Brussell, 5.6.2019

COM(2019) 542 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 dwar il-missjoni ta' sorveljanza msaħħa fl-Ungerija, tal-20 ta' Marzu 2019


Dan ir-rapport dwar missjoni ta’ sorveljanza msaħħa fl-Ungerija huwa trażmess lill-Kunsill skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 1 . Kif previst mill-Artikolu 11(5) tar-regolament (KE) Nru 1466/97, is-sejbiet proviżorji ta’ dik il-missjoni kienu preċedentement trażmessi lill-awtoritajiet Ungeriżi għall-kummenti.

L-Ungerija - Proċedura ta’ Devjazzjoni Sinifikanti

Missjoni ta’ sorveljanza msaħħa, l-20 ta’ Marzu 2019

Rapport

1. Introduzzjoni

Wara devjazzjoni sinifikanti mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju (OTM) fl-2017, fir-rebbiegħa 2018 kienet varata Proċedura ta’ Devjazzjoni Sinifikanti (SDP), Significant Deviation Procedure) għall-Ungerija. Fit-23 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni ħarġet twissija lill-Ungerija u proponiet lill-Kunsill li jvara SDP. Fir-rakkomandazzjoni tiegħu bid-data tat-22 ta’ Ġunju 2018 għal SDP, il-Kunsill talab lill-Ungerija biex tieħu l-miżuri biex tiżgura li r-rata tat-tkabbir nominali tan-nefqa nett ma taqbiżx it-2,8 % fl-2018; li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1,0 % tal-PDG.

Skont il-previżjoni tal-ħarifa tal-Kummissjoni għall-2018, kien hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-OTM kemm għall-2018 u għall-2019; għall-2018, din implikat ukoll riskju ta’ nonkonformità mar-rakkomandazzjoni tal-SDP. Il-previżjoni tal-ħarifa tal-Kummissjoni għall-2018 tipprojetta d-defiċit nominali għall-2018 għal 2,4 % tal-PDG, f’konformità mal-mira uffiċjali. Għalhekk, kemm id-defiċit nominali u dak strutturali kienu mistennija jiddeterjoraw meta mqabbla mal-eżitu tal-baġit tal-2017 ta’ 2,2 % tal-PDG, b’riżultat ta’ politika fiskali espansjonarja. Il-baġit 2019, li kien adottat f'Lulju 2018 kien jimmira għal defiċit tal-gvern ġenerali ta’ 1,8 % tal-PDG għall-2019. Dan kien jimplika titjib mhux biss f’termini nominali iżda wkoll f’termini strutturali, hekk kif il-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni (ikkalkulat mill-ġdid) kien projettat li jonqos. Il-previżjoni tal-Kummissjoni għall-2018 projettat li d-defiċit tal-gvern ġenerali fil-2019 se jkun 1,9 % tal-PDG, konformi fil-wisa’ mal-mira uffiċjali u l-bilanċ strutturali kien stmat li jitjieb b’nofs punt perċentwali tal-PDĠ. Din il-previżjoni kellha l-aspettattiva li l-kont tal-pagi pubbliċi flimkien mat-trasferimenti soċjali jiżdied taħt l-inflazzjoni u li xi partiti oħra tan-nefqa tal-gvern jkunu mrażżna. Madankollu, l-impatt ta’ dawk il-miżuri restrittivi kien previst li jkun parzjalment paċut permezz ta’ miżuri fiskali espansorji, notevolment tnaqqis ta’ żewġ punti perċentwali fil-kontribuzzjonijiet soċjali fit-tieni nofs tas-sena, flimkien ma’ tnaqqis simili fis-snin preċedenti, u żieda fl-investiment pubbliku.

B’konsegwenza għan-nuqqas ta’ azzjoni effettiva mill-Ungerija, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjoni reveduta tal-SDP f'Diċembru 2018. Fuq il-bażi tas-sejbiet tal-missjoni ta’ sorveljanza msaħħa ta’ Settembru 2018 u fuq ir-rapport ippreżentat mill-awtoritajiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-awtoritajiet ma kellhomx l-intenzjoni jaġixxu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-SDP fl-2018, u azzjoni kienet mistennija li tittieħed biss fir-rigward tad-defiċit tal-gvern ġenerali tal-2019. Għalhekk, fl-4 ta’ Diċembru 2018, il-Kunsill ikkonkluda li l-ebda azzjoni effettiva ma kienet ittieħdet mill-Ungerija u ħareġ rakkomandazzjoni reveduta. Il-Kunsill talab lill-Ungerija biex tieħu l-miżuri biex tiżgura li r-rata tat-tkabbir nominali tan-nefqa primarja tal-gvern nett ma taqbiżx it-3,3 % fl-2019, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1,0 % tal-PDG fl-2019. Din ir-rakkomandazzjoni ssarrfet fil-bżonn li jkunu adottati miżuri ta’ rendiment strutturali totali ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2019, meta mqabbel max-xenarju bażi mill-previżjoni tal-ħarifa tal-Kummissjoni għall-2018. L-Ungerija rrapportat lill-Kunsill dwar azzjoni meħuda fil-15 ta’ April 2019. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tar-rapport qed tkun ippubblikata bħala parti mill-pakkett tas-Semestru Ewropew.

L-indikaturi makroekonomiċi għall-2018 huma aħjar milli mistennija Meta mqabbel kemm mal-previżjoni tal-ħarifa tal-Kummissjoni għall-2018 u mal-previżjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi ppubblikata f'Diċembru 2018, id-data rilaxxata f'Marzu 2019 turi ambjent makroekonomiku aħjar minn dak mistenni fl-2018, fejn il-PDG reali u wkoll dak nominali aċċelleraw ulterjorment meta mqabbla mal-2017. Il-konsum privat ibbenefika minn suq tax-xogħol b’saħħtu u żidiet kbar fil-pagi amministrattivi. It-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegaturi sa issa taffa t-trasferiment taż-żidiet fil-pagi għall-inflazzjoni. Madankollu, il-prezzijiet għall-konsumatur aċċelleraw ulterjorment fl-2018 għal 2,9 %. B’riżultat ta’ dan, bażijiet maġġuri tat-taxxa, inklużi pagi, kibru aktar malajr milli kien mistenni, biex b’hekk għollew id-dħul mit-taxxa 'l fuq mill-previżjonijiet baġitarji.

Miżuri addizzjonali li jżidu d-defiċit tħabbru fix-xhur riċenti. F'Diċembru tal-2018, tħabbar programm ta’ investiment għall-villaġġi ż-żgħar (il-“Programm Ungeriż għall-villaġġi”), li skontu 150 biljun HUF(0,35 % tal-PDG) se jkunu allokati għal insedjamenti b’inqas minn 5 000 abitant, b’terz minnhom jintefqu għar-rinnovazzjoni ta’ toroq sussidjarji. Fi Frar tal-2019, l-awtoritajiet ħabbru l-hekk imsejjaħ “programm demografiku” li għandu l-għan li jagħti spinta lir-rata tat-twelid. Dawk il-miżuri jinkludu, fost affarijiet oħra, selfa ġdida “prenatali” sussidjata indirizzata għall-koppji żgħażagħ miżżewġa, li hija konvertibbli f’għotja kapitali wara t-twelid tat-tieni u t-tielet tarbija wara li jittieħed is-self; l-espansjoni ta’ self u programm ta’ sussidji għall-familji bit-tfal biex jgħinuhom jixtru djar; sussidji għax-xiri ta’ karozza; u t-tneħħija tat-taxxa fuq l-introjtu personali għal nisa li jkunu qed irabbu mill-inqas erbat itfal; l-introduzzjoni ta’ ħlasijiet għall-indukrar tat-tfal għan-nanniet, u l-iżvilupp ta’ skejjel tan-nuna. L-infiq ġdid ikun iffinanzjat minn riżervi ġenerali u minn dħul imprevist fil-baġit tal-2019. Il-programm jista’’ jiswa sa HUF 150 biljun (0,4% tal-PDG) fl-2020, l-ewwel sena sħiħa ta’ implimentazzjoni, iżda xi impatt baġitarju jista’’ jimmaterjalizza diġà fl-2019. Barra minn hekk, miżuri fiskali ġodda kienu inklużi f'abbozz ta’ liġi riċenti, fosthom l-eżenzjoni ta’ bonds tal-gvern għal klijenti mhux professjonali mit-taxxa fuq l-imgħax u tnaqqis fid-dazju tat-tranżazzjoni finanzjarja għall-unitajiet domestiċi, b’impatt stmat ta’ madwar 0,02 % tal-PDG fl-2019 u 0,05% tal-PDG fl-2020. Mill-2019, sabiex jissaħħu l-pagamenti elettroniċi, kienet introdotta eżenzjoni mit-taxxa fuq trasferimenti bankarji sa HUF 20 000 għal kull tranżazzjoni għal individwi privati. Barra minn hekk, bonds tal-gvern għal klijenti mhux professjonali kienu eżentati mit-taxxa fuq l-imgħax. L-awtoritajiet jistmaw li l-impatt fuq il-baġit ta’ dawn il-miżuri jkun negliġibbli għall-2019-2020. L-awtoritajiet semmew ukoll l-idea ta’ programm li jappoġġa t-tagħlim ta’ lingwi barranin għall-istudenti li jiswa madwar 0,2% tal-PDG mill-2020.

Il-missjoni ta’ sorveljanza msaħħa mill-Kummissjoni saret fl-20 ta’ Marzu 2019. Il-missjoni twettqet fuq il-bażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) 1466/97. Il-persunal tal-Kummissjoni ltaqa’ mas-segretarju tal-Istat għall-finanzi pubbliċi fil-Ministeru tal-Finanzi, Peter Beno Banai; id-direttur eżekuttiv responsabbli għall-politika monetarja, l-analiżi ekonomika, ir-riżervi barranin u l-ġestjoni tar-riskju fil-Magyar Nemzeti Bank, Barnabas Virag; u l-President tal-Kunsill Fiskali, Arpas Kovacs. L-għan tal-missjoni kien li tirċievi informazzjoni dettaljata dwar il-miżuri fiskali reċentament imħabbra mill-awtoritajiet, l-azzjonijiet fiskali ppjanati mill-awtoritajiet, u biex tiġbed l-attenzjoni għar-riskji fiskali relatati mat-tnaqqis mistenni fir-ritmu tat-tkabbir ekonomiku u biex tinkoraġġixxi l-konformità mar-rakkomandazzjoni SDP. Dan ir-rapport huwa bbażat fuq informazzjoni miksuba sal-missjoni u matulha.

2. Sejbiet tal-missjoni

L-awtoritajiet fissru li l-eżitu aħjar milli mistenni fl-2018 kien dovut kemm għal fatturi ċikliki u strutturali. It-tkabbir reali tal-PDG kien aħjar minn dak mistenni (4,9 % meta mqabbel ma 4,3 % projettat mill-awtoritajiet), xprunat mid-domanda domestika (kemm il-konsum privat u wkoll l-investiment). Id-dħulijiet ibbenefikaw minn żviluppi makroekonomiċi b’saħħithom u anki minn miżuri strutturali biex tittejjeb il-konformità mar-regoli tat-taxxa. B’mod partikolari, minn Lulju tal-2018, il-kumpaniji huma meħtieġa jirrapportaw l-akbar irċevuti tagħhom f’ħin reali lill-awtorità tat-taxxa. L-introduzzjoni ta’ fatturar online hija stmata li kellha rwol sinifikanti fit-tnaqqis tad-daqs tal-ekonomija informali, biex b’hekk għolliet it-taxxi indiretti u naqqset id-diskrepanza tal-VAT taħt il-medja tal-UE. Id-dħul ogħla minn dak mistenni kienu parzjalment kontrobilanċjati minn nefqa ogħla minn dik mistennija. Speċifikament, il-gvern iddeċieda li, fl-aħħar tal-2018, juża xi ftit minn dak li ffranka f’dik is-sena u mid-dħul ogħla minn dak mistenni biex jiffinanzja spiża mhux rikurrenti fuq kategoriji speċifiċi (kultura, reliġjon u sport) li ma jistgħux ikunu ffinanzjati mill-fondi tal-UE. L-awtoritajiet innotaw li, mingħajr in-nefqa mhux rikurrenti li saret fi tmiem l-2018, id-defiċit tal-gvern ġenerali kien ikun ta’ 1,6 % tal-PDG. Waqt li pagamenti simili ta’ darba fi tmiem is-sena ttieħdu mill-gvern b’mod rikurrenti, l-awtoritajiet sostnew li dawn kienu qed jonqsu, bil-pagament li sar fl-2018 ikun lanqas wieħed mill-2016. Addizzjonalment, madwar 0,1 % tan-nefqa tal-PDG kienet riportata mill-2019 għall-2018. L-awtoritajiet ikkonfermaw ukoll li l-ammont totali ta’ fondi impenjati iżda mhux minfuqa (prinċipalment relatati mal-proġetti tal-fondi tal-UE) baqa’ l-istess fi tmiem l-2018 meta mqabbel ma’ tmiem l-2017. Huma qablu wkoll li għall-skopijiet ta’ previżjoni jkunu benefiċjali li jkunu allinjati aħjar l-impenji u t-twaqqit tan-nefqa ta’ tali proġetti, anke jekk biex isir dan jaffettwa d-defiċit tal-gvern ġenerali f’termini ta’ dovuti.

L-awtoritajiet issottolinjaw il-passi meħuda biex tkun miġġielda l-evażjoni tat-taxxa u jitnaqqas il-qies tal-ekonomija sotterranja u titwessa l-bażi għat-tassazzjoni. L-awtoritajiet enfasizzaw li l-finanzi pubbliċi joqogħdu ħafna fuq it-taxxi tal-konsum, u bosta miżuri ddaħħlu biex jikkumbattu l-ekonomija sotterranja. Partikolarment, l-introduzzjoni tal-fatturar online minn Lulju 2018 hija stmata li kkontribwiet b’mod sinifikanti biex tnaqqas ir-rwol tal-ekonomija informali u tirrapreżenta waħda mill-aktar azzjonijiet importanti fl-aħħar snin. Fl-2018, id-dħul mill-VAT (f’termini ta’ dovuti) żdied b’madwar 14 % li minnhom 4 punti perċentwali kienu dovuti għal dik il-miżura u xi impatt addizzjonali huwa mistenni wkoll fl-2019, għalkemm limitat. Miżuri addizzjonali għat-tnaqqis tad-daqs tal-ekonomija informali huma mistennija jkunu approvati mill-Parlament fir-rebbiegħa tal-2019. Ittieħdu wkoll passi biex titwessa’ l-bażi għat-tassazzjoni

Fi snin riċenti, l-awtoritajiet sikwit sottostmaw id-dħul inizjalment, iżda mbagħad nefqu l-parti l-kbira tad-dħul mhux mistenni lejn tmiem is-sena. Mill-bidu tal-ftehim ta’ sitt snin mal-impjegati dwar iż-żidiet fil-pagi u t-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet soċjali tal-impjegaturi, l-awtoritajiet konsistentement użaw stimi konservattivi tad-dħul ippjanat. Matul l-aħħar tliet snin, deher li kien hemm dħul mhux mistenni kbir meta mqabbel mal-pjanijiet baġitarji. Dan id-dħul kien tipikament minfuq lejn tmiem is-sena fuq partiti mhux rikurrenti (inkluż għal skejjel tan-nuna u skejjel, knejjes, faċilitajiet sportivi u kif ukoll minoritajiet Ungeriżi barra mill-pajjiż), prevalentament f’forma ta’ trasferimenti kurrenti u kapitali. L-awtoritajiet jargumentaw li dik in-nefqa mhux rikurrenti tikkostitwixxi sors importanti ta’ bafer fiskali (fil-valutazzjoni tagħhom, 0,6 % tal-PDG fl-2018), għalkemm qed jonqos maż-żmien.

Matul il-missjoni, il-persunal tal-Kummissjoni nnota li l-ekonomija hija fi żminijiet tajbin u għandu jsir sforz addizzjonali fit-tnaqqis tad-defiċit u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika. Il-missjoni rrikonoxxiet il-prestazzjoni makroekonomika tajba tal-Ungerija fl-2018, b’parti mit-tkabbir addizzjonali miksub fl-2018 jiġi spjegat ukoll mill-istimolu fiskali. Madankollu, it-tkabbir ekonomiku fl-Ungerija jidher li laħaq l-ogħla livell u huwa mistenni li jkun moderat fuq medda medja ta’ żmien, anke minħabba l-ambjent estern li qed imur għall-agħar. B’riżultat ta’ dan, il-buffers fiskali huma mistennija jonqsu fis-snin li ġejjin. Għandu jiġi nnutat li l-awtoritajiet Ungeriżi ma jaqblux mal-istima tal-komponent ċikliku tal-Kummissjoni: fil-fehma tagħhom, abbażi ta’ metodoloġija li tqis kemm iċ-ċikli ekonomiċi finanzjarji kif ukoll dawk reali, id-differenza fil-produzzjoni tkun negattiva. Il-missjoni fakkret li l-Kunsill talab għal sforz strutturali addizzjonali fl-2019 u, fid-dawl tal-moderazzjoni mistennija tal-kundizzjonijiet ekonomiċi fis-snin li ġejjin, l-Ungerija għandha taħtaf l-opportunità tal-momentum pożittiv biex tiżgura l-pożizzjoni fiskali tagħha u tnaqqas aktar id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika, li għadu għoli għal ekonomija miftuħa żgħira.

L-awtoritajiet mhumiex qegħdin jippjanaw li jieħdu passi addizzjonali fl-2019 bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni tal-SDP riveduta. Minkejja l-eżitu aħjar milli mistenni fl-2018, l-awtoritajiet mhumiex qegħdin jippjanaw li jirrevedu l-mira tad-defiċit għall-2019. Fl-2019, l-awtoritajiet għandhom il-ħsieb li jżommu mal-mira inizjali tagħhom ta’ defiċit ġenerali tal-gvern ta’ 1,8 % tal-PGD kif stabbilit fil-baġit tal-2019 approvat f’Lulju 2018. B’mod partikolari, l-effett bażi relatat mal-eżitu fiskali mtejjeb fl-2018, jimplika nefqa aktar baxxa fuq l-Iskema ta’ Xogħol Pubbliku u partiti oħra; madankollu, huma mistennija li jiġu kompletament assorbiti mill-miżuri li jżidu d-defiċit imħabbra hawn fuq. L-impatt tal-programm demografiku huwa mistenni li jkun limitat fl-2019 u li jilħaq iż-0,4 % tal-PDG fl-2020, għalkemm l-użu tiegħu jista’ jiġi vvalutat biss b’inċertezza kbira. Filwaqt li qablu dwar il-qafas makroekonomiku ġenerali kkaratterizzat minn ambjent estern li dejjem sejjer għall-agħar, l-awtoritajiet enfasizzaw li huma kellhom il-ħsieb li jżommu t-tkabbir ekonomiku għoli permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ politika ekonomika. Fl-opinjoni tal-awtoritajiet, dan se jiżgura li jitnaqqas id-defiċit u li l-proporzjon relattivament għoli bejn tad-dejn għall-PDG jibqa’ sejjer lura.

Is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi hija ta’ tħassib fl-Ungerija. Fil-perjodu ta’ żmien medju sa twil, l-Ungerija tidher li qed tiffaċċja riskji ta’ sostenibbiltà fiskali prinċipalment relatati mal-pożizzjoni baġitarja, il-kostijiet projettati tat-tixjiħ kif ukoll xokkijiet possibbli għat-tkabbir ekonomiku. L-awtoritajiet enfasizzaw li l-programm demografiku huwa parti minn programm ta’ sostenibbiltà fit-tul. Il-programm ta’ kompetittività huwa wkoll proġett fuq medda medja ta’ żmien, iffokat fuq ħafna oqsma, bil-għan li jġib it-tkabbir tal-PDG mal-medja tal-UE + 2 pp. fuq perjodu itwal ta’ żmien. Sa issa, ma ġiet adottata l-ebda miżura konkreta. Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet qablu li l-livell għoli ta’ investiment pubbliku għandu impatt fuq il-prezzijiet f’xi oqsma (jiġifieri l-kostruzzjoni).

Id-diskussjonijiet fi Magyar Nemzeti Bank (MNB) primarjament iffokaw fuq l-isfidi tat-tkabbir fis-snin li ġejjin. L-MNB argumenta li t-tkabbir għoli fil-pagi li seħħ reċentament se jwassal lill-kumpaniji biex iżidu l-produttività, u b’hekk jista’ jiġi evitat telf fil-kompetittività esterna. Huwa argumenta wkoll li l-Ungerija hija f’pożizzjoni tajba biex twettaq riformi strutturali, li għalihom jidher li hemm momentum fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. Skont l-MNB, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni li jibqa’ madwar 1,5 % tal-PDG kemm fl-2019 kif ukoll fl-2020. L-iżvilupp pożittiv fid-dħul mit-taxxa huwa mistenni li jpatti għal miżuri ġodda ta’ espansjoni mħabbra. Fil-valutazzjoni tal-MNB, il-pożizzjoni fiskali, li kienet akkomodanti fl-2017-2018, hija stmata li ssir kontroċiklika fl-2019. Huwa previst ukoll li d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika jonqos b’madwar 2 pp kull sena.

Investiment pubbliku għoli jikkontribwixxi għaż-żieda fil-prezzijiet tad-djar. Kumplessivament, l-investiment totali fl-ekonomija laħaq livell għoli, ta’ madwar 25 % tal-PDG. L-investiment pubbliku huwa għoli wkoll, li potenzjalment jikkontribwixxi għal esklużjoni tal-investiment privat kif ukoll għal żieda fil-prezzijiet (aktar milli output). Barra minn hekk, il-kwalità ta’ dawk l-investimenti hija ta’ ċertu tħassib. Fl-istess ħin, ir-riskju ta’ bżieżaq finanzjarji fis-settur privat jidher li huwa limitat minħabba li l-proporzjon tal-kreditu għall-PDG tal-unitajiet domestiċi għadu baxx meta mqabbel mat-tkabbir rapidu fid-dħul nominali.

Skont il-Kunsill Fiskali, il-baġit għandu l-għan li jibbilanċja l-objettivi ta’ tkabbir u ta’ stabbiltà. Il-Kunsill Fiskali indika li l-perjodu kurrenti ta’ tkabbir għoli mingħajr dejn estern huwa uniku fl-istorja ekonomika tal-pajjiż, u l-kostellazzjoni ta’ tkabbir b’saħħtu b’vulnerabbiltà baxxa jenħtieġ li tkun ippreservata. Għalhekk, il-baġit jenħtieġ li jibqa’ kawt fir-rigward tal-impenji tal-infiq. Madankollu, minħabba l-ħtieġa li jsir progress fil-konverġenza ekonomika, ma kienx politikament fattibbli li jsir sforz għal tnaqqis aktar mgħaġġel tad-dejn. Il-Kunsill argumenta li l-baġit għandu biżżejjed spazju fiskali biex jiġġestixxi tnaqqis anqas moderat milli mistenni fit-tkabbir, bis-saħħa tal-ammont akbar ta’ riżervi baġitarji fl-2019 meta mqabbel mal-2018. Fil-fehma tal-Kunsill, il-gvern, tabilħaqq, jista’ jħabbar miżuri ta’ stimolu ulterjuri, f’każ li jseħħ tnaqqis fir-ritmu.

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi, ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1