Brussell, 31.5.2018

SWD(2018) 298 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar l-istabbiliment ta' Funzjoni Ewropea ta' Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti

{COM(2018) 387 final}
{SEC(2018) 277 final}
{SWD(2018) 297 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ “Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti”.

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

Il-problema li trid tiġi indirizzata b’din l-inizjattiva, fil-qosor, hija l-kapaċità insuffiċjenti tal-istrumenti disponibbli li jassorbu xokkijiet makroekonomiċi kbar fiż-żona tal-euro. Fl-ekonomiji moderni, il-politiki fiskali u monetarji huma l-mezz ewlieni għall-ġestjoni taċ-ċikli ekonomiċi. Iż-żona tal-euro, madankollu, tiffaċċja konfigurazzjoni partikolari: il-politika monetarja tista’ tiffoka biss fuq fluttwazzjonijiet aggregati taż-żona, filwaqt li l-politika fiskali hija “deċentralizzata” u, fil-prinċipju, tista’ twieġeb għal xokkijiet li huma speċifiċi għall-pajjiżi. Dan l-arranġament jidher vijabbli għal żminijiet normali iżda jiffaċċja problemi kritiċi kull meta jkun hemm tfixkil ekonomiku kbir. Dan intwera b'mod speċjali fl-iżviluppi fil-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-kriżi tal-euro, li wriet il-limiti qawwija tal-funzjonament tal-istabilizzaturi awtomatiċi nazzjonali meta jiffaċċjaw xokkijiet asimetriċi, xi drabi anki fi Stati Membri bi kredenzjali fiskali sodi. Dan irriżulta f’xejra proċiklika għall-politiki fiskali, li kienet ukoll ta’ detriment għall-kwalità tal-finanzi pubbliċi u b’mod partikolari għall-investimenti pubbliċi.

X’mistennija tikseb din l-inizjattiva?

Huwa mistenni li l-inizjattiva tappoġġja lill-Istati Membri taż-żona tal-euro biex iwieġbu aħjar għal ċirkostanzi ekonomiċi li jinbidlu malajr u jistabilizzaw l-ekonomija tagħhom fil-każ ta’ xokkijiet asimetriċi kbar. B’mod aktar speċifiku, jenħtieġ li tikkontribwixxi għal tnaqqis fl-amplitudni u għal asimetriji tal-fluttwazzjonijiet taċ-ċiklu ekonomiku fl-Istati Membri kollha. Jenħtieġ li tappoġġja imġiba ta’ politiki fiskali li tkun iktar kontroċiklika, jew li tal-inqas tnaqqas ir-riskji tal-proċikliċità. Jenħtieġ li tikkontribwixxi biex tiffaċilita t-trajettorji tal-investiment pubbliku u l-koeżjoni ekonomika. Jenħtieġ li żżid mal-prevenzjoni ta’ kriżijiet finanzjarji maġġuri. Fl-istess ħin, jenħtieġ li żżomm in-newtralità bejn pajjiż u ieħor.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, f’ċirkostanzi severi, il-funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni tista’ taġixxi bħala strument kumplimentari. F’unjoni monetarja, hemm diversi linji ta’ difiża kontra x-xokkijiet ta’ tfixkil. Swieq Ewropej integrati huma indispensabbli biex jassorbu x-xokkijiet ekonomiċi b’mod effiċjenti fl-Istati Membri kollha. Il-gvernijiet nazzjonali għandhom rwol ewlieni fl-istabbilizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea kontra x-xokkijiet. Fost l-istrumenti Ewropej komuni eżistenti, il-BĊE jinsab fuq quddiem nett fl-istabilizzazzjoni makroekonomika regolari. Anki b'dawn l-elementi kollha fis-seħħ, il-politiki fiskali nazzjonali jirriskjaw li ma jkampawx u li jkunu jeħtieġu appoġġ fil-livell Ewropew. Fil-preżenza ta’ xokkijiet kbar, l-istabilizzaturi fiskali (awtomatiċi) jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw stabilizzazzjoni xierqa. Iż-żona tal-euro, għalhekk, teħtieġ strument fiskali biex jgħinha tiffaċċja xokkijiet kbar.

B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm xi għażla ppreferuta jew le? Għaliex? 

Il-valutazzjoni tal-impatt eżaminat tliet alternattivi ta’ politika għall-funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni, apparti l-għażla 1, l-istatus quo: L-għażla 2 tikkorrispondi mal-proposta tal-Kummissjoni, jiġifieri l-Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti, li tipprovdi self, flimkien ma’ għotjiet limitati lill-Istati Membri affettwati minn xokkijiet kbar sabiex iżommu l-attività ta’ investiment pubbliku. L-għażla 3 hija mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni. Kontribuzzjonijiet regolari, b’mod partikolari fi żminijiet ekonomiċi normali u tajbin, jew riżors proprju, jiġu akkumulati f’fond. Meta Stat Membru jiġi affettwat minn xokk kbir, jista’ jibbenefika minn appoġġ fil-forma ta’ pagamenti/għotjiet. Probabbilment se tkun meħtieġa kapaċità ta’ self limitata biex tiżgura funzjonament kredibbli u kontinwu tal-fond. L-għażla 4 hija dik ta’ baġit iddedikat għaż-żona tal-euro. Il-baġit komuni ma jkunx immirat primarjament lejn l-istabbilizzazzjoni eknomika, iżda pjuttost lejn il-provvediment ta’ beni pubbliċi Ewopej. Madankollu, id-dipendenza fuq dħul ċikliku u infiq kontroċikliku, elementi diskrezzjonali possibilment imtejba, tikkontribwixxi għal stabilizzazzjoni makroekonomika fil-livell tal-UE.

Il-Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti (l-għażla 2) hija l-għażla ppreferuta f'dan l-istadju. Din tkun tikkontribwixxi għall-objettiv tal-koeżjoni billi toffri appoġġ finanzjarju fil-każ ta’ xokk asimetriku kbir. Din se tipprovdi inċentiv b’saħħtu biex jiġu protetti l-investimenti pubbliċi ewlenin u b’hekk jiġi salvagwardjat infiq essenzjali li jżid it-tkabbir f’livell xieraq. L-impatt tal-istabbilizzazzjoni makroekonomika f’din l-għażla huwa limitat mill-fatt li l-appoġġ jieħu l-forma ta’ self. Fl-istess ħin, l-għażla 2 tidher ukoll aktar politikament vijabbli, tal-inqas fil-futur qrib, peress li r-riskji ta’ trasferimenti permanenti u ta’ periklu morali huma pjuttost limitati. B’mod ġenerali, fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, fiċ-ċirkostanzi kurrenti l-għażla 2 hija dik ippreferuta.

Liema għażla u min jappoġġaha? 

Għaddej dibattitu mqanqal dwar il-ħtieġa u l-forma ta’ funzjoni eventwali ta’ stabbilizzazzjoni. Xi Stati Membri jappoġġjaw integrazzjoni fiskali ulterjuri bħala komponent kruċjali tal-approfondiment tal-UEM. Il-President Franċiż esprima l-argument tiegħu favur integrazzjoni fiskali ambizzjuża, fil-forma ta’ baġit taż-żona tal-euro li notevolment tipprovdi l-istabbilizzazzjoni. Il-ministeri nazzjonali tal-ekonomija jew tal-finanzi mill-Italja u minn Spanja ippubblikaw dokumenti li jippreżentaw proposti għal fondi speċifiċi li jipprovdu l-istabbilizzazzjoni makroekonomika. Madankollu, tqajmu wkoll dubji f’kostitwenti oħrajn dwar il-valur miżjud u r-riskji ta’ strument ta’ stabbilizzazzjoni komuni. Il-Prim Ministru tan-Netherlands kien espliċitament xettiku f’diskors riċenti. Xi Stati Membri jidhru miftuħa għal diskussjonijiet ulterjuri mingħajr ma jkunu neċessarjament ta’ appoġġ. Il-ftehim ta’ koalizzjoni li jirfed il-Gvern Ġermaniż attwali jsemmi baġit ta’ investiment futur għaż-żona tal-euro li jista’ jipprovdi wkoll l-istabbilizzazzjoni.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

Il-Funzjoni ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti (l-għażla 2) tikkontribwixxi għall-objettiv tal-koeżjoni billi toffri appoġġ finanzjarju fli-każ ta’ xokk asimetriku kbir li jaffettwa Stat Membru. Dan l-appoġġ ikun immirat lejn il-benefiċċju tal-investimenti pubbliċi f’setturi prijoritarji u jkun soġġett għal fattur ta’ attivazzjoni u kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà. Ikun jiffaċilita l-eżekuzzjoni ta’ politika fiskali kontroċiklika, billi jippermetti l-involviment ta’ stabilizzaturi fiskali. Fil-prattika, huwa jippermetti li jinżammu livelli ta’ nfiq xierqa, inklużi fl-investimenti, avolja d-dħul mit-taxxa jonqos minħabba l-erożjoni tal-bażijiet tat-taxxa. Is-setgħa tal-iskema tkun tiddependi mit-tfassil preċiż u l-parametrizzazzjoni tagħha. L-impatt tal-istabbilizzazzjoni makroekonomika f’din l-għażla huwa limitat mill-fatt li l-appoġġ jieħu l-forma ta’ self.

L-iskema trawwem eżiti f’kuntrast qawwi mal-kriżi fil-passat, fejn l-investimenti pubbliċi spiss tnaqqsu b’mod konsidervoli u diversi Stati Membri kellhom jerġgħu lura għal politiki fiskali proċikliċi b’riżultat tal-pressjoni tas-suq. Il-Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti (l-għażla 2) tikkontribwixxi għal politiki fiskali nazzjonali iktar kontroċikliċi u investiment iktar stabbli. Fl-aħħar mill-aħħar, din tiżdied mat-tnaqqis fl-amplitudni u fl-asimmetriji tal-fluwwazzjonijiet taċ-ċiklu ekonomiku u tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ kriżijiet maġġuri tas-suq finanzjarju. Finalment, tikkontribwixxi għall-integrità tal-Unjoni.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)? 

Ma huma mistennija l-ebda kostijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

Il-“Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti” proposta tikkontriwbixxi għal attività ta’ investiment pubbliku iktar stabbli u għal ambjent makroekonomiku iktar stabbli u fl-aħħar mill-aħħar, trawwem perkors ta’ tkabbir makroekonomiku ogħla. Abbażi ta’ dawn it-termini, dan ikun ta’ benefiċċju wkoll għall-mikrointrapriżi u l-SMEs. Madankollu, mhuwiex mistenni li jkollha impatt dirett fuq ditti individwali, li jista’ jitkejjel f’xenarju/mudell mikroekonomiku.

Se jkun hemm impatt sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Il-provvediment ta’ self “back-to-back” mill-baġit tal-UE jinvolvi l-ħtieġa ta’ garanziji mill-baġit tal-UE u fl-aħħar mill aħħar, mill-Istati Membri. Filwaqt li dan iżid ir-rekwiżit ta’ proviżjonament għall-Istati Membri, il-kost ta’ dan il-proviżjonament huwa baxx ħafna. Bl-istess mod, il-kost tas-sussidju tal-imgħax previst se jkun limitat f’termini makroekonomiċi.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

Le, ma huwa mistenni l-ebda impatt sinifikanti ulterjuri.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Se titwettaq evalwazzjoni tal-mekkaniżmu fl-intier tiegħu wara ċertu numru ta’ snin (possibilment 3-5 snin). Dan id-dewmien jidher suffiċjenti biex ikun jista' jsir rieżami tal-ewwel każijiet ta’ attivazzjoni u l-impatt tagħhom. Madankollu, peress li x-xokkijiet il-kbar iseħħu b’mod mhux magħruf u, skont id-definizzjoni aleatorju, mhuwiex eskluż li l-kampjun ta’ każijiet ta’ attivazzjoni jkun limitat sa dak iż-żmien.