Brussell, 12.9.2018

COM(2018) 640 final

2018/0331(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-prevenzjoni tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online




Kontribut mill-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Mexxejja f’FMT:ItalicSalzburg fid-19-20 ta’ Settembru 2018

{SEC(2018) 397 final} - {SWD(2018) 408 final} - {SWD(2018) 409 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-ubikwità tal-internet tippermetti lill-utenti jikkomunikaw, jaħdmu, jissoċjalizzaw, joħolqu, jiksbu u jaqsmu informazzjoni u kontenut ma’ mijiet ta’ miljuni ta’ individwi madwar id-dinja. Il-pjattaformi tal-internet jiġġeneraw benefiċċji sinifikanti għall-benesseri ekonomiku u soċjali tal-utenti madwar l-Unjoni u lil hinn minnha. Madankollu, il-kapaċità li tintlaħaq udjenza kbira bħal din bl-anqas spejjeż possibbli tattira wkoll il-kriminali li jridu jagħmlu użu ħazin mill-internet għal skopijiet illegali. Attakki terroristiċi riċenti fl-UE wrew kif it-terroristi jagħmlu użu ħażin mill-internet biex iħejju u jirreklutaw lis-sostenituri, biex jippreparaw u jiffaċilitaw l-attività terroristika, biex jigglorifikaw fl-atroċitajiet tagħhom u jħeġġu lill-oħrajn jagħmlu l-istess u jnisslu l-biża’ fil-pubbliku ġenerali.

Kontenut terroristiku maqsum onlajn għal dawn l-iskopijiet jinxtered permezz ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jippermettu li jittella’ kontenut ta’ partijiet terzi. Il-kontenut terroristiku onlajn kien strumentali fir-radikalizzazzjoni u l-ispirazzjoni tal-attakki mill-hekk imsejħa lpup solitarji f’diversi attakki terroristiċi riċenti fl-Ewropa. Kontenut bħal dan mhux biss joħloq impatti sinifikanti negattivi fuq individwi u s-soċjetà b’mod ġenerali, iżda jnaqqas ukoll il-fiduċja tal-utenti fl-internet u jaffettwa l-mudelli ta’ negozju u r-reputazzjoni ta’ dawk il-kumpaniji milquta. It-terroristi mhux biss għamlu użu ħażin minn pjattaformi kbar tal-midja soċjali, iżda wkoll fornituri li joffru tipi differenti ta’ servizzi ta’ hosting globalment. Dan l-użu ħażin tal-internet jenfasizza r-responsabilità partikolari tas-soċjetà tal-pjattaformi tal-internet biex jipproteġi lill-utenti tiegħu minn esponiment għal kontenut terroristiku u r-riskji għas-sigurtà severi li dan il-kontenut iġib miegħu għas-soċjetà b’mod ġenerali.

Fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jwieġbu għal sejħiet minn awtoritajiet pubbliċi, poġġew fis-seħħ ċertu miżuri biex jiġi trattat kontenut terroristiku fuq is-servizzi tagħhom. Sar progress permezz ta’ oqfsa u sħubiji volontarji inkluż il-Forum tal-Internet tal-UE li tnieda f’Diċembru 2015 skont l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà. Il-Forum tal-Internet tal-UE ippromwova l-kooperazzjoni u l-azzjonijiet volontarji tal-Istati Membri u tas-servizzi ta’ hosting biex inaqqas l-aċċessibilità għall-kontenut terroristiku onlajn u biex jagħti setgħa lis-soċjetà ċivili biex iżżid il-volum ta’ narrattivi alternattivi onlajn li jkunu effettivi. Dawn l-isforzi kkontribwew għaż-żieda fil-kooperazzjoni, għat-titjib fir-reazzjonijiet minn kumpaniji għal konsultazzjonijiet minn awtoritajiet nazzjonali kif ukoll mill-Unità ta’ Indikazzjonijiet ta' Kontenut fuq l-Internet tal-Europol, l-iskjerament ta’ miżuri proattivi volintarji biex titjieb id-detezzjoni awtomatika ta’ kontenut terroristiku, aktar kooperazzjoni bejn l-industrija - inkluż l-iżvilupp tal-bażi ta’ data ta’ hashes biex jiġi evitat milli kontenut terroristiku magħruf jittella’ fuq pjattaformi konnessi-, kif ukoll trasparenza miżjuda fl-isforzi. Filwaqt li l-kooperazzjoni skont il-Forum tal-UE dwar l-Internet għandha tkompli fil-futur, il-ftehimiet volontarji wrew ukoll il-limitazzjonijiet tagħhom. L-ewwel nett mhux il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting kollha involvew ruħhom fil-Forum u t-tieni, l-iskala u l-pass tal-progress fost il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting b’mod ġenerali m’huwiex biżżejjed biex jindirizza din il-problema b’mod adegwat.

Minħabba dawn il-limitazzjonijiet, hemm ħtieġa ċara għal azzjonijiet imsaħħa mill-Unjoni Ewropea kontra l-kontenut terroristiku onlajn. Fl-1 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar miżuri biex tiġġieled b’mod effettiv il-kontenut illegali onlajn, u tkompli tibni fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Settembru 1 kif ukoll sforzi skont il-Forum tal-UE dwar l-Internet. Ir-Rakkomandazzjoni inkludiet kapitolu speċifiku li jidentifika għadd ta’ miżuri biex irażżnu b’mod effettiv li tittella jew tinqasam propaganda terroristika onlajn, bħal titjib fil-proċess ta’ konsultazzjonijiet, limitu ta’ żmien ta’ siegħa biex jitwieġbu l-konsultazzjonijiet, detezzjoni aktar proattiva, tneħħija effettiva u biżżejjed ssalvagwardji biex kontenut terroristiku jiġi vvalutat bir-reqqa 2 . 

Il-bżonn li tiżdied l-azzjoni b’rabta mal-kontenut terroristiku onlajn ġie rifless ukoll f'sejħiet mill-Istati Membri tal-UE, u xi wħud diġa’ lleġiżlaw jew esprimew pjanijiet li jagħmlu dan. Wara serje ta’ attakki terroristiċi fl-UE u minħabba l-fatt li l-kontenut terroristiku onlajn għadu aċċessibbli faċilment, il-Kunsill Ewropew tat-22-23 ta’ Ġunju 2017 talab lill-industrija tiżviluppa teknoloġija u għodod ġodda biex ittejjeb id-detezzjoni u t-tneħħija awtomatika ta’ kontenut li jħeġġeġ l-atti terroristiċi. Dan, jekk meħtieġ, għandu jiġi kkumplimentat mill-miżuri leġiżlattivi rilevanti fil-livell tal-UE. Il-Kunsill Ewropew tat-28 ta’ Ġunju 2018 laqa’ “l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta leġiżlattiva biex jitjieb il-kxif u t-tneħħija ta’ kontenut li jinċita il-mibegħda u t-twettiq ta’ atti terroristiċi”. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ pjattaformi onlajn u s-suq uniku diġitali tal-15 ta’ Ġunju 2017, ħeġġeġ lill-pjattaformi kkonċernati biex “isaħħu l-miżuri li jindirizzaw kontenut illegali u ta’ ħsara” u sejjaħ lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet.

Biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi u bi tweġiba għas-sejħiet mill-Istati Membri u mill-Parlament Ewropew, din il-proposta tal-Kummissjoni tfittex li tistabbilixxi qafas legali ċar u armonizzat biex tevita l-użu ħażin ta’ servizzi ta’ hosting għat-tixrid ta’ kontenut terroristiku onlajn, biex jiġi garantit il-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq Uniku Diġitali filwaqt li jiġu żgurati l-fiduċja u s-sigurtà. Dan ir-Regolament ifittex li jagħti ċarezza dwar ir-responsabilità ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ hosting fit-teħid ta’ azzjonijiet xierqa, raġonevoli u proporzjonati meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà tas-servizzi tagħhom u għad-detezzjoni u t-tneħħija ta’ kontenut terroristiku onlajn malajr u b’mod effettiv, filwaqt li titqies l-importanza fundamentali tal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni f’soċjetà miftuħa u demokratika. Dan jintroduċi wkoll għadd ta’ salvagwardji neċessarji mfassla biex jiżguraw rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali bħall-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni f’soċjetà demokratika, barra rimedju effettiv kif minqux fl-Artikolu 19 TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Bit-twaqqif ta’ set minimu ta’ kompiti ta’ kura fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jinkludu xi regoli u obbligi speċifiċi, kif ukoll obbligi fuq l-Istati Membri, il-proposta beħsiebha żżid l-effettività ta’ miżuri preżenti għad-detezzjoni, l-identifikar u t-tneħħija ta’ kontenut terroristiku onlajn mingħajr ma tirfes id-drittijiet fundamentali bħall-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni. Qafas legali armonizzat bħal dan se jiffaċilita d-dispożizzjoni ta’ servizzi onlajn tul is-Suq Uniku Diġitali, jiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ hosting billi jindirizza s-servizzi tagħhom lill-Unjoni Ewropea u se jipprovdi qafas legali b’saħħtu għad-detezzjoni u t-tneħħija ta’ kontenut terroristiku akkumpanjat minn salvagwardji xierqa li jipproteġu d-drittijiet fundamentali. B’mod partikolari, l-obbligi għat-trasparenza se jiżdiedu fost iċ-ċittadini u b’mod partikolari l-utenti tal-internet, u jtejjbu l-kontabilità u t-trasparenza tal-azzjonijiet tal-kumpaniji, inkluż ir-rispett ta’ awtoritajiet pubbliċi. Il-proposta tistabbilixxi wkoll obbligi li jpoġġu fis-seħħ mekkaniżmi ta’ rimedju u ta’ ilment biex jiżguraw li l-utenti jistgħu joġġezzjonaw it-tneħħija tal-kontenut tagħhom. L-obbligi fuq l-Istati Membri se jikkontribwixxu għal dawn l-objettivi, kif ukoll itejjbu l-kapaċità ta’ awtoritajiet rilevanti biex jieħdu azzjonijiet xierqa kontra l-kontenut terroristiku onlajn u biex jiġġieldu l-kriminalità. Fejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jonqsu milli jikkonformaw mar-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jimponu l-multi.

1.2.Il-konsistenza mal-qafas legali tal-UE eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta attwali hija konsistenti mal-acquis marbut mas-Suq Uniku Diġitali u b’mod partikolari d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. B’mod partikolari kwalunkwe miżura li tittieħed mill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting f’konformità ma’ dan ir-Regolament, inklużi kwalunkwe mizuri proattivi, m’għandhomx iwasslu fihom infushom biex dak il-fornitur tas-servizzi jitlef il-benefiċċju tal-eżenzjoni tar-responsabilità stipulata, skont ċertu kundizzjonijiet, fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. Deċiżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali li timponi tali miżuri proattivi speċifiċi m’għandhiex, fil-prinċipju, twassal għall-impożizzjoni ta’ obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ, kif previst fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31/KE lejn l-Istati Membri. Madankollu, minħabba riskju partikolarment serju assoċjat mat-tixrid ta’ kontenut terroristiku, id-deċiżjonijiet skont dan ir-Regolament jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jidderogaw minn dan il-prinċipju skont qafas tal-UE. Qabel ma tadotta deċiżjonijiet bħal dawn, l-awtorità kompetenti għandha ssib bilanċ ġust bejn il-ir-rekwiżiti ta’ sigurtà pubblika u l-interessi u d-drittijiet fundamentali involuti, b’mod partikolari, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u l-libertà li twettaq negozju, u l-protezzjoni ta’ data personali u tal-privatezza. Id-dmirijiet ta’ kura tal-fornituri tas-servizzi ta’ hosting għandhom jirrifletti u jirrispettaw dan il-bilanċ li huwa espress fid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.

Il-proposta hija wkoll konsistenti u allinjata mill-qrib mad-Direttiva (UE) 2017/541 dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, li l-għan tagħha huwa li tarmonizza l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri li tikkriminaliza r-reati terroristiċi. L-Artikolu 21 tad-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu jeħtieġ lill-Istati Membri biex jieħu miżuri li jiżguraw it-tneħħija minnufih ta’ kontenut onlajn limitat għall-provokazzjoni pubblika u jħalli l-għażla tal-miżuri f’idejn l-Istati Membri . Dan ir-Regolament, minħabba n-natura preventiva tiegħu, ikopri mhux biss materjal li jħeġġeġ it-terroriżmu iżda wkoll materjal għal skopijiet ta’ reklutaġġ jew taħriġ, li jirrifletti reati oħra marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi, li huma wkoll koperti mid-Direttiva(UE) 2017/541. Dan ir-Regolament jimponi direttament id-dmirijiet ta’ kura fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting biex ineħħi l-kontenut terroristiku onlajn u jarmonizza proċeduri għall-ordnijiet ta’ tneħħija bl-għan li titnaqqas l-aċċessibilità għall-kontentut terroristiku onlajn.

Ir-Regolament jikkumplimenta r-regoli stabbiliti fid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva sakemm il-kamp ta' applikazzjoni personali u materjali tagħha jkunu usa’. Ir-Regolament ma jkoprix biss pjattaformi ta’ video-sharing iżda t-tipi differenti kollha ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ hosting. Flimkien ma’ dan, huwa jkopri mhux biss filmati iżda wkoll stampi u test miktub. Barra minn hekk, ir-Regolament attwali jmur ‘il hinn mid-Direttiva f’termini ta’ dispożizzjonijiet sostantivi billi jarmonizza r-regoli għal talbiet biex jitneħħa kontenut onlajn kif ukoll miżuri proattivi.

Ir-Regolament propost jibni fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 3 dwar kontenut illegali ta’ Marzu 2018. Ir-rakkomandazzjoni tibqa fis-seħħ, u dawk kollha li għandhom rwol fit-tnaqqis tal-aċċessibilità għall-kontenut illegali - inkluż kontenut terroristiku - għandhom ikompli jallinjaw l-isforzi tagħhom mal-miżuri identifikati fi ħdan ir-Rakkomandazzjoni.

1.3.Sommarju tar-Regolament propost

L-ambitu personali tal-proposta jinkludi fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li joffru s-servizzi tagħhom fi ħdan l-Unjoni, irrilevantement mill-post ta’ stabbiliment jew mid-daqs tagħhom. Il-leġiżlazzjoni proposta tintroduċi għadd ta’ miżuri biex tipprevjeni l-użu ħażin tas-servizzi ta’ hosting għat-tixrid ta’ kontenut terroristiku onlajn biex jiġi garantit il-funzjonament mingħajr xkiel tas-Suq Uniku Diġitali, filwaqt li jiġu żgurati l-fiduċja u s-sigurtà. Id-definizzjoni ta’ kontenut terroristiku illegali hija f’konformità mad-definizzjoni ta’ reati terroristiċi kif stabbilita fid-Direttiva (UE) 2017/541 u hija definita bħala informazzjoni li tintuża biex tħeġġeġ u tigglorifika l-kummissjoni ta’ reati terroristiċi, tħeġġeġ il-kontribuzzjoni għal u tipprovdi struzzjonijiet għat-twettiq ta’ reati terroristiċi kif ukoll tippromwovi l-parteċipazzjoni fi gruppi terroristiċi.

Biex tiġi żgurata t-tneħħija ta’ kontenut terroristiku illegali, ir-Regolament jintroduċi ordni ta’ tneħħija li jista’ jinħareġ bħala deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja minn awtorità kompetenti fi Stat Membru. F’każijiet bħal dawn il-fornituri tas-servizzi onlajn huwa obbligat ineħħi l-kontenut jew jagħlaq l-aċċess għalih fi żmien siegħa. Barra minn hekk, ir-Regolament jarmonizza r-rekwiżiti minimi għal konsultazzjonijiet mibgħuta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u mill korpi tal-Unjoni (bħall-Europol) biex il-fornituri tas-servizzi ta’ hosting jiġu vvalutati mat-termini u kundizzjonijiet rispettivi tagħhom. Fl-aħħar, ir-Regolament jeħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, fejn xieraq jieħdu miżuri proattivi proporzjonati mal-livell ta’ riskju u jneħħu l-materjal terroristiku mis-servizzi tagħhom, inkluż permezz tal-iskjerament ta’ għodod ta’ detezzjoni awtomatizzati,

Il-miżuri mfassla biex inaqqsu l-kontenut terroristiku onlajn huma akkumpanjati minn għadd ta’ salvagwardji ewlenin biex jiżguraw il-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet fundamentali. Bħala parti mill-miżuri biex jiġi protett il-kontenut li mhuwiex kontenut terroristiku mit-tneħħija bi żball, il-proposta tistabbilixxi obbliġi li jitpoġġew fis-seħħ mekkamiżmi ta’ rimedju u ta’ ilment biex jiġi żgurat li l-utenti jistgħu joġġezzjonaw it-tneħħija tal-kontenut tagħhom. Barra minn hekk, ir-Regolament jintroduċi obbligi dwar it-trasparenza għall-miżuri meħuda kontra kontenut terroristiku minn fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, u b’hekk jiżgura kontabilità lejn l-utenti, iċ-ċittadini u l-awtoritajiet pubbliċi.

Ir-Regolament jobbliga wkoll lill-Istati Membri biex jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikollhom il-kapaċità neċessarja biex jintervjenu kontra kontenut terroristiku onlajn. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma obbligati jinfurmaw u jikkooperaw ma’ xulxin u jistgħu jagħmlu użu mill-mezzi stabbiliti minn Europol biex jiżguraw koordinazzjoni fir-rigward ta’ ordnijiet u konsultazzjonijiet ta’ tneħħija. Ir-regolament jipprevedi wkoll obbligi fuq fornituri ta’ servizzi ta’ hosting biex jirrappurtaw f’aktar dettall dwar miżuri meħuda u jinfurmaw lill-infurzar tal-liġi fid-detezzjoni ta’ kontenut li jkun ta’ risjku għall-ħajja jew għas-sigurtà. Fl-aħħar nett, hemm obbligu dwar il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting biex iżommu l-kontenut li jneħħu, li jaħdem bħala salvagwardja kontra t-tneħħija bi żball u jiżgura li ma tintilifx evidenza potenzjali għall-iskop tal-prevenzjoni, detezzjoni, investigazzjoni u prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi.

2.BAŻI LEGALI, SISSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

2.1.Bażi legali

Il-bażi legali hija l-Artikoli 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi għall-istabbiliment ta’ miżuri biex jiżgura l-funzjonament tas-Suq Intern.

L-Artikolu 114 huwa l-bażi legali adatta biex jarmonizza l-kundizzjonijiet għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting madwar il-fruntieri fis-Suq Uniku Intern u biex jindirizza d-differenzi bejn id-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri li inkella jistgħu jxekklu l-funzjonament tas-suq intern. Dan jevita wkoll li jixirfu xi ostakoli futuri għall-attività ekonomika li jirriżultaw minn differenzi fil-mod li jistgħu jiżviluppaw il-liġijiet nazzjonali.

L-Artikolu 114 TFUE jista’ jintuża wkoll għall-obbligi fuq fornituri ta’ servizzi stabbiliti barra t-territorju tal-UE fejn id-dispożizzjoni ta’ servizz tagħhom taffettwa s-suq intern, minħabba li dan huwa meħtieġ għall-kisba tal-għan mixtieq tas-suq intern.

2.2.Għażla tal-istrument

L-Artikolu 114 TFUE jagħti lill-leġiżlatur tal-Unjoni ċ-ċans li jadotta regolamenti u direttivi. 

Minħabba li l-proposta tikkonċerna l-obbligi fuq il-fornituri tas-servizzi li normalment joffru s-servizzi tagħhom lil aktar minn Stat Membru wieħed, id-diverġenza fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tfixkel id-dispożizzjoni ta’ servizzi minn fornituri li joperaw f’aktar minn Stat Membru wieħed. Regolament jippermetti li l-istess obbligu jiġi impost b’mod uniformi madwar l-Unjoni, huwa applikabbli direttament, jipprovdi ċarezza u ċertezza legali akbar u jevita t-traspożizzjoni diverġenti fl-Istati Membri. Għal dawn ir-raġunijiet l-aktar forma xierqa li għandha tintuża għal dan l-istrument hija meqjusa li hija regolament. 

2.3.Sussidjarjetà

Minħabba d-dimensjoni transfruntiera tal-problemi indirizzati, il-miżuri inklużi fil-proposta jeħtieġ li jiġu adottati fil-livell tal-Unjoni sabiex jinkisbu l-għanijiet. Min-natura tiegħu, l-internet huwa transfruntier, u l-kontenut ospitat fi Stat Membru normalment jista’ jiġi aċċessat minn kwalunkwe Stat Membru ieħor. 

Il-qafas ta’ regoli nazzjonali biex jindirizzaw il-kontenut onlajn qed jidher frammentat u r-riskji qed jiżdiedu. Dan jirriżulta f’piż għal kumpaniji li jikkonformaw ma’ regolamenti diverġenti u joħloq kundizzjonijiet mhux ekwi għal kumpaniji kif ukoll lakuni ta’ sigurtà.

L-azzjoni tal-UE għalhekk issaħaħ iċ-ċertezza legali u żżid l-effettività tal-azzjonijiet tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting kontra kontenut terroristiku onlajn. Dan għandu jippermetti lil aktar kumpaniji biex jieħdu azzjoni inklużi kumpaniji stabbiliti barra l-Unjoni Ewropea, u jsaħħaħ l-integrità tas-suq uniku diġitali. 

Dan jiġġustifika l-bżonn għal azzjoni tal-UE, kif imtenni mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2018 li jħeġġu lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva f’dan il-qasam. 

2.4.Proporzjonalità

Il-proposta tistabbilizzi regoli għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting biex japplikaw miżuri biex ineħħu minnufih kontenut terroristiku mis-servizzi tagħhom. Karatteristiċi ewlenin jillimitaw il-proposta biss għal dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet ta’ politika.

Il-proposta tqis il-piż fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u s-salvagwardji, inkluż il-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif ukoll ta’ drittijiet fundamentali oħra. Il-limitu ta’ żmien ta’ siegħa għat-tneħħija japplika biss għal ordnijiet ta’ tneħħija, li għalihom l-awtoritajiet kompetenti iddeterminaw illegalità f'deċiżjoni li tkun soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Għar-riferimenti, hemm obbligu li jitpoġġew fis-seħħ miżuri biex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni minnufih ta’ kontenut terroristiku, madankollu mingħajr ma jiġu imposti obbligi li dan jitneħħa, u mingħajr skadenzi ta’ żmien assoluti. Id-deċiżjoni finali tibqa’ deċiżjoni volontarja mill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting. Il-piż fuq kumpaniji biex jivvalutaw il-kontenut huwa mtaffi mill-fatt li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-korpi tal-Unjonijagħtu spjega ta’ għaliex il-kontenut jista’ jitqies bħala kontenut terroristiku. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting fejn xieraq għandhom jieħdu miżuri proattivi biex jipproteġu s-servizzi tagħhom kontra t-tixrid ta’ kontenut terroristiku. Obbligi speċifiċi marbuta ma’ miżuri proattivi huma limitati għal dawk il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting esposti għal kontenut terroristiku, kif muri mir-riċeviment ta’ ordni ta’ tneħħija li jkun sar finali, u għandhom ikunu proporzjonati mal-livell ta’ riskju kif ukoll bħala riżorsi tal-kumpaniji. Iż-żamma tal-kontenut imneħħi u ta’ data relatata hija limitata għal perjodu ta’ żmien proporzjonat għall-iskopijiet ta’ proċedimenti abilitanti ta’ rieżami amministrattiv jew ġudizzjarju u għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi.

3.IR-RIŻULTATI TA’ EVALWAZZJONIJIET EX-POST, KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

3.1.Konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati

Fit-tħejjija ta’ din il-proposta leġiżlattiva, il-Kummissjoni kkonsultat il-partijiet ikkonċernati kollja biex jifhmu l-opinjonijiet tagħhom u t-triq 'il quddiem potenzjali. Il-Kummissjoni mexxiet konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar miżuri biex itejjbu l-effettività li biha jiġi trattat il-kontenut illefali, u rċeviet 8,961 tweġiba, li minnhom 8,749 kienu minn individwi, 172 minn organizzazzjonijiet, 10 minn amministrazzjonijiet pubbliċi u 30 minn kategoriji oħra ta’ dawk li wieġbu. B’mod parallel, sar stħarriġ tal-Ewrobarometru b’kampjun każwali ta’ 33,500 resident tal-UE dwar kontenut illegali onlajn. Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll lill-awtoritajiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting f’Mejju u Ġunju 2018 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġi trattat kontenut terroristiku onlajn.

Fil-maġġoranza tagħhom, ħafna mill-partijiet ikkonċernati esprimew li l-kontenut terroristiku onlajn huwa problema soċjetali serja li taffettwa lill-utenti tal-internet u lill-mudelli ta’ negozju tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting. B’mod aktar ġenerali, 65 % minn dawk li wieġbu l-istħarriġ tal-Ewrobarometru 4 kkunsidraw li l-internet mhuwiex sigur għall-utenti tiegħu u 90 % minn dawk li wieġbu jqisu li huwa importanti li tiġi limitata l-firxa ta’ kontenut illegali onlajn. Konsultazzjonijiet ma’ Stati Membri wrew li filwaqt li l-ftehimiet volontarji qed jipproduċu riżultat, jistgħu juru l-bżonn għal obbligi vinkolanti dwar kontenut terroristiku, sentiment li ġie mtenni fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2018. Filwaqt li b’mod ġenerali il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting kienu favur il-kontinwazzjoni ta’ miżuri volontarji, huma ġibdu l-attenzjoni tal-effetti negattivi ta’ frammentazzjoni legali emerġenti fl-Unjoni.

Ħafna partijiet ikkonċernati ġibdu l-attenzjoni wkoll dwar il-bżonn li jiġi żgurat li kwalunkwe miżura regolatorja għat-tneħħija tal-kontenut, b’mod partikolari miżuri proattivi u limiti ta’ żmien stretti għandhom jiġu bilanċjati b’salvagwardji għal drittijiet fundamentali, l-aktar il-libertà tal-kelma. Il-partijiet interessati ġibdu l-attenzjoni għal għadd ta’ miżuri neċessarji relatati ma’ trasparenza, kontabilità kif ukoll il-bżonn għal rieżami uman fl-iskjerament ta’ għodod awtomatizzati.

3.2.Valutazzjoni tal-Impatt

Il-Bord ta’ Skrutinju Regolatorju ħareġ opinjoni pożittiva dwar il-valutazzjoni ta’ impatt b’riżervi u għamel diversi suġġerimenti għal titjib 5 . Wara din l-opinjoni, ir-rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt ġie emendat biex jindirizza l-kummenti ewlenin tal-Bord, u kkonċentra b’mod speċifiku fuq kontenut terroristiku filwaqt li enfasizza l-implikazzjonijiet dwar il-funzjonament tas-Suq Uniku Diġitali filwaqt li jipprovdi analiżi aktar fir-reqqa tal-impatt ta’ drittijiet umani u l-funzjonament tas-salvagwardji proposti fl-għażliet.

Kieku ma ttieħdux miżuri addizzjonali, l-azzjonijiet volontarji skont ir-referenza kienu jkunu mistennija jkomplu jkollhom xi impatt fuq it-tnaqqis ta’ kontenut terroristiku onlajn. Madankollu, x’aktarx ma jittieħdux miżuri volontarji mill-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ hosting esposti għal kontenut bħal dan, u hija mistennija frammentazzjoni legali ulterjuri li tintroduċi ostakoli addizzjonali għad-dispożizzjonijiet ta’ servizzi transfruntieri. Ġew ikunsidrati tliet għażliet ewlenin ta’ politika minbarra x-xenarju bażi b’livelli dejjem jiżdiedu ta’ effettività fl-indirizzar tal-għanijiet stabbiliti fil-valutazzjoni tal-impatt u l-għan ta’ politika ġenerali tat-tnaqqis ta’ kontenut terroristiku onlajn.

L-ambitu ta’ dawn l-obbligi fit-tliet għażliet li huma ffoka fuq il-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ hosting (kamp ta’ applikazzjoni personali) stabbilit fl-UE u f’pajjiżi terzi - safejn joffru s-servizzi tagħhom fl-Unjoni (kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku). Minħabba n-natura tal-problema u l-bżonn li jiġi evitat l-abbuż ta’ pjattaformi iżgħar, m’hemm ebda eżenzjoni prevista għall-SMEs taħt kwalunkwe għażla minnhom. L-għażliet kollha jkunu jeħtieġu lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting biex jistabbilixxu rappreżentant legali fl-UE - inkluż għal kumpaniji stabbiliti barra l-UE biex jiżguraw l-infurzabilità tar-regoli tal-UE. Taħt l-għazliet kollha l-Istati Membri kienu previsti li jiżviluppaw mekkaniżmi ta’ sanzjoni.

L-għażliet kollha prevvedew il-ħolqien ta’ sistema armonizzata ta’ ordnijiet ta’ tneħħija legali relatati ma’ kontenut terroristiku onlajn, maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u r-rekwiżit li jitneħħa dak il-kontenut fi żmien siegħa. Dawn l-ordnijiet mhux bilfors ikunu jeħtieġu valutazzjoni mill-parti tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, u jkunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju.

Is-salvagwardji, l-aktar il-proċeduri ta’ ilment u rimedji effettivi, inkluż ir-rimedju ġudizzjarji kif ukoll dispożizzjonijiet oħra biex tiġi evitata t-tneħħija bi żball ta’ kontenut li mhuwiex kontenut terroristiku, filwaqt li jiżguraw il-konformità mad-drittijiet fundamentali, huma kollha elementi komuti tat-tliet għażliet. Barra minn hekk, l-għażliet kollha jinkludu obbligi ta’ rappurtar fil-forma ta’ trasparenza pubblika u rappurtar lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, kif ukoll lejn l-awtoritajiet għal suspett ta’ reati kriminali. Barra minn hekk, huma previsti obbligi ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u fejn ikun rilevanti l-Europol.

Id-differenzi ewlenin bejn it-tliet għażliet huma marbuta mal-ambitu tad-definizzjoni ta’ kontenut terroristiku, il-livell ta’ armonizzazzjoni ta’ konsultazzjonijiet, l-ambitu ta’ miżuri proattivi, obbligi ta’ koordinazzjoni fuq Stati Membri, kif ukoll rekwiżiti ta’ żamma ta’ dejta. L-għażla 1 kieku tillimita l-ambitu materjali għal kontenut imxerred biex iħeġġeġ direttament it-twettiq ta’ att terroristiku, wara definizzjoni dejqa, filwaqt li l-Għażla 2 u l-Għażla 3 li kieku jadottaw approċċ aktar komprensiv, li jkopri wkoll materjal li jikkonċerna r-reklutaġġ u t-taħriġ. Dwar miżuri proattivi, skont l-għażla 1, il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting esposti għal kontenut onlajn ikollhom bżonn iwettqu valutazzjoni tar-riskju iżda l-miżuri proattivi li jindirizzaw ir-risjku jibqgħu volontarji. L-Għażla 2 tkun tirrikjedi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting iħejju pjan ta’ azzjoni li jista’ jinkludi l-iskjerament ta’ għodod awtomatiċi li jevitaw li materjal li jkun tneħħa, jerġa’ jittella’. L-Għażla 3 tinkludi miżuri proattivi aktar komprensivi li jeħtieġu li l-fornituri ta’ servizzi esposti għall-kontenut terroristiku jidentifikaw ukoll materjal ġdid. Fl-għażliet kollha, ir-rekwiżiti kollha relatati ma’ miżuri proattivi jkunu proporzjonati mal-livell ta’ esponiment għal materjal terroristiku kif ukoll il-kapaċitajiet ekonomiċi tal-fornituri ta’ servizzi. Fir-rigward tal-konsultazzjonijiet, l-Għażla 1 ma tarmonizzax l-approċċ għal konsultazzjonijiet filwaqt li l-Għażla 2 tagħmel dan għal Europol u l-Għażla 3 tinkludi wkoll konsultazzjonijiet ta’ Stati Membri. Skont l-għażliet 2 u 3 l-Istati Membri jkunu obbligati jinfurmaw, jikkoordinaw u jikkooperaw ma’ xulxin u fl-Għażla 3 jkollhom ukoll jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikollhom il-kapaċità ta’ detezzjoni u notifikazzjoni ta’ kontenut terroristiku. Fl-aħħar nett, l-Għażla 3 tinkludi wkoll ir-rekwiżit ta’ żamma tad-data bħala salvagwardja f’każijiet ta’ tneħħija bi żball u biex jiġu faċilitati l-investigazzjonijiet kriminali.

Barra d-dispożizzjonijiet legali, l-għażliet leġiżlattivi kollha kienu previsti li jkunu akkumpanjati minn serje ta’ miżuri ta’ appoġġ, b’mod partikolari biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Europol, kif ukoll il-kollaborazzjoni mal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u l-appoġġ ta’ Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni għall-iżvilupp u l-użu ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi. Wara l-adozzjoni tal-istrument legali, jistgħu wkoll jiġu skjerati strumenti addizzjonali ta’ tqajjim ta’ kuxjenza u ta’ appoġġ għall-SMEs.

Il-Valutazzjoni tal-Impatt ikkonkludiet li huma meħtieġa serje ta’ miżuri biex jinkiseb l-għan ta’ politika. Id-definizzjoni komprensiva ta’ kontenut terroristiku li tiġbor fiha l-aktar materjal perikoluż tkun aktar adattata għal definizzjoni dejqa ta’ kontenut (Għażla 1). Obbligi proattivi limitati biex jiġi evitat li jittella’ mill-ġdid kontenut terroristiku (Għażla 2) ikollhom anqas effett meta mqabbla ma’ obbligi relatati mad-detezzjoni ta’ kontenut terroristiku ġdid (Għażla 3). Dispożizzjonijiet dwar konsultazzjonijiet għandhom jinkludu konsultazzjonijiet kemm mill-Europol kif ukoll mill-Istati Membri (Għażla 3) u m’għandhomx ikunu limitati biss għal konsultazzjonijiet mill-Europol (Għażla 2) minħabba li konsultazzjonijiet minn Stati Membri huma kontribut importanti bħala parti mill-isforz globali dwar it-tnaqqis ta’ aċċessibilità għal kontenut terroristiku onlajn. Miżuri bħal dawn jeħtieġ li jiġu implimentati minbarra l-miżuri komuni għall-għażliet kollha, inklużi salvagwardji robusti kontra t-tneħħija bi żball ta’ kontenut.

3.3.Drittijiet fundamentali

Il-propaganda onlajn tat-terroristi għandha l-iskop li tħeġġeġ lill-individwi jwettqu attakki terroristiċi, inkluż billi jagħtuhom struzzjonijiet dettaljati dwar kif jagħmlu l-aktar ħsara possibbli. Aktar propaganda tinħareġ normalment wara atroċitajiet bħal dawn, li biha jigglorifikaw dawn l-atti u jħeġġu lil oħrajn biex jieħdu l-eżempju. Dan ir-regolament jikkontribwixxi għall-ħarsien tas-sigurtà pubblika, billi jnaqqas l-aċċessibilità għal kontenut terroristiku li jippromwovi u jħeġġeġ il-ksur tad-drittijiet findamentali.

Il-proposta tista’ potenzjalment taffettwa għadd ta’ drittijiet fundamentali:

(a)drittijiet tal-fornitur ta’ kontenut: dritt għall-libertà tal-espressjoni; dritt għall-ħarsien tad-data personali; dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u d-dritt ta’ rimedju effettiv;

(b)drittijiet tal-fornitur ta’ servizzi: dritt għall-libertà li jitmexxa negozju; dritt għal rimedju effettiv;

(c)drtitt taċ-ċittadini kollha: u d-dritt għall-libertà tal-espresjoni għall-informazzjoni.

Meta jitqies l-acquis rilevanti, hemm inklużi salvagwardji xierqa u robusti fir-Regolament propost biex jiżguraw li jiġu mħarsa d-drittijiet ta’ dawn il-persuni.

L-ewwel element f’dan il-kuntest huwa li r-Regolament stabbilixxa definizzjoni ta’ kontenut terroristiku onlajn f’konformità mad-definizzjoni ta’ reati terroristiċi fid-Direttiva (UE) 2017/541. Din id-definizzjoni tapplika għal ordnijiet ta’ tneħħija u ta’ konsultazzjonijiet, kif ukoll għal miżuri proattivi. Din id-definizzjoni tiżgura li jitneħħa biss kontenut illegali li jikkorrispondi ma’ definizzjoni tul l-Unjoni kollha ta’ reati kriminali relatati. Barra minn hekk, ir-Regolament jinkludi dmirijiet ġenerali ta’ kura għal fornituri ta’ servizzi ta’ hosting biex jaġixxu b’mod diliġenti, proporzjonat u nondiskriminatorju fir-rigward ta’ kontenut li jżommu, b’mod partikolari meta jimplimentaw it-termini u kundizzjonijiet tagħhom stess biex jevitaw it-tneħħija ta’ kontenut li ma jkunx kontenut terroristiku.

B’mod aktar speċifiku, ir-Regolament ġie mfassal biex jiżgura l-proporzjonalità tal-miżuri meħuda fir-rigward tad-drittijiet fundamentali. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ ordnijiet ta’ tneħħija, il-valutazzjoni tal-kontenut (inklużi, fejn meħtieġ, kontrolli legali) minn awtorità kompetenti tiġġustifika il-limitu ta’ żmien ta’ siegħa għat-tneħħija għal din il-miżura. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament li għandhom x’jaqsmu mal-konsultazzjonijiet huma limitati għal dawk mibgħuta mill-awtoritajiet kompetenti u l-korpi tal-Unjoni li jagħtu spjega ta’ għaliex il-kontenut jista’ jitqies kontenut terroristiku. Filwaqt li r-responsabilità għat-tneħħija ta’ kontenut identifikat f’konsultazzjoni tibqa’ tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, din id-deċiżjoni hija ffaċilitata mill-valutazzjoni msemmija qabel.

Għal miżuri proattivi, ir-responsabilità għall-identifikazzjoni, il-valutazzjoni u t-tneħħija ta’ kontenut tibqa’ tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li huma meħtieġa jpoġġu fis-seħħ salvagwardji li jiżguraw li ma jitneħħiex kontenut bi żball, inkluż permezz ta’ rieżami uman, b’mod partikolari jekk tkun meħtieġa kuntestwalizzazzjoni ulterjuri. Barra minn hekk, b’differenza ta’ kif jiġri fix-xenarju bażi, fejn l-aktar kumpaniji milquta joħolqu għodod awtomatiċi mingħajr żball uman, it-tfassil tal-miżuri kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom ikunu suġġetti għal rappurtar mill-korpi kompetenti fl-Istati Membri. Dan l-obbligu jnaqqas ir-riskju ta’ tneħħija bi żball kemm għall-kumpaniji li jwaqqfu għodod ġodda kif ukoll għal dawk li diġa’ qed jużawhom. Barra minn hekk, il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting huma meħtieġa jipprovdu mekkaniżmi ta’ ilment favur l-utent għal fornituri ta’ kontenut biex jikkontestaw id-deċiżjoni li jneħħu l-kontenut tagħhom kif ukoll jippubblikaw rapporti ta’ trasparenza għall-pubbliku ġenerali.

Fl-aħħar nett, jekk xi kontenut jew data relatata miegħu jitneħħew bi żball minkejja dawn is-salvagwardji, il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting huma meħtieġa jżommu dan għal perjodu ta’ sitt xhur biex ikunu jistgħu jerġgħu idaħħluh, u jiżguraw l-effettività tal-proċeduri ta’ ilment u rieżami bil-ħsieb li jitħarsu l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Fl-istess ħin, din iż-żamma tikkontribwixxi wkoll għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jeħtieġ li jpoġġu fis-seħħ salvagwardji tekniċi u organizzazjonali biex jiżguraw li d-data ma tintużax għal skopijiet oħra.

Il-miżuri proposti, b’mod partikolari dawk relatati mal-ordnijiet ta’ tneħħija, konsultazzjonijiet, miżuri proattivi u ż-żamma tad-data m’għandhomx biss jipproteġu lill-utenti tal-internet kontra kontenut terroristiku iżda għandhom ukoll jikkontribwixxu għall-ħarsien tad-dritt taċ-ċittadini għall-ħajja billi jnaqqsu l-aċċessibilità għal kontenut terroristiku onlajn.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta leġiżlattiva għal Regolament m’għandhiex impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

5.1.Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi fi żmien [sena mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament] programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-outputs, ir-riżultati u l-impatti ta’ dan ir-Regolament. Il-programm ta’ monitoraġġ jenħtieġ li jistabbilixxi l-indikaturi u l-mezzi li bihom u l-intervalli li fihom tinġabar id-data u evidenza oħra neċessarja. Dan il-programm jenħtieġ li tispeċifika l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fil-ġbir u l-analiżi tad-data u evidenza oħra għall-monitoraġġ tal-progress u jevalwaw dan ir-Regolament.

Fuq il-bażi tal-programm ta’ monitoraġġ stabbilix, fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament skont ir-rapporti ta’ trasparenza ppubblikati mill-kumpaniji kif ukoll l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni mhux aktar kmieni minn erba’ snin wara li jkun daħal fis-seħħ ir-Regolament.

Skont ir-riżultati ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, inkluż jekk ikunx għad hemm ċerti lakuni jew vulnerabilitajiet, u filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li jitwessa’ l-ambitu tar-Regolament. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se tissottometti proposta biex tadatta dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni se tappoġġja l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tar-Regolament permezz ta’ grupp espert tal-Kummissjoni. Il-grupp se jiffaċilita wkoll il-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, l-infurzar tal-liġi u l-Europol; It-trawwim ta’ skambji u prattiki għad-detezzjoni u t-tneħħija ta’ kontenut terroristiku onlajn, jipprovdi l-għarfien espert tiegħu dwar l-evoluzzjoni tal-modus operandi onlajn tat-terroristi; Kif ukoll jipprovdi parir u gwida fejn xieraq biex jippermetti għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet.

L-implimentazzjoni tar-Regolament propost tista’ tiġi ffaċilitata permezz ta’ għadd ta’ miżuri ta’appoġġ. Dawn jinkludu l-iżvilupp possibbli ta’ pjattaforma mal-Europol biex tassisti fil-koordinazzjoni ta’ konsultazzjonijiet u ordnijiet ta’ tneħħija. Ir-riċerka ffinanzjata mill-UE dwar kif il-modus operandi tat-terroristi qed jevolvi issaħħaħ il-fehim u l-kuxjenza tal-partijiet ikkonċernati kollha. Barra minn hekk, Orizzont 2020 jappoġġja r-riċerka b’ ħarsa lejn l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, inkluża l-prevenzjoni awtomatizzata li jittella’ kontenut terroristiku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tanalizza kif se tapoġġja lill-awtoritajiet kompetenti u lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament permezz ta’ strumenti finanzjarji tal-UE.

5.2.Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta. 

L-Artikolu 1 jistabbilixxi s-suġġett, li jindika li r-Regolament jistabbilixxi regoli li jevitaw l-użu ħażin ta’ servizzi ta’ hosting għat-tixrid ta’ kontenut terroristiku onlajn, inklużi d-dmirijiet ta’ kura fuq fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u miżuri li għandhom jitpoġġew fis-seħħ mill-Istati Membri. Dan jistabbilixxi wkoll l-ambitu ġeografiku li jkopri l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li joffru servizzi fl-Unjoni, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment tagħhom.

L-Artikolu 2 jipprovdi definizzjonijiet ta’ termini użati fil-proposta. Dan jistabbilixxi wkoll definizzjoni ta’ kontenut terroristiku għal skoijiet preventivi u huwa mfassal fuq id-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu biex jaqbad materjal u informazzjoni li tinċita, tinkoraġġixxi jew tagħmel pressjoni biex tikkummissjona jew tkun ta’ kontribut f’reati terroristiċi, tipprovdi ordnijiet għall-kummissjoni dwar reati bħal dawn jew tħeġġeġ il-parteċipazzjoni f'attivitajiet ta’ grupp terroristiku.

L-Artikolu 3 jipprovdi biex tiġi applikata kura mill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting meta jieħdu azzjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament u b’mod partikolari bir-rispett dovut għad-drittijiet fundamentali involuti. Dan jipprovdi li jitopġġew fis-seħħ dispożizzjonijiet xierqa fi ħdan it-termini u kundizzjonijiet tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u li mbagħad jiġi żgurat li dawn jiġu applikati.

L-Artikolu 4 jeħtieġ li l-Istati Membri jagħtu setgħa lill-awtoritajiet kompetenti biex joħorġu ordnijiet ta’ tneħħija u jistabbilixxi rekwiżit għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting biex ineħħu l-kontenut fi żmien siegħa minn meta jirċievu ordni ta’ tneħħija. Dan jistabbilixxi wkoll dak li għandu jkun fihom l-elementi minimi għal ordnijiet ta’ tneħħija u l-proċeduri għal fornituri ta’ servizzi ta’ hosting biex jagħtu r-rispons tagħhom lill-awtorità emittenti, u li jinfurmawha jekk ma jkunx possibbli li jikkonformaw mal-ordni jew jekk ikun hemm bżonn kjarifika ulterjuri. Dan jeħtieġ ukoll li l-awtorità emittenti tinforma lill-awtorità li tħares il-miżuri operattivi tal-Istat Membru tal-ġurisdizzjoni tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting.

L-Artikolu 5 jistabbilixxi rekwiżit għal fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jpoġġu fis-seħħ miżuri biex jivvalutaw malajr kontenut mogħti refereza permezz ta’ konsultazzjoni jew minn awtorità kompetenti fi Stat Membru jew korp tal-Unjoni, mingħajr madanakollu jimponi rekwiżit li jitneħħa l-kontenut mogħti referenza u lanqas ma jistabbilixxi limiti ta’ żmien speċifiċi biex tittieħed azzjoni. Dan jistabbilixxi wkoll l-elementi minimi li għandu jkollhom il-konsultazzjonijiet u l-proċeduri għal fornituri ta’ servizzi ta’ hosting biex jagħtu r-rispons tagħhom lill-awtorità emittenti, u li jitolbu kjarifika lill-awtorità li tkun irreferiet il-kontenut.

L-Artikolu 6 jirrikjedi lill-fornituri tas-servizzi ta’ hosting li jieħdu miżuri proattivi effettivi u proporzjonati fejn hu xieraq. Jistabbilixxi proċedura li tiżgura li ċerti fornituri tas-servizzi ta’ hosting (jiġifieri dawk li jkunu rċevew ordni ta’ tneħħija li tkun saret finali) jieħdu miżuri proattivi addizzjonali fejn meħtieġ biex itaffu r-riskji u skont l-esponiment ta’ kontenut terroristiku fuq is-servizzi tagħhom. Il-fornitur tas-servizzi ta’ hosting għandu jikkoopera mal-awtorità kompetenti fir-rigward tal-miżuri meħtieġa mitluba, u, jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim, l-awtorità tista’ timponi miżuri fuq il-fornitur tas-servizz. Dan l-Artikolu jistabbilixxi wkoll proċedura ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità.

L-Artikolu 7 jirrikjedi lill-fornituri tas-servizzi ta’ hosting jippreservaw il-kontenut imneħħi u d-data relatata għal sitt xhur għal proċedimenti ta’ rieżami u għal finijiet investigattivi. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż sabiex jippermetti l-finalizzazzjoni tar-rieżami. L-Artikolu jirrikjedi wkoll li l-fornituri tas-servizzi jdaħħlu fis-seħħ salvagwardji biex jiżguraw li l-kontenut ippreservat u d-data relatata ma jiġux aċċessati jew ipproċessati għal skopijiet oħra.

L-Artikolu 8 jistipula obbligu għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting biex jispjegaw il-politiki tagħhom kontra l-kontenut terroristiku u biex jippubblikaw rapporti annwali ta’ trasparenza dwar l-azzjonijiet meħuda f’dan ir-rigward.

L-Artikolu 9 jipprevedi salvagwardji speċifiċi rigward l-użu u l-implimentazzjoni ta’ miżuri proattivi meta jintużaw għodod awtomatizzati biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet ikunu preċiżi u fondati.

L-Artikolu 10 jirrikjedi lill-fornituri tas-servizzi ta’ hosting jimplimentaw mekkaniżmi tal-ilmenti għat-tneħħija, riferimenti u miżuri proattivi u biex jeżaminaw fil-pront kull ilment.

L-Artikolu 11 jistabbilixxi obbligu biex il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jpoġġu għad-dispożizzjoni informazzjoni dwar it-tneħħija tal-fornitur tal-kontenut, sakemm l-awtorità kompetenti ma tirrikjedix li ma tiġix żvelata għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika.

L-Artikolu 12 jirrikjedi lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom kapaċità u riżorsi suffiċjenti sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom skont dan ir-Regolament.

L-Artikolu 13 jirrikjedi lill-Istati Membri jikkooperaw ma’ xulxin u fejn xieraq mal-Europol biex tiġi evitata d-duplikazzjoni u l-interferenza fl-investigazzjonijiet. L-Artikolu jipprevedi wkoll il-possibbiltà li l-Istati Membri u l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jużaw għodod apposta, inkluż dawk tal-Europol, għall-ipproċessar u l-feedback ta’ ordnijiet ta’ tneħħija u riferimenti u li jikkooperaw dwar miżuri proattivi. Jirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jkollhom il-mezzi ta’ komunikazzjoni xierqa fis-seħħ biex jiżguraw l-iskambju f’waqtu ta’ informazzjoni fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tad-dispożizzjonijiet skont dan ir-Regolament. L-Artikolu jobbliga wkoll lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting biex jinfurmaw lill-awtoritajiet rilevanti meta jkunu jafu b’xi evidenza ta’ reati terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2017/541 dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu .

L-Artikolu 14 jipprevedi l-istabbiliment ta’ punti ta’ kuntatt kemm mill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting kif ukoll mill-Istati Membri biex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejniethom, b’mod partikolari fir-rigward ta’ riferimenti u ordnijiet ta’ tneħħija.

L-Artikolu 15 jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri għall-finijiet ta’ sorveljanza tal-miżuri proattivi, l-iffissar ta’ penali u l-isforzi ta’ monitoraġġ.

L-Artikolu 16 jirrikjedi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting ma jkollhomx stabbiliment fi kwalunkwe Stat Membru iżda li joffru servizzi fi ħdan l-Unjoni, jaħtru rappreżentant legali fl-Unjoni.

L-Artikolu 17 jirrikjedi li l-Istati Membri jaħtru awtoritajiet għall-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ tneħħija, b’referenza għal kontenut terroristiku, għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni ta’ miżuri proattivi u għall-infurzar tar-Regolament.

L-Artikolu 18 jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali għan-nuqqas ta’ konformità u jipprovdu kriterji li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw meta jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ penali. Minħabba l-importanza partikolari tat-tneħħija b’ħeffa tal-kontenut terroristiku identifikat f’ordni ta’ tneħħija, għandhom jiġu stabbiliti regoli speċifiċi dwar il-penali finanzjarji għall-ksur sistematiku ta’ dan ir-rekwiżit.

L-Artikolu 19 jistabbilixxi proċedura aktar mgħaġġla u aktar flessibbli għall-emenda tal-mudelli pprovduti għall-ordnijiet ta’ tneħħija u l-mezzi ta’ sottomissjoni awtentikati permezz tal-atti delegati.

L-Artikolu 20 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex tipprevedi l-emendi meħtieġa għall-mudelli u r-rekwiżiti tekniċi għall-ordnijiet ta’ tneħħija.

L-Artikolu 21 jirrikjedi li l-Istati Membri jiġbru u jirrappurtaw informazzjoni speċifika relatata mal-applikazzjoni tar-Regolament bil-għan li jassistu lill-Kummissjoni fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha skont l-Artikolu 23. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-eżiti, tar-riżultati u tal-impatti ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 22 jistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament sentejn wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

L-Artikolu 23 jistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament mhux aktar kmieni minn tliet snin wara d-dħul tiegħu fis-seħħ.

L-Artikolu 24 jistabbilixxi li r-Regolament propost se jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali u mbagħad japplika 6 xhur wara li jidħol fis-seħħ. L-iskadenza hija proposta meta wieħed iqis il-ħtieġa ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-urġenza għall-applikazzjoni sħiħa tar-regoli tar-Regolament propost. Din l-iskadenza tat-traspożizzjoni ta’ 6 xhur ġiet stabbilita bil-preżunzjoni li n-negozjati jitwettqu b’mod rapidu.

2018/0331 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-prevenzjoni tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online




Kontribut mill-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Mexxejja f’
Salzburg fid-19-20 ta’ Settembru 2018

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 6 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku diġitali f’soċjetà miftuħa u demokratika, billi jipprevjeni l-użu ħażin tas-servizzi ta’ hosting għal skopijiet terroristiċi. Il-funzjonament tas-suq uniku diġitali għandu jittejjeb billi tissaħħaħ iċ-ċertezza legali għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, it-tisħiħ tal-fiduċja tal-utenti fl-ambjent online, u billi jissaħħu s-salvagwardji għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni.

(2)Il-fornituri tas-servizzi ta’ hosting attivi fuq l-internet għandhom rwol essenzjali fl-ekonomija diġitali billi joħolqu konnessjoni bejn in-negozju u ċ-ċittadini billi jiffaċilitaw id-dibattitu pubbliku u d-distribuzzjoni u l-wasla tal-informazzjoni, l-opinjonijiet u l-ideat, jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Unjoni. Madankollu, is-servizzi tagħhom f’ċerti każijiet huma abbużati minn partijiet terzi biex iwettqu attivitajiet illegali online. Problema partikolari hi l-użu ħażin tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting minn gruppi terroristiċi u s-sostenituri tagħhom biex ixerrdu kontenut terroristiku online sabiex iwasslu l-messaġġ tagħhom, jirradikalizzaw u jirreklutaw u biex jiffaċilitaw u jidderieġu l-attività terroristika.

(3)Il-preżenza ta’ kontenut terroristiku online għandha konsegwenzi negattivi serji għall-utenti, għaċ-ċittadini u għas-soċjetà inġenerali, kif ukoll għall-fornituri tas-servizzi online li jospitaw tali kontenut, peress li ddgħajjef il-fiduċja tal-utenti tagħhom u tagħmel ħsara lill-mudelli tan-negozju tagħhom. Fid-dawl tar-rwol ċentrali tagħhom u l-mezzi u l-kapaċitajiet teknoloġiċi assoċjati mas-servizzi li jipprovdu, il-fornituri tas-servizzi onlajn għandhom responsabbiltajiet soċjetali partikolari biex jipproteġu s-servizzi tagħhom minn użu ħażin mit-terroristi u jgħinu biex jiġi indirizzat il-kontenut terroristiku mxerred permezz tas-servizzi tagħhom.

(4)L-isforzi fil-livell tal-Unjoni biex jiġi miġġieled il-kontenut terroristiku online li bdew fl-2015 permezz ta’ qafas ta’ kooperazzjoni volontarja bejn l-Istati Membri u l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jeħtieġ li jkunu ikkumplimentati minn qafas leġiżlattiv ċar sabiex ikomplu jnaqqsu l-aċċessibbiltà għal kontenut terroristiku online u jindirizzaw b’mod adegwat problema li tevolvi b’mod rapidu. Dan il-qafas leġiżlattiv għandu l-għan li jibni fuq l-isforzi volontarji, li ġew imsaħħa mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/334 7 u jwieġeb għas-sejħiet li saru mill-Parlament Ewropew biex jissaħħu l-miżuri biex jindirizzaw il-kontenut illegali u ta’ ħsara u mill-Kunsill Ewropew biex itejbu l-individwazzjoni awtomatika u t-tneħħija ta’ kontenut li jinċita atti terroristiċi.

(5)L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament m’għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE 8 . B’mod partikolari, kwalunkwe miżura meħuda mill-fornitur ta’ servizz ta’ hosting f’konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluż kwalunkwe miżura proattiva, m’għandhomx fihom infushon iwasslu biex dak il-fornitur ta’ servizzi jitlef il-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista f’dik id-dispożizzjoni. Dan ir-Regolament ma jaffettwax is-setgħat tal-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali li jistabbilixxu r-responsabbiltà ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ hosting f’każijiet speċifiċi fejn il-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE għal eżenzjoni mir-responsabbiltà ma jiġux issodisfati.

(6)Ir-regoli biex jiġi evitat l-użu ħażin tas-servizzi tal-hosting għat-tixrid ta’ kontenut terroristiku online sabiex ikun garantit il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern huma stabbiliti f’dan ir-Regolament b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali protetti fl-ordni legali tal-Unjoni u b’mod partikolari dawk garantiti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(7)Dan ir-Regolament jikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika filwaqt li jistabbilixxi salvagwardji xierqa u robusti biex jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali involuti. Dan jinkludi d-drittijiet tar-rispett tal-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà li wieħed jirċievi u jagħti informazzjoni, il-libertà li jitwettaq negozju, u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti u l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jadottaw biss miżuri li huma meħtieġa, xierqa u proporzjonati f’soċjetà demokratika, b’kunsiderazzjoni tal-importanza partikolari mogħtija lill-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, li tikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà pluralista, demokratika, u hija waħda mill-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. Il-miżuri li jikkostitwixxu interferenza fil-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni għandhom ikunu strettament immirati, fis-sens li jridu jservu biex jipprevjenu t-tixrid ta’ kontenut terroristiku, iżda mingħajr ma jiġi affettwat id-dritt li wieħed jirċievi u jgħaddi informazzjoni legalment, filwaqt li jitqies ir-rwol ċentrali tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting biex jiffaċilitaw id-dibattitu pubbliku u d-distribuzzjoni u l-wasla ta’ fatti, opinjonijiet u ideat skont il-liġi.

(8)Id-dritt għal rimedju effettiv huwa minqux fl-Artikolu 19 tat-TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Kull persuna fiżika jew ġuridika għandha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti kontra kwalunkwe waħda mill-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament, li tista’ taffettwa b’mod negattiv id-drittijiet ta’ dik il-persuna. Id-dritt jinkludi, b’mod partikolari l-possibbiltà li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u l-fornituri tal-kontenut li jikkontestaw b’mod effettiv l-ordnijiet ta’ tneħħija quddiem il-qorti tal-Istat Membru li l-awtoritajiet tiegħu jkunu ħarġu l-ordni ta’ tneħħija.

(9)Sabiex tiġi pprovduta ċarezza dwar l-azzjonijiet li għandhom jieħdu kemm il-fornituri tas-servizzi ta’ hosting kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti biex jiġi evitat it-tixrid ta’ kontenut terroristiku online, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi definizzjoni ta’ kontenut terroristiku għal skopijiet preventivi abbażi tad-definizzjoni ta’ reati terroristiċi skont id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 . Minħabba l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-propaganda terroristika l-aktar dannuża online, id-definizzjoni għandha taqbad materjal u informazzjoni li jinstigaw, jinkoraġġixxu jew jippromwovu t-twettiq jew il-kontribuzzjoni tar-reati terroristiċi, tipprovdi struzzjonijiet għat-twettiq ta’ dawn ir-reati jew tippromwovi l-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku. Din l-informazzjoni tinkludi b’mod partikolari, testi miktuba, stampi, reġistrazzjonijiet awdjo u vidjows. Meta jiġi vvalutat jekk il-kontenut jikkostitwixxix kontenut terroristiku skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll il-fornituri tas-servizzi ta’ hosting għandhom jieħdu kont ta’ fatturi bħan-natura u l-kliem tad-dikjarazzjonijiet, il-kuntest li fih saru d-dikjarazzjonijiet u l-potenzjal tagħhom li jwasslu għal konsegwenzi ta’ ħsara, u b’hekk jiġu affettwati s-sigurtà u s-sikurezza tal-persuni. Il-fatt li l-materjal kien prodott, huwa attribwibbli jew imxerred f’isem organizzazzjoni jew persuna terroristika elenkata mill-UE, jikkostitwixxi fattur importanti fil-valutazzjoni. Il-kontenut imxerred għal finijiet edukattivi, ġurnalistiċi jew ta’ riċerka għandu jkun protett b’mod adegwat. Barra minn hekk, l-espressjoni ta’ fehmiet radikali, polemiċi jew kontroversjali fid-dibattitu pubbliku dwar kwistjonijiet politiċi sensittivi m’għandhiex titqies bħala kontenut terroristiku.

(10)Sabiex ikunu koperti dawk is-servizzi ta’ hosting online fejn jiġi mxerred il-kontenut terroristiku, dan ir-Regolament għandu japplika għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jaħżnu l-informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz fuq talba tiegħu jew tagħha u meta jagħmlu l-informazzjoni maħżuna disponibbli għal partijiet terzi, irrispettivament minn jekk din l-attività tkunx ta’ natura sempliċiment teknika, awtomatika u passiva. Pereżempju, tali fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jinkludu pjattaformi ta’ midja soċjali, servizzi ta’ streaming ta’ filmati, vidjow, immaġni u servizzi ta’ kondiviżjoni tal-awdjo, kondiviżjoni ta’ fajls u servizzi oħra ta’ cloud sal-punt li jagħmlu l-informazzjoni disponibbli lil partijiet terzi u siti web fejn l-utenti jistgħu jagħmlu kummenti jew rieżamijiet. Ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting stabbiliti barra l-Unjoni iżda li joffru servizzi fi ħdan l-Unjoni, peress li proporzjon sinifikanti ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ hosting esposti għal kontenut terroristiku fuq is-servizzi tagħhom huma stabbiliti f’pajjiżi terzi. Dan għandu jiżgura li l-kumpaniji kollha li joperaw fis-Suq Uniku Diġitali jikkonformaw mal-istess rekwiżiti, irrispettivament mill-pajjiż ta’ stabbiliment tagħhom. L-istabbiliment ta’ jekk fornitur tas-servizzi joffrix servizzi fl-Unjoni jirrikjedi valutazzjoni dwar jekk il-fornitur tas-servizzi jippermettix persuni ġuridiċi jew fiżiċi fi Stat Membru wieħed jew aktar jużaw is-servizzi tiegħu. Madankollu, is-sempliċi aċċessibbiltà tas-sit web tal-fornitur ta’ servizz jew ta’ indirizz elettroniku u ta’ dettalji oħra ta’ kuntatt fi Stat Membru wieħed jew aktar meħuda b’mod iżolat m’għandhiex tkun kundizzjoni suffiċjenti għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(11)Għandha tkun rilevanti konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni sabiex jiġi determinat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Tali konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni jintieġ li titqies li teżisti fejn il-fornitur tas-servizz ikollu stabbiliment fl-Unjoni jew, fin-nuqqas tiegħu, fuq il-bażi tal-eżistenza ta’ numru sinifikanti ta’ utenti fi Stat Membru wieħed jew aktar, jew l-immirar ta’ attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar. L-immirar tal-attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar jista’ jiġi ddeterminat abbażi taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi fatturi bħall-użu ta’ lingwa jew ta’ munita li ġeneralment jintużaw f’dak l-Istat Membru, jew il-possibbiltà li jiġu ordnati prodotti jew servizzi. L-immirar tal-attivitajiet lejn Stat Membru jista’ jirriżulta wkoll mid-disponibbiltà ta’ applikazzjoni fil-ħanut tal-applikazzjonijiet nazzjonali rilevanti, mill-għoti ta’ riklamar lokali jew riklamar fil-lingwa użata f’dak l-Istat Membru, jew mill-ġestjoni tar-relazzjonijiet tal-klijenti pereżempju bl-għoti ta’ servizz tal-konsumaturi f’lingwa li ġeneralment tintuża f’dak l-Istat Membru. Jenħtieġ ukoll li tiġi preżunta konnessjoni sostanzjali fejn fornitur ta’ servizz jidderieġi l-attivitajiet tiegħu lejn Stat Membru wieħed jew aktar kif stabbilit fl-Artikolu 17(1)(c) tar-Regolament 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 . Min-naħa l-oħra, il-forniment tas-servizz minħabba s-sempliċi konformità mal-projbizzjoni li ssir diskriminazzjoni stabbilita fir-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 ma jistax, fuq dik il-bażi biss, jitqies bħala li jidderieġi jew jimmira attivitajiet lejn territorju partikolari ġewwa l-Unjoni .

(12)Il-fornituri tas-servizzi ta’ hosting għandhom japplikaw ċerti dmirijiet ta’ kura, sabiex jiġi evitat it-tixrid ta’ kontenut terroristiku fuq is-servizzi tagħhom. Dawn id-dmirijiet ta’ kura m’għandhomx jammontaw għal obbligu ta’ monitoraġġ ġenerali. Jenħtieġ li d-dmirijiet ta’ diliġenza jinkludu li, meta jiġi applikat dan ir-Regolament, il-fornituri tas-servizzi ta’ hosting jaġixxu b’mod diliġenti, proporzjonat u nondiskriminatorju fir-rigward tal-kontenut li jaħżnu, b’mod partikolari meta jimplimentaw it-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom stess, bil-għan li tiġi evitata t-tneħħija ta’ kontenut li mhuwiex terroristiku. It-tneħħija jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għandha ssir fl-osservanza tal-libertà ta’ l-espressjoni u tal-informazzjoni.

(13)Għandhom jiġu armonizzati l-proċedura u l-obbligi li jirriżultaw minn ordnijiet legali li jitolbu li l-fornituri tas-servizzi ta’ hosting jneħħu kontenut terroristiku jew jiddiżattivaw l-aċċess għalih, wara valutazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti. L-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa fir-rigward tal-għażla tal-awtoritajiet kompetenti li tippermettilhom jaħtru awtoritajiet amministrattivi, tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarji ma’ dik il-ħidma. Minħabba l-veloċità li biha jiġi mxerred il-kontenut terroristiku bejn is-servizzi online, din id-dispożizzjoni timponi obbligi fuq dawk li jipprovdu servizz ta’ hosting biex jiżguraw li l-kontenut terroristiku identifikat fl-ordni ta’ tneħħija, jitneħħa jew li l-aċċess għalih ikun diżattivat fi żmien siegħa minn meta tiġi riċevuta l-ordni ta’ tneħħija. Hu f’idejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jiddeċiedu dwar jekk għandhomx ineħħu l-kontenut inkwistjoni jew jiddiżattivaw l-aċċess għall-kontenut għall-utenti fl-Unjoni.

(14)L-awtorità kompetenti għandha tittrażmetti l-ordni ta’ tneħħija direttament lid-destinatarju u l-punt ta’ kuntatt permezz ta’ kwalunkwe mezz elettroniku li kapaċi jipproduċi rekord bil-miktub taħt kundizzjonijiet li jippermettu lill-fornitur ta’ servizz jistabbilixxi l-awtentiċità, inkluża l-preċiżjoni tad-data u l-ħin ta’ meta tintbagħat l-ordni, bħal permezz ta’ posta elettronika sikura u pjattaformi jew kanali garantiti oħra, inklużi dawk magħmula disponibbli mill-fornitur tas-servizz, f’konformità mar-regoli li jipproteġu d-data personali. Dan ir-rekwiżit jista’ jiġi ssodisfat b’mod partikolari bl-użu ta’ servizzi elettroniċi kwalifikati ta’ konsenja rreġistrati kif previst fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 .

(15)Ir-riferimenti mill-awtoritajiet kompetenti jew l-Europol jikkostitwixxu mezz effettiv u rapidu biex il-fornituri ta’ servizzi ta’ akkoljenza jsiru konxji ta’ kontenut speċifiku dwar is-servizzi tagħhom. Dan il-mekkaniżmu li jibgħat twissija lill-fornituri tas-servizzi ta’ hosting b’informazzjoni li tista’ titqies bħala kontenut terroristiku, għall-konsiderazzjoni volontarja tal-fornitur dwar il-kompatibbiltà tat-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu stess, għandu jibqa’ disponibbli flimkien mal-ordnijiet ta’ tneħħija. Huwa importanti li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jivvalutaw tali riferimenti bħala kwistjoni ta’ prijorità u jipprovdu rispons rapidu dwar l-azzjoni meħuda. Id-deċiżjoni finali dwar jekk għandux jitneħħa l-kontenut jew le minħabba li mhuwiex kompatibbli mat-termini u l-kundizzjonijiet tibqa’ f’idejn il-fornitur tas-servizz ta’ hosting. Fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament relatat mar-riferimenti, il-mandat tal-Europol kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 2016/794 13 jibqa’ mhux affettwat.

(16)Meta wieħed iqis l-iskala u l-ħeffa meħtieġa biex jiġi identifikat b’mod effettiv u jitneħħa l-kontenut terroristiku, miżuri proattivi proporzjonati, inkluż bl-użu ta’ mezzi awtomatizzati f’ċerti każijiet, huma element essenzjali fl-indirizzar tal-kontenut terroristiku fuq l-internet. Bil-ħsieb li titnaqqas l-aċċessibbiltà tal-kontenut terroristiku fuq is-servizzi tagħhom, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi ta’ hosting jivvalutaw jekk huwiex xieraq li jittieħdu miżuri proattivi skont ir-riskji u l-livell ta’ esponiment għal kontenut terroristiku kif ukoll dwar l-effetti fuq id-drittijiet ta’ partijiet terzi u l-interess pubbliku tal-informazzjoni. Konsegwentement, il-fornituri tas-servizzi ta’ hosting għandhom jiddeterminaw liema miżura proattiva xierqa, effettiva u proporzjonata għandha tiġi stabbilita. Dan ir-rekwiżit m’għandux jimplika obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ. Fil-kuntest ta’ din il-valutazzjoni, in-nuqqas ta’ ordnijiet għat-tneħħija u r-riferimenti indirizzati lill-fornitur ta’ hosting, huwa indikazzjoni ta’ livell baxx ta’ esponiment għal kontenut terroristiku.

(17)Meta jimplimentaw miżuri proattivi, il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jiżguraw li d-dritt tal-utenti għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni - inkluż li wieħed jirċievi u jaqsam liberament l-informazzjoni - jiġi ppreservat. Minbarra kwalunkwe rekwiżit stipulat fil-liġi, inkluża l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, il-fornituri tas-servizzi ta’ hosting għandhom jaġixxu bid-diliġenza dovuta u jimplimentaw salvagwardji, inkluż b’mod partikolari s-sorveljanza u l-verifiki tal-bniedem, fejn xieraq, biex tiġi evitata kwalunkwe deċiżjoni mhux intenzjonata u żbaljata li twassal għat-tneħħija ta’ kontenut li mhuwiex kontenut terroristiku. Dan huwa ta’ rilevanza partikolari meta l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jużaw mezzi awtomatizzati għad-detezzjoni tal-kontenut terroristiku. Kwalunkwe deċiżjoni biex jintużaw mezzi awtomatizzati, kemm jekk meħuda mill-fornitur tas-servizz ta’ hosting kif ukoll skont talba mill-awtorità kompetenti, għandha tiġi vvalutata fir-rigward tal-affidabbiltà tat-teknoloġija sottostanti u l-impatt li jirriżulta fuq id-drittijiet fundamentali.

(18)Sabiex jiġi żgurat li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting esposti għal kontenut terroristiku jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu l-użu ħażin tas-servizzi tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jitolbu li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jkunu rċevew ordni ta’ tneħħija, li tkun saret finali, biex jirrapportaw dwar il-miżuri proattivi meħuda. Dawn jistgħu jikkonsistu f’miżuri li jipprevjenu l-applowd mill-ġdid tal-kontenut terroristiku, it-tneħħija jew id-diżattivar tal-aċċess għalih bħala riżultat ta’ ordni ta’ tneħħija jew ta’ riferimenti li jkunu rċevew, il-verifika fuq għodda miżmuma pubblikament jew privatament li jkun fiha kontenut terroristiku magħruf. Huma jistgħu iħaddmu wkoll l-użu ta’ għodod tekniċi affidabbli biex jidentifikaw kontenut terroristiku ġdid, jew billi jużaw dawk disponibbli fis-suq jew dawk żviluppati mill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting. Il-fornitur tas-servizz għandu jirrapporta dwar il-miżuri proattivi speċifiċi fis-seħħ sabiex l-awtorità kompetenti tkun tista’ tiġġudika jekk il-miżuri humiex effettivi u proporzjonati u jekk, kieku jintużaw il-mezzi awtomatizzati, il-fornitur tas-servizz ta’ hosting ikollux il-kapaċitajiet meħtieġa għas-sorveljanza u l-verifika umani. Fil-valutazzjoni tal-effettività u l-proporzjonalità tal-miżuri, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu l-parametri rilevanti inkluż l-għadd tal-ordnijiet ta’ tneħħija u r-riferimenti maħruġa lill-fornitur, il-kapaċità ekonomika tagħhom u l-impatt tas-servizz tiegħu fit-tixrid tal-kontenut terroristiku (pereżempju, filwaqt li jitqies l-għadd ta’ utenti fl-Unjoni).

(19)Wara t-talba, l-awtorità kompetenti għandha tidħol fi djalogu mal-fornitur tas-servizzi ta’ hosting dwar il-miżuri proattivi neċessarji li għandhom jiġu stabbiliti. Jekk ikun meħtieġ, l-awtorità kompetenti għandha timponi l-adozzjoni ta’ miżuri proattivi xierqa, effettivi u proporzjonati fejn tqis li l-miżuri meħuda ma kinux biżżejjed biex jissodisfaw ir-riskji. Deċiżjoni li timponi tali miżuri proattivi speċifiċi m’għandhiex, fil-prinċipju, twassal għall-impożizzjoni ta’ obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ, kif previst fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31/KE. Meta wieħed iqis ir-riskji partikolarment gravi assoċjati mat-tixrid tal-kontenut terroristiku, id-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet kompetenti fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament jistgħu jidderogaw mill-approċċ stabbilit fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31/KE, fir-rigward ta’ ċerti miżuri speċifiċi u mmirati, li l-adozzjoni tagħhom hija meħtieġa għal raġunijiet prevalenti ta’ sigurtà pubblika. Qabel ma tadotta deċiżjonijiet bħal dawn, l-awtorità kompetenti għandha ssib bilanċ ġust bejn l-għanijiet ta’ interess pubbliku u d-drittijiet fundamentali involuti, b’mod partikolari, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u l-libertà li twettaq negozju, u tipprovdi ġustifikazzjoni xierqa.

(20)L-obbligu tal-fornituri tas-servizzi ta’ hosting li jippreżervaw il-kontenut imneħħi u d-data relatata, jenħtieġ li jkun stabbilit għal skopijiet speċifiċi u limitati fiż-żmien għal dak li hu meħtieġ. Hemm bżonn li r-rekwiżit ta’ preservazzjoni jiġi estiż għad-data relatata sal-punt li kwalunkwe data bħal din tintilef b’mod ieħor bħala konsegwenza tat-tneħħija tal-kontenut inkwistjoni. Id-data relatata tista’ tinkludi data bħal “data dwar l-abbonati”, inkluż b’mod partikolari data li tappartjeni għall-identità tal-fornitur tal-kontenut kif ukoll “data ta’ aċċess”, inkluż pereżempju data dwar id-data u l-ħin tal-użu mill-fornitur tal-kontenut, jew log-in u log-off mis-servizz, flimkien ma’ indirizz IP allokat mill-fornitur tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet lill-fornitur tal-kontenut.

(21)L-obbligu li jiġi ppreservat il-kontenut tal-proċedimenti ta’ rieżami amministrattiv jew ġudizzjarju huwa meħtieġ u ġustifikat bil-ħsieb li jiġu żgurati l-miżuri effettivi ta’ rimedju għall-fornitur tal-kontenut li l-kontenut tiegħu tneħħa jew li kien ġie diżattivat l-aċċess għalih kif ukoll biex tiġi żgurata l-integrazzjoni ta’ dak il-kontenut kif kien qabel it-tneħħija tiegħu skont ir-riżultat tal-proċedura ta’ rieżami. L-obbligu li jiġi ppriservat il-kontenut għall-finijiet ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni huwa ġustifikat u meħtieġ fid-dawl tal-valur li dan il-materjal jista’ jġib għall-għan ta’ tfixkil jew prevenzjoni tal-attività terroristika. Meta l-kumpaniji jneħħu l-materjal jew jiddiżattivaw l-aċċess għalih, b’mod partikolari permezz tal-miżuri proattivi tagħhom stess, u ma jinfurmawx lill-awtorità rilevanti għaliex jivvalutaw li dan ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(4) ta’ dan ir-Regolament, l-infurzar tal-liġi jista’ ma jkunx konxju tal-eżistenza tal-kontenut. Għalhekk, il-preservazzjoni tal-kontenut għal skopijiet ta’ prevenzjoni, individwazzjoni, investigazzjoni u prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi hija ġġustifikata wkoll. Għal dawn il-finijiet, il-preservazzjoni tad-data mitluba hija limitata għal data li x’aktarx ikollha rabta ma’ reati terroristiċi, u għalhekk tista’ tikkontribwixxi għall-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew għall-prevenzjoni ta’ riskji serji għas-sigurtà pubblika.

(22)Biex tiġi żgurata l-proporzjonalità, il-perjodu ta’ preservazzjoni għandu jkun limitat għal sitt xhur biex il-fornituri tal-kontenut ikollhom biżżejjed żmien biex jibdew il-proċess ta’ rieżami u biex jippermettu l-aċċess għall-infurzar tal-liġi għad-data rilevanti għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi. Madankollu, dan il-perjodu jista’ jiġi estiż għall-perjodu li huwa meħtieġ f’każ li l-proċedimenti ta’ rieżami jinbdew iżda ma jiġux iffinalizzati fi żmien sitt xhur wara talba mill-awtorità li twettaq ir-reviżjoni. Dan it-tul ta’ żmien għandu jkun biżżejjed biex jippermetti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jippreservaw l-evidenza meħtieġa fir-rigward tal-investigazzjonijiet, filwaqt li jiżguraw il-bilanċ mad-drittijiet fundamentali kkonċernati.

(23)Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-garanziji proċedurali u l-miżuri ta’ investigazzjoni proċedurali relatati mal-aċċess għal kontenut u d-data relatata ppreservati għall-finijiet tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi, kif irregolati skont il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, u skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(24) It-trasparenza tal-politiki tal-fornituri ta’ servizzi ta’ akkoljenza fir-rigward ta’ kontenut terroristiku hija essenzjali biex tissaħħaħ ir-responsabbiltà tagħhom lejn l-utenti tagħhom u biex tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fis-Suq Uniku Diġitali. Il-fornituri tas-servizzi ta’ hosting għandhom jippubblikaw rapporti annwali ta’ trasparenza li jkun fihom informazzjoni sinifikanti dwar l-azzjoni meħuda fir-rigward tal-individwazzjoni, l-identifikazzjoni u t-tneħħija ta’ kontenut terroristiku.

(25)Il-proċeduri għall-ilmenti jikkostitwixxu salvagwardja neċessarja kontra t-tneħħija żbaljata ta’ kontenut protett skont il-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni. Għaldaqstant, il-fornituri tas-servizzi ta’ hosting għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi tal-ilmenti li jkunu faċli għall-utent u jiżguraw li l-ilmenti jiġu ttrattati malajr u bi trasparenza sħiħa għall-fornitur tal-kontenut. Ir-rekwiżit għall-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li jerġa’ jdaħħal il-kontenut fejn ikun tneħħa bi żball, ma jaffettwax il-possibbiltà li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jinfurzaw it-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom stess għal raġunijiet oħra.

(26)Il-protezzjoni legali effettiva skont l-Artikolu 19 tat-TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikjedi li l-persuni jkunu jistgħu jaċċertaw ir-raġunijiet li fuqhom il-kontenut imtella’ minnhom tneħħa jew l-aċċess għalih ġie diżattivat. Għal dak il-għan, il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jenħtieġ li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-fornitur tal-kontenut informazzjoni sinifikanti li tippermetti lill-fornitur tal-kontenut li jikkontesta d-deċiżjoni. Madankollu, dan mhux neċessarjament jirrikjedi notifika lill-fornitur tal-kontenut. Skont iċ-ċirkostanzi, il-fornituri ta’ servizz ta’ hosting jistgħu jissostitwixxu kontenut meqjus bħala kontenut terroristiku, b’messaġġ li tneħħa jew ġie diżattivat skont dan ir-Regolament. Għandha tingħata, fuq talba, aktar informazzjoni dwar ir-raġunijiet kif ukoll il-possibilitajiet għall-fornitur tal-kontenut biex jikkontesta d-deċiżjoni. Fejn l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika inkluż fil-kuntest ta’ investigazzjoni, jitqies li ma jkunx xieraq li jiġi nnotifikat direttament il-fornitur tal-kontenut bit-tneħħija jew id-diżattivazzjoni tal-kontenut, huma għandhom jinfurmaw lill-fornitur tas-servizz ta’ hosting.

(27)Sabiex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u l-interferenzi potenzjali fl-investigazzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw, jikkoordinaw u jikkooperaw ma’ xulxin u fejn xieraq mal-Europol meta joħorġu ordnijiet ta’ tneħħija jew jibagħtu riferimenti lil fornituri ta’ servizzi ta’ hosting. Fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Europol jista’ jipprovdi appoġġ skont il-mandat attwali tiegħu u l-qafas legali eżistenti.

(28)Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u koerenti biżżejjed tal-miżuri proattivi, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom jikkomunikaw ma’ xulxin fir-rigward tad-diskussjonijiet li għandhom mal-fornituri tas-servizzi ta’ hosting dwar l-identifikazzjoni, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ta’ miżuri proattivi speċifiċi. Bl-istess mod, kooperazzjoni bħal din hija meħtieġa wkoll b’rabta mal-adozzjoni ta’ regoli dwar il-penali, kif ukoll l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ penali.

(29)Huwa essenzjali li l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru responsabbli għall-impożizzjoni ta’ penali tkun infurmata b’mod sħiħ dwar il-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ tneħħija u ta’ riferimenti u skambji sussegwenti bejn il-fornitur tas-servizzi ta’ hosting u l-awtorità kompetenti rilevanti. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw mezzi ta’ komunikazzjoni u mekkaniżmi xierqa li jippermettu l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti fi żmien xieraq.

(30)Sabiex jiġu ffaċilitati l-iskambji rapidi bejn l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll mal-fornituri tas-servizzi ta’ hosting, u sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-għodod żviluppati mill-Europol, bħall-applikazzjoni attwali tal-Ġestjoni tar-Riferiment tal-Internet (IRMa) jew l-għodod li jiġu minflokha.

(31)Minħabba l-konsegwenzi serji partikolari ta’ ċertu kontenut terroristiku, il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet fl-Istat Membru kkonċernat jew lill-awtoritajiet kompetenti fejn ikunu stabbiliti jew fejn ikollhom rappreżentant legali, dwar l-eżistenza ta’ kwalunkwe evidenza ta’ reati terroristiċi li jsiru jafu bihom. Sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità, dan l-obbligu huwa limitat għal reati terroristiċi kif definit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2017/541/UE. L-obbligu ta’ informazzjoni ma jimplikax l-obbligu fuq il-hosting ta’ fornituri ta’ servizzi li jfittxu b’mod attiv xi evidenza ta’ dan it-tip. L-Istat Membru kkonċernat huwa l-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni fuq l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati terroristiċi skont id-Direttiva (UE) 2017/541 abbażi tan-nazzjonalità tat-trasgressur jew tal-vittma potenzjali tar-reat jew il-post fil-mira tal-att terroristiku. F’każ ta’ dubju, il-fornituri ta’ servizz ta’ hosting jistgħu jittrażmettu l-informazzjoni lill-Europol li għandha ssegwi skont il-mandat tagħha, inkluż li tgħaddi l-informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.

(32)L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jitħallew jużaw informazzjoni bħal din biex jieħdu miżuri investigattivi disponibbli skont il-liġi tal-Istati Membri jew tal-Unjoni skont ir-Regolament dwar l-Ordnijiet Ewropej dwar il-Produzzjoni u l-Preservazzjoni ta’ evidenza elettronika f’materi kriminali 14 .

(33)Iż-żewġ fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu punti ta’ kuntatt biex jiffaċilitaw it-trattament rapidu ta’ ordnijiet ta’ tneħħija u ta’ riferimenti. B’kuntrast mar-rappreżentant legali, il-punt ta’ kuntatt iservi għal skopijiet operattivi. Il-punt ta’ kuntatt tal-fornitur tas-servizzi ta’ hosting għandu jikkonsisti minn kwalunkwe mezz iddedikat li jippermetti s-sottomissjoni elettronika ta’ ordnijiet ta’ tneħħija u ta’ riferiment u ta’ mezzi tekniċi u personali li jippermettu l-ipproċessar rapidu tagħhom. Il-punt ta’ kuntatt għall-fornitur tas-servizzi ta’ hosting ma għandux għalfejn ikun jinstab fl-Unjoni u l-fornitur tas-servizz ta’ hosting huwa liberu biex jinnomina punt ta’ kuntatt eżistenti, dment li dan il-punt ta’ kuntatt ikun jista’ jissodisfa l-funzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament. Bil-ħsieb li jiġi żgurat li jitneħħa l-kontenut terroristiku jew li l-aċċess għalih ikun diżattivat fi żmien siegħa minn meta tasal l-ordni ta’ tneħħija, il-fornituri tas-servizzi ta’ hosting għandhom jiżguraw li l-punt ta’ kuntatt ikun aċċessibbli 24/7. L-informazzjoni fuq il-punt ta’ kuntatt għandha tinkludi informazzjoni dwar il-lingwa li biha jista’ jiġi indirizzat il-punt ta’ kuntatt. Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi ta’ hosting u l-awtoritajiet kompetenti, il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting huma mħeġġa jippermettu l-komunikazzjoni f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni li fiha huma disponibbli t-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom.

(34)Fin-nuqqas ta’ rekwiżit ġenerali għall-fornituri tas-servizzi li jiżguraw preżenza fiżika fit-territorju tal-Unjoni, hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata ċ-ċarezza taħt liema ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru jaqa’ l-fornitur tas-servizzi ta’ hosting li joffri s-servizzi fi ħdan l-Unjoni. Bħala regola ġenerali, il-fornitur tas-servizzi ta’ hosting jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru li fih ikollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu jew fejn ikun ħatar rappreżentant legali. Madankollu, meta Stat Membru ieħor joħroġ ordni ta’ tneħħija, l-awtoritajiet tiegħu jenħtieġ li jkunu jistgħu jinfurzaw l-ordnijiet tagħhom billi jieħdu miżuri koerċittivi ta’ natura mhux punittiva, bħal pagamenti ta’ penali. Fir-rigward ta’ fornitur tas-servizzi ta’ hosting li ma għandu ebda stabbiliment fl-Unjoni u ma jaħtarx rappreżentant legali, kwalunkwe Stat Membru jenħtieġ li, madankollu, ikun jista’ joħroġ penali, dment li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jiġi rrispettat.

(35)Dawk il-fornituri tas-servizzi ta’ hosting li mhumiex stabbiliti fl-Unjoni għandhom jaħtru bil-miktub rappreżentant legali sabiex jiżguraw il-konformità u l-infurzar tal-obbligi skont dan ir-Regolament.

(36)Ir-rappreżentant legali għandu jkun legalment awtorizzat li jaġixxi f’isem il-fornitur ta' servizzi ta' hosting.

(37)Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jaħtru awtoritajiet kompetenti. Ir-rekwiżit li jaħtru awtoritajiet kompetenti ma jeħtieġx neċessarjament l-istabbiliment ta’ awtoritajiet ġodda iżda jistgħu jkunu korpi eżistenti inkarigati bil-funzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament jirrikjedi li jinħatru awtoritajiet kompetenti għall-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ tneħħija, riferimenti u għas-superviżjoni ta’ miżuri proattivi u għall-impożizzjoni ta’ penali. Huwa f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu kemm-il awtorità jixtiequ jaħtru għal dawn il-kompiti.

(38)Il-penali huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva minn fornituri ta’ servizzi ta’ hosting tal-obbligi skont dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jadottaw regoli dwar penali, inkluż, fejn xieraq, il-linji gwida tal-multi. Penali partikolarment serji għandhom jiġu aċċertati fil-każ li l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jonqos sistematikament milli jneħħi kontenut terroristiku jew jiddiżattiva l-aċċess għalih fi żmien siegħa mill-wasla ta’ ordni ta’ tneħħija. In-nuqqas ta’ konformità f’każijiet individwali jista’ jiġi ssanzjonat filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji ta’ ne bis in idem tal-proporzjonalità u l-iżgurar li dawn is-sanzjonijiet iqisu l-falliment sistematiku. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, ir-regolament għandu jistabbilixxi sa liema punt l-obbligi rilevanti jistgħu jkunu suġġett għal penali. Penali għal nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 6 għandhom jiġu adottati biss fir-rigward tal-obbligi li jirriżultaw minn talba għal rapport skont l-Artikolu 6(2) jew deċiżjoni li timponi miżuri proattivi addizzjonali skont l-Artikolu 6(4). Meta jkun qed jiġi determinat jekk għandhomx ikunu imposti penali finanzjarji, għandhom jitqiesu r-riżorsi finanzjarji tal-fornitur. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-penali ma jħeġġux it-tneħħija ta’ kontenut li mhuwiex kontenut terroristiku.

(39)L-użu ta’ mudelli standardizzati jiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-fornituri tas-servizzi, li jippermettilhom jikkomunikaw b’mod aktar rapidu u effettiv. Huwa partikolarment importanti li tiġi żgurata azzjoni rapida wara l-irċevuta ta’ ordni ta’ tneħħija. Il-mudelli jnaqqsu l-kostijiet tat-traduzzjoni u jikkontribwixxu għal standard għoli ta’ kwalità. Bl-istess mod formuli ta’ tweġibiet għandhom jippermettu skambju standardizzat ta’ informazzjoni, u dan se jkun partikolarment importanti fejn il-fornituri ma jkunux jistgħu jikkonformaw. Mezzi ta’ sottomissjoni awtentikati jistgħu jiggarantixxu l-awtentiċità tal-ordni ta’ tkeċċija, inkluż l-eżattezza tad-data u l-ħin tat-trasmissjoni u l-wasla tal-ordni.

(40)Sabiex tkun possibbli emenda rapida, fejn meħtieġ, tal-kontenut tal-mudelli li għandhom jintużaw għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex temenda l-Annessi I, II u III ta’ dan ir-Regolament. Sabiex ikunu jistgħu jqisu l-iżvilupp tat-teknoloġija u tal-qafas legali relatati, il-Kummissjoni għandha wkoll tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament b’rekwiżiti tekniċi għal mezzi elettroniċi li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti għat-trażmissjoni ta’ ordnijiet ta’ tkeċċija. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fuq il-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 15 . B’mod partikulari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li fih jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(41)L-Istati Membri għandhom jiġbru informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-outputs, tar-riżultati u tal-impatti ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu stabbiliti sabiex jjitqiesu f’evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

(42)Abbażi tas-sejbiet u tal-konklużjonijiet fir-rapport ta’ implimentazzjoni u l-eżitu tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament mhux qabel tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. L-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-ħames kriterji tal-effiċjenza, l-effettività, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE. Hija ser tivvaluta l-funzjonament ta’ miżuri operazzjonali u tekniċi differenti previsti fir-Regolament, inkluża l-effettività ta’ miżuri biex tittejjeb id-detezzjoni, l-identifikazzjoni u t-tneħħija ta’ kontenut terroristiku, l-effettività ta’ mekkaniżmi ta’ salvagwardja kif ukoll l-impatti potenzjalment affettwati dwar id-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi, inkluż rieżami għar-rekwiżit li jinforma lill-fornituri tal-kontenut.

(43)Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku diġitali billi jiġi evitat it-tixrid ta’ kontenut terroristiku onlajn, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-limitazzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TAQSIMA I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1
Is-suġġett u l-ambitu

1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi għall-prevenzjoni tal-użu anormali ta’ servizzi ta’ hosting għad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku onlajn. Huwa jistabbilixxi b’mod partikolari:

(a)regoli dwar l-obbligi ta’ diliġenza li għandhom jiġu applikati minn fornituri ta’ servizzi ta’ hosting bil-għan li jipprevjenu d-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku permezz tas-servizzi tagħhom u jiżguraw, fejn meħtieġ, it-tneħħija rapida tiegħu;

(b)sett ta’ miżuri li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri biex jidentifikaw kontenut terroristiku, biex jippermettu t-tneħħija rapida tiegħu minn fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra, ma’ fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u fejn xieraq, ma’ korpi rilevanti tal-Unjoni.

2.Dan jistabbilixxi wkoll l-ambitu ġeografiku li jkopri l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li joffru servizzi fl-Unjoni, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment tagħhom.

Artikolu 2
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“fornitur ta’ servizzi ta’ hosting” tfisser fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jikkonsisti fil-ħażna ta’ informazzjoni pprovduta minn u fuq it-talba tal-fornitur tal-kontenut u meta jagħmel l-informazzjoni maħżuna disponibbli għal partijiet terzi;

(2)“fornitur ta’ kontenut” tfisser utent li ma pprovda informazzjoni li hija, jew li kienet, maħżuna fuq talba tal-utent minn fornitur ta’ servizzi ta’ hosting;

(3)“joffri servizzi fl-Unjoni” tfisser: il-possibbiltà li persuni ġuridiċi jew fiżiċi fi Stat Membru wieħed jew aktar jużaw is-servizzi tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li jkollu rabta sostanzjali ma’ dak l-Istat Membru jew l-Istati Membri, bħal

(a)l-istabbiliment tal-fornitur tas-servizzi ta’ hosting fl-Unjoni;

(b)għadd sinifikanti ta’ utenti fi Stat Membru wieħed jew aktar;

(c)l-immirar ta’ attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar.

(4)“reati terroristiċi” tfisser ir-reati kif definit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2017/541;

(5)“kontenut terroristiku” tfisser waħda jew aktar mill-informazzjoni li ġejja:

(a)l-inċitament jew il-promozzjoni, inkluż permezz tal-glorifikazzjoni, l-ikkummissjonar ta’ reati terroristiċi li b’hekk jikkawżaw il-periklu li dawn l-atti jitwettqu;

(b)l-inkoraġġiment tal-kontribut għal reati terroristiċi;

(c)il-promozzjoni tal-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, b’mod partikolari bl-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni fi grupp terroristiku jew l-appoġġ għalihom fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva (UE) 2017/541;

(d)l-għoti ta’ struzzjonijiet fuq metodi jew tekniki għall-fini li jitwettqu reati terroristiċi.

(6)“disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku” tfisser li l-kontenut terroristiku jkun disponibbli għal partijiet terzi fuq is-servizzi ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ hosting;

(7)“termini u kundizzjonijiet” tfisser it-termini, il-kundizzjonijiet u l-klawsoli kollha, irrispettivament mill-isem jew mill-forma tagħhom, li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting u l-utenti tagħhom;

(8)“riferiment” tfisser avviż minn awtorità kompetenti jew, fejn applikabbli, korp tal-Unjoni rilevanti lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting dwar informazzjoni li tista’ titqies bħala kontenut terroristiku, għall-konsiderazzjoni volontarja tal-fornitur tal-kompatibbiltà mat-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu stess għall-prevenzjoni tat-tixrid ta’ kontenut terroristiku;

(9)‘stabbiliment ewlieni’ tfisser l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju reġistrat li fih jitwettqu l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operattiv huwa eżerċitati.

TAQSIMA II
Miżuri għall-prevenzjoni tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku onlajn

Artikolu 3
Drittijiet ta’ kura

1.Fornituri ta’ servizz ta’ hosting għandhom jieħdu azzjonijiet xierqa, raġonevoli u proporzjonati skont dan ir-Regolament, kontra t-tixrid ta’ kontenut terroristiku u biex jipproteġu l-utenti minn kontenut terroristiku. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jaġixxu b’mod diliġenti, proporzjonat u mhux diskriminatorju, u b’kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet fundamentali tal-utenti u jqisu l-importanza fundamentali tal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni f’soċjetà miftuħa u demokratika.

2.Il-fornituri tas-servizzi ta’ hosting għandhom jinkludu fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, u japplikaw, dispożizzjonijiet għall-prevenzjoni tat-tixrid ta’ kontenut terroristiku.

Artikolu 4
Ordnijiet ta’ tneħħija

1.L-awtorità kompetenti għandu jkollha s-setgħa li toħroġ deċiżjoni li titlob lill-fornitur ta' servizzi ta' hosting ineħħi kontenut terroristiku jew jiddiżattiva l-aċċess għalih.

2.Il-fornituri tas-servizzi ta’ hosting għandhom ineħħu kontenut terroristiku jew jiddiżattivaw l-aċċess tiegħu fi żmien siegħa minn meta tiġi riċevuta l-ordni ta’ tneħħija.

3.L-ordnijiet ta’ tneħħija għandu jkun fihom l-elementi li ġejjin skont il-mudell stabbilit fl-Anness I:

(a)identifikazzjoni tal-awtorità kompetenti li toħroġ ordni ta’ tneħħija u l-awtentikazzjoni tal-ordni ta’ tneħħija mill-awtorità kompetenti;

(b)dikjarazzjoni tar-raġunijiet li jispjegaw għaliex il-kontenut jitqies kontenut terroristiku, tal-anqas, b’referenza għall-kategoriji ta’ kontenut terroristiku elenkat fl-Artikolu 2(5);

(c)Lokalizzatur Uniformi tar-Riżorsi (URL) u, fejn meħtieġ, informazzjoni addizzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni tal-kontenut imsemmi;

(d)referenza għal dan ir-Regolament bħala l-bażi ġuridika għall-ordni ta’ tneħħija;

(e)id-data u l-ħin tat-timbru tal-ħruġ;

(f)informazzjoni dwar ir-rimedju disponibbli għall-fornitur ta’ servizzi ta’ akkoljenza u għall-fornitur tal-kontenut;

(g)fejn rilevanti, id-deċiżjoni biex ma tiġix żvelata informazzjoni dwar it-tneħħija ta’ kontenut terroristiku jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għalih imsemmija fl-Artikolu 11.

4.Fuq talba mill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jew mill-fornitur tal-kontenut, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi dikjarazzjoni dettaljata tar-raġunijiet, mingħajr preġudizzju għall-obbligu li l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jikkonforma mal-ordni ta’ tneħħija sal-iskadenza stipulata fil-paragrafu 2.

5.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jindirizzaw l-ordnijiet ta’ tneħħija lill-istabbiliment ewlieni tal-fornitur tas-servizzi ta’ hosting jew lir-rappreżentant legali maħtur mill-fornitur tas-servizzi ta’ hosting skont l-Artikolu 16 u jibagħtuhom lill-punt ta’ kuntatt imsemmi fl-Artikolu 14(1). Dawn l-ordnijiet għandhom jintbagħtu b’mezzi elettroniċi li kapaċi jipproduċi rekord bil-miktub taħt il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita l-awtentikazzjoni tal-mittent, inkluż eżattezza tad-data u l-ħin tat-trażmissjoni u l-wasla tal-ordni.

6.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jikkonfermaw li jkunu rċevew u, mingħajr dewmien bla bżonn, jinformaw lill-awtorità kompetenti dwar it-tneħħija ta’ kontenut terroristiku jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għalih, billi jindikaw, b’mod partikolari, il-ħin tal-azzjoni, billi jużaw il-mudell stabbilit fl-Anness II.

7.Jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ma jkunx jista’ jikkonforma mal-ordni ta’ tneħħija minħabba force majeure jew impossibbiltà de facto mhux attribwibbli lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, huwa għandu jinforma, mingħajr dewmien żejjed, lill-awtorità kompetenti, u jispjega r-raġunijiet, billi juża l-mudell stabbilit fl-Anness III. L-iskadenza stipulata fil-paragrafu 2 għandha tapplika hekk kif ir-raġunijiet invokati ma jkunux għadhom preżenti.

8.Jekk il-fornitur ta’ servizzi ta' hosting ma jistax jikkonforma mal-ordni ta’ tneħħija minħabba li l-ordni ta’ tneħħija fiha żbalji evidenti jew ma fihiex biżżejjed informazzjoni biex tiġi eżegwita l-ordni, huwa għandu jinforma lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien bla bżonn, fejn jitlob il-kjarifika meħtieġa, billi juża l-mudell stabbilit fl-Anness III. L-iskadenza stipulata fil-paragrafu 2 għandha tapplika hekk kif tiġi pprovduta l-kjarifika.

9.L-awtorità kompetenti li tkun ħarġet l-ordni ta’ tneħħija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti li tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ miżuri proattivi msemmija fl-Artikolu 17(1)(c) meta l-ordni ta’ tneħħija ssir finali. Ordni ta’ tneħħija ssir finali fejn hija ma ġietx appellata fi żmien l-iskadenza skont il-liġi nazzjonali applikabbli jew fejn tkun ġiet ikkonfermata wara appell.

Artikolu 5
Riferimenti

1.L-awtorità kompetenti jew il-korp rilevanti tal-Unjoni jistgħu jibagħtu referenza lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting.

2.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jistabbilixxu miżuri operattivi u tekniċi li jiffaċilitaw il-valutazzjoni rapida tal-kontenut li jkun intbagħat mill-awtoritajiet kompetenti u, fejn applikabbli, korpi rilevanti tal-Unjoni għall-kunsiderazzjoni volontarja tagħhom.

3.Ir-riferiment għandu jiġi indirizzat lill-istabbiliment ewlieni tal-fornitur tas-servizz ta’ hosting jew lir-rappreżentant legali maħtur mill-fornitur tas-servizz skont l-Artikolu 16 u jiġi trażmess lill-punt ta’ kuntatt imsemmi fl-Artikolu 14(1). Tali riferimenti għandhom jintbagħtu b’mezzi elettroniċi.

4.Ir-riferiment għandu jkun fih informazzjoni dettaljata biżżejjed, inklużi r-raġunijiet għaliex il-kontenut jitqies kontenut terroristiku, URL u, fejn meħtieġ, informazzjoni addizzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni tal-kontenut terroristiku msemmi.

5.Il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu, bħala kwistjoni ta’ prijorità, jivvaluta l-kontenut identifikat fir-referenza kontra t-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu stess u jiddeċiedi jekk ineħħix dak il-kontenut jew jiddiżattivax l-aċċess għalih.

6.Il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu jinforma minnufih lill-awtorità kompetenti jew il-korp rilevanti tal-Unjoni dwar l-eżitu tal-valutazzjoni u l-għażla taż-żmien għal kwalunkwe azzjoni meħuda bħala riżultat tar-riferiment.

7.Meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting iqis li r-riferiment ma jkunx fih biżżejjed informazzjoni biex jiġi vvalutat il-kontenut imsemmi, huwa għandu jinforma mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-korp tal-Unjoni rilevanti, billi jistabbilixxi liema informazzjoni jew kjarifika ulterjuri hija meħtieġa.

Artikolu 6
Miżuri proattivi

1.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting fejn xieraq għandhom jieħdu miżuri proattivi biex jipproteġu s-servizzi tagħhom kontra t-tixrid ta’ kontenut terroristiku. Il-miżuri għandhom ikunu effettivi u proporzjonati, filwaqt li jqisu r-riskju u l-livell ta’ espożizzjoni għal kontenut terroristiku, id-drittijiet fundamentali tal-utenti, u l-importanza fundamentali tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni f’soċjetà miftuħa u demokratika.

2.Meta tkun ġiet infurmata skont l-Artikolu 4(9), l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 17(1)(c) għandha titlob lill-fornitur ta' servizzi ta' hosting biex jissottometti rapport, fi żmien tliet xhur minn meta jirċievi t-talba u minn hemm ’il quddiem mill-inqas fuq bażi annwali, dwar il-miżuri proattivi speċifiċi li ħa, inkluż bl-użu ta’ għodod awtomatizzati, bil-ħsieb li:

(a)il-prevenzjoni ta’ re-upload tal-kontenut li qabel kien tneħħa jew li għalih l-aċċess ġie diżattivat għax huwa meqjus bħala kontenut terroristiku;

(b)id-detezzjoni, l-identifikazzjoni u b’ħeffa jneħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal kontenut terroristiku.

Tali talba għandha tintbagħat lill-istabbiliment ewlieni tal-fornitur tas-servizzi ta' hosting jew lir-rappreżentant legali maħtur mill-fornitur tas-servizz.

Ir-rapporti għandhom jinkludu l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 17(1)(c) biex tivvaluta jekk il-miżuri proattivi humiex effettivi u proporzjonati, inkluż biex jiġi evalwat il-funzjonament ta’ kwalunkwe għodda awtomatizzata użata kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ sorveljanza u verifika umani użati.

3.Fejn l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 17(1)(c) tikkunsidra li l-miżuri proattivi meħuda u rrapportati skont il-paragrafu 2 mhumiex biżżejjed biex itaffu u jimmaniġġjaw ir-riskju u l-livell ta’ espożizzjoni, hija tista’ titlob lill-fornitur ta' servizzi ta' hosting biex jieħu miżuri proattivi speċifiċi addizzjonali. Għal dak il-għan, lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu jikkoopera mal-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 17(1)(c) bil-ħsieb li jiġu identifikati l-miżuri speċifiċi li l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu jistabbilixxi, billi jistabbilixxi l-objettivi ewlenin u punti ta’ referenza kif ukoll l-iskedi taż-żmien għall-implimentazzjoni tagħhom.

4.Fejn l-ebda ftehim ma jkun jista’ jintlaħaq fi żmien it-tliet xhur mit-talba skont il-paragrafu 3, l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 17(1)(c) tista’ toħroġ deċiżjoni li timponi miżuri proattivi speċifiċi meħtieġa u proporzjonati. Id-Deċiżjoni għandha tqis, b’mod partikolari, il-kapaċità ekonomika tal-fornitur tas-servizz ta’ hosting u l-effett ta’ tali miżuri fuq id-drittijiet fundamentali tal-utenti u l-importanza fundamentali tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Tali deċiżjoni għandha tintbagħat lill-istabbiliment ewlieni tal-fornitur tas-servizz ta’ hosting jew lir-rappreżentant legali maħtur mill-fornitur tas-servizz. Il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu jirrapporta regolarment dwar l-implimentazzjoni ta’ tali miżuri kif speċifikat mill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 17(1)(c).

5.fornitur ta' servizzi ta' hosting jista’, fi kwalunkwe ħin, jitlob rieżami lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 17(1)(c) u, fejn xieraq, jirrevoka talba jew deċiżjoni skont il-paragrafi 2, 3, u 4 rispettivament. L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi deċiżjoni motivata f’perjodu ta’ żmien raġonevoli wara li tirċievi t-talba mill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting.

Artikolu 7
Preservazzjoni tal-kontenut u data relatata

1.Fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jippreservaw kontenut terroristiku li tneħħa jew ġie diżattivat bħala riżultat ta’ ordni ta’ tneħħija, riferiment jew bħala riżultat ta’ miżuri proattivi skont l-Artikoli 4, 5 u 6 u d-data relatata mneħħija bħala konsegwenza tat-tneħħija tal-kontenut terroristiku u li hija meħtieġa għal:

(a)proċedimenti ta’ stħarriġ amministrattiv jew ġudizzjarju,

(b)il-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni, u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi.

2.Il-kontenut terroristiku u data relatata msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinżammu għal sitt xhur. Kontenut terroristiku għandu, fuq talba mill-awtorità kompetenti jew qorti, jiġi ppreservat għal perjodu itwal meta u sakemm ikun meħtieġ għal proċedimenti li jkunu għaddejjin ta’ stħarriġ amministrattiv jew ġudizzjarju msemmija fil-paragrafu 1 (a).

3.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jiżguraw li l-kontenut terroristiku u d-data relatata miżmuma skont il-paragrafi 1 u 2 jkunu suġġetti għal salvagwardji tekniċi u organizzattivi xierqa.

Dawk is-salvagwardji tekniċi u organizzattivi għandhom jiżguraw li l-kontenut terroristiku priżervat u d-data relatata jiġu biss aċċessati u proċessati għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1, u jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà tad-data personali kkonċernata. Fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jirrevedu u jaġġornaw dawk is-salvagwardji fejn meħtieġ.

TAQSIMA III
SALVAGWARDJI U RESPONSABBILTÀ

Artikolu 8
Obbligi ta’ trasparenza

1.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jistabbilixxu, fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, il-politika tagħhom biex jipprevjenu t-tixrid ta’ kontenut terroristiku, inkluż, fejn xieraq, spjegazzjoni sinifikanti tal-funzjonament ta’ miżuri proattivi inkluż l-użu ta’ għodod awtomatizzati.

2.Il-fornituri tas-servizzi ta’ hosting għandhom jippubblikaw rapporti ta’ trasparenza annwali dwar l-azzjoni meħuda kontra t-tixrid ta’ kontenut terroristiku.

3.Rapporti ta’ trasparenza għandhom jinkludu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)informazzjoni dwar il-miżuri tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting fir-rigward id-detezzjoni, l-identifikazzjoni u t-tneħħija ta’ kontenut terroristiku;

(b)informazzjoni dwar il-miżuri tal-fornitur ta' servizzi ta' hosting biex jipprevjeni l-upload mill-ġdid ta’ kontenut li jkun tneħħa jew li għalih l-aċċess ġie diżattivat minħabba li huwa meqjus li huwa kontenut terroristiku;

(c)numru ta’ biċċiet ta’ kontenut terroristiku mneħħi jew li għalihom l-aċċess ġie diżattivat, wara l-ordnijiet ta’ tneħħija, riferimenti jew miżuri proattivi, rispettivament;

(d)ħarsa ġenerali u l-eżitu tal-proċeduri ta’ lment.

Artikolu 9
Salvagwardji rigward l-użu u l-implimentazzjoni ta’ miżuri proattivi

1.Fejn il-fornituri ta’ servizz ta’ hosting jużaw għodod awtomatizzati skont dan ir-Regolament fir-rigward ta’ kontenut li jaħżnu, huma għandhom jipprovdu salvagwardji effettivi u xierqa biex jiżguraw li deċiżjonijiet meħuda dwar dak il-kontenut, b’mod partikolari deċiżjonijiet biex il-kontenut jitneħħa jew jiġi diżattivat meta jitqies li huwa kontenut terroristiku, huma preċiżi u fondati.

2.Is-salvagwardji għandhom jikkonsistu, b’mod partikolari, minn sorveljanza umana u verifiki fejn xieraq u, fi kwalunkwe każ, fejn valutazzjoni dettaljata tal-kuntest rilevanti tkun meħtieġa sabiex jiġi determinat jekk il-kontenut għandux jiġi kkunsidrat bħala kontenut terroristiku jew le.

Artikolu 10
Mekkaniżmi tal-ilmenti

1.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi u aċċessibbli li jippermettu fornituri tal-kontenut li l-kontenut tagħhom ikun tneħħa jew li jkun diżattivat l-aċċess għalih b’riżultat ta’ riferiment skont l-Artikolu 5 jew ta’ miżuri proattivi skont l-Artikolu 6, biex jissottomettu lment kontra l-azzjoni tal-fornitur ta' servizzi ta' hosting li jitlob li jerġa’ jiddaħħal il-kontenut.

2.Il-fornituri tas-servizzi ta’ hosting għandhom minnufih jeżaminaw kull ilment li jirċievu u jerġgħu jintroduċu l-kontenut mingħajr dewmien żejjed meta t-tneħħija jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess ma tkunx ġustifikata. Huma għandhom jinformaw lill-ilmentatur dwar l-eżitu tal-eżami.

Artikolu 11
Informazzjoni lill-fornituri tal-kontenut

1.Fejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting neħħew il-kontenut terroristiku jew iddiżattivaw l-aċċess għalih, għandhom jagħmlu disponibbli lill-fornitur tal-kontenut informazzjoni dwar it-tneħħija jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għal kontenut terroristiku.

2.Fuq talba tal-fornitur tal-kontenut, il-fornitur tas-servizz ta’ hosting għandu jinforma lill-fornitur tal-kontenut dwar ir-raġunijiet għat-tneħħija jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess u l-possibbiltajiet biex tkun ikkontestata d-deċiżjoni.

3.L-obbligu skont il-paragrafi 1 u 2 m’għandux japplika meta l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li m’għandu jkun hemm l-ebda żvelar għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, bħall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi, sakemm ikun meħtieġ, iżda ta’ mhux aktar minn [erba’] ġimgħat minn dik id-deċiżjoni. F’każ bħal dan, lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting m’għandhom jiżvelaw l-ebda informazzjoni dwar it-tneħħija jew id-diżattivazzjoni ta’ aċċess għal kontenut terroristiku.

TAQSIMA IV
Kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Kompetenti, il-Korpi tal-Unjoni u l-fornituri ta' servizzi ta' hosting

Artikolu 12
Kapaċitajiet ta’ awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikollhom il-kapaċità meħtieġa u riżorsi suffiċjenti biex jiksbu l-għanijiet u jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 13
Kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, l-awtoritajiet kompetenti u, fejn xieraq, korpi rilevanti tal-Unjoni

1.L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom jinfurmaw, jikkoordinaw u jikkooperaw ma’ xulxin u, fejn xieraq, ma’ korpi rilevanti tal-Unjoni bħall-Europol fir-rigward ta’ ordnijiet u referenzi ta’ tneħħija biex tiġi evitata d-duplikazzjoni, itejbu l-koordinazzjoni u jevitaw l-interferenza ma’ investigazzjonijiet fi Stati Membri differenti.

2.L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom jinfurmaw, jikkoordinaw u jikkooperaw mal-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 17(1)(c) u (d) fir-rigward tal-miżuri meħuda skont l-Artikolu 6 u l-azzjonijiet ta’ infurzar skont l-Artikolu 18. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 17(1)(c) u (d) hija fil-pussess tal-informazzjoni kollha rilevanti. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jipprovdu mezzi jew mekkaniżmi ta’ komunikazzjoni xierqa biex jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti tiġi kondiviża f’waqtha.

3.L-Istati Membri u l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jistgħu jagħżlu li jużaw għodod apposta, inkluż, fejn xieraq, dawk stabbiliti minn korpi rilevanti tal-Unjoni bħall-Europol, biex b’mod partikolari jiffaċilitaw:

(a)l-ipproċessar u feedback dwar ordnijiet ta’ tneħħija skont l-Artikolu 4;

(b)l-ipproċessar u feedback dwar iir-riferimenti skont l-Artikolu 5;

(c)il-kooperazzjoni bil-ħsieb li jidentifikaw u jimplimentaw miżuri proattivi skont l-Artikolu 6.

4.Fejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting isiru konxji dwar kwalunkwe evidenza ta’ reati terroristiċi, huma għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni f’reati kriminali fl-Istat Membru kkonċernat jew il-punt ta’ kuntatt fl-Istat Membru skont l-Artikolu 14(2), fejn huma jkollhom l-istabbiliment ewlieni tagħhom jew rappreżentant legali. Fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jista’, f’każ ta’ dubju, jittrażmett din l-informazzjoni lill-Europol għal segwitu xieraq.

Artikolu 14
Punti ta’ kuntatt

1.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jistabbilixxu punt ta’ kuntatt li jippermetti li jiġu riċevuti ordnijiet ta’ tneħħija u riferimenti b’mezzi elettroniċi u jiġi żgurat l-ipproċessar rapidu tagħhom skont l-Artikoli 4 u 5. Huma għandhom jiżguraw li din l-informazzjoni tkun pubblikament disponibbli.

2.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tispeċifika l-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Unjoni, kif imsemmi fir-Regolament 1/58, li fiha jista’ jiġi indirizzat il-punt ta’ kuntatt u li fiha għandhom isiru aktar skambji fir-rigward ta’ ordnijiet ta’ tneħħija u ta’ riferimenti skont l-Artikoli 4 u 5. Din għandha tinkludi mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih fornitur ta' servizzi ta' hosting ikollu l-istabbiliment ewlieni tiegħu jew fejn ir-rappreżentant legali tiegħu skont l-Artikolu 16 huwa residenti jew stabbilit.

3.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu punt ta’ kuntatt biex jittratta talbiet għal kjarifika u feedback f’dak li jirrigwarda l-ordinijiet ta’ tneħħija u riferimenti maħruġa minnhom. Informazzjoni dwar il-punt ta’ kuntatt għandha ssir disponibbli pubblikament.

TAQSIMA V
IMPLIMENTAZZJONI U INFURZAR

Artikolu 15
Ġurisdizzjoni

1.L-Istat Membru li fih ikun jinsab l-istabbiliment ewlieni tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu jkollu l-ġurisdizzjoni għall-finijiet tal-Artikoli 6, 18, u 21. Fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li ma jkollux l-istabbiliment prinċipali tiegħu f’wieħed mill-Istati Membri għandu jitqies li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru fejn ir-rappreżentant legali msemmi fl-Artikolu 16 huwa residenti jew stabbilit.

2.Fejn fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jonqos milli jaħtar rappreżentant legali, l-Istati Membri kollha għandu jkollhom ġurisdizzjoni.

3.Meta awtorità ta’ Stat Membru ieħor tkun ħarġet ordni ta’ tneħħija skont l-Artikolu 4(1), dak l-Istat Membru għandu l-ġurisdizzjoni li jieħu miżuri koerċittivi skont il-liġi nazzjonali tiegħu sabiex jinforza l-ordni ta’ tneħħija.

Artikolu 16
Rappreżentant ġudizzjarju

1.Fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li ma għandux stabbiliment fl-Unjoni iżda li joffri servizzi fl-Unjoni, għandu jaħtar, bil-miktub, persuna ġuridika jew fiżika bħala r-rappreżentant legali tiegħu fl-Unjoni biex jirċievi, ikun konformi ma’ jinforza ordnijiet ta’ tneħħija, riferimenti, talbiet u deċiżjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament. Ir-rappreżentant legali għandu jkun jirresjedi jew ikun stabbilit f’wieħed mill-Istati Membri fejn il-fornitur tas-servizz ta’ hosting jipprovdi s-servizzi.

2.Il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu jafda lir-rappreżentant legali bl-irċevuta, il-konformità u l-infurzar tal-ordnijiet ta’ tneħħija, riferimenti, talbiet u deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 f’isem il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikkonċernat. Fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jipprovdu lir-rappreżentant legali tagħhom is-setgħat meħtieġa u riżorsi biex jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti u jikkonformaw ma’ dawn id-deċiżjonijiet u ordnijiet.

3.Ir-rappreżentant legali maħtur jista’ jinżamm responsabbli għan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi taħt dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà u l-azzjonijiet legali li jistgħu jinbdew kontra l-fornitur tas-servizz ta’ hosting.

4.Il-fornitur ta' servizzi ta' hosting għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 17(1)(d) fl-Istat Membru fejn jirrisjedi r-rappreżentant legali jew fejn huwa stabbilit dwar il-ħatra. Informazzjoni dwar ir-rappreżentant ġudizzjarju għandha ssir disponibbli pubblikament.

TAQSIMA VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17
Ħatra ta’ awtoritajiet kompetenti

1.Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti biex

(a)joħorġu ordnijiet ta’ tneħħija skont l-Artikolu 4;

(b)isibu, jidentifikaw u jirreferu kontenut terroristiku lil fornituri ta’ servizzi ta’ hosting skont l-Artikolu 5;

(c)jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ miżuri proattivi skont l-Artikolu 6;

(d)jinfurzaw l-obbligi skont dan ir-Regolament permezz ta’ pieni skont l-Artikolu 18.

2.Sa mhux aktar tard minn [sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika n-notifika u kull modifika tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 18
Penalitajiet

1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur tal-provedimenti nazzjonali addottati skont dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Tali penali għandhom ikunu limitati għal ksur tal-obbligi skont:

(a)L-Artikolu 3(2) (termini u kundizzjonijiet ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ hosting);

(b)L-Artikolu 4(2) u (6) (implimentazzjoni ta’ u feedback dwar ordnijiet ta’ tneħħija);

(c)L-Artikolu 5(5) u (6) (valutazzjoni u feedback dwar ir-riferimenti);

(d)L-Artikolu 6(2) u (4) (rapporti dwar miżuri proattivi u l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi wara deċiżjoni li timponi miżuri proattivi);

(e) Artikolu 7 (preservazzjoni tad-data);

(f)Artikolu 8 (trasparenza);

(g)Artikolu 9 (salvagwardji fir-rigward ta’ miżuri proattivi);

(h)Artikolu 10 (proċeduri ta’ lment);

(i)Artikolu 11 (informazzjoni dwar fornituri ta' kontenut);

(j)Artikolu 13 (4) (informazzjoni dwar evidenza ta’ offiżi terroristiċi);

(k)Artikolu 14 (1) (punti ta’ kuntatt);

(l)Artikolu 16 (ħatra ta’ rappreżentant ġudizzjarju).

2.Il-penali stipulati jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, [mhux iktar tard minn sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ penali, l-awtoritajiet kompetenti jqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi:

(a)in-natura, is-serjetà u d-dewmien tal-ksur;

(b)il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur;

(c)ksur preċedenti mill-persuna ġuridika miżmuma responsabbli;

(d)is-solidità finanzjarja tal-persuna ġuridika responsabbli;

(e)il-livell ta’ kooperazzjoni lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting mal-awtoritajiet kompetenti.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li nuqqas sistematiku ta’ konformità mal-obbligi skont l-Artikolu 4(2) ikun soġġett għal penali finanzjarji sa 4 % tal-fatturat globali tal-fornitur ta' servizzi ta' hosting tal-aħħar sena tan-negozju.

Artikolu 19
Rekwiżiti tekniċi u emendi għall-formoli għal ordnijiet ta’ tneħħija

1.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 20 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament b’rekwiżiti tekniċi għall-mezzi elettroniċi li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti għat-trażmissjoni ta’ ordnijiet ta’ tneħħija.

2.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta tali atti delegati biex jiġu emendati l-Annessi I, II u III sabiex tiġi indirizzata b’mod effettiv il-ħtieġa possibbli għal titjib fir-rigward tal-kontenut ta’ formoli tal-ordni ta’ tneħħija u formoli li għandhom jintużaw biex jipprovdu informazzjoni dwar l-impossibbiltà li tiġi eżegwita l-ordni ta’ tneħħija.

Artikolu 20
Eżerċizzju ta’ delega

1.Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

2.Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 19 għandhom ikunu kkonferiti lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat mid-[data tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament].

3.Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 19 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Din m’għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti magħżula minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 19 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b' xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 21
Monitoraġġ

1.L-Istati Membri għandhom jiġbru mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u jibgħatu lill-Kummissjoni kull sena sal-[31 ta’ Marzu] informazzjoni dwar l-azzjonijiet li jkunu ħadu skont dan ir-Regolament. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi:

(a)informazzjoni dwar l-għadd ta’ ordnijiet ta’ tneħħija u l-konsultazzjonijiet maħruġa, in-numru ta’ biċċiet ta’ kontenut terroristiku li jkun tneħħa jew li għalih ikun diżattivat l-aċċess, inklużi perjodi ta’ żmien korrispondenti skont l-Artikoli 4 u 5;

(b)informazzjoni dwar il-miżuri proattivi speċifiċi meħuda skont l-Artikolu 6, inkluż l-ammont ta’ kontenut terroristiku li jkun tneħħa jew ikun diżattivat l-aċċess għalih u l-perjodi taż-żmien korrispondenti;

(c)informazzjoni dwar l-għadd ta’ proċeduri ta’ lment mibdija u l-azzjonijiet meħuda minn min joffri servizzi ta’ hosting skont l-Artikolu 10;

(d)informazzjoni dwar l-għadd ta’ proċeduri ta’ rimedju mibdija u d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-liġi nazzjonali.

2.Sa mhux aktar tard minn [sena mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-eżiti, tar-riżultati u tal-impatti ta’ dan ir-Regolament. Il-programm ta’ monitoraġġ jenħtieġ li jistabbilixxi l-indikaturi u l-mezzi li bihom u l-intervalli li fihom tinġabar id-data u evidenza oħra neċessarja. Dan il-programm jenħtieġ li tispeċifika l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fil-ġbir u l-analiżi tad-data u evidenza oħra għall-monitoraġġ tal-progress u jevalwaw dan ir-Regolament skont l-Artikolu 23.

Artikolu 22
Rapport ta’ implimentazzjoni

Sa... [sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Informazzjoni dwar il-monitoraġġ skont l-Artikolu 21 u l-informazzjoni li tirriżulta mill-obbligi ta’ trasparenza skont l-Artikolu 8 għandhom jiġu kkunsidrati fir-rapport tal-Kummissjoni. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tar-rapport.

Artikolu 23
Evalwazzjoni

Sa mhux aktar tard minn [tliet snin mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż il-funzjonament tal-effettività tal-mekkaniżmi ta’ salvagwardja. Fejn xieraq, ir-rapport jiġi akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tar-rapport.

Artikolu 24
Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn [sitt (6) xhur wara d-dħul fis-seħħ tiegħu].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Komunikazzjoni (COM(2017) 555 final) dwar it-trattament ta’ kontenut illegali onlajn.
(2)    Ir-Rakkomandazzjoni (C(2018)1177 final) tal-1 ta’ Marzu 2018 dwar miżuri biex jiġi indirizzat b’mod effettiv il-kontenut illegali onlajn.
(3)    Ir-Rakkomandazzjoni (C(2018)1177 final) tal-1 ta’ Marzu 2018 dwar miżuri biex jiġi indirizzat b’mod effettiv il-kontenut illegali onlajn.
(4)    Ewrobarometru 469, Kontenut illegali onlajn, Ġunju 2018.
(5)    Ħolqa għall-opinjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) dwar RegDoc.
(6)    ĠU C , , p. .
(7)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/334 tal-1 ta’ Marzu 2018 dwar miżuri biex jiġi indirizzat b’mod effettiv il-kontenut illegali online (ĠU L 63, 6.3.2018, p. 50).
(8)    Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (‘Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku’) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).
(9)    Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).
(10)    Ir-Regolament (UE) 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).
(11)    Ir-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku u forom oħrajn ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-konsumaturi fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 601, 2.3.2018, p. 1).
(12)    Ir-Regolament (UE) 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).
(13)    Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/JHA, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53)
(14)    COM(2018) 225 final.
(15)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

Brussell, 12.9.2018

COM(2018) 640 final

ANNESSI

tal-proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-prevenzjoni tad-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online

{SEC(2018) 397 final} - {SWD(2018) 408 final} - {SWD(2018) 409 final}


ANNESS I

ORDNI TA’ TNEĦĦIJA TA’ MATERJAL TERRORISTIKU (l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) xxx)

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) ... 1 , id-destinatarju tal-ordni ta’ tneħħija għandu jneħħi l-kontenut terroristiku, jew jingħalaq l-aċċess għalih, fi żmien siegħa minn mindu jkun irċieva l-ordni ta’ tneħħija mill-awtorità kompetenti.

F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) ... 2 , id-destinatarji jridu jippreservaw il-kontenut u d-data relatata, li jkunu tneħħew jew li l-aċċess għalihom ikun ingħalaq, għal sitt xhur jew aktar fuq talba mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-qrati.

L-ordni ta’ tneħħija għandu jintbagħat f’waħda mill-lingwi magħżula mid-destinatarji skont l-Artikolu 14(2)

TAQSIMA A:

L-Istat Membru emittenti: ………………………………………………………………………………….……………..

Importanti: id-dettalji dwar l-awtorità emittenti għandhom jingħataw fl-aħħar (Taqsimiet E u F)

Id-destinatarju (ir-rappreżentant legali)

………………………………………………………………………………….……………..

Id-destinatarju (il-punt ta’ kuntatt)

………………………………………………………………………………….……………..

L-Istat Membru ta’ ġuriżdizzjoni tad-destinatarju: [jekk ikun differenti mill-Istat emittenti]
………………………………………………………………………………….……………..

Il-ħin u d-data tal-ħruġ tal-ordni ta’ tneħħija

………………………………………………………………………………….……………..

In-numru ta’ referenza tal-ordni ta’ tneħħija: ………………………………………………………………………………….……………..

           

TAQSIMA B: Il-kontenut li għandu jitneħħa jew li l-aċċess għalih għandu jingħalaq fi żmien siegħa:

URL u kull informazzjoni addizzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni u l-lok eżatt tal-kontenut li għalih qiegħda ssir referenza:

…………………….…………………………………………………………………………

Ir-raġuni(jiet) li jispjegaw għaliex il-kontenut jitqies bħala kontenut terroristiku, skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) xxx. Il-kontenut (immarka l-kaxxa jew kaxex relevanti):

□ inċitament għat-twettiq ta’ atti terroristiċi, jargumenta favurhom jew jigglorifikahom (l-Artikolu 2(5) a)

□ l-inkoraġġiment tal-kontribut għal reati terroristiċi (l-Artikolu 2(5) b)

□ jippromwovi l-attivitajiet ta’ xi grupp terroristiku, iħajjar il-parteċipazzjoni fil-grupp jew l-appoġġ għalih (l-Artikolu 2(5) c)

□ jipprovdi struzzjonijiet jew tekniki għat-twettiq ta’ atti terroristiċi (l-Artikolu 2(5) d)

Informazzjoni addizzjonali dwar ir-raġunijiet li minħabba fihom il-kontenut jitqies bħala kontenut terrotistiku (fakultattiv): ………………………………………………………………… ………………………………………………………………………………………………….. ………………………………………………………………………………………………….

TAQSIMA C: Informazzjoni lill-fornitur ta’ kontenut

Jekk jogħġbok kin af li (immarka fejn jgħodd):

□ għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, id-destinatarju ma għandux jinforma lill-fornitur ta’ kontenut li l-kontenut tiegħu jkun qiegħed jitneħħa jew li għalih ikun se jingħalaq l-aċċess.

Inkella: Id-dettalji tal-possibbiltajiet ta’ kontestazzjoni tal-ordni ta’ tneħħija fl-Istat Membru emittenti (li jistgħu jingħataw lill-fornitur ta’ kontenut, jekk issir talba) skont il-liġi nazzjonali; ara t-Taqsima G aktar ’l isfel:

TAQSIMA D: L-Istat Membru ta’ ġuriżdizzjoni jiġi infurmat

□ Immarka jekk l-Istat Membru ta’ ġuriżdizzjoni ma jkunx l-Istat Membru emittenti:

□ kopja tal-ordni ta’ tneħħija tintbagħat lill-awtorità kompetenti relevanti tal-istat ta’ ġuriżdizzjoni

   

TAQSIMA E: Dettalji tal-awtorità li tkun ħarġet l-ordni ta’ tneħħija

It-tip ta’ awtorità li tkun ħarġet din l-ordni ta’ tneħħija (immarka l-kaxxa relevanti):

□ imħallef, qorti jew imħallef investigattiv

□ awtorità ta’ infurzar tal-liġi

□ xi awtorità kompetenti oħra → jekk jogħġbok imla’ wkoll it-Taqsima (F)

Id-dettalji tal-awtorità emittenti u/jew tar-rappreżentant tagħha li jiċċertifika l-ordni ta’ tneħħija bħala preċiż u magħmul tajjeb:

Isem l-Awtorità: ………………………………………………………………………………….…………

Isem ir-rappreżentant tagħha: ………………………………………………………………………………….…………

Pożizzjoni (titolu/grad): ………………………………………………………………………………….…………

Nru tal-fajl:..……………………………..……………………………..……………..

Indirizz:…………………………………………………………….…………..………..

Nru tat-telefon: (kodiċi tal-pajjiż)(kodiċi taż-żona/tal-belt).........................................................................

Nru tal-faks: (kodiċi tal-pajjiż)(kodiċi taż-żona/tal-belt).........................................................................

Posta elettronika: …………………………………………………………..……………..………….

Data:

………………………………………………………………………………….…………

Timbru uffiċjali (jekk disponibbli) u firma 3 : ………………………………………………...……

TAQSIMA F: Dettalji ta’ kuntatt

Id-dettalji ta’ fejn tista’ tiġi kkuntattjata l-awtorità emittenti biex tirċievi kummenti dwar il-ħin tat-tneħħija, jew l-għeluq tal-aċċess, jew biex tingħata xi kjarifika ulterjuri:

………………………………………………………………………………..………….

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità tal-Istat ta’ ġuriżdizzjoni tad-destinatarju [jekk ikun differenti minn dak tal-Istat Membri emittenti]

………………………………………………………………………………..………….

TAQSIMA G: Informazzjoni dwar possibbiltajiet ta’ rimedju

Informazzjoni dwar l-entità jew qorti kompetenti, l-iskadenzi u l-proċeduri għall-kontestazzjoni tal-ordni ta’ tneħħija:

Il-korp jew il-qorti kompetenti għall-kontestazzjoni tal-ordni ta’ tneħħija:

……………………………………………………………………………………….……….

Skandenza għall-kontestazzjoni tad-deċiżjoni:

xxx xhur li jibdew minn xxxx

Link għad-dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali:

……………………………………………………………………………………….……….



ANNESS II

FORMOLA TAL-KUMMENTI WARA T-TNEĦĦIJA JEW L-GĦELUQ TAL-AĊĊESS TA’ KONTENUT TERRORISTIKU (l-Artikolu 4(5) tar-Regolament (UE) xxx)

TAQSIMA A:

Id-destinatarju tal-ordni ta’ tneħħija:

………………………………………………………………………………….……………..

L-awtorità li tkun ħarġet l-ordni ta’ tneħħija:

………………………………………………………………………………….……………..

Ir-referenza tal-fajl tal-awtorità emittenti
………………………………………………………………………………….……………..

Ir-referenza tal-fajl tad-destinatarju:

………………………………………………………………………………….……………..

Il-ħin u d-data tal-ħruġ tal-ordni ta’ tneħħija
………………………………………………………………………………….……………..

TAQSIMA B:

Il-kontenut terroristiku/l-aċċess għall-kontenut terroristiku, suġġett għall-ordni ta’ tneħħija (immarka l-kaxxa relevanti):

   tneħħa

   l-aċċess għalih ingħalaq

Il-ħin u d-data tat-tneħħija jew l-għeluq tal-aċċess ...............................................................

TAQSIMA C: Id-dettalji tad-destinatarju

Isem il-fornitur li jospita s-servizz / ir-rappreżentant legali:

………………………………………………………………………………….……………..

L-Istat Membri tal-istabbiliment ewlieni jew tal-istabbiliment tar-rappreżentant legali: ………………………………………………………………………………….……………..

Isem il-persuna awtorizzata:

………………………………………………………………………………….……………..

Id-dettalji tal-punt ta’ kuntatt (posta elettronika) ……………………………………………………………………….

Data:

………………………………………………………………………………….……………..

ANNESS III

INFORMAZZJONI DWAR L-IMPOSSIBBILTÀ LI TIĠI EŻEGWITA ORDNI TA’ TNEĦĦIJA (l-Artikolu 4(6) u (7) tar-Regolament (UE) xxx)

TAQSIMA A:

Id-destinatarju tal-ordni ta’ tneħħija:

………………………………………………………………………………….……………..

L-awtorità li tkun ħarġet l-ordni ta’ tneħħija:

………………………………………………………………………………….……………..

Ir-referenza tal-fajl tal-awtorità emittenti:
………………………………………………………………………………….……………..

Ir-referenza tal-fajl tad-destinatarju:
………………………………………………………………………………….……………..

Il-ħin u d-data tal-ħruġ tal-ordni ta’ tneħħija:

………………………………………………………………………………….……………..

TAQSIMA B: Raġunijiet li minħabba fihom l-ordni ma ġietx eżegwita

(i) L-ordni ta’ tneħħija ma tistax tiġi eżegwita jew ma tistax tiġi eżegwita fi żmien l-iskadenza mitluba għar-raġuni(jiet) li ġejja/in:

   force majeure jew l-impossibbiltà de facto li ma tkun attribwibbli għad-destinatarju jew għall-fornitur tas-servizz

   l-ordni ta’ tneħħija fiha żbalji ċari

   l-ordni ta’ tneħħija ma fihiex biżżejjed informazzjoni

(ii) Jekk jogħġbok agħti aktar informazzjoni dwar ir-raġunijiet tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni:

………………………………………………………………………………………………….

(iii) Jekk l-ordni ta’ tneħħija jkun fiha żbalji ċari u/jew ma jkunx fiha biżżejjed informazzjoni, jekk jogħġbok speċifika liema żbalji u x’informazzjoni jew kjarifikazzjoni ulterjuri tkun meħtieġa:

………………………………………………………………………………………………….

TAQSIMA H: Id-dettalji tal-fornitur tas-servizz / ir-rappreżentant legali tiegħu:

Isem il-fornitur tas-servizz / ir-rappreżentant legali:

………………………………………………………………………………….……………..

Isem il-persuna awtorizzata:

………………………………………………………………………………….……………..

Dettalji ta’ kuntatt (posta elettronika)

………………………………………………………………………………….……………..

Firma:

………………………………………………………………………………….……………..

Ħin u data: ………………………………………………………………………………….……………..

(1)    Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tat-tixrid ta’ kontenut terroristiku onlajn (ĠU L ...)
(2)    Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online (ĠU L ...)
(3)    Tista’ ma tkunx meħtieġa firma jekk mibgħut permezz ta’ kanali ta’ sottomissjoni awtentikati.