Brussell, 15.3.2019

COM(2019) 136 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali: progress rigward il-bini ta' suq uniku għall-kapital għal Unjoni Ekonomika u Monetarja b’saħħitha

{SWD(2019) 99 final}


1.Introduzzjoni

Il-bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali kienet prijorità ewlenija għall-Kummissjoni Juncker. Kważi ħames snin wara, ma hemmx dubju dwar il-ħtieġa għal swieq tal-kapital aktar integrati u aktar profondi. F’Diċembru 2018, il-mexxejja tal-UE talbu għal progress ambizzjuż fir-rigward tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali sar-rebbiegħa 2019, kif deskritt fir-rapport tal-Grupp tal-Euro lill-mexxejja. Il-Bank Ċentrali Ewropew saħaq ukoll kemm-il darba l-ħtieġa li jsiru avvanzi fir-rigward tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali 1 .

Fil-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa tal-21-22 ta’ Marzu, il-mexxejja tal-UE se jiddiskutu l-iżviluppi ulterjuri tas-Suq Uniku, inkluża l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-politika industrijali u l-politika diġitali Ewropea bi tħejjija għall-Aġenda Strateġika li jmiss ta’ oqsma ta’ prijorità għal azzjoni u konċentrazzjoni fuq terminu itwal mill-UE.

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija meħtieġa biex tikkomplementa l-Unjoni Bankarja u biex issaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u r-rwol internazzjonali tal-euro 2 . Integrazzjoni aktar profonda tas-swieq tal-kapital, flimkien ma’ sistemi bankarji aktar integrati, jistgħu jgħinu biex jinżammu l-flussi tal-kapital transfruntiera u jkun sostnut l-investiment fl-Istati Membri li jkunu qed isofru xokkijiet makroekonomiċi assimmetriċi kbar. Dawn il-mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni tar-riskju privat għandhom rwol partikolarment importanti biex itaffu x-xokkijiet speċifiċi għall-pajjiżi fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja u jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-riskju fis-settur finanzjarju. Pereżempju, regoli ġodda se jagħtu spinta lill-kapaċità tad-ditti ta’ investiment tal-UE li jgħinu lill-kumpaniji jisfruttaw is-swieq kapitali, jwettqu ġestjoni tal-assi u jipprovdu likwidità fis-suq, u b’hekk jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tar-riskju u l-investimenti fl-UE.

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija wkoll proġett importanti tas-Suq Uniku. Se żżid l-aċċess tad-ditti u taċ-ċittadini għas-swieq tal-kapital, speċjalment f’pajjiż ta’ daqs iżgħar, billi toħloq rabtiet bejn l-ekosistemi tas-suq tal-kapital lokali tagħhom u ġabriet ta’ kapital aktar profondi fl-UE kollha. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali, billi tiddiversifika s-sorsi ta’ finanzjament għan-negozji tal-UE tista’ tappoġġja l-investiment fl-innovazzjoni u fl-iżviluppi teknoloġiċi, u b’hekk tippromovi l-kompetittività globali tal-UE.

Pereżempju, bis-saħħa ta’ regoli ġodda dwar il-prospetti u dwar is-Swieq tat-Tkabbir tal-SMEs, il-kumpaniji se jkunu jistgħu jitolbu għal aktar finanzjament mill-UE kollha, inkluż permezz ta’ kwotazzjonijiet fil-Borża ta’ Stat Membru ieħor. Approċċ ġdid għar-ristrutturar preventiv se jgħin lill-kumpaniji vijabbli biex jirristrutturaw minn qabel u jevitaw l-insolvenza, u se jagħti t-tieni opportunità lill-imprendituri onesti biex jibdew negozju ġdid minflok ma jiġu ppenalizzati minħabba l-falliment tan-negozju tagħhom mal-ewwel tentattiv. Għaċ-ċittadini, il-prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew il-ġdid u l-miżuri biex jittejjeb is-suq tal-fondi ta’ investiment tal-UE se jipprovdu opportunitajiet ġodda ta’ tfaddil u ta’ investimenti. Għas-swieq lokali, ir-regoli l-ġodda dwar il-bonds koperti se jagħtu sors ta’ finanzjament stabbli u kosteffettiv lill-banek.

Unjoni tas-Swieq Kapitali żviluppata sew fl-UE hija importanti wkoll mill-perspettiva tas-swieq tal-kapital globali u żżid ulterjorment l-attraenza tal-UE bħala destinazzjoni għall-investimenti barranin. Dan jikkomplimenta l-aġenda tal-UE għal kummerċ liberu u ġust. Ir-reġim ta’ ekwivalenza tal-UE joffri aċċess għall-operaturi tal-pajjiżi terzi għas-swieq tal-UE f’ċerti oqsma, soġġett għal standards regolatorji u superviżorji ekwivalenti fil-pajjiż terz ikkonċernat. Fl-istess waqt, wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali se jkollha bżonn tiżviluppa ulterjorment il-funzjonijiet kritiċi tagħha għall-forniment tas-servizzi tas-swieq tal-kapital u għas-superviżjoni tagħhom billi ssostni l-likwidità u tevita l-frammentazzjoni reġjonali. Pereżempju, regoli ġodda għall-kontropartijiet ċentrali se jaċċertaw superviżjoni aktar konsistenti u robusta tal-kontropartijiet ċentrali fl-UE u fil-pajjiżi terzi. In-negozji, l-investituri u l-konsumaturi Ewropej se jibbenefikaw ukoll minn swieq finanzjarji aktar b’saħħithom u aktar integrati, bis-saħħa tar-riforma tal-arkitettura superviżorja tal-UE. Qafas tal-ogħla livell kontra l-ħasil tal-flus se jissalvagwardja l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-UE. Aktar ’il quddiem, se jkun hemm bżonn li jittieħdu passi ulterjuri sabiex ikun aċċertat li l-infrastruttura tas-swieq tlaħħaq mal-volumi ta’ tranżazzjonijiet li qed jiżdiedu, l-informazzjoni tkun aċċessibbli u paragunabbli, id-drittijiet tal-investituri jitħarsu u jkunu armonizzati biżżejjed u li ma jkunx hemm arbitraġġ regolatorju jew tqaċċit f’termini ta’ standards superviżorji.

Is-swieq tal-kapital iridu jittrasformaw ruħhom sabiex tkun żgurata tranżizzjoni kif suppost f’konformità mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima u tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU. L-Ewropa tinsab fuq quddiem f'dak li għandu x’jaqsam ma’ sforzi internazzjonali biex dawn l-impenji jitwettqu. L-UE se tkun qed tiddekarbonizza f'qasir żmien l-ekonomija bl-għan li tikseb newtrali f’termini ta’ impatt fuq il-klima fl-2050 3 u r-reżiljenza għall-avvenimenti aktar severi b’rabta mal-klima se ssir dejjem aktar urġenti 4 . Il-miżuri stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli 5 se jgħinu biex il-flussi tal-kapital privat u pubbliku jiġu orjentati mill-ġdid lejn investimenti aktar sostenibbli, inkluż permezz ta’ regoli ġodda li se jippermettu lill-investituri jagħmlu deċiżjonijiet infurmati aħjar dwar is-sostenibbiltà tal-investimenti tagħhom. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni fl-2019.

Fid-dinja diġitali tal-lum, biex inħejju l-ekonomiji tagħna għall-ġejjieni rridu naħsdu l-benefiċċji tat-teknoloġija finanzjarja filwaqt li nissalvagwardjaw il-protezzjoni tal-konsumatur, kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-FinTech 6 . Is-settur finanzjarju diġà qed jinbidel minħabba teknoloġiji ġodda, bħall-intelliġenza artifiċjali, il-big data jew in-netwerks tal-blockchain. Il-FinTech tista’ ssawwar interkonnessjonijiet bejn is-swieq pan-Ewropej u s-sistemi lokali b’mod aktar effiċjenti u kosteffettiv. Tista’ wkoll tqanqal l-innovazzjoni fl-UE u l-kompetittività internazzjonali tas-swieq tal-kapitali tal-UE.

B’mod kumplessiv, is-swieq tal-kapital tal-Ewropa komplew jiżviluppaw matul dawn l-aħħar 5 snin. Il-kapitalizzazzjoni tas-suq totali tal-kumpaniji kkwotati fl-UE issa tinsab fil-livelli ta’ qabel il-kriżi u l-proporzjon ta’ offerti pubbliċi inizjali tal-UE fis-suq globali għadu dak ta’ madwar 30 %. L-ekwità kkwotata maħruġa minn kumpaniji mhux finanzjarji telgħet minn 36 % tal-prodott domestiku gross tal-UE fl-2014 għal 41 % fl-2018. It-titoli ta’ dejn kellhom tkabbir minn 8 % għal 10 %. Id-distribuzzjoni transfruntiera ta’ fondi ta’ investiment bit-tikketta tal-UE wkoll kellha tkabbir kontinwu. Dawn ix-xejriet huma sinjali pożittivi għall-iżvilupp ulterjuri tas-swieq tal-kapital tal-Ewropa.

Sors:    L-Istitut dwar is-Swieq Kapitali Ewropej, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Federal Reserve u kalkolazzjonijiet proprji

Noti:    Filwaqt li s-swieq tal-UE u tal-Istati Uniti mhumiex għalkollox paragonabbli, l-illustrazzjoni turi li s-swieq kapitali fl-EU-28 jirrappreżentaw madwar 160 % tal-PDG tal-Unjoni filwaqt li dawn jirrappreżentaw 300 % tal-PDG tal-Istati Uniti; Kapitalizzazzjoni tas-swieq tal-istokks u bonds maħruġa mill-korporazzjonijiet finanzjarji u mhux finanzjarji; il-medja tal-akbar ħamest iswieq tal-Unjoni Ewropea nkisbet bħala medja ponderata vis-à-vis il-PDG għan-Netherlands, l-Iżvezja, l-Irlanda, id-Danimarka u l-Lussemburgu b’ponderazzjonijiet ta’ 41 %, 25 %, 17 %, 15 % u 2 %, rispettivament.

Mil-lum, il-Kummissjoni wettqet dak li ħadet impenn dwaru. Ipproponiet is-sisien bażiċi tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali li tissejjes fuq tliet dimensjonijiet li jirrinforzaw lil xulxin: is-Suq Uniku tal-UE, regoli ċari u proporzjonati u superviżjoni effiċjenti. Madankollu, l-involviment attiv tal-Istati Membri kif ukoll tal-partijiet ikkonċernati nazzjonali u fil-livell tal-UE għadu kruċjali biex Unjoni tas-Swieq Kapitali tirnexxi. Il-miżuri u r-riformi nazzjonali huma essenzjali biex isaħħu s-swieq tal-kapital u l-kumpaniji, il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-investituri għandhom jużaw dawn l-opportunitajiet ġodda bl-aktar mod sħiħ. Pereżempju, ir-reġimi tat-taxxa nazzjonali u l-effiċjenza u d-durata tal-proċeduri ta’ insolvenza għandhom impatt ċar fuq il-flussi tal-kapital u l-investimenti transfruntiera. Fis-Semestru Ewropew dawn il-kwistjonijiet jiġu rieżaminati fir-rapporti dwar il-pajjiżi u diversi Stati Membri rċevew pariri jew rakkomandazzjonijiet formali speċifiċi għall-pajjiż mingħand il-Kunsill, li jindirizzaw kwistjonijiet bħad-distorsjoni fl-intaxxar tad-dejn u tal-ekwità u l-proċeduri ta’ insolvenza.

2.Progress miksub taħt dan il-mandat

Il-Kummissjoni fasslet il-proposti leġiżlattivi kollha stabbiliti fir-Rieżami ta’ nofs it-terminu u fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali sabiex timplimenta l-pedamenti ewlenin tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali 7 . Apparti l-proposti ppreżentati hawn taħt, il-Kummissjoni adottat proposti komplementari oħra rilevanti għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Dawn jinkludu l-proposti dwar Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva (BKTK) 8 u Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK), li se jiġu implimentati permezz ta’ proċedura b’żewġ stadji, u l-proposta dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali. Barra minn hekk, fi Frar 2019, il-koleġiżlaturi qablu dwar riforma mmirata tar-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR – European Market Infrastructure Regulation) sabiex ikun hemm regoli aktar sempliċi u aktar proporzjonati għad-derivattivi barra l-Borża (OTC – over-the-counter).

F’Novembru 2018, il-Kummissjoni stiednet lill-koleġiżlaturi biex ilestu l-pedamenti ewlenin tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju 2019. Il-Kummissjoni tilqa’ l-impenn politiku tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li wassal għal ftehim politiku dwar 10 proposti.

Madankollu, ir-riforma regolatorja hija biss parti waħda mill-bidla meħtieġa. Kien għal din ir-raġuni li, minbarra l-programm leġiżlattiv, ir-Rieżami ta’ nofs it-terminu u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali kienu jinkludu għadd ta’ miżuri mhux leġiżlattivi, li twettqu mill-Kummissjoni 9 . Dawn il-miżuri huma importanti fihom infushom biex jagħtu spinta lill-fiduċja tal-investituri, isaħħu l-infrastruttura tas-suq ewlenija u jiftħu kanali ġodda ta’ finanzjament.

Minn dejjem kien evidenti li Unjoni tas-Swieq Kapitali kompluta ma kinitx se tinħoloq mil-lum għal għada. Filwaqt li l-miżuri li ttieħdu sa issa qed jibdew iħallu l-impatt tagħhom, irid jgħaddi ż-żmien biex il-benefiċċji kollha tal-proposti leġiżlattivi ppreżentati mill-Kummissjoni jimmaterjalizzaw għalkollox u biex l-effetti tagħhom jinħassu fil-prattika. Issa sta għall-awtoritajiet nazzjonali u għall-operaturi tas-suq li jaħtfu l-opportunitajiet maħluqa mir-riformi tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, għall-ġid tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u tal-ekonomija tal-UE aktar mifruxa.

3.Nieħdu kemm nistgħu mis-Suq Uniku permezz ta’ prodotti, tikketti u passaporti Ewropej ġodda

Il-Kummissjoni pproponiet sitt miżuri leġiżlattivi biex tintroduċi regoli ġodda fl-UE kollha għall-prodotti, tikketti u passaporti. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw jew laħqu qbil politiku fuq ħames proposti. Hemm bżonn ta’ progress urġenti fuq il-proposta waħda li għad baqa’.

·Ir-Regolamenti dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju u l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej, adottat mill-koleġiżlaturi f’Ottubru 2017 għandu l-għan li jagħti spinta lill-investiment fil-kapital ta’ riskju u fi proġetti soċjali. Se jagħmluha aktar faċli biex l-investituri jinvestu f’kumpaniji innovattivi żgħar u ta’ daqs medju billi jestendu r-Regolament għall-maniġers tal-fondi ta’ kull daqs u billi jespandu l-firxa ta’ kumpaniji li jista’ jsir investiment fihom.

·Ir-Regolament li jarmonizza l-qafas ġuridiku dwar it-titolizzazzjoni u li joħloq titolizzazzjonijiet Sempliċi, Trasparenti u Standardizzati (STS), adottat f’Diċembru 2017, jgħin biex ikun hemm fiduċja fis-suq tat-titolizzazzjoni, ma jerġgħux iseħħu l-iżbalji tal-passat u jitneħħa l-piż minn fuq il-karti bilanċjali tal-banek. Qed jiġi żviluppat sett ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni biex jiġu speċifikati d-dettalji tal-qafas ta’ titolizzazzjoni mġedded u tkun żgurata ċ-ċarezza u l-applikazzjoni konsistenti tiegħu sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ politika. Minbarra r-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni, il-qafas prudenzjali għall-banek u għall-assiguraturi ġie emendat sabiex tkun stabbilita rabta eqreb bejn kemm tkun riskjuża pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni u l-kapital regolatorju meħtieġ.

·Ir-Regolament dwar Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew, li ntlaħaq qbil dwaru f’Diċembru 2018, jintroduċi prodott tal-pensjoni mifrux fl-UE kollha li jista’ jikkomplementa l-pensjonijiet nazzjonali statutorji u okkupazzjonali għaċ-ċittadini li jixtiequ dan. Se jagħti aktar għażla liċ-ċittadini meta jiġu biex ifaddlu għall-irtirar u se jgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni billi jikkomplementa l-pensjonijiet mill-istat u okkupazzjonali.

·Fi Frar 2019, il-koleġiżlaturi laħqu qbil politiku dwar regoli komuni rigward il-bonds koperti. Ir-regoli armonizzati, ibbażati fuq standards nazzjonali għolja u fuq l-aħjar prattika. se jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-bonds koperti bħala sors stabbli u kosteffettiv ta’ finanzjament għall-banek tal-UE. B’dan, se jespandu l-kapaċità tal-banek li jipprovdu finanzjament lill-ekonomija reali. Apparti minn hekk, se jagħtu lill-investituri firxa usa’ ta’ opportunitajiet ta’ investiment aktar sikuri.

·Fi Frar 2019, il-koleġiżlaturi qablu dwar pakkett rigward l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera tal-fondi ta’ investiment kollettiv. Ir-regoli l-ġodda se jagħmluha aktar faċli, aktar veloċi u orħos għad-distribuzzjoni transfruntiera tal-fondi. Se jagħmlu dan billi jtejbu t-trasparenza tar-rekwiżiti nazzjonali, inaqqsu l-burokrazija u jarmonizzaw ir-regoli nazzjonali diverġenti. Dan se jipprovdi aktar għażla għall-investituri u se jnaqqsilhom l-ispejjeż, filwaqt li tiġi salvagwardjata l-protezzjoni tal-investituri.

·Il-proposti għal Regolament dwar il-Crowdfunding, li għadhom qed jiġu nnegozjati mill-koleġiżlaturi, jagħtu lok biex il-pjattaformi japplikaw għal liċenzja tal-UE abbażi ta’ sett uniku ta’ regoli u b’hekk jagħmluha possibbli li l-pjattaformi tal-crowdfunding jipprovdu s-servizzi tagħhom madwar l-UE kollha. Il-qafas itejjeb l-aċċess għal forma innovattiva ta’ finanzjament għan-negozji li jeħtieġ finanzjament, b’mod partikolari l-istartups, filwaqt li jaċċerta li l-investituri jibbenefikaw minn miżuri protettivi b’saħħithom.

Il-Kummissjoni, biex toħloq kanali ġodda ta’ finanzjament, ivvalutat ukoll il-każ ta’ Noti garantiti Ewropej għal self żgħir u ta’ daqs medju u self infrastrutturali. In-Noti garantiti Ewropej, billi jippromwovu l-użu ta’ self lill-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju u self infrastrutturali bħala kollateral, imorru lil hinn mit-tipi tradizzjonali ta’ kollateral użati għall-bonds koperti. In-Noti garantiti Ewropej jistgħu għalhekk potenzjalment itejbu l-abbiltà tal-banek li jsellfu, b’mod partikolari lill-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, u b’hekk potenzjalment jistimulaw it-tkabbir tal-kumpaniji u l-ħolqien tal-impjiegi. Abbażi ta’ pariri mill-Awtorità Bankarja Ewropea, konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati privati u studju ta’ fattibilità, il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta jekk hemmx bżonn ta’ azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE.

Il-Kummissjoni, biex tagħti spinta lill-fiduċja tal-investituri fil-livell tal-konsumatur ivvalutat id-distribuzzjoni tal-prodotti ta’ investiment. Din il-valutazzjoni identifikat diversi sfidi li jaffaċċjaw il-konsumaturi meta jkunu qegħdin jaraw biex jinvestu. Uħud minn dawn l-isfidi diġà kienu ġew indirizzati minn bidliet li saru dan l-aħħar fil-leġiżlazzjoni tal-UE li jtejbu t-trasparenza u jsaħħu l-protezzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur. Il-Kummissjoni se tkompli twettaq monitoraġġ u tivvaluta l-effettività u l-adegwatezza tal-qafas regolatorju għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, inkluż meta twettaq rieżami tad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji u r-Regolament dwar il-Prodott Aggregat ta’ Investiment għall-Konsumaturi bbażat fuq l-Assigurazzjoni.

Il-Kummissjoni kienet ukoll qed tivvaluta diversi strumenti li jistgħu jgħinu lill-investituri fil-livell tal-konsumaturi jieħdu sehem fis-swieq kapitali. Skemi ta’ sjieda ta’ ishma għall-impjegati jagħtu lill-investituri fil-livell tal-konsumaturi daqsxejn ta’ esperjenza fl-investiment fl-ishma. Il-kontijiet ta’ tfaddil b’investiment jistgħu jgħinu biex b’mod aktar ġenerali biex inaqqsu l-piż amministrattiv u jagħtu inċentiv lill-investituri biex jieħdu sehem fis-swieq kapitali, bl-għajnuna ta’ kundizzjonijiet trasparenti. Il-Kummissjoni se tibqa’ taħdem mal-partijiet ikkonċernati biex tiżviluppa dawn l-istrumenti.

Fil-qasam tal-investiment fil-livell tal-konsumatur, il-Kummissjoni qed teżamina l-interfaċċi diġitali attwali mmexxija mit-teknoloġija li jistgħu jgħinu lill-individwi jsibu prodotti ta’ investiment għall-konsumatur adattati u kosteffettivi b’mod affidabbli, trasparenti u ta’ min iserraħ fuqu. Studju mistenni aktar tard din is-sena se jivvaluta xenarji possibbli għall-iżvilupp ta’ għodda diġitali online li tista’ tkun ta’ sostenn għall-investituri fid-deċiżjonijiet tagħhom marbuta mal-investiment.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni wettqet studju dwar ostakli potenzjali tat-taxxa għall-investiment transfruntiera tal-fondi tal-pensjonijiet u tal-assiguraturi tal-ħajja. Il-Kummissjoni beħsiebha tiddiskuti r-riżultati tal-istudju mal-Istati Membri bl-iskop li jitneħħa kull ostaklu identifikat fuq bażi volontarja qabel ma possibbilment tittieħed azzjoni legali.

4.Nappoġġjaw lin-negozji u lill-investituri permezz ta’ regoli aktar ċari u sempliċi

Il-Kummissjoni pproponiet ħames miżuri leġiżlattivi biex tipprovdi regoli aktar sempliċi, aktar ċari u aktar proporzjonati għall-imprendituri, għan-negozji u għall-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw jew laħqu qbil politiku fuq erba’ proposti. Hemm bżonn ta’ progress urġenti fuq il-proposta waħda li għad baqa’.

·Ir-Regolament dwar il-Prospett, adottati mill-koleġiżlaturi f’Ġunju 2017, inaqqas il-burokrazija għall-kumpaniji li qed ifittxu opportunitajiet ta’ finanzjament, billi jissimplifika l-produzzjoni ta’ prospett u jagħmlu b’tali mod li jkun ċar biex jifhmuh l-investituri.

·Fi Frar 2019 kien hemm qbil mill-koleġiżlaturi dwar regoli aktar proporzjonati u sensittivi għar-riskju mmirati għad-ditti tal-investiment. Ir-regoli l-ġodda se jaċċertaw kundizzjonijiet ekwivalenti bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji sistemiċi kbar, li se jkunu soġġetti għall-istess regoli u superviżjoni bħal banek, u se jintroduċu regoli prudenzjali aktar sempliċi u anqas ingumbranti għad-ditti tal-investiment mhux sistemiċi. Dan l-approċċ ibbilanċjat se jagħti spinta lill-kompetizzjoni u jżid l-investiment, filwaqt li jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja.

·F’Diċembru 2018 intlaħaq ftehim politiku dwar id-Direttiva dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn. Din id-Direttiva se tgħin lill-kumpaniji f’diffikultajiet finanzjarji biex jiġu ristrutturati b’mod effiċjenti u se tippermetti lill-imprendituri onesti jibbenefikaw mit-tieni opportunità wara li jiġu f’tagħhom wara falliment. Dan huwa kruċjali biex ikun żgurat ambjent tan-negozju dinamiku li jippromovi wkoll l-innovazzjoni, jevita l-likwidazzjonijiet mhux meħtieġa, it-telf ta’ għarfien espert u ta’ impjiegi u jevita l-akkumulu ta’ self improduttiv.

·F’Marzu 2019 sar qbil mill-koleġiżlaturi dwar regoli ġodda li se jiffaċilitaw il-finanzjament permezz tas-swieq kapitali għan-negozji żgħar. Ir-regoli proposti se jnaqqsu l-burokrazija żejda għall-kumpanija żgħar u ta’ daqs medju li jippruvaw jiksbu aċċess għas-“Swieq tat-Tkabbir tal-SMEs”, kategorija ġdida ta’ ċentru tan-negozjar iddedikati għall-emittenti żgħar, billi jintroduċu approċċ aktar proporzjonat biex iservi ta’ sostenn għall-ikkwotar tal-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju. Il-proposta għandha l-għan li tissalvagwardja l-protezzjoni tal-investitur u l-integrità tas-suq.

·Hemm bżonn ta’ ħidma ulterjuri biex jintlaħaq ftehim dwar il-proposta ta’ Regolament dwar il-liġi applikabbli għall-effetti fuq terzi tal-assenjament tal-pretensjonijiet. Ir-Regolament se jżid b’mod sinifikanti ċ-ċertezza tad-dritt, u b’hekk se jippromovi l-investiment transfruntiera billi jiddetermina liema liġi nazzjonali tapplika għall-effetti fuq terzi meta l-assenjazzjoni ta’ pretensjoni tkun waħda transfruntiera.

Bħala investituri fuq terminu twil, l-assiguraturi għandhom rwol sinifikanti fil-finanzjament tal-ekonomija reali billi jinvestu aktar fl-ekwità. Il-Kummissjoni adottat emenda għall-qafas Solvibbiltà II għat-trattament prudenzjali tal-ikkwalifikar tal-ekwità privata u tad-dejn ippjazzat privatament. Apparti minn hekk, il-Kummissjoni adottat trattament prudenzjali aktar meqjus fir-rigward tal-investimenti ta’ ekwità fuq terminu twil mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni. L-emendi bħalissa qed jiġu skrutinizzati mill-koleġiżlaturi. Bis-saħħa ta’ dawn il-bidliet, l-investimenti tal-ekwità privata mill-assiguraturi li jikkwalifikaw, issa se jibbenefikaw minn rekwiżit ta’ kapital aktar baxx, b’mod partikolari meta tali investimenti jikkwalifikaw bħala ekwità fuq terminu twil. Barra minn hekk, għad-dejn ippjazzat privatament, fir-regoli l-ġodda l-Kummissjoni tagħti lok għal alternattivi għall-użu ta’ klassifikazzjonijiet esterni għall-ikkalkolar tar-rekwiżiti ta’ kapital. Dan se jneħħi l-iżvantaġġi attwali tad-dejn ippjazzat privatament fil-konfront ta’ bonds bi grad ta’ investiment maħruġa minn kumpaniji.

Il-Kummissjoni wettqet rieżami tal-funzjonament tas-swieq tal-bonds maħruġa minn kumpaniji fl-UE. Għal kumpaniji akbar, il-bonds maħruġa minn kumpaniji jirrappreżentaw mezz importanti ta’ kif jakkumulaw finanzjament b’dejn fuq skala kbira. Filwaqt li l-ħruġ ta’ bonds maħruġa minn kumpaniji mhux finanzjarji żdied fl-UE f’dan l-aħħar deċennju, dan l-istrument għad għandu potenzjal mhux sfruttat bħala għodda ta’ finanzjament għall-kumpaniji. Il-Kummissjoni stabbiliet grupp ta’ esperti biex jivvalutaw is-swieq korporattivi tal-UE. Il-mandat tiegħu kien li jipprovdi analiżi trażversali tas-swieq tal-bonds maħruġa minn kumpaniji u li jagħti rakkomandazzjonijiet dwar kif jista’ jittejjeb it-tħaddim tagħhom. Il-Kummissjoni diġà ħadet azzjoni abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ esperti, bħall-adozzjoni ta’ proposta leġiżlattiva dwar il-promozzjoni tal-ikkwotar fil-Borża tal-SMEs biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-emittenti tal-bonds maħruġa minn kumpaniji. Il-valutazzjoni tal-bonds maħruġa minn kumpaniji se tikkontribwixxi wkoll, skont il-każ, għar-rieżamijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-futur.

Il-Kummissjoni ħadet ukoll impenn li tidentifika u tippromovi l-aħjar prattika għall-pjazzamenti privati. Is-swieq għall-ippjazzar privat tad-dejn jistgħu jwessgħu d-disponibbiltà tal-finanzjament għall-kumpaniji ta’ daqs medju mhux ikkwotati. Studju 10 wera li l-pjazzament privat tal-istrumenti tad-dejn fi ħdan l-investituri istituzzjonali jista’ jkollu rwol akbar fil-finanzjament ta’ kumpaniji ta’ daqs medju fil-futur. Enfasizza wkoll potenzjal tat-tkabbir konsiderevoli għall-pjazzamenti privati fl-UE minħabba swieq domestiċi ġodda u żieda fl-attivitajiet transfruntiera. Abbażi tal-konklużjonijiet tal-istudju, il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-iżvilupp tal-pjazzamenti privati bħala sors alternattiv ta’ finanzjament.

Minbarra l-azzjoni diġà meħuda mill-Kummissjoni, hemm diversi azzjonijiet li jinsabu għaddejjin, li se jikkontribwixxu għall-ħidma tal-Kummissjoni fil-futur. Dawn jinkludu studju dwar il-finanzjament tal-katina tal-provvista u studju biex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni tal-kopertura tal-SMEs mir-riċerka u l-impatt tar-regoli l-ġodda tad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji fuq is-separazzjoni tal-pagament tar-riċerka.

Sabiex tisfrutta l-potenzjal tal-innovazzjoni, il-Kummissjoni talbet ukoll grupp ta’ esperti 11 biex jivvalutaw ir-regoli għat-teknoloġiji u għall-mudelli ta’ negozju innovattivi. Ir-riżultati tal-istudji u tal-analiżijiet għadhom iridu jiġu riveduti u se tkun il-Kummissjoni li jmiss li tiddeċiedi dwar xi azzjoni ta’ segwitu potenzjali.

Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, li bħalissa jinsab fil-fażi pilota finali tiegħu, se jiġbor flimkien skemi tal-UE f’punt uniku ta’ kuntatt għall-innovaturi b’potenzjal kbir, adattat għall-ħtiġijiet ta’ innovazzjonijiet ta’ żvolta u fixkiela. Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, li mistenni jkun operazzjonali għalkollox mal-programm ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE li jmiss, Orizzont Ewropa, se jipprovdi għotjiet u finanzjament imħallat (għotjiet-ekwità kkombinati) biex jagħmel tajjeb għad-diskrepanzi fis-suq fil-finanzjament ta’ innovazzjoni b’riskju għoli u jattira l-investiment tas-settur privat.

Ambjent ta’ investiment stabbli huwa kruċjali biex jitħeġġeġ aktar investiment fl-UE. Fid-19 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tiċċara kif il-liġi tal-UE tipproteġi l-investimenti u kif l-investituri jistgħu jirrinforzaw id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-UE quddiem l-amministrazzjonijiet u l-qrati nazzjonali 12 .

Il-protezzjoni tal-investimenti saret saħansitra aktar importanti fid-dawl tas-sentenza Achmea tas-6 ta’ Marzu 2018. Dan ikkonferma l-fehma tal-Kummissjoni li l-investituri tal-UE ma jistgħux jiddependu fuq trattati bilaterali fuq l-investiment intra-UE u, b’mod partikolari, li l-arbitraġġ bejn l-investitur u l-Istat f’dawn it-trattati huwa inkompatibbli mal-liġi tal-UE. Wara djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, f’Jannar 2019, l-Istati Membri kollha ħadu impenn li jġibu fi tmiemhom it-trattati bilaterali fuq l-investiment intra-UE u l-maġġorparti tal-Istati Membri impenjaw ruħhom li jieħdu azzjoni biex jaċċertaw li t-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma jkunx jista’ jintuża bħala bażi għall-arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istati Membri tal-UE.

5.Superviżjoni aktar effiċjenti tas-swieq tal-kapital tal-UE

Il-Kummissjoni pproponiet żewġ miżuri leġiżlattivi biex taċċerta superviżjoni aktar integrata u effiċjenti tas-swieq tal-kapital, li hija ċentrali għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali u neċessarja għal aktar integrazzjoni finanzjarja u għal aktar kondiviżjoni tar-riskju privat. Intlaħaq qbil politiku dwar proposta waħda. Hemm bżonn ta’ progress urġenti fuq il-proposta li jifdal:

·Regoli aġġornati għal superviżjoni aktar robusta tal-kontropartijiet ċentrali, li sar qbil dwarhom f’Marzu 2019, biex tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja tal-UE. Din ir-riforma se taċċerta li l-qafas superviżorju tal-UE jkun robust biżżejjed biex jantiċipa u jnaqqas ir-riskju mill-kontropartijiet ċentrali tal-UE u minn kontropartijiet ċentrali sistemiċi mhux tal-UE li jipprovdu servizzi lill-klijenti tal-UE.

·Sar progress tajjeb fin-negozjati rigward ir-riforma tal-awtoritajiet superviżorji Ewropej sabiex is-superviżjoni finanzjarja Ewropea ssir aktar b’saħħitha u aktar integrata, u dwar il-proposta biex jissaħħaħ il-qafas superviżorju li jiġġieled il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li emendat il-proposta oriġinali f’Settembru 2018 13 . Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri biex jilħqu qbil politiku b’urġenza, u tinsab lesta li tibqa’ tipprovdi l-appoġġ sħiħ tagħha għal dak l-għan.

Is-superviżjoni effettiva hija importanti biex tagħti spinta lill-investiment fil-livell tal-konsumatur, billi min ifaddal irid ikun fiduċjuż li investiment potenzjali jipprovdi redditu adegwat għal-livell ta’ riskju meħud. F’Jannar 2019, wara talba mill-Kummissjoni, it-tliet awtoritajiet superviżorji Ewropej ippubblikaw ir-riżultati tal-ewwel analiżi komprensiva tagħhom tal-kostijiet u tal-prestazzjoni tal-kategoriji prinċipali tal-prodotti ta’ investimenti għal min ifaddal, pereż. il-fondi mutwi, l-assigurazzjoni, il-prodotti tal-pensjoni u strutturati. L-ewwel riżultati jipprovdu xenarju bażi għall-valutazzjonijiet tal-futur u għall-iżviluppar ulterjuri tar-rekwiżiti ta’ rapportar, inkluża, fejn xieraq, estensjoni possibbli tal-ambitu u titjib fil-metodoloġija.

6.Finanzi sostenibbli

Il-Kummissjoni adottat tliet proposti leġiżlattivi sabiex tippermetti lis-settur finanzjarju tal-UE biex ikun fit-tmun ta’ ekonomija ċirkolari newtrali għall-klima, aktar effiċjenti fir-riżorsi u reżiljenti. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu qbil politiku dwar żewġ proposti. Għad hemm bżonn progress fuq proposta waħda mit-tliet proposti leġiżlattivi:

·Il-koleġiżlaturi għadhom qed jiddeliberaw dwar is-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-UE (tassonomija) unifikata biex jiddeterminaw liema attivitajiet ekonomiċi huma sostenibbli f’termini ambjentali. Din se tipprovdi ċarezza lill-investituri u lil operaturi ekonomiċi oħra dwar liema attivitajiet jistgħu jitqiesu bħala “ħodor”. Se tkun ukoll bażi għall-istandards u t-tikketti għall-prodotti finanzjarji sostenibbli. Il-Kummissjoni pproponiet li sa tmiem l-2021 tivvaluta l-adegwatezza tal-estensjoni tat-tassonomija biex tkopri objettivi oħra ta’ sostenibbiltà, b’mod partikolari l-objettivi soċjali.

·F’Marzu 2019, intlaħaq qbil politiku rigward ir-Regolament dwar id-divulgazzjonijiet relatati mal-investiment sostenibbli u r-riskji għas-sostenibbiltà. Ir-regoli l-ġodda se jintroduċu konsistenza u ċarezza dwar kif l-investituri istituzzjonali għandhom jintegraw il-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG – environmental, social and governance) fil-proċess tagħhom ta’ teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment. Dawn se jżidu wkoll it-trasparenza rigward l-istrateġiji ta’ investiment ESG għall-investituri finali.

·Fl-aħħar, fi Frar 2019, il-koleġiżlaturi laħqu ftehim politiku rigward ir-Regolament dwar il-parametri referenzjarji fir-rigward tat-transizzjoni klimatika tal-UE u l-parametri referenzjarji allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi. Dawn l-istandards ġodda tas-suq se jirriflettu l-marka tal-karbonju tal-kumpaniji u se jagħtu informazzjoni ċara lill-investituri dwar kif l-investimenti tagħhom jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Għadd ta’ miżuri mhux leġiżlattivi f’rabta mal-finanzi sostenibbli jinsabu wkoll fi stadju avvanzat ferm. Dawn jinkludu l-iżviluppar ta’ tassonomija mill-Grupp ta’ Esperti Tekniċi dwar il-finanzi sostenibbli biex tingħata definizzjoni għall-attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, li se tikkontribwixxi għall-proċess leġiżlattiv relatat mal-proposta tal-Kummissjoni għal sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata tal-UE; rapport mill-Grupp ta’ Esperti dwar id-divulgazzjonijiet b’rabta mal-klima; u ħidma teknika dwar Standard tal-UE għal Bond Aħdar. Abbażi tar-rapport tal-Grupp ta’ Esperti Tekniċi, il-Kummissjoni qiegħda wkoll taġġorna l-linji gwida mhux vinkolanti dwar informazzjoni mhux finanzjarja mill-kumpaniji u se tippubblikahom sa nofs l-2019. Tinsab għaddejja ħidma wkoll biex titwitta t-triq għal Ekotikketta tal-UE fil-ġejjieni għall-prodotti finanzjarji u għall-ivvalutar, flimkien mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, ta’ jekk is-sostenibbiltà għandhiex tiġi integrata fil-klassifikazzjonijiet. Fl-aħħar nett, l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku qegħdin janalizzaw il-fattibbiltà tal-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fir-rekwiżiti prudenzjali.

7.Swieq tal-kapital lokali

Li tagħti spinta lis-swieq tal-kapital lokali huwa għan ewlieni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Minn swieq lokali b’saħħithom jibbenefikaw, b’mod partikolari, il-kumpaniji ta’ daqs medju li huma kbar biżżejjed biex jisfruttaw is-swieq tal-kapital lokali, iżda wisq żgħar li jfittxu l-kapital lil hinn mill-fruntieri. Il-prossimità ġeografika tbaxxi l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet, tgħin biex jingħelbu l-ostakli kulturali tal-imprendituri u tgħin lill-investituri jifhmu lin-negozji li jkunu qegħdin isostnuhom finanzjarjament. Iżżid ukoll il-possibbiltajiet għall-użu produttiv tat-tfaddil lokali.

Biex ikun hemm żvilupp tas-swieq tal-kapital lokali hemm bżonn ta’ azzjoni kumplimentari fil-livell tal-Istati Membri, inizjattivi transfruntiera u reġjonali, kif ukoll azzjoni fil-livell tal-UE. Jittieħdu diversi azzjonijiet fuq livell nazzjonali, inklużi pjanijiet strateġiċi nazzjonali għall-iżvilupp tas-swieq tal-kapital, it-titjib tal-ambjent tan-negozju, is-sostenn pubbliku għall-aċċess għall-finanzjament. Is-Servizz ta’ Sostenn tal-Kummissjoni għar-Riforma Strutturali pprovdew sostenn tekniku għal dawn l-inizjattivi nazzjonali. Hija mħeġġa l-kooperazzjoni reġjonali sabiex jinfetħu s-swieq u tingħata promozzjoni lir-rabtiet transfruntiera, ikunu ffaċilitati l-ikkwotar f’Boroż barranin kif ukoll l-investiment, jinħolqu rabtiet bejn l-infrastrutturi tas-suq u jkun hemm armonizzazzjoni reġjonali tar-regoli. Fil-livell tal-UE, l-istrumenti finanzjarji offruti mill-Bank Ewropew tal-Investiment jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-swieq tal-kapital lokali billi jestendu d-disponibbiltà tal-prodotti finanzjarji u jindirizzaw id-diskrepanza fil-finanzjament għall-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju.

8.Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni, issa, wettqet il-miżuri li dwarhom ħadet impenn, fil-bidu tal-mandat u fir-rieżami ta’ nofs it-terminu, biex ikunu stabbiliti s-sisien tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Dawn il-miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi huma pass importanti fid-direzzjoni ta’ swieq tal-kapital aktar effiċjenti u likwidi fl-UE, fejn id-ditti u l-investituri jista’ jkollhom aċċess għall-finanzjament tas-suq bl-istess termini, irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu fiżikament fis-Suq Uniku. Billi tagħti lok biex l-investituri u l-kumpaniji jkollhom aċċess għall-investiment u għall-opportunitajiet ta’ finanzjament minn fruntiera għal oħra, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali ttejjeb il-kondiviżjoni tar-riskju privat, tnaqqas ir-riskju fis-sistema finanzjarja u tgħin biex jittaffew ix-xokkijiet ekonomiċi fiż-żona tal-euro u lil hinn. Swieq tal-kapital integrati sew jirrinfurzaw is-Suq Uniku, ikunu ta’ appoġġ għall-aġenda għal kummerċ liberu u ġust u jagħmlu lill-UE destinazzjoni saħansitra aktar attraenti għall-investiment f’ambjent ġeopolitiku li qed jinbidel u li qiegħed kulma jmur isir aktar kumpless.

Matul dan il-mandat, il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill u għamlet progress konsiderevoli fir-rigward ta’ diversi proposti. Huwa importanti li l-koleġiżlaturi jibqgħu impenjati li jaċċertaw li l-leġiżlazzjoni pendenti kollha tiġi adottata mill-aktar fis possibbli. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja dawn l-isforzi. Madankollu, il-leġiżlazzjoni waħedha mhijiex se twassal għat-twettiq tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. L-Istati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati privati, kollha għandhom rwol fundamentali fil-bini tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

Filwaqt li l-azzjoni tal-Kummissjoni diġà bdiet tħalli l-effett tagħha, irid jgħaddi daqsxejn taż-żmien biex fil-prattika jinħass l-impatt kollu. Madankollu, jidher biċ-ċar li hemm bżonn ta’ aktar ħidma sabiex fl-UE jkun hemm Unjoni tas-Swieq Kapitali vibranti. Fi kwalunkwe każ, l-azzjoni fil-futur se tkun teħtieġ li tirrifletti l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE fuq is-swieq tal-kapital u sfidi ekonomiċi u soċjetali oħra fuq terminu qasir u medju. Dawn jinkludu sfidi fundamentali, u x’aktarx rapidi, li jirriżultaw mid-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija u mill-klima li qed tinbidel, u mill-iżviluppi teknoloġiċi.

Il-Kunsill Ewropew huwa mistieden iġedded l-impenn tiegħu fir-rigward tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u jappoġġja dawn l-isforzi għall-Aġenda Strateġika tiegħu li jmiss. Dan huwa essenzjali għas-Suq Uniku, għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u għal euro b’saħħtu, u fl-aħħar mill-aħħar għall-kompetittività globali tal-UE.

 4. Ħarsa ġenerali lejn il-progress dwar il-fajls leġiżlattivi tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali

DESKRIZZJONI TAL-POLITIKA

Il-Parlament Ewropew

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

UNJONI TAS-SWIEQ KAPITALI

Titolizzazzjoni

Adottat

Adottat

Prospett

Adottat

Adottat

Fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (EuVECA)

Adottat

Adottat

Prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew (PEPP)

Ftehim politiku

Ftehim politiku

Bonds koperti

Ftehim politiku

Ftehim politiku

Finanzjament kollettiv

Mandat ta’ negozjar

L-ebda ftehim

Distribuzzjoni transfruntiera tal-fondi ta’ investiment kollettiv

Ftehim politiku

Ftehim politiku

Rieżami tad-ditti tal-investiment

Ftehim politiku

Ftehim politiku

Ir-ristrutturar preventiv, it-tieni ċans u l-effiċjenza tal-proċeduri

Ftehim politiku

Ftehim politiku

Promozzjoni tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs

Ftehim politiku

Ftehim politiku

Liġi applikabbli għall-effetti fuq terzi tal-assenjament tal-pretensjonijiet

Mandat ta’ negozjar

L-ebda ftehim

Ir-rieżami tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, inklużi regoli msaħħa kontra l-ħasil tal-flus

Mandat ta’ negozjar

Mandat ta’ negozjar

Ir-Regolament dwar l-infrastruttura tas-suq Ewropew (superviżjoni)

Ftehim politiku

Ftehim politiku

FINANZI SOSTENIBBLI

Finanzi sostenibbli: Tassonomija

L-ebda ftehim

L-ebda ftehim

Finanzi sostenibbli: Id-divulgazzjoni

Ftehim politiku

Ftehim politiku

Finanzi sostenibbli: Livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u impatt pożittiv b’rabta mal-karbonju

Ftehim politiku

Ftehim politiku

PROPOSTI OĦRA TA’ RILEVANZA GĦALL-UNJONI TAS-SWIEQ KAPITALI

Bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva

Rapport adottat

L-ebda ftehim

Regolament dwar l-infrastruttura tas-suq Ewropew (REFIT)

Ftehim politiku

Ftehim politiku

Rkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali

Mandat ta’ negozjar

L-ebda ftehim

(1)

Ara, pereżempju, Id-Dikjarazzjoni Introduttorja ta’ Mario Draghi, il-President tal-BĊE, fil-Kumitat ECON tal-Parlament Ewropew, Brussell, it-28 ta’ Jannar 2019 ( https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2019/html/ecb.sp190128~8b43137b4f.en.html ).

(2)

Fil-25 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni mmirata dwar l-euro u s-swieq tal-muniti barranin, li hija waħda mill-azzjonijiet ewlenin ta’ segwitu għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2018 “Lejn rwol internazzjonali aktar b’saħħtu tal-euro”. Din il-konsultazzjoni, li tagħlaq fil-31 ta’ Marzu, għan li tikseb il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati dwar ir-rwol tal-euro fis-swieq monetarji u li tivvaluta jekk in-negozjar tal-euro jseħħx b’mod effiċjenti u abbażi ta’ biżżejjed likwidità fis-suq.

(3)

COM(2018)773 Pjaneta Nadifa għall-kulħadd: Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima

(4)

Tisħin globali ta’ 1.5°C Rapport Speċjali tal-IPCC dwar l-impatti tat-tisħin globali ta’ 1.5°C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u modi relatati mal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, fil-kuntest tat-tisħiħ tar-rispons globali għat-theddida tat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u l-isforzi biex jinqered il-faqar.

(5)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Pjan Ta' Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli”, COM/2018/097 final, 8.3.2018.

(6)

   Il-Pjan ta’ Azzjoni Fintech: Għal settur finanzjarju Ewropew aktar kompetittiv u innovattiv, COM(2018) 109 final.

(7)

Il-Komunikazzjoni “Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali”, COM(2015) 468, 30.9.2015; Il-Komunikazzjoni “Dwar ir-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali”, COM(2017) 292, 8.6.2017.

(8)

Il-BKTK se tindirizza d-distorsjoni favur id-dejn fit-tassazzjoni korporattiva billi tintroduċi “Allowance għat-Tkabbir u għall-Investiment” (AGI – Allowance for Growth and Investment), li se tagħti l-istess benefiċċji tat-taxxa lill-kumpaniji għall-ekwità bħal dawk li jgawdu minnhom għad-dejn. L-AGI tikkontribwixxi għal Unjoni tas-Swieq Kapitali b’saħħitha billi toħloq ambjent tat-taxxa aktar newtrali u li jiffavorixxi l-investiment.

(9)

Ara l-Anness 1, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2019)99.

(10)

Ara s-sit web tal-Kummissjoni dwar is-swieq tal-UE għall-pjazzamenti privati .

(11)

Ostakli Regolatorji għall-Grupp ta’ Esperti dwar l-Innovazzjoni Finanzjarja

(12)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Protezzjoni tal-investiment fi ħdan l-UE”, COM/2018/547 final.

(13)

Il-Kummissjoni ppreżentat proposta li temenda l-proposta oriġinali tal-ASE bl-għan li toħloq konċentrazzjoni tas-setgħat li jiġġieldu l-ħasil tal-flus f’rabta mas-settur finanzjarju fl-Awtorità Bankarja Ewropea u biex issaħħaħ il-mandat tagħha biex taċċerta li jkun hemm superviżjoni effettiva u konsistenti tar-riskji tal-ħasil tal-flus mill-awtoritajiet rilevanti kollha u li l-awtoritajiet rilevanti jikkooperaw u jikkondividu l-informazzjoni.