Brussell, 13.5.2019

COM(2019) 175 final/2

CORRIGENDUM

This document corrects document COM(2019)175 final of 9 April 2019.
Concerns all languages versions.
Correction of graph entitled "2030 Framework for Climate and Energy"
The text shall read as follows:

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U L-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT

















Ir-Raba' Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija


I.    INTRODUZZJONI

Il-proġett tal-Unjoni tal-Enerġija 1 tal-Kummissjoni Juncker kellu l-għan li jagħti lill-konsumaturi tal-UE enerġija sikura, sostenibbli, kompetittiva u affordabbli billi jbiddel il-politiki tal-Ewropa dwar l-enerġija u l-klima. Huwa impenja ruħu wkoll li jpoġġi lill-UE fuq quddiem nett fid-dinja fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, li jpoġġi l-effiċjenza fl-enerġija l-ewwel u li jkompli jmexxi l-isforzi globali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Erba’ snin wara, l-Unjoni tal-Enerġija hija realtà. B’appoġġ qawwi mill-Parlament Ewropew, mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati, l-Unjoni tal-Enerġija għamlet l-Ewropa aktar reżiljenti u mmodernizzat għal kollox il-politika Ewropea dwar l-enerġija u l-klima b’għadd ta’ modi essenzjali.

L-ewwel nett, hija rriżultat f’qafas komprensiv u legalment vinkolanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, filwaqt li fl-istess ħin għenet biex tiġi mmodernizzata l-ekonomija Ewropea u l-industrija tagħha. L-Unjoni tal-Enerġija tinkludi qafas ta’ governanza, li se jippermetti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw il-politiki u l-miżuri meħtieġa biex nilħqu l-għanijiet tagħna dwar il-klima u l-enerġija. Hija wkoll inkorporat b’ mod sod fil-qafas usa’ tal-prijoritajiet tal-UE. L-Unjoni tal-Enerġija tgħin biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u jiġu implimentati l-aġendi dwar l-ekonomija ċirkolari u l-kwalità tal-arja. Hija marbuta mill-qrib mal-politiki tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, is-Suq Uniku Diġitali, l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, u l-Unjoni tas-Sigurtà.

It-tieni nett, dan l-approċċ komprensiv lejn l-Unjoni tal-Enerġija ppermetta lill-UE tistabbilixxi miri ċari u ambizzjużi għall-2030 fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika. Huwa ppermetta lill-UE tistabbilixxi politiki daqstantieħor ambizzjużi dwar il-mobilità nadifa inklużi l-emissjonijiet għall-karozzi, il-vannijiet u t-trakkijiet ġodda. Huwa pprovda wkoll bażi soda għal ħidma lejn ekonomija moderna u għanja li tkun ukoll newtrali għall-klima sal-2050. Il-viżjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-2050 2 stabbilixxiet qafas għall-politika futura dwar il-klima u l-enerġija li se jpoġġi lill-Ewropa fit-triq lejn in-newtralità għall-klima, filwaqt li jipprovdi benefiċċji sinifikanti għall-ekonomija u għall-kwalità tal-ħajja tal-poplu tagħha 3 .

It-tielet nett, l-Unjoni tal-Enerġija tipprovdi taħlita ta’ qafas regolatorju aġġornat għal kollox u viżjoni għall-politiki li huma meħtieġa bejn issa u l-2050. Dan jipprovdi ċ-ċertezza meħtieġa għal investiment innovattiv u ta’ kwalità għolja biex tiġi mmodernizzata l-ekonomija tal-UE u jinħolqu impjiegi lokali. Hemm aktar minn erba’ miljun “impjieg ekoloġiku” fl-UE llum, u t-tranżizzjoni tal-enerġija tipprovdi opportunitajiet ċari biex jinħolqu aktar. Aktar impjiegi ekoloġiċi se jinħolqu permezz tal-investiment tal-UE permezz tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni; il-fondi tar-riċerka u l-innovazzjoni; il-Pjan Juncker; u l-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-finanzi sostenibbli. L-Unjoni tal-Enerġija tappoġġa l-kompetittività tal-industrija Ewropea billi trawwem l-innovazzjoni li toħloq vantaġġ globali ta’ “min jidħol l-ewwel”. L-Unjoni tal-Enerġija qed tippromwovi wkoll il-ħolqien ta’ katini tal-valur Ewropej f’setturi kritiċi u emerġenti bħall-batteriji u l-idroġenu.

Ir-raba’ nett, l-Unjoni tal-Enerġija fil-qalba tagħha għandha t-tisħiħ tas-suq intern tal-enerġija, li huwa essenzjali biex jipprovdi liċ-ċittadini kollha bi provvista ta’ enerġija sikura, sostenibbli, kompetittiva u affordabbli. L-investimenti fl-infrastruttura intelliġenti, inklużi l-interkonnessjonijiet transfruntieri, u arranġamenti komuni għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tat-tfixkil possibbli, żiedu s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u tejbu r-reżiljenza ġenerali tas-sistema tal-enerġija tal-UE għax-xokkijiet esterni tal-enerġija. Dawn l-investimenti ħejjew ukoll il-grilja tal-UE għat-tibdil li qed iseħħ fis-sistema tal-enerġija. B’mod parallel, bidliet riċenti fid-disinn tas-suq tal-elettriku se jagħmlu l-aċċess għal dan is-suq aktar kompetittiv, jiżguraw l-integrazzjoni kosteffiċjenti tal-enerġija rinnovabbli, u jagħtu valur aħjar lill-konsumaturi, li se jkunu jistgħu joffru l-produzzjoni u l-flessibbiltà tagħhom lis-suq.

Il-ħames nett, b’mod parallel mal-qafas regolatorju, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet qafas ta’ abilitazzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ biex jiġu indirizzati kwistjonijiet soċjali, industrijali u kwistjonijiet oħra. Dawn il-miżuri jfittxu li jabilitaw liċ-ċittadini, lin-negozji, lill-ibliet u lill-innovaturi biex iwettqu rwol attiv fit-tranżizzjoni tal-enerġija. Approċċi ġodda li l-Kummissjoni Ewropea tat bidu għalihom qed juru li huma effettivi, b’mod partikolari billi jgħinu biex tinħoloq industrija Ewropea tal-batteriji, jappoġġaw lir-reġjuni tal-faħam fi tranżizzjoni, jew jagħtu lill-ibliet il-mezzi u l-motivazzjoni biex iżidu l-pass tal-azzjoni tagħhom dwar il-klima u l-enerġija. Il-qafas ta’ abilitazzjoni se jkun kruċjali biex jiġi mmobilizzat l-investiment meħtieġ biex jittieħed vantaġġ sħiħ mit-tranżizzjoni tal-enerġija, u biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tkun ġusta u soċjalment aċċettabbli għal kulħadd. L-implikazzjonijiet soċjali ta’ dawn il-bidliet iridu jkunu parti mill-proċess ta’ politika mill-bidu nett, u mhux sempliċiment kunsiderazzjoni li tiġi wara.

Fl-aħħar nett, l-Unjoni tal-Enerġija ppermettiet li l-UE titkellem b’vuċi waħda fil-livell internazzjonali. L-UE kienet kapaċi teżerċita tmexxija effettiva fil-qasam tal-klima billi tkun attur ewlieni fil-Ftehim ta’ Pariġi, filwaqt li tiżgura li l-Ftehim daħal fis-seħħ fi żmien rekord, u timplimenta l-Ftehim permezz tal-Ġabra tar-Regoli ta’ Katowice, li ġiet adottata f’Diċembru 2018. F’dan il-proċess, il-kredibbiltà tal-UE hija mirfuda minn azzjoni konkreta u l-adozzjoni tal-pakkett leġiżlattiv sħiħ meħtieġ biex jintlaħaq l-impenn tagħha tal-2030 skont il-Ftehim ta’ Pariġi. F’konformità mal-impenn sod tagħha favur il-multilateraliżmu, l-unità u d-determinazzjoni tal-UE kienu kruċjali biex tinżamm il-fiduċja internazzjonali fir-reġim tal-klima, quddiem il-vojt ta’ tmexxija wara l-ħruġ tal-Istati Uniti minn dan ir-reġim wara l-2017. L-Ewropa kompliet il-kooperazzjoni internazzjonali mill-qrib dwar il-politiki tal-klima u l-enerġija. Pereżempju, fl-2017 ħadmet maċ-Ċina biex tibda sistema nazzjonali għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet.

B’dan il-qafas modern ta’ governanza għall-politika tal-klima u l-enerġija stabbilit sew fil-livell Ewropew, l-Istati Membri issa qed jaħdmu biex jintegraw u jaġġornaw il-politiki nazzjonali tagħhom. L-Unjoni tal-Enerġija tiżgura li l-Istati Membri kollha jimxu ‘l quddiem flimkien, billi qablu li jiffinalizzaw il-Pjanijiet Nazzjonali tagħhom dwar l-Enerġija u l-Klima sa tmiem l-2019. Dawn il-pjanijiet se jkunu bbażati fuq konsultazzjonijiet pubbliċi nazzjonali u feedback mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-abbozzi inizjali, li l-Istati Membri kollha issa ppreżentaw uffiċjalment. Il-qafas komuni jippromwovi t-tagħlim reċiproku u jimmassimizza l-opportunitajiet għall-kooperazzjoni reġjonali. Dan jagħti bidu wkoll għal eżerċizzju ta’ tagħlim bil-prattika, peress li l-Unjoni tal-Enerġija tippjana “punti ta’ kontroll” regolari biex tirrieżamina l-politiki u ttejjibhom b’mod kollaborattiv. Il-ġestjoni ta’ dan id-djalogu iterattiv se tkun sfida ewlenija għall-2019 u element essenzjali biex jiġi żgurat li l-Unjoni tal-Enerġija twassal b’mod kollettiv il-benefiċċji kollha tagħha.

Lil hinn mill-politika dwar l-enerġija u l-klima, l-Unjoni tal-Enerġija hija dwar modernizzazzjoni strutturali tal-ekonomija Ewropea. Hija tippromwovi r-riforma strutturali tal-użu tal-enerġija u tar-riżorsi fis-setturi ewlenin kollha: l-enerġija, bir-rwol ċentrali tagħha; il-bini; it-trasport; l-industrija; l-agrikoltura; u l-użu tal-art b’mod aktar ġenerali. L-Unjoni tal-Enerġija hija wkoll strateġija ta’ investiment, li għandha impatti pożittivi fuq l-ekonomija u fuq l-impjiegi, u tqis l-impatt tagħha fuq reġjuni u persuni vulnerabbli. Permezz tal-enfasi tagħha fuq l-effiċjenza u r-riżorsi domestiċi tal-enerġija, se ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE fis-swieq globali.

II.    XEJRIET U OSSERVAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

L-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-konsum tal-enerġija qed jiġu diżakkoppjati dejjem iktar mit-tkabbir ekonomiku. It-tranżizzjoni lejn ekonomija moderna, b’livell baxx ta’ karbonju u effiċjenti fl-użu tal-enerġija tinsab fi stadju avvanzat, u l-Ewropa tinsab fuq perkors kredibbli biex tirrispetta l-impenji tagħha tal-Ftehim ta’ Pariġi. L-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha għall-2020 ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra (jiġifieri tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ 20 % sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990). Bejn l-1990 u l-2017, l-ekonomija tal-UE kibret bi 58 %, filwaqt li l-emissjonijiet naqsu bi 22 %, skont data preliminari ppreżentata mill-Istati Membri 4 (Figura 1).

Figura 1: Bidliet fil-Prodott Domestiku Gross tal-UE (f’termini reali), emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra (GHG) tal-UE, u l-intensità tal-emissjonijiet tal-ekonomija tal-UE

Mill-1990, l-emissjonijiet naqsu fis-setturi ekonomiċi kollha minbarra fit-trasport. It-tnaqqis l-aktar evidenti kien fl-emissjonijiet mill-provvista tal-enerġija (il-Figura 2). It-tkabbir ekonomiku huwa inqas dipendenti fuq il-konsum tal-enerġija (il-Figura 3). Kemm il-produttività tal-enerġija kif ukoll l-intensità tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-konsum tal-enerġija tjiebu b’mod kontinwu fl-UE, primarjament grazzi għal miżuri ta’ effiċjenza enerġetika fl-Istati Membri.

Figura 2: L-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE skont is-settur 1990-2016

Madankollu, hemm il-ħtieġa li jiġu intensifikati aktar l-isforzi biex tintlaħaq il-mira tal-effiċjenza tal-enerġija tal-2020. L-aktar analiżi riċenti 5 turi li wara tnaqqis gradwali bejn l-2007 u l-2014, il-konsum tal-enerġija beda jiżdied f’dawn l-aħħar snin, u issa huwa kemxejn ogħla mit-trajettorja lineari għall-miri tal-2020. Dan huwa minħabba l-varjazzjonijiet tat-temp, b’mod partikolari s-snin aktar kesħin 2015 u 2016, iżda wkoll minħabba ż-żieda fl-attività ekonomika u l-prezzijiet baxxi taż-żejt. L-intensità enerġetika fl-industrija kompliet titjieb b’saħansitra 22 % bejn l-2005 u l-2017 u l-iffrankar tal-enerġija tabilħaqq għen biex jibbilanċja partijiet mill-impatt ta’ dawn iż-żidiet. Iżda ma kienx biżżejjed biex il-konsum totali jinżamm fuq xejra ta’ tnaqqis. Filwaqt li l-mira tal-effiċjenza fl-enerġija tal-2020 għadha tista’ tintlaħaq, tkomplija taż-żieda fil-konsum tal-enerġija tista’ tpoġġiha f’riskju. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni Ewropea stabbiliet Task Force mal-Istati Membri biex timmobilizza l-isforzi u tisfrutta b’mod sħiħ il-potenzjal tal-effiċjenza enerġetika.

Fis-settur tat-trasport, il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet naqsu bejn l-2007 u l-2013, iżda issa reġgħu lura bejn wieħed u ieħor għal-livelli tal-2005. L-impatt pożittiv tal-politiki tal-effiċjenza (u, b’mod aktar limitat, l-impatt pożittiv ta’ bidla modali fit-trasport) ġie megħlub minn żieda fl-attività tat-trasport, u użu baxx tal-kapaċità fit-trasport bit-triq tal-merkanzija.

Figura 3: Bidliet fil-PDG u fil-konsum tal-enerġija primarja tal-UE

Kompla t-tkabbir qawwi fis-settur tal-enerġija rinnovabbli iżda b’użu mhux ugwali. Mill-2014, is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-UE żdied b’mod sinifikanti, u laħaq is-17,5 % fl-2017 6 . L-investimenti fl-enerġija rinnovabbli huma dejjem aktar xprunati minn deċiżjonijiet tas-suq u l-Istati Membri qed jagħtu dejjem aktar appoġġ għall-enerġija rinnovabbli permezz ta’ sejħiet għal offerti kompetittivi u jiżguraw li l-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli jkunu integrati fis-suq tal-elettriku, kif jirrikjedu r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat 7 . Dan naqqas b’mod sinifikanti l-ispejjeż tal-użu tal-enerġija rinnovabbli 8 . Madankollu, il-penetrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli tvarja bejn is-setturi, u l-enerġija rinnovabbli tilħaq il-30,8 % fis-settur tal-elettriku, iżda 19,5 % biss fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, u 7,6 % fis-settur tat-trasport. Ir-ritmu taż-żieda fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli naqas ukoll mill-2014. Filwaqt li l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tagħha għall-2020 għall-enerġija rinnovabbli, jenħtieġ li jiżdiedu l-isforzi biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri tal-2030 (il-Figura 4).

Figura 4: Ishma ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-UE vs id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u t-trajettorji tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Enerġija Rinnovabbli 9

Fl-2017, 11-il Stat Membru 10 diġà kellhom sehem tal-enerġija rinnovabbli ‘l fuq mill-miri tagħhom tal-2020. Barra minn hekk, 21 Stat Membru 11 laħqu jew qabżu t-trajettorja medja indikattiva tagħhom mid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 12 għall-perjodu ta’ sentejn 2017-2018. Is-seba’ Stati Membri l-oħra 13 kellhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jikkonformaw mat-trajettorja medja tal-2017-2018 lejn l-2020.

Madankollu, għal 11-il Stat Membru 14 , il-politiki li bħalissa qed jiġu ppjanati jew implimentati biex jippromwovu l-enerġija rinnovabbli jidhru li mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw it-trajettorja indikattiva tagħhom jekk tiġi kkunsidrata biss il-provvista domestika, mingħajr mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni 15 . Barra minn hekk, għal seba’ Stati Membri 16 , hemm xi inċertezza dwar jekk humiex se jilħqu l-miri tal-2020 għar-rinnovabbli.

Sabiex jilħqu l-miri tal-enerġija rinnovabbli tal-2020 u jsostnu dawn il-livelli bħala linja bażi mill-2021’il quddiem, l-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jżidu l-isforzi tagħhom kemm biex jużaw l-enerġija rinnovabbli kif ukoll biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija. Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà li jużaw trasferimenti statistiċi, kif previst fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 17 , jew biex jiżguraw li jilħqu l-mira meta jkun hemm defiċit jew biex ibigħu l-eċċessi potenzjali tagħhom lil Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tappoġġja lill-Istati Membri f’dan ir-rigward.

F’dan il-kuntest, għaddejjin għadd ta’ azzjonijiet madwar l-UE. Dawn qed iseħħu permezz tat-task force dwar l-effiċjenza enerġetika, li ġiet imnedija mill-Kummissjoni, l-irkantijiet il-ġodda tal-enerġija rinnovabbli mħabbra minn diversi Stati Membri, inklużi Franza, in-Netherlands u l-Portugall, u l-użu usa’ ta’ ftehimiet ta’ xiri korporattiv ta’ enerġija li permezz tagħhom il-kumpaniji Ewropej xtraw ammont rekord ta’ kapaċità ta’ enerġija mir-riħ fl-2018.

Sar progress tajjeb lejn suq Ewropew tal-enerġija aktar integrat. L-enerġija issa hija nnegozjata b’mod aktar ħieles (għalkemm mhux b’mod ħieles biżżejjed) bejn pajjiż u ieħor 18 , b’mod li jibni fuq id-Direttivi tas-Suq tal-Elettriku u tal-Gass 19 kif ukoll fuq l-infurzar tal-antitrust 20 . Id-deċiżjonijiet tal-antitrust b’mod partikolari taw lill-klijenti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għodda effettiva biex jiżguraw li jkollhom aċċess għal prezzijiet tal-gass aktar kompetittivi. F’dak li jirrigwarda l-elettriku, it-tnaqqis konsiderevoli fil-prezzijiet bl-ingrossa tal-elettriku b’6,4 % bejn l-2010 u l-2017 ikkontribwixxa għal tnaqqis fil-kostijiet tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u għall-industrija b’6 % u 30 % rispettivament. Madankollu, iż-żieda fit-tariffi tan-netwerk kif ukoll fit-taxxi u l-imposti wasslet għal żieda medja fil-prezzijiet finali għall-konsumatur ta’ 19,3 % għall-unitajiet domestiċi u ta’ 8,7 % għall-konsumaturi industrijali fl-UE matul l-istess perjodu (ara l-Figura 5). It-taxxi u l-imposti relatati mal-enerġija jirrappreżentaw sa 40 % tal-prezzijiet tal-enerġija bl-imnut għall-unitajiet domestiċi.

Figura 5: Bidliet fil-prezzijiet tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u l-industrija (sors: Eurostat)

Il-kwalità tal-arja għamlet progress, iżda għad hemm bżonn ta’ aktar titjib. Bis-saħħa tal-isforzi konġunti tal-UE u l-Istati Membri, l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja naqsu fl-UE f’dawn l-aħħar deċennji, bl-eċċezzjoni tal-ammonja (il-Figura 6). Din ix-xejra kkontribwixxiet għal kwalità aħjar tal-arja. Hija wasslet ukoll għal tnaqqis fin-numru ta’ żoni ta’ kwalità tal-arja li jaqbżu l-valuri ta’ limitu tal-UE għall-materja partikolata, u għal tnaqqis fin-numru stmat ta’ mwiet prematuri minħabba t-tniġġis tal-arja, għal madwar 400 000 fl-aħħar stimi 21 . L-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja fl-UE huma mistennija li jkomplu jonqsu, hekk kif l-Istati Membri jimplimentaw miżuri biex iwettqu l-impenji nazzjonali tagħhom dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu għall-2020 u l-2030 ’il quddiem 22 . L-implimentazzjoni ta’ diversi politiki tal-Unjoni tal-Enerġija tagħmel dan it-tnaqqis fl-emissjonijiet aktar faċli u irħas biex jinkiseb – pereżempju, tnaqqis fl-użu tal-faħam, miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija biex jiġi sostitwit tagħmir tat-tisħin ineffiċjenti, u l-iżvilupp ta’ mezzi tat-trasport aktar sostenibbli 23 .

Figura 6: Bidliet fl-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja fl-UE 24 , bħala persentaġġ tal-livelli tal-2000

L-iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet hija aktar b’saħħitha. Il-bidu tat-tħaddim tar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq f’Jannar 2019, u l-adozzjoni tar-riforma tas-Sistema ta’ Skambju tal-Emissjonijiet wara l-2020 kmieni fl-2018, żiedu b’mod sinifikanti l-prezz tal-karbonju (il-Figura 7). Ir-riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq se tindirizza l-eċċess attwali ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ 1,65 biljun u ttejjeb ir-reżiljenza tas-sistema għal xokkijiet kbar fil-futur billi taġġusta l-provvista tal-kwoti li jridu jiġu rkantati. Is-sinjal aktar b’saħħtu tal-prezz tal-karbonju diġà qed jagħti spinta lill-fiduċja fi żvilupp u użu akbar ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju. Skont l-analisti tas-suq, ir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq se żżomm l-effett tagħha fuq is-suq tal-karbonju fl-għaxar snin li ġejjin, bil-prezzijiet tal-karbonju f’livell simili jew ogħla. Dan huwa kkombinat ma’ miżuri konkreti biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, u b’hekk tiġi protetta l-kompetittività tal-industrija Ewropea.

Figura 7: Tibdil fil-prezz tal-karbonju fis-suq Ewropew tal-karbonju 2005-2018 (sors: ICE)

L-investiment pubbliku (nazzjonali u tal-UE) fil-prijoritajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija kien relattivament stabbli matul l-2014-2017. L-investiment pubbliku f’dawn il-prijoritajiet matul dan il-perjodu kellu medja ta’ madwar EUR 5,3 biljun fis-sena (Grafika 8) 25 . B’finanzjament nazzjonali ta’ EUR 4,1 biljun fis-sena bħala medja 26 , il-programm ta’ riċerka tal-UE Orizzont 2020 u l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni kienu essenzjali biex l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni jinżamm kostanti matul l-aħħar erba’ snin. Il-Kummissjoni Ewropea tinsab fit-triq it-tajba biex tinvesti kważi EUR 2 biljun fl-2020 fir-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-enerġija nadifa, u twettaq l-impenn tagħha li tirdoppja l-investiment pubbliku tagħha fir-riċerka u l-innovazzjoni f’dan il-qasam mill-2015 bħala parti mis-sħubija tagħha fil-Missjoni Innovazzjoni. Madankollu, is-settur privat jibqa’ l-fornitur ewlieni ta’ investiment ta’ dan it-tip, li b’mod konsistenti jammonta għal aktar minn 75 % tal-investimenti tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-enerġija nadifa, wara li żied l-infiq annwali minn madwar EUR 10 biljun għal aktar minn EUR 16-il biljun fi żmien għaxar snin. Il-finanzjament pubbliku se jkompli jkollu rwol ewlieni biex jikkoordina r-riċerka u jidderieġi l-investiment privat lejn prijoritajiet kompatibbli mal-viżjoni strateġika fit-tul tagħna, anki permezz ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti. Dan se jgħin biex titnaqqas id-diskrepanza bejn ir-riċerka u l-iskjerament kummerċjali u jiġu attirati investimenti privati ġodda permezz ta’ teknoloġiji li jnaqqsu r-riskji. Politiki b’saħħithom u sinjali tal-prezzijiet prevedibbli huma kundizzjonijiet meħtieġa għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fl-ekosistema tal-enerġija nadifa, li fl-aħħar mill-aħħar se tagħti spinta lill-investiment fir-riċerka f’teknoloġiji tal-enerġija nadifa.

Figura 8: Investiment pubbliku fil-prijoritajiet tar-riċerka u l-investiment tal-Unjoni tal-Enerġija 2014-2017 (sors: Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka)

III.    QAFAS LEĠIŻLATTIV AMBIZZJUŻ U MODERN

Immexxija minn din il-Kummissjoni Ewropea, l-UE rnexxielha tadotta qafas leġiżlattiv kompletament ġdid għall-politiki dwar l-enerġija u l-klima 27 . Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-klima, inkluża d-Direttiva dwar is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet 28 , kemm għal installazzjonijiet stazzjonarji kif ukoll għall-avjazzjoni, ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi 29 , u r-Regolament dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija 30 . Qablu wkoll dwar it-tmien proposti leġiżlattivi fil-pakkett “Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha” 31 , u dwar l-għaxar proposti ta’ mobilità wara l-“Istrateġija ta’ Mobilità b’Emissjonijiet Baxxi” 32 .

Dan il-qafas leġiżlattiv komprensiv jifforma bażi soda għall-UE biex twettaq il-politiki tagħha dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 u lil hinn. Dan il-qafas se jippermettilna nindirizzaw sfidi futuri bħad-diġitalizzazzjoni, l-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq, u politika tal-enerġija li hija aktar orjentata lejn il-konsumatur. Il-leġiżlazzjoni tindirizza kemm l-elementi trażversali għall-promozzjoni tal-azzjoni dwar il-klima u l-enerġija, kif ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi għal azzjoni settorjali fejn meħtieġ. L-UE bagħtet ukoll messaġġ qawwi lil pajjiżi oħra madwar id-dinja li biħsiebha tkompli tmexxi bl-eżempju. Qed tagħmel dan billi tieħu passi konkreti u ambizzjużi biex twettaq l-impenji u l-għanijiet ta’ adattament tagħha skont il-Ftehim ta’ Pariġi. Il-qafas miftiehem tal-UE jinkludi wkoll klawżoli ta’ rieżami u dispożizzjonijiet inkorporati biex jiġi ggarantit li dawn l-impenji jiġu rrispettati. Dan il-qafas ipoġġi lill-UE fi trajettorja tajba lejn ekonomija newtrali għall-klima sal-2050.

Il-qafas leġiżlattiv aġġornat jistabbilixxi objettivi kwantifikati u “direzzjoni tal-ivvjaġġar” ċara lejn l-2030 u jipprovdi ambjent stabbli u prevedibbli għall-ippjanar u l-investiment. B’mod partikolari, l-UE żiedet l-ambizzjoni tagħha b’mod konsiderevoli billi stabbiliet miri ġodda għall-2030, jiġifieri: li l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra jitnaqqsu domestikament b’mill-inqas 40 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990; li jintlaħaq sehem ta’ mill-anqas 32 % fl-enerġija rinnovabbli 33 ; u li tiżdied l-effiċjenza enerġetika b’mill-anqas 32,5 % 34 . Il-mira tal-interkonnessjonijiet tal-elettriku ġiet stabbilita biex ittejjeb is-sigurtà tal-provvista billi tiżdied sa 15 % f’kull Stat Membru sal-2030. Ġew stabbiliti wkoll miri vinkolanti għall-2030 biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju mill-karozzi b’37,5 % meta mqabbla mal-livelli tal-2021 35 ; mill-vannijiet b’31 % meta mqabbla mal-livelli tal-2021 36 ; u mit-trakkijiet bi 30 % meta mqabbla mal-livelli tal-2019;

L-UE saħħet is-sigurtà tal-enerġija tagħha. Ġew adottati regoli ġodda 37 dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass u t-tħejjija għar-riskju tal-elettriku biex tiġi organizzata kooperazzjoni reġjonali transfruntiera operazzjonali sabiex jiġi evitat u ġestit ir-riskju ta’ interruzzjonijiet tal-gass, u ta’ nuqqas jew black-out tal-elettriku.

Sar ukoll progress sinifikanti fit-titjib tad-disinn tas-swieq tal-elettriku. Issa hemm ġabra aktar integrata ta’ regoli dwar id-disinn tas-suq tal-elettriku 38 . Dawn ir-regoli qed itejbu l-effiċjenza tas-suq tal-elettriku permezz ta’ aktar konverġenza tal-prezzijiet u skambji transfruntiera. Huma jistabbilixxu wkoll qafas komuni għal mekkaniżmi ta’ kapaċità biex jiġi żgurat li dawn ikunu kompatibbli kemm mas-suq intern kif ukoll mal-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE. Kien hemm inkjesta bir-reqqa fis-settur tal-għajnuna mill-Istat dwar il-mekkaniżmi ta’ kapaċità, 39 u r-regoli tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u tal-antitrust 40 jgħinu biex jiżguraw li l-miri ambizzjużi tagħna dwar l-enerġija u l-klima jinkisbu bl-inqas spejjeż, u mingħajr tfixkil bla bżonn tal-kompetizzjoni. B’mod ġenerali, l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea jippermettu li l-elettriku jiċċaqlaq b’mod aktar liberu għal fejn huwa l-aktar meħtieġ, u tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, ir-rispons għad-domanda, u l-faċilitajiet ta’ ħżin għas-suq bl-inqas spiża possibbli. Dan se jtejjeb ukoll id-diġitalizzazzjoni fis-settur kollu u jrawwem it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-konsumatur.

Sar ukoll progress fis-suq tal-gass, notevolment bil-ftehim dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Gass 41 , li permezz tagħha l-pipelines tal-gass li jidħlu fis-suq intern tal-gass Ewropew jew joħorġu minnu issa jridu jikkonformaw mar-regoli tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni issa tista’ tiżgura li l-ftehimiet tal-Istati Membri ma’ pajjiżi barra mill-UE jikkonformaw mal-liġi tal-UE 42 qabel ma jiġu konklużi. Dawn il-kisbiet se jgħinu biex tiżdied il-prevedibbiltà tas-suq uniku għall-investituri.

Il-qafas regolatorju għal setturi speċifiċi ġie wkoll aġġornat. Dan sar biex il-bini jsir “aktar intelliġenti” u aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija 43 ; biex jiġu stabbiliti limiti għall-emissjonijiet tal-karbonju mill-karozzi, il-vannijiet 44 u t-trakkijiet 45 ; biex jiġu aġġornati r-regoli dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija 46 ; u biex jiġu aġġornati r-regoli dwar l-ekodisinn ta’ prodotti relatati mal-enerġija 47 . Dan se jiżgura li s-setturi kollha jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni tal-enerġija u l-klima, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

Il-qafas ta’ governanza l-ġdid se jgħin biex tiġi implimentata u żviluppata aktar l-Unjoni tal-Enerġija 48 . Il-pjanijiet Nazzjonali integrati dwar l-Enerġija u l-Klima tal-Istati Membri se jinkludu kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-miri kollettivi tal-UE (u l-politiki u l-miżuri meħtieġa biex jinkisbu dawn il-kontribuzzjonijiet) għal perjodi ta’ għaxar snin. L-Istati Membri se jiżviluppaw il-pjanijiet tagħhom permezz ta’ djalogu kontinwu u iterattiv mal-Kummissjoni Ewropea. Huma se jiżguraw ukoll il-parteċipazzjoni pubblika u jikkonsultaw ma’ Stati Membri oħra fi spirtu ta’ kooperazzjoni reġjonali. Dan se jżid l-opportunitajiet għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u jipprovdi ċertezza regolatorja akbar għall-partijiet ikkonċernati. Il-pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima se jagħmluha aktar faċli biex jiġu identifikati oqsma ta’ interess għal investimenti futuri, u opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-koeżjoni soċjali.

L-Istati Membri kollha issa ppreżentaw l-ewwel abbozz tal-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima (li jkopru l-perjodu 2021-2030). Il-Kummissjoni Ewropea qed tivvaluta dawn l-abbozzi ta’ pjanijiet bil-ħsieb li toħroġ rakkomandazzjonijiet potenzjali lill-Istati Membri sa Ġunju 2019, biex tgħin lill-Istati Membri jkomplu jtejbu l-pjanijiet tagħhom, u b’hekk tiżgura li l-UE tkun tista’ twettaq l-impenji tagħha b’mod kollettiv. Waħda mill-kwistjonijiet ewlenin tal-valutazzjoni se tkun jekk il-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri għall-enerġija rinnovabbli u l-miri tal-effiċjenza enerġetika humiex biżżejjed biex jintlaħaq il-livell kollettiv ta’ ambizzjoni tal-UE. Filwaqt li jibnu fuq dan il-proċess, l-Istati Membri se jkomplu jiżviluppaw, u finalment jadottaw, il-pjanijiet nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija u l-klima fit-tieni nofs tal-2019.

Kaxxa: lejn strateġija fit-tul tal-UE għal ekonomija prosperuża, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050

F’Novembru 2018, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat viżjoni strateġika fit-tul 49 għal ekonomija prosperuża, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050. Dan id-dokument (abbozzat wara talbiet mill-Kunsill Ewropew 50 u l-Parlament Ewropew 51 u kif mitlub bħala parti mill-qafas ta’ governanza miftiehem 52 ) kien il-kontribut tal-Kummissjoni għall-istrateġija fit-tul tal-UE għall-iżvilupp b’emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, li għandha tiġi adottata u kkomunikata sal-2020 lill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, skont il-Ftehim ta’ Pariġi. B’mod parallel, kull Stat Membru jeħtieġ ukoll li jħejji l-istrateġija nazzjonali tiegħu fit-tul.

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat viżjoni mhux biss li żżomm iż-żieda globali fit-temperatura ħafna anqas minn 2 °C meta qabbla mal-livelli preindustrijali, iżda wkoll li twettaq sforzi sabiex tillimita din iż-żieda għal 1,5 °C billi tikseb emissjonijiet netti żero sal-2050.

L-istrateġija turi kif l-Ewropa tista’ twitti t-triq għan-newtralità għall-klima billi tinvesti f’soluzzjonijiet teknoloġiċi realistiċi, tagħti s-setgħa liċ-ċittadini, u tallinja l-azzjoni f’oqsma ewlenin bħall-politika industrijali, il-finanzi, jew ir-riċerka – filwaqt li fl-istess ħin tiżgura l-ġustizzja soċjali għal tranżizzjoni ġusta u ma tħalli warajha l-ebda reġjun u l-ebda grupp tal-popolazzjoni.

L-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea turi li t-trasformazzjoni tal-ekonomija b’dan il-mod hija kemm possibbli kif ukoll ta’ benefiċċju. Hija investiment fl-immodernizzar tal-ekonomija tal-UE biex jiġu ffaċċjati aħjar l-isfidi tal-futur. Biex tinkiseb din it-tranżizzjoni, l-UE se jkollha bżonn tagħmel progress fuq seba’ elementi kostitwenti strateġiċi 53 . Dawn l-elementi kostitwenti jibnu fuq il-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija. Huma jistabbilixxu wkoll id-direzzjoni tal-ivvjaġġar għall-politika tal-UE dwar il-klima u l-enerġija biex jintlaħqu l-objettivi tat-temperatura fil-Ftehim ta’ Pariġi.

IV.    QAFAS TA’ ABILITAZZJONI LI JAPPOĠĠA T-TRANŻIZZJONI TAL-ENERĠIJA

Matul l-aħħar ħames snin, minbarra t-tisħiħ tas-sistema leġiżlattiva, il-Kummissjoni Ewropea wettqet qafas ta’ azzjonijiet biex tappoġġa t-tranżizzjoni enerġetika u klimatika. Dan il-qafas huwa dwar il-ħolqien tal-kundizzjonijiet għall-Istati Membri, u l-partijiet ikkonċernati kollha, biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE.

1.Infrastruttura valida għall-futur li tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-UE u tippermetti t-tranżizzjoni ekoloġika

L-Ewropa tgawdi minn wieħed mill-aktar netwerks komprensivi u affidabbli għall-elettriku u l-gass. L-għan ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea kien li tespandi dan in-netwerk fejn meħtieġ biex tindirizza l-kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-provvista li baqa’, tgħaqqad il-gżejjer tal-enerġija, u tindirizza l-isfidi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni li tinsab għaddejja għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju.

Prijorità ewlenija tal-Unjoni tal-Enerġija kienet li jintemm l-iżolament enerġetiku ta’ reġjuni mhux konnessi. Sar progress sinifikanti fl-istati Baltiċi. Filwaqt li dawn l-istati darba kienu “gżira” tal-enerġija fl-UE, issa huma interkonnessi sew mal-bqija tal-UE, b’interkonnessjoni transfruntiera ta’ 23,7 %. Dan sar possibbli permezz ta’ interkonnetturi ġodda mal-Iżvezja, il-Finlandja u l-Polonja. Il-ħidma issa qed tikkonċentra fuq is-sinkronizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-istati Baltiċi man-netwerk Ewropew kontinentali sa mhux aktar tard mill-2025 54 . Barra minn hekk, qed tiġi promossa aktar integrazzjoni tal-peniżola Iberika bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea għall-proġett INELFE 55 u permezz ta’ linja tal-elettriku li taqsam il-Bajja ta’ Biscay. Dawn l-isforzi se jirdoppjaw il-kapaċità ta’ skambju bejn Franza u Spanja sal-2025, u b’hekk iqarrbu lil Spanja lejn il-mira ta’ interkonnessjoni ta’ 10 %, u jintegraw il-peniżola Iberika kollha fis-suq intern tal-elettriku. Il-Kummissjoni tappoġġa wkoll sforzi ulterjuri biex jiġu integrati s-suq tal-gass tal-Peniżola Iberika u dak tal-bqija tal-Ewropa. Dawn l-isforzi, li juru l-valur tas-solidarjetà Ewropea u l-unità reġjonali, ġew diskussi f’laqgħat regolari fil-livell ta’ samit bejn Franza, il-Portugall u Spanja mal-Kummissjoni Ewropea 56 .

L-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass qegħdin ukoll jagħtu riżultati konkreti. Dawn l-isforzi qed itemmu d-dipendenza fuq fornitur wieħed f’ċerti Stati Membri, iżidu r-reżiljenza tas-sistemi tal-enerġija tal-Istati Membri, isaħħu l-kompetizzjoni, u jnaqqsu l-prezzijiet. B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri kollha minbarra wieħed għandhom aċċess għal żewġ sorsi indipendenti ta’ gass, u jekk il-proġetti kollha li għaddejjin bħalissa jiġu implimentati fil-ħin, l-Istati Membri kollha minbarra Malta u Ċipru se jkollhom aċċess għal tliet sorsi ta’ gass sal-2022, u 23 Stat Membru se jkollhom aċċess għas-suq globali tal-gass naturali likwifikat. Inizjattivi li jinsabu għaddejjin ta’ diversifikazzjoni bbażati fuq gass naturali likwifikat u l-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar huma ta’ importanza partikolari għar-reġjun tal-lvant tal-Baħar Baltiku u l-Ewropa ċentrali tax-xlokk. Dawn iż-żoni kienu storikament dipendenti fuq fornitur tal-gass wieħed. Jekk jinżamm l-impenn meħtieġ, u ma jkun hemm l-ebda dewmien fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ewlenin, sal-2020 jew ftit wara l-Ewropa mistennija tikseb grilja tal-gass interkonnessa u għal kollox reżiljenti għax-xokkijiiet.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tappoġġa wkoll proġetti biex ittejjeb il-grilja tal-elettriku tal-UE u biex tippermetti aktar adozzjoni ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli. Minkejja l-progress, huma meħtieġa investimenti fuq skala ħafna akbar fil-grilji tal-elettriku (kemm fit-trażmissjoni kif ukoll fid-distribuzzjoni). Il-livell ta’ investiment meħtieġ għat-trażmissjoni tal-elettriku huwa stmat għal aktar minn EUR 150 biljun għall-perjodu 2021-2030 57 . Dawn l-investimenti ġodda jenħtieġ li jinġabru flimkien ma’ aktar diġitizzazzjoni u maż-“żieda fl-intelliġenza” tal-grilji, kif ukoll l-iskjerament ta’ faċilitajiet ta’ ħżin ġodda.

Il-politika tan-netwerks trans-Ewropej (TEN-E) tal-UE kienet strumentali fit-titjib tal-infrastruttura tal-UE. Il-politika TEN-E ippromwoviet approċċ iffukat biex tidentifika u timplimenta l-Proġetti ta’ Interess Komuni (PCIs) li huma kritiċi għall-bini ta’ netwerks konnessi tajjeb madwar l-Ewropa. Sa issa ġew implimentati aktar minn 30 PCI, u madwar 75 PCI huma mistennija jkunu fis-seħħ sal-2022. Il-ħolqien ta’ erba’ gruppi reġjonali ta’ livell għoli 58 taħt it-tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea għen biex tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-PCIs. Il-PCIs ibbenefikaw ukoll mill-appoġġ finanzjarju tal-UE, li ingrana l-investiment privat. Mill-2014, 91 PCI irċevew EUR 3,2 biljun f’appoġġ mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (Connecting Europe Facility, CEF) u EUR 1,3 biljun f’appoġġ mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (European Fund for Strategic Investment, FEIS). Dan wassal għal investimenti totali ta’ madwar EUR 50 biljun. Barra minn hekk, il-politika ta’ koeżjoni tal-UE kkontribwiet EUR 2,8 biljun fi proġetti ta’ infrastruttura għall-gass naturali u l-elettriku li ntgħażlu sa tmiem l-2018.

Livell ta’ finanzjament għal kull settur taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF)

Grilji interkonnessi aktar b’saħħithom u aħjar fl-Istati Membri ppermettew applikazzjoni aktar effettiva tar-regoli tas-suq intern tal-enerġija. Dan irriżulta f’ kompetittività akbar, tnaqqis fl-ispejjeż u sigurtà aħjar. Sa issa, 26 pajjiż — li jammontaw għal aktar minn 90 % tal-konsum Ewropew tal-elettriku u aktar minn 400 miljun persuna — għaqqdu flimkien is-swieq tal-elettriku ta’ ġurnata bil-quddiem tagħhom. Matul l-aħħar seba’ snin, l-akkoppjament tas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem waħdu ta benefiċċju ta’ madwar EUR 1 biljun fis-sena lill-konsumaturi Ewropej 59 . Kien hemm ukoll gwadanji sinifikanti fil-benesseri mill-integrazzjoni tas-swieq tal-istess ġurnata u l-ibbilanċjar tas-swieq transfruntieri, li wassal għal diversi biljuni ta’ euro fi ffrankar fis-sena. L-akkoppjament tas-suq ippromwova wkoll il-konverġenza tal-prezzijiet f’diversi reġjuni f’dawn l-aħħar snin (pereżempju, konverġenza tal-prezzijiet ta’ 80 % u 41 % fil-Baltiku u fir-reġjuni tal-Ewropa tal-Punent Ċentrali rispettivament). Barra minn hekk, il-Kummissjoni appoġġat it-twaqqif ta’ ċentri ta’ kooperazzjoni reġjonali biex jgħinu l-integrazzjoni ta’ flussi tal-enerġija transfruntieri u flussi tal-enerġija varjabbli madwar is-sistema Ewropea tal-enerġija. Id-diġitalizzazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija se titlob li jkun hemm aktar attenzjoni għat-titjib taċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika.

Saru investimenti biex jippermettu l-integrazzjoni tas-settur. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar biex jingħaqdu flimkien is-setturi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u tal-użu aħħari. Dan huwa meħtieġ biex jiġi integrat is-sehem dejjem jikber ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli; tisħin u tkessiħ; u vetturi elettriċi fis-sistema tal-enerġija. Sa minn tmiem l-2016, kważi EUR 400 miljun f’għotjiet tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ aktar minn 50 proġett biex jiġu skjerati fjuwils alternattivi, u ġew mobilizzati investimenti totali li jaqbżu t-EUR 3 biljun. L-għan huwa li jsiru disponibbli EUR 350 miljun addizzjonali permezz tal-faċilità ta’ taħlit tas-CEF fl-2019. Dan se jkun qasam ewlieni ta’ attenzjoni għall-futur. Id-domanda futura għall-vetturi elettriċi se tvarja bejn ir-reġjuni tal-UE, u se tkun dipendenti fuq għadd ta’ fatturi, inkluż l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. Barra minn hekk, il-politika ta’ koeżjoni tal-UE tibqa’ sors importanti ta’ kofinanzjament tal-UE għall-użu tat-trasport nadif, pereżempju b’madwar EUR 12-il biljun ippjanati għall-mobilità urbana sostenibbli.

2.Proġetti pilota biex tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali tat-tranżizzjoni

It-tranżizzjoni tal-enerġija u tal-klima diġà qed tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija u qed trawwem il-ħolqien tal-impjiegi, u għandha l-potenzjal li tagħmel aktar. Bejn l-2000 u l-2014, l-impjiegi fis-setturi ambjentali tal-ekonomija kibru ferm aktar malajr (+49 %) mill-impjiegi fl-ekonomija kollha kemm hi (+ 6 %) 60 . Illum, fl-UE hemm erba’ miljun “impjieg ekoloġiku”. Dan jinkludi madwar 1,4 miljun impjieg fis-settur tal-enerġija relatati mat-teknoloġiji rinnovabbli 61 u 900 000 impjieg relatati ma’ attivitajiet tal-effiċjenza enerġetika 62 . Dawn iċ-ċifri huma mistennija li jiżdiedu b’aktar azzjoni dwar l-enerġija u l-klima, hekk kif investimenti fl-Ewropa jissostitwixxu l-importazzjonijiet tal-karburanti fossili, l-industriji Ewropej jiksbu l-kompetittività mill-vantaġġ tal-innovatur, u l-adattament għat-tibdil fil-klima jipproteġi l-impjiegi u l-opportunitajiet ta’ xogħol. 

Filwaqt li din it-tranżizzjoni tibbenefika l-maġġoranza l-kbira tan-nies u r-reġjuni, f’xi każijiet twassal ukoll għal sfidi soċjali. Pereżempju, miżuri regolatorji jew fiskali jista’ jkollhom effetti mhux intenzjonati rigressivi li jistgħu jaggravaw il-faqar enerġetiku. Barra minn hekk, hemm ukoll ir-riskju li t-tranżizzjoni ma tkunx imqassma b’mod ugwali. Ħafna mis-setturi, ir-reġjuni u l-gruppi tal-popolazzjoni se jgawdu minn tkabbir sinifikanti bħala riżultat ta’ din it-tranżizzjoni, filwaqt li oħrajn jistgħu jeħtieġu appoġġ biex ikunu jistgħu jaġġustaw ruħhom. Anke fir-rigward tal-faqar enerġetiku, għalkemm dan qed jonqos għal-livelli ta’ qabel il-kriżi, għad hemm differenzi importanti 63 fost l-Istati Membri. Hemm bosta politiki li jindirizzaw dawn l-isfidi fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari l-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll il-politiki soċjali u fiskali. Investimenti importanti u sostnuti fil-kapital uman huma essenzjali biex ġenerazzjonijiet futuri jkunu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa minn ekonomija li qed tinbidel. 64  

L-inizjattiva għal reġjuni fi tranżizzjoni b’użu intensiv ta’ faħam u karbonju tgħin biex jittaffew il-konsegwenzi soċjali tat-tranżizzjoni lejn livell baxx ta’ karbonju. Bħalissa hemm 41 reġjun tal-faħam madwar 12-il Stat Membru li għadhom jipprovdu madwar 185 000 impjieg fl-estrazzjoni tal-faħam. Il-Kummissjoni Ewropea qed tgħin lil dawn ir-reġjuni biex ifasslu strateġiji ta’ tranżizzjoni lejn livell baxx ta’ karbonju li jindirizzaw l-impatti soċjoekonomiċi potenzjalment negattivi b’żewġ modi, spjegati hawn taħt.

1.L-ewwel nett, il-Kummissjoni ħolqot pjattaforma miftuħa li tlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati affettwati kollha (il-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali; in-negozji; l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; eċċ.) biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki, jitrawwem it-tagħlim bejn il-pari, u tingħata informazzjoni dwar l-istrumenti ta’ appoġġ tal-UE li huma disponibbli.

2.It-tieni nett, il-Kummissjoni Ewropea tipprovdi appoġġ imfassal apposta, jew fil-forma ta’ timijiet operattivi tal-pajjiżi jew fil-forma ta’ diskussjonijiet bilaterali mal-esperti tal-Kummissjoni. Dan l-appoġġ jista’ jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali biex jidentifikaw modi kif jibdew u jmexxu t-tranżizzjoni. Dan l-appoġġ huwa akkumpanjat minn fondi, għodod ta’ finanzjament, u programmi eżistenti tal-UE. Bħalissa hemm 18-il reġjun fi tmien Stati Membri 65 li qed jibbenefikaw minn dan l-appoġġ. L-esperjenza bikrija turi li t-tranżizzjoni reġjonali jenħtieħ li tiġi ppjanata bl-appoġġ wiesa’ tal-partijiet interessati kollha. L-esperjenza bikrija turi wkoll li l-involviment mil-livell Ewropew huwa effettiv fil-mobilizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u fl-identifikazzjoni ta’ possibbiltajiet għal investiment li inkella jistgħu ma jiġux ikkunsidrati.

L-inizjattiva dwar l-enerġija nadifa għall-gżejjer tal-UE għandha l-għan li taċċellera t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa fl-Ewropa ta’ aktar minn 1 000 gżira abitata. Dan għandu l-għan li jgħin lil dawn il-gżejjer jisfruttaw is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli disponibbli lokalment, il-potenzjal tal-effiċjenza enerġetika u t-teknoloġiji ta’ ħżin u trasport innovattivi u jsiru awtosuffiċjenti fl-enerġija, u b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż, it-tniġġis ambjentali u d-dipendenza fuq żejt tal-fjuwil tqil biex tiġi ġġenerata l-enerġija, filwaqt li jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi lokali.

Irid isir aktar biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku, li għadu jaffettwa kważi 50 miljun ruħ madwar l-UE. Mod ewlieni ta’ kif dan jista’ jsir huwa li jiġu promossi l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika għall-unitajiet domestiċi. Dan itejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u jnaqqas il-kontijiet tal-enerġija. Kważi EUR 5 biljun mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014-2020 ġew allokati biex jgħinu fir-rinnovazzjoni tad-djar ta’ madwar 840 000 unità domestika. Barra minn hekk, bħala parti mill-pjanijiet nazzjonali dwar il-klima u l-enerġija tagħhom, l-Istati Membri issa se jivvalutaw l-għadd ta’ unitajiet domestiċi b’faqar enerġetiku. Jekk dan in-numru jkun sinifikanti, l-Istati Membri se jiddeskrivu l-politiki u l-miżuri biex itaffu dan il-faqar enerġetiku. Bħala appoġġ għal dawn il-proċessi, il-Kummissjoni Ewropea nediet l-Osservatorju Ewropew tal-Faqar Enerġetiku 66 , li l-missjoni tiegħu hija li jiġbor data, jipprovdi gwida, u jxerred l-aħjar prattiki.

Fl-2016, il-Kummissjoni Ewropea nediet il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà li joħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jivvolontarjaw, jagħmlu traineeship jew jaħdmu fuq varjetà ta’ proġetti, inklużi proġetti dwar il-klima u l-enerġija li jkunu ta’ benefiċċju għall-komunitajiet madwar l-Ewropa. Sa issa, madwar 120 000 żagħżugħ u żagħżugħa rreġistraw għall-Korp, u aktar minn 13 000 lestew l-attivitajiet ta’ solidarjetà tagħhom — jew qegħdin iwettquhom bħalissa.

Fuq il-livell globali, il-Kummissjoni Ewropea tat l-appoġġ tagħha biex il-kwistjoni soċjali tal-bżonn ta’ “tranżizzjoni ġusta tal-forza tax-xogħol”, li toħloq xogħol deċenti u impjiegi ta’ kwalità, tibda titqies bħala waħda mill-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja d-dinja fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima 67 .

3.L-abilitazzjoni tal-bliet u l-komunitajiet lokali

Sebgħin fil-mija tal-Ewropej jgħixu fil-bliet. Għalhekk, il-bliet jistgħu jkunu sostenituri b’saħħithom tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija, iżda jiffaċċjaw ukoll sfidi speċifiċi. Il-bliet għandhom rwol ewlieni x’jaqdu f’diversi kwistjonijiet bħal: l-istandards tal-bini; il-mobbiltà urbana; l-adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima; it-tisħin u t-tkessiħ; u l-enerġija rinnovabbli. L-awtoritajiet lokali jagħrfu l-opportunitajiet, iżda ħafna drabi jiffaċċjaw restrizzjonijiet fil-kapaċità tagħhom li jfasslu l-politiki u jimmobilizzaw l-investimenti.

Biex tgħin fil-mobilizzazzjoni tal-azzjoni fil-livell lokali, il-Kummissjoni Ewropea kellha rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija tal-UE. Il-Patt huwa inizjattiva minn isfel għal fuq li permezz tagħha l-awtoritajiet lokali u reġjonali jesponu l-azzjonijiet tagħhom għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, jirċievu appoġġ, jiskambjaw prattiki tajbin u jikkondividu r-riżorsi. Il-Patt tas-Sindki tal-UE issa huwa n-netwerk l-aktar wiesa’ tal-awtoritajiet lokali fid-dinja, u fih aktar minn 8 800 belt li jirrappreżentaw aktar minn 230 miljun Ewropew. Dawn l-ibliet, li jikkontribwixxu għal kważi terz tal-impenn tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2020, diġà naqqsu l-emissjonijiet tagħhom bi 23 % mill-inventarju tagħhom tas-sena bażi 68 . Sal-aħħar tas-sena li għaddiet, aktar minn 1 500 belt kienu impenjaw ruħhom li jaħdmu biex jiksbu l-mira aktar ambizzjuża ta’ tnaqqis ta’ 40 % fl-emissjonijiet tal-karbonju sal-2030, u li jimplimentaw azzjonijiet addizzjonali ta’ adattament. Il-Patt huwa miftuħ għal kull belt Ewropea li lesta tieħu impenji dwar il-klima u l-enerġija b’appoġġ għall-objettivi tal-UE. Hija ispirat ukoll inizjattivi simili ffinanzjati mill-Kummissjoni f’reġjuni oħra tad-dinja, li kollha ngħaqdu flimkien taħt l-umbrella tal-alleanza tal-Patt Globali tas-Sindki biex iħaffu t-tranżizzjoni tal-enerġija lejn l-objettivi tal-ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima.

L-aġenda Urbana tal-UE qed tavvanza sew ukoll. Bosta mill-14-il Sħubija attwali tagħha, li jinvolvu l-awtoritajiet lokali, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE f’approċċ ta’ governanza innovattiva, jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-Unjoni tal-Enerġija 69 . L-azzjonijiet Innovattivi Urbani qed ikomplu jittestjaw soluzzjonijiet innovattivi li jistgħu jiġu trasferiti lejn bliet oħra tal-UE. Minbarra l-proġetti li għaddejjin dwar it-Tranżizzjoni tal-Enerġija, qed jiġu appoġġati proġetti ġodda dwar l-Adattament għall-Klima dwar il-Kwalità tal-Arja 70 .URBIS huwa pjattaforma ddedikata ġdida ta’ konsulenza dwar l-investiment urban fiċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (li jgħin lill-ibliet jiffaċilitaw, jaċċelleraw u jiftħu l-investiment urban. URBIS diġà beda jimmaniġġja 36 talba minn madwar l-Ewropa kollha li jkopru firxa wiesgħa ta’ sottosetturi urbani. Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli taħdem mal-Bank Ewropew tal-Investiment biex tiżviluppa lil URBIS.

Fl-aħħar nett, il-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni tal-Enerġija jirrikonoxxi r-rwol li għandhom l-atturi lokali u reġjonali, b’mod partikolari fir-Regolament dwar il-Governanza u s-sejħiet għal azzjonijiet, pereżempju dwar il-mobilità b’livell baxx ta’ karbonju u l-bini enerġetikament effiċjenti 71 .

4.Modi ġodda ta’ appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni

Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma essenzjali għall-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-Komunikazzjoni dwar l-Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija Nadifa 72 fasslet strateġija għall-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa u biex ir-riżultati jinġiebu malajr fis-suq. Din l-istrateġija tistabbilixxi prijoritajiet billi timpenja, permezz tal-programm ta’ riċerka u innovazzjoni Orizzont 2020, madwar EUR 2,5 biljun għall-perjodu 2018-2020 biex jiġi dekarbonizzat l-istokk tal-bini tal-UE; tissaħħaħ it-tmexxija tal-UE fir-rigward tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli; jiġu żviluppati soluzzjonijiet għall-ħżin tal-enerġija u għall-elettromobbiltà; u tiġi inkoraġpita sistema tat-trasport urban aktar integrata. B’appoġġ għal dan, il-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (il-Pjan SET) ġabar flimkien Pjanijiet dettaljati ta’ Implimentazzjoni 73 għall-investimenti pubbliċi u privati f’dawn il-prijoritajiet kollha biex l-Ewropa tkun fuq quddiem tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Il-programm Orizzont Ewropa, li jibda fl-2021, se jinkludi approċċ orjentat lejn il-missjoni li se jkollu miri konkreti u se jkun marbut biż-żmien, biex jintlaħqu l-objettivi tas-soċjetà. Il-proposta tinkludi qasam ta’ missjoni dwar Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tippromwovi modi ġodda kif iġġib ir-riżultati ta’ proġetti ta’ riċerka fis-suq. Hija qed tħejji ruħha biex tniedi fond ta’ koinvestiment ma’ Breakthrough Energy 74 (koalizzjoni li tinkludi investituri privati, korporazzjonijiet globali, u istituzzjonijiet finanzjarji) biex tappoġġa kumpaniji innovattivi Ewropej li qed jiżviluppaw teknoloġiji radikalment ġodda ta’ enerġija nadifa u jġibuhom fis-suq. Barra minn hekk, il-proġett pilota tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni jipprovdi appoġġ għal innovazzjonijiet rivoluzzjonarji, inkluż f’teknoloġiji tal-enerġija nadifa, biex jiġu żviluppati l-innovazzjonijiet u jinġiebu fis-suq billi jiġu kkombinati l-għotjiet u l-investimenti ta’ ekwità. Aktar evidenza tal-progress li sar mill-proġetti ffinanzjati mill-UE tista’ tidher f’aktar minn 100 każ dwar l-effiċjenza fl-enerġija u r-riżorsi, li tqiegħdu fil-lista preliminari biex ikunu parti mill-portafoll tal-World Alliance for Efficient Solutions 75 . L-istrument InnovFin għal proġetti ta’ dimostrazzjoni tal-enerġija 76 qed ikun ta’ suċċess kbir, billi mmobilizza aktar minn EUR 140 miljun fl-2018, imqabbla ma’ EUR 25 miljun biss matul il-fażi pilota tiegħu mill-2015 sal-2017. Dan iġib l-appoġġ totali tal-UE sa issa għal kważi EUR 170 miljun, għall-ispejjeż totali tal-proġett ta’ aktar minn EUR 350 miljun. Fid-dawl tad-domanda importanti għall-appoġġ tad-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi fuq skala kbira, il-fondi mhux imħallsa ġew allokati mill-ġdid mill-Programm NER 300 77 għall-Proġetti ta’ Dimostrazzjoni fil-Qasam tal-Enerġija InnovFin u għall-Istrumenti ta’ Dejn tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni jappoġġjaw ukoll ir-riċerka u l-innovazzjoni għal livell baxx ta’ karbonju, abbażi ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, b’mill-inqas EUR 2,5 biljun ta’ finanzjament tal-UE disponibbli, li madwar EUR 1,2 biljun minnhom diġà ġew allokati għal proġetti magħżula fi tmiem l-2018 78 . Il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet ukoll il-Fond għall-Innovazzjoni u għandha l-għan li tinvesti madwar EUR 10 biljun f’teknoloġiji nodfa innovattivi.

L-UE qed tappoġġa wkoll il-ħolqien ta’ netwerk Ewropew ta’ akkademiċi u innovaturi f’teknoloġiji tal-enerġija nadifa. L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija jappoġġja n-negozji ġodda permezz tan-netwerk tiegħu tal-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI). Matul il-perjodu 2018-2020, madwar EUR 150 miljun ġew allokati mill-KICs biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet li jippromwovu l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa.

Qed jitfaċċaw oqsma ġodda ta’ interess fit-teknoloġiji spazjali u tal-idroġenu. Kif propost fir-Regolament dwar il-Programm Spazjali Ewropew 79 , il-Kummissjoni Ewropea qed trawwem l-adozzjoni tat-teknoloġiji spazjali tal-UE. Il-programmi Spazjali Ewropej Copernicus u Galileo huma faċilitaturi importanti għal soluzzjonijiet innovattivi rilevanti għall-ekonomija kollha, inklużi s-settur tal-enerġija u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Is-servizzi ta’ pożizzjonament jirriżultaw f’effiċjenza ogħla fit-tbassir tat-temp u l-kapaċitajiet tal-UE għall-monitoraġġ tad-dinja se jipprovdu identifikazzjoni preċiża tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-metan 80 sabiex jitfasslu politiki aħjar dwar l-enerġija u l-klima. L-idroġenu jista’ jkollu wkoll rwol importanti biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ ħżin tal-enerġija fuq skala kbira/interstaġjonali u biex tiġi ottimizzata s-sistema ġenerali tal-enerġija permezz tal-akkoppjament tas-setturi. L-idroġenu jista’ jappoġġja d-dekarbonizzazzjoni tal-infrastruttura tal-gass, it-trasport u l-industriji intensivi fl-enerġija. Matul l-aħħar 10 snin, ġew investiti aktar minn EUR 1 biljun fit-teknoloġiji tal-idroġenu permezz tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu.

L-Ewropa qed tieħu rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-fużjoni bħala sors promettenti ta’ enerġija b’livell baxx ta’ karbonju għall-futur. L-investiment tal-UE fl-ITER 81 , flimkien mal-Istati Uniti, il-Ġappun, iċ-Ċina, ir-Russja, il-Korea t’Isfel u l-Indja, diġà pproduċa benefiċċji tanġibbli għall-ekonomija u s-soċjetà tal-UE f’termini ta’ innovazzjoni u tkabbir. Kumpaniji u ċentri ta’ riċerka Ewropej qed jiżviluppaw it-teknoloġiji li se jagħmlu l-enerġija mill-fużjoni possibbli fil-futur u li diġà sabu diversi applikazzjonijiet lil hinn mis-settur tal-enerġija.

5.Is-sostenn u t-tisħiħ tal-kompetittività industrijali tal-Ewropa

Biex trawwem diskussjonijiet bejn l-atturi industrijali fil-ktajjen tal-valur, u bħala parti minn sforz biex jissaħħu r-rabtiet bejn ir-riċerka u l-industrija, il-Kummissjoni nediet tliet “inizjattivi mmexxija mill-industrija” fl-2017 dwar il-batteriji, l-enerġija rinnovabbli, u l-kostruzzjoni. Il-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll il-Forum Industrijali dwar l-Enerġija Nadifa, organizzat bħala parti integrali tal-Jiem tal-Industrija tal-UE annwali (22-23 ta’ Frar 2018, 5-6 ta’ Frar 2019 kif ukoll separatament dwar l-enerġija rinnovabbli fit-18 ta’ Marzu 2019), biex trawwem skambji bejn ir-rappreżentanti tal-industrija, l-akkademja, l-awtoritajiet lokali u dawk li jfasslu l-politika.

F’Mejju 2018 twaqqaf Forum Strateġiku dwar Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (Important Projects of Common European Interest, IPCEI). Dan ikopri katini ta’ valur strateġiċi bħall-batteriji.

Il-batteriji se jkollhom tabilħaqq importanza strateġika partikolari fid-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea, fit-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tal-UE fil-provvista tal-enerġija, u fit-tisħiħ tal-kompetittività industrijali tal-UE. Il-batteriji se jkunu importanti għall-ġestjoni tal-grilja tal-elettriku biex titqassam u tinħażen l-enerġija minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Huma se jgħinu wkoll biex tiġi promossa l-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi u b’emissjonijiet żero. Fuq il-bażi tal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji 82 , ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni strateġiku dwar il-Batteriji, “Building a Strategic Battery Value Chain in Europe” (“Nibnu Katina tal-Valur Strateġika tal-Batteriji fl-Ewropa”) (adottat 83 flimkien mar-rapport preżenti), jenfasizza l-importanza ta’ din il-katina ta’ valur strateġika. Hija tenfasizza n-natura wiesgħa tal-isfidi li qed jiffaċċja s-settur tal-batteriji fl-Ewropa u tirrapporta dwar il-progress li sar fil-Pjan ta’ Azzjoni strateġiku tal-Kummissjoni dwar il-Batteriji 84 .

L-implimentazzjoni sħiħa tal-approċċ tal-Ekonomija Ċirkolari hija wkoll kritika għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea, b’mod partikolari għal setturi b’użu intensiv tal-enerġija bħal pereżempju l-azzar, is-siment jew il-ħġieġ, filwaqt li tinżamm jew tiżdied il-kompetittività tagħha. L-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ materja prima jwasslu għal inqas emissjonijiet – u jnaqqsu d-dipendenza tal-Ewropa fuq il-provvista tal-materja prima 85 . F’Diċembru 2018, il-Kummissjoni Ewropea nediet l-Alleanza dwar il-Plastik Ċirkolari, alleanza tal-partijiet ikkonċernati prinċipali tal-industrija li tkopri l-katina tal-valur sħiħa tal-plastik bħala parti mill-isforzi persistenti tagħha biex jitnaqqas l-iskart tal-plastik, jiżdied is-sehem ta’ plastik riċiklat u tiġi stimulata l-innovazzjoni tas-suq.

6.Investimenti fis-sostenibbiltà u fit-tranżizzjoni tal-enerġija

In-nuqqas fl-investiment fl-Ewropa wara l-kriżi finanzjarja issa kważi mtela’. Madankollu, li jkun hemm investiment ta’ kwalità għolja se jibqa’ essenzjali għal futur prosperu 86 , u l-Unjoni tal-Enerġija hija opportunità ewlenija ta’ investiment. Il-kisba tal-benefiċċji tal-qafas għall-klima u l-enerġija għall-2030 hija stmata li se tirrikjedi EUR 180 biljun f’investiment annwali addizzjonali bejn l-2020 u l-2030. 87 Sabiex tintlaħaq in-newtralità għall-klima, se jkunu meħtieġa investimenti addizzjonali ta’ madwarEUR 142-199 biljun fis-sena bejn l-2030 u l-2050 88 (imqabbla ma’ linja bażi bil-miżuri eżistenti 89 li diġà tirrikjedi kważi investiment ta’ EUR 400 biljun fis-sena 90 ). Ir-riżorsi pubbliċi jistgħu jipprovdu ingranaġġ jew jidderieġu l-investimenti fid-direzzjoni t-tajba, iżda l-biċċa l-kbira ta’ dan l-investiment se jkollu jiġi minn sorsi privati. Din hija r-raġuni għaliex l-Unjoni tal-Enerġija u l-politika industrijali tal-UE t-tnejn iffukaw fuq it-tnaqqis tar-riskji ta’ investimenti f’enerġija nadifa. L-Istati Membri se jkomplu jkollhom rwol ċentrali biex jiżguraw id-dħul għal proġetti ġodda fil-forma ta’ skemi ta’ appoġġ. Iżda arranġamenti ta’ xiri fit-tul fil-forma ta’ ftehimiet ta’ xiri ta’ enerġija korporattiva se jkollhom dejjem aktar rwol kumplimentari fl-iħħeġġjar tad-dħul ta’ fornituri ta’ enerġija rinnovabbli.

Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa (magħruf ukoll bħala l-“Pjan Juncker”) jimmobilizza l-investimenti fl-enerġija rinnovabbli, fl-effiċjenza fl-enerġija u fl-infrastruttura tal-enerġija. Minn total ta’ EUR 390 biljun f’investimenti mobilizzati mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), kważi EUR 70 biljun ġew investiti fis-settur tal-enerġija. Pereżempju, l-FEIS ikkontribwixxa għall-finanzjament tal-aċċess għall-enerġija rinnovabbli għal 7,4 miljun unità domestika fl-UE. Għadd ta’ programmi ta’ investiment fl-effiċjenza enerġetika fuq skala nazzjonali u reġjonali f’bini residenzjali fi Franza, fi Spanja, fl-Italja, fil-Ġermanja, fil-Finlandja, fil-Polonja, fir-Repubblika Ċeka u fi Stati Membri oħrajn ibbenefikaw mill-appoġġ tal-FEIS. Il-FEIS ikkontribwixxa wkoll għall-finanzjament tal-interkonnettur tal-elettriku bejn l-Italja u Franza, u proġetti ewlenin tal-infrastruttura tal-gass, bħall-pipeline TransAdriatiku u l-Konnessjoni tal-Gass tal-Baħar l-Iswed.

Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE tipprovdi wkoll appoġġ sostanzjali, inkluż finanzjament sinifikanti ta’ EUR 69 biljun - jew madwar EUR 92 biljun b’kofinanzjament pubbliku u privat nazzjonali - taħt il-programmi tal-2014-2020 għall-ħames dimensjonijiet kollha tal-Unjoni tal-Enerġija. L-implimentazzjoni miexja sew, b’71 % tal-finanzjament totali allokat għall-proġetti sa tmiem l-2018. Madwar EUR 2,5 biljun għal investimenti f’ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju huma skjerati permezz ta’ strumenti finanzjarji.

Barra minn hekk, l-inizjattiva “Finanzjament Intelliġenti għal Bini Intelliġenti ” qed tagħti spinta lill-investiment fir-rinnovazzjonijiet fl-effiċjenza enerġetika ta’ unitajiet domestiċi u SMEs. Qed tikseb dan billi tippermetti li l-fondi pubbliċi jintużaw b’mod aktar effettiv permezz ta’ (i) l-użu ta’ strumenti finanzjarji (eż. self garantit) u l-ikkuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija; (ii) ittejjeb l-aggregazzjoni u l-għajnuna għall-iżvilupp tal-proġetti; u (iii) tnaqqas ir-riskji tal-investimenti.

F’Mejju   2018, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li ssaħħaħ aktar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 li jmiss 91 . Hija pproponiet li żżid il-miri attwali għan-nefqa tal-baġit tal-UE fuq l-objettivi tal-klima minn 20 % 92 għal 25 %. Hija pproponiet ukoll li żżid in-nefqa ta’ Orizzont Ewropa fuq l-objettivi klimatiċi għal 35 % 93 . Il-proġetti se jkollhom ikunu reżiljenti għat-tibdil fil-klima attwali u futur. Dan se jkun ikkomplementat bi strumenti li jiffaċilitaw tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju f’reġjuni li jiddependu fuq il-karbonju, bħall-Fond għall-Modernizzazzjoni taħt is-Sistema tal-UE għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet fond li se jappoġġa d-dekarbonizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija f’10 Stati Membri benefiċjarji mill-2021.

Sabiex tingħata spinta lill-investiment sostenibbli, f’Mejju   2018, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet sensiela ta’ miżuri biex tinħoloq sistema ta’ klassifikazzjoni (tassonomija) unifikata ta’ x’jista’ jitqies bħala attività ekonomika ambjentalment sostenibbli. Fil-25 ta’ Frar 2019, il-koleġiżlaturi qablu dwar din il-ġenerazzjoni ġdida ta’ punti ta’ riferiment b’livell baxx ta’ karbonju, li se jirregolaw l-obbligi tad-divulgazzjoni dwar kif l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi jistgħu jintegraw il-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza fil-proċessi ta’ riskju tagħhom. Dawn il-miżuri se jiżviluppaw ukoll kategorija ġdida ta’ parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’impatt pożittiv fuq il-livell ta’ karbonju, li se jipprovdu lill-investituri b’informazzjoni aħjar dwar l-impronta tal-karbonju tal-investimenti tagħhom. 

Tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili li huma ta’ ħsara għall-ambjent, hija meħtieġa biex tinkiseb Unjoni tal-Enerġija effiċjenti u effettiva, kif rikonoxxut mill-impenji tal-UE fil-qafas tal-G20. Bejn l-2008 u l-2016, is-sussidji għall-fjuwils fossili ma naqsux. Dawn is-sussidji huma stmati li jiswew EUR 55 biljun fl-2016, u dan jimplika li l-politiki nazzjonali u tal-UE għadhom mhumiex biżżejjed biex dawn jitneħħew gradwalment 94 .

7.Dimensjoni esterna b’saħħitha għall-Unjoni tal-Enerġija

Bħala attur globali, l-UE kienet minn tal-ewwel li tirrikonoxxi l-isfida tat-tibdil fil-klima u l-opportunitajiet tat-tranżizzjoni għall-enerġija nadifa. Bis-saħħa ta’ koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE, l-UE qed twettaq b’suċċess diplomazija dwar l-enerġija u l-klima billi timmobilizza n-netwerks diplomatiċi u l-aġenziji ta’ kooperazzjoni tagħha biex tinsisti għal azzjoni klimatika globali ambizzjuża. Dan jinkludi komunikazzjoni ma’ pajjiżi sħab u l-iskalar tal-finanzjament għall-klima u l-assistenza teknika biex il-pajjiżi jiġu megħjuna jimplimentaw il-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali tagħhom għall-Ftehim ta’ Pariġi. L-UE organizzat laqgħat ministerjali maċ-Ċina u l-Kanada dwar l-azzjoni klimatika li għenu biex tinżamm il-fiduċja fl-azzjoni klimatika globali. L-UE taħdem ukoll mill-qrib mal-presidenzi tal-G7 u tal-G20 biex tippromwovi l-aġenda tal-klima globali, filwaqt li tenfasizza l-ħtieġa li ekonomiji b’emissjonijiet għolja juru tmexxija u progress. barra minn hekk, l-inizjattiva Missjoni Innovazzjoni qed tipprovdi forum intergovernattiv importanti għal attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp ġodda. Il-Missjoni Annwali ta’ Innovazzjoni organizzata flimkien mad-Dritt Ministerjali dwar l-Enerġija Nadifa 95 jipprovdu opportunitajiet kbar biex jitħaffu l-investimenti fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa.

It-tmexxija globali tal-UE dwar l-enerġija nadifa u l-klima hija integrata fl-objettivi internazzjonali l-oħra tagħha. It-tibdil fil-klima jaġixxi bħala “multiplikatur tat-theddid”, li jikkontribwixxi għall-instabbiltà globali u għall-flussi migratorji fuq skala kbira. Bil-maqlub, investimenti fl-enerġija nadifa fil-pajjiżi msieħba joħolqu opportunitajiet għal industriji pijunieri Ewropej b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u l-azzjoni tal-UE tfittex li timmassimizzahom.

L-UE qed tfittex modi ġodda biex tallinja l-objettivi kummerċjali u klimatiċi. Pereżempju, il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun huwa l-ewwel wieħed fid-dinja li jinkludi impenn speċifiku favur il-Ftehim ta’ Pariġi. Fil-qasam tal-kummerċ u l-enerġija bilaterali, l-UE qablet ukoll fl-2018 dwar kapitolu dwar “l-enerġija u l-materja prima” mal-Messiku u qed tkompli tinsisti dwar kapitoli bħal dawn f’negozjati li għaddejjin dwar ftehimiet ta’ kummerċ ħieles ma’ pajjiżi importanti fil-qasam tal-enerġija u l-materja prima, bħall-Awstralja, l-Ażerbajġan u ċ-Ċilì.

L-indirizzar tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali u mit-trasport marittimu jibqa’ sfida meta jitqies it-tkabbir proġettat tal-emissjonijiet marbuta maż-żieda fit-traffiku. F’Ottubru 2016, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali qablet dwar l-iżvilupp ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq, CORSIA 96 , bħala pass inizjali mmirat lejn it-tpaċija tal-emissjonijiet lil hinn mill-livelli tal-2020 sa mill-2021. Fis-settur marittimu, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali adottat strateġija inizjali 97 f’April 2018, dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-bastimenti b’mill-inqas 50 % sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-2008. Għaż-żewġ setturi, dawn il-passi essenzjali lejn id-dekarbonizzazzjoni se jeħtieġu jiġu żgurati.

L-impenn internazzjonali tal-UE kkontribwixxa għall-għan tal-Unjoni tal-Enerġija li jiġu diversifikati s-sorsi tal-enerġija tal-Ewropa u tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija. L-UE żżomm djalogu regolari dwar l-enerġija ma’ fornituri u sħab ewlenin tal-enerġija — kemm b’mod bilaterali (in-Norveġja, l-Istati Uniti, l-Iran, l-Alġerija, l-Eġittu u t-Turkija) kif ukoll permezz ta’ pjattaformi multilaterali (pereżempju l-OPEC, l-Unjoni għall-Mediterran, il-G7 u l-G20).

Dwar il-provvista tal-gass, il-Kummissjoni Ewropea ffaċilitat diversi ċikli ta’ taħdidiet trilaterali bejn l-Ukraina u l-Federazzjoni Russa mmirati biex jiżguraw it-tranżitu mingħajr interruzzjoni tal-gass naturali mir-Russja permezz tal-Ukrajna. L-ewwel kunsinni tal-gass naturali permezz tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar huma mistennija li jibdew is-sena d-dieħla, bħala riżultat tal-ħidma konsistenti tal-UE mas-sħab rilevanti u l-partijiet ikkonċernati kollha tal-proġett. Il-Kummissjoni Ewropea appoġġat ukoll l-isforzi tal-pajjiżi tal-Lvant tal-Mediterran biex jesploraw soluzzjonijiet komuni biex ir-riżorsi tal-gass sinifikanti tagħhom jinġiebu fis-suq. Il-Kummissjoni Ewropea tibqa’ wkoll impenjata li tappoġġa l-iżvilupp tar-reġjun f’ċentru tal-gass naturali u f’fornitur futur tal-gass naturali lill-UE. Hija se tkompli bil-politika tagħha li għandha l-għan ta’ diversifikazzjoni ulterjuri tas-sorsi tal-provvista u r-rotot tat-trasport kif ukoll tal-implimentazzjoni stretta tal-acquis tal-enerġija fit-territorju kollu tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni segwiet fuq l-istrateġija tagħha tal-2016 98 biex tiżgura li l-UE ssir destinazzjoni aktar attraenti għall-provvista globali ta’ gass naturali likwifikat (LNG), biex b’hekk tkun tista’ taqdi rwol kruċjali fl-isforzi tagħna ta’ diversifikazzjoni. L-UE qed issegwi skambji mill-qrib dwar il-kwistjonijiet kollha ta’ politika tal-enerġija mas-sħab ewlenin tagħna, u b’mod partikolari mal-Istati Uniti; Kemm l-Istati Uniti kif ukoll l-UE ħadu passi konkreti biex iżidu l-importazzjonijiet tal-LNG mill-Istati Uniti bi prezz kompetittiv għall-UE. Sa mil-laqgħa bejn il-President Juncker u l-President Trump ta’ Lulju 2018 99 , ir-relazzjoni kummerċjali tal-LNG intensifikat, b’total ta’ kważi disa’ biljun metru kubu sa tmiem Marzu 2019 100 . Fit-2 ta’ Mejju 2019 se ssir konferenza importanti dwar l-LNG taħt il-Kunsill tal-Enerġija bejn l-UE u l-Istati Uniti biex ikomplu jittejbu l-kuntatti bejn in-negozji.

L-UE kompliet tgħin lill-pajjiżi fil-viċinat tagħha biex jimmodernizzaw is-settur tal-enerġija tagħhom. Permezz tal-Komunità tal-Enerġija, l-UE kompliet tgħin lill-partijiet kontraenti biex jadottaw l-elementi ewlenin tal-acquis tal-UE dwar l-enerġija u l-klima. Għadu għaddej aġġornament tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija.

L-iżgurar tas-sikurezza nukleari lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea kien ukoll qasam ewlieni ta’ attenzjoni għall-Kummissjoni Ewropea. Ġew organizzati testijiet tal-istress fil-viċinat tal-UE, bħal dawk imwettqa fuq ir-reatturi kollha tal-UE, u dawn se jkomplu jsiru. It-test tal-istress imwettaq mill-Belarussja ġie evalwat bejn il-pari mill-esperti tal-UE.

Dwar il-kooperazzjoni nukleari ċivili, l-UE kompliet tmexxi ‘l quddiem b’suċċess il-kooperazzjoni tagħha mal-Iran, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt. F’dan il-kuntest, l-UE għandha l-għan li trawwem il-kooperazzjoni — biex tifhem aħjar il-ħtiġijiet nukleari ċivili tal-Iran u żżid b’mod gradwali l-fiduċja fil-programm nukleari tal-Iran — u ħidma flimkien mill-ġdid usa’ fit-tul mal-Iran. L-UE nediet diversi azzjonijiet biex tappoġġja dan il-proċess, b’mod partikolari fis-sikurezza nukleari u b’appoġġ għall-Awtorità Regolatorja Nukleari tal-Iran. Dan l-aħħar l-UE organizzat ukoll it-tielet seminar ta’ livell għoli bejn l-UE u l-Iran dwar il-kooperazzjoni nukleari internazzjonali u l-governanza nukleari.

L-UE kompliet tespandi l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha mal-imsieħba internazzjonali fis-swieq tal-karbonju, u ħadmet mill-qrib maċ-Ċina biex tappoġġja l-bidu u l-iżvilupp tas-sistema nazzjonali tagħhom, iżda wkoll ma’ New Zealand u California. L-ewwel Sistema ta’ Skambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet ġiet iffirmata u konkluża bejn l-UE u l-Iżvizzera.

L-UE tirrikonoxxi l-importanza ta’ enerġija sostenibbli u nadifa għall-iżvilupp u l-istabbiltà globali. Għal din ir-raġuni, l-UE qiegħda kontinwament tibni l-appoġġ tagħha għal aċċess għal enerġija sostenibbli u affordabbli. Fil-qafas Finanzjarju Pluriennali attwali 2014-2020, ġew allokati EUR 3,7 biljun għall-enerġija sostenibbli. Żewġ sfidi ta’ importanza enormi jridu jiġu ffaċċjati fl-istess ħin: L-isfida tal-aċċess għall-enerġija u l-isfida tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima. Minħabba s-sinifikat ta’ dawn l-isfidi, l-UE qed tiffoka wkoll l-isforzi tagħha fuq l-appoġġ tal-governanza tas-settur tal-enerġija u fuq il-provvista ta’ mekkaniżmi finanzjarji innovattivi biex jiġu stimulati l-investimenti privati fl-enerġija sostenibbli. Dawn il-mekkaniżmi finanzjarji innovattivi jinkludu l-Pjan ta’ Investiment Estern Ewropew. Bħala parti mill-Alleanza bejn l-Afrika u l-Ewropa mħabbra f’Settembru 2018, tnediet pjattaforma konġunta ta’ livell għoli bejn l-Afrika u l-Ewropa għall-investimenti fl-enerġija sostenibbli f’Novembru 2018. Din il-pjattaforma ta’ livell għoli se tkun qed tikkontribwixxi għall-Inizjattiva Afrikana tal-Enerġija Rinnovabbli, immexxija mill-Afrika.

Peress li l-azzjoni mill-gvernijiet biss mhijiex biżżejjed biex jintlaħqu l-miri tal-klima globali, l-UE taħdem flimkien mas-soċjetà ċivili globali, mas-settur privat u mal-gvernijiet lokali u reġjonali biex tgħinhom jimmobilizzaw l-azzjoni klimatika. Pereżempju, il-Kummissjoni Ewropea appoġġat l-iżvilupp tal-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija sa mill-ħolqien tiegħu fl-2017. Sa issa, 9 296 belt, li jirrappreżentaw aktar minn 808 miljun persuna madwar id-dinja u 10,59 % tal-popolazzjoni globali, impenjaw ruħhom favur il-Patt Globali. Azzjonijiet bħal dawn mhux biss jimmobilizzaw l-impenji mill-bliet, iżda jiffaċilitaw ukoll l-investiment fi pjanijiet urbani dwar il-klima u l-enerġija billi jirreplikaw is-soluzzjonijiet fil-livell globali li kienu ġew implimentati l-ewwel fl-UE.

Kaxxa: it-tisħiħ ulterjuri tar-rwol globali tal-euro fis-settur tal-enerġija

L-UE hija l-akbar importatur tal-enerġija fid-dinja b’kont annwali medju tal-importazzjoni tal-enerġija ta’ EUR 300 biljun matul l-aħħar ħames snin. Għalhekk għandha interess strateġiku fil-promozzjoni tal-użu tal-euro fis-settur tal-enerġija. Dan inaqqas l-espożizzjoni tal-kumpaniji Ewropej għar-riskji monetarji u politiċi. Dan inaqqas ukoll l-ispejjeż u r-riskji għan-negozji Ewropej, u jnaqqas ir-rati tal-imgħax imħallsa mill-unitajiet domestiċi.

Dan jista’ jseħħ biss jekk ikun hemm sforz konġunt mill-UE, l-Istati Membri, il-parteċipanti fis-suq u atturi oħra. Għal din ir-raġuni, F’Diċembru 2018, il-Kummissjoni Ewropea adottat rakkomandazzjoni 101 biex tippromwovi l-użu aktar mifrux tal-euro fi ftehimiet u tranżazzjonijiet internazzjonali dwar l-enerġija. Il-Kummissjoni Ewropea nediet ukoll serje ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati dwar il-potenzjal tas-suq għal użu usa’ ta’ tranżazzjonijiet iddenominati f’euro, inklużi dawk relatati maż-żejt mhux maħdum, mal-gass jew mal-prodotti raffinati.

V.    KONKLUŻJONIJIET

Il-ħolqien tal-Unjoni tal-Enerġija kien jirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u s-setturi kollha tas-soċjetà. Huwa ta kontribut sinifikanti għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa. Dan inkiseb permezz tal-interkonnessjoni tas-swieq nazzjonali, id-diversifikazzjoni ulterjuri tas-sorsi tal-enerġija, l-użu ta’ sorsi indiġeni ta’ enerġija rinnovabbli, l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ effiċjenza enerġetika u l-promozzjoni ta’ ambjent favorevoli għall-investiment. Jeħtieġ li dawn l-isforzi jinżammu biex jiżguraw is-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa u prezzijiet kompetittivi tal-enerġija.

Sabiex jintlaħaq il-potenzjal ekonomiku tagħha u tiġi promossa n-newtralità għall-klima, l-Unjoni tal-Enerġija issa trid tkun ankrata sew fil-prattika. L-implimentazzjoni tal-qafas legali l-ġdid u l-azzjonijiet ta’ abilitazzjoni qed jattiraw investimenti li se jiżviluppaw l-ekonomija sħiħa tal-Ewropa u joħolqu l-impjiegi u jippromwovu t-tkabbir inklużiv. Dawn l-isforzi issa jridu jiġu rduppjati biex jinkisbu aktar benefiċċji. It-tranżizzjoni trid tkun ġusta u soċjalment aċċettabbli. L-implikazzjonijiet soċjali tal-proċess għandhom ikunu fil-qalba tal-politiki sa mill-bidu nett.

Bejn issa u l-2030, id-djalogu kontinwu li jinsab għaddej bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-Pjani Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima se jkun ta’ importanza kritika. Dan id-djalogu se jgħin biex jinstabu soluzzjonijiet kollettivi, jitrawwem appoġġ reċiproku fost l-Istati Membri, u jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati kollha. Dan se jiżgura li l-UE twettaq l-impenji tagħha b’mod konġunt. Wara l-valutazzjoni tal-abbozz tal-Pjanijiet Nazzjonali tal-Enerġija u tal-Klima ppreżentati mill-Istati Membri, u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea sat-30 ta’ Ġunju 2019, l-Istati Membri se jadottaw il-pjanijiet finali tagħhom qabel il-31 ta’ Diċembru 2019. Ir-rapport li jmiss dwar “L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija” se jiġi ppubblikat qabel Ottubru 2020. Sa dak iż-żmien, dan ir-rapport se jkun f’pożizzjoni li jenfasizza l-progress li sar permezz tal-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv miftiehem, u żviluppi ġodda dwar l-azzjonijiet ta’ abilitazzjoni. Il-valutazzjoni tal-progress u l-adattament dinamiku għal żviluppi ġodda se jibqgħu importanti.

L-integrazzjoni u l-innovazzjoni fis-setturi ekonomiċi kollha, u l-promozzjoni tal-konsistenza bejn firxa wiesgħa ta’ politiki relatati u skali varji ta’ azzjoni, se jkunu aktar essenzjali minn qatt qabel. Dan l-approċċ — inklużi l-enerġija; il-mitigazzjoni u l-adattament tal-klima; il-kwalità tal-arja; it-teknoloġiji diġitali; l-industrija; it-trasport; l-art; l-agrikoltura; il-kwistjonijiet soċjali; is-sigurtà; u ħafna kwistjonijiet oħra — jeħtieġ li jiġu promossi fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali. Huma se jattrezzaw lill-UE biex tindirizza sfidi futuri, bħad-diġitizzazzjoni, l-abilitazzjoni tal-konsumatur, u l-iżvilupp ta’ swieq tal-elettriku flessibbli li jistgħu jlaħħqu ma’ ishma għoljin ta’ sorsi rinnovabbli varjabbli.

Jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tkompli tinvolvi liċ-ċittadini, lill-awtoritajiet lokali u lill-industrija biex trawwem il-kooperazzjoni, toħloq ktajjen ta’ valur industrijali sħaħ u ssaħħaħ l-innovazzjoni u l-investiment urban. B’mod partikolari, l-iżgurar tal-finanzjament meħtieġ se jkun kruċjali — is-settur finanzjarju fl-UE għandu l-potenzjal li jipprovdi l-ħtiġijiet ta’ investiment annwali ta’ kważi EUR 180 biljun biex jintlaħqu l-miri tal-UE dwar il-klima u l-enerġija sal-2030. Se jkun essenzjali li jiġi żgurat finanzjament stabbli u fit-tul tul bosta snin u li jiġi żgurat li dan il-finanzjament jissodisfa l-ħtiġijiet tal-Unjoni tal-Enerġija.

L-UE teħtieġ li żżomm u ssaħħaħ ir-rwol ta’ tmexxija tagħha fl-azzjoni globali dwar il-klima u l-enerġija, filwaqt li tipprovdi liċ-ċittadini kollha tagħha l-enerġija u s-sigurtà klimatika. Għalhekk se jkun tal-akbar importanza li jitkompla t-tisħiħ tal-qafas ta’ abilitazzjoni, li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tal-enerġija, u li jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba għal ekonomija newtrali għall-klima.

Il-viżjoni strateġika fit-tul tal-UE għal ekonomija prosperuża, moderna, kompetittiva, u newtrali għall-klima, sal-2050 se tkun essenzjali biex tingħata direzzjoni ċara lill-iżvilupp ulterjuri tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea turi d-direzzjoni tal-ivvjaġġar lejn ekonomija newtrali għall-klima u reżiljenti. Hija tenfasizza għal darb’ oħra l-importanza tal-qafas wiesa’ ta’ abilitazzjoni tal-UE biex jinkiseb status ta’ newtralità għall-klima sa nofs is-seklu. Dan il-qafas jippromwovi kundizzjonijiet favorevoli dwar il-finanzi u l-investiment permezz tal-internalizzazzjoni tal-esternalitajiet, aġenda konsistenti tar-riċerka u l-innovazzjoni, tranżizzjoni ġusta għar-reġjuni, għas-setturi ekonomiċi u għall-pubbliku ġenerali, u użu sħiħ tal-politiki rilevanti, inklużi l-politiki tal-UE dwar il-baġit, l-impjiegi u l-koeżjoni.

(1)

 Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li Tħares 'il Quddiem (COM(2015) 080 final) tal-25 ta' Frar 2015.

(2)

 Pjaneta Nadif għall-kulħadd Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima (COM(2018) 773 final), it-28 ta’ Novembru 2018.

(3)

Ara wkoll: 10 xejriet li qed isawru mill-ġdid il-klima u l-enerġija, iċ-Ċentru Ewropew tal-Istrateġija Politika, it-3 ta’ Diċembru 2018. https://ec.europa.eu/epsc/sites/epsc/files/epsc_-_10_trends_transforming_climate_and_energy.pdf.

(4)

Inventarju annwali tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-Unjoni Ewropea 1990-2016 (l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent), inventarju approssimat tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE fl-2017 (l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent), Prodott Domestiku Gross mill-Bażi tad-Data Makroekonomika Annwali tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Kummissjoni Ewropea.

(5)

Ara r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – il-valutazzjoni tal-2018 tal-progress li sar mill-Istati Membri lejn il-miri nazzjonali tal-effiċjenza enerġetika għall-2020 u lejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Effiċjenza Enerġetika kif mitlub mill-Artikolu 24(3) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija 2012/27/UE (COM(2019) 224 final), id-9 ta’ April 2019.

(6)

Ara r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – ir-Rapport ta’ Progress tal-Enerġija Rinnovabbli (COM(2019) 225 final), id-9 ta’ April 2019.

(7)

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020, ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1.

(8)

Pereżempju, fil-Ġermanja, il-livelli ta’ appoġġ għal impjanti fotovoltajċi solari ġew stabbiliti b’mod amministrattiv għal madwar EUR 9 ctEUR/kWh fl-2015. L-offerti kompetittivi għenu biex jitnaqqsu l-ispejjeż għal inqas minn EUR 5 ctEUR/kWh fl-2018.

(9)

Il-pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli huma rapporti dettaljati ppreżentati mill-Istati Membri li jiddeskrivu l-impenji u l-inizjattivi tagħhom biex tiġi żviluppata enerġija rinnovabbli skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2009/28/KE dwar l-Enerġija Rinnovabbli.

(10)

Il-Bulgarija, iċ-Ċekja , id-Danimarka, l-Estonja, il-Kroazja, l-Italja, il-Litwanja, l-Ungerija, ir-Rumanija, il-Finlandja u l-Iżvezja.

(11)

Il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

(12)

Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ĠU L 140, p. 16-62.

(13)

Il-Belġju, Franza, l-Irlanda, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja u s-Slovenja.

(14)

Il-Belġju, l-Irlanda, il-Greċja, Franza, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall u r-Renju Unit.

(15)

Ara r-rapport ta’ progress tal-Istati Membri lejn il-miri indikattivi tagħhom għall-enerġija rinnovabbli għall-2020.

(16)

L-Awstrija, il-Ġermanja, Spanja, il-Latvja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja.

(17)

Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16-62.

(18)

 Ara r-rapporti annwali tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija/Kunsill tar-Regolaturi tal-Enerġija Ewropej (Cooperation of Energy Regulators/Council of European Energy Regulators, ACER/CEER) dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ tas-swieq interni tal-elettriku u tal-gass naturali fl-2017, Settembru 2018: https://acer.europa.eu/Official_documents/Publications/Pages/Publication.aspx .

(19)

Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku, ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55-93 u d-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali, ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94-136.

(20)

Il-Kummissjoni adottat għadd ta’ deċiżjonijiet dwar l-antitrust, li kkontribwew għal fluss mhux ristrett ta’ enerġija fis-suq intern kemm fis-suq tal-gass kif ukoll f’dak tal-elettriku, l-aktar reċentement fid-deċiżjonijiet li ġejjin: AT.39816 Gazprom commitment decision , AT.40461 DE-DK Interconnectors commitment decision , AT.39849 BEH Gas prohibition decision .

(21)

Ara: https://www.eea.europa.eu/publications/air-quality-in-europe-2018 .

(22)

Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi, ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1-31.

(23)

 Ir-Rapport dwar l-Ewwel Perspettiva dwar l-Arja Nadifa (COM(2018) 446 final), is-7 ta’ Ġunju 2018.

(24)

Din il-grafika tirrappreżenta bidliet relattivi minn sena għal oħra u tqis il-bidliet fl-għadd ta’ Stati Membri tal-UE matul is-snin.

(25)

Pasimeni, F.; Fiorini, A.; Georgakaki, A.; Marmier, A.; Jimenez Navarro, J.P.; Asensio Bermejo, J. M. (2018): SETIS Research & Innovation country dashboards. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea (JRC):

(26)

Idem.

(27)

B’mod parallel, il-Kummissjoni adottat flimkien mar-rapport preżenti komunikazzjoni dwar il-qafas istituzzjonali “Teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-politika tal-enerġija u l-klima tal-UE” (COM(2019) 177 final, id-9 ta’ April 2019).

(28)

Id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2018 biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta' karbonju, ĠU L 76, 19.3.2018, p. 3-27.

(29)

Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26-42.

(30)

Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, ĠU L 156, 19.6. 2018, p. 1-25.

(31)

Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha (COM(2016) 860 final), it-30 ta’ Novembru 2016.

(32)

Strateġija Ewropea għal Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi (COM(2016) 501 final), l-20 ta’ Lulju 2016.

(33)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82-209.

(34)

Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210-230.

(35)

Il-leġiżlazzjoni tal-UE diġà kienet tipprovdi li sal-2021, b’introduzzjoni gradwali mill-2020, il-medja tal-flotta li għandha tintlaħaq mill-karozzi l-ġodda kollha tkun ta’ 95 gramma ta’ CO2 għal kull kilometru.

(36)

Il-leġiżlazzjoni tal-UE diġà kienet tipprovdi mira għall-2020 ta’ 147 gramma ta’ CO2 għal kull kilometru għall-vannijiet.

(37)

Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010, ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1-56 u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE, COM/2016/0862 final - 2016/0377 (COD)

(38)

Ara: https://ec.europa.eu/energy/en/topics/markets-and-consumers .

(39)

 Din l-inkjesta, li kienet l-ewwel waħda ta’ dan it-tip taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, ġiet konkluża f’Novembru 2016. Ara http://ec.europa.eu/competition/sectors/energy/state_aid_to_secure_electricity_supply_en.html .

(40)

  Il-Kummissjoni issa adottat 19-il deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fuq 13-il mekkaniżmu ta’ kapaċità differenti skont il-linji gwida tal-2014 dwar l-għajnuna mill-Istat, u żgurat il-parteċipazzjoni ta’ kapaċità barranija u proċessi ta’ allokazzjoni kompetittivi u teknoloġikament newtrali. Il-każistika tal-Kummissjoni f’dan il-qasam hija disponibbli hawnhekk:

http://ec.europa.eu/competition/sectors/energy/state_aid_to_secure_electricity_supply_en.html .

Il-Kummissjoni adottat ukoll deċiżjoni tal-antitrust tal-Interkonnetturi DE-DK lejn l-aħħar tal-2018 li tirrikjedi lill-operatur tan-netwerk Ġermaniż TenneT jippermetti l-importazzjoni tal-elettriku mid-Danimarka fil-Ġermanja u li fi kwalunkwe każ jiggarantixxi 75 % tal-kapaċità tal-kummerċ tal-interkonnetturi tal-elettriku bejn id-Danimarka u l-Ġermanja.

(41)

Ara: https://ec.europa.eu/energy/en/topics/markets-and-consumers/market-legislation .

(42)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/684 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2017 li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi u strumenti mhux vinkolanti bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija, ĠU L 99, 12.4/2017, p. 1-9.

(43)

Id-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75-91.

(44)

Ara: https://ec.europa.eu/clima/policies/transport/vehicles/proposal_en#tab-0-1 .

(45)

Ara: https://ec.europa.eu/clima/policies/transport/vehicles/heavy_en .

(46)

Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, ĠU L 156, 19.6. 2018, p. 1-25.

(47)

Bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019, fl-ewwel nofs tal-2019 se jiġi adottat sett ta’ miżuri riveduti dwar it-Tikkettar tal-Ekodisinn u tal-Enerġija.

(48)

Id-Direttiva (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1-77. Ir-Regolament il-ġdid jirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji fit-tul, u jintegraw u jissimplifikaw ir-rappurtar dwar l-enerġija u l-klima.

(49)

Pjaneta Nadifa għall-kulħadd - Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima (COM(2018) 773 final), it-28 ta’ Novembru 2018.

(50)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, it-22 ta’ Marzu 2018.

(51)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Ottubru 2017 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2017 f’Bonn, il-Ġermanja (COP23).

(52)

L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika.

(53)

L-effiċjenza enerġetika; l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u żieda fl-elettrifikazzjoni; mobilità nadifa, sikura u konnessa; industrija kompetittiva u ekonomija ċirkolari; infrastruttura u interkonnessjonijiet; il-bijoekonomija u l-bjar tal-karbonju naturali; u l-indirizzar tal-emissjonijiet li jifdal bil-qbid u l-ħżin tal-karbonju.

(54)

Pjan Direzzjonali Politiku dwar is-sinkronizzazzjoni tan-netwerks tal-elettriku tal-istati Baltiċi man-Netwerk Kontinentali Ewropew permezz tal-Polonja, it-8 ta’ Ġunju 2018.

(55)

‘Interconexión Eléctrica Francia-España’.

(56)

   http://europa.eu/rapid/press-release_IP-18-4621_en.htm .

(57)

Ħtiġijiet tal-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea sal-2030 u wara, Ecofys, Lulju 2017.

(58)

 L-erba’ gruppi ta’ livell għoli fil-qasam tal-infrastruttura tal-enerġija huma l-Konnettività tal-Enerġija tal-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (Central and South Eastern European Energy Connectivity, CESEC), il-Kooperazzjoni tal-Enerġija fl-Ibħra tat-Tramuntana, l-Ewropa tal-Lbiċ, u l-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (Baltic Energy Market Interconnection Plan, BEMIP).

(59)

Ara r-rapporti annwali tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija/Kunsill tar-Regolaturi tal-Enerġija Ewropej (Cooperation of Energy Regulators/Council of European Energy Regulators, ACER/CEER) dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ tas-swieq interni tal-elettriku u tal-gass naturali fl-2017, Settembru 2018: https://acer.europa.eu/Official_documents/Publications/Pages/Publication.aspx .

(60)

  https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/EDN-20170529-1?inheritRedirect=true  

(61)

  https://irena.org/-/media/Files/IRENA/Agency/Publication/2018/May/IRENA_RE_Jobs_Annual_Review_2018.pdf .

(62)

  https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/CE_EE_Jobs_main%2018Nov2015.pdf .

(63)

 Il-foqra f’termini ta’ enerġija huma meqjusa bħala dawk b’arretrati fuq kontijiet tad-dawl u/jew li ma jistgħux iżommu d-djar tagħhom sħan biżżejjed.

(64)

Għal preżentazzjoni u diskussjoni tal-impatti mistennija fuq il-ħiliet, il-pagi u l-kompiti, ara b’mod partikolari l-pubblikazzjoni riċenti mill-Eurofound dwar “L-implikazzjonijiet għall-Impjiegi tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima”: http://www.eurofound.europa.eu/publications/report/2019/energy-scenario-employment-implications-of-the-paris-climate-agreement .

(65)

Dawn ir-reġjuni jinkludu Trenčín (SK), is-Sileżja, is-Sileżja t’Isfel u l-Polonja l-Kbira (PL), il-Maċedonja tal-Punent (EL), il-Wied ta’ Jiu (RO), Moravskoslezský, Karlovarský u Ústecký (CZ), Aragón, Asturias u Castilla y León (ES), Savinja u Zasavje (SI), Saxony-Anhalt; Brandenburg, NordRhein Westphalen (DE)

(66)

  https://www.energypoverty.eu/ .

(67)

Fil-Konferenza COP24 tan-Nazzjonijiet Uniti f’Katowice f’Diċembru 2018, l-UE, flimkien ma’ 54 pajjiż, adottat id-“Dikjarazzjoni tas-Sileżja dwar is-Solidarjetà u t-Tranżizzjoni Ġusta”, li titlob li jkun hemm tranżizzjoni ġusta għall-forza tax-xogħol u l-ħolqien ta’ xogħol diċenti u impjiegi ta’ kwalità bħala faċilitatur importanti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi.

(68)

http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/bitstream/JRC103316/jrc103316_com%20achievements%20and%20projections_online.pdf.

(69)

pereżempju, is-sħubijiet dwar it-Tranżizzjoni tal-Enerġija, dwar l-Adattament għall-Klima, dwar il-Mobilità Urbana, dwar il-Kwalità tal-Arja u dwar l-akkomodazzjoni https://ec.europa.eu/futurium/en/urban-agenda

(70)

  https://www.uia-initiative.eu/en

(71)

Id-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-prestazzjoni enerġetika tal-binjiet, ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75-91.

(72)

Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija Nadifa (COM(2016) 763 final), it-30 ta’ Novembru 2016.

(73)

  https://setis.ec.europa.eu/actions-towards-implementing-integrated-set-plan/implementation-plans .

(74)

  http://www.b-t.energy/ .

(75)

  https://solarimpulse.com/network/EUFunded .

(76)

  http://www.eib.org/attachments/thematic/innovfin_energy_demo_projects_en.pdf .

(77)

Il-programm NER 300 ħa ismu mill-bejgħ ta’ 300 miljun kwota tal-emissjonijiet mir-Riżerva għal Parteċipanti Ġodda (New Entrants’ Reserve, NER), li ġiet stabbilita għat-tielet fażi tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet.

(78)

  http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/esif-energy .

(79)

Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-programm spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali, COM/2018/447 final tat-6 ta’ Ġunju 2018.

(80)

Il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi studju dwar l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija.

(81)

L-UE hija parti minn konsorzju internazzjonali li qed jibni faċilità esperimentali msejħa ITER (“it-triq” bil-Latin) fin-Nofsinhar ta’ Franza. Dan se jkun l-akbar mekkaniżmu ta’ fużjoni biex tiġi prodotta l-enerġija u huwa wieħed mill-aktar proġetti tal-enerġija ambizzjużi fid-dinja llum.

(82)

  https://ec.europa.eu/growth/industry/policy/european-battery-alliance_en .

(83)

Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni strateġiku tal-batteriji: il-bini ta’ katina strateġika tal-valur tal-batteriji fl-Ewropa (COM(2019) 176 final), id-9 ta’ April 2019.

(84)

Anness għal Ewropa attiva - Mobbiltà Sostenibbli għall-Ewropa: sikura, konnessa u nadifa (COM(2018) 293 final), is-17 ta’ Mejju 2018.

(85)

  https://www.sitra.fi/en/publications/circular-economy-powerful-force-climate-mitigation/

(86)

Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019: Għal Ewropa aktar b’saħħitha quddiem l-inċertezza globali (COM(2018) 770 final), il-21 ta’ Novembru 2018.

(87)

Imqabbel max-xenarju ta’ referenza tal-2016

(88)

 Jekk inkluż it-trasport: EUR 176 sa 290 biljun fis-sena - ara “Analiżi fil-fond b’appoġġ tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (2018) 773”, Tabella 10.

(89)

Linja bażi preżunta li tirrispetta l-objettivi tal-2030 għall-effiċjenza enerġetika (32,5 %) u l-enerġija rinnovabbli (32 % tad-domanda gross finali tal-enerġija) u li ttawwal il-politiki tal-2030 mingħajr ma ssaħħaħhom jew iżżid oħrajn ġodda.

(90)

 Jekk inkluż it-trasport: EUR 1 200 biljun fis-sena - ara “Analiżi fil-fond b’appoġġ tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (2018) 773”, it-Tabella 10.

(91)

“Baġit Modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tagħti s-Setgħa u Tiddefendi, Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027” COM/2018/321 final tat-2 ta’ Mejju 2018.

(92)

Il-figura turi li l-kontribuzzjoni totali għall-integrazzjoni tal-klima hija mistennija li tilħaq id-19,3 % fl-2018. Iċ-ċifra hija riveduta kull sena.

(93)

  https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/communication-modern-budget-may_2018_en.pdf .

(94)

https://ec.europa.eu/energy/en/data-analysis/energy-prices-and-costs.

(95)

http://www.cleanenergyministerial.org/

(96)

Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali Il-Ftehim jistabbilixxi (i) l-għan li l-emissjonijiet jiġu stabbilizzati fil-livelli tal-2020 billi l-linji tal-ajru jintalbu jikkumpensaw għat-tkabbir tal-emissjonijiet tagħhom, (ii) elementi ewlenin tad-disinn tal-iskema globali, u (iii) pjan direzzjonali għat-tlestija tal-ħidma dwar il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni — ara https://ec.europa.eu/clima/policies/transport/aviation_en .

(97)

http://www.imo.org/en/OurWork/Environment/PollutionPrevention/AirPollution/Documents/Resolution%20MEPC.304(72)_E.pdf .

(98)

Strateġija tal-UE għall-gass naturali likwifikat u l-ħażna tal-gass, COM(2016) 49 final, 16 ta’ Frar 2016.

(99)

Stqarrija għall-Istampa tal-Kummissjoni Ewropea: Id-dikjarazzjoni Konġunta tal-UE u l-Istati Uniti tal-25 ta’ Lulju: L-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta’ Gass Naturali Likwifikat (LNG - liquefied natural gas) mill-Istati Uniti qegħdin jiżdiedu. Brussell, id-9 ta' Awissu 2018. Sit elettroniku: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-18-4920_en.htm.

(100)

  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-19-1531_en.htm .

(101)

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-rwol internazzjonali tal-euro fil-qasam tal-enerġija (C(2018) 8111 final), 5.12.2018.