Brussell, 24.5.2018

COM(2018) 315 final

2018/0162(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2008/106/KE dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara u li tħassar id-Direttiva 2005/45/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2018) 239 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-importanza tal-element uman għas-sikurezza tal-ħajja fuq il-baħar u l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar ġiet rikonoxxuta fil-livell tal-Unjoni sa mill-bidu tas-snin disgħin tas-seklu l-ieħor 1 . Fit-tisħiħ tal-edukazzjoni marittima, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara ġew ikkunsidrati partikolarment elementi importanti biex jinkiseb livell għoli ta’ sikurezza. Fil-livell tal-UE, dan inkiseb permezz tad-Direttiva 2008/106/KE, kif emendata 2 , billi ġew stabbiliti standards minimi ta’ taħriġ u edukazzjoni. Fil-livell tal-UE, din id-Direttiva tintegra l-qafas internazzjonali dwar rekwiżiti ta’ taħriġ, ċertifikazzjoni u għassa għall-baħħara żviluppati taħt l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u preskritti mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara tal-1978, kif emendata (il-Konvenzjoni STCW).

Id-Direttiva 2008/106/KE fiha wkoll mekkaniżmu komuni tal-UE għar-rikonoxximent tas-sistemi tal-edukazzjoni marittima, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni ta’ baħħara minn pajjiżi terzi. Barra minn hekk, din tirrikjedi verifika regolari mill-Kummissjoni bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), tal-konformità tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/106/KE u tal-Konvenzjoni STCW, rispettivament.

L-għan tad-Direttiva 2005/45/KE 3 kien li titrawwem il-mobilità professjonali tal-baħħara fi ħdan l-UE, billi tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri. Id-Direttiva introduċiet proċedura simplifikata għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri. L-għan kien li jiġi żgurat li l-baħħara kollha, li huma kkwalifikati fi Stat Membru u għandhom tali ċertifikati, jitħallew iservu fuq vapuri li jtajru l-bandiera ta’ kwalunkwe Stat Membru.

Twettqet evalwazzjoni li kkonkludiet li ż-żewġ Direttivi huma idonei għall-iskop tagħhom u, b’mod ġenerali, issodisfaw l-għanijiet u l-aspettattivi inizjali. Madankollu, din l-evalwazzjoni identifikat ukoll elementi li fixklu l-effettività u l-effiċjenza tal-qafas leġiżlattiv. Din il-proposta għandha l-għan li tindirizza l-kwistjonijiet problematiċi identifikati.

Għalhekk, l-għan globali ta’ din ir-reviżjoni huwa għalhekk li jissimplifika u jirrazzjonalizza l-qafas regolatorju eżistenti tal-UE dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara sabiex: i) ir-regoli tal-UE jinżammu allinjati mal-qafas internazzjonali; ii) tingħata ħajja ġdida lill-mekkaniżmu ċentralizzat għar-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi biex tiżdied l-effiċjenza u l-effikaċja tiegħu; u iii) tiżdied iċ-ċarezza ġuridika dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri.

1.2.Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta hija għalkollox konformi mal-għanijiet tal-Istrateġija tat-Trasport Marittimu 4 tal-2018 li sejħet għall-allinjament kontinwu tal-qafas Ewropew mal-Konvenzjoni STCW u l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-implimentazzjoni tal-qafas internazzjonali bejn l-UE u l-pajjiżi terzi. Barra minn hekk, minn mindu d-Direttiva 2005/45/KE introduċiet l-iskema għar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali skont id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 mhumiex applikabbli fir-rigward tar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tal-baħħara skont id-Direttiva 2008/106/KE.

1.3.Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Il-proposta tiżgura li l-leġiżlazzjoni eżistenti tkun sempliċi u ċara, ma toħloqx piż bla bżonn u żżomm il-pass mal-iżviluppi politiċi li qed jevolvu u l-iżviluppi tas-soċjetá fil-livell Ewropew u fil-livell internazzjonali. Il-proposta hija għalkollox konformi mal-White Paper tal-2011 għall-ġejjieni tat-trasport 6 billi tiżgura l-implimentazzjoni armonizzata tar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW fl-Unjoni u b’hekk jiġu salvagwardjati opportunitajiet indaqs bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

2.1.Bażi ġuridika

Minħabba li l-proposta temenda d-Direttiva 2008/106/KE attwali u tħassar id-Direttiva 2005/45/KE, il-bażi ġuridika tibqa’ l-Artikolu 100(2) tat-TFUE (ex Artikolu 80(2) TKE), li jipprevedi miżuri fil-qasam tat-trasport marittimu.

2.2.Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-rekwiżiti tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara tfasslet u ssawret prinċipalment fuq ir-rekwiżiti internazzjonali, jiġifieri, il-Konvenzjoni STCW. Peress li l-Konvenzjoni STCW diġà ġiet trasposta fid-dritt tal-Unjoni fl-intier tagħha u peress li l-Istati Membri kollha huma partijiet tal-Konvenzjoni, id-Direttiva teħtieġ li tiġi allinjata mal-emendi reċenti tal-qafas internazzjonali.

Meta tittieħed f’kunsiderazzjoni n-natura globali tat-tbaħħir, jenħtieġ li jiġi evitat kunflitt bejn l-impenji internazzjonali tal-Istati Membri u l-impenji tagħhom lejn l-Unjoni. F’dan ir-rigward, huwa fundamentali li tiġi implimentata fl-Unjoni kollha l-Konvenzjoni STCW b’mod armonizzat, b’tali mod li jinżammu kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn l-Istati Membri.

Barra minn hekk, fil-livell tal-Unjoni, il-mekkaniżmu ċentralizzat għar-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi jinkorpora l-obbligu tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni STCW li jevalwaw is-sistemi ta’ edukazzjoni, ta’ taħriġ u ta’ ċertifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċertifikati tal-baħħara tagħhom huma rikonoxxuti minnhom. L-evalwazzjoni wriet li l-mekkaniżmu ċentralizzat ikkontribwixxa biex ikun hemm kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn l-UE u pajjiżi terzi filwaqt li, b’mod parallel, irriżulta fi tnaqqis konsiderevoli fl-ispejjeż meta mqabbla ma’ sitwazzjoni fejn l-ispezzjonijiet jitwettqu fil-pajjiżi terzi minn kull Stat Membru individwalment.

Il-miżuri proposti se jiżguraw li l-qafas internazzjonali jiġi applikat mill-Istati Membri b’mod armonizzat filwaqt li ser tiġi ssalvagwardjata l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli skont il-mekkaniżmu ċentralizzat għar-rikonoxximent tal-pajjiżi terzi.

2.3.Proporzjonalità

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi ġuridiċi u l-emendi fil-Konvenzjoni STCW, il-proposta biex tallinja r-rekwiżiti eżistenti tal-Unjoni mar-rekwiżiti internazzjonali, iżżid l-effiċjenza tal-mekkaniżmu ċentralizzat għar-rikonoxximent tal-pajjiżi terzi u tiċċara d-definizzjoni taċ-ċertifikati tal-baħħara rikonoxxuti bejn l-Istati Membri, titqies bħala l-unika għażla proporzjonata u koerenti. Din tiżgura li l-livell attwali għoli ta’ sikurezza ma jiġix kompromess u tippermetti użu aħjar tar-riżorsi disponibbli.

2.4.Għażla tal-istrument

Direttiva titqies bħala l-aktar forma xierqa biex jinkisbu l-objettivi identifikati. Din tistabbilixxi prinċipji komuni u livell armonizzat ta’ sikurezza, tiżgura l-infurzar tar-regoli, imma tħalli l-għażla f’idejn kull Stat Membru li japplika l-proċeduri ġuridiċi u tekniċi. B’mod partikolari, il-miżuri proposti huma relatati mar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ għall-baħħara u qed jitqies li Direttiva tippermetti l-libertà meħtieġa lill-Istati Membri biex jintroduċu rekwiżiti ogħla fis-sistemi tat-taħriġ tagħhom, jekk iqisu li dan ikun xieraq.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

3.1.Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-Kummissjoni evalwat il-qafas regolatorju tal-UE dwar ir-rekwiżiti tal-livell minimu ta’ taħriġ u ċertifikazzjoni għall-baħħara u dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri 7 fil-kuntest tal-programm tagħha dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT). L-evalwazzjoni REFIT uriet li l-qafas tal-UE relatat mat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara kiseb il-biċċa l-kbira tal-objettivi ewlenin tiegħu u jibqa’ rilevanti. B’mod partikolari, il-qafas tal-UE kkontribwixxa għat-tneħħija ta’ ekwipaġġi ta’ standard baxx li jaħdmu abbord vapuri li jtajru bandiera tal-UE billi tejjeb l-edukazzjoni marittima, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni filwaqt li nkisbu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn il-baħħara mħarrġa fl-Unjoni u l-baħħara impjegati minn pajjiżi terzi permezz tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ċentralizzat tal-UE. Barra minn hekk, ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara skont id-Direttiva 2005/45/KE rawwem il-mobbiltà tal-baħħara fost il-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE.

L-evalwazzjoni REFIT uriet ukoll xi nuqqasijiet fl-effiċjenza tagħha u fil-proporzjonalità ta’ wħud mir-rekwiżiti regolatorji li jikkonċernaw:

(a)Il-qafas amministrattiv rigward ir-rikonoxximent u l-proċedura tar-rivalutazzjoni ta’ pajjiżi terzi huwa nieqes mill-effikaċja u mill-effiċjenza:

·Il-perjodu ta’ żmien stabbilit fil-leġiżlazzjoni għar-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi ġodda, mhux realistiku peress li ma jikkunsidrax b’mod suffiċjenti l-passi proċedurali kollha meħtieġa.

·Ir-riżorsi finanzjarji u umani disponibbli involuti fil-proċess ta’ rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi ma jintużawx b’mod effiċjenti. Il-proċedura bħalissa ma tikkunsidrax l-għadd ta’ kaptani u uffiċjali li x’aktarx jiġu impjegati minn pajjiżi terzi.

·Il-proċedura ta’ rivalutazzjoni għall-pajjiżi terzi ma ssirx b’mod proporzjonat. Il-perjodu ta’ żmien għar-rivalutazzjoni ma jikkunsidrax ir-rata ta’ konformità ta’ pajjiż mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW u l-għadd ta’ approvazzjonijiet maħruġa mill-Istati Membri.

(b)Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema għar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri għandu nuqqas ta’ ċarezza u ċertezza tad-dritt.

(c)Id-Direttiva 2008/106/KE teħtieġ li tiġi allinjata f’intervalli regolari mal-aħħar emendi tal-Konvenzjoni STCW. F’dan ir-rigward, il-proċedura attwali għall-inkorporazzjoni tal-emendi tal-Konvenzjoni STCW tikkawża dewmien konsiderevoli u toħloq ir-riskju li d-dritt tal-Unjoni jkun inkonsistenti mal-qafas internazzjonali għal perjodu sinifikanti ta’ żmien.

3.2.Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba n-natura teknika tal-proposta prevista, twettqet konsultazzjoni mmirata. Ġew ikkonsultati esperti nazzjonali tal-STCW, assoċjazzjonijiet tas-sidien tal-vapuri u trejdjunjins tal-baħħara permezz ta’ stħarriġ online għal perjodu ta’ 4 ġimgħat. Ġie organizzat workshop fejn l-Istati Membri kif ukoll l-assoċjazzjonijiet Ewropej tas-sidien tal-vapuri u l-baħħara pparteċipaw u qasmu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-miżuri previsti. Is-sommarju tal-konsultazzjoni kif ukoll ir-rispons dettaljat għall-kummenti li saru matul il-proċess ta’ konsultazzjoni qed jingħata fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja l-proposta. Il-miżuri previsti ġew appoġġati mill-maġġoranza l-kbira tal-esperti nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati li ħadu sehem. Huma biss il-partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw is-sidien tal-vapuri li esprimew xi tħassib dwar it-tiġdid tal-mekkaniżmu ċentralizzat bl-introduzzjoni ta’ diskussjoni bejn l-Istati Membri dwar il-ħtieġa li jirrikonoxxu pajjiżi terzi ġodda. Madankollu, it-tħassib tagħhom iddaħħal fil-miżuri finali sabiex jintlaħaq bilanċ bejn kwalunkwe miżuri ta’ effiċjenza mal-ħtieġa li tinżamm il-kompetittività tal-flotta Ewropea billi tħalla f’idejn lill-Istat Membru li qed jagħmel it-talba li jirrikonoxxi l-pajjiż terz unilateralment sakemm tittieħed deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent tiegħu.

3.3.Ġbir u użu tal-għarfien espert

Din il-proposta tibni prinċipalment fuq id-data miġbura matul l-evalwazzjoni REFIT kif irrapportat fid-Dokument rilevanti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni 8 .

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-preparazzjoni ta’ din il-proposta ġie organizzat workshop ma’ esperti nazzjonali u partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, inġabar internament għarfien espert tekniku, f’kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima.

Ir-riżultati tal-workshop u d-diskussjonijiet mal-esperti nazzjonali u l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti oħra ġew irrappurtati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja l-proposta.

3.4.Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta hija segwitu immedjat tal-evalwazzjoni REFIT li identifikat il-kwistjonijiet dwar il-ħtieġa ta’ allinjament mal-qafas internazzjonali, dwar iż-żieda fl-effiċjenza rigward il-mekkaniżmu ċentralizzat għar-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi u dwar il-bżonn ta’ ċarezza ġuridika dwar ir-rikonoxximent taċ-ċertifikati tal-baħħara. Il-miżuri previsti mhumiex mistennija li jkollhom impatti sinifikanti (jiġifieri, lil hinn miċ-ċarezza, iċ-ċertezza jew is-sempliċità ġuridika) u ma hemm l-ebda soluzzjonijiet materjalment differenti disponibbli. F’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar, ma twettqitx valutazzjoni kompluta tal-impatt.

Madankollu, il-proposta hija akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jispjega r-raġunament tas-soluzzjonijiet proposti mill-perspettiva teknika u ġuridika u jiġbor fil-qosor il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati matul it-tħejjija ta’ din l-inizjattiva.

3.5.Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Peress li din hi reviżjoni ta’ biċċa leġiżlazzjoni eżistenti li taqa’ taħt il-Programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni, REFIT, il-Kummissjoni xtarret l-opportunitajiet biex tissimplifika u tnaqqas il-piżijiet.

L-analiżi turi li simplifikazzjoni sinifikanti hija possibbli bit-tħassir tad-Direttiva 2005/45/KE, u l-allinjament tad-Direttiva 2008/106/KE mal-qafas internazzjonali.

L-element prinċipali relatat maż-żieda fl-effiċjenza huwa t-tiġdid tal-mekkaniżmu ċentralizzat għar-rikonoxximent tas-sistemi ta’ edukazzjoni marittima u tas-sistemi ta’ ċertifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi. Bl-introduzzjoni tad-diskussjoni fost l-Istati Membri dwar il-ħtieġa li jirrikonoxxu pajjiż terz ġdid, il-proċess sħiħ ser isir aktar trasparenti fir-rigward tal-ħtieġa li jipproċedu għal tali rikonoxximent. Dan iwassal għal użu aktar raġonevoli u effiċjenti tar-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli billi ser issir konsiderazzjoni profonda b’rabta mal-ispiża li trid takkumula mir-rikonoxximent meta mqabbla mal-vantaġġ kompetittiv għall-flotta tal-UE bl-impjegar ta’ baħħara mill-pajjiż terz rilevanti.

Barra minn hekk, l-estensjoni tal-perjodu tar-rivalutazzjoni għall-pajjiżi terzi diġà rikonoxxuti abbażi tal-kriterji definiti ta’ prijorità se tillibera riżorsi li bħalissa qed jintużaw b’mod ineffiċjenti. B’mod partikolari, ir-riżorsi disponibbli ser jiġu ridiretti minn pajjiżi li jipprovdu għadd baxx ta’ baħħara lill-flotta tal-UE u huma ta’ theddida żgħira għas-sikurezza għal pajjiżi li għandhom jiġu rivalutati aktar ta’ spiss peress li jipprovdu l-ogħla proporzjon ta’ baħħara ċċertifikati barra mill-Unjoni.

F’dan il-kuntest, l-irtirar tar-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi, li għal mill-anqas ħames snin ma pprovdew l-ebda kaptan jew uffiċċjal tal-flotta tal-UE, se jillibera r-riżorsi meħtieġa għar-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi ġodda b’aktar potenzjal li jipprovdu l-ħaddiema abbord il-bastimenti Ewropej. Minħabba n-nuqqas ta’ data disponibbli u n-natura ġuridika tal-bidliet, l-elementi ta’ simplifikazzjoni ma ġewx ikkwantifikati.

3.6.Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRAJN

5.1.Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Il-proposta attwali għandha kamp ta’ applikazzjoni tekniku ħafna fir-rigward tal-miżuri meħtieġa li jridu jiġu trasposti mill-Istati Membri filwaqt li qiegħda temenda biss għadd limitat ħafna ta’ obbligi ġuridiċi eżistenti. Għalhekk, ma hemmx bżonn ta’ pjan ta’ implimentazzjoni, fid-dawl tal-azzjonijiet limitati meħtieġa mill-Istati Membri biex jimplimentaw il-miżuri proposti.

5.2.Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Ma hemmx bżonn ta’ dokumenti ta’ spjegazzjoni peress li l-miżuri proposti li jridu jiġu trasposti mill-Istati Membri mhumiex ta’ natura sostanzjali.

5.3.Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Definizzjonijiet u kamp ta' applikazzjoni

L-Artikolu 1 jiġi emendat biex jipprevedi definizzjonijiet ġodda relatati mar-Regolament V/3 u r-Regolament V/4 ġodda li se jiddaħħlu fl-Anness tad-Direttiva 2008/106/KE. Barra minn hekk, definizzjoni ġdida fir-rigward tal-“Istat Membru ospitanti” tqieset meħtieġa wara l-introduzzjoni tal-Artikolu 5b l-ġdid u kif ukoll sabiex tiġi ċċarata l-applikazzjoni tal-Artikolu 8 attwali.

L-Artikolu 2 jiġi emendat ukoll sabiex jinkorpora l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/45/KE mħassra.

Rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri

Jiżdied l-Artikolu 5b il-ġdid sabiex tiġi inkorporata l-iskema għar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri. L-Artikolu 5b jirrifletti l-aktar l-Artikolu 3 imħassar tad-Direttiva 2005/45/KE, li jiċċara liema ċertifikati għandhom jiġu rikonoxxuti reċiprokament għall-fini biex baħħara ċċertifikati minn Stat Membru ieħor jitħallew jaħdmu fuq bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru ieħor.

Allinjament tal-qafas internazzjonali

L-Artikolu 12 u l-Anness I jinkorporaw l-emendi l-ġodda tal-Konvenzjoni STCW fir-rigward tar-rekwiżiti l-ġodda ta’ taħriġ u kwalifiki għall-baħħara li jaħdmu fuq vapuri tal-passiġġieri u vapuri li jaqgħu taħt il-Kodiċi tal-IGF u l-Kodiċi Polari.

Rikonoxximent taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa minn pajjiżi terzi

L-Artikolu 19 jiġi emendat sabiex jipprevedi deċiżjoni ta’ implimentazzjoni dwar il-ħtieġa li tinbeda l-proċedura għar-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi ġodda. Dan il-pass proċedurali ġdid se jippermetti lill-Istat Membru li qed jagħmel it-talba li jippreżenta r-raġunijiet għat-tressiq ta’ talba ta’ rikonoxximent filwaqt li l-Istati Membri se jkollhom l-opportunità li jiddiskutu u jiddeċiedu dwar it-talba rilevanti.

Barra minn hekk, l-iskadenza għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent tal-pajjiż terz tiġi estiża minn 18-il xahar għal 24 xahar u f’każ li l-pajjiż terz għandu bżonn jimplimenta azzjonijiet korrettivi kbar, inklużi emendi fil-leġiżlazzjoni tiegħu, l-iskadenza rilevanti tiġi estiża aktar, għal 36 xahar. L-estensjoni tal-iskadenzi mhix mistennija li jkollha impatti negattivi minħabba li l-Istat Membru li qed jagħmel it-talba huwa permess li jirrikonoxxi l-pajjiż terz b’mod unilaterali sakemm tittieħed id-deċiżjoni finali dwar ir-rikonoxximent tal-pajjiż terz.

Jiżdied paragrafu ġdid fl-Artikolu 20a li jintroduċi raġuni distintiva biex jiġi rtirat ir-rikonoxximent ta’ pajjiż terz abbażi li ma pprovda l-ebda baħħara lill-flotta tal-UE għal mill-inqas 5 snin.

Rivalutazzjoni ta’ pajjiżi terzi

L-Artikolu 21 jiġi emendat sabiex jestendi l-intervall ta’ rivalutazzjoni sa 10 snin abbażi tal-kriterji ta’ prijorità. Pajjiżi terzi li jipprovdu għadd limitat ta’ baħħara abbord il-flotta tal-UE u li jippreżentaw riskju minuri f’termini ta’ sikurezza jenħtieġ li jiġu rivalutati fuq intervalli itwal meta mqabbla mal-pajjiżi terzi ewlenin li jipprovdu l-ħaddiema.

Informazzjoni dwar approvazzjonijiet li jaffermaw ir-rikonoxximent taċ-ċertifikati maħruġa minn pajjiżi terzi

L-Artikolu 25a jiġi emendat sabiex isir possibbli li tintuża l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar l-għadd ta’ approvazzjonijiet li jaffermaw ir-rikonoxximent ta’ ċertifikati maħruġa minn pajjiżi terzi għall-fini tal-irtirar tat-tneħħija tar-rikonoxximent u l-prijoritizzazzjoni tar-rivalutazzjoni tal-pajjiżi terzi. Bl-istess mod, jiġi sostitwit l-Artikolu 5a sabiex jiġi allinjat mal-Artikolu 25a l-ġdid.

Proċedura ta’ emenda u proċedura ta’ kumitat

L-Artikolu 27 jiġi emendat sabiex il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li temenda, permezz ta’ atti delegati, id-dispożizzjonijiet meħtieġa tad-Direttiva 2008/106/KE, sabiex tista’ tiġi allinjata ma’ emendi futuri tal-Konvenzjoni STCW.

L-Artikolu 27a jiġi ssotitwit sabiex jinġieb f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 9 .

2018/0162 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2008/106/KE dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara u li tħassar id-Direttiva 2005/45/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 10 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 11 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Sabiex jinżamm livell għoli ta’ sikurezza marittima u l-prevenzjoni tat-tniġġis fil-baħar, huwa essenzjali li jittejjeb il-livell tal-għarfien u tal-ħiliet tal-baħħara tal-Unjoni bl-iżvilupp tat-taħriġ marittimu u taċ-ċertifikazzjoni f’konformità mar-regoli internazzjonali.

(2)It-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara huma regolati fuq il-livell internazzjonali mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali tal-1978 (“il-Konvenzjoni STCW”) li ġiet riveduta fl-2010. Fl-2015 ġew adottati aktar emendi fil-Konvenzjoni STCW dwar ir-rekwiżiti ta’ taħriġ u ta’ kwalifika għall-baħħara li jaħdmu fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi Internazzjonali ta’ sikurezza għall-vapuri li jużaw gassijiet jew karburanti b'punt ta' fjammabilità baxx (IGF). Barra minn hekk, fl-2016, ġew adottati emendi fil-Konvenzjoni STCW fir-rigward tat-taħriġ u tal-kwalifika tal-baħħara li jaħdmu fuq vapuri tal-passiġġieri u fuq vapuri li joperaw f’ilmijiet polari.

(3)Id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 tinkorpora l-Konvenzjoni STCW fil-liġi tal-Unjoni. L-Istati Membri kollha huma firmatarji tal-Konvenzjoni STCW u għalhekk trid tinkiseb implimentazzjoni armonizzata tal-impenji internazzjonali tagħhom permezz tal-allinjament mal-Konvenzjoni STCW tar-regoli tal-Unjoni dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara. Għalhekk, diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/106/KE jenħtieġ li jiġu emendati biex jirriflettu l-aħħar emendi fil-Konvenzjoni STCW dwar it-taħriġ u l-kwalifika tal-baħħara li jaħdmu fuq il-vapuri li jaqgħu taħt il-Kodiċi tal-IGF, fuq vapuri tal-passiġġieri u fuq vapuri li joperaw f’ilmijiet polari.

(4)Sabiex jitqiesu l-iżviluppi fil-livell internazzjonali u biex jiġi żgurat l-adattament f’waqtu tar-regoli tal-Unjoni għal dawn l-iżviluppi, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-inkorporazzjoni tal-emendi tal-Konvenzjoni STCW bl-aġġornament tar-rekwiżiti tekniċi dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara. B’mod partikolari hu importanti li waqt il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawn il-konsultazzjonijiet isiru b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 13 . B’mod partikulari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ndaqs fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iridu jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom irid ikollhom aċċess b’mod sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(5)Id-Direttiva 2008/106/KE fiha wkoll mekkaniżmu ċentralizzat għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa minn pajjiżi terzi. Il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) 14 wera li nkiseb iffrankar sinifikanti tal-ispejjeż għall-Istati Membri mill-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ċentralizzat. Madankollu, l-evalwazzjoni wriet ukoll li, fir-rigward ta’ xi pajjiżi terzi rikonoxxuti, għadd limitat ħafna biss ta’ baħħara ġie impjegat fuq bastimenti tal-Unjoni wara. Għalhekk, sabiex jintużaw ir-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli b’mod aktar effiċjenti, il-proċedura għar-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi jenħtieġ li tkun ibbażata fuq analiżi tal-ħtieġa għal tali rikonoxximent, inkluża stima tal-għadd ta’ kaptani u uffiċjali li joriġinaw minn dak il-pajjiż li x’aktarx li jiġu impjegati fuq bastimenti tal-Unjoni.

(6)Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-proċedura ta’ rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi, l-evalwazzjoni REFIT żvelat li l-iskeda ta’ żmien attwali ta’ 18-il xahar ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kumplessità tal-proċess li jinkludi spezzjoni fuq il-post imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima. L-arranġamenti diplomatiċi meħtieġa biex tiġi ppjanata u titwettaq tali spezzjoni jeħtieġu aktar żmien. Barra minn hekk, il-perjodu ta’ 18-il xahar mhux biżżejjed meta l-pajjiż terz għandu jimplimenta azzjonijiet korrettivi u jagħmel tibdil legali fis-sistema tiegħu sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW. Għal dawn il-motivi, l-iskadenza għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi estiża minn 18-il xahar għal 24 xahar u, fejn pajjiż terz għandu jimplimenta azzjonijiet korrettivi konsiderevoli, inklużi emendi fid-dispożizzjonijiet ġuridiċi, l-iskadenza għandha tiġi estiża aktar għal 36 xahar. Barra minn hekk, il-possibbiltà għall-Istat Membru li qed jagħmel it-talba li jirrikonoxxi provviżorjament is-sistema ta’ standards ta’ taħriġ, ċertifikazzjoni u għassa għall-baħħara tal-pajjiż terz, jenħtieġ li tibqa’ sabiex tinżamm il-flessibbiltà tal-proċedura ta’ rikonoxximent.

(7)Sabiex tiżdied iktar l-effiċjenza tas-sistema ċentralizzata għar-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi, ir-rivalutazzjoni ta’ pajjiżi terzi li jipprovdu għadd baxx ta’ baħħara lill-flotta tal-Unjoni jenħtieġ li titwettaq f’intervalli itwal li jenħtieġ li jitwalu għal għaxar snin. Madankollu, dan il-perjodu itwal ta’ rivalutazzjoni tas-sistema ta’ dawn il-pajjiżi terzi jenħtieġ li jiġi kkombinat mal-kriterji ta’ prijorità li jieħdu kont tat-tħassib dwar is-sikurezza, filwaqt li tiġi bbilanċjata l-ħtieġa ta’ effiċjenza b’mekkaniżmu effikaċi ta’ salvagwardja f’każ ta’ deterjorazzjoni tal-kwalità tat-taħriġ tal-baħħara pprovdut fil-pajjiżi terzi rilevanti.

(8)Fil-livell tal-Unjoni, l-informazzjoni dwar il-baħħara impjegati minn pajjiżi terzi saret disponibbli bil-komunikazzjoni mill-Istati Membri tal-informazzjoni rilevanti miżmuma fir-reġistri nazzjonali tagħhom marbuta maċ-ċertifikati u l-approvazzjonijiet maħruġa. Din l-informazzjoni jenħtieġ li tintuża mhux biss għal finijiet ta’ statistika u t-tfassil tal-politika, iżda wkoll għall-fini ta’ titjib fl-effiċjenza tas-sistema ċentralizzata li tirrikonoxxi l-pajjiżi terzi. Abbażi tal-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri, il-pajjiżi terzi rikonoxxuti li ma pprovdewx baħħara lill-flotta tal-Unjoni għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin għandhom jiġu rtirati mil-lista ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti. Barra minn hekk, din l-informazzjoni għandha tintuża wkoll sabiex tagħti prijorità lir-rivalutazzjoni tal-pajjiżi terzi rikonoxxuti.

(9)Id-dispożizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali skont id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 mhumiex applikabbli fir-rigward tar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tal-baħħara skont id-Direttiva 2008/106/KE. Id-Direttiva 2005/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 16 irregolat ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri Madankollu, id-definizzjonijiet taċ-ċertifikati tal-baħħara msemmija fid-Direttiva 2005/45/KE ma għadhomx jgħoddu wara l-emendi tal-2010 tal-Konvenzjoni STCW. Għalhekk l-iskema ta’ rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri jenħtieġ li tiġi emendata sabiex tirrifletti emendi internazzjonali u d-definizzjonijiet il-ġodda taċ-ċertifikati tal-baħħara inklużi fid-Direttiva 2008/106/KE. Barra minn hekk, iċ-ċertifikati mediċi tal-baħħara maħruġa taħt l-awtorità tal-Istati Membri jenħtieġ li jiġu inklużi wkoll fl-iskema ta’ rikonoxximent reċiproku. Sabiex jitneħħew l-ambigwità u r-riskju ta’ inkonsistenzi bejn id-Direttiva 2005/45/KE u d-Direttiva 2008/106/KE, ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ċertifikati tal-baħħara jenħtieġ li jiġi regolat bid-Direttiva 2008/106/KE.

(10)Biex tiżdied iċ-ċarezza u l-konsistenza ġuridika, id-Direttiva 2005/45/KE jenħtieġ li titħassar u d-Direttiva 2008/106/KE jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi fid-Direttiva 2008/106/KE

Id-Direttiva 2008/106/KE hija emendata kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 1, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“43. “Stat Membru ospitanti” tfisser l-Istat Membru li fih il-baħħara jfittxu aċċettazzjoni jew rikonoxximent taċ-ċertifikati tagħhom;

44. “Il-Kodiċi tal-IGF” tfisser il-Kodiċi Internazzjonali tas-Sigurtà għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b'Punt ta' Fjammabilità Baxx, kif definit fir-Regolament II-1/2.29 ta’ SOLAS;

45. “Kodiċi Polari” tfisser il-Kodiċi Internazzjonali għall-Bastimenti li Joperaw f'Ilmijiet Polari, kif definit fir-Regolament XIV/1.1 ta’ SOLAS;

46. “Ilmijiet polari” tfisser l-ilmijiet Artiċi u/jew iż-żona tal-Antartiku, kif definit fir-Regolamenti XIV/1.2 sa XIV/1.4. ta’ SOLAS”

(2)L-Artikolu 2 jiġi emendat kif ġej:

(a) l-ewwel subparagrafu jiġi emendat kif ġej:

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-baħħara msemmija f'din id-Direttiva li jservu fuq vapuri tat-tbaħħir li jtajru bandiera ta' Stat Membru bl-eċċezzjoni ta':

(b) jiżdied il-paragrafu 2 li ġej:

2. L-Artikolu 5b għandu japplika għal baħħara li huma:

(a) ċittadini ta’ Stat Membru;

(b) persuni mhux ċittadini li huma detenturi ta' ċertifikat maħruġ minn Stat Membru.

(3)L-Artikolu 5a jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

“Għall-finijiet tal-paragrafu 8 tal-Artikolu 20, il-paragrafu 2 tal-Artikolu 21 u għall-użu mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fit-tfassil tal-politika, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, fuq bażi annwali, l-informazzjoni msemmija fl-Anness V ta’ din id-Direttiva dwar iċ-ċertifikati ta’ kompetenza u l-approvazzjonijiet li jaffermaw ir-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta’ kompetenza. Fuq bażi volontarja, jistgħu jipprovdu wkoll l-informazzjoni dwar iċ-ċertifikati ta’ profiċjenza maħruġa lil ratings skont il-Kapitoli II, III u VII tal-Anness tal-Konvenzjoni STCW.”

(4)Jiddaħħal l-Artikolu 5b li ġej:

“Artikolu 5b

Ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri

1. Kull Stat Membru għandu jaċċetta ċ-Ċertifikati ta’ Profiċjenza u l-Prova Dokumentata maħruġa minn Stat Membru ieħor, jew taħt l-awtorità tiegħu, bl-iskop li jkun possibbli li l-baħħara jservu abbord il-flotta tiegħu.

2. Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi ċ-Ċertifikati ta’ Kompetenza maħruġa minn Stat Membru ieħor jew ċ-Ċertifikati ta’ Profiċjenza maħruġa minn Stat Membru ieħor lill-kaptani u lill-uffiċjali skont ir-Regolamenti V/1-1 u V/1-2 tal-Anness I, billi japprova dak iċ-ċertifikat biex jafferma r-rikonoxximent tiegħu. L-approvazzjoni li tafferma r-rikonoxximent, għandha tkun limitata għall-kapaċitajiet, il-funzjonijiet u l-livelli ta’ kompetenza jew profiċjenza preskritti fihom. Il-forma tal-approvazzjoni użata għandha tkun dik stabbilita fil-paragrafu 3 tat-Taqsima A-I/2 tal-Kodiċi STCW.

3. Kull Stat Membru għandu jaċċetta ċertifikati mediċi maħruġa taħt l-awtorità ta’ Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 11 biex ikun possibbli għall-baħħara jservu abbord il-flotta tiegħu.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-baħħara jkollhom id-dritt għal appell kontra kull ċaħda ta' approvazzjoni ta' ċertifikat validu, jew kontra nuqqas ta' kwalunkwe risposta, skont il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri nazzjonali.

5. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ospitanti jistgħu jimponu iktar limitazzjonijiet fuq il-kapaċitajiet, il-funzjonijiet u l-livelli ta' kompetenza jew profiċjenza marbuta ma' vjaġġi qrib ix-xatt, kif imsemmi fl-Artikolu 7, jew fuq ċertifikati alternattivi maħruġa skont ir-Regolament VII/1 tal-Anness I.

6. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, Stat Membru jista’, fejn ikun hemm bżonn, jippermetti li baħħar iservi f’kapaċità għajr dik ta’ uffiċjal tar-radju jew operatur tar-radju, ħlief kif previst bir-Regolamenti tar-Radju, għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur abbord vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu, filwaqt li jkollu fil-pussess tiegħu ċertifikat xieraq u validu maħruġ u approvat minn Stat Membru ieħor, iżda li jkun għadu mhux approvat għar-rikonoxximent mill-Istat Membru konċernat.

Prova dokumentata li applikazzjoni għall-approvazzjoni tressqet lill-awtoritajiet kompetenti għandha tinżamm disponibbli fuq il-vapur.

7. Stat Membru ospitanti għandu jiżgura li baħħara li jippreżentaw għar-rikonoxximent ċertifikati għal funzjonijiet fil-livell maniġerjali jkollhom għarfien xieraq tal-leġiżlazzjoni marittima ta' dak l-Istat Membru li tkun rilevanti għall-funzjonijiet li huma jkunu permessi li jwettqu.”

(5)L-Artikolu 12 jiġi emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1. Kull kaptan, uffiċjal u operatur tar-radju fil-pussess ta' ċertifikat maħruġ jew rikonoxxut taħt kwalunkwe kapitolu tal-Anness I għajr ir-Regolament V/3 tal-Kapitolu V jew il-Kapitolu VI, li jkun qiegħed iservi fuq il-baħar jew jixtieq li jerġa' lura fuq il-baħar wara perjodu fuq l-art għandu, sabiex ikompli jikkwalifika għas-servizz fuq il-baħar, ikun meħtieġ f'intervalli ta' mhux aktar minn ħames snin li:

(a) jissodisfa l-istandards ta’ saħħa medika preskritti bl-Artikolu 11; kif ukoll

(b) jistabbilixxi kompetenza professjonali kontinwa skont it-Taqsima A-I/11 tal-Kodiċi STCW.”

(b)jiddaħħal il-paragrafu 2b li ġej:

“2b Kull kaptan jew uffiċjal għandu, biex ikompli jagħti servizz tat-tbaħħir fuq il-vapuri li joperaw fl-ilmijiet polari, jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u jkun meħtieġ, f’intervalli li ma jaqbżux il-ħames snin, jistabbilixxi kompetenza professjonali kontinwa għall-vapuri li joperaw fl-ilmijiet polari skont il-paragrafu 4 tat-Taqsima A-I/11 tal-Kodiċi STCW.”

(c)il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3. Kull Stat Membru għandu jqabbel l-istandards ta’ kompetenza li huma meħtieġa mill-kandidati għaċ-ċertifikati ta’ kompetenza u/jew ċertifikati ta’ profiċjenza maħruġa sal-1 ta’ Jannar 2017 ma’ dawk speċifikati għaċ-ċertifikat ta’ kompetenza u/jew ċertifikat ta’ profiċjenza rilevanti fil-Parti A tal-Kodiċi STCW, u għandu jiddetermina l-ħtieġa li jirrikjedi lid-detenturi ta’ dawn iċ-ċertifikati ta’ kompetenza u/jew ċertifikati ta’ profiċjenza jagħmlu taħriġ jew valutazzjoni xierqa ta’ tiġdid u ta’ aġġornament.”

(d)jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3 a. Kull Stat Membru għandu jqabbel l-istandards ta’ kompetenza li kienu meħtieġ minn persuni li servew fuq vapuri mħaddma bil-gass qabel l-1 ta’ Jannar 2017 mal-istandards ta’ kompetenza fit-Taqsima A-V/3 tal-Kodiċi STCW u għandu jiddetermina l-bżonn, jekk ikun hemm, li jirrikjedi dawn il-membri tal-persunal li jaġġornaw il-kwalifiki tagħhom.”

(6)L-Artikolu 19 jiġi emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“2. Stat Membru li jkun biħsiebu jirrikonoxxi, b’approvazzjoni, iċ-ċertifikati ta’ kompetenza jew iċ-ċertifikati ta’ profiċjenza msemmija fil-paragrafu 1, maħruġa minn pajjiż terz lil kaptan, uffiċjal jew operatur tar-radju, għal servizz fuq vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu, għandu jippreżenta talba lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent ta’ dak il-pajjiż terz, akkumpanjata minn analiżi preliminari tal-konformità tal-pajjiż terz mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW billi jiġbor l-informazzjoni msemmija fl-Anness II, inkluża stima tan-numru ta’ kaptani u uffiċjali li x’aktarx jiġu impjegati minn dak il-pajjiż.

Wara s-sottomissjoni tat-talba minn Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni sabiex tinbeda l-proċedura ta’ rikonoxximent għal dak il-pajjiż terz. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 28(2).

Meta tiġi adottata deċiżjoni pożittiva biex tinbeda proċedura ta’ rikonoxximent, il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u bl-involviment possibbli tal-Istat Membru li qed iressaq it-talba, għandha tiġbor l-informazzjoni msemmija fl-Anness II u għandha twettaq valutazzjoni tas-sistemi ta’ taħriġ u ċertifikazzjoni fil-pajjiż terz li għalih tressqet it-talba għar-rikonoxximent, sabiex tivverifika jekk il-pajjiż ikkonċernat jissodisfax ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW u jekk ittieħdux l-miżuri xierqa biex jiġi evitat il-ħruġ ta’ ċertifikati frawdolenti.”

(b) il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3. Id-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ pajjiż terz għandha tittieħed mill-Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 28(2), fi żmien 24-il xahar mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni pożittiva skont il-paragrafu 2.

F’każ li l-pajjiż terz ikkonċernat jeħtieġ jimplimenta azzjonijiet korrettivi kbar, inklużi emendi fil-leġiżlazzjoni tiegħu, is-sistema tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taċ-ċertifikazzjoni tiegħu biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW, id-deċiżjoni tista’ tiġi adottata fi żmien 36 xahar mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni pożittiva msemmija fil-paragrafu 2.

L-Istat Membru li qed iressaq it-talba jista’ jiddeċiedi li jirrikonoxxi l-pajjiż terz b’mod unilaterali sa ma tittieħed deċiżjoni skont dan il-paragrafu. F’każ li tali rikonoxximent unilaterali jseħħ, l-Istati Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni n-numru ta’ approvazzjonijiet li jaffermaw ir-rikonoxximent maħruġa b’rabta maċ-ċertifikati ta’ kompetenza u ċ-ċertifikati ta’ profiċjenza msemmija fil-paragrafu 1, maħruġa mill-pajjiż terz sakemm id-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent tiegħu tiġi adottata.”

(7) Fl-Artikolu 20, jiżdied il-paragrafu 8 li ġej:

“8. Jekk ma jkun hemm l-ebda approvazzjoni li tafferma r-rikonoxximent maħruġ minn Stat Membru b’rabta maċ-ċertifikati ta’ kompetenza jew iċ-ċertifikati ta’ profiċjenza, imsemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 19, maħruġa minn pajjiż terz għal perjodu ta’ aktar minn 5 snin, ir-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta’ dak il-pajjiż għandu jiġi rtirat. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni, skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 28(2), wara li l-Istati Membri kif ukoll lill-pajjiż terz ikkonċernat jiġu notifikati mill-anqas xahrejn minn qabel.”

(8)L-Artikolu 21 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1. Il-pajjiżi terzi li ġew rikonoxxuti skont il-proċedura msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(3), inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 19(6), għandhom jiġu rivalutati mill-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, fuq bażi regolari u mill-inqas kull għaxar snin mill-aħħar valutazzjoni, biex jiġi vverifikat li jissoddisfaw il-kriterji rilevanti mniżżla fl-Anness II u jekk ittieħdux il-miżuri xierqa biex jipprevjenu l-ħruġ ta’ ċertifikati frawdolenti."

(b) il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2. Il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, għandha twettaq rivalutazzjoni tal-pajjiżi terzi abbażi tal-kriterji ta’ prijorità. Dawk il-kriterji għandhom jinkludu dan li ġej:

a) data tal-prestazzjoni mill-kontroll mill-Istat tal-port skont l-Artikolu 23;

b) in-numru ta’ approvazzjonijiet li jaffermaw ir-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta’ kompetenza jew taċ-ċertifikati ta’ profiċjenza maħruġa skont ir-Regolamenti V/1-1 u V/1-2 tal-Konvenzjoni STCW, maħruġa mill-pajjiż terz;

c) in-numru ta’ istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Marittima u t-Taħriġ akkreditati mill-pajjiż terz;

d) in-numru ta’ programmi approvati mill-pajjiż terz;

e) id-data tal-aħħar valutazzjoni u n-numru ta’ nuqqasijiet f’proċessi kritiċi identifikati matul l-aħħar valutazzjoni tal-Kummissjoni;

f) kwalunkwe bidla sinifikanti fit-taħriġ marittimu u fis-sistema ta’ ċertifikazzjoni ta’ pajjiż terz.

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ pajjiż terz mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW skont l-Artikolu 20, il-valutazzjoni mill-ġdid tal-pajjiż rilevanti għandu jkollha prijorità fir-rigward ta’ pajjiżi terzi oħra.”

(9)Fl-Artikolu 25a, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fl-Anness V lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-paragrafu 8 tal-Artikolu 20, tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 21 u għall-użu mill-Istati Membri u l-Kummissjoni għat-tfassil tal-politika.”

(10)L-Artikolu 27 jiġi emendat kif ġej:

(a) l-ewwel paragrafu huwa emendat kif ġej:

1. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 27a, li jemendaw l-Anness V ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ kontenut u dettalji speċifiċi u rilevanti tal-informazzjoni li teħtieġ tiġi rrappurtata mill-Istati Membri kemm-il darba tali atti jkunu limitati li jqisu l-emendi fil-Konvenzjoni u l-Kodiċi STCW u jirrispettaw is-salvagwardji fuq il-protezzjoni tad-data. Atti delegati bħal dawn ma għandhomx ibiddlu d-dispożizzjonijiet tal-anonimizzazzjoni tad-data kif meħtieġa mill-Artikolu 25a (3).”.

(b) jiżdied il-paragrafu 2 li ġej:

“2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 27a, biex temenda l-Anness I ta’ din id-Direttiva u kwalunkwe dispożizzjonijiet oħra meħtieġa sabiex tkun konformi mal-emendi l-ġodda tal-Konvenzjoni STCW u l-Kodiċi STCW.”

(11)L-Artikolu 27a jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 27a

Eżerċizzju tad-delega

1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa biex jiġu adottati l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 27 għandha tiġi mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat minn [date of entry into force].

3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 27 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4. Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 27 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”

(12)L-Anness II jiġi emendat f'konformità mal-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Tħassir

Id-Direttiva 2005/45/KE titħassar.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa [12 months after the entry into force]. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-25 ta' Jannar 1993 dwar is-sikurezza marittima u l-prevenzjoni tat-tniġġis, il-Kunsill innota l-importanza tal-element uman fit-tħaddim bla periklu tal-vapuri. Barra minn hekk, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-8 ta’ Ġunju 1993 għal Politika Komuni dwar Ibħra Sikuri, il-Kunsill stabbilixxa l-għan li jitneħħew l-ekwipaġġi ta’ standard baxx u ta prijorità lill-azzjoni mmirata biex ittejjeb it-taħriġ u l-edukazzjoni billi jiġu żviluppati standards komuni għal livelli minimi ta’ taħriġ tal-persunal prinċipali.
(2)    Id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara (ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33). Id-Direttiva, kif emendata l-aħħar permezz tad-Direttiva 2012/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L343, 14.12.2012, p. 78).
(3)    Id-Direttiva 2005/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 160).
(4)    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018 (COM/2009/8)
(5)    Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).
(6)    Il-White Paper “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti”, (COM(2011) 144).
(7)    SWD(2018)19.
(8)    SWD(2018)19.
(9)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 10
(10)    ĠU C , , p. .
(11)    ĠU C , , p. .
(12)    ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33. .
(13)    Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 10).
(14)    SWD(2018)19.
(15)    Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).
(16)    Id-Direttiva 2005/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri u li temenda d-Direttiva 2001/25/KE (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 160).

Brussell,24.5.2018

COM(2018) 315 final

ANNESS

tal-Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2008/106/KE dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara u li tħassar id-Direttiva 2005/45/KE

{SWD(2018) 239 final}


ANNESS

REKWIŻITI ĠODDA TA’ TAĦRIĠ

(Kif imsemmija fl-Artikolu 1)

L-Anness I tad-Direttiva 2008/106/KE jiġi emendat kif ġej:

(1) Ir-Regolament V/2 tal-Kapitolu V tal-Anness I jiġi sostitwit b’dan li ġej:

Regolament V/2

Rekwiżiti minimi obbligatorji għat-taħriġ u l-kwalifiki ta’ kaptani, uffiċjali, ratings u persunal ieħor fuq vapuri tal-passiġġieri

1. Dan ir-Regolament japplika għal kaptani, uffiċjali, ratings u persunal ieħor li jservu fuq vapuri tal-passiġġieri impenjati fi vjaġġi internazzjonali. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-applikabilità ta’ dawn ir-rekwiżiti għall-persunal li jservi fuq vapuri tal-passiġġieri impenjat fi vjaġġi domestiċi.

2. Qabel ma jiġu assenjati d-dmirijiet fuq il-vapur, il-persuni kollha li jservu fuq il-vapur tal-passiġġieri għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li hemm fil-paragrafu 1 tat-taqsima A-VI/1 tal-Kodiċi STCW.

3. Kaptani, uffiċjali, ratings u persunal ieħor li jservu fuq vapuri tal-passiġġieri għandhom ilestu taħriġ u familjarizzazzjoni meħtieġa mill-paragrafi 5 sa 9 hawn taħt, skont il-kapaċità, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom.

4. Kaptani, uffiċjali, ratings u persunal ieħor li jeħtiġilhom ikunu mħarrġin skont il-paragrafi 7 sa 9 hawn taħt għandhom, f'intervalli ta’ mhux aktar minn ħames snin, jagħmlu taħriġ ta' aġġornament xieraq jew jiġu rikjesti li jipprovdu evidenza li laħqu l-istandard ta' kompetenza meħtieġ matul il-ħames snin preċedenti.

5. Persunal li jservi servizz fuq vapuri tal-passiġġieri għandu jlesti familjarizzazzjoni xierqa mal-emerġenza tal-vapur tal-passiġġieri skont il-kapaċità, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tiegħu kif speċifikat fil-paragrafu 1 tat-Taqsima A-V/2 tal-Kodiċi STCW.

6. Persunal li jipprovdi servizz dirett lill-passiġġieri fi spazji tal-passiġġieri fuq vapuri tal-passiġġieri għandu jlesti taħriġ ta’ sikurezza speċifikat fil-paragrafu 2 tat-Taqsima A-V/2 tal-Kodiċi STCW.

7. Kaptani, uffiċjali, baħħara kkwalifikati skont il-Kapitoli II, III u VII u persunal ieħor innominat fuq il-lista tal-persunal biex jassistu passiġġieri f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fuq vapuri tal-passiġġieri għandhom ilestu taħriġ ta' maniġġ tal-folla fuq vapur tal-passiġġieri, kif speċifikat fil-paragrafu 3 tat-taqsima A-V/2 tal-Kodiċi STCW.

8. Kaptani, uffiċjali inġiniera prinċipali, chief mates, uffiċjali inġiniera tat-tieni grad u kwalunkwe persuna nnominata fuq listi tal-persunal bir-responsabbiltà għas-sikurezza tal-passiġġieri f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fuq vapuri tal-passiġġieri għandhom ilestu taħriġ approvat fil-maniġġ ta’ kriżijiet u l-imġiba tal-bnedmin kif speċifikat fil-paragrafu 4 tat-Taqsima A-V/2 tal-Kodiċi STCW.

9. Kaptani, chief mates, uffiċjali inġiniera prinċipali, uffiċjali inġiniera tat-tieni grad u kull persuna assenjati r-responsabbiltà immedjata għall-imbark u l-iżbark tal-passiġġieri, għat-tagħbija, il-ħatt jew l-irbit tal-merkanzija, jew għall-iżbokk tal-buq fuq vapuri tal-passiġġieri ro-ro għandhom ilestu taħriġ approvat fis-sikurezza tal-passiġġieri, fis-sikurezza tal-merkanzija u fl-integrità tal-buq kif speċifikat fil-paragrafu 5 tat-Taqsima A-V/2 tal-Kodiċi STCW.

10. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prova dokumentata tat-taħriġ li jkun tlesta tinħareġ lil kull persuna li tinsab li hija kkwalifikata skont il-paragrafi 6 sa 9 ta’ dan ir-regolament. “

(2)Fil-Kapitolu V tal-Anness I, jiddaħħal ir-Regolament V/3 li ġej:

Regolament V/3

Rekwiżiti minimi obbligatorji għat-taħriġ u l-kwalifika ta' kaptani, uffiċjali, ratings u persunal ieħor fuq vapuri tal-passiġġieri ro-ro

1. Dan ir-Regolament japplika għall-kaptani, l-uffiċjali u r-ratings u persunal ieħor li jservu fuq vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF.

2. Qabel ma jiġu assenjati dmirijiet fuq vapuri soġġetti għall-kodiċi tal-IGF, il-baħħara għandhom ikunu lestew it-taħriġ meħtieġ mill-paragrafi 4 sa 9 ta' hawn taħt skont il-kapaċità, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom.

3. Il-baħħara kollha li jservu fuq bastimenti soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF għandhom, qabel ma jiġu assenjati d-dmirijiet fuq il-vapur, jirċievu familjarizzazzjoni speċifika xierqa tal-vapur u tat-tagħmir kif inhu speċifikat fil-paragrafu 1(d) tal-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva.

4. Il-baħħara responsabbli minn dmirijiet assenjati ta’ sikurezza assoċjati mal-kura, l-użu jew l-prekawzjonijiet ta’ emerġenza tal-fjuwil fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF għandhom ikollhom ċertifikat ta’ taħriġ bażiku għas-servizz fuq il-vapuri soġġetti għal-Kodiċi tal-IGF.

5. Kull kandidat għal ċertifikat ta’ taħriġ bażiku għas-servizz fuq vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF għandu jkun lesta taħriġ bażiku skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 tat-Taqsima A-V/3 tal-Kodiċi STCW.

6. Il-baħħara responsabbli minn dmirijiet assenjati ta’ sikurezza assoċjati mal-kura, l-użu jew fir-rispons għal emerġenza tal-fjuwil fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF li ġew ikkwalifikati u ċċertifikati skont il-paragrafi 2 u 5 tar-Regolament V/1-2, jew il-paragrafi 4 u 5 tar-Regolament V/1-2, fuq tankers tal-gass likwifikat għandhom jitqiesu li ssodisfaw ir-rekwiżiti speċifikati fil-paragrafu 1 tat-Taqsima A-V/3 tal-Kodiċi STCW għal taħriġ bażiku għas-servizz fuq vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF.

7. Il-kaptani, l-uffiċjali u l-persunal kollu li għandhom responsabbiltà immedjata għall-kura u l-użu tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF għandhom ikollhom ċertifikat ta’ taħriġ avvanzat għas-servizz fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF.

8. Kull kandidat għal ċertifikat ta’ taħriġ avvanzat għas-servizz fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF għandu, filwaqt li jkollu Ċertifikat ta’ Profiċjenza deskritt fil-paragrafu 4, ikun:

8.1 lesta taħriġ avvanzat approvat għas-servizz fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF u jissodisfa l-istandard ta’ kompetenza speċifikat fil-paragrafu 2 tat-Taqsima A-V/13 tal-Kodiċi STCW; kif ukoll

8.2 lesta għall-inqas xahar ta’ servizz ta’ tbaħħir approvat li jinkludi minimu ta’ tliet operazzjonijiet ta’ bunkering fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF. Tnejn mit-tliet operazzjonijiet ta’ bunkering jistgħu jinbidlu b’taħriġ fuq simulatur fuq operazzjonijiet ta’ bunkering approvati bħala parti mit-taħriġ fil-paragrafu 8.1 hawn fuq.

9. Il-kaptani, l-uffiċjali inġiniera u kwalunkwe persuna li għandha responsabbiltà immedjata għall-kura u l-użu tal-fjuwils fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF li ġew ikkwalifikati u ċċertifikati skont l-istandards ta’ kompetenza speċifikati fil-paragrafu 2 tat-Taqsima A-V/1-2 tal-Kodiċi STCW għas-servizz fuq tankers tal-gass likwifikat għandhom jitqiesu li ssodisfaw ir-rekwiżiti speċifikati fil-paragrafu 2 tat-Taqsima A-V/3 tal-Kodiċi STCW għal taħriġ avvanzat għall-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF, bil-kondizzjoni li jkunu wkoll:

9.1 issodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 6; kif ukoll

9.2 issodisfaw ir-rekwiżiti ta’ bunkering tal-paragrafu 8.2 jew ipparteċipaw fit-twettiq ta’ tliet operazzjonijiet ta’ tagħbija abbord tanker tal-gass likwifikat; kif ukoll

9.3 lestew servizz ta’ tbaħħir ta’ tliet xhur fil-ħames snin ta’ qabel abbord:

9.3.1 vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF;

9.3.2 tankers li jġorru bħala merkanzija, fjuwils koperti mill-Kodiċi tal-IGF; jew

9.3.3 vapuri bl-użu ta’ gassijiet jew ta’ fjuwil ta’ punt baxx ta’ infjammabbiltà bħala fjuwil.

10. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinħareġ Ċertifikat ta’ Profiċjenza lill-baħħara li huma kkwalifikati skont il-paragrafi 4 jew 7, kif ikun xieraq.

11. Il-baħħara li jkollhom Ċertifikati ta’ Profiċjenza skont il-paragrafi 4 jew 7 hawn fuq għandhom, f'intervalli ta' mhux aktar minn ħames snin, jagħmlu taħriġ ta' aġġornament xieraq jew jiġu rikjesti li jipprovdu evidenza li laħqu l-istandard ta' kompetenza rekwiżit matul il-ħames snin preċedenti.”

(3) Fil-Kapitolu V tal-Anness I, jiddaħħal ir-Regolament V/4 li ġej:

Regolament V/4

Rekwiżiti minimi obbligatorji għat-taħriġ u l-kwalifiki ta’ kaptani u uffiċjali tal-gverta fuq vapuri li joperaw f’ilmijiet polari

1. Kaptani, chief mates, u uffiċjali inkarigati mill-għassa tan-navigazzjoni fuq vapuri li joperaw f’ilmijiet polari għandhom ikollhom ċertifikat ta’ taħriġ bażiku għall-vapuri li joperaw f’ilmijiet polari, kif meħtieġ mill-Kodiċi Polari.

2. Kull kandidat għal ċertifikat ta’ taħriġ bażiku għall-vapuri li joperaw f’ilmijiet polari għandu jkun lesta taħriġ bażiku approvat għall-vapuri li joperaw f’ilmijiet polari u jissodisfa l-istandard ta’ kompetenza speċifikat fil-paragrafu 1 tat-Taqsima A-V/4 tal-Kodiċi STCW.

3. Kaptani u chief mates fuq vapuri li joperaw f’ilmijiet polari, għandhom ikollhom ċertifikat ta’ taħriġ avvanzat għall-vapuri li joperaw f’ilmijiet polari, kif meħtieġ mill-Kodiċi Polari.

4. Kull kandidat għal ċertifikat ta’ taħriġ avvanzat għall-vapuri li joperaw f’ilmijiet polari għandu:

4.1 jissodisfa r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni ta’ taħriġ bażiku għall-vapuri f’ilmijiet polari;

4.2 jkollu tal-inqas xahrejn ta’ servizz ta’ tbaħħir approvat fid-dipartiment tal-gverta, fil-livell maniġerjali jew, waqt li jkun wettaq dmirijiet tal-għassa, fil-livell operazzjonali, f’ilmijiet polari jew servizz ieħor ekwivalenti ta’ tbaħħir approvat; kif ukoll

4.3 ikun lesta taħriġ avvanzat approvat għall-vapuri li joperaw fl-ilmijiet polari u jissodisfa l-istandard ta’ kompetenza speċifikat fil-paragrafu 2 tat-Taqsima A-V/4-2 tal-Kodiċi STCW.

5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinħareġ Ċertifikat ta’ Profiċjenza lill-baħħara li huma kkwalifikati skont il-paragrafi 2 jew 4, kif ikun xieraq.

6. Sal-1 ta’ Lulju 2020, il-baħħara li jkunu bdew servizz ta’ tbaħħir approvat f’ilmijiet polari qabel l-1 ta’ Lulju 2018 għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 2 billi:

6.1 ikunu lestew servizz ta’ tbaħħir approvat fuq vapur li jopera f’ilmijiet polari jew servizz ta’ tbaħħir ekwivalenti approvat, li wettqu dmirijiet fid-dipartiment tal-gverta fuq livell operazzjonali jew maniġerjali, għal perjodu ta’ mill-inqas tliet xhur b’kollox matul il-ħames snin preċedenti; jew

6.2 li jkunu lestew b’suċċess kors ta’ taħriġ organizzat skont il-gwida ta’ taħriġ stabbilita mill-Organizzazzjoni għal vapuri li joperaw f’ilmijiet polari.

7. Sal-1 ta’ Lulju 2020, il-baħħara li jkunu bdew servizz ta’ tbaħħir approvat f’ilmijiet polari qabel l-1 ta’ Lulju 2018 għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 4 billi:

7.1 ikunu lestew servizz ta’ tbaħħir approvat fuq vapur li jopera f’ilmijiet polari jew servizz ekwivalenti ta’ tbaħħir approvat, li wettqu dmirijiet fid-dipartiment tal-gverta fuq livell maniġerjali, għal perjodu ta’ mill-inqas tliet xhur b’kollox matul il-ħames snin preċedenti; jew

7.2 li jkunu lestew b’suċċess kors ta’ taħriġ li jissodisfa l-gwida ta’ taħriġ stabbilita mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għall-vapuri li joperaw f’ilmijiet polari u jkunu lestew servizz ta’ tbaħħir approvat fuq vapur li jopera f’ilmijiet polari jew servizz ekwivalenti ta’ tbaħħir approvat, li wettqu dmirijiet fid-dipartiment tal-gverta fuq livell maniġerjali, għal perjodu ta’ mill-inqas tliet xhur b’kollox matul il-ħames snin preċedenti.”