20.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 282/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew (is-Summit taż-Żona tal-Euro), lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Lejn rwol internazzjonali aktar b’saħħtu tal-euro”

[COM(2018) 796 final]

(2019/C 282/05)

Relatur: Philip VON BROCKDORFF

Korelatur: Dimitris DIMITRIADIS

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 24.1.2019

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

4.6.2019

Adottata fil-plenarja

19.6.2019

Sessjoni plenarja Nru

544

Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet)

200/3/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jinnota li r-rwol internazzjonali tal-euro għadu ma rkuprax għal-livell ta’ qabel il-kriżi finanzjarja. Minkejja li l-miżuri proposti tal-Kummissjoni Ewropea, kif hemm fil-Komunikazzjoni, jintlaqgħu u jitqiesu bħala li huma meħtieġa mill-KESE, dawn jistgħu ma jkunux biżżejjed meta titqies il-firxa tal-isfidi soċjali u ekonomiċi taż-żona tal-euro. Il-koeżjoni soċjali, il-konverġenza ekonomika ’l fuq u l-promozzjoni tal-kompetittività u tal-innovazzjoni, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), għandhom ikunu l-bażi li fuqhom l-ekonomija taż-żona tal-euro żżid il-pass u tappoġġja rwol internazzjonali aktar b’saħħtu tal-euro.

1.2.

Il-KESE jħeġġeġ lill-UE tirdoppja l-isforzi tagħha lejn koeżjoni soċjali akbar u konverġenza ekonomika fl-UE kollha. Għad hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri kif ukoll fi ħdanhom u dawn id-differenzi qed ikunu ta’ xkiel biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet ekonomiċi li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-UE kollha kemm hi.

1.3.

Il-KESE jwissi li r-rivoluzzjonijiet teknoloġiċi kontinwi, bħalma huma t-teknoloġija finanzjarja u d-diġitalizzazzjoni, u l-itfaċċar ta’ muniti internazzjonali oħrajn fuq medda itwal ta’ żmien jistgħu potenzjalment irawmu sistema multipolari bbażata fuq aktar minn munita ewlenija waħda.

1.4.

Il-KESE jemmen li l-euro għandu l-kapaċità li jkabbar l-istatus internazzjonali tiegħu. Fl-istess waqt, madankollu, il-KESE jissuġġerixxi li l-prijorità prevalenti għaż-żona tal-euro, l-ewwel u qabel kollox, se tkun li tirranġa l-qagħda tagħha stess u tikseb integrità u prosperità billi ttejjeb il-prospetti tat-tkabbir tagħha u tirrestawra s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Dan il-proċess, li, inter alia, jirrikjedi t-tlestija tal-Unjoni Ekonomija u Monetarja u tal-unjoni bankarja, għandu jkun il-prijorità sabiex jinkiseb rwol internazzjonali aktar b’saħħtu tal-euro.

1.5.

Il-kredibbiltà tal-munita unika tal-UE, li hija prerekwiżit biex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro, tirrikjedi azzjoni ulterjuri lejn politiki nazzjonali, sodi, fiskali u li jsaħħu t-tkabbir kif ukoll aktar sforzi lejn settur finanzjarju aktar b’saħħtu. F’dan ir-rigward, il-KESE jtenni r-rilevanza li jiġu appoġġjati l-SMEs u li tkompli tiżdied il-produttività bħala mezz kif tissaħħaħ il-kompetittività taż-żona tal-euro fis-swieq internazzjonali.

1.6.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-benefiċċji tal-integrazzjoni tas-suq m’għandhomx jitnaqqsu minħabba l-instabbiltà finanzjarja, u jitlob li jkun hemm azzjoni sostnuta biex b’mod soċjalment sostenibbli jitnaqqas is-self improduttiv, speċjalment wara l-ftehim politiku li ntlaħaq dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital għas-self ħażin tal-banek tard fl-2018.

1.7.

Il-KESE jemmen li sabiex l-euro jsaħħaħ ir-rwol tiegħu bħala munita internazzjonali, għandha tiġi indirizzata l-frammentazzjoni tas-suq tal-bonds sovrani taż-żona tal-euro, li tnaqqas b’mod sinifikanti l-profondità u l-likwidità tas-swieq tad-dejn sovran. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvestiga opzjonijiet biex jinħolqu assi tal-euro aktar likwidi u siguri.

1.8.

It-triq lejn rwol internazzjonali aktar b’saħħtu tal-euro tista’ tkun pjuttost iffaċilitata mill-BĊE, l-ewwel u qabel kollox, permezz tat-twettiq tal-mandat tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro. Barra minn hekk, l-appoġġ mill-BĊE fir-rigward tal-politiki makroekonomiċi, u Unjoni Monetarja Ekonomika u Swieq Kapitali aktar profondi jipprovdi impetu ulterjuri għat-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro.

1.9.

Il-KESE huwa wkoll tal-fehma li jinħtieġu aktar miżuri biex jiġi approfondit is-settur finanzjarju Ewropew, inkluż it-tisħiħ tal-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji Ewropej u punti ta’ riferiment għal rati ta’ interess sodi. Barra minn hekk, il-promozzjoni ta’ użu aktar wiesa’ tal-euro f’setturi strateġiċi titqies ukoll kruċjali biex tikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro.

1.10.

Fl-aħħar nett, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw approċċ aktar magħqud fid-diplomazija internazzjonali, li mbagħad jista’ jirriżulta f’aktar opportunitajiet kummerċjali. Dan l-approċċ magħqud jista’ jissaħħaħ ukoll billi tiġi adottata pożizzjoni aktar proattiva li l-ewwel u qabel kollox tfittex li tippromovi l-interessi tal-UE, speċjalment billi tantiċipa l-inizjattivi strateġiċi u diplomatiċi li jittieħdu miċ-Ċina u mill-Istati Uniti.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-Komunikazzjoni “Lejn rwol internazzjonali aktar b’saħħtu tal-euro” (1), li ġiet ippubblikata f’Diċembru 2018, targumenta li hemm kamp ta’ applikazzjoni biex l-euro jkompli jiżviluppa r-rwol globali tiegħu, b’tali mod li jirrifletti aħjar ir-rilevanza politika, ekonomika u finanzjarja taż-żona tal-euro. Il-kisba ta’ dan l-għan tirrikjedi tisħiħ ulterjuri tal-istrutturi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, inkluż permezz tal-adozzjoni tal-proposti pendenti kollha għat-tlestija tal-unjoni bankarja u progress deċiżiv fuq l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

2.2.

Dan id-dokument ta’ ħidma huwa konformi mas-sejħiet li saru f’Opinjonijiet preċedenti tal-KESE (2) (3) li jenfasizzaw il-fatt li t-tlestija tal-unjoni bankarja, b’mod partikolari kopertura tal-assigurazzjoni tad-depożiti aktar b’saħħitha u uniformi, u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija ta’ importanza kruċjali sabiex jiġi żgurat ambjent kummerċjali Ewropew kompetittiv, kemm għall-intrapriżi kbar kif ukoll dawk ta’ daqs iżgħar, u tinħoloq munita Ewropea unika ġenwina.

2.3.

Fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma tal-2017, il-mexxejja tas-27 Stat Membru u l-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, iddikjaraw l-impenn tagħhom biex l-Unjoni Ewropea ssir attur globali aktar b’saħħtu bl-estensjoni tas-sħubijiet eżistenti u bl-iżvilupp ta’ oħrajn ġodda, bil-promozzjoni tal-istabbiltà u tal-prosperità fil-livell reġjonali u globali, bl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti globali, u bit-twettiq ta’ responsabbiltajiet internazzjonali (4).

2.4.

Min-naħa tiegħu, il-president tal-Kummissjoni Ewropea, fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni ta’ Settembru 2018, enfasizza l-importanza tal-euro fis-sistema monetarja internazzjonali u talab li tittieħed aktar azzjoni sabiex jiġi żgurat li dan jaqdi r-rwol tiegħu bis-sħiħ fix-xena globali (5).

2.5.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni stabbiliet pjan direzzjonali għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (6) li jitlob li jkun hemm sistema finanzjarja integrata u li tiffunzjona tajjeb li tinkludi t-tlestija tal-unjoni bankarja u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU).

2.6.

Il-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (7) tindika li l-Unjoni Ewropea teħtieġ swieq kapitali żviluppati u integrati tajjeb biex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro. Unjoni tas-Swieq Kapitali li tirnexxi se tikkontribwixxi lejn sistema finanzjarja stabbli, aċċess aħjar għall-finanzi għan-negozji, u għalhekk aktar opportunitajiet ta’ investiment.

2.7.

B’mod simili, ir-Rapport tal-JRC tal-2016 dwar ix-Xjenza għall-Politika (8) juri li politiki makroekonomiċi sodi, l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-UE, u l-iżvilupp tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, ilkoll se jikkontribwixxu biex ikompli jissaħħaħ ir-rwol tal-euro fis-swieq kummerċjali u finanzjarji globali.

2.8.

Il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda (9) l-użu aktar mifrux tal-euro fil-proġetti u fit-tranżazzjonijiet finanzjarji relatati mal-enerġija bħala mezz kif jinkisbu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-UE, jitnaqqas ir-riskju ta’ interruzzjoni tal-provvisti tal-enerġija u b’hekk tiġi promossa awtonomija aktar b’saħħitha min-naħa tan-negozji Ewropej.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

L-euro għamel progress kbir fl-istorja tiegħu ta’ 20 sena. Dan malajr evolva fit-tieni l-aktar munita internazzjonali importanti fid-dinja (wara d-dollaru Amerikan) (10). B’mod speċifiku, madwar 60 pajjiż fid-dinja jew qegħdin jużaw, jew se jużaw jew se jorbtu l-munita tagħhom mal-euro. Fl-istess waqt, l-euro jirrappreżenta madwar 20 % tar-riżervi internazzjonali tal-banek ċentrali barranin, li b’hekk jindika l-importanza tiegħu bħala maħżen sikur ta’ valur, u jikkostitwixxi 20 % tad-dejn internazzjonali maħruġ minn negozji u gvernijiet barranin. Fl-aħħar iżda mhux l-anqas, l-euro jintuża b’mod mifrux għal pagamenti internazzjonali: madwar terz tal-valur tat-tranżazzjonijiet internazzjonali kienu jew fatturati jew tħallsu f’euro fl-2017 (meta mqabbel ma’ madwar tnejn minn ħamsa għad-dollaru Amerikan).

3.2.

L-użu internazzjonali tal-euro huwa ta’ benefiċċju għaliex dan: (i) inaqqas ir-riskju tal-kambju u l-ispejjeż assoċjati għan-negozji Ewropej; (ii) iżid it-trasparenza tal-prezzijiet, li tippermetti lid-ditti jakkwistaw materja prima orħos u lill-konsumaturi jixtru prodotti orħos; (iii) jimponi dixxiplina inflazzjonarja akbar, li fil-prinċipju twassal għal rati tal-imgħax aktar baxxi li jitħallsu mill-unitajiet domestiċi u min-negozji; (iv) isaħħaħ l-awtonomija finanzjarja u jipprovdi aċċess għal finanzjament fuq kundizzjonijiet ta’ self aktar favorevoli għan-negozji Ewropej (inklużi l-SMEs) u għall-gvernijiet hekk kif is-swieq finanzjarji Ewropej isiru aktar integrati, profondi u likwidi; u (v) irawwem aktar kummerċ fl-UE u internazzjonali.

3.3.

Fl-istess waqt, it-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro jipprovdi għażla oħra lill-parteċipanti fis-suq madwar id-dinja, biex b’hekk l-ekonomija internazzjonali tkun tiflaħ aktar għall-iskossi relatati mad-dipendenza qawwija ta’ ħafna setturi (eż. l-enerġija, il-komoditajiet u l-manifattura tal-inġenji tal-ajru) fuq id-dollaru Amerikan.

3.4.

Il-klassifikazzjoni bejn id-dollaru u l-euro ma nbidlitx fl-aħħar żewġ deċennji. Għalkemm id-diskrepanza bejn iż-żewġ muniti naqset b’mod gradwali mit-tnedija tal-euro, din reġgħet kibret wara l-bidu tal-kriżi taż-żona tal-euro. Din is-sitwazzjoni x’aktarx li tippersisti fil-futur prevedibbli minkejja l-fatt li l-euro jinħareġ mill-akbar blokk kummerċjali tad-dinja. Għaldaqstant, jidher li t-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro mhuwiex biss kwistjoni ta’ daqs ekonomiku u aċċess miftuħ, iżda primarjament jirrelata mal-kapaċità limitata tiegħu li jipprovdi stabbiltà fi żminijiet ta’ diffikultà finanzjarja globali.

3.5.

Għad hemm fatturi oħrajn li qed ixekklu użu internazzjonali aktar b’saħħtu tal-euro, inkluż:

i.

ir-rwol storikament dominanti tad-dollaru bħala l-munita ta’ riżerva internazzjonali globali,

ii.

l-ispejjeż aktar baxxi assoċjati mal-użu tad-dollaru u l-likwidità ogħla tiegħu partikolarment f’operazzjonijiet tas-suq monetarju, u

iii.

l-integrazzjoni attwali, li għadha mhux kompluta, tas-swieq finanzjarji Ewropej li jirfdu l-munita unika.

iv.

Barra minn hekk, il-fatt li l-biċċa l-kbira tas-sistemi finanzjarji internazzjonali jużaw pjattaformi għall-kummerċ, għall-ikklirjar u għas-saldu ta’ pagamenti li jinsabu barra miż-żona tal-euro jew li jitħaddmu minn kumpaniji mhux Ewropej mhuwiex sinjal tajjeb għal rwol internazzjonali aktar b’saħħtu tal-euro.

3.6.

Rwol internazzjonali aktar b’saħħtu tal-euro jirrikjedi wkoll ambjent ekonomiku aktar stabbli u reżiljenti u funzjonament aħjar tas-sistema finanzjarja. Għal dan il-għan, ġew proposti għadd ta’ inizjattivi biex tiġi promossa l-prestazzjoni tal-ekonomiji taż-żona tal-euro (11) u biex jiġu assorbiti aħjar skossi asimmetriċi kbar fiż-żona tal-euro (12). L-enfasi, madankollu, m’għandhiex titpoġġa biss fuq l-assorbiment tal-iskossi asimmetriċi, iżda wkoll fuq it-titjib tal-imġiba diverġenti taż-żona tal-euro li tirriżulta mill-istrutturi ekonomiċi, soċjali u politiċi differenti ħafna tal-pajjiżi membri tagħha. Dawn id-diverġenzi, speċjalment fil-politika fiskali, l-evoluzzjoni tal-pagi, il-produttività u l-governanza, jheddu l-prospetti futuri tal-euro. Mingħajr xi grad ta’ unjoni fiskali, l-arkitettura tal-munita komuni tibqa’ waħda mhux kompluta u tħalli liż-żona tal-euro vulnerabbli għal kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi futuri.

3.7.

L-internazzjonalizzazzjoni ulterjuri tal-euro tista’ tinvolvi riskju akbar li jirriżulta f’apprezzament temporanju mhux mixtieq tal-munita, speċjalment waqt żminijiet ta’ taqlib globali. Bħala riżultat, dan inaqqas il-kompetittività tal-produtturi domestiċi u jagħmel ħsara lill-prestazzjoni tal-esportazzjonijiet taż-żona tal-euro. Żieda fl-użu internazzjonali tal-euro tista’ tirriżulta wkoll f’ċerti spejjeż iżda dawn jingħelbu permezz ta’ benefiċċji oħrajn bħal awtonomija akbar tal-politika monetarja u trażmissjoni internazzjonali aktar b’saħħitha tal-politika monetarja.

3.8.

Sa ċertu punt, ir-rwol internazzjonali tal-euro ġie xprunat miż-żona tal-euro stess, fejn l-investituri taż-żona tal-euro kienu akkwirenti sinifikanti ta’ bonds denominati f’euro maħruġa minn residenti mhux fiż-żona tal-euro. Madankollu, ir-rwol internazzjonali tal-euro huwa kkaratterizzat minn fokus reġjonali qawwi, li huwa l-aktar prominenti fil-pajjiżi li jinsabu fil-viċinanza immedjata taż-żona tal-euro. B’mod partikolari, hemm evidenza sostanzjali li turi li s-City of London għandha rwol ewlieni fis-suq tal-bonds denominati f’euro maħruġa minn residenti mhux fiż-żona tal-euro, irrispettivament dan ikunx fuq in-naħa tal-provvista, in-naħa tad-domanda jew bħala intermedjarju. F’dan il-kuntest, il-Brexit jista’ jkollu xi effett fuq dan is-suq.

3.9.

Minn perspettiva usa’, ir-rwol internazzjonali tal-euro jissaħħaħ li kieku l-UE ssegwi politika barranija aktar magħquda u tinsisti fuq approċċ multilaterali kontinwu għall-kummerċ. Il-munita tal-UE tista’ tikseb reputazzjoni internazzjonali ta’ livell għoli biss meta l-UE taġixxi b’mod magħqud, u meta dawn l-azzjonijiet jiġu sostnuti mill-qawwa diplomatika u ekonomika kollettiva tagħha. Dan għandu japplika f’setturi bħall-enerġija, it-trasport, l-industrija u setturi oħra fejn l-interessi tal-UE u taż-żona tal-euro inġenerali għandu jkollhom prijorità. Huwa kruċjali wkoll li l-UE titkellem b’leħen wieħed dwar l-iżviluppi ġeopolitiċi bħall-influwenza taċ-Ċina li dejjem qed tiżdied fil-kummerċ internazzjonali permezz tal-inizjattiva tagħha “One Belt, One Road”, programm ekonomiku u diplomatiku li jista’ jittrasforma u jiddomina l-kummerċ fl-Asja u lil hinn minnha. L-implikazzjonijiet ta’ dan il-programm ekonomiku u diplomatiku jeħtieġ li jiġu vvalutati bir-reqqa mill-UE peress li dan jista’ jsaħħaħ il-preżenza ekonomika globali taċ-Ċina. B’mod partikolari, l-UE u ż-żona tal-euro ma jistgħux jibqgħu inattivi waqt li jiżviluppa dan il-programm.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Meta jitqiesu l-benefiċċji assoċjati mal-euro kif imsemmi fi 3.2, jista’ jidher bħala sorpriża li mhux l-Istati Membri kollha ngħaqdu maż-żona tal-euro. Ir-raġunijiet għaliex ma ngħaqdux jistgħu jvarjaw u jistgħu jinkludu l-istat ta’ tħejjija tal-Istati Membri inkwistjoni u l-konformità tagħhom mal-kriterji ekonomiċi meħtieġa biex jingħaqdu mal-euro, kif ukoll, f’xi każijiet, l-ostakli legali li fadal biex jiġu ssodisfati dawn il-kriterji. B’mod ġenerali, in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tirrifletti d-differenzi persistenti fl-UE f’termini ta’ koeżjoni soċjali u konverġenza ekonomika. Dawn id-differenzi jeħtieġ jiġu indirizzati jekk it-tkabbir taż-żona tal-euro għandu jwassal għal aktar stabbiltà ekonomika fiż-żona tal-euro, u jagħmluha aktar reżiljenti għal skossi ekonomiċi esterni. Dan, min-naħa tiegħu, isaħħaħ l-istatus tal-UE bħala setgħa globali, u jkompli jsaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro.

4.2.

L-interazzjoni bejn il-politika fiskali u monetarja fiż-żona tal-euro hija kruċjali għall-futur tal-euro u r-rwol internazzjonali tiegħu. Kundizzjonijiet makroekonomiċi stabbli, madankollu, jiddependu fuq iċ-ċaqliq fiskali u fuq iċ-ċaqliq tal-pożizzjoni monetarja biex jikkumpensaw għat-tħassib dwar is-sostenibbiltà tad-dejn sovran u jsaħħu l-prospetti ta’ tkabbir. Għal darb’oħra, is-sitwazzjoni tvarja fi ħdan iż-żona tal-euro minħabba t-taħlita subottimali tal-politika fiskali-strutturali-monetarja fid-dawl tal-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja globali, li wasslu biex il-piż tal-aġġustament jinqasam b’mod mhux ugwali bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro. Din tirrifletti l-qafas istituzzjonali eżistenti li fuqu nbniet l-euro, li jaġixxi bħala limitazzjoni fuq l-Istati Membri individwali u huwa nieqes minn strumenti biex jiżgura pożizzjoni ta’ politika ekonomika u fiskali, effettiva u kkoordinata fiż-żona tal-euro kollha.

4.3.

Dan jispjega parzjalment ir-raġuni għaliex fiż-żona tal-euro jipprevalu żbilanċi u inugwaljanzi u r-raġuniet għaliex jitqies li huwa tant meħtieġ li titħaffef il-konverġenza ’l fuq. Dan jgħin biex itejjeb il-prestazzjoni ekonomika u jappoġġja l-istabbiltà soċjali u politika, li lkoll huma essenzjali għal rwol internazzjonali aktar b’saħħtu tal-euro. Fis-sitwazzjoni attwali, l-isfidi tal-politika monetarja f’żona ekonomika, fejn il-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri huma daqstant differenti, huma formidabbli.

4.4.

Iridu jittieħdu passi wkoll sabiex tiġi indirizzata l-problema tas-self improduttiv (NPLs). L-NPLs jirrappreżentaw piż konsiderevoli għall-finanzjament tal-ekonomija tal-UE peress li jfixklu l-allokazzjoni tal-kreditu, inaqqsu l-fiduċja fis-suq u, fl-aħħar mill-aħħar, inaqqsu r-ritmu tat-tkabbir ekonomiku. Wieħed għandu jinnota li għad hemm riskji sinifikanti fis-setturi bankarji nazzjonali taż-żona tal-euro li jxekklu l-iżvilupp ta’ sistema komuni tal-assigurazzjoni tad-depożiti. Jidher ċar li t-tnaqqis tal-NPLs u r-rikapitalizzazzjoni tal-banek jinvolvu spiża kemm għall-gvernijiet kif ukoll għas-settur privat. Skont l-Opinjoni preċedenti tiegħu (13), il-KESE jappella għal self responsabbli mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej jingħaqdu flimkien u jagħmlu aktar progress fil-bini ta’ qafas tal-UE komprensiv u affidabbli biex jiġu indirizzati l-NPLs.

4.5.

It-tlestija tal-unjoni bankarja, kif ukoll l-integrazzjoni ulterjuri tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali jitqiesu wkoll bħala kruċjali għall-istabbiltà makroekonomika. L-unjoni bankarja hija fundamentali biex jiġu sfruttati l-benefiċċji ta’ attivitajiet bankarji transkonfinali fl-unjoni monetarja. Għalkemm inkiseb progress sinifikanti, l-unjoni bankarja għadha mhix kompluta. Jeħtieġ ukoll li ż-żona tal-euro tkompli tagħmel progress fir-rigward ta’ inizjattivi importanti oħrajn biex taħdem lejn unjoni finanzjarja aktar kompluta. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali se tgħin biex trawwem l-integrazzjoni finanzjarja transkonfinali, u l-banek u s-swieq kapitali jistgħu jikkomplementaw lil xulxin fil-finanzjament tal-ekonomija taż-żona tal-euro.

4.6.

Jekk jaġixxu flimkien, l-unjoni bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali jistgħu jwasslu lis-Suq Uniku għas-servizzi finanzjarji fil-livell li jmiss minħabba żewġ raġunijiet ewlenin: (i) il-preżenza ta’ swieq fiskali aktar b’saħħithom, profondi u integrati tippermetti lin-negozji jiksbu aċċess għall-kreditu fuq termini aktar favorevoli, li jippermettilhom jagħmlu investiment li jħalli profitt; u (ii) l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji ttejjeb l-ambjent ta’ finanzjament b’mod speċjali għall-SMEs, li spiss jiġu deskritti bħala s-sinsla tal-ekonomija tal-Ewropa f’termini tal-ħolqien tal-impjiegi, l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku. F’suq finanzjarju integrat, il-banek jistgħu jisfruttaw l-ekonomiji ta’ skala aktar faċilment billi joffru prodotti u servizzi jew anki l-istess prodotti u servizzi f’diversi Stati Membri. Barra minn hekk, dawn probabbilment iżidu l-investimenti transkonfinali tagħhom tal-assi u jkunu jistgħu jibnu pools kollaterali aktar kbar u diversifikati għal prodotti titolizzati u bonds koperti.

4.7.

Suq kapitali li jaħdem sew u integrat jitqies li huwa importanti ħafna għal żona monetarja li tiffunzjona, għalhekk għandha tkun prijorità li jingħelbu n-nuqqasijiet eżistenti fis-swieq kapitali Ewropej, speċjalment fil-każ ta’ Brexit ta’ ebda ftehim. Madankollu, għandna nżommu f’moħħna li l-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali jinkludi sett ta’ approċċi differenti ħafna, li xi wħud minnhom seta’ ma kellhomx ir-riżultat mixtieq kif maħsub oriġinarjament. Eżempji jinkludu l-pensjonijiet personali pan-Ewropej u l-inizjattiva li tikkonċerna s-suq tat-titolizzazzjoni, għalkemm fir-rigward tal-pensjonijiet, il-KESE jirrikonoxxi r-rwol li għandhom il-pensjonijiet tal-istat għal persuni li ma jistgħux jaffordjaw pensjonijiet privati. Tabilħaqq, is-suċċess tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali kien pjuttost imħallat s’issa. Madankollu, bil-mod il-mod iżda b’ċertezza, dawn l-inizjattivi eventwalment se jikkontribwixxu għal rwol internazzjonali msaħħaħ tal-euro.

4.8.

Barra minn hekk, fid-dawl tal-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja, huwa importanti li wieħed jifhem li t-tisħiħ ulterjuri tar-rwol internazzjonali tal-euro jiddependi fuq l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro. Il-ħruġ ta’ kambjali, flus tal-karti u bonds komuni taż-żona tal-euro bħala assi sikuri, b’mod simili għal dawk maħruġin mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, flimkien ma’ struttura ta’ governanza xierqa (inkluż qafas robust u affidabbli ta’ politika fiskali), irawwem aktar stabbiltà bil-provvista ta’ strumenti ta’ dejn siguri u likwidi li jkunu xierqa biex jiffinanzjaw żidiet mhux mistennija fin-nefqa pubblika.

4.9.

B’mod partikolari, il-ħruġ ta’ bonds komuni taż-żona tal-euro għandu jimxi wkoll id f’id ma’ qafas superviżorju mtejjeb. Jeħtieġ li jitqies l-element ta’ riskju ta’ tali prodotti, possibbilment permezz ta’ ġabra tar-riskji u tal-garanziji, speċjalment fil-kuntest ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali integrata ħafna.

4.10.

It-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro, speċjalment biex dan jikkompeti mad-dollaru Amerikan bħala valuta ta’ riżerva, m’għandux jitqies bħala triq b’direzzjoni waħda biex jinkiseb vantaġġ ekonomiku. Dan jista’ jġib ukoll pressjoni globali li għandha titqiegħed fuq l-ekonomija domestika taż-żona tal-euro b’mod relatat mal-iżviluppi ekonomiċi fin-nazzjonijiet kompetituri. Madankollu, reazzjoni effettiva u b’leħen wieħed tista’ twassal għal aktar koeżjoni soċjali u konverġenza ekonomika fiż-żona tal-euro kollha. L-inizjattivi Ewropej biex irawmu l-kooperazzjoni dwar id-difiża u l-affarijiet internazzjonali x’aktarx ukoll li jsaħħu r-rwol ġeopolitiku tal-UE u jippromovu l-influwenza globali tal-euro.

4.11.

Il-perkors diffiċli lejn rwol internazzjonali aktar b’saħħtu tal-euro jista’ jiġi pjuttost iffaċilitat mill-BĊE, l-ewwel u qabel kollox permezz tal-ilħuq tal-mandat tiegħu biex tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro. Barra minn hekk, l-appoġġ mill-BĊE fir-rigward tal-politiki makroekonomiċi, u Unjoni Ekonomika u Monetarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali aktar profondi jipprovdi impetu ulterjuri għat-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro.

Brussell, 19 ta’ Ġunju 2019

Luca JAHIER

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  COM(2018) 796 final.

(2)  ĠU C 262, 25.7.2018, p. 28.

(3)  ĠU C 197, 8.6.2018, p. 1.

(4)  https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2017/03/25/rome-declaration/.

(5)  https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/soteu2018-speech_mt_0.pdf.

(6)  https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/reflection-paper-emu_mt.pdf.

(7)  COM(2018) 767 final.

(8)  http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/bitstream/JRC96913/lbna27754enn.pdf.

(9)  C(2018) 8111 final.

(10)  COM(2018) 767 final.

(11)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/\?uri=CELEX:52018DC0814&qid=1558418480359&from=MT.

(12)  COM(2018) 387 final.

(13)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 43.