Brussell, 3.4.2019

COM(2019) 170 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI EMPTY

Sorveljanza Msaħħa - il-Greċja, April 2019


Kuntest

Fis-27 ta’ Frar 2019 il-Kummissjoni adottat it-tieni rapport imtejjeb tagħha għall-Greċja 1 . Minbarra l-integrazzjoni tal-Greċja fis-Semestru Ewropew,  is-sorveljanza msaħħa tipprovdi qafas komprensiv għall-monitoraġġ tal-iżviluppi ekonomiċi u tas-segwitu tal-politiki meħtieġa biex jiġi żgurat irkupru ekonomiku sostenibbli 2 . Hija tipprovdi wkoll il-qafas għal valutazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-impenn meħud mill-Greċja għall-Grupp tal-Euro tat-22 ta’ Ġunju 2018 sabiex tkompli u tlesti riformi adottati fl-ambitu tal-programm ta’ appoġġ tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u biex tissalvagwardja l-objettivi tar-riformi adottati taħt dan il-programm u l-predeċessuri tiegħu, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 472/2013. Dan jinkludi l-implimentazzjoni tal-impenji speċifiċi ta’ riforma annessi mad-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tat-22 ta’ Ġunju 2018 fl-oqsma ta’ (i) il-politiki fiskali u fiskali strutturali, (ii) il-benessri soċjali, (iii) l-istabbiltà finanzjarja, (iv) ix-xogħol u s-swieq tal-prodotti, (v) il-privatizzazzjoni u (vi) l-amministrazzjoni pubblika. 3

Ir-rapport dwar is-sorveljanza msaħħa tas-27 ta’ Frar 2019 ikkonkluda li l-Greċja għamlet progress konsiderevoli fit-tlestija tal-implimentazzjoni tal-impenji ta’ riforma speċifiċi tagħha li għandhom jitlestew sa tmiem l-2018. B’mod aktar speċifiku, huwa kkonkluda li l-impenji speċifiċi għal tmiem l-2018 jistgħu jitqiesu li ntlaħqu: (i) l-adozzjoni tal-baġit għall-2019 li għandu jilħaq il-mira ta’ surplus primarju ta’ 3,5% tal-PDG; (ii) in-nuqqas ta’ akkumulazzjoni ta’ arretrati netti, għalkemm għad hemm bżonn ta’ sforzi addizzjonali biex jiġi kklerjat ix-xogħol b’lura u tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ arretrati ġodda: (iii) il-ftuħ ta’ massa kritika ta’ ċentri tal-kura tas-saħħa primarja (TOMYs); (iv) it-tlestija ta’ passi importanti biex jiġi żgurat l-għoti ta’ kuntratti ċentralizzat għall-kura tas-saħħa; (v) it-taffija tal-kontrolli tal-kapital skont il-pjan direzzjonali miftiehem; (vi) id-definizzjoni u l-adozzjoni ta’ strateġija ta’ ċessjoni tal-Fond Elleniku għall-Istabbiltà Finanzjarja (Hellenic Financial Stability Fund, HFSF), bl-involviment potenzjali tal-awtoritajiet fl-istadju finali taċ-ċessjonijiet li għadhom qed jiġu kkunsidrati; (vii) l-adozzjoni li tippermetti l-leġiżlazzjoni għal liċenzji tal-investiment; (viii) ir-reviżjoni formali tal-paga minima f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva, għalkemm id-daqs taż-żieda jqajjem riskji għall-impjiegi u l-kompetittività; (ix) it-tlestija tal-Fażi I tal-proġett e-justice; (X) l-implimentazzjoni tal-pjan strateġiku tal-Korporazzjoni Ellenika għal Assi u Parteċipazzjonijiet (Hellenic Corporation for Assets and Participations, HCAP); (xi) ir-ristrutturar tas-sussidjarja ETAD u t-tnedija tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni għal intrapriżi tal-Istat li jaqgħu taħt l-HCAP fl-isfond tad-dewmien fit-trasferiment taċ-Ċentru Olimpiku (OAKA); (xii) l-aġġornament tal-Pjan ta’ Żvilupp tal-Assi tal-aġenzija ta’ privatizzazzjoni (TAIPED), it-tlestija tal-offerti ta’ privatizzazzjoni ewlenin inkluż in-netwerk ta’ trażmissjoni tal-gass (DESFA) u l-estensjoni tal-konċessjoni għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Ateni, kif ukoll it-tlestija tal-passi ewlenin relatati mal-proġett Hellinikon; u (xiii) l-awtoritajiet qablu mal-Kummissjoni dwar il-modalitajiet biex iwettqu valutazzjoni indipendenti tal-proċess ta’ ħatra għas-Segretarji Amministrattivi u d-Diretturi Ġenerali sa nofs l-2019, u adottaw leġiżlazzjoni ewlenija biex jitjieb l-ippjanar tar-reklutaġġ fis-settur pubbliku biex ikun hemm rabta bejn il-pjan pluriennali dwar ir-reklutaġġ mal-Istrateġija Fiskali fuq Terminu Medju. (Medium-Term Fiscal Strategy, MTFS).

Ir-rapport dwar is-sorveljanza msaħħa tas-27 ta’ Frar 2019, madankollu, ikkonkluda wkoll li hemm għadd ta’ impenji ta’ riforma speċifiċi li għandhom jitwettqu sa tmiem l-2018 li għadhom pendenti u li jeħtieġ li jitlestew. F’dak iż-żmien, il-kwistjonijiet pendenti kienu relatati ma’ miżuri fl-oqsma tal-amministrazzjoni tad-dħul mit-taxxa, l-istabbiltà finanzjarja, l-enerġija, il-privatizzazzjoni u l-amministrazzjoni pubblika. Rigward xi impenji, kellhom jitlestew passi tekniċi (ristrutturar tal-kumpanija tal-gass DEPA; l-awtostrada Egnatia; il-ħatriet HFSF), filwaqt li f’oħrajn, kienu għadhom għaddejjin diskussjonijiet sostantivi (id-dħul u l-amministrazzjoni pubblika; iċ-ċessjoni linjite; is-settur finanzjarju inkluża l-protezzjoni tar-residenza primarja).

Ir-rapport dwar is-sorveljanza msaħħa tas-27 ta’ Frar 2019 ġibed ukoll l-attenzjoni għall-fatt li l-iżviluppi f’xi oqsma jqajmu tħassib dwar l-orjentazzjoni u t-twettiq ta’ riformi fuq terminu medju. Dan it-tħassib jitlob l-attenzjoni sħiħa tal-awtoritajiet u jirrigwarda (a) il-livell ta’ ambizzjoni fl-indirizzar tal-isfidi fiskali strutturali li fadal u fl-evitar tal-ħolqien ta’ riskji fiskali ġodda li jistgħu jirriżultaw minn sentenzi tal-Qorti, reklutaġġi fis-settur pubbliku u bidliet potenzjali fl-iskemi ta’ ħlas għal dejn tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali; (b) il-pass tal-progress u l-grad ta’ prijorità marbuta mal-miżuri meħtieġa biex tissaħħaħ is-saħħa u r-reżiljenza tas-settur bankarju, b’mod partikolari rigward il-kwalità tal-assi; u (c) l-impenn li tiġi salvagwardjata l-kompetittività tal-pagi fuq terminu medju u li jiġi stabbilit ambjent li ġenwinament ikun favorevoli għan-negozju u l-investiment.

Dan l-aġġornament jivvaluta l-iżviluppi fl-implimentazzjoni tal-impenji ta’ riforma speċifiċi dovuti sa tmiem l-2018 mid-data ta’ adozzjoni tar-rapport dwar is-sorveljanza msaħħa fis-27 ta’ Frar 2019. B’mod partikolari, il-Greċja (i) adottat leġiżlazzjoni primarja u sekondarja biex issaħħaħ l-Awtorità Indipendenti għad-Dħul Pubbliku; (ii) ipprovdiet aġġornamenti rilevanti dwar il-miżuri biex jappoġġaw ir-riżoluzzjoni ta’ self improduttiv (non-performing loans, NPL) u l-istabbiltà tas-settur bankarju (irkanti elettroniċi, garanziji tal-gvern, pjan ta’ azzjoni ta’ insolvenza tal-familji); (iii) adottat leġiżlazzjoni primarja, u impenjat ruħha li tadotta f’qasir żmien leġiżlazzjoni sekondarja għall-protezzjoni primarja tar-residenza; (iv) ħadet il-passi meħtieġa biex timla pożizzjonijiet vakanti fl-HFSF; (v) nediet mill-ġdid l-offerta għaċ-ċessjoni ta’ parti mill-kapaċità ta’ ġenerazzjoni bbażata fuq il-linjite tal-Korporazzjoni tal-Enerġija Pubblika; (vi) adottat il-leġiżlazzjoni għall-istrutturar tad-DEPA, (vii) ħadet azzjonijiet biex jitneħħew l-ostakli għat-tranżazzjoni Egnatia; u (viii) adottat firxa ta’ miżuri biex jsiru avvanzi fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika.

Il-Greċja ħadet l-azzjonijiet meħtieġa biex tikseb l-impenji ta’ riforma speċifiċi kollha għal tmiem l-2018.

Fit-22 ta’ Ġunju 2018, il-Grupp tal-Euro qabel li l-pakkett ta’ miżuri ta’ ħelsien mid-dejn għall-Greċja għandu jinkludi inċentivi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni qawwija u kontinwa tal-miżuri ta’ riforma li sar qbil dwarhom fil-programm. Għal dan il-għan, ċerti miżuri dwar id-dejn, kontinġenti għall-politika huma disponibbli għall-Greċja fuq bażi semi-annwali sa nofs l-2022, bil-kundizzjoni li jiġu rispettati l-impenji dwar il-kontinwità u t-tlestija tar-riforma, fuq il-bażi ta’ rapporti pożittivi fl-ambitu tas-sorveljanza msaħħa. Dawn il-miżuri dwar id-dejn jinkludu: (i) ir-redditu tal-ammonti ekwivalenti ta’ introjtu li jirriżultaw mill-parteċipazzjonijiet tal-banek ċentrali ta’ bonds tal-gvern Griegi taħt il-Programm tas-Swieq tat-Titoli u l-Ftehim dwar l-Assi Finanzjarji Netti u (ii) it-tnaqqis għal żero taż-żieda fil-marġni tar-rata tal-imgħax għal ċerti ħlasijiet parzjali ta’ self ipprovduti mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja. Il-kontenut tar-rapport dwar is-sorveljanza msaħħa tas-27 ta’ Frar 2019 u l-aġġornament sussegwenti jistgħu jintużaw mill-grupp tal-Euro biex isir qbil dwar l-attivazzjoni tal-ewwel parti ta’ miżuri dwar id-dejn, kontinġenti għall-politika.

Aġġornament dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta’ impenji ta’ riforma speċifiċi

Amministrazzjoni tad-dħul pubbliku

Filwaqt li l-impenn speċifiku li sar fi tmiem l-2018 biex jintlaħaq livell ta’ persunal ta’ 12 000 impjegat permanenti fl-Awtorità Indipendenti għad-Dħul Pubbliku (Independent Authority for Public Revenue, IAPR) għadu ma ntlaħaqx (il-livell ta’ persunal fi tmiem l-2018 kien ta’ 11 487), l-awtoritajiet issa adottaw sett sħiħ ta’ miżuri komplimentari. Dawn se jappoġġaw il-konformità mal-impenn tal-persunal, isaħħu r-riforma aktar wiesgħa tal-ġbir tad-dħul u jtejbu l-kapaċità operazzjonali kumplessiva u l-effiċjenza tal-IAPR f’għadd ta’ dimensjonijiet. Sa meta sar ir-rapport dwar is-sorveljanza msaħħa fis-27 ta’ Frar 2019, l-awtoritajiet diġà kienu ħadu għadd ta’ azzjonijiet (l-adozzjoni tal- pjan ta’ azzjoni ta’ riforma (“Blueprint”) għall-2019-2021; il-ftehim mas-Segretarjat Ġenerali għas-Servizzi tal-Informazzjoni dwar pakkett annwali tal-IT). Mill-adozzjoni tar-rapport dwar is-sorveljanza msaħħa fis-27 ta’ Frar 2019, l-awtoritajiet lestew il-miżuri komplementari miftiehma li fadal biex isaħħu l-IAPR:

·l-introduzzjoni tal-klassifikazzjoni, tar-remunerazzjoni u tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni mfassla għall-IAPR jidher essenzjali sabiex jittejbu l-prospetti tal-IAPR biex jiġi attirat persunal bi kwalifiki għoljin u biex jiġu permessi l-iżvilupp u l-progressjoni tagħhom. Fil-bidu ta’ Marzu 2019, ġiet adottata emenda leġiżlattiva tal-leġiżlazzjoni ta’ abilitazzjoni tal-IAPR. Sussegwentement, din l-emenda se tippermetti l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni sekondarja biex tiġi introdotta skema ta’ gradazzjoni ġdida marbuta direttament mad-deskrizzjonijiet tal-impjiegi. Din ir-riforma hija marbuta mill-qrib mal-qasam tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, u b’mod partikolari mal-ħatra tal-maniġment superjuri fis-setturi pubbliċi.

·L-emendi leġiżlattivi dwar il-protezzjoni tar-responsabbiltà u l-mobilità li tiffaċilita ġew miftiehma u adottati fil-bidu ta’ Marzu 2019.

·Deċiżjoni Ministerjali Konġunta dwar l-akkwist ta’ markaturi tal-fjuwil adottati kmieni f’Marzu, li se jipprovdi strument importanti fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu.

Il-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-NPL

Ir-rapport dwar is-sorveljanza msaħħa kien ikkonkluda li jenħtieġ li jiġu indirizzati diversi nuqqasijiet fl-oqfsa legali rilevanti għar-riżoluzzjoni NPL. Mill-adozzjoni tar-rapport dwar is-sorveljanza msaħħa fis-27 ta’ Frar 2019, l-awtoritajiet ħadu azzjonijiet ulterjuri f’diversi oqsma. Dawn l-azzjonijiet jitqiesu bħala suffiċjenti għall-finijiet li jiġi ssodisfat l-impenn speċifiku li tiġi appoġġjata r-riżoluzzjoni tas-self improduttiv: madankollu, se jkunu meħtieġa monitoraġġ mill-qrib u segwitu, u l-istituzzjonijiet Ewropej se jirrapportaw lura fil-kuntest ta’ sorveljanza msaħħa. B’mod speċifiku:

·L-awtoritajiet adottaw emenda leġiżlattiva u pprovdew pjan ta’ azzjoni aġġornat dwar l-ipproċessar ta’ self b’garanzija mill-Istat. L-effikaċja tiegħu fil-prattika lejn approvazzjoni sħiħa tal-istokk pendenti tal-hekk imsejħa garanziji se tiġi vvalutata fix-xhur li ġejjin.

·Rigward l-irkanti elettroniċi, ġiet spjegata triq ’il quddiem biex tindirizza l-kwistjoni ta’ posponimenti tal-irkanti ordnati mill-qorti li jirriżultaw mill-preżentazzjoni ta’ petizzjonijiet ta’ debituri għal reviżjoni tal-prezz ta’ riżerva fil-kuntest tal-evalwazzjoni li ġejja tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. L-awtoritajiet huma mistennija jippreżentaw u jadottaw, skont il-ħtieġa fil-kuntest tat-tielet ċiklu ta’ sorveljanza msaħħa, proposti għall-miżuri ta’ implimentazzjoni biex jiskoraġġixxu abbuż proċedurali minn kontumaċi strateġiċi permezz ta’ petizzjonijiet tal-aħħar minuta fil-kuntest tal-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida għal posponimenti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida ta’ protezzjoni ta’ residenza primarja u tal-liġi eżistenti dwar l-insolvenza tal-familji (Katseli). L-awtoritajiet se jwettqu wkoll analiżi ulterjuri rigward ir-raġunijiet għall-irkanti li fallew u se jindirizzawhom inkluż permezz ta’ mezzi leġiżlattivi, fejn meħtieġ.

·Id-data dwar il-każijiet pendenti fil-kuntest tal-qafas tal-insolvenza tal-familji, kif ukoll it-trajettorja għall-eliminazzjoni tax-xogħol b’lura sal-2021 kif previst fil-pjan ta’ azzjoni, ingħataw mill-awtoritajiet, abbażi tas-suppożizzjoni ta’ infrastruttura mtejba. Huwa mistenni li jiġi ppreżentat pjan ta’ azzjoni rivedut mill-awtoritajiet sa nofs l-2019, filwaqt li jitqies ukoll l-impatt tal-iskema l-ġdida dwar il-protezzjoni ta’ residenza primarja.

·Fil-liġijiet dwar il-bejgħ u t-titolizzazzjoni tal-NPLs, il-kjarifiki meħtieġa ġew ikkomunikati lill-Assoċjazzjoni Ellenika Bankarja u mtella’ fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Finanzi. L-effikaċja tagħhom se tiġi vvalutata fix-xhur li ġejjin.

Selfiet improduttivi: il-protezzjoni tar-residenza primarja

Il-Greċja adottat leġiżlazzjoni biex tistabbilixxi sistema ġdida għall-protezzjoni ta’ xi residenzi primarji bil-għan li tappoġġa r-ristrutturar tas-self improduttiv. Dan isegwi l-iskadenza tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tar-residenzi primarji skont il-liġi dwar l-Insolvenza tal-Familji (Katseli), li kienet maħsuba li tkun temporanja u skadiet fi tmiem Frar 2019 wara estensjoni eċċezzjonali ta’ xahrejn. Il-leġiżlazzjoni primarja għall-iskema ġiet adottata fid-29 ta’ Marzu, filwaqt li l-atti leġiżlattivi sekondarji dwar l-ispeċifikazzjonijiet tal-pjattaforma elettronika, is-sussidju tal-istat u l-mod ta’ valutazzjoni ta’ ċerti assi inklużi fil-kriterji tal-ġid għandhom jiġu adottati ftit wara.

L-iskema l-ġdida hija unika għall-Greċja Fil-qasir,   il-mutwatarji li huma persuni fiżiċi li s-self tagħhom huwa garantit b’kollateral fuq ir-residenza primarja u kellhom l-arretrati xi jħallsu fil-31 ta’ Diċembru 2018 jistgħu japplikaw għall-iskema permezz ta’ pjattaforma elettronika. Dment li jissodisfaw ċerti kriterji ta’ eliġibbiltà, huma jistgħu japplikaw biex jibbenefikaw minn ristrutturar u tħassir tad-djun ipotekarji tagħhom (self għal akkomodazzjoni jew negozju), jew wara ftehim dwar proposti standardizzati ta’ ristrutturar li għandhom jiġu estiżi mill-kredituri permezz ta’ pjattaforma online jew, fin-nuqqas ta’ dan il-ftehim, billi jirrikorru għall-qrati; id-debituri jibbenefikaw ukoll mill-protezzjoni ta’ esklużjoni dwar ir-residenza primarja tagħhom sakemm jagħmlu ħlasijiet parzjali fuq id-dejn ristrutturat. Għal parti mill-ħlasijiet, il-mutwatarji jirċievu sussidju mill-Istat. Id-diskussjonijiet matul dawn l-aħħar ġimgħat servew biex jiċċaraw kwistjonijiet ewlenin, bil-għan li jiżguraw li l-iskema tkun ġenwinament temporanja, diretta apposta u tinkludi salvagwardji xierqa biex tipprevjeni l-abbużi minn kontumaċi strateġiċi u l-ħolqien ta’ akkumulazzjonijiet (backlogs) ġodda fil-qrati kif ukoll l-inċentivi ta’ appoġġ għal dixxiplina tal-pagament.

Il-parametri ewlenin tal-iskema l-ġdida huma dawn li ġejjin:

·L-iskema tkopri kemm self għall-familji kif ukoll self għan-negozji kollateralizzati minn residenzi primarji. L-estensjoni tal-perimetru għal self għan-negozji tqajjem tħassib partikolari li ġie kkomunikat lill-awtoritajiet Griegi. Hija tinvolvi l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni fuq residenzi primarji lejn kategorija ġdida ta’ mutwatarji mhux koperta mil-leġiżlazzjoni Katseli preċedenti (reċipjenti ta’ self għan-negozji) u mingħajr ma tiġi vvalutata l-vijabbiltà tan-negozji: għalhekk huwa inqas ċar kemm-il applikazzjoni se jkun hemm u konsegwentement kemm se tlaħħaq tajjeb il-kapaċità tas-sistema (inklużi l-qrati u l-mekkaniżmu ta’ sussidju mill-istat). Hija teħtieġ ukoll attenzjoni partikolari mill-perspettiva tal-istabbiltà finanzjarja, billi l-valutazzjonijiet tal-impatt disponibbli jindikaw li se jkunu meħtieġa meta mqabbla mas-self ipotekarju residenzjali, u għalhekk l-impatt stmat fuq il-kapital tal-banek huwa komparattivament għoli. Barra minn hekk, jekk l-iskema ma tiffunzjonax tajjeb, hemm riskju li l-banek fil-futur ikunu inqas lesti li jipprovdu self lil negozji żgħar fejn ir-residenza primarja tintuża bħala kollateral u għalhekk l-attività ta’ self garantit tista’ tiġi affettwata b’mod negattiv. Finalment, hemm riskji li d-disponibbiltà tal-iskema ġdida għal self għan-negozji se tnaqqas l-inċentivi ta’ debituri eliġibbli biex jużaw il-qafas alternattiv li jippermetti potenzjal ta’ ristrutturar anki fir-rigward ta’ taxxi u ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-kriterju l-aktar vinkolanti għall-eliġibbiltà huwa d-daqs tas-self pendenti, li huwa stabbilit għal EUR 130 000 għal kull kreditur għal self ta’ mutwu ipotekarju residenzjali u EUR 100 000 għal self għan-negozju, biex b’hekk jittaffew ir-riskji assoċjati ma’ din il-kategorija ta’ self sa ċertu punt. Skont l-istimi disponibbli, il-perimetru ta’ debituri eliġibbli bl-obbligi lejn aktar minn kreditur wieħed ikun dejjaq u l-adozzjoni ta’ livell limitu għal kull kreditu jista’ jissimplifika l-ipproċessar awtomatiku tal-applikazzjoni taħt il-pjattaforma. L-istituzzjonijiet esprimew tħassib dwar il-valur limitu għal għadd ta’ kredituri u talbu informazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet dwar il-kopertura u l-impatt.

·L-iskema tistabbilixxi l-kriterji ta’ eliġibbiltà għal introjtu tal-familji u l-ġid li mhumiex ir-residenza primarja, kif ukoll livell limitu għall-valur tal-proprjetà. Il-valur limitu tal-ġid huwa stabbilit għal EUR 15 000 għall-assi likwidi tal-mutwatarju, il-konjugi u d-dipendenti u EUR 80 000 għall-assi immobbli u għall-vetturi tat-trasport fiż-żmien tal-applikazzjoni tagħhom. L-istituzzjonijiet Ewropej ġibdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet għall-implikazzjonijiet tal-għażla ta’ politika tagħhom dwar l-inċentivi għal dixxiplina tal-pagament u dwar l-implikazzjonijiet tad-distribuzzjoni li jiġi pprovdut sussidju mill-Istat għal 20 sena lil mutwatarji li jista’ jkollhom ġid kbir b’mod raġonevoli minbarra r-residenza primarja tagħhom. Il-livell limitu huwa msejjes fuq il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġi Katseli, jiġifieri skont id-daqs tal-unità domestika b’limitu massimu ta’ EUR 36 000 fis-sena 4 . Il-livell limitu għall-valur tar-residenza protetta huwa stabbilit b’valur uniformi ta’ EUR 250 000 għal self għall-familji, li għalhekk għandu kamp ta’ applikazzjoni aktar wiesa’ mil-liġi Katseli (li l-livell limitu tagħha huwa ta’ EUR 180 000 flimkien ma’ żidiet skont id-daqs tal-familja). Fil-każ ta’ self tan-negozji, il-valur limitu huwa stabbilit għal valur uniformi ta’ EUR 175 000.

·L-iskema hija miftuħa għad-debituri, li bħala impjegati pubbliċi rċevew ipoteka mhux minn bank, iżda minn fond pubbliku b’kundizzjonijiet preferenzjali. L-istituzzjonijiet Ewropej ġibdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet għall-fatt li dan ma jimmirax għall-isfida tal-NPL tal-pajjiż li tirreferi għal krediti bankarji, u jista’ jkollu riperkussjonijiet għal inċentivi biex tinżamm id-dixxiplina tal-ħlas.

·L-iskema hija mfassla biex tkun temporanja. L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi sal-31 ta’ Diċembru 2019 għal self li kien ilu dovut għal 90 jum jew aktar sal-31 ta’ Diċembru 2018. Dan se jippermetti li jsir rapport dwar l-iskadenza tal-iskema fil-kuntest tal-monitoraġġ tal-impenji speċifiċi ta’ tmiem l-2019 taħt sorveljanza msaħħa.

·Fuq il-bażi ta’ offerti ta’ ristrutturar mill-banek, il-ħlas parzjali se jiġi appoġġat minn sussidju mill-Istat b’mod progressiv li jiddependi fuq id-dħul (li bħala medja stmat għal madwar 30%). L-iskema tapplika telf impost fuq il-kredituri (haircut) mandatorju għal kapital li jaqbeż proporzjon bejn is-self u l-valur ta’ 120 %. Barra minn hekk, il-pagamenti se jkollhom tul ta’ żmien standard ta’ 20 sena b’limitu massimu fit-80 sena tal-età tad-debitur. L-approċċ għandu l-potenzjal li jgħin biex jegħleb dewmien fit-tnaqqis tal-NPL billi joffri soluzzjoni standardizzata. Madankollu, kuntrarju għal prattika bankarja standard, din l-iskema ma tikkunsidrax b’mod sħiħ il-kapaċità globali tal-ħlas tad-debitur, u ma tagħti l-ebda kunsiderazzjoni lill-vijabbiltà tal-mutwatarji minn self kummerċjali, billi tapplika l-istess ristrutturar u tħassir orizzontali. Dan kien maħsub biex jiffaċilita għadd kbir ta’ ristrutturar f’perjodu ta’ żmien limitat.

·Il-pjattaforma elettronika għandha tkun operazzjonali sa tmiem April 2019. Hija maħsuba biex topera b’mod kompletament awtomatizzat fil-valutazzjoni tal-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà u se jkollha l-kapaċità ta’ aċċess għall-informazzjoni rilevanti għall-applikanti minn bażijiet tad-data oħrajn tas-settur pubbliku u / jew tas-settur bankarju. Il-pjattaforma se tinnotifika lill-kredituri dwar applikazzjonijiet pendenti u se tipprovdilhom il-ġbir rilevanti tad-data biex tippermettilhom jifformulaw il-proposta tagħhom lid-debituri. Il-pjattaforma hija maħsuba wkoll biex tintuża biex tiffiltra każijiet Katseli pendenti b’referenza għall-elementi kwantitattivi tagħhom; jekk implimentat kif suppost, dan l-aspett se jgħin lill-qrati jiskopru applikazzjonijiet abbużivi magħmula taħt il-liġi tal-insolvenza tal-familji u jippermettu riżoluzzjoni aktar mgħaġġla ta’ dawn il-każijiet.

·Operazzjoni effiċjenti tal-pjattaforma tista’ tirriżulta, bi prinċipju, f’għadd sodisfaċenti ta’ ristrutturar u b’riskji limitati iżda mhux negliġibbli ta’  litigazzjoni sussegwenti li jistgħu jżidu ma’ xogħol b’lura (backlogs) eżistenti. Jekk il-proċedura tal-pjattaforma tonqos milli tirriżulta fi ftehim ta’ ristrutturar, id-debitur huwa intitolat jippreżenta talba għal ristrutturar mal-qorti tal-maġistrat kompetenti. Il-ħatra tad-data tas-seduta u l-ħruġ tad-deċiżjoni tal-qorti jridu jsiru f’perjodi ta’ żmien stretti (sitt xhur mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni u tliet xhur mis-smigħ tal-każ rispettivament). Soġġorni temporanji ta’ eżekuzzjoni jistgħu jingħataw b’kundizzjonijiet speċifiċi u jirrikjedu, fil-każ ta’ debituri li kienu kkunsidrati eliġibbli iżda naqsu milli jiksbu ristrutturar taħt il-pjattaforma, il-pagament ta’ ħlasijiet parzjali ta’ kull xahar jew il-pagament ta’ porzjoni tal-ammont pendenti, jiddependu fuq iċ-ċirkostanzi. Il-leġiżlazzjoni tipprovdi xi salvagwardji kontra talbiet frivoli jew mala fede billi dawn jistgħu jiġu sanzjonati mill-qorti permezz tal-impożizzjoni ta’ piena. Madankollu, huwa meħtieġ li tiġi mmonitorjata mill-qrib il-litigazzjoni l-ġdida ġġenerata taħt l-iskema u l-impatt fuq l-infurzar kemm fuq medda qasira ta’ żmien kif ukoll fuq medda twila ta’ żmien, billi ż-żewġ elementi huma rilevanti għal attività futura ta’ self u għall-proċess ta’ tnaqqis ta’ NPL.

·L-istimi disponibbli jikkonfermaw li l-ispiża fiskali tas-sussidju se tkun fi żmien il-pakkett baġitarju ppjanat ta’ EUR 150 miljun għall-2019 u EUR 200 miljun annwalment wara dan. Il-kalibrar tas-sussidju għandu jiġi stabbilit fil-leġiżlazzjoni sekondarja u se jirrikjedi monitoraġġ bir-reqqa, billi l-istimi disponibbli huma soġġetti għal inċertezzi fl-isfond tad-disponibbiltà mhux kompluta tad-data.

B’mod ġenerali, l-iskema leġiżlattiva ġdida għandha l-potenzjal li tappoġġa r-ristrutturar tal-NPL, għalkemm għad hemm xi riskji għall-istabbiltà finanzjarja u għad-dixxiplina tal-ħlas. Sar progress konsiderevoli matul il-fażi preparatorja tal-abbozzar tal-leġiżlazzjoni biex jittaffew ir-riskji ta’ implimentazzjoni u ta’ litigazzjoni identifikati fl-opinjoni tal-BĊE 5 f’abbozz preċedenti tal-liġi, tħassib relatat mal-impatt potenzjali tal-iskema dwar l-istabbiltà finanzjara u d-dixxiplina tal-ħlas, kif ukoll mar-riskji ta’ abbużi minn kontumaċi strateġiċi. Għandu jkun enfasizzat, madankollu, li dawn ir-riskji ġew mitigati sa ċertu punt, iżda mhux eliminati, fil-leġiżlazzjoni li ġiet adottata: il-karattru uniku tal-iskema jfisser li hemm inċertezza dwar kif se taħdem fil-prattika u b’hekk dwar l-iskala u l-possibbiltà li jiġu kkwantifikati dawn ir-riskji.

Għall-quddiem, id-dettalji tekniċi li jkun għad fadal, b’mod partikolari dawk relatati mal-operabbiltà u mal-funzjonalità tal-pjattaforma, għandhom jinħadmu malajr, u l-implimentazzjoni teknika għandha tiġi stabbilita malajr kemm jista’ jkun. L-implimentazzjoni se jkollha tiġi mmonitorjata mill-qrib, f’termini tal-aspetti operazzjonali (il-funzjonament tal-pjattaforma, il-veloċità tar-riżoluzzjoni), l-impatt fuq il-kapital tal-banek, l-impatt fuq l-infurzar u l-litigazzjoni, u l-ispiża fiskali tas-sussidju. L-istituzzjonijiet Ewropej se jipprovdu aġġornamenti dwar l-implimentazzjoni tal-iskema u t-tħassib possibbli fil-kuntest ta’ sorveljanza msaħħa. L-awtoritajiet Griegi huma mistiedna jimpenjaw ruħhom biex ma jkomplux jestendu t-tul ta’ żmien jew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema l-ġdida u li jieħdu azzjonijiet korrettivi, inkluża leġiżlazzjoni, jekk jinqalgħu problemi fl-implimentazzjoni jew problemi legali bl-iskema. Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li l-iskema l-ġdida se tirrikjedi l-approvazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni.

F’konformità mar-rapport ta’ spjegazzjoni mehmuż mal-leġiżlazzjoni dwar l-iskema l-ġdida, l-istituzzjonijiet Ewropej jilqgħu l-impenn tal-awtoritajiet Griegi biex jieħdu azzjoni biex jgħaqqdu l-ġabra ta’ liġijiet li huma rilevanti għal-insolvenza / falliment u r-ristrutturar tad-dejn. Dan se jibda b’riforma tal-liġi Katseli, li għandha titlesta sa nofs l-2019, bil-għan li tiġi żgurata ċertezza u konsistenza ġuridika, jitneħħew il-lakuni li jistgħu jiġi abbużati sabiex jiġi sospiż jew imblukkat l-infurzar, jiżdiedu s-salvagwardji li huma kkunsidrati biżżejjed biex jiskoraġġixxu mġiba strateġika inadempjenti, u tissaħħaħ il-kultura ta’ ristrutturar bilaterali jew multilaterali barra mill-qrati.

Il-Fond Elleniku għall-Istabbiltà Finanzjarja (HFSF)

L-impenji kollha rigward il-governanza tal-HFSF tlestew. Fir-rigward tal-operazzjoni tal-HFSF, il-Ministru tal-Finanzi ressaq ittra lill-Grupp ta’ Grupp ta’ Ħidma tal-Grupp tal-Euro (Eurogroup Working Group, EWG) man-nominati għall-pożizzjonijiet miftuħa fil-Bord Eżekuttiv u fil-Kunsill Ġenerali tal-HFSF, u l-persuni nominati ġew approvati mill-EWG. Il-Ministeru tal-Finanzi kiseb ukoll u approva opinjoni tal-Kunsill Legali tal-Istat dwar l-istatus tal-Bord tal-Għażla tal-HFSF u fir-rigward tal-kontinwazzjoni tiegħu għat-tul ta’ żmien tal-HFSF.

Enerġija

Iċ-ċessjoni tal-partijiet tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni bbażata fuq il-linjite tal-Korporazzjoni Pubblika tal-Enerġija (Public Power Corporation, PPC), li tikkonsisti f’impjanti tal-enerġija mħaddma bil-linjite Meliti u Maglopoli 3 u 4, tibqa’ parti fundamentali tar-riformi tal-enerġija tal-Greċja. Wara l-falliment tal-ewwel offerta fi Frar 2019, l-awtoritajiet affermaw mill-ġdid l-intenzjoni tagħhom li jiffinalizzaw iċ-ċessjoni u jikkonformaw mal-impenn eżistenti taħt sorveljanza msaħħa, ir-rimedji antitrust u d-deċiżjoni relatata tal-Kummissjoni. Għal dan il-għan, huma nedew offerta ġdida bl-istabbiliment ta’ tmiem Ġunju bħala skadenza għall-għeluq tal-patt, immarkata bl-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-PPC. Iċ-ċessjoni ġiet inkluża wkoll f’emenda riċenti fil-liġi nazzjonali dwar l-enerġija, li estendiet l-obbligu li tintemm iċ-ċessjoni għall-azzjonisti ta’ PPC. PPC tista’ titlob valutazzjoni ġdida tal-impjanti, din id-darba billi jitqies il-bejgħ tal-linjite fl-UE kif stipulat fir-rimedji antitrust, kif ukoll l-offerti riċevuti fl-offerta riċenti li falliet. Barra minn hekk, PPC għandha taħtar stimatur ieħor, li se jagħti opinjoni dwar l-ekwità tal-offerti li jirċievi. Rigward iċ-ċarezza dwar it-termini tal-bejgħ, ġie miftiehem li ma jiġix inkluż mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni tar-riskji fil-Ftehimiet tal-Bejgħ u x-Xiri (Sale and Purchase Agreements, SPA), għalkemm termini oħra jistgħu jiġu diskussi mal-investituri matul il-proċess. Dawn il-passi kollha se jittieħdu biex il-proċess ta’ ċessjoni jintemm b’suċċess f’konformità mal-impenji mogħtija fil-każ tal-antitrust u fi żmien l-iskadenza għall-offerta l-ġdida.

Il-proċess ġdid ta’ ċessjoni diġà beda f’konformità mal-iskedi ta’ żmien previsti. Sitt kumpaniji wieġbu għall-istedina biex jippreżentaw espressjonijiet ta’ interess. Issa hemm Kamra Virtwali tad-Data li tinkludi l-SPAs li se tkun il-bażi għan-negozjati. Fix-xhur li ġejjin għandna naraw ir-rilaxx tal-ewwel SPAs, il-ftehim tal-verżjoni finali tal-SPAs u mbagħad il-preżentazzjoni ta’ offerti vinkolanti. Dawn l-offerti jeħtieġ li jiġu approvati kemm mill-Bord tad-Diretturi tal-PPCs kif ukoll mill-Assemblea Ġenerali tal-PPCs qabel it-tmiem tal-Perjodu ta’ Ċessjoni, stabbilit għal tmiem Ġunju 2019. Wara l-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-PPCs, il-Parlament Elleniku se jirratifika l-bejgħ. Filwaqt li jibni fuq l-implimentazzjoni f’waqtha tal-passi maħsuba sa issa, se jkun essenzjali biex jinżamm il-progress tal-momentum miksub għal tranżazzjoni ta’ ċessjoni.

Privatizzazzjoni

Il-leġiżlazzjoni relatata mar-ristrutturar korporattiv tal-kumpanija tal-gass DEPA ġiet adottata fis-7 ta’ Marzu 2019. Il-leġiżlazzjoni twitti t-triq għat-tranżazzjoni ta’ privatizzazzjoni miftiehma. Se tkun importanti biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali dwar l-impjieg inklużi fil-leġiżlazzjoni jibqa’ jkollhom fil-mira tagħhom l-għadd ta’ impjegati fil-livelli attwali.

F’Jannar 2019, l-awtoritajiet kienu qablu dwar għadd ta’ azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati malajr sabiex jiġu indirizzati l-ostakli rikorrenti fil-konċessjoni tal-awtostrada Egnatia. L-objettivi kienu li t-tranżazzjoni tkun tista’ tipproċedi bil-għan li jkun hemm offerti vinkolanti fi żmien l-2019 f’konformità mal-Pjan aġġornat ta’ Żvilupp ta’ Assi tal-fond ta’ privatizzazzjoni TAIPED. L-azzjonijiet miftiehma li kellhom jitwettqu, s’issa ġew implimentati f’konformità mal-fattibbiltà teknika. Dan jinkludi b’mod partikolari l-addozzjoni tal-baġit ta’ Egnatia, it-twettiq tal-proċedura parlamentari għall-ħatra tas-CEO ta’ Egnatia, il-preżentazzjoni minn Egnatia tal-fajls pendenti kollha lill-Awtorità ta’ Liċenzjar tal-Mina u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa fuq il-politika tal-ipprezzar tal-pedaġġ lill-Kummissjoni. Il-proċess aċċellerat rigward il-liċenzjar tal-mina għandu jkompli sabiex kwistjonijiet ta’ liċenzjar jissolvew malajr kemm jista’ jkun. B’mod aktar ġenerali, se jkun kritiku li jiġi żgurat li t-tranżazzjoni tipproċedi mingħajr xkiel, sabiex jiġi evitat li l-istampa ġenerali pożittiva fuq l-aġenda tal-privatizzazzjoni titħassar. 

L-amministrazzjoni pubblika

Fl-isfond ta’ progress irregolari bil-ħatra ta’ maniġers superjuri, tlestiet serje ta’ azzjonijiet kumplimentari rilevanti għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, inkluża l-adozzjoni ta’ liġi li se tippermetti pjan ta’ kiri fit-tul li jkun marbut mill-qrib mal-istrateġija finanzjarja ta’ terminu medju (medium-term fiscal strategy, MTFS) u t-twaqqif ta’ pjan direzzjonali dwar kif tiġi ssimplifikata s-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-impjiegi (“klados”). Mill-adozzjoni tar-rapport dwar is-sorveljanza msaħħa fis-27 ta’ Frar 2019, l-awtoritajiet wettqu azzjonijiet ewlenin marbuta mar-riforma legali tal-kodifikazzjoni, inkluż il-ħruġ tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni għall-offerta tal-“portal diġitali” u preżentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali għall-“Kumitat ta’ Kodifikazzjoni Ċentrali”, li hu mistenni li jkollu rwol ewlieni fis-sorveljanza tal-kodifikazzjoni legali. Barra minn hekk, l-awtoritajiet ikkonfermaw li l-għadd ta’ reklutaġġ previst fl-2019 huwa f’konformità maċ-ċifri inklużi fil-pjan ta’ kiri li jippermetti li tiġi ssodisfata regola ta’ sostituzzjoni one-to-one għall-2019. Dan se jinkludi riekwilibrar mill-2018 tal-għadd ta’ reklutaġġ permanenti (madwar 1 000) li qabeż ir-regola ta’ attrizzjoni 1:3 għall-2018 kif ukoll tnaqqis fil-persunal temporanju (madwar 14 %) sabiex tintlaħaq il-mira tan-nefqa tal-pagi fl-MTFS.

Progress bl-implimentazzjoni ta’ impenji speċifiċi ta’ tmiem l-2018 għall-Grupp tal-Euro ( anness tal-Grupp tal-Euro tat-22 ta’ Ġunju 2018)

il-25 ta’ Marzu 2019

Impenn

Is-sitwazzjoni attwali

1

Mira fiskali: il-baġit annwali jikseb bilanċ favorevoli primarju fuq terminu medju ta’ 3,5 % tal-PDG.

Il-baġit tal-2019 ġie adottat u huwa konsistenti mal-mira tal-bilanċ favorevoli primarju.

2

Amministrazzjoni tad-dħul pubbliku: Pożizzjonijiet ta’ persunal permanenti fl-Awtorità Indipendenti tad-Dħul Pubbliku (Independent Authority of Public Revenue, IAPR) biex jintlaħqu 12 000 sa tmiem l-2018.

Il-persunal permanenti kien ta’ 11 847 fi tmiem l-2018, b’hekk anqas mill-mira. L-awtoritajiet adottaw il-miżuri kumplimentari li ġejjin:

·Blueprint (2019-2021): L-IAPR adottat il-”Blueprint” tagħha.

·IT: Il-ftehim milħuq bejn il-GSIS u l-IAPR dwar pakkett annwali għal servizzi IAPR li jiffurmaw parti mill-baġit tal-GSIS.

·Riforma tal-HR: Fis-6 ta’ Marzu 2019, ġiet adottata emenda tal-leġiżlazzjoni li tippermetti t-twaqqif ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni bbażata fuq deskrizzjonijiet tal-impjiegi (FEK A 48/2019, l-Artikolu 64). Din il-miżura hija marbuta mal-qasam ta’ riforma tal-amministrazzjoni pubblika (#16).

·Responsabbiltà għal uffiċjali tat-taxi/doganali: ftehim dwar il-kontenut. Emenda tal-liġi adottata fis-6 ta’ Marzu 2019 (FEK A 48/2019, l-Artikolu 64).

·Trasferimenti lejn l-IAPR mill-iskema ta’ mobilità: Dispożizzjonijiet legali li għandhom jiffaċilitaw it-trasferiment ta’ persunal lill-IAPR mill-ftehim tal-iskema ta’ mobilità. ftehim dwar il-kontenut. Emenda tal-liġi adottata fis-6 ta’ Marzu 2019 (FEK A 48/2019, l-Artikolu 64).

·Deċiżjoni Ministerjali Konġunta dwar “il-markaturi tal-fjuwil”: ġiet adottata (FEK B 803/2019, is-7 ta’ Marzu 2019).

·Deċiżjoni ta’ valutazzjoni mill-IAPR ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern (FEK B 6225/2018).

3

Ġestjoni tal-finanzi pubbliċi Tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ arretrati ġodda.

Id-data ta’ Diċembru 2018 turi li l-istokk ta’ arretrati netti tnaqqas minn tmiem il-programm MES. Id-data ta’ Jannar turi tnaqqis kontinwu għalkemm bil-mod. Għall-quddiem, għad hemm bżonn sforzi addizzjonali biex jitneħħa x-xogħol b’lura u biex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ arretrati ġodda.

4

Kura tas-saħħa: Jinfetħu tal-anqas 120 ċentru tal-kura tas-saħħa primarja (TOMYs) sa tmiem l-2018.

Fuq il-bażi tal-aħħar rapporti, infetħu 120 unità tal-kura tas-saħħa primarja (TOMYs) matul it-territorju kollu.

5

Kura tas-saħħa Jiġi stabbilit il-korp ewlieni responsabbli mill-akkwist ċentrali (EKAPY) sa tmiem l-2018.

Il-korp ewlieni responsabbli mill-akkwist pubbliku, EKAPY, huwa operazzjonali u l-akkwist ċentralizzat reġa’ beda.

6

Self improduttiv (Non-Performing Loans, NPL): titkompla l-implimentazzjoni ta’ riformi bil-għan tar-restawr tas-saħħa tas-sistema bankarja, inklużi sforzi ta’ riżoluzzjoni tal-NPL billi tiġi żgurata l-effettività kontinwa tal-qafas legali rilevanti.

Self garantit mill-Istat: ġie ppreżentat pjan ta’ azzjoni aġġornat lill-istituzzjonijiet Ewropej; L-emenda legali miftiehma ġiet adottata. Irkanti elettroniċi: Sar ftehim biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-posponimenti tal-irkanti ordnati mill-qorti li jirriżultaw mit-tressiq ta’ petizzjonijiet tad-debituri għal reviżjoni tal-prezz ta’ riżerva fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li hu dovut li jitlesta sal-aħħar ta’ Marzu 2019. Akkumulazjoni ta’ każijiet ta’ insolvenza tal-unitajiet domestiċi: L-awtoritajiet ippreżentaw data aġġornata li tkopri l-evoluzzjoni tal-akkumulazzjoni matul l-2018. Il-liġijiet dwar il-bejgħ u t-titolizzazzjoni tal-NPLs: Il-kjarifiki meħtieġa dwar l-implimentazzjoni tal-liġi 4354/2015 ġew ikkomunikati lill-Assoċjazzjoni Bankarja Ellenika u ġew imtella’ fuq is-sit web tal-MtF.

Liġi dwar l-insolvenza tal-unitajiet domestiċi: L-awtoritajiet illeġiżlaw skema għall-protezzjoni tar-residenzi primarji. Filwaqt li l-iskema għandha l-potenzjal li tappoġġa r-ristrutturar tal-NPLs, ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u għad-dixxiplina tal-pagament sa ċertu punt ittaffew iżda ma ġewx eliminati. Għalhekk, se jkun meħtieġ monitoraġġ mill-qrib, u l-istituzzjonijiet se jirrapportaw fil-kuntest tas-sorveljanza msaħħa. Impedimenti tal-irkanti elettroniċi u pjan ta’ azzjoni aġġornat dwar l-akkumulazzjoni ta’ każijiet ta’ insolvenza tal-familji relatati mal-liġi Katseli huma mistennija li jiġu indirizzati / ippreżentati fil-kuntest taċ-ċiklu tas-sorveljanza msaħħa, filwaqt li jitqies ukoll il-qafas rivedut għall-protezzjoni tar-residenzi primarji.

7

Kontrolli tal-kapital: il-laxkezza tal-kontrolli tal-kapital skont il-pjan direzzjonali ta’ Mejju 2017.

L-awtoritajiet komplew ineħħu l-kontrolli tal-kapital skont il-pjan direzzjonali miftiehem.

8

Ġustizzja: it-tlestija tal-Fażi I tat-twaqqif tas-sistema tal-ġustizzja elettronika (OSDDY-PP) sa tmiem l-2018.

Il-Fażi I tal-OSDDY-PP ġiet mitmuma bir-riżultati kollha mibgħuta formalment mill-kuntrattur sa Jannar 2019.

9

Sa tmiem l-2018, l-HFSF se jiżviluppa strateġija ta’ ħruġ għall-bejgħ tal-ishma tiegħu fil-banek sistemiċi u l-mandat tal-Bord tal-Għażla tal-HFSF għandu jiġi allinjat mal-mandat tal-HFSF.

Strateġija ta’ Ħruġ: Il-Kunsill Ġenerali tal-HFSF approva l-qafas ta’ ċessjoni għall-bejgħ tal-ishma tiegħu fir-raba’ banek sistemiċi. Estensjoni tal-mandat tal-Bord tal-Għażla: L-awtoritajiet iċċaraw li fil-fehma tagħhom il-mandat tal-Bord tal-Għażla tal-HFSF bħala korp huma f’konformità mal-mandat li ġie estiż dan l-aħħar tal-HFSF; dan ġie kkonfermat mill-Konsulent Legali tal-Istat li l-opinjoni tiegħu ġiet approvata mill-Ministru tal-Finanzi. Ħatriet: Rigward in-nominati għall-pożizzjonijiet miftuħa fil-Bord Eżekuttiv u l-Kunsill Ġenerali, l-EWG, fl-ittra tiegħu lill-Ministru fl-14 ta’ Marzu appoġġa n-nominati kollha msemmija hawn fuq. Id-Deċiżjonijiet Ministerjali dwar il-ħatra ta’ dawn il-persuni għadhom pendenti. 

10

Suq tax-xogħol: Il-kompetittività permezz ta’ aġġornament annwali tal-paga minima skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi 4172/2013.

L-awtoritajiet aġġornaw il-paga minima skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 103 tal-Liġi 4172/2013. Riżultat ta’ dan, il-paga minima żdiedet b’10,9 % u l-paga sottominima għal persuni taħt il-25 sena tneħħiet (li jimplika żieda ta’ madwar 27 %). Id-daqs taż-żieda tqajjem tħassib għall-prospetti tal-impjieg (speċjalment għall-ħaddiema żgħażagħ u dawk b’ħiliet baxxi), u għall-kompetittività fit-terminu medju.

11

Liċenzjar tal-investiment: l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni kollha li tippermetti l-liċenzjar.

Il-leġiżlazzjoni abilitanti kollha ġiet adottata mill-ħruġ ta’ deċiżjoni ministerjali konġunta (FEK/B/436 - 14.02.2019).

12

Enerġija: it-tlestija taċ-ċessjoni miftiehma ta’ sehem tal-kapaċità mmexxija mil-linjite tal-Korporazzjoni tal-Enerġija Pubblika sa tmiem l-2018.

Wara li falla l-proċess tal-offerti, l-awtoritajiet ippreżentaw proposta riveduta li ġiet diskussa fid-dettal, fejn ħarġet ċarezza dwar l-elementi ewlenin. L-emendi għal-liġi tal-enerġija ġew mgħoddija fis-7 ta’ Marzu fejn jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu ċ-ċessjoni. Fit-8 ta’ Marzu, ġiet ippreżentata proposta aġġornata għall-proċess tal-offerti bbażat fuq it-termini diskussi lill-Kummissjoni. Il-proposta tipprevedi t-tnedija mill-ġdid ta’ proċess rapidu ta’ sejħiet għall-offerti li għandu jiġi ffinalizzat sa Mejju 2019. L-elementi ewlenin tal-proposta huma:

·Valutazzjoni ġdida tal-impjanti, filwaqt li jitqiesu tranżazzjonijiet simili.

·Li ma għandu jkun hemm ebda referenza għal ftehim ta’ kondiviżjoni tar-riskju fil-Ftehim tal-Bejgħ u x-Xiri (Sale and Purchase Agreement, SPA).

·L-SPA se jiġi approvat mill-Parlament.

·Il-bord tad-diretturi tal-PPC u l-partijiet ikkonċernati għandhom obbligu legali li jlestu t-tranżazzjoni.

Fit-8 ta’ Marzu 2019, ġew imnedija l-istedina għall-espressjonijiet ta’ interess u t-talba għal offerti vinkolanti.

Ġew implimentati azzjonijiet intermedji skont l-iskedi ta’ żmien previsti. Il-VDR infetaħ, bl-SPA inizjali, li għalih ingħata aċċess għas-sitt (6) kumpaniji li ppreżentaw Espressjonijiet ta’ Interess u ffirma l-ftehim ta’ kunfidenzjalità. Dan se jkun il-bażi għad-diskussjonijiet bejn dawk l-investituri u l-PPC.

13

Korporazzjoni Ellenika tal-Assi u l-Parteċipazzjonijiet (HCAP, Hellenic Corporation of Assets and Participations): Il-Pjan Strateġiku tal-HCAP se jiġi implimentat fuq bażi kontinwa.

L-HCAP ħejja Pjan Strateġiku li ġie approvat mill-Assemblea Ġenerali f’Jannar 2018. Fuq il-bażi tal-Pjan Strateġiku, is-sussidjarji mhux elenkati ppreżentaw Pjanijiet ta’ Negozju aġġornati dwar l-HCAP. Barra minn hekk, l-HCAP ħejjiet il-Pjan ta’ Negozju tal-Korporazzjoni għall-perjodu 2019-2021 li jimplimenta l-Pjan Strateġiku u t-twaqqif tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għas-sussidjarji mhux elenkati.

14

L-HCAP It-trasferiment tal-OAKA lejn l-HCAP u r-ristrutturar tal-ETAD se jitlesta sa tmiem l-2018.

Ir-ristrutturar tal-ETAD tlesta. It-trasferiment tal-OAKA qed jieħu aktar fit-tul biex jitlesta milli kien inizjalment ippjanat. L-awtoritajiet żviluppaw pjan direzzjonali għal azzjonijiet speċifiċi li għandhom jittieħdu matul l-2019 biex jindirizzaw il-kwistjonijiet tekniċi miftuħa, li jidher li huwa xieraq fl-isfond tal-kumplessità tal-proġett. Barra minn hekk, fil-21 ta’ Frar 2019, il-Kumitat tal-Kabinett u l-HCAP nedew l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni għal intrapriżi tal-istat.

15

Offerti Il-Pjan ta’ Żvilupp tal-Assi tat-TAIPED se jiġi implimentat fuq bażi kontinwa. It-tranżazzjonijiet dwar il-konċessjoni tal-AIA, Hellinikon u DESFA se jitlestew sa tmiem l-2018.

Pjan ta’ Żvilupp tal-Assi (Asset Development Plan, ADP): L-ADP aġġornat tat-TAIPED ġie appoġġat mill-KYSOIP fil-15 ta’ Frar (FEK 461, il-15 ta’ Frar 2019). DESFA: L-għeluq finanzjarju tat-tranżazzjoni tlesta fl-20 ta’ Diċembru 2018. AIA: Il-ftehim ta’ estensjoni tal-AIA ġie rratifikat mill-Parlament Grieg fl-14 ta’ Frar 2019 u l-ħlas tat-tranżazzjoni finanzjarja ta’ EUR 1,1 biljun flimkien ma’ rata annwali ta’ 10,3 % mħallsa b’mod proporzjonali mill-AIA mill-1 ta’ Jannar 2019 sad-data tal-għeluq, sar fl-22 ta’ Frar 2019, u b’hekk tingħalaq it-tranżazzjoni. Hellinikon: Il-proġett iltaqa’ ma’ xi dewmien prinċipalment fir-rigward tal-għoti tal-liċenzja tal-każinò u l-approvazzjonijiet tal-ippjanar urban u ambjentali. Bħala passi intermedji ewlenin: (i) it-talba għal proposta għall-għoti tal-liċenzja tal-każinò ġiet imtella’ fit-22 ta’ Frar; (ii) l-istudji dwar iż-żona ta’ ppjanar urban, iż-żona ta’ żvilupp u l-park ġew ippreżentati mill-investituri lill-awtoritajiet Griegi, fis-6 ta’ Frar 2019, u l-Valutazzjoni Integrata tal-Impatt Ambjentali segwiet fit-18 ta’ Frar. L-istudju dwar il-Valutazzjoni Integrata tal-Impatt Ambjentali ġie mtella’ fir-reġistru elettroniku ambjentali, wara l-korrezzjonijiet meħtieġa, fil-25 ta’ Frar 2019. Il-konsultazzjoni pubblika bdiet fil-21.3.2019. DEPA: Il-leġiżlazzjoni relatata mar-ristrutturar korporattiv tad-DEPA ġiet adottata fis-7 ta’ Marzu 2019. Il-leġiżlazzjoni twitti t-triq għat-tranżazzjoni ta’ privatizzazzjoni miftiehma. Se jkun importanti li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali dwar l-impjieg inklużi fil-leġiżlazzjoni jibqgħu mmirati lejn l-impjegati eżistenti, fil-livelli attwali tagħhom. Egnatia: L-azzjonijiet kollha inklużi fil-lista miftiehma bejn l-awtoritajiet Griegi u l-istituzzjonijiet li jpoġġu l-konċessjoni ta’ Egnatia lura fit-triq it-tajba twettqu. Fadal biss kwistjonijiet tekniċi biex Egnatia tkun tkun tista’ tipproċedi biex tniedi l-kostruzzjoni tal-istazzjonijiet tal-pedaġġ kollha li fadal, filwaqt li għandu jkun hemm kontinwazzjoni tal-isforzi msaħħa għall-feedback konklużiv fir-rigward tal-liċenzjar tal-mini.

16

Amministrazzjoni Pubblika - Ħatriet. L-implimentazzjoni tar-riformi biex jimmodernizzaw l-amministrazzjoni pubblika se tiġi sostnuta. Bħala parti minn dan l-isforz, il-Greċja se tlesti riformi biex timmodernizza l-ġestjoni tar-riżorsi umani fis-settur pubbliku, u b’mod partikolari l-ħatra tas-Segretarji Ġenerali Amministrattivi u d-Diretturi Ġenerali kollha skont il-liġi 4369/2016 sa tmiem l-2018.

Diretturi Ġenerali: Il-ħatriet kollha (90 post) tlestew. Segretarji Amministrattivi: sa issa ma saret l-ebda ħatra (minn 69) u bħala azzjonijiet kumplimentari, l-awtoritajiet adottaw il-liġi dwar ir-reklutaġġ strateġiku (li torbot ukoll il-pjan ta’ reklutaġġ mal-Istrateġija Fiskali fuq Terminu Medju) u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-Ministeru għar-Rikostruzzjoni Amministrativa u: (i) pprovdew skadenza aġġornata għall-ikkompletar tar-reklutaġġ tas-Segretarji Amministrattivi sa tmiem l-2019; (ii) qablu mal-Kummissjoni dwar il-modalitajiet tal-valutazzjoni indipendenti taċ-ċikli tal-ħatra tas-Segretarji Amministrattivi u d-Diretturi Ġenerali li għandha titlesta sa Ġunju 2019 b’miżuri ta’ segwitu adottati sa Settembru 2019; (iii) impenjaw ruħhom għal pjan direzzjonali speċifiku dwar is-simplifikazzjoni tal-kwalifiki tal-impjieg (“klados”), (iv) impenjaw ruħhom li jaġġornaw il-bażi tad-data taċ-ċensiment (“apografi”) biex jirrapportaw ukoll dwar - il-flussi ta’ persunal permanenti ta’ entitajiet legali tad-dritt privat u jinserixxu kategorija ta’ persunal temporanju ta’ entitajiet legali ta’ dritt privat li qed jitħallsu mill-NSRF / sorsi oħrajn; (v) impenjaw ruħhom li jniedu l-ewwel sejħiet għal ħatriet ta’ Kapijiet ta’ Diviżjoni sal-aħħar ta’ Marzu 2019. Bħala miżura komplimentari, l-awtoritajiet lestew l-azzjonijiet li ġejjin: rigward il-kodifikazzjoni legali, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni għall-offerta tal-“portal diġitali” ġew adottati (il-5 ta’ Marzu 2019). Id-dispożizzjonijiet legali għall-“Kumitat Ċentrali dwar il-Kodifikazzjoni” ħarġu għal konsultazzjoni pubbliku u ġew ippreżentati lill-Parlament (is-26 ta’ Marzu 2019). Barra minn hekk, rigward ir-riforma tal-HR dwar l-amminstrazzjoni tad-dħul pubbliku, l-awtoritajiet, fis-6 ta’ Marzu 2019 adottaw emenda li ssegwi l-implimentazzjoni tal-ewwel stadju li jorbot il-klassifikazzjoni mad-deskrizzjonijiet tal-impjiegi għall-IAPR (FEK A 48/2019, l-Artikolu 64).

Diskussjonijiet li għadhom għaddejjin mal-awtoritajiet rigward id-dispożizzjonijiet tas-salarji inklużi fl-abbozz tal-liġi tal-Ministeru tal-Ekonomija u l-Iżvilupp. L-istituzzjonijiet esprimew tħassib li l-emenda ssuġġerita li l-hekk imsejħa “differenza personali” tiġi estiża tista’ tirriżulta biex iddgħajjef il-prinċipji ġenerali tar-riforma unifikata tal-grilja tal-pagi.

(1)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2019) 201 u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha SWD(2019) 201 tas-27 ta’ Frar 2019.
(2)  Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jipparteċipa f’sorveljanza msaħħa b’rabta u f’konformità mal-kompetenzi tal-BĊE u b’hekk jipprovdi għarfien espert dwar il-politiki tas-settur finanzjarju u l-kwistjonijiet makrokritiċi, bħall-miri fiskali ewlenin u l-ħtiġijiet ta’ sostenibbiltà u ta’ finanzjament. Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) jipparteċipa fil-kuntest tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija u f’konformità mal-Memorandum ta’ Qbil tas-27 ta’ April 2018 dwar ir-relazzjonijiet ta’ ħidma bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-MES.
(3)   https://www.consilium.europa.eu/media/35749/z-councils-council-configurations-ecofin-eurogroup-2018-180621-specific-commitments-to-ensure-the-continuity-and-completion-of-reforms-adopted-under-the-esm-programme_2.pdf  
(4) L-introjtu medju ekwivalizzat għal unità domestika ta’ daqs eliġibbli għall-ogħla valur limitu (żewġ adulti u tliet dipendenti) huwa ta’ madwar EUR 18-20 000, skont l-età tat-tfal.
(5) https://www.bankingsupervision.europa.eu/ecb/legal/pdf/en_con_2019_09_f_sign_.pdf