4.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 437/32


Notifika ta’ bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri kompensatorji applikabbli fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala ħadid fondut bil-grafit sferojdali) li joriġinaw mill-Indja

(2018/C 437/08)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal rieżami

It-talba għal rieżami tressqet minn Electrosteel Castings Ltd (“l-applikant”), produttur esportatur mill-Indja (“il-pajjiż ikkonċernat”).

Ir-rieżami huwa limitat fil-kamp ta’ applikazzjoni għall-eżaminazzjoni ta’ sussidjar sa fejn għandu x’jaqsam l-applikant.

2.   Prodott taħt rieżami

Il-prodott taħt rieżami huwa tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), bl-esklużjoni ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili mingħajr kisi fuq ġewwa u fuq barra (“pajpijiet mikxufin”), li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7303 00 10 u ex 7303 00 90 (il-kodiċijiet TARIC 7303001010, 7303009010), li joriġinaw mill-Indja (“il-prodott taħt rieżami”).

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri li bħalissa huma fis-seħħ huma dazju kompensatorju definittiv impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/387 tas-17 ta’ Marzu 2016 fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (2).

Il-prodott taħt rieżami huwa suġġett ukoll għal dazju kompensatorju definittiv impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/388 tas-17 ta’ Marzu 2016 fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (3), kif emendat permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1369 (4). Fl-4 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni bdiet rieżami interim parzjali limitat fl-ambitu għall-eżami ta’ dumping għal Electrosteel Castings Ltd (5).

4.   Raġunijiet għar-rieżami

L-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li, sa fejn hu kkonċernat, turi li ċ-ċirkostanzi fir-rigward tas-sussidjar li abbażi tagħhom ġew imposti l-miżuri nbidlu b’mod sinifikanti u li dawn il-bidliet huma ta’ natura dejjiema.

L-applikant jallega li l-issuktar tal-impożizzjoni tal-miżura fuq l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami fil-livell attwali tagħha ma għadux neċessarju biex ipatti għas-sussidjar kumpensatorju. L-applikant ipprovda evidenza suffiċjenti li turi li l-ammont tas-sussidju tiegħu naqas sew taħt ir-rata ta’ dazju li bħalissa hija applikabbli għalih.

Dan it-tnaqqis fil-livell tas-sussidju globali huwa dovut għat-terminazzjoni ta’ applikabbiltà tal-Iskema ta’ Prodott Iffokat, li ġiet amalgamata fi skema ġdida msejħa “Skema Indjana għall-Esportazzjonijiet tal-Merkanzija” li tipprovdi għal ammonti ta’ sussidju aktar baxxi kif ukoll it-tnaqqis ta’ ammonti gwadanjati mill-applikant fir-rigward ta’ skemi oħrajn, b’mod partikolari l-Iskema ta’ Restituzzjoni tad-Dazji u l-provvista ta’ mineral tal-ħadid għal rimunerazzjoni anqas minn dak li huwa adegwat. Għandu jiġi nnotat, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ programmi ta’ sussidju, li l-applikant ma jiddikjarax li dawn ġew mitmuma, iżda biss li l-ammonti ta’ sussidju ġew imnaqqsa jew eliminati.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed evidenza li turi li ċ-ċirkostanzi rigward is-sussidjar lil Electrosteel Castings Ltd inbidlu b’mod sinifikanti u li huma ta’ natura dejjiema, u għalhekk il-miżuri għandhom jiġu rieżaminati.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tinvestiga prattiki rilevanti oħra li jistgħu jiġu żvelati matul il-kors tal-investigazzjoni.

5.   Proċedura

Wara li stabbiliet, wara li infurmat l-Istati Membri, li hemm biżżejjed provi sabiex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ rieżami interim parzjali limitat għall-eżaminazzjoni tas-sussidjar sa fejn hu kkonċernat l-applikant, il-Kummissjoni b’dan qed tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku. L-għan ta’ dan ir-rieżami huwa li tiġi stabbilita r-rata ta’ sussidjar li tipprevali għall-applikant b’riżultat ta’ prattiki ta’ sussidju li minnhom ikun instab li qed jieħu benefiċċju.

Wara r-rieżami, jista’ jkun meħtieġ li tiġi emendata r-rata tad-dazju imposta fuq importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid duttili (magħrufa wkoll bħala ħadid fondut bil-grafit sferojdali) li joriġina fl-Indja mill-“Kumpaniji l-oħra kollha” fl-Indja billi r-rata tad-dazju kompensatorju għal dawn il-kumpaniji hija bbażata fuq l-ammonti ta’ sussidju li nstabu għall-applikant.

Il-Gvern tal-Indja ġie mistieden għal konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 10(7) tar-Regolament bażiku.

Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Ġunju 2018, (il-pakkett tal-Modernizzazzjoni tat-TDI) daħħal, fost affarijiet oħra, numru ta’ tibdiliet fl-iskeda ta’ żmien u fl-iskadenzi li kienu applikabbli preċedentement fi proċedimenti antisussidji (7). B’mod partikolari, il-limiti ta’ żmien għall-partijiet interessati biex jipprovdu evidenza, b’mod partikolari fl-istadju bikri tal-investigazzjonijiet, tqassru. Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati biex jirrispettaw il-passi proċedurali u l-iskadenzi pprovduti f’din in-Notifika kif ukoll f’komunikazzjonijiet ulterjuri mill-Kummissjoni.

5.1.   Kwestjonarji

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hi meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-applikant u lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ikkonċernat. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Kopja tal-kwestjonarju hawn fuq imsemmi għall-applikant hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ.

5.2.   Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.3.   Partijiet interessati

Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħalma huma l-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur l-ewwel għandhom juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

Il-fatt li wieħed jiġi kkunsidrat bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ Tron.tdi f’dan l-indirizz: https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq dik il-paġna sabiex ikollok aċċess.

5.4.   Possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak kollu li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti mill-partijiet interessati bil-miktub minn qabel.

Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ lil hinn mill-iskeda ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jirrifjutaw talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal tali rifjut.

Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

5.5.   Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni soġġetta/i għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) li tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali jenħtieġu li jiġu mmarkati bħala “Limited” (Ristretti) (8). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Partijiet li jagħtu informazzjoni “Limited” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Jenħtieġ li dawn is-sommarji jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli.

Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew fuq DVD bl-idejn jew permezz tal-posta rreġistrata. Meta jużaw il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (9). Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi vverifikat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: CHAR 04/039

1049 Brussell

BELGIUM

Posta elettronika: TRADE-DCIT-Subsidy-R696@ec.europa.eu

6.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

7.   Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tas-sejbiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien ħamest (5) ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm divulgazzjoni addizzjonali finali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra bħala reazzjoni għal din id-divulgazzjoni jsiru fi żmien jum wieħed (1) mill-iskadenza għall-kummenti dwar din id-divulgazzjoni ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali addizzjonali.

8.   Estensjoni ta’ perjodi ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

Kwalunkwe estensjoni tal-perjodi ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tista’ tintalab biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u se tingħata biss jekk tkun iġġustifikata.

L-estensjonijiet tal-iskadenza biex il-kwestjonarji jiġu kompluti jistgħu jingħataw, jekk debitament ġustifikati, u normalment ikunu limitati sa tlett (3) ijiem addizzjonali. Bħala regola, tali estensjonijiet ma jaqbżux sebat (7) ijiem. Rigward il-perjodi ta’ żmien għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata f’din in-Notifika, l-estensjonijiet se jkunu limitati, bħala regola, għal tlett (3) ijiem sakemm ma jintwerewx xi ċirkostanzi eċċezzjonali.

9.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ skadenza stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk xi parti interessata ma tikkoperax jew tikkopera biss parzjalment u għalhekk il-konklużjonijiet ikunu msejsa fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku din tkun ikkooperat.

In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, diment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja l-Kummissjoni minnufih.

10.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kull talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u malajr sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Fil-prinċipju, l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fit-Taqsima 5.3 sabiex jintalbu seduti ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal seduti ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija fil-ħin tal-investigazzjoni.

Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

11.   Proċessar ta’ data personali

Id-data personali kollha miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (10).


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(2)  ĠU L 73, 18.3.2016, p. 1.

(3)  ĠU L 73, 18.3.2016, p. 53.

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1369 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/388 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala ħadid fondut bil-grafit sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 217 12.8.2016, p. 4).

(5)  Notifika ta’ bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala ħadid fondut bil-grafit sferojdali) li joriġinaw mill-Indja (ĠU C 157, 4.5.2018, p. 3).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).

(7)  “Short overview of the deadlines and timelines in the investigative process” fis-sit web tad-DĠ Kummerċ http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2018/june/tradoc_156922.pdf

(8)  Dokument immarkat “Limited” huwa dokument meqjus bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 2016/1037 (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55) u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji. Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(9)  http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf.

(10)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.