Brussell, 16.5.2018

COM(2018) 289 final

2018/0142(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 167/2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

It-terminu “vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija” jkopri firxa wiesgħa ta’ tipi differenti ta’ vetturi b’tal-anqas żewġ fusien, pereżempju t-tratturi ta’ karreġġata dejqa, it-tratturi b’wisa’ addizzjonali, it-tratturi biċ-ċineg, il-karrijiet u t-tagħmir irmunkat interkambjabbli, bħar-rombli, l-imħaret, il-magni taż-żrigħ, eċċ.

Ir-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip applikabbli għal vetturi agrikoli u forestali huma stabbiliti fid-Direttiva 2003/37/KE 1 u fid-Direttivi ta’ implimentazzjoni tagħha, li tħassru b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016 u ġew sostitwiti bir-Regolament (UE) Nru 167/2013 2 u l-erba’ atti delegati tiegħu u att wieħed ta’ implimentazzjoni .

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali fundamentali dwar is-sikurezza funzjonali, is-sikurezza okkupazzjonali u l-prestazzjoni ambjentali. Dan jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi dettaljati korrispondenti, il-proċeduri għall-ittestjar u l-valuri ta’ limitu, fejn applikabbli, f’erba’ atti delegati dwar (i) is-sikurezza okkupazzjonali (ir-rekwiżiti fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-vettura); (ii) is-sikurezza funzjonali; (iii) l-ibbrejkjar; u (iv) il-prestazzjoni ambjentali u tal-propulsjoni. Dawn l-erba’ atti delegati ġew ippubblikati fil-ĠU bejn Diċembru 2014 u Frar 2015.

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 qiegħed limitu fuq is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin, li se jiskadi fil-21 ta’ Marzu 2018. Peress li hemm ħtieġa kontinwa li jiġu aġġornati elementi ta’ dawn l-atti delegati għall-progress tekniku inkella li jiġu introdotti emendi oħra f’konformità mal-għoti tas-setgħat tal-Kummissjoni, l-abbozz ta’ proposta jemenda wkoll l-Artikolu 71(2) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013 sabiex dan jipprevedi l-għoti tas-setgħat għal ħames snin oħra bil-possibbiltà ta’ estensjoni taċita.

Barra minn hekk, ċerti termini u żbalji editorjali fir-Regolament (UE) Nru 167/2013 jenħtieġ li jiġu kkoreġuti u numru limitat ta’ punti jenħtieġ li jiġi aġġornat għall-progress tekniku wara l-ewwel perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ dawn l-atti.

Peress li r-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip fir-Regolament (UE) Nru 167/2013 diġà kienu applikabbli fuq bażi obbligatorja mill-1 ta’ Jannar 2016, dan l-att huwa propost għall-adozzjoni mill-aktar fis possibbli u, għall-kuntrarju ta’ ħafna atti tal-approvazzjoni tat-tip, ma jipprevedix data ta’ applikazzjoni separata.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika ta’ dan l-att hija l-istess bħal dik tal-att li għandu jiġi emendat, l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjetà

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 jistabbilixxi rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE bil-ħsieb li tinkiseb armonizzazzjoni totali tad-dispożizzjonijiet fil-livell tal-UE. Kwalunkwe korrezzjonijiet u emendi għar-Regolament (UE) Nru 167/2013 għalhekk jistgħu isiru biss mill-Unjoni. Dan mhux talli jipprevjeni l-frammentazzjoni tas-suq intern, iżda jiżgura wkoll standards ambjentali u tas-sikurezza ugwali madwar l-Unjoni. Joffri wkoll vantaġġi tal-ekonomiji ta’ skala: jistgħu jiġu mmanifatturati prodotti għas-suq Ewropew kollu, minflok isirulhom aġġustamenti biex jiksbu l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal kull Stat Membru.

Għaldaqstant, din il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013, li fih ir-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE huwa bbażat fuq il-kunċett ta’ armonizzazzjoni totali. Għalhekk, il-korrezzjonijiet u l-emendi li jridu jiġu inklużifir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 167/2013 abbażi tas-sejbiet matul l-ewwel perjodu ta’ implimentazzjoni jitqiesu bħala l-aktar adattati biex jintlaħaq l-għan spjegat fil-premessa 11 tar-Regolament (UE) Nru 167/2013, jiġifieri li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti tekniċi sabiex jinkiseb livell għoli ta’ sikurezza tal-vettura u ta’ prestazzjoni ambjentali.

Għażla tal-istrument

L-użu ta’ Regolament jitqies li huwa xieraq peress li jemenda r-Regolament eżistenti.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-Kummissjoni tixtieq taġġorna għall-progress tekniku tar-Regolament (UE) Nru 167/2013 billi taġġorna ċerti rekwiżiti u tikkoreġi ċerti żbalji editorjali wara li wasllilha r-rispons mill-partijiet ikkonċernati u mill-Istati Membri matul l-ewwel perjodu ta’ implimentazzjoni. B’mod aktar preċiż, dan l-att idaħħal kjarifiki għal żewġ definizzjonijiet ta’ kategoriji ta’ tratturi, u jikkoreġi ċerti termini importanti għall-applikazzjoni uniformi tar-Regolament mingħajr interpretazzjonijiet possibbli kif ukoll ir-referenzi għal att leġiżlattiv imħassar.

Dan l-att jestendi wkoll is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati għal ħames snin oħra u jistabbilixxi t-tiġdid taċitu tiegħu, sakemm il-Kunsill jew il-Parlament Ewropew ma joġġezzjonax espliċitament għal dan. Il-Kummissjoni diġà rċeviet talbiet mill-partijiet ikkonċernati u mill-Istati Membri biex jestendu din is-setgħa.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni informat lill-parteċipanti tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Tratturi Agrikoli (WGAT) fit-13 ta’ Ġunju 2017 dwar l-intenzjoni tagħha li tibgħat din il-proposta u spjegat fil-qosor il-kontenut u l-kuntest tagħha. Għalkemm ma kien hemm l-ebda possibbiltà għal rispons minħabba l-proċedura ta’ validazzjoni politika li kienet għaddejja fiż-żmien tad-WGAT, ma kien hemm ebda reazzjoni sa issa mill-partijiet ikkonċernati fl-industrija, mill-awtoritajiet ta’ approvazzjoni, mis-servizzi tekniċi jew mis-sħab soċjali. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-att mehmuż huma bbażati fuq talbiet korrispondenti li saru mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati. Għalhekk huwa mistenni li dawn ser jappoġġaw l-abbozz tad-dokument mehmuż fid-diskussjonijiet ippjanati dwaru fl-ewwel u fit-tieni kwart tal-2018, b’mod parallel mal-konsultazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni.

2018/0142 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 167/2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva ,

Billi:

(1)Id-deskrizzjonijiet tal-vetturi tal-kategorija T1 u T2 jeħtieġu kjarifika dwar il-pożizzjoni tal-eqreb fus lejn is-sewwieq għal tratturi b’pożizzjoni riversibbli ta’ sewqan u dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-għoli taċ-ċentru tal-gravità. Sabiex jiġi stabbilit l-għoli taċ-ċentru tal-gravità għal vetturi tal-kategorija T2 bi preċiżjoni u b’mod uniformi, jenħtieġ li ssir referenza għal standards applikabbli internazzjonalment li jiddeterminaw iċ-ċentru tal-gravità ta' trattur.

(2)Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 ta lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin, li se jiskadi fil-21 ta’ Marzu 2018. Peress li hemm ħtieġa kontinwa li jiġu aġġornati d-diversi elementi tal-proċess tal-approvazzjoni tat-tip kif stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 167/2013 u l-atti adottati skontu, b’mod partikolari sabiex jiġi adattat għall-progress tekniku jew biex jiġu introdotti korrezzjonijiet, il-perjodu għall-eżerċizzju tad-delega ta’ setgħa stabbilit f’dak ir-Regolament jenħtieġ li jiġi estiż bil-possibilità ta’ estensjonijiet taċiti ulterjuri.

(3)Il-premessa (28) u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , bi żball jirreferu għat-tħassir tad-Direttiva tal-Kunsill 74/347/KEE 4 minflok għat-tħassir tad-Direttiva 2008/2/KE 5 , li kkodifika d-Direttiva ta’ qabel. Għalhekk, huwa meħtieġ li dawk ir-referenzi fir-Regolament (UE) Nru 167/2013 jiġu kkoreġuti.

(4)Fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013, it-terminu “makkinarju interkambjabbli” jenħtieġ li jiġi sostitwit bit-terminu “tagħmir irmunkat interkambjabbli” sabiex jiġi żgurat l-użu konsistenti u korrett tat-terminoloġija f’dak ir-Regolament.

(5) Fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013, l-importaturi bi żball intalbu li jżommu kopja taċ-ċertifikat ta’ konformità minflok dik taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip fir-rigward tal-prodotti li ma jkunux konformi ma’ dan ir-Regolament jew li jippreżentaw riskju serju. Għalhekk, l-Artikolu 12(3) jenħtieġ li jiġi kkoreġut sabiex jirreferi għad-dokument xieraq.

(6)L-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013 bi żball jirrikjedi li ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE jkun fih, fil-forma ta’ dokument mehmuż, ir-riżultati tat-test minflok l-iskeda tar-riżultati tat-testijiet. Għalhekk, l-Artikolu 25(1) jenħtieġ li jiġi kkoreġut biex jirreferi għad-dokument mehmuż xieraq.

(7)Peress li dan ir-Regolament jimmodifika r-Regolament (UE) Nru 167/2013, mingħajr ma jespandi l-kontenut regolatorju u peress li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

(8)Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 jenħtieġ li jiġi emendat u kkoreġut skont dan.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi fir-Regolament (UE) Nru 167/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-punt (2), tiżdied is-sentenza li ġejja:

“għal tratturi b’pożizzjoni riversibbli tas-sewwieq (is-sit riversibbli u r-rota tal-istering riversibbli), l-eqreb fus lejn is-sewwieq huwa dak li jkun mgħammar b’tajers bl-akbar dijametru;”;

(b) fil-punt (3), il-kliem “mkejjel b’relazzjoni mal-art” hu sostitwit bil-kliem “iddeterminat skont l-istandard ISO 789-6:1982 u mkejjel b’relazzjoni mal-art”;

(2)fl-Artikolu 71, il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 17(5), l-Artikolu 18(4), l-Artikolu 19(6), l-Artikolu 20(8), l-Artikolu 27(6), l-Artikolu 28(6), l-Artikolu 45(4), l-Artikolu 49(3), l-Artikolu 53(12), l-Artikolu 61 u l-Artikolu 70 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ għaxar snin mit-22 ta’ Marzu 2013. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ulterjuri ta' ħames snin, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard mit-22 ta’ Ġunju 2022 u disa’ xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu ta’ ħames snin sussegwenti.”

Artikolu 2

Korrezzjoni tar-Regolament (UE) Nru 167/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 huwa kkoreġut kif ġej:

(1)    il-premessa 28 hija kkoreġuta kif ġej:

(a) jitħassar it-tieni inċiż;

(b) l-inċiż li ġej jiddaħħal wara l-inċiż li għandu x’jaqsam mad-Direttiva 2000/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill:

“ —Id-Direttiva 2008/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar il-firxa tal-viżjoni u l-wipers tal-windscreen għal tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija(*),

___________________________________________________________________

(*) ĠU L 24, 29.1.2008, p. 30.’;

(2)    fl-Artikolu 2(2), il-kelma “makkinarju” hija sostitwita bil-kliem “tagħmir irmunkat”;

(3)    fl-Artikolu 12(3), il-kliem “ċertifikat ta’ konformità” hu sostitwit bil-kliem “ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip”;

(4)    fl-Artikolu 25(1), il-punt (b) hu sostitwit b’dan li ġej:

“(b) l-iskeda tar-riżultati tat-testijiet;”;

(5)    L-Artikolu 76(1) huwa kkoreġut kif ġej:

(a) jitħassar il-kliem “74/347/KEE,”;

(b) il-kliem “2008/2/KE,” jiddaħħal wara l-kliem “2000/25/KE”.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2003/37/KE tas-26 ta' Mejju 2003 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti, il-karrijiet tagħhom u makkinarju rmunkat interkambjabbli, flimkien mas-sistemi tagħhom, komponenti u unitajiet tekniċi separati u r-revoka tad-Direttiva 74/150/KEE (ĠU L 171, 9.7.2003, p. 1.)
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1).
(3)    Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 060, 2.3.2013, p. 1).
(4)    Id-Direttiva tal-Kunsill 74/347/KEE tal-25 ta’ Ġunju 1974 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-firxa tal-viżjoni u l-wipers tal-windscreen għal tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija (ĠU L 191 15.7.1974, p. 5).
(5)    Id-Direttiva 2008/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar il-firxa tal-viżjoni u l-wipers tal-windscreen għal tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresterija (Verżjoni kkodifikata) (ĠU L 24, 29.1.2008, p. 30).