Brussell, 5.6.2019

COM(2019) 532 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

L-Italja



Rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

L-Italja


Rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

1.Introduzzjoni

L-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE). Din il-proċedura hija stabbilita ulterjorment fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv 1 , li huwa parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST). Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 2 jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri taż-żona tal-euro skont il-PDE.

Skont l-Artikolu 126(2) tat-TFUE, il-Kummissjoni trid tissorvelja l-konformità mad-dixxiplina baġitarja abbażi ta’ żewġ kriterji, jiġifieri: (a) jekk il-proporzjon tal-iżbilanċ tal-gvern ippjanat jew reali għall-prodott domestiku gross (PDG) ikunx jeċċedi l-valur ta’ referenza ta’ 3 %; u (b) jekk il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG ikunx jeċċedi l-valur ta’ referenza ta’ 60 %, ħlief jekk il-proporzjon ikun qiegħed jonqos b’mod suffiċjenti u li joqrob lejn il-valur ta’ referenza b’pass sodisfaċenti 3 .

L-Artikolu 126(3) tat-TFUE jipprevedi li, jekk Stat Membru ma jwettaqx il-ħtiġijiet taħt xi wieħed jew it-tnejn minn dawn il-kriterji, il-Kummissjoni trid tipprepara rapport. Ir-rapport irid “iqis ukoll jekk id-dejn tal-gvern ikunx jeċċedi n-nefqa tal-gvern f’investiment u jqis il-fatturi l-oħra kollha rilevanti, inkluża l-pożizzjoni ekonomika u tal-estimi għall-futur medju tal-Istat Membru”.

Dan ir-rapport, li jirrappreżenta l-ewwel pass fil-PDE, janalizza l-konformità tal-Italja mal-kriterju tad-dejn tat-Trattat fl-2018, b’kunsiderazzjoni dovuta għall-isfond ekonomiku u fatturi rilevanti oħra.

Fit-23 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE 4 , billi l-Italja ma għamlitx biżżejjed progress lejn konformità mal-kriterju tad-dejn fl-2017. Ir-rapport ikkonkluda li jenħtieġ li jitqies li kien hemm konformità mal-kriterju f’dak iż-żmien, b’kunsiderazzjoni partikulari għall-konformità ex post tal-Italja mal-parti preventiva fl-2017. Ir-rapport innota wkoll riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju rakkomandat mill-Kunsill għall-2018, abbażi kemm tal-pjanijiet tal-gvern kif ukoll tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2018. Ir-rapport indika li l-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid il-konformità abbażi tad-data ex post għall-2018 biex tiġi notifikata fir-rebbiegħa tal-2019.

Il-Kummissjoni ħarġet rapport ieħor skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE f’Novembru 2018 5 , billi fl-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tal-Italja għall-2019 hija identifikat każ ta’ “nuqqas partikolarment serju ta’ konformità” mar-rakkomandazzjoni fiskali indirizzata lilha mill-Kunsill fit-13 ta’ Lulju 2018, u b’hekk iġġustifikat valutazzjoni mill-ġdid tal-konformità tal-Italja mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn fl-2017. Madankollu, il-gvern temm is-sitwazzjoni ta’ “nuqqas partikolarment serju ta’ konformità” bil-parti preventiva tal-PST, li kienet tħeġġeġ il-valutazzjoni mill-ġdid, permezz tal-emendi li daħħal fil-baġit tal-2019 tiegħu matul Diċembru 2018.

Id-data nnotifikata mill-awtoritajiet f’April 2019 6 u sussegwentement validata mill-Eurostat 7 turi li d-defiċit tal-gvern ġenerali tal-Italja naqas għal 2,1 % tal-PDG fl-2018 (minn 2,4 % fl-2017), filwaqt li d-dejn tal-gvern ġenerali żdied għal 132,2 % tal-PDG (minn 131,4 % fl-2017), jiġifieri ’l fuq minn 60 % tal-parametru referenzjarju tal-PDG. Għall-2019, il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2019 tal-Italja bassar li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG se jkompli jitla’ ftit biss sa 132,6 %. Fl-2020, bassar tnaqqis (ta’ 1,3 punti perċentwali) fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG għal 131,3 %. It-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2019 jistenna li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-Italja se jiżdied b’mod aktar sinifikanti, għal 133,7 % fl-2019 u 135,2 % fl-2020.

Abbażi tad-data notifikata u t-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2019, l-Italja ma kenitx konformi mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn fl-2018 (diskrepanza ta’ madwar 7 ½ % tal-PDG) (ara t-Tabella 1). B’mod ġenerali, in-nuqqas ta’ konformità tal-Italja mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn fl-2018 huwa xhieda ta’ eżistenza prima facie ta’ defiċit eċċessiv fis-sens tal-PST qabel ma jitqiesu l-fatturi kollha kif stabbilit hawn taħt. Barra minn hekk, abbażi ta’ kemm il-pjanijiet tal-gvern kif ukoll it-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2019, l-Italja mhijiex mistennija tikkonforma mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn la fl-2019 (diskrepanza ta’ madwar 5 % u 9 % tal-PDG rispettivament) u lanqas fl-2020 (diskrepanza ta’ madwar 4 ½ % u 9 ¼ % tal-PDG rispettivament).

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ħejjiet dan ir-rapport biex tivvaluta b’mod komprensiv it-tluq mill-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn u teżamina jekk it-tnedija ta’ proċedura ta’ defiċit eċċessiv hijiex ġustifikata wara li jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha. It-Taqsima 2 tar-rapport teżamina l-kriterju tad-defiċit. It-Taqsima 3 teżamina l-kriterju tad-dejn. It-Taqsima 4 tindirizza l-investiment pubbliku u fatturi rilevanti oħra, inkluża l-valutazzjoni ta’ konformità mal-perkors ta’ aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju (OTM). B’mod partikulari, din it-taqsima tenfasizza n-nuqqas ta’ konformità tal-Italja mal-perkors ta’ aġġustament rakkomandat lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2018 abbażi ta’ data ex post (it-Taqsima 4.1). Ir-rapport huwa bbażat fuq it-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2019, rilaxxat fis-7 ta’ Mejju 2019, li jqis il-Programm ta’ Stabbiltà (PS) tal-2019 tal-Italja ppreżentat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fid-19 ta’ April 2019.

Tabella 1: Defiċit u dejn tal-gvern ġenerali (% tal-PDG) a

2.Kriterju tad-defiċit

L-Italja għamlet sforz fiskali mdaqqas bejn l-2010 u l-2013, żiedet il-bilanċ pożittiv primarju tagħha għal aktar minn 2 % tal-PDG u ħarġet mill-proċedura ta’ defiċit eċċessiv fl-2013 billi żammet id-defiċit nominali tagħha fil-limitu tad-defiċit tal-PDG ta’ 3 % mill-2012. Madankollu, il-pożizzjoni fiskali tagħha naqset gradwalment mill-2014 billi l-bilanċ primarju strutturali ddeterjora b’mod sinifikanti. Fl-2018, il-bilanċ pożittiv primarju tal-Italja kien stabbilizza ruħu għal 1,6 % tal-PDG, filwaqt li d-defiċit nominali laħaq 2,1 % tal-PDG, l-aktar livell baxx mill-2007. Madankollu, kemm il-bilanċ nominali kif ukoll il-bilanċ primarju huma mistennija li jiddeterjoraw fl-2019, speċjalment minħabba t-tnaqqis fir-ritmu makroekonomiku u l-miżuri inklużi fil-baġit tal-2019, qabel ma jkomplu jmorru għall-agħar fl-2020 abbażi ta’ ebda bidla fil-politika.

Id-defiċit tal-gvern ġenerali tal-Italja ġie rrappurtat li kien 2,1 % tal-PDG fl-2018. Skont kemm il-Programm ta’ Stabbiltà kif ukoll it-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2019, huwa mbassar li l-parametru referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG fl-2019 se jiġi rispettat. Madankollu, il-parametru referenzjarju se jinqabeż fl-2020 skont it-tbassir tal-Kummissjoni, skont preżunzjoni ta’ ebda bidla fil-politika 8 . Il-Programm ta’ Stabbiltà jbassar li fl-2019 id-defiċit tal-gvern ġenerali jkun 2,4 % tal-PDG u 2,1 % fl-2020, qabel ma jkompli jonqos għal 1,8 % tal-PDG fl-2021 u 1,5 % fl-2022. Iż-żieda fid-defiċit tal-gvern ġenerali mbassra għall-2019 tirriżulta fil-parti l-kbira mit-tnaqqis fir-ritmu makroekonomiku u l-miżuri baġitarji fil-baġit tal-2019, b’impatt li jżid id-defiċit nett ta’ madwar 0,5 % tal-PDG 9 . It-tnaqqis fid-defiċit tal-gvern ġenerali ppjanat għall-2020 huwa fil-parti l-kbira minħabba l-impatt (madwar 1,3 % tal-PDG) ta’ rati ogħla tal-VAT leġiżlati għall-2020 bħala dispożizzjoni ta’ salvagwardja.

It-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2019 ibassar li d-defiċit tal-gvern ġenerali tal-Italja se jkun 2,5 % tal-PDG fl-2019 u se jogħla għal 3,5 % fl-2020. Għalkemm l-impatt li jżid id-defiċit nett tal-miżuri fil-baġit tal-2019 huwa konformi mat-tbassir fil-Programm ta’ Stabbiltà, it-tbassir tad-defiċit nominali mill-Kummissjoni għall-2019 huwa kemxejn ogħla minn dan tal-aħħar, prinċipalment minħabba xejra sottostanti aktar prudenti tan-nefqa pubblika. Iż-żieda fit-tbassir tad-defiċit mill-Kummissjoni għall-2020 skont preżunzjoni ta’ ebda bidla fil-politika meta mqabbel mal-pjanijiet tal-gvern huwa spjegat fil-parti l-kbira mill-fatt li l-Kummissjoni ma tinkludix iż-żieda fir-rati tal-VAT leġiżlati għall-2020 bħala dispożizzjoni ta’ salvagwardja, minħabba t-tħassir sistematiku reġistrat f’dawn l-aħħar snin u n-nuqqas ta’ dettalji dwar miżuri alternattivi possibbli. 

Għaldaqstant, attwalment l-Italja tikkonforma mal-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/97, għalkemm hemm riskju li fl-2020 ma jkunx hemm konformità mal-kriterju tad-defiċit abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2019, skont preżunzjoni ta’ ebda bidla fil-politika.

3.Kriterju tad-dejn

Wara li żdied b’medja ta’ ħames punti perċentwali fis-sena matul ir-reċessjoni doppja tal-2008-2013, il-proporzjon tad-dejn pubbliku għall-PDG kien madwar 131,5 % matul l-2014-2017 qabel ma żdied għal 132,2 % fl-2018. Abbażi tal-Programm ta’ Stabbiltà, huwa mistenni li jiżdied ftit għal 132,6 % fl-2019 u jonqos għal 131,3 % fl-2020 bis-saħħa ta’ tkabbir nominali pjuttost solidu, tnaqqis fid-defiċit nominali bis-saħħa ta’ żidiet tal-VAT, u rikavati ta’ privatizzazzjoni ambizzjużi. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qed tistenna li l-proporzjon tad-dejn se jiżdied kemm fl-2019 kif ukoll fl-2020, sa aktar minn 135 % minħabba effett “valanga” qawwi ta’ żieda fid-dejn u tnaqqis fil-bilanċ pożittiv primarju, u rikavati ta’ privatizzazzjoni li ma jintlaħqux. Filwaqt li r-riskji tar-rifinanzjament għadhom limitati fit-terminu l-qasir, id-dejn pubbliku għoli għadu sors ta’ vulnerabbiltà għall-ekonomija tal-Italja.

Wara t-tħassir tal-PDE f’Ġunju 2013, l-Italja kienet soġġetta għal perjodu ta’ tliet snin ta’ tranżizzjoni lejn konformità mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn, li beda fl-2013 u ntemm fl-2015. Wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn sar applikabbli fl-2016. Abbażi tad-data notifikata u t-tbassir tal-Kummissjoni, id-diskrepanza għall-parametru referenzjarju tad-dejn ammonta għal 7,6 % fl-2018. Barra minn hekk, abbażi tal-Programm ta’ Stabbiltà, l-Italja mhux qed tippjana li tikkonforma mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn, la fl-2019 (diskrepanza għall-parametru referenzjarju tad-dejn ta’ 5,1 % tal-PDG) u lanqas fl-2020 (diskrepanza ta’ 4,5 % tal-PDG). Din il-konklużjoni hija kkonfermata, b’diskrepanzi ikbar, abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni (diskrepanza għall-parametru referenzjarju tad-dejn ta’ 9,0 % u 9,2 % tal-PDG rispettivament).

F’aktar dettall, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-Italja laħaq 132,2 % fl-2018, jiġifieri 0,8 punti perċentwali ogħla mill-2017. Kif hemm miġbur fil-qosor fit-Tabella 2, dik iż-żieda kienet fil-parti l-kbira tagħha minħabba aġġustament bejn il-fondi u l-flussi li jżid ħafna d-dejn (0,9 % tal-PDG) li wkoll kien relatat ma’ żieda notevoli fir-riżervi tal-likwidità tat-Teżor. L-impatt li jnaqqas id-dejn taż-żieda fil-bilanċ pożittiv primarju (1,6 % tal-PDG, żieda minn 1,4 % fl-2017) kważi kompletament paċa effett “valanga” li jżid id-dejn (1,5 %). Fil-fatt, kif jidher fil-Grafika 1, il-kost impliċitu reali tad-dejn 10 baqa’ ogħla mit-tkabbir fil-PDG fi prezzijiet kostanti tal-Italja fl-2018 (0,9 %), għalkemm naqas ftit (għal 2 % minn 2,4 % fl-2017) bis-saħħa ta’ trasferiment gradwali ta’ rendimenti spot ogħla fil-ħruġ (1,1 % fl-2018, żieda minn 0,7 % fl-2017) 11 fil-kost tas-servizzjar tad-dejn pendenti 12 u inflazzjoni b’żieda moderata (tkabbir tad-deflatur tal-PDG ta’ 0,8 %). Iż-żieda fir-rendimenti spot fil-ħruġ fl-2018 (u fil-bidu tal-2019) tirrifletti primjums tar-riskju ogħla fuq id-dejn pubbliku tal-Italja, b’differenza fir-rendimenti tal-bonds tal-gvern li jgħaddu minn kambjament fil-livelli ta’ madwar 100 punt bażi minn Mejju 2018. Bħala tali, meta mqabbel mat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2018, irriżulta li n-nefqa tal-interessi fl-2018 kienet ogħla b’madwar EUR 2,2 biljun (EUR 65 biljun minflok EUR 62,8 biljun).

Għall-2019, il-Programm ta’ Stabbiltà jbassar li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG se jkompli jogħla għal 132,6 %, jiġifieri b’0,4 punti perċentwali meta mqabbel mal-livell tal-2018. Id-dinamiki mbassra huma fil-parti l-kbira tagħhom ir-riżultat ta’ effett “valanga” li jżid id-dejn (2 % tal-PDG) minħabba dgħufija fil-kundizzjonijiet makroekonomiċi (it-tkabbir nominali tal-PDG jonqos għal 1,2 % minn 1,7 % fl-2018), għalkemm il-bilanċ pożittiv primarju (1,2 % tal-PDG) u r-rikavati ta’ privatizzazzjoni ambizzjużi (1 % tal-PDG) jpaċuh fil-parti l-kbira tagħha. Il-Kummissjoni tistenna li l-proporzjon tad-dejn tal-Italja se jiżdied b’mod aktar notevoli fl-2019, għal 133,7 %. Id-differenza hija parzjalment minħabba effett “valanga” li jżid ħafna d-dejn (2,6 %), marbut ma’ suppożizzjonijiet aktar prudenti fir-rigward ta’ tkabbir nominali tal-PDG (0,8 % minflok 1,2 %) u parzjalment minħabba aġġustament bejn il-fondi u l-flussi li jżid id-dejn li fil-parti l-kbira tiegħu huwa spjegat bil-privatizzazzjonijiet preżunti mbassra mill-gvern li ma laħqux il-mira tagħhom (0,1 % tal-PDG minflok 1 %).

Għall-2020, il-Programm ta’ Stabbiltà jbassar li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG se jkompli jonqos għal 131,3 %, jiġifieri b’1,3 punt perċentwali meta mqabbel mal-livell tal-2019. Id-dinamiki mbassra huma fil-parti l-kbira tagħhom ir-riżultat ta’ bilanċ pożittiv primarju kbir imbassar (1,6 % tal-PDG) u effett “valanga” newtrali bis-saħħa taż-żieda notevoli preżunta fit-tkabbir nominali tal-PDG (2,8 %), minkejja aġġustament bejn il-fondi u l-flussi li jżid xi ftit id-dejn (0,3 %). Minflok, il-Kummissjoni qed tistenna li l-proporzjon tad-dejn tal-Italja se jkompli jiżdied fl-2020 għal 135,2 %. Id-differenza hija minħabba bilanċ primarju ħafna aktar baxx (defiċit primarju ta’ 0,2 % tal-PDG) billi l-Kummissjoni fit-tbassir tagħha ma tinkorporax iż-żieda fir-rati tal-VAT leġiżlata bħala dispożizzjoni ta’ salvagwardja, u effett “valanga” li jżid ħafna d-dejn (1,4 %), marbuta ma’ suppożizzjonijiet aktar prudenti fir-rigward tat-tkabbir nominali tal-PDG (1,8 % minflok 2,8 %). Barra mnn hekk, il-Kummissjoni qed tassumi li ma jintlaħqux il-miri tal-privatizzazzjonijiet imbassra mill-gvern (żero minflok 0,3 % tal-PDG). Ir-riskji għat-tbassir tad-dejn kemm fit-tbassir tal-Kummissjoni kif ukoll fil-Programm ta’ Stabbiltà jistgħu jkunu marbuta ma’ prospetti makroekonomiċi agħar milli mistenni, deterjorament aktar b’saħħtu tal-bilanċ primarju, inflazzjoni aktar baxxa u/jew rikavati tal-privatizzazzjoni, u nefqa tal-interessi ogħla milli mistenni.

B’mod ġenerali. kif jidher fil-Grafika 1, minkejja t-tnaqqis fit-tkabbir tal-PDG fi prezzijiet kostanti fl-2018 (il-linja blu kontinwa), il-kost reali impliċitu li għadu nieżel tad-dejn pubbliku (il-linja sewda miksura) kien biżżejjed biex jinżamm l-effett “valanga” li jżid id-dejn (skurat bl-isfar) għal 1,2 % fl-2018 (żieda minn 0,7 % fl-2017), jiġifieri b’mod ġenerali konformi mal-medja ta’ qabel il-kriżi (1,2 % matul l-2000-2007), wara għadd ta’ snin li fihom kien aktar baxx minn hekk (¾ % matul l-2016-2017). Għaldaqstant, id-differenzjal pożittiv tar-rata ta’ tkabbir tar-rata tal-interessi, filwaqt li kien unicum fl-Unjoni fl-istadju attwali, u wassal għal effett “valanga” li jżid id-dejn, joffri biss spjegazzjoni parzjali għan-nuqqas ta’ konformità tal-Italja mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn fil-2018, fil-parti l-kbira permezz tal-konfigurazzjoni tiegħu li tħares ’il quddiem. Fil-fatt, fl-2019, l-effett “valanga” huwa mistenni li jogħla għal 2 %, jiġifieri jkun notevolment ogħla mill-medja storika, fil-parti l-kbira minħabba d-dgħufija fil-kundizzjonijiet makroekonomiċi. Bħala tali, dan jirrappreżenta wieħed mill-fatturi ewlenin għan-nuqqas imbassar ta’ konformità tal-Italja mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn f’konfigurazzjoni li tħares ’il quddiem.

Għaldaqstant, b’mod ġenerali, din l-analiżi tissuġġerixxi li prima facie l-kriterju tad-dejn għall-fini tat-Trattat u r-Regolament (KE) Nru 1467/97 ma kienx issodisfat fl-2018, fl-2019 u fl-2020, kemm jekk abbażi tal-Programm ta’ Stabbiltà kif ukoll jekk abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2019, qabel ma jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha kif stabbilit hawn taħt.



Tabella 2: Dinamiki tad-dejn a 

Grafika 1: Xprunaturi tal-“effett valanga” fuq id-dejn tal-gvern

Sors: it-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2019 u d-data tal-Ministeru tal-Finanzi (MEF) Ir-rendiment spot reali fil-ħruġ għall-2019 jinkludi data sa April 2019 biss

4.Fatturi rilevanti

L-Artikolu 126(3) tat-TFUE jipprevedi li r-rapport tal-Kummissjoni “għandu jqis ukoll jekk id-dejn tal-gvern ikunx jeċċedi n-nefqa tal-gvern f’investiment u jqis il-fatturi l-oħra kollha rilevanti, inkluża l-pożizzjoni ekonomika u tal-estimi għall-futur medju tal-Istat Membru”. Dawn il-fatturi huma ċċarati ulterjorment fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, li jipprevedi wkoll li jrid jitqies b’mod dovut “kwalunkwe fattur ieħor li, fl-opinjoni tal-Istat Membru kkonċernat huwa rilevanti sabiex tkun ivvalutata b’mod komprensiv il-konformità mal-kriterji tad-defiċit u d-dejn u li l-Istat Membru ressaq quddiem il-Kunsill u l-Kummissjoni”.

F’każ ta’ ksur apparenti tal-kriterju tad-dejn, l-analiżi tal-fatturi rilevanti hija partikolarment ġustifikata, billi d-dinamiki tad-dejn huma influwenzati sa ċertu punt minn fatturi lil hinn mill-kontroll tal-gvern milli huwa l-każ għad-defiċit. Dan huwa rikonoxxut fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, li jipprevedi li għandhom jitqiesu l-fatturi rilevanti meta tiġi vvalutata l-konformità abbażi tal-kriterju tad-dejn irrispettivament mid-daqs tal-ksur. F’dak ir-rigward, iridu jitqiesu (u tqiesu f’rapporti passati) mill-inqas dawn it-tliet aspetti ewlenin li ġejjin meta tiġi vvalutata l-konformità mal-kriterju tad-dejn minħabba l-impatt tagħhom fuq id-dinamiki tad-dejn u s-sostenibbiltà:

1.l-aderenza għall-Objettiv baġitarju ta’ Terminu Medju (OTM) jew il-perkors ta’ aġġustament lejh, li suppost jiżgura s-sostenibbiltà jew il-progress rapidu lejn is-sostenibbiltà skont ċirkustanzi makroekonomiċi normali. Billi fit-tfassil tiegħu l-OTM speċifiku għall-pajjiż iqis il-livell tad-dejn u l-obbligazzjonijiet impliċiti, jenħtieġ li l-konformità mal-OTM jew mal-perkors ta’ aġġustament lejh jiżguraw il-konverġenza tal-proporzjonijiet tad-dejn lejn livelli prudenti mill-inqas fit-terminu medju;

2.ir-riformi strutturali, li diġà huma implimentati jew dettaljati fi pjan ta’ riforma strutturali, li huma mistennija li jtejbu s-sostenibbiltà fit-terminu medju permezz tal-impatt tagħhom fuq it-tkabbir, u li għaldaqstant jikkontribwixxu biex imexxu l-proporzjon tad-dejn għall-PDG lejn perkors sodisfaċenti ’l isfel. B’mod ġenerali, l-aderenza għall-OTM (jew il-perkors ta’ aġġustament lejh), flimkien mal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali (fil-kuntest tas-Semestru Ewropew), taħt kundizzjonijiet ekonomiċi normali hija mistennija li tmexxi d-dinamiki tad-dejn lejn perkors sostenibbli permezz tal-impatt konġunt fuq il-livell tad-dejn stess (permezz tal-kisba ta’ qagħda finanzjarja b’saħħitha fl-OTM) u fuq tkabbir ekonomiku (permezz tar-riformi);

3.il-kundizzjonijiet makroekonomiċi sfavorevoli u, b’mod partikolari, l-inflazzjoni baxxa, li jfixklu t-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG u jagħmlu l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) partikolarment diffiċli. Ambjent b’inflazzjoni baxxa jagħmilha aktar diffiċli biex Stat Membru jikkonforma mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn. Taħt dawn il-kundizzjonijiet, l-aderenza għall-OTM jew il-perkors ta’ aġġustament lejh huwa fattur rilevanti ewlieni fil-valutazzjoni tal-konformità mal-kriterju tad-dejn.

Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, is-subtaqsimiet li ġejjin iqisu: (1) il-pożizzjoni baġitarja tat-terminu medju, inkluża valutazzjoni tal-konformità mal-aġġustament rikjest lejn l-OTM u tal-investiment pubbliku; (2) l-iżviluppi fil-pożizzjoni tad-dejn tal-gvern fit-terminu medju, inklużi l-prospetti ta’ sostenibbiltà tagħha; (3) il-pożizzjoni ekonomika fit-terminu medju, inkluża s-sitwazzjoni attwali f’termini tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali; (4) fatturi oħra meqjusa rilevanti mill-Kummissjoni; u (5) fatturi oħra mressqa mill-Istat Membru.

4.1.Pożizzjoni baġitarja fit-terminu medju

Valutazzjoni ex post tindika n-nuqqas ta’ konformità tal-Italja mal-perkors ta’ aġġustament rakkomandat lejn l-OTM fl-2018, anke wara li tqieset l-hekk imsejjaħ “marġni ta’ diskrezzjoni”. Barra minn hekk, rigward l-2019, l-Italja tinsab f’riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, anke wara li tqis il-provvediment preliminari għall-avvenimenti mhux tas-soltu. Id-daqs tad-devjazzjoni mill-perkors ta’ aġġustament rakkomandat lejn l-OTM huwa mistenni li jkompli jikber fl-2020 abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2019, taħt preżunzjoni ta’ ebda bidla fil-politika. Dan jirrappreżenta fattur aggravanti.

Bilanċ strutturali u aġġustament lejn l-OTM

Rigward l-2018, fil-11 ta’ Lulju 2017 il-Kunsill irrakkomanda li jenħtieġ li l-Italja tagħmel sforz fiskali sostanzjali f’konformità mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-PST, filwaqt li tqis il-ħtieġa li ssaħħaħ l-irkupru li għaddej u tiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Abbażi tal-matriċi ta’ aġġustament maqbula b’mod komuni taħt il-parti preventiva tal-PST, dak l-aġġustament sarraf fir-rekwiżit ta’ rata nominali ta’ tnaqqis tan-nefqa primarja netta tal-gvern ta’ mill-inqas 0,2 %, li tikkorispondi għal sforz strutturali annwali ta’ mill-inqas 0,6 % tal-PDG. Fl-istess ħin, il-Kunsill iddikjara li jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tal-2018 u l-valutazzjoni sussegwenti tal-eżiti tal-baġit tal-2018 iqisu l-għan li tittieħed pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-irkupru li għaddej u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Wara l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tas-saħħa tal-irkupru tal-Italja filwaqt li tqiesu kif dovut l-isforzi tas-sostenibbiltà tagħha, li l-Kummissjoni wettqet f’Novembru 2017 fl-opinjoni tagħha dwar l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tal-Italja tal-2018, fit-13 ta’ Lulju 2018 il-Kunsill stabbilixxa sforz strutturali fiskali rikjest għall-Italja ta’ mill-inqas 0,3 % tal-PDG għall-2018 mingħajr ebda marġni ta’ devjazzjoni addizzjonali fuq sena, li jikkorrispondi għal rata nominali ta’ tkabbir ta’ nefqa netta primarja tal-gvern li ma taqbiżx 0,5 %.

Abbażi tad-data notifikata, fl-2018 il-parametru referenzjarju tan-nefqa jindika aġġustament fiskali inadegwat, billi r-rata tat-tkabbir tan-nefqa tal-gvern tal-Italja, mingħajr il-miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u ta’ darba, ta’ 2 %, hija mistennija li tkun qabżet iż-żieda ta’ 0,5 % rakkomandata mill-Kunsill. Barra minn hekk, abbażi tad-data notifikata u t-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2019, il-bilanċ strutturali tal-Italja huwa stmat li ddeterjora b’0,1 % tal-PDG fl-2018, u ma laħaqx l-isforz strutturali xieraq ta’ 0,3 % tal-PDG. F’aktar dettall, iż-żieda fin-nefqa primarja strutturali fl-Italja b’madwar 0,45 % tal-PDG potenzjali meta mqabbel mal-2017 kienet fil-parti l-kbira tagħha xprunata mill-kumpens lill-impjegati u t-trasferimenti soċjali fi flus kontanti. Dik iż-żieda ġiet paċuta biss parzjalment b’kont tal-imgħax aktar baxx ta’ 0,1 % tal-PDG 13 , li rriżulta f’żieda ġenerali fin-nefqa strutturali b’madwar 0,35 % tal-PDG potenzjali. Min-naħa l-oħra, id-dħul strutturali tal-Italja tjieb biss b’madwar 0,25 % tal-PDG potenzjali, li fil-parti l-kbira tiegħu kien xprunat minn dħul minn taxxi indiretti u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Għaldaqstant, valutazzjoni ġenerali tindika n-nuqqas ta’ konformità tal-Italja mal-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju rakkomandat mill-Kunsill għall-2018.

Għall-2019, il-Kunsill irrakkomanda li l-Italja tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa primarja netta tal-gvern ma taqbiżx 0,1 %, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,6 % tal-PDG.

Abbażi tal-Programm ta’ Stabbiltà, il-parametru referenzjarju tan-nefqa jindika riskju ta’devjazzjoni sinifikanti kemm fl-2019 (diskrepanza ta’ 0,7 % tal-PDG) kif ukoll matul l-2018 u l-2019 meħuda flimkien (diskrepanza ta’ 0,7 % tal-PDG fis-sena, bħala medja wara li jitqies il-marġni ta’ diskrezzjoni fl-2018 14 ), billi r-rata ta’ tkabbir tan-nefqa tal-gvern netta mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u ta’ darba, ta’ 1,8 %, se taqbeż dik rakkomandata mill-Kunsill. Il-pilastru tal-bilanċ strutturali jagħti l-istess indikazzjoni, billi l-Programm ta’ Stabbiltà jbassar li l-bilanċ strutturali (rikalkulat) se jiddeterjora b’0,2 % tal-PDG fl-2019. Dan jindika riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti kemm fuq sena (diskrepanza ta’ 0,8 % tal-PDG fl-2019) kif ukoll matul l-2018 u l-2019 meħuda flimkien (diskrepanza ta’ 0,6 % fis-sena, bħala medja wara li jitqies il-marġni ta’ diskrezzjoni fl-2018). Valutazzjoni ġenerali bbażata fuq il-pjanijiet tal-gvern tindika riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju rakkomandat mill-Kunsill għall-2019. Dik il-konklużjoni ma tinbidilx jekk l-impatt fuq il-baġit (madwar 0,18 % tal-PDG) tal-programm straordinarju tal-manutenzjoni għan-netwerk tat-toroq u l-konnessjonijiet wara l-kollass tal-pont Morandi f’Ġenova u ta’ pjan ta’ prevenzjoni biex jiġu limitati r-riskji idroġeoloġiċi wara l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp tqiesu bħala “avvenimenti mhux tas-soltu” barra mill-kontroll tal-Istat Membru kkonċernat għall-finijiet tal-Artikoli 5(1) u 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u tnaqqsu mir-rekwiżit tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

Abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2019, ġiet ikkonfermata l-valutazzjoni ġenerali bbażata fuq il-pjanijiet tal-gvern ikkalkulati mill-ġdid. Il-parametru referenzjarju tan-nefqa jindika riskju ta’devjazzjoni sinifikanti kemm fl-2019 (diskrepanza ta’ 0,9 % tal-PDG) kif ukoll matul l-2018 u l-2019 meħuda flimkien (diskrepanza ta’ 0,8 % tal-PDG fis-sena, bħala medja wara li jitqies “il-marġni ta’ diskrezzjoni” fl-2018), billi r-rata ta’ tkabbir tan-nefqa tal-gvern netta mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u ta’ darba, ta’ 2,0 %, se taqbeż dik rakkomandata mill-Kunsill. Il-pilastru tal-bilanċ strutturali jagħti l-istess indikazzjoni, billi l-Kummissjoni tistenna li l-bilanċ strutturali tal-Italja jiddeterjora b’0,2 % tal-PDG fl-2019, u jilħaq -2,4 % tal-PDG. Għaldaqstant, il-pilastru tal-bilanċ strutturali jindika riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti kemm fuq sena (diskrepanza ta’ 0,8 % tal-PDG fl-2019) kif ukoll matul l-2018 u l-2019 meħuda flimkien (diskrepanza ta’ 0,6 % fis-sena, bħala medja wara li jitqies il-“marġni ta’ diskrezzjoni” fl-2018). Dik il-konklużjoni ma tinbidilx wara li jitqies il-provvediment mogħti b’mod preliminari għal avvenimenti mhux tas-soltu fl-2019. Madankollu, l-awtoritajiet Taljani jindikaw l-eżistenza ta’ riskji pożittivi għall-bilanċ tal-baġit għall-2019 bis-saħħa ta’ dħul ogħla milli mistenni u nefqa aktar baxxa milli mbassar fuq miżuri fil-baġit tal-2019 (it-Taqsima 4.5).

Għall-2020, ġie rrakkomandat li l-Italja tiżgura li n-nefqa primarja netta tal-gvern tonqos b’0,1 %, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,6 % tal-PDG.

Abbażi tal-Programm ta’ Stabbiltà, il-parametru referenzjarju tan-nefqa jindika riskju ta’ xi devjazzjoni fl-2020 (diskrepanza ta’ 0,3 % tal-PDG) u riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti matul l-2019 u l-2020 meħuda flimkien (diskrepanza ta’ 0,5 % tal-PDG fis-sena, bħala medja), billi r-rata ta’ tkabbir tan-nefqa tal-gvern netta mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u ta’ darba, ta’ 0,6 %, se taqbeż dik rakkomandata mill-Kunsill. Il-pilastru tal-bilanċ strutturali jagħti l-istess indikazzjoni, billi l-Programm ta’ Stabbiltà jbassar li l-bilanċ strutturali (rikalkulat) se jitjieb b’0,2 % tal-PDG fl-2020. Dan jindika riskju ta’ xi devjazzjoni fuq sena (diskrepanza ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2020) u riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti matul l-2019 u l-2020 meħuda flimkien (diskrepanza ta’ 0,6 % fis-sena, bħala medja). L-indikazzjonijiet mogħtija miż-żewġ pilastri jissuġġerixxu li l-iżviluppi fiskali aktar pożittivi mbassra fil-Programm ta’ Stabbiltà għall-2020, fil-parti l-kbira tagħhom minħabba l-implimentazzjoni sħiħa preżunta ta’ żieda qawwija fil-VAT, mhumiex biżżejjed biex jagħmlu tajjeb għad-devjazzjoni kbira ppjanata mir-rekwiżit tal-parti preventiva fl-2019. Valutazzjoni ġenerali bbażata fuq il-pjanijiet tal-gvern tindika riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju rakkomandat mill-Kunsill għall-2020. Dik il-konklużjoni ma tinbidilx wara li jitqies il-provvediment mogħti b’mod preliminari għal “avvenimenti mhux tas-soltu” fl-2019.

Abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2019, ġiet ikkonfermata l-valutazzjoni ġenerali bbażata fuq il-pjanijiet tal-gvern ikkalkulati mill-ġdid. Il-parametru referenzjarju tan-nefqa jindika riskju ta’devjazzjoni sinifikanti kemm fl-2020 (diskrepanza ta’ 1,5 % tal-PDG) kif ukoll matul l-2019 u l-2020 meħuda flimkien (diskrepanza ta’ 1,2 % tal-PDG fis-sena, bħala medja), billi r-rata ta’ tkabbir tan-nefqa tal-gvern netta mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u ta’ darba, ta’ 3,3 %, se taqbeż dik rakkomandata mill-Kunsill. Il-pilastru tal-bilanċ strutturali jagħti l-istess indikazzjoni, billi l-Kummissjoni tistenna li l-bilanċ strutturali tal-Italja jiddeterjora b’1,2 % tal-PDG fl-2020. Dan jindika riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti kemm fuq sena (diskrepanza ta’ 1,8 % tal-PDG fl-2019) kif ukoll matul l-2019 u l-2020 meħuda flimkien (diskrepanza ta’ 1,3 % fis-sena, bħala medja). Dik il-konklużjoni ma tinbidilx wara li jitqies il-provvediment mogħti b’mod preliminari għal avvenimenti mhux tas-soltu fl-2019. Għaż-żewġ pilastri, id-diskrepanzi għall-konformità fl-2020 huma akbar b’mod sinifikanti abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni milli abbażi tal-Programm ta’ Stabbiltà, billi l-ewwel wieħed ma jinkludix id-dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja u jbassar perspettiva fiskali agħar fl-2020.

L-OTM stabbilit mill-Programm ta’ Stabbiltà tal-2019, jiġifieri bilanċ pożittiv baġitarju ta’ 0,5 % tal-PDG f’termini strutturali, jirrifletti l-objettivi tal-PST iżda mhuwiex ippjanat li jintlaħaq waqt il-perjodu tal-programm. Jiġifieri, wara li baqa’ stabbli fl-2018, il-bilanċ strutturali huwa mistenni li jiddeterjora b’0,1 % tal-PDG fl-2019 u jitjieb b’0,2 % tal-PDG fl-2020 u b'0,3 % tal-PDG kemm fl-2021 kif ukoll fl-2022, u jilħaq -0,8 % tal-PDG fl-2022.

Kaxxa 1: flessibbiltà taħt il-parti preventiva

Fil-kuntest tas-sorveljanza baġitarja mwettqa mill-Kummissjoni f’dawn l-aħħar snin, l-Italja bbenefikat minn forom differenti ta’ klawsoli ta’ flessibbiltà u provedimenti previsti taħt il-PST. Speċifikament, matul l-2015-2018, l-Italja bbenefikat minn provvediment kumulat ta’ madwar EUR 30 biljun, jew 1,8 % tal-PDG, flimkien ma’ provvediment ta’ madwar EUR 3 biljun, jew 0,18 % tal-PDG, li ngħata b’mod provviżorju għall-2019. Il-flessibbiltà mogħtija lill-Italja kienet kruċjali biex tiġi żgurata l-konformità (wiesgħa) tagħha mal-parti preventiva tal-PST abbażi tad-data dwar l-eżitu, b’mod partikulari għall-2015, l-2016 u l-2017. Il-konformità mal-parti preventiva tqieset ukoll mill-Kummissjoni bħala fattur mitiganti ewlieni biex ma tiskattax proċedura ta’ defiċit eċċessiv minkejja nuqqas ta’ konformità prima facie mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn.

Wara l-“Komunikazzjoni dwar il-Flessibbiltà” ta’ Jannar 2015, il-Kunsill irrakkomanda sforz fiskali ta’ 0,25 % tal-PDG għall-Italja fl-2015, minflok 0,5 % minħabba l-piż akbar għall-kundizzjonijiet ċikliċi (“żminijiet ekonomiċi ħżiena ħafna”) li introduċiet. Barra minn hekk, l-Italja bbenefikat minn provvediment ta’ 0,03 % tal-PDG għal nefqa addizzjonali marbuta mar-refuġjati.

Rigward l-2016, il-flessibbiltà li ngħatat lill-Italja ammontat għal 0,5 % tal-PDG skont il-klawsola dwar ir-riforma strutturali; 0,21 % skont il-klawsola dwar l-investiment; 0,06 % għan-nefqa addizzjonali marbuta mar-refuġjati; u 0,06 % għal miżuri ta’ sigurtà eċċezzjonali marbuta mat-theddid tat-terroriżmu.

Rigward l-2017, il-flessibbiltà mogħtija lill-Italja ammontat għal 0,35 % tal-PDG, li 0,18 % minnhom kienu għal pjan ta’ investiment preventiv għall-protezzjoni tat-territorju nazzjonali kontra r-riskju siżmiku u 0,17 % għall-kriżi tar-refuġjati.

Rigward l-2018, fl-Opinjoni tagħha dwar l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tal-2018, il-Kummissjoni użat il-“marġni ta’ diskrezzjoni” tagħha, billi qieset sforz strutturali ta’ 0,3 % tal-PDG (minflok 0,6 %) kif xieraq għall-Italja, mingħajr marġni ulterjuri ta’ devjazzjoni fuq sena, minħabba l-ħtieġa “li jitqies kif xieraq l-għan li tittieħed pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm għat-tisħiħ tal-irkupru kontinwu kif ukoll l-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi”.

Rigward l-2019, fil-kuntest tad-djalogu bejn l-awtoritajiet Taljani u l-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju 2019, il-Kummissjoni vvalutat li l-Italja kienet eliġibbli b’mod provviżorju għal provvediment ta’ madwar 0,18 % tal-PDG għal “avvenimenti mhux tas-soltu” għal programm straordinarju ta’ manutenzjoni għan-netwerk tat-toroq u għal pjan preventiv biex jiġu limitati r-riskji idroġeoloġiċi. Dawk l-ammonti se jkollhom jiġu kkonfermati abbażi tad-data dwar l-eżitu.

Investiment pubbliku

Rigward l-investiment pubbliku, il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss tal-gvern tal-Italja kellha medja ta’ madwar 3 % tal-PDG matul l-1999-2010, iżda l-ħtieġa ta’ aġġustament rapidu bħala reazzjoni għall-kriżi tad-dejn sovran wasslet għal tnaqqis sostanzjali fl-investiment pubbliku għal madwar 2,4 % tal-PDG bħala medja matul l-2011-2016. Fl-2018, il-proporzjon tal-investiment pubbliku għall-PDG laħaq livell baxx ġdid, għal 2,1 % tal-PDG (rata tat-tkabbir ta’ -4,3 % sena wara sena f’termini nominali). Il-Programm ta’ Stabbiltà bassar li l-proporzjon se jiżdied għal 2,2 % tal-PDG fl-2019 (+5,2 % sena wara sena f’termini nominali) u 2,4 % fl-2020, b’appoġġ mill-fondi addizzjonali allokati u l-miżuri meħuda biex jiġu aċċellerati l-proċeduri amministrattivi. Minflok, il-Kummissjoni tistenna li l-investiment jibqa’ stabbli b’mod ġenerali għal 2,1 % tal-PDG fl-2019 (rata ta’ tkabbir ta’ 1,9 % sena wara sena f’termini nominali), qabel ma jkun hemm irkupru żgħir għal 2,3 % fl-2020.

B’mod ġenerali, minħabba t-tnaqqis wiesgħa tiegħu matul iż-żmien, ma jidhirx li l-investiment pubbliku jirrappreżenta fattur mitiganti li jiġġustifika n-nuqqas ta’ konformità tal-Italja mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn.

4.2.Pożizzjoni tad-dejn ta’ terminu medju tal-gvern ġenerali

Id-dejn pubbliku tal-Italja għadu sors maġġuri ta’ vulnerabbiltà għall-ekonomija. Miżuri adottati ġodda u xejriet demografiċi negattivi parzjalment ireġġgħu lura l-effetti pożittivi tar-riformi passati tal-pensjonijiet u jdgħajfu s-sostenibbiltà fiskali fit-tul tal-Italja. Is-sostenibbiltà fiskali tfixklet ukoll bil-kambjament fil-livelli fir-rati tal-imgħax fuq il-bonds tal-gvern osservati fl-2018 u fil-bidu tal-2019.

Wara li laħaq 132,2 % fl-2018, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-Italja huwa mistenni li jkompli jiżdied sa madwar 135 % fl-2020 abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2019. Fl-2019-2020, huwa mistenni li d-deterjorament sinifikanti tal-bilanċ pożittiv primarju, in-nefqa tal-interessi stabbli b’mod ġenerali u r-rikavati tal-privatizzazzjoni kważi żero f’kuntest ta’ tkabbir nominali tal-PDG jkunu l-ixprunaturi ewlenin taż-żieda mistennija fil-proporzjon tad-dejn pubbliku.

Skont l-indikatur tar-riskju tas-sostenibbiltà fiskali ta’ terminu qasir tal-Kummissjoni Ewropea “S0”, ma jidhirx li l-Italja qed tiffaċċja sfidi ta’ sostenibbiltà ta’ terminu qasir, għalkemm jidher li hemm vulnerabbiltajiet fuq in-naħa fiskali 15 . Fil-fatt, ir-riskji mill-kuntest makrofinanzjarju għadhom limitati b’mod ġenerali, anke bis-saħħa tal-politika monetarja akkomodanti tal-BĊE. Madankollu, l-Italja hija mikxufa għal żidiet f’daqqa fl-averżjoni għar-riskju tas-suq finanzjarju minħabba ħtiġijiet ta’ rifinanzjament li għadhom kbar (madwar 17 % tal-PDG fl-2019) li huma relatati mad-dejn pubbliku kbir tagħha. Kif ġie osservat f’Mejju 2018, dawn iż-żidiet jistgħu jwasslu għal volatilità għolja fis-swieq tal-bonds sovrani u kostijiet tas-servizzjar tad-dejn sostanzjalment ogħla, bir-riskju sussegwenti ta’ effetti konsegwenzjali negattivi għas-settur bankarju u għall-kundizzjonijiet finanzjarji għall-kumpaniji u għall-unitajiet domestiċi.

Fit-terminu medju, l-Italja tiffaċċja sfidi ta’ sostenibbiltà sinifikanti. Huwa mbassar li l-bilanċ pożittiv primarju strutturali jkompli jiddeterjora għal 1,2 % tal-PDG fl-2019 u 0,2 % tal-PDG fl-2020, u dan huwa tnaqqis minn 3,5 % fl-2015. Dan jista’ jgħolli r-riskji ta’ sostenibbiltà fit-terminu medju, billi pożizzjoni fiskali dgħajfa tista’ tkompli tgħolli l-primjums tar-riskju. Dan jinqabad mill-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn (DSA) ta’ terminu medju tal-Kummissjoni u mill-indikatur tar-riskju għas-sostenibbiltà fiskali S1 16 , u t-tnejn li huma jindikaw “riskju għoli” 17 . L-istokk tad-dejn imbassar għoli u li qed jiżdied fl-2029 fix-xenarju bażi u s-sensittività tiegħu għal xokkijiet makroekonomiċi-fiskali jikkontribwixxu għal dik il-valutazzjoni. Għaldaqstant, sabiex jintlaħaq il-proporzjon tad-dejn ta’ 60 % tal-PDG sal-2033, jenħtieġ li l-Italja tagħmel sforz fiskali kumulattiv kbir, li jammonta għal 10,2 punti perċentwali tal-PDG matul l-2021-2025.

Fit-tul, l-Italja hija mistennija wkoll li tiffaċċja sfidi ta’ sostenibbiltà sinifikanti, xprunati kemm mill-aġġustament fiskali mdaqqas meħtieġ biex jiġi stabilizzat il-proporzjon tad-dejn għall-PDG, speċjalment fid-dawl tal-kostijiet tat-tixjiħ futuri, kif ukoll mill-vulnerabbiltajiet marbuta mal-piż għoli tad-dejn. L-indikatur tar-riskju għas-sostenibbiltà fiskali fit-tul S2 18 jindika r-riskji medji, billi tenħtieġ żieda permanenti fil-bilanċ pożittiv primarju strutturali tal-Italja ta’ madwar 3,2 punti perċentwali tal-PDG biex il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tagħha jinżamm stabbli fit-tul, anke minħabba l-kostijiet tax-tixjiħ. Minħabba l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-piż tad-dejn għoli maqbuda mill-valutazzjoni tar-riskju tad-DSA, din tal-aħħar tindika riskji għolja fit-tul. Fil-fatt, is-sostenibbiltà fit-tul żgurata mir-riformi tal-pensjonijiet fil-passat, billi jiġu limitati r-responsabbiltajiet impliċiti li jirriżultaw mit-tixjiħ tal-popolazzjoni, qed tiddeterjora kemm minħabba deterjorament fix-xejriet demografiċi mbassra mill-Eurostat kif ukoll minħabba riformi adottati dan l-aħħar. B’mod partikulari, bil-baġit tal-2019, il-gvern estenda l-possibbiltà għall-irtirar bikri, u żied sostanzjalment in-nefqa pubblika għall-pensjonijiet tax-xjuħija. Il-kost addizzjonali ta’ madwar 0,3 % tal-PDG fl-2019 se jkompli jgħolli n-nefqa tal-pensjonijiet tax-xjuħija tal-Italja li, b’rata ta’ madwar 15 % tal-PDG potenzjali fl-2017, diġà hija waħda mill-ogħla fl-Unjoni u fl-OECD. Barra minn hekk, il-flessibbiltà msaħħa għall-irtirar kmieni tista’ taffettwa b’mod negattiv il-provvista tax-xogħol, f’kuntest fejn l-Italja diġà qed taqa’ lura meta mqabbla mal-medja tal-UE għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema akbar fl-età tagħha (55-64) f’impjieg, u b’hekk tfixkel it-tkabbir potenzjali. B’mod ġenerali, it-treġġigħ lura ulterjuri fl-implimentazzjoni tar-riformi tal-pensjonijiet tal-passat jistgħu jiddeterjoraw b’mod sinifikanti r-riskji ta’ sostenibbiltà fit-tul tal-Italja, u jipperikolaw perkors ta’ tnaqqis xieraq tal-proporzjon kbir ħafna tad-dejn pubbliku għall-PDG.

Barra minn hekk, ir-rikavati mill-privatizzazzjoni ammontaw għal madwar żero fl-2018, u ma laħqux bil-kbir iż-0,3 % tal-mira tal-PDG ippjanat mill-gvern għal dik is-sena. Għall-futur, il-Programm ta’ Stabbiltà jbassar PDG ambizzjuż ta’ 1 % ta’ rikavati mill-privatizzazzjoni għall-2019 u 0,3 % għall-2020. Minħabba rekord ta’ ħidma tal-privatizzazzjonijiet li sa issa kien dgħajjef, it-tbassir tal-Kummissjoni jinkorpora biss madwar 0,1 % tal-PDG ta’ rikavati mill-privatizzazzjonijiet għall-2019, fid-dawl tal-proposti kredibbli u speċifiċi li bħalissa qed jiġu diskussi, u l-ebda rikavati mill-privatizzazzjoni għall-2020 għal raġunijiet prudenzjali.

4.3.Pożizzjoni ekonomika fit-terminu medju

Wieħed jista’ jargumenta li t-tnaqqis fir-ritmu makroekonomiku rreġistrat mit-tieni nofs tal-2018, bi tnaqqis fit-tkabbir nominali tal-PDG li jaqa’ taħt it-2 % fl-2018 u matul l-2019-2020 abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni, parzjalment jispjega l-lakuni kbar fil-konformità tal-Italja mal-konfigurazzjoni li tħares ’il quddiem tal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn. Madankollu, opzjonijiet politiċi setgħu kkontribwew għal tnaqqis fir-ritmu makroekonomiku permezz ta’ effett negattiv fuq il-fiduċja u kanal ta’ kreditu aktar strett. Barra minn hekk, l-Italja għamlet progress limitat fl-indirizzar tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż tal-2018 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha jipprovdi biss dettalji limitati dwar il-ftit impenji ġodda li fih. B’mod ġenerali, it-tkabbir baxx fil-produttività għadu jirrestrinġi l-potenzjal ta’ tkabbir tal-Italja u jfixkel tnaqqis aktar mgħaġġel tal-proporzjon tad-dejn pubbliku għall-PDG.

Kundizzjonijiet ċikliċi, tkabbir potenzjali u inflazzjoni

L-ekonomija tal-Italja waqgħet f’riċessjoni żgħira fit-tieni nofs tal-2018, billi l-impatt tat-tnaqqis fir-ritmu tal-kummerċ globali nfirex għall-ekonomija Taljana u ġie amplifikat b’domanda domestika baxxa. Jiġifieri, żieda fir-rendimenti tad-dejn sovran meta mqabbel mal-bidu tal-2018 sarrfu f’kundizzjonijiet ta’ kreditu aktar stretti, għalkemm b’diskrepanza, filwaqt li l-inċertezza dwar il-politiki u d-direzzjoni tar-riforma kienet ta’ piż fuq l-investiment. B’mod ġenerali, it-tkabbir tal-PDG fi prezzijiet kostanti laħaq 0,9 % fl-2018. Għall-2019, l-istimi rapidi tal-ISTAT għall-ewwel tliet xhur jappoġġaw aċċellerament tal-attività ekonomika, għalkemm domanda domestika dgħajfa u sentiment baxx tan-negozji u tal-konsumaturi jindikaw li t-tkabbir tal-produzzjoni se jikseb aktar trazzjoni fit-tieni parti tas-sena (meta mqabbel mal-aħħar sitt xhur tal-2018). B’riżultat ta’ dan, fl-2019 huwa mistenni li t-tkabbir fil-PDG fi prezzijiet kostanti se jibqa’ kajman b’rata ta’ 0,1 % abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni, qabel ma jilħaq 0,7 % fl-2020. It-tbassir tat-tkabbir tal-Programm ta’ Stabbiltà huwa biss kemxejn aktar ottimist mit-tbassir tal-Kummissjoni, b’espansjoni tal-produzzjoni reali ta’ 0,2 % fl-2019 u 0,8 % fl-2020, iżda fejn il-gvern jinkorpora ż-żieda fil-VAT leġiżlata għall-2020 bħala dispożizzjoni ta’ salvagwardja.

Rigward it-tkabbir tad-deflatur tal-PDG, it-tbassir tal-gvern huwa wkoll aktar ottimist minn dak tal-Kummissjoni, bi tkabbir nominali tal-PDG ta’ 1,2 % minflok 0,8 % fl-2019 (u 2,8 % minflok 1,8 % għall-2020 iżda l-aktar minħabba l-attivazzjoni preżunta taż-żieda tal-VAT fil-Programm ta’ Stabbiltà). Wara li żdied b’1,2 % fl-2017, l-inflazzjoni tal-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) ta’ bażi baqgħet stabbli fil-parti l-kbira tagħha fl-2018 u l-Kummissjoni qed tistenniha timmodera għal 0,9 % biss fl-2019, parzjalment minħabba tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija, qabel ma jerġgħu jirpiljaw ftit għal 1,1 % fl-2020. L-inflazzjoni bażi ta’ 0,6 % f’April 2019 hija mistennija li togħla aktar minn 1 % sa tmiem l-2020, f’konformità ma’ tkabbir moderat fil-pagi.

It-tkabbir potenzjali tal-Italja huwa stmat li jiżdied fl-2018 għal 0,5 % (żieda minn 0,2 % fl-2017), iżda jerġa’ jikkalma għal 0,3 % fl-2019, qabel ma jerġa’ jirpilja għal 0,5 % fl-2020. B’mod ġenerali, għadu baxx ħafna. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni tistma li l-marġni negattiv tal-potenzjal tal-produzzjoni tal-Italja se jingħalaq fl-2018, għal -0,1 % ta’ PDG potenzjali, minn -0,5 % fl-2017, iżda jerġa’ jitwessa’ għal -0,3 % fl-2019 minħabba d-deċellerazzjoni qawwija fit-tkabbir tal-PDG attwali, qabel ma jerġa’ jingħalaq fl-2020. Minkejja l-progress li sar f’xi oqsma ta’ riforma (pereżempju s-suq tax-xogħol u l-amministrazzjoni pubblika, il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, it-tiswija tal-karti tal-bilanċ tal-banek), il-legat tal-kriżi u d-dgħufijiet strutturali persistenti għadhom ikunu ta’ piż fuq il-potenzjal tat-tkabbir tal-Italja 19 . Il-PDG fi prezzijiet kostanti tal-Italja bilkemm irkupraw għal-livell ta’ qabel il-kriżi, filwaqt li l-PDG fi prezzijiet kostanti fil-bqija taż-żona tal-euro issa huwa 21 % ogħla minn fl-2004. F’aktar dettall, ir-rata ta’ tkabbir annwali medja tal-Italja kienet 0,1 % matul l-2004-2018, meta mqabbel ma’ 1,5 % fiż-żona tal-euro eskluża l-Italja.

Dan huwa spjegat fil-parti l-kbira tiegħu minn fatturi strutturali li jfixklu l-allokazzjoni effiċjenti ta’ riżorsi u jikkostitwixxu reżistenza fuq il-produttività. Sehem li għadu kbir mill-pensjonijiet tax-xjuħija u l-kostijiet tas-servizzjar tad-dejn fin-nefqa pubblika tal-Italja jillimita l-fatturi tal-infiq li jtejbu t-tkabbir bħall-edukazzjoni u l-infrastruttura. Il-piż għoli tat-taxxa fuq il-fatturi tal-produzzjoni u l-konformità li għadha baxxa mar-regoli tat-taxxa għadhom iżommu lura t-tkabbir ekonomiku. It-tkabbir ekonomiku ġie appoġġjat mir-riformi fis-suq tax-xogħol u mill-inċentivi tal-kiri, iżda fil-parti l-kbira tiegħu kien xprunat minn kuntratti temporanji, filwaqt li l-livelli li għadhom għoljin ta’qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ huma ta’ piż fuq il-prospetti futuri tat-tkabbir ekonomiku. L-ambjent tan-negozju għadu jfixkel l-intraprenditorija, fosthom minħabba punti dgħajfa fl-amministrazzjoni pubblika u proċeduri ċivili u ta’ ġustizzja kriminali twal ħafna. Fl-aħħar nett, l-investiment, b’mod partikulari fl-assi intanġibbli, għadu baxx ħafna. F’dak il-kuntest, kien ikun importanti li l-Italja terġa’ tibda l-isforz ta’ riforma sabiex ittejjeb il-prospetti ta’ tkabbir fit-terminu medju u ttejjeb is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiż.

B’mod ġenerali, wieħed jista’ jargumenta li t-tnaqqis kontinwu fir-ritmu ekonomiku, għal darb’oħra wara l-perjodu ta’ kriżi, qed jitlob li ssir modulazzjoni għaqlija tal-aġġustament fiskali biex jiġi evitat li sforzi fiskali kbar ikunu jistgħu jsiru awtodistruttivi f’kuntest ta’ tkabbir nominali tal-PDG baxx. L-inflazzjoni baxxa tagħmilha aktar diffiċli biex l-Italja taqta’ l-infiq pubbliku tagħha bħala sehem mill-PDG billi tiffriża l-pagi u l-intitolamenti tal-pensjoni f’termini nominali, filwaqt li timplika dħul mit-taxxa aktar baxx milli normali. Fl-istess ħin, kundizzjonijiet makroekonomiċi sfavorevoli ġeneralment jimplikaw multiplikaturi fiskali ogħla mill-medja, amplifikati mill-politika monetarja ristretta minħabba rati ta’ mgħax qrib iż-żero 20 . Min-naħa l-oħra, il-kompożizzjoni tal-isforz fiskali għandha wkoll impatt kbir fuq il-multiplikaturi, speċjalment f’pajjiżi b’dejn għoli 21 . Bħala tali, wieħed jista’ jargumenta li t-tnaqqis fir-ritmu makroekonomiku rreġistrat fl-Italja mit-tieni nofs tal-2018, bi tnaqqis fit-tkabbir nominali tal-PDG li jaqa’ taħt it-2 % fl-2018 u mistenni jibqa’ taħt it-2 % matul l-2019-2020 abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni, huwa fattur mitiganti ħafif li jispjega parzjalment biss il-lakuni kbar fil-konformità mal-konfigurazzjoni li tħares ’il quddiem tal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn. ’Il quddiem, ir-riskji għall-perspettiva tat-tkabbir jibqgħu negattivi b’mod predominanti: it-tensjonijiet kummerċjali jkomplu jċajpru l-perspettiva globali, il-prezzijiet taż-żejt li huma ogħla milli mistenni jistgħu jnaqqsu l-kapaċità tal-akkwist tal-konsumaturi, u kwalunkwe żieda possibbli fir-rendimenti tad-dejn sovran tista’ taffettwa s-sentiment u l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tas-settur privat u tamplifika r-riskji tas-sostenibbiltà tal-Italja.

Tabella 3: Żviluppi makroekonomiċi u baġitarji a

Riformi strutturali

Fir-Rapport tal-Pajjiż 2019 22 tagħha, il-Kummissjoni vvalutat li l-Italja għamlet progress limitat fl-indirizzar tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi tal-2018. Jiġifieri, kien hemm xi progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fit-tnaqqis tal-istokk ta’ self improduttiv fis-settur bankarju, u fl-implimentazzjoni tar-riforma tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol. Kien hemm progress limitat fl-indirizzar tal-evażjoni tat-taxxa, fit-titjib tal-aċċess għall-finanzi bbażat fuq is-suq, fl-infurzar tal-qafas għall-impriżi pubbliċi, fit-tħeġġiġ tan-nisa biex jaħdmu, kif ukoll fit-trawwim tar-riċerka, l-innovazzjoni, il-ħiliet diġitali u l-infrastruttura u l-edukazzjoni terzjarja b’orjentazzjoni vokazzjonali. Ma sar l-ebda progress fiċ-ċaqliq tat-tassazzjoni lil hinn mill-fatturi produttivi, fit-tnaqqis tas-sehem ta’ pensjonijiet tax-xjuħija fin-nefqa pubblika (u fil-fatt kien hemm xi passi lura f’dak il-qasam), fit-tnaqqis tat-tul tal-proċessi fil-ġustizzja ċivili, u fl-indirizzar tar-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni.

L-analiżi fil-fond ippubblikata bħala parti mir-Rapport tal-Pajjiż tal-2019 ukoll żammet lill-Italja fil-kategorija ta’ “żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi”, flimkien mal-Greċja u ma’ Ċipru 23 , għas-sitt sena konsekuttiva. L-iżbilanċi makroekonomiċi tal-Italja huma marbuta prinċipalment mad-dejn pubbliku għoli tagħha u mat-tkabbir baxx fil-produttività, filwaqt li l-qgħad għadu għoli u l-istokk globali tas-self improduttiv fil-karti tal-bilanċ tal-banek Taljani għadu għoli.

Fl-ewwel xhur tal-2019, il-gvern approva żewġ digrieti tal-liġi biex jappoġġa l-investiment (l-hekk imsejħa “ Crescita” u “Sblocca Cantieri”). Id-digriet “Crescita” jipprevedi t-tisħiħ tal-korpi reġjonali inkarigati mix-xogħlijiet pubbliċi permezz tad-dotazzjoni ta’ impjegati speċjalizzati sabiex jiġi appoġġat l-investimenti fl-infrastruttura. Id-digriet isaħħaħ l-appoġġ mill-Istat għall-finanzjament tal-kumpaniji (pereżempju “Fondo di Garanzia”, “Nuova Sabatini”), partikolarment għal-kreditu bankarju, u jintroduċi strument ġdid ta’ appoġġ għall-kapital ta’ riskju. Id-digriet “Sblocca Cantieri” għandu l-għan li jiġġieled id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-kumpaniji, speċjalment dawk li huma iżgħar, billi jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku permezz tal-implimentazzjoni tal-proċeduri simplifikati, sabiex jiġi sfruttat l-investiment pubbliku. Il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2019 isemmi wkoll riforma tal-kodiċi tal-akkwist pubbliku li għandha tgħaddi fi żmien sentejn.

Il-baġit tal-2019 u l-liġi tad-digriet li timplimenta l-iskema l-ġdida ta’ rtirar bikri f’Jannar 2019 imorru lura fuq l-elementi tar-riformi tal-pensjonijiet tal-passat, u jiggravaw is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-terminu medju. Dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda se jkomplu jżidu n-nefqa tal-pensjonijiet fit-terminu medju. Bejn l-2019 u l-2021, l-iskema l-ġdida ta’ rtirar bikri (“quota 100”) se tippermetti li n-nies jirtiraw fl-età ta’ 62 sena jekk ikunu ħallsu kontribuzzjonijiet għal 38 sena. Barra minn hekk, ġie estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzzjonijiet eżistenti għall-irtirar bikri, fosthom bis-sospensjoni sal-2026 tal-indiċjar għall-istennija tal-għomor tal-kontribuzzjoni minima meħtieġa li r-riformi tal-pensjonijiet tal-passat kienu introduċew. Għal dawn id-dispożizzjonijiet, il-baġit tal-2019 alloka fondi li jiswew 0,2 % tal-PDG fl-2019 u 0,5 % tal-PDG fl-2020 u fl-2021, iżda fis-snin li ġejjin huma mistennija wkoll kostijiet addizzjonali. In-nefqa pubblika għolja għall-pensjonijiet tax-xjuħija tirrestrinġi fatturi oħrajn ta’ nfiq soċjali u li jtejbu t-tkabbir bħall-edukazzjoni u l-investiment, u tillimita l-marġnijiet biex jitnaqqsu l-piż tat-taxxa ġeneralment għoli u d-dejn pubbliku għoli. Barra minn hekk, it-twessigħ tal-possibbiltà għall-irtirar kmieni jista’ jaffettwa b’mod negattiv il-provvista tax-xogħol, f’kuntest fejn l-Italja diġà qed taqa’ lura meta mqabbla mal-medja tal-UE għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema akbar fl-età tagħha (55-64) f’impjieg, u b’hekk ixxekkel it-tkabbir potenzjali u tiggrava s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku.

Il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2019 tal-Italja 24 jibni fuq il-“kuntratt tal-gvern” li kien hemm qbil dwaru bejn il-partijiet ta’ koalizzjoni tal-gvern fl-2018 u l-istrateġija tiegħu biex issaħħaħ it-tkabbir tkompli tiddependi essenzjalment fuq it-trasferimenti soċjali (pereżempju l-introjtu taċ-ċittadinanza) u sa ċertu punt fuq it-tnaqqis tal-piż tat-taxxa u t-tnedija mill-ġdid tal-investiment pubbliku. F’aktar dettall, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma jindirizza l-kwistjonijiet strutturali li r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż tal-2018 qajmuhom parzjalment biss. B’mod partikulari: (i) ma hemm l-ebda miżura rilevanti ġdida li trawwem “bidla fit-taxxa” lil hinn mill-fatturi tal-produzzjoni; minflok, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma jintroduċi possibbiltà ġdida għal saldu tal-obbligazzjonijiet tat-taxxa tal-passat mingħajr multi għall-kumpaniji, li tista’ taffettwa l-konformità mar-regoli tat-taxxa; (ii) ma fihx impenji ġodda ewlenin dwar il-ġustizzja iżda essenzjalment jikkonferma dawk tal-passat bħar-riforma pendenti tal-proċessi ċivili u kriminali; (iii) ma jipprevjenix azzjonijiet ulterjuri fil-qasam tal-kompetizzjoni u tas-settur bankarju għajr milli jinżamm l-isforz biex jiġi appoġġjat it-tnaqqis tas-self improduttiv u jitlestew ir-riformi li għaddejjin (pereżempju tal-banek mutwi żgħar); (iv) jiffoka fuq it-tlestija tal-implimentazzjoni tal-introjtu taċ-ċittadinanza u l-introduzzjoni ta’ paga minima, filwaqt li r-referenzi għal miżuri li jiffavorixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol huma limitati, u d-dettalji dwar kif tingħata spinta lill-edukazzjoni vokazzjonali huma nieqsa.

B’mod ġenerali, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2019 tal-Italja jindirizza parzjalment biss il-kwistjonijiet strutturali mqajma mir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi tal-2018, u d-dettalji dwar il-ftit impenji ġodda li fih, kif ukoll dwar l-iskeda għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom, ta’ spiss ikunu nieqsa. Madankollu, l-istrateġija għar-riforma ġenerali tiegħu tibni, fil-parti l-kbira, fuq riformi ewlenin li diġà qegħdin jitħejjew f’oqsma differenti, u turi kontinwità wiesgħa meta mqabbla ma’ Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-passat.

4.4.Fatturi oħra meqjusa rilevanti mill-Kummissjoni

Fost fatturi oħra meqjusin rilevanti mill-Kummissjoni, tingħata kunsiderazzjoni partikulari għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji għat-trawwim ta’ solidarjetà internazzjonali u għall-kisba tal-miri tal-politika tal-Unjoni, id-dejn imġarrab li jsir fil-forma ta’ appoġġ bilaterali u multilaterali bejn l-Istati Membri fil-kuntest tas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja u d-dejn marbut mal-operazzjonijiet ta’ stabilizzazzjoni finanzjarja waqt tfixkil finanzjarju ewlieni (l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97). Rigward l-appoġġ tal-gvern għas-settur finanzjarju matul il-kriżi finanzjarja, l-obbligazzjonijiet kontinġenti biex jiġu appoġġati d-dispożizzjonijiet ta’ likwidità tal-istituzzjonijiet finanzjarji ammontaw għal madwar 0,9 % tal-PDG fl-aħħar tal-2018 (minn ammont totali ta’ obbligazzjonijiet kontinġenti ta’ 4,2 % tal-PDG), li juri tnaqqis minn 1,3 % tal-PDG fl-aħħar tal-2017.

L-appoġġ għall-istituzzjonijiet finanzjarji b’impatt fuq id-dejn tal-gvern ammonta għal żero fl-2018 (tnaqqis minn madwar 1 % fl-aħħar tal-2017 25 ). Riskju addizzjonali għall-finanzi pubbliċi huwa marbut mal-impatt (ta’ darba) possibbli mill-appoġġ għall-istituzzjonijiet finanzjarji anke fuq id-defiċit għall-2019 u l-2020, kif ukoll mill-istokk konsiderevoli tal-arretrati tad-dejn kummerċjali tal-amministrazzjoni pubblika.

L-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 jirrikjedi li dan ir-rapport jikkunsidra wkoll “il-punt sa fejn l-Istat Membru konċernat ikun ikkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni” dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju ta’ Stat Membru, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) tal-istess Regolament. Fl-2018, l-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-Italja għall-2019 identifikat każ ta’ “nuqqas partikolarment serju ta’ konformità” mar-rakkomandazzjoni indirizzata lill-Italja mill-Kunsill fit-13 ta’ Lulju 2018 u stiednet lill-awtoritajiet biex iressqu abbozz ta’ pjan baġitarju rivedut. Fit-13 ta’ Novembru 2018, l-Italja ressqet abbozz ta’ pjan baġitarju rivedut li jikkonferma l-miri fiskali ppjanati għall-2019. L-awtoritajiet emendaw il-baġit tal-2019 f’Diċembru 2018, li temm is-sitwazzjoni ta’ “nuqqas partikolarment serju ta’ konformità” mal-PST. Minkejja dan it-tibdil, il-miri fiskali tal-Italja għadhom jindikaw riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-parti preventiva fl-2019 abbażi ta’ kemm il-pjanijiet governattivi kif ukoll it-tbassir tal-Kummissjoni.

4.5.Fatturi oħra mressqa mill-Istat Membru

Fil-31 ta’ Mejju 2019, l-awtoritajiet Taljani ressqu dokumenti li jikkonċernaw fatturi rilevanti skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 (“l-osservazzjonijiet Taljani”). L-analiżi ppreżentata fit-taqsimiet l-oħra ta’ dan ir-rapport diġà tkopri ħafna mill-fatturi mressqa mill-awtoritajiet.

Rigward l-istatus ta’ konformità tal-Italja mal-parti preventiva tal-PST, l-awtoritajiet Taljani jenfasizzaw dawn il-fatturi rilevanti:

(i) rigward l-2018, l-awtoritajiet jargumentaw li l-isforz fiskali meħtieġ li ma wasalx ma għandux jiġi attribwit lill-gvern fil-kariga, li huma jargumentaw li sempliċiment issodisfa l-impenji baġitarji tal-gvern preċedenti u żamm lura minn kwalunkwe espansjoni fiskali ulterjuri. Madankollu, fl-2018 il-Kummissjoni kienet diġà vvalutat il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 tal-Italja bħala f’riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mal-PST abbażi tat-tbassir tagħha għar-rebbiegħa tal-2018, u talbet lill-gvern biex jerġa’ jistabbilixxi l-konformità. Barra minn hekk, id-deterjorament tal-isforz strutturali tal-Italja abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2019 meta mqabbel mat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2018 kien fil-parti l-kbira minħabba nfiq tal-imgħax ogħla milli mistenni, li kienet konsegwenza taż-żieda fid-differenzi fir-rendiment tad-dejn sovran rreġistrati minn meta l-gvern il-ġdid ħa l-kariga f’Mejju 2018;

(ii) rigward l-2019, l-osservazzjonijiet Taljani jagħtu indikazzjonijiet ta’ riskji pożittivi għall-eżekuzzjoni baġitarja li tista’ tirriżulta f’defiċit nominali aktar baxx milli mistenni, madwar 2,3 % tal-PDG (meta mqabbel ma’ 2,4 % fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-Italja għall-2019 u 2,5 % abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2019). Dan prinċipalment jirriżulta minn dħul ogħla milli mistenni u nefqa pubblika aktar baxxa milli mbassar fuq l-introjtu taċ-ċittadinanza u l-iskema l-ġdida ta’ rtirar bikri, meta jitqies l-użu baxx sa issa. Filwaqt li dawn ir-riskji pożittivi għall-bilanċ baġitarju tal-2019 tal-Italja jidhru plawżibbli b’mod ġenerali, jistgħu jiġu kkonfermati biss aktar tard fis-sena, meta se tkun disponibbli aktar data;

(iii) rigward l-2020, l-osservazzjonijiet Taljani ma fihom l-ebda impenn ġdid għall-2020 u jikkonfermaw biss il-mira tad-defiċit ta’ 2,1 % tal-PDG stabbilita fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-Italja għall-2019, filwaqt li fakkru fl-impenn li jinstabu miżuri ta’ finanzjament alternattivi biex dan jintlaħaq mingħajr ma tiġi attivata ż-żieda fil-VAT leġiżlata bħala dispożizzjoni ta’ salvagwardja. Madankollu, ma ngħata l-ebda dettall dwar dawk il-miżuri alternattivi għajr referenza ġenerika għal reviżjoni tal-infiq.

Dawn huma fatturi rilevanti oħra mressqa mill-awtoritajiet, lil hinn minn sempliċi konformità mal-PST:

(i) ir-rekord ta’ ħidma tal-Italja ta’ bilanċi pożittivi primarji mdaqqsa flimkien ma’ pedamenti sodi u pożizzjoni finanzjarja b’saħħitha. Dan jidher b’mod partikulari b’bilanċ pożittiv għoli fil-kont kurrenti, pożizzjoni pożittiva ta’ investiment internazzjonali netta, kompożizzjoni ta’ dejn pubbliku b’data twila u b’rata fissa, dejn baxx fis-settur privat, kif ukoll it-tisħiħ fis-saħħa tas-settur bankarju Taljan, b’pożizzjoni tal-likwidità ġeneralment b’saħħitha, profittabbiltà rkuprata, u t-tnaqqis kontinwu tas-self improduttiv tagħhom. F’dak il-kuntest, l-awtoritajiet jidentifikaw kundizzjonijiet makroekonomiċi negattivi, u b’mod partikulari d-differenzjal li għadu għoli bejn il-kostijiet tas-self medji u t-tkabbir nominali tal-PDG bħala r-raġuni ewlenija għan-nuqqas ta’ konformità tal-Italja mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn fl-2018. Il-kunsiderazzjoni tat-tnaqqis fir-ritmu makroekonomiku bħala fattur mitiganti huwa msaħħaħ bil-fatt li, allegatament, il-pressjonijiet deflazzjonarji u t-tnaqqis fil-manifattura esperjenzati mill-Italja kienu fil-parti l-kbira tagħhom dovuti għal fatturi esterni. Madankollu, f’dan ir-rapport il-Kummissjoni tfakkar li l-għażliet ta’ politika setgħu kkontribwew għat-tnaqqis fir-ritmu makroekonomiku permezz ta’ effett negattiv ta’ fiduċja u kanal ta’ kreditu aktar strett, mhux l-inqas permezz ta’ differenzi ogħla fir-rendimenti tad-dejn sovran irreġistrati minn Mejju 2018.

(ii) l-impenn tal-Italja għall-konsolidazzjoni fiskali u għat-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG matul is-snin li ġejjin, li permezz tagħhom id-defiċit nominali huwa mbassar li se jonqos għal 1,5 % fl-2022 u, b’mod korrispondenti, il-bilanċ strutturali tal-Italja se jitjieb għal -0,8 % tal-PDG fl-2022, “fit-triq lejn bilanċ żero tul is-sentejn jew it-tliet snin li ġejjin”. Madankollu, fl-istess ħin, dan l-argument jiżvela wkoll id-deċiżjoni tal-Italja li tipposponi l-kisba tal-OTM ta’ bilanċ pożittiv strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG.

(ii) is-sottovalutazzjoni tal-laxkezza fl-ekonomija tal-Italja abbażi tal-Italja abbażi tal-metodoloġija maqbula b’mod komuni. L-estimi dojoq tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni tal-Italja abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2019, b’-0,1 % tal-PDG potenzjali fl-2018, -0,3 % fl-2019 u -0,1 % fl-2020, huma meqjusa li jmorru kontra l-evidenza makroekonomika ta’ qgħad relattivament għoli u inflazzjoni baxxa ħafna, kif ukoll huma dibattibbli fuq bażi komparattiva. Fuq din il-bażi, l-awtoritajiet ippreżentaw estimi alternattivi tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni tal-Italja, b’-1,5 % tal-PDG potenzjali fl-2018, -1,7 % fl-2019 u -1,6 % fl-2020. Fuq din il-bażi, qiesu wkoll li l-Italja hija mistennija li tkun konformi fil-parti l-kbira mar-rekwiżit tal-parti preventiva fl-2019, minħabba t-tnaqqis fl-isforz ta’ 0,25 % tal-PDG li l-matriċi tal-parti preventiva tippreskrivi abbażi ta’ din l-istima akbar tal-marġni negattiva tal-potenzjal tal-produzzjoni tal-Italja, billi l-Italja tiġi klassifikata fi “żminijiet ekonomiċi ħżiena”, u l-potenzjal tat-tkabbir, li permezz tiegħu l-Italja tikber taħt il-potenzjal fl-2019. Barra minn hekk, l-awtoritajiet iqisu li b’estimi usa’ tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni l-Italja kienet tkun eqreb li tissodisfa r-regola tad-dejn fil-konfigurazzjoni tagħha aġġustata ċiklikament;

(iv) ir-rekord ta’ ħidma tar-riformi strutturali li jsaħħu t-tkabbir tal-Italja f’konformità mar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi tal-Pajjiż tal-2018, li jibda mir-riżorsi sinifikanti ddedikati għat-titjib tal-inklużjoni soċjali u r-rivitalizzazzjoni tal-investiment pubbliku. L-iskema l-ġdida tad-dħul taċ-ċittadinanza hija meqjusa li tirreaġixxi għar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż billi żżid l-appoġġ għall-introjtu għall-individwi u l-unitajiet domestiċi taħt is-soll tal-faqar u talloka riżorsi umani, finanzjarji u teknoloġiċi addizzjonali għal politiki attivi tas-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, il-gvern jippjana li jżid l-investiment pubbliku b’0,6 punti perċentwali sal-2021 meta mqabbel mal-2018, u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2019 ibassar riformi tas-sistema ġudizzjarja, għas-sistema ta’ prevenzjoni tal-korruzzjoni, għas-settur pubbliku u għall-infurzar tat-taxxa. L-osservazzjonijiet Taljani jenfasizzaw ukoll l-impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku żgurat mill-miżuri ta’ politika ppjanati li jappoġġjaw id-domanda aggregata u, b’hekk, it-tkabbir tal-PDG;

(v) ir-riskji ta’ sostenibbiltà fiskali fit-tul tal-Italja li għadhom baxxi, meta wieħed iqis l-estimi nazzjonali għan-nefqa tax-xjuħija, flimkien mal-livell baxx ta’ obbligazzjonijiet kontinġenti fuq bażi komparattiva fl-Unjoni.



5.    Konklużjonijiet

Il-proporzjon tad-dejn pubbliku għall-PDG tal-Italja, b’rata ta’ 132,2 % fl-2018, hija t-tieni l-ikbar fl-Unjoni u waħda mill-ikbar fid-dinja. Fl-2018, dan kien jirrappreżenta piż medju ta’ EUR 38 400 għal kull abitant, flimkien ma’ kost annwali medju ta’ servizzjar tiegħu ta’ madwar EUR 1 000 għal kull abitant. L-istokk kbir ta’ dejn pubbliku jċaħħad lill-Italja mill-ispazju fiskali li teħtieġ biex tistabbilizza l-ekonomija tagħha f’każ ta’ xokkijiet makroekonomiċi. Jirrappreżenta wkoll piż interġenerazzjonali li huwa ta’ piż fuq il-livell ta’ għajxien ta’ ġenerazzjonijiet Taljani futuri. Il-fatt li l-kostijiet li jisservizzjaw id-dejn jassorbu ammont konsiderevolment ogħla ta’ riżorsi pubbliċi fl-Italja milli fil-bqija taż-żona tal-euro wkoll qed ikollu effett fuq l-infiq produttiv tal-pajjiż: l-infiq tal-imgħax tal-Italja fl-2018 kien ta’ madwar EUR 65 biljun jew 3,7 % tal-PDG, jiġifieri ġeneralment l-istess ammont ta’ riżorsi pubbliċi li huma allokati għall-edukazzjoni. Barra minn hekk, dejn pubbliku kbir, fin-nuqqas ta’ politiki fiskali prudenti, jesponi lill-pajjiż għal xokkijiet fuq ir-rendimenti tad-dejn sovran bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ fiduċja fis-swieq, b’impatt negattiv kemm fuq il-kont tal-imgħax imħallas mill-pajjiż kif ukoll fuq il-kost ġenerali tal-finanzjament għall-ekonomija reali, li b’riżultat ta’ dan, ikollu impatt negattiv fuq it-tkabbir. Id-dejn pubbliku kbir tal-Italja jirrappreżenta vulnerabbiltà sinifikanti għall-ekonomija Taljana u mingħajr dubju t-tnaqqis tiegħu jenħtieġ li jibqa’ prijorità fl-aħjar interess tal-Italja.

Id-dejn gross tal-gvern ġenerali tal-Italja laħaq 132,2 % tal-PDG fl-2018, li kien ferm ogħla mill-parametru referenzjarju ta’ 60 % tal-PDG tat-Trattat, u l-Italja ma kinitx konformi mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn fl-2018 abbażi tad-data dwar l-eżitu. Barra minn hekk, l-Italja mhijiex imbassra li tikkonforma mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn, la fl-2019 u lanqas fl-2020, abbażi kemm tal-pjanijiet tal-gvern kif ukoll tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2019. B’mod partikulari, il-Kummissjoni tistenna li l-proporzjon tad-dejn pubbliku tal-Italja se jiżdied b’mod sinifikanti matul il-perjodu ta’ tbassir minħabba tkabbir nominali dgħajjef tal-PDG, deterjorament tal-bilanċ pożittiv primarju u dħul mill-privatizzazzjoni li ma jilħaqx il-mira tiegħu, u se jilħaq 133,7 % fl-2019 u 135,2 % fl-2020. Dawn is-sejbiet jissuġġerixxu b’mod ċar li, qabel ma jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha, il-kriterju tad-dejn kif definit fit-Trattat ma jidhirx li qed jiġi ssodisfat prima facie mill-Italja. Min-naħa l-oħra, f’konformità mat-Trattat, dan ir-rapport jeżamina l-fatturi rilevanti.

B’mod partikulari, wieħed jista’ jargumenta li t-tnaqqis fir-ritmu makroekonomiku rreġistrat fl-Italja mit-tieni nofs tal-2018, bi tkabbir nominali tal-PDG li jaqa’ taħt it-2 % fl-2018 kif ukoll matul l-2019-2020 abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2019, huwa sa ċertu punt fattur mitiganti li jispjega l-lakuni kbar tal-Italja biex tikkonforma mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn li jħares ’il quddiem. Barra minn hekk, it-tkabbir baxx fil-produttività jibqa’ jillimita l-potenzjal tat-tkabbir tal-Italja u jfixkel tnaqqis aktar mgħaġġel tal-proporzjon tad-dejn pubbliku tagħha.

Madankollu, l-Italja għamlet progress limitat fl-indirizzar tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż tal-2018, u l-aġenda għar-riformi strutturali deskritti fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2019 fihom biss miżuri frammentati li jibnu fuq riformi tal-passat f’oqsma differenti u jmur lura fuq elementi ta’ riformi maġġuri adottati fil-passat. Fost oħrajn, filwaqt li l-Kunsill irrakkomanda li jenħtieġ li l-Italja tnaqqas is-sehem tal-pensjonijiet tax-xjuħija fl-infiq pubbliku tagħha sabiex toħloq spazju għal infiq soċjali ieħor, il-possibbiltà għal irtirar kmieni li ġiet introdotta dan l-aħħar hija pass lura mir-riformi tal-pensjonijiet preċedenti li jirfdu s-sostenibbiltà fit-tul tad-dejn pubbliku mdaqqas tal-Italja u tista’ taffettwa b’mod negattiv il-potenzjal tat-tkabbir tal-Italja.

Barra minn hekk, valutazzjoni ex post tindika n-nuqqas ta’ konformità tal-Italja mal-perkors ta’ aġġustament rakkomandat biex jintlaħaq l-Objettiv Baġitarju ta’ Termnu Medju (OTM) fl-2018, anke wara li jitqies l-hekk imsejjaħ “marġni ta’ diskrezzjoni”. Rigward l-2019, l-Italja hija vvalutata li tinsab f’riskju li ma tikkonformax mal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, anke wara li tqis il-provvediment mogħti lilha għal “avvenimenti mhux tas-soltu”, għalkemm l-awtoritajiet Taljani jindikaw l-eżistenza ta’ riskji pożittivi possibbli għall-bilanċ tal-baġit tal-2019 bis-saħħa ta’ dħul ogħla milli mistenni u nefqa aktar baxxa milli mbassar fuq miżuri fil-baġit tal-2019. Abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni, id-daqs tad-devjazzjoni mill-perkors ta’ aġġustament rakkomandat lejn l-OTM huwa mistenni li jkompli jitwessa’ fl-2020, meta d-defiċit nominali tal-Italja huwa mistenni li jkun ogħla mit-3 % tal-livell limitu tad-defiċit tal-PDG taħt preżunzjoni ta’ ebda bidla fil-politika. Dan jirrappreżenta fattur aggravanti.

L-analiżi ppreżentata f’dan ir-rapport tinkludi l-valutazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha u b’mod partikulari: (i) in-nuqqas ta’ konformità mal-perkors ta’ aġġustament rakkomandat lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2018 abbażi ta’ data ex post, flimkien ma’ riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mir-rekwiżit tal-parti preventiva fl-2019 u defiċit nominali ogħla minn 3 % tal-PDG fl-2020 abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni; (ii) it-tnaqqis fir-ritmu makroekonomiku rreġistrat fl-Italja mit-tieni nofs tal-2018, li wieħed jista’ jargumenta li jispjega parzjalment biss il-lakuni kbar tal-Italja biex tikkonforma mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn; u (iii) il-progress limitat li għamlet l-Italja biex tindirizza r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż tal-2018, inklużi l-passi lura fir-riformi tal-passat li jsaħħu t-tkabbir, kif ukoll in-nuqqas ta’ dettalji dwar l-impenji inklużi fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2019 tal-Italja. B’mod ġenerali, l-analiżi tissuġġerixxi li jenħtieġ li l-kriterju tad-dejn kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 jitqies bħala li ma kienx hemm konformità miegħu, u li għalhekk PDE hija ġustifikata.

(1) 1    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6. Dan ir-rapport iqis ukoll l-“Ispeċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u l-linji gwida dwar il-format u l-kontenut tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza”, adottati mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju fil-15 ta’ Mejju 2017, disponibbli fuq: http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9344-2017-INIT/en/pdf  
(2) 2    Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).
(3) Il-kunċetti ta’ “jonqos b’mod suffiċjenti” u “pass sodisfaċenti” huma definiti fl-Artikolu 2(1a) tar-Regolament (KE) 1467/97 li jiġu ssodisfati jekk “ id-differenzjal [tal-proporzjon tad-dejn] fir-rigward tal-valur referenzjali tkun naqset matul it-tliet snin preċedenti b’rata medja ta’ wieħed minn kull għoxrin kull sena bħala valur referenzjali”. Ir-Regolament jipprevedi wkoll li “r-rekwiżit skont il-kriterju tad-dejn għandu jitqies ukoll sodisfatt jekk it-tbassir baġitarju mill-Kummissjoni jindika li t-tnaqqis meħtieġ fid-differenzjal ser iseħħ matul il-perjodu ta’ tliet snin li jinkorpora s-sentejn ta’ wara l-aħħar sena li għaliha hi disponibbli d-data”. Ir-Regolament (KE) 1467/97 jipprevedi wkoll li jenħtieġ li titqies “l-influwenza taċ-ċiklu fuq il-pass tat-tnaqqis tad-dejn”. Dawn l-elementi ġew tradotti f’valur referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn, kif stabbilit fil-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-PST u approvat mill-Kunsill. Il-konformità mal-parametru referenzjarju tad-dejn hija vvalutata abbażi ta’ tliet konfigurazzjonijiet differenti: il-parametru referenzjarju li jħares lura, dak li jħares ’il quddiem u dak tat-tnaqqis tad-dejn aġġustati għall-impatt taċ-ċiklu.
(4) Ir-Rapport tal-Kummissjoni COM(2018) 428 final tat-23.5.2018: "Italy - Report prepared in accordance with Article 126(3) of the Treaty on the Functioning of the European Union".
(5) Ara r-Rapport tal-Kummissjoni COM(2018) 809 final tal-21.11.2018: “L-Italja - Rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea”.
(6)    Skont ir-Regolament (KE) Nru 479/2009, l-Istati Membri jridu jirrapportaw lill-Kummissjoni l-iżbilanċi ppjanati u attwali tal-gvern u l-livelli ta’ dejn tal-gvern tagħhom darbtejn fis-sena. L-aktar notifika riċenti tal-Italja tinstab hawn: http://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/excessive-deficit-procedure/edp-notification-tables  
(7)    L-Istqarrija għall-istampa tal-Eurostat Nru 67/2019 tat-23 ta’ April 2019, disponibbli hawn: https://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/9731224/2-23042019-AP-EN/bb78015c-c547-4b7d-b2f7-4fffe7bcdfad  
(8) Il-preżunzjoni ta’ ebda bidla fil-politika titbiegħed mill-ipoteżi ta’ ebda bidla fil-leġiżlazzjoni, pereżempju fir-rigward ta’ azzjonijiet politiċi li huma leġiżlati formalment iżda mhux inklużi fit-tbassir tal-Kummissjoni sa fejn ikunu vvalutati bħala mhux kredibbli biżżejjed jew mhux dettaljati biżżejjed. Pereżempju, sa mit-tbassir tal-ħarifa tal-2016 tagħha, il-Kummissjoni ma tinkludix rati ogħla ta’ VAT leġiżlati bħala “dispożizzjoni ta’ salvagwardja” biex tiżgura l-kisba ta’ miri fiskali futuri, billi l-liġijiet baġitarji tal-Italja sistematikament ħassru dawk iż-żidiet għas-sena ta’ wara, fil-parti l-kbira mingħajr ma speċifikaw miżuri alternattivi ta’ finanzjament.
(9) Dak l-ammont jinkludi t-tħassir taż-żieda tal-VAT (li jammonta għal 0,7 % tal-PDG) leġiżlat għall-2019 bħala dispożizzjoni ta’ salvagwardja u l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu tal-iffriżar tan-nefqa (li jammonta EUR 2 biljun jew 0,11 % tal-PDG fl-2019) preżunti mill-Programm ta’ Stabbiltà tal-Italja tal-2019.
(10) Il-kost impliċitu reali fil-ħin t jista’ jiġi definit bħala r-rendiment nominali mħallas mill-gvern biex jisservizzja d-dejn pendenti fil-ħin t-1, mingħajr l-impatt tal-inflazzjoni fil-ħin t. Fit-Tabella 2, il-bidla annwali fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG minħabba l-kost reali impliċitu tad-dejn tista’ tinkiseb billi jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet rispettivi min-nefqa tal-interessi (li żżid id-dejn) u mid-deflatur tal-PDG (li jnaqqas id-dejn).
(11) Bejn Jannar u April 2019 kien f’medja ta’ 1,33 %.
(12) Dan huwa marbut mad-durata tad-dejn pubbliku Taljan u l-perjodu tar-rifinanzjament tiegħu.
(13) Madankollu, kif issemma’ hawn fuq, irriżulta li n-nefqa tal-interessi fl-2018 kienet ogħla milli mistenni mit-tbassir tal-Kummissjoni għall-2018 abbażi tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 minħabba żieda fir-rendimenti tad-dejn sovran minn Mejju 2018.
(14) Għaldaqstant, id-diskrepanza fuq sena hija kkalkolata fir-rigward tar-rekwiżit ta’ 0,6 % tal-PDG fl-2019, filwaqt li d-diskrepanza fuq sentejn (jiġifieri matul l-2018 u l-2019 meħuda flimkien) hija kkalkolata abbażi tar-rekwiżit “aġġustat” ta’ 0,3 % tal-PDG fl-2018, wara li tqies il-marġni ta’ diskrezzjoni, u ta’ 0,6 % tal-PDG fl-2019.
(15) L-indikatur tas-sostenibbiltà fiskali ta’ terminu qasir S0 (indikatur ta’ “identifikazzjoni bikrija” ta’ riskji fiskali fit-terminu qasir, li jirriżulta minn karatteristiki fiskali, makrofinanzjarji u ta’ kompetittività tal-ekonomija fuq orizzont ta’ sena, abbażi ta’ firxa ta’ ħamsa u għoxrin varjabbli fiskali u makrofinanzjarji) huwa mistenni li jkun taħt il-livell limitu ta’ “riskju għoli” fl-2018 iżda, għal 0,36, għadu fost l-ogħla fl-UE, prinċipalment minħabba d-dejn pubbliku għoli ħafna tal-Italja. Barra minn hekk, is-subindiċi fiskali li jippermetti li jinqabdu l-vulnerabbiltajiet li jirriżultaw biss min-naħa fiskali, huwa ogħla mil-livell limitu kritiku tiegħu, u għaldaqstant jissuġġerixxi li dawk il-vulnerabbiltajiet ikunu preżenti fl-Italja, speċjalment fid-dawl tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-gvern imdaqqsa tiegħu.
(16) L-indikatur tas-sostenibbiltà fiskali ta’ terminu medju S1 juri l-isforz ta’ aġġustament addizzjonali meħtieġ, f’termini ta’ titjib gradwali kumulat fil-bilanċ primarju strutturali fuq ħames snin (li jibdew mill-2021), biex jintlaħaq proporzjon tad-dejn għall-PDG ta’ 60 % sal-2033, inkluż il-pagament għal kwalunkwe nefqa addizzjonali futura li tirriżulta minn popolazzjoni li qed tixjieħ.
(17) Ara r-Rapport dwar is-Sostenibbiltà Fiskali tal-Kummissjoni Ewropea tal-2019. Il-Monitoraġġ tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni Ewropea tal-2018 jinkludu aktar spjegazzjonijiet dwar il-metodoloġija.
(18) L-indikatur tas-sostenibbiltà fiskali fit-tul S2 juri l-aġġustament minn qabel għall-bilanċ primarju strutturali attwali (sussegwentement miżmum kostanti fuq il-valur aġġustat għal dejjem) li huwa meħtieġ biex jiġi stabilizzat il-proporzjon tad-dejn għall-PDG fuq medda infinita, inkluż il-ħlas ta’ kwalunkwe nefqa addizzjonali li tirriżulta minn popolazzjoni li qed tixjieħ.
(19) Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2019) 1011 final, 27.2.2019, “Country Report Italy 2019. Including an In-Depth Review on the prevention and correction of macroeconomic imbalances".
(20) Ara, pereżempju, Blanchard O. u D. Leigh (2013), fuq www.imf.org/external/pubs/ft/wp/2013/wp1301.pdf  
(21) Ara, pereżempju, Blanchard O. u J. Zettlemeyer (2018): “The Italian Budget: A Case of Contractionary Fiscal Expansion?”
(22) Ara “Country Report Italy 2019”. Ibidem.
(23) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (2019) 150 final, “Is-Semestru Ewropew 2019: Valutazzjoni tal-progress li sar fir-riformi strutturali, fil-prevenzjoni u fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u r-riżultati tal-analiżijiet fil-fond skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011”. https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/file_import/2019-european-semester-communication-country-reports_en_0.pdf  
(24)   www.dt.tesoro.it/modules/documenti_it/analisi_progammazione/documenti_programmatici/def_2019/03a_-_PNR_2019.pdf  
(25) Dan l-appoġġ (EUR 16,6-il biljun, b’mod globali) kien prinċipalment marbut mal-likwidazzjoni taż-żewġ mutwanti reġjonali Taljani “Banca Popolare di Vicenza” u “Veneto Banca” u mar-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja ta’ “Banca Monte dei Paschi di Siena”. L-impatt relatat fuq id-defiċit kien ta’ madwar 0,33 % tal-PDG fl-2017.