Brussell, 27.4.2018

COM(2018) 231 final

2018/0110(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-isem tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2018) 205 final}
{SWD(2018) 120 final}
{SWD(2018) 121 final}
{SWD(2018) 122 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Id-dominju tal-ogħla livell (TLD) .eu kien ġie stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 733/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-Qasam tal-Ogħla Livell EU. It-TLD .eu ġie ddelegat 1 mill-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (l-ICANN) fit-22 ta’ Marzu 2005 u ttella’ fuq iż-żona radika tal-Internet 2 fit-2 ta’ Mejju 2005. Id-dominju tal-ogħla livell (TLD) .eu hu rregolat ukoll mir-regoli previsti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 tat-28 ta’ April 2004 li jippreskrivi r-regoli tal-politika pubblika li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-funzjonijiet tat-TLD .eu u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni.

Id-dominju tal-ogħla livell .eu hu l-isem tad-dominju tal-Unjoni Ewropea u taċ-ċittadini tagħha. L-eżistenza ta’ isem speċifiku tad-dominju għall-Unjoni Ewropea b’denominazzjoni ċara u identifikabbli ħafna hi pass importanti u siewi biex tissawwar l-identità online Ewropea. B’konformità mal-għanijiet tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali 3 , it-TLD .eu jippermetti lin-negozji u liċ-ċittadini Ewropej biex jieħdu sehem fil-kummerċ elettroniku u jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq uniku online.

Minn mindu ġew adottati r-Regolamenti dwar .eu, il-kuntest leġiżlattiv u politiku fl-Unjoni u l-ambjent u s-suq online inbidlu ġmielhom. Pereżempju fl-2013 ġrat espansjoni kbira ħafna fis-suq tal-ismijiet tad-dominju, u minħabba f’hekk ġew introdotti aktar minn 1300 dominju tal-ogħla livell ġeneriku (gTLD) ġdid, fosthom .shop, .design jew .wine. Biex ikun żgurat li l-qafas ġuridiku ta’.eu jibqa’ jissodisfa l-għan u l-valuri maħsubin tiegħu, il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni jinkludi reviżjoni REFIT (Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni) tar-Regolamenti dwar .eu. L-inizjattiva tinkludi evalwazzjoni sħiħa u valutazzjoni tal-impatt. B’konformità mal-linji gwida tar-Regolamentazzjoni Aħjar, l-eżerċizzju tal-evalwazzjoni vvaluta l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE tar-Regolamenti attwali dwar .eu. Il-valutazzjoni tal-impatt iddeskriviet ir-risponsi ta’ politika għall-isfidi li tidentifika l-evalwazzjoni, u li fuqhom issejset ir-reviżjoni tal-qafas regolatorju ta’ .eu.

Mill-evalwazzjoni 4 ħareġ li .eu hu TLD stabbilit sew u għadu jaħdem tajjeb. Iżda dan hu rregolat b’qafas ġuridiku antikwat u riġidu, għax (i) fih dispożizzjonijiet skaduti jew riġidi li ma jistgħux jiġu aġġornati faċilment, u (ii) ma jipprovdix struttura ta’ governanza ottima mil-lat ta’ sorveljanza u responsabbiltà, b’konformità mal-approċċ iddikjarat tal-Kummissjoni għall-governanza tal-Internet, biex fi żmien meta s-swieq jinbidlu malajr (iii) tkun tista’ tiġi prevista ż-żieda fid-diffikultajiet għat-TLD .eu.

Sal-lum, il-problema għadha mhix drammatika; tidher fil-funzjonament u fl-immaniġġar tat-TLD .eu, u għalhekk għalissa taffettwa primarjament lill-atturi involuti f’dawn il-funzjonijiet. Madankollu, jekk ma titteħidx azzjoni ta’ prekawzjoni, aktarx li l-problema se ssir kbira tant li taffettwa lill-utenti finali, mil-lat ta’ sostenibbiltà tal-estensjoni .eu u mil-lat ta’ attraenza ta’ .eu meta mqabbel ma’ ismijiet tad-dominju kompetittivi oħrajn.

L-inizjattiva għandha l-għan li tiżgura li fil-futur jissokta l-funzjonament relattivament tajjeb tat-TLD. Fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni, il-proposta għandha l-għan li:

a) tneħħi r-rekwiżiti legali u amministrattivi skaduti, filwaqt li tiżgura li l-qafas regolatorju l-ġdid jibqa’ validu għall-ġejjieni u jippermetti li t-TLD .eu jadatta għall-bidliet mgħaġġla fis-suq tad-dominji tal-ogħla livell u fix-xenarju diġitali dinamiku;

b) tibqa’ tinkorpora u tippromwovi l-prijoritajiet tal-UE fid-dinja tal-Internet, filwaqt li tiżgura struttura ta’ governanza li tixhed l-aqwa prattiki tekniċi u ta’ governanza li jservu l-interess pubbliku tal-UE;

c) tkun inqas stretta fejn jidħlu l-kriterji attwali tal-eliġibbiltà għar-reġistrazzjoni tad-dominji .eu ħalli ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jirreġistraw isem tad-dominju .eu, indipendentement mill-post tar-residenza tagħhom;

d) tneħħi l-projbizzjonijiet stretti tas-separazzjoni vertikali u tipprovdi dispożizzjonijiet ċari li jissalvagwardjaw l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni ġusta b’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE).

Il-proposta hi reazzjoni għal ambizzjoni akbar fl-użu tat-TLD .eu u tiżgura li l-benefiċċji marbuta miegħu jaslu għand l-akbar għadd possibbli ta’ ċittadini Ewropej fil-futur qrib. Bil-ħolqien ta’ qafas regolatorju bbażat fuq il-prinċipji, li jibqa’ validu fil-ġejjieni u li ma jeħtieġx reviżjoni leġiżlattiva biex jimplimenta n-novitajiet tal-industrija tal-ismijiet tad-dominju, il-proposta se trawwem l-innovazzjoni fl-ekosistema ta’ .eu, kemm fil-livell tar-reġistru u anki fis-swieq downstream tar-reġistraturi u tar-reġistranti.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta hi konsistenti mal-għanijiet tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali li tħeġġeġ l-attivitajiet transfruntieri online fl-Ewropa, issaħħaħ is-sigurtà u l-fiduċja fl-ambjent fuq l-Internet, tippromwovi l-intraprenditorija u n-negozji ġodda Ewropej u tħares id-drittijiet taċ-ċittadini, inkluż id-dritt għall-privatezza, fl-era diġitali. Din il-proposta tipprovdi qafas regolatorju rivedut, simplifikat u razzjonalizzat għat-TLD .eu biex it-TLD .eu jkun jista’ jitmexxa u jaħdem aħjar, u b’hekk tagħti sehemha biex tikkumplimenta sew il-politiki tal-UE, l-aktar fl-oqsma tas-suq uniku diġitali, il-fiduċja u s-sigurtà fuq l-Internet, il-multilingwiżmu, il-governanza tal-Internet, il-promozzjoni tal-intraprenditorija Ewropea u n-negozji ġodda, u d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u tas-soċjetà Ewropej.

Fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Governanza tal-Internet tas-27 ta’ Novembru 2014 5 , l-Unjoni affermat mill-ġdid l-impenn tagħha li tippromwovi strutturi ta’ governanza multiparteċipattiva li jkunu bbażati fuq sett koerenti ta’ prinċipji ta’ governanza tal-Internet globali, konsistenti mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà fundamentali online. Bi qbil ma’ dawn il-Konklużjonijiet, il-proposta twaqqaf Kunsill li jinvolvi bosta partijiet konċernati biex jagħtu pariri lill-Kummissjoni dwar it-tisħiħ u t-twessigħ tal-kontribut għall-governanza t-tajba tar-Reġistru .eu. B’hekk il-mudell ikun konformi mal-politika ddikjarata tal-Kummissjoni dwar il-Governanza tal-Internet, kif espressa fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Il-Politika u l-Governanza tal-Internet: Ir-rwol tal-Ewropa fid-definizzjoni tal-futur tal-Governanza tal-Internet” 6 .

Din il-proposta għandha l-għan ukoll li tiżgura li l-benefiċċji tat-TLD .eu jaslu għand l-akbar għadd possibbli ta’ ċittadini Ewropej. B’mekkaniżmi tar-rispons innovattivi u li jibqgħu validi għall-ġejjieni, l-utenti jserrħu rashom li sid id-dominju .eu jkun stabbilit fl-Unjoni jew ikun konness verament mal-Unjoni, u li kull impriża kummerċjali li tuża d-dominju .eu tkun soġġetta għad-dritt tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għall-azzjoni tal-Unjoni hija l-Artikolu 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE), li jkopri miżuri li jappoġġaw l-istabbiliment u l-iżvilupp ta’ netwerks trans-Ewropej fl-oqsma tal-infrastrutturi tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija.

L-ismijiet tad-dominju huma essenzjali biex jippromwovu l-aċċess għan-netwerks u s-servizzi tal-Internet u l-interoperabbiltà bejniethom. B’konformità mal-Artikoli 170 u 171 tat-TFUE, bħalma għamel dejjem, id-dominju tal-ogħla livell .eu jenħtieġ jibqa’ jtejjeb l-interoperabbiltà tan-networks trans-Ewropej billi jipprovdi dominju tar-reġistrazzjoni kumplimentari, minbarra d-dominji tal-ogħla livell tal-kodiċi tal-pajjiż (ccTLDs) eżistenti fl-Istati Membri tal-UE (bħal pereżempju .es, .fr u .de) u r-reġistrazzjoni globali fid-dominji tal-ogħla livell ġeneriċi (gTLDs).

Sussidjarjetà u proporzjonalità

Min-natura tiegħu, id-dominju tal-ogħla livell .eu għandu dimensjoni transfruntiera. Dan hu d-dominju tal-ogħla livell tal-Unjoni Ewropea u hu simbolu tal-identità online Ewropea taċ-ċittadini, tal-istituzzjonijiet u tan-negozji. Lill-utenti li jixtiequ joperaw fis-Suq Uniku, dan jagħtihom konnotazzjoni speċifika Ewropea li hi rikonoxxuta mad-dinja kollha.

Ir-responsabbiltà tal-politika pubblika għat-TLD .eu hi f’idejn l-Unjoni Ewropea. Filwaqt li s-ccTLDs tal-Istati Membri tal-UE huma mmaniġġati skont il-ġurisdizzjoni nazzjonali rilevanti, l-mekkaniżmi ta’ sorveljanza u ta’ governanza u l-azzjoni regolatorja fir-rigward tat-TLD .eu ma jistgħux jitwettqu biżżejjed mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali u jistgħu jinkisbu biss fil-livell tal-UE.

L-azzjoni regolatorja meħuda fil-livell tal-Istati Membri mhix kapaċi tilħaq l-għanijiet fundamentali li fuqhom jistrieħu l-ħolqien u l-immaniġġar ta’ spazju tal-isem ta’ fiduċja u innovattiv għall-UE, tippromwovi l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea fuq l-Internet u tipprovdi valur miżjud f’termini ta’ għażla akbar għall-utenti, apparti s-ccTLDs nazzjonali. Għalhekk, ir-Regolament dwar it-TLD .eu hu fil-kompetenza tal-UE u ma jistax jiġi ddelegat lill-Istati Membri.

Hu meħtieġ qafas regolatorju fil-livell tal-UE għat-TLD .eu ħalli dan jibqa’ jipprovdi u jwessa’ l-ispazju tal-ismijiet tad-dominju fuq l-Internet permezz tat-TLD .eu, li fih ikunu japplikaw id-dritt tal-UE u r-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-dejta u tal-konsumaturi.

Ir-Regolament propost ma jaffettwax kif l-Istati Membri jimmaniġġaw l-ismijiet tad-dominju tal-ogħla livell tal-kodiċi tal-pajjiż (ccTLDs) tagħhom. Għaldaqstant, l-azzjoni tal-UE hi ġustifikata għar-raġunijiet tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Ir-Regolament propost ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika tiegħu u għalhekk jirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta tirrevedi l-qafas ġuridiku tat-TLD .eu li hu magħmul minn żewġ strumenti differenti: ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 (“ir-Regolamenti dwar .eu”)

Il-Kummissjoni qed tipproponi Regolament li jiżgura l-konsistenza u ċ-ċertezza legali għall-utenti u għan-negozji. Regolament jipprovdi bażi ġuridika soda biex ikun żgurat li l-Unjoni tkun responsabbli għat-TLD .eu u għall-ħatra tal-operatur tiegħu. Dan jevita kull interpretazzjoni diverġenti mill-Istati Membri.

Jekk l-immaniġġar tat-TLD .eu jintrabat sew ma’ Regolament tal-Unjoni, dan se jiżgura protezzjoni soda lid-drittijiet fundamentali, l-aktar fl-oqmsa tal-protezzjoni tad-dejta, il-privatezza, is-sigurtà, u l-multilingwiżmu, kif ukoll lid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET KONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-eżerċizzju REFIT eżamina jekk il-qafas ġuridiku tat-TLD .eu għadux jaqdi l-iskop tiegħu. Il-Kummissjoni, skont l-istudju tal-evalwazzjoni, ivvalutat l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE tal-qafas ġuridiku attwali tat-TLD .eu fiċ-ċirkostanzi ta’ żmienna, li nbidlu minn mindu ġie introdott it-TLD. Is-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni huma dawn:

·L-effettività: ir-Regolamenti dwar .eu kienu effiċjenti fejn tidħol id-disponibbiltà mifruxa tal-ismijiet ta’ dominju .eu madwar l-UE, bi spiża baxxa għall-konsumaturi. Filwaqt li r-Regolamenti dwar .eu kienu effettivi fejn jidħol l-appoġġ għall-kummerċ elettroniku u s-suq intern, jidher li hemm tnaqqis relattiv fil-prestazzjoni tat-TLD .eu.

·L-effiċjenza: ir-Regolamenti dwar .eu huma s-sors ta’ ċerta ineffiċjenza li tixħet lit-TLD .eu fi żvantaġġ kompetittiv fis-suq u li tnaqqas il-benefiċċji potenzjali tiegħu mil-lat ta’ appoġġ għall-kummerċ elettroniku u s-suq uniku. B’dispożizzjonijiet dettaljati, li hemm bżonn ħafna ħin u spejjeż biex jinbidlu, it-TLD .eu ma jistax iwettaq bidliet tekniċi jew operattivi bl-istess pass mgħaġġel li jeżiġi s-suq u daqs il-kompetituri tiegħu.

·Ir-rilevanza: l-għanijiet tar-Regolamenti dwar .eu għadhom rilevanti għaċ-ċittadini tal-Unjoni, kif juri l-livell għoli ta’ adozzjoni, ta’ użu attiv, u ta’ tiġdid tad-dominji .eu min-negozji u mill-istituzzjonijiet madwar l-Unjoni. It-TLD .eu jirrappreżenta simbolu konkret ta’ “identità Ewropea” għaċ-ċittadini u l-kumpaniji tal-Unjoni matul l-esperjenza diġitali tagħhom. Madankollu, ir-Regolamenti dwar .eu huma kumplessi wisq biex jiżguraw aġġornamenti tekniċi malajr (pereżempju fl-istandards tekniċi relatati mal-Ismijiet tad-Dominju Internazzjonalizzati 7 ) u m’għadhomx konformi mal-aqwa prattiki internazzjonali.

·Il-koerenza: hemm diversi indikaturi li juru li l-miżura m’għadhiex koerenti għalkollox: il-qafas regolatorju riġidu żżejjed jixħet ir-Reġistru .eu fi żvantaġġ kompetittiv meta jitqiesu l-kundizzjonijiet tant ebsin fis-suq; il-qafas ġuridiku tat-TLD .eu ma jirriflettix il-prijoritajiet attwali tal-Unjoni bħalma huwa s-Suq Uniku Diġitali; u r-Regolamenti dwar .eu ma jirriflettux l-aqwa prattiki internazzjonali fejn tidħol il-governanza multiparteċipattiva.

·Il-valur miżjud tal-UE: min-natura tiegħu, id-dominju tal-ogħla livell .eu għandu dimensjoni transfruntiera. L-eżistenza ta’ isem speċifiku tad-dominju għall-Unjoni Ewropea b’denominazzjoni ċara u identifikabbli ħafna hi pass importanti u siewi biex tissawwar l-identità online tal-Unjoni.

Il-qafas ġuridiku originali ta’ .eu kien kruċjali biex seta’ jinħoloq spazju tal-isem apposta għall-Unjoni; madankollu, billi huwa skadut u riġidu, dan m’għadux aktar effettiv, effiċjenti jew koerenti fl-ambjent tas-suq teknoloġiku ta’ żmienna li tant qed jinbidel malajr.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati

Bħala parti mir-reviżjoni REFIT tal-qafas ġuridiku tat-TLD .eu, il-Kummissjoni Ewropea wettqet konsultazzjonijiet komprensivi mal-partijiet konċernati. Dawn il-konsultazzjonijiet saru bl-iskop li tinġabar informazzjoni li tikkontribiwxxi għall-evalwazzjoni li tivvaluta l-qafas ġuridiku tat-TLD .eu skont il-kriterji tal-evalwazzjoni, jiġifieri l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza, ir-rilevanza u l-valur miżjud tal-UE. Dan kellu l-għan ukoll li jikseb informazzjoni li tikkontribwixxi għal kwistjonijiet li jaf ikollhom bżonn reviżjoni skont il-qafas ġuridiku attwali ta’ .eu minħabba inizjattivi leġiżlattivi u/jew mhux leġiżlattivi eventwali.

L-istrateġija tal-konsultazzjoni li tappoġġa r-reviżjoni tar-Regolamenti dwar .eu għamlet distinzjoni bejn tliet gruppi ta’ partijiet konċernati: il-partijiet milquta direttament mir-Regolamenti fl-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum, jiġifieri r-Reġistru .eu u r-reġistraturi ta’ .eu; l-utenti tat-TLD .eu u partijiet konċernati oħrajn fl-ekosistema tas-Sistema tal-Ismijiet tad-Dominju (DNS); u l-partijiet konċernati li potenzjalment jibbenefikaw mill-kontribut tat-TLD .eu għas-Suq Uniku Diġitali u l-identità online tal-UE, u li b’hekk jintlaqtu indirettament mir-Regolament dwar .eu. L-istrateġija inkludiet ukoll konsultazzjoni pubblika, komunikazzjoni diretta u laqgħat ad hoc ma’ partijiet konċernati, diskussjoni madwar mejda ma’ reġistri Ewropej, stħarriġ fost ir-reġistri tas-ccTLDs Ewropej u stħarriġ għar-reġistraturi attwali ta’ .eu. Il-konsultazzjoni pubblika wasslet ukoll għal għadd ta’ kontributi bil-miktub mingħand xi partijiet konċernati. Il-“Konsultazzjoni pubblika dwar l-evalwazzjoni u r-reviżjoni tar-Regolamenti dwar id-dominju tal-ogħla livell .eu” saret bejn it-12 ta’ Mejju u l-4 ta’ Awwissu 2017 u rċeviet 43 tweġiba mingħand rispondenti minn 17-il Stat Membru. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika jinsabu fuq l-Internet 8 .

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni ġabret evidenza kwalitattiva u kwantitattiva minn diversi sorsi, fosthom minn:

·Konsultazzjoni pubblika: konsultazzjoni pubblika dwar l-evalwazzjoni u r-reviżjoni tar-Regolament dwar id-dominju tal-ogħla livell .eu.

·Stħarriġiet: stħarriġ tar-reġistratur tal-EURid u stħarriġ tas-CENTR dwar ir-reġistri tad-Dominji tal-Ogħla Livell tal-kodiċi tal-pajjiż (ccTLDs).

·Laqgħat mal-partijiet konċernati: sessjoni għal qsim tal-ideat mal-EURid dwar il-qafas regolatorju ta’ .eu; laqgħa mal-Bord Konsultattiv tar-Reġistraturi tal-EURid dwar il-kriterji tal-eliġibbiltà u l-integrazzjoni vertikali; sessjoni konġunta bejn il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Governanza tal-Internet (HLIG) u s-CENTR dwar ir-rwol tad-Dominji tal-Ogħla Livell tal-kodiċi tal-pajjiż (ccTLDs) fil-Governanza tal-Internet; laqgħa mar-Reġistru Ewropew tad-Dominji tal-Ogħla Livell tal-kodiċi tal-pajjiż .at dwar il-qafas regolatorju/Internet Foundation; laqgħa mal-ICANN dwar il-qafas regolatorju u l-Governanza tal-Internet.

·Il-kontribut bil-miktub tal-partijiet konċernati: Open-Xchange dwar is-sigurtà tad-DNS, id-DNSSEC; MARQUES, l-Assoċjazzjoni Ewropea tar-Regolatorji tas-Sidien tal-Marki Kummerċjali dwar ir-rwol fil-Governanza tal-Internet u l-qafas regolatorju; l-Assoċjazzjoni tal-Marka Kummerċjali tal-Komunitajiet Ewropej; l-EURid dwar il-qafas regolatorju; l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea dwar il-qafas regolatorju u l-perspettivi operazzjonali.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt identifikat dawn l-għanijiet ta’ politika speċifiċi:

(1)jitneħħew ir-rekwiżiti legali/amministrattivi skaduti biex ikun żgurat li t-TLD .eu jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu biex jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-għanijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-politiki diġitali;

(2)ikun żgurat li r-regoli huma validi għall-ġejjieni u jippermettu li t-TLD .eu jadatta għall-bidliet mgħaġġla fis-suq tal-Dominji tal-Ogħla Livell u għax-xenarju diġitali dinamiku, filwaqt li jippermettu l-użu tat-TLD .eu bħala mezz li jippromwovi l-prijoritajiet tal-Unjoni fid-dinja tal-Internet;

(3)tkun żgurata struttura ta’ governanza li tirrifletti l-aqwa prattiki tekniċi u ta’ governanza u sservi l-interessi tal-Unjoni;

(4)tiġi promossa l-attraenza tat-TLD .eu.

Il-valutazzjoni tal-impatt esplorat sensiela ta’ alternattivi ta’ politika possibbli f’aktar dettall:

(a)ix-xenarju bażi: jinżamm il-qafas regolatorju attwali għat-TLD .eu;

(b)il-kummerċjalizzazzjoni: jiġi ssimplifikat il-qafas regolatorju u jiġu esternalizzati l-operazzjoni u l-immaniġġar tar-Reġistru lil fornitur tas-servizzi estern bi profitt;

(c)l-immodernizzar tal-qafas ġuridiku: il-qafas ġuridiku attwali jinbidel bi strument ġuridiku wieħed ibbażat fuq il-prinċipji. Tinżamm sistema esterna tal-immaniġġar għat-TLD .eu, ibbażata fuq kuntratt;

(d)governanza separata: kombinazzjoni tal-alternattiva tal-immodernizzar u t-twaqqif ta’ korp konsultattiv separat għall-Kummissjoni li jinvolvi bosta partijiet konċernati u li jsaħħaħ u jżid effettivament il-kontribut għall-governanza tajba tar-Reġistru .eu; dan il-korp ikun independenti mir-Reġistru.

(e)istituzzjonalizzazzjoni: l-immaniġġar u l-operazzjoni tar-Reġistru fi ħdan dipartiment tal-Kummissjoni jew aġenzija tal-Unjoni.

L-analiżi wasslet għall-konklużjoni li l-alternattiva ppreferuta hi l-“governanza separata” flimkien mat-tneħħija tar-rekwiżiti stretti għar-reġistrazzjoni diretta, kriterju taċ-ċittadinanza għall-persuni fiżiċi u kriterju tar-residenza għall-organizzazzjonijiet u l-kumpaniji.

L-alternattiva ppreferuta tippermetti qafas ġuridiku simplifikat, ibbażat fuq il-prinċipji. Din tipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa biex it-TLD .eu jadatta għat-titjib tekniku li qed jinbidel malajr fis-Sistema tal-Ismijiet tad-Dominju. Għalhekk, l-utenti finali jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tat-titjib tekniku mingħajr ma jkollhom jistennew sakemm jiġu emendati r-Regolamenti. L-alternattiva ppreferuta ttejjeb ukoll il-funzjonament tat-TLD .eu u għalhekk iżżid l-attraenza tiegħu fis-suq tad-Dominji tal-Ogħla Livell. Jekk it-TLD .eu jkun aktar adattabbli u responsiv, fuq medda twila taż-żmien, dan ikun f’pożizzjoni aħjar biex ikun innovattiv, jadotta standards tekniċi ġodda mingħajr dewmien u għalhekk joffri prodott aħjar u aktar kompetittiv fis-suq.

Fis-16 ta’ Frar 2018, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ta opinjoni pożittiva b’xi riżervi. Skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord, il-Kummissjoni kompliet ittejjeb ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt biex tirrazzjonalizza s-sejbiet tal-evalwazzjoni fit-taqsima tad-definizzjoni tal-problema, u kjarifikat il-kobor tal-problema, u l-interess tal-partijiet konċernati f’din il-kwistjoni. Ix-xenarju bażi ġie sostanzjat f’aktar dettall bħala waħda mill-alternattivi. Id-deskrizzjoni tal-alternattivi ġiet razzjonalizzata biex la tanalizza l-impatti u lanqas ma tasal għal konklużjonijiet bikrija. L-alternattiva ta’ governanza separata ġiet elaborata aktar biex ikun spjegat x’tip ta’ rekwiżiti legali se jiġu introdotti b’rabta mat-twaqqif u l-funzjonament tal-korp konsultattiv separat li jinvolvi bosta partijiet konċernati, u l-kompiti u s-setgħat tal-Kummissjoni. It-test dwar l-ewwel alternattivi skartati ġie abbozzat mill-ġdid biex jipprovdi argumentazzjoni aktar soda li tispjega għalfejn twarrbu dawn l-alternattivi. Ingħataw aktar kjarifiki dwar ir-reġistrazzjoni diretta u l-kriterji tal-eliġibbiltà, inkluż fl-alternattiva ppreferuta. Fit-taqsima tal-monitoraġġ, ġew kjarifikati iżjed l-indikaturi ewlenin li jappartjenu għall-industrija tal-ismijiet tad-dominju, u r-rabta mal-għanijiet operazzjonali saret aktar trasparenti. Min-naħa tagħhom, dawn intrabtu mal-erba’ għanijiet speċifiċi tal-inizjattiva. Ir-rapport iċċara li l-kriterji ta’ suċċess għall-alternattiva ppreferuta se jiġu evalwati regolarment permezz tar-rapport li l-Kummissjoni trid tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni, l-effettività u l-funzjonament tat-TLD .eu. F’dan il-qafas il-ġdid, dan ir-rappurtar se jservi wkoll bħala għodda ta’ valutazzjoni li tivverifika s-suċċess tal-alternattiva ppreferuta, permezz ta’ eżami u rappurtar dwar is-sett kollu tal-indikaturi ewlenin.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din l-inizjattiva tinkludi l-għanijiet ta’ simplifikazzjoni u effiċjenza mtejba. Dawn huma speċifikati b’mod ċar fl-għan speċifiku (a) “jitneħħew ir-rekwiżiti legali/amministrattivi skaduti” u fl-għan speċifiku (b) “jinħolqu regoli validi għall-ġejjieni għat-TLD .eu”. Il-proposta toħloq qafas ħafif, ibbażat fuq il-prinċipji. Il-leġiżlazzjoni primarja se jkun fiha biss il-prinċipji li l-funzjonament tat-TLD .eu jrid jirrispetta, filwaqt li r-rekwiżiti amministrattivi u tekniċi dettaljati u li mhumiex meħtieġa se jitneħħew jekk ikunu skaduti, jew inkella jiġu dettaljati fil-kuntratt li jrid jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-operatur maħtur tar-Reġistru. B’hekk, it-TLD .eu se jkun jista’ jadatta għall-bidliet mgħaġġla fis-suq tat-TLDs u fix-xenarju diġitali dinamiku.

Il-proposta se twassal biex jonqos il-ħin tal-istennija għad-detenturi tat-TLD .eu fejn tidħol id-disponibbiltà ta’ innovazzjonijiet tekniċi u tas-suq fis-settur tal-ismijiet tad-dominju. It-tnaqqis f’dawn il-ħinijiet tal-istennija se jitkejlu skont iż-żmien meħtieġ biex jiġi emendat il-qafas ġuridiku ta’ .eu ħalli jkunu jistgħu jsiru dawn l-innovazzjonijiet fir-rigward tat-TLD .eu.

Il-proposta għandha l-għan li tħejji l-isem tad-dominju .eu għal ambjent tal-Internet li qed jinbidel malajr billi tistabbilixxi leġiżlazzjoni valida għall-ġejjieni u sett ta’ politiki dettaljati u faċilment adattabbli għall-immaniġġar u l-amministrazzjoni tat-TLD .eu.

Drittijiet fundamentali

Filwaqt li din il-proposta tittratta kwistjoni ħafna minnha teknika, speċifika għas-settur, li għandha x’taqsam mal-industrija tas-sistema tal-ismijiet tad-dominju, din se tibqa’ tħares bil-qawwa d-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fejn jidħlu l-operazzjoni u l-immaniġġar tat-TLD .eu, b’konformità mar-regoli tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta, il-privatezza, is-sigurtà u l-multilingwiżmu.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Il-Kunsill Multiparteċipattiv ta’ .eu jeħtieġ jingħata r-riżorsi adattati. L-ispiża hi stmata madwar EUR 50 000 fis-sena. Il-Kummissjoni se ssostni finanzjarjament lil dan il-korp ġdid.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Il-Kummissjoni se timmonitorja u tissorvelja l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġar tat-TLD .eu mir-Reġistru.

Il-Kummissjoni se tgħarbel l-implimentazzjoni, l-effettività u l-funzjonament tat-TLD .eu sa mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u mbagħad kull tliet snin.

Il-Kummissjoni se tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sejbiet ta’ dik il-valutazzjoni.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Kapitolu I tar-Regolament fih id-dispożizzjonijiet ġenerali: is-suġġett u l-għanijiet (l-Artikolu 1) u d-definizzjonijiet (l-Artikolu 2).

Il-Kapitolu II tar-Regolament fih id-dispożizzjonijiet ewlenin dwar l-implimentazzjoni tal-ismijiet tad-dominju tal-ogħla livell .eu.

It-Taqsima I f’dan il-Kapitolu tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali tar-reġistrazzjoni ta’ isem tad-dominju tal-ogħla livell .eu: din tiddeskrivi l-kriterji tal-eliġibbiltà (l-Artikolu 3), il-kundizzjonijiet ġenerali tar-reġistrazzjoni u tat-tħassir tal-ismijiet tad-dominju (l-Artikolu 4), il-lingwi, il-liġi applikabbli u l-ġurisdizzjoni (l-Artikolu 5), il-proċeduri għar-riżervazzjoni tal-ismijiet tad-dominju mir-Reġistru, il-Kummissjoni u l-Istati Membri (l-Artikolu 6), u l-proċedura tal-akkreditazzjoni tar-Reġistraturi (l-Artikolu 7).

It-Taqsima II tikkonċerna l-ħatra u l-funzjonament ġenerali tar-Reġistru. Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu l-ħatra tiegħu mill-Kummissjoni (l-Artikolu 8) u l-karatteristiċi tiegħu (l-Artikolu 9) u l-obbligi ewlenin tiegħu (l-Artikolu 10). It-Taqsima tistabbilixxi wkoll lista ta’ prinċipji u proċeduri dwar il-funzjonament tat-TLD .eu li jridu jiġu inklużi fil-kuntratt mar-Reġistru, li jimmiraw biex jipprovdu l-qafas ta’ politika li skontu jiffunzjona r-Reġistru (l-Artikolu 11). Fl-aħħar nett, hemm prevista dispożizzjoni speċifika dwar il-funzjonament u l-iskop tal-bażi tad-dejta WHOIS (l-Artikolu 12).

It-Taqsima III għandha x’taqsam mas-sorveljanza tal-operatur tar-Reġistru. Id-dispożizzjonijiet dwar is-setgħat superviżorji tal-Kummissjoni (l-Artikolu 13) u l-istabbiliment tal-Kunsill Multiparteċipattiv (l-Artikolu 14) jipprovdu l-bażi għal dan il-grupp biex jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar it-tisħiħ u t-twessigħ tal-kontribut għall-governanza tajba tar-Reġistru .eu u biex tiżdied it-trasparenza tal-funzjonament tiegħu.

Fl-aħħar nett, il-Kapitolu III tar-Regolament jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet finali: ir-riżervazzjoni tad-drittijiet (l-Artikolu 15), evalwazzjoni u reviżjoni (l-Artikolu 16), il-proċedura ta’ kumitat (l-Artikolu 17) skont l-Artikoli 5 u 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Barra minn hekk, il-Kapitolu jipprevedi d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-kuntratt (l-Artikolu 18) u d-dispożizzjonijiet dwar it-tħassir tal-qafas ġuridiku attwali (l-Artikolu 19) u d-dħul fis-seħħ (l-Artikolu 20). Hu previst li dan jibda japplika sa mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Dan biex jiġi limitat kull riskju ta’ tfixkil tas-servizzi tat-TLD .eu bil-qlib bejn il-qafas regolatorju l-antik u l-ġdid, filwaqt li jitqiesu l-ħtieġa li l-Kummissjoni taħtar ir-Reġistru u li tagħmel kuntratt ġdid miegħu, u l-ħtieġa li r-Reġistru jħejji għall-organizzazzjoni, għall-amministrazzjoni u għall-immaniġġar tat-TLD .eu.

2018/0110 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-isem tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 172 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 9 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 10 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Dominju tal-Ogħla Livell tal-Kodiċi tal-Pajjiż (ccTLD) ġie stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 733/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 12 . Minn mindu ġew adottati r-Regolament (KE) Nru 733/2002 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004, il-kuntest leġiżlattiv u politiku fl-Unjoni u l-ambjent u s-suq online inbidlu ġmielhom.

(2)It-TLDs huma komponent essenzjali fl-istruttura ġerarkika tas-Sistema tal-Ismijiet tad-Dominju (DNS) li jiżguraw sistema interoperabbli ta’ identifikaturi uniċi, disponibbli mad-dinja kollha, fuq kull applikazzjoni u kull netwerk.

(3)It-TLD .eu jenħtieġ jippromwovi l-użu tan-netwerks tal-Internet, u l-aċċess għalihom, b’konformità mal-Artikoli 170 u 171 tat-TFUE, billi jipprovdi reġistrazzjoni kumplimentari għad-Dominji tal-Ogħla Livell tal-kodiċi tal-pajjiż (ccTLDs) eżistenti jew għar-reġistrazzjoni globali fid-dominji tal-Ogħla Livell ġeneriċi.

(4)It-TLD .eu jenħtieġ jipprovdi rabta identifikata b’mod ċar mal-Unjoni u mas-suq Ewropew. Dan jenħtieġ jippermetti li l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u l-persuni fiżiċi fl-Unjoni jirreġistraw isem tad-dominju taħt it-TLD .eu. Jenħtieġ li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jirreġistraw isem tad-dominju .eu, irrispettivament mill-post tar-residenza tagħhom.

(5)L-ismijiet tad-dominju fit-TLD .eu jenħtieġ jiġu allokati lill-partijiet eliġibbli skont id-disponibbiltà.

(6)Biex tkun żgurata protezzjoni aħjar tad-drittijiet tal-partijiet għall-kuntratt mar-Reġistru u mar-Reġistraturi rispettivament, it-tilwim dwar ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju fit-TLD .eu jenħtieġ jissolvew minn korpi li jkunu jinsabu fl-Unjoni u li japplikaw il-liġijiet rispettivi tal-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u għall-obbligi rikonoxxuti mill-Istati Membri jew mill-Unjoni li jirriżultaw minn strumenti internazzjonali.

(7)Il-prinċipji u l-proċeduri dwar il-funzjonament tat-TLD .eu jenħtieġ jinhemżu mal-kuntratt bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru maħtur.

(8)Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, is-setgħat ta’ implimentazzjoni jenħtieġ jiġu konferiti lill-Kummissjoni biex tadotta listi ta’ ismijiet tad-dominju riżervati u mblokkati mill-Istati Membri, tistabbilixxi l-kriterji u l-proċedura għall-ħatra tar-Reġistru, u taħtar ir-Reġistru skont raġunijiet iġġustifikati kif xieraq ta’ urġenza. Dawn is-setgħat jenħtieġ jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawn il-listi jenħtieġ jiġu kkompilati skont l-ismijiet tad-dominju disponibbli filwaqt li jitqiesu l-ismijiet tad-dominju tat-tieni livell li diġà ġew riżervati jew irreġistrati mill-Istati Membri.

(9)Jenħtieġ li l-Kummissjoni taħtar Reġistru għat-TLD .eu permezz ta’ proċedura tal-għażla miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja. Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tagħmel kuntratt mar-Reġistru magħżul li jenħtieġ jinkludi politika dettaljata dwar il-prinċipji u l-proċeduri li japplikaw għar-Reġistru dwar l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġar tat-TLD .eu. Il-kuntratt jenħtieġ ikun limitat fiż-żmien u jista’ jiġġedded.

(10)Dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE.

(11)Ir-Reġistru jenħtieġ jikkonforma mal-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u tat-trasparenza u jenħtieġ jimplimenta miżuri biex jissalvagwardja l-kompetizzjoni ġusta, bl-awtorizzazzjoni bil-quddiem tal-Kummissjoni, b’mod partikolari meta dan jipprovdi servizzi lil impriżi li magħhom ikun qed jikkompeti fis-swieq downstream.

(12)Bħalissa, il-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (l-ICANN) hi responsabbli biex tikkoordina d-delega tal-kodiċi li jirrappreżentaw is-ccTLDs lir-Reġistri. Jenħtieġ li r-Reġistru jagħmel kuntratt xieraq mal-ICANN li jkun jipprovdi għad-delega tal-kodiċi tas-ccTLD .eu, u fl-istess waqt iqis il-prinċipji rilevanti adottati mill-Kumitat Konsultattiv Governattiv (il-GAC).

(13)Ir-Reġistru jenħtieġ jagħmel ftehim xieraq, li jinżamm minn aġent terz, biex tkun żgurata l-kontinwità tas-servizzi, u b’mod partikolari biex ikun żgurat li f’każ ta’ delega mill-ġdid jew xi ċirkostanzi mhux previsti, ikun possibbli li jissokta s-servizz lill-komunità lokali tal-Internet bl-anqas tfixkil possibbli. Jenħtieġ li kull jum, ir-Reġistru jibgħat kopja elettronika tal-kontenut attwali tal-bażi tad-dejta tat-TLD .eu lill-aġent terz.

(14)Ir-Reġistru jenħtieġ jipprovdi għal proċeduri ta’ Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR) li jqisu l-aqwa prattiki internazzjonali f’dan il-qasam u b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Proprjetà Intellettwali (il-WIPO), biex ikun żgurat li r-reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi jiġu evitati kemm jista’ jkun. Jenħtieġ li l-ADR tkun tirrispetta għadd minimu ta’ regoli proċedurali uniformi, simili għal dawk stipulati fil-Politika Uniformi għar-Riżoluzzjoni ta’ Disputa li adottat l-ICANN.

(15)Il-politika dwar ir-reġistrazzjonijiet abbużivi tal-ismijiet tad-dominju .eu jenħtieġ tipprovdi għal verifika min-naħa tar-Reġistru tad-dejta li tasal, speċifikament fejn jidħlu l-identità tar-reġistranti, u t-tħassir u l-imblokkar minn reġistrazzjoni futura ta’ ismijiet tad-dominju li b’deċiżjoni aħħarija ta’ qorti ta’ Stat Membru jkunu jitqiesu malafamanti, razzisti jew b’xi mod ieħor kuntrarji għal-liġi tal-Istat Membru. Ir-Reġistru jenħtieġ jimxi bl-akbar attenzjoni biex jiżgura l-korrettezza tad-dejta li tasallu u li jżomm.

(16)Ir-Reġistru jenħtieġ jappoġġa lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kriminalità billi jimplimenta miżuri tekniċi u organizzazzjonali bil-għan li l-awtoritajiet kompetenti jkun jista’ jkollhom aċċess għad-dejta fir-Reġistru għal skopijiet ta’ prevenzjoni, kxif, investigazzjoni u prosekuzzjoni tal-atti kriminali, kif previst bil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali.

(17)Dan ir-Regolament jenħtieġ jiġi implimentat b’konformità mal-prinċipji li għandhom x’jaqsmu mal-privatezza u mal-protezzjoni tad-dejta personali. Jenħtieġ li r-Reġistru jikkonforma mar-regoli, il-prinċipji u l-linji gwida rilevanti tal-Unjoni b’rabta mal-protezzjoni tad-dejta, b’mod partikolari mar-rekwiżiti tas-sigurtà rilevanti, il-prinċipji tan-neċessità, il-proporzjonalità, il-limitazzjoni tal-iskop u l-perjodu proporzjonat għaż-żamma tad-dejta. Minbarra dan, jenħtieġ li s-sistemi kollha tal-ipproċessar tad-dejta u l-bażijiet tad-dejta żviluppati u/jew miżmuma jkunu jinkorporaw il-protezzjoni tad-dejta personali fid-disinn tagħhom u l-protezzjoni tad-dejta b’mod awtomatiku.

(18)Biex tkun żgurata superviżjoni perjodika effettiva, ir-Reġistru jenħtieġ jiġi awditjat, u jġarrab l-ispejjeż hu stess, mill-inqas kull sentejn minn korp indipendenti ħalli jkun konfermat li r-Reġistru hu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li r-Reġistru jippreżenta r-rapport li joħroġ mill-valutazzjoni tal-konformità lill-Kummissjoni skont il-proċedura stabbilita fil-kuntratt mar-Reġistru.

(19)Il-kuntratt konkluż mar-Reġistru jenħtieġ jipprovdi għal proċeduri li jtejbu l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġar tat-TLD .eu mir-Reġistru skont l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ superviżjoni previsti minn dan ir-Regolament.

(20)Fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Governanza tal-Internet tas-27 ta’ Novembru 2014, l-Unjoni Ewropea affermat mill-ġdid l-impenn tagħha li tippromwovi strutturi ta’ governanza li jinvolvu bosta partijiet konċernati u li jistrieħu fuq sett koerenti ta’ prinċipji ta’ governanza tal-Internet globali. Governanza tal-Internet inklużiva tfisser l-iżvilupp u l-applikazzjoni mill-gvernijiet, mis-settur privat, mis-soċjetà ċivili, mill-organizzazzjonijiet internazzjonali u mill-komunità teknika, fir-rwoli rispettivi tagħhom, ta’ prinċipji, normi, regoli, proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet u programmi komuni li jsawru l-evoluzzjoni u l-użu tal-Internet.

(21)Jenħtieġ jitwaqqaf Kunsill Multiparteċipattiv ta’ .eu bi rwol konsultattiv għall-Kummissjoni ħalli jissaħħaħ u jitwessa’ l-kontribut għall-governanza tajba tar-Reġistru u għall-kwistjonijiet koperti mill-prinċipji u l-proċeduri dwar il-funzjonament tat-TLD .eu u biex tiżdied it-trasparenza fil-prattiki kummerċjali u operazzjonali tar-Reġistru. Jenħtieġ li l-membri tal-grupp ikunu jirriflettu mudell multiparteċipattiv ta’ Governanza tal-Internet u jinħatru mill-Kummissjoni bi proċedura miftuħa u trasparenti.

(22)Il-Kummissjoni jenħtieġ twettaq evalwazzjoni dwar l-effettività u l-funzjonament tat-TLD .eu. L-evalwazzjoni jenħtieġ tagħrbel il-prattiki tax-xogħol tar-Reġistru maħtur u r-rilevanza tal-kompiti tiegħu.

(23)Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-implimentazzjoni ta’ TLD pan-Ewropew minbarra s-ccTLDs nazzjonali, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (it-TUE). B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.

(24)Biex jiġi limitat kull riskju ta’ tfixkil tas-servizzi tat-TLD .eu bil-qlib bejn il-qafas regolatorju l-antik u l-ġdid, dan ir-Regolament jipprevedi dispożizzjonijiet tranżizzjonali.

(25)Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 jenħtieġ jitħassru.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Is-suġġett u l-għanijiet

1.    Dan ir-Regolament jimplimenta d-Dominju tal-Ogħla Livell tal-kodiċi tal-pajjiż (“ccTLD”) .eu u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tiegħu, inkluż il-ħatra u l-karatteristiċi tar-Reġistru. Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll il-qafas ġuridiku u ta’ politika ġenerali li fih se jiffunzjona r-Reġistru maħtur.

2.    Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti fl-Istati Membri fir-rigward tas-ccTLDs nazzjonali tagħhom.

Artikolu 2

Id-definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a) “Reġistru” tfisser l-entità fdata bl-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġar tat-TLD .eu, inkluż il-manutenzjoni tal-bażijiet tad-dejta korrispondenti u s-servizzi pubbliċi tat-talbiet assoċjati, ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju, it-tħaddim tar-Reġistru tal-ismijiet tad-dominju, it-tħaddim tas-servers tal-ismijiet tat-TLD tar-Reġistru u t-tqassim ta’ faljs taż-żona tat-TLD;

(b) “Reġistratur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li, skont kuntatt mar-Reġistru, tipprovdi servizzi ta’ reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju lir-reġistranti.

(c) “protokolli tal-Ismijiet tad-Dominju Internazzjonalizzati (IDNs)” tfisser standards u protokolli li jappoġġaw l-użu ta’ ismijiet tad-dominju f’karattri li mhumiex karattri ASCII (American Standard Code for Information Interchange);

(d) “bażi tad-dejta WHOIS” tfisser ġabra ta’ dejta li fiha informazzjoni dwar aspetti tekniċi u amministrattivi tar-reġistrazzjonijiet tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu;

(e) “prinċipji u proċeduri dwar il-funzjonament tat-TLD .eu” tfisser regoli dettaljati dwar il-funzjonament u l-immaniġġar tat-TLD .eu;

(f) “reġistrazzjoni” tfisser serje ta’ atti u passi proċedurali, mill-bidu sat-tlestija, li jieħdu r-Reġistraturi u/jew ir-Reġistru malli jintalbu minn persuna fiżika jew ġuridika bil-għan li tiġi implimentata r-reġistrazzjoni ta’ isem tad-dominju għal tul taż-żmien speċifikat.

KAPITOLU II

L-implimentazzjoni tat-TLD .eu

Taqsima 1

PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 3

Il-kriterji tal-eliġibbiltà

Ir-reġistrazzjoni ta’ isem wieħed jew aktar tad-dominju taħt it-TLD .eu tista’ tintalab minn xi waħda minn dawn li ġejjin:

(i) ċittadin tal-Unjoni, indipendentement mill-post tar-residenza tiegħu/tagħha; jew

(ii) persuna fiżika li ma tkunx ċittadin tal-Unjoni u li tkun residenti fi Stat Membru; jew

(iii) impriża stabbilita fl-Unjoni; jew

(iv) organizzazzjoni stabbilita fil-Unjoni mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali.

Artikolu 4

Ir-reġistrazzjoni u t-tħassir ta’ ismijiet tad-dominju

1.    Isem tad-dominju għandu jiġi allokat lill-parti eliġibbli li t-talba tagħha jkun irċevieha l-ewwel ir-Reġistru b’mod teknikament korrett, kif stabbilit mill-proċeduri għat-talbiet tar-reġistrazzjoni skont il-punt (b) tal-Artikolu 11.

2.    Isem tad-dominju rreġistrat ma għandux jibqa’ disponibbli għal aktar reġistrazzjoni sakemm ir-reġistrazzjoni tiskadi u ma terġax tiġġedded jew sakemm jitħassar l-isem tad-dominju.

3.    Ir-Reġistru jista’ jħassar isem tad-dominju minn jeddu u mingħajr ma jgħaddi t-tilwima għal xi riżoluzzjoni estraġudizzjarja tal-kunflitti, għar-raġunijiet li ġejjin:

(a) djun mhux imħallsa dovuti lir-Reġistru;

(b) id-detentur tal-isem tad-dominju ma jissodisfax il-kriterji tal-eliġibbiltà skont l-Artikolu 3;

(c) id-detentur tal-isem tad-dominju jikser ir-rekwiżiti għat-talbiet tar-reġistrazzjoni stabbiliti skont il-punt (b) tal-Artikolu 11.

4.    Isem tad-dominju jista’ jitħassar ukoll, u meta meħtieġ jingħadda sussegwentement lil parti oħra, soġġett għal proċedura xierqa ta’ Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR) jew proċedura ġudizzjarja, meta dak l-isem ikun identiku jew simili b’tali mod li joħloq konfużjoni għal isem li fir-rigward tiegħu hemm stabbilit dritt mil-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni, u meta dan:

(a) ikun ġie rreġistrat mid-detentur tiegħu mingħajr drittijiet jew interess leġittimu fl-isem; jew

(b) ikun ġie rreġistrat jew ikun qed jintuża b’finijiet ħżiena.

5.    Meta isem tad-dominju jitqies minn qorti ta’ Stat Membru li jkun malafamanti, razzist jew kuntrarju għall-politika pubblika, dan għandu jiġi mblokkat mir-Reġistru malli dan jiġi notifikat bid-deċiżjoni tal-qorti u għandu jitħassar malli tiġi notifikata d-deċiżjoni finali tal-qorti. Ir-Reġistru għandu jimblokka minn reġistrazzjoni futura dawk l-ismijiet li jkunu soġġetti għal dik l-ordni tal-qorti sakemm dik l-ordni tibqa’ valida.

Artikolu 5

Il-lingwi, il-liġi applikabbli u l-ġurisdizzjoni

1.    Ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju għandha ssir bil-karattri alfabetiċi kollha tal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni b’konformità mal-istandards internazzjonali disponibbli kif jippermettu l-protokolli rilevanti tal-Ismijiet tad-Dominju Internazzjonalizzati (IDNs).

2.    Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 u għad-drittijiet u l-obbligi rikonoxxuti mill-Istati Membri jew mill-Unjoni li jirriżultaw minn strumenti internazzjonali, il-kuntratti bejn ir-Reġistru u r-Reġistraturi kif ukoll il-kuntratti bejn ir-Reġistraturi u r-reġistranti tal-ismijiet tad-dominju la għandhom jagħżlu, bħala l-liġi applikabbli, xi liġi li mhix il-liġi ta’ wieħed mill-Istati Membri, u lanqas ma għandhom jaħtru, bħala l-korp tar-riżoluzzjoni tat-tilwim, xi qorti, xi tribunal tal-arbitraġġ jew xi korp ieħor li jinsabu barra mill-Unjoni.

Artikolu 6

Ir-riżervazzjoni tal-ismijiet tad-dominju

1.    Ir-Reġistru jista’ jirriżerva għadd ta’ ismijiet tad-dominju meqjusa meħtieġa għall-funzjonijiet operazzjonali tiegħu skont il-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 8(3).

2.    Il-Kummissjoni tista’ titlob lir-Reġistru biex jintroduċi ismijiet tad-dominju direttament taħt it-TLD .eu biex jintużaw minn istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni.

3.    L-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għall-ismijiet tad-dominju li diġà ġew riżervati jew irreġistrati, jistgħu jgħarrfu lill-Kummissjoni b’lista ta’ ismijiet tad-dominju li:

(a) ma jistgħux jiġu rreġistrati, abbażi tal-liġi nazzjonali; jew

(b) jistgħu jiġu rreġistrati jew riżervati biss taħt dominju tat-tieni livell mill-Istati Membri. Dawn l-ismijiet tad-dominju għandhom ikunu limitati għal termini ġeografiċi u/jew ġeopolitiċi rikonoxxuti b’mod wiesa’ li jaffettwaw l-organizzazzjoni politika jew territorjali tal-Istati Membri.

4.    Il-Kummissjoni għandha tadotta l-listi li jinnotifikaw l-Istati Membri permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).

Artikolu 7

Ir-reġistraturi

1.    Ir-Reġistru għandu jakkredita r-reġistraturi, skont proċeduri tal-akkreditazzjoni trasparenti, raġonevoli u mhux diskriminatorji, li jkunu ġew approvati bil-quddiem mill-Kummissjoni. Ir-Reġistru għandu jagħmel il-proċeduri tal-akkreditazzjoni disponibbli għall-pubbliku b’format aċċessibbli faċilment.

2.    Ir-Reġistru għandu japplika kundizzjonijiet ekwivalenti f’ċirkostanzi ekwivalenti b’rabta mar-reġistraturi akkreditati ta’ .eu li jipprovdu servizzi ekwivalenti, u għandu jipprovdilhom servizzi u informazzjoni bl-istess kundizzjonijiet u bl-istess kwalità bħal dawk provduti għas-servizzi ekwivalenti tiegħu stess.

Taqsima 2

IR-REĠISTRU

Artikolu 8

Il-ħatra tar-Reġistru

1.    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-kriterji u l-proċedura għall-ħatra tar-Reġistru permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).

2.    Il-Kummissjoni għandha taħtar ir-Reġistru wara li titlesta l-proċedura msemmija fil-paragrafu 1.

3.    Il-Kummissjoni għandha tagħmel kuntratt mar-Reġistru maħtur. Il-kuntratt għandu jispeċifika r-regoli, il-politiki u l-proċeduri għall-forniment ta’ servizzi mir-Reġistru u l-kundizzjonijiet li skonthom il-Kummissjoni għandha tagħmel superviżjoni tal-organizzazzjoni, tal-amministrazzjoni u tal-immaniġġar tat-TLD .eu mir-Reġistru. Il-kuntratt għandu jkun limitat fiż-żmien u jista’ jiġġedded u għandu jinkludi l-prinċipji u l-proċeduri dwar l-funzjonament tat-TLD .eu stabbiliti skont l-Artikolu 11.

4    B’deroga mill-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2, għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’ taħtar ir-Reġistru permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(3).

Artikolu 9

Il-karatteristiċi tar-Reġistru

1.    Ir-Reġistru għandu jkollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu, l-amministrazzjoni ċentrali u l-post prinċipali tan-negozju fi ħdan it-territorju tal-Unjoni.

2.    Ir-Reġistru jista’ jimponi tariffi relatati direttament mal-ispejjeż imġarrba, sa fejn awtorizzat mill-kuntratt konkluż skont l-Artikolu 8(3).

Artikolu 10

L-obbligi tar-Reġistru

Ir-Reġistru għandu:

(a) josserva r-regoli, il-politiki u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament u l-kuntratti msemmija fl-Artikolu 8(3);

(b) jorganizza, jamministra u jimmaniġġa t-TLD .eu fl-interess ġenerali u abbażi tal-prinċipji tal-kwalità, l-effiċjenza, l-affidabbiltà, it-trasparenza, l-aċċessibbiltà u n-nondiskriminazzjoni u billi jiżgura kundizzjonijiet ġusti tal-kompetizzjoni;

(c) jagħmel kuntratt xieraq li jipprovdi għad-delega tal-kodiċi tat-TLD .eu, soġġett għall-kunsens bil-quddiem tal-Kummissjoni;

(d) iwettaq ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju fit-TLD .eu, meta mitlub minn xi parti eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 3;

(e) jiżgura, mingħajr preġudizzju għal xi proċedimenti tal-qorti u soġġett għal garanziji proċedurali adegwati għall-partijiet konċernati, il-possibbiltà għar-Reġistraturi u għar-reġistranti li jressqu tilwima kuntrattwali mar-Reġistru quddiem korp tar-Riżoluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR);

(f) jiżgura d-disponibbiltà u l-awtentiċità tal-bażijiet tad-dejta tal-ismijiet tad-dominju;

(g) bil-kunsens tal-Kummissjoni, jagħmel ftehim, u jġarrab l-ispejjeż tiegħu hu stess, ma’ fiduċjarju b’reputazzjoni tajba jew ma’ aġent terz ieħor stabbilit fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, li jaħtar lill-Kummissjoni bħala l-benefiċjarja tal-ftehim li jkun qed jinżamm mill-fiduċjarju jew mill-aġent terz rispettivi, u li kull jum jibgħat kopja elettronika tal-kontenut attwali tal-bażi tad-dejta tat-TLD .eu lill-aġent terz;

(h) jimplimenta l-listi msemmija fl-Artikolu 6 (3);

(i) jippromwovi l-għanijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-governanza tal-Internet;

(j) jippubblika l-prinċipji u l-proċeduri dwar l-funzjonament tat-TLD .eu stabbiliti skont l-Artikolu 11 bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni;

(k) iwettaq awditjar minn korp indipendenti, u jġarrab l-ispejjeż tiegħu hu stess, mill-inqas kull sentejn biex jiċċertifika l-konformità ma’ dan ir-Regolament u jibgħat l-eżitu lill-Kummissjoni;

(l) jipparteċipa, meta titolbu l-Kummissjoni, fil-ħidma tal-Kunsill Multiparteċipattiv ta’ .eu u jikkopera mal-Kummissjoni biex jitjiebu l-funzjonament u l-immaniġġar tat-TLD .eu.

Artikolu 11

Il-prinċipji u l-proċeduri dwar il-funzjonament tat-TLD .eu

Il-kuntratt konkluż bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru maħtur skont l-Artikolu 8(3) għandu jinkludi l-prinċipji u l-proċeduri dwar il-funzjonament tat-TLD .eu, b’konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluż dawn li ġejjin:

(a) il-politika tal-ADR;

(b) ir-rekwiżiti u l-proċeduri għat-talbiet tar-reġistrazzjoni, politika dwar il-verifika tar-reġistranti tad-dejta u r-reġistrazzjoni spekulattiva tal-ismijiet tad-dominju;

(c) politika dwar ir-reġistrazzjonijiet abbużivi tal-ismijiet tad-dominju;

(d) politika dwar it-tħassir tal-ismijiet tad-dominju;

(e) it-trattament tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(f) miżuri bil-għan li l-awtoritajiet kompetenti jkun jista’ jkollhom aċċess għad-dejta fir-Reġistru għal skopijiet ta’ prevenzjoni, kxif, investigazzjoni u prosekuzzjoni tal-atti kriminali, kif previst bil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali;

(g) il-proċeduri dettaljati għall-emendar tal-kuntratt.

Artikolu 12

Il-bażi tad-dejta WHOIS

1.    Ir-Reġistru għandu jistabbilixxi u jimmaniġġa l-faċilità tal-bażi tad-dejta WHOIS bl-iskop li tingħata informazzjoni preċiża u aġġornata dwar ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju taħt it-TLD .eu.

2.    Il-bażi tad-dejta WHOIS għandu jkun fiha informazzjoni rilevanti, li ma tkunx eċċessiva b’rabta mal-iskop tal-bażi tad-dejta, dwar il-punti ta’ kuntatt li jamministraw l-ismijiet tad-dominju taħt it-TLD .eu u d-detenturi tal-ismijiet tad-dominju. Meta d-detentur ta’ isem tad-dominju jkun persuna fiżika, l-informazzjoni li trid issir disponibbli pubblikament għandha tkun soġġetta għall-kunsens tad-detentur tal-isem tad-dominju fis-sens tar-Regolament 2016/679.

Taqsima 3

IS-SORVELJANZA TAR-REĠISTRU

Artikolu 13

Is-superviżjoni

1.    Il-Kummissjoni se tagħmel monitoraġġ u superviżjoni tal-organizzazzjoni, tal-amministrazzjoni u tal-immaniġġar tat-TLD .eu mir-Reġistru.

2.    Il-Kummissjoni għandha taċċerta s-sodezza tal-ġestjoni finanzjarja, il-konformità mar-Regolament u mal-prinċipji u l-proċeduri dwar il-funzjonament tat-TLD .eu msemmija fl-Artikolu 11 mir-Reġistru, u tista’ titlob ċerta informazzjoni għal dak il-għan.

3.    Skont l-attivitajiet superviżorji tagħha, il-Kummissjoni tista’ tagħti struzzjonijiet speċifiċi lir-Reġistru biex jikkoreġi u/jew itejjeb l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġar tat-TLD .eu.

4.    Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta, kif xieraq, mal-partijiet konċernati u titlob pariri esperti dwar ir-riżultati tal-attivitajiet superviżorji previsti f’dan l-Artikolu u dwar modi biex jitjiebu l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġar tat-TLD .eu.

Artikolu 14

Il-Kunsill Multiparteċipattiv ta’ .eu

1.    Il-Kunsill Multiparteċipattiv ta’ .eu għandu jiġi stabbilit biex jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.    Il-Kunsill Multiparteċipattiv ta’ .eu għandu jkun kompost minn rappreżentanti mis-settur privat, mill-komunità teknika, mill-Istati Membri u minn organizzazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili u l-akkademja u maħtura mill-Kummissjoni bi proċedura miftuħa u trasparenti.

3.    Il-Kunsill Multiparteċipattiv ta’ .eu għandu jkollu dawn il-kompiti li ġejjin:

(a) jassisti u jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(b) jagħti opinjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ immaniġġar, organizzazzjoni u amministrazzjoni tat-TLD .eu;

(c) jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta’ monitoraġġ u superviżjoni tar-Reġistru;

KAPITOLU III

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 15

Ir-riżervazzjoni tad-drittijiet

L-Unjoni żżomm id-drittijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mat-TLD .eu, inkluż b’mod partikolari, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u drittijiet oħra tal-bażijiet tad-dejta tar-Reġistru li huma meħtieġa biex tkun żgurata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u d-dritt li taħtar mill-ġdid ir-Reġistru.

Artikolu 16

Evalwazzjoni u reviżjoni

1.    Sa mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u mbagħad kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni, l-effettività u l-funzjonament tat-TLD .eu.

2.    Il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sejbiet tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 17

Il-proċedura ta’ kumitat

1.    Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.    Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.    Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 18

Id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.    Id-detenturi ta’ isem tad-dominju li għandhom ismijiet tad-dominju rreġistrati skont il-punt (b) tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 733/2002 għandhom iżommu d-drittijiet fuq l-ismijiet tad-dominju eżistenti rreġistrati taħt it-TLD .eu.

2.    Sa mhux aktar tard minn [date – no later than two years after the entry into force], il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex taħtar lir-Reġistru u tagħmel kuntratt miegħu skont dan ir-Regolament. Il-kuntratt għandu jkollu effett minn [date – of the application of present regulation: no later than three years after the entry into force].

3.    Il-kuntratt konkluż bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru skont il-punt (c) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 733/2002 għandu jibqa’ jkollu effett sa [date – minus 1 day of the date of application of present regulation: no later than three years after the entry into force].

Artikolu 19

It-tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 għandhom jitħassru b’effett minn [date – of the application of present regulation: no later than three years after the entry into force].

Artikolu 20

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika minn [date – no later than three years after the entry into force].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Fis-Sistema tal-Ismijiet tad-Dominju (DNS), id-“delega” ta’ isem tad-dominju sseħħ meta d-Dominju tal-Ogħla Livell rilevanti (f’dan il-każ, .eu) jiġi ppubblikat fil-bażi tad-dejta taż-żona radika mill-ICANN. Bil-pubblikazzjoni fil-bażi tad-dejta taż-żona radika, il-kodiċi (eż. .eu) ikun jista’ jopera bħala dominju tal-ogħla livell bħala parti mis-Sistema tal-Ismijiet tad-Dominju.
(2)    Iż-żona radika hi ż-żona tal-ogħla livell tas-Sistema tal-Ismijiet tad-Dominju fl-ispazju tal-isem ġerarkiku tas-Sistema tal-Ismijiet tad-Dominju (DNS) tal-Internet.
(3)    COM/2015/0192 final
(4)     https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/summary-report-public-consultation-evaluation-and-revision-eu-top-level-domain-regulations  
(5)    16200/14
(6)    COM/2014/072 final
(7)    Bl-Ismijiet tad-Dominju Internazzjonalizzati (IDNs) ikunu jistgħu jintużaw ismijiet tad-dominju b’alfabetti u lingwi lokali. L-IDNs jissawru b’karattri minn skritti differenti, bħalma huma l-Għarbi, iċ-Ċiniż, iċ-Ċirilliku jew id-Devanagari. Dawn huma kodifikati bl-istandard tal-Unicode u jintużaw kif jippermettu l-protokolli tal-IDN rilevanti. It-TLD .eu jappoġġa l-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE, inkluż il-Bulgaru u l-Grieg li jeħtieġu ismijiet tad-dominju bl-iskritt Grieg u Ċirilliku.
(8)     https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/summary-report-public-consultation-evaluation-and-revision-eu-top-level-domain-regulations  
(9)    ĠU C , , p. .
(10)    ĠU C , , p. .
(11)    Ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-Qasam tal-Ogħla Livell .EU (ĠU L 113, 30.4.2002, p. 1).
(12)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 tat-28 ta’ April 2004 li jippreskrivi r-regoli tal-politika pubblika li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-funzjonijiet tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni (ĠU L 162, 30.4.2004, p. 40).