Brussell, 5.9.2019

COM(2019) 406 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL EMPTY

Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom - 2019

{SWD(2019) 320 final}


INTRODUZZJONI

Fl-4 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat evalwazzjoni tal-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom (NRIS) sal-2020 1 . L-evalwazzjoni vvalutat il-qafas tal-UE u kif dan immobilizza strumenti politiċi, legali u finanzjarji Ewropej għall-inklużjoni tar-Rom 2 . Biex l-istampa tkun kompleta, dan ir-rapport tal-2019 jiffoka fuq l-implimentazzjoni nazzjonali tal-miżuri ta’ inklużjoni tar-Rom.

Is-sorsi ewlenin tal-valutazzjoni huma:

·rapporti minn Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali dwar ir-Rom (National Roma Contact Points, NRCPs) 3 ;

·rapporti tas-soċjetà ċivili mill-proġett pilota tal-PE “Roma Civil Monitor” 4 ;

·data dwar is-sitwazzjoni tar-Rom mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (Agency for Fundamental Rights, FRA) 5 ;

·meta-evalwazzjoni dwar interventi għall-inklużjoni tar-Rom 6 .

Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor ix-xejriet l-aktar importanti li jiffukaw fuq l-erba’ oqsma ta’ politika tal-Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom (l-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa, is-settur tal-abitazzjoni), kif ukoll il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-anti-Żingariżmu. F’kull qasam, ir-rapport jenfasizza: is-sitwazzjoni tar-Rom; tiġbor fil-qosor it-tipi ewlenin ta’ miżuri ta’ inklużjoni, il-kisbiet u l-isfidi tal-implimentazzjoni tagħhom (kif irrapportat mill-NRCPs); u tifformula tagħlim dwar politika billi tenfasizza approċċi u prijoritajiet promettenti li għandhom jiġu indirizzati (abbażi tal-evalwazzjonijiet eżistenti, 7 u r-rispons mis-soċjetà ċivili u mill-NRCPs).

I. Oqsma ta’ politika sostantivi

Dan ir-rapport jinkludi l-miżuri li ttieħdu skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri effikaċi għall-integrazzjoni tar-Rom 8 . L-għadd ta’ miżuri rrapportati mhux bilfors jirrifletti l-ambizzjoni jew l-effikaċja tal-isforzi. Fl-edukazzjoni u fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-anti-Żingariżmu l-biċċa l-kbira tal-miżuri huma indirizzati lir-Rom. Fil-qasam tal-akkomodazzjoni hemm bilanċ ekwu bejn il-miżuri indirizzati lir-Rom u l-miżuri ta’ politika ġenerali, jiġifieri l-miżuri prinċipali. Fil-qasam tal-impjiegi, u sa ċertu punt f’dak tas-saħħa, l-Istati Membri jiddependu l-aktar fuq miżuri ġenerali biex jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom.

1. L- Edukazzjoni

1.1. Enfasi tal-miżuri

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (SM) jinvestu f’miżuri biex inaqqsu t-tluq bikri mill-iskola (18-il SM). Il-miżuri li huma t-tieni l-aktar spiss użati jinkludu: jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ studenti individwali f’kooperazzjoni mal-familji tagħhom (14-il Stat Membru); jiżdied l-aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal u l-kwalità tagħhom (13-il Stat Membru); u jiġi mħeġġeġ is-sehem u l-ikkompletar tal-edukazzjoni sekondarja u terzjarja mir-Rom (11-il SM). Qed isiru wkoll sforzi kontra s-segregazzjoni fl-iskejjel; biex jintużaw metodi inklużivi ta’ tagħlim; u jiġu żviluppati ħiliet adattati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol (12-il SM kull wieħed).

Xi ngħidu dwar l-enfasi sostantiva tal-miżuri lil hinn mill-għanijiet ta’ hawn fuq? Hawnhekk insibu li l-Istati Membri ħafna drabi jagħżlu miżuri biex itejbu l-livell edukattiv milħuq: il-ġlieda kontra t-tluq mis-sistema edukattiva qabel iż-żmien; l-inkoraġġiment ta’ tranżizzjoni lejn – u l-ikkompletar ta’ – edukazzjoni sekondarja u terzjarja; jew l-appoġġ biex jiġu kkumpensati l-lakuni edukattivi, jew l-iżvantaġġ materjali. Flimkien dawn it-tipi ta’ miżuri jammontaw għal 36 % tal-miżuri edukattivi kollha. Gruppi sinifikanti oħra ta’ miżuri jiffukaw fuq: it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għall-impjieg billi jingħata appoġġ lill-edukazzjoni vokazzjonali; l-iżvilupp tal-karriera u t-tagħlim tul il-ħajja; Kif ukoll l-iżvilupp tal-kapaċità tal-professjonisti (9-11 %). Miżuri inqas mifruxa jiffukaw fuq l-inklużjoni integrata tal-interventi u l-introduzzjoni tal-Istorja u l-kultura tar-Rom fil-kurrikuli (6-6 %).

1.2. Kisbiet u sfidi

Il-kisba l-aktar mifruxa msemmija mill-NRCPs fil-qasam tal-edukazzjoni hija l-medjazzjoni 9 . Kisbiet oħra jinkludu: l-iżvilupp tal-kapaċitajiet fil-kindergarten 10 ; titjib fl-appoġġ għall-ġlieda u l-monitoraġġ tat-tluq bikri mill-iskola 11 ; u li fit-taħriġ tal-għalliema jew fil-kurrikuli nazzjonali jiddaħħlu l-inklużjoni tar-Rom u suġġetti relatati man-nondiskriminazzjoni 12 .

L-isfidi l-aktar sinifikanti enfasizzati mill- NRCPs jinkludu: il-parteċipazzjoni fl-iskola, l-assenteiżmu, it-tluq bikri mill-iskola, it-tranżizzjoni minn primarja għal sekondarja u l-ikkompletar tal-edukazzjoni sekondarja. 13 Sfidi oħra jinkludu: il-ġlieda kontra s-segregazzjoni 14 ; l-iżgurar u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet umani 15 ; il-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati 16 ; il-promozzjoni ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal 17 ; it-tagħlim għall-adulti u l-edukazzjoni li tagħti ċans ieħor 18 ; u d-disponibbiltà tad-data 19 .

1.3. Tagħlim dwar il-politiki

L-edukazzjoni hija l-qasam bl-ogħla għadd ta’ interventi u evalwazzjonijiet. Għalhekk hija wkoll il-qasam b’għadd relattivament akbar ta’ approċċi promettenti u ta’ lezzjonijiet ta’ politika komuni għal diversi pajjiżi. Uħud mil-lezzjonijiet ta’ politika importanti f’dan il-qasam jinkludu: l-importanza tal-intervent bikri u l-prevenzjoni; il-ħtieġa li jiġu ggarantiti l-parteċipazzjoni u r-responsabbilizzazzjoni tal-ġenituri Rom (bħala element ewlieni ta’ appoġġ għat-tfal f’kull fażi tal-edukazzjoni); ir-rwol tal-attivitajiet ekstrakurrikulari biex jissaħħu l-identità u n-netwerks soċjali tat-tfal Rom; ir-rilevanza ta’ miżuri ta’ appoġġ kumplessi kontinwi (it-tutoraġġ ikkombinat ma’ boroż ta’ studju u t-tneħħija ta’ ostakli oħra għall-ispejjeż) fil-promozzjoni tat-tranżizzjoni bejn il-livelli edukattivi u l-impjiegi. Għalkemm azzjoni affermattiva għenet biex titjieb il-parteċipazzjoni tar-Rom fl-edukazzjoni, huwa importanti li jiġi evitat li jiġu ddedikati postijiet speċifiċi għar-Rom li altrimenti kienu jikkwalifikaw għal ammissjoni regolari.

B’mod speċjali f’dawk l-Istati Membri li għandhom proporzjon għoli ta’ studenti Rom, hemm bżonn ta’ approċċ sistematiku, kumpless u fit-tul biex tingħeleb is-segregazzjoni fl-iskejjel u fil-klassijiet, li għadha problema urġenti li tikkomprometti s-suċċess ta’ miżuri oħra ta’ inklużjoni. Il-partijiet ewlenin ta’ dan l-approċċ jinkludu: li jingħata aċċess bikri u bla ħlas għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal li hija ta’ kwalità u inklużiva f’kuntesti integrati (kemm biex ikunu ppreparati t-tfal Rom, kif ukoll biex jingħeleb il-preġudizzju bejn it-tfal Rom u dawk li mhumiex Rom kif ukoll il-ġenituri sabiex tiġi evitata segregazzjoni aktar tard); l-appoġġ għall-ġenituri Rom fl-għażla tal-iskola; l-għeluq gradwali ta’ skejjel segregati mill-awtoritajiet edukattivi; u d-distribuzzjoni ta’ tfal Rom f’diversi skejjel (permezz tar-riorganizzazzjoni ta’ żoni ta’ konċentrazzjoni). Dawn il-miżuri attivi ta’ desegregazzjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn sostenn finanzjarju u professjonali addizzjonali biex tiġi promossa l-integrazzjoni soċjali u akkademika tat-tfal Rom fl-iskejjel regolari bħal: jiġu koperti l-ispejjeż tat-trasport, il-materjali skolastiċi, l-ikliet, l-attivitajiet ekstrakurrikulari, il-klassijiet supplementari; jingħata taħriġ lill-persunal u lill-għalliema tal-preprimarja f’metodi ġodda ta’ tagħlim f’ambjenti edukattivi integrati (inkluż li eliminazzjoni tal-isterjotipi); tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn il-ġenituri u l-iskejjel; tingħata informazzjoni lill-ġenituri dwar il-benefiċċji tal-edukazzjoni integrata; jingħata mentoraġġ lill-istudenti, appoġġ wara l-ħin tal-iskola għat-tfal Rom, jiġu impjegati assistenti tal-għalliema; miżuri li jissensibilizzaw il-pubbliku ġenerali dwar l-importanza tal-inklużjoni edukattiva u l-edukazzjoni interkulturali għar-relazzjonijiet komunitarji permezz ta’ kampanji u l-midja 20 .

Approċċi promettenti:

Prijoritajiet li għandhom jiġu indirizzati:

٠BG, CZ, DK, EL, FI, FR, HR, HU, LT, PL, SK: L-introduzzjoni jew l-estensjoni tal-preprimarja (b’xejn) obbligatorja, l-iżvilupp tal-kindergartens iffinanzjat mill-FSIE, it-taħriġ għall-għalliema tal-iskola preprimarja.

٠CY, EL, ES, IE, IT, HR, HU, LT, LV, NL, PL, PT, RO, SE, SI: Programmi bil-għan li jiġi evitat it-tluq bikri mill-iskola (tal-bniet) Rom permezz ta’ appoġġ wara l-ħin tal-iskola, tutoraġġ, boroż ta’ studju, mentoraġġ, medjazzjoni, assistenti, edukazzjoni li tagħti ċans ieħor, taħriġ tal-għalliema, appoġġ għall-familji

٠AT, CY, FI, HU, IE, IT, PT, RO: L-introduzzjoni tal-Istorja (inkluż l-Olokawst) u / jew il-kultura tar-Rom fil-kurrikuli nazzjonali

٠IE, HR, RO: Allokazzjoni ta’ postijiet lir-Rom fl-edukazzjoni sekondarja u terzjarja

٠LT: Netwerk ta’ skejjel li jattendu t-tfal Rom li jirċievu l-bini tal-kapaċità u l-iżvilupp tal-kompetenzi

٠SE: Taħriġ lill-għalliema (l-Università ta’ Södertörn) u edukazzjoni sekondarja lill-adulti bil-lingwa Romani

٠Appoġġ lit-trobbija fid-dar u t-tagħlim bikri tat-tfal bħala parti minn programmi intensivi ta’ intervent bikri u ta’ prevenzjoni

٠Introduzzjoni jew estensjoni ulterjuri ta’ preprimarja ta’ kwalità, inklużiva, bla ħlas u obbligatorja u t-tneħħija ta’ ostakli finanzjarji u mhux finanzjarji għall-aċċess

٠Il-promozzjoni tal-kwalità, l-inklużività u r-riżultati fl-edukazzjoni permezz ta’ inċentivi (finanzjament u riforma tat-taħriġ għall-għalliema), jiġu attirati l-aħjar għalliema għal skejjel / reġjuni żvantaġġati

٠Sistematikament isiru monitoraġġ u reżistenza għas-segregazzjoni fl-iskejjel u fil-klassijiet permezz ta’ miżuri komprensivi, preparatorji u ta’ akkumpanjament fit-tul li jappoġġaw lill-familji Rom

٠Jinbnew l-appoġġ u l-kooperazzjoni tal-pubbliku għall-partijiet ikkonċernati kollha biex jikkomplementaw il-miżuri espliċiti attivi ta’ desegregazzjoni

٠Jiġu kkombinati flimkien il-boroż ta’ studju, it-tutoraġġ u l-attivitajiet ekstrakurrikulari sabiex jipprevjenu t-tluq bikri mill-iskola u jippromwovu t-tranżizzjoni għall-fażi li jmiss tal-edukazzjoni

٠Jiġu indirizzati l-bniet Rom, kif ukoll il-ġenituri u l-għalliema tagħhom biex jiġu miġġielda l-isterjotipi tas-sessi u jonqos it-tluq bikri mill-iskola

٠Issir promozzjoni tat-tranżizzjoni lejn – u l-ikkompletar ta’ – edukazzjoni sekondarja għolja u edukazzjoni ulterjuri inkluż permezz ta’ gwida għall-karrieri għall-istudenti Rom u l-familji tagħhom

2. L-impjiegi

2.1. Enfasi tal-miżuri

L-akbar żewġ gruppi ta’ miżuri implimentati mill-maġġoranza tal-Istati Membri għandhom l-għan li jneħħu l-ostakli għas-suq tax-xogħol (15-il SM) u għandhom appoġġ individwalizzat għal dawk li qed ifittxu impjieg (13-il SM). Numru inqas, iżda xorta waħda sinifikanti, ta’ pajjiżi jinvestu fit-taħriġ vokazzjonali (disa’ SM), it-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet (10 SM) u l-impjieg indipendenti u l-intraprenditorija (tmien SM). Ir-rati dejjem jikbru ta’ żgħażagħ Rom li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ ċertament jeħtiġilhom aktar sforz fl-appoġġ għall-ewwel esperjenza ta’ xogħol (10 SM). Żewġ oqsma oħra li jenħtieġ jingħataw prijorità huma: is-salvagwardji u s-servizzi personalizzati biex jiġi żgurat li s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi regolari jilħqu b’mod effettiv lir-Rom żvantaġġati li jkunu qed ifittxu impjieg; u azzjoni pożittiva biex jiġi promoss l-impjegar tar-Roma fis-servizz ċivili.

Xi ngħidu dwar il-fokus sostantiv tal-miżuri? Hawnhekk insibu li l-Istati Membri spiss jagħżlu forom ta’ appoġġ orjentati lejn l-individwu, bħal sussidjar għall-impjieg, forom oħra ta’ qsim tal-ispejjeż, appoġġ għall-iżvilupp tal-karriera (mentoraġġ, ikkowċjar) u taħriġ vokazzjonali (35 % tal-miżuri kollha). Miżuri aktar ġenerali għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, l-iżvilupp tal-komunità, il-kwalifiki tal-adulti u l-edukazzjoni ta’ rkupru jammontaw għal bejn 8 u 9 % tal-miżuri. Miżura waħda minn kull ħamsa biss tiġi mmirata lejn iż-żgħażagħ, li mingħajr dubju mhix biżżejjed, meta wieħed iqis l-isfidi taż-żgħażagħ Rom li għandhom impjieg.

2.2. Kisbiet u sfidi

Fir-rapportar tagħhom tal-2017, diversi NRCPs irreferew għall-impatt pożittiv tat-tkabbir ekonomiku fuq il-prospetti tal-impjieg tar-Rom 21 . Iżda ammont akbar ta’ NRCPs irreferew għal miżuri mmirati, bħal programmi ta’ impjieg reġjonali (konsulenza dwar il-karriera, taħriġ vokazzjonali jew fuq il-post tax-xogħol u tqabbil ta’ impjiegi mfassla apposta għar-Rom jew għall-persuni vulnerabbli li qed ifittxu impjieg) 22 . Tali miżuri huma aktar effettivi meta r-Rom ikunu involuti bħala medjaturi, ħaddiema soċjali jew fornituri oħra ta’ servizzi.

L-NRCPs jenfasizzaw tliet tipi ewlenin ta’ sfidi: il-kapaċità tal-istrutturi ta’ implimentazzjoni 23 ; id-diskriminazzjoni kontra r-Rom 24 ; u l-attitudnijiet u l-fiduċja tar-Rom infushom 25 .

2.3. Tagħlim dwar il-politiki

L-iżgurar ta’ tranżizzjoni effettiva mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol miftuħ, l-indirizzar tad-diskriminazzjoni minn min iħaddem, u l-iżgurar li tintlaħaq id-domanda għax-xogħol bi provvista (speċjalment fost iż-żgħażagħ Rom li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg u taħriġ) jidhru li huma l-aktar punti kritiċi fl-impjiegi. Sabiex titnaqqas id-disparità bejn is-sessi fl-impjiegi u r-rata ta’ żgħażagħ Rom li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ, huwa essenzjali li jkun hemm inċentivi u kooperazzjoni mill-qrib ma’ impjegaturi privati u li ż-żgħażagħ u n-nisa Rom jiġu indirizzati espliċitament skont politiki ewlenin (minflok ma jinħolqu strutturi paralleli tal-impjieg). It-titjib tal-impjegabbiltà tar-Rom jenħtieġ li jinkludi wkoll l-iżvilupp ta’ ħiliet fl-IT u ta’ ħiliet fil-lingwi barranin. Biex jiġi żgurat l-impjieg, madankollu, jenħtieġ li jiġu indirizzati wkoll ostakli oħra, b’mod partikolari d-diskriminazzjoni minn min iħaddem, netwerk soċjali limitat ta’ persuni Rom li qed ifittxu impjieg jew ta’ rwoli tas-sessi tradizzjonali fil-komunitajiet Rom. Taħlita ta’ taħriġ, apprendistati appoġġati u miżuri kontra d-diskriminazzjoni mmirati lejn min iħaddem jista’ jkollhom rwol importanti.

Approċċi promettenti:

Prijoritajiet li għandhom jiġu indirizzati:

٠BG, CY, ES, IT, LV, NL, PT, SI: Programmi ta’ impjieg reġjonali jew lokali (konsulenza individwalizzata) biex jiġi promoss it-tiftix attiv għax-xogħol jew l-impjieg indipendenti

٠HU, EL, ES, FR: Programmi mmirati biex itejbu l-impjegabbiltà tan-nisa Rom (fis-settur soċjali)

٠IT, LT, HU: Eżempji ta’ kooperazzjoni ma’ dawk li jħaddmu rigward kollokamenti f’impjieg għar-Rom u l-ġlieda kontra l-isterjotipi

٠SK: Emenda tal-Att dwar is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi li jipprevedi pjan ta’ azzjoni individwali favur l-appoġġ tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol li jorbot lil min qed ifittex ix-xogħol u lill-uffiċċju tax-xogħol

٠BE: Mill-2016 ’l hawn, ir-Rom għandhom aċċess għall- “perkors ta’ integrazzjoni” stabbilit għal persuni ta’ oriġini barranija fil-Wallonja (korsijiet tal-lingwa Franċiża, għarfien bażiku tas-soċjetà; appoġġ biex isibu impjieg u skola għat-tfal). Il-muniċipalitajiet jimpjegaw medjaturi Rom fiċ-ċentri pubbliċi ta’ assistenza soċjali, fis-servizzi ta’ prevenzjoni jew ta’ prossimità

٠HR: L-Uffiċċju tal-Ombudsman jagħti taħriġ kontra d-diskriminazzjoni lill-uffiċjali pubbliċi tal-impjieg u impjegati oħra taċ-ċivil

٠UK: L-awditjar tad-disparità razzjali u s-sit web biex tinġabar u tinxtered l-informazzjoni dwar id-diskriminazzjoni fl-impjieg

٠Is-servizzi pubbliċi tal-impjieg regolari awtorizzati li jappoġġjaw b’mod effettiv l-integrazzjoni tar-Rom li jkunu qed ifittxu impjieg fis-suq primarju tax-xogħol

٠(Ikompli) jsir taħriġ u jiġu impjegati mentors tar-Rom u taż-żgħażagħ, medjaturi biex jappoġġaw it-tranżizzjonijiet fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol

٠Jiġu mmirati (iż-żgħażagħ u n-nisa) Rom b’mod aktar espliċitu permezz ta’ politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol, inkluża l-Garanzija għaż-Żgħażagħ,

٠Dawk li jħaddmu jiġu sensibilizzati u inċentivati biex iħaddmu lir-Rom.

٠Isir monitoraġġ sistematiku u tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fl-aċċess għas-suq tax-xogħol u fuq il-post tax-xogħol

٠Jiġi kkombinat l-appoġġ għall-kollokament f’impjieg (internship) mat-taħriġ fl-IT u fil-lingwi u ssir ħidma ma’ dawk li jħaddmu.

٠Tingħata prijorità lill-integrazzjoni (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol primarju fuq sistemi paralleli (eż. xogħol pubbliku jew informali)

٠Issir ħidma fuq soluzzjonijiet integrati biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni vulnerabbli ta’ Rom mobbli mingħajr dokumenti, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni transnazzjonali

3. Is-Saħħa 

3.1. Enfasi tal-miżuri

L-aktar żewġ tipi sinifikanti ta’ miżuri rrapportati minn maġġoranza tal-Istati Membri jiffukaw fuq it-tneħħija tal-ostakli ġenerali għall-kura tas-saħħa u l-promozzjoni ta’ sensibilizzazzjoni dwar is-saħħa (13-14-il SM), li jirrappreżentaw bilanċ bejn l-interventi min-naħa tal-provvista u tad-domanda. Miżuri rilevanti oħra jinkludu programmi ta’ tilqim immirati u aċċess għal servizzi tas-saħħa speċjalizzati (6-7 SM).

Xi ngħidu dwar il-fokus sostantiv tal-miżuri? Hawnhekk insibu li l-Istati Membri spiss jagħżlu miżuri li jtejbu lin-naħa tal-provvista (il-persunal, il-faċilitajiet) tal-forniment tas-saħħa (26 % tal-miżuri). Huma jindirizzaw ukoll in-naħa tad-domanda permezz ta’ kampanji ta’ għarfien u informazzjoni dwar is-saħħa (21 %). Gruppi sinifikanti oħra ta’ miżuri jinkludu azzjonijiet ġenerali għat-titjib tal-infrastruttura tas-saħħa u s-sanità fil-livell lokali, u l-provvediment ta’ servizzi preventivi (16-17 %). Interventi importanti ħafna — li jipprovdu lir-Roma b’assigurazzjoni tas-saħħa u li jimmiraw lejn professjonisti tal-kura tas-saħħa b’kampanji kontra d-diskriminazzjoni — huma ħafna inqas mifruxa (6-7 %).

3.2. Kisbiet u sfidi

Il-kisbiet l-aktar spiss imsemmija mill-NRCPs huma: il-kampanji ta’ tilqim 26 ; programmi oħra ta’ prevenzjoni u detezzjoni 27 ; it-titjib tal-iġjene, il-kundizzjonijiet tas-saħħa u l-aċċess għall-kura tas-saħħa 28 ; is-sensibilizzazzjoni 29 ; il-medjazzjoni dwar is-saħħa 30 ; u kooperazzjoni bejn diversi partijiet ikkonċernati li tinvolvi l-awtoritajiet nazzjonali u lokali u s-soċjetà ċivili 31 . Kien hemm nuqqas notevoli ta’ referenza għall-isforzi kontra d-diskriminazzjoni; it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien iġjeniċi; u l-aċċess għal ikel tajjeb għas-saħħa.

L-isfidi rrapportati jinkludu: nuqqas ta’ koordinazzjoni u ta’ komunikazzjoni effettiva bejn il-livelli nazzjonali u lokali; iż-żamma ta’ finanzjament jew persunal (nazzjonali jew tal-UE) xieraq 32 ; in-nuqqas ta’ għarfien dwar kwistjonijiet ta’ saħħa 33 ; in-nuqqas ta’ kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa fost ir-Rom 34 ; u għarfien insuffiċjenti tal-professjonisti tas-saħħa dwar il-kwistjonijiet tar-Rom 35 . Kien hemm ukoll tħassib dwar rati baxxi ta’ tilqim fost ir-Rom, li f’xi pajjiżi huma rrapportati li jikkontribwixxu għal rati ogħla ta’ mortalità prematura u morbożità 36 . Il-parteċipazzjoni u l-għoti tas-setgħa lir-Roma fl-inizjattivi tal-kura tas-saħħa huma meqjusa ta’ sfida, anke minħabba l-livell baxx ta’ litteriżmu u ostakoli lingwistiċi 37 .

3.3. Tagħlim dwar il-politiki

Kemm il-miżuri kif ukoll l-evalwazzjonijiet huma skarsi fil-qasam tas-saħħa (kif ukoll fis-settur tal-akkomodazzjoni), u dan jillimita l-opportunitajiet għat-tagħlim u t-trasferiment tal-politiki. L-aktar prattiki promettenti li jintużaw jiffukaw fuq il-prevenzjoni permezz ta’ kampanji ta’ tilqim u t-taħriġ u l-impjiegi ta’ medjaturi tas-saħħa Rom. Huwa importanti, madankollu, li s-servizzi ta’ appoġġ immirati jkollhom l-għan attiv li jtejbu l-kuxjenza dwar is-saħħa, ibiddlu l-imġiba u jibnu fuq medda twila ta’ żmien l-awtonomija u l-kapaċità tar-Rom li jimpenjaw ruħhom ma’ istituzzjonijiet prinċipali, minflok dipendenza fuq intermedjarji permanenti u strutturi paralleli fit-tul. Miżuri kontra d-diskriminazzjoni mmirati lejn il-professjonisti tal-kura tas-saħħa jenħtieġ li jingħataw prijorità.

Approċċi promettenti:

Prijoritajiet li għandhom jiġu indirizzati:

٠BG, CZ, DK, EL, FR, HU, PL, PT, RO, SE, SI, SK: Taħriġ u impjieg tal-medjaturi tas-saħħa tar-Rom (assistenti, viżitaturi, dawk li jservu ta’ pont) biex jippromwovu l-aċċess tar-Rom għall-kura tas-saħħa

٠AT, BG, EL, FR, HU, HR, PL, SK, UK: Kampanji ta’ tilqim immirati lejn ir-Rom (bniet, nisa), u dawk li jgħixu f’żoni marġinalizzati

٠CZ, IT, RO, SI, SK: Programmi nazzjonali fit-tul dwar is-saħħa, pjanijiet ta’ azzjoni, strateġiji

٠ES: L-iżgurar tal-parteċipazzjoni tar-Rom u tas-soċjetà ċivili fit-tfassil ta’ programmi ta’ prevenzjoni tas-saħħa u ta’ taħriġ għall-professjonisti tas-servizzi soċjali

٠FI: Studju dwar il-Benesseri tar-Rom mill-Istitut Nazżjonali għas-Saħħa u l-Benessri

٠PT: Ippjanar ibbażat fuq l-evidenza tal-interventi biex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa tar-Rom, inkluż materjal informattiv u ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-maternità fost l-adolexxenti, is-segwitu pedjatriku u l-abitudnijiet alimentari tajbin

٠LT: Seminars ta’ għarfien dwar is-saħħa li jirrigwardaw il-kura preventiva, is-saħħa sesswali u riproduttiva u l-kura tat-tfal immirati lejn in-nisa u ż-żgħażagħ Rom

٠Żieda fil-kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa, jimtlew il-lakuni fil-provvista tal-kura primarja u speċjalizzata, inkluża s-saħħa riproduttiva u sesswali f’żoni żvantaġġati

٠Jiżdiedu l-isforzi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-dipendenza fuq id-droga, it-tipjip, l-HIV, l-epatite, it-tuberkulożi, il-mard kardjovaskulari, it-twelid prematur

٠Monitoraġġ u ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-aċċess għas-saħħa u s-sensibilizzazzjoni tal-professjonisti tas-saħħa għall-ħtiġijiet tar-Rom

٠Jiġi żgurat li l-medjaturi mmirati tas-saħħa tar-Rom jgħinu biex tinbena l-awtodipendenza fit-tul tar-Rom

٠Isir titjib fin-nutrizzjoni u jiġi miġġielda l-kundizzjonijiet tal-għajxien mhux tajbin għas-saħħa fejn jiġu indirizzati n-nisa Rom u l-familji Rom bit-tfal

4. Is-settur tal-akkomodazzjoni