8.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 196/1


Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mistoqsijiet u t-tweġibiet relatati mal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi

(2018/C 196/01)

Werrej

1.

Introduzzjoni 1

2.

Tikkettar ġenerali 2

2.1.

Prassi ġusta dwar l-informazzjoni 2

2.2.

Disponibbiltà u turija ta' informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel 2

2.3.

Preżentazzjoni ta' informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel u leġibbiltà 2

2.4.

Dettalji obbligatorji (l-Artikolu 9 u t-Taqsima 2 tar-Regolament) 3

2.5.

Dettalji obbligatorji oħra għal tipi speċifiċi jew kategoriji speċifiċi ta' ikel 5

3.

Dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni 6

3.1.

Applikazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni 6

3.2.

Dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni 6

3.3.

Indikazzjonijiet volontarji 7

3.4.

Forom ta' espressjoni u preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni 10

3.5.

Forom addizzjonali ta' espressjoni u preżentazzjoni 12

3.6.

Eżenzjonijiet għad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni obbligatorja 12

3.7.

Supplimenti tal-ikel 14

3.8.

Prodotti speċifiċi 14

1.   Introduzzjoni

Fil-25 ta' Ottubru 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 (1) dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (minn hawn 'il quddiem, “ir-Regolament”). Ir-Regolament jimmodifika d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar it-tikkettar tal-ikel fl-Unjoni biex b'hekk il-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati u biex jużaw l-ikel b'mod sikur, filwaqt li fl-istess ħin jiżgura l-moviment liberu tal-ikel ippreparat u mibjugħ legalment. Dan ilu japplika mit-13 ta' Diċembru 2014, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni li ilhom japplikaw mit-13 ta' Diċembru 2016.

Dan l-avviż huwa maħsub li jgħin lill-operaturi tan-negozji tal-ikel u lill-awtoritajiet nazzjonali fl-applikazzjoni tar-Regolament billi jipprovdi tweġibiet għal sejre ta' mistoqsijiet li tqajmu wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

L-Avviż jirrifletti d-diskussjonijiet li kellu d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (DĠ SANTE) mal-esperti mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Grupp ta' Ħidma dwar ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi.

Dan l-Avviż huwa mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni li tista' tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.   Tikkettar ġenerali

2.1.   Prassi ġusta dwar l-informazzjoni

2.1.1.   L-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament jipprovdi li “L-informazzjoni dwar l-ikel m'għandhiex tiżgwida billi permezz tal-apparenza, id-deskrizzjoni jew ir-rappreżentazzjonijiet bl-istampi, tiġi ssuġġerita l-preżenza ta' ikel jew ta' ingredjent partikolari, filwaqt li fir-realtà xi komponent preżenti b'mod naturali jew ingredjent normalment użat f'dak l-ikel ikun ġie sostitwit b'komponent differenti jew ingredjent differenti”. Liema tip ta' każijiet jaqgħu b'mod indikattiv fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni? Għalhekk il-prodotti tal-ikel kif għandhom jiġu ttikkettati b'mod korrett?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 2(2)(f), 7(1)(d), l-Artikolu 13(2), l-Anness VI, il-Parti A, il-punt 4

L-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(d) se tiġi skattata meta jitqies li l-konsumatur medju jistenna li ikel partikolari normalment jiġi prodott b'ċertu ingredjent jew ċertu ingredjent ikun naturalment preżenti f'dak l-ikel għalkemm dawn ikunu ġew issostitwiti b'komponent differenti jew ingredjent differenti.

Jistgħu jingħataw l-eżempji li ġejjin:

ikel li fih ingredjent li normalment jintuża f'dak l-ikel ikun ġie ssostitwit b'komponent differenti jew ingredjent differenti, pereżempju pizza li għaliha l-preżenza tal-ġobon hija mistennija minħabba stampa fuq it-tikketta filwaqt li l-ġobon ikun ġie ssostitwit bi prodott ieħor, li għandu isem ieħor, magħmul minn materja prima użata bl-għan li tissostitwixxi l-ħalib, kompletament jew parzjalment;

ikel li fih komponent naturalment preżenti f'dak l-ikel ikun ġie ssostitwit b'komponent differenti jew ingredjent differenti, pereżempju prodott li jidher bħall-ġobon fejn ix-xaħam li joriġina mill-ħalib ikun ġie ssostitwit mix-xaħam ta' oriġini veġetali.

Fir-rigward tat-tikkettar fil-każ tal-ikel fejn ingredjent(i) ta' sostituzzjoni jintuża/w fi prodott, l-isem tal-prodott għandu jkun segwit mill-qrib bl-isem tal-ingredjent(i) ta' sostituzzjoni, stampat/i fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta b'tali mod sabiex tiġi żgurata leġibbiltà ċara u bl-użu ta' daqs tat-tipa li l-għoli x tiegħu jkun mill-inqas 75 % tal-għoli x tal-isem tal-prodott u li ma jkunx inqas minn 1,2 mm.

Hija r-responsabbiltà tal-operatur tan-negozju tal-ikel li jsib isem xieraq għal dan l-ikel ta' sostituzzjoni skont ir-regoli dwar l-isem tal-ikel.

Barra minn hekk, fejn xieraq, għandhom jiġu rrispettati wkoll id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni speċifika stipulata skont il-prodott. Pereżempju l-użu tal-isem “imitazzjoni ta' ġobon” huwa pprojbit, peress li l-isem “ġobon” huwa riżervat esklussivament għall-prodotti tal-ħalib (2).

2.2.   Disponibbiltà u turija ta' informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel

2.2.1.   Fil-każ ta' ikel ippakkjat minn qabel, l-informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel għandha tidher jew fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu. X'tip ta' tikketti jistgħu jintużaw għall-finijiet ta' tikketta mwaħħla mal-prodott?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 2(2)(i), l-Artikolu 12

It-tikketti ma għandhomx ikunu jistgħu jinqalgħu faċilment b'mod li jikkomprometti d-disponibbiltà jew l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel għall-konsumatur.

Fil-każ ta' tikketti li jinqalgħu malajr imwaħħla fuq il-pakkett, għandha ssir valutazzjoni abbażi ta' każ b'każ biex jinstab jekk ir-rekwiżiti ġenerali dwar id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u t-turijatal-informazzjoni obbligatorja humiex issodisfati.

Jista' jintuża kull tip ta' tikketta li titqies li tissodisfa dawn il-kriterji msemmija hawn fuq.

2.3.   Preżentazzjoni ta' informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel u leġibbiltà

2.3.1.   Kif qed tiġi kkalkulata “l-akbar erja tal-wiċċ”, speċjalment fir-rigward ta' laned jew fliexken?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 13(3), l-Artikolu 16(2), l-Anness V, il-punt 18

Fil-każ ta' pakketti rettangolari jew forma ta' kaxxa, id-determinazzjoni tal-“akbar erja tal-wiċċ” hija sempliċi, jiġifieri l-akbar naħa kollha tal-pakkett ikkonċernat (għoli x wisa').

Fil-każ ta' forom ċilindriċi (pereżempju laned) jew pakketti forma ta' flixkun (pereżempju fliexken) li spiss ikollhom forom mhux ugwali, “l-akbar erja” tista' tinftiehem bħala l-erja minbarra l-wiċċ, il-qiegħ, il-flanġ fil-quċċata u fil-qiegħ tal-landa, il-ġenb ta' fuq kif ukoll l-għonq tal-flixkun jew tal-vażett.

B'mod indikattiv, skont ir-Regolament Internazzjonali 79 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Metroloġija Legali (3), l-erja tad-display prinċipali tal-pakkett fil-każ ta' pakkett ċilindriku jew kważi ċilindriku hija ddeterminata bħala 40 % tal-prodott tal-għoli tal-pakkett x iċ-ċirkonferenza minbarra l-wiċċ, il-qiegħ, il-flanġ fil-quċċata u fil-qiegħ tal-landa, u l-ġenb ta' fuq kif ukoll l-għonq tal-flixkun jew tal-vażett.

2.3.2.   Kif għandu jiġi ddefinit id-daqs tat-tipa tal-ittri kapitali u n-numri?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Anness IV

Id-daqs tal-ittri kapitali u tan-numri għandu jkun ekwivalenti għall-ittra “A” li hija l-ewwel ittra tal-kelma “Appendiċi”, fejn l-għoli x huwa daqs jew aktar minn 1,2 mm.

2.3.3.   Id-daqs obbligatorju tat-tipa, kif stabbilit fl-Artikolu 13(2), japplika wkoll għad-dettalji obbligatorji addizzjonali meħtieġa għal tipi jew kategoriji speċifiċi ta' ikel bħal dawk elenkati fl-Anness III?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 13(2), l-Anness III

Id-daqs minimu tat-tipa kif stabbilit fl-Artikolu 13(2) japplika biss għad-dettalji obbligatorji elenkati fl-Artikolu 9(1).

Meta d-dettalji obbligatorji addizzjonali elenkati fl-Anness III jintwerew b'tali mod li jiffurmaw parti mill-isem tal-ikel, f'dak il-każ japplika r-rekwiżit tad-daqs tat-tipa, kif stabbilit fl-Artikolu 13(2).

Fil-każijiet l-oħrajn, id-daqs obbligatorju tat-tipa ma japplikax.

2.3.4.   Id-daqs obbligatorju tat-tipa, kif stabbilit fl-Artikolu 13(2), japplika wkoll għad-dettalji obbligatorji li jakkumpanjaw l-isem tal-ikel bħal dawk elenkati fl-Anness VI, il-Parti A (pereżempju “iddefrostjat”, “iffumigat”, “irradjat”, eċċ.)?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 13(2), l-Anness VI, il-Parti A

Iva, peress li dawn id-dettalji obbligatorji huma assoċjati mal-isem tal-ikel li għalih tapplika d-dispożizzjoni tad-daqs minimu tat-tipa kif stabbilit fl-Artikolu 13(2).

Fir-rigward tal-Anness VI, il-parti A, il-punt 4, ir-Regolament jirrikjedi daqs tat-tipa li għandu għoli x ta' mill-inqas 75 % tal-għoli x tal-isem tal-prodott li fi kwalunkwe każ mhux se jkun iżgħar mid-daqs minimu tat-tipa meħtieġ fl-Artikolu 13(2).

2.4.   Dettalji obbligatorji (l-Artikolu 9 u t-Taqsima 2 tar-Regolament)

2.4.1.   Isem tal-ikel

F'liema każijiet l-isem ta' xi ikel għandu jinkludi indikazzjoni tal-preżenza ta' ilma miżjud li jaqbeż il-5 % tal-piż tal-prodott lest?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Anness VI, il-Parti A, il-punt 6

Fl-isem tal-ikel, għandha tiġi inkluża indikazzjoni tal-preżenza ta' ilma miżjud li jirrappreżenta aktar minn 5 % tal-piż tal-prodott lest fil-każijiet li ġejjin:

il-prodotti tal-laħam u l-preparazzjonijiet tal-laħam li jkollhom l-istess dehra ta' qatgħa, robbu, biċċa maqtugħa fetet, porzjon jew karkassa tal-laħam;

il-prodotti tas-sajd u l-prodotti tas-sajd ippreparati li jkollhom l-istess dehra ta' qatgħa, robbu, biċċa maqtugħa fetet, porzjon, flett jew prodott tas-sajd sħiħ.

Id-determinazzjoni ta' jekk prodott tal-ikel jissodisfax dawn ir-rekwiżiti għandha ssir abbażi ta' każ b'każ mill-operaturi tan-negozji tal-ikel. F'dan ir-rigward, għandha titqies id-dehra tal-ikel. B'mod indikattiv, ikel bħaz-zalzett (pereżempju mortadella, hot dog), pudina sewda, pulpettun, patè tal-laħam/ħut, pulpetti tal-laħam/ħut, ma jeħtieġx indikazzjoni bħal din.

2.4.2.   Lista ta' ingredjenti

In-nanomaterjali maħdumin b'inġinerija għandhom jiġu elenkati fil-lista ta' ingredjenti? Hemm xi eżenzjonijiet?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikoli 18(3) u 20

In-nanomaterjali maħdumin kollha b'inġinerija użati bħala ingredjenti għandhom jiġu indikati b'mod ċar fil-lista ta' ingredjenti.

L-Artikolu 20(b), (c) u (d) jistabbilixxi eżenzjonijiet għall-addittivi tal-ikel u l-enzimi tal-ikel kif ukoll il-katalisti u s-sustanzi milli jiġu inklużi fil-lista ta' ingredjenti. L-istess eżenzjonijiet japplikaw ukoll meta dawn ikunu fil-forma ta' nanomaterjali maħdumin b'inġinerija.

Indikazzjoni u speċifikazzjoni ta' ingredjenti

Huwa possibbli li fuq it = tikketta tintwera dikjarazzjoni: “żejt tal-pjanta tar-rapa jew żejt tal-pjanta tal-palm idroġenat parzjalment” meta produttur jalterna s-sors taż-żejt tal-pjanta?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 7 u 18, l-Anness VII, il-Parti A, il-punti 8 u 9

Le, din l-indikazzjoni ma tikkonformax mar-Regolament. Mhuwiex possibbli li fuq it-tikketta tintwera informazzjoni li mhix preċiża jew mhix speċifika biżżejjed dwar il-karatteristiċi tal-ikel, bir-riżultat li l-konsumatur jista' jiġi żgwidat.

L-indikazzjoni tal-oriġini veġetali speċifika hija obbligatorja għal kull ikel li fih iż-żjut jew ix-xaħmijiet ta' oriġini veġetali, irrispettivament mill-ammont ta' żejt jew xaħam fl-ikel?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 18, l-Anness VII, il-Parti A, il-punti 8 u 9

Iva, hija obbligatorja irrispettivament mill-ammont ta' żejt jew xaħam fl-ikel ikkonċernat.

2.4.3.   Indikazzjoni tal-kwanitità netta

Ir-Regolament jipprovdi li “fejn l-ikel ikun ġie miksi, il-piż nett iddikjarat tal-ikel għandu jkun mingħajr il-kisi”. Dan ifisser li f'dawn il-każijiet il-piż nett tal-ikel se jkun l-istess piż nett imsaffi. Il-“piż nett” u l-“piż nett imsaffi” jridu t-tnejn li huma jiġu indikati fuq it-tikketta?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Anness IX, il-punt 5

Meta ikel solidu jiġi ppreżentat f'forma likwida, il-piż nett imsaffi għandu jkun indikat flimkien mal-piż/kwantità nett(a). Għall-finijiet ta' dan il-punt, ilma ffriżat jew ilma ffriżat malajr jitqies bħala forma likwida u dan ifisser obbligu li fuq it-tikketta tiġi inkluża informazzjoni dwar il-piż nett kif ukoll il-piż imsaffi. Barra minn hekk, ir-Regolament jispeċifika li fejn ikel iffriżat jew ikel iffriżat malajr jiġi miksi, il-piż nett ma għandux jinkludi l-kisi nnifsu (il-piż nett mingħajr il-kisi).

Għaldaqstant, il-piż nett iddikjarat tal-ikel miksi huwa identiku għall-piż nett tiegħu msaffi. Meta wieħed iqis dan kif ukoll il-ħtieġa li l-konsumatur ma jiġix imqarraq, jistgħu jkunu possibbli dawn l-indikazzjonijiet li ġejjin:

indikazzjoni doppja:

piż nett: X g u

piż nett imsaffi: X g;

indikazzjoni komparattiva:

piż nett = piż nett imsaffi = X g;

indikazzjoni unika:

piż nett (mingħajr kisi): X g.

2.4.4.   Id-data “Uża qabel” jew “Uża sa”

Is-sajder għandu jiġi ttikkettat b'data ta' durabbiltà minima “uża qabel”?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 24, l-Anness X, il-punt 1(d)

Le, is-sajder li jinkiseb mill-fermentazzjoni ma għandux għalfejn ikollu data ta' durabbiltà minima peress li jappartjeni għall-kategorija “inbid, inbejjed tal-likur, inbejjed bil-gass, inbejjed aromatizzati u prodotti simili miksuba mill-frott minbarra l-għeneb, u xorb li jaqa' taħt il-kodiċi tan-NM 2206 00 miksuba mill-għeneb jew mill-most tal-għeneb” li hija eżentata minn dan l-obbligu.

Madankollu, prodott miksub bit-taħlit tal-alkoħol mal-meraq tal-frott ma jitqiesx bħala “prodotti simili miksuba mill-frott minbarra l-għeneb” skont il-kategorija msemmija hawn fuq u għalhekk indikazzjoni ta' data ta' durabbiltà minima “uża qabel” tkun meħtieġa sakemm il-prodott ma jkunx fih 10 % jew aktar bil-volum ta' alkoħol (l-indikazzjoni tad-data ta' durabbiltà minima “uża qabel” mhix meħtieġa għal xorb li fih 10 % jew aktar bil-volum ta' alkoħol).

2.4.5.   Struzzjonijiet għall-użu

Sa fejn għandhom x'jaqsmu “l-istruzzjonijiet għall-użu”, jista' operatur tan-negozju tal-ikel juża s-simbolu ta' kazzola jew ta' forn mingħajr il-kliem “kazzola” jew “forn”?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikoli 9(2) u 27

Le, dan ma jistax isir. Id-dettalji obbligatorji bħall-istruzzjonijiet għall-użu għandhom jiġu indikati bi kliem u numri. L-użu ta' pittogrammi jew ta' simboli huwa biss mezz addizzjonali biex jesprimi dawn id-dettalji.

Madankollu, il-Kummissjoni tista' fil-futur tadotta atti ta' implimentazzjoni li jippermettu dettall obbligatorju wieħed jew aktar li jiġi espress permezz ta' pittogrammi jew simboli minflok kliem jew numri.

2.5.   Dettalji obbligatorji oħra għal tipi speċifiċi jew kategoriji speċifiċi ta' ikel

2.5.1.   Tikkettar tal-ikel iffriżat

Id-data tal-iffriżar jew id-data tal-ewwel iffriżar f'każijiet fejn il-prodott ikun ġie ffriżat aktar minn darba, hija obbligatorja fuq it-tikketta tal-laħam iffriżat mhux ippakkjat minn qabel, fuq dik ta' preparazzjonijiet ta' laħam iffriżat u fuq dik ta' prodotti tas-sajd mhux ipproċessati ffriżati?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Anness III

Le. Id-data tal-iffriżar hija obbligatorja biss fuq it-tikketta tal-laħam iffriżat ippakkjat minn qabel, ta' preparazzjonijiet ta' laħam iffriżat u fuq dik ta' prodotti tas-sajd mhux ipproċessati ffriżati. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jestendu dan ir-rekwiżit għall-prodotti mhux ippakkjati minn qabel.

Kif inhuma ddefiniti “prodotti tas-sajd mhux ipproċessati”?

Il-prodotti tas-sajd (4) ikopru l-annimali kollha tal-ilma baħar u tal-ilma ħelu (ħlief għall-molluski bivalvi ħajjin, ekinodermi ħajjin, tunikati ħajjin u gastropodi tal-ibħra ħajjin, u l-mammali, ir-rettili u ż-żrinġijiet kollha) sew jekk fin-natura kif ukoll tat-trobbija u li jinkludu l-forom, il-partijiet u l-prodotti kollha li jittieklu ta' dawn l-annimali. Il-prodotti tas-sajd mhux ipproċessati (5) huma prodotti tas-sajd li ma jkunux għaddew minn ipproċessar, u jinkludu prodotti li ġew maqsumin, maqtugħin, imċarrtin, maqtugħin fetet, bl-għadam imneħħi, ikkapuljati, imqaxxrin, mitħunin, imqatta', imnaddfin, mirqumin, mingħajr fosdqa, mitħunin, imkessħin, iffriżati, iffriżati b'temperaturi baxxi ħafna jew wara li jinżgħu mill-friża.

L-indikazzjoni “iffriżat malajr fi [DATA]” tista' tintuża biex tindika d-data tal-iffriżar fuq il-laħam iffriżat, il-preparazzjonijiet ta' laħam iffriżat u l-prodotti tas-sajd mhux ipproċessati ffriżati?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Anness III, il-punt 6, u l-Anness X, il-punt 3

Le, l-indikazzjoni “iffriżat malajr fi …” ma tistax tintuża peress li l-Anness X jistipula b'mod ċar li t-terminu li għandu jintuża huwa “Iffriżat fi …”.

3.   Dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni

3.1.   Applikazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni

3.1.1.   Ir-regoli dwar id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni stabbiliti fir-Regolament japplikaw għall-ikel kollu?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 29

Ir-regoli ma japplikawx għall-ikel li ġej, li għandu r-regoli tiegħu ta' ttikkettar dwar in-nutrizzjoni:

supplimenti tal-ikel (6);

ilma minerali naturali (7).

B'rabta mal-ikel għal gruppi speċifiċi, ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jew miżuri speċifiċi taħt dak il-qafas.

3.2.   Dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni

3.2.1.   X'irid jiġi ddikjarat?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikoli 13, 30, 32, 34 u 44, l-Annessi IV u XV

Id-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni għandha tinkludi d-dettalji kollha li ġejjin: il-valur enerġetiku u l-ammonti ta' xaħam, saturati, karboidrati, zokkor, proteina u melħ.

Il-valur enerġetiku għandu jingħata kemm f'kJ (kilojoules) kif ukoll f'kcal (kilokaloriji). L-ewwel għandu jingħata l-valur f'kilojoules, segwit bil-valur f'kilokaloriji. Tista' tintuża l-abbrevjazzjoni kJ/kcal.

L-ordni tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni għandha tkun kif ġej:

enerġija

xaħam

li minnhom

saturati,

karboidrati

li minnhom

zokkor

proteina

melħ

Jekk jibqa' spazju, id-dikjarazzjoni għandha tiġi ppreżentata f'forma ta' tabella, bin-numri allinjati. Jista' jintuża format lineari jekk ma jkunx hemm spazju għall-għoti tal-informazzjoni f'format tabulari.

Ir-regoli dwar id-daqs minimu tat-tipa japplikaw għad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, li għandha tiġi stampata b'karattri bl-użu ta' daqs tat-tipa fejn l-għoli x irid ikun daqs 1,2 mm jew aktar. Għall-ippakkjar jew kontenituri li l-ikbar wiċċ tagħhom huwa inqas minn 80 cm2, l-għoli x irid ikun mhux inqas minn 0,9 mm. L-għoli x huwa ddefinit fl-Anness IV tar-Regolament.

(N.B.: L-ikel fil-pakketti jew f'kontenituri li l-ikbar wiċċ tagħhom għandu erja ta' inqas minn 25 cm2 huwa eżentat mit-tikkettar obbligatorju ta' nutrizzjoni, (l-Anness V, il-punt 18 ara l-punt 3.6.1 hawn taħt).

F'każijiet fejn il-valur enerġetiku jew l-ammont ta' nutrijent(i) fi prodott huwa negliġibbli, l-informazzjoni dwar dawn l-elementi tista' tiġi ssostitwita b'dikjarazzjoni bħal “Fih ammonti negliġibbli ta' …” li għandha tidher qrib ħafna tad-dikjrazzjoni dwar in-nutrizzjoni (ara l-punt 3.2.2. għall-kunċett ta' ammont negliġibbli).

Hemm prodotti li huma eżentati milli jipprovdu d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni (Ara l-punt 3.6.1).

3.2.2.   Fejn prodott fih ammont(i) negliġibbli ta' nutrijent(i) jew għandu valur enerġetiku negliġibbli li għalih/għalihom huwa meħtieġ it-tikkettar obbligatorju, hemm bżonn li dawn in-nutrijenti jew il-valur enerġetiku jiġu inklużi fit-tabella ta' nutrizzjoni (l-Artikolu 34(5))?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 34(5)

Le, meta l-valur enerġetiku jew l-ammont ta' nutrijent huwa negliġibbli, id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għan-nutrijent tista' tiġi ssostitwita b'dikjarazzjoni bħal “fih ammont negliġibbli ta'…” qrib id-dikjrazzjoni dwar in-nutrizzjoni.

3.2.3.   Meta tista' tintuża d-dikjarazzjoni li tindika li l-kontenut ta' melħ ġej esklużivament mill-preżenza ta' sodju fl-istat naturali tiegħu?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 30(1)

Id-dikjarazzjoni li tindika li l-kontenut ta' melħ ġej esklużivament mill-preżenza ta' sodju fl-istat naturali tiegħu tista' tidher qrib it-tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq ikel li mhux miżjud bil-melħ, bħall-ħalib, il-ħaxix, il-laħam u l-ħut. Fejn jiġi miżjud il-melħ matul l-ipproċessar, jew bħala riżultat taż-żieda ta' ingredjenti li fihom il-melħ, pereżempju l-perżut, il-ġobon, iż-żebbuġ, l-inċova, eċċ., id-dikjarazzjoni ma tistax tintuża.

3.2.4.   L-ammont ta' “melħ” iddikjarat fit-tikketta ta' nutrizzjoni obbligatorja jiġi kkalkulat permezz tal-formola: melħ = sodju × 2,5. Is-sodju kollu li joriġina minn kwalunkwe ingredjent, pereżempju sakkarina tas-sodju, askorbat tas-sodju eċċ. għandu jkun inkluż f'dan il-kalkolu?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Anness I, il-punt 11

Iva, l-ekwivalenti tal-kontenut ta' melħ għandhom dejjem jitnisslu mill-kontenut tas-sodju totali tal-prodott tal-ikel permezz tal-formula: melħ = sodju × 2,5.

3.3.   Indikazzjonijiet volontarji

3.3.1.   Liema nutrijenti oħrajn jistgħu jiġu ddikjarati?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikoli 30(2), 32, 33 u 34, l-Anness XV

Id-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni tista' tiġi ssupplimentata wkoll b'indikazzjoni tal-ammont ta' wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

monoinsaturati

(b)

polinsaturati;

(c)

polioli;

(d)

lamtu;

(e)

fibra;

(f)

vitamini u minerali.

L-ordni ta' preżentazzjoni tal-informazzjoni, fejn xieraq, għandha tkun kif ġej:

enerġija

xaħam

li minnhom

saturati,

monoinsaturati,

polinsaturati,

karboidrati

li minnhom

zokkor,

polioli,

lamtu,

fibra

proteina

melħ

vitamini u minerali

Jekk jibqa' spazju, id-dikjarazzjoni għandha tiġi ppreżentata f'forma ta' tabella bin-numri allinjati. Jista' jintuża format lineari jekk ma jkunx hemm spazju għall-għoti tal-informazzjoni f'format tabulari.

Dawn in-nutrijenti għandhom jiġu ddikjarati fi grammi (g) (9) għal kull 100 g jew 100 ml, u jistgħu jiġu ddikjarati b'mod addizzjonali għal kull porzjon jew unità ta' konsum tal-prodott.

3.3.2.   Meta sustanza, li dwarha tkun saret indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa, ma tkunx parti mid-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, kif għandha tiġi ddikjarata din l-informazzjoni?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikoli 30 u 49

Meta n-nutrijent, li dwaru tkun saret indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa, ikun parti mid-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, mhux meħtieġ aktar tikkettar.

Meta n-nutrijent jew is-sustanza l-oħra, li dwaru/dwarha tkun saret indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa, mhux/mhix parti mid-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, l-ammont tan-nutrijent jew tas-sustanza l-oħra għandu jidher fuq it-tikketta fl-istess parti, pereżempju qrib id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni (ara wkoll il-punt 3.3.5 hawn taħt).

3.3.3.   Meta l-ammont ta' fibra (jew kwalunkwe nutrijent ieħor imsemmi fl-Artikolu 30(2)) huwa ddikjarat fuq ikel mhux ippakkjat minn qabel, x'inhuma l-elementi nutrittivi l-oħra li jeħtieġ li jiġu ddikjarati?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 30(1), (2), (5) u l-Artikolu 49

Jekk operatur tan-negozju tal-ikel ikun interessat li jiddikjara l-ammont ta' fibra ta' prodott, jew l-ammont ta' kwalunkwe nutrijent ieħor imsemmi fl-Artikolu 30(2), f'dak il-każ għandha tingħata d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni sħiħa. Dan jikkonsisti fi:

il-valur enerġetiku; u

l-ammonti ta' xaħam, saturati, karboidrati, zokkor, proteini u melħ.

Meta indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa tkun relatata ma' kwalunkwe nutrijent imsemmi fl-Artikolu 30(2), l-ammont ta' dak in-nutrijent għandu jiġi ddikkjarat ukoll fid-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni.

3.3.4.   Huwa possibbli li l-kontenut tal-fibra jiġi ttikkettat bl-użu ta' perċentwal ta' doża ta' referenza, anke jekk ma hemm l-ebda doża ta' referenza armonizzata stabbilita fir-Regolament għall-fibra?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 30(2) u l-Artikolu 35(1)(e).

Le. L-uniċi nutrijenti li għalihom l-ammont jista' jiġi espress bħala perċentwal ta' doża ta' referenza huma dawk li għalihom id-dożi ta' referenza huma stabbiliti fl-Anness XIII, anke meta jintużaw forom addizzjonali ta' espressjoni u preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni.

3.3.5.   Huwa possibbli li l-kontenut ta' komponenti ta' nutrijenti volontarji, pereżempju “aċidi xaħmin omega 3”, jiġi ttikkettat bħala komponenti ta' polinsaturati?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 30

Le. Id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni hija lista magħluqa ta' valuri enerġetiċi u nutrijenti u ma tistax tiġi ssupplimentata b'xi informazzjoni ta' nutrizzjoni oħra (madankollu ara wkoll il-punt 3.3.2 hawn fuq).

3.3.6.   X'informazzjoni dwar in-nutrizzjoni tista' tiġi ripetuta fuq il-pakkett?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikoli 30(3), 32(2), (33) u 34 (3)

Xi informazzjoni obbligatorja ta' tikkettar dwar in-nutrizzjoni tista' tiġi ripetuta fuq il-pakkett, fil-parti prinċipali (ġeneralment magħrufa bħala l-“quddiem tal-pakkett”), bl-użu ta' wieħed mill-formati li ġejjin:

il-valur enerġetiku, jew,

il-valur enerġetiku, u l-ammont ta' xaħam, saturati, zokkor, u melħ.

Ir-regoli tad-daqs minimu tat-tipa japplikaw fil-każ ta' din id-dikjarazzjoni ripetuta (l-Artikolu 13(2), l-Anness IV, ara wkoll il-punt 3.2.1).

Meta tiġi ripetuta, id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni tibqa' lista ta' kontenut definit u limitat. Ebda informazzjoni addizzjonali ma hija permessa fi ħdan id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni magħmula fil-parti prinċipali.

Meta tiġi ripetuta, id-dikjarazzjoni tista' ssir għal kull porzjon/unità ta' konsum biss (kemm-il darba l-porzjon/l-unità jkunu kkwantifikati qrib id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni u n-numru ta' porzjonijiet/unitajiet jidher fuq it-tikketta tal-pakkett). Madankollu, addizzjonalment irid jingħata l-valur enerġetiku wkoll għal kull 100 g jew 100 ml.

3.3.7.   Meta l-informazzjoni ripetuta dwar in-nutrizzjoni fil-parti prinċipali (“il-quddiem tal-pakkett”) tiġi espressa bħala perċentwal tad-dożi ta' referenza, din l-informazzjoni jenħtieġ li tidher ukoll fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni (“il-wara tal-pakkett”)?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikoli 30(3), 32(4) u 33, l-Anness XIII

L-informazzjoni ta' nutrizzjoni volontarjament ripetuta fil-parti prinċipali (“il-quddiem tal-pakkett”) għandu jkun fiha biss informazzjoni dwar l-enerġija waħedha, jew dwar l-enerġija flimkien ma' dik dwar ix-xaħam, is-saturati, iz-zokkor u l-melħ. Din l-informazzjoni trid tiġi pprovduta wkoll fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni (“il-wara tal-pakkett”). Madankollu, huwa possibbli li din l-informazzjoni fuq quddiem tal-pakkett tiġi espressa bħala perċentwal ta' dożi ta' referenza (flimkien mal-valuri assoluti) anke jekk din il-forma ta' espressjoni ma tintużax fid-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni.

3.3.8.   Huwa possibbli li d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni tiġi ripetuta darba fil-forma ta' dikjarazzjoni sempliċi ta' valur enerġetiku u darba oħra fil-forma ta' valur enerġetiku flimkien mal-ammonti ta' xaħam, saturati, zokkor u melħ?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 30(3) u l-Artikolu 34(3)

Id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni tista' tiġi ripetuta bħala l-valur enerġetiku waħdu jew bħala l-valur enerġetiku flimkien mal-ammonti ta' xaħam, saturati, zokkor, u melħ. Huwa possibbli wkoll li din l-informazzjoni tiġi ripetuta aktar minn darba.

Dawn iż-żidiet volontarji tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għandhom jidhru fil-parti prinċipali u jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet dwar id-daqs minimu tat-tipa.

3.3.9.   It-tikkettar tal-kontenut ta' nutrijent wieħed huwa permess fuq quddiem tal-pakkett, bħal X % xaħam?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 30(3)

Ir-repetizzjoni volontarja tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni ma tippermettix it-tikkettar ta' kontenut ta' nutrijent wieħed, peress li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta tkun il-valur enerġetiku waħdu jew il-valur enerġetiku flimkien mal-ammonti ta' xaħam, saturati, zokkor u melħ.

Madankollu, it-tikketta tista' tinkludi d-dikjarazzjoni ta' kontenut ta' nutrijent wieħed meta din id-dikjarazzjoni tkun meħtieġa bil-liġi, bħall-kontenut ta' xaħam ta':

ċertu ħalib għax-xorb imsemmi fl-Anness VII, Parti IV, paragrafu III, subparagrafu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' prodotti agrikoli;

ċerti xaħmijiet li jiddelku msemmija fl-Anness VII, il-Parti VII, il-paragrafu I u l-Appendiċi II tiegħu tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' prodotti agrikoli.

Għandu jkun possibbli wkoll li indikazzjonijiet bħal “kontenut baxx ta' xaħam” jew “xaħam < 3 %” jiġu ttikkettati, kemm-il darba jkunu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ta' użu ta' dik l-indikazzjoni u mad-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel u diment li jiġi rrispettat ukoll l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

3.3.10.   Fejn il-prodotti huma destinati għall-bejgħ f'aktar minn pajjiż wieħed, id-dikjarazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni fil-format meħtieġ mill-Istati Uniti u l-Kanada jistgħu jiġu pprovduti flimkien mad-dikjarazzjoni ta' nutrizzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikoli 30, 34 u 36, l-Annessi XIV u XV

Le. Dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni fil-format meħtieġ mill-Istati Uniti u l-Kanada ma tkunx konformi mar-rekwiżiti tal-UE, billi kemm l-informazzjoni obbligatorja kif ukoll dik volontarja għandhom ikunu konformi mar-regoli stabbiliti fir-Regolament. It-tikkettar ta' dan it-tip jista' wkoll jinganna lill-konsumatur minħabba l-fatturi ta' konverżjoni differenti użati fl-Istati Uniti biex jiġi kkalkulat il-valur enerġetiku u l-ammont ta' nutrijenti.

3.4.   Forom ta' espressjoni u preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni

3.4.1.   X'inhuma l-forom ta' espressjoni tal-elementi obbligatorji fid-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikoli 32, 33, l-Annessi XIII u XV

L-ammonti ta' xaħam, saturati, karboidrati, zokkor, proteina u melħ għandhom jiġu espressi fi grammi (g) kull 100 g jew kull 100 ml, u l-valur enerġetiku f'kilojoules (kJ) u f'kilokaloriji (kcal) kull 100 g jew kull 100 ml ta' ikel.

Jistgħu jiġu ddikjarati b'mod addizzjonali għal kull porzjon/unità ta' konsum tal-ikel. Il-porzjon jew l-unità ta' konsum għandhom jintgħarfu faċilment mill-konsumatur, ikunu kwantifikati fuq it-tikketta qrib tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, u l-għadd ta' porzjonijiet jew ta' unitajiet li jinsabu fil-pakkett għandu jiġi ddikjarat fuq it-tikketta.

Barra minn hekk, il-valur enerġetiku u l-ammonti ta' xaħam, saturati, karboidrati, zokkor, proteina u melħ jistgħu jiġu espressi wkoll bħala perċentwal tad-dożi ta' referenza speċifikati fit-tabella li ġejja għal kull 100 g jew 100 ml. Minbarra dikjarazzjoni bħal din jew minflokha għal kull 100 ml jew 100 g, il-perċentwali tad-dożi ta' referenza jistgħu jiġu espressi għal kull porzjon/unità ta' konsum.

Enerġija jew nutrijent

Doża ta' referenza

Enerġija

8 400 kJ/2 000 kcal

Total ta' xaħam

70 g

Saturati

20 g

Karboidrati

260 g

Zokkor

90 g

Proteina

50 g

Melħ

6 g

Meta l-perċentwali tad-dożi ta' referenza jiġu espressi għal kull 100 g jew 100 ml, id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għandha tinkludi d-dikjarazzjoni li ġejja: “Doża ta' referenza fuq adult medju (8 400 kJ/2 000 kcal)”.

Għal ikel mhux ippakkjat minn qabel, id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni tista' tiġi espressa fuq il-bażi ta' kull porzjon jew kull unità ta' konsum biss.

3.4.2.   L-akronimu RI għal Doża ta' Referenza (Reference Intake) jista' jintuża fuq it-tikketti tal-ikel?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikoli 32 u 33

L-akronimu RI għal Doża ta' Referenza (Reference Intake) jista' jintuża fuq it-tikketti tal-ikel diment li dan jiġi spjegat bis-sħiħ fuq il-pakkett u jkun jista' jinstab faċilment mill-konsumaturi. Id-dikjarazzjoni “Doża ta' Referenza ta' adult medju (8 400 kJ/2 000 kcal)” ma tistax tiġi mmodifikata.

3.4.3.   It-termini Gwida Ammont ta' Kuljum (Guideline Daily Amount) jew l-akronimu GAK tiegħu jistgħu jintużaw?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikoli 32 u 33

L-intenzjoni tar-Regolament hija li jiġu armonizzati l-kontenut, l-espressjoni u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni mogħtija lill-konsumaturi, inkluża l-informazzjoni volontarja. Fid-dawl ta' din l-intenzjoni, mhuwiex possibbli li jintużaw it-termini Gwida ta' Ammont ta' Kuljum jew l-akronimu GAK tiegħu fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament (ara wkoll il-punt 3.4.2). Għandu wkoll jiġi nnutat li l-kunċett ta' doża ta' referenza huwa differenti mill-kunċett ta' gwida ta' ammont ta' kuljum, billi t-terminu “doża ta' referenza” ma jimplikax li fih xi parir ta' nutrizzjoni, għall-kuntrarju tat-terminu “gwida”. Ma hemm l-ebda parir ta' nutrizzjoni li jgħid li wieħed għandu jikkonsma, pereżempju 20 g xaħam saturat kuljum u l-konsumaturi ma għandhomx jaħsbu li din hija kwantità minima meħtieġa għaż-żamma tas-saħħa.

3.4.4.   Id-dikjarazzjoni addizzjonali: “Doża ta' referenza ta' adult medju (8 400 kJ/2 000 kcal)” għandha tiġi indikata qrib kull dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikoli 32 u 33

Iva, meta l-informazzjoni hija espressa bħala perċentwal tad-dożi ta' referenza abbażi ta' 100 g jew 100 ml.

Le, meta hija espressa abbażi ta' porzjon.

3.4.5.   Id-dożi ta' referenza għall-enerġija u n-nutrijenti huma stabbiliti għall-adulti. Il-valur enerġetiku u l-ammonti ta' nutrijenti jistgħu jkunu espressi b'mod volontarju bħala perċentwal ta' dożi ta' referenza għat-tfal, minflok jew flimkien mal-perċentwali ta' dożi ta' referenza għall-adulti?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikoli 32(4), 36(3) u 43, l-Anness XIII

Le. L-indikazzjoni volontarja tad-dożi ta' referenza għal gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni hija permessa biss jekk id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni, jew fin-nuqqas tagħhom ir-regoli nazzjonali, ġew adottati.

Il-valur enerġetiku u l-ammonti ta' nutrijenti jistgħu biss ikunu espressi bħala perċentwal tad-dożi ta' referenza għall-adulti, flimkien mal-espressjoni tagħhom bħala valuri assoluti. Madankollu, ir-Regolament jitlob lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta' implimentazzjoni dwar l-indikazzjoni tad-dożi ta' referenza għall-gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni minbarra d-dożi ta' referenza stabbiliti għall-adulti, u d-dożi ta' referenza għat-tfal jistgħu jkunu disponibbli fil-ġejjieni. Sakemm jiġu adottati dawn id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli nazzjonali li jiffissaw dożi ta' referenza fuq bażi xjentifika għall-gruppi tal-popolazzjoni bħal dawn. L-użu ta' dożi ta' referenza għal gruppi oħra speċifiċi tal-popolazzjoni, bħat-tfal, mhumiex permessi għal prodotti li ilhom li tqiegħdu fis-suq jew ġew ittikkettati mit-13 ta' Diċembru 2014, sakemm ir-regoli tal-Unjoni jew dawk nazzjonali ma jistabbilixxux dożi ta' referenza fuq bażi xjentifika għal gruppi bħal dawn.

3.4.6.   X'inhi unità ta' konsum? Jistgħu jintużaw pittogrammi biex jiġi ddefinit porzjon? Is-simbolu ≈ jew ~ li jfisser “bejn wieħed u ieħor ugwali għal” jista' jintuża biex jindika l-għadd ta' porzjonijiet f'pakkett?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 33

L-“Unità ta' konsum” għandha tingħaraf faċilment mill-konsumatur u tfisser unità li tista' tiġi kkonsmata individwalment. Unità waħda ta' konsum mhux bilfors tirrappreżenta porzjon. Pereżempju, kwadrant ta' biċċa ċikkulata jista' jkun l-unità ta' konsum, iżda porzjon huwa iktar minn kwadrant wieħed ta' ċikkulata.

Is-simboli jew il-pittogrammi jistgħu jintużaw biex jiddefinixxu porzjon jew unità ta' konsum. Ir-Regolament jirrikjedi biss li l-unità ta' konsum jew il-porzjon jintgħarfu faċilment u jkunu kkwantifikati fuq it-tikketta. Fl-użu ta' simboli jew pittogrammi, it-tifsira tagħhom lill-konsumatur għandha tkun ċara u ma għandhiex tqarraq.

Varjazzjonijiet żgħar fin-numru ta' unitajiet ta' konsum jew porzjonijiet fi prodott jistgħu jiġu senjalati bl-użu tas-simboli xierqa qabel in-numru ta' porzjonijiet jew tal-unitajiet ta' konsum.

3.5.   Forom addizzjonali ta' espressjoni u preżentazzjoni

3.5.1.   Jistgħu jintużaw ikoni biss biex jissimbolizzaw nutrijenti u/jew enerġija minflok il-kliem?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 34, l-Anness XV

Le. L-informazzjoni obbligatorja u volontarja dwar in-nutrizzjoni għandha ssegwi format partikolari, li jeħtieġ li l-enerġija u n-nutrijenti jiġu ttikkettati bil-kliem.

Il-prinċipju ġenerali li għandha tingħata informazzjoni obbligatorja fi kliem u numri japplika wkoll għal każijiet fejn l-informazzjoni ta' nutrizzjoni tingħata fuq bażi volontarja. Il-pittogrammi u s-simboli jistgħu jintużaw b'mod addizzjonali.

3.5.2.   Jistal-valur enerġetiku jingħata biss f'kcal fejn l-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni tiġi ripetuta volontarjament fil-parti prinċipali tat-tikketta?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 32(1), l-Anness XV

Le. L-informazzjoni dwar l-enerġija għandha tiġi sistematikament iddikjarata, kull fejn tingħata kemm f'kj (kilojoules) kif ukoll f'kcal (kilokaloriji).

3.6.   Eżenzjonijiet għad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni obbligatorja

3.6.1.   X'inhuma l-eżenzjonijiet?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 16(3) u (4), l-Artikolu 30(4) u (5) u l-Artikolu 44(1)(b), l-Anness V

Il-prodotti elenkati fl-Anness V huma eżentati mit-tikkettar obbligatorju dwar in-nutrizzjoni, għajr fejn issir indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa.

Barra minn hekk, l-eżenzjoni tapplika għax-xorb alkoħoliku (li fih aktar minn 1,2 % alkoħol) u għal ikel mhux ippakkjat minn qabel (sakemm liġi speċifika tal-UE jew miżura nazzjonali ma tirrikjedix dan).

Meta l-informazzjoni ta' nutrizzjoni tingħata volontarjament din għandha timxi fuq ir-regoli għat-tikkettar obbligatorju dwar in-nutrizzjoni. Iżda:

għax-xorb alkoħoliku, id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni tista' tkun limitata għall-valur enerġetiku. Mhux meħtieġ xi format speċifiku;

għal ikel mhux ippakkjat minn qabel, id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni tista' tkun limitata għall-valur enerġetiku jew il-valur enerġetiku flimkien mal-ammont ta' xaħam, saturati, zokkor, u melħ. Tista' tingħata għal kull porzjon jew unità ta' konsum biss, kemm-il darba l-porzjon/l-unità jkunu kkwantifikati u jingħata l-għadd ta' porzjonijiet/unitajiet.

3.6.2.   L-ikel li ġej huwa eżentat mir-rekwiżiti tad-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Anness V

Prodotti mhux ipproċessati li huma magħmula minn ingredjent wieħed jew minn kategorija ta' ingredjenti

Dqiq (pereżempju dqiq tal-qamħ)

iva, soġġett għal kwalifiki hawn taħt

Id-dqiq li ma jkun fih l-ebda ingredjent miżjud, pereżempju addittivi, vitamini, minerali, u li ma jkun għadda mill-ebda pproċessar għajr it-tħin u t-tneħħija tal-qxur, jitqies bħala prodott mhux ipproċessat (12).

Ross parboiled u ross imsajjar minn qabel

le

Ross parboiled jgħaddi minn pass ta' qabel it-tisjir u għalhekk ma jistax jitqies bħala ikel mhux ipproċessat. Madankollu r-ross jibbenefika mill-eżenzjoni għall-prodotti mhux ipproċessati li fihom ingredjent wieħed jew kategorija ta' ingredjenti.

Żejt veġetali

le

Iż-żjut veġetali huma prodotti pproċessati u għalhekk ma jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-prodotti mhux ipproċessati li fihom ingredjent wieħed jew kategorija ta' ingredjenti.

Zokkor

le

Iz-zokkor huwa prodott ipproċessat u għalhekk ma jistax jibbenefika mill-eżenzjoni għall-prodotti mhux ipproċessati li fihom ingredjent wieħed jew kategorija ta' ingredjenti.

Għasel

iva

L-għasel jitqies bħala ikel mhux ipproċessat u huwa magħmul minn kostitwenti u mhux minn ingredjenti, kif iċċarat mill-Premessa 3 tad-Direttiva 2014/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE (14) relatata mal-għasel. Għalhekk l-għasel jista' jibbenefika mill-eżenzjoni mir-rekwiżit tad-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni.

Ħxejjex aromatiċi, ħwawar jew taħlitiet tagħhom;

Prodotti ta' ħxejjex aromatiċi u ħwawar li fihom aromatizzanti u/jew regolaturi tal-aċidità

iva

Il-ħxejjex aromatiċi, il-ħwawar jew it-taħlitiet tagħhom huma eżentati mir-rekwiżit tad-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni, peress li jiġu kkonsmati fi kwantitajiet żgħar u ma għandhom l-ebda impatt nutrittiv sinifikanti fuq id-dieta. Bl-istess mod, tali prodotti li jkun fihom aromatizzanti u/jew regolaturi tal-aċidità jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni, diment li l-aromatizzanti u/jew ir-regolaturi tal-aċidità ma jkollhomx impatt nutrittiv sinifikanti.

Melħ u sostituti tal-melħ

Melħ imħallat bil-jodju

le

Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) dwar iż-żieda volontarja ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra mal-ikel, id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni ta' prodotti li magħhom ġew miżjuda vitamini u minerali għandha tkun obbligatorja. Madankollu, żieda obbligatorja ta' jodju mal-melħ mhix koperta bir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 u dispożizzjonijiet ta' tikkettar speċifiċi dwar l-ammont ta' jodju miżjud mhumiex koperti bil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Ħallijiet iffermentati u sostituti tal-ħall, inklużi dawk fejn l-uniċi ingredjenti miżjuda huma l-aromatizzanti

Ħall iffermentat b'melħ miżjud

le

L-eżenzjoni għall-ħallijiet iffermentati u s-sostituti għall-ħall hija valida biss għall-prodotti li għalihom l-uniċi ingredjenti miżjuda huma aromatizzanti.

3.7.   Supplimenti tal-ikel

3.7.1.   Għas-supplimenti tal-ikel, liema terminoloġija b'rabta mal-valuri ta' referenza għandha tintuża għad-dikjarazzjoni ta' vitamini u minerali?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 29, l-Anness XIII

Ir-regoli dwar id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni tar-Regolament ma japplikawx għas-supplimenti tal-ikel.

L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) dwar is-supplimenti tal-ikel jistipula li l-informazzjoni dwar il-vitamini u l-minerali għandha tiġi espressa wkoll bħala perċentwal tal-valuri ta' referenza msemmija fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE (17), li ġiet issostitwita bir-Regolament mit-13 ta' Diċembru 2014.

Id-Direttiva 90/496/KEE talbet l-użu ta' perċentwal, filwaqt li rabtitu mad-dożi rakkomandati ta' kuljum (RDAs), li fl-Anness XIII, Parti A tar-Regolament huma ssostitwiti bid-Dożi ta' Referenza ta' kuljum jew bil-“valuri ta' referenza tan-nutrijent (NRVs)”. Filwaqt li t-terminu “valuri ta' referenza tan-nutrijent” jista' jintuża kif ukoll l-akronimu “NRVs” diment li dan jiġi spjegat bis-sħiħ fuq il-pakkett u li jkun jista' jinstab faċilment mill-konsumaturi, għal raġunijiet ta' konsistenza huwa rrakkomandat li l-istess terminoloġija li tintuża għas-supplimenti tal-ikel tintuża wkoll għal nutrijenti oħra fl-ikel (18) u li ssir referenza għad-Dożi ta' Referenza.

3.7.2.   Is-supplimenti tal-ikel li jkollhom indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa għandhom għalfejn jipprovdu dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni skont ir-Regolament?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikoli 29 u 49

Le. Id-dispożizzjonijiet fir-Regolament li jirrikjedu dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni ma japplikawx għas-supplimenti tal-ikel. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa, fil-każ tas-supplimenti tal-ikel, l-informazzjoni ta' nutrizzjoni għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/46/KE (20) dwar is-supplimenti tal-ikel.

3.8.   Prodotti speċifiċi

3.8.1.   Fir-rigward tal-ikel ippakkjat b'likwidu, id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għandha tikkorrispondi għall-prodott imsaffi (mingħajr il-likwidu) jew il-prodott kollu kemm hu (bil-likwidu)?

Dispożizzjonijiet rilevanti : L-Artikolu 31(3)

L-ikel solidu jista' jiġi ppreżentat f'forma likwida, kif iddefinit fil-paragrafu 5 tal-Anness IX (bħal salmura, meraq tal-frott) jew likwidi oħrajn (bħaż-żejt). Xi konsumaturi jieklu t-totalità ta' dawn il-prodotti, filwaqt li oħrajn jieklu biss il-prodotti msaffa. F'dan il-kuntest, id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għandha għalhekk preferibbilment tiġi kkalkulata għall-kontenut totali tal-prodott tal-ikel, jiġifieri l-ikel solidu u l-likwidu flimkien, meta l-prodott x'aktarx ikun se jiġi kkonsmat kollu kemm hu. Din l-informazzjoni tista' tiġi ssuplimentata volontarjament minn dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għall-prodott imsaffi. Għal prodotti oħrajn li l-likwidu tagħhom mhux mistenni li jittiekel, l-informazzjoni ta' nutrizzjoni bbażata fuq il-piż nett imsaffi tidher aktar rilevanti.

Fi kwalunkwe każ, id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għandha tagħmilha ċara li hija tkun qiegħda tirreferi għall-prodotti msaffa jew għall-prodott kollu kemm hu.


(1)  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Anness VII, il-Parti ΙΙΙ (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(3)  L-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Metroloġija Legali, ir-Rakkomandazzjoni Internazzjonali R79 [Edizzjoni 1997(E)]. https://www.oiml.org/en/files/pdf_r/r079-e15.pdf

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Anness I, punt 3.1 (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

(5)  Abbażi tad-definizzjoni ta' ikel mhux ipproċessat stabbilita fl-Artikolu 2(1)(n) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).

(7)  Id-Direttiva 2009/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta' ilmijiet minerali naturali (ĠU L 164, 26.6.2009, p. 45).

(8)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(9)  Ara wkoll l-unitajiet speċifiċi ta' kejl għall-vitamini u l-minerali fl-Anness XIII, Parti A, punt 1.

(10)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(11)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

(12)  L-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament jagħmel referenza għad-definizzjoni ta' “prodotti mhux ipproċessati” stabbiliti fl-Artikolu 2(1)(n) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel: “‘prodotti mhux proċessati’ tfisser l-oġġetti tal-ikel li ma jkunux għaddew mill-ipproċessar, u jinkludu prodotti li jkunu ġew maqsuma, mifruda, imqaċċta, imfella, dissussati, imqatta kappuljat, imqaxxra, misħuqa, imqatta, imnaddfa, imberfla, imfesdqa, mitħuna, imkessħa, iffriżati, iffriżari bil-qawwi jew imdewba.”

(13)  ĠU L 164, 3.6.2014, p. 1.

(14)  ĠU L 10, 12.1.2002, p. 47.

(15)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26.

(16)  ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51.

(17)  ĠU L 276, 6.10.1990, p. 40.

(18)  L-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

(19)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

(20)  ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51.