Strasburgu, 16.4.2019

COM(2019) 186 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

It-teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti fil-politika soċjali:










L-identifikazzjoni tal-oqsma għal bidla msaħħa għall-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata








































1.Introduzzjoni

Id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea hija mnaqqxa fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Hija tenfasizza l-objettiv tal-Unjoni li, fost l-oħrajn, tippromwovi l-benesseri tal-popli tagħha, taħdem favur żvilupp sostenibbli u ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, timmira għal livell massimu ta’ impjiegi u progress soċjali, tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

F’dan il-kuntest, ir-rwol tal-Unjoni huwa li tappoġġa u tikkumplimenta l-politiki soċjali tal-Istati Membri u tiżgura kundizzjonijiet ekwi, konverġenza ’l fuq fil-prestazzjoni tal-impjiegi u soċjali, u suq uniku u Unjoni Ekonomika u Monetarja li jiffunzjonaw sew. Il-leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE, il-koordinazzjoni tal-politika u l-finanzjament ġabu progress tanġibbli matul dawn l-aħħar 60 sena (ara l-Anness 1).

Fil-kuntest ta’ swieq tax-xogħol u ta’ soċjetajiet li qed jinbidlu, u opportunitajiet u sfidi ġodda li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni, mid-diġitalizzazzjoni, mill-mitigazzjoni u mill-adattament għat-tibdil fil-klima, mix-xejriet tax-xogħol li qed jinbidlu, mill-migrazzjoni u mit-tixjiħ tal-popolazzjoni, il-kwistjonijiet soċjali huma fost it-tħassib ewlieni taċ-ċittadini tal-UE. Bi tweġiba għal dan, il-Kummissjoni Ewropea ressqet aġenda komprensiva ta’ inizjattivi biex iġġedded u timmodernizza l-acquis soċjali tal-UE 1 .
Il-mexxejja tal-UE f’Marzu 2017 wiegħdu wkoll li jkomplu jaħdmu lejn Ewropa soċjali 2 .

Il-proklamazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali f’Novembru 2017 kienet pass kbir ’il quddiem. Propost mill-Kummissjoni u pproklamata flimkien mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 3 jipprevedi direzzjoni mġedda għall-indirizzar tal-isfidi attwali u futuri. Diġà ttieħdu diversi inizjattivi fil-livell tal-UE bħala segwitu għall-Pilastru u l-immodernizzar tad-drittijiet taċ-ċittadini f’dinja li qed tinbidel b’rata mgħaġġla 4 , li kkontribwew ukoll biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

Fi żminijiet ta’ bidla rapida u xi drabi ta’ tfixkil, huwa aktar importanti minn qatt qabel li l-UE, flimkien mal-Istati Membri, tkun tista’ tifformula reazzjonijiet ta’ politika effettivi b’mod rapidu. Dan jinvolvi t-teħid ta’ deċiżjonijiet effiċjenti fejn l-UE tista’ tagħti riżultati f’termini tal-appoġġ u tal-ikkomplementar tal-politiki nazzjonali; tindirizza l-isfidi emerġenti f'waqthom; tuża bl-aħjar użu mod l-opportunitajiet li jġibu magħhom dawn il-bidliet; tiddefendi l-interessi kollettivi tal-Unjoni; u tipproteġi ċ-ċittadini tal-UE.

Kif ħabbar il-President Juncker fid-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru 2018,
huwa opportun li jittieħed kont tal-qafas għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE stabbilit fit-Trattati għal oqsma ewlenin ta’ politika differenti, biex jiġi żgurat li l-UE tkun tista’ tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha u timmassimizza l-valur miżjud tagħhom.

Din il-Komunikazzjoni għalhekk hija parti minn dan l-impenn usa’ tal-Kummissjoni biex teżamina l-modi kif it-teħid ta’ deċiżjonijiet jista’ jsir aktar effiċjenti billi jiġu identifikati oqsma għall-użu mtejjeb tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata 5 u ssegwi fuq Komunikazzjonijiet preċedenti dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, 6 it-tassazzjoni, 7 u l-enerġija u l-klima 8 .

Huwa importanti li wieħed jinnota li, għal kważi tletin sena, il-maġġoranza l-kbira tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika soċjali ttieħdu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li permezz tagħha l-Kunsill (li jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata) u l-Parlament Ewropew jaġixxu bħala koleġiżlaturi fuq l-istess livell (ara t-taqsima hawn taħt). Il-formulazzjoni tal-politika tal-UE fl-affarijiet soċjali hija għalhekk differenti ħafna mill-oqsma l-oħra, b’mod partikolari, mit-tassazzjoni u mill-politika estera u ta’ sigurtà komuni, fejn l-unanimità għadha n-norma.

Speċifiċità oħra hija li l-Kummissjoni trid tikkonsulta is-sħab soċjali qabel ma tippreżenta proposti fil-qasam tal-politika soċjali. 9  Barra minn hekk is-sħab soċjali jistgħu jinnegozjaw ftehimiet li jistgħu jiġu implimentati jew b’mod awtonomu skont il-prattiki nazzjonali, jew jiġu implimentati fuq talba tagħhom fil-livell tal-UE permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill. 10  

2.Il-qafas attwali tal-UE għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-politika soċjali

L-acquis dwar il-politika soċjali fih 125 att legali li jkopru oqsma li jvarjaw mill-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, il-mobbiltà tal-ħaddiema, id-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati, il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, u l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema. Taħt il-Kummissjoni Juncker, s’issa tressqu 27 proposta għal atti legali dwar il-politika soċjali u ntlaħaq ftehim fuq 24 minnhom (ara l-Anness 2).

Il-biċċa l-kbira tal-acquis dwar il-politika soċjali ġie adottat permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Barra minn hekk, il-ftehimiet tas-sħab soċjali implimentati fil-livell tal-UE kellhom rwol sinifikanti fl-iżvilupp tal-acquis soċjali tal-UE. Il-leġiżlazzjoni ġiet adottata b’unanimità f’ċerti oqsma, pereżempju l-ewwel atti legali marbuta mal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali 11 , u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

Madankollu, għadd limitat ta’ oqsma tal-politika soċjali għadhom soġġetti għal votazzjoni b’unanimità fil-Kunsill u għall-proċedura leġiżlattiva speċjali, li fihom il-Parlament Ewropew ma għandux ir-rwol ta’ koleġiżlatur. Dawn huma:

·in-nondiskriminazzjoni (l-Artikolu 19(1) tat-TFUE);

·is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema (barra minn sitwazzjonijiet transfruntiera) (l-Artikolu 153(1)(c) tat-TFUE);

·il-protezzjoni tal-ħaddiema f’każ li jintemmilhom il-kuntratt tal-impjieg (l-Artikolu 153(1)(d) tat-TFUE);

·ir-rappreżentanza u d-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem (l-Artikolu 153(1)(f) tat-TFUE); u

·il-kundizzjonijiet ta’ impjieg għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-UE (l-Artikolu 153(1)(g) tat-TFUE).



Minbarra l-fatt li ċerti aspetti ta’ dawn l-oqsma ta’ politika jista’ jkollhom impatt fuq il-bilanċ finanzjarju tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali nazzjonali, ma hemm l-ebda loġika partikolari għaliex, wara reviżjonijiet suċċessivi fit-Trattati, dawn il-ftit oqsma għadhom soġġetti għal votazzjoni b’unanimità u għall-proċedura leġiżlattiva speċjali, b’mod partikolari meta mqabbla ma’ oqsma li diġà jaqgħu taħt votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata.



Graff 1: L-acquis dwar il-politika soċjali – il-votazzjoni b’unanimità u b’maġġoranza kwalifikata, murija b’eżempji ta’ atti legali eżistenti



3.Appoġġ għall-iżvilupp tal-politika soċjali tal-UE

a)Neliminaw il-lakuni ta’ protezzjoni

It-teħid tad-deċiżjonijiet ibbażat fuq l-unanimità minn naħa, u l-fatt li hemm votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u b’unanimità fl-istess qasam ta’ politika min-naħa l-oħra, wasslu għal nuqqas ta’ uniformità fl-iżvilupp tal-acquis dwar il-politika soċjali. Filwaqt li l-istandards ta’ protezzjoni huma ġeneralment għoljin, hemm lakuni li b’riżultat tagħhom xi gruppi mhumiex protetti bl-istess mod. Pereżempju:

·Jeżistu dispożizzjonijiet legali komprensivi tal-UE dwar l-opportunitajiet indaqs u t-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, u dwar it-trattament ugwali bbażat fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, iżda mhuwiex żgurat it-trattament ugwali fuq l-istess livell fir-rigward tar-reliġjon jew tat-twemmin, tad-diżabilità, tal-età u tal-orjentazzjoni sesswali; dan huwa eżempju ta’ qasam soġġett għall-unanimità fejn ir-regoli ma żviluppawx b’mod uniformi;

·Ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment huma ggarantiti trattament ugwali bħaċ-ċittadini tal-UE f’termini ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol (kif ukoll f’termini ta’ aċċess għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali, ir-rikonoxximent ta’ diplomi u kwalifiki professjonali oħra, is-sigurtà soċjali, u l-aċċess għall-merkanzija u s-servizzi), iżda ma hemmx rekwiżiti minimi vinkolanti tal-UE mfassla b’mod espliċitu għall-integrazzjoni effettiva tagħhom fis-suq tax-xogħol; dan huwa eżempju ta’ żewġ proċeduri fit-Trattat b’regoli ta’ votazzjoni differenti, li jikkonċernaw oqsma simili, jiġifieri l-immigrazzjoni legali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għal immigranti b’residenza legali;

·Il-ħaddiema għandhom jiġu infurmati u kkonsultati mill-maniġment qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet, b’mod partikolari fejn huma previsti r-ristrutturar, is-sensji kollettivi jew it-trasferimenti tal-impriżi, u fil-każ ta’ kumpaniji fuq skala tal-UE (permezz ta’ Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet), iżda (minbarra r-regoli dwar l-involviment tal-impjegati f’“soċjetà Ewropea”) 12 ma hemm l-ebda rekwiżit minimu komuni għar-rappreżentanza u għad-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem. Barra minn hekk, ma hemmx ħlief dispożizzjonijiet limitati dwar il-protezzjoni speċifika tal-ħaddiema individwali f’każ ta’ terminazzjoni tal-impjieg.

b)Inżommu l-pass mal-isfidi soċjali li qed jevolvu

L-UE u l-Istati Membri kollha tagħha qed jiffaċċjaw sfidi komuni fir-rigward tal-impatt ta’ teknoloġiji ġodda, taż-żieda tal-pressjonijiet kompetittivi fl-ekonomija globalizzata, tal-forom ġodda ta’ xogħol u tax-xejriet demografiċi (inkluż it-tixjiħ). Huwa importanti li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet li jġibu magħhom xi wħud minn dawn il-bidliet (pereżempju d-diġitalizzazzjoni). Is-salvagwardja tal-elementi fundamentali tal-mudell soċjali Ewropew għall-ġenerazzjonijiet futuri teħtieġ azzjoni f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, b’mod partikolari:

·l-iżgurar ta’ sistemi sostenibbli u adegwati ta’ pensjonijiet u ta’ kura fit-tul fir-rigward tat-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-bidla tat-tendenzi tal-ħajja privata u tal-familja;

·l-appoġġ għal karrieri itwal u aktar varjati, u għal tranżizzjonijiet dejjem aktar frekwenti bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

·iż-żieda fil-livell tal-ħiliet u l-għoti ta' opportunitajiet ta’ tagħlim rilevanti tul il-ħajja biex jiżguraw il-kompetittività tal-ekonomiji tagħna; u

·il-promozzjoni tal-benefiċċji ta’ soċjetajiet differenti, filwaqt li jiġu żgurati l-inklużjoni soċjali u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd.

Biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi li qed jevolvu, l-UE teħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet tal-UE b'mod rapidu, effiċjenti u flessibli, sabiex il-leġiżlazzjoni u l-istrumenti mhux vinkolanti, bħar-rakkomandazzjonijiet, ikunu jistgħu jlaħħqu mal-iżviluppi ekonomiċi u soċjali.

c)Trawwim ta’ kultura ta’ kompromess

Il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata hija bbażata fuq kultura ta’ kompromess u tippermetti diskussjoni u riżultati prammatiċi li jirriflettu l-interessi tal-Unjoni kollha kemm hi. It-teħid ta’ deċiżjonijiet flessibbli, effiċjenti u rapidu ppermetta lill-UE ssir referenza globali u tistabbilixxi standards f’oqsma ta’ politika bħas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-prospett ta’ vot b’maġġoranza kwalifikata jista’ jkun katalizzatur b’saħħtu li jinvolvi l-atturi kollha fit-tfittxija għal kompromess u riżultat aċċettabbli għal kulħadd.

Il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata tmur lil hinn mir-regola ta’ maġġoranza sempliċi li teħtieġ li jintlaħqu aktar minn 50 % tal-voti mitfugħa. Billi l-astensjonijiet ma jingħaddux bħala voti favur, il-kisba ta’ maġġoranza teħtieġ li l-Istati Membri jiddikkjaraw lilhom infushom espliċitament favur proposta u jivvutaw b’mod pożittiv. Biex tintlaħaq maġġoranza kwalifikata, għandhom jiġu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet:

   55 % tal-Istati Membri jivvutaw favur; u

   il-proposta tiġi appoġġata mill-Istati Membri b’rappreżentanza ta’ mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni totali tal-UE.

Il-votazzjoni b’unanimità ma tipprevedix dawn l-inċentivi, peress li l-karatteristika ewlenija tagħha hija li, fil-fatt, kull Stat Membru għandu veto. Dan iżid ir-riskju ta’ tnaqqis kbir fir-ritmu tal-proċess tat-tfassil tal-liġijiet. Pereżempju, id-Direttiva proposta fl-2005 biex jiġu protetti d-drittijiet tal-pensjonijiet supplimentari tal-ħaddiema mobbli ġiet imblukkata għal sitt snin fil-Kunsill. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-2009, ir-regola tal-votazzjoni nbidlet għal maġġoranza kwalifikata u l-proposta ġiet sussegwentement adottata fl-2014 13 , u b’hekk sar possibbli li jiġu protetti aħjar il-ħaddiema li jiċċaqilqu fl-UE.

d)Involviment akbar tal-Parlament Ewropew

Il-proċeduri leġiżlattivi speċjali, kif japplikaw fl-oqsma tal-politika soċjali li għadhom soġġetti għall-votazzjoni b’unanimità, ma jagħtux lill-Parlament Ewropew rwol ekwu u prominenti fir-rwol tat-teħid tad-deċiżjonijiet; il-Parlament Ewropew ta’ spiss jintuża biss għal skopijiet ta’ konsulenza.

Madankollu, wieħed jista’ jargumenta b’mod ġenerali li l-Parlament Ewropew ikollu vuċi akbar, speċjalment fil-qasam tal-politika soċjali. Il-membri tal-Parlament Ewropew jirrappreżentaw liċ-ċittadini li qed jibbenefikaw b’mod dirett mill-politika soċjali tal-UE u li jenħtieġ li jkollhom sehem fil-formulazzjoni tiegħu permezz tar-rappreżentanti eletti tagħhom.

Bidla għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, fejn il-Parlament isir koleġiżlatur f’livell ugwali mal-Kunsill, tippermetti lir-rappreżentanti taċ-ċittadini jagħtu kontribut sħiħ fit-tiswir tal-politika soċjali tal-UE.

4.Għażliet attwali għal bidla minn votazzjoni b’unanimità għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata

Skont it-Trattati tal-UE, fil-politika soċjali japplikaw żewġ klawsoli “passerelle”:

-klawsola speċifika għall-politika soċjali (l-Artikolu 153(2) tat-TFUE, l-aħħar subparagrafu); u

-klawsola ġenerali (l-Artikolu 48(7) tat-TUE) .

Hemm differenzi proċedurali importanti bejn dawn iż-żewġ klawsoli.

Il-klawsoli “Passerelle”

L-Artikolu 48(7) tat-TUE jipprevedi klawsola “passerelle” ġenerali . Din tippermetti li l-miżuri fil-qasam jew fil-każ ikkonċernat, soġġetti sa dak iż-żmien għall-votazzjoni b’unanimità, sussegwentement jiġu adottati mill-Kunsill b’maġġoranza kwalifikata, jew, fil-każ ta’ proċeduri leġiżlattivi speċjali, li jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Sabiex din il-klawsola tiġi attivata, irid jieħu l-inizjattiva l-Kunsill Ewropew, billi jindika l-ambitu tal-bidla maħsuba fil-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u jinnotifikah lill-parlamenti nazzjonali. Jekk ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni minn parlament nazzjonali fi żmien sitt xhur, il-Kunsill Ewropew jista’, b’unanimità u wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jadotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kunsill jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata jew jippermetti l-adozzjoni tal-atti rilevanti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Il-klawsola “passerelle” ġenerali tagħti l-għażla li tiddaħħal il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata filwaqt li tibqa’ taħt il-proċedura leġiżlattiva speċjali. Din tagħti wkoll il-possibbiltà ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja – b’poteri ta’ kodeċiżjoni għall-Parlament Ewropew.

L-Artikolu 153(2) tat-TFUE, l-aħħar subparagrafu, fih klawsola “passerelle ” speċifika għall-miżuri ta’ politika soċjali li bħalissa huma soġġetti għal votazzjoni b’unanimità u għal proċedura leġiżlattiva speċjali, fl-oqsma koperti mill-Artikolu 153(1)(d), (f) u (g) tat-TFUE. Dan huwa rilevanti għal miżuri li jappoġġaw u jikkumplimentaw l-attivitajiet tal-Istati Membri fl-oqsma li ġejjin:

-il-protezzjoni tal-ħaddiema f’każ li jintemmilhom il-kuntratt tal-impjieg (sensji);

-ir-rappreżentanza u d-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem; u

-il-kundizzjonijiet ta’ impjieg għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fit-territorju tal-Unjoni.

Kull bidla għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja f’dawn l-oqsma hija soġġetta għal ftehim unanimu fil-Kunsill, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

It-Trattati jipprevedu mezz ieħor biex tingħeleb sitwazzjoni fejn deċiżjoni tiġi mblukkata minn Stat Membru wieħed jew aktar bl-użu tad-dritt tal-veto tagħhom. Il-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa 14 tippermetti li grupp magħmul minn disa’ Stati Membri jew aktar jipproċedu b’proposta meta jkun impossibbli li jintlaħaq ftehim unanimu fil-Kunsill. Stati Membri oħra tal-UE xorta jkollhom id-dritt li jissieħbu fl-inizjattiva fi stadju aktar tard. Skont din il-proċedura, l-Artikolu 333 tat-TFUE jipprevedi wkoll klawsola “passarelle” speċifika li tippermetti lill-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa speċifika jiddeċiedu li jipproċedu b’maġġoranza kwalifikata u/jew bil-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Madankollu, fil-qasam tal-politika soċjali l-kooperazzjoni msaħħa mhijiex soluzzjoni għall-problemi usa’ fl-UE kollha, peress li toħloq riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq uniku, toħloq Ewropa fuq żewġ livelli u toħloq differenzi fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-UE skont l-Istati Membri fejn jgħixu. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 326 tat-TFUE jispeċifika li l-kooperazzjoni msaħħa ma għandhiex ixxekkel is-suq intern jew il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Ma għandhiex tkun ta’ ostakolu jew ta’ diskriminazzjoni għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, u lanqas ma għandha tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni bejniethom. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-politika soċjali. L-alternattiva li tintuża l-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa għalhekk tidher li mhijiex sodisfaċenti għal proposti li jiżguraw l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali, li jenħtieġ li japplikaw għall-individwi kollha fl-Istati Membri kollha tal-UE. Diġà fl-2014, l-idea li tintuża kooperazzjoni msaħħa għall-proposta orizzontali għal Direttiva dwar it-trattament ugwali 15 ġiet rrifjutata b’mod qawwi fil-Kunsill.

L-attivazzjoni tal-klawsoli “passerelle” sabiex issir il-bidla għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata ma għandhiex dawn l-iżvantaġġi, peress li l-klawsoli jippermettu lill-UE timxi ’l quddiem bħala entità waħda, u b’hekk tinżamm l-integrità tas-suq uniku u tad-dimensjoni soċjali tal-UE. Barra minn hekk, filwaqt li jitbiddel il-metodu ta’ votazzjoni u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-qafas legali ġenerali għall-azzjoni tal-UE jibqa’ l-istess; b’mod partikolari:

I.L-azzjoni tal-Unjoni tkompli tiffoka fuq oqsma fejn l-objettivi ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, b’rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx jeċċedu dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati;

II.Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-UE ma jinbidlux. L-Artikolu 153 tat-TFUE jipprevedi sensiela ta’ kriterji li jeħtieġ li jiġu ssodisfati mill-miżuri tal-UE fil-qasam tal-politika soċjali; pereżempju, id-direttivi jistgħu jipprevedu rekwiżiti minimi biss, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet u r-regoli tekniċi f’kull Stat Membru u jridu jevitaw piż żejjed fuq l-SMEs. Il-miżuri tal-UE jistgħu ma jaffettwawx id-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom u ma għandhomx jaffettwaw b’mod sinifikanti l-ekwilibriju finanzjarju tagħhom. Il-miżuri tal-UE ma għandhom ifixklu lil ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi aktar stretti. L-Artikolu 153(5) tat-TFUE jeskludi wkoll kwalunkwe miżura fir-rigward tal-pagi, id-dritt ta’ assoċjazzjoni, id-dritt ta’ strajk jew id-dritt li jiġu imposti l-lockouts. L-Artikolu 151 tat-TFUE jirrikjedi li l-miżuri tal-UE jqisu d-diversi forom ta’ prattiki nazzjonali;

III.Ir-rwol tas-sħab soċjali fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni dwar il-politika soċjali se jibqa’ l-istess. Kif meħtieġ mill-Artikolu 154 tat-TFUE, il-Kummissjoni se tkompli twettaq konsultazzjoni f’żewġ stadji tas-sħab soċjali qabel ma tippreżenta proposti futuri fil-qasam tal-politika soċjali. Hija għandha tikkonsulta mas-sħab soċjali dwar id-direzzjoni possibbli tal-azzjoni tal-UE u dwar il-kontenut tal-proposta prevista. Huwa importanti li wieħed jinnota li, sa fejn tkun tapplika l-maġġoranza kwalifikata fl-oqsma kkonċernati mill-Artikolu 153 tat-TFUE, tapplika wkoll għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet tas-sħab soċjali permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill taħt l-Artikolu 155 tat-TFUE;

IV.Ir-regolamentazzjoni aħjar tibqa’ fil-qalba tat-tfassil tal-politika tal-UE: kwalunkwe proposta għandha titħejja f’konformità mal-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar. Dawn jiżguraw li l-politika u t-tfassil tal-liġijiet tal-UE jkunu miftuħa u trasparenti, mirfuda minn evidenza u fehim tal-impatti fuq iċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi. Iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati jistgħu jikkontribwixxu matul il-proċess kollu; u

V.Il-bidla għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata hija deċiżjoni kompletament fil-kontroll tal-Istati Membri. Biex jiġu attivati l-klawsoli “passerelle” trid tittieħed deċiżjoni unanima min-naħa tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill. Barra minn hekk, taħt il-klawsola ġenerali (l-Artikolu 48(7) tat-TUE), il-bidla għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata jew għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja għandha tiġi appoġġata mill-parlamenti nazzjonali kollha u l-Parlament Ewropew irid jagħti l-kunsens tiegħu.

5.Analiżi ta’ oqsma ta’ politika speċifiċi li għadhom soġġetti għal votazzjoni b’unanimità

L-għan ta’ din it-Taqsima huwa li tivvaluta l-każ li jintużaw il-klawsoli “passerelle” fil-qasam soċjali. Din l-analiżi ssir każ b'każ għall-ħames oqsma identifikati fit-Taqsima 2 li għadhom soġġetti għall-votazzjoni b’unanimità u għall-proċeduri leġiżlattivi speċjali.

a)    In-nondiskriminazzjoni

L-azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kienet soġġetta għal ftehim unanimu sa mill-introduzzjoni tagħha fit-Trattat ta’ Amsterdam fl-1997. Madankollu, it-Trattat ta’ Nizza introduċa l-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fir-rigward tad-definizzjoni tal-prinċipji bażiċi tal-miżuri ta’ inċentiv tal-Unjoni, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali, biex jappoġġa l-azzjoni tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni 16 .

Il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE 17 (adottata b’unanimità) tipprevedi għal livelli varji ta’ protezzjoni skont ir-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni. Id-Direttivi tal-UE jipprevedu livell ta’ protezzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u r-razza fl-impjieg, fix-xogħol u f’firxa ta’ oqsma oħra. Madankollu, it-trattament ugwali fuq raġunijiet ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età u orjentazzjoni sesswali huwa protett biss fir-rigward tal-impjieg u tax-xogħol. Il-ħtieġa għall-votazzjoni b’unanimità fil-Kunsill f’dan il-qasam wasslet għal qafas legali inkonsistenti u impatt inkoerenti tal-liġi tal-Unjoni fuq ħajjet in-nies, b’xi nies li qed jiġu protetti aħjar minn oħrajn 18 .

L-ugwaljanza hija waħda mill-valuri fundamentali tal-UE. Fl-UE ma hemmx post għad-diskriminazzjoni 19 . F’Marzu 2017, il-mexxejja tal-UE wiegħdu fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma li jaħdmu lejn Unjoni li tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, li tipprovdi drittijiet u opportunitajiet indaqs għal kulħadd, u li tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni. L-Istati Membri u l-Kummissjoni ffirmaw l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li tinvolvi li jiġu eliminati l-liġijiet, il-politiki u l-prattiki diskriminatorji, u li tiġi promossa l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni, tal-politiki u tal-miżuri xierqa 20 . 

Studju tal-2018 mill-Parlament Ewropew 21 enfasizza l-kobor tal-impatti negattivi li l-lakuni u l-ostakoli fil-leġiżlazzjoni u fl-azzjonijiet tal-UE għandhom fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-individwi, u fuq is-soċjetà (f’termini ta’ PDG, dħul mit-taxxa u koeżjoni soċjali). In-nuqqas ta’ regoli komuni tal-UE għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-merkanzija u għas-servizzi jdgħajjef il-kundizzjonijiet ekwi li huma essenzjali għal suq uniku effettiv u ġust. Jenħtieġ li l-individwi u n-negozji jkollhom aċċess mingħajr xkiel għall-erba’ libertajiet fundamentali taħt l-istess kundizzjonijiet.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE tirrikjedi li kull Stat Membru jistabbilixxi korpi għall-promozzjoni tat-trattament ugwali 22 . Dawn il-korpi ta’ ugwaljanza jkollhom il-mandat li joffru assistenza indipendenti lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni, iwettqu stħarriġiet u jippubblikaw rapporti dwar kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni, iżda fir-rigward biss ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika u s-sess. Minħabba l-limitazzjonijiet legali, il-Kummissjoni ħarġet biss linji gwida mhux vinkolanti fir-rigward tal-operat tagħhom 23 . L-assistenza lill-vittmi u attivitajiet oħra għall-promozzjoni tattrattament ugwali għalhekk ivarjaw bejn l-Istati Membri u r-raġunijiet għall-protezzjoni huma differenti.

Fil-futur qrib jista’ jiġi kkunsidrat l-użu tal-klawsola “passerelle” sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ protezzjoni ugwali kontra d-diskriminazzjoni, b’mekkaniżmi effettivi ta’ rimedju għal kulħadd.

In-nondiskriminazzjoni: fatti u ċifri

·Stħarriġ tal-Ewrobarometru 24 juri li 12 % tan-nies fl-UE jqisu lilhom infushom bħala parti minn grupp f’riskju ta’ diskriminazzjoni. Madwar wieħed minn kull ħames rispondenti rrapporta esperjenza personali ta’ diskriminazzjoni jew fastidju matul it-12-il xahar preċedenti. Id-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini etnika hija meqjusa bħala l-aktar forma mifruxa ta’ diskriminazzjoni, segwita mid-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà u l-età.

·Għall-individwi konċernati, kull ċaħda ta’ drittijiet minħabba diskriminazzjoni tista’ twassal għal dannu materjali u/jew mhux materjali, eż. telf ta’ dħul u/jew saħħa aktar batuta. Għas-soċjetà, id-diskriminazzjoni jista’ jkollha impatt negattiv fuq il-PDG, fuq id-dħul mit-taxxa kif ukoll fuq il-koeżjoni soċjali 25 .

b)    Is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema (barra minn sitwazzjonijiet transfruntiera)

L-UE tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fir-rigward tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema 26 . Dan il-qasam ilu soġġett għal votazzjoni b’unanimità taħt il-proċedura leġiżlattiva speċjali mill-introduzzjoni ta’ dawn is-setgħat fit-Trattat ta’ Maastricht fl-1992.

Ir-rekwiżit għall-unanimità f’dan il-qasam huwa marbut mal-fatt li s-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali huma integrati sew fil-mudelli ekonomiċi, u tat-taxxa u fil-mudelli ta’ ridistribuzzjoni tad-dħul fil-pajjiżi. Is-sistemi jvarjaw ħafna fl-UE kollha, b’differenzi fid-daqs tal-baġit u fil-mod kif inhu allokat, fis-sors ta’ finanzjament, fil-grad ta’ kopertura tar-riskji fil-popolazzjoni u fir-rwol tas-sħab soċjali.

Fl-istess ħin, hekk kif is-swieq tax-xogħol jevolvu, is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jeħtieġu riforma fil-livell nazzjonali biex jiżguraw li l-mudell soċjali tagħna jiġi mmodernizzat biex jibqa’ adattat għall-għan, li ħadd ma jitħalla lura u li n-nies u n-negozji fl-UE jagħmlu l-aħjar użu mid-dinja tax-xogħol li qed tinbidel. Il-bidliet demografiċi, bħat-tixjiħ tal-popolazzjoni, ir-rati tat-twelid aktar baxxi u l-istennija tal-għomor itwal, se jkomplu jaffettwaw il-kapaċità tal-Istati Membri li jiggarantixxu protezzjoni soċjali adegwata. Il-kontribuzzjonijiet minn popolazzjonijiet tal-età tax-xogħol se jonqsu, u b’hekk qed tinħoloq il-ħtieġa li jitfittxu sorsi ta’ finanzjament għal sistemi ta’ protezzjoni soċjali minbarra dawk marbuta mal-ħaddiema. L-emerġenza ta’ varjetà ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg, aggravata mill-bidliet teknoloġiċi u mill-pjattaformi diġitali, diġà ħolqot lakuni fil-kopertura tal-protezzjoni soċjali. U d-dinja tax-xogħol futura se teħtieġ investimenti kbar fit-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, li għalihom illum is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali nazzjonali mhumiex qed jipprovdu biżżejjed.

Bil-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li jservu bħala kumpass, il-Kummissjoni s’issa pproponiet li tiffoka l-miżuri fil-livell tal-UE fuq il-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet, bħar-Rakkomandazzjoni dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet maqbula politikament mill-Kunsill f’Diċembru 2018 b’unanimità u qed tistenna l-adozzjoni finali. Ladarba tiġi adottata, ir-Rakkomandazzjoni se tibda tiġi implimentata u se jkun meħtieġ li jiġi vvalutat l-impatt tagħha fuq il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali.

Jekk il-Kunsill Ewropew juża l-klawsola “passerelle” fl-Artikolu 48(7) tat- TUE u jagħmel il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata applikabbli fil-qasam jew fil-każ ikkonċernat, imbagħad il-Kunsill ikun jista’ jaġixxi permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u ma jibqax jaġixxi b’unanimità meta jadotta rakkomandazzjonijiet f’dak il-qasam jew il-każ, abbażi tal-Artikolu 292 tat-TFUE. Bidla għal maġġoranza kwalifikata tiffavorixxi l-ftehim dwar tali rakkomandazzjonijiet u tippermetti għalhekk li jiġi ggwidat u appoġġat il-proċess ta’ konverġenza lejn sistemi ta’ protezzjoni soċjali adatti għas-seklu 21.

Barra minn hekk, il-miżuri tal-UE għandhom jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà u jqisu d-differenzi kbar bejn is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-Artikolu 153(4) tat-TFUE jiggarantixxi lill-Istati Membri d-dritt li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom u li l-ekwilibriju finanzjarju tagħhom ma jiġix affettwat b’mod sinifikanti.

Għalhekk, biex jiġi appoġġat il-proċess ta’ modernizzazzjoni u ta' konverġenza tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, l-użu tal-klawsola “passerelle” jista’ jitqies fil-futur fil-qrib biex jiġu adottati rakkomandazzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema.

c)    Il-kundizzjonijiet ta’ impjieg għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fit-territorju tal-Unjoni

Diversi Direttivi tal-UE dwar il-migrazzjoni legali jirregolaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza, u d-drittijiet ta’ kategoriji differenti taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bħal pereżempju, studenti, riċerkaturi, ħaddiema staġjonali u ħaddiema bi trasferiment intraazjendali 27 . Dawn id-Direttivi ġew adottati skont l-Artikolu 79(2) tat-TFUE abbażi ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, b’setgħat ta’ kodeċiżjoni għall-Parlament Ewropew. 

L-għan ta’ dawn ir-regoli huwa li jipprovdu trattament ġust liċ-ċittadini tal-UE f’diversi aspetti, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ impjieg (bħas-salarju, il-kwalifiki professjonali, eċċ.). Fl-istess ħin, l-acquis estensiv tal-UE dwar l-impjiegi u l-qasam soċjali 28 , b’mod partikolari biex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, japplika għall-ħaddiema kollha koperti mil-liġi nazzjonali dwar l-impjiegi fi Stat Membru, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom.

Barra minn hekk, abbażi tad-dispożizzjonijiet differenti tat-Trattat li huma soġġetti għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, l-Unjoni adottat rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri ta’ attivazzjoni għal dawk li għandhom diffikultajiet fis-suq tax-xogħol. Pereżempju, l-UE diġà pprovdiet gwida fil-forma tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ 29 ; ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol 30 ; u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet 31 . Dawn ir-rakkomandazzjonijiet japplikaw ukoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment u jirrikonoxxu li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma fost il-gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol u li jeħtieġu appoġġ personalizzat. Dawn ir-Rakkomandazzjonijiet qed jiġu implimentati u l-impatt tagħhom, inkluż fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment, għad irid jiġi vvalutat.

B’riżultat ta’ dan, il-kamp ta’ applikazzjoni potenzjali tal-Artikolu 153(1)(g) tat-TFUE, li jippermetti lill-Unjoni tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri li jaġixxu fil-qasam dwar il-kundizzjonijiet ta’ impjieg taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment abbażi tal-unanimità, jidher li huwa pjuttost limitat.

Fid-dawl tal-leġiżlazzjoni eżistenti kemm skont l-acquis dwar il-migrazzjoni u dak soċjali kif ukoll skont ir-rakkomandazzjonijiet eżistenti, attwalment jidher li f’dan il-qasam ma hemm l-ebda valur miżjud sinifikanti għall-użu tal-klawsola “passerelle”.

d)    Il-protezzjoni tal-ħaddiema f’każ li jintemmilhom il-kuntratt tal-impjieg

Il-protezzjoni tal-ħaddiema f’każ li jintemmilhom il-kuntratt tal-impjieg (sensja) tinsab fil-qalba tal-liġi nazzjonali tax-xogħol. Din hija marbuta mill-qrib mas-sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni soċjali u mal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, inkluż ir-rwol tas-sħab soċjali u t-tradizzjonijiet ta’ negozjar kollettiv. It-tul u l-livell tal-benefiċċji tal-qgħad, il-livell tar-regolamentazzjoni tal-kuntratti tax-xogħol u l-proċessi ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji jvarjaw bejn l-Istati Membri.

Fil-livell tal-UE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 32 jiddeskrivu l-prinċipji orizzontali li jkopru l-protezzjoni kontra s-sensji. Huwa fil-livell nazzjonali li l-oqfsa ta’ protezzjoni komprensiva jistabbilixxu l-istandards minimi ta’ protezzjoni kontra s-sensji għall-ħaddiema individwali. Il-liġijiet nazzjonali qegħdin apposta biex iqisu l-ispeċifiċitajiet tad-diversi sistemi ta’ protezzjoni nazzjonali, inklużi l-kunsiderazzjonijiet fiskali.

Il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE toffri miżuri mmirati biex jipproteġu lill-ħaddiema l-aktar vulnerabbli kontra s-sensji. Dawn jinkludu l-protezzjoni tan-nisa kontra s-sensja matul it-tqala. Id-Direttiva dwar ix-Xogħol Part-time 33 , id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 34 u d-Direttiva dwar it-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom 35 jipprovdu wkoll protezzjoni kontra s-sensja u trattament sfavorevoli. Id-Direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol Trasparenti u prevedibbli 36 tiżgura li l-ħaddiema jkollhom id-dritt li jiġu infurmati dwar it-tul tal-perjodu ta’ avviż u tipprojbixxi s-sensji abbażi ta’ ħaddiema li jeżerċitaw id-drittijiet ta’ informazzjoni tagħhom. Barra dan, id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata 37 tipprojbixxi s-sensji abbażi tal-fatt li l-ħaddiem ikun applika għal-liv tal-paternità, tal-ġenituri jew tal-persuni li jindukraw u l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli.

Ir-rabtiet b’saħħithom mas-sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni soċjali u mal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol u d-diversità bejniethom, u l-ħtieġa li jiġu rispettati forom differenti ta’ prattiki nazzjonali u mudelli ta’ djalogu soċjali huma argumenti b’saħħithom biex f’dan il-qasam tinżamm il-votazzjoni b’unanimità fil-Kunsill. Barra minn hekk, kif imsemmi hawn fuq, uħud mid-Direttivi adottati reċentement, se jiġu implimentati biss wara perjodu tranżitorju, għalhekk għadu kmieni wisq biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni tagħhom f’dan il-qasam. Attwalment jidher li ma hemm l-ebda każ ċar għall-użu tal-klawsola “passerelle”.

e)    Ir-rappreżentanza u d-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem

Fir-rigward tar-rappreżentanza u d-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem, inkluża l-kodeterminazzjoni, hemm prinċipji ġenerali b’saħħithom li jirriżultaw mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 38 . Fl-istess ħin, is-setgħat tal-UE f’dan il-qasam huma pjuttost ristretti bit-Trattat li speċifikament jeskludi miżuri dwar id-dritt ta’ assoċjazzjoni, id-dritt ta’ strajk u d-dritt li jiġi impost lock-out. 39 Barra minn hekk, ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni speċifika fil-livell tal-UE li tirregola din il-kwistjoni b’mod komprensiv 40 . 

Ir-regoli u t-tradizzjonijiet dwar ir-rappreżentanza u d-difiża kollettiva jvarjaw ħafna fil-livell nazzjonali. Hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fil-livell ta’ rappreżentanza tas-sħab soċjali, l-involviment ġenerali tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-prevalenza u ċ-ċentralizzazzjoni tan-negozjar kollettiv. Barra minn hekk, 18-il Stat Membru għandhom mudelli ta’ rappreżentanza tal-ħaddiema fil-bordijiet tal-kumpaniji u dawn ivarjaw ħafna minn xulxin.

Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li tappoġġa l-bini tal-kapaċità tas-sħab soċjali, f’konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta bejn erba’ partijiet tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni u s-sħab soċjali Ewropej dwar “A new start for Social Dialogue” 41 .

Il-Kummissjoni laqgħet il-programm ta’ ħidma 2019-2021 awtonomu maqbul mas-sħab soċjali minn diversi industriji tal-UE fis-6 ta’ Frar 2019 42 , li huwa xhieda tar-rieda b’saħħitha tagħhom li jippromovu soluzzjonijiet għal Ewropa ġusta, kompetittiva u sostenibbli.

Ir-rabtiet b’saħħithom mar-regoli u t-tradizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tar-rappreżentanza u d-difiża kollettiva u d-diversità bejniethom, huma argumenti b’saħħithom biex f’dan il-qasam tinżamm il-votazzjoni b’unanimità fil-Kunsill. Attwalment jidher li ma hemm l-ebda każ ċar għall-użu tal-klawsola “passerelle”.

6.Konklużjonijiet u l-passi li jmiss

Fil-qasam soċjali, l-UE diġà għandha proċessi effettivi, f’waqthom u flessibbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet li jippermettu li twettaq l-għanijiet tagħha ta’ promozzjoni tal-benesseri taċ-ċittadini tagħha, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, impjiegi għal kulħadd u progress soċjali u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u li twieġeb għall-isfidi tal-futur tax-xogħol fid-dawl tat-tendenzi globali, bħad-diġitalizzazzjoni, it-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-migrazzjoni.

Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni:

·Għal dawk l-oqsma li għadhom irregolati bl-unanimità, il-bidla għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata jew għal proċedura leġiżlattiva ordinarja tista’ ċertament twassal biex it-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE jsir aktar f’waqtu, flessibbli u effiċjenti. Din kieku trawwem kultura ta’ kompromess u tagħmilha aktar faċli biex jittieħdu deċiżjonijiet li jwieġbu għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini u tal-ekonomija kollha fl-UE, u b’hekk tiżgura suq uniku ġust;

·Madankollu, qed jiġi ġġustifikat l-approċċ selettiv u fuq bażi ta’ każ b’każ għall-użu tal-klawsoli “passerelle” fit-Trattati. Mhux l-oqsma kollha tal-politika soċjali li għadhom soġġetti għall-unanimità u l-proċeduri leġiżlattivi speċjali huma daqstant essenzjali biex titjieb il-kapaċità ta’ azzjoni tal-Unjoni;

·Mill-perspettiva tal-Kummissjoni, ikun importanti li jiġi kkunsidrat l-użu tal-klawsola “passerelle” ġenerali biex jiġi ffaċilitat it-teħid tad-deċiżjonijiet dwar in-nondiskriminazzjoni u li fil-futur qrib jiġu adottati rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema. Għall-oqsma l-oħra (kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment; sensji; u r-rappreżentanza u d-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem) attwalment jidher li ma hemm l-ebda każ ċar għall-użu tal-klawsola “passerelle” rilevanti, iżda l-Kummissjoni tibqa’ lesta li teżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni fil-futur;

·L-attivazzjoni tal-klawsola “passerelle” fl-oqsma tan-nondiskriminazzjoni u tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema tirrikjedi li l-Kunsill Ewropew jieħu deċiżjoni f’dan ir-rigward skont il-proċedura tal-Artikolu 48(7) tat-TUE, kif deskritt fit-Taqsima 4 ta’ din il-Komunikazzjoni.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jinvolvu ruħhom f’dibattitu miftuħ dwar l-użu mtejjeb tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata jew tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja fil-politika soċjali abbażi ta’ din il-Komunikazzjoni.

***

(1)      Għal aktar informazzjoni ara https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/social_priorities_juncker_commission_en.pdf u fl-Anness 2.
(2)

     Id-Dikjarazzjoni tal-mexxejja tas-27 Stat Membru u tal-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (Ruma, il-25 ta’ Marzu 2017):    
http://europa.eu/rapid/press-release_STATEMENT-17-767_mt.htm

(3)      Il-Pilastru kien ipproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir li sar f’Gothenburg (Novembru 2017): https://ec.europa.eu/commission/priorities/deeper-and-fairer-economic-and-monetary-union/european-pillar-social-rights_mt  
(4)

     Ara l-Anness 2 għal ħarsa ġenerali lejn l-inizjattivi adottati fil-qasam soċjali taħt il-Kummissjoni Juncker.

(5)

     Ara d-diskors tal-President Juncker dwar “L-Istat tal-Unjoni” tat-12 ta’ Settembru 2018 u l-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2019 (COM (2018) 800 final).

(6)      COM(2018) 647 final.
(7)      COM(2019) 8 final.
(8)      COM(2019)177.
(9)      L-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jipprevedi proċedura ta’ konsultazzjoni obbligatorja f’żewġ stadji: fl-ewwel stadju l-Kummissjoni tikkonsulta mas-sħab soċjali dwar id-direzzjoni possibbli ta’ inizjattiva, filwaqt li fit-tieni stadju tikkonsultahom dwar il-kontenut tal-inizjattiva prevista. Matul iż-żewġ stadji, is-sħab soċjali jistgħu jinfurmaw lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jibdew proċess ta’ negozjati għal ftehim bejn is-sħab soċjali f’dan il-qasam. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tissospendi l-inizjattiva tagħha għat-tul tan-negozjati. Jekk dawn jiġu konklużi b’suċċess, is-sħab soċjali jistgħu jitolbu li l-ftehim tagħhom jiġi implimentat permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ ftehim ta’ sieħeb soċjali wara t-tieni stadju tal-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tressaq proposta.
(10)      L-Artikolu 155 tat-TFUE.
(11)

     Bit-Trattat ta’ Lisbona fl-2009, il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema skont l-Artikolu 48 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE) saret soġġetta għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, minflok għal votazzjoni b’unanimità. Ara l-Anness 1 għal ħarsa ġenerali lejn l-evoluzzjoni tal-acquis dwar il-politika soċjali tal-UE. Din il-bidla kienet akkumpanjata mill-introduzzjoni ta’ klawsola ta’ “brejk ta’ emerġenza” skont l-Artikolu 48 tat-TFUE, fejn membru tal-Kunsill jista’ jiddikjara li abbozz ta’ att leġiżlattiv dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jaffettwa aspetti importanti tas-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu (inkluż l-ambitu, l-ispiża jew l-istruttura finanzjarja tagħha) jew il-bilanċ finanzjarju tas-sistema, u jitlob li l-kwistjoni tiġi riferuta lill-Kunsill Ewropew; il-proċedura leġiżlattiva ordinarja hija mbagħad sospiża. Fi żmien erba’ xhur, wara diskussjoni, il-Kunsill Ewropew jew jirreferi l-abbozz lura lill-Kunsill, li jtemm is-sospensjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jew ma jieħu l-ebda azzjoni, jew jitlob lill-Kummissjoni tissottometti proposta ġdida (f’dan il-każ l-att propost oriġinarjament jitqies li ma ġiex adottat).

(12)      Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema, u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta’ Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati.
(13)      Id-Direttiva 2014/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar ir-rekwiżiti minimi sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor permezz ta’ titjib fil-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari.
(14)      L-Artikolu 20 tat-TUE u l-Artikoli 326-334 tat-TFUE.
(15) Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni, irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, KUMM(2008) 426 finali, 2.7.2008.
(16)      L-Artikolu 19(2) tat-TFUE.
(17)      Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi; id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità; u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol.Strumenti oħra ġew adottati b’votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata minħabba li kienu bbażati fuq dispożizzjoni differenti fit-Trattat, iżda jikkonċernaw oqsma simili: Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol; u d-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE.
(18)

     Il-proposta tal-2008 għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, KUMM(2008) 426 finali, li tindirizza dan it-tħassib u testendi l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ reliġjon jew twemmin, età, diżabbiltà u orjentazzjoni sesswali f’oqsma oħra għajr l-impjieg, hija mblukkata fil-Kunsill.

(19)    L-Artikolu 2 tat-TUE u l-Artikolu 8 tat-TFUE b’mod partikolari.
(20)

     Waħda mill-miri skont l-għan 10 (it-tnaqqis tal-inugwaljanza fi ħdan u fost il-pajjiżi) hija li jiġu żgurati l-opportunitajiet indaqs u jitnaqqsu l-inugwaljanzi tal-eżiti.    
Il-Mira 10.2: Sal-2030, tingħata s-setgħa u tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, ekonomika u politika għal kulħadd, irrispettivament mill-età, is-sess, id-diżabilità, ir-razza, l-etniċità, l-oriġini, ir-reliġjon jew l-istat ekonomiku jew stat ieħor; u    
Il-Mira 10.3: Jiġu żgurati opportunitajiet indaqs u jnaqqsu l-inugwaljanzi tal-eżiti, inkluż billi jiġu eliminati liġijiet, politiki u prattiki diskriminatorji u jiġu promossi l-leġiżlazzjoni, il-politiki u l-miżuri xierqa f’dan ir-rigward.

(21)      European Parliamentary Research Service, Equality and the fight against racism and xenophobia (Cost of nonEurope report (PE 615.660, Marzu 2018);    
  http://www.europarl.europa.eu/thinktank/mt/document.html?reference=EPRS_STU(2018)615660
(22)      L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/43/KE, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2010/41/UE, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/113/KE u l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE.
(23)

     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2018) 3850 final tat-22 ta’ Ġunju 2018 dwar l-istandards għall-korpi tal-ugwaljanza; [traduzzjoni mhux uffiċjali]    
https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/2_en_act_part1_v4.pdf .

(24)

     Ewrobarometru 437, Id-Diskriminazzjoni fl-UE fl-2015.

(25)       Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 21. 
(26)      Dan huwa previst fl-Artikolu 153(1)(c) tat-TFUE, filwaqt li skont l-Artikolu 48 tat-TFUE, l-UE għandha s-setgħa li tadotta miżuri fil-qasam tas-sigurtà soċjali li huma meħtieġa biex jipprovdu l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema. Dawn il-miżuri huma soġġetti għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, u għalhekk mhumiex qed jiġu diskussi f’din il-Komunikazzjoni.
(27)       L-acquis dwar il-migrazzjoni legali jinkludi:
(28)

     Pereżempju dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema (id-Direttiva Qafas 89/391/KEE u 25 direttiva relatata) u dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol: Id-Direttiva 91/533/KEE (Dikjarazzjoni bil-miktub); Id-Direttiva 94/33/KE (Iż-Żgħażagħ fuq ix-Xogħol); Id-Direttiva 2008/104/KE (Ix-Xogħol Temporanju); Id-Direttiva 2008/94/KE (il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom); Id-Direttiva 1997/81/KE (Ix-xogħol part-time); Id-Direttiva 1999/70/KE (Ix-xogħol għal żmien fiss); 2002/14/KE (Id-Direttiva dwar l-Informazzjoni u l-Konsultazzjoni); Id-Direttiva 2003/88/KE (Il-ħin tax-xogħol).

(29)      Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (2013/C 120/01).
(30)      Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol (2016/C 67/01).
(31)      Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti (2016/C484/01).
(32)      Il-prinċipju 7(b) tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistipula li “qabel kwalunkwe sensja, il-ħaddiema għandhom id-dritt li jiġu infurmati bir-raġunijiet u li jingħataw perjodu ta’ avviż raġonevoli. Huma għandhom id-dritt għall-aċċess għal riżoluzzjoni ta’ tilwim effettiva u imparzjali u, f’każ ta’ sensja mhux ġustifikata, dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat”.
(33)      Id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-ĊEEP u mill-ETUC.
(34)

     Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid).

(35)      Id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE.
(36)       COM (2017) 797 .
(37)       COM (2017) 253 .
(38)      Il-Prinċipju 8 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistipula li “Is-sħab soċjali għandhom jiġu kkonsultati dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali skont il-prattiki nazzjonali. Dawn għandhom ikunu mħeġġa jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fi kwistjonijiet rilevanti għalihom, filwaqt li jirrispettaw l-awtonomija u d-dritt tagħhom għal azzjoni kollettiva. Fejn xieraq, il-ftehimiet konklużi bejn is-sħab soċjali għandhom jiġu implimentati fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom id-dritt li jiġu infurmati u kkonsultati fi żmien xieraq dwar kwistjonijiet rilevanti għalihom, b’mod partikolari dwar it-trasferiment, ir-ristrutturar u l-fużjoni ta’ impriżi u dwar sensji kollettivi. Għandu jiġi mħeġġeġ l-appoġġ għal żieda fil-kapaċità tas-sħab soċjali biex jippromwovu d-djalogu soċjali.”
(39)      Ara l-Artikolu 153(5) tat-TFUE li jistipula li l-Artikolu 153 tat-TFUE ma japplikax għall-pagi, għad-dritt ta’ assoċjazzjoni, għad-dritt ta’ strajk jew għad-dritt li jiġi impost lock-out.
(40)      Aspetti tar-rappreżentanza u d-difiża kollettiva huma ttrattati – sa ċertu punt – skont strumenti speċifiċi bħad-Direttiva 2009/38/KE dwar il-Kunsill tax-xogħlijiet Ewropew, id-Direttiva 2001/23/KE dwar it-trasferiment ta’ impriżi, id-Direttiva 2001/86/KE li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema, id-Direttiva 2003/72/KE dwar l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati f’Soċjetà Kooperattiva Ewropea u d-Direttiva (UE) 2017/1132 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji.
(41)

     “A new start for Social Dialogue” - Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Sħab Soċjali Ewropej, is-16 ta’ Ġunju 2016; http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=15738&langId=mt

(42)

     Id-Djalogu Soċjali Ewropew: programm ta’ ħidma 2019-2021 (ta’ KETU, BusinessEurope, CEEP u SMEunited); https://www.businesseurope.eu/publications/european-social-dialogue-work-programme-2019-2021


Strasburgu, 16.4.2019

COM(2019) 186 final

ANNESSI

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti fil-politika soċjali:

L-identifikazzjoni tal-oqsma għal bidla msaħħa għall-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata


Anness 1:    Ħarsa ġenerali storika

It-Trattati tal-UE jagħtu lill-UE missjoni soċjali. Dan kien il-każ sa mill-bidu nett, għalkemm l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni speċifika tal-UE kien gradwali: il-politika soċjali f’sens wiesa’ bdiet bħala mezz biex tiżgura l-integrazzjoni tas-suq u żviluppat b’mod li twassal għal riżultati soċjali li huma għanijiet fihom infushom. Fis-60 sena tal-integrazzjoni Ewropea, il-politika soċjali saret dejjem aktar ċentrali għall-UE, kif jidher f’kull reviżjoni tat-Trattati.

Taħt it-Trattat ta’ Ruma (1957), il-parti l-kbira tas-setgħat tal-politika soċjali baqgħet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-azzjoni Komunitarja, li kienet limitata għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri b’appoġġ mill-Fond Soċjali Ewropew. Il-Kummissjoni setgħet toħroġ opinjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. It-Trattat stabilixxa l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema u obbligu li jiġu adottati miżuri għall-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. F’dawn l-oqsma, id-deċiżjonijiet ittieħdu b’unanimità fil-Kunsill bl-ebda rwol għall-Parlament.

Il-politika soċjali żviluppat bl-Att Uniku Ewropew fl-1986, meta nħolqot il-possibbiltà li jiġu adottati rekwiżiti minimi dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, bil-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata f’kooperazzjoni mal-Parlament.

L-oqsma għall-azzjoni tal-UE fil-politika soċjali ġew estiżi fil-Protokoll Soċjali tat-Trattat ta’ Maastricht tal-1992 u minn dakinhar baqgħu sostanzjalment l-istess. Il-Protokoll Soċjali ppreveda l-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għal:

-il-kundizzjonijiet tax-xogħol;

-l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema;

-l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa; u

-l-integrazzjoni tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol.

Dan ippreveda li l-Kunsill jivvota b’unanimità dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw:

-is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema;

-is-sensji;

-ir-rappreżentanza u d-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiema u tal-impjegaturi, inkluża l-kodeterminazzjoni; u

-il-kundizzjonijiet ta’ impjieg għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-UE.

F’dawn l-oqsma tal-aħħar, il-Parlament kellu jiġi kkonsultat (din issa saret il-proċedura leġiżlattiva speċjali). Dan eskluda speċifikament:

-il-pagi;

-id-dritt ta’ assoċjazzjoni;

-id-dritt ta’ strajk; u

-id-dritt li jiġi impost lock-out.

Il-Protokoll ġie integrat fit-Trattat ta’ Amsterdam fl-1997, li wassal biex id-dispożizzjonijiet ikunu applikabbli għall-Istati Membri kollha u jifforma l-bażi għat-Titolu X attwali tat-TFUE. Dan ħoloq bażi ġuridika ġdida għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, li għadha qatt ma nbidlet: L-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (l-Artikolu 19(1) tat-TFUE attwali) jistipula li l-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament, jista’ jieħu l-azzjoni xierqa sabiex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-diżabilità jew it-tendenzi sesswali.

Fl-2011 it-Trattat ta’ Nizza daħħal żewġ oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni fl-Artikolu 137 tiegħu (li issa jinsabu fil-punti (j) u (k) tal-Artikolu 153(1) tat-TFUE) li jagħtu s-setgħa lill-Unjoni biex tappoġġa u tikkumplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri fl-oqsma ta’:

-il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali; u

-il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali.

Dan it-Trattat ma pprevediex is-setgħa li jiġu adottati direttivi li jistabbilixxu l-istandards minimi f’dawn l-oqsma 1 . Barra minn hekk, lanqas ma biddel l-ebda rekwiżit eżistenti ta’ unanimità fil-qasam tal-politika soċjali, iżda daħħal il-klawsola “passerelle” speċifika (issa fl-Artikolu 153(2) tat-TFUE).

It-Trattat ta’ Lisbona (li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009) stabilixxa għan għall-Unjoni li tikseb ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna. L-adozzjoni ta’ miżuri dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (l-Artikolu 48 tat-TFUE) saret soġġetta għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, aktar milli għall-votazzjoni b’unanimità.

Ir-rekwiżiti għall-unanimità u l-konsultazzjoni tal-Parlament inżammu fl-oqsma li ġejjin (issa koperti fl-Artikolu 153(1)(c), (d), (f) u (g) u l-Artikolu 19 tat-TFUE):

-is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema (minbarra s-sitwazzjonijiet transfruntiera);

-is-sensji;

-ir-rappreżentanza u d-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiema u tal-impjegaturi, inkluża l-kodeterminazzjoni;

-il-kundizzjonijiet ta’ impjieg għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-UE; u

-il-miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

Fl-istess ħin, il-klawsola “passerelle” ġenerali ġiet introdotta fl-Artikolu 48(7) tat-TUE u b’hekk inħolqot il-possibbiltà li ssir bidla minn votazzjoni b’unanimità għal maġġoranza kwalifikata jew minn proċedura leġiżlattiva speċjali għal ordinarja f’oqsma li mhumiex soġġetti għall-klawsola “passerelle” speċifika, bħan-nondiskriminazzjoni u s-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema.



Anness 2:    Atti legali proposti fil-qasam soċjali, 2014-2019

Din il-Kummissjoni għamlet 27 proposta legali biex timmodernizza l-ekonomija soċjali tas-suq tal-UE u biex tikseb il-klassifikazzjoni soċjali “AAA” għall-Ewropa. Intlaħaq ftehim fuq 24 proposta filwaqt li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet dwar it-tlieta l-oħra.

Nru

Titolu mqassar

Pubblikazzjoni

1

Ir-Regolament (UE) 2015/779 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 fir-rigward ta’ ammont ta’ prefinanzjament inizjali addizzjonali mħallas għal programmi operazzjonali appoġġati mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

ĠU L 126 , 21.5.2015, p. 1

2

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol

ĠU C 67 , 20.2.2016, p. 1

3

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1848 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri għall-2015

ĠU L 268 , 15.10.2015, p. 28

4

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1838 dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri għall-2016

ĠU L 280 , 18.10.2016, p. 30

5

Id-Direttiva (UE) 2017/2398 li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol

ĠU L 345 , 27.12.2017, p. 87

6

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istabbiliment ta’ Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja

ĠU C 189 , 15.6.2017, p. 15

7

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti

ĠU C 484 , 24.12.2016, p. 1

8

Id-Direttiva (UE) 2017/159 li timplimenta l-Ftehim li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol konkluż fil-21 ta’ Mejju 2012 bejn il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) u l-Assoċjazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd fl-Unjoni Ewropea (Europêche)

ĠU L 25 , 31.1.2017, p. 12

9

Id-Direttiva (UE) 2018/957 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi

ĠU L 173 , 9.7.2018, p. 16

10

Ir-Regolament (UE) 2017/2305 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward it-tibdil fir-riżorsi għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u fir-riżorsi għall-investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi u l-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea

ĠU L 335 , 15.12.2017, p. 1

11

Id-Direttiva (UE) 2018/131 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) biex tiġi emendata d-Direttiva 2009/13/KE skont l-emendi tal-2014 tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, kif approvati mill-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol fil-11 ta’ Ġunju 2014

ĠU L 22 , 26.1.2018, p. 28

12

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi

ĠU C 153 , 2.5.2018, p. 1

13

Id-Deċiżjoni (UE) 2018/646 dwar qafas komuni għall-għoti ta’ servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass) u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE

ĠU L 112 , 2.5.2018, p. 42

14

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1215 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

ĠU L 224 , 5.9.2018, p. 4

15

Ir-Regolament (UE) 2019/128 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75

ĠU L 30 , 31.1.2019, p. 90

16

Ir-Regolament (UE) 2019/127 li jistabbilixxi l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75

ĠU L 30 , 31.1.2019, p. 74

17

Ir-Regolament (UE) 2019/126 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 2062/94

ĠU L 30 , 31.1.2019, p. 58

18

Id-Direttiva (UE) 2019/130 li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Batch II)

ĠU L 30 , 31.1.2019, p. 112

19

Il-Proposta għal Direttiva dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi

COM (2015) 615  

20

Il-Proċedura għal Regolament li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004

COM (2016) 815

21

Il-Proposta għal Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE

COM (2017) 253

22

Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea

COM (2017) 797

23

Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol

COM (2018) 131

24

Il-Proposta għal Rakkomandazzjoni dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom

COM (2018) 132

25

Il-Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Batch III)

COM (2018) 171

26

Il-Proposta għal Regolament dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG)

COM (2018) 380

27

Il-Proposta għal Regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+)

COM (2018) 382

(1)      Il-qasam tas-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema (l-Artikolu 153(1)(c) tat-TFUE) jirkeb fuq il-qasam tal-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali (l-Artikolu 153(1)(k) tat-TFUE). F’dawn il-każijiet, il-punt (k) jipprevedi regola ta’ prijorità li hija mingħajr preġudizzju għall-punt (c).