Brussell, 10.4.2019

COM(2019) 174 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-Tielet Rapport Annwali dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija


Werrej

1.    Introduzzjoni    

1.1 It-Turkija u l-kriżi tar-refuġjati    

1.2 Ir-rispons tal-UE għall-kriżi u l-istabbiliment tal-Faċilità    

2.    Kif taħdem il-Faċilità    

3.    Il-kapaċità finanzjarja, it-tul ta’ żmien u n-natura tal-finanzjament    

4.    It-tieni segment tal-Faċilità    

Il-Programmazzjoni    

5.    L-implimentazzjoni tal-Faċilità    

5.1 L-għajnuna umanitarja    

5.2 L-għajnuna għall-iżvilupp    

6.    Il-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni    

7.    L-Awditu    

8.    Il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà    

9.    Il-konklużjoni u l-passi li jmiss    



1.Introduzzjoni

Skont l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Novembru 2015 1 dwar il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri permezz ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni (“id-Deċiżjoni”), il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (minn hawn ’il quddiem “il-Faċilità”). L-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-ewwel Rapport Annwali dwar il-Faċilità ġie ppubblikat f’Marzu 2017 2 . Dan iddeskriva l-funzjonament tal-Faċilità, l-ewwel azzjonijiet li ttieħdu għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, is-sistema tal-evalwazzjoni tagħha, kif ukoll l-attivitajiet relatati ta’ komunikazzjoni. It-tieni rapport ġie ppubblikat f’Marzu 2018 3 .

1.1 It-Turkija u l-kriżi tar-refuġjati

Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha, it-Turkija hija pajjiż prominenti għall-wasla u t-tranżitu ta’ refuġjati u migranti. B’riżultat ta’ għadd bla preċedent ta’ persuni li jaslu fit-Turkija l-aktar minħabba l-kunflitti fis-Sirja u fl-Iraq, il-pajjiż qed jospita aktar minn 4 miljun refuġjat u migrant, l-ikbar għadd fid-dinja. Dan jinkludi 3.6 miljun refuġjat Sirjan irreġistrati 4 , li minnhom madwar 155 000 jirrisjedu fit-tlettax-il kamp stabbiliti mill-gvern Tork, u aktar minn 296 000 refuġjat irreġistrati u persuna li qed tfittex l-ażil, l-aktar mill-Iraq, mill-Afganistan, mill-Iran u mis-Somalja 5 . Filwaqt li t-Turkija tibqa’ tagħmel sforzi ta’ min ifaħħarhom biex tirċievi, tappoġġja u tospita għadd kbir ta’ refuġjati u migranti, dan l-għadd kellu impatt sinifikanti fuq il-komunitajiet ospiti.

1.2 Ir-rispons tal-UE għall-kriżi u l-istabbiliment tal-Faċilità

Fl-2015, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ddeċidew li jżidu l-involviment politiku u finanzjarju tagħhom biex jappoġġaw lit-Turkija fl-isforzi tagħha biex tospita lir-refuġjati. Intlaħaq qbil dwar kooperazzjoni komprensiva bbażata fuq responsabbiltà kondiviża, impenji reċiproċi u riżultati bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija fil-qafas tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija 6 tat-18 ta’ Marzu 2016 (minn hawn ‘il quddiem “id-Dikjarazzjoni”). Il-laqgħa tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern mat-Turkija fid-29 ta’ Novembru 2015 attivat il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija 7 biex it-Turkija tingħata għajnuna biex tindirizza l-konsegwenzi tal-kunflitt fis-Sirja.

Bi tweġiba għat-talba mill-Istati Membri tal-UE għal finanzjament addizzjonali sinifikanti biex jiġu appoġġjati r-refuġjati fit-Turkija, fl-24 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija 8 . Il-Faċilità hija mekkaniżmu li jikkoordina l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi magħmula disponibbli kemm taħt il-baġit tal-UE kif ukoll taħt kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Istati Membri integrati fil-baġit tal-UE bħala dħul assenjat estern. Il-kontribuzzjonijiet jammontaw għal total ta’ EUR 6 biljun, bi EUR 3 biljun impenjati għas-snin 2016-2017 u EUR 3 biljun oħra impenjati għall-2018-2019. Mill-2011 ‘l hawn, l-UE u l-Istati Membri kollettivament immobilizzaw kważi EUR 10.4 biljun b’rispons għall-kriżi Sirjana; li minnhom EUR 4.8 biljun mill-baġit tal-UE.

Il-Faċilità tikkomplementa u żżid il-finanzjament eżistenti tal-UE fil-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana 9 (il-Fond Fiduċjarju tal-UE), fl-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, u fil-programmi nazzjonal tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni, li kollha kemm huma kkontribwew għall-ħidma fi kwistjonijiet relatati mar-refuġjati ma’ sħab ewlenin. Din tikkomplementa wkoll l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem 10 .

L-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni kompliet taqdi rwol ewlieni matul l-2018 biex jiġi żgurat li l-isfida tal-migrazzjoni tiġi indirizzata b’mod effettiv u b’mod konġunt mill-UE u t-Turkija. Id-Dikjarazzjoni tibqa’ tikseb riżultati konkreti fit-tnaqqis tal-vjaġġi irregolari u perikolużi u biex jiġu salvati l-ħajjiet fil-Baħar Eġew.

Fl-2018, l-għadd totali ta’ wasliet mit-Turkija fl-UE kien ta’ 50 789, meta mqabbla mal-41 720 wasla fl-2017 (żieda ta’ 22 %). Dan inkluda 47 939 wasla fil-Greċja (li minnhom 32 141 waslu bil-baħar u 15 798 fuq l-art), 2 383 fl-Italja, 349 fil-Bulgarija, u 118-il wasla mit-Turkija bid-dgħajsa fiż-żoni kkontrollati mill-gvern ta’ Ċipru. Fl-2019, l-għadd totali ta’ wasliet mit-Turkija fl-UE (mill-5 ta’ Marzu 2019) huwa ta’ 5 094, meta mqabbla mat-3 153 wasla fl-istess perjodu tas-sena l-oħra. Dan jinkludi 5 054 wasla fil-Greċja (3 509 bil-baħar u 1 545 fuq l-art) u 40 fil-Bulgarija 11 . Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), s’issa tilfu ħajjithom 3 migranti fil-Lvant tal-Mediterran fl-2019 (174 persuna tilfu ħajjithom matul is-sena sħiħa tal-2018, 62 fl-2017 u 434 fl-2016).

Ir-risistemazzjoni mit-Turkija fl-UE skont l-arranġament wieħed għal kull wieħed 12 previst fid-Dikjarazzjoni għadha għaddejja. L-għadd totali ta’ risistemazzjonijiet mill-4 ta’ April 2016 laħaq l-20 002, li minnhom 1 362 saru fl-2019, 6 929 saru fl-2018 u 8 975 saru fl-2017. Fir-rigward tal-Iskema Volontarja ta’ Ammissjoni Umanitarja, flimkien mal-approvazzjoni tal-Proċeduri Operattivi Standard f’Diċembru 2017, issa jinsabu fis-seħħ l-elementi u l-kundizzjonijiet kollha għall-attivazzjoni tal-Iskema, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni.

L-implimentazzjoni sħiħa u sostnuta tad-Dikjarazzjoni teħtieġ sforzi kontinwi u determinazzjoni politika min-naħat kollha. 

2.Kif taħdem il-Faċilità 

Il-Faċilità hija mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni li jippermetti l-mobilizzazzjoni mħaffa, effettiva u effiċjenti ta’ għajnuna tal-UE lir-refuġjati fit-Turkija. Il-Faċilità tiżgura l-aħjar mobilizzazzjoni ta’ strumenti ta’ finanzjament eżistenti fl-UE, jew bħala għajnuna umanitarja jew bħala għajnuna għall-iżvilupp, sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tar-refuġjati u tal-komunitajiet li jospitawhom b’mod komprensiv u kkoordinat 13 .

Il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Faċilità jipprovdi gwida strateġika fir-rigward tal-prijoritajiet, it-tip ta’ azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġjati, l-ammonti li għandhom jiġu allokati u l-istrumenti finanzjarji li għandhom jiġu mobilizzati, u, fejn ikun xieraq, dwar il-kundizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni mit-Turkija tal-impenji tagħha skont il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt UE-Turkija tad-29 ta’ Novembru 2015 14 (minn hawn ‘il quddiem il-“Pjan ta’ Azzjoni Konġunt”). Fl-2018, it-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-Faċilità, saru tliet laqgħat tal-Kumitat ta’ Tmexxija, fid-9 ta’ Marzu, fit-18 ta’ Ġunju, u fit-30 ta’ Novembru 2018. Il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija li jmiss (it-12-il waħda) hija maħsuba li ssir f’Mejju 2019.

Il-prinċipji ewlenin li jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-Faċilità huma l-ħeffa, l-effiċjenza u l-effettività, filwaqt li jiġi żgurat li ssir ġestjoni finanzjarja soda. Is-sostenibbiltà tal-interventi tal-Faċilità u s-sjieda konġunta mill-awtoritajiet Torok huma importanti wkoll. L-identifikazzjoni tal-oqsma prijoritarji għall-għajnuna hija bbażata fuq valutazzjoni komprensiva u indipendenti tal-ħtiġijiet 15 , b’attenzjoni partikolari mogħtija lill-gruppi vulnerabbli. Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ġiet aġġornata fl-2018 16 .

Il-Faċilità tikkoordina l-finanzjament mill-istrumenti ta' finanzjament esterni li ġejjin: l-għajnuna umanitarja 17 , l-Istrument Ewropew tal-Viċinat 18 , l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp 19 , l-Istrument għall-Assistenza ta’ qabel l-Adeżjoni 20 u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi 21 . Il-miżuri ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni huma implimentati skont ir-regoli u r-regolamenti finanzjarji tagħha applikabbli kemm għall-ġestjoni diretta kif ukoll għall-ġestjoni indiretta.

Taħt l-ewwel segment tal-Faċilità, it-tqassim tal-finanzjament għal kull strument tal-UE 22 huwa kif ġej:

L-implimentazzjoni tal-għajnuna tiddependi fuq konformità stretta min-naħa tat-Turkija mal-azzjonijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt, u d-Dikjarazzjoni.

3.Il-kapaċità finanzjarja, it-tul ta’ żmien u n-natura tal-finanzjament 

Il-baġit totali kkoordinat mill-Faċilità huwa ta’ EUR 6 biljun (EUR 3 biljun għall-perjodu 2016-2017 u EUR 3 biljun għall-perjodu 2018-2019). L-ewwel segment immobilizza EUR 1 biljun mill-baġit tal-UE, u EUR 2 biljun mill-Istati Membri 23 . Għat-tieni segment, il-baġit tal-UE jipprovdi EUR 2 biljun u l-Istati Membri EUR 1 biljun 24 .

Mill-EUR 1 biljun mill-baġit tal-UE għall-2016-2017, EUR 250 miljun kienu mobilizzati fl-2016 u EUR 750 miljun fl-2017. Miż-EUR 2 biljun mill-baġit tal-UE għall-2018, EUR 550 miljun ġew mobilizzati fl-2018, mal-bilanċ li kellu jiġi mobilizzat fl-2019.

Għall-ewwel segment, l-Istati Membri kkontribwew EUR 677 miljun għall-Faċilità fl-2016 u, 847 miljun fl-2017 u EUR 396 miljun fl-2018. It-EUR 80 miljun li jifdal se jitħallsu fl-2019. Għat-tieni segment, l-Istati Membri kkontribwew EUR 68 miljun fl-2018, bil-pagamenti li jifdal maħsuba għall-2019-2023. Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri jsiru direttament lill-Baġit Ġenerali tal-UE f’forma ta’ dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(2)(a)(ii) tar-Regolament Finanzjarju u jiġu assenjati lil-linji baġitarji tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u tal-għajnuna umanitarja.

Ikompli jkun hemm qbil sodisfaċenti bejn ir-rata tal-ħlas mill-Istati Membri tal-kontribuzzjonijiet tagħhom lill-Faċilità u r-rata tal-iżburżar iffinanzjat minn dawk il-kontribuzzjonijiet mill-Faċilità.

4.It-tieni segment tal-Faċilità

Il-mobilizzazzjoni tal-ewwel segment tal-Faċilità kienet ta’ suċċess, bi EUR 3 biljun fil-baġits tal-2016 u tal-2017 ikkuntratti 25 u operattivi bis-sħiħ sal-aħħar tal-2017. Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija li saret f’Marzu tal-2016 indikat li ladarba dawn ir-riżorsi jkunu se jintużaw kollha kemm huma, u diment li l-impenji kollha jkunu ġew issodisfati, l-UE jkollha timmobilizza l-finanzjament addizzjonali għall-Faċilità ta’ EUR 3 biljun addizzjonali sal-aħħar tal-2018.

Peress li l-ewwel EUR 3 biljun ġew ikkuntratti għalkollox fl-aħħar tal-2017 u bil-għan li jiġu żgurati l-kontinwità tal-proġetti tal-Faċilità u l-appoġġ bla interruzzjoni lir-refuġjati, f’Marzu 2018, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni dwar it-tieni allokazzjoni ta’ EUR 3 biljun għall-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija, bl-istess tqassim tal-kontribuzzjonijiet bħall-ewwel segment 26 . Wara ftehim mal-Istati Membri dwar il-Fehim Komuni Aġġornat fit-18 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni modifikata fl-24 ta’ Lulju 2018 li timmobilizza EUR 2 biljun mill-baġit tal-Unjoni fl-2018-2019, bl-Istati Membri jkopru l-bilanċ ta’ EUR 1 biljun bħala dħul assenjat estern 27 .

Il-Programmazzjoni

Sabiex jibnu fuq ir-riżultati tanġibbli tal-ewwel segment tal-Faċilità, u biex jiżguraw kontinwazzjoni bla xkiel u effiċjenti tal-programmazzjoni tat-tieni segment, l-Istati Membri approvaw Nota Kunċettwali Strateġika 28 fil-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija f’Ġunju 2018. Dan tal-aħħar qies is-sejbiet tal-valutazzjoni aġġornata tal-ħtiġijiet 29 , li twettqet permezz ta’ konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet ikkonċernati fl-ewwel nofs tas-sena 30 , u dokumenti oħra rilevanti 31 .

Ir-rapport dwar il-valutazzjoni aġġornata tal-ħtiġijiet jidentifika l-ħtiġijiet prijoritarji u l-lakuni li jifdal fir-rispons għar-rifuġjati u jipprovdi gwida siewja għall-programmazzjoni tat-tieni segment tal-Faċilità. Ir-rapport jipprovdi aġġornament tal-valutazzjoni li ġiet ikkummissjonata mill-Kummissjoni f’Ġunju 2016. Dan jieħu rendikont tal-ħtiġijiet tar-refuġjati u tal-komunità ospitanti hekk kif dawn żviluppaw mill-2016 u jidentifika oqsma li jirrikjedu għajnuna ulterjuri. Dan jikkonkludi li l-protezzjoni, il-ħtiġijiet bażiċi u l-għajxien, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-infrastruttura muniċipali jibqgħu jkunu oqsma ewlenin ta’ fokus.

In-Nota Kunċettwali Strateġika (minn hawn ‘il quddiem “in-Nota”) tfittex li tipprovdi qafas strateġiku għall-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tat-tieni segment tal-Faċilità, b’fokus speċjali fuq l-inklużjoni u l-awtodipendenza bħala objettivi ewlenin. In-Nota kkonfermat il-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn il-gvern, l-istrumenti għall-iżvilupp u dawk umanitarji biex jiġu identifikati aktar soluzzjonijiet sostenibbli u durabbli fil-kuntest ta’ kriżi mtawla, u lil hinn mit-tul ta’ ħajja tal-Faċilità u l-iżborż ta’ EUR 6 biljun. Dan jimplika li fil-Faċilità trid issir bidla strateġika minn għajnuna umanitarja għal għajnuna għall-iżvilupp. Se tingħata attenzjoni partikolari lill-għoti ta’ appoġġ soċjoekonomiku sostenibbli u opportunitajiet ta’ għajxien, u lit-tisħiħ tal-kapaċità tal-komunitajiet ospitanti biex jakkomodaw ir-refuġjati filwaqt li jappoġġjaw il-koeżjoni soċjali. L-awtoritajiet Torok u l-Kummissjoni se jaħdmu biex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-proġetti tal-Faċilità, wara li l-Faċilità tkun intemmet. Barra minn hekk, se jkun meħtieġ li s-sistema nazzjonali Torka tħejji ruħha biex tieħu f’idejha l-implimentazzjoni tal-għajnuna tal-Faċilità biex jiġu żgurati soluzzjonijiet sostenibbli u aċċess ekwu għad-drittijiet u għas-servizzi.

Il-programmazzjoni tat-tieni segment għandha l-għan li tirrifletti r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Speċjali dwar il-Faċilità tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri 32 , li nħareġ f’Novembru 2018 (ara wkoll taħt Awditu hawn taħt). Il-Qorti għamlet enfasi partikolari fuq il-ħtieġa li jkun hemm strateġija konġunta biex jiġu mmobilizzati l-fergħa umanitarja u l-fergħa għall-iżvilupp tal-Faċilità, biex tiġi antiċipata t-tranżizzjoni mill-finanzjament tal-Faċilità għall-awtoritajiet nazzjonali u biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-kisbiet tal-Faċilità lil hinn mit-tul ta’ ħajja tal-Faċilità.

Bħala l-ewwel pass fil-mobilizzazzjoni tal-appoġġ addizzjonali taħt it-tieni segment tal-Faċilità, f’Lulju tal-2018 ġiet adottata Miżura Speċjali dwar l-edukazzjoni mill-Kummissjoni wara li saret konsultazzjoni mill-kumitat ta’ tmexxija tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA). Il-Miżura Speċjali allokat EUR 400 miljun fir-rigward tal-aċċess kontinwu għal edukazzjoni ta’ kwalità għar-refuġjati 33 . L-objettiv huwa li jkompli jiżdied l-aċċess għal servizzi edukattivi kwalitattivi u inklużivi għar-refuġjati li jirrisjedu fit-Turkija, inkluż għall-adulti, u li tiġi appoġġjata l-integrazzjoni tagħhom fis-sistema edukattiva Torka, u b’hekk tiġi promossa l-koeżjoni soċjali. Din tibni fuq appoġġ preċedenti fil-qasam edukattiv, b’mod partikolari l-ewwel għotja diretta ta’ EUR 300 miljun lill-Ministeru tal-Edukazzjoni Nazzjonali, “Promoting Integration of Syrian Children into the Turkish Education System” (Nippromwovu l-Integrazzjoni tat-Tfal Sirjani fis-Sistema Edukattiva Torka) (PICTES).

Il-Miżura Speċjali ġiet modifikata f’Novembru 2018 biex tinkludi finanzjament addizzjonali ta’ EUR 100 miljun għall-infrastruttura tal-iskejjel tant meħtieġa, sabiex tkun tista’ tkopri l-ħtiġijiet f’termini ta’ klassijiet u spazji edukattivi 34 . F’Diċembru 2018, tnedew żewġ Sejħiet għal Espressjoni ta’ Interess fil-qasam tal-appoġġ soċjoekonomiku u l-infrastruttura muniċipali, b’allokazzjoni ta’ EUR 465 miljun u ta’ EUR 380 miljun rispettivament. Il-Kummissjoni nediet il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Umanitarja (HIP) tagħha 35 għall-2018, filwaqt li identifikat il-finanzjament disponibbli u s-sħab potenzjali għall-fergħa umanitarja tal-Faċilità. It-tħejjijiet għal aktar għajnuna fl-oqsma tal-appoġġ soċjoekonomiku u s-saħħa komplew b’mod parallel u għandhom jiġu kkonfermati matul it-tieni kwart tal-2019, b’fokus partikolari fuq l-iżgurar tat-tranżizzjoni mill-appoġġ li jingħata għat-trasferiment ta’ flus kontanti għall-awtodipendenza u l-parteċipazzjoni attiva fis-suq tax-xogħol.

5.L-implimentazzjoni tal-Faċilità

Il-Faċilità hija implimentata bħala għajnuna umanitarja u għajnuna għall-iżvilupp, b’madwar EUR 1.4 biljun u EUR 1.6 biljun allokati għall-fergħat rispettivi taħt l-ewwel segment.

L-għajnuna umanitarja tappoġġja l-aktar refuġjati vulnerabbli permezz ta’ appoġġ prevedibbli u dinjituż li jindirizza l-ħtiġijiet bażiċi u l-protezzjoni. Hija tindirizza wkoll id-diskrepanzi fl-għoti ta’ servizz permezz ta’ aġenziji speċjalizzati u s-sħab fis-saħħa u fl-edukazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

L-għajnuna għall-iżvilupp tappoġġja l-ħtiġijiet fit-tul fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-iżvilupp soċjoekonomiku tar-refuġjati, b’mod partikolari f’termini ta’ aċċess għas-servizzi pubbliċi u l-opportunitajiet ta’ għajxien. Din tiffoka wkoll fuq gruppi vulnerabbli u tinkludi dimensjoni tal-ġeneri fl-interventi, pereżempju l-protezzjoni tan-nisa u l-bniet kontra l-vjolenza sesswali u dik ibbażata fuq il-ġeneru u fuq it-titjib tal-aċċess għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva.

Tingħata attenzjoni partikolari lir-refuġjati mhux Sirjani u lill-persuni li jkunu qed ifittxu l-ażil. L-interventi tal-faċilità dejjem għandhom l-għan li jinvolvu lill-komunitajiet lokali li qed jospitaw lir-refuġjati.

EUR 3 biljun taħt l-ewwel segment tal-Faċilità għall-2016-2017 ġew impenjati u kkuntratti bis-sħiħ 36 , bit-tnedija ta’ 72 proġett, li qed juru riżultati tanġibbli. Fit-tmiem tal-2018, ġew żborżati aktar minn EUR 2.072 biljun mit-EUR 3 biljun, mal-bilanċ li għandu jiġi żborżat matul l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Faċilità sa nofs l-2021.

Id-dettalji sħaħ jistgħu jinkisbu mit-tabella tal-proġetti onlajn 37 .

Mit-EUR 3 biljun taħt it-tieni segment tal-Faċilità għall-2018-2019, minn Frar 2019 ġew impenjati EUR 1.2 biljun, b’EUR 450 miljun kkuntrattati u EUR 150 miljun żborżati fit-tmiem tal-2018.

L-għajnuna tal-faċilità hija mobilizzata madwar it-Turkija, iżda hija l-aktar ikkonċentrata fl-aktar għaxar provinċji affettwati - Istanbul, Sanliurfa, Hatay, Gaziantep, Mersin, Adana, Bursa, Kilis, Izmir, u Kahramanmaras 38 . X’aktarx, l-għajnuna tal-faċilità tingħata l-aktar lir-refuġjati u lill-migranti barra mill-kampijiet.

5.1 L-għajnuna umanitarja

L-għajnuna umanitarja tal-UE hija ggwidata mill-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja tal-2007 39 , li jistipula li l-UE bħala attur umanitarju taderixxi mal-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza, kif stabbilit fl-Artikolu 214 tat-TFUE u fir-Regolament dwar l-Għajnuna Umanitarja (Nru. 1257/96) 40 , 41 .

Fl-ewwel segment, ġew allokati EUR 1,389 biljun mill-fergħa umanitarja tal-Faċilità u l-45 proġett umanitarju kollha ġew ikkuntrattati ma’ 19-il sieħeb, u koprew ir-rispons għall-ħtiġijiet bażiċi, il-protezzjoni, l-edukazzjoni, u s-saħħa għall-aktar refuġjati vulnerabbli fit-Turkija. Sal-lum ġew żborżati EUR 1.11 biljun, u bbenefikaw minnhom total ta’ 1 561 940 refuġjat 42 . Taħt it-tieni segment, s’issa ġew allokati EUR 690 miljun għall-ħtiġijiet bażiċi, il-protezzjoni, l-edukazzjoni u s-saħħa. L-ewwel EUR 50 miljun tal-proġetti ġew ikkuntrattati fl-2018, permezz ta’ 11-il proġett fl-oqsma tas-saħħa u l-protezzjoni. Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Umanitarja għall-2018 inkluda EUR 51.17 miljun ta’ finanzjament umanitarju taħt il-Faċilità (EUR 50 miljun mit-tieni segment, u EUR 1.17 miljun allokati mill-ġdid minn fondi li ma ntefqux fi proġetti tal-ewwel segment) 43 . Xi wħud mill-kisbiet ewlenin relatati mal-għajnuna umanitarja fl-2018 44 jistgħu jinstabu hawn taħt.

Is-Sistema ta' Protezzjoni Soċjali ta' Emerġenza

L-UE kompliet tindirizza l-ħtiġijiet tar-refuġjati b’livell għoli ta’ vulnerabbiltà soċjoekonomika permezz tas-Sistema ta' Protezzjoni Soċjali ta' Emerġenza. Dan huwa programm ta’ għajnuna soċjali umanitarja li tikkonsisti f’kard ta’ debitu li ta’ kull xahar, u mingħajr restrizzjoni, tforni flus kontanti għal bosta skopijiet direttament lir-refuġjati vulnerabbli. Minn Jannar 2019, aktar minn 1.5 miljun refuġjat kienu bbenefikaw minn trasferimenti ta’ flus kontanti ta’ kull xahar permezz tal-programm.

L-edukazzjoni f’emerġenzi

L-UE tkompli tiffaċilita l-aċċess tal-popolazzjonijiet tar-refuġjati għas-sistemi edukattivi formali billi tnaqqas l-ostakli u tipprovdi l-mezzi biex it-tfal f’riskju jkunu jistgħu jmorru l-iskola. Il-programm Trasferiment Kondizzjonali ta’ Flus Kontanti għall-Edukazzjoni 45 , li tnieda fl-2017, huwa l-akbar programm li qatt eżista ffinanzjat mill-UE fir-rigward tal-edukazzjoni f’emerġenzi u qed jaqbeż il-miri inizjali tiegħu. Minn Frar 2019, il-familji ta’ aktar minn 470 000 tifel u tifla li jattendu l-iskola rċevew appoġġ finanzjarju permezz tal-programm Trasferiment Kondizzjonali ta’ Flus Kontanti għall-Edukazzjoni. Barra minn hekk, minn Diċembru 2018 medja ta’ 6 768 tifel u tifla kull xahar ibbenefikaw minn għajnuna għat-trasport tal-iskejjel u 9 267 tifel u tifla refuġjati bbenefikaw minn attivitajiet ta’ edukazzjoni mhux formali. Attivitajiet bħal dawn jinkludu l-għoti ta’ korsijiet f’edukazzjoni mhux formali bil-lingwa Torka u/jew Għarbija, programmi ta’ tagħlim aċċellerati, inizjattivi ta’ tagħlim mid-dar u klabbs tal-homework. Dawn il-programmi se jiffaċilitaw id-dħul tat-tfal fl-edukazzjoni formali fil-grad skont l-età tagħhom.

Is-Saħħa

L-UE ffukat fuq li telimina d-diskrepanzi potenzjali fl-għoti tas-servizzi tal-kura tas-saħħa primarja kif ukoll f’li tipprovdi servizzi speċifikament meħtieġa mir-refuġjati u persuni oħra fil-bżonn. Mill-bidu tal-Faċilità sa Ottubru 2018, ingħata total ta’ 873 365 konsultazzjoni fil-kura tas-saħħa primarja lir-refuġjati fi provinċji b’popolazzjoni kbira ta’ refuġjati. Barra minn hekk, 40 705 nisa tqal ibbenefikaw minn 84 714-il konsultazzjoni fil-kura ta’ qabel it-twelid (ANC), filwaqt li 105 315-il refuġjat irċevew kura tas-saħħa mentali u appoġġ psikosoċjali u 13 075 refuġjat ibbenefikaw minn servizzi ta’ wara l-operazzjoni u riabilitattivi.

Il-Protezzjoni

L-UE tkompli tiffinanzja proġetti biex tappoġġja l-aċċess tar-refuġjati għar-reġistrazzjoni u s-servizzi, u tindirizza l-ħtiġijiet ta’ gruppi u individwi li jkunu jinsabu f’riskju. Pereżempju, bl-appoġġ mill-Faċilità, id-Direttorat Ġenerali tat-Turkija għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni vverifika d-data ta’ aktar minn 2.6 miljun refuġjat li jgħixu fit-Turkija.

5.2 L-għajnuna għall-iżvilupp

Taħt il-fergħa għall-iżvilupp tal-Faċilità, l-implimentazzjoni ta’ 26 proġett ikkuntrattati taħt l-ewwel segment tkompli turi progress tajjeb b’żewġ kuntratti diġà tlestew. L-iżborżi għas-sħab ta’ implimentazzjoni laħqu l-EUR 943 miljun minn total ta’ EUR 1.6 biljun allokati għall-għajnuna għall-iżvilupp taħt l-ewwel segment 46 . Taħt it-tieni segment tal-Faċilità, ġew ikkuntrattati EUR 400 miljun għat-tkomplija tal-attivitajiet li jżidu l-aċċess għal servizzi edukattivi inklużivi ta’ kwalità għar-refuġjati li jirrisjedu fit-Turkija, kif ukoll biex tiġi appoġġjata l-integrazzjoni tagħhom fis-sistema edukattiva Torka u tiġi promossa l-koeżjoni soċjali. Barra minn hekk, ġew impenjati EUR 100 miljun sabiex tiġi appoġġjata l-infrastruttura tal-iskejjel u b’hekk jiġu koperti l-ħtiġijiet għal klassijiet u spazji edukattivi. Fil-qasam tal-appoġġ soċjoekonomiku u tal-infrastruttura muniċipali, ġew allokati EUR 465 miljun u EUR 380 miljun rispettivament.

Minbarra l-allokazzjoni mmaniġġjata direttament permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni 47 , il-fergħa għall-iżvilupp tal-Faċilità tappoġġja serje ta’ miżuri minn isfel għal fuq permezz ta’ 15-il proġett taħt il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana għal total ta’ EUR 293 miljun.

It-tqassim tal-allokazzjonijiet tal-fergħa mhux umanitarja tal-Faċilità skont il-qasam prijoritarju huwa kif ġej:

L-Edukazzjoni

L-UE qed tappoġġja l-istadji kollha tas-sistema edukattiva, minn kmieni fit-tfulija sal-edukazzjoni għolja, sabiex ma tintilifx ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ.

L-implimentazzjoni tal-proġett PICTES 48 - għotja diretta ta’ EUR 300 miljun lill-Ministeru Tork tal-Edukazzjoni Nazzjonali biex jippromwovi l-integrazzjoni tat-tfal Sirjani fis-sistema edukattiva Torka - kompliet matul is-sena skolastika tal-2018, filwaqt li qabżet il-miri tal-indikaturi tal-azzjoni f’bosta oqsma. Pereżempju, it-tagħlim tal-lingwa Torka wassal għal eżami ta’ profiċjenza li sal-aħħar ta’ Settembru 2018 ħadu sehem fih kważi 400 000 student. B’kollox, aktar minn 16 000 student irċevew taħriġ ta’ rkupru u aktar minn 43 000 student irċevew taħriġ ta’ sostenn. L-għadd ta’ għalliema u amministraturi tal-Ministeru tal-Edukazzjoni li tħarrġu taħt il-proġett qabeż id-19 000 sal-aħħar ta’ Settembru 2018. Dawn l-attivitajiet se jkomplu taħt il-kuntratt PIKTES II 49 , li ġie ffirmat f’Diċembru 2018. Din l-azzjoni, b’valur totali ta’ EUR 400 miljun, għandha l-għan li tiżgura li t-tfal refuġjati li jirrisjedu fit-Turkija jkollhom aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità u inklużiva għal tliet snin skolastiċi addizzjonali. Barra minn hekk, din se tappoġġja l-integrazzjoni tat-tfal fis-sistema edukattiva Torka filwaqt li se tippromwovi l-koeżjoni soċjali inkluż għall-adulti. It-tieni azzjoni ta’ EUR 100 miljun se żżid l-interventi fl-infrastruttura tal-iskejjel f’żoni b’konċentrazzjoni għolja ta’ refuġjati. Il-kostruzzjoni tal-bini tal-iskejjel taħt il-programmi eżistenti qed tavvanza. Il-kostruzzjoni ta’ 136 struttura solida u ta’ 50 skola prefabbrikata għadha għaddejja. Sa Diċembru 2018 tlestew 33 skola prefabbrikati. Barra minn hekk, il-kostruzzjoni ta’ tliet skejjel bi struttura solida tinsab fi stadju avvanzat ħafna.

Barra minn hekk, kważi 6 000 għalliem u għalliema voluntiera Sirjani ilhom minn Diċembru 2018 jiġu appoġġjati permezz ta’ inċentivi ta’ kull xahar, filwaqt li aktar minn 14 000 tifel u tifla bbenefikaw minn edukazzjoni bikrija tat-tfal fil-komunità u bbażata fid-djar.

Biex jingħataw opportunitajiet fl-edukazzjoni għolja lir-refuġjati, 476 student universitarju qed jirċievu boroż ta’ studju permezz ta’ tliet proġetti u l-għadd ta’ studenti megħjuna huwa mistenni li jiżdied fis-sena akkademika 2019.

Is-Saħħa

Il-pilastru prinċipali tal-għajnuna fil-qasam prijoritarju tas-saħħa huwa l-proġett SIHHAT 50 , li huwa għotja diretta ta’ EUR 300 miljun lill-Ministeru Tork tas-Saħħa biex jiżgura l-aċċess tar-refuġjati għas-servizzi tal-kura tas-saħħa. Bis-saħħa tal-interventi tal-Faċilità, minn Diċembru 2018 ġew impjegati 2 569 membru tal-persunal fil-qasam mediku 51 (li 69 % minnhom huma refuġjati Sirjani) u qed jipprovdu servizzi f’178 Ċentru tas-Saħħa tal-Migranti (MHC), li minnhom 45 huma Ċentri Estiżi tas-Saħħa tal-Migranti (E-MHCs) li jipprovdu servizzi sekondarji bażiċi fil-kura tas-saħħa. L-implimentazzjoni tal-proġetti relatati mal-infrastruttura tas-saħħa qed tavvanza wkoll, b’offerti għaddejjin għall-kostruzzjoni ta’ żewġ sptarijiet statali (f’Kilis u f'Hatay) li huma mistennija li jinfetħu f’Ġunju 2021 u għandhom jipprovdu total ta’ 500 sodda.

L-appoġġ soċjoekonomiku

Il-ħidma fir-rigward tal-għajxien u tal-appoġġ soċjoekonomiku taqdi rwol kruċjali fl-integrazzjoni tar-refuġjati fis-soċjetà Torka u trawwem il-koeżjoni ekonomika u soċjali tant meħtieġa. Peress li l-ostakolu tal-lingwi jikkostitwixxi impendiment ewlieni għall-integrazzjoni effettiva, il-Faċilità qed tipprovdi korsijiet tal-lingwa Torka lir-refuġjati. L-appoġġ totali taħt l-ewwel segment tal-Faċilità laħaq l-EUR 196.6 miljun, permezz ta’ tmien proġetti 52 . L-appoġġ f’dan il-qasam għandu jiżdied b’mod sinifikanti taħt it-tieni segment biex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-integrazzjoni ulterjuri. F’Diċembru 2018, tnediet Sejħa għal Espressjoni ta’ Interess fil-qasam tal-appoġġ soċjoekonomiku 53 b’allokazzjoni ta’ EUR 465 miljun għal proġetti li għandhom jistimulaw ir-reżiljenza u l-awtodipendenza tar-refuġjati.

Proġett b’valur ta’ EUR 50 miljun immexxi mill-Kreditanstalt für Wiederaufbau (KfW) jipprovdi aċċess akbar għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) inklużivi u ta’ kwalità lir-refuġjati u lill-adoloxxenti Torok f’fergħat vokazzjonali b’domanda għolja fis-suq tax-xogħol. B’mod parallel, il-proġett Bank Dinji b’valur ta’ EUR 50 miljun għandu l-għan li jtejjeb l-impjegabbiltà u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tar-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti fit-Turkija. Bħala għajnuna istituzzjonali lis-servizzi tal-impjiegi se tissaħħaħ il-kapaċità tal-aġenzija Torka tal-impjieg biex tipprovdi pariri u għajnuna fl-impjiegi u se tissaħħaħ il-kapaċità tas-sistemi tal-Ministeru Tork tal-Famlja, tax-Xogħol u tas-Servizzi Soċjali biex jimmonitorja l-għoti tal-permessi tax-xogħol u tas-servizzi tal-impjiegi. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Torok jirċievu appoġġ biex itejbu l-kapaċità li jivvalutaw id-domanda għall-ħiliet fi provinċji magħżula b’inċidenza għolja ta’ refjuġjati, u biex jagħtu spinta lill-attivitajiet għall-ħolqien tal-impjiegi u l-intraprenditorija.

Permezz tal-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’rispons għall-kriżi Sirjana, diversi proġetti jkopru oqsma ewlenin bħat-tagħlim tal-lingwa Torka għall-adulti, iċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet u l-gwida vokazzjonali, it-tqabbil tal-impjiegi, l-appoġġ għall-SMEs, l-intraprenditorija u l-ħolqien tal-impjiegi, eċċ.

Ċentri fil-komunità ffinanzjati mill-Faċilità jipprovdu wkoll firxa estensiva ta’ servizzi, minn korsijiet ta’ taħriġ għal informazzjoni u servizzi ta’ riferiment, għal avvenimenti kulturali ta’ netwerking sabiex jiżdiedu ir-reżiljenza u l-awtodipendenza tar-refuġjati u tal-komunitajiet ospitanti. Barra minn hekk, f’Jannar 2019 saret konferenza dwar kif għandu jiġi previst Rispons aktar b’saħħtu Sensittiv għall-Ġeneru fir-rigward tar-Refuġjati fit-Turkija, fil-kuntest tal-proġett UN Women li għaddej bħalissa li għandu l-għan li jagħti s-setgħa lin-nisa u l-bniet Sirjani filwaqt li jsaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom, u jibni koeżjoni soċjali mal-komunitajiet ospitanti tagħhom fit-Turkija.

Aspetti relatati mal-ġeneru fi ħdan il-proġetti taħt il-Faċilità

Il-ġeneru huwa kunsiderazzjoni importanti fil-programmazzjoni ta’ proġetti taħt il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija. L-interventi tal-Faċilità għandhom l-għan li jippromwovu opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa, u għas-subien u l-bniet, kull fejn ikun possibbli. Data diżaggregata skont il-ġeneru tinġabar biex dan jiġi mmonitorjat u f’dan il-qasam ġew żviluppati xi azzjonijiet iddedikati. Saru sforzi biex l-azzjonijiet tal-Faċilità jiġu allinjati mal-objettivi tematiċi skont il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020. Dawn jinkludu l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet (VAWG), aċċess ugwali għall-bniet u n-nisa għal edukazzjoni ta’ kwalità u edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) ħielsa mid-diskriminazzjoni, u l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tan-nisa u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu favuur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet. Il-Faċilità qed taħdem ma’ sħab ta’ implimentazzjoni b’esperjenza soda f’dan il-qasam, inklużi l-Fond ta’ Emerġenza tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF), UN Women u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO). Pereżempju, il-UNICEF joffri servizzi soċjali essenzjali għat-tfal, speċifikament għall-bniet u n-nisa u l-familji tagħhom, b’approċċ li jagħti fehim aktar olistiku tar-rwoli tal-ġeneri fi ħdan il-familja u s-soċjetà.

Il-ġestjoni tal-migrazzjoni

Il-faċilità kopriet l-ispejjeż imġarrba fil-ġestjoni tar-ritorn (it-trasport, l-ospitalità) ta’ 212-il Sirjan u 1 076 persuna mhux Sirjani, kif ukoll tat-tagħmir loġistiku u x-xogħlijiet fuq il-faċilitajiet għal 750 persuna. Minn Awwissu 2017 sa tmiem Settembru 2018, 119 173 migrant irċevew għajnuna ffinanzjata mill-Faċilità b’dan il-mod. L-appoġġ mill-UE taħt il-Faċilità għen ukoll biex żdiedet il-kapaċità tal-Gwardja tal-Kosta Torka biex twettaq operazzjonijiet ta’ tfittix u salvataġġ. Fl-2018 ġew fornuti sitt dgħajjes ta’ salvataġġ u 1 081 membru tal-persunal tal-Gwardja tal-Kosta Torka tħarrġu fl-istandards umanitarji. Iż-żewġ proġetti kienu ffinanzjati taħt l-ewwel segment tal-Faċilità. Għal dan il-qasam, ma ġiet prevista l-ebda allokazzjoni tal-baġit taħt it-tieni segment.

6.Il-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni

Is-sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni (M&E) tal-Faċilità tfasslet biex tiġi introdotta b’mod gradwali.

Il-Qafas tar-Riżultati

Il-Qafas tar-Riżultati tal-Faċilità (RF) jirrifletti l-loġika tal-intervent tal-Faċilità. Dan jiġi infurmat mill-qafas strateġiku tal-Faċilità kif ukoll mill-azzjonijiet ipprogrammati u mill-oqfsa loġiċi tagħhom. Il-Qafas tar-Riżultati ġie żviluppat bejn Awwissu 2016 u Marzu 2017 f’konsultazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin, inklużi l-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Faċilità, l-awtoritajiet Torok u s-Servizzi tal-Kummissjoni rilevanti. Abbozz iffinalizzat ġie kondiviż mal-Kumitat ta’ Tmexxija f’Marzu 2017.

Abbażi tar-riżultati tal-fażi pilota ta’ monitoraġġ u tal-finalizzazzjoni tal-ikkuntrattar, il-Qafas tar-Riżultati kompla jiġi rfinut fl-2018, f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati operattivi u f’Novembru 2018 ġiet ippreżentata verżjoni aġġornata lill-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Faċilità.

Il-monitoraġġ u r-rapportar fil-livell tal-faċilità

Il-monitoraġġ fil-livell tal-faċilità tnieda fir-rebbiegħa tal-2017. Data ta’ monitoraġġ tiġi ġġenerata fil-livell ta’ azzjoni mis-sħab ta’ implimentazzjoni skont l-obbligu tagħhom taħt kull kuntratt. L-ewwel talba għal data ta’ monitoraġġ saret f’Mejju 2017, segwita minn tliet ċikli pilota ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar li tnedew fl-2017. Fil-11-il laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija, ġie ppreżentat rapport ta’ monitoraġġ li jkopri l-kisbiet tal-Faċilità sat-30 ta’ Ġunju 2018 54 .

L-ewwel ftit ċikli tal-ġbir tad-data tfasslu bħala fażi pilota għall-indikaturi tal-output tal-Qafas tar-Riżultati. Dawn kienu essenzjali biex is-sħab ta’ implimentazzjoni jsiru midħla tar-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar tal-Faċilità, u jittestjaw il-fattibbiltà tal-indikaturi proposti. Huwa importanti li jiġi nnutat li sehem sinifikanti mill-portafoll tal-proġetti tal-Faċilità ġie kkuntrattat lejn l-aħħar tal-2017 u li l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet korrispondenti bdiet biss fl-2018.

Data rilevanti għall-indikaturi tal-Qafas tar-Riżultati tal-Faċilità tiġi rrapportata mis-sħab ta’ implimentazzjoni lill-awtoritajiet kontraenti, jiġifieri d-Delegazzjoni tal-UE (DUE) fit-Turkija, il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’reazzjoni għall-kriżi Sirjana (EUTF) u l-Kummissjoni, permezz ta’ mudell ta’ monitoraġġ wieħed komuni. Il-proċess tal-konsolidazzjoni tad-data huwa teknikament appoġġjat minn għodda tal-IT interna (Pjattaforma ta’ Monitoraġġ tal-Faċilità) li tippermetti li jsiru aggregazzjoni, analiżi u viżwalizzazzjoni awtomatiċi tad-data. Attwalment, il-Pjattaforma għaddejja minn ittestjar finali.

L-Awtoritajiet Kontraenti u s-Segretarjat tal-Faċilità għandhom l-għan li jistandardizzaw il-proċessi tal-ġbir tad-data. Il-valutazzjoni tal-livell tal-attribuzzjoni ta’ riżultati partikolari għall-azzjonijiet tal-Faċilità hija ugwalment problematika minħabba l-iskala u d-diversità tal-interventi u d-diversi partijiet ikkonċernati involuti. Fil-qosor, il-kejl tal-livell tal-kisba tar-riżultati speċifiċi tal-Faċilità jibqa’ jkun ta’ sfida.

L-Għajnuna Teknika għall-monitoraġġ

F’Mejju 2017 55 , ġiet adottata Deċiżjoni tal-Kummissjoni għal Miżura ta’ Appoġġ dwar il-Monitoraġġ, l-Evalwazzjoni, l-Awditu u l-Komunikazzjoni tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija. Din ippermettiet l-akkwist ta’ għajnuna teknika biex jiġu appoġġjati l-monitoraġġ u r-rapportar fir-rigward tal-qafas tar-Riżultati tal-Faċilità u interventi ffinanzjati speċifiċi. Il-kuntratt ta’ assistenza teknika għall-monitoraġġ ġie ffirmat f’Jannar 2018 u qed jiġi implimentat bis-sħiħ. Il-kompitu għandu żewġ partijiet distinti. L-ewwel waħda tikkonsisti mill-appoġġ għall-monitoraġġ fil-livell tal-Faċilità. Din tinkludi rieżami perjodiku tal-Qafas tar-Riżultati, ir-rieżami ta’ valuri bażi u ta’ valuri fil-mira u l-metodi għall-kalkolu tal-indikaturi u linji gwida relatati. It-tim tal-għajnuna teknika huwa responsabbli wkoll biex jappoġġja lis-Segretarjat tal-Faċilità jwettaq analiżi tal-ewwel livell tad-data ta’ monitoraġġ li tinġabar kull tliet xhur permezz tal-Pjattaforma ta’ Monitoraġġ tal-Faċilità u jħejji r-Rapporti ta’ Monitoraġġ tal-Faċilità. It-tieni parti tal-kompitu tikkonsisti mill-appoġġ lid-Delegazzjoni tal-UE fit-twettiq tal-kompiti tagħha biex timmonitorja l-azzjonijiet/ il-kuntratti ffinanzjati mill-Faċilità, inkluża l-verifika tad-data permezz ta’ kontrolli fuq il-post għal kuntratti taħt ġestjoni diretta. Tabilħaqq, minħabba d-daqs ta’ xi wħud mill-interventi tal-Faċilità u l-firxa ġeografika tal-attivitajiet, id-Delegazzjoni teħtieġ appoġġ għal verifiki li jsiru fuq il-post. Sal-aħħar ta’ Diċembru 2018, tlestew 50 missjoni ta’ monitoraġġ: 16 minn dawn twettqu fl-2017 (inklużi 2 missjonijiet ta’ monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati (MOR)) u 34 twettqu fl-2018 (inklużi 3 MOR u 8 mit-tim tal-għajnuna teknika). Aktar minn 35 % tal-missjonijiet ta’ monitoraġġ kellhom fil-mira tagħhom l-għotjiet diretti lill-Ministeri tal-Edukazzjoni u tas-Saħħa fit-Turkija.

Il-monitoraġġ tal-azzjonijiet kollha ffinanzjati mill-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Umanitarja twettaq mill-Kummissjoni, b’mod partikolari mill-membri tal-persunal tal-Kummissjoni ta’ fuq il-post fit-Turkija u mill-uffiċċju reġjonali tal-Kummissjoni f’Amman. Sa Novembru 2018, tlestew 148 missjoni ta’ monitoraġġ fil-livell tal-proġetti. Minbarra l-indikaturi tal-Qafas tar-Riżultati li s-sħab qed jirrapportaw taħtu, qed jiġu rrapportati wkoll indikaturi addizzjonali dwar il-protezzjoni perjodikament, li huwa rifless ukoll fil-Pjattaforma ta’ Monitoraġġ għall-monitoraġġ fil-livell tal-Faċilità.

L-Evalwazzjoni

Tlestew tmien evalwazzjonijiet fil-livell tal-azzjoni u tal-portafoll tal-Faċilità u tlieta għadhom għaddejjin 56 . Barra minn hekk, tlestiet evalwazzjoni waħda relatata mal-Faċilità u żewġ evalwazzjonijiet relatati mal-Faċilità għadhom għaddejjin. L-evalwazzjonijiet ikopru primarjament l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna li tingħata taħt il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’reazzjoni għall-kriżi Sirjana. F’Diċembru 2018, il-Kummissjoni nediet l-evalwazzjoni strateġika ta’ nofs it-terminu tal-Faċilità, li se ssir matul l-2019 u l-2020. L-objettiv huwa li tiġi vvalutata l-kontribuzzjoni pprovduta taħt il-Faċilità għall-oqsma prijoritarji tal-edukazzjoni, is-saħħa, l-appoġġ soċjoekonomiku u l-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-perjodu tal-2016-2019/20. Huwa mistenni li tiġi pprovduta valutazzjoni indipendenti ġenerali tar-riżultati intermedji mkejla skont l-objettivi tagħha, sabiex jiġu identifikati t-tagħlimiet miksuba u jiġu pprovduti rakkomandazzjonijiet sabiex jittejbu l-azzjonijiet attwali u futuri tal-Faċilità.

7.L-Awditu

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (ECA) nediet uffiċjalment l-awditu tagħha tal-prestazzjoni tal-Faċilità fis-17 ta’ Ottubru 2017. Il-pubblikazzjoni tar-rapport finali tal-Qorti saret fit-13 ta’ Novembru 2018. L-awditu ffoka fuq il-kumplimentarjetà tal-għajnuna mill-Faċilità, ir-riżultati u l-monitoraġġ tagħha, u fuq kampjun ta’ għaxar proġetti umanitarji. Il-Qorti ffukat fuq il-ġestjoni tal-ewwel ftit proġetti ffinanzjati mill-Faċilità u fuq ir-riżultati li nkisbu s’issa taħt il-fergħa umanitarja. Il-Qorti sabet li, f’kuntest ta’ diffikultà, il-Faċilità mmobilizzat b’mod rapidu l-fondi biex tipprovdi rispons malajr, iżda li kien hemm lok biex tiżdied l-effiċjenza tal-proġetti umanitarji u b’mod partikolari tal-proġetti relatati mal-għajnuna fi flus kontanti, u li kien meħtieġ li l-Faċilità tagħti valur akbar għall-flus 57 . Din indirizzat għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni, li l-Kummissjoni aċċettat bis-sħiħ u li diġà qed timplimenta, b’mod partikolari f’termini tal-bidla tal-interventi lejn l-għajnuna għall-iżvilupp (ara taħt il-Programmazzjoni).

8.Il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà

Mill-bidu nett tal-Faċilità, il-viżibbiltà u l-komunikazzjoni ngħataw prijorità ewlenija. Il-Faċilità hija ċentrali biex jasal il-messaġġ tal-appoġġ qawwi u kontinwu tal-UE lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti fit-Turkija. L-istrateġija ta’ komunikazzjoni tal-2017 tibqa’ l-qafas ġenerali għall-attivitajiet ta’ komunikazzjoni, bl-għan li tittejjeb il-viżibbiltà ta’ azzjonijiet iffinanzjati mill-Faċilità.

Fl-2018, twettqu diversi attivitajiet ta’ viżibbiltà, inkluż vjaġġ għall-istampa ma’ ġurnalisti Ewropej u ma' rappreżentanti tal-Istati Membri f’Istanbul u Gaziantep f’Novembru 2018, li ħoloq kopertura estensiva mill-midja. Il-vjaġġ inkluda bosta żjarat fuq il-post għall-proġetti ffinanzjati mill-Faċilità kif ukoll ċerimonja ta’ ftuħ li kopriet proġett fis-settur tal-appoġġ soċjoekonomiku. Barra minn hekk, id-Delegazzjoni tal-UE fit-Turkija ssieħbet mal-organizzazzjoni Torka tan-Nofs Qamar l-Aħmar u mal-Klabb tal-Futbol Tork Galatasaray għal attività ta’ viżibbiltà għolja, li kienet tinkludi l-interazzjoni ta’ tfal Sirjani u Torok ma’ plejers tal-futbol famużi matul it-taħriġ u mbagħad raw logħba tal-futbol nazzjonali. L-ilħuq mill-midja kienet ta’ 100 miljun persuna, b’żewġ vidjos kondiviżi permezz tal-mezzi tal-midja soċjali tad-Delegazzjoni 58 .

Saru wkoll avvenimenti u ċerimonji ewlenin fit-Turkija u fl-Ewropa, li ġew organizzati f’kollaborazzjoni mas-sħab umanitarji. F’Lulju, ittellgħet wirja fl-ajruport ta’ Brussell, li ġiet organizzata f’kollaborazzjoni mal-UNICEF, bl-isem ta’ “L-Edukazzjoni - Il-Futur Tagħna” li wriet stampi ta’ tfal refuġjati li jibbenefikaw mill-“Programm Trasferiment Kondizzjonali ta’ Flus Kontanti għall-Edukazzjoni” (CCTE) fit-Turkija. Il-wirja rċeviet kopertura estensiva mill-istampa kemm fit-Turkija kif ukoll fl-Ewropa, b’sensibilizzazzjoni mill-midja soċjali ta’ 260 000. F’Settembru 2018, il-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) nieda kampanja ta’ komunikazzjoni “Incredible Ordinary”, iffinanzjata mill-UE, li tqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-programm tal-ESSN fost iċ-ċittadini tal-UE. L-impatt ta’ dan l-appoġġ ġie ppreżentat lill-udjenzi tal-UE permezz Tal-ħanut temporanju (pop-up shop) #IncredibleOrdinary f’Pariġi, Milan, Varsavja, Berlin u Amsterdam, li wera l-istejjer ta’ tmien familji refuġjati li jibbenefikaw mill-programm. Fi kliemhom stess, il-familji spjegaw kif oġġett li jidher ordinarju, li jkun sar possibbli bis-saħħa tal-appoġġ tal-ESSN, kellu valur inkredibbli għalihom 59 .

Inġibdu 25 vidjo biex jiġu promossi l-proġetti li jiffukaw fuq l-istejjer ta’ interess għall-bniedem, filwaqt li r-refuġjati ngħataw il-possibbiltà li jirrakkontaw l-istorja tagħhom. Dawn ġew ippubblikati fuq il-kanali ta’ Youtube tad-Delegazzjoni u tal-Kummissjoni u ġew kondiviżi permezz tal-kanali tal-midja soċjali f’diversi okkażjonijiet 60 . Fil-ħarifa li għaddiet, l-entità AidZone tal-Euronews xandret episodju dwar is-servizzi tas-saħħa ffinanzjati mill-UE għar-refuġjati Sirjani affettwati mill-kunflitt li ntwera fl-Ewropa kollha 61 .

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħarġet ħames stqarrijiet għall-istampa u d-Delegazzjoni ħarġet 17 oħra. Tqassmu bullettini dwar il-faċilità lill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija fuq bażi trimestrali li inkludew attivitajiet aġġornati tal-Faċilità u għażla ta’ materjali b’vidjo. Ġew ippubblikati wkoll artikli u stejjer fuq blogg li inkludew stejjer ta’ interess għall-bniedem 62 u kien hemm kopertura konsiderevoli mill-istampa ta’ żjarat tal-UE ta’ livell għoli relatati mal-proġetti ffinanzjati mill-Faċilità.

9.Il-konklużjoni u l-passi li jmiss

Il-pakkett operattiv tal-ewwel segment tal-Faċilità ġie kkuntrattat bis-sħiħ u sa Marzu 2019 ġew żborżati aktar minn EUR 2 biljun. Sar progress importanti fil-mobilizzazzjoni tat-tieni segment, b’EUR 1.2 biljun impenjati, EUR 450 miljun ikkuntrattati u EUR 150 miljun żborżati sa Marzu 2019. Il-faċilità tkompli tipprovdi għajnuna tant meħtieġa lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti fil-pajjiż. Il-passi li jmiss huma dawn:

·L-implimentazzjoni effettiva tal-proġetti kollha għall-benefiċċju tar-refuġjati u tal-komunitajiet ospitanti, f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.

·L-implimentazzjoni tat-tieni segment, bl-implimentazzjoni ta’ proġetti sa nofs l-2025.

·Sistema sħiħa ta’ monitoraġġ li tibda titħaddem bis-sħiħ.

·L-implimentazzjoni kontinwa tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni.

·Il-Kumitati ta’ Tmexxija jiltaqa' f’intervalli regolari. Il-laqgħat li jmiss huma ppjanati li jsiru fir-rebbiegħa u fil-ħarifa tal-2019.

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 tal-24.11.2015 dwar il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri permezz ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni – il-Faċilità għar-Refuġjati għat-Turkija, kif ġiet emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016)855 tal-10.2.2016.

(2)

https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/sites/near/files/170302_facility_for_refugees_in_turkey_first_annual_report.pdf

(3)

https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/sites/near/files/14032018_facility_for_refugees_in_turkey_second_annual_report.pdf

(4)

Fid-29 ta’ Novembru 2018, ġew irreġistrati 3,607,563 “Sirjan bi Protezzjoni Temporanja”, sors: id-Direttorat Ġenerali Tork għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni: http://www.goc.gov.tr/icerik6/temporary-protection_915_1024_4748_icerik

(5)

Partikolarità tas-sistema tal-ażil tat-Turkija hija relatata mal-fatt li l-pajjiż iffirma b’riżerva l-Protokoll ta’ New York tal-1967 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951. Għaldaqstant, il-maġġoranza l-kbira tar-refuġjati fit-Turkija ma jistgħux japplikaw għal status sħiħ ta’ refuġjat iżda biss għal status ta’ “Refuġjat Kondizzjonali”, li jekk jingħata, jillimita l-permanenza fil-pajjiż sal-mument li refuġjat rikonoxxut jiġi “risistemat f’pajjiż terz”.

(6)

  http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/03/18/eu-turkey-statement/  

(7)

  http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-15-5860_en.htm

(8)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 855 final tal-10.02.2016 dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 tal-24.11.2015.

(9)

  https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/neighbourhood/countries/syria/madad_mt  

(10)

https://ec.europa.eu/europeaid/how/finance/eidhr_en.htm_en

(11)

Data dwar il-wasliet ipprovduta mill-Istati Membri tal-UE u mill-EBCGA.

(12)

Skont id-Dikjarazzjoni UE-Turkija, għal kull Sirjan li jintbagħat lura lejn it-Turkija mill-gżejjer Griegi, Sirjan ieħor jiġi risistemat mit-Turkija fl-UE billi jitqiesu l-Kriterji ta’ Vulnerabbiltà tan-NU.

(13)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 tal-24.11.2015, l-Artikolu 2 – L-Għanijiet tal-Faċilità.

(14)

Ara l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)9500, kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016)855.

(15)

https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/sites/near/files/2016_needs_assessment_.pdf

(16)

https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/sites/near/files/updated_needs_assessment.pdf

(17)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 rigward l-għajnuna umanitarja (ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1).

(18)

Ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat, ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27.

(19)

Ir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44.

(20)

Ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni, ĠU L 77, 15.3.2014, p. 11.

(21)

Ir-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi, ĠU L 77, 15.3.2014, p. 1.

(22)

Il-kontribuzzjonijiet tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) ġew rispettivament ittrasferiti u implimentati taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni u l-Fond Fiduċjarju tal-UE. Fil-prinċipju, il-kontribuzzjonijiet kollha tal-Faċilità lejn l-EUTF (mill-IPA u sa ċertu punt mid-DCI) kienu implimentati bħala għajnuna mhux umanitarja.

(23)

It-tqassim totali tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri huwa disponibbli fuq http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2016/02/03/refugee-facility-for-turkey/ .

(24)

  https://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2018/06/29/facility-for-refugees-in-turkey-member-states-agree-details-of-additional-funding/  

(25)

Bl-eċċezzjoni tal-infiq amministrattiv, l-għajnuna teknika, il-komunikazzjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-infiq tal-awditu kontinwi li jammontaw għal xi EUR 20 miljun li jistgħu jiġu impenjati u kkuntrattati matul iż-żmien ta’ ħajja kollu tal-Faċilità.

(26)

  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018)1500 final dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)9500 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontribuzzjoni lejn il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija- 14.3.2018

(27)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018)4959 finali dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)9500 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontribuzzjoni lejn il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija - 24.7.2018

(28)

https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/sites/near/files/updated_facility_strategic_concept_note.pdf

(29)

  https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/sites/near/files/updated_needs_assessment.pdf

(30)

Ir-rapport finali dwar il-valutazzjoni aġġornata tal-ħtiġijiet nħareġ fil-31 ta’ Ottubru 2018.

(31)

B’mod partikolari l-Komunikazzjoni tal-2016 “Lejn Ħajja b’Dinjità” dwar l-Ispustar bil-forza u l-Iżvilupp (COM(2016) 234 final) u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill li jakkumpanjawha ( Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approċċ tal-UE għall-ispustar bil-forza u l-iżvilupp , Mejju 2016

(32)

 Rapport tal-QEA: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR18_27/SR_TRF_EN.pdf

(33)

Miżura Speċjali dwar l-Edukazzjoni C(2018)4960 final tal-24.7.2018

(34)

  Miżura Speċjali Emendata dwar l-Edukazzjoni C(2018)8254 final tal-11.12.2018

(35)

  https://ec.europa.eu/echo/sites/echo-site/files/echo_tur_bud_2018_91000_v2.pdf

(36)

Bl-eċċezzjoni tal-infiq amministrattiv, l-għajnuna teknika, il-komunikazzjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-infiq tal-awditu kontinwi li jammontaw għal madwar EUR 20 miljun li jistgħu jiġu impenjati u kkuntrattati matul iż-żmien ta’ ħajja kollu tal-Faċilità.

(37)

  https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/sites/near/files/facility_table.pdf

(38)

Id-distribuzzjoni tar-refuġjati Sirjani skont il-provinċji hija disponibbli fuq: http://www.goc.gov.tr/icerik6/temporary-protection_915_1024_4748_icerik  

(39)

Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri

(40)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja.

(41)

L-għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Umanitarja annwali speċifiċi għall-pajjiż. Il-qafas għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-sħab tagħha fil-qasam tal-għajnuna umanitarja huwa stabbilit bil-Ftehimiet Qafas Finanzjarji u Amministrattivi tal-Kummissjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u bil-Ftehimiet Qafas ta’ Sħubija ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi.

(42)

Inkluż kemm ir-refuġjati li bbenefikaw mis-Sistema ta' Protezzjoni Soċjali ta' Emerġenza kif ukoll minn programmi simili preċedenti

(43)

Disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/echo/financing-decisions-hips-2018_en  

(44)

Jista’ jkun li r-refuġjati jkunu rċevew aktar minn servizz wieħed u t-total taċ-ċifri ma jgħoddx għad-duplikazzjoni.

(45)

https://ec.europa.eu/echo/blog/turkey-conditional-cash-transfer-education-programme-increases-school-attendance-syrian-and_en

(46)

Din iċ-ċifra tinkludi wkoll l-iżborżi taħt proġetti implimentati mill-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana, iżda li għadhom ma ġewx debitati lill-baġit tal-UE.

(47)

Il-fondi tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni mill-Faċilità huma ġestiti f’konformità mar-regoli għall-azzjoni esterna stipulati fit-Titolu IV tat-tieni parti tar-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta’ Applikazzjoni tiegħu. Għal aktar dettalji, ara t-tieni Rapport Annwali dwar il-Faċilità.

(48)

PICTES tfisser “Il-promozzjoni tal-Integrazzjoni tat-Tfal Sirjani fis-Sistema Edukattiva Torka”. Din hija għotja diretta ta’ EUR 300 miljun lill-Ministeru Tork tal-Edukazzjoni Nazzjonali biex jippromwovi l-integrazzjoni tat-tfal Sirjani fis-sistema edukattiva Torka.

(49)

PIKTES “Il-promozzjoni tal-Integrazzjoni tat-Tfal Sirjani fis-Sistema Edukattiva Torka”. Din hija għotja diretta ta’ EUR 400 miljun lill-Ministeru Tork tal-Edukazzjoni Nazzjonali biex jippromwovi l-integrazzjoni tat-tfal Sirjani fis-sistema edukattiva Torka.

(50)

SIHHAT tfisser “Intejbu l-istatus tas-saħħa tal-popolazzjoni Sirjana bi protezzjoni temporanja u servizzi relatati” ipprovduta mill-awtoritajiet Torok.

(51)

118-il Speċjalista, 482 Tabib, 754 Qabla/infermiera, 892 Gwidi bilingwi għall-pazjenti, 323 Membru tal-persunal Awżiljarju

(52)

Ara t-tabella tal-proġetti fuq is-sit web ta’ NEAR, li teskludi l-proġetti elenkati bħala Appoġġ Edukattiv/Soċjo-Ekonomiku

(53)

https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/sites/near/files/call_for_expression_of_interest_-_socio-economic_support.zip

(54)

  Il-Qafas tar-Riżultati tal-Faċilità - Rapport ta’ Monitoraġġ

(55)

 Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2017) 3378 finali tat-23.5.2017 dwar il-miżura ta’ appoġġ dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, l-awditu u l-komunikazzjoni tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija

(56)

Eżempji: Evalwazzjoni tar-rispons umanitarju tal-Unjoni Ewropea għall-kriżi tar-refuġjati fit-Turkija, 2016-2017; Evalwazzjoni tas-Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza (ESSN) iffinanzjata mid-DĠ ECHO fit-Turkija, Novembru 2016–Frar 2018; Evalwazzjoni Strateġika ta’ nofs it-terminu tal-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana.

(57)

 Rapport tal-QEA: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR18_27/SR_TRF_EN.pdf  

(58)

180K dehra fuq FB, 65K dehra fuq Twitter, 1K like fuq Youtube u lħuq ta’ 6K fuq Instagram.

(59)

Il-paġna web ta’ “Incredible Ordinary” u eżempju ta’ xhieda: https://www.incredibleordinary.org/

  https://www.youtube.com/watch?v=80IhP3g4PiY&list=PL3xTi8eO-wuv5sFdgYdrGeI-DK7FtZz2f

(60)

Kanal ta’ Youtube tad-Delegazzjoni ddedikat b’eżempji ta’ vidjows: https://www.youtube.com/channel/UC6FP0xxlSG8xtesxTG_xjkg

https://www.youtube.com/watch?v=ofRVziiCVss

https://www.youtube.com/watch?v=BR6AgSF8AJ4

https://www.youtube.com/watch?v=McaZl5tZAOM

https://www.youtube.com/watch?v=HQXZUPgl6Hk

(61)

L-episodju ta’ AidZone tal-Euronews: https://youtu.be/Sq3xkKXjBoc  

(62)

  https://www.avrupa.info.tr/en/news/looking-inspiration-start-over-7487

https://www.avrupa.info.tr/en/learning-language-key-new-life-7410