezz tad-diversifikazzjoni tal-provvista minn sorsi primarji u sekondarji, huwa wieħed mill-prerekwiżiti biex issir din it-tranżizzjoni.

L-industrija tal-UE teħtieġ “klima u riżorsi minn ta’ quddiem” biex tiżviluppa l-ewwel applikazzjonijiet kummerċjali ta’ teknoloġiji innovattivi f’setturi industrijali ewlenin sal-2030. L-oqsma ta’ prijorità jinkludu l-idroġenu nadif, iċ-ċelloli tal-fjuwil u fjuwils alternattivi oħra, il-ħżin tal-enerġija, u l-ġbir, l-użu u l-ħżin tal-karbonju. Bħala eżempju, il-Kummissjoni se tappoġġja teknoloġiji rivoluzzjonarji tal-azzar nodfa li jwasslu għal proċess ta’ tfassil tal-azzar mingħajr emissjonijiet tal-karbonju sal-2030 u se tesplora jekk tkunx tista’ tintuża parti mill-finanzjament li qed jiġi likwidat taħt il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. B’mod aktar ġenerali, il-Fond ta’ Innovazzjoni tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet se jgħin biex jiġu skjerati tali proġetti fuq skala kbira.

Il-promozzjoni ta’ forom ġodda ta’ kollaborazzjoni mal-industrija u l-investimenti f’katini tal-valur strateġiċi hija essenzjali. Il-Kummissjoni se tkompli timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji u tappoġġa l-Alleanza Ewropea tal-Batteriji. Fl-2020 se tipproponi leġiżlazzjoni biex tiżgura katina tal-valur ċirkolari, sikura u sostenibbli tal-batteriji, inkluż biex jiġi fornut is-suq li qed jikber tal-vetturi elettriċi. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll inizjattivi oħra li jwasslu għal alleanzi u kondiviżjoni tar-riżorsi fuq skala kbira, pereżempju fil-forma ta’ Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni, fejn għajnuna mill-Istat immirata marbuta biż-żmien tista’ tgħin biex jinbnew ktajjen ta’ valur innovattivi ġodda.

It-teknoloġiji diġitali huma xprunatur kritiku biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sostenibbiltà taż-Żona l-Ħadra f’ħafna setturi differenti. Il-Kummissjoni se tesplora miżuri biex tiżgura li t-teknoloġiji diġitali bħall-intelliġenza artifiċjali, il-5G, il-cloud u l-edge computing u l-internet tal-oġġetti ikunu jistgħu jaċċelleraw u jimmassimizzaw l-impatt tal-politiki biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima u jipproteġu l-ambjent. Id-diġitalizzazzjoni tippreżenta wkoll opportunitajiet ġodda għall-monitoraġġ mill-bogħod tat-tniġġis tal-arja u tal-ilma, jew għall-monitoraġġ u l-ottimizzar ta’ kif jintużaw l-enerġija u r-riżorsi naturali. Fl-istess waqt l-Ewropa teħtieġ settur diġitali li jpoġġi s-sostenibbiltà fil-qalba tiegħu. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll miżuri biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u l-prestazzjoni tal-ekonomija ċirkolari tas-settur innifsu, min-netwerks tal-broadband sa ċentri tad-data u apparat tal-ICT. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa għal aktar trasparenza dwar l-impatt ambjentali ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, miżuri aktar stretti meta jiġu skjerati netwerks ġodda u l-benefiċċji tal-appoġġ ta’ skemi ta’ ‘teħid lura’ biex in-nies jingħataw inċentiv biex jirritornaw l-apparati mhux mixtieqa tagħhom bħal telefowns ċellulari, tablets u ċarġers.

2.1.4.Bini u rinnovazzjoni b’mod effiċjenti fl-enerġija u r-riżorsi

Il-kostruzzjoni, l-użu u r-rinnovazzjoni tal-bini jeħtieġu ammonti sinifikanti ta’ enerġija u riżorsi minerali (eż. ramel, żrar, siment). Il-bini jirrappreżenta wkoll 40 % tal-enerġija kkunsmata. Illum ir-rata annwali ta’ rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini tvarja minn 0.4 għal 1.2 % fl-Istati Membri. Din ir-rata teħtieġ mill-anqas li tirdoppja biex tilħaq l-objettivi tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-klima. B’mod parallel, 50 miljun konsumatur ibatu biex iżommu darhom sħuna biżżejjed.

Sabiex tiġi indirizzata l-isfida doppja tal-effiċjenza fl-enerġija u l-affordabilità, l-UE u l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom f’“mewġa ta’ rinnovazzjoni” ta’ bini pubbliku u privat. Filwaqt li ż-żieda fir-rati tar-rinnovazzjoni hija sfida, ir-rinnovazzjoni tbaxxi l-kontijiet tal-enerġija, u tista’ tnaqqas il-faqar enerġetiku. Tista’ wkoll tagħti spinta lis-settur tal-kostruzzjoni u hija opportunità biex jiġu appoġġjati l-SMEs u l-impjiegi lokali.

Il-Kummissjoni se tinforza b’mod rigoruż il-leġiżlazzjoni relatata mal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini. Dan se jibda b’valutazzjoni fl-2020 tal-istrateġiji nazzjonali ta’ rinnovazzjoni fit-tul tal-Istati Membri 16 . Il-Kummissjoni se tniedi wkoll ħidma dwar il-possibbiltà li jiġu inklużi emissjonijiet minn bini fl-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, bħala parti minn sforzi usa’ biex jiġi żgurat li l-prezzijiet relattivi ta’ sorsi ta’ enerġija differenti jipprovdu s-sinjali t-tajba għall-effiċjenza fl-enerġija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tirrieżamina r-Regolament dwar il-Prodotti tal-Kostruzzjoni 17 . Għandu jiżgura li d-disinn ta’ bini ġdid u rinnovat f’kull stadju ikun konformi mal-ħtiġijiet tal-ekonomija ċirkolari, u jwassal għal żieda fid-diġitalizzazzjoni u l-istokk tal-bini jkun jiflaħ għal kull klima.

B’mod parallel, il-Kummissjoni tipproponi li taħdem mal-partijiet interessati fuq inizjattiva ġdida dwar ir-rinnovazzjoni fl-2020. Dan se jinkludi pjattaforma miftuħa li tgħaqqad flimkien il-bini u s-settur tal-kostruzzjoni, l-arkitetti u l-inġiniera u l-awtoritajiet lokali biex jindirizzaw l-ostakli għar-rinnovazzjoni. Din l-inizjattiva se tinkludi wkoll skemi ta’ finanzjament innovattivi taħt InvestEU. Dawn jistgħu jkunu mmirati għal assoċjazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni jew kumpaniji ta’ servizzi tal-enerġija li jistgħu jintroduċu rinnovazzjoni inkluż permezz ta’ kuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Għan essenzjali jkun li l-isforzi ta’ rinnovazzjoni jinġabru fi blokok akbar biex jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ta’ finanzjament u ekonomiji ta’ skala aħjar. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll biex tneħħi l-ostakli regolatorji nazzjonali li jinibixxu l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika f’bini mikri u ta’ aktar minn sid wieħed. Se tingħata attenzjoni partikolari lir-rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali, biex tgħin lill-unitajiet domestiċi li jbatu biex iħallsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom. Għandha ssir enfasi wkoll fuq ir-rinnovazzjoni tal-iskejjel u l-isptarijiet, peress li l-flus li jiġu ffrankati permezz tal-effiċjenza se jkunu disponibbli biex jappoġġjaw l-edukazzjoni u s-saħħa pubblika.  

2.1.5.L-aċċellerar tal-bidla lejn mobbiltà sostenibbli u intelliġenti

It-trasport jirrappreżenta kwart tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE u għadhom qed jiżdiedu. Biex tinkiseb in-newtralità tal-klima, jeħtieġ li jkun hemm tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet mit-trasport sal-2050. It-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajru, u t-trasport fuq l-ilma se jkollu jikkontribwixxi għat-tnaqqis. Il-kisba tal-mezzi tat-trasport sostenibbli tfisser li l-utenti jiġu l-ewwel u jiġu pprovduti b’alternattivi aktar affordabbli, aċċessibbli, aktar b’saħħithom u aktar nodfa għad-drawwiet attwali tal-mobbiltà tagħhom. Il-Kummissjoni se tadotta strateġija għal mobilità sostenibbli u intelliġenti fl-2020 li se tindirizza din l-isfida u tindirizza s-sorsi kollha tal-emissjonijiet.

It-trasport multimodali jeħtieġ spinta qawwija. Dan se jżid l-effiċjenza tas-sistema tat-trasport. Bħala kwistjoni ta’ prijorità, parti sostanzjali mill-75 % tal-merkanzija interna li llum tinġarr bit-triq għandha tiġi trasferita għal fuq il-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni. Dan se jkun jeħtieġ miżuri biex ikun hemm ġestjoni aħjar, u biex tiżdied il-kapaċità tal-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni, li l-Kummissjoni se tipproponi sal-2021. Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll li tirtira u tippreżenta proposta ġdida biex tirrevedi d-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat 18 biex din tinbidel f’għodda effettiva biex tappoġġja operazzjonijiet tal-merkanzija multimodali li jinvolvu t-trasport bil-ferrovija u fuq l-ilma, inkluż it-trasport marittimu fuq distanzi qosra. Fl-avjazzjoni, il-ħidma fuq l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni dwar Ajru tassew Uniku Ewropew se jkollha terġa’ tibda billi dan se jgħin biex jinkiseb tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-avjazzjoni.

Il-mobilità multimodali awtomatizzata u konnessa se jkollha rwol dejjem akbar, flimkien ma’ sistemi intelliġenti ta’ ġestjoni tat-traffiku li jistgħu jsiru possibbli permezz tad-diġitalizzazzjoni. Is-sistema tat-trasport tal-UE u l-infrastruttura se jkunu adattati biex jappoġġaw servizzi ta’ mobilità sostenibbli ġodda li jistgħu jnaqqsu l-konġestjoni u t-tniġġis, speċjalment f’żoni urbani. Il-Kummissjoni se tgħin biex jiġu żviluppati sistemi intelliġenti għall-ġestjoni tat-traffiku u għal ‘Mobbiltà bħala Servizz’, permezz tal-istrumenti ta’ finanzjament tagħha, bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

Il-prezzijiet tat-trasport għandhom jirriflettu l-impatt li għandu fuq l-ambjent u fuq is-saħħa. Is-sussidji tal-fjuwils fossili jenħtieġ li jintemmu u, fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija, il-Kummissjoni se tanalizza mill-qrib l-eżenzjonijiet fiskali attwali inkluż għall-avjazzjoni u l-fjuwils marittimi u kif l-aħjar li tagħlaq kwalunkwe lakuna. Bl-istess mod, il-Kummissjoni se tipproponi li testendi l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet għas-settur marittimu, u biex tnaqqas il-kwoti tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet allokati b’xejn lil linji tal-ajru. Dan se jiġi kkoordinat ma’ azzjoni fil-livell globali, b’mod partikolari fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili u fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. Il-Kummissjoni se tagħti wkoll kunsiderazzjoni politika ġdida dwar kif jista’ jinkiseb ipprezzar effettiv tat-toroq fl-UE. Hija tappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex iżommu l-livell għoli ta’ ambizzjoni fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għad-Direttiva ‘Eurovignette’ 19 , u hija lesta li tirtiraha jekk ikun meħtieġ u li tipproponi miżuri alternattivi.

B’mod parallel, l-UE għandha żżid il-produzzjoni u l-użu ta’ fjuwils tat-trasport alternattivi sostenibbli. Sal-2025, se jkun hemm bżonn madwar miljun (1) stazzjon pubbliku ta’ ċċarġjar u ta’ riforniment għat-13-il miljun vettura b’livell ta’ emissjonijiet baxxi jew żero mistennija fit-toroq Ewropej . Il-Kummissjoni se tappoġġa t-tnedija ta’ punti pubbliċi tal-iċċarġjar u ta’ riforniment fejn jeżistu lakuni persistenti, b’mod partikolari għal vjaġġi twal u f’żoni b’densità baxxa ta’ popolazzjoni, u se tniedi kemm jista’ jkun malajr sejħa għall-finanzjament ġdida biex tappoġġa dan. Dawn il-passi jikkumplimentaw il-miżuri meħuda f’livell nazzjonali. Il-Kummissjoni se tikkunsidra opzjonijiet leġiżlattivi biex tagħti spinta lill-produzzjoni u lill-adozzjoni ta’ fjuwils alternattivi sostenibbli għall-mezzi differenti tat-trasport. Il-Kummissjoni se tirrieżamina wkoll id-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi 20 u r-Regolament tat-TEN biex tħaffef l-implimentazzjoni ta’ vetturi u bastimenti b’livell ta’ emissjonijiet baxxi jew żero.

Għandu jonqos b’mod drastiku t-tniġġis mit-trasport, speċjalment fil-bliet. Taħlita ta’ miżuri għandha tindirizza l-emissjonijiet, il-konġestjoni urbana, u t-trasport pubbliku mtejjeb. Il-Kummissjoni se tipproponi standards aktar stretti għall-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja fil-każ ta’ vetturi li jaħdmu b’magni ta’ kombustjoni. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll li, sa Ġunju 2021, tirrevedi l-leġiżlazzjoni dwar l-istandards ta’ rendiment għall-emissjonijiet ta’ CO2 għall-karozzi u l-vannijiet, biex tiżgura perkors ċar mill-2025 ’il quddiem lejn mobilità b’emissjonijiet żero. B’mod parallel, hija se tikkunsidra li tapplika l-iskambju Ewropew ta’ kwoti tal-emissjonijiet għat-trasport bit-triq, bħala komplement għall-istandards ta’ rendiment tal-emissjonijiet ta’ CO2 eżistenti u futuri għall-vetturi. Hija se tieħu azzjoni fir-rigward tat-trasport marittimu, inkluż biex tirregola l-aċċess tal-bastimenti li jniġġsu l-aktar fil-portijiet tal-UE u tobbliga lill-bastimenti rmiġġati jużaw l-elettriku mill-art. Bl-istess mod, il-kwalità tal-arja għandha tittejjeb qrib l-ajruporti billi jiġu indirizzati l-emissjonijiet ta’ inkwinanti minn ajruplani u operazzjonijiet tal-ajruporti.

2.1.6. Mill-għalqa sal-platt: it-tfassil ta’ sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent

L-ikel Ewropew huwa magħruf li huwa sigur, nutrittiv u ta’ kwalità għolja. Issa għandu jsir ukoll l-istandard globali għas-sostenibbiltà. Għalkemm it-tranżizzjoni għal sistemi aktar sostenibbli bdiet, bix-xejriet ta’ produzzjoni attwali, qed ikun diffiċli biex wieħed jitma’ l-popolazzjoni dinjija li qed tikber b’rata mgħaġġla. Il-produzzjoni tal-ikel għadha tirriżulta fit-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija, u dan jikkontribwixxi għat-telf tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima, u jikkonsma ammonti eċċessivi ta’ riżorsi naturali, filwaqt li parti notevoli mill-ikel jinħela. Fl-istess ħin, id-dieti ta’ kwalità baxxa jikkontribwixxu għall-obeżità u mard bħall-kanċer.

Hemm opportunitajiet ġodda għall-atturi kollha fil-katina tal-valur tal-ikel. Teknoloġiji u skoperti xjentifiċi ġodda, flimkien ma’ żieda fis-sensibilizzazzjoni pubblika u d-domanda għal ikel sostenibbli, se jkunu ta’ benefiċċju għall-partijiet interessati kollha. Il-Kummissjoni se tippreżenta l-Istrateġija “mill-“Għalqa sal-Platt” fir-rebbiegħa tal-2020, u tniedi dibattitu wiesa’ tal-partijiet interessati li jkopri l-istadji kollha tal-katina alimentari, u jwitti t-triq għall-formulazzjoni ta’ politika tal-ikel aktar sostenibbli.

Il-bdiewa u s-sajjieda Ewropej huma essenzjali għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni. L-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt se ssaħħaħ l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima, jipproteġu l-ambjent u jippreservaw il-bijodiversità. Il-politiki komuni tal-agrikoltura u s-sajd se jibqgħu għodod ewlenin biex jappoġġaw dawn l-isforzi filwaqt li jiżguraw għajxien deċenti għall-bdiewa, is-sajjieda u l-familji tagħhom. Il-proposti tal-Kummissjoni għall-politika agrikola komuni għall-2021–2027 jistipulaw li mill-inqas 40 % tal-baġit globali tal-politika agrikola komuni u mill-inqas 30 % tal-Fond tas-Sajd Marittimu jikkontribwixxu għall-azzjoni klimatika.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex tal-inqas jintlaħaq dan il-livell ta’ ambizzjoni fil-proposti. Minħabba li l-bidu tal-Politika Agrikola Komuni riveduta x’aktarx jiġi pospost għall-bidu tal-2022, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u l-partijiet interessati biex tiżgura li mill-bidu nett il-pjanijiet strateġiċi nazzjonali għall-agrikoltura jirriflettu kompletament l-ambizzjoni tal-Patt Ekoloġiku u l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt. Il-Kummissjoni se tiżgura li dawn il-pjanijiet strateġiċi jiġu vvalutati skont kriterji klimatiċi u ambjentali robusti. Dawn il-pjanijiet għandhom iwasslu għall-użu ta’ prattiki sostenibbli, bħal agrikoltura ta’ preċiżjoni, biedja organika, agroekoloġija, agroforestrija u standards ta’ benesseri tal-annimali aktar stretti. Billi jiffokaw l-attenzjoni mill-konformità għall-prestazzjoni, il-miżuri bħall-ekoskemi jenħtieġ li jippremjaw lill-bdiewa għal prestazzjoni ambjentali u klimatika mtejba, inkluż il-ġestjoni u l-ħżin tal-karbonju fil-ħamrija, u l-ġestjoni mtejba tan-nutrijenti biex titjieb il-kwalità tal-ilma u jitnaqqsu l-emissjonijiet. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tiżviluppa l-potenzjal ta’ frott tal-baħar sostenibbli bħala sors ta’ ikel b’livell baxx ta’ karbonju.

Il-pjanijiet strateġiċi se jkollhom jirriflettu livell ogħla ta’ ambizzjoni biex jitnaqqas b’mod sinifikanti l-użu u r-riskju ta’ pestiċidi, kif ukoll tal-fertilizzanti u tal-antibijotiċi. Il-Kummissjoni se tidentifika l-miżuri, inkluż dawk leġiżlattivi, li huma meħtieġa biex iwasslu għal dan it-tnaqqis abbażi ta’ djalogu bejn il-partijiet interessati. Il-qasam tal-biedja organika jeħtieġ ukoll li jiżdied fl-Ewropa. L-UE trid tiżviluppa modi innovattivi biex tipproteġi l-ħsad kontra l-pesti u l-mard, u tikkunsidra r-rwol potenzjali ta’ tekniki innovattivi ġodda biex titjieb is-sostenibbiltà tas-sistema tal-ikel filwaqt li tkun żgurata s-sikurezza tagħha.

L-istrateġija mill-għalqa sal-platt se tikkontribwixxi wkoll għall-kisba ta’ ekonomija ċirkolari. Din se jkollha l-għan li tnaqqas l-impatt ambjentali tal-ipproċessar tal-ikel u tas-setturi tal-bejgħ bl-imnut billi tittieħed azzjoni fir-rigward tat-trasport, tal-ħżin, tal-imballaġġ u tal-iskart tal-ikel. Se tinkludi wkoll miżuri biex tiġi miġġielda l-frodi alimentari, inkluż bit-tisħiħ tal-kapaċità ta’ infurzar u ta’ investigazzjoni fil-livell tal-UE, u biex jitnieda proċess għall-identifikazzjoni ta’ prodotti tal-ikel u l-għalf innovattivi ġodda, pereżempju frott tal-baħar ibbażat fuq l-alka.

Fl-aħħar nett, l-istrateġija mill-għalqa sal-platt se tagħmel ħilitha biex tistimula l-konsum sostenibbli tal-ikel u tippromwovi ikel tajjeb għas-saħħa u affordabbli għal kulħadd. Ikel importat li ma jikkonformax mal-istandards ambjentali rilevanti tal-UE mhuwiex permess fis-swieq tal-UE. Il-Kummissjoni se tipproponi miżuri li jgħinu lill-konsumaturi jagħżlu dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli u jnaqqsu l-iskart tal-ikel. Il-Kummissjoni se tfittex modi ġodda kif il-konsumaturi jingħataw informazzjoni aħjar, inkluż permezz tal-mezzi diġitali, dwar dettalji bħall-oriġini tal-ikel, kif ukoll dwar il-valur nutrizzjonali u l-impronta ambjentali tiegħu. L-istrateġija mill-għalqa sal-platt se tinkludi wkoll proposti biex tittejjeb il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-valur.

2.1.7.Preservazzjoni u riabilitazzjoni tal-ekosistemi u tal-bijodiversità    

L-ekosistemi jipprovdu servizzi essenzjali bħall-ikel, l-ilma ħelu, l-arja nadifa u l-kenn. Dawn itaffu d-diżastri naturali, il-pesti u l-mard, u jgħinu fir-regolazzjoni tal-klima. Madankollu, l-UE għadha ma laħqitx uħud mill-għanijiet ambjentali l-iktar importanti għall-2020, fosthom il-miri ta’ Aichi fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika. L-UE u s-sħab globali tagħha jridu jwaqqfu t-telf tal-bijodiversità. Ir-Rapport ta’ Valutazzjoni Globali tal-2019 tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi 21 juri erożjoni globali tal-bijodiversità, dovuta primarjament għal bidliet fil-mod kif l-art u l-baħar qed jintużaw, sfruttament dirett tar-riżorsi naturali, u bit-tibdil fil-klima jkun it-tielet l-iktar fattur importanti li qed jikkontribwixxi għat-telfien tal-bijodiversità.

Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika f’Kunming, iċ-Ċina, f’Ottubru 2020 hija opportunità biex id-dinja tadotta qafas globali robust biex jitwaqqaf it-telfien tal-bijodiversità. Sabiex niżguraw li l-UE jkollha rwol ewlieni, il-Kummissjoni se tippreżenta strateġija tal-bijodiversità sa Marzu 2020, li mbagħad tiġi segwita minn azzjoni speċifika fl-2021. L-istrateġija se tiddeskrivi l-pożizzjoni tal-UE għall-Konferenza tal-Partijiet, b’miri globali għall-protezzjoni tal-bijodiversità, kif ukoll l-impenji biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tat-telfien tal-bijodiversità fl-UE, fuq il-bażi ta’ għanijiet kwantifikabbli li jindirizzaw il-kawżi ewlenin tat-telfien tal-bijodiversità.

L-istrateġija tal-bijodiversità se tidentifika l-miżuri speċifiċi biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Dawn jistgħu jinkludu objettivi kwantifikati, bħaż-żieda tal-kopertura ta’ żoni tal-art u tal-baħar protetti b’bijodiversità rikka fuq il-bażi tan-netwerk Natura 2000. L-Istati Membri għandhom isaħħu wkoll il-kooperazzjoni transfruntiera biex jipproteġu u jirriabilitaw b’mod aktar effettiv l-oqsma koperti min-netwerk Natura 2000. Il-Kummissjoni se tidentifika liema miżuri, inkluża leġiżlazzjoni, jistgħu jgħinu lill-Istati Membri jtejbu u jirrestawraw l-ekosistemi li ġarrbu ħsara biex jerġa’ jkollhom stat ekoloġiku tajjeb, inklużi l-ekosistemi rikki fil-karbonju. L-istrateġija tal-bijodiversità se tinkludi wkoll proposti biex il-bliet Ewropej isiru iktar ħodor u tiżdied il-bijodiversità fl-ispazji urbani. Il-Kummissjoni se tikkunsidra tabbozza pjan għar-restawr tan-natura u se tara kif se tipprovdi fondi biex l-Istati Membri jilħqu dan l-għan.

Il-politiki kollha tal-UE għandhom jikkontribwixxu lejn il-preservazzjoni u r-riabilitazzjoni tal-kapital naturali tal-Ewropa 22 . L-istrateġija mill-għalqa sal-platt, spjegata fit-taqsima 2.1.6, se tindirizza l-użu tal-pestiċidi u tal-fertilizzanti fl-agrikoltura. Il-ħidma se tkompli fil-kuntest tal-politika komuni tas-sajd biex jitnaqqas l-impatt negattiv li s-sajd jista’ jkollu fuq l-ekosistemi, speċjalment f’żoni sensittivi. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll favur żoni tal-baħar protetti li jkunu konnessi u ġestiti aħjar.

Qed tiżdied il-pressjoni fuq l-ekosistemi tal-foresti minħabba t-tibdil fil-klima. L-erja fforestata fl-UE trid titjieb fil-kwalità kif ukoll fil-kwantità, biex l-UE tikseb newtralità klimatika u ambjent b’saħħtu. Ir-riforestazzjoni u t-tisġir sostenibbli u r-restawr ta’ foresti degradati jistgħu jżidu l-assorbiment tas-CO2, waqt li jtejbu r-reżiljenza tal-foresti u jippromwovu l-bijoekonomija ċirkolari. Fuq il-bażi tal-istrateġija tal-bijodiversità tal-2030, il-Kummissjoni se tħejji strateġija ġdida tal-UE għall-foresti li tkopri ċ-ċiklu sħiħ tal-foresti u tippromwovi l-ħafna servizzi li jipprovdu l-foresti.

L-għanijiet ewlenin tal-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-foresti se jkunu t-tisġir effettiv, kif ukoll il-preservazzjoni u r-restawr tal-foresti fl-Ewropa, biex jiżdied l-assorbiment tas-CO2, tonqos l-inċidenza u l-firxa ta’ nirien fil-foresti, u tiġi promossa l-bijoekonomija, b’ħarsien sħiħ tal-prinċipji ekoloġiċi li jiffavorixxu l-bijodiversità. Il-pjanijiet strateġiċi nazzjonali fil-kuntest tal-Politika Agrikola Komuni għandhom jipprovdu inċentiv biex il-maniġers tal-foresti jippreservaw, ikabbru u jiġġestixxu l-foresti b’mod sostenibbli. Fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni dwar it-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja 23 , il-Kummissjoni se tieħu miżuri, regolatorji kif ukoll mod ieħor, biex tippromwovi prodotti importati u ktajjen tal-valur li ma jinvolvux id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti.

“Ekonomija blu” sostenibbli trid tingħata rwol ċentrali biex titnaqqas il-pressjoni multipli fuq ir-riżorsi tal-art tal-UE u biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima. Iktar ma jmur qed jiġi rikonoxxut ir-rwol tal-oċeani fil-mitigazzjoni u fl-adattament għat-tibdil fil-klima. Is-settur jista’ jikkontribwixxi billi jtejjeb l-użu ta’ riżorsi akwatiċi u tal-baħar u, pereżempju, billi jippromwovi l-produzzjoni u l-użu ta’ sorsi ġodda ta’ proteina li jistgħu jtaffu mill-pressjoni fuq l-art agrikola. B’mod ġenerali, soluzzjonijiet fit-tul għat-tibdil fil-klima jeħtieġu jimmiraw iktar lejn soluzzjonijiet naturali, inkluż ibħra u oċeani b’saħħithom u reżiljenti. Il-Kummissjoni se tanalizza l-konklużjonijiet tar-rapport speċjali dwar l-oċeani tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima 24 u tipproponi miżuri fil-qasam marittimu. Dawn se jinkludu modi biex l-ispazju marittimu jiġi ġestit b’mod iktar sostenibbli, b’mod partikolari biex jiġi sfruttat il-potenzjal dejjem jikber tal-enerġija rinnovabbli barra mill-kosta. Il-Kummissjoni se tieħu wkoll approċċ ta’ tolleranza żero fir-rigward tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat. Il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2020 dwar l-Oċeani fil-Portugall se sservi ta’ opportunità biex l-UE tenfasizza l-importanza li tittieħed azzjoni rigward kwistjonijiet relatati mal-oċeani.

2.1.8.Ambizzjoni ta’ tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi

Il-ħolqien ta’ ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi jeħtieġ iktar azzjoni għall-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni ta’ tniġġis u miżuri biex dan jitnaddaf u jiġi rimedjat. Sabiex tipproteġi ċ-ċittadini u l-ekosistemi tal-Ewropa l-UE trid tissorvelja, tirrapporta, tipprevjeni u tirrimedja aħjar it-tniġġis mill-arja, l-ilma, il-ħamrija u l-prodotti tal-konsumatur. Għal dan il-għan l-UE u l-Istati Membri se jkollhom iħarsu b’mod iktar sistematiku lejn il-politiki u r-regolamenti kollha. Sabiex tindirizza dawn l-isfidi interkonnessi, fl-2021 il-Kummissjoni se tadotta pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero għall-arja, l-ilma u l-ħamrija.

Il-funzjonijiet naturali tal-art u tal-ilma tas-superfiċje jridu jerġgħu lura għal kif kienu. Dan huwa essenzjali biex tiġi ppreservata u restawrata l-bijodiversità fil-lagi, ix-xmajjar, l-artijiet mistagħdra u l-estwarji, kif ukoll għall-prevenzjoni u għal-limitazzjoni tal-ħsara mill-għargħar. L-implimentazzjoni tal-istrateġija mill-għalqa sal-platt se tnaqqas it-tniġġis minn nutrijenti żejda. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipproponi miżuri biex tindirizza t-tniġġis mill-ilma urban li jiskula, kif ukoll minn sorsi ta’ tniġġis ġodda jew ta’ ħsara partikolari, bħall-mikroplastiċi u l-kimiki, li jinkludu l-farmaċewtiċi. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-effetti kkombinati ta’ inkwinanti differenti.

Il-Kummissjoni se tibni fuq it-tagħlimiet meħuda mill-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali dwar il-kwalità tal-arja 25 . Se tipproponi wkoll tisħiħ tad-dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ 26 , il-mudellar u l-pjanijiet tal-kwalità tal-arja biex l-awtoritajiet lokali jkollhom arja iktar nadifa. Notevolment il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tal-istandards tal-kwalità tal-arja biex ikunu iktar qrib ir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Il-Kummissjoni se tirrieżamina l-miżuri tal-UE biex tindirizza t-tniġġis minn installazzjonijiet industrijali kbar. Se tħares lejn l-ambitu settorjali tal-leġiżlazzjoni u kif tista’ tkun konsistenti għalkollox mal-politiki dwar il-klima, l-enerġija u l-ekonomija ċirkolari. Il-Kummissjoni se tkun qed taħdem ukoll mal-Istati Membri biex ittejjeb il-prevenzjoni tal-inċidenti industrijali.

Sabiex tiżgura ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi, il-Kummissjoni se tippreżenta strateġija għas-sustanzi kimiċi biex tilħaq is-sostenibbiltà. Din se tgħin biex tipproteġi liċ-ċittadini u lill-ambjent kontra sustanzi kimiċi ta’ riskju u tinkoraġġixxi l-innovazzjoni għall-iżvilupp ta’ alternattivi sikuri u sostenibbli. Il-partijiet kollha inkluż l-industrija għandhom jaħdmu flimkien biex jikkombinaw aħjar il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent maż-żieda fil-kompetittività globali. Dan jista’ jintlaħaq billi jiġi ssimplifikat u msaħħaħ il-qafas legali. Il-Kummissjoni se tirrieżamina kif tista’ tuża aħjar l-aġenziji u l-korpi xjentifiċi tal-UE ħalli timxi lejn proċess ta’ “sustanza waħda – valutazzjoni waħda” u tipprovdi iktar trasparenza meta tagħti prijorità lil azzjoni li tindirizza l-kimiki. B’mod parallel, il-qafas regolatorju se jkollu jirrifletti malajr l-evidenza xjentifika dwar ir-riskju li ġej minn sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, sustanzi kimiċi ta’ riskju fi prodotti inklużi l-importazzjonijiet, effetti ta’ kombinazzjoni ta’ kimiki differenti u kimiki persistenti ħafna.

2.2.L-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fil-politiki kollha tal-UE

2.2.1.Nattiraw finanzjament u investiment ekoloġiku għall-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta

Sabiex nilħqu l-ambizzjoni stabbilita fil-Patt Ekoloġiku Ewropew hemm bżonn isir investiment sinifikanti. Il-Kummissjoni stmat li biex nilħqu l-miri attwali tal-klima u tal-enerġija sal-2030 jeħtieġ isir investiment annwali addizzjonali ta’ EUR 260 biljun 27 , madwar 1,5 % tal-PDG tal-2018 28 . L-investiment irid jiġi sostnut maż-żmien. Id-dimensjoni tal-isfida tal-investiment tirrikjedi li jiġu mobilizzati s-settur pubbliku kif ukoll privat.

Il-Kummissjoni se tippreżenta Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli biex tissodisfa l-bżonn ta’ finanzjament addizzjonali. Dan se jiġbor fih finanzjament apposta biex isostni l-investimenti sostenibbli, u proposti għal qafas ta’ abilitazzjoni mtejjeb li jwassal għal investiment ekoloġiku. Fl-istess waqt, se jkun essenzjali li titħejja sensiela ta’ proġetti sostenibbli. L-assistenza teknika u s-servizzi ta’ konsulenza se jgħinu lill-promoturi tal-proġetti biex jidentifikaw u jħejju proġetti u jaċċessaw sorsi ta’ finanzjament.

Il-baġit tal-UE se jkollu rwol ewlieni. Il-Kummissjoni pproponiet mira ta’ 25 % għall-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-programmi kollha tal-UE. Il-baġit tal-UE se jikkontribwixxi wkoll lejn il-ksib tal-għanijiet tal-klima fuq in-naħa tad-dħul. Il-Kummissjoni pproponiet sorsi ta’ dħul ġodda (“riżorsi proprji”), u wieħed minnhom huwa bbażat fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat. Sors ta’ dħul ieħor jista’ jinvolvi l-allokazzjoni ta’ 20 % tad-dħul mill-irkantar tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-baġit tal-UE. 

Mill-inqas 30 % tal-Fond InvestEU se jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, il-proġetti se jiġu soġġetti għal verifika tas-sostenibbiltà biex tkun analizzata l-kontribuzzjoni tagħhom għall-għanijiet tal-klima, ambjentali u soċjali. InvestEU joffri wkoll l-għażla lill-Istati Membri biex jużaw il-garanzija baġitarja tal-UE, pereżempju biex iwettqu l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni b’rabta mal-klima fit-territorji u r-reġjuni tagħhom. InvestEU jsaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni mal-banek u mal-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali li tista’ tinkoraġġixxi tħaddir ġenerali tal-attivitajiet tagħhom għall-ksib ta’ riżultati fir-rigward tal-għanijiet politiċi tal-UE. Barra minn hekk, bħala parti mir-reviżjoni tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, il-Kummissjoni se tirrieżamina r-rwol tal-fondi tal-innovazzjoni u tal-modernizzazzjoni li ma jiġux iffinanzjati mill-baġit fit-tul tal-UE. L-għan huwa li jissaħħaħ ir-rwol tagħhom u l-effettività tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi u newtrali għall-klima madwar l-UE. Fir-reviżjoni tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, se tiġi kkunsidrata wkoll l-allokazzjoni ta’ dħul addizzjonali mill-kwoti għall-baġit tal-UE bil-ħsieb li jissaħħaħ il-finanzjament tat-tranżizzjoni ġusta.

Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), mal-banek u mal-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali kif ukoll ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra. Il-BEI stabbilixxa l-mira għalih stess li jirdoppja l-mira tal-klima tiegħu minn 25 % għal 50 % sal-2025, biex b’hekk isir il-bank klimatiku tal-Ewropa.

Bħala parti mill-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli, il-Kummissjoni se tipproponi Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, li jinkludi Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta, biex ħadd ma jitħalla lura. It-tranżizzjoni tista’ tirnexxi biss jekk issir b’mod ġust u inklużiv. Dawk li huma l-iktar vulnerabbli huma dawk li l-iktar jiġu esposti għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali. Fl-istess waqt il-ġestjoni tat-tranżizzjoni se twassal għal bidliet strutturali sinifikanti fil-mudelli kummerċjali, fil-kompetenzi rikjesti u fil-prezzijiet relattivi. Iċ-ċittadini, skont iċ-ċirkostanzi soċjali u ġeografiċi tagħhom, se jiġu affettwati b’modi differenti. Mhux l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet kollha se jibdew it-tranżizzjoni mill-istess punt jew għandhom l-istess kapaċità ta’ rispons. Dawn l-isfidi jirrikjedu risposta politika b’saħħitha f’kull livell.

Il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta se jiffoka fuq ir-reġjuni u s-setturi li huma l-iktar milquta mit-tranżizzjoni għax jiddependu fuq il-karburanti fossili jew proċessi li jinvolvu ħafna karbonju. Dan se jibni fuq sorsi ta’ finanzjament mill-baġit tal-UE kif ukoll mill-grupp tal-BEI biex jingrana r-riżorsi privati u pubbliċi meħtieġa. L-appoġġ se jkun marbut mal-promozzjoni ta’ tranżizzjoni lejn attivitajiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u li huma reżistenti għat-tibdil fil-klima. Se jkollu wkoll l-għan li jipproteġi liċ-ċittadini u lill-ħaddiema li huma l-aktar vulnerabbli għat-tranżizzjoni billi jipprovdi aċċess għal programmi ta’ taħriġ mill-ġdid, impjiegi f’setturi ġodda tal-ekonomija, kif ukoll akkomodazzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u mar-reġjuni biex tgħinhom jimplimentaw pjanijiet ta’ tranżizzjoni territorjali.

Il-mekkaniżmu se jkun akkumpanjat mill-kontribuzzjoni sostanzjali tal-baġit tal-UE permezz tal-programmi kollha li huma direttament rilevanti għat-tranżizzjoni kif ukoll minn fondi oħra bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew Plus.

Bħala risposta għall-bżonnijiet ta’ finanzjament fit-tul tat-tranżizzjoni, il-Kummissjoni se tkompli tfittex mas-sħab rilevanti, bħala parti mill-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli, sorsi addizzjonali li jistgħu jiġu mobilizzati u modi innovattivi biex isir dan.

Il-bżonn ta’ tranżizzjoni soċjalment ġusta jrid jiġi rifless ukoll fil-politiki fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Dan jinkludi investiment għal soluzzjonijiet affordabbli għal dawk affettwati mill-politiki tal-ipprezzar tal-karbonju, pereżempju bit-trasport pubbliku, kif ukoll miżuri li jindirizzaw il-prekarjetà enerġetika u jippromwovu t-taħriġ mill-ġdid. Il-koerenza tal-politiki dwar il-klima u l-ambjent u approċċ olistiku spiss huma prekundizzjoni biex jiġi żgurat li dawn jitqiesu bħala ġusti, kif joħroġ biċ-ċar mid-dibattitu dwar it-tassazzjoni ta’ diversi modi ta’ trasport. Djalogu soċjali attiv jgħin lill-kumpaniji u lill-ħaddiema tagħhom jantiċipaw u jkampaw bil-bidla. Il-proċess tal-koordinazzjoni makroekonomika fil-kuntest tas-Semestru Ewropew se jappoġġja l-politiki nazzjonali f’dawn il-kwistjonijiet.

Is-settur privat se jkun kruċjali għall-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika. Huma meħtieġa sinjali fit-tul biex jidderieġu l-flussi finanzjarji u tal-kapital lejn investiment ekoloġiku u biex jiġu evitati assi mhux rekuperabbli. Fit-tielet trimestru tal-2020 il-Kummissjoni se tippreżenta strateġija mġedda ta’ finanzjament sostenibbli li se tiffoka fuq għadd ta’ azzjonijiet.

L-ewwel nett, l-istrateġija se ssaħħaħ il-pedamenti għal investiment sostenibbli. B’mod partikolari, din tirrikjedi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw it-tassonomija għall-klassifikazzjoni tal-attivitajiet li huma sostenibbli mil-lat ambjentali. Is-sostenibbiltà għandha tiġi inkorporata aktar fil-qafas tal-governanza korporattiva billi ħafna kumpaniji għadhom jiffokaw wisq fuq il-prestazzjoni finanzjarja fuq perjodu qasir u mhux fuq l-iżvilupp fit-tul tagħhom jew l-aspetti ta’ sostenibbiltà. Fl-istess waqt, il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet finanzjarji se jkollhom jiżvelaw iktar data dwar il-klima u l-ambjent biex l-investituri jkunu informati għalkollox dwar is-sostenibbiltà tal-investimenti tagħhom. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tirrevedi d-Direttiva dwar ir-Rappurtar mhux Finanzjarju. Sabiex tiżgura ġestjoni xierqa tar-riskji ambjentali u tal-opportunitajiet ta’ mitigazzjoni, u biex tnaqqas il-kosti tat-tranżazzjoni relatati, il-Kummissjoni se tappoġġja wkoll lin-negozji u lill-partijiet ikkonċernati l-oħra fl-iżvilupp ta’ konvenzjonijiet kontabilistiċi standardizzati għall-kapital naturali fl-UE kif ukoll fuq livell internazzjonali.

It-tieni, se jiġu pprovduti iktar opportunitajiet għall-investituri u għall-kumpaniji billi jkun eħfef għalihom li jidentifikaw investimenti sostenibbli u jiżguraw li jkunu kredibbli. Dan jista’ jsir permezz ta’ tikketti ċari għal prodotti ta’ investiment għall-konsumatur u bl-iżvilupp ta’ standard tal-UE għal bonds ħodor li jiffaċilita l-investiment bl-iktar mod konvenjenti.

It-tielet, ir-riskji tal-klima u tal-ambjent se jiġu ġestiti u integrati fis-sistema finanzjarja. Dan ifisser li tali riskji jiġu integrati aħjar fil-qafas prudenzjali tal-UE u valutazzjoni tal-adegwatezza tar-rekwiżiti kapitali eżistenti għall-assi ekoloġiċi. Se neżaminaw ukoll kif is-sistema finanzjarja tagħna tista’ żżid ir-reżiljenza għar-riskji klimatiċi u ambjentali, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji fiżiċi u tad-dannu li jirriżultaw minn diżastri naturali.

2.2.2.Baġits nazzjonali iktar ħodor u sinjali xierqa b’rabta mal-prezzijiet

Il-baġits nazzjonali għandhom rwol ċentrali fit-tranżizzjoni. Permezz ta’ użu ikbar tal-għodod tal-ibbaġitjar ekoloġiku, l-investiment pubbliku, il-konsum u t-tassazzjoni jistgħu jiġu diretti lejn prijoritajiet ekoloġiċi u lil hinn minn sussidji li jagħmlu ħsara. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex il-prattiki tal-ibbaġitjar ekoloġiku jiġu analizzati u jinħolqu parametri referenzjarji għalihom. B’dan il-mod se jkun eħfef li jiġi vvalutat sa liema punt il-baġits annwali u l-pjanijiet fiskali fuq terminu medju jqisu l-impatti u r-riskji ambjentali, u jsir possibbli t-tagħlim mill-aħjar prattiki. Ir-rieżami tal-qafas Ewropew ta’ governanza ekonomika se jinkludi referenza għall-investiment pubbliku aħdar fil-kuntest tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi. Dan ir-rieżami jkun parti minn dibattitu dwar kif tista’ titjieb il-governanza fiskali tal-UE. L-eżitu tad-dibattitu se jkun il-bażi għal kull pass futur possibbli, inkluż fir-rigward tat-trattament ta’ investiment ekoloġiku fil-kuntest tar-regoli fiskali tal-UE, filwaqt li jiġu ppreservati s-salvagwardji kontra r-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn.

Riformi tat-taxxa mfassla tajjeb jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku u lir-reżiljenza għal xokkijiet tal-klima, u jikkontribwixxu għal soċjetà aktar ġusta u għal tranżizzjoni ġusta. Dawn għandhom rwol dirett għax jibagħtu s-sinjali xierqa tal-prezzijiet u jipprovdu l-inċentivi xierqa għal imġiba sostenibbli min-naħa tal-produtturi, tal-utenti u tal-konsumaturi. Fuq livell nazzjonali, il-Patt Ekoloġiku Ewropew se joħloq il-kuntest għal riformi estensivi tat-taxxa, għall-eliminazzjoni tas-sussidji fuq karburanti fossili, bl-ispostament tal-piż tat-taxxa mix-xogħol għal fuq it-tniġġis, u filwaqt li jitqies l-impatt soċjali. Hemm bżonn li tiġi żgurata adozzjoni rapida tal-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li attwalment tinsab quddiem il-Kunsill, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw ir-rati tal-VAT b’mod iktar immirat li jirrifletti ambizzjonijiet ambjentali ikbar, pereżempju billi jiġu appoġġjati l-frott u l-ħxejjex organiċi.

Bħalissa qed jiġu evalwati l-linji gwida rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat, inklużi l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-ambjent u tal-enerġija. Il-linji gwida se jiġu riveduti sal-2021 biex jirriflettu l-għanijiet politiċi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, jappoġġjaw tranżizzjoni kosteffettiva lejn in-newtralità klimatika sal-2050, jiffaċilitaw l-eliminazzjoni gradwali tal-karburanti fossili, b’mod partikolari dawk li jniġġsu l-aktar, u jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern. Dawn ir-reviżjonijiet huma wkoll opportunità biex jiġu indirizzati l-ostakli tas-suq għall-użu ta’ prodotti nodfa.

2.2.3.Nimmobilizzaw ir-riċerka u nrawmu l-innovazzjoni

Sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew huma kruċjali teknoloġiji ġodda, soluzzjonijiet sostenibbli u innovazzjoni fixkiela. L-UE trid iżżid b’mod sinifikanti l-użu fuq skala kbira u d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda fis-setturi kollha u fis-suq uniku, inkluż il-ħolqien ta’ ktajjen tal-valur innovattivi ġodda, biex jibqa’ jkollha l-vantaġġ kompetittiv fit-teknoloġiji nodfa. L-isfida hija ikbar milli mezzi għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri individwali. Orizzont Ewropa, f’sinerġija ma’ programmi oħra tal-UE, se jkollu rwol kruċjali fl-ingranaġġ ta’ investimenti pubbliċi u privati nazzjonali. Mill-inqas 35 % tal-baġit ta’ Orizzont Ewropa se jiffinanzjaw soluzzjonijiet ġodda għall-klima li huma rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku.

Il-firxa sħiħa ta’ strumenti disponibbli fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa se jsostnu l-isforzi meħtieġa fir-riċerka u fl-innovazzjoni. Bis-saħħa ta’ erba’ missjonijiet bħala parti mill-Patt Ekoloġiku se jkun hemm tibdil kbir f’oqsma bħall-adattament għat-tibdil fil-klima, l-oċeani, il-bliet u l-ħamrija. Dawn il-missjonijiet se jiġbru firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati inklużi r-reġjuni u ċ-ċittadini. Is-sħubijiet mal-industrija u mal-Istati Membri se jsostnu r-riċerka u l-innovazzjoni relatati mat-trasport, inklużi l-batteriji, l-idroġenu nadif, il-produzzjoni tal-azzar b’livell baxx ta’ karbonju, is-setturi li għandhom bażi bijoloġika ċirkolari u l-ambjent mibni. Il-komunitajiet ta’ konoxxenza u innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija se jkomplu jippromwovu l-kollaborazzjoni bejn l-istituti ta’ edukazzjoni għolja, l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u l-kumpaniji fl-oqsma tat-tibdil fil-klima, l-enerġija sostenibbli, l-ikel tal-futur kif ukoll it-trasport urban li jkun intelliġenti, favur l-ambjent u integrat. Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni se jiddedika finanzjament, investiment fil-kapital u servizzi għall-aċċellerazzjoni tan-negozju għal negozji ġodda u SMEs li għandhom potenzjal kbir, biex jiksbu innovazzjoni rivoluzzjonarja fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku, li tista’ tikber u tinfirex b’mod rapidu fis-swieq globali.

L-approċċi konvenzjonali mhumiex se jkunu biżżejjed. Filwaqt li ssir enfasi fuq l-esperimentazzjoni u l-ħidma bejn is-setturi u d-dixxiplini, l-aġenda tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni se tieħu l-approċċ sistemiku meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku. Il-programm Orizzont Ewropa se jinvolvi wkoll lill-komunitajiet lokali fil-ħidma tagħhom lejn futur aktar sostenibbli, u inizjattivi li jfittxu li jgħaqqdu l-ġibda soċjetali u l-ispinta teknoloġika.

Id-data aċċessibbli u interoperabbli hija fil-qalba tal-innovazzjoni mmexxija mid-data. Din id-data, flimkien mal-infrastruttura diġitali (eż. superkompjuters, il-cloud, netwerks ultraveloċi) u soluzzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali, jiffaċilitaw deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza u jespandu l-kapaċità biex jinftiehmu u jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali. Il-Kummissjoni se tappoġġja l-ħidma biex jinkisbu l-benefiċċji sħaħ tat-trasformazzjoni diġitali insostenn tat-tranżizzjoni ekoloġika. Prijorità immedjata se tkun li tingħata spinta lill-kapaċità tal-UE li tbassar u timmaniġġja d-diżastri ambjentali. Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni se tiġbor flimkien l-eċċellenza xjentifika u industrijali Ewropea biex tiżviluppa mudell diġitali bi preċiżjoni għolja ħafna tad-dinja.

2.2.4.Edukazzjoni u taħriġ

L-iskejjel, l-istituti tat-taħriġ u l-universitajiet jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jinvolvu l-iskulari, il-ġenituri u l-komunità b’mod ġenerali fil-bidliet meħtieġa għal tranżizzjoni b’suċċess. Il-Kummissjoni se tħejji qafas Ewropew ta’ kompetenza biex tiżviluppa u tivvaluta l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet dwar it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli. Se tipprovdi wkoll il-materjali ta’ appoġġ u tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajbin fin-netwerks tal-programmi għat-taħriġ tal-għalliema fl-UE.

Il-Kummissjoni qed taħdem biex tipprovdi riżorsi finanzjarji ġodda lill-Istati Membri biex il-binjiet u l-operazzjonijiet tal-iskejjel ikunu iktar sostenibbli. Hija saħħet il-kollaborazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment u ħolqot rabtiet iktar b’saħħithom bejn il-fondi strutturali u l-istrumenti finanzjarji ġodda bil-għan li timmobilizza EUR 3 biljun f’investiment fl-infrastruttura tal-iskejjel fl-2020.

Huma meħtieġa taħriġ mill-ġdid u taħriġ ta’ aġġornament proattivi biex wieħed jaħsad il-benefiċċji tat-tranżizzjoni ekoloġika. Il-Fond Soċjali Ewropew+ propost se jkollu rwol importanti biex jgħin lill-ħaddiema Ewropej jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu biex jiċċaqilqu minn setturi li sejrin lura lejn setturi li qed jikbru filwaqt li jadattaw għal proċessi ġodda. L-aġenda tal-ħiliet u l-Iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ se jiġu aġġornati biex itejbu l-impjegabbiltà fl-ekonomija ħadra.

2.2.5.Ġurament ekoloġiku: “la tagħmilx ħsara”

L-azzjonijiet u l-politiki kollha tal-UE għandhom jiġbdu ħabel wieħed biex l-UE tikseb tranżizzjoni ġusta u li tkun suċċess lejn futur sostenibbli. L-għodod tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar jipprovdu bażi soda f’dan ir-rigward. Fuq il-bażi ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi, l-identifikazzjoni tal-impatt ambjentali, soċjali u ekonomiku, u l-analiżi ta’ kif jiġu affettwati l-SMEs u titrawwem jew tixxekkel l-innovazzjoni, il-valutazzjonijiet tal-impatt jikkontribwixxu lejn għażliet effiċjenti tal-politika bi spejjeż minimi, f’konformità mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku. L-evalwazzjonijiet jivvalutaw ukoll b’mod sistematiku l-koerenza bejn il-leġiżlazzjoni attwali u l-prijoritajiet ġodda.

Insostenn tal-ħidma tagħha biex tidentifika u tirrimedja l-inkonsistenzi fil-leġiżlazzjoni attwali, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet ikkonċernati biex jużaw il-pjattaformi disponibbli 29 biex jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni u jidentifikaw każijiet problematiċi. Il-Kummissjoni se tqis dawn is-suġġerimenti meta tkun qed tħejji l-evalwazzjonijiet, il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-proposti leġiżlattivi għall-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Barra minn hekk, filwaqt li tibni fuq ir-riżultati tar-rendikont riċenti tal-politika ta’ regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni se ttejjeb il-mod kif il-linji gwida ta’ regolamentazzjoni aħjar u l-għodod ta’ appoġġ jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà u innovazzjoni. L-għan huwa li tiżgura li l-inizjattivi kollha tal-Patt Ekoloġiku jiksbu l-għanijiet tagħhom bl-iktar mod effettiv u bl-inqas piż u l-inizjattivi l-oħra kollha tal-UE jħarsu l-patt aħdar li “ma ssirx ħsara”. Għal dan il-għan il-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanja l-proposti leġiżlattivi u l-atti delegati kollha se jinkludi sezzjoni speċifika li tispjega kif kull inizjattiva tħares dan il-prinċipju.

3.L-UE fuq quddiem fid-dinja

L-isfidi globali tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali jeħtieġu rispons globali. L-UE se tkompli tippromwovi u timplimenta politiki tal-ambjent, tal-klima u tal-enerġija ambizzjużi madwar id-dinja. Se tiżviluppa “diplomazija dwar il-Patt Ekoloġiku” iktar b’saħħitha li għandha l-għan li tikkonvinċi u tappoġġja lil ħaddieħor jagħti s-sehem tiegħu fil-promozzjoni ta’ żvilupp iktar sostenibbli. Billi sservi ta’ eżempju kredibbli, u ssegwi bid-diplomazija, bil-politika kummerċjali, bl-għajnuna għall-iżvilupp u b’politiki esterni oħra, l-UE tista’ tkun xempju effettiv. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jaħdmu mill-qrib mal-Istati Membri biex jimmobilizzaw il-mezzi diplomatiċi kollha, kemm bilaterali kif ukoll multilaterali – inkluż in-Nazzjonijiet Uniti, il-G7, il-G20, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-fora internazzjonali rilevanti l-oħra.

L-UE se tkompli tiżgura li l-Ftehim ta’ Pariġi jibqa’ l-qafas multilaterali indispensabbli għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima. Waqt li s-sehem tal-emissjonijiet globali tal-UE qed jonqos, huwa kruċjali li r-reġjuni l-oħra jieħdu azzjoni komparabbli u jżidu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw l-isfida tal-klima globali b’mod sinifikanti. Id-dibattitu dwar l-ambizzjoni fejn tidħol il-klima se jintensifika fix-xhur li ġejjin f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi għal rendikont u aġġornamenti regolari. Il-Konferenza tal-Partijiet fi Glasgow fl-2020 se tkun stadju importanti qabel ir-rendikont globali fl-2023. Din se tivvaluta l-progress li jkun sar fil-ksib tal-miri fit-tul. Fis-sitwazzjoni preżenti huwa ċar li l-livell ta’ ambizzjoni globali huwa insuffiċjenti 30 . L-UE se tinvolvi ruħha b’mod iktar intensiv mas-sħab kollha biex iżżid l-isforz kollettiv u biex tgħinhom jirrevedu u jimplimentaw il-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali u jfasslu strateġiji ambizzjużi fit-tul. Dan se jsir fuq il-bażi taż-żieda fl-ambizzjoni tal-UE, kif deskritt fit-taqsima 2.  

Fl-istess waqt l-UE se żżid l-impenn bilaterali tagħha mal-pajjiżi sħab u, fejn hemm bżonn, tistabbilixxi forom innovattivi ta’ impenn. L-UE se tibqa’ tinvolvi ruħha mal-ekonomiji tal-G20 li huma responsabbli għal 80 % tal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet b’effett serra. Sabiex is-sħab internazzjonali jieħdu iktar azzjoni klimatika hemm bżonn strateġiji ġeografiċi mfassla apposta li jirriflettu l-kuntesti u l-bżonnijiet lokali differenti — pereżempju għal emittenti kbar attwali u futuri, għall-pajjiżi l-anqas żviluppati, u għall-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw. L-UE qed taħdem ukoll mas-sħab globali biex tiżviluppa swieq tal-karbonju internazzjonali bħala għodda ewlenija għall-ħolqien ta’ inċentivi ekonomiċi għall-azzjoni klimatika.

L-UE se titfa’ enfasi fuq l-għajnuna mogħtija lill-ġirien immedjati tagħha. It-tranżizzjoni ekoloġika għall-Ewropa tista’ tkun kompletament effettiva biss jekk il-viċinat immedjat tal-UE jieħu azzjoni effettiva wkoll. Għaddej ix-xogħol fuq aġenda ekoloġika għall-Balkani tal-Punent. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli qed jimmiraw ukoll lejn għadd ta’ sħubijiet b’saħħithom dwar l-ambjent, l-enerġija u l-klima mal-Viċinat tan-Nofsinhar u fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant.

Is-summits tal-2020 bejn l-UE u ċ-Ċina f’Beijing u f’Leipzig se jkunu opportunità biex tissaħħaħ is-sħubija bejn l-UE u ċ-Ċina rigward kwistjonijiet klimatiċi u ambjentali, partikolarment qabel il-Konferenza ta’ Kunming dwar il-Bijodiversità, u l-Konferenza tal-Partijiet fi Glasgow.

Bl-istess mod, l-istrateġija komprensiva li ġejja għall-Afrika, u s-summit tal-2020 bejn l-Unjoni Afrikana u l-UE, għandhom jagħmlu l-kwistjonijiet tal-klima u tal-ambjent l-elementi ewlenin fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ kontinenti. B’mod partikolari, l-Alleanza Afrika-Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli se tfittex li tisfrutta l-potenzjal tal-Afrika biex isir progress rapidu lejn ekonomija ċirkolari u ekoloġika li tinkludi l-enerġija sostenibbli, is-sistemi tal-ikel u l-bliet intelliġenti. L-UE se ssaħħaħ l-involviment tagħha mal-Afrika għall-użu u għall-kummerċ iktar mifrux ta’ enerġija sostenibbli u nadifa. L-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija, pereżempju għal tisjir nadif, huma kruċjali biex jingħalaq id-distakk fl-aċċess għall-enerġija fl-Afrika filwaqt li jinkiseb it-tnaqqis meħtieġ ta’ CO2. L-UE se tniedi l-inizjattiva “NaturAfrica” biex tikkumbatti t-telfien tal-bijodiversità billi toħloq netwerk ta’ żoni protetti li fihom tiġi protetta l-fawna selvaġġa u toffri opportunitajiet fis-setturi ekoloġiċi għall-popolazzjonijiet lokali. 

B’mod ġenerali, l-UE se tuża l-għodod diplomatiċi u finanzjarji tagħha biex tiżgura li l-alleanzi ekoloġiċi jkunu parti mir-relazzjonijiet tagħha mal-Afrika u ma’ pajjiżi u reġjuni oħra, partikolarment fl-Amerika Latina, fil-Karibew, fl-Asja u fil-Paċifiku.

L-UE għandha wkoll issaħħaħ l-inizjattivi attwali u tinvolvi ruħha ma’ pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet trasversali tal-klima u tal-ambjent. Dan jista’ jinkludi t-tmiem tas-sussidji globali fuq il-karburanti fossili f’konformità mal-impenji tal-G20, l-eliminazzjoni gradwali tal-finanzjament minn istituzzjonijiet multilaterali għall-infrastruttura tal-karburanti fossili, it-tisħiħ tal-finanzjament sostenibbli, l-eliminazzjoni gradwali tal-kostruzzjoni ġdida kollha tal-impjanti tal-faħam, u azzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan.

L-UE tirrikonoxxi wkoll li l-isfidi globali tal-klima u tal-ambjent huma multiplikatur sinifikanti tat-theddid u sors ta’ instabbiltà. It-tranżizzjoni ekoloġika se tagħti sura ġdida lill-ġeopolitika, inkluż l-interessi ekonomiċi, kummerċjali u tas-sigurtà globali. Din se toħloq sfidi għal għadd ta’ stati u soċjetajiet. L-UE se taħdem mas-sħab kollha biex iżżid ir-reżiljenza klimatika u ambjentali biex tevita li dawn l-isfidi jwasslu għal kunflitt, insigurtà tal-ikel, spostament tal-popolazzjoni u ċaqliq sfurzat tal-popolazzjoni, u tappoġġja tranżizzjoni ġusta madwar id-dinja. L-effetti tal-politika dwar it-tibdil fil-klima għandhom isiru parti integrali mill-kunsiderazzjonijiet u mill-miżuri tal-UE fir-rigward ta’ kwistjonijiet esterni, anki fil-kuntest tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni.

Il-politika kummerċjali tista’ ssostni t-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE. Hija sservi bħala pjattaforma biex ikun hemm involviment mas-sħab kummerċjali dwar azzjoni relatata mal-klima u mal-ambjent. Fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE l-impenji b’rabta mas-sostenibbiltà ġew imsaħħa b’mod kontinwu, speċjalment bil-għan li jissaħħu l-miżuri kontra t-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żiedet l-isforzi tagħha biex timplimenta u tinforza l-impenji ta’ żvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE. Dawn l-isforzi komplew jissaħħu bil-ħatra ta’ Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ. Speċjalment b’rabta mat-tema tat-tibdil fil-klima, il-Partijiet fil-ftehimiet l-iktar riċenti tal-UE qed jiġu obbligati b’mod vinkolanti li jirratifikaw u jimplimentaw b’mod effettiv il-Ftehim ta’ Pariġi. Il-Kummissjoni se tipproponi li r-rispett tal-Ftehim ta’ Pariġi jsir element essenzjali għall-ftehimiet kummerċjali futuri kollha. Il-politika kummerċjali tal-UE tiffaċilita l-kummerċ u l-investiment f’oġġetti u servizzi ekoloġiċi u tippromwovi akkwist pubbliku li ma jagħmilx ħsara lill-klima. Il-politika kummerċjali trid tiżgura wkoll il-kummerċ u l-investiment ġust u mhux imxekkel f’materji primi li l-ekonomija tal-UE teħtieġ għat-tranżizzjoni ekoloġika. Hija tista’ tgħin billi tindirizza prattiki dannużi bħall-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, iżżid il-kooperazzjoni regolatorja, tippromwovi l-istandards tal-UE u tneħħi ostakli mhux tariffarji fis-settur tal-enerġija rinnovabbli. Il-kimiki, il-materjali, l-ikel u l-prodotti l-oħra kollha li jidħlu fis-suq Ewropew għandhom jikkonformaw għalkollox mar-regolamenti u mal-istandards rilevanti tal-UE. L-UE għandha tuża l-għarfien espert tagħha fejn tidħol regolamentazzjoni “ħadra” biex tinkoraġġixxi lis-sħab ifasslu regoli simili li huma ambizzjużi daqs ir-regoli tal-UE, bir-riżultat li jiġi ffaċilitat il-kummerċ u jissaħħu l-ħarsien ambjentali u l-mitigazzjoni klimatika f’dawn il-pajjiżi.

Bħala l-ikbar suq uniku fid-dinja, l-UE tista’ tistabbilixxi standards li japplikaw fil-ktajjen ta’ valur mondjali. Il-Kummissjoni se tibqa’ taħdem fuq standards ġodda għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u tuża l-piż ekonomiku tagħha biex issawwar standards internazzjonali li jkunu konformi mal-ambizzjonijiet ambjentali u klimatiċi tal-UE. Se taħdem biex tiffaċilita l-kummerċ fi prodotti u servizzi ambjentali, f’forums bilaterali u multilaterali, u tappoġġja swieq globali u tal-UE li huma miftuħa u attraenti għal prodotti sostenibbli. Se taħdem mas-sħab globali biex tiżgura s-sigurtà tar-riżorsi tal-UE u aċċess affidabbli għal materji primi strateġiċi.

Il-politika tal-UE ta’ kooperazzjoni internazzjonali u sħubija għandha tkompli taħdem biex jiġu attirati fondi pubbliċi u privati biex tinkiseb it-tranżizzjoni. L-UE u l-Istati Membri tagħha għadhom id-donaturi ewlenin fid-dinja ta’ għajnuna għall-iżvilupp u jipprovdu iktar minn 40 % tal-finanzjament mondjali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Peress li l-fondi pubbliċi mhux se jkunu biżżejjed, l-UE u l-Istati Membri se jaħdmu flimkien fl-involviment tas-sħab tagħhom biex permezz tal-finanzjament privat tingħalaq id-diskrepanza tal-likwidità. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Strument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali tipproponi l-mira li 25 % tal-baġit tagħha jiġu allokati għal objettivi relatati mal-klima. Il-Kummissjoni se tappoġġja wkoll l-impenn li ttieħed mir-riżorsi finanzjarji pubbliċi nazzjonali biex jitjieb l-ambjent tal-investiment u jsir investiment mis-settur privat. Din il-ħidma trid tkun akkumpanjata minn opportunitajiet biex l-investiment fl-iżvilupp sostenibbli jkun bla riskju, permezz ta’ għodod bħal garanziji ta’ finanzjament u finanzjament imħallat.

Sabiex timmobilizza l-investituri internazzjonali, l-UE se tibqa’ fuq quddiem fl-isforz li tiġi stabbilita sistema finanzjarja li tappoġġja tkabbir globali sostenibbli. L-UE se tibni fuq il-pjattaforma internazzjonali għal finanzjament sostenibbli li ġiet stabbilita reċentement biex tikkoordina l-isforzi fir-rigward ta’ inizjattivi ta’ finanzjament li huma ambjentalment sostenibbli, bħat-tassonomiji, id-divulgazzjonijiet, l-istandards u t-tikketti. Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi wkoll diskussjonijiet fil-fora internazzjonali l-oħra, speċjalment il-G7 u l-G20.

4.Wasal iż-żmien li naġixxu — flimkien: Patt Klimatiku Ewropew    

L-involviment u l-impenn tal-pubbliku u tal-partijiet ikkonċernati kollha huwa kruċjali biex il-Patt Ekoloġiku Ewropew ikun suċċess. L-avvenimenti politiċi riċenti jixhdu li l-politiki li jwasslu għal tibdil fundamentali jistgħu jaħdmu biss jekk iċ-ċittadini jkunu involuti għalkollox fit-tfassil tagħhom. In-nies huma mħassba dwar l-impjiegi, it-tisħin tad-djar tagħhom u li jaraw li jlaħħqu mal-ħajja, u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jinvolvuhom jekk iridu li l-Patt Ekoloġiku jirnexxi u jkollu effett fit-tul. Iċ-ċittadini huma u għandhom jibqgħu forza li tixpruna t-tranżizzjoni.

Sa Marzu 2020 il-Kummissjoni se tkun nediet Patt Klimatiku Ewropew biex tiffoka fuq tliet modi għall-involviment tal-pubbliku fir-rigward tal-azzjoni klimatika. L-ewwel nett, se tinkoraġġixxi l-iskambju tal-informazzjoni, l-ispirazzjoni u se trawwem il-fehim pubbliku tat-theddida u tal-isfida li jirrappreżentaw it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, kif ukoll kif jistgħu jiġu miġġielda. Se tuża diversi mezzi u għodod biex tagħmel dan, inklużi avvenimenti fl-Istati Membri, fuq il-mudell tad-djalogi taċ-ċittadini tal-Kummissjoni li għaddejjin bħalissa. It-tieni, għandu jkun hemm spazji kemm reali kif ukoll virtwali fejn in-nies jistgħu jesprimu l-ideat u l-kreattività tagħhom u jaħdmu flimkien fuq azzjoni ambizzjuża, kemm fuq livell individwali kif ukoll kollettiv. Il-parteċipanti jiġu inkoraġġuti jimpenjaw ruħhom għal għanijiet speċifiċi ta’ azzjoni klimatika. It-tielet, il-Kummissjoni se taħdem biex tibni l-kapaċità ħalli tiffaċilita inizjattivi fil-livell lokali dwar it-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent. L-informazzjoni, il-gwida u moduli tal-edukazzjoni jistgħu jgħinu fl-iskambju ta’ prassi tajba. Il-Kummissjoni se tiżgura li t-tranżizzjoni ekoloġika tkun fiċ-ċentru tad-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa.

Il-Patt Klimatiku se jibni fuq id-djalogi taċ-ċittadini u l-assemblej taċ-ċittadini li l-Kummissjoni qed twettaq bħalissa fl-UE kollha, u fuq ir-rwol tal-kumitati ta’ djalogu soċjali. Hija se tkompli taħdem biex tagħti s-setgħa lill-komunitajiet reġjonali u lokali, inklużi l-komunitajiet tal-enerġija. Id-dimensjoni urbana tal-politika ta’ koeżjoni se tissaħħaħ u l-inizjattiva urbana Ewropea li ġiet proposta se tipprovdi assistenza lill-bliet biex dawn jaħtfu bl-aħjar mod l-opportunitajiet li jiżviluppaw strateġiji tal-iżvilupp urban sostenibbli. Il-Patt tas-Sindki se jibqa’ jkun forza ċentrali. Il-Kummissjoni se taħdem miegħu biex tkompli tipprovdi assistenza lill-bliet u lir-reġjuni li jixtiequ jagħmlu wegħdiet ambizzjużi fir-rigward tal-politiki tal-klima u tal-enerġija. Dan se jibqa’ pjattaforma essenzjali fejn jistgħu jinqasmu prattiki tajbin dwar kif jiġu implimentati l-bidliet lokalment.

Il-Kummissjoni hija ħerqana wkoll li tnaqqas l-impatt ambjentali bħala istituzzjoni u bħala impjegatur. Hija se tippreżenta pjan ta’ azzjoni komprensiv fl-2020 biex hija stess timplimenta l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku u biex issir newtrali għall-klima sal-2030. Hija tistieden lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-aġenziji l-oħra kollha tal-UE biex jaħdmu magħha u jippreżentaw miżuri ambizzjużi simili.

Minbarra l-Patt Klimatiku, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu biex jiżguraw li l-għodod tal-ippjanar disponibbli kollha għall-Patt Ekoloġiku Ewropew jintużaw b’mod koerenti. L-iktar importanti fosthom huma l-pjanijiet nazzjonali tal-enerġija u tal-klima u l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali proposti għall-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni. Il-Kummissjoni se tiżgura li dawn ikunu adattati għall-iskop tagħhom u li l-Istati Membri jimplimentawhom b’mod effettiv, u se tkun qed tuża għodod bħas-Semestru Ewropew kif ikun xieraq.

Il-fondi Ewropej, inkluż għall-iżvilupp rurali, se jgħinu liż-żoni rurali biex jisfruttaw l-opportunitajiet fl-ekonomija ċirkolari u fil-bijoekonomija. Il-Kummissjoni se tirrifletti dan fil-viżjoni tagħha fit-tul għaż-żoni rurali. Hija se toqgħod partikolarment attenta għar-rwol tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li tqis il-vulnerabbiltà tagħhom għat-tibdil fil-klima u għad-diżastri naturali kif ukoll l-assi uniċi tagħhom: il-bijodiversità u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni se timbotta l-ħidma fuq l-inizjattiva ta’ enerġija nadifa għall-gżejjer tal-UE, biex tiżviluppa qafas fit-tul li jaċċellera t-tranżizzjoni ta’ enerġija nadifa fil-gżejjer kollha tal-UE.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jiżguraw ukoll li l-politiki u l-leġiżlazzjoni jiġu infurzati u implimentati b’mod effettiv. Ir-rieżami tal-implimentazzjoni ambjentali se jkollu rwol kruċjali fid-determinazzjoni tas-sitwazzjoni f’kull Stat Membru. Il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll programm ta’ azzjoni ambjentali ġdid biex jikkomplementa l-Patt Ekoloġiku Ewropew, li se jinkludi mekkaniżmu ġdid ta’ monitoraġġ li jiżgura li l-Ewropa tibqa’ fit-triq it-tajba biex tilħaq l-għanijiet ambjentali. Il-Kummissjoni se tniedi wkoll dashboard għall-monitoraġġ tal-progress fl-għanijiet kollha tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra tirrevedi r-Regolament ta’ Aarhus biex ittejjeb l-aċċess għall-istħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju fil-livell tal-UE għaċ-ċittadini u għall-NGOs li huma mħassba dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet b’effetti fuq l-ambjent. Il-Kummissjoni se tieħu wkoll azzjoni biex ittejjeb l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja quddiem il-qrati nazzjonali fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll azzjoni mill-UE, mill-Istati Membri tagħha u mill-komunità internazzjonali biex jittieħdu iktar passi kontra reati ambjentali.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew iniedi strateġija ġdida ta’ tkabbir għall-UE. Huwa jappoġġja t-tranżizzjoni tal-UE lejn soċjetà ġusta u prospera li twieġeb għall-isfidi marbuta mat-tibdil fil-klima u mad-degradazzjoni ambjentali u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Ewropew japprovaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew u jagħtu l-piż sħiħ tagħhom lill-miżuri previsti fih.

(1)      Sorsi: (i) Il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (l-IPCC): Rapport Speċjali dwar l-impatti tat-tisħin globali ta’ 1,5 °C; (ii) Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi: 2019 Global assessment report on biodiversity and ecosystem services; (iii) The International Resource Panel: Global Resources Outlook 2019: Natural Resources for the Future We Want; (iv) l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent: l-ambjent Ewropew — l-istat u l-prospetti 2020: għarfien għal tranżizzjoni lejn Ewropa sostenibbli.
(2)      F’konformità mar-riżultati tar-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) “European environment — state and outlook 2020: knowledge for transition to a sustainable Europe”.
(3)       https://sustainabledevelopment.un.org/post2015/transformingourworld
(4)      Ara l-Linji Gwida Politiċi tal-President elett Ursula von der Leyen: Linji gwida politiċi għall-Kummissjoni li jmiss (2019-2024) – ‘Unjoni li tirsisti għal aktar: L-aġenda tiegħi għall-Ewropa’ :
(5)      Pjaneta Nadifa għall-kulħadd - Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima COM (2018) 773
(6)      Il-verżjoni konsolidata tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE
(7)      Ir-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013
(8)      Ir-Regolament (UE) 2018/841 - dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE.
(9)      Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku
(10)      Bħall-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet jew il-kumpens għaż-żieda fl-ispejjeż tal-elettriku
(11)      Ir-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika.
(12)      Ir-Regolament dwar in-Netwerks Trans-Ewropej — l-Enerġija (TEN-E)
(13)       Global Resources Outlook 2019 : Riżorsi Naturali għall-Futur li Rridu: Il-panel Internazzjonali dwar ir-Riżorsi.
(14)       https://ec.europa.eu/eurostat/tgm/table.do?tab=table&init=1&language=en&pcode=cei_srm030&plugin=1   
(15)       https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/IP_19_6353  
(16)      Bħala parti mir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija
(17)      Ir-Regolament (UE) No 305/2011 jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE
(18)      Proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE dwar it-twaqqif ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat tal-merkanzija bejn l-Istati Membri, COM(2017) 648.
(19)      Proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ infrastruttura partikolari COM (2017) 275
(20)      Id-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi.
(21)       https://ipbes.net/news/ipbes-global-assessment-preview  
(22)      Il-linji gwida tal-UE, SWD (2019) 305 final “EU guidance on integrating ecosystems and their services into decision-making”.
(23)      COM/2019/352 final
(24)      Special Report on the Ocean and Cryosphere in a Changing Climate.
(25)      Fitness check of the Ambient Air Quality Directives SWD(2019) 427.
(26)      Inkluż bl-użu ta’ opportunitajiet ġodda ta’ monitoraġġ ipprovduti bil-bidla diġitali.
(27)      Il-Komunikazzjoni “Ningħaqdu flimkien biex inwettqu l-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika - Nistabbilixxu l-pedamenti għal tranżizzjoni b’suċċess lejn l-enerġija nadifa” COM(2019) 285.
(28)      Dawn l-istimi huma konservattivi billi ma jqisux, pereżempju, il-ħtieġa tal-investiment għall-adattament tal-klima jew għal sfidi ambjentali oħra bħall-bijodiversità. Dawn jeskludu wkoll l-investiment pubbliku meħtieġ biex jiġi indirizzat il-kost soċjali tat-tranżizzjoni u l-kost tan-nuqqas ta’ azzjoni.
(29)      Is-sit “Semma’ leħnek – Innaqqsu l-piż”: https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/lighten-load_mt  
(30)      United Nations Environment emissions gap report 2019

Brussell, 11.12.2019

COM(2019) 640 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew


Anness tal-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew

Pjan Direzzjonali - Azzjonijiet kruċjali

Azzjonijiet

Kalendarju Indikattiv 1

Ambizzjoni fejn tidħol il-klima

Proposta dwar “Liġi dwar il-Klima” Ewropea li tinkorpora l-objettiv ta’ newtralità klimatika sal-2050

Marzu 2020

Pjan komprensiv biex il-mira klimatika UE 2030 togħla għal mill-anqas 50% u lejn 55% b’mod responsabbli

Is-Sajf 2020

Proposti għal reviżjonijiet ta’ miżuri leġiżlattivi relevanti biex titwettaq l-ambizzjoni aktar qawwija fejn tidħol il-klima, wara rieżami tad-Direttiva dwar is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet; tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi; tar-Regolament dwar l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija; tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija; tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli; Standards fejn tidħol il-prestazzjoni fl-emissjonijiet ta’ CO2 għall-karozzi u l-vannijiet

Ġunju 2021

Proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija

Ġunju 2021

Proposta għal mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera f’setturi magħżula

2021

Strateġija Ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima

2020/2021

Enerġija nadifa, affordabbli u sigura

Evalwazzjoni tal-Pjani Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima finali

Ġunju 2020

Strateġija għal integrazzjoni intelliġenti tas-setturi

2020

Inizjattiva dwar “Xejra ta’ rinnovament” għas-settur tal-kostruzzjoni

2020

Evalwazzjoni u reviżjoni tar-Regolament dwar in-Network Trans-Ewropew – Enerġija

2020

Strateġija dwar ir-riħ offshore

2020

Strateġija industrijali għal ekonomija nadifa u ċirkolari

Strateġija Industrijali tal-UE

Marzu 2020

Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari, inkluż inizjattiva dwar prodotti sostenibbli u attenzjoni partikolari fuq setturi b’użu intensiv tar-riżorsi bħal ma huma t-tessuti, il-kostruzzjoni, l-elettronika u l-plastika

Marzu 2020

Inizjattiva għall-istimolu ta’ swieq ewlenin ta’ prodotti b’effett newtrali fuq il-klima, u ċirkolari, f’setturi industrijali b’użu intensiv tal-enerġija

Mill-2020

Proposta ta’ appoġġ għal proċessi ta’ manifattura tal-azzar mingħajr emissjonijiet tal-karbonju, sal-2030

2020

Leġiżlazzjoni dwar il-batteriji f’appoġġ għall-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji u l-ekonomija ċirkolari

Ottubru 2020

Jitressqu proposti dwar riformi fil-leġiżlazzjoni dwar l-iskart

Mill-2020

Il-mobbiltà sostenibbli u intelliġenti

Strateġija għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti

2020

Sejħa għal finanzjament għall-iskjerament ta’ punti pubbliċi ta’ karigar u għoti ta’ fjuwil bħala parti minn infrastruttura alternattiva fejn jidħol il-fjuwil

Mill-2020

Evalwazzjoni ta’ għażliet leġiżlattivi biex tingħata spinta lill-produzzjoni u l-provvista ta’ karburanti alternattivi sostenibbli għall-modi differenti ta’ trasport

Mill-2020

Proposta riveduta għal Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat

2021

Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi u r-Regolament dwar in-Netwerk Trans-Ewropew – it-Trasport

2021

Inizjattivi biex tiżdied, u biex tiġi mmaniġġjata aħjar il-kapaċità tal-ferroviji u tal-mogħdijiet interni fuq l-ilma

Mill-2021

Proposta għal standards aktar restrittivi fejn jidħlu emissjonijiet li jniġġżu l-arja fil-każ ta’ vetturi b’magna bil-kombustjoni

2021

Politika Agrikola Komuni aktar ekoloġika / l-Istrateġija “mill-Farm sal-Furketta”

Eżami tal-abbozzi tal-pjani strateġiċi nazzjonali, b’referenza għall-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija “mill-Farm sal-Furketta”

2020-2021

L-Istrateġija “mill-Farm sal-Furketta”

Miżuri, inklużi dawk leġiżlattivi, biex jitnaqqas b’mod sinifikanti l-użu ta’ pestiċidi kimiċi, u r-riskju minnhom, kif ukoll l-użu tal-fertilizzanti u l-antibijotiċi

Ir-rebbiegħa 2020

2021

L-ippreservar u l-protezzjoni tal-bijodiversità

L-Istrateġija ta’ Bijodiversità tal-UE għall-2030

Marzu 2020

Miżuri biex jiġu indirizzati l-muturi ewlenin tat-telfien tal-bijodiversità

Mill-2021

Strateġija tal-UE ġdida fil-Forestrija

2020

Miżuri għall-appoġġ ta’ katini tal-valur li ma jiddipendux fuq id-deforestazzjoni

Mill-2020

Lejn ambizzjoni ta’ eliminazzjoni tat-tniġġiż biex ikun hawn ambjent mingħajr sustanzi tossiċi

Strateġija fis-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà

Is-Sajf 2020

Pjan ta’ azzjoni għall-eliminazzjoni tat-tniġġiż għall-ilma, l-arja u l-ħamrija

2021

Reviżjoni tal-miżuri biex jiġi indirizzat it-tniġġiż mill-istallazzjonijiet industrijali kbar

2021

L-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fil-politiki kollha tal-UE

Proposta għal Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, inkluż Pjan ta’ Tranżizzjoni Ġusta, kif ukoll Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli

Jannar 2020

Tiġdid tal-istrateġija ta’ finanzjament sostenibbli

Ħarifa 2020

Reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar mhux Finanzjarju

2020

Inizjattivi biex jiġu analizzati l-prattiċi ta’ bbaġitjar ekoloġiku tal-Istati Membri u tal-UE, u biex jiġu stabbiliti parametri referenzjarji

Mill-2020

Rieżami tal-linji-gwida relevanti dwar l-għajnuna mill-Istat, inklużi l-linji-gwida fejn jidħlu l-ambjent u l-enerġija

2021

Allinjar tal-inizjattivi l-ġodda tal-Kummissjoni f’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u l-promozzjoni tal-innovazzjoni

Mill-2020

Il-partijiet ikkonċernati jidentifikaw u jirremedjaw leġizlazzjoni inkoerenti li tnaqqas l-effettività fit-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew

Mill-2020

L-integrazzjoni tal-Miri ta’ Żvilupp Sostenibbli fis-Semestru Ewropew

Mill-2020

L-UE fuq quddiem fid-dinja

L-UE tkompli tkun fuq quddiem fin-negozjati internazzjonali dwar il-klima u l-bijodiversità, u tkompli ssaħħaħ il-qafas internazzjonali ta’ politika

Mill-2019

Tissaħħaħ id-Diplomazija tal-UE dwar il-Patt Ekoloġiku f’kooperazzjoni mal-Istati Membri

Mill-2020

Sforzi bilaterali biex is-sħab jitħajru jaġixxu u jaraw li l-azzjonijiet jaqblu mal-politiki

Mill-2020

L-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent

Mill-2020

Ħidma flimkien – Patt Klimatiku Ewropew

It-tnedija tal-Patt Klimatiku Ewropew

Marzu 2020

Proposta għat-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali

2020

(1)

     Il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2020 se jkompli jipprovdi kjarezza dwar iż-żmien ta’ azzjonijiet relevanti mħabbra għall-2020