Brussell, 4.3.2019

COM(2019) 190 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari





{SWD(2019) 90 final}


1Daħla

F’Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari 1  biex tagħti spinta ġdida lill-impjiegi, lit-tkabbir u lill-investiment u biex tiżviluppa ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva. L-54 azzjoni skont dan il-pjan ta’ azzjoni issa tlestew jew qed jiġu implimentati, anke jekk il-ħidma fuq uħud minnhom se tkompli wara l-2019.

Il-Qafas ta’ Monitoraġġ għall-Ekonomija Ċirkolari tal-UE 2 juri li t-tranżizzjoni għenet biex tqiegħed mill-ġdid lill-UE fit-triq tal-ħolqien tal-impjiegi. Fl-2016, is-setturi rilevanti għall-ekonomija ċirkolari impjegaw aktar minn erba’ miljun ħaddiem 3 , jiġifieri żieda ta’ 6 % meta mqabbel mal-2012. Fis-snin li ġejjin huwa mistenni li se jinħolqu impjiegi addizzjonali sabiex tkun tista tiġi ssodisfata d-domanda ġġenerata minn swieq li jiffunzjonaw bis-sħiħ għall-materja prima sekondarja 4 .

Iċ-ċirkolarità tat ukoll opportunitajiet ta’ negozju ġodda, żiedet il-mudelli ta’ negozju ġodda u żviluppat swieq ġodda, kemm domestikament, kif ukoll barra mill-UE. Fl-2016, l-attivitajiet ċirkolari bħat-tiswija, l-użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ iġġeneraw kważi EUR 147 biljun f’valur miżjud, waqt li kienu jgħoddu madwar EUR 17.5 biljun f’investimenti 5 .

Fl-Ewropa, ir-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali matul il-perjodu bejn l-2008 u l-2016 żdied u l-kontribut ta’ materjali rriċiklati għad-domanda globali tal-materjali juri titjib kontinwu. Madankollu, bħala medja, il-materjali rriċiklati jissodisfaw biss anqas minn 12 % tad-domanda tal-UE għall-materjali 6 . Dan jidher minn rapport riċenti tal-partijiet ikkonċernati li jissuġġerixxi li ċ-ċirkolarità sħiħa tapplika għal 9 % 7 biss tal-ekonomija dinjija u b’hekk tħalli lok kbir għat-titjib.

Il-Qafas ta’ Monitoraġġ għall-Ekonomija Ċirkolari tal-UE, ippreżentat mill-Kummissjoni fl-2018, jinkludi 10 indikaturi prinċipali li jkopru kull fażi taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti kif ukoll aspetti ta’ kompetittività. L-indikaturi kollha jiġu aġġornati regolarment u huma disponibbli fuq sit web iddedikat 8 .

Xi Stati Membri żviluppaw indikaturi tal-ekonomija ċirkolari nazzjonali addizzjonali biex b’hekk tiġi kkomplimentata il-ħarsa ġenerali mogħtija mill-qafas tal-UE. Il-Parlament Ewropew 9 , il-Kunsill 10 , u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 11 enfasizzaw ukoll ir-rwol ta’ indikaturi oħra sabiex jidentifikaw aspetti neqsin tal-ekonomija ċirkolari, bħall-evalwazzjoni tal-flussi ta’ materjali f’simbjożi industrijali u r-responsabbiltà għall-kapital naturali.   

Għall-ewwel darba, il-pjan ta’ azzjoni ppromwova approċċ sistemiku tul katini ta’ valur sħaħ. Flimkien ma’ dan, il-Kummissjoni integrat prinċipji ċirkolari fil-produzzjoni u fil-konsum tal-plastik, fl-immaniġġjar tal-ilma, fis-sistemi tal-ikel u fl-immaniġġjar ta’ flussi ta’ skart speċifiċi. Dan kien possibbli bl-appoġġ b’saħħtu u bl-involviment tal-Istati Membri, tal-Parlament Ewropew, tal-komunità tan-negozju u taċ-ċittadini. Barra minn hekk, dan ikkontribwixxa wkoll għall-kisba tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli 12 .

Dan ir-rapport jippreżenta r-riżultati ewlenin tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni. Huwa jiddeskrivi wkoll l-isfidi futuri biex tissawwar l-ekonomija tagħna u jkompli jinħoloq vantaġġ kompetittiv, filwaqt li jwitti t-triq lejn ekonomija newtrali għall-klima fejn titnaqqas il-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali u tal-ilma ħelu, kif ukoll fuq l-ekosistemi. Ir-rapport tħejja bi tweġiba għal talba tal-Kunsill 13 biex “jingħata aġġornament annwali bil-miktub dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], talba mtennija wkoll mill-Parlament Ewropew 14 . Deskrizzjoni sħiħa tas-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni hija ppreżentata fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD) 15 ta’ akkumpanjament.

2Il-bini ta’ ekonomija ċirkolari

2.1Id-Disinn Ċirkolari u l-Proċessi tal-Produzzjoni

Id-disinn insibuh fil-bidu taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u huwa essenzjali biex tiġi żgurata ċ-ċirkolarità. Bl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019 16 , il-Kummissjoni kompliet tippromwovi d-disinn ċirkolari tal-prodotti, flimkien mal-objettivi tal-effiċjenza fl-enerġija.

-Il-miżuri tal-Ekodisinn u tat-Tikkettar tal-Enerġija għal diversi prodotti issa jinkludu regoli dwar rekwiżiti tal-effiċjenza materjali bħad-disponibbiltà ta’ spare parts, il-faċilità tat-tiswija, u l-iffaċilitar tat-trattament tat-tmiem tal-ħajja

-Il-Kummissjoni inkarigat lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni 17 bl-iżvilupp ta’ kriterji orizzontali sabiex jitkejlu d-durabbiltà, l-użu mill-ġdid, il-possibbiltà ta’ tiswija, ir-riċiklabbiltà u l-preżenza ta’ materja prima kritika. Dawn il-kriterji jenħtieġ li jiġu applikati fi standards eżistenti u ġodda.

Il-prodotti u s-servizzi ddisinjati b’mod ċirkolari jistgħu jimminimizzaw l-użu tar-riżorsi u jrawmu l-użu mill-ġdid, l-irkupru u r-riċiklabbiltà tal-materjali fil-ġejjieni. Diversi politiki tal-UE diġà jindirizzaw l-effiċjenza fir-riżorsi: lil hinn mid-Direttiva dwar l-Ekodisinn u r-Regolament dwar it-Tikkettar tal-Enerġija, dawn il-politiki jinkludu wkoll għodod volontarji, bħall-Ekotikketta tal-UE jew il-kriterji dwar l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku. L-SWD dwar politiki relatati mal-prodotti 18 , ippubblikat flimkien ma’ dan ir-rapport, jeżamina għażliet biex jiġu spjegati aħjar id-diversi għodod ta’ politika tal-prodotti eżistenti fil-livell tal-UE u l-kontribut tagħhom għall-ekonomija ċirkolari. Dan jinkludi konsiderazzjoni tal-espansjoni tal-politika dwar l-Ekodisinn, li kienet ta’ suċċess għal prodotti relatati mal-enerġija, għal gruppi ta’ prodotti mhux relatati mal-enerġija, u għal appoġġ ulterjuri tas-settur tat-tiswija fl-UE. Id-dokument janalizza wkoll opportunitajiet possibbli f’setturi addizzjonali, pereżempju l-imballaġġ, it-tessuti u l-għamara. Għaddejja ħidma biex jiġu rieżaminati r-rekwiżiti essenzjali għall-imballaġġ, li għandha l-għan li ttejjeb id-disinn għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ kwalità għolja tal-imballaġġ.

Iċ-ċirkolarità tfisser ukoll l-adattament ta’ proċessi industrijali. Il-Kummissjoni introduċiet aspetti ta’ ċirkolarità (konsum tal-enerġija u użu materjali, prevenzjoni tal-iskart, riċiklaġġ u tnaqqis tas-sustanzi kimiċi perikolużi) f’Dokumenti ta’ Referenza speċifiċi dwar l-Aħjar Tekniki Disponibbli (BREFs) 19 skont id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali 20 , u bidlithom fi standards ta’ referenza għall-Istati Membri meta jagħtu permessi għal impjanti industrijali. Barra minn hekk, ir-riżultat tal-kontroll tal-idoneità tal-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS) ikkonferma l-potenzjal tagħha li ttejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjonijiet.

L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) jinsabu fil-qalba tat-tranżizzjoni. Huma jistgħu jaċċessaw il-pariri tan-Netwerk Enterprise Europe 21 u ċ-Ċentru Ewropew tal-Għarfien tal-Effiċjenza fir-Riżorsi 22 sabiex itejbu l-effiċjenza fir-riżorsi u l-proċessi tal-produzzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni waqqfet netwerk pan-Ewropew iddedikat għat-teknoloġiji tal-manifattura innovattivi u avvanzati u qed tiżviluppa bażi ta’ għarfien għas-sostituzzjoni ta’ sustanzi perikolużi ta’ tħassib. L-SMEs jibbenefikaw ukoll mill-programm pilota Verifika tat-Teknoloġija Ambjentali, programm għall-iżviluppaturi tat-teknoloġija biex jippruvaw l-asserzjonijiet tal-prestazzjoni dwar teknoloġiji innovattivi u jiksbu kredibbiltà fi swieq ġodda.

2.2L-għoti tas-setgħa lill-Konsumaturi

It-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ċirkolari tirrikjedi l-involviment attiv taċ-ċittadini fit-tibdil tax-xejriet tal-konsum. Għal dan l-għan, id-dokument ta’ akkumpanjament dwar politiki relatati mal-prodotti jelabora dwar approċċ strateġiku sabiex tiżdied l-effettività tal-Ekotikketta tal-UE biex il-konsumaturi jingħataw informazzjoni ambjentali preċiża, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-kontroll tal-idoneità 23 . Jippreżenta wkoll evalwazzjoni ddettaljata tal-fażi pilota tal-Impronta Ambjentali

Il-metodi tal-Impronta Ambjentali tal-Prodott (PEF) u tal-Impronta Ambjentali tal-Organizzazzjoni (OEF) żviluppati mill-Kummissjoni, jistgħu jippermettu lill-kumpaniji jagħmlu asserzjonijiet ambjentali affidabbli, riproduċibbli u komparabbli. Il-metodi jippermettu l-identifikazzjoni ta’ hotspots ambjentali u jappoġġaw lill-kumpaniji fl-ekoloġizzazzjoni tal-katina ta’ provvista tagħhom u biex isiru aktar sostenibbli u ċirkolari. Il-konsumaturi se jkunu jistgħu wkoll jagħmlu għażliet informati bbażati fuq informazzjoni affidabbli.

Madwar 300 kumpanija minn 27 settur differenti 24 u aktar minn 2 000 parti kkonċernata, ħadmu għal ħames snin biex jittestjaw dawn il-metodi li huma jqisu bħala l-aħjar prattika fil-Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja.

L-informazzjoni dwar id-durabbiltà u l-probabbiltà ta’ tiswija 25 tal-prodotti tista’ wkoll tibdel id-deċiżjonijiet dwar ix-xiri għal għażliet aktar sostenibbli. Billi tibni fuq l-esperjenza pożittiva miksuba skont ir-Regolament dwar it-Tikkettar tal-Enerġija, il-Kummissjoni qed tiżviluppa sistema ta’ punteġġ dwar il-probabbiltà ta’ tiswija ta’ prodott. Barra minn hekk, sabiex tipproteġi lill-konsumaturi kontra prodotti difettużi, il-proposta 26 dwar ċerti aspetti rigward kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li bħalissa għaddejja mill-fażijiet finali fil-proċess leġiżlattiv, testendi t-treġġigħ lura tal-perjodu tal-oneru tal-provi, li se jgħin lill-konsumaturi japplikaw il-garanzija legali għad-drittijiet tagħhom 27 .

Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra asserzjonijiet ambjentali foloz u prattiki ta’ obsolexxenza prematura 28 , tissaħħaħ permezz ta’ opportunitajiet aħjar għall-individwi u rimedju kollettiv kontra prattiki kummerċjali inġusti 29 . Dan jikkomplimenta l-informazzjoni pprovduta fil-gwida riveduta biex tiġi applikata u implimentata d-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Inġusti 30 .

Sabiex tisfrutta l-potenzjal tal-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu spinta lis-swieq għall-prodotti u s-servizzi ċirkolari, il-Kummissjoni adottat kriterji ġodda u riveduti ta’ Akkwist Pubbliku Ekoloġiku tal-UE, inklużi aspetti tal-ekonomija ċirkolari u ppromwoviet l-użu tagħhom permezz ta’ dokumenti ta’ gwida 31 u sessjonijiet ta’ taħriġ. Il-Kummissjoni qed tkun ta’ eżempju fl-akkwist tagħha stess. Is-servizzi tal-Kummissjoni fi Brussell użaw il-kriterji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku fi 93 % tal-kuntratti kollha tagħhom li huma akbar minn EUR 60 000. 32

2.3It-tibdil tal-Iskart f’Riżorsi

Sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart tajbin u effiċjenti huma element kostitwenti essenzjali għal ekonomija ċirkolari. Sabiex fl-Unjoni jiġu mmodernizzati s-sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart u sabiex il-mudell Ewropew jiġi kkonsolidat bħala wieħed mill-aktar effettivi fid-dinja, f’Lulju 2018 daħal fis-seħħ qafas leġiżlattiv rivedut dwar l-iskart 33 . Dan jinkludi:

-rati ta’ riċiklaġġ ġodda, ambizzjużi iżda realistiċi 34  

-is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni ta’ definizzjonijiet u metodi ta’ kalkolu u l-istatus ġuridiku kkjarifikat għall-materjali rriċiklati u l-prodotti sekondarji;

-regoli rinfurzati u obbligi ġodda dwar ġbir separat (bijoskart, skart tat-tessuti u dak perikoluż prodott mill-unitajiet domestiċi, skart tal-kostruzzjoni u tad-demolizzjoni);

-rekwiżiti minimi għar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur;

-miżuri tal-prevenzjoni tal-iskart u tal-immaniġġjar tal-iskart imsaħħa, inklużi għall-iskart tal-baħar, il-ħela tal-ikel, u l-prodotti li fihom materja prima kritika;

Il-Kummissjoni qed tappoġġa u tinvolvi ruħha mal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart 35 biex iżżid il-viżibbiltà u l-fehim tal-opportunitajiet tal-ekonomija ċirkolari f’dawk l-Istati Membri li għandhom l-akbar sfidi biex jilħqu l-miri tar-riċiklaġġ tagħhom. Permezz ta’ żjarat immirati fil-pajjiżi mmexxija mill-Kummissarji, esperti minn Stati Membri differenti se jaqsmu l-esperjenzi u jagħtu pariri dwar liema hu l-aħjar mod biex jintlaħqu l-objettivi tal-politiki dwar l-iskart.

Il-Kummissjoni kkjarifikat ir-relazzjoni u r-rilevanza tal-proċessi tal-irkupru enerġetiku 36 differenti bl-għan li jiġi evitat it-telf mhux meħtieġ ta’ riżorsi prezzjużi permezz tar-rimi f’landfill u l-inċinerazzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri ġew imħeġġa jidentifikaw teknoloġiji ta’ rkupru effiċjenti fl-enerġija u fil-materjali, sabiex isir użu aħjar mill-istrumenti ekonomiċi u jittejjeb l-ippjanar biex tiġi evitata l-kapaċità żejda tal-inċinerazzjoni.

L-immaniġġjar ambjentalment tajjeb tal-iskart, fl-UE u barra minnha, huwa importanti biex tinkiseb ekonomija aktar ċirkolari. L-operaturi tal-iskart u l-uffiċjali doganali bbenefikaw minn ċarezza akbar miġjuba mill-Kodiċi Doganali tal-UE 37 biex ikunu jistgħu jidentifikaw il-flussi tal-iskart b’mod aktar faċli. L-iskambju mtejjeb tad-data elettronika kkontribwixxa wkoll għal infurzar aħjar tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart 38 . Fl-aħħar nett, obbligi proposti sabiex l-iskart minn bastimenti li jżuru l-portijiet tal-UE jinġabar separatament, jiffaċilitaw l-immaniġġjar aħjar tal-iskart 39 .

2.4L-għeluq ta’ ċirkwiti ta’ materjali rkuprati

Ir-Regolament il-ġdid dwar il-Prodotti ta’ Fertilizzazzjoni 40 , li għaddej mill-aħħar passi tal-proċess leġiżlattiv, jintroduċi regoli armonizzanti għall-fertilizzanti organiċi manifatturati minn materja prima sekondarja bħal prodotti sekondarji agrikoli u bijoskart irkuprat. Ir-regolament il-ġdid:

-se jnaqqas sostanzjalment l-ostakoli sinifikanti għad-dħul fis-suq għal prodotti aktar sostenibbli u ċirkolari;

-jinkludi limiti ġodda dwar sustanzi perikolużi għall-fertilizzanti kollha, inkluż materja prima verġni, li jnaqqsu r-riskju ta’ ċikli materjali li fihom livelli perikolużi ta’ ċerti elementi tossiċi;

-jinkludi kriterji tat-tmiem tal-istadju tal-iskart, u b’hekk jikkontribwixxi għal funzjonament mingħajr xkiel tal-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, il-prodotti u l-iskart, u jagħti lill-investituri ċertezza tad-dritt akbar.

Wieħed mill-objettivi tal-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari huwa li tingħata spinta lill-użu tal-materja prima sekondarja (SRMs). Huwa jirrikjedi l-fehim tal-isfidi ewlenin li jħabbtu wiċċhom magħhom l-operaturi tas-suq u jenħtieġ li jiddependi fuq Suq Uniku b’saħħtu u effettiv 41 . Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Materja Prima 42 li tnediet fl-2017, tidentifika l-ħtiġijiet tal-għarfien għas-setturi industrijali strateġiċi, b’enfasi fuq il-monitiraġġ tar-riċiklaġġ ta’ materjali rilevanti u d-disponibbiltà tad-data f’setturi ewlenin 43 .

Il-Komunikazzjoni dwar l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, il-prodotti u l-iskart 44 , nediet dibattitu wiesa’ dwar il-mod kif jiġu indirizzati l-erba’ ostakoli ewlenin li jxekklu l-adozzjoni sikura tal-SRMs. Analiżi preliminari tar-riżultati tal-konsultazzjoni 45 tikkonferma ftehim ġenerali fost il-partijiet ikkonċernati dwar ir-rilevanza tal-kwistjonijiet identifikati. Din turi appoġġ b’saħħtu għat-titjib tat-traċċabbiltà tas-sustanzi u l-flussi tal-informazzjoni; infurzar u użu aħjar ta’ miżuri oħra sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi tal-UE u dawk mhux tal-UE; titjib fl-armonizzazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku tal-kriterji tat-tmiem tal-istadju tal-iskart; u appoġġ għar-rinfurzar ta’ aspetti tal-ekonomija ċirkolari fi strumenti bħad-Direttiva dwar l-Ekodisinn. Barra minn hekk, tnedew tliet studji dwar aspetti differenti tal-interfaċċa u aktar informazzjoni rilevanti se tingħata fl-2019 u fil-bidu tal-2020.

L-aċċess għall-informazzjoni dwar il-preżenza u l-kompożizzjoni ta’ sustanzi perikolużi fil-fluss ta’ skart huwa fundamentali biex jittejbu t-tekniki ta’ żmantellar u ta’ dekontaminazzjoni, li jiffaċilitaw l-irkupru tal-iskart. L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi qed toħloq bażi tad-data biex tiġbor l-informazzjoni u ttejjeb l-għarfien dwar sustanzi ta’ tħassib fil-prodotti u fil-prodotti meta jsiru skart. Barra minn hekk, il-pjattaforma tal-UE “Informazzjoni għar-Riċiklaturi” 46 qed tiġbor u taqsam informazzjoni dwar it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u t-trattament ta’ tagħmir ġdid imqiegħed għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni.

L-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-iskart tista’ tintuża wkoll biex tippermetti l-irkupru effiċjenti ta’ materja prima kritika (CRMs). Ir-rapport tal-Kummissjoni “Critical Raw Materials and the Circular Economy” 47  jidentifika azzjonijiet ewlenin meħtieġa biex jiġu sfruttati dawn il-benefiċċji potenzjali – l-estrazzjoni fit-tmiem tal-ħajja ta’ komponenti ewlenin, it-titjib tal-immaniġġjar tad-data dwar l-iskart tal-minjieri u l-mobilizzazzjoni tal-finanzjament. Madanakollu, ir-rapport wera wkoll li hemm lok sinifikanti biex ir-riċiklaġġ jittejjeb u biex jiġi żgurat li s-CRMs jibqgħu fl-Ewropa.

Sabiex tgħin il-bini tal-fiduċja fil-materja prima sekondarja, il-Kummissjoni, flimkien mal-Organizzazzjonijiet Ewropej ta’ Standardizzazzjoni, bdiet proċess ta’ standardizzazzjoni u bħala l-ewwel pass nediet analiżi komprensiva ta’ attivitajiet ta’ standardizzazzjoni relatati. L-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni qed jaħdmu wkoll fuq standards possibbli għal riċiklaġġ effiċjenti fl-użu tal-materjali u ta’ kwalità għolja ta’ CRMs minn skart ta’ batteriji, skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku u prodotti kumplessi oħra fit-tmiem tal-ħajja.

Il-pjan ta’ azzjoni jfittex ukoll li jagħti spinta lis-suq għall-ilma użat mill-ġdid, sabiex tiġi indirizzata l-iskarsezza tal-ilma fl-UE. Il-Kummissjoni pproponiet leġiżlazzjoni ddedikata li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-ilma użat mill-ġdid għat-tisqija agrikola 48 . Barra minn hekk, prattiki dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma huma integrati fl-ippjanar u fl-immaniġġjar tal-ilma 49 jew fir-rieżami tal-BREFs rilevanti.

2.5Approċċ Sistemiku: l-Istrateġija tal-UE għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari

L-Istrateġija tal-UE għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari 50 hija l-ewwel qafas ta’ politika mal-UE kollha li tadotta approċċ ta’ ċiklu tal-ħajja speċifiku għall-materjali biex jiġu integrati l-attivitajiet tad-disinn ċirkolari, tal-użu, tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ fil-katini ta’ valur tal-plastik. Għalhekk, hija katalista għall-azzjoni. L-istrateġija tistabbilixxi viżjoni ċara b’objettivi kkwantifikati fil-livell tal-UE, biex fost l-oħrajn, sal-2030, l-imballaġġi tal-plastik kollha mqiegħda fis-suq tal-UE jkunu jistgħu jintużaw mill-ġdid jew ikunu riċiklabbli.

L-istrateġija tidentifika wkoll azzjonijiet ewlenin li jippermettu l-involviment ta’ partijiet ikkonċernati multipli u l-kollaborazzjoni tul il-katina ta’ valur. Pereżempju, is-sejħa mill-Kummissjoni biex il-partijiet ikkonċernati jagħmlu wegħdiet volontarji skattat momentum b’saħħtu fl-industrija biex tingħata spinta l-adozzjoni ta’ plastik irriċiklat fil-prodotti. Madankollu, kif identifikat fid-dokument ta’ akkumpanjament li jivvaluta dawn il-wegħdiet 51 , hemm bżonn ta’ aktar sforzi biex jintlaħaq l-objettiv stabbilit fl-istrateġija, jiġifieri li jiġi żgurat li sal-2025, 10 miljun tunnellata ta’ plastik irriċiklat isib ruħu fi prodotti ġodda. Filwaqt li l-wegħdiet li waslu mingħand il-fornituri ta’ plastik irriċiklat, jissodisfaw din il-mira jekk jiġu implimentati kif mistenni, id-domanda għall-plastik irriċiklat abbażi tal-wegħdiet tal-industrija tammonta għal madwar 6.2 miljun tunnellata fis-sena sal-2025. L-Alleanza Ċirkolari dwar il-Plastik 52 li ġiet stabbilita reċentement, se tiffaċilita l-passi li jmiss min-negozji biex titneħħa din id-diskrepanza u tgħin biex tinkiseb il-mira msemmija hawn fuq f’konformità mal-objettiv tal-istrateġija biex tittejjeb il-kwalità u l-ekonomija tar-riċiklaġġ tal-plastik fl-Ewropa.

Diġà ntlaħqu stadji importanti ewlenin biex tinkiseb kwalità ogħla ta’ riċiklaġġ tal-plastik. Dawn jinkludu l-mira tar-riċiklaġġ ġdida għall-imballaġġ tal-plastik, stabbilita għal 55 % fl-2030, l-obbligi għall-ġbir separat u t-titjib fl-iskemi tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (EPR). Dawn tal-aħħar huma mistennija li se jiffaċilitaw id-disinn għar-riċiklabbiltà permezz tat-tariffi tal-“ekomodulazzjoni” tal-produtturi. Titjib futur se joriġina mir-rieżami tar-rekwiżiti essenzjali għall-imballaġġ ppjanata għal tmiem l-2020.

L-istrateġija toħloq sinerġiji bejn l-għanijiet ekonomiċi u ambjentali. Evidenza ta’ riskji ambjentali u tas-saħħa potenzjali ta’ tniġġis mill-mikroplastik tiġġustifika r-restrizzjoni fl-użu ta’ mikroplastik miżjud intenzjonalment u biex jinġabar għarfien dwar il-kejl u t-tikkettar fil-każ ta’ mikroplastik li jirriżulta minn rilaxx mhux intenzjonat. Il-Kummissjoni impenjat ruħha wkoll li tiżviluppa qafas dwar il-bijodegradabbiltà tal-plastik, biex tiżgura li l-iżvilupp u l-użu ta’ tali prodotti tal-plastik jiġu mħeġġa biss meta jkunu ta’ benefiċċju għall-ambjent u ma jkunux ta’ tfixkil għas-sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart jew jikkompromettu s-sikurezza alimentari. Azzjonijiet f’dan ir-rigward jinkludu l-għoti ta’ informazzjoni dwar kif għandhom jiġu ttrattati fl-istadju tat-tmiem tal-ħajja (eż. l-immarkar tal-basktijiet tal-plastik kompostabbli tad-djar). Barra minn hekk, qed jiġu esplorati wkoll sinerġiji ta’ politika ulterjuri flimkien mal-ħtiġijiet ta’ riċerka fir-rapport ippubblikat reċentement dwar l-ekonomija ċirkolari tal-plastik 53 .

L-istrateġija tixpruna l-bidla lil hinn mill-fruntiera tal-Ewropa. Billi bniet fuq azzjonijiet eżemplari, b’mod partikolari dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss, it-tmexxija tal-UE f’fora bilaterali u multilaterali kienet strumentali biex jinżamm ir-ritmu internazzjonali rigward l-aġenda dwar il-plastik, kif jidher minn inizjattivi bħall-Pjattaforma tal-Plastik Globali man-NU għall-Ambjent u s-Sħubija Internazzjonali li ġejja dwar l-Iskart mill-Plastik fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Basilea. B’mod parallel, l-UE qed tappoġġa lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw it-tniġġis mill-plastik.

Ir-regoli dwar l-oġġetti u l-irkaptu tas-sajd 54 magħmula minn Plastik Li Jintuża Darba Biss, l-indirizzar tal-għaxar oġġetti li jinstabu l-aktar fil-bajjiet tal-UE, il-faċilitajiet portwarji ta’ akkoljenza u l-proposti tal-Kummissjoni dwar il-kontroll tas-sajd 55   iqiegħdu lill-UE fuq quddiem nett tal-ġlieda globali kontra l-iskart tal-baħar, wieħed mit-tħassib ewlieni taċ-ċittadini tal-UE rigward it-tniġġis mill-plastik. Dawn ir-regoli jagħtu opportunitajiet lill-kumpaniji tal-UE biex jinnovaw il-prodotti, il-materjali, it-teknoloġiji u l-mudelli tan-negozju, filwaqt li jqisu l-imġiba tal-konsumaturi u l-alternattivi disponibbli.

Dawn is-settijiet ta’ miżuri mfassla apposta, li għaddejjin mill-aħħar passi tal-proċedura leġiżlattiva, jinkludu:

-Projbizzjoni ta’ prodotti li jintużaw darba biss magħmula mill-plastik 56 u ta’ plastik ossodegradabbli.

-Miżuri biex jitnaqqas il-konsum tal-kontenituri tal-ikel u tal-kikkri tax-xorb magħmula mill-plastik u l-immarkar u t-tikkettar speċifiċi ta’ ċerti prodotti 57 .

-Mira biex mill-2030, fil-fliexken tax-xorb jiġi inkorporat 30 % ta’ plastik irriċiklat, u 25 % għall-fliexken tal-PET mill-2025, kif ukoll mira ta’ 90 % ta’ ġbir separat ta’ fliexken tal-plastik sal-2029 u l-introduzzjoni tar-rekwiżiti tad-disinn għat-twaħħil tat-tappijiet mal-fliexken.

-Skemi tal-EPR li jkopru l-kost għat-tindif tal-iskart, applikati għal prodotti bħal filtri tat-tabakk u rkaptu tas-sajd.

-Miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-iskart tal-plastik mill-bastimenti bħall-istabbiliment ta’ tariffa fissa għall-iskart mill-bastimenti.

-Titjib fl-obbligi ta’ rappurtar għal irkaptu tas-sajd mitluf u obbligi għall-immarkar u għall-kontroll tal-irkaptu tas-sajd għas-sajd rikreazzjonali.

3L-aċċellerazzjoni tat-Tranżizzjoni

3.1Innovazzjoni u Investimenti

Sabiex tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, huwa neċċessarju li jsir investiment 58 fl-innovazzjoni u li jiġi pprovdut appoġġ għall-adattament tal-bażi industrijali. Matul il-perjodu bejn l-2016 u l-2020, il-Kummissjoni saħħet l-isforzi tagħha fiż-żewġ direzzjonijiet għat-total ta’ aktar minn EUR 10 biljun f’finanzjament pubbliku għat-tranżizzjoni. Dan jinkludi:

-EUR 1.4 biljun minn Orizzont 2020 sal-2018 (f’oqsma bħall-industriji tal-proċess sostenibbli, l-immaniġġjar tal-iskart u tar-riżorsi, is-sistemi tal-manifattura ta’ ċirkwit magħluq jew il-bijoekonomija ċirkolari), li minnhom EUR 350 miljun huma allokati biex il-plastik isir ċirkolari. Il-Kummissjoni ppubblikat inventarju 59 tal-proġetti rilevanti għall-ekonomija ċirkolari ffinanzjati skont l-H2020 bejn l-2016 u l-2018.

-Mill-anqas EUR 7.1 biljun mill-Politika ta’ Koeżjoni (EUR 1.8 biljun għall-adozzjoni ta’ teknoloġiji ekoinnovattivi fost l-SMEs u EUR 5.3 biljun b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart); barra minn hekk, appoġġ sinifikanti huwa disponibbli permezz tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti għall-innovazzjoni u l-iskjerament immexxija mis-suq.

-EUR 2.1 biljun permezz ta’ faċilitajiet ta’ finanzjament bħall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u l-Innovfin.

-Mill-anqas EUR 100 miljun investiti permezz ta’ LIFE f’akar minn 80 proġett li jikkontribwixxu għal ekonomija ċirkolari.

Sabiex tistimola investimenti ulterjuri, il-Pjattaforma ta’ Appoġġ għall-Finanzjament tal-Ekonomija Ċirkolari fasslet rakkomandazzjonijiet 60 biex ittejjeb il-bankabbiltà tal-proġetti ta’ ekonomija ċirkolari, tikkoordina attivitajiet ta’ finanzjament u taqsam prattiki tajba 61 . Il-pjattaforma se taħdem mal-Bank Ewropew tal-Investiment biex tipprovdi assistenza finanzjarja u tisfrutta sinerġiji bil-pjan ta’ azzjoni dwar il-finanzjament ta’ tkabbir sostenibbli 62 .

Barra mill-finanzjament tat-tranżizzjoni, il-Kummissjoni indirizzat ukoll ostakoli regolatorji li jistgħu jfixklu l-innovazzjoni ċirkolari b’żewġ Ftehimiet pilota għall-Innovazzjoni li tnedew fl-2016 63 . Abbażi tal-esperjenza ta’ dawn iż-żewġ ftehimiet pilota, il-Kummissjoni issa qed tħares lejn l-ittestjar tal-approċċ f’setturi oħra.

Jenħtieġ li ċ-ċirkolarità tibqa’ pilastru tal-Politika ta’ Koeżjoni matul il-perjodu ta’ programmazzjoni bejn l-2021 u l-2027. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u Fond ta’ Koeżjoni ġodda 64 , tqiegħed l-ekonomija ċirkolari bħala prijorità fl-isforzi tal-UE biex tinkiseb Ewropa aktar ekoloġika u intelliġenti u teskludi l-investimenti f’landfills u faċilitajiet għat-trattament tal-iskart residwu, f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart.

3.2 Involviment b’saħħtu tal-partijiet ikkonċernati

L-involviment tal-partijiet ikkonċernati huwa vitali għat-tranżizzjoni. L-approċċ sistemiku tal-pjan ta’ azzjoni ta lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-atturi ekonomiċi u lis-soċjetà ċivili qafas biex jirreplikaw ħalli jrawmu s-sħubiji bejn is-setturi u tul katini ta’ valur.

L-azzjonijiet tal-UE nebbħu dibattiti nazzjonali dwar l-ekonomija ċirkolari u l-maġġoranza tal-Istati Membri adottaw jew qegħdin fil-proċess li jadottaw strateġiji nazzjonali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Dawn l-oqfsa spiss jiġu rreplikati fil-livell reġjonali u lokali, u b’hekk iġibu l-ekonomija ċirkolari eqreb taċ-ċittadini u tan-negozji. Ir-rwol tal-Kummissjoni fil-promozzjoni ta’ dan l-approċċ sistemiku u fit-tqegħid tal-ekonomija ċirkolari fl-aġendi Ewropej u internazzjonali, kien rikonoxxut ukoll fil-Forum Ekonomiku Dinji għall-2019, fejn il-Kummissjoni rċeviet il-premju taċ-Ċirkolari 65 fil-Kategorija tas-Settur Pubbliku.

Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Ekonomija Ċirkolari tlaqqa’ flimkien għadd ta’ netwerks u inizjattivi dwar l-ekonomija ċirkolari. Hija taġixxi bħala multiplikatur għall-aħjar prattiki mis-settur pubbliku u dak privat. Fl-ewwel sena ta’ attività tagħha 66 , il-Pjattaforma ġabret u xerrdet aktar minn 300 eżempju tal-aħjar prattiki, strateġiji u rapporti.

Il-partijiet ikkonċernati qed jixprunaw it-tranżizzjoni f’setturi differenti. Pereżempju, l-involviment tal-industrija wassal għall-adozzjoni tal-Protokoll u tal-Linji Gwida tal-UE dwar l-Iskart mill-Kostruzzjoni u mid-Demolizzjoni 67 , bl-objettiv finali li tiżdied il-fiduċja fil-proċess tal-immaniġġjar tal-iskart u fil-kwalità tal-materjali rriċiklati fis-settur. Barra minn hekk, in-negozji impenjaw ruħhom biex itejbu l-prestazzjoni tar-riżorsi tal-bini u qed jittestjaw Livell(i) 68 , l-ewwel qafas ta’ indikaturi għall-kejl tas-sostenibbiltà fis-settur, f’aktar minn 130 proġett madwar l-Ewropa.

Bl-istess mod, atturi ewlenin mis-settur pubbliku u privat tul il-katina ta’ valur alimentari, qed jaħdmu flimkien fil-Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel sabiex jaċċelleraw il-progress tal-UE lejn il-mira tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli li sal-2030, l-iskart tal-ikel per capita jitnaqqas bin-nofs. Il-Pjattaforma ppermettiet lill-Kummissjoni tagħmel progress importanti fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ prevenzjoni tal-iskart tal-ikel, inklużi linji gwida biex tiġi ffaċilitata d-donazzjoni tal-ikel, l-iżvilupp ta’ metodoloġija ta’ kejl tal-iskart tal-ikel u t-titjib ta’ prattiki tal-immarkar tad-data.

Il-partijiet ikkonċernati qegħdin jesportaw ukoll it-tranżizzjoni barra mill-Ewropa. Il-kumpaniji Ewropej regolarment jinvolvu ruħhom f’missjonijiet konġunti dwar l-ekonomija ċirkolari 69 , u b’hekk isaħħu r-rabtiet bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, l-NGOs, il-kumpaniji u l-partijiet ikkonċernati rilevanti f’pajjiżi terzi.

4 Sfidi Miftuħa

L-ekonomija ċirkolari issa hija tendenza kbira ħafna, irriversibbli u globali. Madankollu, għad hemm ħafna xi jsir biex tiżdied l-azzjoni fil-livell tal-UE u globali, tiġi eliminata kompletament id-diskrepanza u jiġi sfruttat il-vantaġġ kompetittiv li din iġġib magħha lin-negozji tal-UE. L-interazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tissuġġerixxi li l-oqsma li mhumiex koperti mill-pjan ta’ azzjoni, jistgħu jiġu investigati sabiex titlesta l-aġenda ċirkolari.

Azzjonijiet ġodda se jkunu meħtieġa jekk l-UE tixtieq iżżomm it-tmexxija tagħha fid-disinn u l-produzzjoni ta’ prodotti u servizzi ċirkolari u biex tagħti iktar setgħa lill-konsumaturi ħalli jadattaw stili ta’ ħajja iktar sostenibbli. Kif issuġġerit fid-Dokument ta’ Riflessjoni, Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030 70 , jenħtieġ li l-ekonomija ċirkolari tkun l-ispina tal-istrateġija industrijali tal-UE biex b’hekk tiġi permessa ċ-ċirkolarità f’oqsma u setturi ġodda, il-valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti jenħtieġ li jsiru n-norma u l-qafas tal-ekodisinn jenħtieġ li jitwessa’ kemm jista’ jkun. Ix-xogħol li beda fir-rigward tal-kimiċi, l-ambjent mhux tossiku, l-ekodisinn u l-ekoinnovazzjoni, il-materja prima kritika u l-fertilizzanti, jeħtieġ li jiġi aċċellerat jekk l-UE trid tisfrutta l-benefiċċji kollha ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-konsumaturi jingħataw is-setgħa biex jagħmlu għażliet informati u jeħtieġ li s-settur pubbliku jsaħħaħ l-isforzi permezz ta’ akkwist pubbliku sostenibbli.

Bl-appoġġ tal-Kummissjoni, l-Istati Membri – b’mod partikolari fir-reġjuni identifikati li qegħdin fir-riskju li ma jilħqux il-miri tar-riċiklaġġ għall-2020 jew li qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi speċifiċi 71 ‒ u n-negozji se jkollhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni riveduta dwar l-iskart u jiżviluppaw swieq għal materja prima sekondarja. L-objettiv huwa li jiġi żgurat li l-materjali li jmorru lura fl-ekonomija, ikunu kosteffettivi u sikuri għaċ-ċittadini u għall-ambjent.

L-UE għandha tkompli tappoġġa wkoll ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-investiment fis-setturi ta’ prijorità identifikati 72 fil-pjan ta’ azzjoni. Filwaqt li jibnu fuq l-eżempju tal-Istrateġija Ewropea għall-Plastik f’Ekonomija Ċirkolari, ħafna setturi oħra b’impatt ambjentali għoli u b’potenzjal kbir għaċ-ċirkolarità, bħall-IT, l-elettronika, il-mobbiltà, l-ambjent mibni, il-minjieri, l-għamara, l-ikel u x-xorb jew it-tessuti, jistgħu jibbenefikaw minn approċċ olistiku simili biex isiru ċirkolari. S’issa, l-ebda minnhom għadu ma sfrutta l-potenzjal tas-Suq Uniku tal-UE 73 .

L-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija 74 li ġiet aġġornata reċentement u l-qafas rivedut dwar l-enerġija rinnovabbli 75 , se jkunu passi ulterjuri lejn l-użu ta’ riżorsi bijoloġiċi b’mod ċirkolari, filwaqt li jiġu rispettati l-fruntieri ekoloġiċi u jsir kontribut lejn it-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità.

Kif ġie ddikjarat fl-istrateġija ta’ viżjoni strateġika fit-tul għal ekonomija prospera, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050 76 , it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u ekonomija newtrali għall-klima għandha tiġi segwita flimkien, abbażi ta’ ambizzjoni industrijali b’saħħitha u billi jiġi sfruttat il-vantaġġ tal-innovatur f’dawn l-oqsma 77 . Mudelli ta’ negozju ċirkolari ġodda, ir-riċiklaġġ, l-effiċjenza fl-enerġija u fil-materjali u mudelli ta’ konsum ġodda, għandhom potenzjal sinifikanti biex inaqqsu l-emissjonijiet globali ta’ gass serra. Il-promozzjoni ta’ dan l-approċċ konġunt fil-kumpaniji – inklużi l-SMEs – u fil-komunitajiet, fl-istess ħin tista’ tnaqqas il-kostijiet ta’ produzzjoni u tappoġġa forom ġodda ta’ interazzjoni tan-negozju, bħas-simbjożi industrijali. Barra minn hekk, iċ-ċirkolarità u s-sostenibbiltà fil-kisba, fl-użu u fit-trattament ta’ materja prima (b’mod partikolari dik kritika) se jkunu fundamentali biex tiġi żgurata s-sigurtà meħtieġa tal-provvisti, il-kundizzjonijiet ekwi ma’ kompetituri industrijali u t-tmexxija globali tal-UE fil-produzzjoni ta’ teknoloġiji ewlenin abilitanti u b’użu baxx ta’ karbonju.

L-intelliġenza artifiċjali u d-diġitalizzazzjoni 78 għandhom il-potenzjal li jottimizzaw l-użu tal-enerġija u tar-riżorsi u li jagħmlu l-informazzjoni disponibbli b’appoġġ għall-mudelli tan-negozju ċirkolari u għażliet ta’ konsum responsabbli. Madanakollu, ekonomija diġitali ċirkolari jrid ikollha impatt tar-riżorsi nett pożittiv u tindirizza sfidi sostanzjali, inkluż ir-riskju li tistimola mudelli ta’ konsum mhux sostenibbli, li tqassar id-durabbiltà ta’ prodotti intelliġenti u li tikkomprometti s-sigurtà ta’ data tan-negozju sensittiva.

Fuq kollox, it-tranżizzjoni tal-ekonomija ċirkolari ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali u territorjali u tiffavorixxi distribuzzjoni bbilanċjata tal-impjiegi li jissodisfaw l-istandards tas-saħħa u tas-sigurtà, u b’hekk tiġi permessa l-ġenerazzjoni ta’ tkabbir ġust u sostenibbli.

5Konklużjonijiet

L-implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, aċċellarat it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari fl-Ewropa. Fl-istess ħin, viżjoni aktar b’saħħitha u kondiviża tal-ekonomija ċirkolari tista’ biss tagħti spinta lill-isforzi kontinwi biex il-bażi industrijali tal-UE tiġi mmodernizzata ħalli tiżgura l-vantaġġ kompetittiv globali tagħha u biex il-kapital naturali tal-UE jiġi ppreservat u rkuprat.

Dawn l-elementi u l-azzjonijiet ta’ suċċess mill-Pjan ta’ Azzjoni kif imsemmija f’dan ir-rapport, jistgħu jgħinu u jiggwidaw ix-xogħol fil-ġejjieni tal-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri, in-negozji u s-sħab soċjali.

(1)

     COM (2015) 614

(2)

     COM (2018) 29 final

(3)

     https://ec.europa.eu/eurostat/tgm/refreshTableAction.do?tab=table&plugin=1&pcode=cei_cie010&language=en

(4)

   Il-Kummissjoni Ewropea, Impacts of circular economy policies on the labour market, April 2018

(5)

      https://ec.europa.eu/eurostat/tgm/refreshTableAction.do?tab=table&plugin=1&pcode=cei_cie010&language=en  

(6)

https://ec.europa.eu/eurostat/tgm/table.do?tab=table&init=1&language=en&pcode=cei_srm030&plugin=1  

(7)

     Ekonomija Ċirkolari, The Circularity Gap Report, Jannar 2018

(8)

      https://ec.europa.eu/eurostat/web/circular-economy

(9)

     Mistoqsija għat-tweġiba orali O-000087/2018

(10)

10447/18 - It-twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari - Konklużjonijiet tal-Kunsill

(11)

NAT/722-EESC-2018-00464

(12)

Eż. L-SDGs 2 (promozzjoni tal-użu mill-ġdid tal-ilma u fertilizzanti organiċi, l-iffaċilitar tad-donazzjoni tal-ikel), 3 (indirizzar tal-mikroplastiċi), 8 u 9 (spinta lill-innovazzjoni, lill-impjiegi u lill-valur miżjud, 12 (appoġġ lill-prevenzjoni tal-iskart u l-immaniġġjar responsabbli tal-iskart u tas-sustanzi kimiċi, indirizzar tal-ħela tal-ikel u appoġġ lill-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku), 13 (potenzjal tal-effiċjenza materjali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-CO2), 14 (azzjonijiet deċiżivi biex jiġi miġġieled l-iskart tal-baħar)

(13)

10518/16 L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari; 15159/17 L-Ekoinnovazzjoni: biex tkun tista’ ssir tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; 10447/18 - It-twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari

(14)

  http://www.europarl.europa.eu/cmsdata/103519/06%2007%20-%20Coordinators%20Results.pdf

(15)

SWD (2019) 90

(16)

COM (2016) 773 final

(17)

F’Marzu 2020 huma mistennija 12-il standard ġeneriku.

(18)

SWD (2019) 91

(19)

Sistemi Komuni tat-Trattament / tal-Immaniġġjar tal-Ilma Mormi u tal-Gass ta’ Skart fis-settur tal-kimika (6/2016), Trobbija Intensiva tal-Pollam jew tal-Majjali (7/2017), Impjanti Kbar tal-Kombustjoni (7/2017), Produzzjoni ta’ Volum Kbir ta’ Sustanzi Kimiċi Organiċi (12/2017) u Trattament tal-Iskart (8/2018)

(20)

Id-Direttiva 2010/75/UE

(21)

https://een.ec.europa.eu/

(22)

www.resource-efficient.eu

(23)

COM (2017) 355 final

(24)

Jirrappreżentaw madwar żewġ terzi tas-suq Ewropew fuq bażi ta’ konsum

(25)

Il-Kummissjoni Ewropea, Behavioural Study on Consumers’ Engagement in the Circular Economy, Ottubru 2018

(26)

COM (2017) 637 final - 2015/0288 (COD), Ftehim politiku li ntlaħaq fid-29 ta’ Jannar 2019 http://europa.eu/rapid/press-release_STATEMENT-19-742_mt.htm

(27)

Il-proposta inizjali ppreżentata f’Diċembru 2015 u emendata fl-2017 sabiex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-bejgħ offline.

(28)

Aktar għarfien dwar in-natura ta’ prattiki ta’ obsollexenza prematura kif ukoll dwar kif dawn jiġu indirizzati, se jinġabar permezz ta’ programm ta’ ttestjar indipendenti ta’ Orizzont 2020 mifrux fuq erba’ snin u li se jdum għaddej sal-2023.

(29)

Ir-Reviżjoni tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-proposti leġiżlattivi skont il-Patt il-Ġdid għall-Konsumaturi.

(30)

Id-Direttiva 2005/29/KE

(31)

  http://ec.europa.eu/environment/gpp/pubs_en.htm  

(32)

  http://ec.europa.eu/environment/emas/pdf/other/2018%2012%2007_ES%202018_Consolidated%20Volume.pdf  

(33)

ĠU, 14.6.2018, L 150, p 93, 100, 109,141. Id-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart, id-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’ladfill, id-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, id-Direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, id-Direttiva 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi, id-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)

(34)

Il-leġiżlazzjoni riveduta dwar l-iskart tirrikjedi li sal-2030, 70 % tal-iskart kollu mill-imballaġġ għandu jiġi rriċiklat, u sal-2035, 65 % tal-iskart muniċipali għandu jiġi rriċiklat, filwaqt li r-rimi f’landfill ta’ skart muniċipali jitnaqqas għal 10 %. Estensjoni ta’ ħames snin ingħatat lill-Greċja, lill-Kroazja, lil Ċipru, lil-Latvja, lil-Litwanja, lill-Ungerija, lil Malta, lir-Rumanija, lis-Slovakkja u lill-Bulgarija.

(35)

Rapport ta’ twissija bikrija COM (2018) 656 final

(36)

COM (2017) 34 final, Ir-rwol tal-enerġija mill-iskart fl-ekonomija ċirkolari

(37)

Ir-Regolament 952/2013

(38)

Ir-Regolament 1013/2006

(39)

COM (2018) 033 - 2018/012 (COD), Ftehim politiku li ntlaħaq fid-12 ta’ Diċembru 2018, http://europa.eu/rapid/press-release_IP-18-6867_mt.htm

(40)

COM (2016) 157 - 2016/0084 (COD), Ftehim politiku li ntlaħaq fit-12 ta’ Diċembru 2018, http://europa.eu/rapid/press-release_IP-18-6161_en.htm

(41)

COM (2018) 772

(42)

  http://rmis.jrc.ec.europa.eu/

(43)

  http://rmis.jrc.ec.europa.eu/?page=contributions-of-h2020-projects-236032

(44)

COM (2018) 32

(45)

Il-konsultazzjoni pubblika ntemmet f’Ottubru 2018 u rċeviet 460 tweġiba. Rapport ta’ sinopsi dwar ir-riżultati tagħha se jinħareġ fil-bidu tal-2019.

(46)

https://i4r-platform.eu/

(47)

SWD (2018) 36 final

(48)

COM (2018) 337 final, 2018/0169 (COD)

(49)

  http://ec.europa.eu/environment/water/pdf/Guidelines_on_water_reuse.pdf

(50)

COM (2018) 28

(51)

SWD (2019) 92

(52)

  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-18-6728_en.htm  

(53)

https://ec.europa.eu/info/publications/circular-economy-plastics-insights-research-and-innovation-inform-policy-and-funding-decisions_en

(54)

COM (2018) 340 final 2018/0172 (COD), Ftehim politiku preliminari li ntlaħaq fid-19 ta’ Diċembru 2018: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-18-6867_mt.htm  

(55)

COM (2018) 368 final, 2018/0193 (COD)

(56)

Pożati, platti, straws, stikek li jintużaw biex iħawdu x-xorb, stikek tal-bżieżaq, kontenituri tal-ikel u tax-xorb tal-plastik u kikkri għax-xorb magħmula mill-polistiren espandut, stikek tal-cotton buds magħmula mill-plastik.

(57)

Oġġetti sanitarji, wet wipes, kikkri għax-xorb u prodotti tat-tabakk bil-filtri

(58)

Skont ir-rapport, Achieving Growth Within, (SYSTEMIQ f’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Ellen MacArthur), id-diskrepanza fl-investiment hija stmata għal EUR 320 biljun sal-2025.

(59)

  https://ec.europa.eu/research/environment/index.cfm?pg=output&pubs=thematic

(60)

  https://ec.europa.eu/info/publications/accelerating-transition-circular-economy_en

(61)

  http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=3517&Lang=MT  

(62)

COM (2018) 97

(63)

   Iż-żewġ ftehimiet ikopru t-teknoloġija tal-membrana anaerobika għall-użu mill-ġdid tal-ilma mormi fl-agrikoltura u l-użu mill-ġdid tal-batteriji ta’ propulsjoni fit-tmiem tal-ħajja bħala ħżin tal-enerġija stazzjonarju. https://ec.europa.eu/info/research-and-innovation/law-and-regulations/innovation-friendly-legislation/identifying-barriers_en

(64)

COM (2018) 372 final - 2018/0197 (COD)

(65)

  https://thecirculars.org/our-finalists  

(66)

  https://circulareconomy.europa.eu/platform/sites/default/files/ecesp_annual_report_2018.pdf  

(67)

  https://ec.europa.eu/growth/content/eu-construction-and-demolition-waste-protocol-0_en  

(68)

  http://ec.europa.eu/environment/eussd/buildings.htm  

(69)

Missjonijiet dwar l-Ekonomija Ċirkolari fiċ-Ċilì u fiċ-Ċina (2016), fl-Afrika t’Isfel u fil-Kolombja (2017), fil-Ġappun u fl-Indonesja u fl-Indja (2018)

(70)

 COM (2019) 22 

(71)

Biex jitħaffef l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari, jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċifika lir-reġjuni b’karatteristiċi speċifiċi li jwasslu għal sfidi ambjentali u għar-riżorsi konsiderevoli, pereżempju fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart, bħall-gżejjer jew ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE.

(72)

Il-plastik, l-iskart tal-ikel, il-materja prima kritika, il-kostruzzjoni u id-demolizzjoni, il-bijomassa u l-prodotti b’bażi bijoloġika

(73)

COM (2018) 772

(74)

COM (2018) 673 final

(75)

ĠU, L328, 21.12.2018, p 82. Id-Direttiva 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli

(76)

COM (2018) 773 final

(77)

COM (2017) 479 final, Ninvestu f’Industrija intelliġenti, innovattiva u sostenibbli Strateġija mġedda għall-Politika Industrijali tal-UE

(78)

COM (2015) 192 final, Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa