21.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 23/573


P8_TA(2019)0193

Estensjoni tal-perjodu taż-żmien tal-użu tranżizzjonali ta' mezzi oħrajn minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-dejta previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 biex jittawwal il-perjodu taż-żmien tal-użu tranżizzjonali ta' mezzi oħrajn minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-dejta previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (COM(2018)0085 – C8-0097/2018 – 2018/0040(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2021/C 23/77)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0085),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 33 u 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0097/2018),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-14 ta' Frar 2019 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0342/2018),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Japprova d-dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament u mill-Kunsill annessa ma' din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje L tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-att leġiżlattiv finali;

3.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje L tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-att leġiżlattiv finali;

4.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

P8_TC1-COD(2018)0040

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta' Marzu 2019 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019 / … tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 biex jittawwal il-perjodu taż-żmien tal-użu tranżizzjonali ta' mezzi oħrajn minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-dejta previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2019/632.)


ANNESS TAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jilqgħu r-Rapport Speċjali Nru 26/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu “Serje ta' dewmien fis-sistemi tal-IT tad-Dwana: x'mar ħażin?” u rapporti riċenti rilevanti oħra fil-qasam tad-dwana, li taw lill-koleġislaturi ħarsa ġenerali aħjar tal-kawżi għad-dewmien fl-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT meħtieġa għat-titjib tal-operazzjonijiet doganali fl-UE.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iqisu li kwalunkwe awditu futur mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri li jivvaluta r-rapporti mħejjija mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 278a tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jista' jikkontribwixxi b'mod pożittiv biex jiġi evitat aktar dewmien.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jitolbu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu bis-sħiħ dawn l-awditi

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tilqa’ l-ftehim tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-proposta li tittawwal l-iskadenza għall-użu tranżizzjonali ta’ mezzi oħra għajr it-tekniki ta’ pproċessar ta’ data elettronika previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tinnota li kwalunkwe ħidma futura mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri li tivvaluta r-rapporti mħejjija mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 278a tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni tista’ tikkontribwixxi b’mod pożittiv biex jiġi evitat aktar dewmien.

Jekk il-Qorti tal-Awdituri tiddeċiedi li tivvaluta r-rapporti tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni, kif meħtieġ mill-Artikolu 287(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, se tikkollabora b’mod sħiħ mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u tieħu kont sħiħ ta’ dawn is-sejbiet.