3.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/1


Konklużjonijiet tal-Kunsill

Nutrizzjoni Tajba għat-Tfal: Il-Futur b’Saħħtu tal-Ewropa

(2018/C 232/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

1.   

IFAKKAR li t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) mmarka stadju ġdid fil-proċess tal-ħolqien ta’ Unjoni dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli tal-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin, u li l-Unjoni għandha l-għan li tippromwovi l-benessri tal-popli tagħha (1). Jeħtieġ li l-politiki tal-Unjoni, bħala kwistjoni ta’ prijorità, jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-interessi taċ-ċittadini.

2.   

IFAKKAR li l-kura tas-saħħa hija ta’ importanza fundamentali għall-Unjoni u li kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għal kura preventiva tas-saħħa skont il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, kif previst mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2).

3.   

IFAKKAR li għandu jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni (3).

4.   

IFAKKAR li kif stipulat, fost l-oħrajn, mill-Karta Ewropea dwar l-Ambjent u s-Saħħa (4), jenħtieġ li s-saħħa tal-individwi u l-komunitajiet tieħu preċedenza fuq kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija u kummerċ.

5.   

IFAKKAR li r-rispett għall-kulturi u t-tradizzjonijiet tal-Istati Membri huwa fost il-valuri ewlenin tal-Unjoni rikonoxxuti mit-Trattati (5).

6.   

IFAKKAR li l-azzjoni tal-Unjoni għandha rwol importanti li żżid il-valur tal-isforzi tal-Istati Membri billi tikkomplementa l-politiki nazzjonali, filwaqt li tirrispetta r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għad-definizzjoni tal-politika tagħhom dwar is-saħħa u għall-organizzazzjoni u t-twassil ta’ servizzi tas-saħħa u ta’ kura medika, f’konformità mal-Artikolu 168(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

7.   

IFAKKAR li f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Drittijiet tat-Tfal (6), l-Istati Parti għandhom jiżguraw kemm jista’ jkun is-sopravivenza u l-iżvilupp tat-tfal u jirrikonoxxu d-dritt tat-tfal għat-tgawdija tal-ogħla standard ta’ saħħa li jista’ jintlaħaq.

8.   

IFAKKAR fl-impenn qawwi tal-istituzzjonijiet u l-Istati Membri kollha tal-Unjoni lejn il-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett għad-drittijiet tat-tfal fil-politiki rilevanti kollha tal-Unjoni (7). Fl-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tfal, imwettqa minn istituzzjonijiet pubbliċi jew inkella dawk privati, l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu konsiderazzjoni primarja. L-impenn tal-Unjoni għad-drittijiet tat-tfal jeħtieġ approċċ koerenti fl-azzjonijiet u l-inizjattivi rilevanti kollha tal-Unjoni, skont it-Trattati, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal bħala bażi komuni għall-azzjonijiet kollha tal-Unjoni rilevanti għat-tfal.

9.   

JENFASIZZA li l-futur tal-Ewropa jinsab fil-ġenerazzjoni żagħżugħa, u li jenħtieġ li s-saħħa u l-benessri ġenwinament ikunu fil-qalba tal-politiki kollha tal-Unjoni, b’valutazzjoni tal-impatt tal-inizjattivi u l-miżuri kollha fuq is-saħħa tal-bniedem, u bil-ħsieb li jinħoloq ambjent xieraq għal stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa. It-tfulija hija tieqa ta’ opportunità unika biex ninfluwenzaw l-effetti tul il-ħajja fuq is-saħħa, il-kwalità tal-ħajja u l-prevenzjoni ta’ mard kroniku li ma jitteħidx (NCDs) (8).

10.   

JIRRIKONOXXI li l-politiki ta’ prevenzjoni li jiffukaw fuq fatturi ewlenin bħal dieta tajba għas-saħħa u attività fiżika regolari huma fost l-aħjar investiment fil-benessri personali ta’ ġenerazzjoni Ewropea żagħżugħa f’saħħitha. Il-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-benessri personali u s-saħħa fiżika u mentali tat-tfal għandhom benefiċċji għall-individwi kollha, għas-soċjetà inġenerali u għall-ekonomija. L-importanza tal-kapaċità li wieħed iżomm is-saħħa fiżika u mentali u jgħix ħajja bil-ħsieb ta’ saħħtu u orjentata lejn il-futur hija wkoll rikonoxxuta fir-Rakkomandazzjoni dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja (9).

11.   

JINNOTA li tali investiment huwa min-naħa tiegħu mutur ta’ tkabbir għall-ekonomija Ewropea u għal sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali sostenibbli, f’konformità mal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 (10).

12.   

IFAKKAR fl-importanza li t-tfal jikbru u jiżviluppaw b’saħħithom. JINNOTA li kundizzjonijiet marbuta mad-dieta bħall-piż żejjed u l-obeżità huma fost il-fatturi li jistgħu jaffettwaw is-saħħa immedjata tat-tfal u huma assoċjati mal-livell edukattiv u l-kwalità tal-ħajja. Huwa ferm probabbli li t-tfal bl-obeżità jibqgħu obeżi bħala adulti u għandhom riskju akbar ta’ mard kroniku.

13.   

JINNOTA li l-obeżità fit-tfal hija sfida għas-saħħa, li jenħtieġ titqies ukoll fil-kuntest usa’ tad-determinanti soċjoekonomiċi tas-saħħa u l-inugwaljanzi soċjali.

14.   

IFAKKAR fl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), li jinkludu l-għan li tittejjeb in-nutrizzjoni u l-mira li sal-2030 il-mortalità prematura minn NCDs tonqos b’terz permezz tal-prevenzjoni u t-trattament (11) u l-Pjan ta’ Azzjoni Globali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-NCDs 2013-2020 li għandu l-għan li jitnaqqas ir-riskju tal-mortalità prematura minn mard kardjovaskulari, kanċer, dijabete u mard respiratorju kroniku (12).

15.   

IFAKKAR li hemm erba’ fatturi ta’ riskju ewlenin għall-NCDs (l-użu tat-tabakk, l-inattività fiżika, dieta mhux tajba għas-saħħa u l-użu dannuż tal-alkoħol) u li għalhekk hi meħtieġa aktar azzjoni għall-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard.

16.   

JINNOTA BI TĦASSIB li x-xejriet inkwetanti fil-livell tal-UE u f’dak internazzjonali ta’ NCDs kroniċi dejjem jiżdiedu għandhom impatt fuq il-kwalità tal-ħajja personali u soċjali taċ-ċittadini tal-UE, u li dan l-impatt jista’ jitkejjel f’termini ekonomiċi: pressjoni akbar fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali, impatt fuq il-baġits tal-gvern u kapaċità mnaqqsa li tirriżulta f’telf ta’ produttività (13).

17.   

IFAKKAR fl-importanza tan-nutrizzjoni u l-ikel fit-titjib tas-saħħa taċ-ċittadini, kif rikonoxxut b’mod espliċitu f’konklużjonijiet adottati mill-Kunsill, l-aktar reċentement dwar is-suġġetti tan-nutrizzjoni u l-attività fiżika, it-titjib tal-prodotti tal-ikel u l-piż żejjed u l-obeżità tat-tfal (14), l-indirizzar tal-isfidi tar-riformulazzjoni tal-ikel, l-akkwist pubbliku u l-kummerċjalizzazzjoni, fost oħrajn. IFAKKAR li r-relazzjoni mill-qrib bejn in-nutrizzjoni u l-NCDs huwa wkoll rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni ta’ Vjenna tal-5 ta’ Lulju 2013 (15) u mill-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar l-Ikel u n-Nutrizzjoni 2015-2020 sussegwenti tal-Uffiċċju tad-WHO għall-Ewropa (16).

18.   

JILQA’ l-politiki u l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tal-Istati Membri dwar l-indirizzar tal-NCDs, bil-għan li sal-2020 l-għażla tajba għas-saħħa ssir aktar faċli għall-konsumaturi (17), inkluż billi jiġu inkoraġġuti r-riformulazzjoni tal-ikel u l-akkwist pubbliku marbut ma’ dieta tajba għas-saħħa, ikun hemm restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni li jagħmel l-ikel b’livelli għolja ta’ xaħam, melħ u zokkor attraenti għat-tfal, u sforzi oħra għall-prevenzjoni tal-piż żejjed u l-obeżità fit-tfal. B’mod ġenerali, ir-riformulazzjoni għandha tirriżulta f’dieta aħjar għas-saħħa u m’għandhiex twassal għal żieda fil-valur tal-enerġija.

19.   

IFAKKAR li l-għoti tal-possibbiltà lill-konsumaturi li jagħmlu għażliet infurmati dwar id-dieti xierqa huwa fil-qalba tal-qafas legali tal-Unjoni (18).

20.   

JINNOTA li mill-konċepiment, tul it-tqala u fl-ewwel jiem tal-ħajja, l-iżvilupp ta’ drawwiet tajbin għas-saħħa huwa fost id-determinanti ewlenin għal stennija tal-għomor itwal f’saħħa tajba, inkluż is-saħħa riproduttiva u l-iżvilupp intellettwali. Ix-xejriet ta’ nutrizzjoni adottati fl-ewwel tliet snin tal-ħajja jistgħu jġibu bidliet fir-rispons metaboliku li jistgħu jkunu irriversibbli minħabba programmazzjoni metabolika u mekkaniżmi epiġenetiċi (19). B’hekk, miżuri preventivi bil-għan li jmexxu d-drawwiet ta’ nutrizzjoni għandhom jinkoraġġixxu l-konsum ta’ ikel ta’ kwalità nutrittiva tajba mill-iżgħar età (20), li jkomplu permezz ta’ approċċ tul il-ħajja.

21.   

JIRRIKONOXXI li x-xejriet ta’ mġiba essenzjali u rilevanti għas-saħħa li jiżviluppaw tul it-tfulija u ż-żgħożija jdumu tul il-ħajja kollha.

22.   

JENFASIZZA li l-ambjent soċjali u ekonomiku għandu rwol ewlieni fit-tfassil tal-għażla. B’hekk, jenħtieġ li l-politiki u l-inizjattivi li jindirizzaw dak l-ambjent jippromwovu u jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ dieta tajba għas-saħħa, mingħajr ma l-piż tar-responsabbiltà jimxi bla bżonn għal fuq l-individwu.

23.   

JIRRIKONOXXI li t-tnaqqis fl-inugwaljanzi marbuta mas-saħħa ma jistax ikun ibbażat biss fuq l-għażla individwali, iżda jeħtieġ ukoll li l-politiki pubbliċi kollha jappoġġaw ambjenti tajbin għas-saħħa.

24.   

IFAKKAR li s-suċċess ta’ politika ta’ prevenzjoni effettiva u ambizzjuża jiddependi fuq l-implimentazzjoni ġenwina ta’ approċċ fejn is-saħħa titqies fit-tfassil tal-politiki kollha. Il-kooperazzjoni fost is-setturi kollha hija essenzjali għall-ħolqien ta’ ambjent favur is-saħħa, filwaqt li jiġu bbilanċjati l-prijoritajiet konfliġġenti u tiġi evitata l-frammentazzjoni. Dan jiżgura approċċ globali minn kull livell tal-gvern u minn kull livell tas-soċjetà.

25.   

IQIS importanti li politiki oħrajn tal-Unjoni, bħall-Politika Agrikola Komuni, jikkontribwixxu għall-għan li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet tajbin għas-saħħa, kif indikat ukoll fil-konklużjonijiet dwar “Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja”, adottati reċentement mill-Presidenza fid-19 ta’ Marzu 2018 bl-appoġġ ta’ 23 delegazzjoni (21). JIRRIKONOXXI l-kontribut tal-Iskema tal-Frott, il-Ħaxix u l-Ħalib fl-Iskejjel u mekkaniżmi oħra, appoġġati mill-PAK fl-Istati Membri, biex jittejbu l-eżiti marbuta mas-saħħa fl-UE (22).

26.   

JIRRIKONOXXI l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lit-tfal f’komunitajiet soċjalment żvantaġġati. JINNOTA li l-opportunitajiet li tikber b’saħħtek huma marbuta mill-qrib ma’ determinanti soċjali. Il-piż tal-mard tal-lum għandu l-għeruq tiegħu fil-mod kif jiġu indirizzati dawn il-fatturi soċjali u l-mod kif jitqassmu u jintużaw r-riżorsi tagħna (23).

27.   

JINNOTA BI TĦASSIB li l-għażliet attwali tal-ikel jistgħu jikkontribwixxu għal drawwiet tal-ikel dejjem agħar, għall-piż żejjed u l-obeżità u fatturi ta’ riskju assoċjati ma’ dawn. L-ikel ippreparat u pproċessat huwa faċilment disponibbli u aċċessibbli u, b’mod ġenerali, qed isir dejjem aktar parti mid-dieta ta’ kuljum tan-nies. B’mod partikolari, iż-żgħażagħ għandhom it-tendenza li jieklu barra mid-dar aktar spiss u jikkunsmaw ikel ta’ malajr faċilment aċċessibbli b’livelli għoljin ta’ xaħam, melħ u zokkor, xarbiet magħmulin ħelwin biz-zokkor u xarbiet li jagħtu l-enerġija.

28.   

JIRRIKONOXXI li l-preservazzjoni tad-diversità fl-ikel, dieti tradizzjonalment tajbin għas-saħħa bħad-dieta Mediterranja, id-dieta Nordika jew dieti reġjonali oħrajn, u drawwiet tal-ikel u stili tal-ħajja tajbin għas-saħħa, filwaqt li ttejjeb l-affordabbiltà u l-attraenza ta’ prodotti kemm staġjonali kif ukoll friski, kif ukoll ta’ ikel b’livelli baxxi ta’ xaħam, zokkor u melħ, hija kruċjali biex titreġġa’ lura x-xejra ta’ mard kroniku marbut man-nutrizzjoni.

29.   

JINNOTA BI TĦASSIB li t-tfal huma grupp vulnerabbli ta’ konsumaturi li huma esposti b’mod partikolari għall-kummerċjalizzazzjoni b’mezzi moderni bħal sponsorizzazzjoni, fejn jitqiegħdu l-prodotti (murija b’mod attraenti fil-punt tax-xiri), promozzjonijiet tal-bejgħ, promozzjonijiet multipli bl-użu ta’ persuni magħrufa, l-użu ta’ maskots jew karattri popolari, siti web, imballaġġ, tikkettar, posta elettronika u messaġġi b’test, attivitajiet ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva u attivitajiet filantropiċi marbuta ma’ opportunitajiet ta’ markar korporattiv, kif ukoll komunikazzjoni permezz ta’ “kummerċjalizzazzjoni virali” u bil-fomm (24). L-evidenza turi li r-reklamar jinfluwenza l-preferenzi tal-ikel tat-tfal, talbiet għax-xiri u x-xejriet ta’ konsum (25). Turi wkoll li f’ħafna sitwazzjonijiet, il-kontroll effettiv tal-ġenituri huwa fil-biċċa l-kbira diffiċli, jekk mhux kważi impossibbli.

30.   

IFAKKAR li skont id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (26), il-fornituri tas-servizzi tal-media huma mħeġġa jiżviluppaw kodiċijiet ta’ kondotta fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi mhux xierqa, li jakkumpanjaw jew jiġi inklużi fil-programmi tat-tfal, ta’ ikel u xorb li fihom nutrijenti u sustanzi b’effett nutrizzjonali jew fiżjoloġiku, b’mod partikolari dawk bħax-xaħam, l-aċidu xaħmi trans, il-melħ/sodju u z-zokkor, li l-konsum eċċessiv tagħhom fid-dieta inġenerali mhuwiex rakkomandat. Jinnota li l-prattiki ta’ wħud mill-Istati Membri juru li l-kodiċijiet ta’ kondotta jistgħu jkunu konformi mar-rakkomandazzjonijiet għal dieta tajba għas-saħħa.

31.   

IFAKKAR fil-ħtieġa li jitnaqqas il-konsum medju mill-konsumaturi tal-UE ta’ aċidi xaħmin trans, kif rikonoxxut ukoll mir-riżoluzzjoni adottata mill-Parlament Ewropew fis-26 ta’ Ottubru 2016 (27).

32.   

JINNOTA bi tħassib li l-approċċi diversi lejn ir-regolamentazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni li jeżistu fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali jistgħu ma jkunux effettivi daqs ir-regolamentazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera għall-UE kollha, b’kont meħud tad-dimensjoni transfruntiera tal-problema, b’mod partikolari fil-media diġitali.

33.   

JINNOTA l-benefiċċji ta’ djalogu bejn diversi partijiet ikkonċernati li jinkoraġġixxi r-responsabbiltà soċjali u etika fl-operaturi kollha tan-negozji tal-ikel, bħall-bdiewa u s-sajjieda, il-manifatturi, il-bejjiegħa bl-imnut, il-fornituri tal-ikel u r-ristoranti. JIRRIKONOXXI l-ispirtu u wħud mill-passi li ttieħdu s’issa minn xi partijiet ikkonċernati permezz ta’ impenji volontarji fil-qafas tal-Pjattaforma tal-UE għal Azzjoni dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa, inkluż fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni (28). L-istabbiliment ta’ interazzjoni u ambizzjoni akbar fil-livell tal-UE jista’ joħloq inċentivi biex il-partijiet ikkonċernati jistabbilixxu prattiki komuni aktar etiċi u effettivi għall-kummerċjalizzazzjoni (diġitali) mmirata lejn it-tfal ta’ ikel b’livelli għolja ta’ xaħam, melħ u zokkor, u biex jidħlu għal impenji aktar ambizzjużi li verament għandhom impatt fuq it-titjib tad-dieti tat-tfal. JINNOTA li fejn l-awtoregolamentazzjoni waħedha mhix adegwata, jista’ jkun hemm il-ħtieġa ta’ miżuri leġislattivi.

34.   

JINKORAĠĠIXXI aktar progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ ikel u xorb mhux alkoħoliku mmirata lejn it-tfal, skont il-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal u l-obbligu tal-UE li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tagħha.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX

35.

Ikomplu jiżviluppaw u jimplimentaw politiki mmirati li jindirizzaw lill-NCDs, abbażi ta’ approċċ olistiku fejn is-saħħa titqies fit-tfassil tal-politiki kollha u ta’ kooperazzjoni multisettorjali, skont il-Pjan ta’ Azzjoni Globali 2013-2020 għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-NCDs u b’kont meħud li n-nutrizzjoni hija fattur wieħed importanti fost oħrajn, b’enfasi partikolari fuq:

(a)

il-kontribut lejn id-disponibbiltà ta’ ikel u prodotti staġjonali, friski u tajbin għas-saħħa, affordabbli u mkabbra lokalment, li m’għandhomx livell għoli ta’ xaħam, melħ jew zokkor, sabiex l-għażla tajba għas-saħħa tkun dik l-aktar faċli;

(b)

l-appoġġ għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-saħħa, tal-agrikoltura u tal-edukazzjoni, biex b’hekk jinħoloq qafas li jinkoraġġixxi ikel tajjeb għas-saħħa, sostenibbli u frisk għall-ikliet li jingħataw fl-iskejjel preprimarji u fl-iskejjel;

(c)

il-ħolqien ta’ opportunitajiet għal aktar involviment mal-bdiewa, il-produtturi tal-ikel, il-bejjiegħa bl-imnut, il-fornituri tal-ikel u l-operaturi f’negozji oħrajn marbutin mal-ikel sabiex tiġi ffaċilitata d-disponibbiltà ta’ prodotti li jappoġġaw dieta tajba għas-saħħa u tonqos il-promozzjoni ta’ ikel ipproċessat u xorb b’livelli għoljin ta’ xaħam, melħ u zokkor;

(d)

il-kunsiderazzjoni ta’ appoġġ għal inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni u gwida, kif xieraq, orjentati lejn it-tfal, il-ġenituri u l-edukaturi, il-persuni li jindukraw u l-fornituri tal-ikel fil-faċilitajiet edukattivi, fir-rigward ta’ dieti bbilanċjati u informazzjoni li tidentifika għażliet tal-ikel nutrittivi, affordabbli u konvenjenti, daqsijiet xierqa tal-porzjonijiet, frekwenza tal-konsum u għarfien dwar il-perkors “mill-għalqa sal-platt”;

(e)

il-ġlieda attiva kontra ambjent obeżoġeniku, speċjalment f’sitwazzjonijiet fejn jinġabru t-tfal, bħal postijiet tal-edukazzjoni tat-tfal, ċentri tal-indukrar tat-tfal u faċilitajiet sportivi, billi jiġu offruti għażliet ta’ ikel u xorb li jappoġġaw dieta varjata, ibbilanċjata u tajba għas-saħħa, filwaqt li jiġi żgurat li l-faċilitajiet edukattivi jkunu ħielsa minn sforzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, inkluż l-isponsorizzazzjoni minn ditti u kumpanniji li jippromwovu ikel u xorb b’livelli għoljin ta’ xaħam, melħ u zokkor, u l-faċilitajiet tal-isports jiġu mħeġġa jagħmlu l-istess, u billi jiġu inkoraġġuti prattiki ta’ akkwist li jippromwovu s-saħħa;

(f)

l-iżgurar li l-komunikazzjoni u l-konsulenza dwar in-nutrizzjoni jkunu ħielsa minn influwenza kummerċjali indebita, u li ma jitqajmux konflitti ta’ interess;

(g)

il-kunsiderazzjoni tal-introduzzjoni, fil-kuntest tal-kura primarja permezz ta’ approċċ ibbażat fuq il-familja, ta’ programmi għall-ġestjoni tal-piż ibbażati fuq l-evidenza għal tfal li huma obeżi;

(h)

l-appoġġ biex jingħataw kontributi attivi u pariri professjonali minn professjonisti tal-kura tas-saħħa lil nisa tqal, it-trabi, it-tfal, l-adoloxxenti, il-ġenituri u l-familji sabiex il-konsulenza u l-monitoraġġ jitjiebu abbażi tal-aktar evidenza xjentifika reċenti dwar in-nutrizzjoni, bil-ħsieb li jiġu żgurati dieti tajbin għas-saħħa f’kull stadju tal-ħajja;

(i)

l-issoktar tal-inkoraġġiment tat-treddigħ skont ir-rakkomandazzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali (29), inkluż permezz ta’ restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta’ sostituti tal-ħalib tas-sider;

(j)

iż-żieda fir-rilevanza għas-saħħa pubblika tal-informazzjoni dwar l-ikel permezz tal-edukazzjoni, it-tikkettar u mezzi oħra, inkluż fil-qafas tal-kooperazzjoni bilaterali, multilaterali u fil-livell tal-UE;

(k)

l-għoti ta’ attenzjoni partikolari biex jintlaħqu u jiġu involuti t-tfal li ġejjin minn ambjent soċjoekonomiku aktar baxx u t-tfal li jinsabu f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX

36.

F’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet, il-kulturi u t-tradizzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali, taħt it-tmexxija tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u tal-ikel:

(a)

iqiegħdu lin-nies u s-saħħa tan-nies fil-qalba tal-politiki u l-azzjonijiet kollha, inkluż billi jiddiskutu b’mod trasparenti r-rwol attwali u futur tal-UE fid-difiża tas-saħħa pubblika fil-kuntest tad-diskussjoni dwar il-futur tal-Ewropa;

(b)

jappoġġaw il-politiki dwar in-nutrizzjoni, l-ikel u l-attività fiżika li jagħtu prijorità lid-drittijiet tat-tfal, u b’hekk jappoġġaw l-investiment f’Ewropa futura ta’ ġenerazzjonijiet żagħżugħa u b’saħħithom;

(c)

jieħdu approċċ strateġiku fejn il-kunsiderazzjonijiet tas-saħħa jitqiesu f’politiki oħra, kif irrakkomandat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Saħħa fil-Linji Politiċi Kollha (30);

(d)

ikomplu jiskambjaw l-esperjenzi u l-aħjar prattiki u jappoġġaw il-kooperazzjoni volontarja bejn is-setturi bħas-saħħa, l-agrikoltura, l-edukazzjoni, il-kummerċ, il-finanzi, it-tassazzjoni, l-isport u x-xjenza fir-rigward ta’ politiki li jwasslu għall-forniment akbar ta’ prodotti staġjonali u friski affordabbli li jikkontribwixxu għal dieta tajba għas-saħħa u fir-rigward tat-tikkettar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ikel, sabiex jitjieb l-istat tas-saħħa fl-UE;

(e)

iqajmu sensibilizzazzjoni fost il-bdiewa u s-sajjieda dwar il-ħtiġijiet tal-konsumaturi, l-importanza ta’ produzzjoni li tappoġġa l-linji gwida nazzjonali dwar id-dieta, u l-benefiċċji ta’ skemi u marki ta’ kwalità fil-produzzjoni lokali u staġjonali, li jistgħu jservu bħala assigurazzjoni li l-prodotti tal-ikel jikkontribwixxu għal dieta tajba għas-saħħa;

(f)

ikomplu jappoġġaw u jimplimentaw il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fit-Tfulija 2014-2020, speċjalment fir-rigward ta’ politiki u azzjonijiet b’impatt transfruntier, bħall-promozzjoni ta’ ambjenti aktar tajbin għas-saħħa, li l-għażla tajba għas-saħħa tkun l-aktar waħda faċli, ir-restrizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni u reklamar immirat lejn it-tfal, u l-promozzjoni ta’ akkwist pubbliku li jappoġġa għażliet aktar tajbin għas-saħħa u l-attività fiżika; ikomplu jinkoraġġixxu lill-partijiet ikkonċernati biex jieħdu azzjoni responsabbli, jieħdu kont ta’ proposti awtoregolatorji jew iqisu l-adozzjoni ta’ miżuri regolatorji kif meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet mixtieqa;

(g)

sabiex jipproteġu lit-tfal u ż-żgħażagħ milli jiġu esposti għal reklamar transfruntier u b’kont meħud tal-impatt transfruntier tal-imballaġġ u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti, iħejju, jirrevedu u jsaħħu l-inizjattivi li għandhom l-għan li jnaqqsu l-esponiment tat-tfal u l-adoloxxenti għall-kummerċjalizzazzjoni, ir-reklamar fi kwalunkwe media, inkluż pjattaformi online u l-media soċjali, u forom oħra ta’ sponsorizzazzjoni jew promozzjoni ta’ ikel b’livelli għoljin ta’ enerġija, xaħmijiet saturati, aċidi xaħmin trans, zokkor u melħ jew li ma jikkonformawx mal-linji gwidi nazzjonali jew internazzjonali dwar in-nutrizzjoni;

(h)

jimmonitorjaw il-konformità tal-inizjattivi volontarji nazzjonali u tal-UE li għandhom l-għan li jnaqqsu l-impatt tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ ikel b’kontenut għoli ta’ xaħam, melħ u zokkor fuq it-tfal;

(i)

jinkoraġġixxu miżuri li jsaħħu l-wegħdiet nazzjonali u tal-UE, inkluż (i) kriterji dwar in-nutrizzjoni bbażati fuq l-evidenza, (ii) l-estensjoni tal-wegħda biex tinkludi t-tfal u l-minorenni kollha, (iii) li jinkludu l-forom kollha ta’ kummerċjalizzazzjoni, bħat-tqegħid tal-prodotti, l-isponsorizzazzjoni, il-promozzjonijiet fis-supermarkets, l-imballaġġ tal-prodotti u l-użu ta’ karattri u maskots tad-ditta, sabiex il-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar tal-industrija jsiru konsistenti mal-impenji internazzjonali; jimxu ’l quddiem b’miżuri li jippermettu li inizjattivi bħal dawn jitjiebu u jkopru partijiet tal-ispettru tas-suq li bħalissa mhumiex koperti;

(j)

ikomplu jappoġġaw miżuri ta’ sostenn għar-regolamentazzjoni effettiva tal-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera, jimmonitorjaw l-iżvilupp ta’ media ġodda, jevalwaw l-adegwatezza tal-miżuri attwali li għandhom l-għan li jnaqqsu l-esponiment, partikolarment tat-tfal u ż-żgħażagħ, għal reklamar dwar l-ikel trasmess permezz tal-media diġitali, inkluż il-media soċjali, kif ukoll jesploraw possibbiltajiet għal soluzzjonijiet permezz ta’ djalogu mar-regolaturi u l-media;

(k)

jippromwovu kampanji edukattivi u informattivi bl-għan ta’ fehim aħjar tal-informazzjoni dwar l-ikel, kif ukoll it-tekniki tal-kummerċjalizzazzjoni, b’mod partikolari f’ambjenti tal-familja, l-edukazzjoni u l-isport;

(l)

jappoġġaw proġetti ta’ riċerka li jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-politiki dwar is-saħħa, bħal riċerka dwar: studji komparabbli tal-promozzjoni tas-saħħa u l-konsum; il-fehim aħjar tad-drawwiet marbutin mad-dieta, ix-xejriet tal-konsum u l-impatt ta’ dieti tradizzjonali bħad-dieta Mediterranja, id-dieta Nordika u dieti u prodotti tradizzjonali oħra madwar l-Ewropa; il-valutazzjoni tal-esponiment tat-tfal għal kummerċjalizzazzjoni, l-informazzjoni dwar l-ikel u t-tqegħid tal-ikel; il-prevenzjoni ta’ piż żejjed u obeżità fi gruppi tal-età differenti u ambjenti differenti; il-valutazzjoni tal-impatt ta’ sustanzi jew addittivi innovattivi fuq is-saħħa; it-titjib tal-prodotti tal-ikel; il-ġbir ta’ evidenza dwar miżuri ta’ politika pubblika dwar is-saħħa u valutazzjonijiet tal-impatt fuq is-saħħa ta’ politiki oħrajn;

(m)

jimmiraw li jtejbu l-forniment ta’ produzzjoni lokali friska, staġjonali, tajba għas-saħħa u affordabbli billi jikkunsidraw, pereżempju, li jsaħħu l-appoġġ għall-bdiewa żgħar, iqassru l-katini tal-provvista tal-ikel, jippromwovu infrastrutturi għall-promozzjoni u l-bejgħ ta’ ikel mhux ipproċessat (bħal swieq tal-produtturi lokali) u jipprevjenu prattiki ta’ kummerċ inġusti, ukoll billi jinkoraġġixxu l-SMEs u l-bejjiegħa bl-imnut biex jipprovdu soluzzjonijiet responsabbli u sostenibbli għall-forniment ta’ ikel li huwa ta’ nutrizzjoni adegwata għal dieta tajba għas-saħħa;

(n)

ikomplu, filwaqt li jqisu l-attivitajiet preċedenti tal-Azzjoni Konġunta dwar in-Nutrizzjoni u l-Attività Fiżika, jidentifikaw, jiġbru u jaqsmu informazzjoni fil-livell tal-UE dwar l-aħjar prattiki u dwar miżuri nazzjonali li jipprovdu approċċ olistiku għall-iskejjel preprimarji u l-iskejjel bħala ambjenti li jippromwovu s-saħħa, kif ukoll dwar l-indirizzar tal-isfidi għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri;

(o)

jiddiskutu flimkien u, fejn xieraq, jimplimentaw l-aħjar prattiki vvalidati fil-qasam tan-nutrizzjoni u l-attività fiżika, sabiex iwasslu riżultati aktar malajr u b’mod aktar effettiv liċ-ċittadini, inkluż fil-qafas tal-Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni u l-Prevenzjoni (31);

(p)

jieħdu nota tad-domanda tal-konsumaturi meta jfasslu l-PAK futura billi jappoġġaw id-diversità u l-kwalità u b’hekk jikkontribwixxu għal forniment aktar orjentat lejn id-domanda ta’ ikel frisk, lokali u staġjonali affordabbli, li jikkontribwixxi lejn dieta tajba għas-saħħa u sostenibbli. Iqisu possibbiltajiet biex jittieħed kont tal-impatt possibbli ta’ prattiki li jappoġġaw l-agrikoltura fuq: id-drawwiet alimentari tal-popolazzjoni, katini tal-provvista iqsar, l-iskemi tal-Frott, il-Ħaxix u l-Ħalib fl-Iskejjel, u inizjattivi biex jittejbu l-apprezzament tal-oriġini tal-ikel u l-għarfien dwar dan fost it-tfal tal-iskola, bħal żjarat fuq il-post fl-irziezet;

(q)

jaħdmu flimkien biex jappoġġaw politiki u miżuri li jindirizzaw l-NCDs u l-obeżità fit-tfal, u b’hekk jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika fl-inizjattivi u l-proposti kollha fis-suq intern.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX

37.

Tkompli tagħti prijorità lis-saħħa pubblika, b’mod partikolari billi tindirizza kwistjonijiet ta’ importanza transfruntiera, bħall-kummerċjalizzazzjoni tal-ikel immirata lejn it-tfal, it-titjib tal-prodotti tal-ikel, it-tikkettar, il-konċentrazzjoni tas-suq fil-katini tal-provvista tal-ikel, u proġetti ta’ riċerka li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-saħħa pubblika, bl-għan aħħari li jitjiebu l-eżiti tas-saħħa fl-UE.

38.

Tappoġġa lill-Istati Membri fl-iskambju, it-tixrid u t-trasferiment tal-aħjar prattiki fil-qasam tan-nutrizzjoni u l-attività fiżika sabiex jitjiebu l-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u l-ġestjoni tal-NCDs, u tappoġġa b’mod partikolari inizjattivi ffukati fuq il-kooperazzjoni komprensiva, integrattiva u multisettorjali u l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ approċċ fejn is-saħħa titqies fit-tfassil tal-politiki kollha.

39.

Tibni fuq il-progress li kiseb il-Grupp ta’ Livell Għoli għan-Nutrizzjoni u l-Attività Fiżika (32), u tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fil-qasam tal-linji gwida għall-akkwist pubbliku tal-ikel.

40.

Tkompli tinkoraġġixxi impenn aktar ambizzjuż min-naħa tal-partijiet ikkonċernati fil-livell tal-UE bil-għan li jitfasslu politiki ġusti u responsabbli dwar il-kummerċjalizzazzjoni, abbażi tat-tagħlimiet meħuda u l-eżempji li rnexxew, bħall-Pjattaforma tal-UE għal Azzjoni dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa.

41.

B’kont meħud li r-regolamentazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni mmirata lejn it-tfal fil-forom differenti tagħha hija sfida globali li jenħtieġ li tiġi indirizzata fil-livell tal-UE, tesplora alternattivi biex jissaħħaħ il-qafas tal-UE, inkluż billi tistabbilixxi kriterji, toħroġ linji gwida informattivi, tappoġġa l-kampanji u tibqa’ għaddejja bis-sorveljanza, bil-ħsieb li jitnaqqas l-impatt negattiv tal-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera tal-ikel fuq is-saħħa tat-tfal.

42.

Issaħħaħ is-sinerġiji fil-proġetti ta’ Orizzont 2020 fost is-setturi rilevanti kollha.

43.

Tesplora l-possibbiltajiet kollha biex tkompli tappoġġa l-politiki u l-inizjattivi tal-Istati Membri fil-qafas tal-istrumenti eżistenti fil-livell tal-UE, bħat-Tielet Programm għall-azzjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika (33), il-Politika Agrikola Komuni, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, u Orizzont 2020, u biex tiżgura mekkaniżmi sostenibbli fil-futur iffukati fuq il-ħtieġa li jsir investiment fin-nies.

(1)  Ara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 3(1) TUE.

(2)  ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391. Ara b’mod partikolari l-Artikolu 35.

(3)  Ara pereżempju l-Artikolu 12 u l-Artikoli 114(3) u 168(1) TFUE, u l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(4)  Il-Karta Ewropea dwar l-Ambjent u s-Saħħa, adottata fit-8 ta’ Diċembru 1989 mill-Ministri għall-Ambjent u s-Saħħa tal-Istati Membri tad-WHO Ewropa.

(5)  Ara pereżempju s-sitt paragrafu tal-preambolu għat-TUE: “XEWQANA li jsaħħu s-solidarjetà bejn il-popli tagħhom filwaqt li jirrispettaw l-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħhom”, u l-Artikolu 167(1) TFUE: “L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-fjoritura tal-kulturi tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess waqt tirriżalta l-wirt kulturali komuni.”

(6)  Adottata u miftuħa għall-iffirmar, ir-ratifika u l-adeżjoni bir-Riżoluzzjoni 44/25 tal-Assemblea Ġenerali tal-20 ta' Novembru 1989; daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Settembru 1990, f’konformità mal-Artikolu 49.

(7)  Ara b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE u l-Artikolu 6(a) TFUE, u l-Artikolu 24(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(8)  Farpour-Lambert (2015): Childhood Obesity Is a Chronic Disease Demanding Specific Health Care – a Position Statement from the Childhood Obesity Task Force (COTF) mill-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Istudju dwar l-Obeżità (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Adottata mill-Kunsill fit-22 ta’ Mejju 2018 (9009/2018) u li għandha tiġi ppubblikata fil-ĠU L […].

(10)  Strateġija Ewropea għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, 2010.

(11)  Fir-Riżoluzzjoni tan-NU adottata mill-Assemblea Ġenerali f’Settembru 2015. Ara b’mod partikolari l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 3, mira 3.4.

(12)  Ara Follow-up to the Political Declaration of the High-level Meeting of the General Assembly on the Prevention and Control of Non-communicable Diseases (mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  Ara pereżempju Obesity and the Economics of Prevention Fit not Fat, OECD 2010; Obesity update, OECD 2017; Mill-pakkett ta’ ħidma WP 4: Evidence (the economic rationale for action on childhood obesity), JANPA 2016; il-Health Promotion and Disease Prevention Knowledge Gateway - Kummissjoni Ewropea, 2017 (mhux disponibbli bil-Malti).

(14)  Rispettivament: ĠU C 213, 8.7.2014, p. 1; ĠU C 269, 23.7.2016, p. 21; ĠU C 205, 29.6.2017, p. 46.

(15)  Id-Dikjarazzjoni tal-5 ta’ Lulju 2013 mill-Ministri għas-saħħa u r-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fir-Reġjun Ewropew (mhux disponibbli bil-Malti).

(16)  Ara EUR/RC64/14 (mhux disponibbli bil-Malti).

(17)  Ara l-Konklużjonijiet dwar it-titjib tal-prodotti tal-ikel, paragrafu 27.

(18)  Ara, fost l-oħrajn, ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9), ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18) u r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).

(19)  Global nutrition targets 2025: childhood overweight. Policy brief. Ġinevra: Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, 2014; Hancox, R. J., Stewart, A. W., Braithwaite, I., Beasley, R., Murphy, R., Mitchell, E. A., et al., ‘Association between breastfeeding and body mass index at age 6-7 years in an international survey’, Pediatric Obesity, Vol. 10, Nru 4, 2015, pp. 283-287. Gunnell, L., Neher, J., Safranek, S., ‘Clinical inquiries: Does breastfeeding affect the risk of childhood obesity?’, Journal of Family Practice, Vol. 65, 2016, pp. 931-932. Watson, R. R., Grimble, G., Preedy, V. R., Zibadi, S., edituri, Nutrition in infancy, Springer, Berlin, 2013 (mhux disponibbli bil-Malti).

(20)  “In the first 2 years of a child’s life, optimal nutrition fosters healthy growth and improves cognitive development. It also reduces the risk of becoming overweight or obese and developing NCDs later in life.” Healthy diet, WHO, Skeda Informattiva Nru 394 (mhux disponibbli bil-Malti).

“The risks presented by unhealthy diets start in childhood and build up throughout life. In order to reduce future risk of non-communicable diseases children should maintain a healthy weight and consume foods that are low in saturated fat, trans-fatty acids, free sugars, and salt”. WHO - Marketing of foods and non-alcoholic beverages to children, p. 7 (mhux disponibbli bil-Malti).

(21)  Għalkemm il-PAK għandha objettivi diversi, il-konsultazzjoni pubblika reċenti wriet il-ħtieġa li jitqiesu l-preferenzi tal-konsumaturi, inkluż dawk għal prodotti organiċi friski, aktar varjati u aktar aċċessibbli. L-eżitu hu rifless ukoll fil-premessa (10) tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza (7324/18), appoġġata mill-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

(22)  Ara, b’mod partikolari, Opinion of the High Level Group on Nutrition and Physical Activity.(mhux disponibbli bil-Malti).

(23)  Obesity and inequities. Guidance for addressing inequities in overweight and obesity, WHO, Uffiċċju Reġjonali għall-Ewropa, 2014 (mhux disponibbli bil-Malti).

(24)  Ara WHO - Marketing of foods and non-alcoholic beverages to children, p. 7 (mhux disponibbli bil-Malti).

(25)  WHO Final Report on Ending Childhood Obesity (mhux disponibbli bil-Malti).

(26)  ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

(27)  P8_TA(2016)0417.

(28)  Impenji volontarji tal-membri tal-pjattaforma tal-UE għal azzjoni dwar id-dieta, l-attività fiżika u s-saħħa.

(29)  Ara Global Strategy for Infant and Young Child Feeding, WHO and UNICEF, 2003 (mhux disponibbli bil-Malti).

(30)  Konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fit-30 ta’ Novembru 2006 (16167/06).

(31)  https://ec.europa.eu/health/non_communicable_diseases/steeringgroup_promotionprevention_mt

(32)  Grupp ta' Livell Għoli għan-Nutrizzjoni u l-Attività Fiżika, imwaqqaf biex isaħħaħ ir-rwol tal-gvernijiet tal-UE (u tal-EFTA) fil-ġlieda kontra l-piż żejjed u l-obeżità.

(33)  Ara r-Regolament (UE) Nru 282/2014.