5.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 438/11


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ AT.40049 — Mastercard II

(2018/C 438/04)

1.   Introduzzjoni

(1)

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (1), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi – f’dawk il-każijiet fejn ikollha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni li tobbliga li ksur jinġieb fi tmiemu u l-partijiet ikkonċernati joffru li jidħlu għal irbit li jkun jissodisfa t-tħassib indikat lilhom mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni preliminari tagħha – li dak l-irbit isir vinkolanti fuq l-impriżi. Deċiżjoni bħal din tista’ tiġi adottata għal perjodu speċifiku u għandha tikkonkludi li ma hemmx aktar raġunijiet għal azzjoni mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 27(4) tal-istess Regolament, il-Kummissjoni għandha tippubblika sommarju konċiż tal-każ u l-kontenut prinċipali tal-impenji. Il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw il-kummenti tagħhom sal-limitu taż-żmien għal dan stabbilit mill-Kummissjoni.

2.   Sommarju tal-Każ

(2)

Fid-9 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) kontra MasterCard Europe S.A.; MasterCard Incorporated u MasterCard International Incorporated (flimkien “Mastercard”).

(3)

Id-DO fissret il-fehma preliminari tal-Kummissjoni li r-regoli ta’ Mastercard dwar tariffi multilaterali tal-interkambju (multilateral interchange fees — “MIFs” (2)) li japplikaw għal tranżazzjonijiet interreġjonali b’kards ta’ debitu u ta’ kreditu tal-konsumatur maħruġa minn emittent (il-bank tad-detentur tal-kard) li jkun jinsab barra ż-ŻEE fi ħwienet merkantili li jkunu jinsabu fiż-ŻEE huma bi ksur tal-Artikolu 101 tat-TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE. Dawn jinkludu tranżazzjonijiet ta’ “kard preżenti” (meta d-detentur tal-kard ikun preżenti, pereżempju f’ħanut) u “kard mhux preżenti” (meta d-detentur tal-kard ma jkunx preżenti, pereżempju meta n-numru tal-kard u d-dettalji ta’ awtentikazzjoni jingħataw permezz tal-Internet, bil-posta jew bit-telefown).

(4)

Id-DO jinnota li r-regoli ta’ Mastercard jobbligaw lill-akkwirent (il-bank tan-negozjant) iħallas lill-emittent MIFs interreġjonali (il-bank tad-detentur tal-kard) għal kull tranżazzjoni interreġjonali f’ħanut fiż-ŻEE, u wkoll li l-MIFS interreġjonali ta’ Mastercard huma ekwivalenti għal deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE/l-Artikolu 53(1) ŻEE.

(5)

Kif imfisser fid-DO, meta detentur ta’ kard juża kard għall-ħlas biex jixtri oġġetti jew servizzi mingħand negozjant, in-negozjant iħallas tariffa għas-servizz tan-negozjant lill-akkwirent tiegħu. L-akkwirent iżomm parti minn din it-tariffa (il-marġni tal-akkwirent), parti tingħadda lill-emittent (l-MIF) u parti tgħaddi għand l-operatur tal-iskema (f’dan il-każ Mastercard). Id-DO tkompli tiddikjara li parti kbira mit-tariffa għas-servizz tan-negozjant hija ddeterminata mill-MIF. Madankollu, il-Kummissjoni kienet f’każijiet fil-passat aċċettat MIFs li jkunu konformi mal-hekk imsejjaħ Test tal-Indifferenza tan-Negozjant (Merchant Indifference Test - “MIT”) (3). Skont it-test, it-tariffa tal-interkambju ma għandhiex bħala medja teċċedi l-benefiċċji tranżazzjonali li n-negozjanti jieħdu meta jaċċettaw kards tal-ħlas. MIF bħal din tiżgura li n-negozjanti, bħala medja, jkunu indifferenti jekk jaċċettawx pagamenti bil-kard u mezzi oħra ta’ pagamenti, u toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-kompetizzjoni bejn strumenti alternattivi ta’ pagament.

3.   Il-Kontenut Prinċipali tal-Impenji Offruti

(6)

MasterCard Europe S.A.; MasterCard Incorporated u MasterCard International Incorporated, bħala l-partijiet soġġetti għall-proċedimenti, ma jaqblux mal-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni. Madankollu huma offrew li jimpenjaw ruħhom b’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, li jissodisfaw it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni. L-impenji huma spjegati fil-qosor hawn taħt u ppubblikati bl-Ingliż fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni fuq:

http://ec.europa.eu/competition/index_en.html

(7)

Sitt xhur wara d-data li fiha Mastercard tirċievi avviż formali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, Mastercard timpenja ruħha li tillimita:

(a)

id-Debitu IIF għal Tranżazzjonijiet ta’ Kard Preżenti (KP) Interreġjonali għal 0,2 %; kif ukoll

(b)

il-Kreditu IIF għal Tranżazzjonijiet ta’ Kard Preżenti (KP) Interreġjonali għal 0,3 %; kif ukoll

(c)

id-Debitu IIF għal Tranżazzjonijiet ta’ Kard Mhux Preżenti (KMP) Interreġjonali għal 1,15 %; kif ukoll

(d)

il-Kreditu IIF għal Tranżazzjonijiet ta’ Kard Mhux Preżenti (KMP) Interreġjonali għal 1,5 %.

(8)

Dawn l-Impenji se jibqgħu fis-seħħ għal perjodu ta’ ħames snin u sitt xhur wara l-avviż tad-deċiżjoni ta’ impenn lil Mastercard.

(9)

F’mill-inqas 12-il ġurnata tax-xogħol wara l-avviż tad-deċiżjoni ta’ impenn, Mastercard tinnotifika li kull akkwirent ta’ Tranżazzjonijiet Interreġjonali ta’ Mastercard u titlob li kull akkwirent, min-naħa tiegħu, jinnotifika fil-pront lill-klijenti negozjanti rispettivi tagħhom li: i) l-Impenji ġew adottati u li ii) l-IIFs jkollhom limitu massimu għat-tranżazzjonijiet interreġjonali kollha fil-ġejjieni magħmula b’kards ta’ debitu u ta’ kreditu tal-konsumatur għal kemm idumu l-Impenji. Ukoll mill-anqas fi żmien 12-il ġurnata ta’ xogħol wara n-notifika tad-deċiżjoni dwar l-impenji, Mastercard għandha ukoll tippubblika b’mod viżibbli u faċilment aċċessibbli fuq is-sit web Ewropew ta’ Mastercard l-IIFs kollha ta’ Debitu u Kreditu applikabbli għal tranżazzjonijiet interreġjonali ta’ PK u KMP.

(10)

Mastercard ma għandhiex tevadi jew tipprova tevadi dawn l-Impenji direttament jew indirettament b’xi att jew ommissjoni. B’mod partikolari, sa mill-avviż tad-deċiżjoni ta’ impenn, Mastercard tastjeni mill-prattiki kollha li għandhom l-għan jew l-effett ekwivalenti ta’ IIFs. Dan jinkludi speċifikament iżda mhux esklużivament l-implimentazzjoni ta’ programmi jew ta’ regoli ġodda li permezz tagħhom Mastercard tittrasferixxi skemi jew tariffi oħra imposti fuq l-akkwirenti fiż-ŻEE lil emittenti mhux fiż-ŻEE.

(11)

Soġġetta għall-impenn tagħha ta’ non-evażjoni, Mastercard tista’ tadotta l-miżuri rilevanti għall-protezzjoni ta’ ħarsien tal-konsumatur biex il-konsumaturi ma jintlaqtux mill-effetti ta’ bidliet fl-IIFs tagħha b’mod partikolari rigward kwistjonijiet bħal frodi, konverżjoni tal-munita, rimborżi u ħlasijiet lura.

(12)

Mastercard għandha taħtar Fiduċjarju tal-Monitoraġġ biex jivverifika l-konformità ta’ Mastercard mal-impenji tagħha. Qabel il-ħatra, il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tapprova jew li tirrifjuta l-Fiduċjarju propost.

(13)

L-investigazzjoni attwali tal-antitrust (Supra Taqsima 2) tibqa’ miftuħa fil-konfront ta’ Mastercard sakemm issir valutazzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni, li possibilment tinkludi kwalunkwe kummenti li jsir b’reazzjoni għal dan l-Avviż.

4.   Stedina għall-Kummenti

(14)

Wara li jsir l-ittestjar tas-suq, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 li fiha tiddikjara li l-Impenji mniżżla fil-qosor hawn fuq u ppubblikati fuq l-Internet, fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, bħala vinkolanti.

(15)

Skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar l-Impenji proposti. Dawn il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn xahar wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. It-terzi persuni interessati huma wkoll mistiedna jippreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali tal-kummenti tagħhom, li fiha kull informazzjoni li jiddikjaraw li hija sigriet kummerċjali u jenħtieġ li informazzjoni kunfidenzjali oħra titħassar u tiġi ssostitwita kif xieraq b’sommarju mhux kunfidenzjali jew bil-kliem “sigrieti kummerċjali” jew “kunfidenzjali”.

(16)

Jenħtieġ li r-risposti u l-kummenti preferibbilment ikunu motivati u jenħtieġ li jippreżentaw il-fatti rilevanti. Jekk inti tidentifika problema fi kwalunkwe parti tal-Impenji proposti, il-Kummissjoni tistiednek ukoll biex tissuġġerixxi xi soluzzjoni possibbli.

(17)

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bir-referenza AT.40049 — Mastercard II, jew permezz tal-email (COMP-GREFFE-ANTITRUST@ec.europa.eu), jew permezz tal-faks +32 22950128) jew permezz tal-posta, fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Competition

Antitrust Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102, rispettivament, tat-TFUE. Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma essenzjalment identiċi. Għall-finijiet ta’ dan l-avviż, jenħtieġ li r-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 TFUE jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE fejn xieraq.

(2)  Mastercard jiddefinixxi MIFs interreġjonali bħala t-tariffi għall-interkambju ffissati minn Mastercard li japplikaw, awtomatikament, għal tranżazzjonijiet interreġjonali b’kards ta’ kreditu u ta’ debitu (inter-regional transactions - IIFs)

(3)  Għal informazzjoni dwar it-Test tal-Indifferenza tan-Negozjant ara s-sommarju eżekuttiv tat-2015 Survey on the Cost of Cash and Card Processing tal-Kummissjoni, p. 3, li jinsab fuq http://ec.europa.eu/competition/sectors/financial_services/dgcomp_final_report_en.pdf.