11.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 47/58


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-bijoekonomija blu”

(opinjoni esploratorja)

(2020/C 47/08)

Relatur: Simo TIAINEN

Korelatur: Henri MALOSSE

Konsultazzjoni

Presidenza Finlandiża tal-UE, 7.2.2019

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Bureau

19.2.2019

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

1.10.2019

Adottata fil-plenarja

30.10.2019

Sessjoni plenarja Nru

547

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

151/1/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-bijoekonomija blu tfisser attivitajiet ekonomiċi u ħolqien ta’ valur ibbażati fuq użu sostenibbli u intelliġenti ta’ riżorsi akkwatiċi rinnovabbli u l-għarfien espert relatat. Hemm ammont kbir ta’ għarfien, għarfien espert u tradizzjoni tal-bniedem marbutin mal-ilma, ir-riżorsi akkwatiċi u l-bijoekonomija blu fl-Ewropa. Madankollu, fir-rigward tal-potenzjal u l-opportunitajiet tagħha, l-attivitajiet tan-negozju relatati mal-bijoekonomija blu għadhom pjuttost limitati fl-Ewropa. Hemm diversi ostakli li jridu jiġu indirizzati.

1.2.

Il-potenzjal sħiħ tal-bijoekonomija blu fl-UE għandu jiġi identifikat u l-prijoritajiet tar-riċerka għandhom jiġu definiti biex jittejjeb it-tkabbir sostenibbli ta’ din l-ekonomija. B’mod partikolari, huwa neċessarju li jiġi żviluppat fehim aħjar tal-applikabbiltà tal-materja prima akkwatika fi proċessi li jżidu l-valur. It-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli jirrikjedi finanzjament immirat għar-riċerka biex tingħata spinta lill-innovazzjoni, lill-iżvilupp multidixxiplinari, lill-intraprenditorija u lill-impjiegi ġodda ta’ kwalità għolja. It-tkabbir sostenibbli jitlob ukoll kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bħala ambjent operattiv, kif ukoll kollaborazzjoni wiesgħa u ħolqien ta’ sħubijiet ġodda bejn l-industrija, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-awtoritajiet pubbliċi u t-tielet settur.

1.3.

L-istatus tal-ilmijiet u tal-ekosistemi akkwatiċi mhuwiex adegwat f’bosta żoni tal-UE. Madankollu, kwalità tajba tal-ilma u ambjent akkwatiku san huma l-bażi għall-bijoekonomija blu. Hemm il-ħtieġa li jiġi ppreservat u rrestawrat l-istatus tajjeb u l-bijodiversità tal-oċeani, l-ibħra, il-lagi u x-xmajjar. Dan jirrikjedi sforz kbir mill-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-UE, l-istituzzjonijiet nazzjonali u reġjonali, l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka, il-professjonisti kollha involuti (pereżempju s-settur tas-sajd u dak tat-turiżmu) kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dawn l-isforzi għandhom jinkludu riċerka adegwata, taħriġ u trasferiment tal-għarfien espert.

1.4.

Hemm bżonn ta’ aktar investimenti fil-ġestjoni tal-ambjenti akkwatiċi u l-faċilitajiet tas-sanità biex jiġi żgurat l-aċċess għal, u l-użu sostenibbli ta’, ilma nadif u sanità adegwata għal kulħadd. Jinħtieġu soluzzjonijiet kompetittivi biex jitneħħa l-iskart mill-ilma u biex jiġu żviluppati teknoloġiji għall-iffrankar u r-riċiklar tal-ilma. Jinħtieġu soluzzjonijiet kosteffettivi ġodda biex jitnaqqsu l-kwantitajiet ta’ nutrijenti li qed jispiċċaw fl-ilmijiet naturali, u biex jiġu restawrati l-ħabitats kritiċi u l-korpi tal-ilma li nbidlu.

1.5.

Il-KESE jitlob li l-UE u atturi oħra fi ħdan il-bijoekonomija blu jieħdu azzjoni urġenti biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu. B’mod partikolari, l-adattament urġenti tas-sajd u l-akkwakultura għat-tibdil fil-klima huwa kritiku hekk kif il-kundizzjonijiet jinbidlu b’mod drammatiku u dan għandu impatt ewlieni fuq dawn il-modi tal-għajxien importanti. Is-sajd, l-akkwakultura u l-algakultura huma kruċjali biex tiżdied il-produzzjoni sostenibbli tal-ikel akkwatiku fl-UE. L-iżvilupp ta’ sistemi tal-ikel akkwatiċi reżistenti għat-tibdil fil-klima jirrikjedi aktar riċerka u innovazzjoni qabel l-implimentazzjoni b’suċċess. Il-bijomassa algali hija riżorsa akkwatika potenzjalment importanti li tista’ tintuża bħala materja prima għal firxa wiesgħa ta’ użi.

1.6.

Jinħtieġu sforzi konġunti bejn l-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka, l-NGOs u s-settur tas-sajd biex jiġu żviluppati prodotti ġodda ta’ valur miżjud minn prodotti sekondarji tal-ħut u materjali ta’ skart. Strumenti ta’ finanzjament ġodda huma meħtieġa biex jippromovu l-innovazzjonijiet u s-servizzi teknoloġiċi. Hemm bżonn ta’ kollaborazzjoni bejn il-fruntieri settorjali u proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet aħjar. Ir-restawr tal-bijodiversità tal-ibħra, il-lagi u x-xmajjar se jiftaħ opportunitajiet ġodda għan-negozju, prinċipalment in-negozji tal-familja u n-negozji żgħar fis-swieq lokali. Barra minn hekk, il-promozzjoni ta’ mudelli ta’ negozju ġodda għat-turiżmu tal-baħar u l-użu rikreattiv tar-riżorsi akkwatiċi joffru opportunitajiet ġodda ta’ negozju sostenibbli għar-reġjuni mbiegħda.

1.7.

Il-prijoritajiet għall-miżuri ta’ żvilupp fuq l-aġenda tal-bijoekonomija blu jinkludu (i) ilma nadif u sanità, (ii) ambjent akkwatiku san, divers u sikur, (iii) produzzjoni tal-ikel akkwatika sostenibbli, (iv) prodotti mhux tal-ikel ta’ valur għoli, (v) adattament għat-tibdil fil-klima, (vi) saħħa u benesseri blu, u (vii) koordinazzjoni aħjar fil-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali relatati mar-riżorsi akkwatiċi. Billi tinvesti f’dan l-iżvilupp, l-Ewropa tista’ ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala attur ewlieni fl-ekonomija ċirkolari.

1.8.

L-Unjoni Ewropea qiegħda tintalab tippromovi s-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ li jinkorporaw ir-riċerka, il-valorizzazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien tal-komunitajiet f’żoni kostali u dawk qrib l-ilmijiet interni, u b’hekk ikun hemm ġestjoni rispettuża tal-ambjent u jinħolqu netwerks Ewropej ta’ taħriġ f’dan il-qasam. Għall-agrikoltura, l-UE għandha wkoll tindirizza l-kwistjoni tal-iskarsezza tal-ilma.

1.9.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-bijoekonomija blu ssir waħda mill-oqsma ewlenin tal-politiki tal-UE u fil-politiki ta’ kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi ġirien, kif ukoll fil-qafas tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-Għanijiet tal-COP 21 tal-Ftehim ta’ Pariġi. F’dan ir-rigward, il-KESE jipproponi li l-Kunsill tal-UE u l-Parlament Ewropew jitolbu lill-Kummissjoni tniedi diversi azzjonijiet pilota fiż-żoni differenti tal-baħar u tal-akkwakultura tal-UE, filwaqt li tingħata attenzjoni biex jintagħżlu dawk li jirrappreżentaw id-diversità kbira tas-sitwazzjonijiet eżistenti fl-UE, il-grad sa fejn huma affettwati mir-riskju ta’ kollass u l-potenzjal ta’ żvilupp tal-bijoekonomija blu. Għandu jiġi stabbilit kumitat ta’ ġestjoni li jinkludi lill-Istati Membri, ir-reġjuni u l-partijiet interessati, bil-parteċipazzjoni tal-KESE, sabiex jiġu organizzati skambji ta’ prattiki u jiġi żgurat li l-proġetti pilota ta’ suċċess jiġu żviluppati fuq skala akbar.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-bijoekonomija blu tfisser attivitajiet ekonomiċi u ħolqien ta’ valur ibbażati fuq użu sostenibbli u intelliġenti ta’ riżorsi akkwatiċi rinnovabbli u l-għarfien espert relatat. In-negozji u l-attivitajiet li jkabbru l-materja prima għal dawn il-prodotti, jew jiġbdu, jirfinaw, jipproċessaw u jittrasformaw il-komposti bijoloġiċi, kollha jiffurmaw parti mill-bijoekonomija blu.

2.2.

L-importanza, il-karatteristiċi u l-opportunitajiet tal-bijoekonomija blu fl-Istati Membri differenti jvarjaw ħafna skont il-kundizzjonijiet ġeografiċi, u dan irid jiġi indirizzat. Ħafna mill-Istati Membri għandhom aċċess dirett għall-oċean jew l-ibħra. L-ilmijiet kostali huma importanti ħafna għal ħafna Stati Membri. Barra minn hekk, il-lagi u x-xmajjar għandhom rwol kruċjali fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi.

2.3.

F’Mejju 2019, il-KESE adotta Opinjoni (1) dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li taġġorna l-istrateġija tal-bijoekonomija tal-2012. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Opinjoni huma rilevanti mill-aspett tal-bijoekonomija blu. Din l-Opinjoni tiddeskrivi l-possibbiltajiet u l-potenzjal tal-bijoekonomija blu f’aktar dettall. Il-bijoekonomija blu hija marbuta mill-qrib mal-kunċett tal-ekonomija ċirkolari.

2.4.

L-ilma nadif u r-riżorsi akkwatiċi rinnovabbli jirrappreżentaw opportunitajiet sinifikanti ta’ negozju sostenibbli u jistgħu joffru soluzzjonijiet ewlenin għal ħafna mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli globali (SDG2, SDG3, SDG6, SDG7, SDG8 u SDG14). Permezz ta’ din l-Opinjoni esploratorja, il-KESE għandu l-għan li jwieġeb għall-mistoqsija mqajma mill-presidenza Finlandiża tal-Kunsill tal-UE dwar kif l-UE tista’ tagħti spinta lill-iżvilupp tal-bijoekonomija blu u dwar liema miżuri għandhom jingħataw prijorità.

3.   Ġenerali

3.1.

Il-bijoekonomija blu tista’ toffri diversi benefiċċji f’każ biss li l-ambjent akkwatiku jkun san u produttiv. It-theddid għall-bijodiversità flimkien mat-tibdil fil-klima joħolqu riskju għoli għall-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-organiżmi akkwatiċi, kif muri mir-rapport IPBES (Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi) ta’ Mejju 2019. L-isfruttament żejjed, it-tniġġis, l-iżvilupp tal-kosta, it-turiżmu fl-eqqel taż-żminijiet u t-trasport kollha jikkostitwixxu theddid serju, speċjalment f’dawk iż-żoni tal-Unjoni Ewropea l-aktar milquta (b’mod partikolari l-Mediterran) minn dawn il-fatturi ta’ stress. Jinħtieġu soluzzjonijiet adattati għall-ambjenti u r-reġjuni differenti.

3.2.

Id-domanda għall-bijomassa se tiżdied fil-futur u l-UE trid tindirizza din l-isfida. Tranżizzjoni bbażata fuq il-bijomassa lejn ekonomija newtrali fir-rigward tal-gass b’effett ta’ serra se tkun limitata mid-disponibbiltà tal-art. Għalhekk se jkun importanti li tittejjeb il-produttività tar-riżorsi akkwatiċi biex tinqabad il-firxa sħiħa ta’ opportunitajiet tal-bijoekonomija. Dan jinkludi pereżempju l-produzzjoni u l-użu tal-alga, u sorsi ġodda ta’ proteini oħra li għandhom il-potenzjal li jtaffu l-pressjoni fuq l-art agrikola.

3.3.

Il-bijoekonomija blu għandha potenzjal dejjem jiżdied biex ittejjeb is-sigurtà tal-ikel u tipprovdi ikel san u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, ikel ġdid u addittivi ġodda tal-ikel, għalf tal-annimali, nutraċewtiċi, farmaċewtiċi, kożmetiċi, materjali ġodda, ilma nadif, enerġija mhux fossili, riċiklaġġ tan-nutrijenti u ħafna aktar benefiċċji. It-tkabbir tal-bijoekonomija blu jiddependi fuq li jiġi żgurat li l-ilmijiet u l-ekosistemi akkwatiċi jkollhom status tajjeb, sajd u sistemi ta’ produzzjoni akkwatika reżiljenti, kollaborazzjoni sistemika effettiva bejn il-fruntieri settorjali, innovazzjonijiet teknoloġiċi, strumenti ġodda ta’ finanzjament u servizzi mtejba kif ukoll mudelli ta’ negozju sostenibbli.

3.4.

Huwa essenzjali li tiġi enfasizzata l-importanza tal-fatturi kulturali fl-implimentazzjoni ta’ bijoekonomija blu. L-għarfien espert tal-popolazzjonijiet umani taż-żoni kostali u taż-żoni qrib l-ilma intern jirrappreżenta vantaġġ eċċezzjonali għall-Ewropa sakemm jiġi identifikat, ippreservat u mgħoddi lil ġenerazzjonijiet ġodda. Għalhekk, kwalunkwe azzjoni li tittieħed fil-bijoekonomija blu għandha tinkorpora d-dimensjoni kulturali u umana u tiżgura li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jiġu involuti, speċjalment ir-rappreżentanti lokali, il-professjonisti u s-soċjetà ċivili.

4.   Il-bijoekonomija blu u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli

4.1.

L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU huma marbuta mill-qrib mal-ambjenti tal-ilma u dak akkwatiku. Dawn l-Għanijiet jindirizzaw l-isfidi globali ewlenin li qed inħabbtu wiċċna magħhom u jenfasizzaw kif għandna nilħqu futur aktar sostenibbli b’referenza għal kwistjonijiet fundamentali bħas-sigurtà tal-ikel, it-tibdil fil-klima u l-prevenzjoni tad-degradazzjoni ambjentali. L-Għanijiet huma interkonnessi ħafna u huma kkunsidrati f’dan id-dokument mill-perspettiva ta’ opportunitajiet ta’ negozju sostenibbli bbażati fuq l-ilma u r-riżorsi naturali akkwatiċi. Hemm rabta qawwija bejn l-ilma, l-enerġija u l-ikel b’mod partikolari.

Ilma nadif u sanità

4.2.

L-Għan 6 (Ilma nadif u sanità) għandu l-objettiv li jiżgura l-aċċess għal, u l-użu sostenibbli ta’, ilma nadif u s-sanità xierqa għal kulħadd. Fuq livell globali, aktar minn biljun persuna għad m’għandhomx aċċess għal ilma ħelu ta’ kwalità adegwata u aktar minn 2 biljun persuna qed jgħixu bir-riskju ta’ aċċess imnaqqas għal riżorsi tal-ilma ħelu. Il-ħtieġa globali għall-ilma ħelu hija mistennija li tiżdied b’mod sinifikanti sal-2030. Il-KESE indirizza s-suġġett tal-ilma tax-xorb f’opinjoni fl-2018 (2).

4.3.

Għalkemm dan l-aħħar sar progress fl-UE u f’reġjuni oħra, jeħtieġ li jkun hemm aktar investiment fil-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma ħelu u l-faċilitajiet tas-sanità. L-objettiv ewlieni huwa li jinstabu soluzzjonijiet kompetittivi biex jitneħħa l-iskart mill-ilma u jiġu żviluppati teknoloġiji biex ma jinħeliex l-ilma u biex jiġi riċiklat biex jitnaqqas l-iskart tal-ilma. Hemm potenzjal ewlieni f’soluzzjonijiet u teknoloġiji biex ma jinħeliex l-ilma u biex jiġi riċiklat, u fil-ġestjoni intelliġenti tar-riżorsi u l-provvista tal-ilma. Hemm kunċetti ġodda dwar is-sanità tal-ilma u teknoloġiji ġodda biex jitneħħew ir-residwi tad-drogi u l-ormoni kif ukoll il-mikroplastiċi mill-ilma mormi. Hemm ukoll innovazzjonijiet promettenti biex l-ilma baħar jinbidel f’ilma tax-xorb permezz ta’ enerġija rinnovabbli.

4.4.

Kwalità tajba tal-ilma hija l-bażi għall-bijoekonomija blu. Il-ġestjoni tajba tar-riżorsi tal-ilma hija parti essenzjali mis-soluzzjoni għal kważi kull problema ewlenija fid-dinja, bħall-konsum żejjed ta’ riżorsi akkwatiċi u l-ħtieġa ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. Il-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-ilma tirrikjedi għanijiet ċari, informazzjoni aġġornata, ippjanar u ġestjoni. Dan jinkludi soluzzjonijiet diġitali għas-servizzi tal-ilma u l-monitoraġġ, u soluzzjonijiet teknoloġiċi versatili ġodda għat-trattament tal-ilma mormi (teknoloġija tal-membrana) u mentalità bbażata fuq l-interkonnessjoni u mhux fuq il-kompartimentalizzazzjoni.

4.5.

L-UE għandha l-potenzjal li ssir attur globali ewlieni fis-settur tal-ilma bħala fornitur ta’ teknoloġiji u servizzi relatati mal-ilma. Id-diġitalizzazzjoni toffri opportunità ġdida għan-negozji fis-settur tal-ilma, u tista’ żżid b’mod sinifikanti l-effiċjenza tal-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, kif ukoll tal-kunċetti tal-produzzjoni u s-servizz. Soluzzjonijiet diġitali jistgħu jintużaw biex jipproduċu servizzi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-klijenti issa u fil-futur. L-UE tista’ toffri soluzzjonijiet kompetittivi u sostenibbli f’dan il-qasam lid-dinja kollha.

Ambjent akkwatiku san, divers u sigur

4.6.

L-oċeani, l-ibħra u l-ilmijiet interni jservu bħala l-ikbar sors sostenibbli ta’ proteina fid-dinja, b’aktar minn 3 biljun ruħ dipendenti b’mod globali fuq il-bijodiversità tal-baħar u tal-kosta għall-għajxien tagħhom. L-oċeani, l-ibħra u l-ilmijiet interni tagħna qed jiġu degradati malajr mill-attivitajiet tal-bniedem. B’mod partikolari, l-ilmijiet kostali u interni qegħdin jiddeterjoraw minħabba t-tniġġis u l-ewtrofikazzjoni, u t-telfien tal-ħabitats huwa allarmanti. Dawn il-bidliet kollha għandhom effett devastanti fuq il-funzjonament tal-ekosistemi akkwatiċi u l-bijodiversità, u b’hekk fuq il-produzzjoni potenzjali tal-ikel. Ġestjoni bir-reqqa ta’ din ir-riżorsa globali essenzjali hija fattur ewlieni ta’ futur sostenibbli.

4.7.

L-Għan 14 (Il-ħajja taħt l-ilma) għandu l-għan li jikkonserva l-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi akkwatiċi, u jippromovi l-użu sostenibbli tagħhom. Huma meħtieġa bosta miżuri biex tittejjeb is-sitwazzjoni, inkluż tnaqqis sinifikanti fit-tniġġis akkwatiku ta’ kull tip u l-immaniġġjar tal-attivitajiet umani kollha b’mod aktar effettiv. Hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet ġodda biex jitnaqqsu l-kwantitajiet ta’ nutrijenti li qed jispiċċaw fl-ilmijiet naturali. Għandhom jiġu żviluppati u ttestjati mezzi u metodi ekonomikament effiċjenti biex tittejjeb il-kapaċità tal-ħamrija li taqbad u tgħaqqad in-nutrijenti flimkien. L-ewtrofikazzjoni tista’ wkoll titnaqqas billi jiżdied l-użu ta’ speċi ta’ ħut b’nuqqas ta’ konsum kif ukoll il-produzzjoni u l-ħsad tal-alga (minħabba li n-nutrijenti jitneħħew bil-qabdiet). Huma meħtieġa soluzzjonijiet ġodda biex titnaqqas l-ewtrofikazzjoni u jiġu rrestawrati x-xmajjar, il-lagi u qiegħ il-baħar.

4.8.

Ambjenti akkwatiċi sani jistgħu jipprovdu numru sinifikanti ta’ impjiegi ġodda ta’ kwalità għolja. Stokkijiet sani ta’ ħut u ilmijiet nodfa huma l-bażi ta’ sajd sostenibbli u użu tal-ilma rikreattiv, u jagħtu opportunitajiet ġodda għall-bijoekonomija blu. Qed isiru sforzi ta’ restawr ta’ xmajjar u ilma ħelu mad-dinja kollha biex jiġu rrestawrati l-ħabitats degradati, il-proċessi tal-ekosistema, l-istokkijiet tal-ħut migranti, il-komunitajiet bijotiċi u s-servizzi li jipprovdu. Ir-restawr tal-istokkijiet migranti se jġib għajxien potenzjali ġdid f’żoni b’popolazzjoni baxxa, u jipprovdi impjiegi għal persuni taħt mudell ta’ negozju tal-familja b’aċċess għas-swieq lokali.

Produzzjoni ta’ ikel akkwatiku sostenibbli

4.9.

Id-domanda globali għall-ikel hija mistennija li tiżdied b’mod sinifikanti. L-Għan 2 (L-eradikazzjoni tal-ġuħ) jimmira li jtemm il-ġuħ, jikseb is-sigurtà tal-ikel, itejjeb in-nutrizzjoni u jippromovi produzzjoni primarja sostenibbli sal-2030.

4.10.

Is-sajd u l-akkwakultura jipprovdu ikel nutrittiv u jiġġeneraw dħul finanzjarju tant meħtieġ, filwaqt li jappoġġjaw l-iżvilupp rurali u potenzjalment jipproteġu wkoll l-ambjent. Bħalissa, il-ħut jirrappreżenta madwar 17 % tal-provvista globali tal-proteini tal-annimali u 6,5 % tal-proteini kollha għall-konsum mill-bniedem. Għal mijiet ta’ miljuni ta’ nies, il-ħut huwa s-sors ewlieni ta’ proteina u nutrijenti essenzjali. Ħafna stokkijiet tal-ħut għadhom qed jiġu sfruttati żżejjed u jirrikjedu ġestjoni aħjar. Sussidji kbar għadhom iżommu b’mod stabbli l-kapaċità żejda tal-flotot tas-sajd f’ħafna partijiet tad-dinja. L-oċeani, l-ibħra u l-ilmijiet interni għandhom jintużaw b’mod aktar sostenibbli minn dak li hu l-każ bħalissa. L-investiment fl-akkwakultura, is-sajd u l-ipproċessar tal-ħut, u fl-iżvilupp ta’ prodotti ġodda mill-iskart u mill-flussi sekondarji, huwa kruċjali biex tiżdied il-produzzjoni sostenibbli tal-ikel u biex tinżamm is-sigurtà tal-ikel. B’mod partikolari, l-UE għandha bilanċ kummerċjali negattiv sostanzjali fir-rigward tal-ħut u l-prodotti tas-sajd; madwar 60 % tal-frott tal-baħar li jittiekel fl-UE jiġi importat: dawn l-importazzjonijiet mhux dejjem jaqblu mal-kriterji tal-UE għal produzzjoni sostenibbli u sigurtà tal-ikel.

4.11.

L-akkwakultura għandha potenzjal sinifikanti għal aktar tkabbir. Ammont akbar ta’ bijomassa jista’ jiġi prodott b’mod sostenibbli fl-akkwakultura Ewropea billi jiżdied l-għadd ta’ speċijiet użati fl-akkwakultura, inklużi l-ispeċitajiet marini fil-livell trofiku inferjuri (eż. l-alga u l-molluski). Madankollu, l-iżvilupp tal-akkwakultura għandu ħafna ostakli. L-ewwel nett, il-produzzjoni dejjem tikber tal-akkwakultura tirrikjedi sorsi addizzjonali ta’ għalf. Il-qabdiet ta’ ħut ta’ valur baxx fis-sajd tal-qbid fil-futur se jintużaw aktar għall-konsum dirett mill-bniedem u inqas bħala materja prima għall-għalf tal-annimali. Tinħtieġ bijomassa tal-għalf addizzjonali biex l-akkwakultura tikber u din tista’ tiġi minn speċijiet li bħalissa mhumiex wisq użati bħall-krill u organiżmi mesopelagiċi oħra, alga, kif ukoll mill-ipproċessar tal-iskart (flussi sekondarji). It-tieni nett, l-ispazju limitat disponibbli għall-faċilitajiet tal-akkwakultura huwa problema li qed tiżdied li trid tissolva. Is-soluzzjoni għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura hija l-ippjanar tajjeb tal-attivitajiet tal-baħar u tal-ilma ħelu li jqis id-dimensjonijiet ekoloġiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali. It-tielet nett, huma meħtieġa soluzzjonijiet aħjar biex jissolvew il-kwistjonijiet tat-tnixxija ta’ nutrijenti u l-kontroll tal-mard.

4.12.

Regolazzjoni ambjentali stretta f’pajjiżi differenti għandha effett kbir fuq l-ispejjeż u l-kompetittività tal-akkwakultura. Diversi teknoloġiji ġodda qed jiġu żviluppati b’mod intensiv iżda għad fadal numru kbir ta’ inċertezzi ekonomiċi u teknoloġiċi. Sistemi ta’akkwakultura ta’ riċirkolazzjoni joffru bosta benefiċċji bħar-rekwiżit minimu tal-ilma, il-kontroll effettiv tal-effluwenti u l-iskart, ir-rekwiżit ta’ spazju żgħir, u l-kontroll ta’ kundizzjonijiet ta’ produzzjoni. It-teknoloġiji tas-sistemi ta’ akkwakultura ta’ riċirkolazzjoni għandhom potenzjal speċjalment fis-sistemi tal-ilma ħelu. Madankollu, huwa probabbli li sehem dejjem jikber tal-akkwakultura tal-baħar ikollu jseħħ fl-ilmijiet lil hinn mill-kosta. Hemm bżonn ta’ approċċi ġodda għall-immaniġġjar b’diversi użi u integrat, inklużi l-ippjanar spazjali u l-pjani ta’ ġestjoni lokali.

Prodotti akkwatiċi b’valur miżjud u użi mhux tal-ikel

4.13.

L-ipproċessar ta’ ħut u organiżmi akkwatiċi oħra għall-konsum mill-bniedem jiġġenera flussi sekondarji, li ħafna drabi ma jintużawx għal konsum dirett mill-bniedem. Huwa stmat li 30–70 % tal-bijomassa kollha tal-ħut miġbur isir prodott sekondarju ta’ valur baxx jew jinħela kompletament. Dan jinkludi materjal potenzjalment utli u ta’ valur, li potenzjalment jista’ jintuża mill-industrija għal skopijiet marbutin mal-ikel u dawk mhux marbutin mal-ikel. Ingredjenti funzjonali ta’ valur għoli għal prodotti speċjalizzati jistgħu jiġu żviluppati minn dawn il-materjali. Varjetà ta’ organiżmi akkwatiċi tista’ tappoġġja l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda bħan-nutraċewtiċi, il-farmaċewtiċi u l-kożmetiċi. Jistgħu jipprovdu wkoll enżimi, lipidi, bijopolimeri, u bijomaterjali ġodda oħra. L-użu ta’ din il-materja prima b’mod ekoeffiċjenti huwa kruċjali. Hemm pressjoni globali konsiderevoli biex jittejjeb l-użu tal-materjal bijoloġiku kollu u b’hekk jitnaqqas ukoll l-iskart. Il-bijoteknoloġija tal-baħar jista’ jkollha rwol importanti fil-ħolqien ta’ valur miżjud fil-bijoekonomija blu.

4.14.

Il-bijomassa tal-alga qed issir dejjem aktar sinifikanti bħala riżorsa għal varjetà ta’ applikazzjonijiet kummerċjali fil-bijoekonomija blu. L-alga tipprovdi riżorsa effettiva, sostenibbli u għadha fil-biċċa l-kbira mhux sfruttata għal proċessi u prodotti b’bażi bijoloġika. L-alga hija mimlija nutrijenti u għandha ħafna enerġija. Produzzjoni miżjuda ta’ makroalga u mikroalga qed tikseb għarfien mifrux fl-Europa bħala riżorsa li tista’ tintuża bħala materja prima għal firxa wiesgħa ta’ użi. Hemm interess dejjem jikber fil-ħsad, il-kultivazzjoni jew l-ipproċessar tal-alga biex tinħoloq firxa wiesgħa ta’ prodotti ta’ valur għoli, inklużi l-ikel, l-għalf tal-annimali, in-nutraċewtiċi u l-prodotti b’bażi bijoloġika.

Mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima

4.15.

Huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ li t-tibdil fil-klima jolqot firxa ta’ varjabbli ambjentali, inklużi x-xita, it-temperaturi, il-flussi tax-xmajjar, il-proliferazzjoni ta’ algi dannużi u l-aċidifikazzjoni tal-oċeani. L-Għan 13 (L-azzjoni klimatika) jinkoraġġixxi azzjoni urġenti għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu. It-temperaturi li qed jogħlew għandhom impatt fuq l-oċeani, l-ibħra u ilmijiet oħra kif ukoll fuq netwerks nutrittivi, sajd u għajxien. Fl-Ewropa, it-tibdil fil-klima huwa mistenni li jżid il-preċipitazzjoni tax-xitwa u, flimkien maż-żieda fit-temperaturi, ir-riskju ta’ ewtrofikazzjoni u deterjorazzjoni tal-kwalità tal-ilma jiżdied. Dan se jkollu ħafna konsegwenzi negattivi għall-istokkijiet tal-ħut u għal riżorsi akkwatiċi oħra, u b’hekk ukoll fuq is-sajd u modi oħra ta’ produzzjoni. Temperaturi għoljin ixekklu l-ħajja ta’ speċijiet tal-ilma kiesaħ bħas-salmonidi, u jikkontribwixxu għat-tixrid ta’ ħafna speċijiet u mard li jagħmlu l-ħsara. Speċijiet li jibbenefikaw mill-ewtrofikazzjoni qegħdin jiżdiedu. It-temperaturi massimi għolja jippreżentaw sfidi ewlenin għall-farms tal-akkwakultura. Għall-agrikoltura, l-UE għandha wkoll tindirizza l-kwistjoni tal-iskarsezza tal-ilma.

4.16.

Is-sistema futura tal-ikel għandha tkun parti mis-soluzzjoni għat-tibdil fil-klima, mhux parti mill-problema. Essenzjalment, is-sajd u l-akkwakultura huma modi effettivi biex jipproduċu l-proteina mill-perspettiva tal-emissjonijiet tal-klima. Għalhekk, is-sajd sostenibbli u t-trobbija tal-ħut għandhom jiġu promossi. Barra minn hekk, it-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tas-sajd u tal-produzzjoni akkwatika huwa essenzjali. L-attivitajiet tas-sajd għandhom jadattaw għall-kundizzjonijiet mibdula bħall-kundizzjonijiet estremi tat-temp u xtiewi mingħajr silġ. Fl-akkwakultura, mod potenzjali biex tipprepara għat-temperaturi massimi huwa permezz tal-kultivazzjoni lil hinn mix-xatt, li f’xi każijiet tista’ tibbenefika miż-żieda fit-temperatura medja tal-baħar. Sistemi ta’ akkwakultura ta’ riċirkolazzjoni jistgħu jgħinu lill-industrija tal-akkwakultura tadatta ruħha għat-tibdil fil-klima. Programmi tat-trobbija tal-ħut jistgħu jtejbu t-tolleranza tal-ħut ikkultivat għal temperaturi ogħla.

Is-saħħa u l-benesseri blu

4.17.

L-Għan 3 (Saħħa Tajba u Benesseri) għandu l-għan li jiżgura ħajjiet f’saħħithom u jippromovi l-benesseri għal kulħadd ta’ kull età. Hemm potenzjal sinifikanti ta’ tkabbir fil-benesseri u s-servizzi ta’ rikreazzjoni bbażati fuq ambjenti akkwatiċi. Il-promozzjoni ta’ użu rikreattiv sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi toffri opportunitajiet ta’ negozju ġodda għal reġjuni remoti mhux urbani, li se jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda ta’ kwalità għolja. Minħabba l-importanza u l-potenzjal ekonomiku tagħha, il-bijoekonomija blu tikkontribwixxi wkoll għall-Għan 8 (Xogħol diċenti u tkabbir ekonomiku).

5.   Azzjonijiet ta’ prijorità

5.1.

Il-prijoritajiet għall-miżuri ta’ żvilupp fuq l-aġenda tal-bijoekonomija blu huma: (i) ilma nadif u sanità, desalinazzjoni tal-ilma baħar, tnaqqis fit-tniġġis, (ii) ambjent akkwatiku san, divers u sigur, u restawr ta’ ekosistemi u bijodiversità f’ambjenti akkwatiċi, (iii) produzzjoni sostenibbli ta’ ikel akkwatiku, (iv) ħolqien ta’ prodotti mhux tal-ikel ta’ valur għoli, (v) adattament għat-tibdil fil-klima, (vi) saħħa u benesseri blu, l-iffrankar tal-enerġija u l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli mill-baħar u minn xmajjar u lagi, (vii) titjib fl-iffrankar u l-konservazzjoni tar-riżorsi tal-ilma, u (viii) koordinazzjoni aħjar fil-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali relatati mar-riżorsi akkwatiċi. Barra minn hekk, il-bijoenerġija akkwatika bi prezz baxx u nadif u l-użu ta’ skart organiku huma temi importanti li qegħdin jiżviluppaw. Billi tinvesti f’dan it-tip ta’ żvilupp, l-Ewropa tista’ ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala attur ewlieni fl-ekonomija ċirkolari.

5.2.

Il-KESE jipproponi li l-Kunsill tal-UE u l-Parlament Ewropew jitolbu lill-Kummissjoni tniedi azzjonijiet pilota speċifiċi li jkollhom l-għan li jtejbu l-istatus u l-kapaċità tal-produzzjoni tal-ekosistemi akkwatiċi f’postijiet magħżula tal-UE, filwaqt li jiġi żgurat li dawn jirrappreżentaw id-diversità tas-sitwazzjonijiet eżistenti u l-potenzjal tal-iżvilupp tal-bijoekonomija blu. Dawn l-azzjonijiet pilota għandhom jitwettqu f’żoni kostali u tal-ilmijiet interni (inklużi l-gżejjer) li huma affettwati b’mod moderat jew ħażin mill-impatt uman bħat-turiżmu staġjonali eċċessiv, it-tniġġis, it-tagħbija ta’ nutrijenti minn sorsi bbażati fuq l-art, korsiji mmodifikati tal-ilma, u sfruttament eċċessiv tar-riżorsi akkwatiċi.

5.3.

Il-proġetti pilota għandhom jiġu implimentati malajr kemm jista’ jkun, flimkien mar-rappreżentanti eletti lokali, l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka, il-professjonisti u l-atturi rilevanti tas-soċjetà ċivili. Il-proġetti għandhom jippermettu li l-azzjonijiet u l-miżuri ewlenin jiġu żviluppati u ttestjati sabiex titjieb is-sitwazzjoni inadegwata attwali fis-siti pilota. Il-KESE qed jirrakkomanda għadd raġonevoli ta’ proġetti pilota li għandhom jitwettqu fil-Mediterran, fil-Baħar l-Iswed, fil-kosta tal-Atlantiku, fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku, kif ukoll f’żoni tal-ilmijiet interni b’potenzjal kbir għal titjib. Dawn il-proġetti jistgħu, pereżempju, jinvolvu t-tindif tal-ilmijiet rikki fin-nutrijenti jew tal-ilmijiet imniġġsa f’żoni bħall-portijiet jew żoni turistiċi bl-użu ta’ speċijiet ta’ filtrazzjoni speċifiċi bħall-gajdri, ir-rizzi, il-molluski jew il-pjanti akkwatiċi (alka), jew ir-restawr ta’ mogħdijiet migratorji u żoni fejn ibid il-ħut sabiex jiġu restawrati ċ-ċikli ta’ ħajja ta’ ħut migratorju. Fl-istess ħin, il-kapaċità li jinqabad is-CO2 fuq skala kbira tista’ tiġi ttestjata wkoll f’dawn il-proġetti pilota. Proġetti pilota jistgħu wkoll jeżaminaw il-fattibbiltà ta’ teknoloġiji ġodda biex jipproduċu enerġija mill-ibħra u l-lagi jew biex jinstabu modi ġodda biex jiġu ffrankati r-riżorsi tal-ilma.

5.4.

Abbażi tar-riżultati u l-esperjenzi miksuba fil-proġetti pilota, l-Unjoni Ewropea hija mitluba tippromovi t-taħriġ u t-trasferiment tal-għarfien espert fil-komunitajiet fiż-żoni kostali u qrib l-ilma interni, u b’hekk tippermetti r-restawr u l-ġestjoni adegwata tal-ambjenti u l-ħolqien ta’ netwerks Ewropej ta’ taħriġ, kif ukoll turi l-opportunitajiet għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja f’dan il-qasam.

5.5.

Għandu jiġi stabbilit kumitat ta’ ġestjoni għall-proġetti pilota, li jinkludi lill-Istati Membri, ir-reġjuni u l-partijiet interessati, bil-parteċipazzjoni tal-KESE, sabiex jiġu koordinati skambji ta’ prattiki u jiġi żgurat li l-proġetti pilota ta’ suċċess jiġu żviluppati fuq skala akbar. Fl-istess ħin, l-Istati Membri tal-UE u r-reġjuni kkonċernati għandhom jitħeġġu jħejju strateġiji tal-bijoekonomija blu, b’konsultazzjoni mal-partijiet interessati lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

5.6.

L-għarfien espert tal-UE dwar il-bijoekonomija blu miksub permezz tal-programmi ta’ riċerka ta’ Orizzont Ewropa, LIFE u l-proġetti pilota tal-bijoekonomija blu għandu jkun disponibbli, taħt ċerti kundizzjonijiet, għal pajjiżi terzi, b’mod partikolari l-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant, il-pajjiżi tal-Mediterran u l-Afrika, għar-Russja (fiż-żona tal-baħar Baltiku), kif ukoll pajjiżi oħra interessati. Il-bijoekonomija blu għandha ssir proġett ewlieni tal-UE fil-programmi ta’ kooperazzjoni tagħha man-NU u għodda biex jinkisbu l-għanijiet tal-COP 21 ta’ Pariġi fil-ġlieda kontra t-tisħin globali.

Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-Komunikazzjoni li taġġorna l-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija tal-2012 (ĠU C 240, 16.7.2019, p. 37).

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (riformulazzjoni) (Id-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb) (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 107).