Brussell,17.7.2018

COM(2018) 541 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll mar-Repubblika tal-Gambja


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġi nnegozjat Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli mar-Repubblika tal-Gambja li jissodisfa l-bżonnijiet tal-flotta tal-Unjoni u li jkun konformi mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd u mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Dimensjoni Esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Hemm ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gambja li jmur lura għall-1987, meta ż-żewġ partijiet ikkonkludew ftehim dwar is-sajd approvat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1580/87 tat-2 ta’ Ġunju 1987 li jirrigwarda l-ilħuq tal-ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Tal-Gambja dwar is-sajd ’il barra mill-Gambja u l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħha.. Dan il-ftehim ġie implimentat permezz ta’ tliet protokolli suċċessivi li jagħtu aċċess lill-bastimenti tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd tal-Gambja sa Ġunju 1996, l-iskadenza tal-aħħar protokoll ta’ implimentazzjoni. Minn dik id-data ’l quddiem, il-ftehim jitqies inattiv.

L-Unjoni Ewropea diġà għandha netwerk żviluppat sew ta’ Ftehimiet bilaterali ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli fl-Afrika tal-Punent u l-Afrika Ċentrali, jiġifieri mal-Marokk, mal-Mauritania, mas-Senegal, mal-Cape Verde, mal-Liberja, mal-Kosta tal-Avorju u ma’ São Tomé u Principe.

Il-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) fil-livell internazzjonali, u jiżguraw li l-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni ’l barra mill-ilmijiet tal-Unjoni jkunu bbażati fuq l-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli bil-liġi tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli jrawmu kooperazzjoni xjentifika bejn l-UE u s-sħab tagħha, jippromwovu t-trasparenza u s-sostenibbiltà għal ġestjoni aħjar tar-riżorsi tas-sajd u jħeġġu l-governanza billi jappoġġaw il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tal-attivitajiet tal-flotot nazzjonali u dawk barranin filwaqt li fl-istess ħin jipprovdu l-finanzjament għall-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), biex b’hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tal-industrija tas-sajd lokali.

Il-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli jsaħħu l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea bħala membru tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (l-ICCAT), li hija l-korp stabbilit skont id-dritt internazzjonali għall-konservazzjoni u għall-ġestjoni ta’ speċijiet migratorji ħafna fir-reġjun.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE

In-negozjati għal Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u għal Protokoll mar-Repubblika tal-Gambja huma konformi mal-azzjoni esterna tal-UE b’rabta mal-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (il-pajjiżi AKP).

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għad-deċiżjoni hija prevista fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fil-Parti Ħamsa dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni, fit-Titolu V dwar il-ftehimiet internazzjonali, li jistabbilixxi l-proċedura għan-negozjar u għall-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi terzi.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Mhux applikabbli, kompetenza esklużiva.

Proporzjonalità

Id-deċiżjoni hija proporzjonali mal-għan mixtieq.

Għażla tal-istrument

L-istrument huwa previst fl-Artikolu 218(3) u fl-Artikolu 218(4) tat-TFUE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Fl-2017, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex-ante dwar il-possibbiltà ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA) mar-Repubblika tal-Gambja. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni kkonkluda li s-setturi tas-sajd tal-UE għandhom interess qawwi fil-Gambja bħala parti mill-istrateġija reġjonali tagħhom u li l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli mal-Gambja jista’ jgħin biex jissaħħu l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza, u jikkontribwixxi biex tittejjeb il-governanza tas-sajd fir-reġjun. Il-Gambja esprimiet l-interess tagħha fil-ftuħ ta’ negozjati mal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-possibbiltà ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Se jsiru konsultazzjonijiet fil-qafas tal-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta’ Distanzi Twal. Huma previsti wkoll laqgħat ad hoc mal-Istati Membri, mar-rappreżentanti tal-industrija u possibbilment mal-NGOs.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli

Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli

Drittijiet fundamentali

Id-direttivi ta’ negozjati proposti bħala anness tad-deċiżjoni jirrakkomandaw li jiġi awtorizzat il-ftuħ tan-negozjati u li tiġi inkluża klawżola li tippermetti s-sospensjoni tal-Ftehim u tal-Protokoll f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-implikazzjonijiet baġitarji marbuta mal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli il-ġdid u mal-Protokoll jirrikjedu l-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja lir-Repubblika tal-Gambja, li jkun kompatibbli mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-2014-2020, u b’mod partikolari mal-allokazzjonijiet għal-linja baġitarja għall-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli. L-ammonti annwali għall-impenji u għall-pagamenti huma stabbiliti fil-proċedura baġitarja annwali, inkluż il-linja ta’ riżerva għal protokolli li ma jkunux iddaħħlu fis-seħħ fil-bidu tas-sena 1 .

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

In-negozjati mistennija jiftħu fit-tielet jew fir-raba’ trimestru tal-2018.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li:

- Il-Kunsill jenħtieġ li jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ u tmexxi negozjati għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u ta’ Protokoll mar-Repubblika tal-Gambja;

- Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi nnominata bħala n-negozjatur tal-UE b’rabta ma’ dan is-suġġett;

- Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq in-negozjati tagħha b’konsultazzjoni mal-kumitat speċjali, kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

- Il-Kunsill jenħtieġ li japprova d-Direttivi tan-negozjati annessi ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.



Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll mar-Repubblika tal-Gambja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Billi n-negozjati jenħtieġ li jinfetħu bil-ħsieb li jiġi konkluż Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll mar-Repubblika tal-Gambja,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni Ewropea, bil-ħsieb li jiġi konkluż Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll mar-Repubblika tal-Gambja.

Artikolu 2

Dawn in-negozjati għandhom jitwettqu b’konsultazzjoni mal-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill u f’konformità mad-direttivi dwar in-negozjati stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-Kapitolu 40 (il-linja tariżerva 40 02 41) skont il-ftehim interistituzzjonali dwar il-QFP (2013/C 373/01).

Brussell,17.7.2018

COM(2018) 541 final

ANNESS

ta'

Rakkomandazzjoni

għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll mar-Repubblika tal-Gambja


ANNESS

Direttivi ta’ negozjati

L-objettiv tan-negozjati huwa li jiġu konklużi Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gambja f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd u mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2011 dwar id-Dimensjoni Esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd.

Għalhekk, jenħtieġ li l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd jiddefinixxi l-qafas ġenerali, il-prinċipji u l-objettivi ġenerali li se jiffurmaw il-bażi tal-isħubija mal-Gambja. Jenħtieġ li jinkludi klawżola li tħassar il-Ftehim attwali bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Gambja u l-Komunità Ekonomika Ewropea dwar is-sajd ’il barra mill-Gambja 1 .

Biex jiġi promoss is-sajd sostenibbli u responsabbli filwaqt li jiġu żgurati l-benefiċċji reċiproċi tal-UE u tal-Gambja permezz ta’ dan il-Ftehim ġdid u l-Protokoll, il-Kummissjoni għandha tibbaża l-objettivi tan-negozjati tagħha fuq dan li ġej:

·Jiġi żgurat li jingħata aċċess għaż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika tal-Gambja (ŻEE) u li l-bastimenti tal-flotta tal-UE jkollhom l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa biex iwettqu attivitajiet tas-sajd f’dik iż-ŻEE, filwaqt li, inter alia, jiġi żviluppat in-netwerk tal-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli disponibbli għall-operaturi tal-UE;

·Jitqiesu l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli u l-pjanijiet ta’ ġestjoni rilevanti adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO), biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet tas-sajd u biex tiġi promossa l-governanza tal-oċeani fuq skala internazzjonali. Jenħtieġ li l-attivitajiet tas-sajd ikunu diretti esklużivament lejn ir-riżorsi disponibbli, filwaqt li titqies il-kapaċità tas-sajd tal-flotta lokali, u dan filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għan-natura migratorja ħafna tal-istokkijiet ikkonċernati;

·Jitfittex sehem xieraq mir-riżorsi tas-sajd, li jkun proporzjonat għalkollox mal-interessi tal-flotot tal-UE, meta r-riżorsi jkunu jinteressaw anki lill-flotot oħra barranin;

·Jiġi żgurat li l-aċċess għas-sajd ikun ibbażat fuq l-attività tal-flotta tal-UE fir-reġjun, fid-dawl tal-aħjar valutazzjonijiet xjentifiċi disponibbli li jkunu l-aktar aġġornati;

·Jiġi stabbilit djalogu li jsaħħaħ il-politika settorjali bil-ħsieb li titħeġġeġ l-implimentazzjoni ta’ politika tas-sajd responsabbli, f’rabta mal-objettivi tal-iżvilupp tal-pajjiż, partikolarment fir-rigward tal-governanza tas-sajd, tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, tal-kontroll, il-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd u tal-għoti tal-pariri xjentifiċi; u li titrawwem attività ekonomika li tikkontribwixxi inter alia biex jiġu indirizzati l-kawżi tal-emigrazzjoni mill-Gambja.

·Tiġi inkluża klawżola dwar il-konsegwenzi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi;

B’mod partikolari, il-protokoll jenħtieġ li jiddefinixxi:

·l-opportunitajiet tas-sajd, skont il-kategoriji, li jridu jingħataw lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea;

·il-kumpens finanzjarju u l-kundizzjonijiet għall-ħlas tiegħu; kif ukoll

·il-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni ta’ appoġġ settorjali.

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1580/87 tat-2 ta’ Ġunju 1987 (ĠU L 146, 6.6.1987).