11.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 8/12


Il-miżuri adottati mill-Irlanda skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u msemmija fil-Premessa 1 tad-Deċiżjoni C(2017) 2898 tat-8 ta’ Mejju 2017

(2018/C 8/05)

S.I. Nru 465 tal-2017

L-ATT DWAR IX-XANDIR TAL-2009 (NOMINAZZJONI TA’ AVVENIMENTI EWLENIN)

L-ORDNI TAL-2017

Jien, DENIS NAUGHTEN, il-Ministru għall-Komunikazzjonijiet, il-Bidla fil-Klima u l-Ambjent, b’eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lili skont is-sottotaqsima (1) tat-taqsima 162 tal-Att dwar ix-Xandir tal-2009 (Nru 18 tal-2009) (kif adattata bl-Ordni tal-2016 dwar il-Komunikazzjonijiet, l-Enerġija u r-Riżorsi Naturali (Bidla tal-Isem tad-Dipartiment u tat-Titlu tal-Ministru) (S.I. Nru. 421 tal-2016)) u wara konsultazzjoni mal-Ministru għat-Trasport, it-Turiżmu u l-Isport kif previst bis-sottotaqsima (5) ta’ dik it-taqsima (kif adattata bl-Ordni tal-2011 dwar it-Turiżmu u l-Isport (Trasferiment tal-Amministrazzjoni Dipartimentali u tal-Funzjonijiet Ministerjali (Nru 2) (S.I. Nru 217 tal-2011)), b’dan nagħmel l-ordni li ġejja li fir-rigward tagħha, skont is-sottotaqsima (6) ta’ dik it-taqsima, tressaq abbozz lil kull Kamra tal-Oireachtas u ngħaddiet riżoluzzjoni li tapprova l-abbozz minn kull waħda mit-tali Kmamar:

1.

Din l-Ordni tista’ tiġi kkwotata bħala l-Ordni tal-2017 tal-Att tax-Xandir 2009 (Nominazzjoni ta’ Avvenimenti Ewlenin).

2.

L-avvenimenti speċifikati fl-Iskeda huma nominati bħala avvenimenti ta’ importanza ewlenija għas-soċjetà li għalihom id-dritt ta’ xandar li jikkwalifika li jipprovdi trażmissjoni diretta u sħiħa fuq servizzi televiżivi bla ħlas għandu jkun provdut fl-interess pubbliku.

3.

Kull waħda mill-partiti li fihom tilgħab l-Irlanda fis-Six Nations Rugby Football Championship hija nominata bħala avveniment ta’ importanza ewlenija għas-soċjetà li għalih id-dritt ta’ xandar li jikkwalifika li jipprovdi trażmissjoni fuq bażi deferita u sħiħa fuq servizzi televiżivi bla ħlas għandu jkun provdut fl-interess pubbliku.

4.

L-Ordni tal-2003 tal-Att tal-2009 dwar ix-Xandir (Trażmissjonijiet ta’ Avvenimenti Televiżivi Ewlenin) (Nominazzjoni ta’ Avvenimenti Ewlenin) (S.I. Nru 99 tal-2003) hija revokata.

L-Avviż tal-għemil ta’ dan l-Istrument Statutorju ġie ppubblikat fl-Iris Oifigiúil tas-27 ta’ Ottubru 2017.

SKEDA

Artikolu 2

Il-Logħob Olimpiku tas-Sajf

L-“All-Ireland Senior Inter-County Football and Hurling Finals”

Il-partiti ta’ kwalifika tal-Irlanda f’darhom u barra minn darhom fit-turnej tal-Kampjonat Ewropew tal-Futbol u tal-logħob tat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol tal-FIFA

Il-partiti tal-Irlanda fit-Turnew tal-Finali tal-Kampjonat Ewropew tal-Futbol u fit-Turnew tal-Finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA

Il-partiti tal-ftuħ, is-semifinali u l-finali tal-Finali tal-Kampjonat Ewropew tal-Futbol u tat-Turnew tal-Finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA

Il-partiti tal-Irlanda fit-Turnew tal-Finali tat-Tazza tad-Dinja tar-Rugby

L-Irish Grand National u l-Irish Derby

In-Nations Cup fid-Dublin Horse Show

Il-Finali tal-All-Ireland Ladies Gaelic Football

Il-Finali tal-All-Ireland Ladies Camogie

25 ta’ Ottubru 2017.

DENIS NAUGHTEN

Il-Ministru tal-Komunikazzjonijiet, l-Azzjoni dwar il-Klima u l-Ambjent