27.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/139


RIŻOLUZZJONI (UE) 2019/2227 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-23 ta’ Ottubru 2019

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0011/2019),

A.

billi l-istituzzjonijiet deċentralizzati kollha tal-Unjoni għandhom ikunu trasparenti u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom bħala korpi tal-Unjoni;

B.

billi r-rwol tal-Parlament fir-rigward tal-kwittanza baġitarja huwa speċifikat fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fir-Regolament Finanzjarju u fir-Regolament Finanzjarju Strutturali;

1.

Jenfasizza l-importanza ta’ aġir responsabbli u trasparenti fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni;

2.

Ifakkar fir-rwol tal-Parlament fil-proċedura ta’ kwittanza, kif regolata mit-TFUE, mir-Regolament Finanzjarju u mir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu;

Bażi għal opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena finanzjarja 2017

3.

Ifakkar li, skont ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), l-istanzi materjali u sistematiċi ta’ nonkonformità tal-pagamenti mar-Regolament Finanzjarju tal-EASO u ma’ regoli u dispożizzjonijiet applikabbli oħra huma prinċipalment relatati mal-proċeduri ta’ reklutaġġ u akkwist pubbliku li fuqhom huma bbażati l-pagamenti; jiddispjaċih, barra minn hekk, li n-natura sistematika tan-nonkonformità turi sistema ta’ kontroll intern inadegwata; jiddispjaċih ħafna li s-somma kkombinata ta’ żbalji li jirriżultaw minn pagamenti irregolari tammonta għal mill-inqas EUR 7,7 miljun jew 10,3 % tal-pagamenti totali magħmula mill-Uffiċċju fl-2017;

L-eżitu tal-investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)

4.

Jiddeplora l-irregolaritajiet li sab l-OLAF b’rabta ma’ ksur fil-proċeduri ta’ akkwist, miżapproprjazzjoni tal-fondi tal-Unjoni, amministrazzjoni ħażina, abbuż tal-poter fi kwistjonijiet relatati mar-riżorsi umani, ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, fastidju u mġiba mhux xierqa fil-konfront tal-membri tal-persunal fl-2017; itenni l-appell tiegħu biex l-Uffiċċju jinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar is-segwitu tal-miżuri proposti mill-OLAF; jifhem it-talba tal-Uffiċċju li jirrapporta f’aktar dettall fil-post opportun minħabba kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità u protezzjoni tad-data;

5.

Jilqa’ d-deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2018 tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Uffiċċju li jneħħi lid-Direttur Eżekuttiv mill-kariga tiegħu b’effett immedjat; jenfasizza, madankollu, li l-baġit għas-sena finanzjarja 2017 ġie implimentat taħt is-superviżjoni tal-amministrazzjoni preċedenti tal-Uffiċċju; jenfasizza li dan ir-rapport jirrigwarda l-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja 2017; jilqa’ l-ħatra ta’ Direttur Eżekuttiv ad interim fis-6 ta’ Ġunju 2018 u l-ħatra ta’ Direttur Eżekuttiv ġdid fis-16 ta’ Ġunju 2019; jirrikonoxxi l-impenn tad-Direttur Eżekuttiv il-ġdid li jwettaq riformi sinifikanti li jiżguraw governanza soda; japprezza l-messaġġ pożittiv li esprima d-Direttur Eżekuttiv il-ġdid fis-seduta ta’ smigħ pubbliku tal-4 ta’ Settembru 2019, kif ukoll l-intenzjoni tal-Uffiċċju li jikkoopera mill-qrib fil-futur;

Segwitu għall-kwittanza tal-2016 u għar-rapport tal-ewwel kwittanza tal-2017

6.

Ifakkar fid-deċiżjoni motivata tal-24 ta’ Ottubru 2018 (1) li fiha l-Parlament Ewropew irrifjuta li jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju għas-sena finanzjarja 2016; ifakkar li, fis-26 ta’ Marzu 2019, il-Parlament iddeċieda li jipposponi d-deċiżjoni dwar il-kwittanza tal-Uffiċċju għall-2017;

7.

Jilqa’ r-rapport ta’ segwitu min-naħa tal-Uffiċċju dwar l-osservazzjonijiet tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2017, partikolarment il-miżuri korrettivi meħuda mill-Bord ta’ Tmexxija tal-Uffiċċju, id-Direttur Eżekuttiv ad interim u d-Direttur Eżekuttiv il-ġdid sabiex isir titjib fl-istruttura ta’ governanza u l-effiċjenza tal-Uffiċċju, tinġieb lura t-trasparenza u tissaħħaħ il-fiduċja; jappoġġja u japprezza l-miżuri mħabbra fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Governanza tal-EASO għall-2019; iħeġġeġ lill-Uffiċċju jinforma regolarment u pubblikament lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni;

8.

Jirrikonoxxi l-isforzi u japprezza l-progress li sar fl-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll intern, li jinkludu kontrolli fuq l-operazzjonijiet relatati mal-akkwist u mal-infiq; jappoġġja d-deċiżjoni li, bil-ħolqien ta’ servizz legali intern, l-esternalizzazzjoni tal-konsulenza legali tonqos u ma ddumx ma tispiċċa; jappoġġja l-osservazzjonijiet tal-Qorti dwar il-bżonn ta’ aktar azzjonijiet korrettivi;

9.

Jinnota b’sodisfazzjon l-implimentazzjoni ta’ żewġ terzi tal-azzjonijiet korrettivi tal-Uffiċċju f’dak li għandu x’jaqsam mal-proċeduri ta’ akkwist, b’mod partikolari rigward il-pagamenti fi proċessi ta’ akkwist irregolari, kif ukoll it-tlestija ta’ proċeduri miftuħa ġodda, li ġew awditjati mill-Qorti mingħajr ma tqajjem ebda kumment;

10.

Jilqa’ l-pjan ta’ reklutaġġ ambizzjuż li ġie implimentat u l-impatt pożittiv tiegħu fuq il-mili ta’ pożizzjonijiet maniġerjali u pożizzjonijiet vakanti oħrajn; jinnota b’sodisfazzjon l-implimentazzjoni ta’ miżuri ġodda li huma mmirati lejn il-prevenzjoni tal-fastidju, iż-żieda fil-benessri tal-persunal u t-tnaqqis fit-tibdil kontinwu tal-ħaddiema; iħeġġeġ lill-Uffiċċju jfittex jiffinalizza r-reklutaġġ – f’konformità sħiħa mal-proċeduri legali rilevanti – u jipprovdi segwitu regolari dwar ir-riżultati miksuba;

11.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-maġġoranza tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija ppubblikaw id-dikjarazzjonijiet ta’ interess u is-CVs tagħhom fis-sit web tal-Uffiċċju; jitlob li l-membri li għadhom ma ppubblikawx is-CVs tagħhom jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli; jilqa’ l-impenn tat-tmexxija l-ġdida li tqajjem kuxjenza, tipprevjeni, tidentifika u tindirizza kwalunkwe sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess li jista’ jkun hemm; jistieden lill-Uffiċċju biex, f’dan is-sens, fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Governanza li jmiss, jiżviluppa u jimplimenta strateġija komprensiva li tispjega dan l-impenn, u jinforma lill-awtorità tal-kwittanza bir-riżultati li jinkisbu;

12.

Jinnota b’sodisfazzjon il-miżuri maħsuba mit-tmexxija l-ġdida tal-Uffiċċju biex l-informaturi jingħataw kuraġġ u protezzjoni; ifakkar li ambjent sikur għall-informaturi huwa element kruċjali għall-prevenzjoni, il-kxif u l-indirizzar ta’ prattiki irregolari u illegali; jistenna l-adozzjoni rapida ta’ regoli u linji gwida interni fir-rigward ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta u "revolving doors" u jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta aktar fid-dettall dwar ir-riżultati miksuba;

13.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2019 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)  ĠU L 331, 28.12.2018, p. 213.

(2)  ĠU L 249, 27.9.2019, p. 361.