Brussell,25.4.2018

SWD(2018) 128 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku

{COM(2018) 234 final}

{SWD(2018) 127 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar ir-rieżami tad-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku 1

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex hemm ħtieġa li tittieħed azzjoni? X’inhi l-problema?

L-entitajiet tas-settur pubbliku jżommu ammonti enormi ta’ dejta magħrufa bħala informazzjoni tas-settur pubbliku (PSI) pereżempju dejta ġuridika, dejta dwar it-traffiku, dejta meteoroloġika u dejta ekonomika u finanzjarja. F’każ li jiġi permess li dik id-dejta terġa’ tintuża għal finijiet oħra, inkluż għal finijiet kummerċjali (eż. għal servizzi tan-navigazzjoni bis-satellita, applikazzjonijiet tat-temp, eċċ.), jista’ jiġi stimolat it-tkabbir ekonomiku, filwaqt li tiġi xprunata l-innovazzjoni u jiġu indirizzati diversi problemi tas-soċjetà, pereżempju fl-oqsma tal-kura tas-saħħa jew tat-trasport pubbliku.

Id-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (id-Direttiva PSI) ħolqot qafas ġuridiku bażiku għall-użu mill-ġdid tal-PSI fis-suq uniku billi imponiet ċerti obbligi fuq il-korpi tas-settur pubbliku. Skont l-Artikolu 13 (il-klawżola ta’ rieżami) tad-Direttiva, u bħala segwitu għall-impenn li sar fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, din il-valutazzjoni tal-impatt tinkludi evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-verżjoni attwali tad-Direttiva, u tistabbilixxi l-għażliet ta’ politika meħtieġa biex jiġu indirizzati l-erba’ oqsma problematiċi:

1.Id-dejta dinamika: Il-forniment ta’ aċċess f’ħin reali għal dejta miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku, b’mod partikolari għal dejta dinamika, bl-użu ta’ mezzi tekniċi xierqa (Interfaċċi ta’ Programmazzjoni tal-Applikazzjonijiet (APIs)) huwa rari. Dan ifisser li ta’ spiss id-dejta dinamika ma tkunx tista’ terġa’ tintuża biex jiġu żviluppati prodotti u servizzi ġodda, bħal pereżempju applikazzjonijiet tal-ivvjaġġar f’ħin reali.

2.It-tariffar: Diversi korpi tas-settur pubbliku għadhom jimponu wisq tariffi għall-użu mill-ġdid tad-dejta tas-settur pubbliku — ħafna aktar minn kemm huwa meħtieġ biex jiġu koperti l-ispejjeż għar-riġenerazzjoni u d-disseminazzjoni. Minn perspettiva makroekonomika, dawn it-tariffi huma kontroproduttivi għax jikkostitwixxu ostaklu għas-suq għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs). B’riżultat ta’ dan, l-imposti għandhom it-tendenza li jsaħħu l-pjattaformi multinazzjonali l-kbar għad-detriment tal-SMEs, li ma jkunux jistgħu jaffordjaw jixtru dejta pubblika. L-evidenza turi li, tipikament, it-tneħħija tat-tariffi tirriżulta f’żieda qawwija fid-domanda għad-dejta tas-settur pubbliku, li twassal għal aktar innovazzjoni, għal aktar tkabbir tan-negozju u, fl-aħħar mill-aħħar, għal dħul akbar tal-baġit (permezz tat-taxxi) għas-settur pubbliku.

3.Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva PSI: Id-dejta ġġenerata mis-settur tal-utilitajiet u mis-settur tat-trasport hija prezzjuża, u għandha potenzjal enormi għal użu mill-ġdid. Madankollu, l-entitajiet li huma attivi f’dawn is-setturi mhumiex koperti mid-Direttiva PSI. L-istess jgħodd għad-dejta tar-riċerka li tirriżulta mill-fondi pubbliċi, din hija sors prezzjuż ieħor ta’ dejta.

4.Lock-in tad-dejta tas-settur pubbliku: Id-detenturi ta’ dejta pubblika ġieli jagħmlu arranġamenti mas-settur privat sabiex jiksbu aktar valur mid-dejta tagħhom. Dan joħloq ir-riskju ta’ vantaġġi eċċessivi għall-innovatur, li minnhom jibbenefikaw kumpaniji kbar u li jwasslu għal limitazzjoni tal-għadd ta’ utenti potenzjali li jużaw mill-ġdid id-dejta inkwistjoni.

X’mistennija tikseb din l-inizjattiva?

L-għan ġenerali ta’ din l-inizjattiva huwa li jittejjeb l-effett, li diġà huwa wieħed pożittiv, tad-Direttiva PSI. Dan se jsir permezz tat-tisħiħ ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi u permezz tal-aġġornament tagħhom, bl-għan li jiżdied l-ammont tad-dejta tas-settur pubbliku disponibbli għall-użu mill-ġdid. B’mod partikolari, l-inizjattiva se ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-SMEs fis-suq tad-dejta billi jiġi żgurat li ma jiffaċċjawx ostakli tas-suq li jwaqqfuhom milli jagħmlu użu mill-ġdid ta’ dejta pubblika għal finijiet kummerċjali.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

Hemm bżonn miżuri fil-livell tal-UE sabiex jiġu garantiti kundizzjonijiet kumparabbli għall-forniment tad-dejta u sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu adegwati għal aktar użu mill-ġdid. Jenħtieġ li d-dejta pubblika b’ambitu tematiku komparabbli ssir disponibbli għall-użu mill-ġdid b’mod konsistenti fl-Istati Membri sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ servizzi u prodotti abbażi ta’ dejta miġbura minn pajjiżi differenti tal-UE f’kundizzjonijiet simili.

Il-bidliet proposti se joħolqu aktar inċentivi biex in-negozji jużaw l-iskala tas-suq uniku sabiex jipproduċu prodotti u servizzi tal-informazzjoni li jkopru pajjiżi differenti. Fl-istess ħin, il-bidliet se jiżguraw li l-utenti mill-ġdid kummerċjali ta’ daqsijiet u kapaċitajiet ta’ investiment differenti se jkollhom opportunitajiet simili b’rabta mal-aċċess għad-dejta pubblika.

B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta' politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex? 

Ġew ikkunsidrati għadd ta’ għażliet ta’ politika, kemm leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi. Uħud mill-għażliet ġew skartati fi stadju bikri, filwaqt li l-għażliet li nżammu għal valutazzjoni dettaljata kienu żewġ pakketti ta’ miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi — wieħed minnhom jikkonsisti minn miżuri ta’ intensità għolja, u l-ieħor jikkonsisti minn miżuri ta’ intensità aktar baxxa.

L-għażla ppreferuta hija l-pakkett b’intensità ta’ intervent aktar baxxa, abbażi tal-elementi li ġejjin:

Dejta dinamika/APIs: Obbligu “ħafif” għall-Istati Membri biex jagħmlu d-dejta dinamika disponibbli fil-ħin, u sabiex jintroduċu APIs. Se jkun hemm obbligu qawwi li jsir dan b’rabta ma’ għadd limitat ta’ settijiet ta’ dejta fundamentali ta’ valur għoli (li għandhom jiġu adottati permezz ta’ Att Delegat).

It-tariffar: B’regoli aktar stretti għall-invokazzjoni tal-eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali, il-korpi tas-settur pubbliku ma jkunux jistgħux jimponu tariffi ogħla mill-ispejjeż marġinali għad-disseminazzjoni. Il-ħolqien ta’ lista ta’ settijiet ta’ dejta fundamentali ta’ valur għoli li għandha tkun disponibbli b’mod liberu fl-Istati Membri kollha (l-istess settijiet ta’ dejta msemmija hawn fuq, li għandhom jiġu adottati permezz ta’ Att Delegat).

Dejta fis-setturi tat-trasport u tal-utilitajiet: Se jiġu koperti biss l-impriżi pubbliċi, u se japplika sett limitat ta’ obbligi. L-impriżi pubbliċi jistgħu jitolbu prezzijiet ogħla mill-ispejjeż marġinali għad-disseminazzjoni, u mhumiex obbligati jirrilaxxaw id-dejta. Jekk jirrilaxxaw id-dejta, dawn ikunu koperti minn rekwiżiti tat-trasparenza, tan-nondiskriminazzjoni u tan-nonesklussività.

Id-dejta ta’ riċerka: L-Istati Membri se jkunu obbligati jiżviluppaw politiki għall-aċċess miftuħ tad-dejta xjentifika li tirriżulta minn riċerka ffinanzjata mill-pubbliku. Madankollu, se jkunu ħielsa li jiddeċiedu dwar kif għandhom jimplimentaw dawn il-politiki. Id-Direttiva PSI se tkopri wkoll dejta tar-riċerka li diġà saret aċċessibbli bħala riżultat ta’ mandati ta’ aċċess miftuħ, b’enfasi fuq l-aspetti ta’ użu mill-ġdid.

Nonesklussività: Rekwiżiti tat-trasparenza għal ftehimiet pubbliċiprivati li jinvolvu informazzjoni tas-settur pubbliku (kontroll minn qabel, possibbilment imwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, u ftuħ fil-ftehim proprju).

Dawn il-miżuri se jiġu kkombinati ma’ aġġornament tar-rakkomandazzjoni dwar l-aċċess għal u l-preżervazzjoni ta’ informazzjoni xjentifika 2 u kjarifika dwar l-interazzjoni bejn id-Direttiva PSI, u d-Direttiva dwar il-Bażijiet tad-Dejta u d-Direttiva INSPIRE.

Liema għażla u min jappoġġaha? 

Id-Direttiva PSI taffettwa żewġ settijiet ta’ partijiet ikkonċernati b’mod wiesa’: minn naħa, lill-korpi tas-settur pubbliku, u min-naħa l-oħra, lill-utenti. Minħabba l-estensjoni proposta tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, l-ewwel grupp se jinkludi wkoll lill-korpi pubbliċi tar-riċerka u lill-impriżi pubbliċi mis-settur tat-trasport u mis-settur tal-utilitajiet.

Il-grupp tal-utenti mill-ġdid jinkludi lill-entitajiet kummerċjali (b’mod partikolari għadd kbir ta’ SMEs) u lill-entitajiet mhux kummerċjali (riċerkaturi, individwi) li jużaw mill-ġdid id-dejta ġġenerata mis-settur pubbliku. Bħala d-destinatarji prinċipali tal-miżuri proposti, is-settur pubbliku jkun juri aktar appoġġ għaż-żamma tal-istatus quo jew tal-intervent ta’ intensità aktar baxxa. Ħafna mill-utenti mill-ġdid, mill-banda l-oħra, jkunu jiffavorixxu bidliet aktar wiesgħa u ambizzjużi (xenarju ta’ intensità għolja). Fil-qasam tar-riċerka, l-intervent leġiżlattiv x’aktarx li jiġi appoġġat minn utenti mill-ġdid peress li huwa konformi bis-sħiħ ma’ żviluppi ta’ politika fl-oqsma tal-aċċess miftuħ u tax-xjenza miftuħa.

Għandu jiġi nnutat li filwaqt li d-Direttiva timponi obbligi biss fuq is-settur pubbliku, din toħloq benefiċċji ekonomiċi għall-partijiet kollha — kemm għall-utenti mill-ġdid kif ukoll għas-settur pubbliku nnifsu.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

It-tibdiliet proposti fl-għażla ppreferuta se jagħmlu differenza konkreta billi jagħmlu aktar dejta aktar disponibbli għall-użu mill-ġdid min-negozji (speċjalment l-SMEs), mill-awtoritajiet pubbliċi, mir-riċerkaturi u mill-individwi. L-użu mill-ġdid tad-dejta tas-settur pubbliku se jkun irħas, u xi dejta li hija diġà disponibbli (dejta tar-riċerka) se tkun aktar faċli biex tintuża mill-ġdid. Fl-istess ħin, l-għażla ppreferuta għandha livell realistiku ta’ ambizzjoni li jkun aċċettabbli għall-partijiet ikkonċernati u għall-Istati Membri. B’mod ġenerali, il-miżuri tal-għażla ppreferuta se jwasslu għal valur ekonomiku ogħla u għal ħolqien tal-impjiegi b’mod sinifikanti meta mqabbla max-xenarju bażi (żieda ta’ 30 % fil-valur ekonomiku dirett u żieda ta’ 40 % fl-impjiegi meta mqabbla max-xenarju bażi).

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)? 

Il-kostijiet assoċjati mal-għażla ppreferuta huma relatati l-aktar mal-aġġornament meħtieġ tal-infrastruttura diġitali tas-settur pubbliku. Dan huwa meħtieġ sabiex tkun tista’ ssir disseminazzjoni effiċjenti tad-dejta, b’mod partikolari tad-dejta dinamika. L-element prinċipali huwa l-kost għall-implimentazzjoni u għaż-żamma tal-APIs, li jiffaċilitaw l-aċċess għad-dejta dinamika min-naħa tal-utenti mill-ġdid. Inizjalment, xi kostijiet oħra se jinġarru minn għadd limitat ta’ korpi tas-settur pubbliku li għadhom jimponu tariffi għad-dejta. Dawn se jitilfu xi dħul — f’ċerti każijiet, mhux se jkunu jistgħu jkomplu jitolbu tariffi għall-użu mill-ġdid tad-dejta tagħhom. Fl-aħħar nett, se jkun hemm xi kostijiet legali u/jew amministrattivi marbuta mar-rekwiżiti l-ġodda għall-impriżi pubbliċi u l-istituzzjonijiet tar-riċerka. Madankollu, dawn il-kostijiet se jiġu kkumpensati mill-benefiċċji li se jaffettwaw lill-ekonomija kollha, inkluż lill-korpi tas-settur pubbliku stess, bis-saħħa ta’ żieda fl-effiċjenza u ta’ dħul addizzjonali ġġenerat mit-tassazzjoni.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

L-SMEs u n-negozji huma l-benefiċjarji ewlenin tal-għażla ppreferuta. Skont xi studji li saru, il-biċċa l-kbira tal-użu mill-ġdid kummerċjali tad-dejta pubblika jitwettaq minn negozji ġodda (start-ups) u minn kumpaniji li jimpjegaw inqas minn għaxar persuni. Forniment akbar ta’ dejta orħos u aktar faċli biex tintuża mill-ġdid se jippermetti li jkun hemm aktar innovazzjoni bbażata fuq id-dejta fis-setturi ekonomiċi kollha, fejn l-SMEs u l-mikrointrapriżi jibbenefikaw l-aktar minn ostakli iżgħar għall-aċċess għad-dejta tas-settur pubbliku.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Dan l-intervent se jtejjeb il-proċess li għaddej tal-ftuħ tad-dejta tas-settur pubbliku. Fit-terminu qasir, se joħloq spejjeż ta’ konformità limitati għall-amministrazzjonijiet pubbliċi. Barra minn hekk, fit-tul se jżid l-iffrankar tal-ispejjeż permezz ta’ effiċjenza akbar, u se jiġġenera dħul addizzjonali tal-gvern.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

Apparti l-benefiċċji ekonomiċi globali stmati li jġib miegħu il-ftuħ tad-dejta tas-settur pubbliku, l-għażla ppreferuta hija wkoll mistennija żżid b’mod sinifikanti l-impatt attwali tal-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku fuq is-soċjetà.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika? 

Il-politika se tiġi mmonitorjata fuq bażi annwali permezz tal-eżerċizzju ta’ “pjanifikazzjoni” mwettaq mill-Portal Ewropew tad-Dejta Miftuħa. Dan se jwassal għall-pubblikazzjoni ta’ Rapporti tal-Maturità tad-Dejta Miftuħa. Il-klawżola ta’ rieżami tad-Direttiva se tiġi modifikata biex sitt snin wara d-data tal-adozzjoni tad-Direttiva emendatorja tkun tista’ ssir l-evalwazzjoni li jmiss.

(1)

SWD(2018) 127.

(2)

C(2018) 2375.