Brussell, 13.6.2019

COM(2019) 295 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Pjan direzzjonali għal ftehim dwar il-baġit fit-tul tal-Unjoni għall-2021 sal-2027



FMT:ItalicIl-kontribut tal-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew
fl-20-21 ta' Ġunju 2019


PJAN DIREZZJONALI GĦALL-FTEHIM DWAR IL-BAĠIT FIT-TUL TAL-UNJONI GĦALL-2021 SAL-2027

1.Nidħlu fil-fażi finali tan-negozjati bejn l-Istati Membri

Fid-9 ta’ Mejju 2019 il-Mexxejja tal-Ewropa qablu f’Sibiu, ir-Rumanija, li “se nagħtu lilna nfusna l-mezzi biex inwettqu l-ambizzjonijiet tagħna. Se nipprovdu lill-Unjoni bil-mezzi meħtieġa biex tilħaq l-objettivi tagħha u twettaq il-politiki tagħha” 1 . Dan huwa dak li huwa involut hekk kif l-Unjoni tidħol fil-fażi finali tan-negozjati dwar il-baġit fit-tul futur, il-qafas finanzjarju pluriennali.

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposti tagħha għal baġit fit-tul ġdid u modern, strettament orjentat lejn il-prijoritajiet tal-Unjoni, f’Mejju u Ġunju 2018. Wara kien hemm perjodu ta’ ħidma teknika intensiva kemm fil-Parlament Ewropew kif ukoll fil-Kunsill. L-enfasi tal-Kummissjoni fuq it-tisħiħ tal-finanzjament għal prijoritajiet ġodda, l-immodernizzar tal-programmi eżistenti, is-simplifikazzjoni tal-baġit, u l-għoti lill-Unjoni ta’ baġit aktar flessibbli rċeviet appoġġ qawwi kemm fil-Parlament Ewropew kif ukoll fil-Kunsill, filwaqt li d-diskussjonijiet ikomplu b’mod partikolari dwar il-proporzjonijiet xierqa li għandhom jiġu ddedikati għall-politiki individwali tal-Unjoni fi ħdan il-baġit tal-UE.

F’Diċembru 2018 il-Kunsill Ewropew stieden lill-Presidenza Rumena tal-Kunsill biex “tiżviluppa orjentazzjoni għall-fażi li jmiss tan-negozjati, bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim fil-Kunsill Ewropew fil-ħarifa tal-2019”. Sa minn dakinhar ix-xogħol immexxi mill-Presidenza Rumena għen biex jiġu identifikati l-kwistjonijiet ewlenin li jeħtieġ li jiġu deċiżi mill-Mexxejja sal-ħarifa.

Dalwaqt jintlaħaq ftehim – iżda jonqos isir ħafna iktar xogħol. Ftehim ambizzjuż u bbilanċjat dwar il-qafas futur se jkun possibbli biss bi tmexxija politika b’saħħitha mill-Kunsill Ewropew. L-aħħar mil se jkun jeħtieġ kompromess u rieda biex isir progress fl-interess Ewropew. Dan se jkun meħtieġ biex jiġi evitat dewmien li jiswa l-flus fit-tnedija tal-programmi l-ġodda – u fil-benefiċċji li se jġibu magħhom.

Il-Kunsill Ewropew tat-20 u l-21 ta’ Ġunju se jkun pass kruċjali f’dan il-proċess. Din se tkun opportunità biex tiġi pprovduta gwida dwar il-kwistjonijiet politiċi ewlenin li se jsawru l-baġit fit-tul futur u jippermettu lill-Unjoni twettaq b’mod effiċjenti l-prijoritajiet stabbiliti fid-Dikjarazzjoni ta’ Sibiu. Imbagħad se taqa’ fuq il-Presidenza Finlandiża biex tmexxi l-fażi finali tal-ħidma.

Fi żmien ta’ inċertezza kbira, l-Unjoni Ewropea għandha tibqa’ ankra ta’ stabbiltà. Ftehim ambizzjuż bejn l-Istati Membri dwar il-baġit fit-tul futur fil-ħarifa se juri li l-Unjoni hija ffukata u determinata li twettaq l-aġenda pożittiva tagħha għall-Ewropej kollha. Se jipprovdi l-bażi għal ftehim f’waqtu mal-Parlament Ewropew. U se jippermetti biżżejjed ħin għall-ħidma biex jiġu ffinalizzati is-37 programm tematiku u l-arranġamenti prattiċi li saru għat-tnedija b’suċċess tagħhom fl-1 ta’ Jannar 2021.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill Ewropew jistabbilixxi pjan direzzjonali biex jintlaħaq ftehim dwar il-baġit fit-tul tal-UE fil-ħarifa u jistieden lill-Kunsill biex imexxi l-ħidma ‘l quddiem bħala kwistjoni ta’ prijorità.

2.Nibnu fuq il-progress miksub

Diġà sar progress konsiderevoli. Il-pakkett ibbilanċjat li ppreżentat il-Kummissjoni s-sena l-oħra ġie rikonoxxut b’mod wiesa’ bħala bażi soda għan-negozjati. Jeżisti rikonoxximent wiesa’ li l-Unjoni tal-futur se teħtieġ baġit modern, flessibbli u simplifikat, li joffri livell ta’ ambizzjoni proporzjonata mal-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa.

Il-Presidenzi suċċessivi tal-Kunsill stabbilixxew pass imgħaġġel. Il-Presidenza Bulgara bdiet il-ħidma malajr u l-Presidenza Awstrijaka lestiet l-ewwel qari tekniku tal-proposti tal-Kummissjoni. Dan ippermetta li l-kwistjonijiet politiċi ewlenin għat-tfassil tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss jiġu identifikati f’abbozz ta’ “kaxxa tan-negozjar”. Minn dak iż-żmien 'l hawn il-Presidenza Rumena mexxiet sensiela ta’ diskussjonijiet tematiċi li għenu biex isolvu kwistjonijiet tekniċi u jnaqqsu l-kwistjonijiet pendenti li se jeħtieġu l-involviment dirett tal-Mexxejja.

Il-Parlament Ewropew wera wkoll l-impenn qawwi tiegħu għal ftehim f’waqtu u ambizzjuż dwar il-baġit fit-tul futur. Ir-rapport interim dwar il-qafas finanzjarju pluriennali fil-7 ta’ Novembru 2018 enfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat baġit tal-UE aktar ambizzjuż u kredibbli għall-benefiċċju taċ-ċittadini matul il-perjodu ta’ seba’ snin li jmiss.

Il-Parlament u l-Kunsill ħadu sehem ukoll b’mod kostruttiv u effiċjenti fin-negozjati dwar il-programmi settorjali. L-istituzzjonijiet iffinalizzaw għall-inqas mandati ta’ negozjar parzjali għal maġġoranza tal-proposti leġiżlattivi settorjali li fuqhom huwa bbażat il-baġit fit-tul futur. Diġà nstabu fehimiet komuni bejn il-koleġiżlaturi fuq il-karatteristiċi ewlenin ta’ ħafna programmi ewlenin, li jkopru kwistjonijiet strateġikament importanti bħar-riċerka, id-difiża, l-investiment u t-trasformazzjoni diġitali. Il-finalizzazzjoni tagħhom, kif ukoll dik tal-programmi li fadal, issa tiddependi b’mod kritiku fuq ftehim rapidu dwar il-qafas finanzjarju pluriennali.

BAĠIT TAL-UE GĦALL-FUTUR

*Is-37 programmi jiddependu fuq 45 proposta legali. It-12-il ftehim parzjali jikkorrispondu għal fehimiet komuni dwar dawn il-propost għal 10 programmi bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, jew fil-Kunsill biss għal atti tal-Kunsill.

Filwaqt li għad fadal bosta kwistjonijiet importanti li jridu jiġu solvuti, b’mod partikolari dwar aspetti finanzjarji. id-diskussjonijiet s’issa fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill urew appoġġ wiesa’ għal ħafna mill-karatteristiċi essenzjali ta’ modernizzazzjoni proposti mill-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss:

·l-enfasi qawwija fuq il-valur miżjud Ewropew u l-ħtieġa li jiġi pprovdut appoġġ adegwat għal prijoritajiet ġodda u urġenti bħar-riċerka u l-innovazzjoni, l-ekonomija diġitali, iż-żgħażagħ, il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, is-sigurtà, id-difiża u l-azzjoni esterna; u enfasi msaħħa fuq is-sostenibbiltà inkluż għan aktar ambizzjuż għall-integrazzjoni tal-klima;

·l-istruttura ssimplifikata u aktar trasparenti tal-baġit futur;

·it-tnaqqis radikali fl-għadd ta’ programmi u l-ħolqien ta’ programmi integrati ġodda f’oqsma bħal investiment fin-nies, is-suq uniku, l-investimenti strateġiċi, id-drittijiet u l-valuri u l-azzjonijiet esterni, u l-enfasi akbar fuq is-sinerġiji bejn l-istrumenti;

·is-simplifikazzjoni tar-regoli ta’ finanzjament biex titnaqqas il-burokrazija għall-benefiċjarji u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni, u enfasi akbar fuq il-prestazzjoni u r-riżultati; kif ukoll

·baġit aktar flessibbli biex ikun jista’ jirreaġixxi malajr f’dinja li qed tinbidel b’mod mgħaġġel.

Sar progress sostanzjali dwar il-karatteristiċi ta’ strument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività għaż-żona tal-euro. Dan se jippromwovi l-koeżjoni fl-Unjoni billi jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. F’konformità mal-mandat tas-Summit tal-Euro tal-14 ta’ Diċembru 2018, qed isir progress rapidu fil-ħidma abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni għal Programm ta’ Appoġġ għal Riformi. Il-pożizzjonijiet qed jikkonverġu u qed joqrob lejn l-ilħiq tiegħu ftehim dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-istrument.

Huwa wkoll ġeneralment aċċettat li l-mekkaniżmu l-ġdid li jiżgura li nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt ma jpoġġux lill-baġit f’riskju se jkun karatteristika essenzjali ta’ ftehim dwar il-qafas finanzjarju pluriennali futur. Filwaqt li għad iridu jiġu indirizzati għadd ta’ kwistjonijiet, id-diskussjonijiet taħt il-Presidenza Awstrijaka u dik Rumena kkonfermaw ukoll appoġġ qawwi għall-proposta tal-Kummissjoni. Sar progress sinifikanti fil-livell tekniku, li għandu jippermetti ftehim fil-Kunsill taħt il-Presidenza Finlandiża. Il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu fis-16 ta’ Jannar 2019.

Sar progress ukoll fil-ħidma fuq il-proposti tal-Kummissjoni biex jiġi mmodernizzat in-naħa ta’ dħul tal-baġit tal-UE. L-Unjoni teħtieġ sistema aktar sempliċi u ġusta għall-finanzjament tal-baġit tal-UE, marbuta aktar mill-qrib mal-politiki tal-Unjoni u toffri sorsi alternattivi ta’ dħul biex tgħin tiffinanzja prijoritajiet ġodda u tagħmel tajjeb għall-impatt tat-tluq tar-Renju Unit. Il-Parlament Ewropew għamilha ċara li r-riforma tar-riżorsi proprji u d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ dħul hija kundizzjoni għall-għoti tal-kunsens tiegħu dwar il-qafas futur. Hemm ftuħ dejjem jikber fil-Kunsill għall-prinċipju ta’ riżorsi proprji ġodda.

3.Konverġenza fuq ftehim ġust u bbilanċjat

Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju se jagħti bidu għall-fażi finali tan-negozjati bejn l-Istati Membri fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss. Il-progress s’issa kien inkoraġġanti, iżda issa hemm bżonn ta’ impuls politiku ġdid sabiex in-negozjati jiġu konklużi b’suċċess fil-ħarifa. Ħafna kwistjonijiet tekniċi ġew solvuti. Issa wasal iż-żmien li ssir enfasi mill-ġdid fuq il-kwistjonijiet politiċi ewlenin li se jsawru l-qafas finanzjarju futur tal-Unjoni – u b’mod partikolari fuq l-aspetti finanzjarji. Għal dan il-għan, tmexxija politika qawwija mill-Kunsill Ewropew se tkun vitali.

Il-Kummissjoni saħqet b’mod konsistenti li l-ekwità u l-bilanċ se jkunu kruċjali għal eżitu ta’ suċċess. Id-daqs globali tal-baġit jeħtieġ li jkun ambizzjuż biżżejjed biex iwettaq b’mod effiċjenti l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni, filwaqt li jitqies kif dovut l-impatt finanzjarju tat-tluq tar-Renju Unit. Huwa meħtieġ bilanċ ġdid bejn żieda fil-finanzjament għal prijoritajiet ġodda ta’ nfiq u appoġġ qawwi kontinwu għal politika agrikola u ta’ koeżjoni komuni modernizzata. Ir-rabta bejn il-finanzjament mill-baġit tal-UE u l-prijoritajiet u l-valuri tal-politika tal-UE għandha tissaħħaħ. L-allokazzjoni ta’ fondi fost l-Istati Membri għandha tkun ibbażata fuq kriterji ġusti u oġġettivi. Sistema ġdida u aktar ġusta għall-finanzjament tal-baġit għandha tkun ukoll parti minn pakkett bilanċjat.

Jeżistu kwistjonijiet kumpless iżda issa huwa ż-żmien li naffaċċjawhom b’mod determinat. Jenħtieġ li l-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju jniedi fażi ġdida ta’ negozjati politiċi b’enfażi dejjem tikber fuq kwistjoni finanzjarji u strateġiċi oħra. Il-Kummissjoni tilqa’ l-intenzjoni tal-Presidenza Finlandiża li tniedi diskussjonijiet bilaterali fil-livell politiku immedjatament wara s-sajf biex tħejji l-ftehim deċiżiv fil-Kunsill Ewropew fil-ħarifa. Dawn id-diskussjonijiet se jkollhom iqisu bis-sħiħ l-aspettattivi tal-Parlament Ewropew għall-qafas futur.

L-urġenza ta’ dan ix-xogħol ma tistax tiġi enfasizzata biżżejjed, kemm politikament kif ukoll prattikament. L-1 ta’ Jannar 2021 – il-mument li minnu l-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għandu jkun legalment lest biex jiġi implimentat legalment fl-Istati Membri kollha – huwa biss 18-il xahar 'il bogħod u għad fadal ħafna xi jsir biex jiġi żgurat li l-programmi finanzjarji futuri jkunu jistgħu jibdew jagħtu riżultati mill-ewwel jum. Ġaladarba l-Kunsill Ewropew isib ftehim, se jibda proċess intensiv ta’ negozjati mal-Parlament Ewropew. L-iskambji regolari bejn ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u l-Presidenza tal-Kunsill bnew dinamika pożittiva. Il-livell ta’ ambizzjoni fil-Kunsill Ewropew se jkun fattur kruċjali fid-deċiżjoni tal-Parlament li jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

Hekk kif jiġi maħtur il-Parlament il-ġdid u jinħatru r-rapporteurs, għandhom jitkomplew in-negozjati dwar is-37 programm finanzjarju. Se tkun meħtieġa aċċellerazzjoni sinifikanti għal dawk il-programmi fejn in-negozjati interistituzzjonali għad iridu jibdew, inklużi programmi ewlenin bħall-politika agrikola komuni. Din il-ħidma tista’ titlesta biss ladarba jintlaħaq qbil dwar il-qafas ġenerali. U biss ġaladarba l-programmi jkunu ġew formalment adottati, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni meħtieġa, li mbagħad ikunu soġġetti għall-proċeduri ta’ skrutinju rilevanti.

Il-proċess ta’ adozzjoni formali huwa biss parti mill-istorja. It-tħejjijiet prattiċi għall-programmi l-ġodda jieħdu ż-żmien ukoll, jekk humiex qed jippreparaw programmi operattivi, iniedu sejħiet għall-proposti, jew idaħħlu fis-seħħ sistemi ta’ ġestjoni, monitoraġġ u kontroll.

Din il-ħidma tista’ tibda b’mod parallel mal-finalizzazzjoni tal-qafas legali iżda tista’ titlesta biss ladarba l-qafas legali jkun fis-seħħ. Bħala punt ta’ referenza, għaddew sentejn oħra biex il-programmi kollha taħt ġestjoni kondiviża jiġu adottati formalment. L-implimentazzjoni attwali tal-proġett setgħet tibda biss ħafna xhur wara, peress li l-Istati Membri kellhom jippubblikaw sejħiet għal proġetti u finalment jagħżlu proġetti.

Dewmien fl-implimentazzjoni tal-baġit il-ġdid fit-tul ikollu konsegwenzi reali ħafna fil-prattika. Investimenti vitali jiġu posposti, kollokamenti tal-Erasmus jiġu differiti u jintilfu impjiegi fir-riċerka. Barra minn hekk, il-limitu massimu tar-riżorsi proprji l-ġdid jista’ japplika biss ladarba d-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji l-ġdida tkun ġiet approvata mill-Istati Membri kollha skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom 2 .

Għaldaqstant il-ħin huwa importanti ħafna jekk il-Mexxejja se jissodisfaw l-impenji tagħhom biex “jipprovdu lill-Unjoni bil-mezzi meħtieġa biex tilħaq l-objettivi tagħha u twettaq il-politiki tagħha”. It-tlestija tal-ħidma fuq il-qafas futur u l-programmi ta’ nfiq fil-ħin biex tippermetti l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom sal-1 ta’ Jannar 2021 se tkun ta’ sfida, iżda tista’ tintlaħaq – jekk imexxi l-Kunsill Ewropew.

4.Konklużjoni

L-2019 hija sena ta’ tiġdid għall-Unjoni. Id-Dikjarazzjoni maqbula mill-Mexxejja tal-Ewropa f’Sibiu, tibni fuq il-Pjan Direzzjonali ta’ Bratislava u d-Dikjarazzjoni ta’ Ruma, u tistabbilixxi aġenda ċara u pożittiva għall-Unjoni b’27 membru. L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew raw żieda fl-impenn demokratiku mal-Unjoni, bl-ogħla parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej f’20 sena, u kampanja aktar minn qatt qabel iffokata fuq kwistjonijiet Ewropej.

Dan l-isfond jipprovdi sens ġdid ta’ momentum u ta’ urġenza għall-fażi finali tal-ħidma fuq il-qafas finanzjarju futur. Inċertezza dwar, pereżempju, it-termini u ż-żmien tat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni ma tfissirx li deċiżjonijiet importanti għandhom jiġu diferiti. Għall-kuntrarju, huwa iktar u iktar importanti li l-Unjoni timxi 'l quddiem fuq l-aġenda pożittiva tagħha b’fiduċja u ottimiżmu.

Negozjati dwar il-baġit fit-tul huma fundamentalment dwar il-prijoritajiet politiċi u kif għandhom jinkisbu. Ir-riskji huma għoljin, il-kwistjonijiet kumplessi u hemm bilanċi delikati li jridu jintlaħqu, iżda fl-aħħar mill-aħħar is-suċċess ta’ dawn in-negozjati se jiddependi fuq ir-rieda politika.

Għaldaqstant il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju biex jistabbilixxi pjan direzzjonali biex jintlaħaq ftehim dwar il-baġit fit-tul futur fil-ħarifa.

Il-Kummissjoni se tagħmel l-almu tagħha biex tappoġġa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jgħammru lill-Unjoni bil-baġit fit-tul modern li teħtieġ biex twieġeb għall-isfidi u taħtaf l-opportunitajiet li għandna quddiemna.

(1)

     Id-Dikjarazzjoni ta’ Sibiu, id-9 ta’ Mejju 2019, https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2019/05/09/the-sibiu-declaration/

(2)

     Għall-kuntrarju tal-perjodu preċedenti, il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid se jkollu bżonn ikun akkumpanjat minn żieda fil-limiti massimi stabbiliti fid-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji biex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun kapaċi – taħt kwalunkwe ċirkostanza – tissodisfa l-obbligi finanzjarji tagħha.