Brussell, 30.1.2019

COM(2019) 22 final

ANNESSI

għad-

Dokument ta' Riflessjoni

Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030



Anness I Il-kontribut tal-Kummissjoni Juncker għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli

L- Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli li ġiet adottata min-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta’ Settembru 2015 tistabbilixxi qafas globali sabiex jinkiseb żvilupp sostenibbli sal-2030. Din tinkludi sett ambizzjuż ta’ 17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u 169 mira assoċjata għall-ħidma tal-pajjiżi u l-partijiet ikkonċernati.

L-UE kellha rwol strumentali fit-tiswir tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli u, flimkien mal-Istati Membri tagħha, ikkommettiet ruħha li tkun minn ta’ quddiem fl-implimentazzjoni tagħha kemm fl-UE kif ukoll billi tagħti l-appoġġ tagħha, permezz tal-politiki esterni, lil pajjiżi oħrajn fl-isforzi tagħhom biex jimplimentawha, partikolarment lil dawk li l-aktar jeħtiġuh.

L-10 prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker jinkludu aspetti ewlenin tal-iżvilupp sostenibbli: l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment (prijorità 1); is-suq uniku diġitali (prijorità 2); il-ħidma favur enerġija aktar sikura, sostenibbli u affordabbli (prijorità 3); suq intern aktar profond u ġust (prijorità 4); unjoni ekonomika u monetarja aktar profonda u ġusta (prijorità 5); kummerċ miftuħ u ġust (prijorità 6); il-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali (prijorità 7); il-migrazzjoni (prijorità 8); attur globali aktar b’saħħtu (prijorità 9); unjoni ta’ tibdil demokratiku (prijorità 10).

Mill-bidu tal-mandat tagħha f'Novembru tal-2014 il-Kummissjoni Juncker integrat l-iżvilupp sostenibbli f’aġendi trasversali ewlenin kif ukoll f’politiki u inizjattivi settorjali bl-użu tal-għodod tar-regolamentazzjoni aħjar. Il-valutazzjonijiet tal-impatt kollha li tagħmel il-Kummissjoni qabel il-proposti leġiżlattivi jinkludu l-analiżi tal-impatti soċjali, ambjentali u ekonomiċi bil-għan li tqis u tinkludi aspetti tal-iżvilupp sostenibbli. Barra minn hekk, il-ftehimiet kummerċjali li l-UE laħqet dan l-aħħar jinkludu kapitlu dwar l-iżvilupp sostenibbli għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli u għal xogħol deċenti għal kulħadd.

Il-Kummissjoni Juncker tefgħet żerriegħa importanti ħafna għall-politiki tal-ġenerazzjoni li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli – il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, l-istrateġija globali għall-politika estera u ta’ sigurtà, l-istrateġija bbażata fuq il-valuri “kummerċ għal kulħadd”, l-impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni; il-pakkett tal-ekonomija ċirkolari, il-pakketti tal-mobbiltà u tal-enerġija nadifa sal-istrateġija tat-tkabbir blu; il-“Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa” u l-pjan ta’ azzjoni dwar il-finanzi sostenibbli sal-aġenda urbana u l-pjan ta’ azzjoni dwar in-Natura, biex insemmu wħud. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li ssaħħaħ ir-rabta bejn il-finanzjament tal-UE u l-istat tad-dritt, tivvaluta l-attivitajiet kofinanzjati mill-UE fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-impatti ambjentali u soċjali tagħhom, kif ukoll li tadotta mira aktar ambizzjuża fil-qasam tan-nefqa fuq il-klima mill-baġit tal-UE tal-ġejjieni. Dan l-aħħar il-Kummissjoni ppreżentat il-viżjoni strateġika Ewropea fil-tul għal ekonomija prosperuża, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050, li twitti t-triq għal bidla strutturali tal-ekonomija Ewropea, tixpruna t-tkabbir u l-impjiegi filwaqt li tikseb impatt newtrali fuq il-klima. Dan se jitlob soluzzjonijiet deċiżivi u investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Dan id-dokument jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-kontributi tal-Kummissjoni Juncker għall-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-ewwel billi jiġu spjegati l-karatteristiċi ewlenin tal-politiki prinċipali u mbagħad billi tingħata lista tal-azzjonijiet differenti li ttieħdu fuq kull waħda mill-SDGs.

Filwaqt li l-enfasi ta’ dan l-Anness huwa biss fuq l-inizjattivi tal-Kummissjoni Juncker, ma għandniex xi ngħidu li bosta mill-politiki l-oħrajn tal-Unjoni li kienu diġà fis-seħħ qabel din il-Kummissjoni bdiet il-mandat tagħha kkontribwixxew għall-ksib tal-SDGs. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020, il-pakkett ta’ politiki dwar l-arja nadifa, l-issuktar tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tar-responsabbiltà soċjali korporattiva, il-karta tal-assikurazzjoni tas-saħħa Ewropea, ir-regoli dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi u r-regoli tal-UE dwar il-prodotti tat-tabakk, biex insemmu biss ftit.



Politiki Ewlenin

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ta’ Novembru tal-2017 jistabbilixxi 20 prinċipju li l-għan dirett tagħhom huwa li jippromwovu l-konverġenza lejn kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol aħjar fl-Ewropa. Dan jgħin biex jiġi indirizzat il-faqar fid-dimensjonijiet kollha tiegħu u biex jiġu żgurati sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti, xierqa u sostenibbli. Jappoġġa l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess għas-suq tax-xogħol fosthom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi, u jippromwovi l-inklużjoni u l-ħarsien soċjali. Huwa akkumpanjat minn tabella ta’ valutazzjoni soċjali, li flimkien ma’ għodod oħra tikkontribwixxi għall-monitoraġġ tiegħu.  

L-implimentazzjoni tal-prinċipji u d-drittijiet li jinsabu f’dan il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se tikkontribwixxi wkoll għal Ewropa sostenibbli billi jingħata appoġġ attiv għal impjiegi sikuri u salarji ekwi li jipprovdu għal livell ta’ għajxien diċenti, u billi tingħata għajnuna biex in-nies tiġi mħarrġa b’ħiliet tas-seklu 21 li jagħtuhom aċċess għal impjiegi ta’ kwalità għolja u tissokta l-ġlieda kontra l-impatt tat-tixjiħ demografiku fis-suq tax-xogħol u fuq is-sistema ta’ ħarsien soċjali. Filwaqt li jappoġġa l-kompetittività u l-innovazzjoni, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se jippromwovi l-ġustizzja soċjali, l-opportunitajiet indaqs, id-djalogu soċjali u l-aċċess għal servizzi tal-kura ta’ kwalità tajba, foshom kura tas-saħħa ta’ kwalità u affordabbli, kura tat-tfal u kura fit-tul, assistenza għall-akkomodazzjoni u servizzi essenzjali oħra.

Azzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

Fl-2015 il-Kummisjoni adottat “impenn strateġiku dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2016-2019”. Dan huwa l-qafas għall-ħidma li għaddejja biha l-Kummissjoni biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u s-setgħa lin-nisa. Il- Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali kkonferma l-impenn tal-UE favur it-trattament u l-opportunitajiet indaqs tan-nisa u l-irġiel fl-isferi kollha. Fl-2017 il-Kummissjoni ressqet pakkett komprensiv ta’ miżuri leġiżlattivi u ta’ politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata li jinkoraġġixxi ż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.

Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020 huwa l-qafas tal-UE għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u s-setgħa lill-bniet fir-relazzjonijiet esterni tagħna ma’ pajjiżi terzi, kif ukoll f’fora u aġendi internazzjonali. L-UE tpoġġi l-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-prattika permezz tal-politika Ewropea tal-viċinat riveduta u tal-politika tal-iżvilupp tagħha.

L-istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ

F’Mejju tal-2018 l-Kummissjoni ppreżentat l-ideat tagħha dwar “L-Impenn, il-Konnessjoni u s-Setgħa liż-Żgħażagħ” għal Strateġija ġdida tal-UE għaż-żgħażagħ, li ġiet approvata mill-Kunsill f’Novembru tal-2018. Il-qafas il-ġdid tal-perjodu 2019-2027 għall-kooperazzjoni dwar iż-żgħażagħ għandu l-għan li jqarreb lill-UE lejn iż-żgħażagħ u li jgħin biex jindirizza l-kwistjonijiet li jħassbuhom. L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għaż-żgħażagħ għandha l-għan li tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja ċivika u demokratika (involviment); tlaqqa’ liż-żgħażagħ madwar l-UE u lil hinn għall-promozzjoni tal-volontarjat, l-opportunitajiet li jsir tagħlim f’pajjiżi barranin, is-solidarjetà u l-komprensjoni interkulturali (konnessjoni); u li tappoġġa s-setgħa liż-żgħażagħ permezz tat-tisħiħ tal-innovazjoni, kif ukoll tal-kwalità u tar-rikonoxximent, tal-ħidma taż-żgħażagħ (l-għoti tas-setgħa). L-istrumenti proposti sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-istrateġija jinkludu djalogu mġedded maż-żgħażagħ, l-użu ta’ pjanifikaturi tal-attivitajiet nazzjonali, kif ukoll pjan ta’ ħidma tal-Kunsill għaż-żgħażagħ għall-2019-2020.

Il-Kummissjoni tgħin ukoll lill-Istati Membri Ewropej biex iżidu l-impjiegi taż-żgħażagħ. Kull sena aktar minn 3.5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa rreġistrati fil-garanzija għaż-żgħażagħ jirċievu offerti ta’ impjieg, biex ikomplu l-istudji tagħhom, traineeships jew apprendistati.

Ir-rabta tal-finanzjament tal-UE mar-rispett għall-istat tad-dritt

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-baġit pluriennali Ewropew li jmiss għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027 hija ta’ baġit iggwidat mill-prinċipji tal-prosperità, tas-sostenibbiltà, is-solidarjetà u s-sigurtà.

Il-proposta tinkludi mekkaniżmu ġdid li jsaħħaħ ir-rabta bejn il-finanzjament tal-UE u l-istat tad-dritt. In-nuqqasijiet ġeneralizzati fl-istat tad-dritt fi Stat Membru jħallu konsegwenzi serji għall-ġestjoni finanzjarja tajba u effettiva tal-fondi tal-UE. Dan mhuwiex mekkaniżmu ta’ sanzjoni: din hija għodda baġitarja li tippermetti l-protezzjoni tal-baġit tal-UE u tiżgura l-ġestjoni finanzjarja tajba filwaqt li tippromwovi l-istat tad-dritt.

Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa / il-Pjan Juncker

Wara l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali l-UE kienet qed tbati minn livelli baxxi ta’ investiment. Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, l-hekk imsejjaħ Pjan Juncker, għandu l-għan li jiknes it-tfixkil għall-investiment, jipprovdi l-viżibbiltà u l-assistenza teknika għal proġetti ta’ investiment, u jagħmel użu aktar intelliġenti tar-riżorsi finanzjarji.

F’Lulju tal-2018 il-Pjan Juncker ta’ Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi laħaq il-mira inizjali ta’ EUR 315-il biljun u mill-2015 sa Diċembru tal-2018 immobilizza EUR 371 biljun f’investiment addizzjonali madwar l-Ewropa. Dan diġà appoġġa aktar minn 750,000 impjieg. Iċ-ċifra mistennija tiżdied għal 1.4 miljun impjieg sal-2020. Aktar minn 850,000 negozju ta’ daqs żgħir u medju (SMEs) qegħdin jibbenefikaw minn aċċess imtejjeb għall-finanzjament. Tal-inqas 40 % tal-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi taħt il-qasam tal-infrastruttura u l-innovazzjoni jappoġġa komponenti ta’ proġetti li jikkontribwixxu għall-azzjoni klimatika b’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar l-azzjoni klimatika.

Orizzont 2020 - il-programm tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni

'Orizzont 2020' huwa l-akbar programm fid-dinja li jippromwovi l-kooperazzjoni fix-xjenza, t-teknoloġija u l-innovazzjoni fl-UE u lil hinn minnha.

Finanzjament li jlaħħaq kważi s-EUR 77 biljun huwa disponibbli fuq seba’ snin (mill-2014 sal-2020) għal 'Orizzont 2020' - il-Programm qafas ta’ bħalissa għar-riċerka u l-innovazzjoni - minbarra l-investiment nazzjonali privat u pubbliku li se jiġi ġġenerat minn dawn il-flus. Aktar minn 60 % minn dan il-baġit qiegħed jiġi investit fl-iżvilupp sostenibbli. Qiegħed jiġi propost li l-programm suċċessur “Orizzont Ewropa” jingħata baġit saħansitra akbar.

“Orizzont 2020” għandu l-għan li jikseb tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. L-għan huwa li jiġi żgurat li l-UE tipproduċi xjenza u teknoloġija ta’ livell dinji li jkunu ta’ ġid għall-ekonomija, għas-soċjetà u għall-ambjent ukoll, tneħħi t-tfixkil għall-innovazzjoni u tagħmilha aktar faċli biex is-setturi pubbliċi u privati jaħdmu id f’id biex isibu soluzzjonijiet għall-isfidi l-kbar li s-soċjetà tagħna qiegħda tħabbat wiċċha magħhom.

Il-finanzjament ta’ tkabbir sostenibbli

Hekk kif il-pjaneta tagħna qiegħda tiffaċċja l-konsegwenzi imprevedibbli tat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tar-riżorsi, hija meħtieġa azzjoni urġenti biex nadattaw għal mudell aktar sostenibbli. Skont ċerti stimi se jkun hemm bżonn ta’ EUR 180 biljun sabiex jinkisbu l-miri tal-UE għall-2030 li ntlaħaq qbil dwarhom f’Pariġi, fosthom it-tnaqqis ta’ 40 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

Din hija r-raġuni għaliex f’Marzu tal-2018 il-Kummissjoni adottat pjan ta’ azzjoni dwar il-finanzjament sostenibbli biex issaħħaħ ir-rwol tal-finanzjament fil-promozzjoni ta’ ekonomija li tiffunzjona tajjeb u li twassal għall-kisba tal-għanijiet ambjentali u soċjali. Permezz ta’ dan l-UE qiegħda tippermetti lis-settur finanzjarju jagħti l-kontribut tiegħu għall-ksib tal-SDGs.

SustainableFinanceEU

Il-Pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari

F'ekonomija ċirkolari l-valur tal-prodotti, tal-materjali u tar-riżorsi jinżamm fl-ekonomija fit-tul kemm jista’ jkun, filwaqt li titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart (pereż. il-ħela tal-ikel, plastik u skart fil-baħar). Il-benefiċċji usa’ tal-ekonomija ċirkolari jinkludu l-ħolqien ta’ vantaġġi kompetittivi ġodda u t-tnaqqis tal-ħtieġa ta’ riżorsi skarsi, il-konsum tal-enerġija u tal-livelli tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju.

L-azzjonijiet li twettqu mill-Kummissjoni mill-adozzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari fl-2015 jappoġġaw ekonomija ċirkolari f’kull stadju tal-katina tal-valur. Permezz tal-pakkett tagħha dwar l-ekonomija ċirkolari l-UE qiegħda tagħti sinjal ċar lill-operaturi ekonomiċi u lis-soċjetà dwar it-triq li twassal għall-ġejjieni. Azzjoni fil-livell tal-UE tista’ tixpruna l-investimenti, toħloq kundizzjonijiet ekwi u tneħħi l-ostakli minn quddiem is-suq uniku.

Pjaneta nadifa għal kulħadd - il-viżjoni fit-tul għal ekonomija prosperuża, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050

Il-viżjoni fit-tul għal ekonomija prosperuża, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050, li ġiet adottata mill-Kummissjoni f'Novembru tal-2018, turi kif l-Ewropa tista’ tkun minn ta’ quddiem għal impatt newtrali fuq il-klima permezz tal-modernizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, tal-investiment f’soluzzjonijiet teknoloġiċi realistiċi, tal-għoti ta’ opportunitajiet liċ-ċittadini, u tal-allinjament tal-azzjoni f’oqsma ewlenin bħall-politika industrijali, il-finanzi, l-ekonomija ċirkolari u r-riċerka - filwaqt li jiġu żgurati l-ġustizzja soċjali u l-appoġġ għal tranżizzjoni ġusta. B’konformità sħiħa mal-SDGs, din tenfasizza għadd ta’ passi strateġiċi għat-tranżizzjoni lejn UE b’impatt newtrali għall-klima.

L-iskop tal-viżjoni fit-tul għandu jagħti d-direzzjoni ta’ fejn hi sejra l-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima u jwassal għal dibattitu fil-fond dwar it-tħejjija tal-UE għall-orizzont tal-2050, biex b’hekk sal-2020 l-UE tressaq strateġija ambizzjuża u fit-tul għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima sal-2020.

Il-Ftehim ta’ Pariġi dwar l-azzjoni klimatika – Il-pakkett enerġija nadifa għal kulħadd

L-Ewropa kellha rwol strumentali biex jintlaħaq l-ewwel ftehim universali u li jorbot legalment dwar il-klima f’Pariġi, li stabbilixxa pjan ta’ azzjoni globali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-UE kkommettiet li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’40 % sal-2030 meta mqabbla mal-1990.

Kienet minn ta’ quddiem fir-rigward tal-pakkett dwar enerġija nadifa għall-Ewropej kollha, xprunat it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u l-modernizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija biex tippermetti l-ilħuq tal-għanijiet ta’ Pariġi.

It-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima se jittrasformaw il-mod kifnipproduċu u nikkunsmaw l-enerġija b’mod sinifikanti. Din se tolqot lis-setturi u r-reġjuni diversi b’mod differenti. Il-mudelli ta’ negozju b’użu intensiv tal-karbonju, bħall-estrazzjoni tal-faħam, ser isiru inqas ekonomiċi u fl-aħħar se jgħibu gradwalment.

Għaldaqstant il-Kummissjoni nediet inizjattivi proprju għall-indirizzar tal-isfidi soċjali u ekonomiċi li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom dawn iċ-ċittadini minn reġjuni għonja fil-faħam. Dawn jappoġġaw l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ tranżizzjoni, proġetti konkreti għad-diversifikazzjoni strutturali u t-tranżizzjoni tat-teknoloġija. L-azzjonijiet ta’ appoġġ għal 41 reġjun fejn hemm attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-faħam f'madwar 12-il Stat Membru għandhom l-għan li jittrasformaw it-tranżizzjoni f’opportunitajiet li jqawwu l-innovazzjoni, l-investiment u l-ħiliet ġodda.

Ewropa Attiva

Wara l-istrateġija ta’ mobbiltà b’emissjonijiet baxxi l-Kummissjoni adottat tliet pakketti dwar il-mobbiltà “Ewropa Attiva” fl-2017 u fl-2018 rispettivament. “Ewropa Attiva” tinkludi sett kbir ta’ inizjattivi li se jagħmlu t-traffiku aktar sikur; jinkoraġġixxu l-pedaġġ tat-toroq intelliġenti; inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, it-tniġġis tal-arja u l-konġestjoni; inaqqsu l-burokrazija żejda għan-negozji; jiġġieldu l-impjegar illegali u jiżguraw kundizzjonijiet xierqa u ħin ta’ mistrieħ għall-ħaddiema. l-benefiċċji fit-tul ta’ dawn il-miżuri se jestendu mhux ftit lil hinn mis-settur tat-trasport billi jippromwovu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, it-tisħiħ tal-ġustizzja soċjali, it-tkattir tal-għażliet tal-konsumaturi filwaqt li l-Ewropa titqiegħed fit-triq it-tajba fejn jinqatgħu l-emissjonijiet kollha.

L-aħħar pakkett tal-“Ewropa Attiva” jistabbilixxi aġenda pożittiva u għandu l-għan li jwassal traffiku aktar sikur, vetturi li jniġġsu inqas u soluzzjonijiet teknoloġiċi aktar avvanzati lill-Ewropej kollha, u fl-istess waqt jappoġġa l-kompetittività tal-industrija tal-UE. Għal dan il-għan, l-inizjattivi inkludew politika integrata għall-ġejjieni tas-sikurezza fit-toroq permezz ta’ miżuri għas-sikurezza tal-vetturi u tal-infrastruttura; l-ewwel standards ta’ CO2 għal vetturi heavy-duty li qatt saru; pjan ta’ azzjoni strateġiku għall-iżvilupp u l-manifattura ta’ batteriji fl-Ewropa u strateġija li tħares ’il quddiem dwar il-mobbiltà konnessa u awtomatizzata.

Strateġija tal-UE għall-plastiks

Oċeani b’saħħithom huma fundamentali għall-eżistenza tagħna. Huma għajn essenzjali ta’ ikel u għall-introjtu ta’ madwar 40 % tal-popolazzjoni tad-dinja. Fl-aħħar mill-aħħar il-klima, l-ilma u l-ossiġnu tagħna jiġu pprovduti u huma rregolati mill-baħar.

L-aġenda dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani tal-UE stabbilixxiet qafas globali għat-tisħiħ tal-governanza internazzjonali tal-oċeani biex tiżura oċeani sikuri, nodfa u li jintużaw skont il-liġi u b’mod sostenibbli. Waħda mill-azzjonijiet inklużi fl-aġenda dwar il-governanza tal-oċeani kienet il-ġlieda kontra l-iskart fil-baħar.

F'Mejju tal-2018 il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda madwar l-Ewropa għal azzjoni kontra l-10 prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u li ta’ spiss jinstabu fil-bajjiet u fl-ibħra Ewropej, kif ukoll irkaptu tas-sajd mitluf u abbandunat. Flimkien dawn jikkostitwixxu 70 % tal-iskart kollu fil-baħar.

Inizjattivi oħrajn fir-rigward tal-plastiks jinkludu miżuri għall-prevenzjoni tar-rimi tal-iskart; biex il-plastiks jsiru parti minn ekonomija ċirkolari; għat-trattament ta’ skart fil-baħar li jkun ibbażat fil-baħar innifsu; u għall-iżgurar ta’ komprensjoni aħjar u l-monitoraġġ ta’ skart fil-baħar.

Pjan ta’ azzjoni tal-UE għan-natura, għan-nies u għall-ekonomija

Il-liġijiet dwar l-għasafar u l-ħabitats huma inizjattivi ewlenin tal-UE fir-rigward tan-natura. Huma jistabbilixxu l-akbar netwerk ikkoordinat ta’ żoni biodiversi ħafna fid-dinja (“Natura 2000”) li jikkontribwixxu għall-ekonomija tal-UE permezz tat-tisfija tal-ilma, il-ħżin tal-karbonju, id-dakkir jew it-turiżmu (“servizzi tal-ekosistema”) u li jikkorrispondu għal bejn 1.7 u 2.5 % tal-PDG tal-UE.

F’April tal-2017 il-Kummissjoni adottat “Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija” sabiex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-liġijiet fil-post u għaldaqstant ittejjeb il-ħarsien tan-natura għall-benefiċċju taċ-ċittadini u l-ekonomija tal-UE.

Il-pjan ta’ azzjoni jipprevedi 15-il azzjoni ewlenija li se jitwettqu sal-2019 dwar erba’ prijoritajiet ewlenin: it-titjib tal-għarfien u l-gwida sabiex tiġi żgurata aktar koerenza ma’ attivitajiet soċjoekonomiċi; it-tlestija tan-netwerk u l-iżgurar li jiġi ġestit b’mod effettiv; it-tisħiħ tal-investimenti f’'Natura 2000' u l-iżgurar ta’ aktar fondi; l-involviment taċ-ċittadini, tal-partijiet ikkonċernati u tal-komunitajiet lokali.

Aġenda urbana għall-UE

Il-bliet fl-Ewropa jinsabu fil-qalba tal-isfidi ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-lum. Aktar minn 70 % taċ-ċittadini tal-UE jgħixu f’żoni urbani u 85 % tal-PDG tal-UE jiġi ġġenerat fil-bliet. 

L-aġenda urbana għall-UE li tnediet f’Mejju tal-2016 hija essenzjali biex jiġi żgurat li ż-żoni urbani jaġixxu ta’ katalisti għal soluzzjonijiet sostenibbli innovattivi li jippromwovu t-tranżizzjoni għal soċjetajiet reżiljenti b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Il-ħidma fuq l-aġenda urbana qiegħda ssir mill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u bliet Ewropej, sabiex l-impatt tal-politiki fuq iż-żoni urbani jiġi kkunsidrat aħjar. Għan ieħor tagħha huwa li ssaħħaħ ir-reżiljenza ta’ postijiet urbani billi taġixxi bħala prevenzjoni għal diżastri u riskji relatati mal-klima.

L-aġenda urbana hija msaħħa mill-inizjattivi tal-Kummissjoni li jippromwovu azzjoni fit-tul dwar l-enerġija u l-klima fil-livell lokali bħal pereżempju l-Patt tas-Sindki. Il-Patt Globali tas-Sindki għall-klima u l-enerġija sar fl-2016 fuq il-bażi ta’ din l-inizjattiva Ewropea li tlaqqa’ 10.28 % tal-popolazzjoni globali f’alleanza li hija favur azzjoni kontra t-tibdil fil-klima u biex is-soċjetajiet tagħna jimxu lejn livelli baxxi ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

Aġenda għall-ħiliet għall-Ewropa

Permezz tal-aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa, qed isir investiment fin-nies biex b’hekk inkunu jistgħu jiffaċċjaw il-ġejjieni b’fiduċja. Bit-twettiq tal-10 azzjonijiet tal-aġenda għall-ħiliet il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tgħin biex in-nies jingħataw il-ħiliet it-tajba biex iżommu ruħhom informati dwar it-tibdil fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol. L-Ewropa qiegħda wkoll tagħti aktar viżibbiltà lill-ħiliet filwaqt li tagħmilhom aktar paragunabbli, u qiegħda tiġbor informazzjoni dwar x’ħiliet huma bżonjużi għal ċerti xogħlijiet u setturi madwar l-Ewropa. Barra minn hekk il-Kummissjoni appoġġat ukoll lill-pajjiżi Ewropej biex jagħtu spinta lill-għajnuna tagħhom lil dawk l-adulti li jsibu diffikuktajiet b’ħiliet bażiċi. Tnedew inizjattivi li jħejju lin-nies għar-rivoluzzjoni diġitali u l-ġejjieni tax-xogħol. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni Ewropea ħolqot il-ġimgħa Ewropea tal-ħiliet vokazzjonali biex tqajjem kuxjenza dwar il-bosta opportunitajiet li joffru l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Mill-2016 dawn il-kampanji annwali rnexxew u għenu lil miljuni ta’ żgħażagħ u adulti biex jiskopru li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali hija l-ewwel għażla jew għażla tajba daqs oħrajn.

Bijoekonomija sostenibbli tal-UE li ssaħħaħ il-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent

Aħna ngħixu fi pjaneta b’riżorsi limitati. L-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni tal-art u tal-ekosistemi, flimkien ma’ popolazzjoni dejjem tikber iġegħluna nfittxu modi ġodda kif nipproduċu u nikkonsmaw riżorsi bijoloġiċi li jirrispettaw il-fruntieri ekoloġiċi tal-pjaneta tagħna. B’fatturat ta’ EUR 2.3 triljuni, li jirrappreżenta 8.2 % tal-forza tax-xogħol, il-bijoekonomija hija element ewlieni tal-ekonomija tal-UE.

L-istrateġija aġġornata dwar il-bijoekonomija se tniedi 14-il azzjoni li se jwittu t-triq għal soċjetà aktar innovattiva, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva li tlaqqa’ s-sigurtà tal-ikel mal-użu sostenibbli ta’ riżorsi bijotiċi rinnovabbli, u fl-istess waqt tiżgura l-ħarsien tal-ambjent. Ser issaħħaħ is-setturi ta’ prodotti bijoloġiċi u tiżviluppa teknoloġiji ġodda li jittrasformaw il-bijoskart fi prodott ta’ valur, tipprovdi benefiċċji lill-komunitajiet rurali u tiżgura li l-bijoekonomija topera f’kuntest ekoloġiku.

Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE

Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE hija l-politika tal-investiment ewlenija tal-UE u l-missjoni fil-qalba tagħha hija l-kisba ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali billi jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn id-diversi reġjuni b'rabta mal-livelli ta’ żvilupp tagħhom. Hija waħda mill-aktar politiki trasversali u orizzontali li tikkontribwixxi għall-parti l-kbira tas-17 il-SDG, jekk mhux għalihom kollha.

Barra minn hekk, il-prinċipji u l-għanijiet trasversali ewlenin, bħall-iżvilupp sostenibbli, l-eliminizzazjoni tal-inugwaljanzi, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-integrazzjoni ta’ perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll il-ġlied kontra d-diskriminazzjoni huma kollha integrati fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni ta’ din il-politika. Il-prijorità li tingħata lill-prinċipju tas-sħubija tiżgura li l-atturi nazzjonali u sottonazzjonali jimpenjaw irwieħhom u jassumu r-responsabbiltà li jwettqu l-prijoritajiet tal-UE permezz ta’ proġetti kofinanzjati.

Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

L-UE qiegħda taħdem biex toħloq Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025, “li fiha t-tagħlim, l-istudju u r-riċerka ma jiġux imxekkla mill-fruntieri. Kontinent, fejn il-fatt li wieħed iqatta’ żmien fi Stat Membru ieħor – biex jistudja, jitgħallem jew jaħdem – sar l-istandard u fejn, minbarra l-lingwa materna tiegħu, li wieħed jitkellem żewġ lingwi oħra saret in-norma. Kontinent li fih in-nies għandhom sens qawwi tal-identità tagħhom bħala Ewropej, tal-wirt kulturali tal-Ewropa u tad-diversità tagħha.

F’konformità mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-għan huwa li kulħadd ikollu aċċess għal tagħlim innovattiv, inklużiv u tul ħajtu kollha. L-ewwel azzjonijiet konkreti jinkludu l-iżvilupp ta’ universitajiet Ewropej; il-kwalifiki miksuba fl-edukazzjoni sekondarja għolja u terzjarja, kif ukoll il-perjodi ta’ tagħlim li jsiru f’pajjiżi barranin jiġu rikonoxxuti awtomatikament fl-Istati Membri kollha; jittejjeb it-tagħlim tal-lingwi; issir il-promozzjoni ta’ edukazzjoni u ta’ kura bikrija ta’ kwalità għolja tat-tfal; jingħata appoġġ għat-tagħlim ta’ kompetenzi ġodda; jissaħħaħ it-tagħlim diġitali.

Pjattaforma tal-UE dwar it-telf u l-ħela tal-ikel

Huwa stmat li fl-UE jinħela jew jintilef 20 % tal-ikel totali li jiġi prodott, filwaqt li 43 miljun persuna ma jaffordjawx ikla ta’ kwalità kuljum. L-unitajiet domestiċi jiġġeneraw aktar minn nofs l-ikel kollu li jinħela fl-UE filwaqt li 70 % tal-ikel jinħela fil-livell tal-unitajiet domestiċi, tas-servizz tal-ikel u tal-konsumatur.

Ma hemmx kawża jew soluzzjoni waħda għal dan għaliex il-katina alimentari hija sistema kumplessa u dinamika. Is-soluzzjoni għall-ħela tal-ikel tinsab f’ħidma id f’id mal-atturi ewlenin kollha mis-settur pubbliku u dak privat sabiex dan il-ħela jiġi identifikat, imkejjel, mifhum u jinsabu tweġibiet għal din il-problema.

Il-pjattaforma tal-UE dwar it-telf u l-ħela tal-ikel inħolqot fl-2016 u tlaqqa’ organizzazzjonijiet internazzjonali, Stati Membri u partijiet ikkonċernati f’ħidma biex jiddefinixxu l-aħjar prattika u jiksbu progress fil-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel. Bl-għajnuna tal-pjattaforma l-Kummissjoni adottat linji gwida tal-UE biex tiffaċilita d-donazzjoni tal-ikel (2017) u għaddejja bi proġett pilota tal-UE fuq tliet snin li jippromwovi l-implimentazzjoni tagħhom fil-prattika. Fl-2018 ġew adottati il-linji gwida tal-UE fir-rigward tal-valorizzazzjoni tal-ikel li jkun għadu jista’ jittiekel iżda ma jkunx għadu jista’ jinbiegħ għall-konsum tal-bniedem bħala riżorsi għall-għalf tal-annimali. Barra minn hekk il-Kummissjoni qiegħda teżmina modi ġodda b’mod attiv biex ittejjeb l-użu u l-fehim tad-dati “uża sa” u “aħjar qabel” fil-katina alimentari u mill-konsumaturi sabiex titnaqqas il-ħela tal-ikel assoċjata magħhom.

Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

Fl-2017 l-UE u l-Istati Membri tagħha adottaw il-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp. Dan jipprovdi viżjoni konġunta għall-politika tal-iżvilupp. Il-Kunsens il-ġdid jirrefletti l-qafas tal-azzjoni esterna l-ġdid u jaġġorna l-viżjoni ta’ politika tal-iżvilupp li tindirizza l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u l-SDGs. Huwa jippromwovi wkoll l-implimentazzjoni kkoordinata tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima u tal-aġenda tax-xogħol deċenti.

Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp huwa mibni fuq “il-5 prinċipji” (“5 Ps”) li huma s-sisien tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti; In-nies, il-pjaneta, il-prosperità, is-sliem u s-sħubija. L-eradikazzjoni tal-faqar għadu l-għan ewlieni. Tintegra d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli. Il-Kunsens isaħħaħ ir-rabta kruċjali li hemm bejn il-politiki esterni, bħall-politika umanitarja u tal-iżvilupp mal-politiki kummerċjali u l-politiki li jindukraw is-sliem u s-sigurtà mat-trattament tal-migrazzjoni, l-ambjent u t-tibdil fil-klima.

Lejn 'Alleanza ġdida bejn l-Afrika u l-Ewropa'

L-Afrika hija sieħba importanti tal-UE b’rabta mal-kummerċ, l-investiment u l-iżvilupp. Fl-2017 l-UE kienet responsabbli għal 36 % tal-kummerċ ta’ prodotti tal-Afrika, it-titoli ta’ investiment tal-UE jirrappreżentaw 40 % tal-investiment dirett barrani fl-Afrika li fl-2016 kien jammonta għal EUR 291 biljun, u fl-2016 biss l-Afrika rċeviet 55 % tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, b’ammont li laħħaq it-EUR 23 biljun, mingħand l-UE u l-Istati Membri tagħha.

F’Settembru tal-2018 il-Kummissjoni nediet l- “Alleanza Afrika-Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli” sabiex l-ispinta tas-sħubija titla' għal-livell li jmiss.

L-alleanza tistabbilixxi l-linji ewlenin tal-azzjoni biex l-UE u s-sħab Afrikani tagħha jħajru investituri privati, itejbu l-ambjent tan-negozju, jgħinu l-edukazzjoni u l-ħiliet u jagħtu spinta lill-kummerċ.

L-alleanza tikkumplimenta s-sħubija politika li tmur lura żmien twil u tipproponi bidla fundamentali lil hinn minn approċċ bejn donatur u benefiċjarju lejn alleanza ta’ partijiet indaqs. Hija tibni fuq l-impenn konġunt għaż-żieda tal-investiment, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kummerċ li sar fil-ħames summit bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea fl-2017.

L-Afrika għandha bżonn sħubija hija teħtieġ sħubija veritiera u ġusta. U aħna, l-Ewropej neħtieġu din is-sħubija daqstant.”

Jean-Claude Juncker,
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea
Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, 2018

Strateġija globali tal-UE għall-politika estera u ta’ sigurtà

L-istrateġija globali għall-politika estera u ta’ sigurtà tistabbilixxi viżjoni għall-involviment tal-UE fid-dinja. L-SDGs huma dimensjoni trasversali tal-ħidma kollha għall-implimentazzjoni tal-istrateġija.

L-UE qiegħda tgħin fil-bini ta’ soċjetajiet paċifiċi u inklużivi. Fil-kuntest ta’ bħalissa, fejn l-ispazju ċiviku u demokratiku qiegħed jonqos, l-UE affermat mill-ġdid l-appoġġ inkondizzjonat tagħha għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba madwar id-dinja.

Dan l-involviment jieħu għadd ta’ suriet fosthom id-djalogu politiku dwar il-politika u l-appoġġ finanzjarju permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija (2015-2019) jipprovdi qafas għall-politiki ma’ pajjiżi terzi. Tul is-snin l-UE bdiet djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma’ numru dejjem jiżdied ta’ pajjiżi terzi biex ittejjeb il-kooperazzjoni fuq id-drittijiet tal-bniedem u ttejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi terzi, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja.

Barra minn hekk, l-UE qiegħda tappoġġa programmi għat-tisħiħ ta’ istituzzjonijiet trasparenti u responsabbli, fosthom parlament, ġudikaturi u korpi tal-infurzar tal-liġi, u istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. L-UE qiegħda taħdem ukoll favur it-tisħiħ tar-reżiljenza f’pajjiżi sħab bħala mezz għall-indirzzar ta’ sitwazzjonijiet fraġli u qiegħda tappoġġa inizjattivi ta’ prevenzjoni ta’ kunflitti u tiswir tal-paċi fosthom permezz tat-titjib tal-governanza tas-settur tas-sigurtà tas-sħab biex tgħin fil-prevenzjoni ta’ kriżijiet u t-trawwim tas-sigurtà tal-bniedem.

Kummerċ għal kulħadd: Lejn politika kummerċjali u tal-investiment aktar responsabbli

Is-sistema ekonomika tal-lum, li hija waħda globali u diġitali, hija msejsa fuq katini tal-valur internazzjonali u l-kummerċ ta’ prodotti u servizzi bejn il-fruntieri qiegħed dejjem jiżdied.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li l-politika kummerċjali u tal-investiment tal-UE tindirizza l-isfidi ta’ żmienna u tiffaċilita l-iskambju tal-ideat, tal-ħiliet u tal-innovazzjoni. Il-Kummissjoni tagħraf ukoll li politika kummerċjali effettiva jenħtieġ li tibqa' koerenti mal-politika ta’ żvilupp sostenibbli u mal-politiki tal-affarijiet barranin aktar ġenerali, kif ukoll mal-għanijiet esterni tal-politiki interni tal-UE biex b’hekk dawn isaħħu lil xulxin. Il-Kummissjoni tisħaq li l-kummerċ għandu jiżgura kundizzjonijiet ekwi filwaqt li tippromwovi prinċipji fundamentali bħad-drittijiet tal-bniedem, xogħol deċenti, l-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja jew ir-regolamentazzjoni ta’ kwalità għolja u s-servizzi pubbliċi nazzjonali.

Bl-istrateġija bbażata fuq il-valuri - “Kummerċ għal kulħadd: Lejn politika kummerċjali u tal-investiment aktar responsabbli", il-Kummissjoni turi li l-politika kummerċjali tal-UE hija għal kulħadd, li l-politika kummerċjali trid twassal għal tkabbir, impjiegi u innovazzjoni iżda trid tkun ukoll konsistenti mal-prinċipji tal-mudell Ewropew. F’kelmtejn din għandha tkun politika responsabbli. 

Il-baġit pluriennali Ewropew li jmiss – għodda li tintegra s-sostenibbiltà

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-baġit pluriennali Ewropew li jmiss għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027 hija ta’ baġit iggwidat mill-prinċipji tal-prosperità, tas-sostenibbiltà, is-solidarjetà u s-sigurtà. L-iżvilupp sostenibbli jinsab fil-qalba sew ta’ dawn il-proposti. Dan huwa prijorità trasversali, mhux titolu wieħed jew programm uniku. Is-sostenibbiltà hija promossa permezz ta’ bosta programmi u għodda ta’ nfiq, kif ukoll integrata fihom. Fost il-proposti tal-Kummissjoni għall-baġit pluriennali Ewopew li jmiss hemm:

·Ristrutturar maġġuri tal-istrumenti ta’ azzjoni esterna tal-UE sabiex ikun hemm aktar koerenza bejn l-istrumenti differenti u jsir l-aħjar użu tal-ekonomiji ta’ skala u tas-sinġeriji bejn il-programmi filwaqt li jiġu ssimplifikati l-proċessi. Dan se jpoġġi lill-UE f’pożizzjoni aħjar biex tilħaq l-għanijiet tagħha u biex tipproġetta l-objettivi, il-politiki, il-valuri u l-interessi tagħha madwar id-dinja. L-Istrument il-ġdid ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali propost għandu baġit ta’ kważi EUR 90 biljun u huwa allinjat mal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u l-SDGs tagħha. Bil-Faċilità Ewropea għall-Paċi, li tiswa EUR 10.5 biljuni, l-UE għandha wkoll l-għan li ssaħħaħ il-kapaċità tagħha ta’ prevenzjoni tal-kunflitti, tibni l-paċi u tqawwi s-sigurtà internazzjonali.

·Is-sejbien ta’ soluzzjonijiet deċiżivi għall-appoġġ tat-tranżizzjoni lejn żvilupp sostenibbli se jirrekjedi investiment bla preċedent fir-Riċerka u l-Innovazzjoni permezz tal-“Orizzont Ewropa”, l-akbar Programm ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE li qatt kien hemm b’baġit propost ta’ EUR 100 biljun.

·Mira aktar ambuzzjuża għall-integrazzjoni tal-azzjoni klimatika fil-programmi kollha tal-UE, b’mira li 25 % tan-nefqa tal-UE tikkontribwixxi għall-klima, fosthom objettivi għat-tranżizzjoi lejn enerġija nadifa. Il-mira tiżdied għal 35 % tal-baġit globali tal-programm qafas propost għar-riċerka u l-innovazzjoni “Orizzont Ewropa”, li huwa propost u mfassal f’konformità mal-SDGs.

·Politika ta’ Koeżjoni riformata b’aktar minn EUR 370 biljun - l-ogħla baġit fost il-politiki u l-inizjattivi kollha tal-UE bejn l-2021 u l-2027 - li se tiġġenera investimenti addizzjonali sinifikanti mis-settur pubbliku u dak privat. L-enfasi tal-proposta huwa fuq it-tkabbir sostenibbli, it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, l-ambjent u l-użu effiċjenti ta’ riżorsi u l-inklużjoni soċjali. Permezz tal-politika ta’ koeżjoni riformata l-UE se tkun tista’ tilħaq il-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u ser tgħin fil-lokalizzazzjoni tal-SDGs billi t-twettiq tagħha jsir f’kooperazzjoni mill-qrib mar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali. L-investiment fin-nies ser ikun prijorità ewlenija permezz tal-Fond Soċjali Ewropew tal-futur (ESF+) li jgħin fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b’baġit propost li jammonta għal EUR 101 biljun.

·InvestEU, li hija proposta sabiex l-investimenti strateġiċi ewlenin jiġu kkatalizzati permezz ta’ fond ta’ investiment ġdid integrat bis-sħiħ, se tkun essenzjali għall-prosperità ġejjiena tal-Ewropa u tippermettilha tkun minn ta’ quddiem fil-ħidma dwar l-SDGs. B’kontribuzzjoni ta’ EUR 15.2-il biljun mill-baġit tal-UE, InvestEU mistennija timmobilizza aktar minn EUR 650 biljun f’investiment addizzjonali madwar l-Ewropa.

·Politika agrikola komuni ssimplifikata u mmodernizzata b’baġit totali ta’ EUR 365 biljun se tiżgura ikel sikur, ta’ kwalità għolja, għall-but ta’ kulħadd, sustanzjuż u varjat għall-EUR 500 miljun konsumatur tal-UE. Il-politika agrikola komuni l-ġdida ser tpoġġi enfasi akbar fuq l-ambjent u l-klima. Il-bdiewa kollha li jirċievu pagamenti bbażati fuq il-bhejjem ser ikollhom jikkonformaw ma’ għadd ta’ rekwiżiti relatati mat-tibdil fil-klima, l-ilma, il-ħamrija, il-bijodiversità u l-pajsaġġ, kif ukoll mas-saħħa pubblika, is-saħħa tal-pjanti u s-saħħa u l-benesseri tal-bhejjem.

·It-tisħiħ tal-programm ambjentali LIFE, b’baġit ta’ EUR 5.5 biljuni għal proġetti se jappoġġa l-ambjent u l-azzjoni klimatika, fosthom b’possibbiltà ġdida apposta għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.

·Qiegħed jiġi propost li l-baġit tal-Programm Erasmus tal-ġejjieni jiġi rdoppjat għal EUR 30 biljun biex b’hekk għadd akbar ta’ ċittadini Ewropej jkunu jistgħu jistudjaw, jitħarrġu, jinvolvu ruħhom f’volontarjat u jiksbu esperjenza professjonali barra minn pajjiżhom.

·Il-programm Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027 għandu l-għan li tiġi żviluppata infrastruttura intelliġenti, sostenibbli, inklużiva u sikura fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija u fis-settur diġitali b’baġit propost ta’ EUR 42.3 biljun. Is-sinerġiji bejn it-tliet setturi se jiġu promossi filwaqt li l-investiment se jiġi ssimplifikat skont kriterji ta’ eliġibbiltà koerenti u l-viżibbiltà fuq il-pipeline. Tal-anqsas 60 % tal-finanzjament tal-programm Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa se jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika.

·It-trasformazzjoni diġitali hija importanti ferm biex twassal għat-tranżizzjoni lejn livelli baxxi ta’ emissjonijiet tal-karbonju, l-ekonomija u s-soċjetà ċirkolari, li huma meħtieġa għall-ksib tal-SDGs. Il-Programm propost Ewropa Diġitali, b’baġit ta’ EUR 9.2 biljuni se jaħdem għal dan il-għan, pereżempju billi jappoġġa l-għoti ta’ kapaċitajiet fuq skala kbira fil-computing ta’ prestazzjoni għolja u fl-intelliġenza artifiċjali, li se joffru opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp sostenibbli, fosthom it-tnaqqis tas-CO2. 

·Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd issimplifikat u aktar immirat b’baġit totali ta’ EUR 6.14 biljuni għall-appoġġ tal-politika komuni tas-sajd, tal-politika marittima tal-UE u tal-impenji internazzjonali fil-qasam tal-governanza tal-oċeani, speċjalment fil-kuntest tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli.



L-inizjattivi ewlenin tal-Kummissjoni Juncker relatati mal-SDG

SDG 1: Inxejnu l-Faqar

·Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, tabella ta’ valutazzjoni soċjali

·Is-Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika u soċjali imsaħħaħ

·Ir-rakkomandazzjoni dwar il-qgħad fit-tul

·Ir-rakkomandazzjoni dwar l-aċċess għall-ħarsien soċjali għal kulħadd

·Il-qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom

· L-att Ewropew dwar l-aċċessibbiltà

·Il-pjan ta’ azzjoni dwar id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa

·L-approċċ strateġiku dwar ir-reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE

·Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

·Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 2015-2030

·Il-politika Ewropea tal-viċinat riveduta u l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, l-istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent

·L-istrateġija kummerċ għal kulħadd

·L-istrateġija aġġornata dwar l-għajnuna għall-kummerċ

SDG2: Inxejnu l-ġuħ

·Il-politika agrikola komuni

·Il-politika komuni tas-sajd

·Il-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari

·Il-pjattaforma ta’ diversi partijiet ikkonċernati dwar it-telf u l-ħela tal-ikel

·Ir-regoli dwar il-biedja organika

·L-inizjattiva IKEL 2030 għall-iżvilupp ta’ aġenda koerenti ta’ riċerka u innovazzjoni għal sistemi sostenibbli ta’ ikel u nutrizzjoni

·Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: li ssaħħaħ il-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent

·Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

·Il-politika Ewropea tal-viċinat riveduta u l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, l-istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent

·It-Task Force għall-Afrika Rurali

·L-istrateġija kummerċ għal kulħadd

SDG3: Saħħa u Benesseri

·Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, tabella ta’ valutazzjoni soċjali

·L-Istat tas-saħħa fl-UE - ċiklu ta’ rapportar

·Trasformazzjoni diġitali għas-saħħa u l-kura: li ġġib magħha saħħa u kura aħjar lil aktar ċittadini b’mod aħjar u effettiv

·Il-pjan ta’ azzjoni “Saħħa Waħda” kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi

·L-aġġornament tar-regoli dwar il-karċinoġeni u l-mutaġeni

·Il-kooperazzjoni tal-UE dwar mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim

·Il-Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa, tal-Ġestjoni u l-Kontroll tal-Mard li ma jitteħidx

·Regoli ġodda dwar l-apparat mediku

·L-infurzar tal-istandards tal-UE kontra t-tniġġis tal-arja u miżuri li jgħinu lill-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali fil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja

·Pjaneta nadifa għal kulħadd - il-viżjoni fit-tul għal ekonomija prosperuża, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050

·Pjan ta’ azzjoni strateġiku dwar is-sikurezza fit-toroq

·Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

·Is-sħubija għal riċerka mal-Afrika kontra l-HIV/AIDS, it-tuberkulożi u mard infettiv ieħor

·Il-politika Ewropea tal-viċinat riveduta u l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, l-istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent

·L-istrateġija kummerċ għal kulħadd

SDG 4: Edukazzjoni ta’ Kwalità

·Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, tabella ta’ valutazzjoni soċjali

·Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025

·L-aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja

·Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa

·L-istrateġija għaż-żgħażagħ  2019–2027

·Il-pjan ta’ azzjoni għall-edukazzjoni diġitali

·Ir-rakkomandazzjonijiet dwar is-sistemi ta’ Edukazzjoni u ta’ Kura Bikrija ta’ Kwalità Għolja tat-Tfal; dwar l-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tad-diplomi u perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż; dwar it-titjib tat-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi; dwar Qafas Ewropew għal apprendistati effettivi u ta’ kwalità; dwar qafas Ewropew ta’ kompetenzi ewlenin; u dwar perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet, opportunitajiet ġodda għall-adulti

·Is-semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika u soċjali imsaħħaħ

·Azzjoni tal-UE dwar l-edukazzjoni f’emerġenzi u fi kriżijiet fit-tul

·Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

·Il-politika Ewropea tal-viċinat riveduta u l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, l-istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent

·“Alleanza UE – Afrika” ġdida

SDG 5: Ugwaljanza bejn il-Ġeneri

· L-impenn strateġiku dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2016-2019

·Il-pakkett dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

·Il-pjan ta’ azzjoni dwar id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa

·Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, tabella ta’ valutazzjoni soċjali

·Is-semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika u soċjali msaħħaħ

·“In-Nisa fit-Trasport”

·Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u s-setgħa lin-nisa fir-relazzjonijiet esterni

·Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

·Alleanza globali: inizjattiva spotlight (UE-UN) għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet

·Il-politika Ewropea tal-viċinat riveduta u l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, l-istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent

·L-istrateġija kummerċ għal kulħadd

SDG 6: Ilma Nadif u Sanità

·Il-proposta dwar ir-regoli riveduti dwar l-ilma tax-xorb

·Il-proposta dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma

·Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

·Il-politika Ewropea tal-viċinat riveduta u l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, l-istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent

·L-istrateġija globali għall-politika estera u ta’ sigurtà komuni

SDG 7: Enerġija Affordabbli u Nadifa

·L-istrateġija tal-Unjoni tal-enerġija

·Il-pakketti tal-“Ewropa Attiva”

·Il-pakkett dwar l-enerġija nadifa għall-Ewropej kollha

·Pjaneta nadifa għal kulħadd - il-viżjoni fit-tul għal ekonomija prosperuża, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050

·Il-qafas għall-klima u l-enerġija għall-2030

·L-inizjattiva fuq skala kbira Orizzont 2020 dwar it-trasformazzjoni diġitali fis-settur tal-enerġija permezz tal-Internet tal-Oġġetti

·Il-pjan strateġiku għat-teknoloġija tal-enerġija

·L-alleanza Ewropea tal-batteriji

·Il-Missjoni Innovazzjoni

·Is-sostenn għar-reġjuni tal-faħam li jinsabu fi tranżizzjoni

·L-osservatorju tal-faqar enerġetiku

·L-inizjattiva enerġija nadifa għall-gżejjer tal-UE

·Il-politika ta’ koeżjoni

·Il-pjan ta’ azzjoni għal finanzi sostenibbli

·L-Istrateġija dwar emissjonijiet baxxi

·Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

·L-Istrateġija Nenerġizzaw l-Afrika

·Il-Patt Ewropew u Globali tas-Sindki favur il-klima u l-enerġija

·Il-politika Ewropea tal-viċinat riveduta u l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, l-istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent

·L-istrateġija globali għall-politika estera u ta’ sigurtà komuni

SDG 8: Xogħol Deċenti u Tkabbir Ekonomiku

·Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa / il-“Pjan Juncker”

·Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, tabella ta’ valutazzjoni soċjali

·Is-semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika u soċjali msaħħaħ

·L-istrateġija mġedda tal-UE dwar il-politika industrijali

·L-aġenda mġedda għar-riċerka u l-innovazzjoni u l-programm “Orizzont 2020”

·Il-politika ta’ koeżjoni

·Ir-regoli dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli

·L-aġġornament tar-regoli dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema

·Il-proposta għall-ħolqien tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol

·L-aġġornament tar-regoli dwar il-karċinoġeni u l-mutaġeni

·Ir-rakkomandazzjoni dwar l-aċċess għall-ħarsien soċjali għal kulħadd

·Ir-rakkomandazzjoni dwar il-qgħad fit-tul

·Pjaneta nadifa għal kulħadd - il-viżjoni fit-tul għal ekonomija prosperuża, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050

·Il-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari

·Il-pjan ta’ investiment estern, fosthom il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli

·Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

·Il-politika Ewropea tal-viċinat riveduta u l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, l-istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent

·L-istrateġija kummerċ għal kulħadd

·L-istrateġija aġġornata dwar l-għajnuna għall-kummerċ

·L-istrateġija globali għall-politika estera u ta’ sigurtà komuni

·“Alleanza UE – Afrika” ġdida

SDG 9: L-Industrija, l-Innovazzjoni u l-Infrastruttura

·L-istrateġija mġedda tal-UE dwar il-politika industrijali u l-lista tal-materja prima kritika

·Id-dikussjoni madwar mejda ta’ livell għoli “Industrija 2030”

·Il-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari

·Pjaneta nadifa għal kulħadd - Il-viżjoni fit-tul għal ekonomija prosperuża, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050

·L-aġenda mġedda għar-riċerka u l-innovazzjoni u l-Programm “Orizzont 2020”, fosthom il-qasam kbir ta’ prijorità dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea

·Il-politika ta’ koeżjoni

·L-istrateġija dwar is-suq uniku diġitali

·Il-pjan ta’ azzjoni għal finanzi sostenibbli

·Il-pakkett dwar l-enerġija nadifa għall-Ewropej kollha

·L-osservatorju tal-faqar enerġetiku

·L-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva

·Il-pakketti tal-“Ewropa Attiva”

· “In-Nisa fit-Trasport”

·Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

·L-inizjattiva “Proċessur Ewropew”

·L-Istrateġija dwar il-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi

·Il-pjan tal-investiment estern

·Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

·Il-politika Ewropea tal-viċinat riveduta u l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, l-istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent

·L-istrateġija kummerċ għal kulħadd

·“Alleanza UE – Afrika” ġdida

SDG 10: Inqas Inugwaljanzi

·Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, tabella ta’ valutazzjoni soċjali

·Is-semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika u soċjali imsaħħaħ

·L-Att Ewropew dwar l-aċċessibbiltà

·Ir-Rakkomandazzjoni dwar l-aċċess għall-ħarsien soċjali għal kulħadd

·Il-pakkett dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

·Ir-regoli dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli madwar l-UE

·Il-Politika ta’ Koeżjoni

·Il-qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom

·L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

·Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija 2015-2019

·Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

·Il-politika Ewropea tal-viċinat riveduta u l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, l-istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent

·L-istrateġija kummerċ għal kulħadd

·L-istrateġija globali għall-politika estera u ta’ sigurtà komuni

SDG 11: Bliet u Komunitajiet Sostenibbli

·Aġenda urbana għall-UE

·L-Istrateġija għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi

·Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, tabella ta’ valutazzjoni soċjali

·L-aġenda mġedda għar-riċerka u l-innovazzjoni u l-programm “Orizzont 2020”, inkluż inizjattiva fuq skala kbira dwar it-trasformazzjoni diġitali fi Bliet u Komunitajiet Intelliġenti

·Il-komunikazzjoni konġunta dwar ir-reżiljenza

·Il-politika ta’ koeżjoni

·Pjaneta nadifa għal kulħadd - il-viżjoni fit-tul għal ekonomija prosperuża, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050

·Il-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari

·Il-Patt Ewropew u Globali tas-Sindki favur il-klima u l-enerġija

·Ġestjoni tad-dizastri tal-UE msaħħa (rescEU) u l-mekkaniżmu rivedut tal-UE għall-protezzjoni ċivili

·Il-pjan ta’ azzjoni dwar il- pjan ta’ azzjoni ta’ Sendai għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri 2015-2030

·Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

·Il-politika Ewropea tal-viċinat riveduta u l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, l-istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent

·Premju bliet tal-UE għal kummerċ ġust u etiku

SDG 12: Konsum u Produzzjoni Responsabbli

·Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari, fosthom qafas ta’ monitoraġġ u l-pjattaforma Ewropea tal-partijiet interessati tal-ekonomija ċirkolari

·Pjaneta nadifa għal kulħadd - il-viżjoni fit-tul għal ekonomija prosperuża, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050

·Il-pjattaforma ta’ diversi partijiet ikkonċernati dwar it-telf u l-ħela tal-ikel

·Ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar l-iskart, fosthom l-azzjoni dwar it-telf tal-ikel u l-ħela tal-ikel

·Strateġija tal-UE għall-plastiks

·L-inizjattivi fuq skala kbira taħt “Orizzont 2020” dwar it-trasformazzjoni diġitali u sostenibbli tas-Settur AgroAlimentari

·Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: li ssaħħaħ il-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent

·Il-pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn u t-tikkettar enerġetiku

·L-aġenda Ewropea għal ekonomija kollaborattiva

·L-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva

·Ir-regoli dwar il-minerali ta’ kunflitt

·Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

·Il-politika Ewropea tal-viċinat riveduta u l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, l-istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent

·L-istrateġija kummerċ għal kulħadd

SDG 13: Azzjoni Klimatika

·Id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima

·Pjaneta nadifa għal kulħadd - il-viżjoni fit-tul għal ekonomija prosperuża, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050

·Il-qafas għall-klima u l-enerġija għall-2030

·Is-sistema mġedda tal-UE dwar l-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet

·Il-pakkett dwar l-enerġija nadifa għall-Ewropej kollha

·Il-pakketti “Ewropa Attiva”

·L-Istrateġija dwar il-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi

·Il-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari

·L-aġenda dwar il-governanza tal-oċeani

·Il-lista tal-materja prima kritika

·Il-Patt Ewropew u Globali tas-Sindki favur il-klima u l-enerġija

·Il-ġestjoni tad-dizastri tal-UE msaħħa (rescEU) u l-mekkaniżmu rivedut tal-UE għall-protezzjoni ċivili

· Il-pjan ta’ azzjoni dwar il-qafas ta’ Sendai għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri 2015-2030  

·Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

·Il-politika Ewropea tal-viċinat riveduta u l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, l-istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent

·L-istrateġija kummerċ għal kulħadd

·L-istrateġija globali għall-politika estera u ta’ sigurtà komuni

SDG 14: Ħajja taħt l-Ilma

·Strateġija tal-UE għall-plastiks

·L-aġenda dwar il-governanza tal-oċeani

·L-istrateġija tal-UE dwar it-tkabbir blu

·Ir-regoli l-ġodda għall-ġestjoni sostenibbli tal-flotot tas-sajd esterni

·Il-proposta għar-reviżjoni tas-sistema tal-UE tal-kontroll tas-sajd

·Il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

·Pjaneta nadifa għal kulħadd - il-viżjoni fit-tul għal ekonomija prosperuża, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050

·Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

·Il-politika Ewropea tal-viċinat riveduta u l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, l-istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent

·L-istrateġija kummerċ għal kulħadd

·L-istrateġija globali għall-politika estera u ta’ sigurtà komuni

SDG 15: Ħajja fuq l-Art

·Il-Pjan ta’ azzjoni għan-natura, għan-nies u għall-ekonomija

·L-inizjattiva tal-UE dwar id-dakkara

·Ir-regoli l-ġodda dwar l-ispeċi aljeni invażivi

·Ir-regoli l-ġodda dwar il-biedja organika

·Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi

·Pjaneta nadifa għal kulħadd - il-viżjoni fit-tul għal ekonomija prosperuża, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050

·Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

·Il-politika Ewropea tal-viċinat riveduta u l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, l-istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent

·L-istrateġija kummerċ għal kulħadd

SDG 16: Paċi, Ġustizzja u Istituzzjonijiet b’Saħħithom

·L-istrateġija globali għall-politika estera u ta’ sigurtà komuni

·Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

·L-istrateġija kummerċ għal kulħadd

·Il-politika Ewropea tal-viċinat riveduta u l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, l-istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent

·“Alleanza UE – Afrika” ġdida

·L-aġenda Ewropea dwar is-sigurtà

·Il-pjan ta’ azzjoni għall-protezzjoni ta’ positjiet pubbliċi

·Il-miżuri għall-indirizzar tal-kontenut illegali online

·Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija

·L-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva

·L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

·Ir-Regoli tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tal-ġlieda kontra t-terroriżmu

·Ir-regoli dwar it-trasparenza fiskali u l-miżuri tal-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa

·Ir-Regoli msaħħa dwar id-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati u akkużati

·Ir-Regoli riveduti dwar l-armi tan-nar

·Il-miżuri għall-iżgurar ta’ elezzjonijiet Ewropej liberi u ġusti

·Il-pjan ta’ azzjoni kontra d-diżinformazzjoni

·Is-semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika u soċjali imsaħħaħ

·Pjaneta nadifa għal kulħadd - il-viżjoni fit-tul għal ekonomija prosperuża, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050

SDG 17: Sħubijiet biex jintlaħqu l-Għanijiet

·L-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar tal-UE

·Il-pjattaforma Ewropea ta’ diversi partijiet ikkonċernati dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs fl-UE

·L-Inizjattiva dwar “Il-Passi li jmiss għal ġejjieni sostenibbli Ewropew”

·Ir-rapport ta’ monitoraġġ annwali dwar il-progress tal-UE fl-ilħuq tal-SDGs

·Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

·Il-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE

·Il-korp Ewropew ta’ solidarjetà

·Il-bidu ġdid tad-djalogu soċjali

·L-inizjattiva iġbor aktar, onfoq aħjar

·Il-pjan ta’ azzjoni għal finanzi sostenibbli

·Il-pjan ta’ investiment estern u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli

·Il-lista tal-materja prima kritika

·Pjaneta nadifa għal kulħadd - il-viżjoni fit-tul għal ekonomija prosperuża, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050

·Il-kooperazzjoni urbana internazzjonali

·L-inizjattiva finanzjament intelliġenti għal bini intelliġenti

·Is-semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika u soċjali msaħħaħ

·Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

·Il-politika Ewropea tal-viċinat riveduta u l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, l-istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent

·L-istrateġija kummerċ għal kulħadd

·L-istrateġija aġġornata dwar l-għajnuna għall-kummerċ

·L-istrateġija globali għall-politika estera u ta’ sigurtà komuni

ANNESS II Il-prestazzjoni tal-UE dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs)

L-UE hija wieħed mill-aħjar postijiet fid-dinja biex tgħix u l-Istati Membri tal-UE diġà jinsabu minn ta’ quddiem fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Madankollu, l-ebda pajjiż fid-dinja ma għadu laħaq l-għanijiet kollha miftiehma u valutazzjoni eqreb tal-prestazzjoni tal-UE toħroġ fid-dieher li anke fl-UE jeħtiġilna nissuktaw bl-isforzi tagħna fuq il-fronti kollha.

Is-17-il SDG tal-Aġenda 2030 tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli huma interkonnessi ferm u huma mfassla biex ikunu indiviżibbli, li hija r-raġuni għaliex l-integrazzjoni tagħhom fl-azzjonijiet tal-atturi kollha hija essenzjali biex it-twettiq tagħhom jirnexxi fil-prattika. Huwa importanti li jinħolqu sinerġiji u koerenza aħjar bejn il-politiki u li jiġi żviluppat ambjent regolatorju, finanzjarju u komportamentali li jwassal biex dawn isiru realtà.

Il-prijorità tagħna trid tkun li npoġġu l-mudelli tal-produzzjoni, tad-distribuzzjoni u tal-konsum tagħna fit-triq tas-sostenibbiltà, nindirizzaw it-tibdil fil-klima u nsaħħu l-azzjonijiet tagħna biex inħarsu l-oċeani, l-ekosistemi u l-bijodiversità tagħna, hekk kif kulma jmur is-sistemi naturali tal-pjaneta li jsostnu l-ħajja qegħdin jitpoġġew taħt pressjoni kbira. Il-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali, l-inugwaljanzi, u l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri trid tissaħħaħ sabiex niggarantixxu l-prosperità u l-benesseri ta’ kulħadd, niżguraw l-istabbiltà soċjali u politika u nippriservaw l-appoġġ għall-proġett Ewropew. Il-promozzjoni u l-indukrar tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundametali kif ukoll il-multilateraliżmu u l-kummerċ imsejsa fuq regoli jridu jibqgħu għaddejjin.

Dan id-dokument jipprovdi ħarsa lejn il-prestazzjoni tal-UE fir-rigward tal-SDGs. Qed tingħata ħarsa ġenerali għal kull wieħed mill-Għanijiet fir-rigward ta’ x’azzjoni ħadet l-UE sal-lum, dwar x’inhuma x-xejriet tal-iżvilupp u kif l-UE tipparaguna ruħha mal-bqija tad-dinja. Tingħata stampa dwar il-progress li l-UE mistennija tagħmel sal-2030 u ta’ x’se jixpruna u x’jista jfixkel it-tranżizzjoni lejn Ewropa sostenibbli. L-iżvilupp sostenibbli jrid ikun sforz komuni li jinvolvi l-membri kollha tas-soċjetà. B’dan f’moħħna, jingħataw ukoll xi eżempji prattiċi bil-għan li tintwera l-aħjar prassi minn atturi differenti f’livelli differenti.

F’paragun globali, seba’ Stati Membri tal-EU-27 jinsabu fost l-ewwel 10 tal-klassifikazzjoni tal-indiċi globali tal-SDGs u l-Istati Membri kollha tal-EU-27 jinsabu fl-ewwel 50 mill-156 pajjiż li ġew ivvalutati 1 . F’dawn l-aħħar ħames snin l-UE kollha kemm hi għamlet progress fl-ilħuq ta’ kważi l-SDGs kollha. L-aktar li sar progress huwa fir-rigward tal-SDG3 - L-iżgurar ta’ ħajjiet b’saħħithom u l-promozzjoni tal-benesseri għal kull persuna ta’ kull età, u tal-SDG4 - L-iżgurar ta’ edukazzjoni ta’ kwalità inklużiva u ekwa u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd, li t-tnejn li huma fost l-ewwel tliet SDGs klassifikati għall-Istati Membri tal-EU-27 fil-klassifikazzjoni globali. Fuq medja, fil-klassifikazzjoni globali l-Istati Membri tal-EU-27 juru l-aħjar progress fuq SDG 1 - Jintemm il-faqar f’kull forma tiegħu kullimkien. Madankollu l-UE waqgħet lura fir-rigward tal-SDG 10 - Titnaqqas l-inugwaljanza bejn il-pajjiżi u fihom stess, b’differenzi notevoli bejn l-Istati Membru. Ta’ min jinnota li l-progress li jsir ma jimplikax neċessarjmanet li l-qagħda attwali tal-Għan rilevanti hija sodisfaċenti għall-UE. Pereżempju, inkiseb progress notevoli lejn l-ilħuq tal-SDG 12 - Jiġu żgurati xejriet sostenibbli ta’ konsum u ta’ produzzjoni, iżda dan huwa wkoll dak l-SDG fejn il-klassifikazzjoni globali tal-Istati Membri tal-UE-27 rreġistraw l-inqas punteġġ medju u fejn għad fadal ħafna xogħol xi jsir. Fuq medja, l-aktar punteġġ baxx tal-Istati Membri tal-EU-27 fil-klassifikazzjoni globali rriżulta fl-SDG 14 – Jiġu kkonservati u użati b'mod sostenibbli l-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi marini għall-iżvilupp sostenibbli.

Ħarsa ġenerali tal-progress lejn l-ilħuq tal-SDGs fil-kuntest tal-UE 2

Jintemm il-faqar f'kull forma tiegħu kullimkien

L-Unjoni Ewropea llum

Stampa/ħarsa ġenerali kwalitattiva

Għalkemm l-UE hija minn ta’ quddiem nett fil-biċċa l-kbira tal-oqsma tal-impjiegi u tal-oqsma soċjali, is-soċjetà tagħna għadha qed tħabbat wiċċha ma’ sfidi li jridu jiġu indirizzati. Il-faqar ixekkel l-opportunitajiet tan-nies li jilħqu l-potenzjal tagħhom, il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-soċjetà, u d-drittijiet tagħhom ta’ aċċess għal servizzi ta’ kwalità. Il-faqar huwa multidimensjonali: imur lil hinn min-nuqqas ta’ introjtu adegwat u jinkludi aspetti oħra li jvarjaw minn deprivazzjoni materjali sa diskriminazzjoni u nuqqas ta’ parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-faqar jista’ jippersisti tul iż-żmien u minn ġenerazzjoni għall-oħra. L-UE ħadet azzjoni f’diversi oqsma biex tindirizza l-faqar kemm internament kif ukoll esternament, azzjonijiet li jvarjaw minn interventi leġiżlattivi, għal finanzjament apposta, koordinazzjoni tal-politika, promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji/kondotta responsabbli tan-negozju u djalogu soċjali, filwaqt li tirrispetta l-kompetenzi tagħha u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Fl-2017, għall-ewwel darba minn meta bdiet il-kriżi globali, l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali fl-UE naqas għal taħt il-punt ta’ referenza tal-2008: Hemm 3.1 miljun persuna anqas fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali meta mqabbel mal-2008 jew 10.8 miljun persuna inqas meta mqabbel mal-ogħla livell tal-2012. Madankollu, il-mira tal-UE li tnaqqas il-faqar jew l-esklużjoni soċjali b’mill-inqas 20 miljun persuna sal-2020 meta mqabbla mal-2008 għadha sfida iebsa. Persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, bħat-tfal, iż-żgħażagħ, il-persuni b’diżabilità, dawk b’livell baxx ta’ edukazzjoni, il-persuni qiegħda, dawk li ma twildux fl-UE, persuni minn komunitajiet marġinalizzati, u dawk li jgħixu f’familji b’intensità tax-xogħol baxxa ħafna jew li jaħdmu f’impjiegi prekarji għandhom riskju ogħla li jesperjenzaw il-faqar jew l-esklużjoni soċjali. Fuq in-naħa esterna, l-UE hija minn ta’ quddiem nett fid-dinja li tikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar, permezz ta’ taħlita koerenti ta’ politiki, inklużi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, diversi strumenti tal-politika kummerċjali u tal-politiki Ewropej tal-viċinat u tat-tkabbir. Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp — il-qafas għall-koperazzjoni għall-iżvilupp mill-UE u mill-Istati Membri tagħha — għandu fil-qalba tiegħu l-qerda tal-faqar, l-indirizzar tad-diskriminazzjonijiet u tal-inugwaljanzi u li ħadd ma jibqa' lura. Il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE, il-preferenzi kummerċjali unilaterali kif ukoll l-istrateġija tal-Għajnuna għall-kummerċ aġġornata tal-2017 jappoġġjaw it-tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Ix-xejriet ewlenin

·L-aktar data reċenti turi li fl-2017, 112.9 miljun persuna, jiġifieri 22.5 % tal-popolazzjoni tal-UE, kienu f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali, li jfisser li kienu qed esperjenzaw mill-inqas waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet: f’riskju ta’ faqar, privazzjoni materjali severa jew intensità tax-xogħol baxxa ħafna. Dan kompla x-xejra 'l isfel li bdiet fl-2012, meta l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali laħaq il-quċċata tiegħu ta’ 123.8 miljun ruħ. In-nisa fl-UE kollha jinsabu f’riskju ogħla ta’ faqar, prinċipalment minħabba l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, fis-suq tax-xogħol, li jħabbtu wiċċhom magħhom matul il-ħajja. Filwaqt li qed tonqos, ir-rata ta’ tfal f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali (fl-etajiet ta’ bejn 0–17-il sena) tibqa’ ferm ogħla minn dik tal-popolazzjoni ġenerali fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Fi ħdan l-UE, għad hemm differenzi sinifikanti bejn pajjiż u ieħor.

·Il-proporzjon ta’ persuni f’riskju ta’ faqar tal-introjtu żdied matul diversi snin wara l-kriżi, iżda stabbilizza fl-2015–2016 (għal madwar 17.3 %) u naqas fl-2017 għal 16.9 % tal-popolazzjoni tal-UE, bis-saħħa tal-irkupru li għaddej bħalissa u tat-titjib fil-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol. Fir-rigward ta’ ħaddiema foqra, 9.6 % ta’ dawk impjegati kienu wkoll affettwati minn faqar tal-introjtu fl-2017. Dan stabbilizza ruħu matul l-aħħar erba’ snin, għalkemm f’livell ogħla milli kien fl-2008 (8.6 %).

·Il-proporzjon ta’ persuni li jħabbtu wiċċhom ma’ deprivazzjoni materjali severa naqas b’mod konsistenti mill-ogħla livell ta’ 9.9% fl-2012 għal 6.9 % tal-popolazzjoni tal-UE fl-2017 u jinsab taħt il-livell tal-2008 (8.5 %) u dan ifisser li madwar 1 minn kull 14-il persuna jbatu minn nuqqas ta’ riżorsi, bħal li ma jkunux jistgħu jħallsu l-kontijiet tagħhom, iżommu darhom sħuna biżżejjed jew li jieħdu vaganza ta’ ġimgħa ‘l bogħod mid-dar.

·Persuni fir-riskju ta’ faqar għandhom it-tendenza jkunu esposti aktar għal problemi fl-akkomodazzjoni, bħal soqfa jqattru, ħitan umdużi jew nuqqas ta’ faċilitajiet sanitarji bażiċi. F'xejra li qed tonqos, dan affettwa 13.1 % tal-popolazzjoni tal-UE fl-2017. 

Il-klassifikazzjoni globali

Skont ir-rapport tal-2018 tal-Indiċi u tat-tabelli tal-SDG globali (Bertelsmann Stiftung and Sustainable Development Solutions Network), l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom punteġġ ogħla minn 95 minn 100 għall-SDG 1, li jagħmlu, bħala medja, l-SDG bl-ogħla punteġġ għall-Istati Membri tal-UE.

L-Unjoni Ewropea fl-2030

Skont ix-xejriet attwali tal-UE/jekk kollox jibqa’ l-istess

Sal-2030, minkejja li l-isfidi importanti se jibqgħu hemm, huwa mistenni li l-UE se tkun għamlet aktar progress sinifikanti biex teqred il-faqar u l-esklużjoni soċjali. It-tkabbir fl-impiegi se jkollhom rwol importanti, iżda mhux ser ikun biżżejjed biex jerfa’ mill-faqar lil kulħadd. Aċċess għal kulħadd għal protezzjoni soċjali adegwata, kwalità fil-kura tas-saħħa, edukazzjoni, akkomodazzjoni u servizzi soċjali ser ikun jeħtieġ li jiġi adattat għall-bidliet demografiċi futuri, it-teknoloġiji ġodda, il-forom ta’ xogħol li qed jevolvu, il-migrazzjoni u l-isfidi tat-tibdil fil-klima. Huwa mistenni progress kontinwu minn firxa wiesgħa ta’ partijiet konċernati fil-livelli kollha, inkluż fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew. Il-politiki esterni tal-UE ser ikomplu jikkontribwixxu biex jinqered il-faqar f’pajjiżi terzi.

Opportunitajiet/Xprunaturi pożittivi

Lievi politiċi marbuta mal-impjiegi u mal-benesseri soċjali (b’mod partikolari, il-protezzjoni soċjali u s-sistemi ta’ inklużjoni soċjali, il-politiki tas-suq tax-xogħol, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-edukazzjoni, il-livelli tal-ħiliet, it-tagħlim tul il-ħajja u l-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul), aċċess ugwali għat-teknoloġiji ġodda, l-innovazzjoni soċjali, il-finanzi sostenibbli, il-multilateraliżmu, il-kummerċ miftuħ u ġust, l-involviment tas-soċjetali u l-politiki parteċipattivi, ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji/il-kondotta responsabbli tan-negozju, it-tassazzjoni.

Riskji/Xprunaturi negattivi

L-inugwaljanza fl-opportunitajiet, soċjetajiet li qed jixjieħu, il-bidla fil-kompożizzjoni tal-familja (pereż. persuni li jgħixu waħedhom), it-tibdil fil-klima, reazzjoni negattiva fuq il-politiki u l-movimenti tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-instabbiltà ġeopolitika u t-theddid għas-sigurtà, ir-ritorn għall-protezzjoniżmu ekonomiku madwar id-dinja, is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-prekarjetà tal-impjiegi, id-distakk diġitali.

Punti prinċipali tal-politika

Fil-livell tal-UE: Il- Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jirrappreżenta l-qafas ewlieni ta’ gwida għall-ġlieda kontra l-faqar fil-livell tal-UE. Il-biċċa l-kbira tal-20 prinċipju tiegħu jindirizzaw direttament il-miri tal-SDG għall-faqar, bħat-tnaqqis tal-faqar fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ protezzjoni xierqa għan-nazzjon, u l-ħolqien ta’ oqfsa ta’ politika tajba li jsostnu l-investimenti favur il-qerda tal-faqar. It-tabella ta’ valutazzjoni soċjali tgħin biex jiġu mmonitorjati l-prestazzjonijiet u biex jiġu segwiti x-xejriet fl-Istati Membri kollha fil-qasam tal-impjiegi u fil-qasam soċjali, inkluż ir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali.

Fil-livell ta’ Stat Membru:  Il-Portugall ħa diversi miżuri biex isaħħaħ il-protezzjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza. L-hekk imsejjaħ “Pakkett dwar l-introjtu” jappoġġja l-introjtu tal-unitajiet domestiċi billi jżid l-ammont tal-pensjonijiet; jirrestawra l-valur referenzjali tal-introjtu tas-solidarjetà soċjali, kif ukoll l-iskali tal-ekwivalenza tal-introjtu minimu; u jżid il-livelli l-baxxi tal-benefiċċji tat-tfal u tal-familja. L-indiċi tal-appoġġ soċjali — valur referenzjarju għall-miżuri tal-protezzjoni soċjali — ġie mwessa’ u l-kopertura tal-iskema tal-introjtu minimu ġiet estiża.

Fil-livell reġjonali/lokali: Il-belt ta’ Munich fil-Ġermanja implimentat diversi inizjattivi bl-appoġġ tal-Fond Soċjali Ewropew matul l-2015-2018 biex tgħin lill-persuni qiegħda jintegraw fis-suq tax-xogħol lokali u b’hekk tgħin biex jitnaqqas il-faqar. L-inizjattivi kienu jinkludu l-proġett “Aħdem u kun attiv” li għen lill-persuni qiegħda jerġgħu lura fid-dinja tax-xogħol; Il-proġett “Power-M” li appoġġja l-għoti ta’ setgħa lin-nisa biex jirritornaw lura għax-xogħol wara l-liv tal-maternità; il-proġett “Gwida” li kien qed joffri gwida lill-imprendituri nisa; u l-proġetti “FIBA” u “MigraNet” li appoġġjaw l-integrazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol.

Fil-livell ta’ kumpanija: Naturgy, kumpanija tal-gass u tal-elettriku fi Spanja, ħarġet bi pjan għall-vulnerabbiltà tal-enerġija li jiggarantixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli. L-impatt soċjali tal-Pjan għandu l-għan li jpoġġi n-negozji ġodda privati bħala katalizzaturi fil-ġlieda kontra l-faqar u jappoġġja lill-aġenti soċjali fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali.

Fil-livell tas-soċjetà ċivili: In-Netwerk Ewropew tal-introjtu Minimu jissensibilizza dwar il-ħtieġa li jiġu pprovduti benefiċċji adegwati tal-introjtu minimu, ħalli tkun żgurat ħajja f’dinjità fl-istadji kollha tal-ħajja u aċċess effettiv għal prodotti u servizzi ta’ faċilitazzjoni. In-netwerk tlaqqa’ flimkien id-diversi organizzazzjonijiet, esperti, professjonisti, akkademiċi u entitajiet oħra attivi fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Jintemm il-ġuħ, jinkisbu sigurtà tal-ikel u nutrizzjoni aħjar u tiġi promossa l-agrikoltura sostenibbli

L-Unjoni Ewropea llum

Stampa/ħarsa ġenerali kwalitattiva

Fl-UE, tinkiseb dieta sikura u bnina u jiġu żgurati sistemi agrikoli produttivi u sostenibbli, fejn is-sajd u l-akkwakultura jkunu prijorità. Permezz tal-politiki tagħha, l-UE qed tgħin lill-bdiewa u lis-sajjieda biex jissodisfaw id-domanda għall-ikel u biex jipprovduh b’mod stabbli, sostenibbli, sikur u ta’ kwalità għolja, bi prezzijiet affordabbli għall-popolazzjoni. Agrikoltura, sajd u akkwakultura sostenibbli u sensittivi għan-nutrizzjoni huma essenzjali biex tiġi żgurata provvista konsistenti ta’ ikel sikur u bnin għall-konsumatur fil-preżent u fil-futur, b’mod partikolari fid-dawl tal-isfidi, bħat-tibdil fil-klima u tkabbir tal-popolazzjoni. F’dan il-kuntest, l-esportazzjonijiet tal-UE huma kontributur ewlieni għall-provvista dinjija tal-ikel. Filwaqt li l-produttività tal-ikel fl-Ewropa kompliet tiżdied matul dan l-aħħar deċennju, għalkemm b’ritmu aktar kajman mill-passat, qedgħin ukoll jiġu implimentati miżuri biex titjieb il-prestazzjoni ambjentali u klimatika tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-akkwakultura sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħha fit-tul, filwaqt li jitqies l-impatt fuq pajjiżi terzi. Għall-kuntrarju ta’ żoni oħra fid-dinja li qed ibatu l-ġuħ, il-problemi ċentrali ta’ nutrizzjoni tal-UE huma l-piż żejjed u l-obeżità, kif ukoll deffiċenzi mikronutrijentali. Globalment, żewġ terzi tal-foqra tad-dinja jgħixu f’żoni rurali u jiddependu fuq l-agrikoltura għall-għajxien tagħhom. L-UE dejjem żammet is-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni fil-qalba tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tagħti attenzjoni partikolari lis-sigurtà tal-ikel, lill-agrikoltura u lis-sajd sostenibbli fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha u fil-politiki tagħha tal-viċinat u tat-tkabbir. L-UE hija l-akbar donatriċi fid-dinja ta’ għajnuna alimentari umanitarja lill-vittmi ta’ kriżijiet tal-ikel madwar id-dinja u tinvesti bil-qawwa fir-reazzjoni tagħha għal pajjiżi li jkunu qed jiffaċċjaw ir-riskju tal-ġuħ.

Ix-xejriet ewlenin

·L-obeżità hija problema sinifikanti tas-saħħa fl-UE: 15.9 % tal-popolazzjoni adulta totali kienet obeża fl-2014. L-obeżità taffettwa b’mod sproporzjonat lil persuni b’livelli aktar baxxi ta’ edukazzjoni u lill-anzjani fl-Ewropa. Meta titqies flimkien mal-preobeżità l-problema ssir iktar gravi, minħabba li huma affettwati ftit aktar minn 50 % tal-popolazzjoni adulta totali tal-UE u s-sitwazzjoni hija mistennija tmur għall-agħar fis-snin li ġejjin.

·Fis-settur agrikolu Ewropew hija meħtieġa li tintlaħaq is-sostenibbiltà ekonomika ħalli tiġi żgurata l-vijabbiltà tiegħu fit-tul. L-introjtu agrikolu għal kull unità ta’ xogħol annwali — indikatur tal-produttività tax-xogħol — ilha b’xejra żgħira ta’ titjib fl-UE u bħalissa hija ta’ 21.6 %, ogħla mil-livelli tal-2010. Madankollu, hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri.

·Is-sehem tal-agrikoltura organika fit-total tal-erja agrikola kważi rdoppja mill-2005 għall-2017, meta minn 3.6 % żdied għal 7.0 %. Preċiżament — l-erja organika totali tal-UE-28 (jiġifieri erja li ġiet ikkonvertita kompletament u erja f’konverżjoni) kienet kważi 12-il miljun ettaru fl-2016. Il-valur tas-suq organiku bl-imnut fl-UE kien ta’ EUR 30.7 biljun fl-2016 bi tkabbir ta’ 12 % fil-bejgħ bl-imnut bejn l-2015 u l-2016.

·Diversi indikaturi li jkejlu l-impatti negattivi tal-agrikoltura fuq l-ambjent juru xi xejriet pożittivi, iżda wkoll għadd ta’ żviluppi inkwetanti tul dawn l-aħħar snin, fosthom żieda fil-konsum ta’ pestiċidi f’ċerti partijiet tal-Ewropa u konsum ta’ antimikrobiċi li għadu għoli (fl-UE 70 % tal-antimikrobiċi jiġu kkunsmati minn annimali li jipproduċu l-ikel), u ma sar l-ebda progress sinifikanti kontra t-tnaqqis ġenerali fil-bijodiversità.

·L-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-agrikoltura ilhom jiżdiedu bil-mod mill-2010, għalkemm għadhom ferm taħt il-livelli tal-1990. Din iż-żieda tista’ tiġi attribwita għall-produttività u għaż-żidiet fil-produzzjoni fis-settur agrikolu.

·L-ammont ta’ art fl-UE affettwata mir-riskju ta’ erożjoni gravi tal-ħamrija qed jonqos, parzjalment bis-saħħa ta’ miżuri obbligatorji ta’ kundizzjonalità fil-politika agrikola komuni tal-UE. Is-sehem tal-erja erożiva mhux artifiċjaliment li huwa stmat li jinsab f’riskju ta’ erożjoni gravi tal-ħamrija minħabba l-ilma naqas minn 6.0 % għal 5.2 % bejn l-2000 u l-2012.

·Kien hemm titjib kontinwu fil-prestazzjoni tas-settur tal-akkwakultura tal-UE matul il-perjodu 2014-2016. Fl-2016, is-settur tal-akkwakultura fl-UE poġġa fis-suq 1.4 miljun tunnellata ta’ ħut b’valur ta’ kważi EUR 5 biljuni; żieda annwali ta’ 2.2 % bejn l-2014 u l-2016 fil-volum u ta’ 3.1 % fil-valur. Hemm ukoll tranżizzjoni dejjem akbar mill-produzzjoni konvenzjonali għall-akkwakultura organika.

Il-klassifikazzjoni globali

Skont l-Indiċi tal-SDGs globali u fuq ir-rapport tat-tabelli operattivi tal-2018 (Bertelsmann Stiftung and Sustainable Development Solutions Network), 14-il Stat Membru tal-UE għandhom punteġġ ta’ 70 jew aktar minn 100 għall-SDG 2. 13-il Stat Membru tal-UE huma fost l-aqwa 20 minn madwar id-dinja kollha

L-Unjoni Ewropea fl-2030

L-UE skont it-tendenzi attwali/jekk kollox jibqa’ l-istess

L-UE hija mistennija li tkompli tevolvi l-ħin kollu lejn l-eliminazzjoni tal-ġuħ u li tippromwovi prassi sostenibbli fil-futur. Abbażi tal-Prospetti Agrikoli tal-UE għall-2030, mhumiex mistennija nuqqasijiet kbar fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel tal-UE, u l-ebda tfixkil kbir fis-suq. Il-politiki dwar is-sigurtà tal-ikel jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà tal-ikel u tas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti fl-UE, filwaqt li jiżguraw suq intern effettiv. L-inċertezzi dejjem jibqgħu hemm u għalhekk qed jiġu mmonitorjati riskji magħżula. Il-kisba ta’ dan l-SDG se tiddependi b’mod qawwi fuq li l-industrija, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-awtoritajiet u ċ-ċittadini jsiru aktar konxji tal-fatturi determinanti soċjali, kummerċjali u individwali ta’ dieti mhux tajbin għas-saħħa, u tar-riperkussjonijiet tagħhom kemm fuq is-saħħa tal-bniedem kif ukoll fuq il-baġits pubbliċi. F’dan ir-rigward, l-isforzi li għaddejjin lejn ir-riformulazzjoni tal-ikel jistgħu jkollhom rwol importanti biex jiġu indirizzati l-piż żejjed u l-obeżità u l-impatt ekonomiku tagħhom. Din se jiddependi wkoll fuq li n-nies jiġu edukati dwar kif jużaw teknoloġiji ġodda jew kif jaffrontaw sfidi ġodda. Involviment soċjetali qawwi fil-livelli kollha (assoċjazzjonijiet, gvernijiet, is-settur privat, xjenzati u esperti tas-saħħa) se jkun kruċjali biex jitjieb l-impatt ambjentali u fuq is-saħħa tas-sistemi tal-ikel, jiġu identifikati l-aħjar prassi, ikun hemm ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi tal-ikel, tonqos il-ħela tal-ikel eċċ. L-investiment f’agrikoltura aktar sostenibbli se jkollu wkoll effetti pożittivi fuq it-titjib tas-sikurezza tal-provvista tal-ikel, meħtieġa biex jiġu affrontati sfidi bħat-tkabbir tal-popolazzjoni dinjija jew it-tibdil fil-klima. In-nies għandhom igawdu minn ġestjoni integrata tal-pesti jew minn ikel bi kwalitajiet nutrittivi ottimali, billi dan ikollu rwol fuq it-titjib tal-benessri tagħhom, u għalhekk fuq il-kwalità tal-ħajja.

Opportunitajiet/Xprunaturi pożittivi

L-involviment soċjetali u l-politiki parteċipattivi, bidla fl-imġiba, ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji/kondotta responsabbli tan-negozju, finanzi sostenibbli, sħubijiet pubbliċi/privati, sistemi tal-ikel sostenibbli, teknoloġiji ġodda, l-intelliġenza artifiċjali, ir-riċerka u l-innovazzjoni, enfasi fuq soċjetajiet reżiljenti, l-edukazzjoni, investimenti pubbliċi u privati, kummerċ miftuħ u ġust.

Riskji/Xprunaturi negattivi

Il-faqar, l-inugwaljanza soċjali u fis-saħħa, il-popolazzjoni li qed tixjieħ, l-instabbiltà ġeografika, it-tibdil fil-klima u t-telf tal-biodiversità, mard tal-annimali mhux ikkontrollat, pesti tal-pjanti u kontaminanti.

Punti prinċipali tal-politika

L-UE fil-livell internazzjonali: Is-sħubija bejn l-UE u l-Afrika dwar is-sigurtà tal-ikel u dik nutrizzjonali u l-agrikoltura sostenibbli, imnedija f’April 2016, trawwem il-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tal-intensifikazzjoni sostenibbli, fis-sistemi tal-agrikoltura u tal-ikel għan-nutrizzjoni u fis-swieq agrikoli u fil-kummerċ.

Fil-livell tal-UE: Il-politika agrikola komuni modernizzata u simplifikata għandha l-għan li timmassimizza l-kontribut tagħha għall-implimentazzjoni tal-SDGs. Il-proposti tal-Kummissjoni għall-baġit pluriennali li jmiss 2021–2027 jiddeskrivi b’mod espliċitu objettiv li l-iżvilupp sostenibbli tal-biedja, tal-ikel u taż-żoni rurali jkompli jitjieb.

Fil-livell ta’ Stat Membru: Il-programm tad-diversità tal-pjanti koltivati huwa programm nazzjonali maħsub biex ikun għodda biex jinstab mod intelliġenti u sostenibbli biex jiġi kkonservat u użat il-ġid tal-pjanti tal-Iżvezja. Żrieragħ u varjetajiet oħra aktar antiki qed jinġbru minn madwar l-Iżvezja kollha u qed jiġu ppreservati fil-Bank Nordiku tal-Ġeni. Dan jintroduċi mill-ġdid fis-suq pjanti li kienu jiġu kkultivati fl-antik.

Fil-livell reġjonali/lokali: Il-programm tal-iżvilupp rurali 2014-2020 għall-Portugall kontinentali jippromwovi investimenti fil-biedja, bil-għan li tiżdied il-kapaċità li jiġi ġġenerat valur miżjud, tiżdied il-produttività u jiġi promoss użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u jingħata appoġġ lin-nisġa produttiva u soċjali fiż-żoni rurali.

Fil-livell ta’ kumpanija: Il-Grupo Cooperativo Cajamar fi Spanja huwa parti mill-proġett TomGEM, li jiżviluppa strateġiji ġodda bil-mira li jinżammu rendimenti għoljin fil-produzzjoni ta’ frott u ħxejjex f’kundizzjonijiet ta’ temperatura għolja. Il-proġett għandu l-għan li jiffenotipizza firxa wiesgħa ta’ riżorsi ġenetiċi biex jidentifika kultivari/ġenotipi li jagħtu rendiment stabbli u li jiskopri l-ġeni li jikkontrollaw l-induzzjoni tal-fjura, it-trab tad-dakra u l-frott.

Fil-livell tas-soċjetà ċivili: Il-“Baltic Friendly Agriculture” huwa ċiklu ta’ laqgħat ta’ ħidma organizzati mill-Fondazzjoni tad-WWF tal-Polonja taħt l-awspiċi taċ-Ċentru ta’ Konsulenza Agrikola fi Brwinów. Huwa għen biex kiber l-għarfien fost il-bdiewa dwar metodi kif jonqos il-ħruġ tan-nitroġenu u tal-komposti tal-fosfru mill-azjendi agrikoli li jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-ilma.

Tiġi żgurata ħajja f'saħħitha u jiġi promoss il-benesseri għal kulħadd f’kull età

L-Unjoni Ewropea llum

Stampa/ħarsa ġenerali kwalitattiva

Is-saħħa hija ħtieġa bażika tal-bniedem u l-UE għamlet progress sinifikanti biex tindirizza l-inugwaljanzi tas-saħħa u l-elementi ambjentali u soċjali li jwasslu għalihom. Is-saħħa mhijiex biss ta’ valur għall-individwu bħala element determinanti ewlieni tal-kwalità tal-ħajja, il-benessri u l-parteċipazzjoni soċjali, iżda tikkontribwixxi wkoll biex tissawwar ekonomija Ewropea sostenibbli. Kopertura tas-saħħa għal kulħadd hija objettiv tal- Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u wieħed mid-drittijiet rikonoxxuti mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u b’hekk hija objettiv politiku importanti għall-UE u l-Istati Membri tagħha. L-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-kura tas-saħħa għall-pazjenti jibqgħu, flimkien mal-effikaċja u s-sostenibilità baġitarja, l-objettivi prinċipali tal-politika fir-riformi fis-sistema tas-saħħa diskussi fil-kuntest tal-UE. Madankollu, it-tabakk u l-konsum eċċessiv tal-alkoħol, il-piż żejjed, in-nuqqas ta’ attività fiżika, kwistjonijiet ta’ saħħa mentali, bħalma hi d-dipressjoni u s-suwiċidju, flimkien mal-mard li jittieħed għadhom jaffettwaw b’mod negattiv is-saħħa u, flimkien mal-bidliet demografiċi u soċjali, qed joħolqu piżijiet addizzjonali fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-UE. L-UE tappoġġa lill-Istati Membri, pereżempju billi tiġġieled kontra l-fatturi ta’ riskju ta’ mard li ma jitteħidx, l-iskambju tal-aħjar prassi, tgħin biex tiżgura aċċess għall-kura tas-saħħa ta’ kwalità u biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-prevenzjoni u tal-ġestjoni ta’ theddid dinji għas-saħħa bħar-reżistenza għall-antimikrobiċi, u billi tinvesti fir-riċerka u fl-innovazzjoni. Fix-xena internazzjonali, l-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp tippromwovi aċċess universali għal servizzi tas-saħħa ta’ kwalità. F’konformità mal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, l-UE tgħin biex jissaħħu l-oqsma kollha tas-sistemi tas-saħħa u biex isir progress lejn kopertura tas-saħħa għal kulħadd.

Ix-xejriet ewlenin

·L-Ewropej qed jgħixu iktar minn qatt qabel u din ix-xejra hija projettata li se tkompli. Fl-2016, l-istennija tal-għomor fl-UE kienet ta’ 81 sena, li huwa 3.3 snin aktar milli fl-2002.

·L-istili ta’ ħajja ħżiena għas-saħħa għandhom riperkussjonijiet fuq is-saħħa tal-bniedem, fuq il-baġits pubbliċi u fuq il-produttività. Il-prevalenza tat-tipjip fost il-popolazzjoni fl-età ta’ 15-il sena jew aktar naqset b’26 % fl-2017. Madankollu, aktar minn nofs il-popolazzjoni adulta fl-UE kien għad għandha piż żejjed fl-2014.

·Fl-2017, 1.6 % tal-persuni fl-UE rrapportaw ħtiġijiet mhux milħuqa fil-kura medika, meta mqabbel ma’ 3.4 % fl-2011. L-ispejjeż u listi ta’ stennija twal huma r-raġunijiet ewlenija għala l-ħtiġijiet mediċi ma ġewx issodisfati.

·L-imwiet minħabba mard li ma jitteħidx qabel l-età ta’ 65 sena naqas b’mod kostanti bejn l-2002 u l-2015. Madankollu, mard li ma jitteħidx jirrappreżenta sa 80 % tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa. Madankollu madwar 3 % biss tal-baġits tas-saħħa jintefqu fuq il-prevenzjoni. L-imwiet fl-UE minħabba l-HIV, it-tuberkulożi u l-epatite naqsu pjuttost b’mod konsistenti bejn l-2002 u l-2015. Ir-reżistenza antimikrobika hija responsabbli għal madwar 33 000 mewta kull sena fl-UE, li jiswew madwar EUR 1.5 biljun fis-sena fi spejjeż ta’ kura tas-saħħa u telf ta’ produttività. 

·L-esponiment għat-tniġġis tal-arja minn materja partikolata fina f’żoni urbani naqas bi kważi 20 % fl-UE fl-2010–2015. Madankollu, it-tniġġis tal-arja għadu l-kawża ambjentali ewlenija ta’ mwiet prematuri. Aktar minn 400 000 persuna jmutu qabel iż-żmien kull sena fl-UE minħabba l-kwalità ħażina tal-arja; miljuni jbatu minn mard respiratorju u kardjovaskulari kkawżat mit-tniġġis tal-arja.

·Is-sikurezza tat-toroq fl-UE tjiebet ħafna f’dawn l-aħħar deċennji. L-UE saret l-iktar reġjun sikur fid-dinja b’49 mewta għal kull miljun abitant minħabba l-inċidenti tat-traffiku. Fl-2001–2010, l-għadd ta’ mwiet fit-toroq fl-UE naqas bi 43 % u b’20 % oħra fl-2010-2017.

Il-klassifikazzjoni globali

Skont l-Indiċi tal-SDGs globali u fuq ir-rapport ta’ tabelli operattivi tal-2018 (Bertelsmann Stiftung and Sustainable Development Solutions Network), 18-il Stat Membru tal-UE għandhom punteġġ ta’ 'il fuq minn 90 minn 100 għall-SDG 3. 11 Stati Membri tal-UE huma fost l-aqwa 20 minn madwar id-dinja kollha B’mod ġenerali, dan huwa mat-tlett l-ogħla punteġġi tal-SDGs għall-Istati Membri tal-UE.

L-Unjoni Ewropea fl-2030

L-UE skont it-tendenzi attwali/jekk kollox jibqa’ l-istess

Biex tkompli tiġi żgurata kopertura tas-saħħa universali fl-UE, is-sistemi tas-saħħa jeħtieġ li jkunu reżiljenti għall-evoluzzjonijiet futuri u jiżguraw l-aċċessibbiltà u l-effikaċja. Bidla lejn mudell li jpoġġi aktar enfasi fuq il-prevenzjoni tal-mard u fuq il-promozzjoni tas-saħħa, li jkun aktar personalizzat u li jikkapitalizza fuq it-teknoloġiji diġitali se tkun meħtieġa, kif ukoll se jkun meħtieġ li tissaħħaħ il-kura primarja u l-iżvilupp tal-kura integrata ffukata fuq il-pazjent. Se jkun importanti wkoll li titnaqqas il-provvista u d-domanda għad-drogi illeċiti. L-UE tibqa’ impenjata li tiġġieled kemm il-mard li jittieħed u dak li ma jitteħidx kif ukoll ir-reżistenza antimikrobika. Qed isir sforz kbir biex tiġi promossa l-implimentazzjoni fuq skala usa’ tal-aqwa prassi vvalidati. L-UE se timmira lejn objettivi interim ġodda biex tnaqqas l-imwiet fit-toroq b’50 % bejn l-2020 u l-2030, kif ukoll lejn li tnaqqas bin-nofs l-għadd ta’ persuni li jindarbu serjament fl-istess perjodu.

L-Opportunitajiet/Motivaturi pożittivi

L-involviment soċjetali u l-politiki parteċipattivi, bidla fl-imġiba, forza tax-xogħol u popolazzjoni aktar f’saħħitha, ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji/kondotta responsabbli tan-negozju, finanzi sostenibbli, sħubijiet pubbliċi/privati, prevenzjoni u promozzjoni tas-saħħa, riċerka u innovazzjoni, teknoloġiji ġodda, trasformazzjoni diġitali tas-saħħa u tal-kura, enfasi fuq soċjetajiet reżiljenti, l-edukazzjoni, investimenti pubbliċi u privati, kummerċ miftuħ u ġust.

Riskji/Xprunaturi negattivi

Faqar, inugwaljanzi soċjali u tas-saħħa, theddid bijoloġiku, it-tibdil fil-klima u r-riskji ambjentali, is-sostenibbiltà fiskali li hija milquta mit-tixjiħ demografiku u l-ispiża tal-inflazzjoni assoċjata ma’ teknoloġiji ġodda u r-riskji soċjoekonomiċi, it-tixjiħ tal-popolazzjoni, drawwiet mhux tajbin għas-saħħa, l-instabbiltà ġeopolitika u theddid għas-sikurezza tas-saħħa.

Punti prinċipali tal-politika

L-UE fil-livell internazzjonali: L-UE, flimkien man-NU, kkontribwixxiet għall-programm tas-sħubija tas-saħħa universali tal-UE u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa biex jissaħħu s-sistemi tas-saħħa f’aktar minn 35 pajjiż sieħeb u tappoġġja t-titjib tal-aċċess u d-domanda għall-ippjanar tal-familja, it-tnaqqis tal-prassi tradizzjonali li jagħmlu l-ħsara u l-vjolenza minħabba l-ġeneru.

Fil-livell tal-UE: Dwar ir-reżistenza antimikrobika, l-UE adottat “ pjan ta’ azzjoni saħħa waħda ” ambizzjuż biex tikkonserva l-possibbiltà ta’ trattament effettiv tal-infezzjonijiet fil-bnedmin u fl-annimali. Hija tipprovdi linji gwida dwar l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fis-saħħa tal-bniedem, tagħti spinta lir-riċerka dwar antimikrobiċi ġodda, tilqim u dijanjostika, tkompli tinċentiva l-innovazzjoni, tipprovdi kontribut għall-politiki u miżuri legali bbażati fuq ix-xjenza u tindirizza l-lakuni fl-għarfien. Dwar il-prevenzjoni, l-aqwa prassi vvalidati qed jiġu implimentati fuq skala usa’ f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE.

Fil-livell ta’ Stat Membru: Fis-settur tas-saħħa pubblika fir-Repubblika Slovakka, hemm netwerk ta’ ċentri konsultattivi tas-saħħa ġenerali u speċjalizzati, li jipprovdu konsulenza fuq il-bażi ta’ eżami ta’ fatturi prinċipali personali tar-riskju (bħat-tipjip, in-nutrizzjoni, l-attività fiżika, jew l-istress). Dawn iservu wkoll biex jissensebilizzaw, u jżidu r-rata tal-persuni li jmorru għal skrinjar u visti mediċi ta’ kontroll preventivi.

Fil-livell reġjonali/lokali: Fl-2011, assoċjazzjoni intermuniċipali għall-konservazzjoni tan-natura fil-Lussemburgu nediet il-proġett “Duq in-natura — kul ikel reġjonali, organiku u ġust”. Dan il-proġett għandu l-għan li jippromwovi ikel sostenibbli fil-kantins tal-iskejjel tat-33 muniċipalità membru u li jipprovdi opportunitajiet ekonomiċi għall-bdiewa fir-reġjun li huma partikolarment impenjati favur il-ħarsien tal-ambjent. Minbarra l-kriterji li jiżguraw protezzjoni ġenerali tal-ambjent u l-benessri tal-annimali, il-bdiewa li jixtiequ jingħaqdu fil-proġett iridu jużaw 5 % tal-art tal-biedja tagħhom biex jipproteġu l-bijodiversità. Fil-kantins tal-iskejjel isiru korsijiet speċifiċi ta’ taħriġ għall-persunal: “Iltaqa’ mal-produtturi”, ikel bnin, menus staġjonali, l-impatt tal-ikel fuq il-klima, u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Fil-livell ta’ kumpanija: Bl-appoġġ tal-Fondazzjoni ta’ Bill u Melinda Gates, CureVac GmbH fil-Ġermanja rebħet il-premju ta’ inċentiv għall-innovazzjoni li ngħata għall-ewwel darba fl-UE għall-progress lejn teknoloġija ġdida li żżomm il-vaċċini stabbli fi kwalunkwe temperatura ambjentali.

Fil-livell tas-soċjetà ċivili: Fi ħdan il-qafas tal-programm tas-saħħa nazzjonali fil-Polonja, organizzazzjonijiet mhux governattivi żviluppaw għodod għall-iskrinjar tad-disturbi fil-burdata, materjali għall-assistenza fi problemi mentali, programmi tar-radju, pubblikazzjonijiet u films ta’ struzzjoni, ħolqu forum onlajn u wettqu kampanji ta’ informazzjoni.

Tiġi żgurata edukazzjoni ta' kwalità inklużiva u ekwitabbli u jiġu promossi opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd

L-Unjoni Ewropea llum

Stampa/ħarsa ġenerali kwalitattiva

L-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja għandhom rwol ċentrali biex tinbena Ewropa għall-ġejjieni sostenibbli, reżiljenti, kompetittiva u koeżiva, billi dawn jippermettu lill-popli biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Matul l-istadji kollha tal-ħajja, l-edukazzjoni u t-taħriġ huma aspetti kruċjali tal-iżvilupp tal-bniedem u l-ixpruni ewlenin għat-tkabbir, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali. Il-livelli tal-edukazzjoni fost iż-żgħażagħ qed jitjiebu l-ħin kollu fl-Ewropa. L-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tal-Ewropa 2020 dwar it-tluq bikri mill-iskola u l-edukazzjoni terzjarja. Sar progress tajjeb fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal f’età żgħira, filwaqt li għad hemm bżonn li titjieb il-prestazzjoni baxxa fil-matematika, fix-xjenza u fil-qari, fil-ħiliet diġitali u fil-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim. Iż-żgħażagħ b’diżabbiltà jew bi sfond ta’ migrazzjoni kisbu edukazzjoni aktar baxxa b’mod sinifikanti. Persuni li jieqfu mill-iskola kmieni u żgħażagħ b’edukazzjoni baxxa jiffaċċjaw problemi partikolarment serji fis-suq tax-xogħol. Min-naħa internazzjonali, ħafna pajjiżi sħab tal-UE jibbenefikaw minn programmi ta’ għajnuna bilaterali li jgħinuhom isaħħu s-sistemi tal-edukazzjoni tagħhom, b’fokus fuq aċċess aħjar għal edukazzjoni bażika ta’ kwalità għall-pajjiżi b'introjtu baxx kif ukoll fraġli u affettwati minn konflitti, b’mod partikolari għall-bniet u l-gruppi marġinalizzati.

Ix-xejriet ewlenin

·Il-porzjon ta’ persuni li jieqfu kmieni mill-edukazzjoni u mit-taħriġ ilha tonqos kontinwament mill-2002. Il-qabża 'l isfel minn 17 % fl-2002 għal 10.6 % fl-2017, tirrappreżenta progress ċar lejn il-mira ewlenija tal-“Ewropa 2020” ta’ 10 %. 

·Il-mira ewlenija tal-“Ewropa 2020” li 40 % tal-persuni bejn it-30 u l-34 ikollhom livell ta’ edukazzjoni terzjarja prattikament intlaħqet (39.9 % fl-2017). 

·Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal ilha tiżdied b’mod kostanti sa mill-2003. Il-mira tal-UE li 95 % tat-tfal bejn l-4 snin u l-età tal-edukazzjoni obbligatorja, li jipparteċipaw fl-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja intlaħqet fl-2016, għalkemm għad hemm differenzi bejn il-pajjiżi.

·L-UE stabbiliet ukoll mira biex sal-2020 tnaqqas għal inqas minn 15 % l-għadd ta’ tfal ta’ 15-il sena li jkollhom livelli baxxi fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza. Fost l-Istati Membri tal-UE hemm differenzi kbar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dawk li jiksbu livelli baxxi, fit-tliet suġġetti kollha. L-UE kollha inġenerali tinsab lura fit-tliet oqsma kollha u — skont l-aħħar data disponibbli għall-2015 — marret pass lura meta meta mqabbel mar-riżultati tal-2012 (ix-xjenza: 20.6 %, + 4.0 punti perċentwali; il-qari: 19.7 %, +1.9 punt perċentwali; il-matematika: 22.2 %, +0.1 punti perċentwali).

·Fl-2017, 57 % tal-popolazzjoni tal-UE tal-età bejn is-16 u l-64 kellhom tal-inqas ħiliet diġitali bażiċi.

·Ir-rata tal-impjiegi tal-gradwati reċenti żdied minn 76.9 % fl-2015 għal 80.2 % fl-2017, qrib il-mira tal-UE ta’ 82 %. 

·Il-perċentwali ta’ żgħażagħ li la huma f’impjieg u lanqas f’edukazzjoni jew f’taħriġ kompla jonqos għal 10.9 % fl-2017, jiġifieri niżel mill-ogħla punt tiegħu ta’ 13.2 % fl-2012.

·Il-parteċipazzjoni tal-adulti (fl-età ta’ bejn il-25 u l-64) fit-tagħlim kienet ta’ 10.9 % fl-2017, ferm taħt il-mira ta’ mill-inqas 15 %.

Il-klassifikazzjoni globali

Skont l-Indiċi tal-SDGs globali u fuq ir-rapport tat-tabelli operattivi tal-2018 (Bertelsmann Stiftung and Sustainable Development Solutions Network), 16-il Stat Membru tal-UE għandhom punteġġ ta’ 90 jew aktar minn 100 għall-SDG 4. Seba’ Stati Membri tal-UE jinsabu mal-ewwel 20 fid-dinja kollha. B’medja, dan huwa mat-tlett l-ogħla punteġġi tal-SDGs għall-Istati Membri tal-UE.

L-Unjoni Ewropea fl-2030

L-UE skont it-tendenzi attwali/jekk kollox jibqa’ l-istess

Iż-żidiet fil-kisbiet edukattivi fost il-popolazzjoni żagħżugħa huma mistennija jkomplu fil-futur b’riżultat tal-bidliet strutturali fis-swieq tax-xogħol, tal-bidla demografika u tar-riformi tal-politika. Sal-2030, iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni se tkun stabbilita sew u huwa ttamat li mhu se jkun hemm l-ebda fruntieri jew ostakli għall-mobilità tat-tagħlim inklużiv u għall-kooperazzjoni akkademika. Iż-żgħażagħ kollha għandhom jirċievu edukazzjoni u taħriġ aħjar, irrispettivament mill-isfond soċjoekonomiku tagħhom, li jwassal għal aktar ħiliet u ħiliet aħjar. L-edukazzjoni inklussiva u t-tagħlim tul il-ħajja kollha huma mistennija li jkomplu jnaqqsu l-għadd ta’ dawk li jħallu l-iskola kmieni u jżidu l-istudenti fil-livelli kollha. It-trasformazzjonijiet fis-swieq tax-xogħol huma wkoll mistennija li jwasslu għal parteċipazzjoni ogħla tal-adulti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. In-nies se jkunu jistgħu jiksbu validazzjoni tal-ħiliet li jkunu żviluppaw lil hinn mill-edukazzjoni u mit-taħriġ formali. L-edukazzjoni u t-taħriġ kollha se jinkludu dimensjoni akbar ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u se jisfruttaw kooperazzjoni eqreb man-negozji u mas-soċjetà ċivili. Jibqa’ dejjem importanti li jiżdiedu l-isforzi biex l-edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli tiġi integrata fil-kurrikuli fil-livelli kollha tal-edukazzjoni.

L-Opportunitajiet/Motivaturi pożittivi

Involviment tas-soċjetà u politika parteċipattiva, bidla fl-imġiba, responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji/kondotta responsabbli tan-negozju, finanzi sostenibbli, sħubijiet pubbliċi privati, ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-teknoloġiji diġitali u l-pjattaformi onlajn, l-intelliġenza artifiċjali, it-tibdil fis-suq tax-xogħol u fil-ħiliet meħtieġa, fokus fuq soċjetajiet sostenibbli u reżiljenti.

Riskji/Xprunaturi negattivi

L-inugwaljanza tal-opportunitajiet, il-faqar, investiment pubbliku u privat baxx, nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet, żieda fil-lakuni fl-għarfien.

Punti prinċipali tal-politika

Fil-livell tal-UE: Skont l-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kummissjoni qed tikkoordina l-Aġenda tal-ħiliet ġodda għall-Ewropa, u qed taħdem mal-Istati Membri lejn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025. L-għan huwa li titjieb in-natura inklużiva, ibbażata fuq it-tagħlim tul il-ħajja kollha u xprunata mill-innovazzjoni, tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Il-miżuri ppreżentati fl-2018 lejn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025 jindirizzaw ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tad-diplomi u tal-perjodi ta’ studju barra l-pajjiż, il-kompetenzi ewlenin, il-ħiliet diġitali, il-valuri komuni u l-edukazzjoni inklużiva, edukazzjoni bikrija u kura tat-tfal ta’ kwalità għolja, u metodi aħjar ta’ kif wieħed jitgħallem u jgħallem il-lingwi.

Fil-livell ta’ Stat Membru: Fl-2016, is-Slovenja nediet programm li jtejjeb il-kwalità tat-tagħlim u l-esperjenza ta’ min ikun qiegħed jitgħallem billi tagħti opportunitajiet lill-għalliema u lill-mentors biex iżidu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom permezz ta’ rotazzjoni tax-xogħol. Il-programm, li se jdum sal-2022, għandu finanzjament ta’ EUR 1.65 miljun, li minnhom EUR 1.32 miljun huma ġejjin mill-Fond Soċjali Ewropew.

Fil-livell reġjonali/lokali: Inizjattiva tar-Reġjun tal-Veneto, fl-Italja, iffinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew, tippermetti lill-adulti mingħajr kwalifiki sekondarji għolja, inklużi dawk bi kwalifiki vokazzjonali inferjuri li ma għadhomx rilevanti għas-suq tax-xogħol, biex jiksbu rikonoxximent ta’ kreditu għall-esperjenzi professjonali jew ta’ taħriġ preċedenti tagħhom u biex jaqbdu linja ta’ taħriġ personalizzat.

Fil-livell tal-kumpaniji: Ftehim tripartitiku, li fetaħ taqsima għal tagħlim inklużiv għaż-żgħażagħ u għall-adulti b’diżabilità fir-reġjun Nouvelle-Aquitaine kien iffirmat fi Franza fl-2018. Tnax-il apprendist b’diżabilità se jitħarrġu fl-oqsma tal-elettronika, tal-elettriku u tal-inġinerija elettrika. Nofshom se jiġu ospitat fis-siti tal-intrapriża tal-elettriku Enedis u n-nofs l-ieħor f’kumpaniji adattati.

Fil-livell tas-soċjetà ċivili: ToekomstATELIERdelAvenir (alias TADA) tipprovdi edukazzjoni supplimentari, volontarja u b’orjentazzjoni lejn is-soċjetà lil żgħażagħ vulnerabbli mill-kwartieri żvantaġġati fi Brussell, il-Belġju. Hija timmira li tagħti s-setgħa lill-parteċipanti żgħażagħ tagħha u li tipprevjeni d-demotivazzjoni u l-konsegwenzi negattivi tagħha (bħall-għeja tat-tagħlim, it-tluq bikri mill-iskola, id-delinkwenza, ir-radikalizzazzjoni estrema) u li tikkontribwixxi lejn aktar integrazzjoni u koeżjoni soċjali.



Tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tingħata setgħa lin-nisa u lill-bniet kollha

L-Unjoni Ewropea llum

Stampa/ħarsa ġenerali kwalitattiva

L-UE tinsab fuq quddiem nett fid-dinja fejn tidħol l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u matul l-aħħar deċennji sar aktar progress. Dan jirriżulta minn leġiżlazzjoni dwar trattament ugwali, minn billi tingħata importanza lill-ġeneru u minn miżuri speċifiċi għall-avvanz tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Hemm aktar nisa fis-suq tax-xogħol tal-UE u dawn qed jirnexxilhom jiksbu edukazzjoni u taħriġ aħjar; madankollu, għad hemm aktar nisa fis-setturi li jħallsu anqas filwaqt li ma hemmx biżżejjed fil-pożizzjonijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Id-differenzi fl-introjtu u fix-xejriet tal-karriera bejn il-ġeneri ta’ spiss jissarrfu f’inqas drittijiet għall-pensjoni għan-nisa. Il-ħtieġa u l-momentum għal aktar titjib għadhom hemm. Stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru fl-2017 wera li l-popolazzjoni ġenerali fl-UE b’mod ġenerali tappoġġa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri: 84 % tal-Ewropej iqisu li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija importanti għalihom personalment (inkluż 80 % tal-irġiel). Fil-livell internazzjonali, l-UE tinkludi l-perspettiva tal-ġeneri permezz tal-politiki esterni tagħha, li jvarjaw minn strumenti kummerċjali, għall-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, u l-politiki tal-viċinat u tat-tkabbir tal-UE.

Ix-xejriet ewlenin

·Tal- Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (2017) jenfasizza li dawn l-aħħar għaxar snin raw żvilupp lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ġeneralment pożittiv, għalkemm kajman. L-iktar titjib sinifikanti sar fil-qasam tal-poter (pereż. teħid ta’ deċiżjonijiet fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku), filwaqt li l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri żdiedu fejn jidħol il-ħin (pereż. xogħol tad-dar, ħin liberu, kura mhux remunerata). Hemm differenzi kbar bejn il-prestazzjonijiet tal-Istati Membri. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tejbu l-punteġġi kumplessivi tagħhom mill-2005. Xi ftit Stati Membri baqgħu fejn kienu fil-punteġġi kumplessivi tagħhom jew saħansitra raw tnaqqis żgħir.

·Id-diskrepanza fl-impjiegi bejn l-irġiel u n-nisa fil-livell tal-UE kienet ta’ madwar 12-il punt perċentwali fl-2017, sostanzjalment inqas milli kienet fl-2008, meta kient tlaħħaq 15.1-il punt perċentwali. Dan it-titjib kien xprunat l-aktar minn żieda fir-rata tal-impjiegi tan-nisa. In-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ servizzi formali ta’ kura tat-tfal aċċessibbli u ta’ kwalità, b’mod partikolari għal tfal żgħar huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li jxekklu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Fl-2016, 32.9 % biss tat-tfal tat-twelid sa tliet snin fl-UE kien qed jiġu ndukrati f’servizzi formali ta’ edukazzjoni u kura, żieda minn 28 % fl-2008.

·Id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri naqset xi ftit matul l-aħħar snin. Fl-2016, l-introjtu gross fis-siegħa tan-nisa kien fil-medja 16.2 % anqas minn dak tal-irġiel; wara li jirtiraw, dan id-distakk jitwessa’ b’mod esponenzjali, b’diskrepanza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri ta’ 36.6 %.

·Fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politika fl-UE, il-proporzjon ta’ siġġijiet fil-parlamenti nazzjonali okkupati minn nisa żdied minn 20.9 % fl-2004 għal 29.7 % fl-2018.

·Fl-2017, kwart tal-membri tal-bord tal-ikbar kumpaniji kkwotati kienu nisa. Bejn l-2003 u l-2017, kien hemm żieda annwali, kważi kostanti, b’total ta’ 16.8-il punt perċentwli.

·Il-mod kif in-nisa u l-irġiel jallokaw ħin għall-kura, għax-xogħol domestiku u għall-attivitajiet soċjali fl-UE sar aktar differenti meta mqabbel ma’ għaxar snin ilu. Dan it-tnaqqis fl-ugwaljanza seħħ fi 12-il Stat Membru, filwaqt li ġie nnotat titjib fi tmien Stati Membri.

·Mara minn kull tlieta fl-Ewropa esperjenzat vjolenza fiżika u/jew sesswali mill-età ta’ 15-il sena.

Il-klassifikazzjoni globali

Skont l-Indiċi tal-SDGs globali u fuq ir-rapport tat-tabelli operattivi tal-2018 (Bertelsmann Stiftung and Sustainable Development Solutions Network), 11-il Stat Membru tal-UE għandhom punteġġ ta’ 80 jew aktar minn 100 għall-SDG 5. 11 Stati Membri tal-UE huma fost l-aqwa 20 minn madwar id-dinja kollha

L-Unjoni Ewropea fl-2030

L-UE skont it-tendenzi attwali/jekk kollox jibqa’ l-istess

Progress kontinwu fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u biex in-nisa u l-bniet jingħataw is-setgħa jeħtieġ impenn, aktar finanzjament u sforzi persistenti mill-atturi fil-livelli kollha, mill-unitijiet domestiċi individwali, sal-istituzzjonijiet tal-UE. Filwaqt li l-inċentivi regolatorji huma importanti biex jaċċelleraw ir-ritmu ta’ dan il-progress, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiddependi ħafna fuq il-valuri kulturali u etiċi u fuq l-evoluzzjoni tal-bidla fis-soċjetà. Sal-2030, nistgħu nistennew li l-UE tkun għamlet aktar progress fit-tisħiħ tas-saħħa ekonomika tan-nisa, fil-bilanċ bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet. Il-materjalizzazzjoni u l-firxa ta’ dan il-progress jiddependu fuq l-iżvilupp tal-kuntesti kulturali u politiċi kif ukoll fuq miżuri regolatorji futuri.

Opportunitajiet/Xprunaturi pożittivi

L-involviment soċjetali u l-politika parteċipattiva, il-bidliet fin-normi soċjali, il-bidla fl-imġiba, ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji/il-kondotta responsabbli tan-negozju, servizzi formali tal-indukrar tat-tfal, arranġamenti bilanċjati għal-liv tal-familja, arranġamenti għal xogħol flessibbli, sistema edukattiva bilanċjata, l-aċċess għat-teknoloġiji ġodda, u t-tisħiħ ta’ ħiliet teknoloġiċi tan-nisa, kummerċ miftuħ u ġust.

Riskji/Xprunaturi negattivi

L-inugwaljanzi fl-opportunitajiet, ir-reazzjonijiet negattivi kontra l-progress, nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet, theddid għas-sigurtà, ir-ritorn għal protezzjoniżmu ekonomiku madwar id-dinja.

Punti prinċipali tal-politika

L-UE fil-livell internazzjonali: Fl-2015, l-UE adottat it-tieni pjan ta’ azzjoni tagħha għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fir-relazzjonijiet esterni (2016–2020). F’Settembru 2017, il-Kummissjoni nediet l-inizjattiva konġunta tal-UE-NU bl-isem ta’ Spotlight biex tintemm il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet.

Fil-livell tal-UE: Fl-2015 il-Kummisjoni adottat impenn strateġiku għall-2016-2019 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-impenn strateġiku huwa l-qafas għall-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u biex tingħata s-setgħa lin-nisa, u ssir enfasi fuq dawn il-ħames oqsma ta’ prijorità: 1) żieda fis-sehem tan-nisa fis-suq tax-xogħol u indipendenza ekonomika ugwali; 2) it-tnaqqis tad-differenzi fil-pagi bejn il-ġeneri, tad-diskrepanzi fl-introjtu u fil-pensjonijiet; 3) promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet; 4) il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; 5) il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa madwar id-dinja kollha. Barra minn hekk, l-impenn strateġiku jipprevedi li tiġi integrata perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki kollha tal-UE u fil-programmi ta’ finanzjament.

Fil-livell ta’ Stat Membru: Id-Danimarka ġeneralment tmur tajjeb fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri. In-nisa fid-Danimarka ġeneralment jaħdmu barra d-dar u jaqbdu karrieri waqt li jrabbu familja, megħjuna mil-liv tal-ġenituri ġeneruż tal-pajjiż u minn kura tat-tfal matul il-jum issussidjat mit-taxxi. L-irġiel Daniżi jibbenefika wkoll mill-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Ikollhom iktar ħin mal-familji tagħhom milli f’ħafna pajjiżi oħra. Liv tal-ġenituri wara t-twelid ta’ tarbija jista’ jinqasam bejn il-ġenituri, u jiem tax-xogħol limitati ifisser li ħafna drabi jkun il-missier li jiġbor lit-tfal miċ-ċentru ta’ matul il-jum.

Fil-livell reġjonali/lokali: Franza introduċiet sistema ta’ kandidati binomjali għall-elezzjonijiet dipartimentali fejn il-vot imur għal tim ta’ kandidati nisa u rġiel. Dan jiggarantixxi parità bejn il-ġeneri fil-livell dipartimentali u jistabbilixxi pożizzjonijiet kondiviżi ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, il-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet u t-titjieb tal-possibilitajiet ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-politiċi.

Fil-livell tal-kumpaniji: GründerRegio M e.V. ġie kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew biex jipprovdi taħriġ, konsulenza u netwerking għal intraprendituri feminili fi Munich. Huwa għandu fil-mira nisa li jirritornaw fis-suq tax-xogħol wara jkunu rabbew familja, kif ukoll nisa ta’ 'l fuq minn 50 sena. Il-proġett bl-isem ta’ GUIDE appoġġja madwar 5 000 intraprenditura mara, li minnhom 56 % bdew negozju għal rashom.

Fil-livell tas-soċjetà ċivili: Żewġ organizzazzjonijiet Bulgari qed imexxu l-proġett “Career ROCKET”. Għalliema, diretturi tal-iskejjel u konsulenti tal-karrieri fl-iskejjel qed jingħataw taħriġ biex jintroduċu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’kull suġġett fl-edukazzjoni sekondarja billi joffru informazzjoni dwar il-kontribut tan-nisa fix-xjenzi naturali, fit-teknoloġija, fil-politika, fl-istorja, fil-ġeografija, fil-matematika, fil-letteratura, fl-arti u fil-mużika.

Jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u s-sanità għal kulħadd

L-Unjoni Ewropea llum

Stampa/ħarsa ġenerali kwalitattiva

L-aċċess għall-ilma huwa bżonn bażiku tal-bniedem. L-ilma huwa wkoll riżorsa ekonomika importanti u jservi bħala l-bażi għar-regolamentar tal-bijodiversità, tal-klima u tal-ekosistemi. Il-protezzjoni tal-ekosistemi tal-ilma mit-tniġġis u mill-bidliet idromorfoloġiċi, u l-użu tal-ilma b’mod sostenibbli huma kruċjali biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet attwali u dawk futuri, kif ukoll biex tinżamm l-istabbiltà politika fil-livell nazzjonali u reġjonali. Fl-UE, politika komprensiva tal-ilma għandha l-għan li tiżgura li tkun disponibbli kwantità suffiċjenti ta’ ilma ta’ kwalità tajba kemm għall-ħtiġijiet tan-nies kif ukoll tal-ambjent, billi jiġu rregolati l-elementi ewlenin li jpoġġu pressjoni fuq l-ilma (l-agrikoltura, l-industrija, l-ilma urban mormi), l-użi tal-ilma (l-ilma għall-għawm, l-ilma tal-pjan, l-ilma tax-xorb) u l-ġestjoni integrata tal-ilma. Il-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini Ewropej għandhom aċċess għal sanità bażika u huma konnessi ma’ tal-inqas impjant tat-trattament tal-ilma mormi sekondarju. Barra minn hekk, iċ-ċittadini Ewropej jibbenefikaw minn livelli għoljin ħafna ta’ kwalità tal-ilma tax-xorb. Madankollu, il-pressjoni li tirriżulta mill-urbanizzazzjoni, it-tniġġis diffuż mill-agrikoltura, l-industrija u t-tibdil fil-klima jinfluwenzaw il-kwalità tal-ilma u s-sikurezza fit-tul tal-ilma. Fil-livell globali, l-UE qed tippromwovi tad-disponibbiltà u l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u tas-sanità għal kulħadd permezz tal-Konsensus Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp u tal-politiki tat-tkabbir u tal-viċinat tal-UE.

Ix-xejriet ewlenin

·Il-proporzjon ta’ nies mingħajr faċilitajiet imtejba tas-sanità fl-unitajiet domestiċi tagħhom naqas minn 3.2 % fl-2007 għal biss 2.0 % tal-popolazzjoni Ewropea fl-2017. L-ammont ta’ persuni konnessi ma’ impjant tat-trattament tal-ilma mormi sekondarju żdied bejn l-2010 u l-2015. Madankollu, għad hemm differenzi bejn l-Istati Membri, b’xi wħud minnhom għadhom jiffaċċjaw problemi konsiderevoli. Tip ġdid ta’ tniġġis isir sinifikanti — dan huwa meta jiskula ilma urban jew meta sistemi kkombinati tad-dranaġġ jirrilaxxaw ammont kbir ta’ tniġġis meta tagħmel xita qawwija.

·86.3 % tas-siti tal-għawm mal-kosta u 82.1 % tas-siti tal-għawm interni kellhom ilma tal-għawm ta’ kwalità eċċellenti fl-2017.

·Il-kwalità tal-ilma fix-xmajjar Ewropej tjiebet b’mod sinifikanti bejn l-2000 u l-2014; il-konċentrazzjonijiet medji ta’ fosfat fix-xmajjar Ewropej qed juru xejra ta’ tnaqqis.

·Filwaqt li qed isir progress f’diversi oqsma, madwar 40 % biss tal-ilmijiet tal-wiċċ laħqu status ekoloġiku tajjeb fl-2015; l-ilma tal-pjan huwa f’qadgħa aħjar, b’74 % bi status kimiku tajjeb u 89 % bi status kwantitattiv tajjeb. Għalkemm it-tniġġis ikkawżat min-nitrati mill-agrikoltura naqas f’dawn l-aħħar għoxrin sena, għadhom jeżistu problemi. In-nitrati huma l-aktar niġġiesa komuni li jikkawżaw stat kimiku ħażin fl-ilma tal-pjan fl-UE. Dan huwa partikolarment problematiku minħabba li l-ilma tal-pjan, wara l-ilma tal-wiċċ ġieri, huwa għajn importanti ta’ ilma tax-xorb fl-Ewropa.

·L-istress fuq l-ilma huwa baxx fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, iżda f’xi ftit huwa għoli, prinċipalment fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa u dan il-fenomenu qiegħed jiżdied fl-Ewropa tal-Punent u tat-Tramuntana wkoll. 

·Biex tonqos l-iskarsezza tal-ilma, is-setturi rilevanti kollha jeħtieġ li jużaw l-ilma ħelu b’mod effiċjenti. L-astrazzjoni tal-ilma naqqset fl-Ewropa matul dan l-aħħar deċennju, filwaqt li żdiedet l-effiċjenza fl-użu tiegħu. Il-medja tal-konsum tal-ilma tax-xorb naqset f’dawn l-aħħar 20 sena minn madwar 200:1 għal kull persuna u ġurnata għal madwar 120:1. 

Il-klassifikazzjoni globali

Skont l-Indiċi tal-SDGs globali u fuq ir-rapport tat-tabelli operattivi tal-2018 (Bertelsmann Stiftung and Sustainable Development Solutions Network), 25-il Stat Membru tal-UE għandhom punteġġ ta’ 80 jew aktar minn 100 għall-SDG 6. Tliet Stati Membri tal-UE huma fost l-aqwa 20 minn madwar id-dinja kollha.

L-Unjoni Ewropea fl-2030

L-UE skont it-tendenzi attwali/jekk kollox jibqa’ l-istess

Kumplessivament, l-UE hija mistennija tkompli tagħmel progress fil-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u fis-sanità. Kważi ċ-ċittadini kollha se jgawdu minn aċċess tajjeb għas-servizzi tal-ilma — bħal ilma tajjeb għax-xorb u trattament tal-ilma mormi — u faċilitajiet tas-sanità. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi żgurat aċċess sħiħ għaċ-ċittadini kollha tal-UE, biex jiġi żgurat li l-ilma mormi jiġi trattat skont l-istandards meħtieġa fit-territorju kollu u li jintlaħaq status tajjeb għall-korpi tal-ilma kollha fl-Ewropa. Niġġiesa emerġenti ta’ tħassib bħall-mikroplastiks u l-farmaċewtiċi għandhom ukoll jingħataw attenzjoni speċifika fis-snin li ġejjin. It-tniġġis diffuż mill-agrikoltura jrid jitnaqqas aktar. L-effiċjenza fl-użu tal-ilma jeħtieġ li titjieb aktar. Fl-aħħar nett, it-tibdil fil-klima u l-effetti aggravanti tiegħu fuq in-nixfa u l-għargħar f’reġjuni tal-UE jżidu l-ħtieġa biex il-ġestjoni tal-ilma ssir aktar sostenibbli. It-tibdil fil-klima ser iżid l-istress fuq l-ilma li diġà jinħass f’xi korpi tal-ilma prinċipalment fin-Nofsinhar tal-Ewropa, iżda dejjem aktar ukoll f’partijiet oħra tal-kontinent. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-ilma u l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni ġdida bħall-proposti riċenti għall-ilma tax-xorb u l-użu mill-ġdid se tgħin biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. L-evalwazzjoni kontinwa tal-kontroll tal-idoneità ta’ parti sostanzjali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma se tgħin biex jiġi stabbilit jekk il-qafas leġiżlattiv jenħtiġlux jiġi adattat biex l-SDGs rilevanti jintlaħqu b’mod sħiħ.

L-Opportunitajiet/Motivaturi pożittivi

Bidla fl-imġiba, l-involviment tas-soċjetà u tal-politika parteċipattiva, il-pressjoni tas-soċjetà ta’ għal sistema sostenibbli tal-ikel u tal-katini tal-produzzjoni, ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji/il-kondotta responsabbli tan-negozju, il-finanzi sostenibbli, sħubijiet pubbliċi privati, id-diġitalizzazzjoni, data aħjar permezz tal-użu ta’ għodod ta’ osservazzjoni tad-dinja bħal komponent Global tas-Servizz ta' Monitoraġġ tal-Art ta' Copernicus tal-UE, aktar użu mill-ġdid tal-ilma, l-intelliġenza artifiċjali u teknoloġiji ġodda, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-internet tal-oġġetti, l-ekonomija ċirkolari, il-multilateraliżmu.

Riskji/Xprunaturi negattivi

Il-faqar u l-inugwaljanza fl-opportunitajiet, it-tibdil fil-klima, it-tniġġis diffuż mill-agrikoltura, l-urbanizzazzjoni, in-niġġiesa organiċi, ir-residwi tal-farmaċewtiċi, l-iskart tal-plastik, il-produzzjoni industrijali, ir-rimi mill-unitajiet domestiċi, l-instabbiltà ġeopolitika u t-theddid għas-sigurtà, l-affordabbiltà u l-prezz tal-ilma.

Punti prinċipali tal-politika

Fil-livell tal-UE: Ir-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej dwar l-ilma jippromwovu soluzzjonijiet għall-isfidi tal-ilma. Is-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA), inizjattiva ta’ EUR 494 miljun, tiffoka fuq l-iskarsezza tal-ilma, l-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel fir-reġjun tal-Mediterran.

Fil-livell ta’ Stat Membru: F’Ċipru, l-ilma riċiklat qed jiżdied u sar riżorsi użata stabbli, fost l-oħrajn, għat-tisqija u għall-protezzjoni kontra n-nixfa. B’għajnuna minn fondi Ewropej, diġà għaddejjin żewġ proġetti: l-Anthoupolis Water Reuse Scheme u l-Larnaca Water Reuse Scheme.

Fil-livell reġjonali/lokali: Fir-reġjun ta' Dolnośląskie fil-Polonja qiegħed jinbna l-ġibjun tal-protezzjoni mill-għargħar ta’ Racibórz Dolny. Il-programm komprensiv ta’ protezzjoni mill-għargħar għandu l-għan li jipprovdi protezzjoni mill-għargħar tax-Xmara Oder, billi jirrestawra l-ilqugħ naturali tal-għargħar tal-wied tax-xmara Odra u t-terrazza naturali tal-pjanura tal-għargħar tax-xmara.

Fil-livell ta’ kumpanija: Impjanti għat-trattament tal-ilma mormi madwar l-Ewropa qed jibdew jużaw l-enerġija u riżorsi oħra li jinsabu fl-iskart biex inaqqsu l-konsum tagħhom u anki jaġixxu bħala produtturi tal-enerġija. Eżempju ewlieni huwa impjant ta’ trattament tal-ilma f’Aarhus, fil-belt ta’ Marselisborg fid-Danimarka, li jipproduċi aktar minn 150 % tal-enerġija li jenħtieġ biex jopera bis-saħħa li jinvesti f’teknoloġija aktar effiċjenti. 

Fil-livell tas-soċjetà ċivili: Malta qed tħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali biex tittejjeb il-ġestjoni tal-ilma u tal-faċilitajiet sanitarji. Iċ-ċiklu tal-ippjanar tal-baċir tax-xmara jiżgura parteċipazzjoni għolja mill-komunitajiet u mill-partijiet interessati, hekk kif deċiżjonijiet dwar ċerti miżuri se jinvolvi l-ibbilanċjar tal-interessi tal-gruppi varji.

Jiġi żgurat l-aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd

L-Unjoni Ewropea llum

Stampa/ħarsa ġenerali kwalitattiva

Il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-UE 2020 poġġew lill-UE fit-triq it-tajba biex tiżgura enerġija sikura, affordabbli u nadifa għall-Ewropej kollha. Diġà sar progress qawwi f’termini ta’ żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli u ta’ effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija, u l-UE qed timxi ’l quddiem bit-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa. It-tranżizzjoni tal-UE minn ekonomija bbażata fuq il-fjuwils fossili lejn ekonomija b’karbonju baxx b’sistema diġitali u tal-enerġija bil-konsumaturi fiċ-ċentru tagħha qed issir realtà fuq il-post. Id-diżakkoppjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn mal-prodott domestiku gross kompla, primarjament permezz tal-innovazzjoni. It-tkabbir ekonomiku u l-konsum tal-enerġija ġew diżakkoppjati wkoll. Tibdil dinji fil-produzzjoni u fid-domanda tal-enerġija għandu impatt sinifikanti fuq kwistjonijiet ġeopolitiċi u fuq il-kompetittività industrijali. Dan joħloq sfidi serji għall-Ewropa, iżda joħloq ukoll opportunitajiet uniċi. F’dan il-kuntest, l-UE tixtieq issaħħaħ ir-rwol tagħha bħala mexxejja dinjija fit-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa filwaqt li tipprovdi sikurezza tal-enerġija għaċ-ċittadini tagħha kollha. Bis-saħħa tal-unjoni tal-enerġija tagħha, l-UE għandha l-għan li tipprovdi enerġija sigura, affordabbli, sostenibbli u nadifa għaċ-ċittadini u għan-negozji tal-UE. Fuq in-naħa esterna, il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp jiffoka fuq li jiżdied l-aċċess għal servizzi tal-enerġija li huma affordabbli, moderni, affidabbli u sostenibbli, fuq li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli u l-użu ta’ miżuri għall-effiċjenza enerġetika u fuq li jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-UE hija pijunier f’li tistimula l-investimenti fis-settur privat fis-settur tal-enerġija sostenibbli bl-istrumenti ta’ taħlit tagħha, bil-pjan ta’ investiment estern tal-UE u bl-inizjattiva tal-finanzjament tal-elettrifikazzjoni. Anki l-politiki tal-viċinat u tat-tkabbir jikkontribwixxu f’dan il-qasam.

Ix-xejriet ewlenin

·Ix-xejriet fl-Ewropa juru li hemm “diżakkoppjar” tat-tkabbir ekonomiku mill-inputs tal-enerġija u mill-emissjonijiet assoċjati mall-gassijiet serra tagħhom. Bejn l-1990 u l-2017, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra naqsu bi 22 % filwaqt li l-PDG kiber b’58 %. Kemm il-produttività tal-enerġija kif ukoll l-intensità tal-gassijiet serra mill-konsum tal-enerġija tejbu kważi kontinwament mill-2000 fl-UE.

·L-UE qed timmira li tilħaq il-mira tagħha tal-2020 għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta’ 20 %. Bejn l-2005 u l-2016, il-konsum tal-enerġija primarja tal-UE naqas b’9.9 % u b’7.1 % tal-konsum tal-enerġija finali tiegħu.

·L-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha li sal-2020 20 % mill-konsum finali tal-enerġija jkun minn enerġija rinnovabbli. L-użu tal-enerġija rinnovabbli żdied kontinwament fl-UE matul l-aħħar għaxar snin, minn 9.0 % għal 17 % tal-konsum gross finali tal-enerġija bejn l-2005 u l-2016. Qafas regolatorju tal-UE prevedibbli, teknoloġiji iktar effiċjenti, spejjeż neżlin għat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u appoġġ aktar orjentat lejn is-suq, kienu l-muturi prinċipali ta’ din iż-żieda.

·L-UE għadha tiddependi fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwil minn pajjiżi mhux tal-UE biex tlaħħaq mad-domandi tagħha għall-enerġija.Id-dipendenza fuq l-importazzjoni fl-UE, li tlaħħaq 53.6 %, baqgħet kważi l-istess bejn l-2006 u l-2016 filwaqt li l-produzzjoni tal-enerġija naqset b’14 % matul l-istess perjodu. Matul l-istess perjodu ġie osservat tnaqqis konsistenti fil-konsum tal-enerġija primarja ta’ madwar 10 %.

·L-UE għamlet progress biex ittejjeb l-aċċess għal enerġija affordabbli. Matul dawn l-aħħar snin, naqsu n-nies li ma kellhomx il-mezzi biex iżommu darhom sħuna biżżejjed. Fl-2017, 8.1 % tal-popolazzjoni tal-UE indikaw li ma kellhomx aċċess għal enerġija affordabbli — 2.8 punti perċentwali anqas mill-2007.

Il-klassifikazzjoni globali

Skont l-Indiċi tal-SDGs globali u fuq ir-rapport tat-tabelli operattivi tal-2018 (Bertelsmann Stiftung and Sustainable Development Solutions Network), 26-il Stat Membru tal-UE għandhom punteġġ ta’ 80 jew aktar minn 100 għall-SDG 7. Seba’ Stati Membri tal-UE jinsabu mal-ewwel 20 fid-dinja kollha.

L-Unjoni Ewropea fl-2030

L-UE skont it-tendenzi attwali/jekk kollox jibqa’ l-istess

L-UE se tkompli tagħmel progress lejn enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd abbażi tal-qafas regolatorju ambizzjuż miftiehma fil-livell tal-UE. Sal-2030, il-miri ewlenin tal-UE se jsarrfu f’mill-inqas 40 % tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, f’mill-inqas 32 % tal-enerġija tal-UE minn sorsi rinnovabbli u żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija b’mill-inqas 32.5 %. Dawn jipprovdu l-pedamenti meħtieġa għal trasformazzjoni soċjetali profonda li twassal għal futur ta’ enerġija nadifa u sostenibbli. L-iżvilupp ta’ infrastrutturi tal-enerġija se jkompli jiġi appoġġjat permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Taħt il-Programm Qafas il-ġdid “Orizzont Ewropa”, ġie propost programm intensiv ta’ riċerka u innovazzjoni, b’baġit ta’ EUR 15-il biljun għall-enerġija, għall-mobbiltà u għall-klima. B’mod ġenerali, għall-qafas finanzjarju pluriennali 2021–2027, il-mira ta’ integrazzjoni għall-klima proposta ta’ 25 % tfisser li wieħed minn kull erba’ euro jrid jintefaq fuq kwistjonijiet relatati mal-klima, u dan huwa rilevanti wkoll għas-settur tal-enerġija. Impenn kontinwu huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li tinkiseb l-unjoni tal-enerġija, inkluż djalogu attiv mas-soċjetà ċivili u mal-partijiet konċernati, peress li l-kontribut u l-impenn tagħhom huwa essenzjali għas-suċċess tat-tranżizzjoni tal-enerġija.

Opportunitajiet/Xprunaturi pożittivi

Bidla fl-imġiba, konsumaturi informati, protetti u mogħtija s-setgħa, l-involviment tas-soċjetà u l-politika parteċipattiva u antiċipatorja għal tranżizzjoni ġusta, ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji/kondotta kummerċjali responsabbli, opportunitajiet ġodda ta’ negozju, finanzjament kollettiv u forom oħra ta’ finanzjament innovattiv, finanzi sostenibbli, sħubiji pubbliċi privati, tassazzjoni tar-riżorsi, l-internet tal-oġġetti, l-edukazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġiji ġodda, ir-riċerka u l-innovazzjoni, ekonomija ċirkolari b’livell baxx ta’ karbonju, mobilità b’emissjonijiet baxxi jew mingħajrhom, soċjetajiet reżiljenti, il-multilateraliżmu.

Riskji/Xprunaturi negattivi

Iż-żieda fil-konsum tal-elettriku xprunata mid-diġitalizzazzjoni, prezzijiet volatili tal-enerġija, tkompli d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u s-sussidji tagħhom, nuqqas ta’ bidla fl-imġiba, tnaqqis fir-ritmu tal-implimentazzjoni tal-politiki, investiment pubbliku u privat baxx, id-distakk diġitali, it-tibdil fil-klima, l-instabbiltà ġeopolitika u t-theddid għas-sigurtà, tranżizzjoni aktar għalja f’termini relattivi għan-nies b'introjtu medju u baxx.

Punti prinċipali tal-politika

L-UE fil-livell internazzjonali: F’Mejju 2017, biex iġġedded l-impetu tas-Sħubija Afrika-UE, l-UE pproponiet l-istrateġija “Nenerġizzaw l-Afrika”. L-UE impenjat ruħha li tinkoraġġixxi l-investimenti pubbliċi u privati fl-enerġija sostenibbli fl-Afrika, b’mod partikolari fil-kuntest tal-pjan ta’ investiment estern u biex jiġu approfonditi l-alleanzi strateġiċi u l-kollaborazzjoni.

Fil-livell tal-UE: Il-ħolqien ta’ unjoni Ewropea tal-enerġija sar prijorità ewlenija għall-Kummissjoni. Inizjattivi biex tinkiseb l-unjoni tal-enerġija ġew adottati. B’mod partikolari, il-pakkett tal-2016 għal enerġija nadifa għall-Ewropej kollha, se jwassal għal sistema aktar kompetittiva, moderna u nadifa tal-enerġija, li tibni madwar tliet miri ewlenin: li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tiġi l-ewwel, il-kisba ta’ tmexxija globali fl-enerġiji rinnovabbli u l-provvista ta’ trattament ġust għall-konsumaturi.

Fil-livell ta’ Stat Membru: Fl-2013, aktar minn 40 organizzazzjoni fin-Netherlands (gvernijiet lokali u nazzjonali, kumpaniji, trejdjunjins u organizzazzjonijiet ambjentali) iffirmaw Ftehim dwar l-Enerġija għat-Tkabbir Sostenibbli, bl-għan li jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli minn 5.8 % fl-2015 għal 16 % fl-2023. Dan il-ftehim jistabbilixxi miri għal tranżizzjoni lejn vetturi b’emissjonijiet żero: sal-2035, il-karozzi ġodda mibjugħa kollha għandhom ikunu mingħajr emissjonijiet, u fl-2050 l-karozzi kollha fit-toroq iridu jkunu mingħajr emissjonjiet.

Fil-livell reġjonali/lokali: Budapest hija membru tal-Patt tas-Sindki, inizjattiva ffinanzjata mill-UE li tlaqqa’ r-reġjuni u l-bliet impenjati li jimplimentaw l-objettivi tal-klima u tal-enerġija tal-UE. Mill-2011, wieħed mill-aktar banjijiet termali famużi — il-banju Szechenyi - iż-żoo qrib tiegħu u l-kumpanija distrettwali tat-tisħin lokali daħlu fi sħubija biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u jbaxxu l-kont tal-enerġija. Is-sħana tal-ilmijiet termali Szechenyi qed tiġi riċiklata fiż-Żoo ta’ Budapest Zoo biex tforni l-arja sħuna li xi madwar 350 speċi ta’ annimal u lil kważi 500 pjanta imxerrdin f’madwar 26 binja.

Fil-livell ta’ kumpanija: Il-kumpanija tal-enerġija Fortum Jelgava, stabbilita fl-2008 f’Jelgava, il-Latvja, irristrutturat in-netwerk tas-sħana tal-belt billi bidlet l-impjant tal-bojler tal-gass b’impjant ġdid tal-koġenerazzjoni tal-bijomassa li juża l-laqx tal-injam. Is-sistema tat-tisħin distrettwali tal-belt kważi qelbet għal kollox mill-fjuwils fossili għar-riżorsa rinnovabbli tal-injam li jiġi mil-lokal.

Fil-livell tas-soċjetà ċivili: Il-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli huma entitajiet li permezz tagħhom iċ-ċittadini u/jew l-awtoritajiet lokali jkunu sidien jew jipparteċipaw fil-produzzjoni u/jew fl-użu ta’ enerġija rinnovabbli. B’aktar minn 2500 inizjattiva mal-UE kollha, dawn kienu ta’ importanza ewlenija sabiex jistimulaw it-tranżizzjoni tal-enerġija fl-Ewropa. Għeruq u sjieda lokali ta’ inizjattivi bħal dawn iżidu l-aċċettazzjoni soċjali ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli, speċjalment għall-enerġija mir-riħ. Dawn inaqqsu l-ispejjeż billi jpoġġu għad-dispożizzjoni l-aktar siti adegwati.  

Jiġu promossi tkabbir ekonomiku sostnut, inklużiv u sostenibbli, impjieg sħiħ u produttiv u xogħol diċenti għal kulħadd

L-Unjoni Ewropea llum

Stampa/ħarsa ġenerali kwalitattiva

L-irkupru tal-Ewropa mill-kriżi ekonomika appoġġja t-tkattir kostanti tal-impjiegi. L-investiment kważi rkupra għal-livell ta’ qabel il-kriżi u l-finanzi pubbliċi qed jitjiebu, għalkemm l-irkupru qed jiffaċċja riskji ta’ tnaqqis. Madankollu, l-espansjoni mhijiex ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini u l-Istati Membri kollha bl-istess mod, b’mod partikolari l-qgħad għadu għoli f’xi pajjiżi. L-investiment u x-xejriet fil-produttività jissuġġerixxu li jista’ jsir aktar biex jissaħħu l-irkupru u t-tranżizzjoni lejn tkabbir ekonomiku aktar sostenibbli skont l-isfidi globali fit-tul tat-tibdil demografiku u tad-diġitalizzazzjoni. Flimkien mal-isforzi kontinwi sabiex naslu għal finanzi pubbliċi sostenibbli fit-tul, l-UE qed tkompli tippromwovi l-investimenti, b’mod partikolari fl-edukazzjoni, fil-ħiliet u fir-R&Ż, u riformi strutturali biex tiżdied l-effettività tal-ambjent kummerċjali u tas-swieq tal-prodotti u tax-xogħol. Il-“Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa” huwa strumentali biex jattira l-investiment privat f’setturi strateġiċi tal-ekonomija Ewropea. Riformi strutturali mfassla biex itejbu s-swieq tax-xogħol u l-politiki soċjali għandhom jgħinu lill-forza lavorattiva biex tikseb il-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u jippromwovu aċċess aħjar u opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u sistemi sostenibbli u adegwati ta’ ħarsien soċjali. Dawn għandhom ukoll jikkontribwixxu biex tiżdied il-produttività tax-xogħol u b’hekk iż-żieda fil-pagi. L-involviment tas-sħab soċjali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tar-riformi jista’ jtejjeb is-sjieda, l-impatt u t-twettiq. Fil-livell internazzjonali, l-UE qed timmira lejn tkabbir inklużiv u sostenibbli, ħolqien ta’ impjiegi deċenti, u promozzjoni tad-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem. Eżempji ta’ azzjoni esterna f’dan ir-rigward jinkludu l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, il-pjan ta’ investiment estern tal-UE, il-pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-2015-2019 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u l-azzjoni tal-UE permezz tal-politiki tal-viċinat u tat-tkabbir tal-UE. Il-politika kummerċjali tal-UE tippromwovi r-rispett tal-istandards internazzjonali ewlenin tax-xogħol u tad-drittijiet tal-bniedem. Il-promozzjoni ta’ prattiki ta’ negozju responsabbli bbażati fuq linji gwida internazzjonali hija ankrata f’diversi politiki tal-UE, inkluż il-kummerċ.

Ix-xejriet ewlenin

·L-Ewropej għandhom bħala medja standard tal-għajxien ogħla minn żewġ deċennji ilu. Fl-2002 - 2017, il-PDG reali ras għal ras kiber b’medja ta’ 1.1 % fis-sena. Riċentement, l-ekonomija tal-UE kienet qed tikber bl-ogħla r-ritmu minn mindu bdiet il-kriżi fl-2008, bit-tkabbir tal-PDG reali jiżdied għal 2.2 % fl-2017.

·Is-sehem totali tal-investiment tal-PDG fl-UE kien ta’ 20.8 % fl-2017, wara tnaqqis qawwi matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja. Dan kiber b’medja ta’ 1.0 % kull sena mill-2013 'l hawn. Il-“Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa” huwa mistenni joħloq 1.4 miljun impjieg u jżid il-PDG tal-UE b’1.3 % sal-2020.

·Il-produttività tax-xogħol aċċellerat xi ftit jew wisq, iżda t-tkabbir tagħha għadu taħt ix-xejriet ta’ qabel ir-reċessjoni.

·Il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għadha għaddejja biż-żieda stabbli tagħha, u laħqet rata ta’ attività ta’ 73.4 % fl-2017. Din iż-żieda kienet prinċipalment xprunata minn ħaddiema ikbar fl-età u minn nisa. L-impjiegi totali laħqu rekord ta’ 239 miljun ħaddiem, l-impjiegi full-time qed jiżdiedu b’2.3 miljun ruħ, filwaqt li l-għadd ta’ ħaddiema part-time baqa’ stabbli. Bejn l-2000 u l-2015, l-impjiegi fis-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali biss żdiedu b’47.3 % mill-2000. Il-qgħad fit-tul qed ikompli jonqos iżda għadu jirrappreżenta ftit inqas minn nofs it-total tal-qgħad. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ, li laħaq l-ogħla livell ta’ 23.8 % fl-2013, naqas għal 16.8 % fl-2017. Fl-2017, 7.7 % tal-impjegati Ewropej kienu qed jaħdmu b’kuntratti temporanji kontra r-rieda tagħhom, liema perċentwali kien jikkorrispondi għal 57.7 % tat-total tal-impjegati temporanji u dan is-sehem żdied xi ftit matul l-aħħar deċennju. Is-sehem ta’ impjiegi part-time involontarji fl-UE, li jaffettwa l-aktar lin-nisa, bħala perċentwali tat-total tal-impjiegi part-time żdied minn 25.6 % fl-2008 biex laħaq l-ogħla livell tiegħu ta’ 29.6 % fl-2014, u wara naqas għal 26.4 % fl-2017.

·Fir-rigward tal-ħaddiema foqra, 9.6 % ta’ dawk impjegati kienu wkoll f'riskju ta' fl-2017. Dan stabbilizza ruħu matul l-aħħar erba’ snin, għalkemm f’livell ogħla milli kien fl-2008 (8.5 %).

Il-klassifikazzjoni globali

Skont l-Indiċi tal-SDGs globali u r-rapport tat-tabelli operattivi tal-2018 (Bertelsmann Stiftung and Sustainable Development Solutions Network), 17 Stat Membru tal-UE għandhom punteġġ ta’ 80 jew aktar minn 100 għall-SDG 8. Disa’ Stati Membri tal-UE huma fost l-aqwa 20 minn madwar id-dinja kollha.

L-Unjoni Ewropea fl-2030

L-UE skont it-tendenzi attwali/jekk kollox jibqa’ l-istess

L-UE se jkollha tiżgura rati ta’ impjiegi kumplessivi għolja billi toħloq impjiegi ta’ kwalità li jservu t-tranżizzjoni tas-sostenibbiltà, speċjalment għan-nisa, għaż-żgħażagħ, għall-anzjani, għall-persuni b’diżabilità, għall-migranti u għall-komunitajiet marġinalizzati. Dan jgħin biex tiġi żgurata l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-mudell tal-protezzjoni soċjali Ewropew fil-kuntest ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u tkabbir fil-produttività kajman. Għalkemm l-investimenti fl-ekonomija Ewropea se jkomplu jikbru, dawn jeħtieġu appoġġ sostnut sabiex jingħelbu l-ostakli. Il-popolazzjoni tal-UE li qiegħda tiċkien u l-poter ekonomiku li qed imajna se jinfluwenzaw il-pożizzjoni tagħha fl-ordni ekonomiku dinji. Id-diġitalizzazzjoni u d-demografija se jkollhom implikazzjonijiet kemm fuq it-tkabbir futur kif ukoll fuq l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol. Dan jitlob li jkun hemm fokus aktar qawwi fuq il-vantaġġi komparattivi tal-UE marbuta mal-edukazzjoni ta’ kwalità u ma’ aktar investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni, li jeħtieġ li jippromwovu l-inklużjoni soċjali u s-sostenibbiltà ambjentali. It-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari se tkompli kif ukoll se jkomplu l-azzjonijiet biex jinqered ix-xogħol furzat u t-traffikar tal-bnedmin.

L-Opportunitajiet/Motivaturi pożittivi

It-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, id-diġitalizzazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-involviment soċjetali u l-politiki parteċipattivi, il-pressjoni tas-soċjetà għal ktajjen ta’ produzzjoni sostenibbli, l-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġiji ġodda, ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji/il-kondotta responsabbli tan-negozju, il-finanzi sostenibbli, sħubijiet pubbliċi privati, ekonomija ċirkolari kollaborattiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, l-ekonomija soċjali u l-iżvilupp ta’ ekosistemi ta’ ekonomija soċjali, fokus fuq soċjetajiet reżiljenti, il-multilateraliżmu, il-kummerċ miftuħ u ġust, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Riskji/Xprunaturi negattivi

Tkabbir baxx fil-produttività, nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet, diffużjoni bil-mod ta’ teknoloġiji diġitali ġodda u l-impatti tat-trasformazzjonijiet teknoloġiċi fuq il-ħaddiema u fuq setturi speċifiċi, l-inugwaljanzi soċjali, id-disparitajiet reġjonali u territorjali, l-impatti tat-tibdiliet demografiċi u r-rwol tal-migrazzjoni u l-ispustament sfurzat, id-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima, l-instabbiltà ġeopolitika u theddid għas-sigurtà, ir-ritorn għal protezzjoniżmu ekonomiku madwar id-dinja, id-diffikultà biex titkejjel il-produttività f’ekonomiji dejjem aktar intanġibbli, is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-prekarjetà tal-impjiegi, id-distakk diġitali, il-protezzjoni tad-data, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Punti prinċipali tal-politika

Fil-livell tal-UE: Il-“Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa”, l-hekk imsejjaħ 'Pjan Juncker', irnexxilu jtejjeb il-klima tal-investiment bil-kbir. F’Lulju 2018, il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) laħaq il-mira inizjali tiegħu ta’ EUR 315-il biljun ta’ investiment u sa Diċembru 2018 kien immobilizza EUR 371 biljun f’investiment addizzjonali madwar l-UE mill-2015. Dan diġà appoġġa aktar minn 750,000 impjieg. Iċ-ċifra mistennija tiżdied għal 1.4 miljun impjieg sal-2020. Aktar minn 850,000 negozju ta’ daqs żgħir u medju (SMEs) qegħdin jibbenefikaw minn aċċess imtejjeb għall-finanzjament. Tal-inqas 40 % tal-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi taħt il-qasam tal-infrastruttura u l-innovazzjoni jappoġġa komponenti ta’ proġetti li jikkontribwixxu għall-azzjoni klimatika b’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar l-azzjoni klimatika.

Fil-livell tal-Istati Membri: Fl-2017, ir-Repubblika Ċeka introduċiet aktar flessibbiltà fl-iskedar u fl-intitolamenti tas-sigħat tax-xogħol u tal-liv; it-tisħiħ tal-proċess tan-negozjar kollettiv; bidliet fil-liġi tal-kuntratti; bidliet fir-reġim tas-sensji kollettivi; bidliet fid-dispożizzjonijiet relatati mat-“telexogħol”; u tisħiħ tal-għodod ta’ rikonċiljazzjoni bħax-“xogħol mid-dar”.

Fil-livell reġjonali/lokali: Il-belt ta’ Ghent fil-Belġju tuża’ b’mod regolari l-Fond Soċjali Ewropew biex tappoġġa l-integrazzjoni tar-refuġjati u tar-Rom fis-swieq tax-xogħol. Pereżempju, il-proġett tagħha “Labour Team IEM” (2015–2017) offra gwida mfassla apposta għall-persuni Rom. L-għan ewlieni kien li jgħin minn tal-inqas 190 migrant intra-Ewropew (IEM - intra-European migrants), l-aktar Rom, jidħlu fis-suq tax-xogħol. Il-proġett se jibqa’ għaddej fl-2018–2019 bl-appoġġ tal-Fond Soċjali Ewropew.

Fil-livell ta’ kumpanija: Il-Bank Ewropew tal-Investiment qed jipprovdi EUR 7.5 miljun f’self (garantit mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi) lil Greenfiber International SA biex jiffinanzja proġett tar-riċiklaġġ u tal-ekonomija ċirkolari fir-Rumanija. Il-proġett se jgħin sabiex jinħolqu 280 impjieg full-time u se jżid l-ammont ta’ skart miġbur u pproċessat b’aktar minn 50 000 tunnellata fis-sena.

Fil-livell tas-soċjetà ċivili: Fl-2014, inħolqot koalizzjoni nazzjonali Portugiża ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjeta ċivili biex titħejja pożizzjoni komuni dwar l-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2030 dwar l-Iżvilup Sostennibbli. L-koalizzjonijiet organizzaw proċessi ta’ konsultazzjoni nazzjonali, kwestjonarji onlajn u laqgħat ta’ ħidma lokali biex jiġu diskussi l-aspettattivi dwar l-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2030 dwar l-Iżvilup Sostennibbli, inklużi dawk relatati mal-SDG 8.

Tinbena infrastruttura reżiljenti, tiġi promossa industrijalizzazzjoni inklużiva u sostenibbli u titrawwem l-innovazzjoni

L-Unjoni Ewropea llum

Stampa/ħarsa ġenerali kwalitattiva

Infrastruttura ta’ prestazzjoni għolja fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija u dawk diġitali hija essenzjali għall-UE konnessa tajjeb u integrata, fejn iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-moviment ħieles u mis-suq uniku, kif ukoll minn infrastrutturi soċjali adegwati. Din hija r-raġuni għaliex fost l-oħrajn in-netwerks trans-Ewropej tat-trasport, tal-enerġija u tas-settur diġitali jindirizzaw b’mod integrat il-bżonn għal tkabbir reżiljenti, sostenibbli, bla skossi u infrastrutturi innovattivi. L-investimenti fl-infrastruttura spazjali huma wkoll ta’ tħassib strateġiku. L-industrija tal-Ewropa hija b’saħħitha u żammet pożizzjoni minn ta’ quddiem f’bosta setturi fis-swieq globali. L-UE tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn industrija intelliġenti, innovattiva u sostenibbli li toħloq benefiċċji għaċ-ċittadini kollha. Filwaqt li l-UE għaddejja minn tkabbir tal-PDG, l-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra qed jonqsu, fattur li jissuġġerixxi diżakkoppjar tal-emissjonijiet minn mat-tkabbir. Il-politiki Ewropej huma orjentati sabiex jagħtu s-saħħa lill-industrija twettaq in-negozju tagħha b’mod responsabbli u sostenibbli, joħolqu l-impjiegi, jagħtu spinta lill-kompetittività tal-Ewropa, irawmu l-investiment u l-innovazzjoni f’teknoloġiji nodfa u diġitali u jiddefendu r-reġjuni u l-ħaddiema Ewropej l-aktar milquta mill-bidla industrijali. L-enfasi tal-UE fuq l-investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni kif ukoll fit-trasformazzjoni diġitali tgħinna biex nikkompetu globalment billi noħolqu aktar impjiegi u opportunitajiet għan-negozju. L-UE hija l-iktar żona tar-riċerka u l-innovazzjoni miftuħa fid-dinja, iżda hemm bżonn ta’ titjib f’termini ta’ tisħiħ u diffużjoni, għax l-innovazzjonijiet mhux dejjem jissarrfu f’opportunitajiet ġodda ta’ tkabbir u għas-suq. L-investiment tas-settur tan-negozju fir-riċerka u fl-innovazzjoni jrid jiżdied għaliex bħalissa jasal biss sa 1.3 % tal-PDG, wara ċ-Ċina (1.6 %), l-Istati Uniti (2 %) u l-Ġappun (2.6 %). It-trasformazzjoni diġitali hija fattur importanti li jippermetti t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u soċjetà b’livell baxx ta’ karbonju. Fil-livell internazzjonali, il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp jappoġġa t-tfassil, il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ infrastrutturi ta’ kwalità għolja, reżiljenti, li ma jagħmlux ħsara lill-klima, sabiex jippromwovi l-aċċess ġust u affordabbli għal kulħadd, it-tkabbir, il-kummerċ u l-investimenti. Il-politika tal-UE dwar il-kummerċ, it-tkabbir u l-viċinat ukoll tikkontribwixxi f’dan il-qasam. 

Ix-xejriet ewlenin

·L-industrija tal-manifattura tammonta għal żewġ terzi tal-esportazzjonijiet tal-UE, tipprovdi impjiegi għal 36 miljun ruħ — wieħed minn kull ħames impjiegi fl-Ewropa - u tikkontribwixxi għall-istandards tal-għajxien għolja taċ-ċittadini Ewropej.

·L-emissjonijiet tal-gassijiet serra mil-lat tal-proċessi industrijali u l-użu tal-prodott naqsu b’aktar minn 17 % fil-perjodu 2000-2016. Barra minn hekk, dan it-titjib huwa kkonfermat mit-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija fl-industrija bi 17 % matul il-perjodu 2000–2016.

·Investiment fir-R&Ż: L-Ewropa hija responsabbli għal 20 % tal-investiment globali fir-R&Ż, tipproduċi terz tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi kollha ta’ kwalità għolja, u għandha pożizzjoni dinjija dominanti f’setturi industrijali bħall-farmaċewtika, dak tal-kimika, tal-inġinerija mekkanika u l-moda. L-aktar tnejn li jonfqu fuq ir-riċerka u l-iżvilupp huma fis-settur tal-intrapriżi kummerċjali (65 %) u s-settur tal-edukazzjoni ogħla (23 %) filwaqt li s-settur pubbliku fl-2016 kellu sehem ta’ 11 %.

·L-applikazzjonijiet għal privattivi fl-UE żdiedu konsiderevolment qabel il-kriżi ekonomika, u minn dakinhar 'l hawn baqgħu l-istess.

·Ir-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpaniji: 77 % tal-kumpaniji tal-UE jinkludu r-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji fir-rappurtar tagħhom u ħafna minnhom huma minn ta’ quddiem f’li jintegraw attivitajiet tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji /tal-kondotta responsabbli tan-negozju mal-SDGs.

Il-klassifikazzjoni globali

Skont ir-rapport tal-2018 tal-Indiċi u tat-tabelli tal-SDG globali (Bertelsmann Stiftung and Sustainable Development Solutions Network), 10 Stati Membri tal-UE għandhom punteġġ ta’ 73 jew ogħla minn 100, għall-SDG 9, b’differenzi notevoli bejn l-Istati Membri. 10 Stati Membri tal-UE huma fost l-aqwa 20 minn madwar id-dinja kollha

L-Unjoni Ewropea fl-2030

L-UE skont it-tendenzi attwali/jekk kollox jibqa’ l-istess

L-Ewropa qiegħda fuq quddiemt nett fit-triq lejn industrija iktar sostenibbli u inklużiva. It-trasformazzjonijiet ekonomiċi, soċjetali u ambjentali se jaċċelleraw, kif ukoll se jaċċelleraw l-iżviluppi teknoloġiċi f’oqsma bħar-robotika, l-internet tal-oġġetti, l-intelliġenza artifiċjali u s-sistemi tal-enerġija. L-awtomatizzazzjoni, li teżisti bis-saħħa tat-teknoloġiji tal-informazzjoni, se tittrasforma l-proċessi tal-manifattura tradizzjonali u n-natura tax-xogħol. L-industrija qed issir dejjem aktar integrata fil-ktajjen tal-valur globali b’komponenti tas-servizz qawwijin. Il-mudelli tan-negozju emerġenti se jfixxklu lis-swieq tradizzjonali. L-innovazzjoni nfisha u l-ħolqien tal-valur qed jinbidlu b’modi profondi, misjuqin minn ġenerazzjoni ġdida ta’ konsumaturi li jistennew il-kokreazzjoni tal-valur, imġiba kummerċjali sostennibbli, il-konnettività u l-kejl tal-prestazzjoni f’ħin reali. Id-data ssir il-fattur il-ġdid tal-kompetizzjoni. Id-domanda għall-materja prima se tkompli tiżdied. Bir-riżorsi naturali taħt stress u t-tibdil fil-klima li qiegħed isir realtà dejjem aktar tanġibbli, id-domandi għal prodotti sostenibbli, għal konsum ċirkolari u għal emissjonijiet baxxi jew emissjonijiet żero se jiżdiedu esponenzjalment u huma meħtieġa innovazzjonijiet ekoloġiċi. L-Ewropa se żżid l-investiment tagħha fir-riċerka u l-innovazzjoni, u fl-infrastruttura reżiljenti, fost l-oħrajn permezz tal-“Orizzont Ewropa” - il-Programm Qafas li jmiss tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

Opportunitajiet/Xprunaturi pożittivi

L-involviment tas-soċjetà u l-politika parteċipattiva, l-intelliġenza artifiċjali, l-internet tal-oġġetti, id-diġitalizzazzjoni sħiħa, l-ekonomija kollaborattiva u ċirkolari mhux dipendenti fuq il-karbonju, enfasi fuq soċjetajiet reżiljenti, ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji/il-kondotta responsabbli tan-negozju, minjieri u sorsi responsabbli u sostennibbli, finanzi sostennibbli, sħubijiet pubbliċi privati, finanzjament kollettiv u l-edukazzjoni, il-multilateraliżmu, il-kummerċ miftuħ u ġust.

Riskji/Xprunaturi negattivi

Investiment mis-settur pubbliku u mis-settur kummerċjali baxx, anki fir-riċerka u l-innovazzjoni, it-tibdil tal-katini tal-valur, spariġġ tal-ħiliet, bidliet fid-domanda globali, l-instabbiltà ġeopolitika u t-theddid għas-sigurtà, l-inugwaljanzi soċjali, it-tixjiħ tas-soċjetajiet tagħna, it-tibdil fil-klima u r-riskji ambjentali assoċjati ma’ żieda fid-domanda għal riżorsi naturali, id-diviżjoni urbana/rurali.

Punti prinċipali tal-politika

L-UE fil-livell internazzjonali: Bis-saħħa tal-preċiżjoni u l-affidabbiltà dejjem akbar tagħhom, il-Programmi Ewropej tan-Navigazzjoni bis-Satellita Galileo u EGNOS joffru informazzjoni aħjar dwar il-pożizzjonament u l-ħin, b’implikazzjonijiet pożittivi sinifikanti għal ħafna servizzi u prodotti Ewropej li n-nies jużaw kuljum, minn apparat tan-navigazzjoni fil-karozzi tagħhom għall-mowbajls kif ukoll għas-servizzi ta’ rispons kritiċi u ta’ emerġenza. Il-Grupp dwar l-Osservazzjonijiet tad-Dinja jippromwovi l-applikazzjonijiet tal-osservazzjonijiet ambjentali b’sostenn għall-SDGs u għall-Ftehim ta’ Pariġi dwar l-azzjoni klimatika.

Fil-livell tal-UE: In-netwerks trans-Ewropej jindirizzaw il-ħtieġa ta’ infrastrutturi reżiljenti, mingħajr skossi u innovattivi fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija u diġitali. Huma għandhom l-għan li jipprovdu konnettività għar-reġjuni kollha tal-UE, u b’hekk jikkontribwixxu biex “jinkludu” liċ-ċittadini f’kull parti tal-Ewropa. L-infrastruttura hija mibnija u adattata sabiex ikun żgurat li tkun tiflaħ għar-riskji assoċjati mat-tibdil fil-klima, filwaqt li tippromwovi l-inklużjoni, it-trawwim tal-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi.

Fil-livell ta’ Stat Membru: L-Iżvezja tinsab fuq quddiem nett tal-innovazzjoni fl-UE b’livell għoli ta’ investiment privat u pubbliku fir-riċerka u fl-iżvilupp, għadd kbir ta’ applikazzjonijiet għall-privattivi, SMEs innovattivi u sehem kbir ta’ impjiegi f’attivitajiet b’għarfien intensiv. Barra minn hekk, l-investiment fil-manifattura kiber aktar malajr mill-medja tal-UE u l-effiċjenza fl-enerġija tal-produzzjoni industrijali hija għolja ħafna.

Fil-livell reġjonali/lokali: Il- pjattaforma tematika tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti għall-modernizzazzjoni industrijali toffri opportunitajiet lill-awtoritajiet maniġerjali reġjonali bi prijoritajiet ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti simili biex jikkooperaw abbażi tal-kompetenzi ta’ xulxin, jaqsmu l-infrastruttura, jippermettu tkabbir għal impatt akbar u jiżviluppaw proġetti ta’ investiment konġunti.


Fil-livell ta’ kumpanija: Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi għen kumpanija Estona tipproduċi apparat ta’ ħżin tal-enerġija imsejjaħ ultra-capacitor, li huwa 100 darba aktar b’saħħtu minn batterija ordinarja u li jiflaħ miljun ċiklu ta’ riċarġjar. Il-kumpanija ġabret kapital ta’ EUR 15-il miljun għal faċilità ta’ manifattura fil-Ġermanja li kapaċi tipproduċi miljuni ta’ ultra-capacitators ġodda fis-sena.

Titnaqqas l-inugwaljanza fi ħdan il-pajjiżi u bejniethom

L-Unjoni Ewropea llum

Stampa/ħarsa ġenerali kwalitattiva

L-istess bħall-faqar, l-inugwaljanza hija kunċett multidimensjonali. Tkopri inugwaljanzi kemm fl-eżiti kif ukoll fl-opportunitajiet, bħall-inugwaljanza fl-introjtu, aċċess mhux l-istess għall-protezzjoni soċjali, kif ukoll it-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-inugwaljanza. L-inugwaljanza fl-opportunitajiet hija kawża importanti tal-inugwaljanza fl-introjtu. Fl-UE bdiet isseħħ konverġenza tal-introjtu, u l-istandards tal-għajxien bdew jirkupraw mill-kriżi f’bosta Stati Membri. Madankollu, peress li l-ekonomiji Ewropej qed jirkupraw is-saħħa, kiber it-tħassib dwar l-inklużività tat-tkabbir ekonomiku. L-inugwaljanza fl-introjtu fl-UE b’mod ġenerali stabbilizzat ruħha matul l-aħħar snin, għalkemm il-livell tagħha jibqa’ ta’ sfida. Gruppi emarġinati u vulnerabbli, bħall-persuni b’diżabbiltajiet, il-migranti u l-minoranzi etniċi (inklużi r-Rom), dawk bla dar jew iżolati, l-anzjani u t-tfal ibatu minn forom partikolari ta’ inugwaljanzi. L-inklużjoni soċjoekonomika tagħhom għadha inadegwata. L-inugwaljanza tista’ xxekkel it-tkabbir ekonomiku, l-istabbiltà makroekonomika, u tista’ potenzjalment thedded il-koeżjoni soċjali. Globalment, il-livelli għolja ta’ inugwaljanzi li jippersistu fil-pajjiżi sħab tal-UE jheddu l-progress tal-biċċa l-kbira tal-SDGs. L-inugwaljanza globali tista’ ukoll twassal għal aktar migrazzjoni lejn l-UE. Bi tweġiba għall-isfidi reċenti fil-qasam tal-migrazzjoni, il-Kummissjoni ħadmet biex tipprovdi rispons immedjat u biex tibni sistema sostenibbli u reżistenti għall-kriżijiet tal-futur. Ġestjoni sostenibbli tal-flussi migratorji hija essenzjali. L-azzjoni esterna tal-UE, inkluż il-politika barranija u ta’ sigurtà tagħha, il-politika tal-iżvilupp, il-politiki tat-tkabbir u tal-viċinat, u l-politika tal-kummerċ u tal-investiment tal-UE kollha jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-kawżi tal-inugwaljanza barra l-Ewropa. Pereżempju, il-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp jippromwovi l-prinċipju li ħadd ma jitħalla lura u jimpenja ruħu li jieħu azzjoni biex inaqqas l-inugwaljanza tal-eżiti u jippromwovi opportunitajiet indaqs għal kulħadd.

Ix-xejriet ewlenin

·Introjtu disponibbli: Id-differenzi ekonomiċi bejn il-pajjiżi tal-UE naqsu matul iż-żmien. L-introjtu disponibbli reali gross aġġustat tal-unitajiet domestiċi per capita żdied fil-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri. Fl-2017, kien bħala medja 4.4 % ogħla mil-livell ta’ qabel il-kriżi fl-2008. Kien hemm xi konverġenza fl-introjtu bejn l-Istati Membri tal-UE, minħabba li l-introjtu disponibbli fl-Istati Membri b’livelli iktar baxxi ta’ introjtu, bħar-Rumanija, il-Bulgarija u l-Polonja, kibru b’rata aktar mgħaġġla mill-medja tal-UE.

·L-inugwaljanza fl-introjtu: Fl-2017, għall-UE, bħala medja għall-Istati Membri kollha, 20 % tal-unitajiet domestiċi l-aktar sinjuri rċevew proporzjon tal-introjtu li kien 5.1 darbiet ogħla minn dak tal-ifqar 20 % u dan għadu ogħla mil-livelli ta’ qabel il-kriżi (4.9 fl-2009). Madankollu, dan il-proporzjon naqas meta mqabbel mal-2016 (5.2), ħaġa li turi xi titjib tal-prospetti li jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-introjtu fl-Istati Membri tal-UE. Xejriet ta’ stabbilizzazzjoni fl-inugwaljanza fl-introjtu fl-Istati Membri tal-UE qed jiġu osservati wkoll meta wieħed iħares lejn fis-sehem tal-introjtu tal-agħar 40 % tal-popolazzjoni. Dan kien 21.2 % fl-2008 u fl-2012, niżel kemxejn għal 20.9 % fl-2016, u reġa’ żdied għal 21.2 % fl-2017.

·L-inugwaljanza tal-opportunitajiet: Karatteristika importanti tal-inugwaljanza tal-opportunitajiet hija l-impatt tal-pożizzjoni soċjoekonomika tal-ġenituri fuq l-edukazzjoni ta’ wliedhom. Skont it-test tal-istħarriġ tal-2015 tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA), 33.8 % tal-istudenti mill-iżjed sfondi soċjoekonomiċi żvantaġġati kienu jilħqu livell edukattiv baxx fix-xjenza, meta mqabbla ma’ 7.6 % biss fost il-pari tagħhom l-aktar privileġġjati. Hemm ukoll varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri.

·Għajnuna għall-iżvilupp: L-UE tibqa’ l-akbar donatur fid-dinja, u tipprovdi aktar minn 50 % tal-għajnuna dinjija kollha għall-iżvilupp, biex b’hekk qiegħda tikkontribwixxi wkoll biex tnaqqas l-inugwaljanzi madwar id-dinja. Il-finanzjament totali tal-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi l-flussi mis-settur pubbliku u mis-settur privat, aktar milli rdoppja mill-2001 ’l hawn, u dan jirrappreżenta medja ta’ tkabbir annwali ta’ 6.4 %.

Il-klassifikazzjoni globali

Skont l-Indiċi tal-SDGs globali u r-rapport tat-tabelli operattivi tal-2018 (Bertelsmann Stiftung and Sustainable Development Solutions Network), 13-il Stat Membru tal-UE għandhom punteġġ ta’ 80 jew aktar minn 100 għall-SDG 10. 11 Stati Membri tal-UE huma fost l-aqwa 20 minn madwar id-dinja kollha

L-Unjoni Ewropea fl-2030

L-UE skont it-tendenzi attwali/jekk kollox jibqa’ l-istess

L-UE u l-Istati Membri tagħha se jaħdmu biex jiżguraw tkabbir inklużiv u sostenibbli fl-UE, kundizzjoni neċessarja biex inaqqsu l-inugwaljanza. Huma se jgħaqqdu flimkien protezzjoni soċjali effiċjenti, effettiva u adegwata ma’ servizzi ta’ appoġġ, ma’ edukazzjoni tajba li tippermetti opportunitajiet ugwali għal kulħadd, u ma’ swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw sew sostnuti minn politiki tas-suq tax-xogħol effettivi. Dan mhux biss se jippermetti li jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn l-Istati Membri tal-UE, imma wkoll biex b’mod sinifikanti jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-Istati Membri. L-avvanzi teknoloġiċi, b’mod partikolari l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, ser ikollhom jiġu ġestiti tajjeb biex jiġi evitat id-distakk diġitali. Fir-rigward tax-xejriet tal-migrazzjoni, huwa ċar li l-ebda pajjiż tal-UE ma jista’ jew ma għandu jitħalla waħdu biex jindirizza l-pressjonijiet migratorji kbar. L-UE se tkompli tnaqqas l-inċentivi għall-migrazzjoni irregolari, issalva l-ħajjiet u żżomm siguri l-fruntieri esterni, timplimenta politika komuni b’saħħitha dwar l-ażil u politika dwar il-migrazzjoni legali, filwaqt li tgħin sabiex il-migranti u r-refuġjati legali jiġu integrati b’mod effettiv fis-swieq tax-xogħol u fis-soċjetajiet tal-UE. L-azzjoni esterna tal-UE se tkompli tindirizza l-inugwaljanza barra l-Ewropa.

L-Opportunitajiet/Motivaturi pożittivi

L-involviment tas-soċjetà u l-politika parteċipattiva, ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji/il-kondotta responsabbli tan-negozju, il-benessri soċjali (pereż. it-tassazzjoni u l-protezzjoni soċjali u s-sistemi tal-inklużjoni soċjali, il-politiki tas-suq tax-xogħol, il-politiki tal-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal, il-kisba edukattiva, il-livelli tal-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja), it-trasport u l-aċċessibbiltà diġitali li jindirizzaw id-dimensjoni spazjali tal-inugwaljanza, il-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni, finanzi sostenibbli, il-multilateraliżmu, il-kummerċ miftuħ u ġust.

Riskji/Xprunaturi negattivi

L-inugwaljanza tal-opportunitajiet, soċjetajiet li qed jixjieħu, il-bdil fil-kompożizzjoni tal-unitajiet domestiċi (pereż. persuni li jgħixu waħedhom), lakuni fil-benesseri soċjali, it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, l-instabbiltà ġeopolitika u t-theddid għas-sigurtà, ir-ritorn għall-protezzjoniżmu ekonomiku madwar id-dinja.

Punti prinċipali tal-politika

L-UE fil-livell internazzjonali: Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp jippromwovi l-prinċipju li ħadd ma jitħalla lura u jimpenja ruħu li jieħu azzjoni biex inaqqas l-inugwaljanza tal-eżiti u jippromwovi opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Il-politika tal-kummerċ u tal-investiment tal-UE għandha l-għan li timmassimizza l-potenzjal tal-preferenzi kummerċjali, tal-ftehimiet kummerċjali u tal-investiment għall-ħolqien tal-impjiegi, livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-ħaddiema u l-ġenerazzjoni ta’ investiment fil-pajjiżi sħab, b’mod partikolari dawk li qed jiżviluppaw, u b’hekk tikkontribwixxi biex titnaqqas l-inugwaljanza.

Fil-livell tal-UE: Ħafna mill-20 prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huma dwar l-iżgurar ta’ opportunitajiet indaqs għal kulħadd, il-ġustizzja u l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà. Dan huwa akkumpanjat minn tabella ta’ valutazzjoni soċjali li timmonitorja x-xejriet u l-prestazzjonijiet madwar l-UE. Is-semestru Ewropew huwa mekkaniżmu fundamentali tal-Pilastru, u dan ġie msaħħaħ aktar biex jiffoka fuq il-ġustizzja soċjali, l-inugwaljanzi u aktar tkabbir inklużiv. Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE tippromwovi l-inklużjoni soċjali, filwaqt li tiġġieled il-faqar u d-diskriminazzjoni.

Fil-livell ta’ Stat Membru: Is-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji f’Ċipru saret aktar effikaċi fl-indirizzar tal-inugwaljanza fl-introjtu. L-effetti ridistributtivi tagħha żdiedu kważi bid-doppju minn żmien il-kriżi (matul l-2009-2016). Pereżempju, fl-2014, Ċipru introduċa skema tal-introjtu minimu garantit, li tgħin ukoll biex tinċentiva x-xogħol. Jidher li l-iskema għandha impatt pożittiv qawwi fuq it-tnaqqis tal-faqar u tal-inugwaljanza, u kkontribwixxiet biex tissaħħaħ ix-xibka tas-sigurtà soċjali.

Fil-livell reġjonali/lokali: Proġett pilota “Akkomodazzjoni l-Ewwel għall-Familji” li qed tmexxi l-muniċipalità lokali ta’ Brno fir-Repubblika Ċeka turi t-tmexxija tal-muniċipalità mas-sħab fil-komunità biex jindirizzaw il-persuni bla dar. Il-proġett jipprovdi appartament muniċipali u akkomodazzjoni intensiva u ġestjoni għall-ewwel darba tal-każijiet għal 50 familja Rom u mhux Rom, xelters jew forom oħra ta’ nuqqas ta’ akkomodazzjoni. Abbażi tal-proġett pilota, ġie adottat pjan ta’ azzjoni biex tintemm il-problema tal-familji mingħajr dar f’Brno bejn l-2018 u l-2025.

Fil-livell tal-kumpaniji: La Bolsa Social hija l-ewwel pjattaforma ta’ ekwità b’impatt fuq il-kollettività fi Spanja għall-investituri u n-negozji li jixtiequ jħallu impatt soċjali pożittiv. Il-kumpanija tlaqqa’ investituri tal-impatt soċjali ma’ intrapriżi biex tippromwovi l-SDGs. La Bolsa Social ffinanzjat 10 kumpaniji b’impatt soċjali u ambjentali b’EUR 1.8 miljun. Ħamsa minnhom huma speċifikament iffukati fuq li jagħtu lill-persuni b’diżabilità aċċess għall-informazzjoni, għall-ħajja soċjali u għall-ispazju pubbliku.

Fil-livell tas-soċjetà ċivili: Il-proġett Żvediż “Ħobż f’Bergslagen” involva korsijiet tal-ħami tal-ħobż tradizzjonali bħala mezz ta’ integrazzjoni ta’ wasliet ta’ migranti u jipprovdi taħriġ vokazzjonali. Huwa uża l-attività fiżika bħala l-punt tat-tluq għal djalogu, filwaqt li voluntiera mħarrġa ffaċilitaw id-diskussjonijiet bejn il-parteċipanti.

L-ibliet u l-insedjamenti umani jsiru inklużivi, sikuri, reżiljenti u sostenibbli

L-Unjoni Ewropea llum

Stampa/ħarsa ġenerali kwalitattiva

L-ibliet fl-Ewropa huma fil-qalba tal-isfidi ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-lum. Aktar minn 70 % taċ-ċittadini tal-UE jgħixu f’żoni urbani filwaqt li madwar 85 % tal-PDG tal-UE huwa ġġenerat fl-ibliet. Il-bliet u l-komunitajiet huma essenzjali għall-benesseri tal-Ewropej u l-kwalità tal-ħajja tagħhom peress li huma jservu bħala ċentri ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali u tal-innovazzjoni. Huma jattiraw ħafna nies minħabba l-firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet għall-edukazzjoni, l-impjieg, id-divertiment u l-kultura. Madankollu, l-ibliet tal-UE qed jiffaċċjaw ukoll sfidi bħal pressjonijiet migratorji u l-esklużjoni soċjali, il-konġestjoni, nuqqas ta’ abitazzjonijiet adegwati u t-tnaqqis tal-infrastruttura, iż-żieda tat-tniġġis tal-arja, biex insemmu ftit. Il-bliet huma wkoll partikolarment vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali. Huwa sforz konġunt tal-Kummissjoni, tal-Istati Membri u tal-bliet Ewropej, sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni urbana tal-politiki Ewropej u nazzjonali. F’konformità mal-Aġenda Urbana l-Ġdida tan-NU, l-UE ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-kuntesti urbani permezz tal-prevenzjoni ta’ diżastri u ta’ riskji relatati mal-klima u twieġeb b’mod aktar koordinat għall-isfidi urbani differenti. Fil-livell internazzjonali, il-politiki Ewropej għall-iżvilupp, barranin u tas-sigurtà, il-politiki tat-tkabbir u tal-viċinat ifittxu li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-bliet. Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm aktar konċentrazzjoni fuq il-bliet u l-awtoritajiet lokali bħala atturi importanti biex jintlaħqu l-SDGs.

Ix-xejriet ewlenin

·Ir-rata ta’ riċiklaġġ tal-iskart muniċipali żdiedet, b’ 11.0 punti perċentwali f’total ta’ bejn l-2007 sal-2016.

·Il-kwalità tas-settur tal-abitazzjoni fl-UE tjiebet matul l-aħħar sitt snin. Is-sehem tal-abitanti tal-UE qed jesperjenza defiċits bażiċi fil-kundizzjoni tas-settur tal-abitazzjoni tagħhom li naqas b’4.8 punti perċentwali bejn l-2007 u l-2017 meta kien 13.1 %.

·In-nies li jgħixu fil-bliet kellhom aċċess iktar faċli għat-trasport pubbliku, b’9.7 % minnhom biss li rapportaw livelli għoljin jew livelli għoljin ħafna ta’ diffikultà, meta mqabbla ma’ 37.4 % ta’ dawk li jgħixu f’żoni rurali.

·Punti problematiċi ta’ tniġġis tal-arja sostanzjali jibqgħu għalkemm l-espożizzjoni għat-tniġġis tal-arja minn materja partikolata fina kienet naqset bi kważi 20 % bejn l-2010 u l-2015.

·Il-kopertura tal-art artifiċjali per capita żdiedet minn 6 % fl-2015 sa mill-2009. Peress li l-Ewropa hija waħda mill-aktar kontinenti urbanizzati fid-dinja, aktar sforzi huma meħtieġa biex titwaqqaf id-degradazzjoni tal-art.

·L-awtoritajiet lokali u reġjonali involuti fil-Patt Ewropew tal-pjanijiet ta’ azzjoni tas-Sindki kiseb tnaqqis ta’ 23 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, tnaqqis fil-konsum tal-enerġija finali bi 18 % u qed jaħdmu lejn iż-żieda tas-sehem fil-produzzjoni tal-enerġija lokali biex jilħqu 19 % tal-enerġija kkunsmata sal-2020.

Il-klassifikazzjoni globali

Skont l-Indiċi tal-SDGs globali u r-rapport tat-tabelli operattivi tal-2018 (Bertelsmann Stiftung and Sustainable Development Solutions Network), 23 Stat Membru tal-UE għandhom punteġġ ta’ 80 jew aktar minn 100 għall-SDG 11. 10 Stati Membri tal-UE huma fost l-aqwa 20 minn madwar id-dinja kollha

L-Unjoni Ewropea fl-2030

L-UE skont it-tendenzi attwali/jekk kollox jibqa’ l-istess

Is-sehem tal-popolazzjoni urbana fl-Ewropa hu mbassar li jilħaq kemm kemm ’il fuq minn 80 % sal-2050. L-UE u l-Istati Membri tagħha fil-livelli kollha ta’ governanza, flimkien mas-soċjetà ċivili, in-negozji u r-riċerkaturi jaħdmu flimkien biex joħolqu belt li dejjem qed tevolvi għas-soċjetà ta’ għada. Bliet Ewropej se jibqgħu ċentri ta’ attrazzjoni għaċ-ċittadini, joffru possibbiltajiet ta’ impjieg, kwalità tal-ħajja, u servizzi soċjali li maż-żmien qed jiżdiedu. Biex jiġi żgurat għajxien tajjeb flimkien, l-ibliet Ewropej jaħdmu b’mod parteċipattiv mal-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha f’oqsma bħall-abitazzjonijiet, l-ilma, il-mobbiltà, l-enerġija, l-azzjoni klimatika, il-qerda tal-faqar, l-inugwaljanza, l-ekonomija ċirkolari, ir-reżiljenza u s-sigurtà. Il-bliet Ewropej ser isiru bliet intelliġenti, fejn netwerks u servizzi tradizzjonali se jkunu iktar effiċjenti bl-użu ta’ teknoloġiji diġitali u tat-telekomunikazzjoni, għall-benefiċċju taċ-ċittadini u n-negozji tagħha.

Opportunitajiet/Xprunaturi pożittivi

Speċjalizzazzjoni intelliġenti, sħubijiet bejn il-bliet, l-involviment tas-soċjetà u tal-politika parteċipattiva (eż. il-governanza urbana kollaborattiva, pjattaformi b’diversi partijiet interessati), pjanijiet ta’ mobbiltà urbana sostenibbli, ir-responsabbiltà korporattiva soċjali/kondotta responsabbli tan-negozju, il-finanzjament kollettiv u l-forom l-oħra ta’ finanzjament innovattiv, id-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali u teknoloġiji ġodda b’emissjonijiet baxxi, l-ekonomija kollaborattiva, il-mobbiltà attiva (trasport pubbliku, il-mixi u ċ-ċikliżmu) u l-infrastruttura rilevanti, ir-riċerka u l-innovazzjoni, bini b’emissjonijiet baxxi, il-biedja urbana, spazji ekoloġiċi urbani.

Riskji/Xprunaturi negattivi

Id-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima, it-tniġġis, soċjetajiet li qed jixjieħu, kriminalità u t-theddid għas-sigurtà, il-frodi u l-korruzzjoni, l-inugwaljanzi soċjali, iż-żieda fil-prezzijiet fl-abitazzjonijiet.

Punti prinċipali tal-politika

L-UE fil-livell internazzjonali: Fil-qasam tal-iżvilupp, il-Kummissjoni għandha approċċ ġdid dwar “il-kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea ma’ bliet u awtoritajiet lokali f’pajjiżi terzi”, li jiffoka fuq appoġġ estern tal-UE dwar l-ippjanar, il-finanzjament u l-governanza tal-ibliet.

Fil-livell tal-UE: L-aġenda urbana tal-UE tnediet f’Mejju 2016 mal- Patt ta’ Amsterdam . Tirrappreżenta metodu ta’ ħidma f’diversi livelli ġodda fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-bliet, il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati oħra sabiex jiġi stimolat it-tkabbir, l-ambjenti abitabbli u l-innovazzjoni fl-ibliet tal-Ewropa u biex jidentifikaw u jindirizzaw l-isfidi soċjali. Billi tiffoka fuq prijoritajiet konkreti fi ħdan Sħubijiet dedikati, l-aġenda urbana tal-UE għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja f’żoni urbani.

Fil-livell ta’ Stat Membru: Il-pressjonijiet attwali tad-djar fl-Irlanda jirriżultaw parzjalment bħala riżultat tal-kollass tal-livelli ta’ kostruzzjoni ta’ abitazzjonijiet. Fl-2016, il-gvern Irlandiż nieda pjan ta’ azzjoni dwar l-akkomodazzjoni u l-kundizzjoni ta’ persuna mingħajr dar fil-bini mill-ġdid fl-Irlanda, li għandu l-għan li jaċċellera il-provvista tal-abitazzjonijiet tul il-karigi kollha. Il-pjan ta’ azzjoni għandu ħames ‘pilastri’ ewlenin li jindirizzaw sfidi speċifiċi: l-indirizzar tal-problema tal-persuni mingħajr dar, l-aċċellerazzjoni tal-abitazzjoni soċjali, il-bini ta' aktar djar, it-titjib tas-settur tal-kiri u l-uu tal-abitazzjoni eżistenti.

il-livell reġjonali/lokali: ‘Global Nachhaltige Kommune’ (Global Sustainable Municipalities) huwa proġett implimentat fir-reġjun Ġermaniż tar-Rhine-Westphalia tat-Tramunatana li jgħin lil 15-il awtorità lokali ta’ daqs żgħir u medju, li jvarjaw minn bliet u distretti rurali żgħar, ta’ daqs medju u kbir, permezz ta’ appoġġ sistematiku fl-elaborazzjoni ta’ strateġija ta’ sostenibbiltà li tindirizza l-isfidi lokali individwali tagħhom, ibbażat fuq il-qafas globali tal-SDGs. L-approċċ tiegħu kien ukoll adottat f’reġjuni Ġermaniżi oħrajn.

Fil-livell ta’ kumpanija: LIPOR, kumpanija maniġerjali ta’ skart inter-muniċipali ta’ Grand Porto fil-Portugall, hija responsabbli mill-ġestjoni, l-irkupru u t-trattament tal-iskart muniċipali prodott fil-muniċipalitajiet assoċjati. LIPOR investiet u ħolqot Adventure Park f’miżbla antika wara l-irkupru tal-pajsaġġ u dak ambjentali. Din ħolqot żona spazjali fejn isir logħob, divertiment u taħriġ.

Fil-livell tas-soċjetà ċivili: Il-Laboratorju Urban, organizzazzjoni mhux governattiva Estona li tittratta l-iżvilupp ta’ bliet sostenibbli u inklużivi. Il-Laboratorju Urban qed jagħti konsulenza lill-awtoritajiet lokali, jintroduċi xejriet moderni fl-Estonja u jtejjeb l-għarfien tan-nies dwar l-ambjent li ngħixu fih.

Jiġu żgurati xejriet sostenibbli ta’ konsum u ta’ produzzjoni

L-Unjoni Ewropea llum

Stampa/ħarsa ġenerali kwalitattiva

Il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli għandhom l-għan li jnaqqsu l-impronta ambjentali tal-Ewropa billi jbiddlu l-mod kif nipproduċu, niddistribwixxu u nikkonsmaw prodotti u l-użu tar-riżorsi. L-UE għamlet progress matul l-aħħar ftit snin biex ikollha ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ekoloġika u kompetittiva b’livell baxx ta’ karbonju iżda l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli għadhom l-isfida ewlenija għall-kisba tal-SDGs fl-UE u jeħtieġu sforzi kontinwi fil-livelli kollha. L-approċċ tal-UE huwa li tippromwovi l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi filwaqt li tnaqqas l-impatti ambjentali permezz ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari fejn il-valur tal-prodotti, il-materjali u r-riżorsi jinżamm kemm jista’ jkun fl-ekonomija, u li l-ġenerazzjoni tal-iskart u t-tniġġis tkun minimizzata. Il-54 azzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-ekonomija ċirkolari tal-UE tal-2015 jintervjenu fl-istadji kollha taċ-ċikli tal-prodott u tal-materjali (il-produzzjoni, il-konsum, l-immaniġġar tal-iskart, is-suq għall-materja prima sekondarja, l-innovazzjoni u l-investimenti, il-monitoraġġ) u 5 oqsma ta’ prijorità (il-plastik, il-ħela tal-ikel, il-materja prima kritika, il-bini u t-twaqqigħ, il-bijomassa u l-prodotti b’bażi bijoloġika). Sal-2018, aktar minn 85 % tal-azzjonijiet kienu diġà twettqu, waqt li dawk li baqa' ġew imnedija. Pjattaforma Ewropea tal-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija ċirkolari tnediet fl-2017 biex tħeġġeġ il-kumpaniji, l-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet ikkonċernati l-oħra li jaqsmu l-għarfien u juru l-prattiki tajbin, kif ukoll għall-pjattaforma tal-UE dwar it-telf tal-ikel u l-ħela tal-ikel fl-2016. Sħubija dedikata ġiet stabbilita fil-qafas tal-aġenda urbana għall-UE biex teżamina din il-kwistjoni u tipproponi diversi azzjonijiet biex l-ekonomija ċirkolari tiġi integrata fil-bliet. Addizzjonalment, l-Istrateġija Ewropea tal-Bijoekonomija, imġedda fl-2018, tappoġġa l-immodernizzar u t-tisħiħ tal-bażi industrijali tal-UE permezz tal-ħolqien ta’ ktajjen ta’ valur ġodda u proċessi industrijali iktar ekoloġiċi u kosteffettivi. Fuq in-naħa esterna, l-UE tippromwovi l-ġestjoni responsabbli tal-katini ta’ provvista u skemi ta’ kummerċ ġust u etiku bħala parti minn aġenda kummerċjali bbażata fuq il-valuri tagħha; ukoll, il-politiki tal-UE għall-iżvilupp, tat-tkabbir u tal-viċinat jenfasizzaw l-importanza ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli fl-azzjonijiet tagħhom.

Ix-xejriet ewlenin

·Id-diżakkoppjament tat-tkabbir ekonomiku mill-konsum tar-riżorsi naturali jitkejjel permezz tal-produttività tar-riżorsi u tal-enerġija tal-UE. Mill-2001 ’l hawn, l-UE żiedet il-produttività tar-riżorsi tagħha b'36.4 % (2017) u l-produttività tal-enerġija tagħha b'29.2 % (2016), li jfisser li aktar output (f’termini ta’ PDG) kien prodott għal kull unità ta’ materjal jew ta' enerġija użata.

·Bejn l-2004 u l-2016, l-ammont ta’ skart iġġenerat, eskluż skart minerali ewlieni, naqas b’6.5 % fl-UE. Bejn l-2004 u l-2014, ir-rata tar-riċiklaġġ tal-UE żdiedet bi ftit minn 53 % għal 55 % u r-rata tal-użu materjali ċirkolari, li turi s-sehem ta’ materjali li ġew minn skart miġbur fl-użu globali tal-materjal, żdiedet minn 8.3 % għal 11.7 %.

·L-ekonomija tal-UE tiddependi fuq il-materja prima mill-bqija tad-dinja. Aktar minn 60 % tal-importazzjonijiet fiżika totali tal-UE huma prodotti ta’ materja prima.

Il-klassifikazzjoni globali

Skont l-Indiċi tal-SDGs globali u fuq ir-rapport ta’ tabelli operattivi tal-2018 (Bertelsmann Stiftung and Sustainable Development Solutions Network), 11-il Stat Membru tal-UE għandhom punteġġ ta’ 'il fuq minn 60 minn 100 għall-SDG 12. B’mod ġenerali, dan huwa bħala medja it-tieni klassifikazzjoni SDG l-aktar baxxa għall-Istati Membri tal-UE.

L-Unjoni Ewropea fl-2030

L-UE skont it-tendenzi attwali/jekk kollox jibqa’ l-istess

L-Ewropa se jkollha tkompli tiffoka fuq il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli fil-konfront ta’ pressjoni fuq provvisti ta’ materjali u fuq ir-riżorsi materjali domestiċi relattivament limitati tagħha stess. Trid tingħata attenzjoni partikolari għal metalli minerali u materja prima kritika, li huma ta’ valur għoli u fejn l-Ewropa hija partikolarment dipendenti fuq l-importazzjonijiet. L-enfasi se tkun meħtieġa wkoll fuq materjali tqal u materjali li jużaw ħafna enerġija bħas-siment, l-aluminju, l-azzar u l-plastik fid-dawl tal-potenzjal tagħhom għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Setturi fejn l-użu tar-riżorsi għandu impatt partikolarment ogħli fuq l-ambjent (pereżempju f’termini ta’ użu tal-ilma, il-kwalità tal-arja, it-tniġġis u n-nutrijenti) ser jeħtieġu wkoll attenzjoni, pereżempju s-sistemi tal-ikel u t-tessuti. Permezz ta’ leġiżlazzjoni riveduta tal-UE dwar l-iskart u l-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar il-ħela tal-ikel, l-UE se tnaqqas l-iskart alimentari ġġenerat kull sena biex tgħin biex tinlaħaq il-mira globali biex l-iskart tal-ikel jitnaqqas bin-nofs sas-sena 2030. Il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart se żżid ir-rati ta’ riċiklaġġ legalment vinkolanti għal 60 % sal-2030, b’rati ogħla għal ħafna materjal tal-imballaġġ. Ser ikun meħtieġ li tingħata attenzjoni għal kwalità ogħla ta’ riċiklaġġ, mhux biss għall-kwantità, biex jonqsu l-użu tar-riżorsi u l-ġenerazzjoni tal-iskart permezz ta’ disinn aħjar tal-prodott, u għal approċċi sistemiċi imfassla biex il-prodotti u l-materjal jibqgħu jintuaw, u jkun ipprovdut valur fl-ekonomija. Il-kontenut riċiklat fi prodotti ġodda, b’mod partikolari fil-prodotti tal-plastik, jeħtieġ li jiżdied.

Opportunitajiet/Xprunaturi pożittivi

Bidla fl-imġiba, l-involviment tas-soċjetà, il-pressjoni tas-soċjetà għal ktajjen ta’ produzzjoni sostenibbli, is-sħubijiet u l-politiki parteċipattivi, l-edukazzjoni, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva/kondotta responsabbli tan-negozju, il-finanzjament kollettiv u l-forom l-oħra ta’ finanzjament innovattiv u politiki antiċipatorji għal tranżizzjoni ġusta, intelliġenza artifiċjali, teknoloġiji ġodda, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-ekonomija kollaborattiva u ċirkolari, il-bijoekonomija, id-diġitalizzazzjoni, finanzi sostenibbli, tassazzjoni riformata (pereżempju t-tassazzjoni tar-riżorsi u t-tniġġis), l-akkwist ekoloġiku, bliet intelliġenti, l-internet tal-oġġetti, il-kummerċ miftuħ u ġust.

Riskji/Xprunaturi negattivi

Konsum tradizzjonali/konservattiv u xejriet ta’ produzzjoni, reżistenza minn setturi/reġjuni li jitilfu l-attivitajiet ekonomiċi tradizzjonali, bidla bil-mod tal-ambjent regolatorju, in-nuqqas ta’ inċentivi finanzjarji.

Punti prinċipali tal-politika

L-UE fil-livell internazzjonali: Fil-livell internazzjonali, waħda mill-inizjattivi tal-UE hija SWITCH lejn programm ekoloġiku li jgħaqqad il-gvernijiet u l-partijiet ikkonċernati mill-UE u minn pajjiżi msieħba u ssir enfasi fuq l-adozzjoni ta’ prattiki ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli mis-settur privat.

Fil-livell tal-UE: Regoli ġodda tal-UE dwar l-iskart ġew adottati fl-2018 bil-għan li sal-2030, l-Istati Membri kollha jridu jużaw mill-ġdid jew jirriċiklaw 60 % tal-iskart muniċipali u 70 % tal-iskart mill-imballaġġ, u dawn iridu jnaqqsu l-miżbliet għal inqas minn 10 % sal-2035. Għall-ewwel darba, ir-regoli l-ġodda dwar l-iskart jirrikjedu mill-Istati Membri li jadottaw programmi speċifiċi ta’ prevenzjoni tal-iskart tal-ikel u jnaqqqsu , jimmonitorjaw u jirrappurtaw dwar il-livelli tal-iskart tal-ikel.

Fil-livell ta’ Stat Membru: Il-proposta għal regolament riċenti fl-Iżvezja tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq xogħol ta’ tiswija u tipprovdi rifużjonijiet tat-taxxa għall-ispiża tax-xogħol ta’ tiswija. Il-miżura se tnaqqas l-ispiża għall-konsumaturi ta’ tiswija ta’ tagħmir, u tħeġġiġhom biex jikkummissjonaw xogħol ta’ tiswija, aktar milli jarmuhom u jixtru oħrajn ġodda.

Fil-livell reġjonali/lokali: Bl-għajnuna tal-fondi tal-UE, Ljubljana żviluppat sistema integrata tal-iskart li tkopri 37 muniċipalità b’ċentru reġjonali ta’ ġestjoni tal-iskart. Mindu ssieħbet fl-UE, il-kapitali Slovena tat spinta lill-ġbir separat u lir-riċiklaġġ, u naqqset l-ammont ta’ skart mormi fil-miżbliet b’59 %. Barra minn hekk investit ukoll fil-prevenzjoni u l-użu mill-ġdid. Ljubljana issa tiġġenera 41 % inqas skart per capita mill-medja Ewropea u ddeċidiet li ma tibnix żewġ inċineraturi ġodda kif kien ippjanat oriġinarjament.

Fil-livell ta’ kumpanija: UMICORE ittrasformat ruħha f’20 sena minn kumpanija Belġjana ta’ estrazzjoni ta’ minerali mhux ferrużi, fi grupp globali tat-teknoloġija tal-materjali u riċiklaġġ, b’10,000 impjegat u fatturat ta’ EUR 10.4 biljun b’investimenti fil-Belġju, il-Bulgarija, in-Netherlands u Franza. Il-kumpanija tħaddan mudell ta’ ekonomija ċirkolari fejn jiġu rkuprati metalli prezzjużi u materja prima kritika minn skart ta’ tagħmir elettroniku u elettriku.

Fil-livell tas-soċjetà ċivili: Flimkien mal-membri tagħha, il-Federazzjoni Ewropea tal-Banek tal-Ikel ipprovdiet, fl-2017, 44.700 organizzazzjoni tal-karità li qegħdin fuq quddiem b’4.1 miljun ikla kuljum għall-benefiċċju ta’ 8.1 miljun ruħ. Dan qiegħed isir f’kooperazzjoni mill-qrib mal-operaturi tan-negozju tal-ikel sabiex insalvaw l-ikel li inkella jinħela u jsir aċċessibbli għal dawk fil-bżonn.

Tittieħed azzjoni urġenti għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu

L-Unjoni Ewropea llum

Stampa/ħarsa ġenerali kwalitattiva

It-tibdil fil-klima hija waħda mill-ikbar sfidi globali tal-ġenerazzjoni tagħna. Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima teħtieġ azzjoni globali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fid-dinja kollha. L-UE kienet fuq quddiem nett tal-isforzi internazzjonali favur ftehim globali dwar il-klima. Il-Komunità internazzjonali, inkluża l-UE, taw impenn biex titwaqqaf iż-żieda fit-temperatura globali għal ferm inqas minn 2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u biex jitkomplew l-isforzi ħalli ż-żieda tiġi limitata għal 1.5°C. Dawn l-objettivi, mirfuda minn riċerka xjentifika bħala parti mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, huma minquxa fil-Ftehim ta’ Pariġi. L-UE impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha b’20 % sal-2020 u tal-anqas 40 % sal-2030 (meta mqabbla mal-livelli tal-1990). L-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2020 u għandha leġiżlazzjoni fis-seħħ biex tilħaq il-mira tagħha għall-2030, inkluża leġiżlazzjoni ambizzjuża dwar l-effiċjenza enerġetika u dwar l-enerġija rinnovabbli. Mill-2013, l- istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima li tappoġġa azzjonijiet biex l-UE ssir aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Iżda l-UE teħtieġ li taħdem aktar biex tirrispetta l-Ftehim ta’ Pariġi u b’mod sinifikanti tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili, li għadhom qed jiġu sussidjati b’mod sinifikanti. F’Novembru 2018 il-Kummissjoni ppreżentat il-viżjoni strateġika tagħha fit-tul għal ekonomija tal-ġejjieni li tkun prospera, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050. Hija tenfasizza kif is-setturi kollha u l-politiki għandhom jikkontribwixxu biex tinkiseb din il-bidla. Fil-livell internazzjonali, il-politiki tal-UE barranija u tas-sigurtà, tal-iżvilupp, tat-tkabbir u tal-viċinat b’mod attiv jintegraw l-objettivi tal-klima. Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija inkluża wkoll fil-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ ftehimiet ta’ kummerċ u ta’ investiment u hija wkoll parti integrali tal-pożizzjonijiet tal-UE fil-G20, il-forum ewlieni tal-akbar ekonomiji tad-dinja

Ix-xejriet ewlenin

·L-UE tkompli d-diżakkoppjament b'suċċess tat-tkabbir ekonomiku tagħha minn mal-emissjonijiet tagħha ta' gassijiet serra: matul il-perjodu 1990–2017, il-prodott domestiku gross globali tal-UE żdied bi 58 %, filwaqt li l-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra naqsu bi 22 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990. Fil-livell tal-Istati Membri, hemm differenzi sinifikanti fit-tendenzi tal-emissjonijiet tal-gass ta’ serra mill-1990, b’xi Stati Membri li naqsu l-emissjonijiet bi kważi 60 % u ftit Stati Membri wrew żieda fl-emissjonijiet.

·L-intensità tal-gassijiet serra tal-konsum tal-enerġija — l-emissjonijiet għal kull unità ta’ enerġija kkonsmata — naqsu bi 12.1 % bejn l-2000 u l-2016.

·L-UE għandha l-għan li tilħaq il-mira tagħha tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-2020 ta’ 20 %. Bejn l-2005 u l-2016, il-konsum tal-enerġija primarja tal-UE naqas b’9.9 % u b’7.1 % tal-konsum tal-enerġija finali tiegħu. Fil-perjodu 1980–2016, telf marbut mat-temp u mal-klima kien jammonta għal total ta’ EUR 410 biljun f’telf f’valuri tal-2016 għall-Istati Membri. 

·Is-sussidji għall-karburanti fossili għadhom għoljin. Fl-UE, madwar EUR 112-il biljun huma stmati li jkunu ġew allokati kull sena għall-produzzjoni u l-konsum tal-fjuwils fossili bejn l-2014 u l-2016.

·L-UE qed issegwi objettiv globali ta’ 20 % tan-nefqa relatata mal-klima fil-baġit multiannwali Ewropew attwali għall-perjodu 2014–2020, u pproponiet li żżid din il-mira għal mill-inqas 25 % fil-perjodu 2021–2027.

·Bejn l-2013 u l-2018, in-numru ta’ Stati Membri li għandhom strateġija nazzjonali għall-adattament għat-tibdil fil-klima żdied minn 15 għal 25, u għaddej xogħol fil-bqija tal-Istati Membri. Fl-2018, 26 % tal-ibliet kollha tal-UE u 40 % ta’ bliet li għandhom aktar minn 150,000 resident kienu stmati li għandhom pjani ta’ adattament lokali. 

·L-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar fornituri ta’ finanzjament għall-klima: fl-2017 l-UE, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Istati Membri pprovdew EUR 20.4 biljun biex jgħinu lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp biex jindirizzaw u jadattaw għat-tibdil fil-klima, aktar mid-doppju tal-ammont tal-2013. Dan jirrappreżenta madwar nofs it-total dinji.

Il-klassifikazzjoni globali

Skont l-Indiċi tal-SDGs globali u fuq ir-rapport ta’ tabelli operattivi tal-2018 (Bertelsmann Stiftung and Sustainable Development Solutions Network), 22-il Stat Membru tal-UE għandhom punteġġ ta’ 'il fuq minn 80 minn 100 għall-SDG 13. 5 Stati Membri tal-UE huma fost l-aqwa 20 minn madwar id-dinja kollha.

L-Unjoni Ewropea fl-2030

L-UE skont it-tendenzi attwali/jekk kollox jibqa’ l-istess

L-UE tibqa’ determinata li tkun minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u se tkun kisbet il-mira tagħha biex jitnaqqsu mill-inqas 40 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030 mil-livelli tal-1990. Il-Kummissjoni ppreżentat, fil-ħarifa tal-2018, proposta għal viżjoni strateġika fit-tul tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi, li tinkludi perkorsi għall-kisba ta’ emissjonijiet żero netti ta’ gassijiet serra fl-UE sal-2050. Il-Kummissjoni pprovdiet viżjoni komprensiva biex l-ekonomija Ewropea ssir aktar moderna, kompetittiva u reżiljenti, kif ukoll soċjalment aktar ġusta għall-Ewropej kollha, u li ma tħalli lil ħadd jibqa' lura. L-UE ser ikollha tkompli tassumi t-tmexxija tagħha tal-azzjoni klimatika u tagħmel pressjoni għal aktar ambizzjoni globali wara l-2030 minn pajjiżi madwar id-dinja kollha li huma l-ikbar niġġiesa. F’dan il-kuntest, aktar tisħiħ globali ambizzjuż bħala rispons għall-impatti tat-tibdil fil-klima ser jibqa’ prijorità. Barra minn hekk, it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, l-adattament u l-mitigazzjoni tal-klima ser jibqgħu importanti fuq l-aġenda. L-UE ser tkompli tikkoopera f’fora internazzjonali, bħall-Organizzazzjoni għall-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

Opportunitajiet/Xprunaturi pożittivi

Enerġija nadifa u mobbiltà ta’ emissjoni baxxa jew żero, ekonomija ċirkolari b’livell baxx ta’ karbonju, il-bijoekonomija u l-katini ta’ produzzjoni sostenibbli, il-bidla fl-imġiba, politiki antiċipatorji għal tranżizzjoni ġusta, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva/imġiba kummerċjali responsabbli, finanzjamenti innovattivi u sostenibbli, sħubijiet pubbliċi-privati, l-akkwist ekoloġiku, it-tassazzjoni riformata (pereżempju t-tassazzjoni tal-użu tar-riżorsi u t-tniġġis), l-edukazzjoni, id-diġitalizzazzjoni ekoloġika, l-intelliġenza artifiċjali u teknoloġiji ġodda, ir-riċerka u l-innovazzjoni, soċjetajiet reżiljenti, il-multilateraliżmu, l-użu ta’ prodotti u servizzi ambjentali.

Riskji/Xprunaturi negattivi

Investiment pubbliku u privat insuffiċjenti, l-instabbiltà ġeopolitika u theddid għas-sigurtà, ir-ritorn għal protezzjoniżmu ekonomiku madwar id-dinja, l-inugwaljanzi soċjali, iż-żieda fil-konsum tal-enerġija u l-impatt ambjentali negattiv immexxija mid-diġitalizzazzjoni, komplew il-qerda tal-ekosistemi u l-bijodiversità, b’tibdil bil-mod fl-ambjent regolatorju.

Punti prinċipali tal-politika

L-UE fil-livell internazzjonali: L-Alleanza Globali kontra t-Tibdil fil-Klima (GCCA+) tal-UE għandha l-għan li ssaħħaħ id-djalogu politiku u l-appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima.

Fil-livell tal-UE: L-awtoritajiet lokali huma l-ixprunaturi ewlenin tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-livell ta’ governanza li huwa l-eqreb taċ-ċittadini. Il-Patt tas-Sindki tal-UE għall-klima & tal-enerġija jlaqqa’ flimkien eluf ta’ gvernijiet lokali li taw impenn b’mod volontarju biex jimplimentaw l-objettivi tal-klima u l-enerġija tal-UE. Dan ikkontribwixxa wkoll b’mod sinifikanti biex titqajjem kuxjenza fil-livell lokali dwar il-ħtieġa li jħejju għall-impatti tat-tibdil fil-klima, b’azzjoni lokali għal adattament u reżiljenza bi rwol kruċjali għall-protezzjoni tal-persuni u l-assi tagħhom.

Fil-livell ta’ Stat Membru: Franza għamlitha obbligatorja għall-muniċipalitajiet b’aktar minn 20,000 abitant (li jkopru 90 % tal-popolazzjoni ta’ Franza) biex jadottaw pjanijiet lokali dwar il-klima, li għandhom jinkludu taqsimiet dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament. Fl-2018, madwar 75 % tal-muniċipalitajiet Franċiżi kienu żviluppaw pjanijiet ta’ mitigazzjoni lokali u madwar 55 % kienu żviluppaw pjanijiet ta’ adattament lokali. Dawn ir-rati huma 2 sa 5 darbiet ogħla f’pajjiżi fejn ma jeżisti l-ebda regolament nazzjonali bħal dan.

Fil-livell reġjonali/lokali: Impjant tal-elettriku ġeotermiku f’Prelog, il-Kroazja, se jkun jista’ jagħmlu użu sħiħ mill-kontenut ta’ enerġija ġeotermali tal-ilma mielaħ: is-sħana tal-ilma termali u tal-enerġija li tkun tinsab f’gassijiet akwiferi, bħall-metan, maħlul fl-ilma, li jagħmilha kważi 100 % ħielsa mill-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Dan jista’ jservi bħala mudell għal aktar sfruttament sostenibbli tar-riżorsi ġeotermali, b’replika ta’ opportunitajiet fl-Ewropa u mad-dinja kollha.

Fil-livell ta’ kumpanija: Hydrogen Breakthrough Ironmaking Technology (HYBRIT) hija inizjattiva li tnediet fl-2016 minn tliet kumpanniji Żvediżi kbar. Hi trid twaqqaf il-proċess tal-produzzjoni tal-ħadid mal-emissjonijiet tal-gassijiet serra qrib iż-żero, li fihom l-ossiġenu minn mineral tal-ħadid jitneħħa bl-użu ta’ gass idroġenu minflok kokk (mill-faħam).

Fil-livell tas-soċjetà ċivili: Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà huwa inizjattiva tal-UE li sal-2020 jista’ jiddedika aktar minn EUR 40 miljun biex jistabbilixxi opportunitajiet ta’ volontarjat iffokat fuq il-komunità għaż-żgħażagħ fl-oqsma tal-azzjoni klimatika u tal-ambjent. Eżempju wieħed huwa l-Proġett Vänner Vänö fil-Finlandja, li ppermetta liż-żgħażagħ Taljani biex jikkontribwixxu għas-sostenibilità u soluzzjonijiet favur l-ambjent tal-pajsaġġ kulturali tal-Arċipelagu ta’ Turku, biex b’hekk jingħata kontribut pożittiv għall-azzjoni klimatika.

Jiġu kkonservati u użati b'mod sostenibbli l-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi marini għall-iżvilupp sostenibbli

L-Unjoni Ewropea llum

Stampa/ħarsa ġenerali kwalitattiva

23 minn 28 Stat Membru tal-UE għandhom kosta. Il-kosta tal-UE hija 7 darbiet itwal minn tal-Istati Uniti u 4 darbiet itwal minn ta’ Russja. Inklużi r-reġjuni mbiegħda, l-UE għandha l-ikbar territorju marittimu fid-dinja. L-UE u l-pajjiżi ġirien tagħha jikkondividu erba’ reġjuni marittimi ewlenin: Il-Baħar Baltiku, il-Baħar Mediterran, il-Baħar l-Iswed u l-Oċean Atlantiku tal-Grigal, bl-alterazzjoni fil-ħabitat, is-sajd żejjed, it-tniġġis u l-aċidifikazzjoni fost l-aktar fatturi importanti li jaffettwaw l-istatus ambjentali tagħhom. L-ilmijiet kostali Ewropej huma mkejla biex ikunu ta’ kwalità għolja ħafna għall-għawm, iżda inkwinanti organiċi u kimiċi minn attivitajiet tal-bniedem kif ukoll l-iskart fil-baħar, ikomplu joħolqu theddida serja għall-ekosistemi marittimi tal-Ewropa: kmieni fl-2018, kienu biss 40 sa 58 % tal-ilmijiet kostali tal-UE li kienu fi status kimiku tajjeb. Il-politika ambjentali tal-UE, inkluża d-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marittima ewlenija tagħha, il-liġi u l-politika marittima integrata tagħha jipprovdu qafas għal approċċ olistiku għal dawn il-problemi. Qed jiġu proposti regoli ġodda għall-UE kollha biex jimmiraw l-aktar 10 prodotti tal-plastik li jintużaw darba li nstabu fuq ix-xtajtiet tal-Ewropa, kif ukoll irkaptu tas-sajd mitluf jew abbandunat, li flimkien jikkostitwixxu 70 % tal-każijiet kollha ta’ skart fil-baħar. Ir-regoli l-ġodda se jqiegħdu lill-Ewropa fuq quddiem nett fi kwistjoni b’implikazzjonijiet globali. L-UE qed tappoġġa l-konservazzjoni ta’ żoni kostali u tal-baħar globalment. L-aġenda ta’ governanza internazzjonali tal-oċeani tal-UE, għall-futur tal-oċeani tagħna stabbilit qafas ġenerali għat-tisħiħ tal-governanza internazzjonali tal-oċeani biex jiġi żgurat li l-oċeani huma bla periklu, siguri, nodfa, li jintużaw b’mod legali u sostenibbli. Barra minn hekk, il-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment tal-UE jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-ġestjoni sostenibbli u l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali, bħalma huma l-bijodiversità marittima u s-sajd. Il-programm Copernicus għall-osservazzjoni tad-dinja tal-UE qiegħda wkoll tagħti r-riżultati dwar prodotti tal-monitoraġġ tal-oċeani sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ilma.

Ix-xejriet ewlenin

·Bejn l-2012 u tmiem l-2016, il-kopertura ta’ żoni protetti tal-baħar fl-Ewropa kważi rdoppjat (minn 6 % għal 10.8 % ta’ wiċċ il-baħar tal-UE) u dan qed ikompli jiżdied grazzi primarjament għan-netwerk tal-baħar tal-UE “Natura 2000”. Fl-2016, tliet reġjuni Ewropej qabżu 10 % tal-mira Aichi dwar id-diversità bijoloġika (il-Baħar Baltiku, il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed) u fl-Oċean Atlantiku tal-Grigal kien viċin ħafna tal-mira (9.9 %).

·L-istatus ta’ konservazzjoni tal-maġġoranza l-kbira ta’ ħabitats marittimi u speċi individwali mhuwiex favorevoli skont l-aħħar valutazzjoni disponibbli. Mill-1988 ‘l hawn hemm żieda konsistenti u allarmanti fl-aċidità tal-oċeani. Mill-2008 sar progress sinifikanti fid-definizzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-istatus ambjentali tajjeb tal-ambjent tal-baħar li huwa prerekwiżit biex jitkejjel il-progress lejn l-ilħuq ta’ oċeani u ibħra nodfa u f’saħħithom.

·Is-sostenibbiltà tas-sajd fl-Atlantiku tal-Grigal, fejn joriġina 75 % tal-qbid tal-UE, tjiebet. L-għadd ta’ stokkijiet ta’ ħut kummerċjalment importanti maqbuda f’livelli sostenibbli żdied minn 34 % fl-2007 għal 60 % fl-2015. Is-sajd fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed mhux qed jagħmel progress lejn is-sostenibbiltà bl-istess rata. Fil-Baħar Mediterran, aktar minn 80 % tal-istokkijiet huma sfruttati żżejjed.

·Fl-UE, l-ekonomija blu hija darbtejn punt ħamsa tal-ekonomiji ajrunawtiċi u tad-difiża tagħha flimkien. Din tiġġenera fatturat ta’ EUR 566 biljun kull sena (7.2 % aktar milli fl-2009) u timpjega 3.5 miljun persuna (5 % aktar milli fl-2014), li jirrappreżentaw żieda ta’ 7.2 % u 2 % rispettivament meta mqabbel mal-2009. F’bosta Stati Membri tal-UE, l-ekonomija blu kibret b’rata iktar mgħaġġla mill-ekonomija nazzjonali. Ir-Renju Unit, Spanja, l-Italja, Franza u l-Greċja għadhom l-akbar ekonomiji blu tal-Ewropa.

Il-klassifikazzjoni globali

Skont l-Indiċi tal-SDGs globali u fuq ir-rapport tat-tabelli operattivi tal-2018 (Bertelsmann Stiftung and Sustainable Development Solutions Network), erba’ Stati Membri tal-UE għandhom punteġġ ta’ 60 jew aktar minn 100 għall-SDG 14. 5 Stati Membri tal-UE huma fost l-aqwa 20 minn madwar id-dinja kollha. B’mod ġenerali, din hija l-inqas klassifikazzjoni SDG għall-Istati Membri tal-UE, b’differenzi kbar bejn l-Istati Membri.

L-Unjoni Ewropea fl-2030

L-UE skont it-tendenzi attwali/jekk kollox jibqa’ l-istess

L-UE ser tibqa’ attiva fit-tfassil tal-governanza internazzjonali tal-oċeani f’fora internazzjonali rilevanti kollha u b’mod bilaterali ma’ msieħba ewlenin globali, peress li madwar 60 % tal-oċeani huma barra l-fruntieri ta’ ġuriżdizzjoni nazzjonali. Jinħtieġu sforzi addizzjonali f’kooperazzjoni transsettorjali u transfruntiera, speċjalment fuq livell reġjonali, sabiex jindirizzaw l-isfidi eżistenti u emerġenti. Il-momentum se jintensifika mal-introduzzjoni tad-deċennju dwar ix-xjenza tal-oċeani tan-NU tal-2021–2030, fejn l-UE hija involuta b’mod attiv. L-UE ser tkompli tippromwovi l-ħolqien ta’ żoni protetti kif ukoll tal-ġestjoni effettiva u bbażata fuq ix-xjenza. Huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex jinkiseb sajd sostenibbli, b’mod partikolari fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed. It-tniġġis tal-baħar, inklużi plastik, l-istorbju u nutrijenti mill-agrikoltura, se jibqgħu problema. Id-dħul ta’ fdalijiet tal-plastik lejn l-oċean jista’ jonqos maż-żmien, iżdal-plastik ġa preżenti fl-oċeani se jibqa’ jikkawża impatti negattivi. Hija meħtieġa azzjoni mtejba biex jitnaqqas ir-rimi ta’ skart iġġenerat mill-bastimenti u forom oħra ta’ tniġġis, b’mod partikolari nutrijenti u l-istorbju. L-ekonomija blu fl-Ewropa se tkompli tiffjorixxi. Huwa stmat li, sal-2030, l-ekonomija blu globali tista’ tirdoppja fid-daqs. Għall-Ewropa dan ifisser 10.8 miljun impjieg u aktar minn EUR 1 triljun ta’ dħul mill-bejgħ. L-ilmijiet tal-UE kollha se jkunu koperti minn pjanijiet spazjali marittimu bbażat fuq l-ekosistema sal-2021.

Opportunitajiet/Xprunaturi pożittivi

Governanza tal-oċean internazzjonali u reġjonali, bidla fl-imġiba, l-involviment tas-soċjetà u tal-politika parteċipattiva, il-big data, l-osservazzjoni tad-dinja, l-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġiji ta’ taħt l-ilma u dawk ġodda (eż. xjenza molekulari), riċerka u innovazzjoni, responsabbiltà soċjali korporattiva/kondotta responsabbli tan-negozju, il-finanzjament kollettiv u forom oħra ta’ finanzjament innovattiv, finanzi sostenibbli, is-sħubijiet pubbliċi-privati, l-akkwist ekoloġiku, it-tassazzjoni riformata (pereżempju t-tassazzjoni tal-użu tar-riżorsi u t-tniġġis), l-internet tal-oġġetti, l-edukazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-ekonomija kollaborattiva u ċirkolari b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

Riskji/Xprunaturi negattivi

Id-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima, it-tniġġis, it-turiżmu irresponsabbli, is-sajd żejjed, is-sajd illegali, is-sajd mhux irrappurtat u mhux irregolat, l-inugwaljanzi soċjali.

Punti prinċipali tal-politika

L-UE fil-livell internazzjonali: L-Alleanza tar-Riċerka tal-Oċean Transatlantiku, li tnediet fl-2017, hija kollaborazzjoni bejn l-UE, il-Brażil u l-Afrika t’Isfel u timmira li tapprofondixxi l-għarfien xjentifiku dwar l-ekosistemi tal-baħar u l-interrelazzjonijiet mal-oċeani, it-tibdil fil-klima, u l-ikel.

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri: L-UE, l-Istati Membri tagħha u l-imsieħba jaħdmu fuq sett konkret ta’ miżuri biex jinkiseb ambjent tal-baħar b’saħħu u produttiv għall-Baħar Baltiku, il-Grigal tal-Atlantiku u l-Baħar Mediterran sal-2020, abbażi tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni. Barra minn hekk, l-UE tippromwovi inizjattivi reġjonali ambizzjużi komplementari dwar pressjonijiet individwali, bħall-impenn tal-2017 biex jitnaqqsu 80 % tal-emissjonijiet ta’ NOx minn bastimenti li joperaw fil-Baħar Baltiku sabiex tiġi miġġielda l-problema tal-ewtrofikazzjoni fir-reġjun.

Fil-livell ta’ Stat Membru: Riċentement, Franza nnominat żoni protetti tal-baħar ġodda. Fosthom, l-akbar sit marin “Natura 2000” 'l hekk imsemmi “Mers Celtiques - Talus du golfe de Gascogne”, b’daqs ta’ aktar minn 62 320 km², se joffri protezzjoni tal-ħabitats tal-iskollijiet u għal speċijiet tal-baħar mobbli, id-denfil iswed u d-denfil geddumu qasir.

Fil-livell lokali/reġjonali u fil-livell tal-kumpaniji: Il-proġett “Clean Archipelago” hija sħubija pubblika-privata li tinvolvi diversi partijiet ikkonċernati mmexxija mir-Reġjun tat-Toskana fl-Italja, f’kooperazzjoni mal-Ministeru Taljan tal-Ambjent, Unicoop Firenze u assoċjazzjonijiet oħra. Tnieda f’April 2018, f’kollaborazzjoni b'10 dgħajjes minn assoċjazzjoni kooperattiva tas-sajjieda. Il-proġett jistinka biex inaddaf il-baħar mill-iskart. Is-sħubija għandha l-għan li toffri inċentivi ekonomiċi biex is-sajjieda jiġbru l-plastik mistad u jġibuh f’punti ta’ ġbir ġewwa l-portijiet. Il-plastik mistad imbagħad jiġi riċiklat.

Fil-livell tas-soċjetà ċivili: “Fish Forward”, proġett immexxi mill-WWF tal-Awstrija, ilaqqa’ flimkien 17-il parti msieħba li jaħdmu flimkien mal-konsumaturi, is-settur korporattiv u l-istituzzjonijiet governattivi sabiex jappoġġaw il-produzzjoni u l-konsum ta' frott tal-baħar li jkun soċjalment ġust u intelliġenti b'rispett għall-klima. Dan jiżgura l-ġestjoni responsabbli tas-sajd u t-traċċabilità li jikkontribwixxi għall-użu sostenibbli tal-oċeani u r-riżorsi tal-baħar.

Jitħarsu, jiġu restawrati u jiġi promoss l-użu sostenibbli tal-ekosistemi terrestri, jiġu ġestiti b'mod sostenibbli l-foresti, tiġi miġġielda d-deżertifikazzjoni, u titwaqqaf u titreġġa' lura d-degradazzjoni tal-art u jitwaqqaf it-telfien tal-bijodiversità

L-Unjoni Ewropea llum

Stampa/ħarsa ġenerali kwalitattiva

Inkiseb progress sinifikanti fit-tisħiħ tal-oqfsa ta’ politika u tal-bażi tal-għarfien skont il-leġiżlazzjoni dwar in-natura tal-UE u l-istrateġija għall-bijodiversità tal-UE 2020. Wara sekli ta’ telf u degradazzjoni tal-foresti, illum il-foresti tal-Ewropa rkupraw biex ikopru aktar minn 40 % tat-territorju tal-UE, iżda jeħtieġ li jtejbu l-istatus ta’ konservazzjoni tagħhom. Ir-riżorsi naturali jistabbilixxu l-limiti ekoloġiċi għas-sistemi soċjoekonomiċi tagħna (“limiti tal-pjaneta”). Rapporti reċenti mill-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi juru b’mod ċar l-effetti persistenti u devastanti fuq is-soċjetajiet tal-bniedem kemm mid-degradazzjoni tal-art u t-telf tal-bijodiversità. Minkejja l-progress li sar, il-pressjonijiet fuq il-kapital naturali tal-Ewropa u globali li jirriżultaw minn xejriet ta’ konsum u ta’ produzzjoni tagħna għadhom għoljin u x’aktarx li jkomplu jikbru. Il-qbiż tal-limiti tal-pjaneta jhedded li jdgħajjef jew saħansitra jreġġa’ lura l-avvanzi tal-istandards tal-għajxien. Fil-livell internazzjonali, l-UE tuża din l-aġenda ta’ politika esterna biex tkompli tiżviluppa din l-aġenda. Hi tappoġġa b’mod attiv ftehimiet ambjentali multilaterali, tħeġġeġ bidla fil-politika f’pajjiżi sħab, tippromwovi r-responsabbiltà soċjali korporattiva/imġiba kummerċjali responsabbli u tintegra t-tħassib ambjentali fl-azzjonijiet kollha.

Ix-xejriet ewlenin

·L-għadd ta’ siti protetti skont in-netwerk “Natura 2000” żdied, u anki l-miżuri ta’ konservazzjoni meħuda għal dawn is-siti, li issa ġew irrappurtati għal kważi 70 % minnhom (2018). Fl-2017, l-UE kienet ipproteġiet 'il fuq minn 790 000 km² ta’ ħabitats terrestri, li jkopri 18.2 % taż-żona terrestri tal-UE. L-Istati Membri bl-ogħla perċentwali ta’ żoni protetti jinkludu s-Slovenja (37.9 %), il-Kroazja (36.6 %) u l-Bulgarija (34.5 %).

·Ir-rapport dwar l-Istat tan-Natura tal-UE dwar l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats ta’ interess Ewropew juri li bosta speċijiet u ħabitats mhumiex fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Madwar l-UE huma biss 23 % tal-ispeċijiet ivvalutati u 16% tal-ħabitats ivvalutati li huma fi status favorevoli fl-2012 filwaqt li 52 % biss tal-ispeċijiet tal-għasafar kienu fi status sigur. B’mod aktar ġenerali, ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija tal-bijodiversità 2020 kkonferma li t-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema fl-UE komplew.

·Fl-2015, il-foresti koprew 41.9 % tal-erja totali tal-art tal-UE. Is-sehem tal-UE ta’ foresti bi proporzjon mal-erja tal-art totali żdied ftit b’2.6 % bejn l-2009 u l-2015. 

·Ir-Rapport dwar l-Istat tal-Ambjent 2015 (tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)) enfasizza l-qagħda mwiegħra ta’ tal-ħamrija fl-Ewropa. L-isforzi biex tiġi indirizzata u mtaffija l-erożjoni tal-ħamrija mill-ilma ġġeneraw xi riżultati pożittivi: bl-integrazzjoni tal-impatt potenzjali ta’ miżuri tal-politika agrikola komuni fuq l-erożjoni tal-ħamrija, iż-żoni stmati li huma f’riskju tal-erożjoni tal-ħamrija bl-ilma tnaqqsu b’14 % fl-UE bejn l-2000 u l-2012. Madankollu, minkejja l-isforzi biex jiġi limitat is-siġillar tal-ħamrija, il-konverżjoni tal-art f’żoni artifiċjali fl-UE aċċellerat matul is-snin, bi tkabbir mill-2012 sa l-2015 ikun ta’ madwar 6 % ogħla mill-2009 sal-2012. Barra minn hekk, 45 % taż-żona tal-agrikoltura tal-UE hija kkaratterizzata minn ħamrija fqira f’termini ta’ kontenut organiku (li taffettwa l-fertilità tal-ħamrija u l-bijodiversità).

Il-Klassifikazzjoni Globali

Skont l-Indiċi tal-SDGs globali u fuq ir-rapport tat-tabelli operattivi tal-2018 (Bertelsmann Stiftung and Sustainable Development Solutions Network), 19-il Stat Membru tal-UE għandhom punteġġ ta’ 70 jew aktar minn 100 għall-SDG 15. 14 Stati Membri tal-UE huma fost l-aqwa 20 minn madwar id-dinja kollha

L-Unjoni Ewropea fl-2030

L-UE skont it-tendenzi attwali/jekk kollox jibqa’ l-istess

Il-valutazzjonijiet globali u Ewropej attwali juru x-xejriet kontinwi lejn it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistema tal-art u b’konsegwenzi negattivi fuq is-servizzi tal-ekosistema (l-ikel, l-ilma, il-materjali, l-enerġija, eċċ.), u b’hekk jhedded il-prestazzjoni ekonomika tal-Ewropa u l-benesseri. L-isforzi rigward l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tan-natura tal-UE jeħtieġ li jiżdiedu b’mod konsiderevoli biex jiġi żgurat li sal-2030, l-UE ser tkun tejbet b’mod sostanzjali l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċi u l-ħabitats ta' interess għall-UE protetti skont ir-regoli dwar l-għasafar u l-ħabitats. Il-veloċità tal-irkupru tal-bijodiversità tal-foresti għandha tissaħħaħ ukoll. L-UE ser ikollha taqdi rwol importanti fil-15-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika f’Beijing, iċ-Ċina fi tmiem l-2020, li hija mistennija li tadotta qafas globali ġdid għall-bijodiversità wara l-2020 biex jiġi evitat it-telfien globali tal-bijodiversità.

Opportunitajiet/Xprunaturi pożittivi

Bidla fl-imġiba, l-involviment tas-soċjetà u tal-politika parteċipattiva, il-pressjoni tas-soċjetà għal ktajjen ta’ produzzjoni sostenibbli (l-agroekoloġija, il-biedja organika), ir-responsabbiltà soċjali korporattiva/kondotta responsabbli tan-negozju, il-finanzjament kollettiv u forom oħra ta’ finanzjament innovattiv, finanzjament sostenibbli, is-sħubijiet pubbliċi-privati, l-akkwist ekoloġiku, l-użu aktar mifrux ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, it-tassazzjoni riformata (pereżempju t-tassazzjoni tal-użu tar-riżorsi u t-tniġġis), l-edukazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali u teknoloġiji ġodda, ir-riċerka u l-innovazzjoni, ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju kollaborattiva u ċirkolari , soċjetajiet reżiljenti, il-multilateraliżmu, il-kummerċ miftuħ u ġust, it-turiżmu sostenibbli.

Riskji/Xprunaturi negattivi

Id-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima, ix-xettiċiżmu ambjentali u bidliet relatati fl-orjentazzjoni tal-politika, ippjanar mhux fit-tul, ir-reżistenza għal bidla f’sistema tal-produzzjoni tal-ikel, livell baxx ta’ investiment pubbliku u privat, l-instabbiltà ġeopolitika u theddid għas-sigurtà, l-inugwaljanzi soċjali.

Punti prinċipali tal-politika

Fil-livell tal-UE: L-UE adottat pjan ta’ azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija fl-2017. Il-pjan għandu l-għan li jaċċellera l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u l-progress lejn il-mira tal-UE 2020 li jitwaqqaf u jitreġġa’ lura t-telfien tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema u biex jittieħed kont aħjar tal-objettivi soċjoekonomiċi. Dan ġie kkomplementat minn inizjattiva biex jiġi indirizzat it-tnaqqis tal-pollinaturi fl-UE u jikkontribwixxi għall-isforzi ta’ konservazzjoni globali.

Fil-livell ta’ Stat Membru: Il-liġi Franċiża riċenti “Irkupru tal-Bijodiversità, tan-Natura u l-Pajsaġġi” stabbilixxiet Aġenzija ġdida Franċiża għall-Bijodiversità. Il-pjan tal-bijodiversità tal-4 ta’ Lulju 2018 jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati flimkien l-isfidi tat-tibdil fil-klima u tal-bijodiversità u jinkludi miri ġodda biex ma jkun hemm ebda teħid nett tal-art, oħrajn dwar iż-żoni urbani ekoloġiċi, l-agroekoloġija u l-protezzjoni tal-ħamrija, kif ukoll azzjonijiet relatati ma’ pagamenti għal servizzi ambjentali, il-pollinaturi u r-restawr tal-ekosistema.

Fil-livell reġjonali/lokali: Fil-Ġermanja, l-Istat ta’ Baden Württemberg żied il-finanzjament għall-konservazzjoni tan-natura minn EUR 30 miljun għal EUR 90 miljun f’10 snin. Id-deżinjazzjoni ta’ parks nazzjonali, u r-restawr tal-ekosistema jipprovdu benefiċċji għall-bdiewa u l-ekonomija, inkluż il-ħolqien ta’ negozji ġodda ta’ karti għall-ippakkjar minn bwar b’bijodiversità għolja, u għas-settur tat-turiżmu ambjentali.

Fil-livell ta’ kumpanija: 59 bidwi Awstrijak, SPAR u WWF bnew alleanza b’saħħitha fil-proġett “Ħamrija b’Saħħitha għal Ikel Bnin” ('Healthy Soil for Healthy Food'). Billi jiggarantixxi l-bejgħ tal-ħxejjex li jiġu prodotti u l-ħlas ta’ bonus ta’ EUR 30 għal kull tunnellata ta’ CO2 maħżun fil-ħamrija lill-bdiewa, SPAR jistimula l-prattiki tal-ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija. Il-kampjuni tal-ħamrija huma użati biex jimmonitorjaw l-effettività tal-proġett.

Fil-livell tas-soċjetà ċivili: Is-Soċjetà Ornitoloġika Ellenika, WWF il-Greċja, is-Soċjetà Bulgara għall-Ħarsien tal-Għasafar u r-Royal Society for the Protection of Birds ingħaqdu biex jitwaqqaf it-tnaqqis tal-popolazzjoni tal-avultuni fil-Balkani. Huma wessgħu l-approċċ transfruntier tagħhom għal pajjiżi oħrajn tul ir-rotta tal-ajru tal-ispeċi.

Jiġu promossi soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli, jingħata aċċess għall-ġustizzja lil kulħadd u jinbnew istituzzjonijiet effettivi, responsabbli u inklużivi fil-livelli kollha

L-Unjoni Ewropea llum

Stampa/ħarsa ġenerali kwalitattiva

L-UE kienet waħda mill-aktar proġetti ta’ paċi ta’ suċċess fid-dinja. Taħt il-gwida tat-Trattati Ewropej, iffirmat għall-ewwel darba fl-1957, l-UE tista’ tħares lura lejn 60 sena ta’ paċi, demokrazija u solidarjetà. Fl-2012, l-UE ngħatat il-premju nobel għall-paċi talli mexxiet 'il quddiem il-kawżi tal-paċi, tar-rikonċiljazzjoni, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa. Il-promozzjoni u d-difiża tal-istat tad-dritt u l-valuri fundamentali tal-UE huma prijorità ewlenija għall-UE, kemm internament kif ukoll fir-relazzjonijiet esterni tagħha. Sistemi ġudizzjarji effettivi għandhom rwol kruċjali f’dan ir-rigward. Dawn jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom u n-negozji jibbenefikaw minn ċertezza legali u ambjent favorevoli għall-investiment fis-suq uniku. L-UE qiegħda tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex itejbu l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom, inkluż permezz ta’ monitoraġġ effikaċi permezz tas-Semestru Ewropew u t-tabella ta’ valutazzjoni tal-ġustizzja tal-UE. B’mod aktar ġenerali, il-Kummissjoni tiżgura r-rispett tal-istat tad-dritt u tal-valuri fundamentali l-oħra kollha tal-UE ta’ għodda u strumenti għad-dispożizzjoni tagħha. Waħda mill-isfidi għas-soċjetajiet Ewropej hija l-korruzzjoni, li xxekkel il-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi u ddgħajjef ir-responsabbiltà lejn it-tmexxija politika. Il-Kummissjoni għandha mandat politiku biex tissorvelja l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u biex timplimenta politika komprensiva tal-UE kontra l-korruzzjoni. Fuq in-naħa esterna, l-UE tikkontribwixxi għall-paċi internazzjonali u tgħin lill-pajjiżi sħab biex jindirizzaw sitwazzjonijiet fraġli, jistabbilixxu istituzzjonijiet responsabbli u trasparenti, u jrawmu teħid tad-deċiżjonijiet parteċipatorju u tiżgura proċessi elettorali inklużivi u kredibbli permezz tal-politika barranija u ta’ sigurtà tagħha. Id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-inklużjoni u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni huma fil-qalba tal-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp. Permezz tat-tkabbir u tal-politiki tal-viċinat hija tkompli tikkontribwixxi għall-paċi u l-istabbiltà. B’mod partikolari, l-UE attivament tippromwovi u tassisti pajjiżi kandidati tal-UE fuq it-twassil fuq l-istat tad-dritt, ir-riforma ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, is-sigurtà, id-drittijiet fundamentali u l-istituzzjonijiet demokratiċi.

Ix-xejriet ewlenin

·Il-perċezzjoni tan-nies tal-kriminalità, tal-vjolenza jew tal-vandaliżmu tjiebet; fl-2016, 13.0 % tal-popolazzjoni Ewropea ħassitha affettwata minn dawn il-kwistjonijiet, 2.9 punti perċentwali inqas mill-2007.

·It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2018 turi li meta titqabbel mal-2010, l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji fl-Istati Membri tjiebet jew baqgħet stabbli fi kważi l-Istati Membri kollha, bi ftit eċċezzjonijiet. Madankollu, il-proċeduri ċivili u kummerċjali għadhom twal ħafna f’diversi Stati Membri.

·In-nefqa tal-gvern ġenerali tal-UE fuq il-qrati tal-ġustizzja żdiedet b’aktar minn 11 % fl-2016–2007 u laħqet ftit aktar minn EUR 50 biljun fl-2016. Din ir-rata ta’ tkabbir kienet ftit inqas mit-tkabbir tal-PDG.

·Fl-2018, 56 % tal-abitanti tal-UE kklassifikaw l-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin f’pajjiżhom bħala “tajba ħafna” jew “pjuttost tajba”, li hija żieda ta’ erba’ punti perċentwali meta mqabbla mal-2016.

·Skont l-Indiċi tal-Perċezzjonijiet tal-Korruzzjoni maħruġa minn Transparency International, l-Istati Membri tal-UE jkomplu jikklassifikaw fost dawk l-inqas korrotti fid-dinja fl-2017 u ffurmaw nofs l-20 pajjiż ewlenin globali l-inqas korrotti.

·Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt f’xi Stati Membri tagħti lok għal tħassib, li huwa indirizzat minn firxa ta’ azzjonijiet fil-livell tal-UE.

Il-klassifikazzjoni globali

Skont l-Indiċi tal-SDGs globali u fuq ir-rapport tat-tabelli operattivi tal-2018 (Bertelsmann Stiftung and Sustainable Development Solutions Network), 19-il Stat Membru tal-UE għandhom punteġġ ta’ 70 jew aktar minn 100 għall-SDG 16. Disa’ Stati Membri tal-UE huma fost l-aqwa 20 minn madwar id-dinja kollha.

L-Unjoni Ewropea fl-2030

L-UE skont it-tendenzi attwali/jekk kollox jibqa’ l-istess

L-UE qed tkompli tesperjenza triq paċifika. Permezz tat-tkabbir u tal-politiki tal-viċinat hija tkompli tikkontribwixxi għall-paċi u l-istabbiltà. L-UE tippromwovi attivament u tassisti wkoll pajjiżi kandidati tal-UE biex jirnexxu fejn jidħol l-istat tad-dritt, ir-riforma ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, is-sigurtà, id-drittijiet fundamentali u l-istituzzjonijiet demokratiċi. Ir-relazzjonijiet barranin tal-UE u l-politika tal-iżvilupp jikkontribwixxu wkoll għall-paċi f’partijiet oħra tad-dinja. Barra minn hekk, l-UE tkompli tippromwovi u tiddefendi l-istat tad-dritt fost l-Istati Membri tagħha stess. Jeħtieġ li jsir aktar biex titjieb l-effiċjenza, il-kwalità u l-indipendenza tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali f’ċerti Stati Membri. Fil-livell internazzjonali, kien hemm xejra lejn sistemi awtoritarji ta’ governanza f’għadd ta’ pajjiżi. Il-promozzjoni tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt għalhekk se jibqgħu prijorità ewlenija għall-UE, kemm fir-relazzjonijiet interni u f’dawk esterni tagħha. L-UE ser tkompli taħdem lejn it-titjib tal-aċċess għall-ġustizzja, tiġġieled il-frodi, l-kriminalità u tindirizza t-theddid għas-sigurtà li qed jevolvi billi ssaħħaħ ulterjorment il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-pulizija u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-UE u se tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam.

Opportunitajiet/Xprunaturi pożittivi

Valuri kulturali b’konformità mar-rispett tad-drittijiet fundamentali, l-involviment tas-soċjetà u tal-politika parteċipattiva, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva/kondotta responsabbli tan-negozju, l-edukazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali u teknoloġiji ġodda, ir-riċerka u l-innovazzjoni, infrastruttura reżiljenti u soċjetajiet, il-multilateraliżmu, il-kummerċ miftuħ u ġust, l-għajnuna għall-iżvilupp.

Riskji/Xprunaturi negattivi

L-instabbiltà ġeopolitika u t-theddid għas-sigurtà, it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, il-migrazzjoni u ċ-ċaqliq sfurzat tal-popolazzjoni, ir-ritorn għal protezzjoniżmu ekonomiku madwar id-dinja, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni internazzjonali, l-isfidi tal-istat tad-dritt, il-populiżmu, l-inugwaljanzi soċjali.

Punti prinċipali tal-politika

L-UE fil-livell internazzjonali: Ir-regoli tal-UE tal-2017 dwar il-minerali ta’ kunflitt jistabbilixxu l-obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-UE tal-landa, it-tantalju, it-tungstenu u d-deheb, sabiex jiżguraw li dawn ikunu derivati b’mod responsabbli mingħajr direttament jew indirettament jiffinanzjaw kunflitti armati jew li jwasslu għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem f’żoni affettwati minn kunflitti u f’żoni ta’ riskju għoli.

Fil-livell tal-UE: Fl-2017, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ġie stabbilit bħala uffiċċju tal-prosekuzzjoni Ewropw indipendenti bis-setgħa li jinvestiga u jipprosekwixxi r-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE. Wara l-fażi ta’ żvilupp ta’ tliet snin, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew huwa maħsub li jkun jista’ jibda l-funzjonijiet tiegħu fi tmiem l-2020. Dan ikun titjib deċiżiv fil-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u reati oħra kontra l-baġit tal-UE.

Fil-livell ta’ Stat Membru: Il-liġi Franċiża tal-2017 dwar id-dmir ta’ viġilanza toħloq responsabbiltà għall-kumpaniji biex jimplimentaw miżuri li jiżguraw li s-sussidjarji tagħhom, il-fornituri u sottokuntratturi madwar id-dinja jirrispettaw prattiki etiċi, soċjali u ambjentali tajbin. L-għan tal-liġi huwa li titqajjem kuxjenza fost l-intrapriżi dwar ir-rwol tagħhom għall-prevenzjoni ta’ traġedji fi Franza u barra mill-pajjiż, u biex jiżguraw li l-vittmi jirċievu kumpens għal kwalunkwe ħsara kkawżata minn ksur ta’ dazju ġdid tal-kumpaniji biex jimplimentaw pjanijiet ta’ viġilanza. Hija tapplika għall-kumpaniji b’iktar minn 5,000 impjegat li għandhom il-kwartieri ġenerali fi Franza, jew lill-kumpaniji b’aktar minn 10,000 impjegat li għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom barra mill-pajjiż.

Fil-livell ta’ kumpanija: Fl-2011, il-kumpanija tat-tbaħħir tal-kontejners Daniżi Maersk Line kienet fost il-fundaturi marittimi tan-netwerk kontra l-korruzzjoni. Din s-sħubija multisettorjali tikkonsisti minn kumpaniji ta’ sidien ta’ bastimenti, sidien ta’ merkanzija u fornituri ta’ servizzi li jikkollaboraw mal-partijiet interessati ewlenin, inklużi l-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, biex jidentifikaw u jtaffu l-kawżi ta’ korruzzjoni fl-industrija marittima.

Fil-livell tas-soċjetà ċivili: Fis-Slovakkja, il-gvern jippromwovi l-involviment tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-ħolqien, l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-politiki pubbliċi f’diversi oqsma. Fil-qasam tal-politika ambjentali, hemm fis-seħħ ‘Tripartit Ekoloġiku’ (‘Green Tripartite’) biex iwassal is-suġġerimenti u l-kummenti ta’ atturi mhux governattivi fil-proċess tat-tfassil tal-politika u l-implimentazzjoni.

Jissaħħu l-mezzi ta’ implimentazzjoni tas-Sħubija Globali għall-Iżvilupp Sostenibbli u li din tiġi rivitalizzata

L-Unjoni Ewropea llum

Stampa/ħarsa ġenerali kwalitattiva

L-SDGs huma dimensjoni trasversali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija globali għall-politika estera u ta’ sigurtà tal-UE, li tistabbilixxi viżjoni għal impenn konġunt tal-UE fid-dinja. Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp jipprovdi qafas għal approċċ komuni għall-politika tal-iżvilupp għall-UE u l-Istati Membri bbażata fuq l-SDGs. Abbażi tal-prinċipju ta’ koerenza fil-politika għall-iżvilupp, l-UE għandha l-għan li timmassimizza l-koerenza u tibni sinerġiji bejn il-politiki differenti tagħha biex tappoġġa pajjiżi sħab biex jintlaħqu l-SDGs. Illum, l-UE hija l-akbar fornitur dinji ta’ għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp. Matul l-aħħar għaxar snin, kien hemm bidla fil-bilanċ tar-rwoli, minn dak ta' donatur u benefiċjarju għal dak ta' sħubija aktar ugwali. Il-politika tat-tkabbir tal-UE u l-politika Ewropea tal-viċinat riveduta qed tiffoka fuq l-elementi fundamentali politiċi u ekonomiċi, inkluż l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, u t-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, kompletament konsistenti mal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli. L-impenn umanitarju tal-UE jinkludi ħidma fi sħubija mill-qrib ma’ għadd kbir ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ żvilupp u umanitarji tan-NU u tas-soċjetà ċivili bil-għan li titħares id-dinjità tal-bniedem. Il-politika tal-kummerċ u tal-investiment tal-UE hija bbażata fuq il-valuri, kif stabbilit fl-istrateġija kummerċ għal kulħadd, u hija mifruxa mal-SDGs kollha, għall-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet kollha tagħha. L-UE tibqa’ sostenitur b’saħħitha ta’ skema kontributorja universali, ibbażata fuq ir-regoli, miftuħa, mhux diskriminatorja u ekwitabbli, mirfuda minn sistema kummerċjali multilaterali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), u qed taħdem b’mod attiv biex tippreserva u ssaħħaħ id-WTO fil-funzjonijiet kollha tagħha. L-UE taħdem ukoll mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, bħalma huma l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) biex tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, responsabbiltà soċjali korporattiva / imġieba tan-negozju responsabbli kif ukoll objettivi soċjali u ambjentali fil-politika kummerċjali tagħha. L-UE tippromwovi attivament l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-SDGs fi ħdan il-G20. L-UE ssaħħaħ il-governanza fiskali u ekonomika tagħha stess permezz tas-semestru Ewropew tal-koordinament tal-politika, u b’hekk tikkontribwixxi għall-istabbiltà makroekonomika globali. Permezz tal-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni tikkontribwixxi għal koerenza politika msaħħa. 

Ix-xejriet ewlenin

·L-UE hija l-akbar fornitur ta’ Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp, u pprovdietvEUR 75.7 biljun fl-2017. Barra minn hekk, b’0.5 % fl-2017, il-proporzjon ġenerali tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp tal-UE/id-Dħul Nazzjonali Gross (DNG) kien ferm ogħla minn daktal-biċċa l-kbira tad-donaturi oħra tal-OECD bħall-Kanada, il-Ġappun jew l-Istati Uniti. L-Iżvezja, id-Danimarka, il-Lussemburgu u r-Renju Unit laħqu l-mira li jonfqu 0.7 % tad-dħul gross nazzjonali tagħhom f’għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (2017).

·Intensifikaw ir-relazzjonijiet kummerċjali mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-esportazzjonijiet jistgħu joħolqu impjiegi domestiċi u jippermettu lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jiksbu munita barranija, li tista’ tintuża għall-importazzjoni ta’ merkanzija oħra meħtieġa. Importazzjonijiet tal-UE minn pajjiżi li qed jiżviluppaw żdiedu b’aktar mid-doppju, minn 2002 għal 2017.

·Is-sehem tal-importazzjonijiet fl-UE mill-pajjiżi l-inqas żviluppati żdied bejn l-2002 u l-2017. Madankollu, b’mod ġenerali, kważi l-50 pajjiż l-inqas żviluppati kienu jammontaw biss għal 2.0 % tal-importazzjonijiet kollha lejn l-UE fl-2017. Matul dawn l-aħħar snin, l-UE saħħet ir-rwol tagħha bħala s-suq ewlieni ta’ esportazzjoni għall-pajjiżi l-anqas żviluppati: is-sehem tagħha tal-esportazzjonijiet tal-pajjiżi l-anqas żviluppati globali ta’ merkanzija żdied minn 20.5 % fl-2012 għal kważi 25 % fl-2016, segwita miċ-Ċina (21 %) u l-Istati Uniti (8.2 %).

·Għajnuna lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp sabiex tingħata spinta lir-riżorsi domestiċi tagħhom hija kruċjali. L-approċċ tal-UE lejn appoġġ baġitarju lil pajjiżi sħab ġie aġġustat biex jippromwovi aħjar l-SDGs, biex jitjieb il-fokus tar-riżultat tal-politiki tal-pajjiżi u biex jipprovdi bini ta' kapaċità, billi tiġi sostnuta iktar il-governanza mtejba u l-ġestjoni finanzjarja pubblika, inklużi l-miżuri kontra l-korruzzjoni.

·Il-bidla tal-piż tat-tassazzjoni minn wieħed fuq ix-xogħol għal wieħed fuq l-ambjent tista’ tagħti spinta lill-impjiegi, tnaqqas l-inugwaljanzi u tillimita l-pressjonijiet fuq l-ambjent. Is-sehem tat-taxxi ambjentali fid-dħul mit-taxxi totali tal-UE baqa’ kważi l-istess (6.8 % fl-2002 u 6.1 % fl-2017).

Il-klassifikazzjoni globali

Skont l-Indiċi tal-SDGs globali u fuq ir-rapport tat-tabelli operattivi tal-2018 (Bertelsmann Stiftung and Sustainable Development Solutions Network), sitt Stati Membri tal-UE għandhom punteġġ ta’ 70 jew aktar minn 100 għall-SDG 17. Tliet Stati Membri tal-UE huma fost l-aqwa 20 minn madwar id-dinja kollha.

L-Unjoni Ewropea fl-2030

L-UE skont it-tendenzi attwali/jekk kollox jibqa’ l-istess

L-isfidi li l-Ewropa u d-dinja qed iħabbtu wiċċhom magħhom se jkunu iktar kumplessi, interkonnessi u aktar globali minn qatt qabel. Sħubiji globali dwar il-qerda tal-faqar u tal-SDGs l-oħra kollha ser ikunu indispensabbli. Fil-livell internazzjonali, l-UE għalhekk ser tkompli tippromwovi l-preservazzjoni u t-tisħiħ ta’ ordni internazzjonali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, bin-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba tagħha. Din hija kundizzjoni neċessarja biex tiżgura l-mezzi ta’ implimentazzjoni. L-UE se tkompli tuża l-politika kummerċjali bbażata fuq il-valuri tagħha biex tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, inkluża r-responsabbiltà soċjali korporattiva/imġiba kummerċjali responsabbli, u se tkompli tappoġġa bil-qawwa l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Pereżempju, biex jitjiebu r-riżultati bil-qsim tax-xogħol bl-aktar mod effiċjenti, l-UE u l-Istati Membri tagħha ser jużaw l-programmazzjoni konġunta u l-implimentazzjoni konġunta bħala mezz effettiv biex jiġu implimentati l-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta’ sħubijiet. Dan ifisser li huma jiddefinixxu flimkien liema donatur għandu jaħdem f’liema settur. L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri ser ikomplu jżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa, li hija qafas globali għall-finanzjament tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, u li tenfasizza r-rwol tax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni. “Orizzont Ewropa”, il-programm ta’ riċerka u innovazzjoni li jmiss tal-UE (2021–2027), jenfasizza r-rwol ċentrali ta’ kollaborazzjoni xjentifika internazzjonali biex jintlaħqu l-SDGs. L-UE tinsab f’pożizzjoni tajba fir-rigward tal-biċċa l-kbira tal-finanzjament għall-iżvilupp sal-2030. Fi ħdan l-UE, se jkunu promossi wkoll sħubijiet għal żvilupp sostenibbli.

Opportunitajiet/Xprunaturi pożittivi

Involviment tas-soċjetà u politika parteċipattiva, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva/imġiba kummerċjali responsabbli, regolamentazzjoni aħjar, l-edukazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, intelliġenza artifiċjali, teknoloġiji ġodda, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-kondiviżjoni tal-għarfien u trasferiment ta’ teknoloġija effettiv, l-osservazzjoni tad-dinja, l-edukazzjoni, il-volontarjat, il-finanzjament kollettiv u forom oħra ta’ finanzjament innovattiv, finanzi sostenibbli, sħubijiet pubbliċi-privati, il-multilateraliżmu, il-kummerċ miftuħ u ġust, l-għajnuna għall-iżvilupp.

Riskji/Xprunaturi negattivi

L-instabbiltà u t-theddid għas-sigurtà ġeopolitika, il-protezzjoniżmu ekonomiku, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni internazzjonali, l-imminar tal-istituzzjonijiet multilaterali eżistenti.

Punti prinċipali tal-politika

L-UE fil-livell internazzjonali: L-UE hija involuta flimkien ma’ msieħba oħra tal-G20 u Organizzazzjonijiet Internazzjonali f’Patt mal-Afrika tal-G20, bil-għan li tagħti spinta lill-investimenti fil-pajjiżi Afrikani parteċipanti. L-UE ser tappoġġa wkoll kooperazzjoni trijangulari - li huma sħubiji xprunati min-Nofsinhar bejn tnejn jew aktar pajjiżi li qed jiżviluppaw, appoġġati minn pajjiż żviluppat jew organizzazzjoni multilaterali, bħala għodda importanti biex jilħqu lil pajjiżi li qed jiżviluppaw u partijiet ikkonċernati oħra.

Fil-livell tal-UE: Il-pjan ta’ investiment estern Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli ressqu ’l quddiem il-baġit tal-UE bħala garanzija biex jiftħu u jagħtu spinta fl-investimenti fl-Afrika u fil-viċinat tagħha. L-enfasi tagħhom huma pajjiżi fraġli, affettwati minn kunflitt u vjolenza, u l-pajjiżi l-anqas żviluppati li huma l-aktar fil-bżonn. Il-mira hi li jinkiseb investiment privat u jiġu mobilizzati EUR 44 biljun f’investimenti addizzjonali sal-2020.

Fil-livell ta’ Stat Membru: “Il-Finlandja li Rridu sal-2050 — l-Impenn tas-Soċjetà għal Żvilupp Sostenibbli” (‘The Finland We Want by 2050 – Society’s Commitment to Sustainable Development’) hija mod innovattiv li jinvolvi s-soċjetà kollha kemm hi fl-implimentazzjoni tal-SDGs. Sabiex jintlaħqu t-tmien objettivi lejn il-viżjoni tagħha għall-2050, l-impenji operazzjonali jkunu qed jiġu stabbiliti ma’ setturi amministrattivi u atturi tas-soċjetà oħra, bħal muniċipalitajiet, kumpaniji, organizzazzjonijiet, istituzzjonijiet edukattivi u operaturi lokali. L-impenji għandhom ikunu ġodda u li jistgħu jitkejlu.

Fil-livell reġjonali/lokali: Il-gvernijiet lokali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi Latvjani li huma involuti b’mod attiv fi proġetti ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali — il-Moldova, il-Ġeorġja, l-Ukrajna, il-Kirgiżistan u oħrajn. L-Assoċjazzjoni Latvjana tal-Gvernijiet Lokali u Reġjonali pprovdiet appoġġ espert fit-tul tal-ippjanar tal-baġit tal-gvern tal-pajjiż imsieħeb, in-negozjar, l-involviment taċ-ċittadini fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, u l-promozzjoni tan-negozju.

Fil-livell ta’ kumpanija: Unilever, kumpanija tal-oġġetti tal-konsumatur transnazzjonali, kienet difensur qawwija favur l-SDGs minn mindu ġiet adottata l-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, bis-CEO tal-kumpanija li qed iservi fuq il-grupp tal-Promozzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Għanijiet Globali. Unilever waqqaf b’mod konġunt il-Kummissjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-2016, li wasslet għat-tnedija tar-rapport seminali tal-2017 “Negozju Aħjar, Dinja Aħjar” (“Better Business Better World”) dwar il-każ tan-negozju għal azzjoni dwar l-SDGs.

Fil-livell tas-soċjetà ċivili: L-Alleanza Taljana għall-Iżvilupp Sostenibbli (ASviS) għandha l-għan li tqajjem kuxjenza u timmobilizza s-soċjetà Taljana, il-partijiet ekonomiċi kkonċernati u l-istituzzjonijiet, dwar l-importanza tal- Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli . Hi tlaqqa’ flimkien aktar minn 180  istituzzjoni u netwerk tas-soċjetà ċivili l-aktar importanti, flimkien ma’ universitajiet u kumpaniji.



ANNESS III Sommarju tal-Kontribuzzjoni tal-Pjattaforma ta’ Bosta Partijiet Interessati tal-SDG dwar id-Dokument ta’ Riflessjoni “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030”

Ittra mill-membri tal-pjattaforma

Brussell, il-11 ta' Ottubru 2018

Għal mexxejja attwali u futuri tal-Kummissjoni Ewropea u l-Istituzzjonijiet oħrajn tal-UE,

Lill-atturi kollha li għandhom sehem qawwi fl-għajxien sostenibbli tan-nies, u fl-iżviluppi ambjentali, soċjali, ekonomiċi u tal-governanza tal-Ewropa,

Lin-nies u l-votanti fl-Ewropa,

Permezz ta’ din il-Pjattaforma l-ġdida u bir-Rapport tagħna, irridu nibagħtu sinjal b’saħħtu lill-mexxejja, l-atturi u n-nies ġewwa u barra l-Unjoni Ewropea: wasal iż-żmien — aktar minn qatt qabel — biex niżviluppaw u nimplimentaw viżjoni u strateġija ambizzjuża għal Ewropa Sostenibbli 2030.

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-ebda wieħed mill-membri tal-Pjattaforma ma huwa mistenni li japprova kull rakkomandazzjoni jew opinjoni f’dan ir-Rapport u kull wieħed għandu d-dritt li jkollu fehma differenti dwar il-kwistjonijiet koperti.

Madankollu, f’perjodu qasir ta’ żmien, aħna stinkajna biex nibnu fuq il-kuntestiu l-opinjonijiet differenti tagħna u nirrispettawhom, bl-għan li jfittxu li jiġbdu fl-istess direzzjoni għal Ewropa aħjar u sostenibbli.

Permezz ta’ valuri komuni b’saħħithom, titjib fil-politika strutturali proposti għal azzjonijiet innovattivi, aħna nibbażaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħna fl-esperjenza u l-isforzi ta’ eluf ta’ rġiel u nisa fis-settur pubbliku, is-soċjetà ċivili u s-settur privat. Huma għandhom ambizzjoni komuni biex jittrasformaw l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli f’soluzzjonijiet prattiċi għall-benesseri taċ-ċittadini u l-protezzjoni tal-ambjent tagħna għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

Ir-rapport tagħna jenfasizza perspettivi differenti u jindirizza l-kompromessi li joffru sfida bejn dimensjonijiet ambjentali, ekonomiċi, soċjali u ta’ governanza tal-iżvilupp sostenibbli, li wħud minnhom konna kapaċi ninnegozjawhom, oħrajn li jeħtieġu aktar kjarifika u bini ta’ kunsens.

Ninsabu fiduċjużi li l-fiduċja u l-involviment tan-nies u l-mexxejja fi trasformazzjoni kontinwa tal-Ewropa se tħalli l-frott. Tirrikjedi kultura ġusta u ekwa ta’ djalogu u sħubija fil-livelli kollha, fejn kull sieħeb jista’ jsir ko-disinjatur fit-tfassil ta’ Ewropa li tieħu ħsieb u taħdem għal kulħadd u jafda lill-oħrajn biex ikunu hekk. Dan jinvolvi wkoll strateġija globali għal Ewropa Sostenibbli biex tiggwida l-politiki u l-programmi Ewropej kollha li se jaċċelleraw id-dotazzjonijiet individwali u kollettivi tagħna sabiex jagħtu sigurtà, prosperità sostenibbli u dinjità għal kulħadd.

Aħna kburin bil-ħidma li twettqet s’issa, filwaqt li fl-istess ħin inħossu l-urġenza li nagħmlu ħafna aktar. Iva, is-sostenibbiltà tad-djalogu u tal-kollaborazzjoni fi ħdan din il-Pjattaforma — kemm bejn il-partijiet interessati kif ukoll mal-istituzzjonijiet tal-UE — tista’ titjieb malajr u tikber.



Sommarju Eżekuttiv “Ewropa li miexja lejn futur sostenibbli” -
Kontribuzzjoni tal-Pjattaforma ta’ Bosta Partijiet tal-SDG dwar id-Dokument ta’ Riflessjoni “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030” ta’ Ottubru 2018

Il-Pjattaforma tad-Diversi Partijiet Ikkonċernati dwar l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fl-Unjoni Ewropea — il-”Pjattaforma ta’ bosta partijiet tal-SDGs tal-UE” — ġiet stabbilita f’Mejju 2017 biex tappoġġa u tagħti parir lill-Kummissjoni Ewropea u lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-SDGs fil-livell tal-UE.

Permezz ta’ valuri komuni b’saħħithom li aħna, bħala rappreżentanti tas-settur pubbliku, is-soċjetà ċivili u s-settur privat, ħdimna b’mod diliġenti sabiex nagħmlu wkoll rakkomandazzjonijiet siewja dwar kif għandhom jiġu ttrasformati l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli f’soluzzjonijiet prattiċi għall-benesseri tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri tagħna fl-UE u lil hinn minnha. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna għandhom l-għan li jispiraw u jiggwidaw mad-dokument ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030”.

Minħabba l-aġenda ambizzjuża u n-natura universali u indiviżibbli tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, m’hemm l-ebda sistema waħda li tista' tiġi appoġġjata. Il-kisba tal-Miri tirrikjedi rieżami komprensiv, l-identifikazzjoni ta’ oqsma fejn jeħtieġ li jsiru t-tibdiliet, u l-iżvilupp ta’ politiki koerenti li jipproduċu kobenefiċċji soċjali, ekonomiċi, ta’ governanza u dawk ambjentali, li jirrikonoxxu u jaġixxu fuq l-interkonnessjonijiet bejn l-għanijiet u l-miri kollha. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna jipprovdu kontribuzzjoni ambizzjuża u bbażata fuq il-kunsens għal din il-mira.

Bħala azzjonijiet ta’ prijorità, nirrakkomandaw li l-UE tiżviluppa u timplimenta viżjoni globali u trasformattiva tal-istrateġija Ewropa Sostenibbli 2030, li tiggwida l-politiki u l-programmi kollha tal-UE. Sabiex tkun effettiva, tali strateġija għandha tinkludi kemm miri temporanji kif ukoll miri fit-tul u tistabbilixxi l-viżjoni tal-Ewropa għal Ewropa sostenibbli lil hinn mill-Aġenda 2030.

Meta timplimenta l-Aġenda 2030, il-Kummissjoni Ewropea u l-partijiet ikkonċernati l-oħra kollha jridu jirrispettaw prinċipji ewlenin, biex jissodisfaw l-impenji eżistenti skont ftehimiet internazzjonali, jimpenjaw ruħhom għal trasformazzjoni tal-mudell soċjali u ekonomiku tagħna, biex tingħata prijorità u jkun hemm azzjonijiet rapidi għall-ifqar persuni u dawk l-aktar marġinalizzati fis-soċjetà (“ħadd ma jibqa' lura”), biex jiġu rikonoxxuti l-limiti planetarji, biex jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u tiġu żgurata koerenza politika għall-iżvilupp sostenibbli.

Aħna wkoll nagħmlu xi rakkomandazzjonijiet trasversali. Aħna nagħtu parir lill-UE biex tivvinta mill-ġdid is-sistema ta’ governanza tal-UE biex tiżgura approċċ koerenti lejn l-iżvilupp sostenibbli. Il-President tal-Kummissjoni, assistit minn tim tal-proġett iddedikat, għandu jkun inkarigat mill-Aġenda 2030, jiżgura koordinazzjoni effettiva u jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tagħha matul id-diskors annwali dwar l-Istat tal-Unjoni. Aħna wkoll se jkollna bżonn azzjoni ta’ reġjuni, bliet, ċittadini, komunitajiet, negozji u soċjetà ċivili fid-diversità tagħhom sabiex nimplimentaw l-SDGs u l-Ftehim ta’ Pariġi. L-UE għandha tippromwovi approċċ territorjali għat-twettiq tal-SDGs u tippermetti djalogu reċiproku fejn l-istrateġiji Ewropej u nazzjonali jassoċjaw l-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll is-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet professjonali f’approċċ ta’ governanza b’diversi livelli u diversi partijiet ikkonċernati. Noffru wkoll sabiex nivvalutaw il-merti ta’ din il-Pjattaforma — kemm il-kompożizzjoni u l-missjoni tagħha — u biex niddiskutu kif fil-futur din tista’ tikkontribwixxi bl-aħjar mod għall-proposta tagħna għal Strateġija tal-2030 ta’ Ewropa Sostenibbli inklużiva, parteċipattiva u trasparenti. Fl-aħħar nett, għandhom isiru sforzi addizzjonali biex tiġi żgurata koerenza tal-politika għall-iżvilupp sostenibbli, li jfisser li kull politika tal-UE għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli fi ħdan jew barra l-Ewropa.

Għandna wkoll xi rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar kif jistgħu jissaħħu l-għodod eżistenti tal-UE. L-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tista’ ssir aktar b’saħħitha għall-iżvilupp sostenibbli billi tintegra bis-sħiħ l-objettivi u l-prinċipji fil-proċess tat-tfassil tal-politika. Dawk li jfasslu l-politika tal-UE għandhom jużaw aħjar u jkomplu jtejbu l-Linji Gwida għall-Valutazzjoni tal-Impatt biex jiġi integrat l-iżvilupp sostenibbli. Għandu jitwaqqaf iċ-ċiklu ta’ Ewropa Sostenibbli, bi Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli, b’rapporti u rakkomandazzjonijiet tal-Istati Membru u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-Iżvilupp Sostenibbli. Il-proċess tas-Semestru Ewropew għandu jkun iggwidat mill-Istrateġija Ewropa 2030 u jinkludi kontroll ta’ sostenibbiltà. Il-finanzi pubbliċi tal-UE, inkluż il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, għandhom ikunu kompletament sostenibbli u d-definizzjoni tar-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza inkorporata fi ħdan regolamenti finanzjarji. Ir-riformi fiskali sostenibbli għandhom jitwettqu fil-livell tal-Istati Membri, għandhom jiġu indirizzati l-evitar tat-taxxa korporattiva u d-dumping fiskali indirizzati u għandja tiġi implimentata bis-sħiħ l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa implimentata bis-sħiħ. Biex tinforma lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet futuri, l-UE għandha tiżviluppa qafas ta’ monitoraġġ, responsabbiltà u rieżami aktar integrat u parteċipattiv, inkluż sett tal-indikaturi tal-SDGs tal-UE komprensiv u analiżi kwalitattiva.

Aħna wkoll nagħmlu rakkomandazzjonijiet settorjali speċifiċi. Is-sostenibbiltà għandha tiġi riflessa b’mod koerenti fil-politiki u l-inizjattivi kollha tal-UE. Għall-finijiet ta’ dan id-dokument, madankollu, aħna identifikajna ħames oqsma ta’ politika tal-UE b’rwol vitali fil-ksib tal-SDGs:

(1)    Produzzjoni u Konsum Sostenibbli għandhom jiġu promossi aktar inċentivati u regolati, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-ktajjen tal-provvista globali. Għandna bżonn ukoll miżuri legali, ta’ politika u ta’ finanzjament li għandhom imexxu ‘l quddiem din it-tranżizzjoni. L-impatt tal-UE jeħtieġ li jitnaqqas, b’Konvenzjoni tal-Ġestjoni tar-Riżorsi introdotta u b’indikaturi ibbażati fuq il-konsum żviluppati. Is-sostenibbiltà għandha tkun parti tal-Industrija Ewropea tal-Istrateġija 2030.

(2)    L-UE għandha tinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni, fin-nies u t-talenti umani, fl-impjegabbiltà u l-inklużjoni soċjali. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jkun implimentat b’mod sħiħ. L-ekonomija soċjali u solidali għandha tiġi promossa; l-investiment fis-saħħa u l-benesseri għandhom jiżdiedu u s-sostenibbiltà għandha ssir xjenza interdixxiplinari. Edukazzjoni ta’ kwalità għandha tkun garantita, appoġġ għat-tfal u ż-żgħażagħ prijoritizzati u qafas regolatorju li jiżgura mogħdijiet sikuri għal dawk li jfittxu asil u l-migranti introdott, filwaqt li tissaħħaħ l-integrazzjoni u l-inklużjoni politika.

(3)    Il-politika dwar il-klima u l-enerġija L-UE għandha tallinja l-miri tagħha dwar il-klima u l-enerġija mal-għan maqbul tal-limitu taż-żieda fit-temperatura globali għal 1.5 C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, filwaqt li tiżdied ir-reżiljenza. Il-fjuwils fossili għandhom jitneħħew b’mod gradwali; jiżdiedu l-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġija nadifa; jiġu promossi l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura . Il-konġestjoni tat-traffiku jenħtieġ li tonqos, jenħtieġ li jiġu mħeġġa pjanijiet għal infrastruttura sostenibbli u pjanijiet komprensivi ta’ mobbiltà. L-UE għandha wkoll tappoġġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-adattament u r-reżistenza għat-tibdil fil-klima.

(4)    L-Ikel, il-biedja u l-użu tal-art, inkluża l-Politika Agrikola Komuni. L-UE għandha tiżgura li l-investiment tal-UE lejn l-agrikoltura huwa allinjat mat-Trattat tal-UE biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, is-sigurtà tal-ikel, kif ukoll il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent. Appoġġ ta’ dħul pubbliku għandu jappoġġa l-produzzjoni tal-ikel, il-provvista ta’ beni pubbliċi u servizzi tal-ekosistema, filwaqt li jiġi żgurat livell ġust ta’ għajxien għall-komunità agrikola, u li jippermetti t-tranżizzjoni lejn l-agrikoltura sostenibbli u s-sistemi tal-ikel. L-investimenti u r-riċerka favur l-ambjent u prattiki ekonomikament vijabbli għandhom jiġu prijoritizzati u l-katini ta’ valur mondjali jsiru sostenibbli.

(5)    Il-politika ta’ koeżjoni hija l-għodda ta’ investiment ewlenija tal-UE biex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Hi għandha ssaħħaħ il-lokalizzazzjoni tal-Għanijiet bl-appoġġ dirett ta’ gvernijiet sottonazzjonali, b’appoġġ tal-Aġenda Urbana tal-UE, tippromwovi aktar l-objettivi soċjali u tinkoraġġixxi aħjar l-investimenti lejn infrastruttura aktar ekoloġika u sostenibbli, inkluż f’żoni rurali.

Biex tiġi indirizzata l-urġenza ta’ azzjoni, aħna nħeġġu bil-qawwa lill-Kummissjoni biex issegwi r-rakkomandazzjonijiet tagħna b’mod rapidu u f’waqtu sabiex l-Ewropa tkun tista’ tilqa’ b’mod sħiħ u malajr l-opportunità li l-iżvilupp sostenibbli jirrappreżenta lis-soċjetajiet tagħna. L-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti tagħna se tirrikjedi approċċ inklużiv u parteċipattiv u aħna nagħtu bis-sħiħ l-impenn għall-appoġġ tagħna. L-objettiv aħħari tagħna huwa li jiġi żgurat li l-iżvilupp sostenibbli jsir karatteristika permanenti tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-Ewropa.

Il-kontribuzzjoni sħiħa tal-Pjattaforma ta’ Bosta Partijiet tal-SDG dwar id-Dokument ta’ Riflessjoni “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030” hija disponibbli f’ https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/sdg_multi-stakeholder_platform_input_to_reflection_paper_sustainable_europe2.pdf  

(1)

F’dan il-paragrafu il-klassifikazzjoni globali tissejjes fuq “ Ir-Rapport tal-2018 dwar l-Indiċi u l-Pannelli Operattivi tal-SDG ” magħmul min- Netwerk ta’ Soluzzjonijiet għall-Iżvilupp Sostenibbli (SDSN) u l-Bertelsmann Stiftung; filwaqt li x-xejriet fl-UE huma msejsa fuq l-Edizzjoni tal-2018 tar-rapport tal-Eurstat “ L-Iżvilupp sostenibbli fl-Unjoni Ewropea - Ir-rapport ta’ monitoraġġ dwar il-progress fl-ilħuq tal-SDGs fil-kuntest tal-UE - l-Edizzjoni tal-2018  

(2)

 Eurostat (2018), “Sustainable development in the European Union – Monitoring report on progress towards the SDGs in an EU context – 2018 Edition”


Brussell, 30.1.2019

COM(2019) 22 final

Dokument ta' Riflessjoni

Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030


Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030

Contents

Daħla tal-Ewwel Viċi President Timmermans u tal-Viċi President Katainen    

1    Żvilupp sostenibbli li jtejjeb l-għajxien tan-nies: Il-vantaġġi kompetittivi tal-Ewropa    

2    L-UE u l-isfidi globali li rridu nindirizzaw    

3    Lejn Ewropa sostenibbli sal-2030    

3.1    Fondazzjonijiet politiċi għal futur sostenibbli    

3.1.1    Minn ekonomija lineari għal ekonomija ċirkolari    

3.1.2    Is-sostenibbiltà mill-għalqa sal-platt    

3.1.3    Enerġija, bini u mobilità għall-futur    

3.1.4    Tiġi żgurata tranżizzjoni soċjalment ġusta    

3.2    Faċilitaturi orizzontali għat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà    

3.2.1    L-edukazzjoni, ix-xjenza, it-teknoloġija, ir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni    

3.2.2    Il-finanzi, l-ipprezzar, it-tassazzjoni u l-kompetizzjoni    

3.2.3    Imġiba responsabbli tan-negozju, responsabbiltà soċjali korporattiva u mudelli ta’ negozju ġodda    

3.2.4    Kummerċ miftuħ u bbażat fuq ir-regoli    

3.2.5    Governanza u l-iżgurar ta’ koerenza politika fil-livelli kollha    

4    L-UE bħala entità bi rwol globali ta’ innovazzjoni fl-iżvilupp sostenibbli    

5    Xenarji għall-futur    



Daħla tal-Ewwel Viċi President Timmermans u tal-Viċi President Katainen

Bħala Ewropej għandna nkunu kburin bil-kisbiet tagħna. Permezz tal-integrazzjoni u l-kooperazzjoni mill-qrib ħloqna ġid bla preċedent, standards soċjali għoljin u opportunitajiet kbar għaċ-ċittadini tagħna. Ankrajna l-prinċipji komuni tagħna u l-valuri tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt fit-Trattati tagħna u bnejna Unjoni Ewropea, sħiħa u ħielsa. 

Dan is-suċċess inkiseb għaliex l-Ewropej huma ambizzjużi. Il-kultura demokratika b’saħħitha tagħna twassal għal dibattiti ħorox, u hekk għandu jkun. Għaliex dan mhuwiex iż-żmien li nistrieħu fuq is-suċċessi tagħna u nħallu l-istorja tterraq għal rasha. Il-ħtieġa li ntejbu l-istandards tal-għajxien tal-Ewropej kollha, li nħarsu, niddefendu u nagħtu s-setgħa liċ-ċittadini, li nsaħħu s-sigurtà tan-nies mid-diversi theddid, kemm jekk jiġi mit-terroriżmu jew mit-tibdil fil-klima, ma tieqaf qatt. 

Id-dinja il-ħin kollu tinbidel u bħalissa ninsabu qalb ir-raba’ rivoluzzjoni industrijali. Kollox qiegħed jinbidel għal kulħadd. Jekk nistħajlu mod ieħor inkunu qegħdin nabbandunaw is-sens komun. Il-kwistjoni hija dwar jekk aħniex vittmi tal-bidla, jew jekk aħniex lesti nħaddnuha u niggwidawha. L-Ewropej qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi urġenti bħad-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima, it-tranżizzjoni demografika, il-migrazzjoni, l-inugwaljanza u l-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi. Iċ-ċittadini jinsabu inkwetati dwar il-ġejjieni tagħhom u ta’ uliedhom. Qegħdin nagħmlu ħsara ekoloġika li qiegħda taffettwa kollox. Il-ġenerazzjonijiet ġejjiena se jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ din is-sitwazzjoni, li xejn mhu se tkun tajba għalihom jekk ma nsaħħux l-azzjoni biex nirranġawha. 

Huwa d-dmir tal-Unjoni Ewropea li sservi lill-Ewropej u mhux bil-kontra. L-Unjoni Ewropea trid tgħin lin-nies jirrealizzaw l-aspirazzjonijiet tagħhom u tindirizza t-tħassib tagħhom minnufih u b’mod effettiv. Kollox jibda billi naraw x’inhu sejjer ħażin u nħarsu f’wiċċ ir-realtà u lejn il-fatti li ħadd ma jista’ jiċħadhom. Madankollu dawn il-fatti ma għandhomx jimlewna bit-tħassib u l-biża’, iżda jispirawna biex nieħdu azzjoni. 

Bosta minn dan it-tħassib huwa marbut mal-isfidi li jmorru lil hinn mill-fruntieri u li jheddu l-impjiegi tagħna,il-prosperità, il-livell ta’ għajxien, il-libertà u s-saħħa tagħna. L-ebda stat jew nazzjon ma jista’ jindirizza dawn l-isfidi b’mod effettiv għal rasu. Għandna bżonn id-daqs tal-Unjoni Ewropea li, meta tkun magħquda u determinata - hija forza globali li trid tittieħed bis-serjetà. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar id-daqs biss mhuwiex se jkun biżżejjed; neħtieġu aġenda b’impatt globali, u din l-aġenda tieħu l-aħjar sura fis-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) li 193 stat, fosthom l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħhom, ikkommettew ruħhom li jilħqu. Dawn l-SDGs huma t-triq li permezz tagħha se negħlbu l-isfidi li qed niffaċċjaw, filwaqt li ntejbu l-ħabitat, l-ekonomija u l-ħajja tagħna.

L-iżvilupp sostenibbli huwa kwistjoni kumplessa, iżda fir-realta’ huwa kunċett sempliċi: niżguraw li t-tkabbir ekonomiku tagħna jippermettilna li nibnu mudell li jipproduċi riżultati ekwi għall-umanità kollha kemm hi; u li niżguraw li l-bniedem ma jużax aktar riżorsi milli tista’ tagħtina d-Dinja. Dan ifisser li jeħtiġilna nimmodernizzaw l-ekonomija tagħna sabiex tibda tħaddan mudelli ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli, nirranġaw l-iżbilanċi fis-sistema tal-ikel tagħna u npoġġu l-mod li bih nipproduċu u nużaw l-enerġija u l-mod li niddisinjaw il-binjiet tagħna fuq xejra sostenibbli. Biex nagħmlu dan irridu nadattaw ix-xjenza, il-finanzjament, it-tassazzjoni u l-governanza tagħna għall-ksib tal-SDGs.

Din mhijiex kwistjoni ta’ xellug jew lemin, hija kwistjoni ta’ tajjeb jew ħażin. Fortunatament l-Unjoni Ewropea diġà qiegħda fit-triq it-tajba minħabba l-vantaġġi kompetittivi qawwijin tagħha. L-Ewropa żviluppat uħud mill-ogħla standards ambjentali fid-dinja, daħħlet fis-seħħ politiki ambizzjużi dwar il-klima, u appoġġat il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima. Permezz tal-politiki esterni u l-aġenda kummerċjali trasparenti msejsa fuq ir-regoli l-Unjoni Ewropea kkondividiet soluzzjonijiet sostenibbli ma’ pajjiżi terzi wkoll.

Is-sisien tal-Unjoni Ewropea nbnew fuq il-premessa li, fil-kliem elokwenti li lissen Robert Schuman 70 sena ilu, “il-paċi fid-dinja ma tistax titħares mingħajr ma jsiru sforzi kreattivi proporzjonali għall-perikli li jhedduha”. Illum, mal-kliem “paċi fid-dinja” nistgħu nżidu l-benesseri u s-sopravivenza tan-nies tagħna”.

L-aġenda tas-sostenibbiltà hija aġenda pożittiva - tikkonċerna l-għoti ta’ ħajja aħjar lin-nies. L-Ewropa hija armata sew biex tiġġieled l-akbar sfida. Flimkien jirnexxielna. Neħtieġu l-impenn ta' kulħadd u r-rieda politika biex naslu. Filwaqt li oħrajn jinħbew, l-Ewropa issa trid timxi ’l quddiem, ittejjeb il-kompetittività tagħha, tinvesti fit-tkabbir sostenibbli u twitti t-triq għall-bqija tad-dinja.

Mhuwiex biżżejjed li jkollna viżjoni iżda jeħtiġilna wkoll naqblu fuq mod konkret dwar kif se naslu fid-destinazzjoni tagħna. Dan id-Dokument ta’ Riflessjoni huwa l-kontribut tagħna għal dan id-dibattitu.

Ma konniex inkunu kapaċi niffinalizzawh mingħajr il-kontribut imprezzabbli tal-partijiet ikkonċernati Ewropej. Is-soċjetà ċivili, is-settur privat u l-akkademja huma parti minn dan id-dibattitu. Il-Pjattaforma ta’ Livell Għoli ta’ Bosta Partijiet dwar l-SDGs, li nħolqot mill-Kummissjoni Ewropea fl-2017, kienet eżerċizzju pożittiv ferm għat-tlaqqigħ ta’ ideat trażversali.

Il-kwistjonijiet li jitqajmu f’dan id-dokument huma maħsuba li jinformaw id-dibattitu fost iċ-ċittadini, il-partijiet ikkonċernati, il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet fix-xhur li ġejjin, bil-għan li jnebbħu d-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-Ewropa, it-tħejjija tal-Aġenda Strateġika tal-Unjoni Ewropea 2019-2024, u l-prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea li jmiss.

1Żvilupp sostenibbli li jtejjeb l-għajxien tan-nies: Il-vantaġġi kompetittivi tal-Ewropa

F’Settembru tal-2015, fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bosta pajjiżi madwar id-dinja kkommettew ruħhom favur l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti) u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), u qablu dwar “azzjoni konkreta għan-nies u għad-dinja” 1 . Il-mexxejja tad-dinja kkommettew ruħhom li jtemmu l-faqar, iħarsu d-dinja u jiżguraw li l-popli kollha jgawdu l-paċi u l-prosperità. L-SDGs, flimkien mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, huma l-pjan direzzjonali għal dinja aħjar u għall-qafas globali għal kooperazzjoni internazzjonali dwar l-iżvilupp sostenibbli u d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali, ambjentali u ta’ governanza tiegħu. L-UE kienet minn ta’ quddiem nett fl-appoġġ tagħha għall-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u fl-aħħar ikkommettiet ruħha li timplimentahom.

L-iżvilupp sostenibbli l-iżvilupp li jaqdi l-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet ta’ issa mingħajr ma jikkomprometti l-kapaċità tal-ġenerazzjonijiet ġejjiena li jaqdu ħtiġijiethom jinsab fil-qalba tal-proġett Ewropew. L-integrazzjoni Ewropea u l-politiki tal-UE għenuna negħlbu l-faqar u l-ġuħ ta’ wara l-gwerra, u ħolqu spazju ta’ libertà u demokrazija fejn iċ-ċittadini Ewropej setgħu jilħqu livelli ta’ prosperità u benesseri mingħajr preċedent.

L-UE ħabirket mingħajr heda għal soċjetajiet inklużivi mibnija fuq id-demokrazija u l-istat tad-dritt, kif inhu rifless fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. 2 L-istandards soċjali u tas-saħħa tal-UE huma fost l-aktar ambizzjużi fid-dinja u l-Ewropa hija kontinent bl-itwal stennija tal-għomor. L-ekonomija soċjali tas-suq tagħna ġġenerat il-prosperità u pprovdiet is-sigurtà grazzi għal sistemi ta’ protezzjoni soċjali b’saħħithom. L-investimenti konsiderevoli li saru fir-riċerka u fl-innovazzjoni xprunaw teknoloġiji u mudelli tal-produzzjoni ġodda li ppermettew użu ta’ riżorsi aktar sostenibbli u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali. Baġits b’saħħithom u ekonomiji moderni huma essenzjali; il-progress li sar għal politiki fiskali u riforma strutturali tajbin naqqsu l-livelli tad-dejn u stimulaw il-ħolqien tax-xogħol. Fit-tielet tliet xhur tal-2018 ir-rata ta’ impjieg tal-persuni bejn l-20 u l-64 sena telgħet għal 73.5 %, l-ogħla livell li qatt intlaħaq fl-UE. Dan ħalla impatt pożittiv fuq il-produttività u t-tkabbir fl-Ewropa. Għalkemm għad fadal diskrepanzi ekonomiċi, soċjali u territorjali bejn l-Istati Membri u bejn ir-reġjuni differenti, 3 il-politika ta’ koeżjoni tal-UE għenitna nikbru u nnaqqsu dawn id-diskrepanzi madwar il-kontinent (konverġenza ’l fuq). Barra minn hekk, l-UE stabbilixxiet uħud mill-ogħla standards soċjali u ambjentali, daħħlet fis-seħħ uħud mill-aktar politiki ambizzjużi għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u saret promotur tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-Istati Membri tal-UE kisbu progress notevoli f’bosta oqsma tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u b’riżultat ta’ dan l-UE hija waħda mill-aħjar postijiet fid-dinja biex tgħix fihom, jekk mhux l-aħjar.

L-Unjoni Ewropea hija wieħed mill-aħjar postijiet biex tgħix fihom

üDisa’ Stati Membri tal-EU-27 jikklassiffikaw fost l-aktar 20 pajjiż ferħan fid-dinja, bil-Finlandja fl-ewwel post. 4

üIs-sodisfazzjon ġenerali bil-ħajja fl-UE, li huwa kkalukulat fuq il-benesseri suġġettiv taċ-ċittadini Ewropej, laħaq is-70 %. 5

üĦdax il-Stat Membru tal-EU-27 jinsabu fl-ewwel 20 post tal-Indiċi dinji tal-Progress taż-Żgħażagħ 6 mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ. L-Indiċi tal-Progress taż-Żgħażagħ huwa wieħed mill-ewwel strumenti li ġew żviluppati li jagħti stampa sħiħa dwar il-ħajja ta’ persuna żagħżugħa llum, indipendentement mill-indikaturi ekonomiċi.