14.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 96/8


Avviż formali ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ta’ azzar miksi b’materjal organiku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(2018/C 96/06)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ Avviż formali ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ta’ azzar miksi b’materjal organiku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2), kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/2321 (3) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal rieżami

It-talba saret fit-13 ta’ Diċembru 2017 minn EUROFESR (“l-applikant”) li jirrappreżenta aktar minn 70 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ prodotti ta’ azzar miksi b’materjal organiku.

2.   Prodott li qed jiġi rieżaminat

Għalhekk il-prodotti suġġetti għal dan ir-rieżami huma ċerti prodotti ta’ azzar miksija b’materjal organiku (“AMO”), jiġifieri prodotti ċatti rrumblati tal-azzar liga u mhux liga (ma jinkludux l-azzar li ma jsaddadx) li huma miżbugħa, mogħtija l-verniċ jew miksija bi plastiks fuq mill-anqas naħa waħda, esklużi dawk l-hekk imsejħa “pannelli sandwich” tat-tip użati għall-applikazzjonijiet tal-bini u li jikkonsistu minn żewġ folji tal-metall fuq barra b’qalba ta’ stabbilizzazzjoni ta’ materjal għall-insulazzjoni marsusa bejniethom, esklużi dawk il-prodotti b’kisi aħħari ta’ trab taż-żingu (żebgħa rikka fiż-żingu, li fiha bil-piż 70 % żingu jew aktar) u esklużi dawk il-prodotti b’substrat b’kisi mettaliku ta’ kromju jew ta’ landa, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7210 70 80, ex 7212 40 80, ex 7225 99 00, ex 7226 99 70, (il-kodiċi TARIC 7210708011, 7210708091, 7212408001, 7212408021, 7212408091, 7225990011, 7225990091, 7226997011 u 7226997091) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-prodott taħt rieżami”).

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma ta’ dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 214/2013 (4).

4.   Raġunijiet għar-rieżami

It-talba hija msejsa fuq il-fatt li l-iskadenza tal-miżuri aktarx twassal biex ikun hemm kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u dannu għall-industrija tal-Unjoni.

4.1.    Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping

L-applikant iddikjara li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fl-ambitu tat-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

L-informazzjoni li tinsab fir-rapport imħejji mis-servizzi tal-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2017 li tiddeskrivi ċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-suq fil-pajjiż ikkonċernat għandha tendenza wkoll li tikkonferma d-distorsjonijiet sinifikanti allegati mill-applikant. B’mod partikolari, il-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt rieżami huwa potenzjalment affettwat mill-fatturi msemmija, inter alia, fil-kapitolu “is-Settur tal-Azzar” tar-rapport.

Minbarra r-rapport, l-applikant irrefera għal dokumenti ta’ politika mill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u r-rapporti maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, il-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Kamra tal-Kummerċ tal-UE fil-pajjiż ikkonċernat, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u korpi oħra. L-applikant invoka wkoll is-sejbiet tal-Kummissjoni fil-proċediment antisussidju oriġinali fir-rigward tal-prodott taħt rieżami (5) u fil-proċediment antisussidju fir-rigward ta’ prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-azzar (6).

Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed evidenza skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku li tiġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni fuq dik il-bażi.

Għaldaqstant, fid-dawl tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew punti ta’ riferiment mingħajr distorsjoni f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Fuq dik il-bażi, il-marġnijiet ta’ dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiżi kkonċernati.

4.2.    Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu

L-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li turi l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dannu li x’aktarx tkun ikkawżata minn żieda ta’ importazzjonijiet suġġetti ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat. F’dan ir-rigward, l-applikant ippreżenta evidenza li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdiedu minħabba (i) l-eżistenza ta’ kapaċità mhux użata fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, (ii) l-attrattività tas-suq tal-Unjoni f’termini ta’ volum, u (iii) l-eżistenza ta’ miżuri ta’ difiża tal-kummerċ f’pajjiżi terzi oħra. Minbarra dan, fin-nuqqas ta’ miżuri, il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi jkunu f’livell baxx biżżejjed biex jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni.

Barra minn dan, l-applikant jallega li kull żieda sostanzjali ta’ importazzjonijiet bi prezzijiet suġġetta għal dumping mill-pajjiż ikkonċernat x’aktarx tikkawża aktar dannu lill-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

5.   Proċedura

Wara li ġie ddeterminat, b’segwitu għal konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

Ir-rieżami ta’ skadenza jiddetermina jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping tal-prodott taħt rieżami li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat, kif ukoll għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

5.1.    Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u perjodu taħt kunsiderazzjoni

L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2017 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ ħsara jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2.    Proċedura għad-determinazzjoni ta’ probabilità ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping

F’rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni teżamina l-esportazzjonijiet li saru lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u, irrispettivament minn esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, tqis jekk is-sitwazzjoni ta’ kumpaniji li jipproduċu u li jbigħu l-prodott taħt rieżami fil-pajjiż ikkonċernat hijiex tali li l-esportazzjonijiet bi prezzijiet ta’ dumping lejn l-Unjoni huma probabbli li jkomplu jew jirrikorru jekk il-miżuri jiskadu.

Għalhekk, il-produtturi kollha tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat, irrispettivament minn jekk esportaw jew ma esportawx (7) il-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   Il-produtturi investigaturi fil-pajjiż ikkonċernat

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi li għandhom jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, huma hawnhekk mitluba jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawk il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness I ta’ dan l-Avviż formali.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi, il-Kummissjoni tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi.

Kull parti interessata li tixtieq tippreżenta kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, trid tagħmel dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi, il-Kummissjoni tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi magħżula għall-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-produtturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun”).

5.2.2.   Proċedura addizzjonali fir-rigward tal-pajjiż ikkonċernat

Skont il-punt (e) tal-Artikolu 2(6a), il-Kummissjoni, ftit wara l-bidu permezz ta’ nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati, tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti, inkluża l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv xieraq, fejn ikun hemm bżonn, li hija biħsiebha tuża’ għall-iskop tal-iffissar tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jingħataw għaxart (10) ijiem biex jikkummentaw mid-data tal-inklużjoni ta’ dik in-nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Skont l-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni, pajjiż terz rappreżentattiv possibbli hija l-Afrika t’Isfel. Bil-għan li finalment tagħżel pajjiż terz rappreżentattiv xieraq, il-Kummissjoni teżamina jekk hemmx livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħall-pajjiż esportatur, jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott taħt reviżjoni u jekk id-data tal-kost rilevanti tkunx diġà disponibbli. Jekk tali pajjiżi jkunu aktar minn wieħed, tingħata preferenza, meta jkun il-każ, lill-pajjiżi li għandhom livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ sorsi rilevanti, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi kollha fil-pajjiż ikkonċernat biex jipprovdu l-informazzjoni mitluba fl-Anness III ta’ dan l-Avviż formali fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Sabiex tinkiseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti fl-ambitu tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tibgħat ukoll kwestjonarju lill-Gvern tal-pajjiż ikkonċernat.

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Avviż formali, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.2.3.   Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati  (8)  (9)

Importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita għal għadd raġonevoli l-importaturi mhux relatati li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wassal għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness II ta’dan l-Avviż formali.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Kull parti interessata li tixtieq tippreżenta kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, trid tagħmel dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi rieżaminat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji li jkunu ntgħażlu għall-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.3.    Proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dannu

Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott rieżaminat ikunu mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.3.1.   Investigazzjoni dwar il-produtturi tal-Unjoni

Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet proviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li jista’ jiġi vverifikat mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta’ kuntatt mogħtija fit-Taqsima 5.7 aktar ’l isfel). Produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi l-produtturi tal-Unjoni li ma jkunux ikkooperaw fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn jinħtieġ li jkunu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni tgħarraf lill-produtturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha, dwar il-kumpaniji li finalment intgħażlu biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.4.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping u dannu, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi jridu juru, fl-istess limitu ta’ żmien, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom sal-iskadenza ta’ 15-il jum jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata f’format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F’kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

5.5.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Avviż formali, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.6.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għaliex tkun qiegħda ssir. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.7.    Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-iskop ta’ investigazzjonijiet ta’ difiża tal-kummerċ għandha tibqa’ ħielsa minn drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ terzi persuni, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu (a) li l-Kummissjoni tuża’ l-informazzjoni u d-data għall-iskop ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) li tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan l-Avviż formali, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristrett”  (10). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba li jagħtu sommarji mhux kunfidenzjali skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati tant li jippermettu fehim raġonevoli tas-sostanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġuni ġusta għat-talba għal trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u l-kwalità mitlubin, il-Kummissjoni tista’ tinjora din l-informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ ittra elettronika inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jitressqu fuq CD-ROM jew DVD personalment jew permezz ta’ ittra reġistrata. Permezz ta’ ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-posta elettronika validu tagħhom u jinħtieġ li jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta reġistrata. Għal iktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, jinħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika:

Għal kwistjonijiet rigward dumping u l-Anness I

:

TRADE-OCS-DUMPING-1@ec.europa.eu

Għal kwistjonijiet oħra

:

TRADE-OCS-INJURY-1@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

Jekk xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ skadenza stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li biex tippreżenta t-tweġiba kif mitlub ikun iwassal għal piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Jinħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja l-Kummissjoni minnufih.

7.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ punt ta’ kuntatt bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess tal-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn terzi persuni għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ.

Jinħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jinħtieġ li jiġu speċifikati r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal seduta ta’ smigħ trid tkun ippreżentata fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

8.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   Possibilità li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

Billi dan ir-rieżami fil-kuntest tal-iskadenza qed jitnieda f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet tiegħu ma jwasslux biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawn il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Jekk xi parti interessata tqis li jkun iġġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’dan l-Avviż formali, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

10.   Proċessar ta’ data personali

Id-data personali kollha miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).


(1)  ĠU C 187, 13.6.2017, p. 60.

(2)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/2321 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 338, 19.12.2017, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 214/2013 tal-11 ta’ Marzu 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ta’ azzar miksi b’materjal organiku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 73, 15.3.2013, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 215/2013 tal-11 ta’ Marzu 2013 li jimponi dazju kumpensatorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar miksija b’materjal organiku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, (ĠU L 73, 15.3.2013, p. 16).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/969 tat-8 ta’ Ġunju 2017 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/649 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 146, 9.6.2017, p. 17).

(7)  Produttur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi l-prodott taħt rieżami, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami.

(8)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produttur. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558), żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu soċji rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) terza persuna tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew iktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien jikkontrollaw terza persuna direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja. Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom ir-relazzjonijiet segwenti bejniethom biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformita mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1), “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali.

(9)  Id-data mogħtija minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll biex jiġu eżaminati aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, apparti milli biex jiġi stabbilit id-dumping.

(10)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


ANNESS I

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS III

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni