4.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 233/12


Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposti għal żewġ Regolamenti li jistabbilixxu qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira tal-UE

(It-test sħiħ ta' din l-Opinjoni jista' jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-KEPD www.edps.europa.eu)

(2018/C 233/07)

L-isfidi urġenti tal-lum relatati mas-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri jeħtieġu użu aktar intelliġenti tal-informazzjoni li diġà tinsab disponibbli għall-awtoritajiet pubbliċi kompetenti. Dan ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tniedi proċess lejn l-interoperabbiltà ta' sistemi tal-informazzjoni fuq skala kbira tal-UE (eżistenti u futuri) fl-oqsma tal-migrazzjoni, l-asil u s-sigurtà. F'Diċembru 2017, il-Kummissjoni ħarġet żewġ Proposti għal Regolamenti li jistabbilixxu l-qafas ġuridiku għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira tal-UE.

L-interoperabbiltà, diment li tiġi implimentata b'mod maħsub sew u f'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data, tista' tkun għodda utli sabiex tindirizza l-ħtiġijiet leġittimi tal-awtoritajiet kompetenti permezz ta' sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira u sabiex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni effettiva u effiċjenti. L-interoperabbiltà mhijiex primarjament għażla teknika jew għażla teknika biss, iżda għażla politika li jista' jkollha konsegwenzi legali u soċjetali qawwijin li ma jistgħux jinħbew wara bidliet allegatament tekniċi. Id-deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-UE li s-sistemi tal-IT fuq skala kbira jsiru interoperabbli mhux biss taffettwa b'mod permanenti u profond l-istruttura tagħhom u l-mod tagħhom ta' kif joperaw, iżda tbiddel ukoll il-mod ta' kif il-prinċipji legali jiġu interpretati s'issa f'dan il-qasam u, għaldaqstant, timmarka “punt mingħajr ritorn”.

Filwaqt li l-interoperabbiltà fil-bidu setgħet ġiet prevista bħala għodda biex tiffaċilita l-użu tas-sistemi biss, il-Proposti jintroduċu possibbiltajiet ġodda kif tiġi aċċessata u kif tintuża d-data maħżuna fid-diversi sistemi sabiex tiġi miġġielda l-frodi tal-identità, jiġu ffaċilitati l-verifiki tal-identità, kif ukoll jiġi ssimplifikat l-aċċess għal sistemi ta' informazzjoni mhux tal-liġi mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

B'mod partikolari, il-Proposti joħolqu bażi tad-data ċentralizzata ġdida li jkun fiha informazzjoni dwar miljuni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, inkluża d-data bijometrika tagħhom. Minħabba l-iskala u n-natura tad-data li se tinħażen f'din il-bażi tad-data, il-konsegwenzi ta' kwalunkwe ksur tad-data jista' jagħmel ħsara serja lil potenzjalment għadd kbir ħafna ta' individwi. Jekk din l-informazzjoni xi darba taqa' fl-idejn il-ħżiena, il-bażi tad-data tista' ssir għodda perikoluża kontra d-drittijiet fundamentali. Għalhekk, huwa essenzjali li jinbnew salvagwardji legali, tekniċi u organizzattivi b'saħħithom. Hija meħtieġa wkoll viġilanza speċjali kemm fir-rigward tal-iskopijiet tal-bażi tad-data kif ukoll fir-rigward tal-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-użu tagħha.

F'dan il-kuntest, il-KEPD jenfasizza l-importanza li jkompli jiġi ċċarat il-kobor tal-problema tal-frodi tal-identità fost iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, sabiex jiġi żgurat li l-miżura proposta tkun xierqa u proporzjonata. Il-possibbiltà li tiġi kkonsultata l-bażi tad-data ċentralizzata sabiex jiġu ffaċilitati l-verifiki tal-identità fit-territorju tal-Istati Membri għandha titfassal b'mod aktar ristrett.

Il-KEPD jifhem il-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jibbenefikaw mill-aħjar għodod possibbli sabiex jidentifikaw malajr l-awturi ta' atti terroristiċi u reati serji oħra. Madankollu, minn perspettiva tad-drittijiet fundamentali, l-iffaċilitar tal-aċċess mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għal sistemi ta' infurzar mhux tal-liġi (jiġifieri għal informazzjoni miksuba minn awtoritajiet għal skopijiet differenti mill-infurzar tal-liġi), anki jekk sa punt limitat, huwa ferm 'il bogħod milli jkun insinifikanti. L-aċċess ta' rutina fil-fatt jirrappreżenta ksur serju tal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop. Għaldaqstant, il-KEPD jitlob li jinżammu salvagwardji ġenwini sabiex jiġu ppreservati d-drittijiet fundamentali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi.

Finalment, il-KEPD jixtieq jenfasizza li kemm f'termini legali kif ukoll f'termini tekniċi, il-Proposti jżidu saff ieħor ta' kumplessità mas-sistemi eżistenti, kif ukoll ma' dawk li għadhom qed jitħejjew, b'implikazzjonijiet preċiżi li f'dan l-istadju huwa diffiċli li jiġu vvalutati. Din il-kumplessità se jkollha implikazzjonijiet mhux biss għall-protezzjoni tad-data, iżda anki għall-governanza u għas-superviżjoni tas-sistemi. L-implikazzjonijiet preċiżi għad-drittijiet u għal-libertajiet li jinsabu fil-qalba tal-proġett tal-UE huwa diffiċli li jiġu vvalutati b'mod sħiħ f'dan l-istadju. Għal dawn ir-raġunijiet, il-KEPD jistieden dibattitu usa' dwar il-futur tal-iskambju tal-informazzjoni tal-UE, il-governanza tagħhom u l-modi kif jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali f'dan il-kuntest.

1.   INTRODUZZJONI

1.1.   Sfond

1.

F'April 2016, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni Sistemi ta' Informazzjoni aktar b'saħħithom u aktar intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà (1) li tiftaħ diskussjoni dwar kif is-sistemi ta' informazzjoni fl-Unjoni Ewropea jistgħu jtejbu aktar il-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà interna.

2.

F'Ġunju 2016, bħala segwitu tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet grupp ta' esperti ta' livell għoli dwar is-sistemi ta' informazzjoni u l-interoperabbiltà (“HLEG”). L-HLEG ingħata l-kompitu li jindirizza l-isfidi legali, tekniċi u operattivi biex tinkiseb l-interoperabbiltà bejn is-sistemi ċentrali tal-UE għall-fruntieri u s-sigurtà (2).

3.

L-HLEG l-ewwel ippreżenta rakkomandazzjonijiet fir-rapport interim tiegħu ta' Diċembru 2016 (3), u wara fir-rapport finali tiegħu ta' Mejju 2017 (4). Il-KEPD ġie mistieden jieħu sehem fil-ħidma tal-HLEG u ħareġ dikjarazzjoni dwar il-kunċett ta' interoperabbiltà fil-qasam tal-migrazzjoni, tal-asil u tas-sigurtà li hija inkluża fir-rapport finali tal-HLEG.

4.

Biex tibni fuq il-Komunikazzjoni tal-2016 u fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-HLEG, il-Kummissjoni pproponiet approċċ ġdid fejn is-sistemi ta' informazzjoni ċentralizzati kollha tal-UE għas-sigurtà, il-fruntieri u l-ġestjoni tal-migrazzjoni jkunu interoperabbli (5). Il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li taħdem biex toħloq portal Ewropew tat-tfittxija, servizz kondiviż ta' tqabbil bijometriku u repożitorju komuni ta' informazzjoni dwar l-identità.

5.

Fit-8 ta' Ġunju 2017, il-Kunsill laqa' l-opinjoni tal-Kummissjoni u it-triq 'il quddiem proposta biex l-interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni tinkiseb sal-2020 (6). Fis-27 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar l-interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni tal-UE għall-fruntieri u s-sigurtà (7). Il-konsultazzjoni ġiet akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt tal-bidu.

6.

Fis-17 ta' Novembru 2017, bħala kontribut addizzjonali, il-KEPD ħareġ dokument ta' riflessjoni dwar l-interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni fl-ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (8). F'dan id-dokument, huwa rrikonoxxa li meta l-interoperabbiltà tiġi implimentata b'mod maħsub sew u f'konformità mar-rekwiżiti ewlenin tan-neċessità u tal-proporzjonalità, din tista' tkun għodda utli sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet leġittimi tal-awtoritajiet kompetenti li jużaw sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira, inkluż biex tittejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni.

7.

Fit-12 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni ppubblikat żewġ proposti leġiżlattivi (“il-Proposti”) għal:

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' qafas għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta' informazzjoni tal-UE (fruntieri u viża) u li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE, ir-Regolament (KE) Nru 767/2008, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI, ir-Regolament (UE) 2016/399 u r-Regolament (UE) 2017/2226, minn hawn 'il quddiem “Proposta dwar il-fruntieri u l-viża”.

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' qafas għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta' informazzjoni tal-UE (il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni), minn hawn 'il quddiem “Proposta dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni”.

1.2.   Objettivi tal-Proposti

8.

Il-Proposti għandhom l-għan ġenerali li jtejbu l-ġestjoni tal-fruntieri esterni ta' Schengen u li jikkontribwixxu għas-sigurtà interna tal-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, huma jistabbilixxu qafas sabiex jiżguraw l-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira tal-UE eżistenti u futuri fl-oqsma tal-verifiki fil-fruntieri, l-asil u l-immigrazzjoni, il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali.

9.

Il-komponenti tal-interoperabbiltà stabbiliti mill-Proposti jkopru:

Tliet sistemi eżistenti: Is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS), is-sistema Eurodac u s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS);

Tliet sistemi proposti li għadhom qed jitħejjew li għadhom qed jiġu żviluppati:

waħda li reċentement intlaħaq qbil dwarha mil-leġiżlaturi tal-UE u jeħtieġ li tiġi żviluppata: is-Sistema tad-Dħul/Ħruġ (EES) (9) u,

tnejn li għadhom taħt negozjati: is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) proposta (10), u s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali għal ċittadini ta' pajjiżi terzi (ECRIS-TCN) proposta (11);

il-Bażi ta' Data ta' Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin (SLT) tal-Interpol u

id-data tal-Europol (12).

10.

L-interoperabbiltà bejn dawn is-sistemi tikkonsisti minn erba' komponenti:

Portal Ewropew tat-Tfittxija (“ESP”),

Servizz kondiviż ta' tqabbil bijometriku (“BMS kondiviż”)

Repożitorju komuni ta' informazzjoni dwar l-identità (“CIR”) u,

Detettur ta' identitajiet multipli (“MID”).

11.

L-ESP jaħdem bħala sensar tal-messaġġi. L-għan tiegħu huwa li jipprovdi interfaċċa sempliċi li tipprovdi riżultati tat-tiftix rapidi b'mod trasparenti. Dan jippermetti t-tiftix simultanju tas-sistemi differenti permezz ta' data dwar l-identità (kemm bijografika kif ukoll bijometrika). Fi kliem ieħor, l-utent aħħari jkun jista' jwettaq tfittxija waħda u jirċievi riżultati mis-sistemi kollha li huwa għandu l-awtorità li jaċċessa minflok ma jfittex kull sistema individwalment.

12.

Il-BMS kondiviż ikun għodda teknika sabiex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta' individwu li jista' jkun irreġistrat f'bażijiet ta' data differenti. Dan jaħżen mudelli tad-data bijometrika (marki tas-swaba' u immaġnijiet tal-wiċċ) li jinsabu fis-sistemi ta' informazzjoni ċentralizzati tal-UE (jiġifieri, is-SIS, is-sistema Eurodac, l-EES, il-VIS u l-ECRIS-TCN). Min-naħa waħda, dan jippermetti t-tiftix simultanju tad-data bijometrika maħżuna fis-sistemi differenti, u min-naħa l-oħra, jippermetti li din id-data tiġi mqabbla.

13.

Is-CIR jiffaċilita l-identifikazzjoni tal-persuni, inkluż fit-territorju tal-Istati Membri, u jgħin ukoll jissimplifika l-aċċess tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għal sistemi ta' informazzjoni mhux tal-liġi. Is-CIR jaħżen data bijografika u bijometrika rreġistrata fil-VIS, fl-ECRIS-TCN, fl-EES, fis-sistema Eurodac u fl-ETIAS). Dan jaħżen id-data - li tiġi sseparata loġikament - skont is-sistema li minnha tkun oriġinat id-data.

14.

L-MID jkun għodda li jippermetti r-rabta ta' identitajiet fi ħdan is-CIR u s-SIS u jaħżen links bejn ir-rekords. Dan jaħżen links li jipprovdu informazzjoni meta tinstab tqabbila definita jew possibbli waħda jew aktar u/jew meta tintuża identità falza. Dan jiċċekkja jekk teżistix data mfittxija jew ta' input f'aktar minn waħda mis-sistemi sabiex jiġu identifikati diversi identitajiet (eż. l-istess data bijometrika marbuta ma' data bijografika differenti jew l-istess data bijografika, jew data bijografika simili, marbuta ma' data bijometrika differenti). L-MID juri r-rekords tal-identità bijografika li għandhom link fis-sistemi differenti.

15.

Permezz tal-erba' komponenti tal-interoperabbiltà, il-Proposti għandhom l-għan li:

jipprovdu lill-utenti awtorizzati aċċess rapidu, uniformi, sistematiku u kkontrollat għal sistemi ta' informazzjoni rilevanti,

jiffaċilitaw il-verifiki tal-identità ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri,

jidentifikaw diversi identitajiet marbutin mal-istess sett ta' data u,

jissimplifikaw l-aċċess tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għal sistemi ta' informazzjoni mhux tal-infurzar tal-liġi.

16.

Barra minn hekk, il-Proposti jistabbilixxu repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika (“CRRS”), il-Format Universali ta' Messaġġ (“UMF”) u jintroduċu mekkaniżmi ta' kontroll tal-kwalità tad-data awtomatizzati.

17.

Il-pubblikazzjoni ta' żewġ proposti leġiżlattivi minflok waħda tirriżulta mill-ħtieġa li tiġi rispettata d-distinzjoni bejn is-sistemi li jikkonċernaw:

l-acquis ta' Schengen li jirrigwarda l-fruntieri u l-viżas (jiġifieri l-VIS, l-EES, l-ETIAS u s-SIS, kif irregolat mir-Regolament (KE) Nru 1987/2006),

l-acquis ta' Schengen dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija jew li mhumiex relatati mal-acquis ta' Schengen (is-sistema Eurodac, l-ECRIS-TCN u s-SIS, kif irregolat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI).

18.

Iż-żewġ proposti huma “proposti paralleli” li għandhom jinqraw flimkien. Kemm in-numerazzjoni kif ukoll il-kontenut tal-Artikoli primarjament huma simili fiż-żewġ proposti. Għaldaqstant, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, meta aħna nsemmu Artikolu speċifiku, dan l-Artikolu qed jirreferi għal dak taż-żewġ proposti.

5.   KONKLUŻJONIJIET

142.

Il-KEPD jirrikonoxxi li meta l-interoperabbiltà tiġi implimentata b'mod maħsub sew u f'konformità mar-rekwiżiti ewlenin tan-neċessità u tal-proporzjonalità, din tista' tkun għodda utli sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet leġittimi tal-awtoritajiet kompetenti li jużaw sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira, inkluż biex tittejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni.

143.

Huwa jenfasizza li l-interoperabbiltà primarjament mhijiex għażla teknika, l-ewwel u qabel kollox hija għażla politika li għandha ssir, b'implikazzjonijiet legali u soċjetali sinifikanti fis-snin li ġejjin. Fl-isfond tat-tendenza ċara li jitħalltu objettivi distinti tal-liġi tal-UE u tal-politika (jiġifieri il-verifiki fil-fruntieri, l-ażil u l-immigrazzjoni, il-kooperazzjoni tal-pulizija u issa anki l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali), kif ukoll l-għoti ta' aċċess ta' rutina lill-infurzar tal-liġi għal bażijiet tad-data mhux tal-infurzar tal-liġi, id-deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-UE li s-sistemi tal-IT fuq skala kbira jsiru interoperabbli mhux biss taffettwa b'mod permanenti u profond l-istruttura tagħhom u l-mod tagħhom ta' kif joperaw, iżda tbiddel ukoll il-mod ta' kif il-prinċipji legali ġew interpretati s'issa f'dan il-qasam u, għaldaqstant, timmarka “punt ta' ebda ritorn”. Għal dawn ir-raġunijiet, il-KEPD jistieden dibattitu usa' dwar il-futur tal-iskambju tal-informazzjoni tal-UE, il-governanza tagħhom u l-modi kif jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali f'dan il-kuntest.

144.

Minkejja li l-Proposti kif ġew ippreżentati jistgħu jagħtu l-impressjoni li l-interoperabbiltà hija l-komponent finali ta' sistemi ta' informazzjoni li jaħdmu b'mod sħiħ (jew mill-inqas sistemi li l-atti li jistabbilixxuhom jkunu diġà “stabbli” u li jinsabu fl-istadji finali tal-proċess leġiżlattiv), il-KEPD jixtieq ifakkar li dan mhuwiex il-każ. Fil-verità, tlieta mis-sitt sistemi ta' informazzjoni tal-UE li l-Proposti jfittxu l-interkonnessjoni bħalissa ma jeżistux (l-ETIAS, l-ECRIS-TCN u l-EES), tnejn bħalissa jinsabu taħt reviżjoni (SIS u Eurodac) u waħda għandha tiġi riveduta aktar tard din is-sena (VIS). Il-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet preċiżi għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data ta' sistema kumplessa ħafna b'ammont kbir ta' “partijiet li jiċċaqilqu” mhijiex impossibbli. Il-KEPD jfakkar l-importanza li tiġi żgurata konsistenza bejn it-testi legali li diġà jinsabu taħt negozjati (jew li jkunu ġejjin) u l-Proposti sabiex jiġi żgurat ambjent legali, organizzattiv u tekniku unifikat għall-attivitajiet kollha tal-ipproċessar tad-data fi ħdan l-Unjoni. F'dan il-kuntest, huwa jixtieq jenfasizza li din l-Opinjoni hija mingħajr preġudizzju għal interventi ulterjuri li jistgħu jirriżultaw hekk kif id-diversi strumenti legali interkonnessi jimxu fil-proċess leġiżlattiv.

145.

Il-KEPD jinnota li filwaqt li l-interoperabbiltà fil-bidu setgħet ġiet prevista bħala għodda biex tiffaċilita l-użu tas-sistemi biss, il-Proposti jintroduċu possibbiltajiet ġodda kif tiġi aċċessata u tintuża d-data maħżuna fid-diversi sistemi sabiex tiġi miġġielda l-frodi tal-identità, jiġu ffaċilitati l-verifiki tal-identità u jiġi ssimplifikat l-aċċess mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għal sistemi ta' informazzjoni mhux tal-liġi.

146.

Kif diġà ġie enfasizzat fid-dokument ta' riflessjoni tiegħu, il-KEPD jenfasizza l-importanza li l-ewwel ikompli jiġi ċċarat il-kobor tal-problema tal-frodi tal-identità fost iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jiġi żgurat li l-miżura proposta tkun xierqa u proporzjonata.

147.

Fir-rigward tal-użu tad-data maħżuna fid-diversi sistemi sabiex jiġu ffaċilitati l-verifiki tal-identità fit-territorji tal-Istati Membri, il-KEPD jenfasizza li l-għanijiet ta' dan l-użu, jiġifieri l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u l-kontribut għal livell għoli ta' sigurtà huma fformulati b'mod ġenerali wisq u għandhom jiġu “ristretti ħafna” u “ddefiniti b'mod preċiż” fil-Proposti sabiex jikkonformaw mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Huwa jikkunsidra b'mod partikolari li l-aċċess għas-CIR sabiex tiġi stabbilita l-identità ta' ċittadin ta' pajjiż terz bl-għan li jiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà għandu jkun permess biss fejn l-aċċess għal bażijiet tad-data nazzjonali simili bl-istess għanijiet (eż. reġistru ta' ċittadini/residenti eċċ.) jeżisti u jeżisti taħt l-istess kundizzjonijiet. Huwa jirrakkomanda li dan jintwera ċar fil-Proposti. Inkella, il-Proposti jkunu jidhru li jistabbilixxu suppożizzjoni li ċ-ċittadini ta' pajjiż terz awtomatikament jikkostitiwixxu theddida għas-sigurtà. Huwa jirrakkomanda wkoll li jiġi żgurat li l-aċċess għad-data sabiex tiġi identifikata persuna matul verifika tal-identità jiġi permess:

fil-prinċipju, fil-preżenza tal-persuna u,

meta huwa jew hija ma jkunx/tkunx jista'/tista' jikkoopera/tikkoopera u ma jkollux/jkollhiex dokument li jistabbilixxi l-identità tiegħu/tagħha jew.

jirrifjuta/tirrifjuta li jikkoopera/tikkoopera jew,

meta jkun hemm raġunijiet iġġustifikati jew bażi soda biex ikun hemm it-twemmin li d-dokumenti ppreżentati jkunu foloz jew li l-persuna ma tkunx qed tgħid il-verità dwar l-identità tiegħu/tagħha.

148.

Il-KEPD jifhem il-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jibbenefikaw mill-aħjar għodod possibbli sabiex jidentifikaw malajr l-awturi ta' atti terroristiċi bħal reati serji oħra. Madankollu, it-tneħħija ta' salvagwardji ġenwini introdotti sabiex jiġu ppreservati d-drittijiet fundamentali primarjament bl-għan li titħaffef proċedura ma tkunx aċċettabbli. Għaldaqstant, huwa jirrakkomanda li fl-Artikolu 22(1) tal-Proposti jiżdiedu l-kundizzjonijiet relatati mal-eżistenza ta' raġunijiet validi, it-twettiq ta' tfittxija minn qabel fil-bażijiet tad-data nazzjonali u t-tnedija ta' talba fis-sistema tal-identifikazzjoni awtomatizzata tal-marki tas-swaba' tal-Istati Membri l-oħra taħt id-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, qabel kwalunkwe tfittxija fir-repożitorju komuni ta' informazzjoni dwar l-identità. Barra minn hekk, huwa jikkunsidra li l-konformità mal-kundizzjonijiet tal-aċċess anki għal informazzjoni limitata bħal hit/no-hit dejjem għandha tiġi vverifikata, indipendentement mill-aċċess ulterjuri għad-data maħżuna fis-sistema li skattat il-hit.

149.

Il-KEPD jikkunsidra li n-neċessità u l-proporzjonalità tal-użu tad-data maħżuna fl-ECRIS-TCN sabiex jiġu identifikati diversi identitajiet u sabiex jiġu ffaċilitati l-verifiki tal-identità għandhom jintwerew b'mod aktar ċar, u jeħtieġu kjarifika anki fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop. Għaldaqstant, huwa jirrkkomanda li fil-Proposti jiġi żgurat li d-data maħżuna fl-ECRIS-TCN tkun tista' tiġi aċċessata u tintuża biss għall-għanijiet tal-ECRIS-TCN kif iddefinit fl-istrument legali tiegħu.

150.

Il-KEPD jilqa' l-fatt li l-Proposti għandhom l-għan li joħolqu ambjent tekniku armonizzat ta' sistemi li se jaħdmu flimkien sabiex jipprovdu aċċess rapidu, uniformi, ikkontrollat u sistematiku għall-informazzjoni li d-diversi partijiet ikkonċernati għandhom bżonn biex iwettqu l-kompiti tagħhom. Huwa jfakkar li l-prinċipji fundamentali tal-protezzjoni tad-data għandhom jiġu kkunsidrati matul l-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-Proposti u, konsegwentement, jirrakkomanda li fil-Proposti jiġi inkluż l-obbligu biex l-eu-LISA u l-Istati Membri jsegwu l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data b'intenzjoni u b'mod awtomatiku.

151.

Minbarra l-kummenti ġenerali u l-kwistjonijiet ewlenin identifikati hawn fuq, il-KEPD għandu rakkomandazzjonijiet addizzjonali relatati mal-aspetti li ġejjin tal-Proposti:

il-funzjonalità tal-ESP, il-BMS kondiviż, is-CIR u l-MID,

il-perjodi taż-żamma tad-data fis-CIR u fl-MID,

il-verifika manwali tal-links,

ir-repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika,

id-diviżjoni tar-rwoli u tar-responsabbiltà bejn l-eu-LISA u l-Istati Membri,

is-sigurtà tal-komponenti tal-interoperabbiltà,

id-drittijiet tas-suġġetti tad-data,

l-aċċess mill-persunal tal-eu-LISA,

il-perjodu ta' tranżizzjoni,

ir-reġistri u

ir-rwol tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u tal-KEPD.

152.

Il-KEPD jibqa' disponibbli sabiex jipprovdi aktar pariri dwar il-Proposti, anki b'rabta ma' kwalunkwe att delegat jew ta' implimentazzjoni adottati skont ir-Regolamenti proposti, li jistgħu jħallu impatt fuq l-ipproċessar ta' data personali.

Brussell, id-19 ta' Marzu 2018.

Giovanni BUTTARELLI

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Sistemi ta' Informazzjoni aktar b'Saħħithom u aktar Intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà, 6.4.2017, COM (2016) 205 finali.

(2)  Idem, p. 15.

(3)  Ir-rapport interim mill-president tal-grupp ta' esperti ta' livell għoli dwar is-sistemi ta' informazzjoni u l-interoperabbiltà stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea, Rapport interim mill-president tal-grupp ta' esperti ta' livell għoli, Diċembru 2016, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=3435

(4)  Rapport finali tal-grupp ta' esperti ta' livell għoli dwar is-sistemi ta' informazzjoni u l-interoperabbiltà stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea, 11 ta' Mejju 2017; disponibbli fuq http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=3435.

(5)  Komunikazzjoni tas-16.5.2017 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill, is-Seba' rapport ta' progress lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina, COM(2017) 261 finali.

(6)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-triq 'il quddiem biex jitjieb l-iskambju ta' informazzjoni u tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni tal-UE, 8 ta' Ġunju 2017: http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10151-2017-INIT/mt/pdf.

(7)  Il-konsultazzjoni pubblika u l-valutazzjoni tal-impatt huma disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/home-affairs/content/consultation-interoperability-eu-information-systems-borders-and-security_en.

(8)  https://edps.europa.eu/sites/edp/files/publication/17-11-16_opinion_interoperability_en.pdf.

(9)  ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).

(10)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/794 u (UE) 2016/1624, COM(2016) 731 finali, 16.11.2016.

(11)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta' Stati Membri li għandhom informazzjoni ta' konvinzjoni dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni apolidi (TCN) biex jissupplimentaw u jappoġġaw is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (is-sistema ECRIS-TCN) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011, COM(2017) 344 finali, 29.6.2017.

(12)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).