Brussell, 2.4.2019

COM(2019) 164 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-attività tal-EURES minn Jannar 2016 sa Ġunju 2018








Imressaq skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2016/589


Werrej

Sommarju eżekuttiv

1.Introduzzjoni

1.1.X’inhu l-EURES?

1.1.1.Is-servizzi tal-EURES għall-persuni li qed ifittxu impjieg u għall-impjegaturi

1.1.2.Żewġ pilastri: il-Portal tal-EURES dwar il-Mobilità fix-Xogħol u n-netwerk uman

1.1.3.L-organizzazzjoni tan-netwerk tal-EURES

1.2.Ir-Regolament tal-2016

1.2.1.Għaliex riforma tar-Regolament?

1.2.2.L-elementi ewlenin u l-iskeda taż-żmien tar-riforma

2.Attivitajiet ewlenin tan-netwerk tal-EURES: Jannar 2016 - Ġunju 2018

2.1.Attivitajiet fil-pajjiżi membri tal-EURES

2.1.1.Servizzi ta’ appoġġ ġenerali għall-ħaddiema u għall-impjegaturi

2.1.2.Servizzi speċifiċi ta’ appoġġ

2.1.3.Ir-riżorsi u l-governanza

2.2.Attivitajiet ta’ appoġġ orizzontali mill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni (ECO)

2.2.1.Appoġġ għall-koordinazzjoni u għall-governanza

2.2.2.It-tħaddim u l-iżvilupp tal-Portal tal-EURES u tas-servizzi tal-IT relatati

2.2.3.It-taħriġ u l-iżvilupp professjonali

2.2.4.Helpdesk

2.2.5.Il-bini ta’ netwerk, l-iskambju tal-aħjar prattika u t-tagħlim reċiproku

2.2.6.Attivitajiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni

2.2.7.Analiżi tal-mobilità ġeografika u okkupazzjonali

2.2.8.L-iżvilupp ta’ struttura xierqa ta’ kooperazzjoni u ta’ approvazzjoni għall-apprendistati u għat-traineeships

2.2.9.Riżorsi finanzjarji

3.Implimentazzjoni tar-Regolament fl-Istati Membri

3.1.Kompożizzjoni tan-netwerk u materji organizzazzjonali

3.1.1.Rekwiżiti tar-Regolament

3.1.2.Implementazzjoni

3.1.3.Sfidi

3.2.Il-governanza u l-interazzjoni ma’ organizzazzjonijiet barra min-netwerk tal-EURES

3.2.1.Rekwiżiti tar-Regolament

3.2.2.Implementazzjoni

3.2.3.Sfidi

3.3.Ix-xandir tan-netwerk

3.3.1.Rekwiżiti tar-Regolament

3.3.2.Implementazzjoni

3.3.3.Sfidi

3.4.Postijiet battala tax-xogħol u skambji tas-CVs

3.4.1.Rekwiżiti tar-Regolament

3.4.2.Implementazzjoni

3.4.3.Sfidi

3.5.Servizzi ta’ appoġġ

3.5.1.Rekwiżiti tar-Regolament

3.5.2.Implementazzjoni

3.5.3.Sfidi

3.6.Skambju ta’ informazzjoni, programmazzjoni u kejl tal-prestazzjoni

3.6.1.Rekwiżiti tar-Regolament

3.6.2.Implementazzjoni

3.6.3.Sfidi

4.Implimentazzjoni tar-Regolament mill-Kummissjoni Ewropea

4.1.1.Rekwiżiti tar-Regolament

4.1.2.Implementazzjoni

4.1.3.Sfidi

5.Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

5.1.Konklużjonijiet

5.2.Rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri għall-perjodu ta’ rapportar li jmiss

5.3.L-azzjonijiet li għandhom jitmexxew ’il quddiem mill-Kummissjoni Ewropea

Anness – Illustrazzjonijiet rilevanti

Sors: Rapport Annwali tal-2017 dwar il-Mobilità tal-Forza tax-Xogħol fi ħdan l-UE; UE-LFS 2016, Kalkolu tal-milieu

Sommarju eżekuttiv

Dan ir-Rapport tal-Attività jipprovdi ħarsa ġenerali lejn in-netwerk tal-EURES bejn Jannar 2016 u Ġunju 2018 kif ukoll deskrizzjoni tas-sitwazzjoni attwali tal-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-EURES (UE) 2016/589 sa Lulju 2018 kif stipulat fl-Artikolu 33 ta’ dan ir-Regolament. In-netwerk tal-EURES jikkonsisti f’fornituri tas-servizzi għall-impjiegi u f’organizzazzjonijiet sħab oħra madwar l-Istati Membri tal-UE u taż-ŻEE u l-Iżvizzera bl-għan li jsaħħaħ il-mobilità fost il-ħaddiema u jikseb suq tax-xogħol Ewropew integrat.

Il-karatteristiċi ewlenin tan-netwerk tal-EURES jinqasmu fi tnejn. Ta’ kuljum, eluf ta’ persuni li qed ifittxu impjieg u ta’ impjegaturi madwar l-Ewropa jibbenefikaw mis-servizzi ta’ kollokament u ta’ tlaqqigħ permezz tan-netwerk tal-EURES. Il-persunal imħarreġ tal-EURES joffri servizzi ta’ sostenn u gwida dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’pajjiżi Ewropej oħra biex jiffaċilita l-għażliet tal-persuni li qed ifittxu impjieg u tal-impjegaturi.

L-attivitajiet tal-EURES taħt is-sorveljanza tal-Uffiċċji Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (NCOs) jinkludu skemi mmirati tal-mobilità (TMS), bl-għan li jiġu indirizzati l-eċċessi u n-nuqqasijiet speċifiċi ta’ ħaddiema. Il-EURES jassisti wkoll lill-ħaddiema u lill-impjegaturi fruntaliera taħt l-umbrella ta’ sħubijiet transfruntiera u permezz ta’ attivitajiet oħra f’reġjuni transfruntiera.

Fil-livell regolatorju, l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-EURES, li daħal fis-seħħ fl-2016, tlestiet f’ħafna mill-oqsma. L-NCOs ġew nominati, is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) inħatru bħala Membri tan-netwerks nazzjonali tal-EURES, u twaqqfu sistemi ta’ ammissjoni għal Membri u għal Sħab ġodda. Mil-lat tal-IT, l-implimentazzjoni tal-iskambju trasparenti ta’ postijiet tax-xogħol battala u ta’ CVs bejn il-bażijiet ta’ data nazzjonali u l-EURES hi kisba importanti biex tiffaċilita t-tlaqqigħ tal-impjiegi fil-livell Ewropew. Il- Portal tal-EURES, immexxi mill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni (ECO), ta’ kuljum iżomm fih 3 miljun offerta tax-xogħol u aktar minn 400,000 CV lesti għat-tlaqqigħ. L-introduzzjoni tal-klassifikazzjoni Ewropea tal-ħiliet, tal-kwalifiki u tal-impjiegi (ESCO) se tkompli tikkontribwixxi għal tlaqqigħ diġitali aħjar tal-impjiegi u għal kollokamenti mmirati f’livell transfruntier. Barra minn hekk, il-governanza tan-netwerk issaħħet permezz ta’ għodod ġodda tal-monitoraġġ u tal-prestazzjoni.

L-isfidi ewlenin għan-netwerk tal-EURES għadhom it-tlestija tal-implimentazzjoni tal-iskambju tas-CVs u tal-postijiet battala tax-xogħol mal-Istati Membri kollha. L-ammissjoni ta’ Membri u ta’ Sħab ġodda, li se tippermetti li jitwessa’ n-netwerk tal-EURES, u tinkludi atturi privati tal-impjiegi, għadha kif bdiet fl-aħħar tal-perjodu ta’ rapportar. Il-bini tas-sinerġiji mal-inizjattivi komplimentari bħall-EUROPASS2 u l-Portal Diġitali Uniku u l-integrazzjoni tal-kooperazzjoni għadhom oqsma importanti li għandhom jiġu żviluppati ulterjorment. L-integrazzjoni aħjar tal-iskemi tal-mobilità u tas-sħubijiet transfruntiera tal-EURES fi ħdan l-istrateġija ġenerali tan-netwerk, b’mod partikolari permezz ta’ skambji ta’ informazzjoni aktar sistematiċi bejn il-Membri u s-Sħab tal-EURES, se toħloq effetti addizzjonali ta’ netwerk.

It-triq ’il quddiem għan-netwerk tal-EURES tinsab fil-funzjonament tal-EURES bħala netwerk dinamiku b’numru akbar ta’ atturi, ta’ attivitajiet u ta’ servizzi u b’komunikazzjoni msaħħa, inkluż fuq il-midja soċjali. It-tranżizzjoni lejn sistema ġdida ta’ skambju tad-data għall-postijiet battala tax-xogħol u għas-CVs qabdet sew u bdiet tevolvi f’sistema ta’ tlaqqigħ u f’għodda ta’ kollokament kompluta. In-netwerk tal-EURES jibni fuq kooperazzjoni msaħħa bejn il-PES u l-Membri u s-Sħab l-oħra tal-EURES li jiltaqgħu b’mod regolari biex jiskambjaw l-aħjar prattiki f’avvenimenti ta’ tagħlim reċiproku. L-appoġġ ipprovdut mill-ECO, permezz tal-identifikazzjoni ta’ sinerġiji u ta’ trikkib fl-attivitajiet tal-EURES ma’ inizjattivi Ewropej oħra u permezz tal-gwida u tal-iffaċilitar tan-netwerk, b’mod partikolari permezz tal-portal tal-EURES, huma kruċjali għal integrazzjoni ulterjuri tan-netwerk tal-EURES.

Fit-terminu l-medju, l-attivitajiet ta’ koordinazzjoni tal-EURES se jkunu r-responsabilità tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA), proposta mill-Kummissjoni f'Marzu 2018 u li kien hemm qbil provviżorju dwarha kemm mill-Parlament Ewropew u kemm mill-Kunsill fi Frar 2019. Dan jinkiseb billi l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni (ECO) tal-EURES jiġi ttrasferit formalment lill-ELA. Taħt ir-responsabbiltà tal-ELA, l-ECO se jsaħħaħ ir-rwol tal-EURES fil-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ mobilità ġusta. Hekk jibbenefika minn struttura operazzjonali komprensiva ddedikata għall-mobilità tal-forza tax-xogħol fl-UE u minn għarfien espert speċjalizzat f’oqsma differenti li jista’ jipprovdi ideat dwar sfidi oħra li għandhom jiġu indirizzati, jew dwar approċċi u għodod għal politika innovattiva. Min-naħa tiegħu l-ECO jikkontribwixxi jgħin lill-Awtorità tiffunzjona permezz tal-għarfien espert, in-network u l-għodod tiegħu.

1.Introduzzjoni

1.1.X’inhu l-EURES?

Il-EURES hu netwerk kooperattiv bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Membri u s-Sħab, bħas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES), fil-pajjiżi tal-UE kollha u fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera (minn hawn ’il quddiem imsejħa: “il-pajjiżi membri tal-EURES”). Mindu tnieda fl-1994, il-EURES għen lin-nies jibbenefikaw minn wieħed mill-prinċipji li huma l-pedament tal-Unjoni Ewropea: il-moviment liberu tal-ħaddiema. Il-EURES jipprovdi medda unika ta’ servizzi ta’ informazzjoni u tal-impjiegi lil persuni li qed ifittxu impjieg u lil impjegaturi interessati f’opportunitajiet tax-xogħol jew fir-reklutaġġ ta’ persuni li qed ifittxu impjieg madwar l-Ewropa kollha 1 .

Fl-2016, ir-Regolament il-ġdid (UE) 2016/589 dwar il-EURES daħal fis-seħħ bl-għan li joħloq netwerk akbar u aktar b’saħħtu ta’ servizzi tal-impjiegi Ewropej, kemm pubbliċi kif ukoll privati, biex jipprovdu skambju aktar effiċjenti ta’ informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol b’mod transfruntier biex isostni l-kollokamenti f’impjieg madwar iż-żona tal-UE/taż-ŻEE 2 .

1.1.1.Is-servizzi tal-EURES għall-persuni li qed ifittxu impjieg u għall-impjegaturi

·L-għoti ta’ għajnuna lill-persuni li qed ifittxu impjieg biex isibu impjieg u lill-impjegaturi biex isibu l-kandidati minn madwar l-Ewropa;

·It-tlaqqigħ tal-postijiet battala tax-xogħol u tas-CVs fuq il-Portal tal-EURES dwar il-Mobilità fix-Xogħol;

·Informazzjoni, gwida u servizzi oħra ta’ appoġġ għall-mobilità fix-xogħol għall-ħaddiema u għall-impjegaturi;

·Assistenza ta’ wara r-reklutaġġ;

·Aċċess għal informazzjoni dwar l-aspetti tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol bħat-taxxa, il-pensjonijiet, l-assigurazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà soċjali fil-pajjiżi membri tal-EURES;

·Servizzi ta’ appoġġ speċifiċi għall-ħaddiema fruntaliera u għall-impjegaturi f’reġjuni transfruntiera;

·Appoġġ għal gruppi speċifiċi fil-kuntest tal-iskemi tal-mobbiltà mmirata relatati mal-EURES;

·Il-promozzjoni ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ fost l-oħrajn permezz ta’ Drop’pin@EURES;

·Appoġġ għal avvenimenti dinamiċi ta’ reklutaġġ permezz tal-pjattaforma European Online Job Days (EOJD).

1.1.2.Żewġ pilastri: il-Portal tal-EURES dwar il-Mobilità fix-Xogħol u n-netwerk uman 

Il-EURES jagħmel parti essenzjali mill-istruttura ta’ sostenn tas-suq tax-xogħol li l-UE żviluppat tul l-aħħar deċennji biex ittejjeb il-prestazzjoni soċjali u ekonomika tagħha. In-netwerk jiffoka fuq il-provvista ta’ informazzjoni u ta’ gwida għat-tlaqqigħ u għall-kollokament għal dawk interessati li jaħdmu f’pajjiżi membri oħra tal-EURES, u għal impjegaturi li huma interessati fir-reklutaġġ ta’ impjegati minn pajjiżi membri oħra tal-EURES. Dan jipprovdi s-servizzi tiegħu permezz ta’ żewġ kanali komplimentari – il-Portal tal-EURES u n-netwerk tal-persunal tal-EURES madwar l-Ewropa.

1.1.2.1. Il-Portal tal-EURES dwar il-Mobilità fix-Xogħol

Il-EURES regolarment ikun fost l-aktar ħames siti web li jżuruhom nies fid-dominju europa.eu. Fl-2017 weħidha, is-sit web tal-EURES irċieva total ta’ 14,880,000 żjara u 48,350,000 viżwalizzazzjoni. Fi kwalunkwe jum partikolari, ikun hemm disponibbli madwar 3 miljun impjieg u kważi 400,000 CV ta’ persuni li qed ifittxu impjieg 3 fuq il-Portal tal-EURES dwar il-Mobilità fix-Xogħol. Dawn in-numri żdiedu b’mod kostanti tul il-perjodu ta’ rapportar fil-kategoriji kollha. Minn Ġunju 2017 sa Ġunju 2018, fuq il-Portal tal-EURES kien hemm żieda fir-reġistrazzjoni ta’ 30% għall-impjegaturi u ta’ 20% għall-persuni li qed ifittxu impjieg.

Il-Portal tal-EURES jipprovdi self-service mingħajr ħlas għall-persuni li qed ifittxu impjieg u għall-impjegaturi li jirreġistraw biex isibu impjieg jew kandidat. Kemm l-impjegaturi kif ukoll il-persuni li qed ifittxu impjieg jistgħu jistabbilixxu kontijiet li jippermettulhom jużaw il-funzjonijiet ta’ tfittix u ta’ tlaqqigħ fuq il-portal, joħolqu u jaħżnu profili tat-tfittix, u jirċievu avviżi bil-posta elettronika.

1.1.2.2. In-netwerk uman tal-EURES

Netwerk ta’ aktar minn 1,000 membru tal-persunal tal-EURES 4 mit-32 pajjiż membru tal-EURES jipprovdi pariri mfassla apposta dwar il-karrieri u r-reklutaġġ, appoġġ għat-tfittix ta’ impjieg u għar-reklutaġġ, u informazzjoni dwar ir-regoli rilevanti bħall-arranġamenti tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa f’pajjiżi membri oħra tal-EURES, kif ukoll assistenza ta’ wara r-reklutaġġ, pereżempju korsijiet fil-lingwa.

1.1.3.L-organizzazzjoni tan-netwerk tal-EURES

Kull pajjiż membru tal-EURES jagħżel Uffiċċju Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (NCO), li ġeneralment ikun konness mal-PES jew mal-Ministeru tax-Xogħol. Id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea (DĠ EMPL) jospita l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni (ECO), li jipprovdi appoġġ orizzontali lill-NCOs. Flimkien, l-NCOs u l-ECO jikkostitwixxu l-Grupp Ewropew għall-Koordinazzjoni (ECG) tan-netwerk tal-EURES.

Il-Membri u s-Sħab tal-EURES huma l-organizzazzjonijiet li jwettqu l-attivitajiet operazzjonali fi ħdan in-netwerk tal-EURES. Fin-netwerk tal-EURES, il-Membri jridu jwettqu l-kompiti kollha li ġejjin filwaqt li s-Sħab iridu jwettqu tal-anqas wieħed minnhom:

·Jikkontribwixxu għall-ġabra ta’ postijiet battala tax-xogħol billi jibagħtu data lill-Portal tal-EURES u lill-pjattaforma tal-IT;

·Jikkontribwixxu għall-ġabra ta’ profili tal-persuni li qed ifittxu impjieg billi jibagħtu data lill-Portal tal-EURES u lill-pjattaforma tal-IT;

·Jipprovdu servizzi ta’ appoġġ direttament lill-persuni li qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi.

1.2.Ir-Regolament tal-2016

1.2.1.Għaliex riforma tar-Regolament?

Sa mid-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni li waqqfet il-EURES 5 , in-netwerk għadda minn riforma kontinwa biex jadatta għas-suq tax-xogħol li jinbidel bla heda. Ir-Regolament il-ġdid (2016/589) dwar il-EURES jipprovdi l-pedamenti għat-tisħiħ tan-netwerk billi jtejjeb l-aċċessibbiltà tal-postijiet battala tax-xogħol, jibni l-pedament għall-iskambju ta’ CVs bejn l-organizzazzjonijiet Membri u Sħab u l-Portal tal-EURES u jipprovdi appoġġ imtejjeb għall-persuni li qed ifittxu impjieg u għall-impjegaturi li jfittxu opportunitajiet transfruntiera.

L-objettiv tar-Regolament il-ġdid hu li jsaħħaħ it-trasparenza permezz ta’ żieda fin-numru ta’ impjiegi rreklamati fuq il-Portal tal-EURES, itejjeb it-tlaqqigħ online tal-postijiet battala tax-xogħol u tas-CVs, jipprovdi pakkett minimu maqbul ta’ servizzi għall-persuni li qed ifittxu impjieg u għall-impjegaturi u jestendi l-medda ta’ servizzi tal-impjiegi diġitali fuq il-Portal tal-EURES.

1.2.2.L-elementi ewlenin u l-iskeda taż-żmien tar-riforma 

Ir-Regolament il-ġdid, li daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Mejju 2016, hu appoġġjat minn sitt deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni 6 li jiżguraw implimentazzjoni uniformi madwar l-Istati Membri. L-ewwel passi tal-implimentazzjoni kienu l-ħatra tal-NCOs u tal-PES bħala Membri tal-EURES, kif ukoll l-istabbiliment tal-ECG fl-2016.

Ir-Regolament stabbilixxa t-13 ta’ Mejju 2018 bħala l-iskadenza għall-pajjiżi membri tal-EURES biex iniedu s-sistema uniformi ta’ skambju bl-għan li jkunu jistgħu jaqsmu l-offerti tax-xogħol kollha 7  – inklużi l-apprendistati u t-traineeships – li huma disponibbli mill-PES u minn organizzazzjonijiet oħra Membri tal-EURES fuq il-Portal tal-EURES kif ukoll CVs, dment li l-persuni li qed ifittxu impjieg ikunu qablu mat-trażmissjoni tad-data personali tagħhom. L-istess skadenza ġiet applikata għat-twaqqif tas-sistemi ta’ ammissjoni fil-pajjiżi membri tal-EURES li jippermettu lil organizzazzjonijiet bħas-servizzi privati tal-impjiegi jew organizzazzjonijiet ta’ setturi terzi biex jissieħbu fin-netwerk tal-EURES bħala Membri jew Sħab. Finalment, ir-Regolament jeħtieġ li fl-2018 u fl-2020 jitħejjew ir-rapporti dwar l-attivitajiet tan-netwerk u fl-2021 tiġi sottomessa evalwazzjoni “ex post”.

2.Attivitajiet ewlenin tan-netwerk tal-EURES: Jannar 2016 - Ġunju 2018

2.1.Attivitajiet fil-pajjiżi membri tal-EURES

2.1.1.Servizzi ta’ appoġġ ġenerali għall-ħaddiema u għall-impjegaturi

2.1.1.1. Attivitajiet ta’ tlaqqigħ u ta’ kollokament

Il-pajjiżi membri kollha tal-EURES jipprovdu informazzjoni u appoġġ rigward il-mobilità fix-xogħol fl-Ewropa għall-persuni li qed ifittxu impjieg u għall-impijegaturi u jorganizzaw avvenimenti ta’ reklutaġġ, b’kooperazzjoni msaħħa bejn l-uffiċċji tal-EURES.

Il-persunal tal-EURES joffri lill-persuni li qed ifittxu impjieg assistenza fit-tfassil tas-CVs u tal-applikazzjonijiet għax-xogħol tagħhom u jgħin lill-impjegaturi jabbozzaw ir-rekwiżiti u l-postijiet battala tax-xogħol. Biex ifornu dan is-servizz, il-konsulenti tal-EURES madwar in-netwerk daħlu f’kuntatt ma’ 696,514-il persuna li qed tfittex impjieg u ma’ 111,636 impjegatur fl-2017 8 . Skont l-informazzjoni li rċieva l-persunal tal-EURES, l-attivitajiet ta’ dan irriżultaw f’madwar 30,000 kollokament madwar in-netwerk tal-EURES fl-2016 9 . Bis-saħħa tad-dispożizzjoni dwar il-ġbir tad-data fir-Regolament dwar il-EURES (Art. 32), fil-futur ser ikun possibbli li jsir rapportar aktar preċiż.

Jiġu organizzati avvenimenti ta’ tlaqqigħ biex jitlaqqgħu flimkien impjegaturi u persuni li qed ifittxu impjieg u jiġi ffaċilitat ir-reklutaġġ b’mod transfruntier. Il-persunal tal-EURES mill-pajjiżi tad-destinazzjoni ġeneralment ikun mistieden jipprovdi offerti tax-xogħol u informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħajja. Bħala servizz addizzjonali ta’ appoġġ għall-impjegaturi, il-persunal tal-EURES jista’ jgħarbel is-CVs biex jagħmel preselezzjoni tal-kandidati bil-ħiliet xierqa għall-intervisti, eż. f’avvenimenti ta’ “job dating”.

Format speċifiku ta’ avvenimenti ta’ tlaqqigħ hu l-Jiem Ewropej tal-Impjiegi, li jiġbru impjegaturi u persuni li qed ifittxu impjieg minn diversi pajjiżi membri tal-EURES kemm online kif ukoll fuq il-post. Sbatax-il pajjiż kienu involuti fl-24 avveniment organizzati fl-2017, li kważi 21,500 persuna li qed ifittxu impjieg u aktar minn 1,100 kumpanija attendew għalihom, filwaqt li offrew ferm aktar minn 10,000 impjieg. Saru sittax-il avveniment bħal dan fl-ewwel nofs tal-2018.

Tingħata attenzjoni lill-irbit tal-attivitajiet tal-EURES mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet settorjali u tal-ħiliet prijoritarji. Iggwidati mill-ħsieb li jiġu indirizzati l-ostakli għall-mobilità fil-kuntest tal-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol tal-UE/taż-ŻEE, ċerti avvenimenti ta’ reklutaġġ tal-EURES huma mmirati lejn il-ħtiġijiet u l-possibbiltajiet f’setturi speċifiċi, b’mod partikolari meta jkun hemm nuqqas okkupazzjonali rikonoxxut f’pajjiż riċevitur potenzjali u eċċess ta’ ħaddiema f’ieħor. Is-setturi fejn l-akbar numru ta’ pajjiżi jesperjenzaw ħtiġijiet ta’ tlaqqigħ u ta’ kollokament huma t-turiżmu u l-ospitalità 10 – żewġ oqsma fejn il-ħiliet f’lingwi barranin huma ta’ importanza partikolari. Setturi oħra fejn livelli għolja ta’ tlaqqigħ jitwettqu permezz tal-EURES jinkludu t-trasport, is-saħħa, il-kostruzzjoni, l-inġinerija u l-ICT u impjiegi staġonali fl-agrikoltura. 

2.1.1.2. Informazzjoni u gwida

Informazzjoni rilevanti dwar is-suq tax-xogħol hi aċċessibbli permezz tal-Portal tal-EURES, bil-pajjiżi membri tal-EURES li regolarment jaġġornaw l-informazzjoni ġenerali dwar is-swieq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tagħhom f’26 lingwa. Barra minn hekk, tal-anqas erbatax-il pajjiż għandhom is-sit web nazzjonali tal-EURES tagħhom stess ukoll fejn il-persuni li qed ifittxu impjieg u l-impjegaturi jistgħu jsibu l-informazzjoni dwar il-mobilità fix-xogħol li jeħtieġu, parti minnha tradotta f’diversi lingwi.

Eżempji ta’ informazzjoni u ta’ attivitajiet ta’ gwida għall-persuni li qed ifittxu impjieg u għall-impjegaturi pprovduti min-netwerk tal-EURES jinkludu skedi informattivi u soluzzjonijiet diġitali fuq is-siti web nazzjonali tal-EURES dwar l-arranġamenti tax-xogħol, tas-saħħa, amministrattivi jew relatati mat-taxxa fil-pajjiż tad-destinazzjoni. L-NCOs jorganizzaw sessjonijiet ta’ ħidma wkoll, pereżempju biex jgħallmu lill-persuni li qed ifittxu impjieg kif jippreżentaw CV lill-impjegaturi f’pajjiżi speċifiċi. B’mod simili, l-appoġġ mill-konsulenti tal-EURES lill-impjegaturi tipikament ikun relatat mal-abbozzar tad-deskrizzjonijiet tal-postijiet battala tax-xogħol biex jattiraw lil ħaddiema b’ħiliet xierqa minn barra l-pajjiż.

2.1.2.Servizzi speċifiċi ta’ appoġġ

2.1.2.1. Servizzi ta’ appoġġ f’reġjuni transfruntiera

Skont ir-Regolament il-ġdid dwar il-EURES, il-Membri u s-Sħab tal-EURES involuti fi Sħubijiet Transfruniera (CBPs) jew fi strutturi oħra ta’ kooperazzjoni u ta’ servizz (inkluż ma’ organizzazzjonijiet barra min-netwerk tal-EURES) jipprovdu informazzjoni kif ukoll servizzi ta’ kollokament u ta’ reklutaġġ imfassla apposta għar-rekwiżiti u għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-ħaddiema fruntaliera u tal-impjegaturi f’reġjuni transfruntiera 11 .

Dawn is-CBPs jistgħu japplikaw għal appoġġ finanzjarju f’sejħiet annwali skont il-programm EaSI 12 . L-appoġġ mill-EaSI hu disponibbli wkoll għat-twaqqif ta’ CBPs ġodda jew għall-implimentazzjoni ta’ miżuri innovattivi ġodda. Fl-2016, 12-il CBP ingħataw appoġġ permezz ta’ għotja tal-EaSI mis-sena ta’ qabel. Fl-2017 u fl-2018, 9 CBPs offrew servizzi ta’ appoġġ u kollokamenti fir-reġjuni transfruntiera, fuq il-bażi ta’ għotjiet tal-EaSI mogħtija s-sena ta’ qabel.

Is-servizzi ta’ appoġġ fir-reġjuni transfruntiera tal-EURES jikkonsistu f’servizzi ta’ informazzjoni u f’offerti tax-xogħol multilingwi. Dawn is-servizzi jiġu pprovduti permezz ta’ soluzzjonijiet fiżiċi u b’punti uniċi ta’ servizz dejjem aktar virtwali. L-informazzjoni pprovduta hi relatata ma’ kwistjonijiet bħall-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, il-provvedimenti għat-trasport ta’ kuljum, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u t-tassazzjoni. L-attivitajiet ta’ kollokament u ta’ reklutaġġ wasslu biex kważi 4,400 persuna li qed tfittex impjieg sabu impjieg transfruntier wara kuntatt individwali ma’ servizzi relatati mal-EURES fl-2016 u fl-2017 13 .

2.1.2.2. Assistenza ta’ wara r-reklutaġġ

L-assistenza ta’ wara r-reklutaġġ għandha l-għan li tiżgura l-aħjar integrazzjoni possibbli tal-ħaddiema mobbli fil-karigi l-ġodda tagħhom. Filwaqt li ħafna mill-pajjiżi membri tal-EURES jiffokaw fuq il-provvista ta’ informazzjoni lill-ħaddiema u lill-impjegaturi qabel l-iffirmar ta’ kuntratt tax-xogħol, numru minnhom jorganizzaw ukoll attivitajiet ta’ wara r-reklutaġġ. Pereżempju, il-EURES Italja jopera bażi ta’ data ta’ segwitu biex jiżgura li l-kollokamenti jirrispettaw bis-sħiħ l-istandards tax-xogħol applikabbli. Fl-2016 ġew riċevuti kważi 7,000 talba mingħand ħaddiema għall-valutazzjoni tal-każ tagħhom 14 .

2.1.2.3. L-appoġġ għaż-żgħażagħ – apprendistati u traineeships

Diversi attivitajiet u programmi żviluppati fi ħdan in-netwerk tal-EURES jiffokaw b’mod speċifiku fuq iż-żgħażagħ. Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2012 15 , l-Istati Membri u l-Kummissjoni ġew mistiedna jkomplu jiżviluppaw il-portal tal-EURES u biex jeżaminaw il-possibbiltà li jestenduh għal apprendistati u għal traineeships. Għal dak l-għan, l-apprendistati u t-traineeships issa huma koperti taħt dan ir-Regolament dwar il-EURES sa fejn l-applikanti magħżula jkunu soġġetti għal relazzjoni tax-xogħol. L-offerti tat-tali apprendistati u traineeships diġà huma inklużi fl-iskambju ta’ postijiet battala tax-xogħol fuq il-portal tal-EURES b’6,567 offerta għal apprendistati u 1,859 offerta għal traineeships disponibbli fi tmiem il-perjodu ta’ rapportar 16 .

Barra minn hekk, il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet jistgħu juru b’mod dirett l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ li għandhom disponibbli permezz ta’ self-service fit-taqsima Drop’pin@EURES tal-Portal tal-EURES. B’kollox bħalissa hemm 2,092 opportunità minn 501 kumpanija offruti fi 32 qasam ta’ attività li jvarjaw mill-inġinerija sal-ħiliet u l-iżvilupp personali 17 . L-ECO jinsab fil-proċess li jkompli jiffaċilita l-ġbir u l-wiri tal-offerti għal apprendistati u għal traineeships fuq il-portal. L-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet imfassla apposta se jagħmilha eħfef għall-partijiet ikkonċernati biex jissenjalaw l-offerti tagħhom stess u jfittxu dawk ta’ oħrajn. Din il-funzjoni l-ġdida hi mistennija li tiġi implimentata fl-2019.

2.1.2.4. Skemi mmirati tal-mobilità relatati mal-EURES

Il-EURES għandu wkoll l-għan li jilħaq lil gruppi speċifiċi ta’ persuni li qed ifittxu impjieg u jgħin biex jimtlew il-postijiet battala tax-xogħol f’setturi speċifiċi. Għal dak l-għan, l-attivitajiet tal-EURES jistgħu jkunu komplimentari għall-iskemi mmirati tal-mobilità (TMS) tal-UE, jew integrati mat-tali skemi, li huma ffinanzjati permezz tal-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) li jfittxu li jittestjaw modi innovattivi kif jingħata sostenn lill-mobbiltà transfruntiera fix-xogħol jew jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ gruppi fil-mira speċifiċi.

L-ewwel impjieg EURES tiegħek (YfEJ) joffri appoġġ liż-żgħażagħ ta’ taħt il-35 sena fi tfittix madwar l-Ewropa għal impjieg, għal traineeship jew għal apprendistat, u lil impjegaturi li jfittxu lil żgħażagħ b’ħiliet xierqa fost il-pajjiżi membri tal-EURES. Bejn l-2016 u nofs l-2018, erba’ pajjiżi (Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Iżvezja) wettqu l-ewwel proġetti tal-Ewwel Impjieg EURES Tiegħek. Ir-rapporti jindikaw qabel kollox li l-persuna tipika li tfittex impjieg ikollha bejn it-23 u s-26 sena u temmet l-edukazzjoni għolja jew għadha fl-edukazzjoni u, it-tieni, li aktar minn nofs (52%) tal-persuni li jfittxu impjieg kienu qiegħda fi żmien il-kollokament. Aktar minn 80% minn dawk li sabu impjieg f’pajjiż ieħor permezz tal-iskema diġà kienu ħadmu fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom, filwaqt li 28 % biss minnhom kienu ħadmu barra pajjżhom. L-impjegaturi jinkludu kemm kumpaniji kbar kif ukoll SMEs.

L-aktar pajjiżi tat-tluq importanti tul il-perjodu kienu l-Italja, l-Irlanda, Franza u Spanja. Il-pajjiżi u s-setturi riċevituri ewlenin huma l-Ġermanja għas-saħħa umana u għall-ħidma soċjali; ir-Renju Unit għall-edukazzjoni u Franza għall-kollokamenti fl-ICT 18 . Filwaqt li saru aktar minn 3,000 kollokament, bejn l-2016 u l-ewwel nofs tal-2017 intlaħqu biss bejn 15% sa 26% mill-miri inizjali ta’ kollokament għall-programmi differenti 19 . Minkejja dan, kważi 1,200 kollokament għal impjiegi, għal traineeships u għal apprendistati nkisbu fit-tieni nofs tal-2017 waħdu 20 , li jindika użu akbar tal-iskema. Ħafna miż-żgħażagħ li ħadu sehem fl-iskema kienu impjegati b’kuntratt regolari tax-xogħol u numru żgħir biss daħlu f’apprendistati jew fi traineeships.

Reactivate hi skema tal-mobilità fix-xogħol intra-UE għal ħaddiema ta’ 35 sena jew aktar, li jaffaċċjaw diffikultajiet fis-sejbien ta’ impjieg jew ta’ opportunità ta’ taħriġ fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom u li huma lesti li jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor. Bħal f’L-Ewwel Impjieg EURES Tiegħek, il-persuni li qed ifittxu impjieg jistgħu japplikaw għal diversi forom ta’ appoġġ finanzjarju permezz tas-servizzi tal-impjiegi ta’ Reactivate. Bħalissa, is-servizzi tal-impjiegi f’erba’ pajjiżi wettqu proġetti ta’ Reactivate: l-Italja, Franza, il-Polonja u l-Iżvezja, bi sħab fi 13-il pajjiż. Minkejja adozzjoni inizjali batuta, l-iskema għandha potenzjal fit-tul peress li r-rati ta’ impjiegi tal-ħaddiema kbar fl-età fl-UE li bħalissa jaħdmu fi Stat Membru differenti minn dak li twieldu fih huma simili għal dik tal-impjegati tal-istess età li jaħdmu fil-pajjiż tat-twelid tagħhom 21 .

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għandu dimensjoni tal-mobilità fix-xogħol ukoll li għandha l-għan li toħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jżidu l-prospetti futuri tas-suq tax-xogħol tagħhom permezz ta’ impjieg jew permezz ta’ traineeship barra pajjiżhom. Bħalissa għaddejjin żewġ proġetti taħt din l-iskema: konsorzju mmexxi minn Franza li qed jimmira għal 1,000 kollokament f’impjieg u fi traineeship, u wieħed immexxi mill-Italja li qed jimmira għal 400 kollokament sa Settembru 2018. 

It-tabella ta’ hawn taħt tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-iskemi mmirati tal-mobilità, li tindika s-sorsi ta’ finanzjament tagħhom, il-popolazzjonijiet fil-mira, u l-pajjiżi li qed jieħdu sehem b’mod attiv fl-iskemi.

Ħarsa ġenerali lejn l-iskemi tal-mobilità relatati mal-EURES

Skemi tal-mobilità

Grupp fil-mira

Servizzi tal-impjiegi prinċipali

Sħubijiet transfruntiera (CBPs)

Persuni li qed ifittxu impjieg u impjegaturi f’reġjuni fruntaliera

AT, BE, CH, CZ, DE, DK, ES, FR, HR, IT, IE, PT, FR, HU, LU, NL, PL, SE, SI, SK, UK

L-ewwel Impjieg EURES tiegħek

Persuni li qed ifittxu impjieg ta’ 18-35 sena / kumpaniji bi ħtiġijiet ta’ ħiliet

Servizzi tal-impjieg prinċipali: DE, FR, IT, SE

Sħab fi: BG, HR, CY, PT, RO, SI, ES, DK, FI, IE, LU, NO 22

Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

Żgħażagħ bejn it-18 u t-30 sena

Servizzi tal-impjieg prinċipali: FR, IT

Reactivate

Persuni li qed ifittxu impjieg ta’ 35 sena jew aktar / impjegaturi li jeħtieġu forza tax-xogħol kwalifikata

Servizzi tal-impjieg prinċipali fi: IT, FR, SE, PL

Sħab fi: DE, EL, ES, NL, IT, FI, IE, LU, PT, RO, SI, BE, CY

2.1.3.Ir-riżorsi u l-governanza

2.1.3.1. Riżorsi umani

Il-persunal tal-EURES 23 jaħdem fil-PES nazzjonali jew reġjonali jew f’organizzazzjonijiet oħra li huma Membri jew Sħab tal-EURES. Dawn jipprovdu pariri, gwida u assistenza speċjalizzati lill-persuni li qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi. Id-distribuzzjoni skont il-pajjiż tan-numru totali ta’ persunal tal-EURES 24 bejn wieħed u ieħor tirrifletti d-daqs tas-swieq tax-xogħol nazzjonali, u jvarjaw minn 178 konsulent fil-Ġermanja, 92 fi Spanja u 55 fil-Polonja sa 20 fil-Bulgarija, 15 fin-Netherlands, 7 f’Ċipru u 3 fl-Estonja.

2.1.3.2. Riżorsi finanzjarji

Ir-riżorsi finanzjarji disponibbli għan-netwerk ivarjaw b’mod sinifikanti minn pajjiż għal ieħor. L-ispejjeż tal-persunal jirrappreżentaw is-sehem maġġuri tal-finanzjament nazzjonali. Madankollu, diffiċli li jiġu identifikati l-ammonti eżatti peress li s-servizzi tal-EURES fil-parti l-kbira kienu parti mis-servizz offrut mis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. F’ħafna mill-każijiet il-Fondi Soċjali Ewropej (FSE) ikun komplimentari għall-finanzjament nazzjonali, b’rabta mas-servizzi ta’ reklutaġġ, ta’ għoti ta’ pariri u ta’ gwida fil-livell nazzjonali u transfruntier. Il-Kummissjoni m’għandha ebda informazzjoni dwar l-ammonti allokati għall-attivitajiet tal-EURES taħt il-FSE għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Fid-dawl tan-natura tal-ġestjoni kondiviża tal-Fond, l-informazzjoni disponibbli fil-livell tal-UE hi limitata għal dak li ġie maqbul fir-Regolament dwar il-FSE 25 , u b’mod partikolari fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 215/2014 li jistabblixxi l-kategoriji ta’ intervent.

Attivitajiet orizzontali organizzati mill-ECO huma ffinanzjati permezz tal-assi tal-EURES tal-EaSI 26 , li jirrappreżentaw ukoll sehem mill-ispejjeż operatorji tal-fornituri ta’ servizzi tal-EURES fin-Norveġja u fl-Iżlanda. Is-servizzi speċifiċi bħall-assistenza personalizzata taħt l-iskemi mmirati tal-mobilità huma ffinanzjati bl-EaSI wkoll. Disaggregazzjoni tar-riżorsi finanzjarji disponibbli taħt l-EaSI għall-EURES matul il-perjodu ta’ rapportar hi ppreżentata fit-taqsima 2.2.9 aktar ’il quddiem.

2.1.3.3. Infrastruttura tal-IT

L-Istati Membri kollha adattaw jew jinsabu fil-proċess li jadattaw l-infrastruttura tal-IT tagħhom biex jippermettu għat-trażmissjon iestiża tal-postijiet battala tax-xogħol u tas-CVs lill-Portal tal-EURES bħala parti mill-implimentazzjoni tar-Regolament tal-2016.

Barra minn hekk, ħafna minnhom nedew inizjattivi nazzjonali mmirati biex itejbu l-provvista ta’ servizzi online. Pereżempju, ċerti NCOs adottaw approċċ diġitali b'mod awtomatiku fil-provvista ta’ servizzi tal-EURES (ir-Renju Unit) u żiedu l-użu tat-teknoloġija biex jattiraw, jaħtru u jlaqqgħu kandidati billi jipprovdu klassijiet tat-tagħlim elettroniku fuq it-tfittix għal impjieg fuq il-paġna ewlenija nazzjonali tal-EURES (id-Danimarka). Qed tiġi żviluppata app tal-EURES li tippermetti lill-impjegaturi jsibu ħaddiema transfruntiera fil-Belġju u fin-Netherlands aktar faċilment 27 (EURES Scheldemond). Eżempji oħra ta’ approċċi innovattivi għall-provvista tas-servizzi jinkludu l-iżvilupp ta’ sit web dedikat għaż-żgħażagħ fil-Belġju 28 ; kooperazzjoni msaħħa mal-parti tal-IT tal-programm YfEj f’Ċipru; l-introduzzjoni ta’ lista ta’ kontroll online għall-konsulenti tal-PES dwar il-proċeduri tal-EURES fil-Kroazja; u t-tnedija ta’ 38 servizz online fi Franza u webinars bħala mod kosteffikaċi kif tiġi pprovduta informazzjoni “f’xandira diretta” mingħajr restrizzjonijiet ġeografiċi.

2.1.3.4. Il-governanza u l-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati

L-NCOs iwettqu sehem sinifikanti mill-attivitajiet tagħhom f’kooperazzjoni ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati f’livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u transfruntiera. Dawn jinkludu sħab soċjali, netwerks Ewropej oħra, servizzi ta’ gwida dwar il-karrieri, kmamar tal-kummerċ, u awtoritajiet inkarigati mis-sigurtà soċjali u mit-tassazzjoni. Jista’ jiġi nnotat li aktar ma tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-atturi fil-prattika, aktar jirnexxu l-attivitajiet organizzati b’mod konġunt peress li dawn iwasslu għal numru akbar ta’ tlaqqigħ b’suċċess bejn il-persuni li qed ifittxu impjieg u l-impjegaturi.

2.1.3.5. Komunikazzjoni fil-pajjiżi membri tal-EURES

Sehem mill-baġit tal-komunikazzjoni tal-EURES jintuża għas-sostenn tal-attivitajiet tal-komunikazzjoni tal-pajjiżi membri tal-EURES li jinkludu finanzjament għall-promozzjoni tal-identità viżwali tal-EURES, l-għoti ta’ pariri fuq materji relatati mal-midja soċjali jew l-għoti ta’ sostenn għall-produzzjoni ta’ filmati u għall-avvenimenti. L-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ komunikazzjoni jimmiraw udjenzi differenti fi ħdan in-netwerk tal-EURES. Ċerti NCOs jimplimentaw kampanji ta’ informazzjoni ta’ natura ġenerali (l-Estonja), oħrajn jimmiraw setturi speċifiċi (l-Iżlanda), filwaqt li oħrajn jiffokaw fuq iż-żgħażagħ (in-Netherlands). Il-midja soċjali u l-kampanji mmirati qed jintużaw dejjem aktar biex jippromwovu l-attivitajiet tal-EURES flimkien mas-siti web tal-PES, pereżempju fil-Belġju, f’Ċipru, fl-Estonja, fin-Norveġja, fi Spanja u fl-Iżvezja. Il-kontijiet tal-midja soċjali tal-Membri tal-EURES jgħoddu madwar 120,000 persuna segwaċi 29 .

Il-materjal ta’ informazzjoni għall-impjegaturi u għall-persuni li qed ifittxu impjieg hu ppersonalizzat, immirat u disponibbli f’lingwi differenti. Fl-2017, intalbu madwar 330,000 kopja ta’ materjal relatat mal-EURES min-Netwerk tal-EURES, filwaqt li l-bullettin tal-EURES laħaq kważi 700,000 abbonat. Attivitajiet ta’ komunikazzjoni innovattivi jinkludu jum ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar bil-ferrovija bejn in-Netherlands u l-Ġermanja organizzat mis-Sħubija Transfruntiera reġjonali, il-promozzjoni tal-mobilità transfruntiera f’festival tal-mużika fl-apert u x-xandir ta’ programm fuq ir-radju ta’ kull ġimgħa fuq il-EURES u ta’ programm tat-TV fuq il-mobilità tal-forza tax-xogħol fl-Italja.

2.1.3.6. Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-azzjonijiet

Ir-Regolament il-ġdid dwar il-EURES jistabbilixxi approċċ orjentat lejn ir-riżultati għall-attivitajiet tan-netwerk tal-EURES. Iċ-ċiklu ta’ programmazzjoni kien l-għodda ta’ monitoraġġ ewlenija għall-attività ta’ kull sena tul il-perjodu. Fi ħdan dan il-kuntest, kull NCO irrapporta dwar ir-riżultati tanġibbli u l-eżiti tan-netwerk tal-EURES nazzjonali tagħhom f’Rapport tal-Attività Nazzjonali annwali meta mqabbla mal-objettivi stabbiliti fil-Programm ta’ Ħidma Nazzjonali (li qabel kien jissejjaħ il-Pjan ta’ Attività). Barra minn hekk, ir-rapporti konsultattivi ta’ kull xahar tal-EURES jissorveljaw is-servizzi tal-EURES għall-persuni li qed ifittxu impjieg u għall-impjegaturi u s-Sistema ta’ Kejl tal-Prestazzjoni (PMS) tal-EURES tkejjel il-prestazzjoni u l-attivitajiet tan-netwerk tal-EURES b’mod konsistenti. Mill-2018, din se tibda tintuża għall-monitoraġġ tal-programmazzjoni tal-attivitajiet tal-EURES skont sett miftiehem ta’ indikaturi 30 .

2.2.Attivitajiet ta’ appoġġ orizzontali mill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni (ECO)

2.2.1.Appoġġ għall-koordinazzjoni u għall-governanza 

L-ECO jorganizza l-ħidma tal-Grupp Ewropew għall-Koordinazzjoni. Dan jippresjedi l-laqgħat tiegħu, li jiġu organizzati f’intervalli regolari biex jiġu ppreżentati u diskussi żviluppi u aħbarijiet riċenti fi ħdan in-netwerk, u biex jinqasmu l-aħjar prattiki u s-sitwazzjoni attwali fil-proċess ta’ implimentazzjoni tar-Regolament u l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-IT. L-ECO jissorvelja u jiffaċilita wkoll l-istadji differenti taċ-ċiklu ta’ programmazzjoni u jikkoordina l-kompiti ta’ ppjanar, ta’ kkummentar u ta’ rapportar tal-NCOs.

2.2.2.It-tħaddim u l-iżvilupp tal-Portal tal-EURES u tas-servizzi tal-IT relatati 

L-ECO jopera l-Portal tal-EURES dwar il-Mobilità fix-Xogħol. Dan stabbilixxa wkoll sistema u proċeduri ġodda, definiti f’kooperazzjoni msaħħa mal-Istati Membri, biex jiġi żgurat l-iskambju tal-postijiet battala tax-xogħol u tas-CVs. Fl-2017 ġie adottat sett ta’ standards għall-format tal-postijiet battala tax-xogħol u tas-CVs fuq il-bażi tal-Istandards miftuħa tal-HR tal-industrija internazzjonali. L-ECO offra moduli ta’ implimentazzjoni predefiniti speċifiċi lill-Istati Membri, u b'hekk iffaċilita b’mod sostanzjali l-isforz ta’ implimentazzjoni għall-parteċipazzjoni fis-sistema ta’ skambju l-ġdida. It-tranżizzjoni għas-sistema l-ġdida fil-Portal tal-EURES seħħet fl-ewwel nofs tal-2018. Twaqqfu mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u ta’ assistenza b’rabta mat-tlestija teknika u mal-kwalità tad-data.

2.2.3.It-taħriġ u l-iżvilupp professjonali 

L-ECO jipprovdi programm ta’ taħriġ komuni u żvilupp professjonali għall-persunal tal-Membri u tas-Sħab tal-EURES. Dan jinkludi l-implimentazzjoni ta’ programm imġedded ta’ taħriġ għall-EURES; it-tnedija tal-Akkademja tal-EURES fl-2016, li tkopri l-attivitajiet ta’ taħriġ kollha skont ir-Regolament dwar il-EURES bl-għan li tipprovdi lill-persunal tal-EURES bl-għodod, bil-kompetenzi u bil-ħiliet neċessarji għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ kollokament u ta’ reklutaġġ. In-netwerks nazzjonali tal-EURES irrapportaw interess sinifikanti fit-taħriġ fil-livell tal-UE 31 .

Fil-livell nazzjonali, il-Membri u s-Sħab tal-EURES iħarrġu l-persunal tagħhom biex jiżguraw livell komuni bażiku ta’ għarfien dwar il-EURES. Persunal ġdid jirċievi pretaħriġ f’diversi formats (eż. klassi, online, fuq ix-xogħol jew b’għodod tal-awtotagħlim) f’livell nazzjonali biex jifhem aħjar l-objettivi, l-għodod u l-istrateġiji tan-netwerk minn perspettiva nazzjonali. Dan it-taħriġ f’livell nazzjonali jitħejja mill-NCOs fuq il-bażi tal-linji gwida indikattivi, tal-għodod u tal-helpdesk ipprovduti mit-Tim tat-Taħriġ tal-EURES.

2.2.4.Helpdesk 

L-ECO jipprovdi funzjoni ta’ helpdesk għall-utenti kollha tal-Portal tal-EURES u tas-servizzi tiegħu (jiġifieri persuni li qed ifittxu impjieg, impjegaturi, persunal tal-Membri u tas-Sħab tal-EURES, NCOs u viżitaturi mistiedna). Dan jinkludi tweġibiet għad-domandi kollha relatati mas-servizzi pprovduti fuq il-Portal tal-EURES, inkluża t-taqsima tal-Extranet, u s-servizzi pprovduti fil-pjattaforma tal-Jiem tal-Impjiegi Ewropej. Id-domandi jistgħu jsiru permezz tal-formola fuq il-web tal-Portal, permezz ta’ telefonati mingħajr ħlas, permezz ta’ chat online jew permezz ta’ Skype. Fl-2017, il-helpdesk tal-EURES ipproċessa madwar 20,000 domanda mill-utenti.

2.2.5.Il-bini ta’ netwerk, l-iskambju tal-aħjar prattika u t-tagħlim reċiproku 

L-ECO jiffaċilita l-bini ta’ netwerk, it-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki fi ħdan in-netwerk tal-EURES. Minbarra l-laqgħat regolari tal-ECG u ta’ gruppi ta’ esperti oħra, matul il-perjodu ġew organizzati diversi avvenimenti speċifiċi ta’ tagħlim reċiproku. L-iskop tagħhom hu li fihom jiġu skambjati ideat u l-aħjar prattiki bejn l-NCOs u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk. Pereżempju, fl-2018 saru avveniment ta’ tagħlim reċiproku dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ ammissjoni għall-Membri u għas-Sħab tal-EURES u avveniment ma’ esperti esterni dwar l-aħjar prattiki fl-għodod awtomatizzati tat-tlaqqigħ. Barra minn hekk, verżjoni ġdida tal-Extranet tal-EURES bdiet topera kmieni fl-2018. L-objettiv tagħha hu li ssostni u tħeġġeġ il-kollaborazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-EURES permezz ta’ spazji u ta’ fora ta’ ħidma interattiva.

2.2.6.Attivitajiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni 

L-ECO jappoġġja l-attivitajiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-EURES biex jitrawwem l-għarfien dwar il-EURES, f’konformità mal-istrateġija tal-EURES dwar il-komunikazzjoni għall-2015-2020. Dan iħejji dokumenti ta’ gwida mmirati għall-pjanijiet ta’ komunikazzjoni nazzjonali pluriennali tal-pajjiżi membri tal-EURES, filwaqt li twaqqaf grupp ta’ esperti nazzjonali dwar il-komunikazzjoni biex jaqsam u jippromwovi l-aħjar prattiki. Barra minn hekk, l-ECO jaħdem fuq il-pjattaforma tal-Jiem tal-Impjiegi Online Ewropej u jappoġġja u jospita l-organizzazzjoni ta’ aktar minn 30 jum tal-impjiegi u avveniment ta’ reklutaġġ (online, fuq il-post jew it-tnejn) fis-sena.

Il-kontijiet tal-midja soċjali tal-EURES jgħoddu aktar minn 260,000 persuna segwaċi fuq Facebook, aktar minn 36,000 fuq Twitter u 28,000 fuq LinkedIn. Il-kanal tal-EURES fuq YouTube ġie riorganizzat biex jirrifletti l-gruppi fil-mira differenti u jipprovdi ħarsa ġenerali aktar ċara permezz ta’ filmati. Fl-2017 saret l-ewwel kampanja tal-EURES fuq il-midja soċjali. Il-kampanja #YourCareerMove kellha l-għan li żżid l-għarafien dwar il-firxa ta’ servizzi tal-EURES u tippromwovi l-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk. Hu stmat li l-kampanja ġġenerat 10 miljun impressjoni, 440 parteċipant fil-kwiżż ħolqu profil tal-EURES matul il-kampanja (li jirrappreżentaw rata ta’ konverżjoni li hi 4 sa 5 ogħla mill-medja tal-midja soċjali) u 85% tal-NCOs kienu sodisfatti bl-għodod promozzjonali tal-kampanja. Din il-kampanja ġiet nominata għal-Premji tal-Komunikazzjoni Diġitali 2018 fil-kategorija “Istituzzjonijiet”.

Mill-2016, l-ECO ppubblika 216-il artiklu tal-aħbarijiet fuq il-portal tal-EURES u 114-il artiklu fuq il-portal tal-Extranet tal-EURES. L-artikli fuq il-portal tal-EURES juru stejjer ta’ suċċess ta’ persuni li qed ifittxu impjieg u ta’ impjegaturi involuti mal-EURES, it-tendenzi fir-reklutaġġ jew ideat għas-sejbien ta’ impjieg u għar-reklutaġġ. Il-pubblikazzjonijiet ta’ Drop’pin@EURES ġew aġġornati u ġiet żviluppata Gwida għall-Prattikanti għall-EURES, bl-għan li jiġu spjegati t-tibdiliet miġjuba mir-Regolament il-ġdid dwar il-EURES. Barra minn hekk, l-ECO kkumpila fuljett ġdid u trifold għall-iskema Reactivate.

L-ECO żviluppa infografiċi wkoll, gwilda tal-istil tal-EURES, u linji gwida grafiċi aġġornati u l-manwal tal-EOJD għall-organizzaturi ta’ avvenimenti. L-Uffiċċju tal-Aħbarijiet u tal-Informazzjoni tal-EURES (ENIB) adotta strateġija ġdida dwar il-kontenut biex jiffaċilita l-ippjanar u l-allinjament tal-pubblikazzjonijiet tiegħu mal-attivitajiet tal-midja soċjali. Ġew definiti suġġetti ta’ kull xahar u ntbagħtu aġġornamenti u tfakkiriet regolari, filwaqt li l-materjal tal-komunikazzjoni jitqiegħed għad-dispożizzjoni tan-netwerk tal-EURES sħiħ fl-ispazju tax-xogħol tal-komunikazzjoni tal-Extranet il-ġdid.

2.2.7.Analiżi tal-mobilità ġeografika u okkupazzjonali

Kull sena, il-Kummissjoni tippubblika rapport dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol li jkun fih informazzjoni importanti dwar il-flussi u x-xejriet fil-pajjiżi tal-Unjoni u tal-EFTA, b'enfasi partikolari fuq is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli u d-dimensjoni tal-ġeneri 32 . Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, mill-2017 bdiet tiġi prodotta ta’ kull sena analiżi tan-nuqqasijiet u tal-eċċessi fis-suq tax-xogħol u tal-kawżi tagħhom fil-pajjiżi membri tal-EURES 33 .

2.2.8.L-iżvilupp ta’ struttura xierqa ta’ kooperazzjoni u ta’ approvazzjoni għall-apprendistati u għat-traineeships

It-tlaqqigħ u l-kollokament tal-kandidati minn pajjiżi oħra fl-offerti ta’ apprendistati u ta’ traineeships huma kumplessi u jirrekjedu ħafna riżorsi fid-dawl tad-differenzi sinifikanti fil-kuntesti istituzzjonali bejn il-pajjiżi membri tal-EURES. L-ECO jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ fehim komuni u ta’ servizzi ta’ sostenn xierqa billi jipprovdi sett ta’ rekwiżiti minimi dwar il-kwalità tad-data u informazzjoni dwar l-apprendistati u l-internships fuq il-Portal tal-EURES. B’mod partikolari, bħalissa l-ECO qed jiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri, rakkomandazzjonijiet għal organizzazzjonijiet ospitanti dwar il-proċess mill-pubblikazzjoni tal-offerta sa tmiem l-apprendistat jew it-traineeship, inkluża t-trażmissjoni tal-offerta u l-interazzjoni tal-Membri u tas-Sħab tal-EURES mal-organizzazzjonijiet li jippubblikaw l-offerti. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet, ladarba jiġu maqbula, jiġu ppubblikati fuq il-Portal tal-EURES.

2.2.9.Riżorsi finanzjarji

L-assi tal-EURES tal-programm tal-EaSI jipprovdi l-finanzjament tal-attivitajiet ta’ sostenn orizzontali, bħall-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-portal tal-Mobilità tal-Forza tax-Xogħol tal-EURES, il-programm ta’ taħriġ komuni, l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni, ta’ analiżi u ta’ bini ta’ netwerk, L-Ewwel Impjieg EURES Tiegħek u sħubijiet transfruntiera.

It-tabella ta’ hawn taħt turi disaggregazzjoni indikattiva tar-riżorsi fil-fatt impenjati wara l-proċeduri tal-akkwist u tal-għoti tal-għotjiet 34 :

Attivitajiet Ewlenin

2016

2017

Nofs l-2018

1.Portal tal-Mobilità fix-Xogħol

3.600.000

4.270.000

2.280.000

2.Helpdesk

300.000

350.000

250.000

3.Traduzzjonijiet

500.000

500.000

543.500

4.Programm ta’ Taħriġ komuni

1.600.000

1.800.000.

875.000

5.Laqgħat tan-netwerk

100.000

140.000

125.000

6.Appoġġ għall-attivitajiet tan-netwerk

2.800.000

2.800.000

1.225.000

7.L-ewwel impjieg EURES tiegħek

9.900.100

3.000.000

7.054.000

8.Sħubijiet transfruntiera

3.900.000

3.400.000

3.226.090,5



3.Implimentazzjoni tar-Regolament fl-Istati Membri

Din it-taqsima tiddeskrivi s-sitwazzjoni attwali tal-applikazzjoni fl-Istati Membri tar-Regolament dwar il-EURES kif meħtieġ mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33 ta’ dak ir-Regolament. L-analiżi hi bbażata fuq it-tweġibiet li waslu mill-NCOs fi stħarriġ u fuq lista ta’ kontroll tal-konformità u informazzjoni oħra disponibbli għall-Kummissjoni. It-tabella li tinsab fuq nett ta’ kull taqsima tipprovdi ħarsa fil-qosor tal-lista ta’ kontroll tal-konformità dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament. Meta tiġi rrapportata data dwar is-(sub)azzjonijiet, it-tabella tippreżenta eżitu aggregat tal-azzjonijiet. Meta tiġi rrapportata data għas-subazzjonijiet kollha, jiġi ppreżentat l-anqas valur. Meta ma tiġi rrapportata ebda data għal ċerti subazzjonijiet, l-azzjoni tiġi ppreżentata bħala parzjalment kompluta.

*Id-data tiġi rrapportata bħala mhux disponibbli mill-NCO jew inkella ma ġiet irrapportata ebda data.

3.1. Kompożizzjoni tan-netwerk u materji organizzazzjonali 

3.1.1.Rekwiżiti tar-Regolament

L-Istati Membri jridu jinformaw lill-ECO dwar l-NCO magħżul tagħhom. Is-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi għandu status speċjali bħala Membru f’kull Stat Membru. Sett ta’ kriterji minimi 35 jispjega l-obbligi li l-PES iridu jissodisfaw għar-rwol tagħhom bħala Membri tal-EURES. Biex jikkonformaw mar-rekwiżit, il-PES jistgħu jesternalizzaw, jiddelegaw jew jikkonkludu ftehimiet speċifiċi ma’ organizzazzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tagħhom. L-organizzazzjonijiet li kienu parti min-netwerks nazzjonali tal-EURES sa minn qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-2016 jistgħu jibqgħu Sħab matul perjodu tranżizzjonali qabel ma jkollhom jerġgħu japplikaw biex isiru Membri jew Sħab tan-netwerk tal-EURES. L-NCO għandu jinforma lill-ECO dwar il-kompożizzjoni tan-netwerk tiegħu matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

3.1.2.Implementazzjoni

L-Istati Membri kollha nnominaw l-NCO u r-rappreżentanti tagħhom għall-Grupp Ewropew għall-Koordinazzjoni, u informaw lill-ECO dwar dawn. Ir-responsabbiltajiet għall-PES u t-tibdiliet għan-netwerk li jirriżultaw mir-Regolament il-ġdid dwar il-EURES ġew komunikati lill-awtoritajiet u lill-organizzazzjonijiet sħab rilevanti fl-Istati Membri kollha. Wara dan, uħud mill-NCOs biddlu l-istruttura tal-persunal tagħhom u f’ċerti każijiet in-netwerk tal-EURES sarlu tibdil, pereżempju l-uffiċċji reġjonali tal-PES saru Membri u, flimkien mal-NCO, ifformaw in-netwerk nazzjonali tal-EURES. Kif meħtieġ, l-NCOs informaw lill-ECO dwar dawn it-tibdiliet fin-netwerks nazzjonali tal-EURES u fl-istruttura tal-NCO permezz tal-helpdesk tal-EURES. Is-servizzi tal-EURES għall-persuni li qed ifittxu impjieg u għall-impjegaturi, kemm online kif ukoll offline, huma pprovduti permezz tal-PES. F’numru ta’ Stati Membri, is-servizzi tal-EURES huma integrati bis-sħiħ fis-servizzi nazzjonali tal-PES.

3.1.3.Sfidi

L-Istati Membri jirrapportaw li, filwaqt li n-numru ta’ kompiti li għalihom hu responsabbli l-NCO kiber bl-implimentazzjoni tar-Regolament, dan mhux dejjem kien segwit minn żieda fl-allokazzjonijiet ta’ persunal jew tal-baġit. B’mod partikolari NCOs b’persuna waħda fi Stati Membri żgħar jirrapportaw li qed jaffaċċjaw piż amministrattiv u dmirijiet ta’ rapportar kbar fil-kuntest tar-Regolament il-ġdid dwar il-EURES. B’mod partikolari, it-twessigħ tan-netwerk tal-EURES biex jiddaħħlu Membri u Sħab hu mistenni jkollu impatt sinifikanti fuq il-ħtiġijiet ta’ ġestjoni tal-NCOs. Peress li n-netwerk qed jespandi, hekk ukoll qed jiġri bil-kompiti għall-NCOs biex jimmaniġġjaw u jikkoordinaw b’tali mod li l-Membri u s-Sħab il-ġodda jkunu konnessi mal-pjattaforma komuni tal-IT, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar tagħhom u tiġi żgurata l-kwalità tad-data (dwar il-postijiet battala tax-xogħol u s-CVs) maqsuma fuq il-portal tal-EURES.

3.2. Il-governanza u l-interazzjoni ma’ organizzazzjonijiet barra min-netwerk tal-EURES

3.2.1.Rekwiżiti tar-Regolament

L-organizzazzjonijiet ċentrali tan-netwerk tal-EURES fl-Istati Membri huma l-PES u l-Membri u s-Sħab l-oħra tal-EURES. Madankollu, il-funzjonament tan-netwerk jeħtieġ kooperazzjoni ma’ diversi organizzazzjonijiet oħra. Ir-Regolament jispeċifika bħala waħda mir-responsabbiltajiet tal-NCOs il-promozzjoni tal-kollaborazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti fil-kuntest tan-netwerk tal-EURES. In-netwerks nazzjonali tal-EURES huma meħtieġa jikkooperaw ukoll mas-servizzi u man-netwerks oħra tal-UE ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni. Barra minn hekk, l-NCOs għandhom jiffaċilitaw id-djalogi regolari għan-netwerk tal-EURES mas-sħab soċjali, f’konformità mal-liġi u mal-prattika nazzjonali. Fid-dawl tal-għoti ta’ aċċess għall-informazzjoni lil persuni li qed ifittxu impjieg u lil impjegaturi dwar it-tassazzjoni, kwistjonijiet relatati ma’ kuntratti tax-xogħol, ma’ pensjonijiet, mal-assigurazzjoni tas-saħħa, mas-sigurtà soċjali u ma’ miżuri attivi tas-suq tax-xogħol, l-NCOs irid jistabbilixxu wkoll kuntatti mal-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali.

3.2.2.Implementazzjoni

L-ewwel grupp ta’ partijiet ikkonċernati jinvolvi l-awtoritajiet f’livell nazzjonali, kif ukoll is-sħab soċjali f’ħafna Stati Membri. Informazzjoni dwar il-EURES tipikament tinqasam permezz ta’ laqgħat regolari u ta’ sessjonijiet ta’ koordinazzjoni. Organizzazzjonijiet oħra tal-partijiet ikkonċernati li huma attivi fil-qasam tal-mobilità tal-forza tax-xogħol Ewropea, bħas-servizzi tal-UE ta’ informazzjoni u ta’ konsulenza, ukoll jirċievu informazzjoni dwar il-EURES u huma mistiedna b’mod regolari biex jattendu jew jorganizzaw b’mod konġunt avvenimenti tal-EURES. Diversi Stati Membri lestew l-immappjar tal-partijiet ikkonċernati tagħhom tal-organizzazzjonijiet li bħalissa huma barra min-netwerk tal-EURES, filwaqt li oħrajn għadhom qed jaħdmu fuq dan. Fil-ġejjieni, uħud minn dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jkunu mistiedna biex isiru Membri jew Sħab. L-immappjar juri wkoll fejn in-netwerk jista’ jissaħħaħ permezz ta’ sħubijiet, pereżempju ma’ fornituri ta’ apprendistati u ta’ traineeships, li għalihom bħalissa hemm nuqqas ta’ arranġamenti f’diversi pajjiżi.

3.2.3.Sfidi

Ma ġiet irrapportata ebda sfida speċifika mill-Istati Membri b’rabta ma’ dan is-sett ta’ rekwiżiti.

3.3. Ix-xandir tan-netwerk

3.3.1.Rekwiżiti tar-Regolament

Biex jissieħbu fin-netwerk tal-EURES bħala Membru jew Sieħeb ġdid, l-organizzazzjonijiet jistgħu jiġu ammessi permezz tas-sistemi nazzjonali ta’ ammissjoni li għandhom jiġu implimentati minn kull Stat Membru, fuq il-bażi tal-kriterji minimi stabbiliti fir-Regolament dwar il-EURES. L-Istati Membri jistgħu jżidu kriterji nazzjonali ta’ ammissjoni, biex iżommu kontroll fuq l-akkreditament ta’ Membri u ta’ Sħab ġodda f’konformità mar-rekwiżiti nazzjonali kif ukoll mar-Regolament. Skont ir-Regolament dwar il-EURES u d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni relatata, l-Istati Membri kollha misshom implimentaw it-tali sistema ta’ ammissjoni, inkluż għall-monitoraġġ tal-konformità tal-Membri u tas-Sħab, u nnotifikaw lill-ECO 36 . Qabel l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ ammissjoni biex jitwessa’ n-netwerk f’Mejju 2018, ġie pprovdut għal perjodu ta’ tranżissjoni fir-Regolament. Dan ippermetta biex in-netwerks tal-EURES ikomplu l-kooperazzjoni tagħhom mal-organizzazzjonijiet sħab, bħal sħab transfruntiera, filwaqt li jħejju għar-rekwiżiti għall-Membri u għas-Sħab skont ir-Regolament il-ġdid dwar il-EURES.

3.3.2.Implementazzjoni

L-Istati Membri kollha minbarra wieħed indikaw li huma ħejjew, jew implimentaw, sistema ta’ ammissjoni, iżda terz minnhom biss innotifikaw b’mod uffiċjali lill-ECO dwar is-sistemi rispettivi tagħhom sa Lulju 2018. F’numru ta’ Stati Membri, Membri u Sħab prospettivi huma mistiedna jissieħbu f’laqgħat u f’sessjonijiet ta’ ħidma dwar l-attivitajiet tal-EURES u kif isiru Membru jew Sieħeb, filwaqt li Stati Membri oħra nedew strateġiji ta’ komunikazzjoni biex jilħqu lil Membri u lil Sħab potenzjali, filwaqt li jinformawhom dwar in-netwerk tal-EURES. Ebda Membru jew Sieħeb ġdid ma ġie ammess sa Lulju 2018, iżda diversi NCOs ħabbru li kienu fil-proċess li jivvalutaw applikazzjonijiet jew kienu ppubblikaw sejħiet għal applikazzjonijiet.

L-Istati Membri se jissorveljaw il-konformità tal-Membri u tas-Sħab tagħhom mar-Regolament u waqqfu sistemi xierqa, jew inkella qed iħejju mekkaniżmu biex jagħmlu dan. Il-konformità tinkludi r-rapportar ta’ data u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni mal-NCO, li min-naħa tiegħu jirrapporta mal-ECO.

3.3.3.Sfidi

Kważi nofs l-Istati Membri jiddikjaraw li huma jaffaċċjaw dewmien fil-proċedura leġiżlattiva nazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ ammissjoni. . Barra minn hekk, konsegwenza tat-twessigħ tan-netwerk tal-EURES hi li l-NCOs iridu jimmaniġġjaw netwerk akbar, biex jiżguraw il-konnessjoni u l-interoperabbiltà tal-Membri u tas-Sħab mal-pjattaforma komuni tal-IT, u biex jissalvagwardjaw il-kwalità tad-data u tal-informazzjoni maqsuma u rrapportati fi ħdan in-netwerk u fuq il-portal tal-EURES.

3.4. Postijiet battala tax-xogħol u skambji tas-CVs

3.4.1.Rekwiżiti tar-Regolament

L-iskambju trasparenti ta’ postijiet battala tax-xogħol, ta’ applikazzjonijiet għal xogħol, u ta’ CVs, hu waħda mill-karatteristiċi ewlenin tar-Regolament il-ġdid dwar il-EURES. Ir-Regolament jeħtieġ li l-Membri u s-Sħab kollha tal-EURES jittrasferixxu l-postijiet battala tax-xogħol disponibbli pubblikament fuq il-portal tal-EURES u jħejju għall-iskambju ta’ data dwar l-apprendistati u t-traineeships. L-Istati Membri huma mistennija jaqsmu wkoll informazzjoni dwar il-prattiki nazzjonali u kwistjonijiet relatati mad-data. L-iskambji kollha ta’ data jridu jsiru permezz ta’ kanal koordinat wieħed. Kulħadd għandu japplika standards tekniċi għall-funzjonament tat-tlaqqigħ awtomatizzat. L-Istati Membri għandhom jissorveljaw ukoll l-applikazzjonijiet minn Membri u minn Sħab tal-EURES u jiżguraw il-viżibbiltà tal-EURES fil-livell nazzjonali.

3.4.2.Implementazzjoni

L-Istati Membri għamlu l-aġġustamenti neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Kanal Koordinat Uniku. Filwaqt li ħafna mill-Istati Membri rrispettaw l-iskadenza ta’ Mejju 2018 għall-iskambju ta’ postijiet battala tax-xogħol, jidher li hemm bżonn ta’ aktar żmien rigward l-iskambji ta’ CVs 37 . L-apprendistati u t-traineeships b’komponent professjonali huma trasferiti fil-portal tal-EURES f’ħafna mill-Istati Membri, flimkien ma’ postijiet battala tax-xogħol oħra. Diversi Stati Membri qed jaħdmu biex itejbu l-offerti ta’ apprendistati u ta’ traineeships tagħhom permezz tal-EURES, billi jidħlu f’kuntatt mal-fornituri u jistabbilixxu sistema għall-ġbir tal-postijiet battala tax-xogħol.

Bl-għan li tiġi żviluppata għodda awtomatizzata tat-tlaqqigħ permezz tal-portal tal-EURES, il-klassifikazzjoni Ewropea ta’ ħiliet, kompetenzi u Impjiegi (ESCO) qed tiġi implimentata b’mod progressiv fin-netwerk tal-EURES mill-Istati Membri kollha. Fil-mument tal-abbozzar ta’ dan ir-Rapport, analiżi tas-sistemi nazzjonali ta’ klassifikazzjoni tlestiet jew għadha għaddejja f’ħafna mill-Istati Membri, u din turi diskrepanza fil-konformità mal-ESCO.

3.4.3.Sfidi

L-iskambju tas-CVs għadu fil-proċess f’ħafna mill-Istati Membri. Stat Membru wieħed biss kien lest sal-iskadenza ta’ Lulju 2018 filwaqt li hu mistenni li ftit oħra ser ikunu jistgħu jissieħbu sa tmiem l-2018. Għad hemm bżonn ta’ tibdiliet tekniċi biex is-sistemi tal-IT jiġu adattati għall-kanal koordinat uniku. Sfida oħra hi l-infrastruttura skaduta tal-IT f’ċerti reġjuni li mhix kapaċi tlaħħaq ma’ attivitajiet li għandhom ikunu parti mill-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni integrati. Nuqqas ta’ riżorsi umani, finanzjarji jew tal-IT hu l-aktar raġuni kkwotata spiss għad-dewmien fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet ippjanati relatati mal-IT f’livell nazzjonali. Finalment, xi Stati Membri esprimew tħassib għall-protezzjoni u għas-sikurezza tad-data personali meta jiskambjaw postijiet battala tax-xogħol u CVs fuq il-portal tal-EURES. Dan ġie indirizzat mill-ECO.

3.5. Servizzi ta’ appoġġ

3.5.1.Rekwiżiti tar-Regolament

L-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw il-kontinwità tas-servizzi tal-EURES permezz tal-PES nazzjonali tagħhom, jipprovdu informazzjoni u assistenza lill-persuni li qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi fir-reġistrazzjoni fuq il-portal tal-EURES u jissorveljaw l-applikazzjonijiet tal-Membri u tas-Sħab futuri. Is-servizzi ta’ appoġġ għandhom jiġu pprovduti wkoll f’reġjuni transfruntiera u l-Istati Membri huma mistennija jintegraw l-appoġġ għall-mobilità fil-politiki attivi nazzjonali tagħhom tas-suq tax-xogħol.

3.5.2.Implementazzjoni

Kważi l-Istati Membri kollha jirrapportaw li huma jiżguraw kontinwità fil-provvista ta’ servizzi ta’ appoġġ għall-persuni li qed ifittxu impjieg u għall-impjegaturi. Informazzjoni dwar il-EURES hi disponibbli permezz tas-siti web kollha tal-PES u tal-portali nazzjonali tal-EURES, fejn applikabbli. Bħala wieħed mis-servizzi ta’ appoġġ tal-EURES, huma pprovduti gwida u appoġġ lill-persuni li qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi biex jirreġistraw fuq il-portal tal-EURES. Fil-Kroazja, dan hu sostnut ulterjorment b’filmati ta’ dimostrazzjoni li juru kif tuża l-portal tal-EURES. Ġeneralment ikun hemm informazzjoni aktar dettaljata disponibbli online, b’mod partikolari rigward l-iskemi mmirati tal-mobilità. Diversi Stati Membri jqisu li l-informazzjoni fuq il-portal tal-EURES u fuq is-sit web tal-PES għandha ssir aċċessibbli aktar faċilment fi ftit klikks.

Is-servizzi ta’ appoġġ jestendu għal reġjuni transfruntiera wkoll. Fi 17-il Stat Membru, l-identifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet li jistgħu jipprovdu servizzi ta’ appoġġ f’reġjuni transfruntiera, inklużi tfittxijiet għal impjieg, tlestiet jew tinsab fil-proċess. Madankollu, biex iżommu konformità mar-Regolament, ċerti Stati Membri jridu jtejbu l-appoġġ ipprovdut għas-sejbien ta’ impjieg barra l-pajjiż, inkluż billi jiftħu l-Politiki Attivi tas-Suq tax-Xogħol biex jinkludu assistenza għat-tfittix ta’ impjieg għas-sejbien ta’ impjiegi barra l-pajjiż u l-għoti ta’ permess lil persuni li mhumiex ċittadini tal-pajjiż biex jużaw is-servizz.

F’kull Stat Membru, il-persunal tal-EURES li jimmaniġġja l-każijiet ikollu aċċess sħiħ għall-portal tal-EURES, inkluż għal postijiet battala tax-xogħol u għal CVs, wara l-validazzjoni tal-NCO. Dan jirċievi wkoll informazzjoni u dokumenti ta’ gwida dwar l-immaniġġjar tal-proċeduri, b’enfasi speċifika fuq il-kwistjoni ta’ protezzjoni tad-data tas-CVs, li Stat Membru minnhom jirrapporta li ser ikunu inklużi fit-taħriġ tal-konsulenti tal-EURES.

3.5.3.Sfidi

Ma ġiet irrapportata ebda sfida speċifika mill-Istati Membri b’rabta ma’ dan is-sett ta’ rekwiżiti.

3.6. Skambju ta’ informazzjoni, programmazzjoni u kejl tal-prestazzjoni 

3.6.1.Rekwiżiti tar-Regolament

L-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-EURES dwar l-attivitajiet, l-istrateġiji u l-avvenimenti hu l-bażi tal-kooperazzjoni fi ħdan u bejn il-pajjiżi, u mal-Kummissjoni Ewropea. Il-koordinazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-EURES hi sostnuta minn skambji ta’ informazzjoni bejn il-persunal u l-korpi rilevanti fi ħdan kull Stat Membru u ftehimiet ta’ kooperazzjoni interna xierqa. Hemm fis-seħħ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni speċifiċi għal kull kuntest nazzjonali biex tinġabar u tiġi rapportata l-informazzjoni meħtieġa mir-Regolament lill-NCO.

3.6.2.Implementazzjoni

F’diversi Stati Membri, ġew żviluppati mudell jew għodda online biex il-partijiet kollha involuti jkunu jistgħu jissodisfaw id-dmirijiet ta’ rapportar tagħhom aktar faċilment. Ta’ min isemmi li l-isforzi ta’ koordinazzjoni wasslu għal intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-persunal tal-EURES u s-servizzi tal-impjegaturi tal-PES f’diversi Stati Membri. F’termini tal-koordinazzjoni rigward dak li twettaq għar-Regolament, ġew organizzati avvenimenti regolari u laqgħat konġunti mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-livell nazzjonali, inklużi fora tan-negozji u avvenimenti għall-impjegaturi. Biex jinġieb aktar għarfien espert fin-netwerk, f’ċerti Stati Membri s-sħab jiddaħħlu mill-PES, eż. permezz ta’ apprendistati u ta’ traineeships.

L-oqsma li fihom l-Istati Membri jwettqu sforzi biex jistabbilixxu skambji ta’ informazzjoni jestendu għal nuqqasijiet u għal eċċessi fis-swieq tax-xogħol nazzjonali u settorjali - u issa huma indirizzati minn 22 Stat Membru. Bħala riżultat ta’ dan il-ġbir ta’ data, ħafna mill-Istati Membri qed jikkontribwixxu għal analiżi konġunta tas-suq tax-xogħol għall-EURES, kif ukoll itejbu l-programmazzjoni tal-attivitajiet u l-kooperazzjoni mmirata bejn il-pajjiżi.

Il-prestazzjoni ġenerali tal-EURES titkejjel permezz tal-PMS, li għaliha l-ECO ħoloq għodda ta’ rapportar li hi maqsuma mal-NCOs kollha. Fid-dawl tar-rapportar diliġenti, diversi Stati Membri stabbilixxew il-proċeduri nazzjonali tagħhom stess għall-ġbir tad-data. Barra minn hekk, ir-Regolament jeħtieġ li l-NCOs jirrapportaw id-diskrepanzi bejn in-numru ta’ postijiet battala tax-xogħol trasferiti fil-portal tal-EURES u n-numru ta’ postijiet battala tax-xogħol disponibbli pubblikament għall-PES, kif ukoll għall-Membri u għas-Sħab, flimkien ma’ kwalunkwe differenza bejn in-numru ta’ postijiet battala tax-xogħol trasferiti fuq il-portal tal-EURES u n-numru totali ta’ postijiet battala tax-xogħol fil-livell nazzjonali. F’dan il-każ tal-aħħar, diversi pajjiżi jirrapportaw li m’għandhomx aċċess għal data dwar il-postijiet battala tax-xogħol f’livell nazzjonali, għaliex din ma tinġabarx.

B’rabta maċ-ċiklu ta’ programmazzjoni, it-titjib tal-eżerċizzju u tal-mudelli ta’ evalwazzjoni bejn il-pari li fihom l-Istati Membri jistgħu jaraw u jikkummentaw fuq il-programm ta’ ħidma ta’ xulxin għas-sena li jmiss hu mistenni li ser itejjeb ħafna l-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk.

3.6.3.Sfidi

L-Istati Membri jirrapportaw problemi fil-ġbir u fir-rapportar ta’ data kemm għall-PMS kif ukoll għaċ-ċiklu ta’ programmazzjoni, u jissuġġerixxu punti fejn jista’ jsir titjib. B’mod ġenerali, is-simplifikazzjoni tal-metodi ta’ ġbir tad-data kollha hi maħsuba li se tħaffef il-piż tar-rapportar għall-NCOs. Filwaqt li numru ta’ Stati Membri bħalissa ma jsib ebda diffikultà, oħrajn iqisu l-obbligi ta’ rapportar impenjattivi. Pereżempju, mhux l-Istati Membri kollha bħalissa għandhom aċċess għad-data meħtieġa biex jirrapportaw fuq kull indikatur tal-PMS. Hu maħsub li għodda ta’ rapportar online li tippermetti estrazzjonijiet awtomatizzati tad-data marbuta mas-sistema tal-PES tkun tillimita l-iżbalji li jseħħu permezz tar-rapportar manwali. Gwida ulterjuri dwar kif tuża u tqabbel id-diversi sorsi tad-data, bħall-Eurostat, id-data tal-PES, l-istatistiki nazzjonali, id-data estratta mis-sistemi tal-IT, u rapporti minn pajjiżi oħra, hi meħtieġa wkoll biex tittejjeb il-kwalità tar-rapportar tad-data.

Sfida importanti biex tinkiseb ħarsa sħiħa lejn il-prestazzjoni tal-EURES hi l-ġbir ta’ data dwar il-kollokamenti f’impjieg permezz tan-netwerk tal-EURES 38 . Sal-2017, in-numru ta’ kollokamenti kien jiġi rrapportat mill-konsulenti tal-EURES fuq bażi volontarja (madwar 50-60% tar-rapportar kollu). Barra minn hekk, il-konsulenti tal-EURES ma jiġux informati b’mod sistematiku dwar il-kollokamenti mill-persuni li qed ifittxu impjieg jew mill-impjegaturi.

4.Implimentazzjoni tar-Regolament mill-Kummissjoni Ewropea 

Din it-taqsima tipprovdi ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali tal-applikazzjoni fil-livell tal-UE tar-Regolament dwar il-EURES kif meħtieġ mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33 ta’ dak ir-Regolament, kif spjegat fil-qosor fil-lista ta’ kontroll tal-konformità ppreżentata hawn taħt.

4.6.1.Rekwiżiti tar-Regolament

Oqsma tal-attivitajiet tal-ECO

Status

It-twettiq ta’ attivitajiet ta’ appoġġ orizzontali għall-benefiċċju tan-netwerk tal-EURES

V

It-tħejjija għall-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-EURES

V

L-iffaċilitar tal-bini ta’ netwerks, tat-tagħlim reċiproku u tal-iskambju tal-aħjar prattiki (l-Artikolu 8)

V

Attivitajiet ta' informazzjoni u ta’ komunikazzjoni rigward in-netwerk tal-EURES (Artikoli 1 – 8)

ΔΔ 

Il-provvista ta’ programm ta’ taħriġ għall-membri/għas-sħab tal-EURES tal-NCOs (l-Artikolu 8)

V

Appoġġ għat-twessigħ tan-netwerk u tas-sistemi ta’ ammissjoni (Artikoli 3 – 7 – 11)

V

Ċiklu ta’ programmazzjoni u skambju ta’ informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol inkluża analiżi konġunta

V

L-iżvilupp u l-operar tal-Portal tal-EURES (inkluża funzjoni tal-helpdesk) u tal-pjattaforma tal-interoperabilità (inkluż għal apprendistati u għal traineeships)

Δ

Il-kejl tal-prestazzjoni u l-monitoraġġ tal-progress

V

Il-ġestjoni u d-djalogu fil-livell tal-UE

V

4.6.2.Implementazzjoni

L-ECO wettaq l-attivitajiet preparatorji u ta’ akkumpanjament kollha relatati mar-Regolament il-ġdid dwar il-EURES u pprovda gwida għall-implimentazzjoni lill-organizzazzjonijiet tal-EURES fil-livell nazzjonali, eż. f’termini ta’ taħriġ, ta’ avvenimenti ta’ tagħlim reċiproku, eċċ. Wettaq l-attivitajiet neċessarji kollha għall-istabbiliment tas-sistema l-ġdida għall-iskambju tad-data.

Jinsab fi triqtu li jkompli jtejjeb l-utilità u l-karatteristiċi tal-Extranet tal-EURES u jiddedika r-riżorsi biex jasal biex jiffaċilita n-netwerk permezz ta’ avvenimenti u ta’ sessjonijiet ta’ ħidma kif ukoll bl-iżvilupp ta’ għodod tal-komunikazzjoni tal-EURES.

F’termini tal-attivitajiet ta’ taħriġ tal-persunal, l-ECO nieda bis-sħiħ l-Akkademja tal-EURES tiegħu kif ukoll programmi ta’ taħriġ għal partijiet ikkonċernati esterni u ċentrali.

Għat-twaqqif taċ-ċiklu ta’ monitoraġġ tal-EURES, twettqet il-formalizzazzjoni tal-mudelli ta’ rapportar u tal-analiżijiet konġunti. F’dak ir-rigward, l-ECO għadu qed jaħdem fuq approċċ koerenti lejn informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol għall-fini tal-EURES. Il-PMS ġiet installata bis-sħiħ u se tipprovdi riżultati operazzjonali fis-sena ta’ rapportar 2018. It-tnedija tal-metodi ta’ evalwazzjoni u ta’ monitoraġġ tal-PMS għadha trid titlesta.

Finalment, l-ECO wettaq il-proġett tiegħu li jipprovdi helpdesk ċentralizzat fuq il-Portal tal-EURES.

4.6.3.Sfidi

Fir-rigward ta’ qafas fit-tul għat-tagħlim reċiproku u għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ ammissjoni tal-Membri u tas-Sħab tal-EURES, l-ECO jagħraf li dan għadu fil-proċess.

5.Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

5.1.Konklużjonijiet

Ir-riforma ambizzjuża tal-EURES stabbilita fir-Regolament dwar il-EURES, li daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Mejju 2016, waslet biex titlesta hekk kif l-iskadenza għall-implimentazzjoni għaddiet f’Mejju 2018. Il-proċess ta’ implimentazzjoni seħħ f’ambjent impenjattiv affettwat minn numru ta’ fatturi esterni bħal tibdiliet fl-appoġġ finazjarju disponibbli għall-attivitajiet nazzjonali u fir-rekwiżiti l-ġodda dwar il-protezzjoni tad-data. Minkejja dan, ħafna mill-obbligi, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll nazzjonali, ġew issodisfati jew jinsabu sew fi triqithom li jiġu ssodisfati. Il-lista li ġejja turi xi eżempji tal-kisbiet li saru fil-perjodu ta’ rapportar:

·Il-qafas legali sħiħ ġie implimentat bl-adozzjoni tas-sitt deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni skont ir-Regolament dwar il-EURES;

·L-Istati Membri kollha nnominaw NCO u ħatru PES bħala Membri tal-EURES;

·Il-EURES diġà qed jaġixxi bħala netwerk aktar dinamiku b’numru akbar ta’ atturi, ta’ attivitajiet u ta’ servizzi u permezz ta’ komunikazzjoni msaħħa, inkluż fuq il-midja soċjali;

·It-tranżizzjoni lejn sistema ġdida għall-iskambju tad-data għall-postijiet battala tax-xogħol u għas-CVs wara d-definizzjoni ta’ formats u ta’ standards ġodda qabdet il-pass sew;

·Il-EURES ħa r-rwol tiegħu bħala ċentru ta’ għarfien espert dwar il-mobilità fis-suq tax-xogħol u laboratorju għal proġetti innovattivi dwar il-mobilità (skemi mmirati tal-mobilità);

·Il-portal tal-EURES għadu għodda Ewropea effettiva għall-kollokament;

·Id-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-monitoraġġ u r-rapportar fir-Regolament huma implimentati u se jippermettu li jsir rapportar aktar komplut u konsistenti dwar l-attivitajiet tal-EURES, inkluż dwar il-kollokamenti fil-ġejjieni

Madankollu, għad hemm numru ta’ sfidi x’jiġu indirizzati kemm f’perspettiva ta’ terminu qasir kif ukoll fit-tul. Biex l-estensjoni tan-netwerk għal Membri u għal Sħab ġodda ssir realtà, l-Istati Membri kollha jridu jdaħħlu fis-seħħ sistemi ta’ ammissjoni effettivi u trasparenti u jaqsmu informazzjoni dwar l-organizzazzjonijiet ammessi fi ħdan in-netwerk. Is-sistema għall-iskambju ta’ postijiet battala tax-xogħol u ta’ CVs trid tiġi implimentata bis-sħiħ mill-Istati Membri kollha filwaqt li jiġi żgurat li l-postijiet battala tax-xogħol u s-CVs rilevanti kollha jintbagħtu fil-Portal tal-EURES b’mod puntwali u filwaqt li jkunu ssodisfati standards komuni dwar il-kwalità. F’perspettiva ta’ terminu itwal, ser ikun hemm bżonn ukoll li jiġu żgurati sinerġiji xierqa ma’ inizjattivi simili jew komplimentari bħall-Europass 2 u l-Portal Diġitali Uniku.

Dawn l-isfidi jiġu indirizzati flimkien mat-twaqqif tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA), proposta mill-Kummissjoni f'Marzu 2018 u li kien hemm qbil provviżorju dwarha kemm mill-Parlament Ewropew u kemm mill-Kunsill fi Frar 2019. Fit-terminu l-medju, l-attivitajiet ta’ koordinazzjoni tal-EURES fil-fatt se jkunu r-responsabilità tal-ELA li għandha tilħaq il-kapaċità sħiħa tagħha sal-2024. Dan jinkiseb billi l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni (ECO) tal-EURES jiġi ttrasferit formalment lill-ELA.

Taħt ir-responsabbiltà tal-ELA, l-ECO se jsaħħaħ ir-rwol tal-EURES fil-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ mobilità ġusta. Hekk jibbenefika minn struttura operazzjonali komprensiva ddedikata għall-mobilità tal-forza tax-xogħol fl-UE u minn għarfien espert speċjalizzat f’oqsma differenti li jista’ jipprovdi ideat dwar sfidi oħra li għandhom jiġu indirizzati, jew dwar approċċi u għodod għal politika innovattiva. Min-naħa tiegħu l-ECO jikkontribwixxi jgħin lill-Awtorità tiffunzjona permezz tal-għarfien espert, in-network u l-għodod tiegħu.

Dan it-trasferiment mhu se jkollu ebda impatt fuq kif jopera n-netwerk fost il-pubbliku ġenerali.

5.2.Rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri għall-perjodu ta’ rapportar li jmiss

It-tħassib prijoritarju kurrenti tal-Istati Membri għall-perjodu ta’ rapportar li jmiss jinkludi l-iskemi ta’ finanzjament, id-djalogu u l-kooperazzjoni, l-attivitajiet diġitali, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-metodi ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni.

Għall-funzjonament tan-netwerk tal-EURES u għar-riforma kif imnedija fl-2016, hu ta’ importanza kbira li l-Istati Membri jipprovdu r-riżorsi umani u tal-ICT neċessarji kollha lill-NCOs biex iwettqu dmirijiethom, kif ukoll li l-NCOs kollha jikkonformaw mal-perjodi ta’ traspożizzjoni u ta’ implimentazzjoni stipulati mir-Regolament filwaqt li jissodisfaw id-dati maqbula dwar is-sottomissjoni tal-eżerċizzji ta’ rapportar, ta’ monitoraġġ u ta’ eżerċizzji komuni oħra tan-netwerk.

Rieżami u integrazzjoni aħjar tal-iskemi tal-mobilità relatati mal-EURES mill-Istati Membri, kemm f'termini tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament kif ukoll tal-programmazzjoni u tar-rapportar konġunt, ikunu ta’ benefiċċju għan-netwerk sħiħ tal-EURES u jtejbu l-perċezzjoni tal-persunal tal-EURES li jwettaq kompiti amministrattivi. Barra minn hekk, l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet u tal-eċċessi ta’ ħaddiema f’pajjiżi membri oħra tal-EURES hi mod importanti kif jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ reklutaġġ konġunti fi ħdan in-netwerk. It-titjib hu possibbli permezz tas-simplifikazzjoni tal-attivitajiet u permezz tal-kooperazzjoni msaħħa bejn il-pajjiżi b’nuqqasijiet u b’eċċessi komplimentari ta’ ħaddiema.

Ċerti NCOs indikaw li huma, skont l-arranġamenti kurrenti, ma jistgħux jiggarantixxu bis-sħiħ il-kwalità tas-CVs u tal-postijiet battala tax-xogħol li huma trażmessi minn Membri u minn Sħab ġodda tal-EURES. Għaldaqstant, l-NCOs għandhom jadattaw is-sistemi tal-IT nazzjonali tagħhom aktar malajr u jaqblu fuq ċerti standards tal-kwalità biex itejbu t-trasferiment tad-data fid-dawl tar-rekwiżiti kollha tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. L-Istati Membri għandhom jisfruttaw ukoll il-potenzjal sħiħ tad-data relatata mal-EURES biex itejbu u jikkomplimentaw is-servizzi nazzjonali tagħhom, eż. permezz ta’ użu aktar estensiv tal-APIs tal-EURES.

It-twessigħ tan-netwerk tal-EURES irid jitrawwem mill-NCOs li jadottaw sistemi ta’ ammissjoni xierqa u li jistabbilixxu kodiċi komuni tal-kondotta biex iżidu l-ispettru kurrenti tal-Membri u tas-Sħab tal-EURES. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom isaħħu l-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-EURES (eż. ma’ NCOs oħra, ma’ CBPs, ma’ skemi mmirati tal-mobilità) u jkompli jikkomunikaw ma’ spettru wiesa’ ta’ partijiet ikkonċernati tal-EURES bħas-sħab soċjali, il-fornituri tat-taħriġ u tal-edukazzjoni, u netwerks oħra tal-UE ta’ informazzjoni u tas-servizzi.

L-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu użu sħiħ minn għodod u minn linji gwida dwar ir-relazzjonijiet u l-komunikazzjoni mal-pubbliku pprovduti mil-livell Ewropew u biex jintegraw l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni interna u esterna tagħhom dwar il-EURES.

5.3.L-azzjonijiet li għandhom jitmexxew ’il quddiem mill-Kummissjoni Ewropea 

It-tnedija sħiħa u l-analiżi sussegwenti tas-Sistema ta’ Kejl tal-Prestazzjoni u l-iżvilupp ta’ karatteristiċi avvanzati ulterjuri fuq il-Portal tal-EURES ser ikunu oqsma importanti ta’ azzjoni għall-ECO matul il-perjodu ta’ rapportar li jmiss. L-ECO għandu jkompli jipprovdi gwida u pariri lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tar-Regolament u jiddiskuti l-mezzi li bihom jistgħu jinstabu soluzzjonijiet għas-sitwazzjonijiet speċifiċi jew għall-arranġamenti amministrattivi tal-Istati Membri. Dan jista’ jinvolvi l-provvista ta’ verżjonijiet aktar faċli għall-utenti tal-Extranet tal-EURES u tal-mudelli ta’ rapportar. Dawn tal-aħħar jistgħu pereżempju jinkludu entrati predefiniti u taqsimiet b’listi li jinżlu bbażati fuq indikaturi tal-PMS. Dan ikun jiżgura konsistenza u jnaqqas il-piż amministrattiv għall-NCOs, filwaqt li jiffaċilita l-estrazzjoni u l-analiżi tad-data.

L-allinjament tas-sistemi ta’ ammissjoni u l-provvista ta’ materjal ta’ gwida għandhom jinżammu bħala prijorità għall-ECO matul il-perjodu ta’ rapportar li jmiss. L-NCOs jisħqu fuq l-apprezzament tagħhom tal-kooperazzjoni mal-ECO, speċjalment fl-abbozzar ta’ dokumenti komuni u f’avvenimenti ta’ tagħlim reċiproku u jappellaw biex dawn il-prattiki tajbin jitkomplew. Madankollu, l-ECO hu mistenni jipprovdi aktar appoġġ lill-NCOs fl-ippopolarizzar tal-isem EURES fost il-persuni li qed ifittxu impjieg u l-impjegaturi f’livell nazzjonali. Dan jista’ jinkiseb bl-istabbiliment mill-ġdid tal-grupp ta’ ħidma dwar l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni għall-NCOs biex jiskambjaw l-aħjar prattiki. Punt ieħor tal-iżvilupp hu s-sinerġiji u t-tnaqqis tat-trikkib ma’ inizjattivi oħra tal-Kummissjoni u ma’ netwerks tal-UE f’oqsma relatati, b’mod partikolari l-EUROPASS2 u l-Portal Diġitali Uniku.  

L-integrazzjoni ta’ attivitajiet transfruntiera u ta’ informazzjoni sistematika dwar l-attivitajiet fil-qafas tas-CBPs tkun utli għall-iskambju tal-aħjar prattiki u għall-analiżijiet tas-suq tax-xogħol f’reġjuni fil-fruntieri. B’mod ġenerali, għad hemm nuqqas ta’ skambju sistematiku ta’ informazzjoni fuq diversi aspetti tal-operazzjonijiet tas-CBP, li qed jiġi indirizzat permezz tal-iżvilupp tal-iskedi informattivi tas-CBP. Linji gwida dwar kif l-aħjar li s-CBPs jiġu inklużi fin-netwerk tal-EURES u fil-PMS ikunu jsaħħu b’mod sinifikanti l-kwalità tal-monitoraġġ u tal-iskambji tad-data.



Anness – Illustrazzjonijiet rilevanti

Illustrazzjoni 1 – In-numru ta’ konsulenti tal-EURES għal kull 100,000 resident b’età tax-xogħol (20-64) fl-2017

Sors: Portal tal-EURES – Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku 2017

Illustrazzjoni 2 – In-numru ta’ konsulenti tal-EURES u ta’ persunal simili fil-livell tal-UE fl-2017

Sors: ECO – Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku 2017



Tabella 1 – Persuni li qed ifittxu impjieg reġistrati fuq il-portal tal-EURES

Pajjiż ta’ residenza tal-EURES

Persuni li qed ifittxu impjieg awtoreġistrati fuq il-portal tal-EURES (l-ewwel semestru 2018)

AT

2,937*

BE

6,628

BG

8,028

CY

1,372*

CZ

3,958*

DE

12,453

DK

1,491*

EE

1,549*

EL

1,342

ES

60,846

FI

5,257

FR

17,510

HR

14,858

HU

6,776

IE

2,043*

IS

401*

IT

71,476

LI

4*

LT

2,688*

LU

703*

LV

1,649*

MT

685*

NL

4,750

LE

2,113*

PL

14,663

PT

17,250

RO

17,159

SE

3,959*

SI

4,156*

SK

1,279*

UK

8,532

Sors: Rapport tas-Sistema ta’ Kejl tal-Prestazzjoni tal-EURES, l-ewwel semestru 2018 u l-portal tal-EURES (jekk segwit b’*) 

Illustrazzjoni 3 – Il-pajjiżi li jibagħtu l-aktar (b’ammont ta’ flussi ’l barra jew ta’ ċittadini li jisboq il-50,000) u tibdiliet meta mqabbla mal-2014

Pajjiż ta' residenza

Fluss ’il barra ta’ ċittadini

(il-pajjiżi li jibagħtu l-aktar)

RO

157 (+11%)

PL

123 (-16%)

UK

105 (-9%)

DE

79 (-6%)

IT

75 (+14%)

ES

69 (+19%)

Sors: Rapport Annwali tal-2017 dwar il-Mobilità tal-Forza tax-Xogħol fi ħdan l-UE

Illustrazzjoni 4 – Kompożizzjoni tal-mobilità intra-UE skont it-tipi differenti, ċittadini tal-UE-28 fl-UE-28, 2016

Tip ta’ mobilità

Firxa

Ċittadini li biddlu l-pajjiż għal żmien twil fl-UE-28 b’età tax-xogħol (20-64 sena) li jgħixu fl-UE-28 (figuri dwar id-demografija tal-Eurostat)

11.8 miljun

(bħala sehem mill-popolazzjoni totali bl-età tax-xogħol fl-UE-28 39 )

3.9%

Iċ-ċittadini tal-UE-28 li biddlu l-pajjiż u li għandhom età tax-xogħol fl-UE-28** (figuri tal-UE-LFS)

11-il miljun

…li minnhom huma ċittadini attivi tal-UE-28 li biddlu l-pajjiż (impjegati jew qed ifittxu xogħol)

9.1 miljun

(bħala sehem mill-forza tax-xogħol totali fl-UE-28)

4%

Ħaddiema transfruntiera (20-64 sena)

1.4 miljun

(bħala sehem mit-total ta’ persuni impjegati fl-UE-28)

0.6%

Numru ta’ stazzjonamenti 40 (ta’ impjegati u ta’ ħaddiema għal rashom), (nru ta’ PDs A1)

2.3 miljun

Mobilità annwali ta’ ritorn (20-64 sena) (2015)

614,453

(bħala sehem miċ-ċittadini tal-EU-28 li telqu mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom fl-2014

55%

Sors: Rapport Annwali tal-2017 dwar il-Mobilità tal-Forza tax-Xogħol fi ħdan l-UE

Illustrazzjoni 5 – L-impjieg ta’ ċittadini tal-UE-28 li dan l-aħħar biddlu l-pajjiż u ta’ ċittadini skont is-settur, livell aggregat tal-UE-28, 2016

Sors: Rapport Annwali tal-2017 dwar il-Mobilità tal-Forza tax-Xogħol fi ħdan l-UE; UE-LFS 2016, Kalkolu tal-milieu



Illustrazzjoni 6 – Status fir-rigward tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri għall-iskambju ta’ postijiet battala tax-xogħol (Ġunju 2018)



Illustrazzjoni 7 – Status fir-rigward tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri għall-iskambju ta’ CVs (Ġunju 2018)

(1) Nota: It-termini “ħaddiema” u “impjegati” jintużaw bħala sinonimi f’dan ir-rapport. Barra minn hekk, “[il-]Qorti tal-Ġustizzja saħqet li l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema li tinsab fl-Artikolu 45 TFUE timplika wkoll ċerti drittijiet għal ċittadini ta’ Stati Membri li jimirħu fi ħdan l-Unjoni għall-finijiet ta’ tfittxija ta’ impjieg. Il-kunċett ta’ “ħaddiem” għandu għalhekk, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jinftiehem li jkopri persuni li qed ifittxu xogħol, irrispettivament minn jekk humiex attwalment f’relazzjoni ta’ impjieg.” (Ir-Regolament (UE) 2016/589, il-Premessa 7).
(2) L-objettivi tan-Netwerk tal-EURES huma stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/589.
(3) Il-Portal tal-EURES, disponibbli fuq:  
(4) F’dan ir-rapport, “membri tal-persunal tal-EURES” tfisser persunal involut b’mod dirett jew indirett fil-provvista ta’ servizzi u ta’ attivitajiet oħra tan-netwerk tal-EURES skont ir-Regolament (UE) 2016/589 u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/569/KEE tat-22 ta’ Ottubru 1993 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 dwar il-moviment liberu għall-ħaddiema fil-Komunità f’dak li għandu x’jaqsam, b’mod partikulari, man-network intitolata Eures (Servizzi tax-Xogħol Ewropej).
(6) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1255 tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar mudell għad-deskrizzjoni tas-sistemi u l-proċeduri nazzjonali biex idaħħlu organizzazzjonijiet bħala Membri u Sħab tal-EURES. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1256 tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar il-mudelli u l-proċeduri għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-programmi ta’ ħidma nazzjonali tan-netwerk EURES fil-livell tal-Unjoni.Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1257 tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar l-istandards u l-formati tekniċi meħtieġa għal sistema uniformi li tippermetti t-tqabbil ta' postijiet tax-xogħol battala ma' applikazzjonijiet għax-xogħol u CVs fuq il-portal EURES.Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/170 tat-2 ta’ Frar 2018 dwar l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati uniformi għall-ġbir u għall-analiżi tad-dejta sabiex jiġi mmonitorjat u evalwat il-funzjonament tan-netwerk tal-EURES. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1020 tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar l-adozzjoni u l-aġġornament tal-lista ta’ ħiliet, kompetenzi u okkupazzjonijiet tal-klassifikazzjoni Ewropea għall-fini tat-tlaqqigħ awtomatizzat permezz tal-pjattaforma komuni tal-IT tal-EURES. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1021 tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar l-adozzjoni ta’ standards u formati tekniċi meħtieġa għall-operazzjoni tat-tlaqqigħ awtomatizzat permezz tal-pjattaforma komuni tal-IT bl-użu tal-klassifikazzjoni Ewropea u l-interoperabbiltà bejn is-sistemi nazzjonali u l-klassifikazzjoni Ewropea.
(7) L-Istati Membri jistgħu jeskludu offerti tax-xogħol “li minħabba n-natura tagħhom jew ir-regoli nazzjonali, huma miftuħa biss għaċ-ċittadini ta' pajjiż speċifiku”, “relatati ma' kategoriji ta' apprendistati u traineeships li, peress li jkun fihom aspett ta' tagħlim, huma parti mis-sistemi edukattivi nazzjonali jew li huma ffinanzjati b'mod pubbliku, bħala parti mill-politiki attivi tal-Istat Membru favur is-suq tax-xogħol” u “postijiet tax-xogħol battala oħra, bħala parti mill-politiki attivi ta' Stat Membru favur is-suq tax-xogħol”, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/589.
(8)  Data mit-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku tal-EURES, 2017: http://ec.europa.eu/internal_market/scoreboard/_docs/2018/eures/2018-scoreboard-eures_en.pdf .
(9) Sal-2017, in-numru ta’ kollokamenti kien jiġi rrapportat mill-konsulenti tal-ERES fuq bażi volontarja (madwar 50-60% tar-rapportar kollu) u l-konsulenti tal-EURES mhumiex informati b’mod sistematiku dwar kollokamenti minn persuni li qed ifittxu impjieg jew minn impjegaturi.
(10) Iċ-Ċiklu ta’ Programmazzjoni tal-EURES, Valutazzjoni tar-Rapporti Nazzjonali tal-Attività tal-2016 u tal-2017.
(11) Kif stabbilit fl-Artikolu 3(7) tar-Regolament (UE) Nru 2016/589.
(12) Id-data u r-rapporti ta’ monitoraġġ huma disponibbli biss għas-sħubijiet transfruntiera li jirċievu finanzjament skont l-Assi tal-EURES tal-EASI. Bħala indikazzjoni 11-il CBP għamlu dan b’suċċess fil-perjodu tal-baġit tal-2014 tal-UE (VP/2014/011), 12 fil-perjodu tal-baġit tal-2015 tal-UE (VP/2015/008), 10 fil-perjodu tal-baġit tal-2016 tal-UE (sejħa għal proposti VP/2016/005), u 9 fil-perjodu tal-baġit tal-2017 tal-UE (VP/2017/006).
(13) Il-Kummissjoni Ewropea, Sħubijiet Transfruntiera tal-EURES, L-Ewwel Rapport ta’ Monitoraġġ (2016) u t-Tieni Rapport ta’ Monitoraġġ (2017).
(14) Rapport tal-Attività Nazzjonali Italja 2016.
(15) Il-Kunsill Ewropew, Konklużjonijiet, it-28-29 ta’ Ġunju 2012. Disponibbli fuq: http://europa.eu/rapid/press-release_DOC-12-8_en.htm .
(16) Kif imkejla fuq il-portal tal-EURES fit-23 ta’ Awwissu 2018.
(17) Idem.
(18) Il-Kummissjoni Ewropea, L-Ewwel Impjieg EURES Tiegħek, Skemi Mmirati tal-Mobilità, Il-5 Rapport ta’ Monitoraġġ tal-Progress, Lulju – Diċembru 2017, ippubblikat f’Lulju 2018.
(19) Il-Kummissjoni Ewropea, L-Ewwel Impjieg EURES Tiegħek, Skemi Mmirati tal-Mobilità, Ir-4 Rapport ta’ Monitoraġġ tal-Progress, Jannar – Ġunju 2017, ippubblikat f’Diċembru 2017.
(20) Il-Kummissjoni Ewropea, L-Ewwel Impjieg EURES Tiegħek, Skemi Mmirati tal-Mobilità, Il-5 Rapport ta’ Monitoraġġ tal-Progress, Lulju – Diċembru 2017, ippubblikat f’Lulju 2018.
(21) Il-Kummissjoni Ewropea, Rapport ta’ Monitoraġġ tal-Progress ta’ Reactivate, Frar 2018 (Abbozz).
(22) Informazzjoni pprovduta fuq il-Portal tal-EURES: https://ec.europa.eu/eures/public/mt/your-first-eures-job-emp (aċċessat fit-2 ta’ Awwissu 2018).
(23) It-terminu “konsulent tal-EURES” għadu jintuża b’mod frekwenti fin-netwerk tal-EURES, għad li m’għadux terminu rikonoxxut b’mod uffiċjali wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2016/589, li jirreferi biss għall-“persunal tal-EURES” bħala r-riżorsi umani involuti fil-EURES.
(24) Għad-dettalji, ara l-Anness: Illustrazzjoni 2 – In-numru ta’ konsulenti tal-EURES u ta’ persunal simili fil-livell tal-UE fl-2017
(25) Ir-Regolament (UE) 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil tal-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006, il-Premessa 5 u l-Artikolu 3(a)(i).
(26) Ir-Regolament (UE) 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (“EaSI”) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, l-Artikolu 20(b).
(27)   https://www.pzc.nl/zeeuws-vlaanderen/grensarbeiders-sneller-te-vinden-via-app~ae498da1/  
(28)   https://jeunes.leforem.be/
(29) Biex tingħata ħarsa ġenerali aħjar lejn il-kanali tal-midja soċjali nazzjonali tal-EURES u tal-ilħiq tagħhom, ta’ kull sena l-ECO jagħmel eżerċizzju ta’ mmappjar tal-kanali tal-midja soċjali tal-EURES.
(30) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/170 tat-2 ta’ Frar 2018 dwar l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati uniformi għall-ġbir u għall-analiżi tad-dejta sabiex jiġi mmonitorjat u evalwat il-funzjonament tan-netwerk tal-EURES.
(31) Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku 2017 http://ec.europa.eu/internal_market/scoreboard/performance_by_governance_tool/eures/index_en.htm (aċċessat it-2 ta’ Awwissu 2018). L-ECO jirrapporta li “fl-2017, b’kollox 696 parteċipant ħadu sehem f’taħriġ fuq il-post, 480 f’taħriġ online u 132 fil-Fażi ta’ Konsolidazzjoni, li koprew 30 pajjiż; fl-ewwel nofs tal-2018, 360 parteċipant minn 27 pajjiż Membru tal-EURES ġew skedati taħriġ fil-klassi. Il-kwalità tal-offerta ta’ taħriġ hi ssorveljata permezz tal-feedback mingħand il-klijenti. Fl-2017, dan xeħet dawl fuq il-fatt li l-maġġoranza tal-parteċipanti sabet li l-korsijiet kienu siewja u organizzati sew u li l-kontenut kien applikabbli.”
(32) Ir-rapporti annwali dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol intra-UE 2016 u 2017 huma disponibbli mill-EU Bookshop.
(33) Ir-rapport “Labour shortages and surpluses 2017” hu disponibbli mill-EU Bookshop.
(34)      It-tabella mhix eżawrjenti peress li ċerti pariti tal-baġit mhumiex inklużi, bħall-appoġġ lill-pajjiżi taż-ŻEE u lis-sħab soċjali (skont is-sejħa għal proposti) u t-tariffi tal-ospitar għall-portal.
(35) Ir-Regolament 2016/589, l-Anness I: Kriterji minimi komuni.
(36) Għadu ma ġiex adottat att ta’ implimentazzjoni li jirreferi għall-Art. 11(8) b’mudell għad-deskrizzjoni tas-sistema u tal-proċeduri nazzjonali għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri.
(37) Għal dettalji dwar l-istatus tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri individwali, ara l-illustrazzjonijiet 6 u 7 tal-Anness.
(38) Dan il-punt ħareġ ukoll fir-Rapport Speċjali Nru 6 (2018) tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, aċċessibbli fuq: http://publications.europa.eu/webpub/eca/special-reports/eu-labour-mobility-6-2018/mt/ .
(39)

Il-popolazzjoni totali bl-età tax-xogħol fl-UE-28 fl-2016 kienet ta’ 305,883,690.

(40) In-numru jindika n-numru totali ta’ PDs A1 maħruġa mill-Istati Membri tal-UE-28 b’riferiment għar-Regolament 883/2004. Il-PDs A1 jinħarġu għal persuni assigurati fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru tal-impjieg (temporanju). In-numru ta’ PDs A1 mhux bilfors ikun daqs in-numru ta’ ħaddiema kollokati. In-numru totali ta’ PDs A1 fl-2016 kien ta’ madwar żewġ miljuni, li jinkludu 1.6 miljuni skont l-Artikolu 12 (dwar l-istazzjonar ta’ impjegati u ta’ ħaddiema għal rashom) kif ukoll il-persuni attivi f’żewġ Stati Membri jew aktar skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004) (620,185 PD A1) u għal kategoriji oħra (44,538 PD A1). Kun af li jeżistu differenzi fid-definizzjoni ta’ “stazzjonar” bejn ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament 96/71/KE (Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema).