Brussell, 16.4.2019

COM(2019) 183 final

ANNESSI

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

RAPPORT ANNWALI TAL-2017 DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT (KE) NRU 300/2008 DWAR REGOLI KOMUNI FIL-QASAM TAS-SIGURTÀ TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI


Anness 1

Spezzjonijiet tal-Kummissjoni sal-31.12.2017 tal-awtoritajiet xierqa u tal-ajruporti (spezzjonijiet inizjali u ta’ segwitu)

Stat

Numru ta’ spezzjonijiet fil-perjodu
01/2017-12/2017

Għadd totali ta’ spezzjonijiet mill-2004

L-Awstrija

2

16

Il-Belġju

1

18

Il-Bulgarija

1

13

Il-Kroazja

0

6

Ċipru

1

10

Ir-Repubblika Ċeka

1

12

Id-Danimarka

1

17

L-Estonja

0

8

Il-Finlandja

1

15

Franza

2

29

Il-Ġermanja

2

30

Il-Greċja

2

21

L-Ungerija

0

10

L-Irlanda

1

16

L-Italja

3

28

Il-Latvja

1

9

Il-Litwanja

1

9

Il-Lussemburgu

1

10

Malta

0

7

In-Netherlands

0

15

Il-Polonja

1

17

Il-Portugall

0

17

Ir-Rumanija

2

11

Ir-Repubblika Slovakka

0

9

Is-Slovenja

0

8

Spanja

3

28

L-Iżvezja

1

19

Ir-Renju Unit

2

30

Membru li mhux fl-UE: L-Iżvizzera

1

11

TOTAL

31

449



Spezzjonijiet tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA sal-31.12.2017 tal-awtoritajiet xierqa u tal-ajruporti (spezzjonijiet inizjali u ta’ segwitu)

Stat

Għadd ta’ spezzjonijiet fil-perjodu 01/2017-12/2017

Għadd totali ta’ spezzjonijiet mill-2004

L-Iżlanda

1

14

In-Norveġja

2

52

TOTAL

3

66



Anness 2

Leġiżlazzjoni supplimentari adottata matul l-2017:

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/815 tat-12 ta’ Mejju 2017 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 fir-rigward ta’ kjarifika u simplifikazzjoni ta’ ċerti miżuri speċifiċi tas-sigurtà tal-avjazzjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE), ĠU L 122, 13.5.2017, p. 1-68.

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/837 tas-17 ta' Mejju 2017 li jikkoreġi l-verżjonijiet tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni bl-Iżvediż u bil-Pollakk (Test b'rilevanza għaż-ŻEE); ĠU L 125, 18.5.2017, p. 3-4.

Id-Deċiżjoni C(2017) 3030 tal-15.5.2017 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2015) 8005 fir-rigward ta’ kjarifika u simplifikazzjoni ta’ ċerti miżuri speċifiċi tas-sigurtà tal-avjazzjoni.


Brussell, 16.4.2019

COM(2019) 183 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

RAPPORT ANNWALI TAL-2017 DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT (KE) NRU 300/2008 DWAR REGOLI KOMUNI FIL-QASAM TAS-SIGURTÀ TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI


Dan ir-rapport ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2017

INTRODUZZJONI

Fl-2017 reġa’ tqajjem tħassib relatat mat-theddida globali li joħolqu l-apparati esplożivi improvviżati (IEDs) moħbija b'mod maħsub f'apparati elettroniċi mbagħbsa. Il-gvernijiet tal-Istati Uniti u tar-Renju Unit ipprojbixxew l-apparati elettroniċi personali kollha li huma ta’ daqs akbar mit-telefowns ċellulari mill-kabini tat-titjiriet mill-ajruporti li jinsabu f'xi pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq. Il-kooperazzjoni mill-qrib li ilha teżisti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, ibbażata fuq ir-rikonoxximent tal-miżuri rispettivi tas-sigurtà tal-avjazzjoni, ippermettiet li dak it-tħassib dwar is-sigurtà jiġi indirizzat b'miżuri mmirati li ma kinux jeħtieġu estensjoni globali tal-projbizzjoni ta’ tali apparati, inkluż abbord inġenji tal-ajru li jitilqu mill-Ewropa.

Il-Kummissjoni kompliet bl-isforzi tagħha biex ittejjeb is-sigurtà tal-avjazzjoni fid-dinja kollha, permezz tal-kooperazzjoni dejjiema tagħha mal-ICAO u permezz tal-proġett tal-bini tal-kapaċitajiet tagħha CASE għall-Afrika u l-Lvant Nofsani.

Iċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni taż-żoni pubbliċi tal-ajruporti baqgħu prijorità.

Bħal fis-snin ta’ qabel, il-Kummissjoni kompliet tiċċara, tarmonizza u tissimplifika l-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni f’konformità mal-objettivi ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-UE.

Ix-xogħol ta' tħejjija li wassal għal Ftehim ġdid ta' Punt Uniku ta' Sigurtà ma' Singapore għall-benefiċċju kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-industrija tal-avjazzjoni tlesta, biex b'hekk setgħet isseħħ adozzjoni formali fil-bidu tal-2018.

L-EWWEL PARTI

Spezzjonijiet

1.Ġenerali

Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili għandu l-għan li jipprevjeni l-interferenza illegali mal-inġenji tal-ajru ċivili biex jipproteġi lill-persuni u lill-merkanzija.

Fil-livell tal-Unjoni, l-implimentazzjoni tar-regoli dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni hi bbażata fuq sistema b’żewġ saffi ta’ monitoraġġ tal-konformità, jiġifieri l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni kkomplementati mill-valutazzjoni tar-rapporti annwali tal-Istati Membri fuq l-attivitajiet nazzjonali ta’ monitoraġġ (awditi tas-sigurtà, spezzjonijiet u testijiet) imwettqa minn kull Stat Membru.

L-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 jeħtieġ li l-Kummissjoni twettaq spezzjonijiet, inklużi spezzjonijiet ta’ ajruporti, ta’ operaturi u ta’ entitajiet li japplikaw l-istandards tas-sigurtà tal-avjazzjoni, biex tissorvelja l-applikazzjoni tar-Regolament mill-Istati Membri u, kif xieraq, biex tagħmel rakkomandazzjonijiet għat-titjib tas-sigurtà tal-avjazzjoni. L-Iżvizzera hi inkluża wkoll fil-programm tal-Unjoni, filwaqt li n-Norveġja u l-Iżlanda jiġu spezzjonati mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (ESA) skont dispożizzjonijiet paralleli.

Biex twettaq ix-xogħol tagħha ta’ spezzjoni fl-2017, il-Kummissjoni kellha tim ta’ seba’ spetturi tas-sigurtà tal-avjazzjoni full-time. Ix-xogħol ta’ spezzjoni jitwettaq minn grupp ta’ madwar 100 awditur nazzjonali maħtura mill-Istati Membri, mill-Iżlanda, min-Norveġja u mill-Iżvizzera, li jikkwalifikaw għall-parteċipazzjoni fi spezzjonijiet tal-Kummissjoni permezz ta’ taħriġ ipprovdut minnha; mill-2016 1 , l-ispetturi mill-Awtorità ta' Sorveljanza (ESA) tal-EFTA u mill-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili (ECAC) bdew jieħdu sehem f’dan il-proċess b’mod indaqs bħala spetturi kkwalifikati bis-sħiħ; In-numru sinifikanti ta’ awdituri nazzjonali li jieħdu sehem fl-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni jiżgura sistema ta' reviżjoni bejn il-pari u jippermetti t-tifrix tal-metodoloġiji u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri. Fl-Anness 1 hemm mehmuża ċart li tiġbor fil-qosor l-attivitajiet kollha ta’ monitoraġġ tal-konformità li saru mill-Kummissjoni u mill-ESA fl-2017.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 72/2010, kif emendat, jistabbilixxi l-proċeduri biex jitwettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni. Hu jinkludi fost l-oħrajn dispożizzjonijiet għall-kwalifikazzjoni u għas-setgħat tal-ispetturi tal-Kummissjoni u għat-twettiq ta’ spezzjonijiet ta’ segwitu.

Il-metodoloġija użata għat-twettiq ta’ dawn l-ispezzjonijiet ġiet żviluppata f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-Istati Membri u hi bbażata fuq l-eżaminazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri ta’ sigurtà. Biex tinterpreta r-rekwiżiti u l-proċeduri għat-twettiq tal-ispezzjonijiet b’mod armonizzat, l-unità tas-sigurtà tad-DĠ MOVE tfassal u żżomm manwali għal spezzjonijiet ta’ ajruporti u ta’ merkanzija. Dawn il-manwali fihom ukoll pariri u gwida dettaljati dwar il-miżuri ta’ sigurtà tal-avjazzjoni kollha meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Barra minn hekk, fihom ukoll dettalji dwar l-aspetti organizzazzjonali u prattiċi kollha tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-manwali huma informazzjoni klassifikata tal-UE u huma disponibbli biss għall-ispetturi tal-Kummissjoni u għall-awtorità xierqa ta’ kull Stat Membru.

Il-Kummissjoni twettaq spezzjonijiet tal-amministrazzjonijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni (l-“awtoritajiet xierqa”) tal-Istati Membri u spezzjonijiet ta’ numru limitat ta’ ajruporti, ta’ operaturi u ta’ entitajiet li japplikaw standards tas-sigurtà tal-avjazzjoni. L-ispezzjonijiet tal-awtoritajiet xierqa għandhom l-għan li jivverifikaw jekk l-Istati Membri għandhomx l-għodod neċessarji – inkluż programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità, is-setgħat neċessarji u r-riżorsi xierqa – biex ikunu jistgħu jimplimentaw b’mod adegwat il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni. L-ispezzjonijiet tal-ajruporti għandhom l-għan li jivverifikaw jekk l-awtorità xierqa tissorveljax b’mod adegwat l-implimentazzjoni effettiva tal-miżura ta' sigurtà tal-avjazzjoni u hix kapaċi tindividwa nuqqasijiet potenzjali minnufih u tikkoreġihom. Fiż-żewġ każijiet, kwalunkwe nuqqas identifikat mill-ispetturi tal-Kummissjoni jrid jiġi kkoreġut fi ħdan perjodu ta’ żmien stabbilit; ir-rapporti tal-ispezzjonijiet jinqasmu fost l-Istati Membri kollha.

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-ispezzjonijiet saru skont il-pjan ta’ spezzjonijiet oriġinarjament previst, erba’ spezzjonijiet ġew skedati mill-ġdid minħabba raġunijiet ġustifikati differenti.

Bl-għan li tipprovdi lill-Istati Membri bil-feedback mill-ispezzjonijiet, li tippromwovi t-trasparenza u tarmonizza l-metodoloġiji ta’ monitoraġġ tal-konformità, f’Marzu l-Kummissjoni organizzat grupp ta’ ħidma dwar l-ispezzjonijiet mal-kapijiet tad-dipartimenti tal-kontroll tal-kwalità tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili tal-Istati Membri.

1.1 Monitoraġġ tal-konformità pluriennali tal-Kummissjoni

Biex il-Kummissjoni tiġi pprovduta b’garanziji adegwati dwar il-livell ta’ konformità tal-Istati Membri, jintuża approċċ ta’ monitoraġġ pluriennali. B'hekk, l-evidenza tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 u l-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni tiegħu minn kull Stat Membru tinkiseb f’ċiklu ta’ sentejn, jew permezz ta’ spezzjoni tal-awtorità xierqa tiegħu jew permezz ta’ spezzjoni ta’ mill-inqas wieħed mill-ajruporti tiegħu. Barra minn hekk, l-evidenza tal-applikazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni tinkiseb f’ċiklu ta’ ħames snin permezz ta’ għażla mhux prevedibbli ta’ mill-inqas 15 % tal-ajruporti kollha tal-UE li jaqgħu taħt ir-Regolament (UE) Nru 300/2008, inkluż l-ikbar ajruport f’termini ta’ volumi ta’ passiġġieri f’kull Stat Membru.

Skont ir-rekwiżiti tar-Regolament qafas, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja għall-monitoraġġ tal-konformità tal-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni fost l-ajruporti, it-trasportaturi tal-ajru u l-entitajiet responsabbli għas-sigurtà. L-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni f’ajruporti magħżula jikkostitwixxu indikatur b’saħħtu tal-livell ġenerali ta’ konformità f’kull Stat Membru.

Il-frekwenzi u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni huma stabbiliti fl-istrateġija tad-DĠ MOVE għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istandards tal-UE dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni. Din tqis id-daqs tal-avjazzjoni ta’ kull Stat Membru, kampjun rappreżentattiv tat-tip ta’ operazzjonijiet tal-ajruporti, l-istandards ta’ implimentazzjoni tar-regolamenti dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni, ir-riżultati tal-ispezzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, il-valutazzjonijiet tar-rapporti tal-kontroll tal-kwalità annwali nazzjonali, l-inċidenti tas-sigurtà (atti ta’ interferenza mhux skont il-liġi), il-livelli ta’ theddida u fatturi u valutazzjonijiet oħra li jaffettwaw il-frekwenza tal-monitoraġġ.

Mill-2010 ’l hawn, ir-rata ta’ konformità 2 identifikata matul l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni hi ta’ madwar 80 % (2010:80 %, 2011:80 %, 2012: 83 %, 2013: 80 %; 2014: 81 %, 2015: 80 %, 2016: 79 %, 2017: 81 %); madankollu, iċ-ċifra relattivament stabbli ma tfissirx li l-Istati Membri ma żidux l-isforzi tagħhom; għall-kuntrarju, l-isforzi tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni żdiedu b’mod sinifikanti, għaliex matul is-snin ir-rekwiżiti żdiedu wkoll, b’mod partikolari f’oqsma bħas-sigurtà tal-merkanzija, l-iskrinjar tal-likwidi u tal-ġellijiet jew l-użu ta’ detezzjoni ta’ traċċi ta' esplożivi.

2.Spezzjonijiet tal-awtoritajiet xierqa nazzjonali

Fl-2017 il-Kummissjoni kompliet il-ħames ċiklu tagħha ta’ spezzjonijiet tal-awtoritajiet xierqa. B’kollox, matul is-sena ġew spezzjonati disa’ awtoritajiet xierqa. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, dawn l-ispezzjonijiet urew titjib sinifikanti meta mqabbla mal-ispezzjonijiet tal-passat.

L-iktar nuqqasijiet misjuba ta’ spiss fl-2017 kienu relatati ma’ nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Kontroll tal-Kwalità. Ġew identifikati diffikultajiet biex jiġi żgurat li l-ajruporti, it-trasportaturi tal-ajru u l-entitajiet regolati b’responsabbiltajiet ta’ sigurtà jaġġornaw u jżommu l-programmi tas-sigurtà konformi mar-regolamenti u d-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, xi Stati Membri ma mmonitorjawx bir-regolarità mistennija t-trasportaturi tal-ajru barranin u ma applikawx bis-sħiħ uħud mill-metodoloġiji ta’ monitoraġġ tal-konformità meħtieġa mir-Regolament. Dan kien ir-riżultat ta’ riżorsi limitati u ta’ numru ikbar ta’ entitajiet ikkonċernati. Madankollu, il-maġġoranza tal-Istati Membri spezzjonati allinjaw il-Programmi tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Nazzjonali mal-leġiżlazzjoni tal-UE, implimentaw ħafna mir-rekwiżiti relatati mat-taħriġ fis-sigurtà, issodisfaw il-frekwenza minima għall-ispezzjonar tal-miżuri ta’ sigurtà fl-ajruporti u żguraw li n-nuqqasijiet identifikati jiġu kkoreġuti fi ħdan il-perjodi ta’ żmien stabbiliti.

3.Spezzjonijiet inizjali fl-ajruporti

Matul l-2017 twettqu tmienja u għoxrin spezzjoni inizjali tal-ajruporti. Il-kapitoli kollha kienu koperti f’konformità mal-oqsma applikabbli tas-sigurtà f’kull ajruport. Fl-2017, il-perċentwal totali tal-miżuri ewlenin li nstabu li kienu konformi kien ta’ 81 %, bejn wieħed u ieħor fl-istess livell bħas-snin preċedenti 3 .

Wara t-tmien sena tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, ir-riżultati tal-ispezzjonijiet jirriflettu l-isforzi li saru mill-awtoritajiet xierqa u mill-industrija. Il-maġġoranza tar-rekwiżiti dwar is-sigurtà li jirriżultaw minn din il-leġiżlazzjoni ambizzjuża ġew implimentati kif suppost; il-livell ta’ konformità għall-iktar oqsma importanti tas-sigurtà tal-avjazzjoni baqa’ stabbli f’livell ta’ madwar 80 %. Madankollu, l-effettività tal-implimentazzjoni ta’ wħud mill-miżuri fadlilha x’titjieb.

Il-biċċa l-kbira tan-nuqqasijiet li nstabu komplew jirriżultaw minn kwistjonijiet marbuta ma' fatturi umani. Dawn seħħew l-iktar fl-implimentazzjoni prattika ta’ ċerti oqsma fejn ir-rekwiżiti legali huma ġodda jew inbidlu b’mod sinifikanti reċentement. B’mod partikolari, uħud mid-dispożizzjonijiet relatati mal-kontroll tal-aċċess, mal-iskrinjar tal-persunal u mal-iskrinjar tal-bagalji tal-kabina se jeħtieġu sforzi ssoktati mill-awtoritajiet xierqa, mill-partijiet ikkonċernati mill-industrija u mill-Kummissjoni. Qasam ieħor li fih kien hemm bżonn ta’ aktar sforzi hu dak tat-tfittxijiet ta’ sigurtà tal-inġenju tal-ajru. Dawn il-kwistjonijiet jenħtieġ li jiġu indirizzati billi jiżdiedu l-attivitajiet nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità fl-oqsma kkonċernati.

Wara r-riżultati relattivament tajbin miksuba fl-2015 u fl-2016, anke fl-2017 kien hemm livelli għoljin ta’ konformità b’rabta mal-iskrinjar tal-bagalji tal-istiva, tal-provvisti għal matul it-titjiriet, tat-taħriġ u tat-tagħmir tas-sigurtà minħabba ż-żieda ulterjuri tal-għarfien u l-esperjenza prattika miksuba bid-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni riveduta li tejbet iċ-ċarezza u l-konsistenza tal-miżuri.

4.Spezzjonijiet ta’ segwitu

F’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 72/2010, kif emendat, il-Kummissjoni twettaq b’mod regolari għadd limitat ta’ spezzjonijiet ta’ segwitu. Tali spezzjoni tiġi skedata meta jiġu identifikati diversi nuqqasijiet serji matul l-ispezzjoni inizjali, iżda anke fuq bażi aleatorja biex jiġi vverifikat li l-awtoritajiet xierqa għandhom is-setgħat meħtieġa biex jirrikjedu li kull nuqqas identifikat jiġi kkoreġut fi ħdan perjodi ta’ żmien stabbiliti. Matul l-2017 saru erba’ attivitajiet bħal dawn, li kkonfermaw ir-rettifika ta’ ħafna min-nuqqasijiet identifikati.

5.Valutazzjonijiet tar-Rapporti tal-Kontroll tal-Kwalità Annwali tal-Istati Membri

Il-punt 18 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 18/2010 tat-8 ta’ Jannar 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam ma’ speċifikazzjonijiet għall-programmi nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili jirrikjedi li l-Istati Membri jressqu rapport annwali lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament, kif ukoll dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-ajruporti li jinsabu fit-territorju tagħhom. Il-kontenut tar-rapport għandu jkun skont l-Appendiċi III permezz ta’ mudell fornut mill-Kummissjoni.

Il-valutazzjoni ta’ dawn ir-rapporti, apparti l-ispezzjonijiet regolari tal-Kummissjoni, tikkostitwixxi għodda biex il-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ miżuri nazzjonali robusti tal-kontroll tal-kwalità li jippermettu d-detezzjoni u l-korrezzjoni veloċi tan-nuqqasijiet f’kull Stat Membru.

Il-valutazzjoni tinkludi l-analiżi tal-monitoraġġ regolari tal-ajruporti, tat-trasportaturi tal-ajru u ta’ entitajiet oħra b’responsabbiltajiet fis-sigurtà tal-avjazzjoni, il-livelli ta’ monitoraġġ ta’ jiem tax-xogħol imqatta’ fuq il-post, l-ambitu u l-frekwenzi ta’ taħlita xierqa ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità, il-livelli nazzjonali ta’ konformità, l-attivitajiet ta’ segwitu u l-użu ta’ setgħat ta’ infurzar.

Ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-rapporti annwali mill-2017 urew titjib sinifikanti meta mqabbla mal-2016 fl-oqsma tal-monitoraġġ regolari, il-livelli ta’ monitoraġġ tal-jiem tax-xogħol imqattgħa fuq il-post u l-frekwenzi minimi. Jidher li oqsma bħall-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ u l-miżuri ta’ infurzar użati biex jiġi żgurat li n-nuqqasijiet identifikati jiġu kkoreġuti u ma jerġgħux jirrepetu ruħhom ġew implimentati sew peress li t-titjib ivverifikat fis-snin preċedenti kompla fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Madankollu, ir-rapporti wrew li l-Istati Membri għad għandhom diffikultajiet biex jimplimentaw l-ittestjar ta’ wħud mill-oqsma ta’ sigurtà li huma meħtieġa li jiġu koperti bir-Regolament.

Il-Kummissjoni bagħtet evalwazzjoni komprensiva individwali formali lil kull Stat Membru, li fiha enfasizzat in-nuqqasijiet u d-dgħufijiet, u talbet miżuri ta’ rettifika adegwati li jrid jissottometti l-Istat Membru. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni se tiġi segwita mill-qrib mill-Kummissjoni, u f’każ li Stat Membru jikkonferma l-eżistenza tan-nuqqasijiet jew id-dgħufijiet indikati u ma jipproponix miżuri ta’ rettifika xierqa, tittieħed azzjoni formali.

6.Valutazzjonijiet ta’ ajruporti ta’ pajjiżi terzi

Matul is-sena, saret valutazzjoni ta’ ajruport wieħed fl-Istati Uniti (l-ajruport internazzjonali Charlotte-Douglas) fil-qafas tal-Ftehim ta’ Ħidma mal-Amministrazzjoni tas-Sigurtà tat-Trasport tal-Istati Uniti tal-Amerka, li ġie stabbilit skont il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti 4 . Dawn il-valutazzjonijiet iseħħu b’mod regolari fil-kuntest tal-Punt Uniku ta’ Sigurtà u din il-valutazzjoni kkonfermat li l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà tal-Istati Uniti għadha ta’ standard ekwivalenti għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni.

Skont il-prinċipji inklużi fl-Istrateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa 2015, id-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport (DĠ MOVE), flimkien mal-Ministeru tat-Trasport ta’ Singapore (MOT), ħadmu intensament biex jiġi stabbilit Punt Uniku ta’ Sigurtà bejn l-UE u Singapore. Fil-kuntest li jiġi stabbilit jekk il-miżuri ta’ sigurtà tal-avjazzjoni tar-Repubblika ta’ Singapore humiex ekwivalenti għal dawk meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-UE, saret żjara ta’ valutazzjoni mit-tim ta’ spezzjoni tal-UE fl-ajruport Changi ta’ Singapore (Ottubru 2017). Il-formalizzazzjoni tal-OSS kellha ssir fil-bidu tal-2018.

7.Fajls miftuħa, każijiet tal-Artikolu 15 u proċedimenti legali

Kull fajl ta' spezzjoni jibqa’ miftuħ sakemm il-Kummissjoni tkun issodisfata li ġiet implimentata l-azzjoni ta’ rettifika xierqa. Għalhekk, id-durata ta’ fajl tiddependi fuq il-kooperazzjoni tajba tal-Istat Membru kkonċernat. Tnejn u tletin fajl ta’ spezzjoni (għoxrin fajl li jikkonċernaw spezzjonijiet ta’ ajruporti u tnax li jikkonċernaw spezzjonijiet ta’ awtoritajiet xierqa) jistgħu jingħalqu. B'kollox, fi tmiem is-sena l-fajls ta' spezzjoni li baqgħu miftuħa kienu relatati ma' għaxar awtoritajiet xierqa u ma' sbatax-il ajruport.

Jekk in-nuqqasijiet li jiġu identifikati fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà f’ajruport jitqiesu serji biżżejjed biex ikollhom impatt sinifikanti fuq il-livell globali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni, il-Kummissjoni tattiva l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 72/2010. Dan ifisser li l-awtoritajiet xierqa l-oħrajn kollha jiġu mwissija dwar is-sitwazzjoni, u li jkun meħtieġ li jiġu kkunsidrati miżuri ta' kumpens fir-rigward tat-titjiriet mill-ajruport inkwistjoni. Fl-2017 ma nfetaħ l-ebda każ skont l-Artikolu 15.

Irrispettivament minn jekk jiġix applikat jew le l-Artikolu 15, miżura oħra disponibbli, b’mod partikolari f’każijiet meta jkun hemm dewmien biex issir rettifika jew meta jerġgħu jseħħu n-nuqqasijiet, hija li jinbeda proċediment ta’ ksur mill-Kummissjoni. Fl-2017, infetħu proċeduri ta’ ksur kontra żewġ Stati Membri li inkriminaw il-fatti li l-programm nazzjonali tal-kontroll tal-kwalità ma kienx implimentat b'mod suffiċjenti u li l-verżjonijiet riveduti tal-programmi nazzjonali ta’ sigurtà u tal-kontroll tal-kwalità ma kinux adottati b’mod uffiċjali.

IT-TIENI PARTI

Il-Leġiżlazzjoni u l-għodod supplementari

1.Leġiżlazzjoni

L-avjazzjoni ċivili tibqa’ mira prinċipali għall-gruppi terroristiċi, u fil-ġlieda kontra din it-theddida jeħtieġ li tkun żgurata l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' protezzjoni proporzjonati u bbażati fuq ir-riskju. Għalhekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri qed jaġġustaw fuq bażi kostanti l-miżuri ta' mitigazzjoni sabiex jilħqu l-ogħla livell ta' sigurtà filwaqt li jnaqqsu l-effetti negattivi fuq l-operat.



F’Mejju 2017, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) 2017/815 tat-12 ta’ Mejju 2017 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 fir-rigward tal-kjarifika, l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni ta’ ċerti miżuri speċifiċi tas-sigurtà tal-avjazzjoni. Ġew introdotti dispożizzjonijiet ta’ sigurtà mhux pubbliċi bi ħtieġa ta’ tagħrif permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2017)3030 tal-15 ta’ Mejju 2017 li temenda d-Deċiżjoni C(2015)8005 fir-rigward tal-kjarifika, l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni ta’ ċerti miżuri speċifiċi tas-sigurtà tal-avjazzjoni.

Il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/837 tas-17 ta’ Mejju 2017 li jikkoreġi l-verżjonijiet lingwistiċi tal-Pollakk u l-Iżvediż tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni.

2.Il-bażi tad-data tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista (UDSCS)

Mill-1 ta’ Ġunju 2010, il-bażi tad-data tal-aġenti regolati u tal-konsenjaturi 5 magħrufa kienet l-unika għodda legali ewlenija użata mill-aġenti regolati għall-konsultazzjoni meta jaċċettaw konsenji mingħand aġent regolat ieħor jew mingħand konsenjatarju magħruf. Mill-1 ta’ Frar 2012, din ġiet estiża biex tinkludi l-lista tat-trasportaturi tal-ajru awtorizzati biex iġorru l-merkanzija u l-posta fl-UE minn ajruporti ta’ pajjiżi terzi (ACC3). Fl-2013, din il-bażi tad-data ġiet estiża legalment biex tinkludi wkoll il-lista ta’ validaturi tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE approvati mill-Istati Membri. Ingħatat ukoll l-isem ġdid “bażi tad-data tal-Unjoni ta’ aġenti regolati u konsenjatarji magħrufa” 6 biex tirrifletti aħjar il-kamp ta’ applikazzjoni estiż tal-użu tagħha. Fi tmiem l-2017, il-bażi tad-data kien fiha 14,000 rekord ta’ aġenti regolati, konsenjaturi magħrufa, validaturi indipendenti, linji tal-ajru ACC3, fornituri regolati, u aġenti regolati u konsenjaturi magħrufa minn pajjiżi terzi. Ir-rata tad-disponibbiltà fil-mira tagħha ta’ 99.5 % intlaħqet ukoll b’mod kontinwu fl-2017.

IT-TIELET PARTI

Provi, Studji u Inizjattivi Ġodda

1.Provi

“Prova” skont it-tifsira tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni, titwettaq meta jkun hemm qbil min-naħa ta’ Stat Membru mal-Kummissjoni li dan ikun se juża mezz jew metodu partikolari li mhuwiex rikonoxxut skont it-termini tal-leġiżlazzjoni biex jibdel wieħed mill-kontrolli ta’ sigurtà rikonoxxuti għal perjodu ta’ żmien limitat, bil-kundizzjoni li din il-prova ma jkollhiex impatt negattiv fuq il-livell globali tas-sigurtà. It-terminu, fit-tifsira legali, ma japplikax meta Stat Membru jew entità jwettqu evalwazzjoni ta' kontroll tas-sigurtà ġdid introdott b'mod parallel ma' wieħed jew aktar minn dawk diġà koperti mil-leġiżlazzjoni.

Matul l-2017, intemmu żewġ provi li twettqu fin-Netherlands u fi Franza. Dawn kienu jikkonċernaw l-użu ta’ tagħmir ta’ analiżi tal-aħħar ġenerazzjoni għall-bagalji tal-istiva li ma jeħtieġx it-tneħħija tal-laptops qabel l-analiżi u l-użu tat-tagħmir tal-iskrinjar taż-żraben li jidentifika kemm materjali tal-metall kif ukoll esplożivi flimkien ma’ tagħmir ta’ detezzjoni tal-metall li tgħaddi minnhom u skeners tal-persuna. Iż-żewġ provi taw riżultati pożittivi, u l-prova relatata mat-tagħmir tal-iskrinjar taż-żraben se titqies biex tiġi inkluża f’emenda fil-leġiżlazzjoni fl-2018. Ma saret jew ma nbdiet ebda prova matul l-2017.

2.Studji u Rapporti

F’Ottubru 2017, il-Kummissjoni rċeviet studju 7 dwar il-protezzjoni ta’ żoni tan-naħa tal-art fl-ajruporti tal-UE. L-istudju analizza l-miżuri meħuda fi 11-il ajruport Ewropew biex jiġu protetti ż-żoni pubbliċi, u vvaluta l-effiċjenza tagħhom u għamel rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari rigward gwida, valutazzjonijiet tar-riskju u kondiviżjoni tal-informazzjoni.

Fl-aħħar tal-2017, id-DĠ MOVE ikkummissjona Studju dwar il-benefiċċji ekonomiċi (u oħrajn) tal-Punt Uniku ta’ Sigurtà (OSS) biex jiġu analizzati l-benefiċċji ekonomiċi u oħrajn fl-ambitu tal-arranġamenti eżistenti tal-OSS bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika, l-UE u l-Kanada, u l-UE u l-Montenegro. Jekk l-istudju jikkonferma l-importanza tal-benefiċċji ekonomiċi (u/jew oħrajn) li jġib miegħu l-OSS, dan ikun jista’ jservi bħala vantaġġ addizzjonali biex tissokta l-ħidma lejn sostenibbiltà globali tas-sigurtà tal-avjazzjoni u biex jinbdew taħditiet dwar l-OSS mas-sħab ewlenin tagħna. L-istudju għandu jitlesta f’Settembru 2018.

3.Inizjattivi Ġodda

Sar progress ulterjuri rigward il-pjan direzzjonali għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji fis-sigurtà tal-avjazzjoni. Il-pjan direzzjonali jistabbilixxi diversi attivitajiet li jkopru l-aspetti kollha tat-teknoloġija u l-metodi relatati mas-sigurtà u jservi ta' referenza għall-partijiet ikkonċernati Ewropej kollha li huma involuti fir-riċerka dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni.

Fir-rigward tal-merkanzija, il-Kummissjoni kompliet taħdem mill-qrib mal-Istati Membri sabiex tħejji l-implimentazzjoni ta’ reġim għall-analiżi ta’ informazzjoni antiċipata dwar il-merkanzija qabel l-imbark (PLACI - pre-loading advance cargo information). F’dan il-kuntest, il-kooperazzjoni mal-komunità doganali kompliet fil-kuntest tal-eżerċizzju internazzjonali kontinwu mwettaq fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma konġunt bejn l-ICAO/WCO dwar l-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Merkanzija fejn il-Kummissjoni taqdi rwol attiv bil-parteċipazzjoni tagħha fid-DĠ MOVE u fid-DĠ TAXUD. Flimkien mal-Istati u mal-partijiet ikkonċernati, dan l-eżerċizzju għandu l-għan li jilħaq il-prinċipji maqbula b'mod konġunt, l-istandards possibbli u l-prattiki rakkomandati li għandhom jiġu adottati u implimentati jekk ikun hemm Stat jew Reġjun li jiddeċiedi li japplika dan il-kunċett f'wieħed jew fil-mudelli kummerċjali kollha fil-qasam tal-merkanzija u tal-posta bl-ajru.

IR-RABA' PARTI

Djalogu mal-Entitajiet Internazzjonali u mal-Pajjiżi Terzi

1.    Ġenerali

Il-Kummissjoni hija involuta ma’ korpi internazzjonali u ma’ sħab kummerċjali ewlenin, u l-parteċipazzjoni f’laqgħat internazzjonali assoċjati, bħal-laqgħa annwali tal-Bord tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni tal-ICAO, tiżgura l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE. Qed isir djalogu bilaterali ma’ ċerti pajjiżi terzi, bħall-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja, Singapore, eċċ. u dan jippermetti lill-Kummissjoni tibni fehim tajjeb u livell għoli ta’ fiduċja ma’ pajjiżi li għandhom l-istess approċċ fir-rigward tas-sigurtà tal-avjazzjoni.

2.    Korpi internazzjonali

Il-Kummissjoni ħadet sehem fil-laqgħa annwali tal-Bord tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni tal-ICAO (AVSECP/28) li saret f’Montreal bejn id-29 ta’ Mejju u t-2 ta’ Ġunju 2017, fejn il-Pjan Globali tas-sigurtà tal-avjazzjoni (GASeP), tragward fil-politiki tal-AVSEC, ġie ppreżentat u approvat biex jiġi ppreżentat lill-Kunsill tal-ICAO.

B’segwitu għar-Riżoluzzjoni A39-19 dwar iċ-Ċibersigurtà tal-Assemblea tal-ICAO tal-2016, il-Kummissjoni ħadet sehem fis-summit u fl-eżibizzjoni dwar iċ-Ċibersigurtà tal-ICAO, avveniment konġunt dwar is-sikurezza u s-sigurtà bit-tema "Making sense of cyber" (Dubai, l-Emirati Għarab Magħquda, April 2017). Id-DĠ MOVE ppreżenta l-approċċ olistiku tal-UE dwar it-tfassil ta’ strateġija ċibernetika filwaqt li jitqies approċċ multidixxiplinari biex tiġi indirizzata u miġġielda t-theddida ċibernetika fl-avjazzjoni. L-ICAO ġie mistieden ikabbar l-iskala tal-isfida tiegħu billi jindirizza ċ-ċibersigurtà fl-avjazzjoni f'livell globali.

3.    Pajjiżi terzi

Fil-21 ta’ Marzu 2017, l-Istati Uniti ħarġu titjib fis-sigurtà tal-avjazzjoni f’dik li tissejjaħ Emenda ta’ Emerġenza/Direttiva dwar is-Sigurtà (EA/SD), fejn it-trasportaturi tal-ajru li joperaw titjiriet minn ċerti Pajjiżi lejn l-Istati Uniti ġew ordnati biex ma jġorrux apparati elettroniċi ta’ daqs akbar minn telefown ċellulari / smart phone fil-bagalja tal-idejn. Ir-Renju Unit implimenta regoli simili għat-titjiriet destinati lejn ir-Renju Unit minn għadd limitat ta’ Pajjiżi.

Fid-29 ta’ Marzu 2017, l-Istati Membri u s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea u l-SEAE (inkluż iċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE) iltaqgħu biex jiddiskutu s-sitwazzjoni ta’ riskju fid-dawl tar-restrizzjonijiet introdotti mill-awtoritajiet tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti. Il-Kummissjoni għamlet kuntatti diretti mal-Awtoritajiet tal-Istati Uniti, segwiti minn serje ta’ laqgħat tekniċi biex jiġu diskussi t-theddida, il-vulnerabbiltà u r-riskju. Il-partijiet qablu dwar il-ħtieġa li jaħdmu b’mod konġunt biex itejbu s-sigurtà tal-avjazzjoni u jindirizzaw flimkien it-theddida fuq perjodu medju/twil.

Abbażi tar-reġim ta’ sigurtà sod li jeżisti fl-UE, għadd ta’ miżuri EA/SD li rriżultaw ġew assorbiti mill-miżuri eżistenti tal-UE, u dan irriżulta fi tnaqqis tal-impatt tal-Emenda ta’ Emerġenza fl-UE. Fir-rigward tal-kwistjoni, bħalissa qed isiru konsultazzjoni u ħidma konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti, u l-kwistjoni tal-PEDs kollha kienet opportunità utli biex jissaħħu aktar id-djalogu u l-impenn għall-kooperazzjoni mill-Partijiet.

Fil-livell tal-ICAO, ġiet stabbilita Task Force biex tindirizza l-kwistjoni tal-ġarr tal-PEDs abbord l-inġenji tal-arju bl-appoġġ qawwi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni. It-Task Force iltaqgħet f’Lulju f’Pariġi u stabbilixxiet għadd ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kif għandha tiġi mtaffija t-theddida tal-esplożivi moħbija mingħajr ma jiġu pprojbiti oġġetti bħall-PEDs. Barra minn hekk, l-ICAO stabbilixxiet Grupp Multidixxiplinari għas-Sikurezza tal-Merkanzija biex jitqiesu l-aspetti kkombinati tas-sikurezza, is-sigurtà u tal-iffaċilitar fir-rigward ta’ din il-kwistjoni.

Bħal f’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni kienet involuta b'mod attiv f'għadd ta' forums fil-kwistjonijiet dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni mal-Istati Uniti, b'mod partikolari fil-Grupp ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-Sigurtà tat-Trasport (TSCG). It-TSCG għandu l-għan li jrawwem il-kooperazzjoni f'għadd ta' oqsma ta' interess reċiproku u li jiżgura l-funzjonament kontinwu tal-arranġamenti tal-Punt Uniku ta' Sigurtà u tar-rikonoxximent reċiproku tar-reġimi rispettivi għall-merkanzija u l-posta bl-arju tal-UE u tal-Istati Uniti. Iż-żewġ inizjattivi jiffrankaw il-ħin u jnaqqsu l-ispejjeż, filwaqt li jiffaċilitaw ukoll l-operat għall-operaturi tat-trasport bl-ajru.

Fir-rigward tal-bini tal-kapaċità, il-Proġett CASE 8 ġie adattat billi joffri attivitajiet ġodda bil-għan li jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet espressi mill-Istati Sħab u l-evoluzzjoni tax-xenarju ta’ theddida. Barra minn hekk, tnedew għadd ta’ attivitajiet nazzjonali, bħala parti mill-komponent tat-taħriġ, fuq bażi subreġjonali. Il-kwistjonijiet ewlenin ikkonċernaw l-użu tat-tagħmir ta’ sigurtà, it-taħriġ tal-awdituri nazzjonali u sessjoni ta’ ħidma dwar il-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà.

Fl-okkażjoni tad-Djalogu dwar it-Trasport ma’ Singapore (Ġunju 2017), ġie ffirmat ftehim Amministrattiv biex jintwera l-impenn kontinwu sabiex l-OSS bejn l-UE u Singapore isir realtà. Wara proċess intensiv li inkluda eżerċizzju ta’ simulazzjoni li analizza l-leġiżlazzjoni ta’ Singapore dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni u żjara ta’ valutazzjoni pożittiva tal-ajruport Changi ta’ Singapore (Ottubru 2017), tħejja abbozz ta’ proposta leġiżlattiva li ġie kkonsultat mal-Istati Membri fil-Kumitat Regolatorju dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni u ppreżentat lill-Kulleġġ tal-Kummissarji (Diċembru 2017) 9 .

(1) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/472 tal-31 ta’ Marzu 2016, ĠU L 85, p. 28.
(2)      Biex tiġi żgurata l-komparabbiltà u tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-livelli ta’ konformità tul iż-żmien, il-Kummissjoni tuża metodu ta’ kalkolu għall-indikatur tal-konformità tagħha li fih jiġu inklużi biss ir-rekwiżiti ewlenin tas-sigurtà li jiġu spezzjonati bl-ikbar frekwenza. Dawn ikopru r-rekwiżiti relatati mas-sigurtà tal-ajruporti, mas-sigurtà tal-inġenji tal-ajru, mas-sigurtà tal-passiġġieri u tal-bagalji tal-kabina u mas-sigurtà tal-bagalji tal-istiva. Il-miżuri tas-sigurtà huma raggruppati f'settijiet ta' rekwiżiti tas-sigurtà direttament relatati u jiġu vvalutati b'mod sħiħ. Imbagħad jiġi applikat fattur ta' ponderazzjoni fiss li jirrifletti l-livell ta’ implimentazzjoni għal kull raggruppament, kif ġej:Għalhekk, l-indikatur ġenerali tal-konformità għal sena partikolari hu t-total tal-fatturi ponderati diviż bin-numru ta’ settijiet ikklassifikati ta’ rekwiżiti assoċjati direttament.
(3)      Ara l-kapitolu 1.1.
(4)      ĠU L 134, 25.5.2007, p. 4.
(5)      Il-Kummissjoni stabbilixxiet din il-bażi tad-data, li l-atturi fil-katina tal-provvista obbligati li jużaw skont ir-Regolament (UE) Nru 185/2010 u d-Deċiżjoni C(2010) 774.
(6)      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1116/2013 tas-6 ta’ Novembru 2013, li jemenda r-Regolament (UE) 185/2010, ĠU L 299, 9.11.2013, p. 1.
(7)      L-istudju twettaq mill-konsulent o&i.
(8) Il-Proġett għas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili fl-Afrika u fil-Peniżola Għarbija (CASE) iffinanzjat mill-UE u implimentat mill-ECAC tnieda fil-bidu tal-2016, għal perjodu ta’ erba’ snin. L-għan tiegħu huwa li jappoġġa l-isforzi tal-Istati Sħab, fl-Afrika u fil-Peniżola Għarbija, biex jiġi mtaffi t-theddid kontra l-avjazzjoni ċivili u jittejbu l-livelli ta’ konformità mar-rekwiżiti internazzjonali, b’fokus qawwi fuq il-miżuri tal-kontroll tal-kwalità.
(9)     L-att finali li ġie adottat huwa dan li ġej: ĠU L10/5, 13.1.2018; ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/55 tad-9 ta’ Jannar 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 f’dak li għandu x’jaqsam maż-żieda tar-Repubblika ta’ Singapore mal-pajjiżi terzi rrikonoxxuti bħala pajjiżi li japplikaw standards tas-sigurtà li huma ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )