Strasburgu, 16.1.2018

SWD(2018) 22 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

PROPOSTA GĦAL DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE u d-Direttiva 2010/65/UE

{COM(2018) 33 final}
{SWD(2018) 21 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv (Massimu ta’ 2 paġni)

Valutazzjoni tal-impatt dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva 2000/59/KE dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għar-residwi tal-merkanzija

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?

1. Ir-rimi ta’ skart fil-baħar qed ikollu impatt negattiv fuq l-ambjent tal-baħar. Stimi annwali: Skart żejtni 31 000 m³, Drenaġġ: 136 000 m³ u Żibel: 60 000 – 300 000 tunnellata.

2. Il-piż amministrattiv (stmat għal 127 M EUR/sena) assoċjat mal-implimentazzjoni tad-Direttiva qed jaffettwa b’mod negattiv l-operazzjonijiet tat-trasport marittimu.

X’għandu jinkiseb?

1. Il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar permezz ta’ tnaqqis tar-rimi tal-iskart iġġenerat mill-bastiment fuq il-baħar u kontribut għall-objettivi usa’ tal-ekonomija ċirkolari;

2. Il-faċilitazzjoni tal-operazzjonijiet marittimi permezz ta’ tnaqqis tal-piż amministrattiv.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)?

L-azzjoni fil-livell tal-UE hija meħtieġa sabiex:

·Tikseb l-implimentazzjoni armonizzata ta’ regoli maqbula internazzjonalment (MARPOL) biex tiġi indirizzata l-problema tat-tniġġis mill-bastimenti;

·Tipprovdi kundizzjonijiet ekwi għall-portijiet u l-utenti tal-portijiet, sabiex tiżdied il-kompetittività tas-settur.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-għażliet differenti biex jinkisbu l-għanijiet? Hemm għażla ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?

·Għażla 1: Xenarju bażi

·Għażla 2: Reviżjoni minima: inizjattivi mmirati u aġġustamenti legali konċiżi;

·Għażla 3: Allinjament mal-MARPOL: aktar allinjament mal-MARPOL, b’enfasi fuq ir-rimi illegali ta’ skart fil-baħar. L-inkorporazzjoni tal-ispezzjonijiet tal-PRF fil-Kontroll tal-Istati tal-Portijiet;

·Għażla 4: Ir-reġim PRF tal-UE lil hinn mill-MARPOL: tisħiħ tar-reġim PRF tal-UE lil hinn mill-MARPOL: il-konsenja obbligatorja tal-iskart kollu mill-bastimenti;

·Varjanti tal-għażliet 3B u 4B: Skart fil-Baħar: l-indirizzar b'mod speċifiku tal-problema tal-iskart fil-baħar mill-bastimenti. Definizzjoni mill-ġdid tal-pożizzjoni tal-bastimenti tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni skont id-Direttiva.

L-għażla ppreferuta hija l-għażla 3B (allinjament mal-MARPOL b’enfasi addizzjonali fuq l-iskart fil-baħar).

X’inhi l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati differenti? Min jappoġġa liema għażla?

Il-partijiet ikkonċernati kollha jilqgħu r-reviżjoni u jiffavorixxu l-armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli fil-livell tal-UE.

- Numru ta’ Portijiet jopponu t-tariffa 100% indiretta għaż-żibel, u jippreferu simplifikazzjoni tal-prinċipji tal-irkupru tal-ispejjeż ewlenin (l-Għażliet 3 u 4).

- L-utenti tal-portijiet jappellaw għal aktar trasparenza fit-tariffi tal-iskart, għal proċeduri ta’ konsultazzjoni aħjar u għal armonizzazzjoni tar-reġim tal-eżenzjonijiet (l-Għażliet 3 u 4).

- Il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati jiffavorixxu allinjament ulterjuri mal-MARPOL (kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet) (l-Għażla 3).

Peress li l-Għażla 3B tgħaqqad iż-żewġ objettivi ġenerali, din l-għażla hija appoġġata mill-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati.

C. L-impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

Ambjentali: Tonqos parti sostanzjali tal-iskart illegali mormi fil-baħar, u jingħata kontribut importanti lejn l-ekonomija ċirkolari. Il-benefiċċji ambjentali huma diffiċli biex jiġu kkwantifikati, iżda se jkunu sostanzjali, kif indikat mill-ispejjeż għal operazzjonijiet ta’ tindif (tax-xtajtiet) u l-ħsara lis-settur tas-sajd.

Ekonomiċi: Tnaqqis fl-ispejjeż tal-infurzar ta’ madwar EUR 286 000 u madwar EUR 6,5 miljun fi tnaqqis tal-piż amministrattiv.

Soċjali: Mistennija żieda ta’ impjiegi fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart u t-turiżmu; sensibilizzazzjoni ambjentali akbar dwar l-iskart fil-baħar minn sorsi bbażati fuq il-baħar.

X'inhuma l-ispejjeż tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)?

- Spejjeż tal-konformità biex jitwaqqfu skemi ta’ ġbir separat tal-iskart fil-portijiet, il-provvediment ta’ faċilitajiet biex jintlaqa’ l-iskart mill-purifikaturi, u l-introduzzjoni ta’ tariffa 100% indiretta għaż-żibel.

- Spejjeż operazzjonali mill-implimentazzjoni ta' skemi ta’ inċentivi, mill-organizzazzjoni ta' konsultazzjonijiet għall-adozzjoni jew għar-reviżjoni ta’ pjanijiet rigward l-akkoljenza u t-tqandil tal-iskart.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

Iktar opportunitajiet ta’ negozju u impatti fuq il-kompetittività jistgħu jkunu mistennija għal: L-operaturi PRF, li wħud minnhom huma kwalifikati bħala SMEs; u s-settur tas-sajd u rikreattiv, li huma fil-biċċa l-kbira SMEs.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Le. l-ispejjeż regolatorji huma mistennija li jkunu limitati u mistennija li jiġu kkumpensati mill-kisbiet fl-effiċjenza.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?

Impatt pożittiv fuq l-innovazzjoni u l-kompetittività, b’mod partikolari mill-iżvilupp ulterjuri tal-kunċett tal-bastimenti sensittivi ekoloġikament u t-titjib tal-ġestjoni tal-iskart fil-portijiet.

Proporzjonalità?

L-għażla ta’ politika ppreferuta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-kisba tal-objettivi ta’ politika.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Id-Direttiva riveduta jenħtieġ li tiġi riveduta seba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, abbażi ta’ sett ta’ indikaturi tal-progress prinċipali.