Brussell, 30.5.2018

SWD(2018) 291 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri
Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Programm Ġustizzja
Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva

{COM(2018) 383 final}
{SEC(2018) 274 final}
{SWD(2018) 290 final}


Din il-valutazzjoni tal-impatt tħejjiet biex tanalizza proposta possibbli għal programm ta’ Kultura, Drittijiet u Valuri Ewropej — li jamalgama l-programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza u l-programm Ewropa Kreattiva — u l-programm dwar il-Ġustizzja. Fit-2 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-proposti tagħha għal Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) ġdid għall-perjodu 2021-2027. Il-Kummissjoni ddeċidiet li jkollha programm Ewropa Kreattiva awtonomu u li toħloq Fond għall-Ġustizzja, id-Drittijiet u l-Valuri b'żewġ programmi sottostanti: il-Programm dwar il-Ġustizzja u l-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri. Il-valutazzjoni tal-impatt tibqa’ valida billi tirfed dawn l-inizjattivi kollha. Skont dawn il-proposti  matul dan il-perjodu, il-Programm dwar il-Ġustizzja u l-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri se jkollhom baġit ta’ EUR 947 miljun filwaqt li l-Programm Ewropa Kreattiva se jkollu baġit ta’ EUR 1 850 miljun.

Din il-valutazzjoni tal-impatt tħejjiet biex tappoġġa t-tħejjija tal-programmi ta’ finanzjament tal-futur għall-valuri, id-drittijiet, il-ġustizzja, il-kultura, il-midja u s-sehem taċ-ċittadini. Tanalizza l-fattibbiltà tal-ħolqien ta’ qafas tal-valuri tal-UE fil-baġit tal-UE, li jamalgama erba’ programmi attwali ta’ finanzjament — id-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza; l-Ewropa għaċ-Ċittadini; Ewropa Kreattiva; u Ġustizzja — kif ukoll żewġ linji prerogattivi. L-għan huwa li l-finanzjament ikun issimplifikat u effiċjenti, jiġu żviluppati sinerġiji bejn il-programmi attwali, tiġi żgurata attenzjoni ċara fuq il-valur miżjud Ewropew u tintlaħaq massa kritika ta’ finanzjament sabiex il-valuri komuni tal-UE jingħataw promozzjoni u jiġu protetti u jitwasslu riżultati tanġibbli liċ-ċittadini tal-UE.

Il-punt tat-tluq tal-analiżi tal-valutazzjoni tal-impatt huwa li l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq komunità ta’ valuri kondiviżi miċ-ċittadini kollha tagħha u li għandhom l-għeruq tagħhom fl-istorja, fil-prinċipji demokratiċi u fl-identità tal-Ewropa. Dawn il-valuri huma mnaqqxa fit-Trattat tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u jinkludu, b’mod partikolari, in-nondiskriminazzjoni, l-ugwaljanza, il-valur kontra r-razziżmu, it-tolleranza, l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura. Jinkludu wkoll id-diversità kulturali, il-libertà tal-espressjoni, inklużi l-libertà tal-midja, il-pluraliżmu, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-libertà artistika. Dak li noħolqu jsawwar il-wirt kulturali komuni tagħna u d-diversità kulturali u lingwistika tagħna u jirrifletti u jenfasizza l-importanza tal-libertà artistika u kreattiva fl-Ewropa. Apparti minn hekk, dawn il-kreazzjonijiet jikkontribwixxu kunsiderevolment għall-ġlieda kontra kull għamla ta’ diskriminazzjoni, inklużi r-razziżmu u l-ksenofobija, u jinsabu fil-qalba tal-proġett tal-UE u tal-identità tal-UE. Sabiex ikunu jistgħu jaqdu dan ir-rwol inklużiv għas-soċjetà tal-Ewropa inġenerali, l-oqsma kulturali u kreattivi jridu jkunu robusti u kreattivi; il-kreazzjonijiet artistiċi u l-kontenut kulturali jridu jitferrxu fl-Ewropa u lil hinn minnha.

Hemm xi sfidi li huma komuni għall-oqsma ta’ politika analizzati fil-valutazzjoni tal-impatt:

·Il-vokazzjoni tagħna li noħolqu suq intern b’saħħtu iżda wkoll komunità msejsa fuq rabta kulturali komuni, valuri kondiviżi, drittijiet, wirt storiku u kulturali u l-involviment tal-persuni tiġi ostakolata mill-inklinazzjoni li nikkonċentraw fuq id-differenzi tagħna u mhux fuq dak li jgħaqqadna. Il-movimenti populisti, estremisti u nazzjonalisti qegħdin ipoġġu f’diffikultà l-idea tas-soċjetà miftuħa, inklużiva, koeżiva u demokratika tagħna li fiha s-sehem u l-kapaċità kulturali fuq il-bażi tal-edukazzjoni jagħtu lok għall-bini ta’ mod aktar reżiljenti ta’ għajxien flimkien.

·In-natura frammentata u r-riżorsi limitati tal-programmi attwali ta’ finanzjament mill-UE ddedikati għall-valuri, id-drittijiet, iċ-ċittadinanza, il-kultura u l-midja, jillimitaw il-kapaċità tal-UE li twieġeb għal sfidi antiki u ġodda. Dan huwa partikolarment minnu fil-kuntest tal-bidla diġitali, u l-effett kien saħansitra aktar kompetizzjoni min-naħa tal-atturi tas-suq tal-Istati Uniti fis-swieq awdjoviżivi u kulturali Ewropew, b’effetti negattivi tanġibbli fuq id-diversità kulturali tal-Ewropa.

Jekk din l-isfida doppja ma tiġix indirizzata, il-konsegwenzi jistgħu jkunu kbar ferm jekk ikun hemm tnawwir fil-fiduċja fl-istituzzjonijiet u l-valuri Ewropej. Il-kwalità tad-demokrazija tagħna tiddgħajjef u diġà hemm sinjali allarmanti, meta wieħed iqis, pereżempju, li llum il-ġurnata huma biss in-nofs taż-żgħażagħ Ewropej li jqisu d-demokrazija bħala l-aqwa għamla ta’ gvern. Id-diskriminazzjoni jista’ jkollha intensità akbar minħabba l-użu ħażin tan-netwerks online, filwaqt li ċ-ċittadini jkollhom anqas fiduċja li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. L-opinjoni pubblika tieħu xejra dejjem aktar orjentata lejn l-aspett intern u ma tqisx xejn aktar ħlief il-midja nazzjonali u l-“bżieżaq” kulturali f’ambitu ta’ indikaturi jaggravaw tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja. Dan jaffettwa wkoll b’mod negattiv l-iżvilupp ta’ sens ta’ identità kulturali Ewropea. L-immaġni tal-Ewropa fix-xena dinjija tiddgħajjef ukoll, fi żmien li fih atturi globali oħra qegħdin jiżviluppaw is-setgħa ta’ persważjoni tagħhom bis-saħħa tal-kultura.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ġew analizzati tliet xenarji prinċipali:

L-istatus quo taż-żamma ta’ erba’ programmi ta’ finanzjament.

It-tieni xenarji jipproponi l-iżvilupp tas-sinerġiji fost il-programmi attwali u biex dawn is-sinerġiji jinġabru flimkien taħt kappa politika unika dwar il-valuri tal-UE b’żewġ programmi sottostanti ta’ finanzjament: il-Programm Kultura, Drittijiet u Valuri Ewropej u l-Programm dwar il-Ġustizzja.

It-tielet xenarju jipprevedi ħolqien ta’ programm uniku ta’ finanzjament li jkopri l-erba’ programmi ta’ finanzjament elenkati hawn fuq.

It-tielet xenarju ta’ programm partikolari ta’ finanzjament twarrab għal raġunijiet marbuta mal-bażi ġuridika. Madankollu, minħabba l-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u l-pożizzjoni tad-Danimarka kif stipulat fil-Protokolli 21 u 22 annessi mat-Trattati, il-Programm dwar il-Ġustizzja, filwaqt li jesiġi proċedura leġiżlattiva ordinarja, jenħtieġ jibqa’ strument separat.

Il-valutazzjoni tal-impatt ġabret il-lezzjonijiet miksuba mill-programm Ewropa Kreattiva, il-programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza u l-programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini biex tipproponi struttura ġdida u esplorat mekkaniżmi eżekuttivi li se jippromovu l-valuri u l-kultura tal-UE filwaqt li jilħqu l-objettivi stabbiliti għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss f’termini ta’ effiċjenza, flessibbiltà, sinerġiji u simplifikazzjoni. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tqiesu kif xieraq. Il-programmi evalwati kollha wrew valur miżjud ċar. Madankollu, l-analiżi wriet li hemm lok għal titjib mis-sitwazzjoni attwali ta’ erba’ programmi ta’ finanzjament.

Għalhekk, alternattiva ppreferuta għas-sitwazzjoni attwali u għax-xenarju bażi hija li jiġu żviluppati sinerġiji fost il-programmi attwali u l-linji prerogattivi u li dawn is-sinerġiji jitqiegħdu taħt kappa politika unika dwar il-valuri tal-UE b’żewġ programmi sottostanti ta’ finanzjament: il-Programm Kultura, Drittijiet u Valuri Ewropej u l-Programm dwar il-Ġustizzja. L-arkitettura l-ġdida għandha l-għan li: tiżviluppa sinerġiji fost politiki li fihom ikun hemm bażi komuni għall-azzjoni, filwaqt li jiġu rispettati l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom; tnaqqas it-trikkib bejniethom u l-frammentazzjoni; tiżgura l-flessibbiltà fl-allokazzjoni tal-fondi, filwaqt li tiżgura ċertu grad ta’ prevedibbiltà tal-finanzjament iddedikat għal kull politika; trawwem azzjonijiet transsettorjali u innovattivi; u tiżgura massa kritika ta’ riżorsi biex tippromovi l-valuri, filwaqt li tqis ukoll il-ħtiġijiet ta’ kull politika. Ir-raggruppament il-ġdid se jagħmilha possibbli li jsir sfruttament ulterjuri tal-potenzjal tal-programmi attwali biex jiġu promossi l-valuri tal-UE u jiżdied il-valur miżjud tal-UE. F’dan il-mudell huwa fundamentali li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-interazzjoni bejn id-diversità kulturali, il-memorja storika u l-potenzjal tas-settur kreattiv minn naħa, u l-prinċipji bħall-ġustizzja, id-drittijiet, l-ugwaljanza u l-antidiskriminazzjoni min-naħa l-oħra. Dan se jkun possibbli bis-saħħa tad-denominatur komuni taċ-ċittadinanza.

L-inizjattiva kumplessiva hija mistennija li żżid il-potenzjali tal-UE biex tippromovi u tipproteġi l-valuri billi tiżviluppa sinerġiji bejn il-programmi attwali ta’ finanzjament. Madankollu, il-programm propost jirrikonoxxi u jżomm il-karatteristiċi speċifiċi tal-politiki individwali, inkluż permezz tat-tfassil ta’ objettivi u linji speċifiċi. L-arkitettura tal-Programm Kultura, Drittijiet u Valuri Ewropej tipprovdi simplifikazzjoni skjetta, minn erba’ programmi attwali ta’ finanzjament għal żewġ programmi ta’ finanzjament fil-ġejjieni. Ma hemm l-ebda klassifikazzjoni tal-prijoritajiet bejn il-linji differenti tal-qafas propost jew bejn il-prijoritajiet f’xi linja, iżda t-tfassil tal-programm jiffavorixxi l-flessibilità.

Fl-20 ta’ April 2018, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ta opinjoni pożittiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt ta’ akkumpanjament. Il-Bord inkluda rakkomandazzjoni biex ikompli jittejjeb ir-rapport, b’xi aspetti ewlenin ta’ dan ikunu l-isfruttament sħiħ tas-sejbiet tal-evalwazzjoni, tfassil aħjar tal-prijoritajiet tal-ġejjieni u kjarifika tal-impatti mistennija mill-bidliet fil-mekkaniżmi tat-twettiq. Dawn l-aspetti ssaħħew fil-verżjoni finali tal-valutazzjoni tal-impatt.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li jkollha programm Ewropa Kreattiva awtonomu u li toħloq Fond għall-Ġustizzja, id-Drittijiet u l-Valuri li jinkludi żewġ programmi: il-Programm dwar il-Ġustizzja u l-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri. Il-valutazzjoni tal-impatt tibqa’ valida billi tirfed dawn l-inizjattivi kollha. Din id-deċiżjoni hija riflessa fil-pakkett tal-proposta għal QFP ta’ wara l-2020 ippreżentat mill-Kummissjoni fit-2 ta’ Mejju 2018.