8.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 162/11


Notifika ta’ bidu ta’ rieżami tal-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ fittings fonduti għal tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fit-Tajlandja

(2018/C 162/03)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings tal-fondut għal tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal rieżami

It-talba ġiet ippreżentata fit-13 ta’ Frar 2018 minn erba’ produtturi tal-UE (ATUSA - Berg Montana Fittings A.D, Georg Fischer Fittings GmbH, Odlewnia Zéliwa S.A. u Livarna Titan d.o.o.), li flimkien issir referenza għalihom bħala “l-applikanti”, li jirrappreżentaw aktar minn 95 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ fittings fonduti għal tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli.

2.   Il-prodott li qed jiġi rieżaminat

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huma fittings tal-fondut ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li jeskludi korpi ta’ fittings ta’ kompressjoni bl-użu tal-kamin metriku ISO DIN 13 u kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu (“il-prodott li qed jiġi rieżaminat”), li bħalissa jaqa’ fil-kodiċi NM ex 7307 19 10 (kodiċi TARIC 7307191010).

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri li bħalissa hemm fis-seħħ huma dazju definittiv ta’ antidumping impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 430/2013 (3).

4.   Raġunijiet għar-rieżami

It-talba hija msejsa fuq il-fatt li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx li tirriżulta fil-kontinwazzjoni jew fir-rikorrenza ta’ dumping u fir-rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

4.1    Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping

4.1.1   Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

L-applikanti sostnew li mhux xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fit-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Biex jissostanzjaw l-allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti, ir-rikorrenti msemmija fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2017“Report on Significant Distortions in the Economy of the PRC for the purposes of the trade defence investigations” (Rapport dwar distorsjonijet sinifikanti fl-ekonomija tar-RPĊ għall-finijiet tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ), (4) li jiddeskrivi ċ-ċirkustanzi speċifiċi fil-pajjiżi kkonċernati u, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet fis-suq fis-settur tal-metall ferrużi u mhux ferrużi, il-gass u l-elettriku.

B’hekk, fir-rigward tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ tkomplija jew rikorrenza ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew punti ta’ riferiment f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta’ dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiżi kkonċernati.

Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li jeżistu biżżejjed provi, skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, li jissuġġerixxu li, minħabba li hemm distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-ispejjeż, l-użu ta’ prezzijiet u spejjeż domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat mhuwiex xieraq, u dan jirrikjedi li jingħata bidu għal investigazzjoni fuq il-bażi tar-Regolament Bażiku.

4.1.2.   It-Tajlandja

L-allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tar-rikorrenza tad-dumping għat-Tajlandja hija bbażata fuq paragun tal-prezz domestiku mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

4.2    Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu

L-applikanti jallegaw li l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiżi kkonċernati kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat li kien hemm effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

L-applikanti allegaw li kien hemm rikorrenza tad-dannu. F’dan ir-rigward l-applikanti pprovdew evidenza li turi li jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni probabbilment jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità mhux użata tal-faċilitajiet tal-manifattura tal-produtturi esportaturi fil-pajjiżi kkonċernati, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni f’termini ta’ volumi u prezzijiet u l-eżistenza ta’ miżuri tad-difiża tal-kummerċ f’pajjiżi terzi oħra.

Fl-aħħar nett, l-applikanti jallegaw li t-tneħħija tad-dannu seħħet l-aktar minħabba l-eżistenza tal-miżuri, minkejja li l-importazzjonijiet baqgħu sinifikanti f’termini assoluti u f’termini ta’ ishma tas-suq, u li kull rikorrenza ta’ importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati aktarx twassal għal rikorrenza ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

5.   Proċedura

Wara li ġie ddeterminat, b’segwitu għal konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan qed tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

Ir-rieżami tal-iskadenza se jiddetermina jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping tal-prodott li qed jiġi rieżaminat fil-pajjiżi kkonċernati, kif ukoll għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

5.1.    Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u perjodu taħt kunsiderazzjoni

L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ April 2017 sal-31 ta’ Marzu 2018 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami”). L-istħarriġ dwar ix-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2    Proċedura għad-determinazzjoni ta’ probabilità ta’ tkomplija jew rikorrenza ta’ dumping

Waqt reviżjoni ta’ skadenza, il-Kummissjoni teżamina l-esportazzjonijiet li jkunu saru lejn l-Unjoni fil-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami u, irrispettivament mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, tikkunsidra jekk is-sitwazzjoni tal-kumpaniji li jipproduċu u jbigħu l-prodott li qed jiġi rieżaminat fil-pajjiż ikkonċernat hijiex tali li t-tkomplija jew ir-rikorrenza tal-esportazzjonijiet bi prezzijiet li jkunu l-oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni x’aktarx tkompli jew terġa’ sseħħ jekk il-miżuri jiskadu.

Għalhekk, il-produtturi kollha tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż ikkonċernat, irrispettivament jekk ikunux esportaw jew le l-prodott li qed jiġi rieżaminat lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami jew le (5), huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   Produtturi investigaturi fil-pajjiżi kkonċernati

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi fil-pajjiżi kkonċernati li huma involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, huma hawnhekk mitluba jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom kif mitlub fl-Anness I ta’ din in-Notifika.

Biex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati, u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi.

Kull parti interessata li tixtieq tippreżenta kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, trid tagħmel dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hi meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi li ntgħażlu għall-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati.

Il-produtturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi li kkooperaw iżda mhumiex inklużi fil-kampjun”).

5.2.2.   Proċedura addizzjonali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetta għal distorsjonijiet sinifikanti

Skont il-punt (e) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni, permezz ta’ nota għall-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati, tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti li beħsiebha tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dan ikun ikopri s-sorsi kollha, inkluża l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv xieraq fejn ikun xieraq. Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jingħataw 10 ijiem mid-data li fiha dik in-nota tiddaħħal fil-fajl biex jippreżentaw kumment. Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, pajjiż terz rappreżentattiv possibbli għar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina f’dan il-każ huwa t-Tajlandja. Bl-għan li finalment tagħżel il-pajjiż terz rappreżentant xieraq il-Kummissjoni se teżamina jekk hemmx livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħall-pajjiż esportatur, jekk hemmx bejgħ u produzzjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat u jekk hix disponibbli dejta rilevanti. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż wieħed bħal dan, għandha tingħata preferenza, meta jkun il-każ, lill-pajjiżi li għandhom livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

Fir-rigward tas-sorsi rilevanti, il-Kummissjoni titlob lill-produtturi kollha kkonċernati fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina sabiex jipprovdulha l-informazzjoni mitluba f’Anness III ta’ din in-Notifika fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li għandha bżonn għall-investigazzjoni fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti fi ħdan it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tibgħat ukoll kwestjonarju lill-Gvern tal-pajjiż ikkonċernat.

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, tali informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.2.3.   Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati  (6)  (7)

Importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita għal għadd raġonevoli l-importaturi mhux relatati li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wassal għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness II ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Kull parti interessata li tixtieq tippreżenta kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, trid tagħmel dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni, li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji li ntgħażlu għall-kampjun.

Sabiex tikseb tagħrif li tqis bħala meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati fil-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.3    Proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ tkomplija jew rikorrenza ta’ dannu

Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ tkomplija jew rikorrenza ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott rieżaminat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.3.1.   Investigazzjoni dwar il-produtturi tal-Unjoni

Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet kampjun proviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li jista’ jiġi spezzjonat mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta’ kuntatt mogħtija fit-Taqsima 5.7 iktar ’l isfel). Produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi l-produtturi tal-Unjoni li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom ikunu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha, dwar il-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.4.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ tkomplija jew ta’ rikorrenza ta’ dumping u dannu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi jridu juru, fl-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi rieżaminat.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom fi żmien il-15-il jum tal-iskadenza jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata f’format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F’kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 se titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

5.5.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, tali informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.6.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għaliex tkun qiegħda ssir. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.7.    Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ terzi persuni, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) li hija tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom li jeżerċitaw id-dritt tad-difiża tagħhom.

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristrett”. Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Partijiet interessati li jagħtu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu sommarju mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati tant li jippermettu fehim raġonevoli tas-sostanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġuni ġusta għat-talba għal trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u l-kwalità mitlubin, il-Kummissjoni tista’ tinjora din l-informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Partijiet interessati huma mistiedna jippreżentaw s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra rreġistrata. Meta jużaw il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu tagħhom u jridu jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni se tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li dawn ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni permezz ta’ mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jkollu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta reġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati jridu jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Indirizzi elettroniċi:

Għal aspetti ta’ dumping:

TRADE-R692-MALLEABLE FITTINGS-DUMPING-CHINA@ec.europa.eu,

TRADE-R692-MALLEABLE FITTINGS-DUMPING-THAILAND@ec.europa.eu,

Għal aspetti ta’ dannu:

TRADE-R692-MALLEABLE FITTINGS-INJURY@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fit-termini preskritti stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

Nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li biex tippreżenta t-tweġiba kif mitlub ikun iwassal għal piż żejjed mhux raġonevoli jew għal kost addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja l-Kummissjoni immedjatament.

7.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għall-aċċess tal-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn terzi persuni biex jinstemgħu. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ.

It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (bl-Ingliż): http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/ (bl-Ingliż).

8.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

Billi dan ir-rieżami fil-kuntest tal-iskadenza qed jitnieda f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawn il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Jekk xi parti interessata tqis li jkun iġġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jkunu jixtiequ jitolbu rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

10.   Proċessar ta’ dejta personali

Id-dejta personali kollha miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-dejta (8).


(1)  ĠU C 268, 12.8.2017, p. 4.

(2)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 430/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajlandja (ĠU L 129, 14.5.2013, p. 1).

(4)  SWD(2017) 483 final/2, disponibbli hawn: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2017/december/tradoc_156474.pdf

(5)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi l-prodott li qed jiġi rieżaminat, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rieżaminat.

(6)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss importaturi li mhumiex relatati ma’ produtturi fil-pajjiżi kkonċernati. Importaturi li huma relatati ma’ produtturi fil-pajjiżi kkonċernati jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu soċji rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tkun tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew iktar tal-ishma bid-dritt tal-vot pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom ikun jikkontrolla lill-ieħor direttament jew indirettament; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien ikunu jikkontrollaw terza persuna direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom xi waħda mir-relazzjonijiet segwenti bejniethom biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformita mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(7)  Id-data mogħtija minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll biex jiġu eżaminati aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, apparti milli biex jiġi stabbilit id-dumping.

(8)  ĠU L 8, 12.1.2008, p. 1.


ANNESS I

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS III

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni