8.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/2


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar l-Aħjar Prattiki rigward il-Pubblikazzjoni Online tad-Deċiżjonijiet tal-Qorti

(2018/C 362/02)

1.   

F’demokraziji moderni, l-Istat tad-Dritt jeħtieġ li l-applikazzjoni tal-liġi mill-ġudikatura tkun trasparenti u li ċ-ċittadini jkollhom aċċess adegwat għas-sorsi tal-liġi. Il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qorti tipprovdi għarfien dwar kif il-liġi tiġi applikata mill-imħallef. L-għarfien dwar kawżi storiċi huwa ta’ importanza kbira sabiex il-professjonisti legali, il-korpi pubbliċi u ċ-ċittadini jkunu infurmati dwar l-evoluzzjoni tal-liġi.

2.   

L-Internet irrivoluzzjona l-mod kif l-informazzjoni tista’ tinxtered; bosta qrati u awtoritajiet ġudizzjarji jużaw teknoloġiji moderni biex jagħmlu d-deċiżjonijiet tal-qorti disponibbli għal kulħadd.

3.   

Sabiex l-ordni legali tal-UE tiffunzjona sew, l-għarfien reċiproku tas-sistemi legali ta’ Stati Membri oħrajn huwa indispensabbli, b’mod partikolari, iżda mhux biss, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-dritt tal-UE.

4.   

Il-pubblikazzjoni online tad-deċiżjonijiet tal-qorti teħtieġ li jiġu bbilanċjati firxa ta’ interessi, fil-limiti stabbiliti minn oqfsa legali u ta’ politika. Il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki nazzjonali tista’ sservi ta’ ispirazzjoni dwar kif dawn l-interessi jistgħu jiġu bbilanċjati.

5.   

Dan id-dokument jiddeskrivi sett ta’ dawn l-aħjar prattiki. Għandu jiġi enfasizzat li dawn l-aħjar prattiki m’għandhomx natura obbligatorja, ma jippruvaw jilħqu ebda tip ta’ armonizzazzjoni u għandhom jitqiesu sempliċiment bħala stedina għar-riflessjoni. Il-punt sa fejn, u l-mod kif, id-deċiżjonijiet tal-qorti jiġu ppubblikati fuq l-Internet, hija f’idejn kull Stat Membru individwali u/jew qorti li jiddeċiedu.

6.   

F’dan id-dokument, it-terminu “deċiżjonijiet tal-qorti” jkopri kull tip ta’ deċiżjoni ġudizzjarja intermedjarja u finali, taħt kwalunkwe isem, mogħtija minn tribunali jew qrati kif definiti mil-liġi nazzjonali.

7.   

Dawn l-aħjar prattiki jappartjenu biss għall-pubblikazzjoni attiva tad-deċiżjonijiet tal-qorti fuq l-Internet; ma jkoprux l-aċċess għal rekords/deċiżjonijiet tal-qorti kif regolat mis-sistemi nazzjonali dwar l-aċċess għad-dokumenti pubbliċi, sa fejn dawn is-sistemi jkunu bbażati fuq l-għoti ta’ aċċess permezz ta’ talbiet individwali f’każijiet speċifiċi.

I.   Rigward l-għażla

8.

Jekk hija għażla ta’ uħud mid-deċiżjonijiet tal-qrati biss li tiġi ppubblikata fuq l-Internet, il-kriterji tal-għażla bil-miktub jistgħu jiffaċilitaw il-proċessi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet responsabbli għall-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-qorti, filwaqt li fl-istess ħin joħolqu trasparenza lejn il-pubbliku. Għal raġunijiet ta’ trasparenza, il-pubblikazzjoni tal-kriterji tal-għażla tista’ tiġi kkunsidrata, kemm jekk dawn jinsabu fil-leġislazzjoni, fid-deċiżjonijiet ġudizzjarji jew fil-linji gwida għall-politika.

II.   Rigward il-protezzjoni tad-data

9.

Fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali f’deċiżjonijiet tal-qorti (u l-metadata tagħhom) ppubblikati fuq l-Internet, l-Istati Membri huma mitluba jqisu l-implikazzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, u, mill-25 ta’ Mejju 2018, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u l-istrumenti relatati.

10.

Fir rigward tal-għażla ta’ metodu (jekk ikun hemm) biex titgħatta d-data personali fid-deċiżjonijiet ippubblikati tal-qorti, trid tingħata attenzjoni speċjali biex it-test jibqa’ leġġibbli u jinftiehem.

11.

Il-qrati nazzjonali u l-awtoritajiet l-oħra huma mħeġġa jieħdu nota tal-Artikolu 95 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jindika ċ-ċirkustanzi li fihom persuni jew entitajiet kkonċernati jistgħu jsiru anonimu fi ħdan il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, u tal-paragrafi 21 u 22 tar-“Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari”, li fihom informazzjoni addizzjonali dwar il-proċedura taħt l-Artikolu 95 imsemmi qabel.

III.   Rigward l-użu mill-ġdid

12.

Tista’ titqies bħala prattika tajba li d-deċiżjonijiet tal-qorti ppubblikati, sa fejn dan ikun possibbli minħabba restrizzjonijiet ta’ natura teknika jew baġitarja u minħabba l-karatteristiċi tal-proċess tal-abbozzar, isiru disponibbli għall-użu mill-ġdid f’format li jinqara minn kompjuter.

13.

Tista’ titqies bħala prattika tajba li tal-inqas il-metadata formali ssir disponibbli għall-użu mill-ġdid ukoll, f’format strutturat tajjeb.

14.

Biex jinqdew il-ħtiġijiet tal-utenti mill-ġdid, jistgħu jitqiesu alternattivi adegwati biex dawn jitniżżlu.

IV.   Rigward it-titjib fl-użu

15.

Minħabba l-għadd kbir ta’ deċiżjonijiet tal-qorti li jiġu ppubblikati online, għandha titqies mhux biss id-disponibbiltà bażika ta’ dawk ir-repożitorji, iżda wkoll jekk u sa fejn dawn jistgħu jintużaw. Jistgħu jiġu kkunsidrati faċilitajiet differenti biex jissaħħaħ l-użu ta’ bażijiet ta’ data, kif ukoll alternattivi biex titjieb l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni li tinsab fihom, skont il-volum u l-partikolaritajiet tad-deċiżjonijiet ippubblikati, il-bżonnijiet reali taċ-ċittadini u tal-komunità ġuridika kif ukoll it-tradizzjonijiet nazzjonali. Xi eżempji li jistgħu jitqiesu huma l-magni tat-tiftix u l-metadata. Fir-rigward tal-metadata, l-oqsma obbligatorji u fakultattivi msemmija fil-Konklużjonijiet tal-ECLI jistgħu jkunu ta’ ispirazzjoni.

16.

Il-pubblikazzjoni komprensiva tad-deċiżjonijiet tal-qorti tikkontribwixxi għat-trasparenza tal-ġudikatura, iżda min-naħa l-oħra, toħloq repożitorji voluminużi li jista’ jkun diffiċli li fihom jinsabu deċiżjonijiet ta’ importanza legali jew ta’ impatt soċjali partikolari. Jekk ikun fattibbli mil-lat tekniku u organizzattiv, huwa rrakomandat li tiġi prevista xi tip ta’ klassifikazzjoni skont l-importanza, li tindika liema deċiżjonijiet, u sa fejn, dawn ikunu ta’ rilevanza għal oħrajn li ma jkunux partijiet fil-kawża.

Bħala l-aħjar prattika fir-rigward tal-identifikazzjoni u l-kwotazzjoni inekwivoċi tad-deċiżjonijiet tal-qorti, għandha titqies l-implimentazzjoni tal-Identifikatur Ewropew tal-Każistika. Biex jinkisbu l-benefiċċji sħaħ tal-qafas tal-ECLI, jista’ jiġi rrakkomandat li d-deċiżjonijiet li jkunu ngħataw ECLI, ikunu disponibbli permezz tal-magna tat-tiftix tal-ECLI.